ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 399

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 64
11 ta' Novembru 2021


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1956 tal-10 ta’ Novembru 2021 dwar l-istabbiliment u l-organizzazzjoni tan-Netwerk tal-Unjoni ta’ Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili (notifikata bid-dokument C(2021) 7939)  ( 1 )

1

 

 

III   Atti oħrajn

 

 

ŻONA EKONOMIKA EWROPEA

 

*

Deċiżjoni Delegata tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA Nru 2013/21/COL tas-16 ta’ Lulju 2021 fir-rigward tal-approvazzjoni tal-miżuri nazzjonali tan-Norveġja u l-Iżlanda mfassla biex jillimitaw l-impatt ta’ ċertu mard tal-annimali akkwatiċi f’konformità mal-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 58/16/COL-D [2021/1957]

8

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

11.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 399/1


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1956

tal-10 ta’ Novembru 2021

dwar l-istabbiliment u l-organizzazzjoni tan-Netwerk tal-Unjoni ta’ Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili

(notifikata bid-dokument C(2021) 7939)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 32(1), il-punt (h) tagħha,

Billi:

(1)

Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (“il-Mekkaniżmu tal-Unjoni”) stabbilit fid-Deċiżjoni 1313/2013/UE għandu l-għan li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u jiffaċilita l-koordinazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni ċivili sabiex itejjeb ir-rispons tal-Unjoni għad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE, jenħtieġ li jiġi stabbilit Netwerk tal-Unjoni ta’ Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili (“Netwerk ta’ Għarfien”) bil-għan li jaggrega, jipproċessa, u jxerred l-għarfien u l-informazzjoni rilevanti għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni billi jinkludi atturi rilevanti tal-protezzjoni ċivili u tal-ġestjoni tad-diżastri, ċentri ta’ eċċellenza, universitajiet u riċerkaturi u billi jsegwi approċċ ta’ perikli multipli.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 13(1) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE, il-Kummissjoni, permezz tan-Netwerk tal-Għarfien, tappoġġa l-koerenza tal-proċessi tal-ippjanar u tat-teħid tad-deċiżjonijiet billi tiffaċilita l-iskambju kontinwu tal-għarfien u tal-informazzjoni li jinvolvi l-oqsma kollha ta’ attività taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni. Meta tiffaċilita l-iskambju kontinwu ta’ għarfien u informazzjoni, il-Kummissjoni, permezz tan-Netwerk tal-Għarfien, għandha tħejji pjanijiet strateġiċi, li se jistabbilixxu l-orjentazzjoni strateġika tan-Netwerk tal-Għarfien għas-snin li ġejjin.

(4)

Sabiex jinħolqu sinerġiji ma’ gruppi u netwerks rilevanti oħra, in-Netwerk tal-Għarfien għandu jaħdem mill-qrib mal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 33(1) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE, kif ukoll mal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-protezzjoni ċivili u l-ġestjoni tad-diżastri rreġistrati fir-Reġistru tal-Kummissjoni tal-gruppi ta’ esperti u entitajiet simili oħra. In-Netwerk tal-Għarfien u ċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni għal Rispons ta’ Emerġenza (“ERCC”) għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw komplementarjetà u appoġġ reċiproku fl-attivitajiet rispettivi tagħhom.

(5)

In-Netwerk tal-Għarfien m’għandux jiddupplika iżda jagħmel użu mill-eżiti ta’ inizjattivi oħra tal-Kummissjoni rilevanti għall-ambitu tan-Netwerk.

(6)

Sabiex jiġi stabbilit formalment in-Netwerk tal-Għarfien, huwa meħtieġ li jiġu adottati regoli li jistabbilixxu l-istruttura organizzattiva u t-tħaddim tan-Netwerk tal-Għarfien.

(7)

L-istruttura organizzattiva tan-Netwerk tal-Għarfien għandha tkun magħmula minn korpi konsultattivi u segretarjat. Il-korpi konsultattivi tan-Netwerk tal-Għarfien huma l-bord u l-gruppi ta’ ħidma għal kull pilastru tan-Netwerk tal-Għarfien

(8)

Il-Bord għandu jaġixxi primarjament bħala l-forum strateġiku billi jipprovdi orjentazzjoni strateġika lill-Kummissjoni u jkollu funzjonijiet ta’ sorveljanza konsultattiva fuq in-Netwerk tal-Għarfien.

(9)

Bil-ħsieb li tiġi żgurata organizzazzjoni effettiva u effiċjenti tal-attività tan-Netwerk tal-Għarfien, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit segretarjat tan-Netwerk tal-Għarfien. Is-segretarjat jenħtieġ li jiġi pprovdut mill-Kummissjoni u jenħtieġ li b’mod partikolari jkun qed jimmaniġġja, jamministra u jikkoordina n-Netwerk tal-Għarfien. Il-funzjoni primarja tas-segretarjat hija li jiżgura l-koerenza, is-sinerġiji u l-fluss ta’ informazzjoni bla xkiel fi ħdan in-Netwerk tal-Għarfien, kif ukoll li jikkoordina l-attivitajiet tan-Netwerk tal-Għarfien f’konformità mal-ippjanar strateġiku.

(10)

In-Netwerk tal-Għarfien u l-attivitajiet tiegħu għandhom ikunu strutturati fuq żewġ pilastri ewlenin li għandhom jipprovdu qafas għal attivitajiet ewlenin tan-Netwerk tal-Għarfien u jrawmu skambji bbażati fuq in-netwerk fl-ambitu tagħhom: il-Pilastru tal-Iżvilupp tal-Kapaċità u l-pilastru tax-Xjenza. Il-Pilastru tal-Iżvilupp tal-Kapaċità għandu jkollu l-għan li jiġbor flimkien, jippromwovi u jsaħħaħ l-inizjattivi ta’ żvilupp tal-kapaċità ta’ rilevanza għall-partijiet ikkonċernati tal-protezzjoni ċivili u l-ġestjoni tad-diżastri, b’enfasi speċjali fuq il-Mekkaniżmu tal-Unjoni. Il-Pilastru tax-Xjenza għandu jkollu l-għan li jlaqqa’ flimkien l-akkademja, il-prattikanti, u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet għal kooperazzjoni multidixxiplinari, transsettorjali u transfruntiera biex japplikaw l-għarfien xjentifiku għall-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri, u b’mod partikolari, għall-attivitajiet ta’ prevenzjoni u tħejjija b’mod aktar effiċjenti.

(11)

Il-Pilastru tal-Iżvilupp tal-Kapaċità jenħtieġ li jiffoka fuq programmi u proġetti eżistenti magħrufa sew, bħall-Programm ta’ Taħriġ u Eżerċizzji tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni, l-Iskambju ta’ Esperti tal-Protezzjoni Ċivili, is-Sħubiji tan-Netwerk tal-Għarfien u l-Programm tal-Unjoni għall-Prevenzjoni u t-Tħejjija tal-Mekkaniżmu. Dawn il-programmi għandhom jiġu kkonsolidati permezz ta’ proċess gradwali u kontinwu, u kkumplimentati minn attivitajiet oħra ta’ żvilupp tal-kapaċità. Il-Pilastru tax-Xjenza jenħtieġ li jibni fuq u jintegra l-istrutturi u n-netwerks xjentifiċi eżistenti li jappoġġaw il-Mekkaniżmu tal-Unjoni, b’mod partikolari ċ-Ċentru ta’ Għarfien dwar il-Ġestjoni tar-Riskju ta’ Diżastri, ġestit miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll il-programmi rilevanti ta’ Orizzont Ewropa li qed jiffinanzjaw Azzjonijiet ta’ Riċerka u Innovazzjoni u inizjattivi ta’ netwerking relatati fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri.

(12)

Ir-regoli dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni minn membri tan-Netwerk ta’ Għarfien għandhom jikkonformaw mal-obbligi tas-segretezza professjonali.

(13)

Sabiex tkun trasparenti dwar l-attivitajiet imwettqa mill-korpi tan-Netwerk tal-Għarfien, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika d-dokumenti rilevanti tal-laqgħat fuq il-pjattaforma online imsemmija fl-Artikolu 13(1)(d) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE.

(14)

Id-data personali jenħtieġ li tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(15)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat li jissemma fl-Artikolu 33(1) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-istruttura organizzattiva u l-operat tan-Netwerk tal-Għarfien, it-twaqqif ta’ Bord, segretarjat, u gruppi ta’ ħidma tal-Pilastri, li jipprevedu l-kompożizzjoni u l-kompiti tagħhom, u jistabbilixxu regoli għall-operat tagħhom.

Artikolu 2

Network tal-Unjoni ta’ Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili

Jiġi stabbilit in-Netwerk tal-Unjoni ta’ Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili.

Għandu jkollha l-għan li jikseb l-objettivi u jwettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE.

Artikolu 3

Kompożizzjoni tan-Netwerk tal-Għarfien

L-istruttura organizzattiva tan-Netwerk tal-Għarfien għandha tkun magħmula mill-korpi konsultattivi li ġejjin:

(a)

il-Bord;

(b)

il-gruppi ta’ ħidma tal-Pilastri.

Artikolu 4

Il-Bord

Il-Bord għandu jagħti pariri lill-Kummissjoni fil-ġestjoni tan-Netwerk tal-Għarfien, filwaqt li jiżgura li l-għan ġenerali tan-Netwerk tal-Għarfien jintlaħaq flimkien mal-għanijiet ewlenin tiegħu, skont l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE.

Artikolu 5

Kompożizzjoni tal-Bord

1.   Il-Bord għandu jkun magħmul minn rappreżentant tal-Kummissjoni u rappreżentant ta’ kull wieħed mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinnominaw rappreżentant u viċi rappreżentant għall-Bord. Għandha tiġi promossa l-parteċipazzjoni bbilanċjata bejn is-sessi.

2.   Il-membri tal-Bord li jirrappreżentaw lill-Istati Membri għandhom jitqiesu bħala “membri tat-Tip D” skont it-tifsira tal-punt (d) tal-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 finali tat-30.5.2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u t-tħaddim tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.

Artikolu 6

Il-Kompiti tal-Bord

1.   Il-kompiti tal-Bord għandhom ikunu, b’mod partikolari:

(1)

jagħti pariri dwar l-orjentazzjoni strateġika tan-Netwerk tal-Għarfien stabbilit mill-Kummissjoni;

(2)

ir-reviżjoni, il-monitoraġġ u l-iżgurar tal-konformità mar-regoli ta’ proċedura, is-sħubija u l-politiki ta’ governanza tan-Netwerk tal-Għarfien;

(3)

l-approvazzjoni tar-rapport annwali tan-Netwerk tal-Għarfien;

(4)

rapportar tal-attivitajiet tiegħu lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 33(1) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ħidma tal-Bord titwettaq f’koordinazzjoni mill-qrib mal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 33(1) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE, kif ukoll mal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-protezzjoni ċivili u l-ġestjoni tad-diżastri rreġistrati fir-Reġistru tal-Kummissjoni tal-gruppi ta’ esperti u entitajiet simili oħra.

Artikolu 7

L-Operat tal-Bord

1.   Il-Bord għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni u kopresedut minn rappreżentant tal-Istat Membru li jkollu l-presidenza preċedenti b’rotazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien tal-laqgħa. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jsejjaħ laqgħa b’konsultazzjoni mal-Kopresident mill-inqas darba fis-sena. Il-laqgħat tal-Bord għandhom isiru personalment jew mill-bogħod.

2.   Il-President u l-Kopresident, assistiti mis-segretarjat, għandhom ifasslu l-aġenda u jqassmuha lill-membri tal-Bord. Il-membri tal-Bord jistgħu, fuq inizjattiva tagħhom stess, jissuġġerixxu punti li għandhom jiġu inklużi fl-aġenda sa mhux aktar tard mill-bidu tal-laqgħa. L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Bord fil-bidu ta’ kull laqgħa.

3.   Il-Bord għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura għall-gruppi ta’ esperti adottati mill-Kummissjoni (3).

4.   Il-Bord għandu jadotta rakkomandazzjonijiet u rapporti mhux vinkolanti b’kunsens. F’każ li ma jintlaħaqx kunsens, għandu jittieħed vot fuq rakkomandazzjonijiet jew rapporti mhux vinkolanti, għandha tkun meħtieġa maġġoranza sempliċi tal-membri preżenti.

Ir-rakkomandazzjonijiet u r-rapporti mhux vinkolanti adottati mill-Bord għandhom ikunu ta’ natura preparatorja sabiex jassistu l-ħidma tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 33(1) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE.

Artikolu 8

Rimborż tal-ispejjeż imġarrba mill-membri tal-Bord

1.   Il-membri tal-Bord m’għandhomx jitħallsu għas-servizzi tagħhom.

2.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni mġarrba mill-membri tal-Bord għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Bordijiet għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet (4) fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni.

3.   L-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu rimborżati sal-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

Artikolu 9

Il-Pilastri tan-Netwerk tal-Għarfien

1.   Il-pilastri tan-Netwerk tal-Għarfien għandhom ikunu l-fora fejn l-attivitajiet jinbdew, jiġu ppjanati, imfassla u implimentati bil-għan ġenerali li jikkontribwixxu għall-objettivi tan-Netwerk ta’ Għarfien skont l-Artikolu 13(1) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE.

2.   Il-Pilastru tal-Iżvilupp tal-Kapaċità għandu jkollu l-għan li jiġbor flimkien, jippromwovi u jsaħħaħ l-inizjattivi ta’ żvilupp tal-kapaċità ta’ rilevanza għall-partijiet ikkonċernati tal-protezzjoni ċivili u l-ġestjoni tad-diżastri, b’enfasi speċjali fuq il-Mekkaniżmu tal-Unjoni.

3.   Il-Pilastru tax-Xjenza għandu jkollu l-għan li jlaqqa’ flimkien l-akkademja, il-prattikanti, u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet għal kooperazzjoni transsettorjali u transfruntiera multidixxiplinari biex japplikaw l-għarfien xjentifiku għall-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri, u b’mod partikolari, għall-attivitajiet ta’ prevenzjoni u tħejjija b’mod aktar effiċjenti.

Artikolu 10

Sħubija u operazzjonijiet tal-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri

1.   Il-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri għandhom ikunu magħmula minn rappreżentant tal-Kummissjoni, rappreżentant ta’ kull wieħed mill-Istati Membri u kull wieħed mill-Istati Parteċipanti għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni.

2.   Il-membri tal-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri li jirrappreżentaw lill-Istati Membri għandhom jitqiesu bħala “Membri tat-Tip D” skont it-tifsira tal-punt (d) tal-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 finali tat-30.5.2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.

Il-membri tal-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri li jirrappreżentaw lill-Istati Parteċipanti fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni għandhom jitqiesu bħala “Membri tat-Tip E” skont it-tifsira tal-punt (e) tal-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 finali tat-30.5.2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u t-tħaddim tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.

3.   Il-gruppi ta’ ħidma jiġu ppreseduti minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

4.   L-operazzjonijiet tal-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri għandhom jiġu definiti mir-Regoli ta’ Proċedura tan-Netwerk tal-Għarfien adottati mill-Bord skont l-Artikolu 7.

5.   L-ebda rakkomandazzjoni jew rapport ma jiġi adottat mill-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri.

Artikolu 11

Kompiti tal-Gruppi ta’ Ħidma tal-Pilastri

1.   Il-gruppi ta’ ħidma tal-pilastru tal-Iżvilupp tal-Kapaċità u tal-Pilastru tax-Xjenza għandhom jappoġġaw il-ħidma tan-Netwerk tal-Għarfien.

2.   Il-kompiti tal-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri għandhom ikunu b’mod partikolari:

(a)

il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni u l-Istati Membri u l-Istati Parteċipanti għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni, jidderieġi l-inizjattivi rilevanti minn isfel għal fuq lin-Netwerk tal-Għarfien, u jipproponi attivitajiet fi ħdan l-orjentazzjonijiet strateġiċi tan-Netwerk tal-Għarfien;

(b)

l-implimentazzjoni, u l-promozzjoni tal-attivitajiet tal-pilastri bl-appoġġ tas-segretarjat u t-tfittxija ta’ sinerġiji bejn l-inizjattivi taż-żewġ pilastri;

(c)

ir-rappurtar lill-Bord dwar l-attivitajiet tagħhom.

3.   Il-gruppi ta’ ħidma jistgħu jistabbilixxu sottogruppi dwar suġġetti speċifiċi bbażati fuq il-ħtiġijiet tal-membri tagħhom, u/jew prijoritajiet ibbażati fuq ir-riskju jew ix-xenarji fuq inizjattiva proprja.

4.   Il-gruppi ta’ ħidma għandhom jiżguraw flussi ta’ informazzjoni xierqa u koordinazzjoni bejn iż-żewġ pilastri u l-attivitajiet rispettivi tagħhom.

Artikolu 12

Rimborż tal-ispejjeż imġarrba mill-membri tal-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri

L-Artikolu 8 għandu japplika għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni mġarrba mill-membri tal-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri.

Artikolu 13

Osservaturi

1.   L-Istati Parteċipanti fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni għandu jkollhom status ta’ osservatur fil-Bord. Kull wieħed mill-Istati Parteċipanti għandu jinnomina rappreżentant u viċi rappreżentant għall-Bord bħala osservatur. Għandha tiġi promossa l-parteċipazzjoni bbilanċjata bejn is-sessi.

2.   L-osservaturi għandhom jieħdu sehem fid-diskussjonijiet u jipprovdu għarfien espert. Madankollu, m’għandux ikollhom drittijiet tal-vot.

3.   L-osservaturi għandhom jitqiesu bħala “Membri tat-Tip E” skont it-tifsira tal-punt (e) tal-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 finali tat-30.5.2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u t-tħaddim tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.

Artikolu 14

Segretarjat

1.   Is-Segretarjat għandu jappoġġa l-ħidma tal-korpi tan-Netwerk tal-Għarfien biex jiżgura l-koordinazzjoni, il-koerenza u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni tagħhom.

2.   Is-segretarjat għandu jiġi pprovdut mill-Kummissjoni.

3.   Il-kompiti tas-segretarjat għandhom ikunu:

(a)

it-tħejjija u l-iżgurar tal-implimentazzjoni tal-pjan strateġiku, kif ukoll l-attivitajiet adottati fil-programm ta’ ħidma annwali jew pluriennali tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili;

(b)

il-ġestjoni, l-amministrazzjoni u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet tan-Netwerk tal-Għarfien;

(c)

it-twettiq tar-rappurtar tal-attivitajiet tan-Netwerk tal-Għarfien.

4.   Is-segretarjat għandu jassisti, fejn meħtieġ, fil-laqgħat tal-korpi konsultattivi tan-Netwerk tal-Għarfien.

Artikolu 15

Kunfidenzjalità

Il-membri tal-Bord, is-segretarjat u l-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri għandhom jikkonformaw mal-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti fit-Trattati u fir-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll mar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-Unjoni, stabbiliti fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 (5). Jekk jonqsu milli jirrispettaw dawn l-obbligi, il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa.

Artikolu 16

Trasparenza

1.   Fir-rigward tal-kompożizzjoni tan-Netwerk tal-Għarfien, id-data li ġejja għandha tiġi ppubblikata fir-Reġistru tal-Kummissjoni tal-gruppi ta’ esperti u entitajiet simili oħra u fuq il-pjattaforma online li għandha tappoġġa u tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-kompiti differenti msemmija fl-Artikolu 13(1), il-punt (d) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE:

(a)

l-ismijiet tal-Istati Membri rrappreżentati mill-awtoritajiet li huma membri tal-Bord u l-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri;

(b)

l-ismijiet tal-awtoritajiet li jirrappreżentaw lill-Istati Parteċipanti fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni fil-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri;

(c)

l-ismijiet tal-awtoritajiet li jirrappreżentaw lill-Istati Parteċipanti fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni li lilhom jingħata l-istatus ta’ osservatur lill-Bord.

2.   Id-dokumenti kollha tal-laqgħat tal-korpi tan-Netwerk tal-Għarfien, inklużi l-aġendi, il-minuti, is-sottomissjonijiet tal-parteċipanti għandhom ikunu disponibbli fir-Reġistru tal-Kummissjoni tal-gruppi ta’ esperti u ppubblikati fuq l-istess pjattaforma online imsemmija fl-Artikolu 13(1), il-punt (d) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE. B’mod partikolari, l-aġenda u dokumenti ta’ sfond rilevanti oħra għandhom jiġu ppubblikati fi żmien debitu qabel il-laqgħa, segwiti mill-pubblikazzjoni f’waqtha tal-minuti. L-eċċezzjonijiet għall-pubblikazzjoni għandhom ikunu ristretti għal każijiet fejn l-iżvelar ta’ dokument idgħajjef il-protezzjoni ta’ interess pubbliku jew privat kif definit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (6).

Artikolu 17

Protezzjoni tad-data personali

Kull ipproċessar ta’ data personali għall-fini ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura għandu jkun konformi mar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 18

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Janez LENARČIČ

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(3)  L-Anness 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2016) 3301 finali tat-30.5.2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u t-tħaddim tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 5858 tal-5 ta’ Diċembru 2007 “Regoli dwar ir-rimborż tal-ispejjeż imġarrba min-nies barra mill-Kummissjoni mistiedna jattendu laqgħat fil-kapaċità tagħhom ta’ esperti”.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).


III Atti oħrajn

ŻONA EKONOMIKA EWROPEA

11.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 399/8


DEĊIŻJONI DELEGATA TAL-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA Nru 2013/21/COL

tas-16 ta’ Lulju 2021

fir-rigward tal-approvazzjoni tal-miżuri nazzjonali tan-Norveġja u l-Iżlanda mfassla biex jillimitaw l-impatt ta’ ċertu mard tal-annimali akkwatiċi f’konformità mal-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 58/16/COL-D [2021/1957]

L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar l-Istabbiliment ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari l-Artikoli 1(2) u 3 tal-Protokoll 1 tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-Punt 13 tal-Parti 1.1 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-“Ftehim dwar iż-ŻEE”),

Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (ir-“Regolament (UE) 2016/429”), (1)

kif emendat u adattat għall-Ftehim dwar iż-ŻEE permezz tal-adattamenti speċifiċi u settorjali msemmija fl-Anness I ta’ dan il-Ftehim, u b’mod partikolari l-Artikoli 226, 266(2) u 270(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-Punt 13j tal-Parti 1.1 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim dwar iż-ŻEE,

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/990 tat-28 ta’ April 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali u taċ-ċertifikazzjoni għall-movimenti fl-Unjoni ta’ annimali akkwatiċi u prodotti li joriġinaw minn annimali akkwatiċi (ir-“Regolament Delegat (UE) 2020/990”), (2)

kif adattat għall-Ftehim dwar iż-ŻEE permezz tal-adattamenti settorjali msemmija fl-Anness I ta’ dan il-Ftehim, u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-Punt 13k tal-Parti 1.1 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim dwar iż-ŻEE,

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2002 tas-7 ta’ Diċembru 2020li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifika tal-Unjoni u r-rapportar tal-Unjoni ta’ mard elenkat, tal-formati u l-proċeduri għas-sottomissjoni u għar-rapportar tal-programmi ta’ sorveljanza tal-Unjoni u tal-programmi ta’ eradikazzjoni u għall-applikazzjoni għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard, u tas-sistema ta’ informazzjoni kompjuterizzata (ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2002”), (3)

kif adattat għall-Ftehim dwar iż-ŻEE permezz tal-adattamenti speċifiċi u settorjali msemmija fl-Anness I ta’ dan il-Ftehim, u b’mod partikolari l-Anness III u t-Taqsima 4 tal-Anness V tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-Punt 13m tal-Parti 1.1 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim dwar iż-ŻEE,

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2236 tas-16 ta’ Diċembru 2020li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) 2016/429 u (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni u għall-movimenti fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali akkwatiċi u ta’ ċerti prodotti li ġejjin mill-annimali akkwatiċi, taċ-ċertifikazzjoni uffiċjali rigward tali ċertifikati u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru1251/2008 (ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2236”), (4)

kif adattat għall-Ftehim dwar iż-ŻEE permezz tal-adattamenti settorjali msemmija fl-Anness I ta’ dan il-Ftehim dwar iż-ŻEE, u b’mod partikolari l-Artikolu 6 u Kapitali 1, 2, 3 jew 5 tal-Anness tiegħu,

kif adattat għall-Ftehim dwar iż-ŻEE mill-punt 4(d) tal-Protokoll 1 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/429, ir-Regolament Delegat (UE) 2020/990, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2002 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2236 bdew japplikaw fl-Istati taż-Żona Ekonomika Ewropea (“l-Istati taż-ŻEE”) mill-21 ta’ April 2021.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi qafas leġiżlattiv ġdid għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard trażmissibbli lill-annimali jew lill-bnedmin. L-Artikolu 226(1) jistipula li n-Norveġja u l-Iżlanda jistgħu jadottaw miżuri nazzjonali biex jipprevjenu l-introduzzjoni, jew jikkontrollaw it-tixrid, ta’ marda għajr il-mard elenkat kif imsemmi fl-Artikolu 9(1)(d) ta’ dan ir-Regolament fejn dik il-marda tikkostitwixxi riskju sinifikanti għas-saħħa tal-annimali akkwatiċi f’dak l-Istat taż-ŻEE. Mard, għajr il-mard elenkat kif imsemmi fl-Artikolu 9(1)(d) tar-Regolament (UE) 2016/429, jinkludi mard tal-annimali akkwatiċi li mhux inkluż f’xi waħda mill-kategoriji ta’ mard elenkat skont l-Artikolu 9(1) (“mard mhux elenkat”) u l-marda elenkata tal-virus tal-erpete tal-koi li għaliha hemm ħtieġa għal sorveljanza fiż-ŻEE skont l-Artikolu 9(1)(e) tar-Regolament (UE) 2016/429.

(3)

Dawn il-miżuri nazzjonali ma jridux jaqbżu l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ sabiex jipprevjenu l-introduzzjoni, jew jikkontrollaw it-tixrid, ta’ marda inkwistjoni fin-Norveġja jew l-Iżlanda kif rilevanti.

(4)

L-Artikolu 226(2), (3) u (4) tal-istess Regolament jirrikjedi lin-Norveġja u l-Iżlanda jinnotifikaw lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (“l-Awtorità”) minn qabel dwar kwalunkwe miżura nazzjonali proposta u jipprovdi li l-Awtorità għandha tapprova dawn il-miżuri nazzjonali fejn l-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet tal-moviment bejn in-Norveġja jew l-Iżlanda u Stati oħra taż-ŻEE jkun meħtieġ biex jipprevjenu l-introduzzjoni, jew jikkontrollaw it-tixrid, tal-marda rilevanti, filwaqt li jitqies l-impatt globali fuq iż-ŻEE tal-marda inkwistjoni u tal-miżuri meħuda.

(5)

Sabiex jiġi protett l-istatus tas-saħħa tan-Norveġja u l-Iżlanda sa fejn xi wieħed minn dawn il-pajjiżi jkollu miżuri nazzjonali approvati għal marda partikolari skont l-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429, il-kunsinni tal-ispeċijiet tal-annimali akkwatiċi li huma suxxettibbli għall-marda inkwistjoni u li jiġu ttrasportati lejn in-Norveġja jew l-Iżlanda u fil-pajjiż stess (“kunsinni rilevanti”) huma meħtieġa li joriġinaw minn Stat taż-ŻEE, jew minn parti minnu, li hu ħieles minn dik il-marda. Tali kunsinni għandhom jiġu akkumpanjati minn ċertifikat uffiċjali li jiċċertifika dan l-istatusta’ ħieles mill-mard.

(6)

Skont l-Artikolu 13(2)(c) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/990, l-operaturi għandhom jiżguraw li ċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għall-kunsinni rilevanti jiddikjaraw li l-annimali akkwatiċi tal-ispeċijiet rilevanti jikkonformaw mal-garanziji tas-saħħa meħtieġa biex jikkonformaw ma’ dawk il-miżuri nazzjonali.

(7)

Iċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali li jiċċertifikaw il-post tal-oriġini tal-kunsinni rilevanti huma inklużi fil-mudelli taċ-ċertifikati uffiċjali rilevanti għall-moviment tal-annimali akkwatiċi bejn l-Istati taż-ŻEE stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2236 u għandhom jintużaw f’każ ta’ kunsinni rilevanti.

(8)

Jenħtieġ li l-miżuri nazzjonali Norveġiżi jew Iżlandiżi approvati skont l-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429 japplikaw biss sakemm jibqgħu xierqa u meħtieġa sabiex jipprevjenu l-introduzzjoni, jew jikkontrollaw it-tixrid, tal-marda rilevanti fil-pajjiż rilevanti. Sabiex l-Awtorità tkun tista’ tagħmel valutazzjoni regolari tal-adegwatezza u tal-ħtieġa ta’ kwalunkwe miżura bħal din, u sabiex ikollha l-opportunità temenda l-miżuri jekk meħtieġ, jenħtieġ li n-Norveġja u l-Iżlanda jibagħtu rapport annwali lill-Awtorità bid-dettalji dwar il-funzjonament tal-miżuri fis-sena preċedenti. Jenħtieġ li rapporti annwali bħal dawn u rappurtar rilevanti ieħor jinkludu ċerta informazzjoni kif stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2002.

(9)

Jenħtieġ li l-programmi ta’ eradikazzjoni approvati f’konformità mal-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429 iwasslu għal titjib fis-sitwazzjoni tal-marda fi żmien raġonevoli. Fl-interess tal-koerenza, jenħtieġ li dan il-perjodu ta’ żmien ma jkunx itwal mill-perjodu li fih għandu jitlesta programm ta’ eradikazzjoni għal marda msemmija fl-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/429. Għalhekk jenħtieġ li f’konformità mal-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429, il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ programm ta’ eradikazzjoni ma jaqbiżx is-sitt snin mid-data tal-approvazzjoni inizjali tiegħu mill-Awtorità. F’każijiet iġġustifikati kif xieraq u b’talba tan-Norveġja jew l-Iżlanda kif rilevanti, jenħtieġ li l-Awtorità tkun tista’ testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tal-programm ta’ eradikazzjoni għal perjodu addizzjonali ta’ sitt snin. Il-perjodu massimu ta’ applikazzjoni huwa stipulat sabiex jagħti perjodu ta’ żmien adegwat li fih jista’ jitlesta programm ta’ eradikazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin jevita t-tfixkil sproporzjonat u fit-tul tal-movimenti tal-annimali akkwatiċi fiż-ŻEE.

(10)

Bid-Deċiżjoni Nru 58/16/COL-D tat-3 ta’ Marzu 2016 (id-“Deċiżjoni Nru 58/16/COL-D”), l-Awtorità approvat miżuri nazzjonali min-Norveġja mfassla biex jillimitaw l-impatt tal-infezzjoni bil-Gyrodactylus salaris f’żoni tan-Norveġja meqjusa bħala ħielsa minn din il-marda, skont l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2006/88/KE (5). Ir-Regolament (UE) 2016/429 iħassar id-Direttiva 2006/88/KE, li hija l-bażi ġuridika kemm għad-Deċiżjoni Nru 58/16/COL-D kif ukoll għal ċerti Atti (ir-Regolament (KE) Nru 1251/2008 (6) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/221/KE (7)) li għalihom tirreferi din id-Deċiżjoni. Għall-fini taċ-ċarezza, id-Deċiżjoni Nru 58/16/COL-D hija għalhekk imħassra b’din id-Deċiżjoni.

(11)

L-Awtorità, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea, ivvalutat il-miżuri nazzjonali mfassla biex jillimitaw l-impatt tal-infezzjoni bil-Gyrodactylus salaris (marda mhux elenkata), innotifikati min-Norveġja skont l-Artikolu 226(2) tar-Regolament (UE) 2016/429 (Dok Nru 1207866), filwaqt li qieset l-istandards tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali ( OIE) (8) u l-impatt ġenerali tal-marda inkwistjoni u tal-miżuri nnotifikati fuq iż-ŻEE.

(12)

L-Awtorità hija sodisfatta li n-Norveġja fasslet programm ta’ eradikazzjoni effettiv għal dawk iż-żoni tan-Norveġja li għadhom infettati bil-Gyrodactylus salaris. L-Awtorità hija sodisfatta wkoll li n-Norveġja żammet l-istatus ta’ ħielsa mill-mard għal dawk iż-żoni tan-Norveġja meqjusa bħala ħielsa mill-Gyrodactylus salaris skont id-Deċiżjoni Nru 58/16/COL-D u wriet status ta’ ħielsa mill-mard f’dawk iż-żoni l-oħra kollha tan-Norveġja li mhumiex koperti mill-programm ta’ eradikazzjoni. Fl-aħħar nett, l-Awtorità hija sodisfatta li n-Norveġja wriet l-adegwatezza u l-ħtieġa tal-miżuri nazzjonali li jistabbilixxu restrizzjonijiet fuq il-moviment sabiex jipprevjenu l-introduzzjoni, jew jikkontrollaw it-tixrid, tal-marda. Il-miżuri nazzjonali huma għalhekk approvati mill-Awtorità b’din id-Deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 226(3) u (4) tar-Regolament (UE) 2016/429.

(13)

L-Awtorità, bid-Deċiżjoni Delegata tagħha Nru 201/21/COL (id-Dokument Nru 1212279), ippreżentat kif xieraq l-abbozz tad-Deċiżjoni lill-Kumitat f’konformità mal-Artikoli 226 (3) u 266 (2) tar-Regolament (UE) 2016/429. Il-Kumitat approva l-abbozz tad-Deċiżjoni. Għaldaqstant, l-abbozz tad-Deċiżjoni huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Iż-żoni tan-Norveġja u l-Iżlanda elenkati fir-raba’ kolonna tat-tabella fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni huma meqjusa ħielsa mill-mard elenkat fir-ringieli rilevanti tal-ewwel kolonna ta’ din it-tabella u l-pajjiż rilevanti jingħata l-approvazzjoni biex jadotta miżuri nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429.

Artikolu 2

Il-programmi ta’ eradikazzjoni adottati min-Norveġja u l-Iżlanda għall-mard li huwa soġġett għall-miżuri nazzjonali u li huwa elenkat fl-ewwel kolonna tat-tabella fl-Anness II tad-Deċiżjoni, fir-rigward taż-żoni elenkati fir-ringieli rilevanti tar-raba’ kolonna tagħha, ġew approvati.

Il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ programm ta’ eradikazzjoni ma għandux jaqbeż is-sitt snin mid-data tal-approvazzjoni inizjali tiegħu mill-Awtorità. F’każijiet iġġustifikati kif xieraq, l-Awtorità, b’talba tan-Norveġja jew l-Iżlanda kif rilevanti, tista’ testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tal-programm ta’ eradikazzjoni għal perjodu addizzjonali ta’ sitt snin.

Artikolu 3

L-ispeċijiet ta’ annimali akkwatiċi suxxettibbli għall-mard stabbilit fit-tieni kolonna tal-Anness III ta’ din id-Deċiżjoni għandhom, sa fejn il-marda rilevanti tkun is-suġġett ta’ miżuri nazzjonali fin-Norveġja jew fl-Iżlanda, jiġu ttrasportati biss lejn żoni rilevanti tan-Norveġja u l-Iżlanda msemmija fir-raba’ kolonna tat-tabelli fl-Annessi I u II ta’ din id-Deċiżjoni jekk huma:

(a)

joriġinaw minn Stat taż-ŻEE jew minn parti minnu li huwa approvat bħala ħieles mill-marda inkwistjoni; kif ukoll

(b)

ikunu akkumpanjati minn ċertifikat uffiċjali maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-Istat tal-oriġini taż-ŻEE, imfassal f’konformità ma’ mudell xieraq taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali stabbilit fil-Kapitoli 1, 2, 3 jew 5 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2236, li jispeċifika, f’konformità mal-Artikolu 13(2)(c) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/990, li hemm konformità mal-garanziji tas-saħħa meħtieġa għall-konformità mal-miżuri nazzjonali rilevanti tan-Norveġja jew tal-Iżlanda.

Artikolu 4

Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April ta’ kull sena, in-Norveġja u l-Iżlanda għandhom jippreżentaw lill-Awtorità rapport dwar il-miżuri nazzjonali tagħhom approvati skont l-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429.

Ir-rapport għandu:

(a)

jinkludi informazzjoni dwar il-miżuri li ttieħdu fis-sena kalendarja preċedenti biex jinżamm l-istatus ta’ ħieles mill-mard, inkluż tal-inqas l-informazzjoni stabbilita fl-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2002;

(b)

jinkludi informazzjoni dwar kwalunkwe evoluzzjoni tal-programm ta’ eradikazzjoni rilevanti, inklużi d-dettalji tal-ittestjar li twettaq fis-sena kalendarja preċedenti u tal-inqas l-informazzjoni stabbilita fit-Taqsima 4 tal-Anness V tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2002; kif ukoll

(c)

jiddeskrivi r-raġunijiet għaliex l-istatus ta’ ħieles mill-mard jew il-programm ta’ eradikazzjoni rilevanti jenħtieġ li jkompli japplika għal sena kalendarja oħra. Għandha ssir referenza partikolari għad-disponibbiltà tat-trattamenti, tal-vaċċini, tal-istokkijiet reżistenti għall-mard jew ta’ żviluppi riċenti oħra, f’każ li wieħed jew aktar minn dawn ikunu saru għażla vijabbli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjoni bil-Gyrodactylus salaris sa mill-preżentazzjoni tar-rapport preċedenti.

Artikolu 5

Il-miżuri nazzjonali tan-Norveġja jew l-Iżlanda approvati mill-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429 jistgħu jiġu emendati mill-Awtorità jekk l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(c) ta’ din id-Deċiżjoni, jew informazzjoni oħra bħal din relatata mal-iżviluppi fis-saħħa tal-annimali, tindika li l-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment bejn l-Istati taż-ŻEE ma għadux meħtieġ jew ġustifikat sabiex jipprevjeni, jew jikkontrolla t-tixrid, tal-marda rilevanti.

Artikolu 6

Id-Deċiżjoni Nru 58/16/COL hija b’dan imħassra.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-iffirmar tagħha.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lin-Norveġja u lill-Iżlanda.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Lulju 2021.

Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, li taġixxi skont id-Deċiżjoni Delegata Nru 130/20/COL,

Högni S. KRISTJÁNSSON

Membru tal-Kulleġġ Responsabbli

Għal Melpo-Menie JOSÉPHIDÈS

Kontrofirmatarju bħala Direttur,

Affarijiet Legali u Eżekuttivi


(1)  Inkorporat fil-Ftehim dwar iż-ŻEE permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 179/2020 tas-17 ta’ Diċembru 2020.

(2)  Inkorporat fil-Ftehim dwar iż-ŻEE permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 4/2021 tal-4 ta’ Frar 2021.

(3)  Inkorporat fil-Ftehim dwar iż-ŻEE permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 4/2021 tal-4 ta’ Frar 2021.

(4)  Inkorporat fil-Ftehim dwar iż-ŻEE permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 93/2021 tad-19 ta’ Marzu 2021.

(5)  L-Att imsemmi qabel fil-Punt 8a. tal-Parti 3.1. tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard f'annimali akkwatiċi, kif emendat u adattat għall-Ftehim dwar iż-ŻEE permezz tal-adattamenti settorjali msemmija fl-Anness I tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

(6)  L-Att imsemmi qabel fil-Punt 86 tal-Parti 4.2. tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1251/2008 tat-12 ta’ Diċembru 2008 li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE fir-rigward tal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għat-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali tal-akkwakultura u prodotti tagħhom u li jistabbilixxi lista ta’ speċi li jgħaddu l-mard, kif emendat u adattat għall-Ftehim dwar iż-ŻEE permezz tal-adattamenti settorjali msemmija fl-Anness I tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

(7)  L-Att imsemmi qabel fil-Punt 94 tal-Parti 4.2. tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/221/UE tal-15 ta’ April 2010 li tapprova miżuri nazzjonali biex jiġi limitat l-impatt ta’ ċertu mard fl-annimali tal-akkwakultura u annimali akkwatiċi selvaġġi f’konformità mal-Artikolu 43 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE, kif emendat u adattat għall-Ftehim dwar iż-ŻEE permezz tal-adattamenti settorjali msemmija fl-Anness I tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

(8)  Il-Kodiċi għas-Saħħa tal-Annimali Akkwatiċi tal-OIE u l-Manwal tat-Testijiet Dijanjostiċi għall-Annimali Akkwatiċi tal-OIE.


ANNESS I

Żoni tan-Norveġja u l-Iżlanda meqjusa bħala ħielsa minn ċertu mard li jaffettwa l-annimali akkwatiċi u li għalihom il-miżuri nazzjonali huma approvati f’konformità mal-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429

Marda

Stati taż-ŻEE tal-EFTA

Kodiċi

Demarkazzjoni ġeografika taż-żona b’miżuri nazzjonali approvati

Nru tad-Deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA li tapprova l-miżura nazzjonali

Infezzjoni bil-Gyrodactylus salaris (GS)

In-Norveġja

NO

It-territorju kollu, bl-eċċezzjoni taż-żoni tal-magħqad tal-ilma soġġetti għal programm ta’ eradikazzjoni approvat għall-GS, kif elenkat fl-Anness II ta’ dan id-dokument

203/21/COL


ANNESS II

Żoni tan-Norveġja u l-Iżlanda bi programmi ta’ eradikazzjoni għal ċertu mard li jaffettwa l-annimali akkwatiċi u li għalihom il-miżuri nazzjonali huma approvati f’konformità mal-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429

Marda

Stati taż-ŻEE tal-EFTA

Kodiċi

Demarkazzjoni ġeografika taż-żona b’miżuri nazzjonali approvati

Nru tad-Deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA li tapprova l-miżura nazzjonali

Infezzjoni bil-Gyrodactylus salaris (GS)

In-Norveġja

NO

Iż-żoni tal-magħqud tal-ilma ta’ Skibotnelva, Signaldalselva u Kitdalselva (Troms), Leirelva, Ranelva, Drevja, Fusta, Vefsna, Hundåla, Halsanelva, Hestdalselva, Dagsvikelva u Nylandselva (Nordland), Batnfjordselva, Driva, Litledalselva, Usma (Øksendalselva) (Møre and Romsdal), Drammenselva u Lierelva (Buskerud), Vesleelva (Sandeelva) u Selvikvassdraget (Vestfold)

203/21/COL


ANNESS III

Speċijiet ta’ annimali akkwatiċi suxxettibbli għal mard soġġett għall-miżuri nazzjonali skont l-Artikolu 226(1) tar-Regolament (UE) 2016/429

Marda

Speċijiet suxxettibbli

Marda tal-virus tal-erpete tal-koi (KHV)

Kif elenkati fil-kolonna 3 tat-tabella fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882

Viremija tar-Rebbiegħa tal-karpjun (SVC)

Karpjun ta’ rasu kbira (Aristichthys nobilis), ħuta ħamra (Carassius auratus), karassju (Carassius carassius), karpjun erbivoru (Ctenopharyngodon idellus), karpjun komuni (Cyprinus carpio), karpjun fiddieni (Hypophthalmichthys molitrix), wels catfish (Silurus glanis), tinka (Tinca tinca), orfe (Leuciscus idus)

Mard batteriku tal-kliewi (BKD)

L-ispeċijiet kollha tas-Salmonidae

Nekrożi pankreatika infettiva (IPN)

Trota komuni (Salvelinus fontinalis), trota tal-ilma ħelu (Salmo trutta), salamun tal-Atlantiku (Salmo salar), (Oncorhynchus spp.), ħut abjad (Coregonus lavaretus)

Infezzjoni bil-Gyrodactylus salaris (GS)

Salamun tal-Atlantiku (Salmo salar), trota qawsalla (Oncorhynchus mykiss), char tal-Artiku (Salvelinus alpinus), trota komuni tal-Amerika ta’ Fuq (Salvelinus fontinalis), grayling (Thymallus thymallus), trota tal-lagi tal-Amerika ta’ Fuq (Salvelinus namaycush), trota tal-ilma ħelu (Salmo trutta), u kwalunkwe speċi li ġiet f’kuntatt ma’ dawn l-ispeċijiet

Virus tal-erpete tal-gajdri 1 μνar (OsHV-1 μνar)

Gajdra tal-Paċifiku (Crassostrea gigas)

Infezzjoni bl-alfavirus tas-salmonidi (SAV)

Salamun tal-Atlantiku (Salmo salar), trota qawsalla (Oncorhynchus mykiss), trota tal-ilma ħelu (Salmo trutta)