|
ISSN 1977-074X |
||
|
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 462 |
|
|
||
|
Edizzjoni bil-Malti |
Leġiżlazzjoni |
Volum 64 |
|
Werrej |
|
I Atti leġiżlattivi |
Paġna |
|
|
|
DEĊIŻJONIJIET |
|
|
|
* |
Deċiżjoni (UE) 2021/2316 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2021 dwar Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (2022) ( 1 ) |
|
|
|
II Atti mhux leġiżlattivi |
|
|
|
|
REGOLAMENTI |
|
|
|
* |
||
|
|
* |
||
|
|
* |
||
|
|
|
DEĊIŻJONIJIET |
|
|
|
* |
|
|
|
|
|
(1) Test b'rilevanza għaż-ŻEE. |
|
MT |
L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat. It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom. |
I Atti leġiżlattivi
DEĊIŻJONIJIET
|
28.12.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 462/1 |
DEĊIŻJONI (UE) 2021/2316 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-22 ta’ Diċembru 2021
dwar Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (2022)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 165(4) u 166(4) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 165(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jiddikjara li l-azzjoni tal-Unjoni għandha tkun immirata, fost oħrajn, lejn l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa. |
|
(2) |
Fil-Pjan Direzzjonali ta’ Bratislava tas-16 ta’ Settembru 2016, is-27 Kap ta’ Stat jew Gvern ħadu impenn sabiex “jiġu pprovduti opportunitajiet aħjar għaż-żgħażagħ”, b’mod partikolari permezz ta’ appoġġ mill-Unjoni lill-Istati Membri biex jiġġieldu kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u ta’ programmi tal-Unjoni msaħħa ddedikati liż-żgħażagħ. |
|
(3) |
Fid-Dikjarazzjoni ta’ Ruma tal-25 ta’ Marzu 2017, il-mexxejja tas-27 Stat Membru u tal-Kunsill Ewropew, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni impenjaw ruħhom li jaħdmu lejn “Unjoni fejn iż-żgħażagħ jirċievu l-aqwa edukazzjoni u taħriġ u jistgħu jistudjaw u jsibu impjiegi mal-kontinent kollu”. |
|
(4) |
L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ għall-2019-2027, ibbażata fuq ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2018 (3), tirrikonoxxi li ż-żgħażagħ jistgħu jibnu l-ħajja li jixtiequ, jikkontribwixxu għal bidla pożittiva fis-soċjetà u jarrikkixxu l-ambizzjonijiet tal-UE. Tirrikonoxxi wkoll li l-politika dwar iż-żgħażagħ tista’ tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ spazju li fih iż-żgħażagħ jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet u jirrelataw mal-valuri tal-Unjoni. Is-Snin Ewropej preċedenti, bħas-Sena Ewropea tal-Ferroviji tal-2021, is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018, is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013-2014 u s-Sena Ewropea tal-Volontarjat tal-2011, joffru esperjenza siewja li jenħtieġ li tispira l-isforzi futuri sabiex iż-żgħażagħ jiġu involuti u jingħataw is-setgħa biex isawru l-futur tagħhom u tal-futur tal-Ewropa. |
|
(5) |
NextGenerationEU, stabbilita mir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), tiżgura l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tipprovdi l-possibbiltà li b’mod kollettiv toħroġ aktar b’saħħitha mill-pandemija tal-COVID-19: NextGenerationEU tiftaħ mill-ġdid perspettivi mimlijin opportunitajiet għaż-żgħażagħ, inklużi impjiegi ta’ kwalità u adattament għall-bidla soċjali. L-Unjoni għandha l-għan li ż-żgħażagħ ikunu kompletament involuti fil-varar ta’ NextGenerationEU, u b’hekk issaħħaħ ir-rwol tagħhom fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. |
|
(6) |
Il-President tal-Kummissjoni ħabbret fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-15 ta’ Settembru 2021 li l-Kummissjoni se tipproponi li tagħmel l-2022 is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (is-“Sena Ewropea”). Filwaqt li enfasizzat il-fiduċja li hija tislet għall-futur tal-Ewropa mill-ispirazzjoni pprovduta miż-żgħażagħ tal-Ewropa, il-President tal-Kummissjoni żiedet li “sabiex insawru l-Unjoni tagħna fis-sura tagħhom, iż-żgħażagħ jeħtiġilhom li jkunu jistgħu jsawru l-futur tal-Ewropa”. L-Ewropa teħtieġ il-viżjoni, l-involviment u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ kollha sabiex jibnu futur aħjar, u l-Ewropa jeħtieġ li tagħti liż-żgħażagħ opportunitajiet għall-futur, futur li huwa aktar ekoloġiku, aktar diġitali u aktar inklużiv. Din hija r-raġuni għaliex il-President ipproponiet “sena ddedikata għall-valorizzazzjoni taż-żgħażagħ li ssagrifikaw tant għall-oħrajn”. |
|
(7) |
Is-sena Ewropea jenħtieġ li tagħti bidu għal proċess ta’ riflessjoni dwar il-futur taż-żgħażagħ u l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-bini tal-futur tal-Ewropa. Għal dik ir-raġuni, il-politiki dwar iż-żgħażagħ jenħtieġ li jiġu integrati fil-politiki rilevanti kollha tal-Unjoni. |
|
(8) |
Il-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fil-proċessi demokratiċi hija kruċjali għall-preżent u l-futur tal-Ewropa u għas-soċjetajiet demokratiċi tagħha. Għalhekk f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta’ Diċembru 2020 dwar it-trawwim tal-kuxjenza demokratika u l-involviment demokratiku fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa (5) u tal-21 ta’ Ġunju 2021 dwar tisħiħ tal-governanza f’diversi livelli fil-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet (6), il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Diċembru 2020 dwar il-pjan ta’ azzjoni għad-demokrazija Ewropea u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Novembru 2015 dwar ir-riforma tal-liġi elettorali tal-Unjoni Ewropea (7),is-Sena Ewropea għandha l-għan li tagħti spinta l-involviment attiv taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika tal-Ewropa, inkluż billi tappoġġa attivitajiet ta’ parteċipazzjoni għaż-żgħażagħ minn diversi kuntesti fi proċessi bħall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, tippromwovi inizjattivi ta’ parteċipazzjoni ċivika u ta’ volontarjat, u b’hekk tqajjem kuxjenza dwar il-valuri tal-Unjoni u d-drittijiet fundamentali, u l-istorja u l-kultura Ewropej, it-tlaqqigħ flimkien taż-żgħażagħ u ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-Unjoni u tikkontribwixxi għall-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea. |
|
(9) |
Ir-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-25 ta’ Settembru 2015 bit-titlu “Nittrasformaw id-Dinja tagħna: Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli (“l-Aġenda 2030”) irrikonoxxiet ir-rwol essenzjali taż-żgħażagħ bħala atturi ta’ bidla fix-xena internazzjonali u ddikjarat li żgħażagħ jeħtieġ li jiġu appoġġati “sabiex il-kapaċitajiet infiniti tagħhom għall-attiviżmu jiġu direzzjonati lejn il-ħolqien ta’ dinja aħjar”. Is-Sena Ewropea hija kontribut konkret għall-Aġenda 2030, li tenfasizza li “t-tfal u t-tfajliet u l-ġuvintur huma aġenti kritiċi tal-bidla”, u jenħtieġ li tingħata spinta ulterjuri lill-implimentazzjoni ta’ dik l-Aġenda 2030, lit-triq lejn l-iżvilupp sostenibbli, u lill-kapaċità taż-żgħażagħ li jsawru l-present u l-futur, mhux biss tal-Unjoni, iżda wkoll tal-pajjiżi sħab tal-UE u tal-pjaneta tagħna kollha kemm hi. |
|
(10) |
F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2020 dwar iż-Żgħażagħ fl-azzjoni esterna, li jenfasizzaw il-kontribut tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ għall-bini ta’ soċjetajiet aktar b’saħħithom, aktar leġittimi, paċifiċi u demokratiċi, jenħtieġ li s-Sena Ewropea tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-azzjoni esterna tal-Unjoni fil-politiki kollha, għall-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda għall-edukazzjoni, it-tagħlim u l-iskambji, għall-iżvilupp ta’ sħubijiet u djalogu bejn iż-żgħażagħ mill-Unjoni u mill-pajjiżi sħab, inklużi s-Sħubija tal-Lvant, il-Balkani tal-Punent u l-Viċinat tan-Nofsinhar, għall-ikkapitalizzar fuq pjattaformi eżistenti għal djalogu maż-żgħażagħ u sħubiji bħaċ-Ċentru ta’ Kooperazzjoni taż-Żgħażagħ UA-UE u l-Bord ta’ Evalwazzjoni taż-Żgħażagħ tal-Unjoni u tkabbar ir-rwol tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-komunikazzjoni strateġika u fl-azzjoni ta’ diplomazija pubblika. |
|
(11) |
L-Għanijiet Ewropej dwar iż-Żgħażagħ, li huma parti integrali mill-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027, u li ġew żviluppati miż-żgħażagħ għall-benefiċċju ta’ żgħażagħ taħt il-proċess ta’ Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, huma xhieda tal-ħerqa ta’ ħafna żgħażagħ Ewropej sabiex jipparteċipaw fid-definizzjoni tad-direzzjoni li jenħtieġ li jieħu l-iżvilupp tal-Unjoni. |
|
(12) |
Jenħtieġ li s-Sena Ewropea tagħti spinta lill-implimentazzjoni b’suċċess tal-Prinċipju 1 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (8), li jenfasizza li kulħadd “għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklussivi”. F’dak ir-rigward, is-Sena Ewropea jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-progress sinifikanti lejn il-ksib, sal-2025, taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, li għandha l-għan li tistimola liż-żgħażagħ fil-milja personali, soċjali u professjonali tagħhom u trawwem l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza billi toħloq spazju Ewropew ġenwin ta’ apprendiment u tneħħi l-ostakoli għar-rikonoxximent reċiproku u awtomatiku ta’ lawrji, kwalifiki u perjodi ta’ tagħlim fl-Unjoni. Is-Sena Ewropea jenħtieġ li tqis is-sitwazzjoni soċjali u l-benesseri taż-żgħażagħ. Jenħtieġ lis-Sena Ewropea tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-Prinċipju 3 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jenfasizza li “kulħadd għandu d-dritt għal trattament u opportunitajiet indaqs fir-rigward tal-impjiegi, il-protezzjoni soċjali, l-edukazzjoni, u l-aċċess għal prodotti u servizzi disponibbli għall-pubbliku”. |
|
(13) |
Jenħtieġ li s-Sena Ewropea tappoġġa l-isforzi tal-Unjoni sabiex tespandi l-opportunitajiet ta’ impjieg għaż-żgħażagħ bħala parti mill-pjan ta’ rkupru ta’ wara l-pandemija COVID-19 kif iddikjarat fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ottubru 2020 dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ (9), li enfasizzat li l-miżuri ta’ lockdown ikkawżaw tfixkil f’daqqa fl-edukazzjoni formali u mhux formali, kif ukoll fit-tagħlim informali taż-żgħażagħ, fit-traineeships, fl-internships, fl-apprendistati, u fl-impjiegi, u li dawn affettwaw l-introjtu taż-żgħażagħ, il-potenzjal ta’ qligħ u l-benesseri tagħhom, inkluża s-saħħa tagħhom, u b’mod partikolari s-saħħa mentali tagħhom. Kemm f’dik ir-riżoluzzjoni u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar Ewropa soċjali b’saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti (10), il-Parlament Ewropew ikkundanna l-prattika ta’ internships mhux imħallsa meta mhux relatati mal-akkwist ta’ kwalifiki edukattivi bħala forma ta’ sfruttament ta’ ħaddiema żgħażagħ u ksur tad-drittijiet tagħhom. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 2020, il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni tipproponi qafas legali għal projbizzjoni effettiva u infurzabbli ta’ tali internships, traineeships u apprendistati mhux imħallsa. |
|
(14) |
Jenħtieġ li s-Sena Ewropea tagħti spinta ulterjuri lill-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ impjieg taż-żgħażagħ ta’ kwalità taħt l-inizjattiva ta’ Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ, inkluż permezz tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Ottubru 2020 dwar it-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ (11) u l-inizjattiva ġdida ALMA (Mira, Tagħlima, Ħakma, Kisba) proposta mill-Kummissjoni li għandha tiġi implimentata taħt il-Fond Soċjali Ewropew Plus stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). Jenħtieġ li ALMA tkun skema transfruntiera ta’ mobilità taż-żgħażagħ għal persuni żvantaġġati li mhumiex f’impjieg, f’edukazzjoni jew f’taħriġ. |
|
(15) |
Jenħtieġ li s-Sena Ewropea tikkontribwixxi għar-rikonoxximent tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u għall-objettivi tar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-1 ta’ Diċembru 2020 dwar il-Qafas għall-istabbiliment ta’ Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ (13) (l-‘Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ’) u l-proċess ta’ Bonn, u b’hekk tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-istrutturi tal-ħidma fost iż-żgħażagħ biex tagħmilhom sostenibbli u aktar reżiljenti fil-partijiet kollha tal-Unjoni, u l-kooperazzjoni transfruntiera. Jenħtieġ li s-Sena Ewropea tippromwovi wkoll il-validazzjoni tal-kompetenzi miksuba permezz tat-tagħlim mhux formali u informali, inkluż permezz tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, filwaqt li tirrikonoxxi l-valur għoli għat-tagħlim fil-ħidma fost iż-żgħażagħ flimkien mal-edukazzjoni formali u ħtieġa li tissaħħaħ is-sħubija bejn il-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-edukazzjoni formali. |
|
(16) |
Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Frar 2021 dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq iż-żgħażagħ u fuq l-isport (14), il-Parlament Ewropew issottolinja l-impatt partikolarment akut li kellha l-pandemija tal-COVID-19 fuq iż-żgħażagħ li ma humiex fl-edukazzjoni, fl-impjieg, jew fit-taħriġ u enfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-problemi li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ minn gruppi vulnerabbli, inklużi żgħażagħ b’diżabilità. Innota wkoll li l-qgħad u l-faqar fost iż-żgħażagħ żdiedu b’mod kostanti minn meta faqqgħet il-COVID-19 u ħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiġġieldu l-effetti diżastrużi fuq l-impjieg taż-żgħażagħ. Huwa fakkar ukoll ir-rwol tal-volontarjat fl-iżvilupp tal-ħiliet tal-ħajja u tax-xogħol għaż-żgħażagħ u qies li l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/888 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), jista’ jgħin liż-żgħażagħ jespandu l-opportunitajiet tagħhom lil hinn mir-realtajiet lokali tagħhom. |
|
(17) |
Il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt soċjali u ekonomiku profond fuq is-soċjetà tagħna kollha kemm hi u wasslet għal żieda bla preċedent ta’ problemi tas-saħħa mentali, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ. Għalhekk, jenħtieġ li s-Sena Ewropea tippromwovi d-diskussjoni u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet sostenibbli, inklużi miżuri preventivi, biex jgħinu biex jiġu indirizzati dawk l-isfidi. |
|
(18) |
Jenħtieġ li s-Sena Ewropea tappoġġa l-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ u tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar iż-Żgħażagħ u l-Futur tax-Xogħol (16), tal-10 ta’ Diċembru 2019 dwar il-ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ (17) u tas-7 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ħidma intelliġenti fost iż-żgħażagħ (18). |
|
(19) |
Filwaqt li tirrifletti l-importanza li jiġu indirizzati l-kriżijiet klimatiċi u tan-natura f’konformità mal-impenji tal-Unjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Pariġi adottat fil-qafas tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (19) (il-“Ftehim ta’ Pariġi”), u sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp, jenħtieġ li s-Sena Ewropea tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-azzjonijiet relatati mal-klima u man-natura u għall-implimentazzjoni tal-objettivi stabbiliti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 bit-titlu “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” b’mod ġust u inklużiv, tal-missjonijiet ta’ Orizzont Ewropa, kif stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), u tal-pakkett Lesti għall-mira ta’ 55 %, kif stabbilit fil-Kuminikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Lulju 2021 bit-titlu “Lesti għall-mira ta’ 55 %": nilħqu l-Mira Klimatika tal-UE għall-2030 fi triqitna lejn in-newtralità klimatika”, b’mod partikolari billi ż-żgħażagħ jiġu mħeġġa jfasslu inizjattivi proprji u ideat kreattivi dwar il-kisba tal-miri rilevanti, biex b’hekk tirrikonoxxi l-potenzjal u l-kapaċitajiet kreattivi u innovattivi taż-żgħażagħ. |
|
(20) |
Jenħtieġ li s-Sena Ewropea tagħti spinta ulterjuri lir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Settembru 2020 dwar miżuri effikaċi biex Erasmus+, Ewropa Kreattiva u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà (21) jsiru aktar “ħodor”, li ssottolinja li Erasmus+, permezz tal-appoġġ tiegħu għall-edukazzjoni, it-tagħlim u t-taħriġ formali u mhux formali u għall-attivitajiet ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, huwa kruċjali għas-sensibilizzazzjoni fost l-Ewropej, b’mod partikolari l-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, sabiex jitħeġġew jieħdu pożizzjoni attiva u informata dwar is-sostenibbiltà u l-politiki rilevanti u sabiex isiru ċittadini futuri involuti u konxji; Il-Parlament Ewropew enfasizza wkoll, f’dik ir-riżoluzzjoni, ir-rwol ewlieni li għandhom iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’dak ir-rigward fil-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u fl-implimentazzjoni ta’ proġetti li jżidu l-għarfien tal-ġenerazzjonijiet iżgħar dwar is-sostenibbiltà. |
|
(21) |
Jenħtieġ li s-sena Ewropea tfittex u tibni fuq sinerġiji ma’ avvenimenti u inizjattivi Ewropej, bħall-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ, il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ, il-Kapitali Ewropea taż-Żgħażagħ, il-Kapitali Ewropea tal-Kultura, Jum l-Ewropa u l-Jiem tal-Patrimonju Ewropew u l-kampanja tal-Kunsill tal-Ewropa “Żgħażagħ għad-Demokrazija, Demokrazija għaż-Żgħażagħ”. |
|
(22) |
Fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President tal-Kummissjoni enfasizzat li “l-Ewropa għandha bżonn iż-żgħażagħ kollha tagħha”. Fl-ilħuq tal-objettivi tagħha, jenħtieġ li s-Sena Ewropea tkun kompletament inklużiva u jenħtieġ li tippromwovi b’mod attiv il-parteċipazzjoni ta’ żgħażagħ minn kuntesti diversi u żgħażagħ b’anqas opportunitajiet u żgħażagħ mir-reġjuni ultraperiferiċi, f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1877 (22). |
|
(23) |
Huwa importanti li s-Sena Ewropea tikkontribwixxi biex jiżdiedu l-interess u l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika u fil-proċessi elettorali, b’mod partikolari fil-livell tal-Unjoni. Skont l-Ewrobarometru ta’ Wara l-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2019, matul l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019, l-għadd ta’ votanti fost iż-żgħażagħ kien ħafna ogħla (42 %) meta mqabbel ma’ dak matul l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2014 (28 %). Jenħtieġ li l-parteċipazzjoni fost iż-żgħażagħ tiġi mħeġġa aktar. |
|
(24) |
Is-Sena Ewropea hija ankrata bis-sħiħ fil-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”). B’mod partikolari, is-Sena Ewropea tfittex fl-azzjonijiet u fl-attivitajiet tagħha, li tiżgura b’mod sħiħ l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, u li tippromwovi l-applikazzjoni tal-Karta. L-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal, stabbilita fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Marzu 2021 bit-titlu “Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal” u l-Garanzija Ewropea għat-Tfal, stabbilita mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1004 (23), jistabbilixxu standard ġdid għar-rappreżentanza tat-tfal u tal-adoloxxenti u jirrikonoxxu lit-tfal u liż-żgħażagħ bħala ċittadini attivi u aġenti tal-bidla. |
|
(25) |
Sabiex ikun żgurat li s-Sena Ewropea tiġi implimentata b’mod effiċjenti u effettiv, jenħtieġ li tagħmel użu massimu mill-mekkaniżmi eżekuttivi li diġà jinsabu fis-seħħ. Sabiex jiġi ottimizzat il-valur miżjud tas-Sena Ewropea u jinħoloq impatt pożittiv addizzjonali fuq iż-żgħażagħ, jenħtieġ li jiġu mfittxija u żviluppati sinerġiji u komplementarjetà, b’mod partikolari, bejn is-Sena Ewropea u l-programmi tal-Unjoni, inklużi programmi b’ħidma internazzjonali, biex jintlaħqu n-nies iffokata speċifikament fuq iż-żgħażagħ u programmi mingħajr karattru transnazzjonali jew internazzjonali, b’mod partikolari programmi relatati mal-edukazzjoni u mat-taħriġ, mal-isport, mal-kultura u mal-media, maż-żgħażagħ u s-saħħa tagħhom, inkluża s-saħħa mentali, kif ukollmas-solidarjetà, mal-impjiegi volontarji u mal-inklużjoni soċjali, mar-riċerka u mal-innovazzjoni, mal-industrija u mal-intrapriża, mal-politika diġitali, mal-agrikoltura u mal-iżvilupp rurali, fejn dawk il-programmi jiffokaw fuq bdiewa żgħażagħ, mal-ambjent u mal-klima, mal-politika ta’ koeżjoni, mal-migrazzjoni, mas-sigurtà u mal-kooperazzjoni u l-iżvilupp internazzjonali. Jenħtieġ li s-sinerġiji u l-komplementarjetà jiġu mfittxija wkoll bejn is-Sena Ewropea u l-attivitajiet imwettqa mill-Istati Membri. Is-sinerġiji u l-komplementarjetà jenħtieġ li jibnu fuq tali programmi u attivitajiet tal-Unjoni mwettqa mill-Istati Membri. |
|
(26) |
Permezz tal-ħolqien ta’ ambjent għall-promozzjoni simultanja tal-objettivi tas-Sena Ewropea fil-livelli tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali, jistgħu jinkisbu sinerġija akbar u użu aħjar tar-riżorsi. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni f’waqtha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Istati Membri, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-korpi u lill-assoċjazzjonijiet attivi fl-oqsma relatati maż-żgħażagħ fil-livell tal-Unjoni u tikkoopera mill-qrib magħhom. Bl-għan li jiġi żgurat li l-attivitajiet żviluppati għas-Sena Ewropea jkollhom dimensjoni Ewropea, huwa importanti li l-Istati Membri jiġu mħeġġin jikkollaboraw ma’ xulxin. |
|
(27) |
Il-koordinazzjoni tas-Sena Ewropea fil-livell tal-Unjoni jenħtieġ li tippermetti l-kokreazzjoni. Il-Kummissjoni jenħtieġ li torganizza laqgħat, b’mod konġunt jew separatament, mal-partijiet ikkonċernati u mar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet jew tal-korpi fil-qasam taż-żgħażagħ, u mal-koordinaturi nazzjonali, sabiex tgħin fil-kokreazzjoni u fl-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea fil-livell tal-Unjoni. Il-Koordinatur tal-UE għaż-Żgħażagħ jenħtieġ li jkollu rwol ewlieni f’dawk il-laqgħat u fil-komunikazzjoni mad-diversi partijiet ikkonċernati u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet jew korpi fil-qasam taż-żgħażagħ. |
|
(28) |
Jenħtieġ li s-Sena Ewropea tiffoka wkoll fuq azzjonijiet u fuq attivitajiet li jippreżentaw valur miżjud Ewropew potenzjali. Il-kunċett ta’ valur miżjud Ewropew għandu jinftiehem b’mod wiesa’ u jintwera b’modi differenti, bħal fejn l-azzjonijiet jew l-attivitajiet ikollhom karattru transnazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-kooperazzjoni mmirata lejn il-kisba ta’ impatt sistemiku sostenibbli jew jikkontribwixxu għall-identità Ewropea, għas-sensibilizzazzjoni u għat-tħaddin tal-valuri u tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni fost iż-żgħażagħ, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u għall-kapaċità tagħhom li jieħdu sehem fid-demokrazija rappreżentattiva u parteċipattiva tal-Unjoni. |
|
(29) |
Is-Sena Ewropea jenħtieġ li tippromwovi t-tixrid ta’ prattika tajba, it-twettiq ta’ studji u riċerka u l-ġbir ta’ data, l-istatistika u informazzjoni kwalitattiva jew kwantitattiva oħra dwar is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fl-Unjoni, inkluż dwar l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19, permezz tal-użu ta’ sorsi bħall-Wiki taż-Żgħażagħ, ir-Rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ u l-Indiċi tal-Progress taż-Żgħażagħ. |
|
(30) |
Fil-livell tal-Unjoni, jenħtieġ li l-allokazzjoni finanzjarja neċessarja għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni tiġi identifikata fi ħdan il-qafas finanzjarju pluriennali 2021–2027. Il-baġit operazzjonali minimu għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ EUR 8 miljun. Jenħtieġ li l-appoġġ finanzjarju addizzjonali għas-Sena Ewropea jiġi pprovdut mill-programmi u l-istrumenti rilevanti tal-Unjoni, soġġett għad-disponibbiltà ta’ finanzjament, u f’konformità mar-regoli applikabbli. Il-finanzjament tas-Sena Ewropea jenħtieġ li ma jkunx ta’ detriment għall-finanzjament ta’ proġetti fil-programmi attwali tal-Unjoni u jenħtieġ li jkollu l-għan li jiżgura legat dejjiemi għas-Sena Ewropea lil hinn mill-2022. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità baġitarja u f’konformità mal-Artikolu 314 TFUE, il-finanzjament għal dak il- legat jenħtieġ li jiġi identifikat fi ħdan il-qafas finanzjarju pluriennali 2021–2027. |
|
(31) |
Minħabba li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti ta’ din l-azzjoni proposta, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet. |
|
(32) |
Fid-dawl tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq iż-żgħażagħ u, konsegwentement, tal-ħtieġa urġenti għall-objettiv tas-Sena Ewropea li jiġu onorati, appoġġati u involuti ż-żgħażagħ f’perspettiva ta’ wara l-COVID-19, huwa meqjus bħala xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-TFUE u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. |
|
(33) |
Wara l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19, hija meħtieġa applikazzjoni f’waqtha ta’ din id-Deċiżjoni sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni rapida tas-Sena Ewropea. Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ b’mod urġenti fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jenħtieġ li tapplika mill-1 ta’ Jannar 2022, |
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Suġġett
Is-sena 2022 għandha tkun deżinjata bħala “Is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022” (“Is-Sena Ewropea”).
Artikolu 2
Objettivi
F’konformità mal-objettivi tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 u tal-Għanijiet Ewropej dwar iż-Żgħażagħ, kif definit fl-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żagħżagħ 2019-2027 u fl-Anness 3 tagħha, li għandhom approċċ transsettorjali li għandu l-għan li jiżgura li jitqiesu kif xieraq l-interessi u l-ħtiġijiet taż-żgħażagħ fl-azzjoni politika fil-livelli kollha, l-objettiv ġenerali tas-Sena Ewropea għandu jkun li tingħata spinta lill-isforzi tal-Unjoni, tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, flimkien mal-atturi tas-soċjetà ċivili, li jagħtu s-setgħa, jonoraw, jappoġġaw u jinvolvu liż-żgħażagħ, inklużi dawk b’inqas opportunitajiet, f’ perspettiva ta’ wara l-pandemija tal-COVID-19 bl-għan li jinkiseb impatt pożittiv fuq terminu twil għaż-żgħażagħ. B’mod partikolari, is-Sena Ewropea għandu jkollha l-għan li:
|
(a) |
iġġedded il-perspettiva pożittiva għaż-żgħażagħ, b’enfasi partikolari fuq l-effetti negattivi li kellha fuqhom il-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li tisħaq fuq kif it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u politiki oħrajn tal-Unjoni joffru opportunitajiet għaż-żgħażagħ u għas-soċjetà b’mod ġenerali, billi tieħu ispirazzjoni mill-azzjonijiet, mill-viżjoni u mill-għarfien taż-żgħażagħ sabiex ikompli jissaħħaħ u tingħata spinta lill-proġett komuni Ewropej u sabiex jingħata widen liż-żgħażagħ, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet u t-tħassib tagħhom, u tappoġġ liż-żagħżagħ fl-iżvilupp ta’ opportunitajiet u riżultati konkreti u inklużivi, filwaqt li jsir użu ottimali mill-istrumenti tal-Unjoni; |
|
(b) |
tagħti s-setgħa u tappoġġa liż-żgħażagħ, inkluż permezz ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ,speċjalment iż-żgħażagħ b’anqas opportunitajiet, żgħażagħ minn kuntesti żvantaġġati u diversi, żgħażagħ li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli u emarġinati, żgħażagħ minn żoni rurali, remoti, periferiċi u anqas żviluppati u żgħażagħ minn reġjuni ultraperiferiċi, sabiex jakkwistaw għarfien u kompetenzi rilevanti u b’hekk isiru ċittadini attivi u involuti kif ukoll atturi tal-bidla, ispirati minn sens Ewropew ta’ appartenenza, inklużi sforzi addizzjonali fil-bini tal-kapaċitajiet għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u għall-parteċipazzjoni ċivika fost iż-żgħażagħ u fost il-partijiet ikkonċernati kollha, li jaħdmu sabiex jirrappreżentaw l-interessi tagħhom u tinvolvi l-kontribut taż-żgħażagħ minn diversi kuntesti fi proċessi ewlenin ta’ konsultazzjoni, bħall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u l-proċess tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, |
|
(c) |
tappoġġa liż-żgħażagħ biex jiksbu fehim aħjar tad-diversi opportunitajiet disponibbli għalihom mill-politiki pubbliċi fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali, u tippromwovihom b’mod attiv, sabiex tappoġġa l-iżvilupp personali, soċjali, ekonomiku u professjonali tagħhom f’dinja ekoloġika, diġitali u inklużiva, filwaqt li timmira li tneħħi l-ostakli li jkun fadal biex iseħħ dan; |
|
(d) |
tintegra l-politika dwar iż-żgħażagħ fl-oqsma ta’ politika rilevanti kollha tal-Unjoni f’konformità mal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 biex tħeġġeġ l-introduzzjoni tal-perspettiva taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika fil-livelli kollha. |
Artikolu 3
Tipi ta’ miżuri
1. Il-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 2 għandhom jinkludu l-attivitajiet li ġejjin fil-livell Ewropew, u abbażi tal-possibilitajiet eżistenti, fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali u, fejn rilevanti, fil-pajjiżi sħab, marbutin mal-objettivi tas-Sena Ewropea:
|
(a) |
il-konferenzi, l-avvenimenti, kemm kulturali kif ukoll oħrajn, u l-inizjattivi politiċi immirati lejn iż-żgħażagħ għall-promozzjoni ta’ dibattitu inklużiv u aċċessibbli dwar l-isfidi, inkluż l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ, inklużi dawk b’anqas opportunitajiet u li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli, bħas-sitwazzjoni soċjali tagħhom, l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u dwar l-azzjoni li jistgħu jieħdu l-partijiet ikkonċernati f’livelli differenti; |
|
(b) |
il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-użu tal-għodod, tal-kanali u tal-programmi eżistenti, ġodda u innovattivi li jippermettu liż-żgħażagħ kollha jilħqu lil dawk li jfasslu l-politika billi jidentifikaw, jiġbru u jaqsmu l-esperjenzi u l-prattika tajba u jissensibilizzaw lil dawk li jfasslu l-politika dwar dawk l-għodod, kanali u programmi; |
|
(c) |
il-ġbir ta’ ideat bl-użu ta’ metodi parteċipattivi, fi sforz ta’ kokreazzjoni u l-implimentazzjoni konġunta tas-Sena Ewropea; |
|
(d) |
kampanji ta’ informazzjoni, ta’ edukazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni sabiex iwasslu valuri bħar-rispett, l-ugwaljanza, il-ġustizzja, is-solidarjetà, il-volontarjat, sens ta’ appartenenza u ta’ sikurezza, sensazzjoni li ż-żgħażagħ qed jinstemgħu u jiġu rrispettati, sabiex jiġu stimolati jikkontribwixxu b’mod attiv għall-bini ta’ soċjetà li tkun aktar inklużiva, ekoloġika u diġitali; |
|
(e) |
il-ħolqien ta’ spazji u għodod għal skambji dwar it-tisrif tal-isfidi f’opportunitajiet u l-ideat f’azzjonijiet fi spirtu intraprenditorjali, filwaqt li titrawwem il-kreattività, il-komunità u l-kooperazzjoni; |
|
(f) |
it-twettiq ta’ studji u ta’ riċerka dwar is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fl-Unjoni, billi tingħata attenzjoni partikolari lill-effetti tal-pandemija tal-COVID-19, billi tiġi prodotta u użata statistika armonizzata Ewropea u data rilevanti oħra fil-livell tal-Unjoni, u billi jiġu promossi u mxerrda dawk ir-riżultati fil-livell Ewropew, nazzjonali jew reġjonali; |
|
(g) |
il-promozzjoni ta’ programmi, ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament, ta’ proġetti, ta’ azzjonijiet u ta’ networks ta’ rilevanza għaż-żgħażagħ, inkluż permezz tal-media soċjali u tal-komunitajiet online; |
2. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jidentifikaw attivitajiet oħrajn li jistgħu jikkontribwixxu għall-objettivi tas-Sena Ewropea u jippermettu li r-referenzi għas-Sena Ewropea jintużaw bħala tikketta fil-promozzjoni ta’ dawk l-attivitajiet sakemm dawn jikkontribwixxu għall-kisba ta’ dawk l-objettivi. L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni u l-Istati Membri jistgħu jidentifikaw ukoll tali attivitajiet oħrajn u jissuġġeruhom lill-Kummissjoni.
Artikolu 4
Koordinazzjoni fil-livell nazzjonali
L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-organizzazzjoni tal-parteċipazzjoni fis-Sena Ewropea fil-livell nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jaħtru koordinaturi nazzjonali għal dak l-għan. Il-koordinaturi nazzjonali għandhom jiżguraw il-koordinazzjoni fil-livell nazzjonali tal-attivitajiet rilevanti. Huma għandhom jiżguraw ukoll li ż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż, fejn jeżistu, il-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ, u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, ikunu involuti u b’mod attiv jinvolvu ruħhom fil-kokreazzjoni, l-implimentazzjoni u r-reviżjoni tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet tas-Sena Ewropea fil-livell nazzjonali.
Artikolu 5
Koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni
1. Il-Kummissjoni għandha torganizza laqgħat tal-koordinaturi nazzjonali sabiex tikkoordina t-tmexxija tas-Sena Ewropea. Dawk il-laqgħat għandhom iservu wkoll bħala opportunità biex isir skambju tal-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea fil-livell tal-Unjoni u nazzjonali. Ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew jistgħu jipparteċipaw bħala osservaturi u jikkontribwixxu għal dawn il-laqgħat.
2. Il-koordinazzjoni tas-Sena Ewropea fil-livell tal-Unjoni għandu jkollha approċċ trasversali bil-ħsieb li jinħolqu sinerġiji bejn id-diversi programmi u inizjattivi tal-Unjoni ta’ rilevanza għaż-żgħażagħ u għandha titqies kif xieraq fil-livell nazzjonali.
3. Il-Kummissjoni għandha torganizza laqgħat tal-partijiet ikkonċernati u tar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet jew tal-korpi fil-qasam taż-żgħażagħ, inkluż il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ u organizzazzjonijiet oħrajn taż-żgħażagħ, sabiex tgħin fil-ħolqien konġunt u fl-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea fil-livell tal-Unjoni.
Artikolu 6
Kooperazzjoni fil-livell internazzjonali
Għall-fini tas-Sena Ewropea, fejn neċessarju, il-Kummissjoni għandha tikkoopera ma’ sħab internazzjonali u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, filwaqt li tiżgura l-viżibbiltà tal-parteċipazzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tiżgura l-kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa, inkluż permezz tas-Sħubija għaż-Żgħażagħ bejn l-UE u l-Kunsill tal-Ewropa u billi tistabbilixxi rabtiet b’saħħithom mal-kampanja tal-Kunsill tal-Ewropa ‘Żgħażagħ għad-Demokrazija, Demokrazija għaż-Żgħażagħ’ u ma’ networks u organizzazzjonijiet internazzjonali taż-żgħażagħ.
Artikolu 7
Monitoraġġ u evalwazzjoni
Sal-31 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni ġenerali tal-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni. Dak ir-rapport għandu jinkludi ideat għal sforzi komuni ulterjuri fil-qasam taż-żgħażagħ sabiex jinħoloq wirt dejjiemi għas-Sena Ewropea.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2022.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2021.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
D.M. SASSOLI
Għall-Kunsill
Il-President
A. LOGAR
(1) Opinjoni tat-8 ta’ Diċembru 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2021.
(3) ĠU C 456, 18.12.2018, p. 1.
(4) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).
(5) ĠU C 415, 1.12.2020, p. 16.
(6) ĠU C 241, 21.6.2021, p. 3.
(7) ĠU C 366, 27.10.2017, p. 7.
(8) ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10.
(9) ĠU C 395, 29.9.2021, p. 101.
(10) ĠU C 445, 29.10.2021, p. 75.
(11) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Ottubru 2020 dwar Pont għall-Impjiegi - It-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar l-istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (ĠU C 372, 4.11.2020, p. 1).
(12) Ir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21).
(13) ĠU C 415, 1.12.2020, p. 1.
(14) ĠU C 465, 17.11.2021, p. 82.
(15) Ir-Regolament (UE) 2021/888 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u li jħassar ir-Regolamenti (UE) 2018/1475 u (UE) Nru 375/2014 (ĠU L 202, 8.6.2021, p. 32).
(16) ĠU C 189, 5.6.2019, p. 28.
(17) ĠU C 414, 10.12.2019, p. 2.
(18) ĠU C 418, 7.12.2017, p. 2.
(19) ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.
(20) Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).
(21) ĠU C 385, 22.9.2021, p. 2.
(22) Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1877 tat-22 ta’ Ottubru 2021 dwar il-qafas ta’ miżuri ta’ inklużjoni tal-programmi Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà 2021-2027 (ĠU L 378, 26.10.2021, p. 15).
(23) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1004 tal-14 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal (ĠU L 223, 22.6.2021, p. 14).
II Atti mhux leġiżlattivi
REGOLAMENTI
|
28.12.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 462/10 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2021/2317
tal-11 ta’ Novembru 2021
dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook (1) (il-“Ftehim”) ġie konkluż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/418 (2) u daħal fis-seħħ fl-10 ta’ Mejju 2017. Il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim (il-“Protokoll attwali”) ġie applikat b’mod proviżorju mill-14 ta’ Ottubru 2016 (3). |
|
(2) |
Il-Protokoll attwali ġie estiż għal sena (4) u għandu jiskadi fit-13 ta’ Novembru 2021. |
|
(3) |
Fis-7 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-Gvern tal-Gżejjer Cook għall-konklużjoni ta’ Protokoll ġdid dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim (“il-Protokoll”). |
|
(4) |
B’riżultat ta’ dawk in-negozjati, ġie inizjalat il-Protokoll fit-28 ta’ Lulju 2021. |
|
(5) |
Fil-11 ta’ Novembru 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2021/2317 (5) rigward l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll. |
|
(6) |
Jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti fil-Protokoll jiġu allokati fost l-Istati Membri għall-perijodu kollu tal-applikazzjoni tiegħu. |
|
(7) |
Minħabba l-importanza ekonomika tal-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook u fid-dawl tal-ħtieġa li titnaqqas kemm jista’ jkun l-interruzzjoni ta’ dawk l-attivitajiet mal-iskadenza tal-Protokoll attwali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli. |
|
(8) |
Il-Protokoll se jibda japplika fuq bażi proviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu, sabiex ikunu jistgħu jitkomplew l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mill-istess data, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti fil-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook (il-“Protokoll”) għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri kif ġej:
Bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun:
|
— |
Spanja: tliet bastimenti |
|
— |
Franza: bastiment wieħed |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mis-17 ta’ Diċembru 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Novembru 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
Z. POČIVALŠEK
(1) ĠU L 131, 20.5.2016, p. 3.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/418 tat-28 ta’ Frar 2017 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu (ĠU L 64, 10.3.2017, p. 1).
(3) ĠU L 289, 25.10.2016, p. 1.
(4) ĠU L 395, 25.11.2020, p. 1.
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2317 tal-11 ta’ Novembru 2021 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook (ĠU L 463, 28.12.2021, p. 1).
|
28.12.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 462/12 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2318
tal-21 ta’ Diċembru 2021
li jistabbilixxi l-għeluq tas-sajd għall-aringa fl-ilmijiet Norveġiżi tat-Tramuntana ta’ 62° N u ż-żona tas-sajd madwar Jan Mayen għal bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 36(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/92 (2) jistabbilixxi l-kwoti għall-2021. |
|
(2) |
Skont l-informazzjoni li rċeviet il-Kummissjoni, il-qabdiet tal-istokk tal-aringa fl-ilmijiet Norveġiżi fit-Tramuntana ta’ 62° N u fiż-żona tas-sajd Jan Mayen mill-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew li huma rreġistrati fih, eżawrew il-kwota allokata għalihom għall-2021. |
|
(3) |
Għalhekk jenħtieġ li jiġu pprojbiti ċerti attivitajiet tas-sajd għal dak l-istokk, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Eżawriment tal-kwota
Il-kwota tas-sajd allokata lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għall-istokk tal-aringa fl-ilmijiet Norveġiżi fit-Tramuntana ta’ 62° N u fiż-żona tas-sajd Jan Mayen għall-2021 msemmija fl-Anness għandha titqies bħala eżawrita mid-data stabbilita f’dak l-Anness.
Artikolu 2
Projbizzjonijiet
L-attivitajiet tas-sajd għall-istokk imsemmi fl-Artikolu 1 mill-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew li huma rreġistrati fih, għandhom jiġu pprojbiti mid-data stabbilita fl-Anness. B’mod partikolari, għandu jiġi pprojbit li jinżamm abbord il-ħut minn dak l-istokk li jinqabad minn dawk il-bastimenti wara dik id-data, jew li dan il-ħut jiġi rrilokat, ittrażbordat jew li jinħatt l-art.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Diċembru 2021.
Għall-Kummissjoni
F’isem il-President
Virginijus SINKEVIČIUS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/92 tat-28 ta’ Jannar 2021 li jistabbilixxi għall-2021 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni (ĠU L 31, 29.1.2021, p. 31).
ANNESS
|
Nru |
20/TQ92 |
|
Stat Membru |
L-Unjoni Ewropea (Stati Membri Kollha) |
|
Stokk |
HER/*2AJMN |
|
Speċi |
Aringa (Clupea harengus) |
|
Żona |
L-ilmijiet Norveġiżi fit-Tramuntana ta’ 62° N u ż-żona ta’ sajd madwar Jan Mayen |
|
Data tal-għeluq |
It-30 ta’ Novembru 2021 f’00:00 UTC |
|
28.12.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 462/15 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2319
tal-21 ta’ Diċembru 2021
li japprova emendi tal-Unjoni għall-Ispeċifikazzjoni ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta jew ta’ Indikazzjoni Ġeografika Protetta (“Terre Tollesi”/“Tullum” (DOP))
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 tas-17 ta’ Ottubru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-emendi tal-Unjoni għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Terre Tollesi”/“Tullum”, imressqa mill-Italja f’konformità mal-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) flimkien mal-Artikolu 15 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33. |
|
(2) |
Il-Kummissjoni ppubblikat l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-emendi tal-Unjoni għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3), kif jirrikjedi l-Artikolu 97(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. |
|
(4) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-emendi tal-Unjoni għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jiġu approvati f’konformità mal-Artikolu 99 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 flimkien mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-emendi għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li tikkonċerna d-denominazzjoni “Terre Tollesi”/“Tullum” (DOP), huma b’dan approvati.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Diċembru 2021.
Għall-Kummissjoni
F’isem il-President,
Janusz WOJCIECHOWSKI
Membru tal-Kummissjoni
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).
DEĊIŻJONIJIET
|
28.12.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 462/17 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE, Euratom) 2021/2320
tat-22 ta’ Diċembru 2021
li temenda r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 240(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Meta att għandu jiġi adottat mill-Kunsill b’maġġoranza kwalifikata, għandu jiġi vverifikat li l-Istati Membri li jikkostitwixxu l-maġġoranza kwalifikata jirrappreżentaw mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni. |
|
(2) |
Dik il-perċentwali tiġi kkalkolata skont iċ-ċifri tal-popolazzjoni stipulati fl-Anness III għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (“ir-Regoli ta’ Proċedura”) (1). |
|
(3) |
L-Artikolu 11(6) tar-Regoli ta’ Proċedura jipprevedi li, b’effett mill-1 ta’ Jannar ta’ kull sena, il-Kunsill għandu jemenda ċ-ċifri stipulati f’dak l-Anness, f’konformità mad-data disponibbli għall-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ Settembru tas-sena ta’ qabel. |
|
(4) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regoli ta’ Proċedura jiġu emendati kif meħtieġ għas-sena 2022. |
|
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, l-Artikolu 240 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea japplika għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness III għar-Regoli ta’ Proċedura huwa sostitwit b’dan li ġej:
“ANNESS III
Ċifri li jirrigwardaw il-popolazzjoni tal-Unjoni u l-popolazzjoni ta’ kull Stat Membru għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill
|
Stat Membru |
Popolazzjoni |
Perċentwali tal-popolazzjoni tal-Unjoni (%) |
|
Ġermanja |
83 120 520 |
18,57 |
|
Franza |
67 439 614 |
15,07 |
|
Italja |
59 862 348 |
13,38 |
|
Spanja |
47 394 223 |
10,59 |
|
Polonja |
37 840 001 |
8,45 |
|
Rumanija |
19 186 201 |
4,29 |
|
Netherlands |
17 617 840 |
3,94 |
|
Belġju |
11 566 041 |
2,58 |
|
Greċja |
10 682 547 |
2,39 |
|
Ċekja |
10 574 153 |
2,36 |
|
Żvezja |
10 370 000 |
2,32 |
|
Portugall |
10 298 252 |
2,30 |
|
Ungerija |
9 730 772 |
2,17 |
|
Awstrija |
8 926 000 |
1,99 |
|
Bulgarija |
6 916 548 |
1,55 |
|
Danimarka |
5 833 883 |
1,30 |
|
Finlandja |
5 527 493 |
1,24 |
|
Slovakkja |
5 459 781 |
1,22 |
|
Irlanda |
5 006 324 |
1,12 |
|
Kroazja |
4 036 355 |
0,90 |
|
Litwanja |
2 795 680 |
0,62 |
|
Slovenja |
2 108 977 |
0,47 |
|
Latvja |
1 893 223 |
0,42 |
|
Estonja |
1 330 068 |
0,30 |
|
Ċipru |
896 000 |
0,20 |
|
Lussemburgu |
633 347 |
0,14 |
|
Malta |
516 100 |
0,12 ”. |
|
UE 27 |
447 562 291 |
|
|
Livell limitu (65 %) |
290 915 489 |
|
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2022.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
G. DOVŽAN
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).