ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 378

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 64
26 ta' Ottubru 2021


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2021/1873 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2021 dwar l-estensjoni tat-terminu tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti għal varjetajiet tal-ispeċi Asparagus officinalis L. u tal-gruppi tal-ispeċijiet tal-basal tal-fjuri, għall-pjanti għudin bi frott żgħir u għall-pjanti ornamentali għudin

1

 

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1874 tal-25 ta’ Ottubru 2021 li jikkoreġi l-verżjonijiet tal-lingwa Ġermaniża tar-Regolament (UE) 2018/395 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-operat tal-blalen tal-arja kif ukoll għall-liċenzjar tal-ekwipaġġ tat-titjira għall-blalen tal-arja, u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1976 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-operat tal-gliders kif ukoll għall-liċenzjar tal-ekwipaġġ tat-titjira għall-gliders

4

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1875 tat-22 ta’ Ottubru 2021 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-konsultazzjonijiet annwali mar-Renju Unit biex jintlaħaq ftehim dwar il-qabdiet totali permissibbli

6

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1876 tal-20 ta’ Ottubru 2021 dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra koperti bid-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal kull Stat Membru għall-2019

12

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1877 tat-22 ta’ Ottubru 2021 dwar il-qafas ta’ miżuri ta’ inklużjoni tal-Programm Erasmus+ u tal-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà 2021–2027 ( 1 )

15

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1878 tal-25 ta’ Ottubru 2021 dwar id-deżinjazzjoni tar-Reġistru tad-dominju tal-ogħla livell .eu ( 1 )

22

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

26.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 378/1


REGOLAMENT (UE) 2021/1873 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Ottubru 2021

dwar l-estensjoni tat-terminu tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti għal varjetajiet tal-ispeċi Asparagus officinalis L. u tal-gruppi tal-ispeċijiet tal-basal tal-fjuri, għall-pjanti għudin bi frott żgħir u għall-pjanti ornamentali għudin

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 118, l-ewwel paragrafu, tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-diffikultajiet tekniċi fit-tnissil, minħabba kuntesti ġenetiċi kumplessi jew ir-riproduzzjoni bil-mod jew teknikament ikkumplikata tal-ispeċi Asparagus officinalis L. u tal-gruppi ta’ speċijiet tal-basal tal-fjuri, tal-pjanti għudin bi frott żgħir u tal-pjanti ornamentali għudin, jeħtieġ li jiġu indirizzati permezz ta’ investimenti fl-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp. Ladarba tingħata l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti għal dik l-ispeċi u għal dawk il-gruppi ta’ speċijiet, iridu jgħaddu s-snin biex il-pjanti jimmultiplikaw u jinbena stokk li jkun kbir biżżejjed biex jiġġenera dħul raġonevoli. Għaldaqstant, iż-żmien li matulu d-detentur tad-drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti jkun jista’ jiġġenera dħul abbażi ta’ dik il-protezzjoni huwa limitat. Biex jitħeġġu l-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp għal varjetajiet ta’ dik l-ispeċi u ta’ dawk tal-gruppi ta’ speċijiet, jeħtieġ li jittawwal it-terminu ta’ protezzjoni tad-drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti u li jiġu inċentivizzati l-attivitajiet ta’ tnissil biex jiġu żviluppati varjetajiet ġodda sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-bdiewa u tal-konsumaturi u biex jiġi indirizzat l-impatt tat-tibdil fil-klima. Biex irendu l-profitti, dawk l-investimenti jeħtieġu aktar żmien minn dak għall-maġġoranza l-kbira ta’ speċijiet oħra, bħall-għelejjel agrikoli, li spiss ikollhom ħajja iqsar u firxa akbar u aktar wiesgħa ta’ konsumaturi.

(2)

L-introduzzjoni fis-suq u l-adozzjoni fis-suq ta’ varjetà ġdida tal-ispeċi Asparagus officinalis L. u tal- gruppi ta’ speċijiet tal-basal tal-fjuri, tal-pjanti għudin bi frott żgħir u tal-pjanti ornamentali għudin jeħtieġu aktar żmien sabiex dik il-varjetà ġdida tirrendi profit milli għal speċijiet oħra, peress li l-esperjenza wriet li tali varjetà ġdida tiżvela l-valur kummerċjali tagħha fit-tul biss. Għal dawk ir-raġunijiet, ir-rifużjoni ekwa tal-investimenti fir-riċerka u żvilupp hija possibbli biss fi stadju pjuttost tard tal-protezzjoni ta’ dik l-ispeċi u ta’ dawk il-gruppi ta’ speċijiet meta mqabbla ma’ speċijiet oħra.

(3)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 (3) jistabbilixxi sistema ta’ drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti bħala l-forma unika u esklussiva ta’ drittijiet Komunitarji tal-proprjetà industrijali għall-varjetajiet ta’ pjanti. F’konformità mal-Artikolu 19(1) ta’ dak ir-Regolament, it-terminu tad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti jrid jiddekorri sat-tmiem tal-25 sena kalendarja jew, fil-każ ta’ varjetajiet ta’ speċijiet ta’ dwieli u siġar, sat-tmiem tat-30 sena kalendarja, sussegwentement għas-sena tal-għoti tad-dritt.

(4)

Sabiex jiġi stabbilit ambjent legali li jwassal għall-kisba ta’ rifużjoni ekwitabbli, jixraq li t-terminu tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti għal varjetajiet tal-ispeċi Asparagus officinalis L. u tal-gruppi tal-ispeċijiet tal-basal tal-fjuri, tal-pjanti għudin bi frott żgħir u tal-pjanti ornamentali għudin jittawwal b’ħames snin oħra. Dik l-estensjoni jenħtieġ li tapplika għad-drittijiet mogħtija qabel, fi, jew wara, id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(5)

Għal raġunijiet ta’ konsistenza, jenħtieġ li tali estensjoni tapplika għad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti kollha għal varjetajiet tal-ispeċi ta’ Asparagus officinalis L. u tal-gruppi tal-ispeċijiet tal-basal tal-fjuri, tal-pjanti għudin bi frott żgħir u tal-pjanti ornamentali għudin.

(6)

Jenħtieġ li l-perjodu tal-estensjoni jitnaqqas jekk id-drittijiet nazzjonali ta’ proprjetà għal dawk il-varjetajiet kienu effettivi fi Stat Membru qabel l-għoti ta’ dritt tal-Komunità ta’ varjetajiet ta’ pjanti u, għaldaqstant, ikunu diġà ppermettew lin-nissiela tal-pjanti jisfruttaw il-varjetajiet tagħhom,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Estensjoni tat-terminu ta’ drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti

1.   It-terminu tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti, kif previst fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 2100/94, għandu, għal varjetajiet tal-ispeċi Asparagus officinalis L. u tal-gruppi tal-ispeċijiet tal-basal tal-fjuri, tal-pjanti għudin bi frott żgħir u tal-pjanti ornamentali għudin, jiġi estiż b’ħames snin.

2.   Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 116(4), ir-raba’ inċiż, tar-Regolament (KE) Nru 2100/94.

Artikolu 2

Tnaqqis tal-estensjoni

Għal varjetajiet ta’ pjanti li lilhom ikun ingħata dritt nazzjonali wieħed jew aktar ta’ varjetajiet ta’ pjanti qabel l-għotja ta’ dritt tal-Komunità ta’ varjetajiet ta’ pjanti, iżda li għalihom l-Artikolu 116(4), ir-raba’ inċiż, tar-Regolament (KE) Nru 2100/94 ma japplikax, l-estensjoni tat-terminu prevista fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament għandha titnaqqas bl-itwal perjodu ta’ żmien fi snin kalendarji sħaħ li matulu kwalunkwe dritt jew drittijiet nazzjonali ta’ varjetajiet ta’ pjanti mogħtija kienu effettivi fi Stat Membru rigward l-istess varjetà qabel l-għotja - tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-20 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. LOGAR


(1)   ĠU C 220, 9.6.2021, p. 86.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Settembru 2021 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Ottubru 2021.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU L 227, 1.9.1994, p. 1).


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

26.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 378/4


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1874

tal-25 ta’ Ottubru 2021

li jikkoreġi l-verżjonijiet tal-lingwa Ġermaniża tar-Regolament (UE) 2018/395 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-operat tal-blalen tal-arja kif ukoll għall-liċenzjar tal-ekwipaġġ tat-titjira għall-blalen tal-arja, u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1976 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-operat tal-gliders kif ukoll għall-liċenzjar tal-ekwipaġġ tat-titjira għall-gliders

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 23, 27 u 31 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-verżjoni tal-lingwa Ġermaniża tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/395 (2) fiha l-iżbalji fil-Parti BFCL, is-Subparti BPL, il-punti BFCL.125 BPL(a) u BFCL.145 BPL(e), tal-Anness III li jbiddlu s-sens tat-test.

(2)

Il-verżjoni tal-lingwa Ġermaniża tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1976 (3) fiha żbalji simili fil-Parti SFCL, is-Subparti SPL, il-punti SFCL.125 SPL(a) u SFCL.145 SPL(e), tal-Anness III li jbiddlu s-sens tat-test.

(3)

Għalhekk, il-verżjonijiet tal-lingwa Ġermaniża tar-Regolament (UE) 2018/395 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1976 jenħtieġ li jiġu korretti skont dan. Il-verżjonijiet bil-lingwi l-oħra mhumiex affettwati.

(4)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) 2018/1139,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

(ma japplikax għal-lingwa Maltija)

Artikolu 2

(ma japplikax għal-lingwa Maltija)

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/395 tat-13 ta’ Marzu 2018 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-operat tal-blalen tal-arja kif ukoll għall-liċenzjar tal-ekwipaġġ tat-titjira għall-blalen tal-arja skont ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 71, 14.3.2018, p. 10).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1976 tal-14 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-operat tal-gliders kif ukoll għall-liċenzjar tal-ekwipaġġ tat-titjira għall-gliders skont ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 326, 20.12.2018, p. 64.).


DEĊIŻJONIJIET

26.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 378/6


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1875

tat-22 ta’ Ottubru 2021

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-konsultazzjonijiet annwali mar-Renju Unit biex jintlaħaq ftehim dwar il-qabdiet totali permissibbli

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fid-29 ta’ April 2021 il-Kunsill adotta id-Deċiżjoni (UE) 2021/689 (1), dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (2) (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”). Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021.

(2)

Skont l-Artikolu 494 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, l-Unjoni u r-Renju Unit (il-“Partijiet”) qablu li jikkooperaw bil-ħsieb li jiżguraw li l-attivitajiet tas-sajd għall-istokkijiet kondiviżi fl-ilmijiet tagħhom ikunu ambjentalment sostenibbli fit-tul, u li jikkontribwixxu għall-kisba ta’ benefiċċji ekonomiċi u soċjali, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati kostali indipendenti kif eżerċitati mill-Partijiet. Il-Partijiet jikkondividu l-objettiv li jisfruttaw l-istokkijiet kondiviżi b’rati maħsuba biex iżommu u jirrestawraw b’mod progressiv il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada ’il fuq mil-livelli tal-bijomassa li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli (MSY).

(3)

Skont l-Artikolu 498 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-Partijiet għandhom jorganizzaw konsultazzjonijiet annwali biex jaqblu dwar il-qabdiet totali permissibbli (TACs) għal stokkijiet kondiviżi.

(4)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet annwali f’isem l-Unjoni u abbażi tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat.

(5)

L-involviment regolari u sħiħ tal-Kunsill u l-korpi preparatorji tiegħu fil-proċess ta’ konsultazzjonijiet annwali mar-Renju Unit dwar l-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet inkwistjoni jenħtieġ li jiġi żgurat permezz ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni estensivi bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni, f’konformità mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

(6)

Il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat immedjatament u b’mod sħiħ, skont l-Artikolu 218(10) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(7)

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jirrikjedi li l-Unjoni tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u jkunu ġestiti b’tali mod li jkun konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel.

(8)

L-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jirrikjedi mill-Unjoni illi tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u li jkollha l-għan li tiżgura illi l-isfruttar ta’ riżorsi ħajjin tal-baħar jirrestawra l-popolazzjonijiet ta’ speċijiet mistada u jżommhom ’il fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu l-MSY.

(9)

L-Artikolu 2(5), punt (j), tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jirrikjedi illi l-ġestjoni tas-sajd tkun koerenti mal-objettiv li jinkiseb status ambjentali tajjeb kif stabbilit fid-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). L-Artikolu 2(5), punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1), punt (d), ta’ dak ir-Regolament, jirrikjedi wkoll li l-Unjoni telimina gradwalment il-qbid skartat billi, fost l-oħrajn, tippromwovi metodi tas-sajd li jikkontribwixxu għal sajd aktar selettiv u għall-evitar u t-tnaqqis, kemm jista’ jkun, ta’ qabdiet mhux mixtieqa, kif ukoll is-sajd b’impatt baxx fuq l-ekosistema tal-baħar u r-riżorsi tas-sajd.

(10)

L-Artikolu 3, punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi li l-Unjoni għandha tieħu miżuri ta’ ġestjoni u ta’ konservazzjoni abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli.

(11)

L-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi li l-Unjoni għandha twettaq ir-relazzjonijiet esterni tagħha dwar is-sajd f’konformità mal-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 ta’ dak ir-Regolament u għandha, fost oħrajn, tappoġġa b’mod attiv u tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ għarfien u pariri xjentifiċi. L-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi wkoll li d-dispożizzjonijiet dwar il-politika esterna stabbiliti fil-Parti VI ta’ dak ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi adottati skont l-Artikolu 218 TFUE.

(12)

L-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jistipula prinċipji u objettivi tal-ġestjoni tal-istokkijiet ta’ interess komuni għall-Unjoni u għall-pajjiżi terzi, kif ukoll id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw ftehimiet dwar l-iskambju u l-ġestjoni konġunta.

(13)

Fid-dawl tan-natura li qed tevolvi tar-riżorsi tas-sajd koperti mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u l-ħtieġa li l-pożizzjoni tal-Unjoni tqis żviluppi ġodda, inkluż informazzjoni xjentifika ġdida u informazzjoni rilevanti oħra ppreżentata qabel jew matul il-konsultazzjonijiet annwali, jenħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għall-ispeċifikazzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni minn sena għal sena f’dawk il-konsultazzjonijiet. Dawk id-dispożizzjonijiet jenħtieġ li jkunu f’konformità mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 13(2) TUE.

(14)

Skont il-punt 2(c) tal-Anness II għad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1765 (5) l-Unjoni tista’ tfittex li tirreġistra kwistjonijiet li ntlaħaq qbil dwarhom mill-Partijiet wara konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 498 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

(15)

Għalhekk jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-konsultazzjonijiet annwali mar-Renju Unit, peress li l-eżitu ta’ dawk il-konsultazzjonijiet jenħtieġ li jiġi implimentat fil-liġi tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-konsultazzjonijiet annwali mar-Renju Unit dwar l-opportunitajiet tas-sajd għal stokkijiet kondiviżi, inkluż stokkijiet tal-baħar fond, skont l-Artikolu 498 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”) hija stabbilita fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

2.   L-ispeċifikazzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni, kif imsemmija fil-paragrafu 1, għandha titwettaq fuq bażi annwali skont l-Artikolu II.

Artikolu 2

1.   L-involviment regolari u sħiħ tal-Kunsill matul il-konsultazzjonijiet annwali għandu jiġi żgurat permezz ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni estensivi bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni.

2.   Qabel il-bidu u tul l-konsultazzjonijiet annwali mar-Renju Unit, il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi neċessarji sabiex tiżgura li l-pożizzjoni li tkun ser tiġi espressa f’isem l-Unjoni tqis il-pariri xjentifiċi l-aktar reċenti u informazzjoni oħra disponibbli, f’konformità mal-prinċipji u l-orjentazzjonijiet stabbiliti fl-Anness. Il-pożizzjoni għandha tkun riflessa fir-reġistrazzjoni miktuba li tiddokumenta l-arranġamenti magħmula bejn l-Unjoni u r-Renju Unit u li jirriżultaw mill-konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 498 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

3.   Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kunsill, fi żmien biżżejjed qabel il-konsultazzjonijiet annwali u, fejn neċessarju, matul dawk il-konsultazzjonijiet, dokument bil-miktub, abbażi tal-parir u tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, li jistabbilixxi d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni għad-diskussjoni u l-approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni. Il-Kunsill għandu jibqa’ jsegwi l-kwistjoni matul il-proċess kollu, u l-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kunsill, fi żmien suffiċjenti qabel l-iffirmar tar-reġistrazzjoni bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 2, il-pożizzjoni tal-Unjoni għall-approvazzjoni tar-riżultati dettaljati tal-konsultazzjonijiet annwali.

4.   Il-proċess imsemmi f’dan l-Artikolu għandu jinkludi laqgħat ta’ koordinazzjoni in situ, preżentazzjonijiet, laqgħat ta’ informazzjoni u diskussjonijiet, u l-involviment sħiħ tad-delegazzjonijiet nazzjonali fil-konsultazzjonijiet annwali, inkluż bħala parti mid-delegazzjoni tal-Unjoni, u, meta jkun meħtieġ, f’laqgħat tekniċi.

5.   Jekk tul il-konsultazzjonijiet annwali, ikun impossibbli li Unjoni tasal għal ftehim mar-Renju Unit, u biex il-pożizzjoni tal-Unjoni tqis elementi ġodda, il-Kummissjoni għandha tirreferi l-kwistjoni lill-Kunsill.

6.   Jekk, wara l-konklużjoni tal-konsultazzjonijiet annwali, ikun xieraq li t-TACs jiġu emendati fis-sena jew snin li għalihom kienu maqbula, il-Kummissjoni għandha, fi żmien suffiċjenti u abbażi tal-aħħar informazzjoni xjentifika u informazzjoni oħra rilevanti u f’konformità mal-prinċipji u l-orjentazzjonijiet stabbiliti fl-Anness, tibgħat lill-Kunsill dokument miktub ġdid li jiffissa d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ tali emendi, għad-diskussjoni u l-approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni, qabel l-iffirmar ta’ rekord bil-miktub.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta’ Ġunju 2027. Hija għandha tiġi vvalutata kif meħtieġ u, fejn xieraq, riveduta mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, għandu jsir rieżami sat-30 ta’ Ġunju 2023.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

G. DOVŽAN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2).

(2)   ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(4)  Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1765 tal-5 ta’ Ottubru 2021 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea, għall-perijodu 2021-2026, fil-Kumitat Speċjalizzat għas-Sajd stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (ĠU L 355, 7.10.2021, p. 135).


ANNESS

IL-POŻIZZJONI LI GĦANDHA TIĠI ADOTTATA F’ISEM L-UNJONI FIL-KONSULTAZZJONIJIET ANNWALI MAR-RENJU UNIT BIEX JINTLAĦAQ FTEHIM DWAR IL-QABDIET TOTALI PERMISSIBBLI

1.   PRINĊIPJI

Fil-qafas tal-konsultazzjonijiet annwali mar-Renju Unit, l-Unjoni għandha:

(a)

tfittex li tiżgura li l-opportunitajiet tas-sajd maqbula jkunu konsistenti mad-dritt internazzjonali, u b’mod partikolari mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) tal-1982 dwar il-Liġi tal-Baħar, u tal-Ftehim tan-NU tal-1995 dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Transżonali u ta’ Stokkijiet ta’ Ħut li Jpassi Ħafna;

(b)

tfittex li tiżgura li jitħarsu l-impenji internazzjonali tal-Unjoni;

(c)

tfittex il-konsistenza u s-sinerġija mal-politiki li l-Unjoni qiegħda ssegwi bħala parti mir-relazzjonijiet bilaterali tas-sajd tagħha ma’ pajjiżi terzi oħra u fi ħdan organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd, u tiżgura l-konsistenza mal-politiki l-oħrajn tagħha, b’mod partikolari fl-oqsma tar-relazzjonijiet esterni, tal-impjiegi, tal-ambjent, tal-kummerċ, tal-iżvilupp u tar-riċerka u tal-innovazzjoni;

(d)

tiżgura li t-TACs u miżuri oħra marbuta funzjonalment jiġu stabbiliti b’mod li jkun konsistenti mal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u jqisu bis-sħiħ kwalunkwe miżura jew gwida stabbilita mill- Kumitat Speċjalizzat għas-Sajd;

(e)

tfittex li tiżgura illi t-TACs ikunu determinati f’konformità mal-objettiv tal-politika komuni tas-sajd (“il-PKS”) li jiġi żgurat li s-sajd ikun ambjentalment sostenibbli fit-tul u jkun ġestit b’tali mod li jkun konsistenti mal-għanijiet li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali, u għall-impjiegi, inkluż l-objettiv ta’ konservazzjoni ewlieni tal-PKS, jiġifieri l-MSY, kif ukoll mal-pjanijiet pluriennali applikabbli;

(f)

tfittex li tallinja mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2012 dwar komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-PKS;

(g)

tfittex li tiżgura regoli mingħajr l-ebda diskriminazzjoni għall-flotta tal-Unjoni bbażati fuq l-istess prinċipji u standards bħal dawk applikabbli skont il-liġi tal-Unjoni;

(h)

tfittex li tistabbilixxi skedi ta’ żmien għall-konsultazzjonijiet annwali dwar l-opportunitajiet tas-sajd;

(i)

tfittex li tiżgura l-konsistenza mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni, b’mod partikolari mad-Direttiva 2008/56/KE, kif ukoll ma’ politiki oħra tal-Unjoni.

2.   ORJENTAZZJONIJIET

L-Unjoni għandha tagħmel kull sforz biex tilħaq ftehim mar-Renju Unit dwar l-opportunitajiet tas-sajd (it-TACs u l-miżuri tagħhom marbuta funzjonalment), abbażi tal-approċċ indikat hawn taħt.

B’hekk, il-Kummissjoni għandha taħdem fil-qrib mal-Kunsill waqt il-konsultazzjonijiet annwali, sabiex:

(a)

tfittex li tistabbilixxi TACs abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli, biex tinkiseb ir-rata ta’ sfruttament tal-MSY;

(b)

tfittex li tistabbilixxi TACs skont l-approċċ prekawzjonarju għas-sajd fejn parir xjentifiku bħal dan dwar ir-rati ta’ sfruttament tal-MSY ma jkunx disponibbli;

(c)

tfittex li tipprevjeni l-isfruttament żejjed tal-istokkijiet rilevanti billi tistabbilixxi TACs f’livell simili għal snin preċedenti fejn ma kinux disponibbli pariri xjentifiċi;

(d)

tfittex li tikkombina pariri xjentifiċi differenti għall-istabbiliment tat-TACs, inkluż fejn pariri bħal dawn jikkombinaw l-MSY u l-pariri prekawzjonarji, għal TACs b’diskrepanza bejn iż-żona ta’ parir u ż-żoni tal-ġestjoni, jew fejn it-TACs jikkombinaw aktar minn speċi waħda, u tfittex mod adegwat biex tieħu kont tal-parir meta tistabbilixxi t-TACs għar-rebekkini u r-raj;

(e)

tfittex li tistabbilixxi TACs b’valutazzjoni tal-MSY u bil-pariri tal-FMSY f’konformità mal-objettiv tal-MSY tal-PKS u l-pjanijiet pluriennali applikabbli; meta l-pjanijiet pluriennali jippermettu l-użu tal-meded tal-FMSY kif previst mill Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar -(ICES), l-Unjoni għandha tfittex li tagħmel użu minn dawn id-dispożizzjonijiet, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-pjanijiet pluriennali jiġu ssodisfati;

(f)

tfittex li tiffissa TACs abbażi tal-approċċ prekawzjonarju li jikkorrispondi mal-parir ewlieni fl-iskeda ta’ pariri xjentifiċi tal-ICES b’parir prekawzjonarju għal: (i) stokkijiet ta’ qbid inċidentali (skont il-pjanijiet pluriennali); (ii) stokkijiet tal-ispeċijiet immirati (skont il-pjanijiet pluriennali) fejn l-ICES jipprovdi parir prekawzjonarju biss; u (iii) TACs b’pariri prekawzjonarju pluriennali, meta jenħtieġ li jkun hemm ħidma għall-kisba tal-istabbiltà;

(g)

tfittex li tqis id-diffikultà tas-sajd tal-istokkijiet kollha f’sajd imħallat fil-livell tal-MSY fl-istess ħin, u b’mod partikolari meta huwa diffiċli ħafna li jiġi evitat il-fenomenu tal-ispeċijiet bi kwota limitanti, inkluż TACs b’parir ta’ qabdiet żero jew għal speċijiet immirati inkella TACs ta’ qabdiet inċidentali; l-Unjoni għandha, fejn rilevanti skont il-pjanijiet pluriennali, tfittex li takkumpanja l-livell tat-TAC mal-miżuri ta’ rimedju fil-baċiri tal-baħar rilevanti;

(h)

tfittex li tistabbilixxi TACs għal finijiet xjentifiċi jew ta’ monitoraġġ f’konformità mal-pariri xjentifiċi;

(i)

tfittex il-konsistenza mal-liġi applikabbli tal-Unjoni fir-rigward ta’ speċijiet u stokkijiet speċifiċi;

(j)

tfittex il-konverġenza dwar l-ispeċijiet li għalihom għandu jkun ipprojbit is-sajd, abbażi tal-pariri xjentifiċi, inkluż il-projbizzjoni ġenerali fuq is-sajd għall-klieb il-baħar tal-fond;

(k)

tfittex approċċi li ntlaħaq qbil dwarhom dwar il-metodu u l-applikazzjoni tal-aġġustamenti għat-TACs maqbula wara l-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet għall-obbligazzjoni tal-ħatt l-art (eżenzjonijiet de minimis u tas-sopravivenza mill-obbligu tal-ħatt l-art tal-qabdiet kollha); l-Unjoni għandha tfittex l-ogħla livell possibbli ta’ approċċi miftehmin għal tali eżenzjonijiet b’mod li huwa konsistenti mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(l)

tfittex ftehim dwar l-approċċ għall-konservazzjoni tal-ispnotta tat-Tramuntana, abbażi tal-pariri xjentifiċi tal-ICES;

(m)

tfittex ftehim dwar miżuri oħra b’rabta funzjonali għat-TACs, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kundizzjonijiet speċjali u flessibbiltajiet eżistenti bejn iż-żoni, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, b’mod partikolari l-Artikolu 15(8) u (9) tiegħu;

(n)

tfittex li tidentifika, abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli, u f’konformità mal-Artikolu 499(4) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, l-istokkijiet li għandhom jitqiesu bħala “stokkijiet speċjali” għall-fini tal-istabbiliment ta’ TACs proviżorji fejn il-konsultazzjonijiet annwali ma jistgħux jiġu konklużi f’waqthom f’konformità mal-Artikolu 498(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni;

(o)

tfittex li taqbel dwar talbiet konġunti lill-ICES fejn jiġi identifikat il-bżonn għal parir addizzjonali;

(p)

tfittex li tiżgura li l-livelli tat-TAC, f’konformità mal-parir xjentifiku, ikunu stabbiliti fil-ħin qabel il-bidu tas-sena tas-sajd għaċ-ċiċċirell, il-laċċa kaħla u l-merluzz tan-Norveġja fil-Baħar tat-Tramuntana, fejn is-sena tas-sajd ma timxix skont is-sena kalendarja;

(q)

tfittex li tkompli l-mekkaniżmu proviżorju eżistenti ta’ tpartit tal-kwoti sakemm il-Kumitat Speċjalizzat għas-Sajd jistabbilixxi mekkaniżmu permanenti.


26.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 378/12


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1876

tal-20 ta’ Ottubru 2021

dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra koperti bid-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal kull Stat Membru għall-2019

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għar-rapportar ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tistabbilixxi l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għal kull Stat Membru għal kull sena tal-perjodu mill-2013 sal-2020 u mekkaniżmu biex kull sena tiġi vvalutata l-konformità ma’ dawk il-limiti. L-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet tal-Istati Membri, mogħtija f’ekwivalenti ta’ tunnellati ta’ CO2, jinsabu fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/162/UE (3). L-aġġustamenti fl-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għal kull Stat Membru huma stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/634/UE (4).

(2)

L-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 jipprevedi proċedura għar-rieżami tal-inventarji tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Istati Membri sabiex tiġi vvalutata l-konformità mad-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE. Ir-rieżami annwali msemmi fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 twettaq abbażi tad-data dwar l-emissjonijiet tal-2019 irrappurtata lill-Kummissjoni f’Marzu tal-2021 f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 749/2014 (5) u fl-Anness XVI ta’ dak ir-Regolament.

(3)

L-ammont totali tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra koperti bid-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE għal kull Stat Membru għall-2019 jenħtieġ li jqis il-korrezzjonijiet tekniċi u l-istimi riveduti kkalkulati waqt ir-rieżami komprensiv kif mogħtija fir-rapporti ta’ eżami finali mfassla skont l-Artikolu 35(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 749/2014.

(4)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha biex tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19(7) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 li jistabbilixxi d-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni bħala l-punt tat-tluq għall-perjodu ta’ erba’ xhur li matulu l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw il-mekkaniżmi ta’ flessibbiltà skont id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-somma totali ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra koperti bid-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE għal kull Stat Membru għall-2019 li ġejjin mid-data kkoreġuta tal-inventarju wara li tlesta r-rieżami annwali msemmi fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013, hija stabbilita fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 165, 18.6.2013, p. 13.

(2)  Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-2020 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/162/UE tas-26 ta’ Marzu 2013 dwar kif għandhom jiġu ddeterminati l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet tal-Istati Membri għall-perjodu mill-2013 sal-2020 skont id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 90, 28.3.2013, p. 106).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/634/UE tal-31 ta’ Ottubru 2013 dwar l-aġġustamenti fl-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għall-perjodu mill-2013 sal-2020 skont id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 292, 1.11.2013, p. 19).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 749/2014 tat-30 ta’ Ġunju 2014 dwar l-istruttura, il-format u l-proċessi tat-tressiq u r-reviżjoni tal-informazzjoni rrapportata mill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 203, 11.7.2014, p. 23).


ANNESS

Stat Membru

L-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2019 koperti bid-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE

(f’ekwivalenti ta’ tunnellati ta’diossidu tal-karbonju)

Il-Belġju

72 013 554

Il-Bulgarija

25 814 515

Iċ-Ċekja

60 543 276

Id-Danimarka

32 050 593

Il-Ġermanja

444 262 722

L-Estonja

6 208 760

L-Irlanda

45 579 575

Il-Greċja

44 744 947

Spanja

201 878 747

Franza

336 358 317

Il-Kroazja

16 058 241

L-Italja

274 938 773

Ċipru

4 377 563

Il-Latvja

8 650 111

Il-Litwanja

14 298 998

Il-Lussemburgu

9 239 043

L-Ungerija

44 894 942

Malta

1 427 261

In-Netherlands

97 096 843

L-Awstrija

50 218 754

Il-Polonja

209 084 930

Il-Portugall

41 527 062

Ir-Rumanija

75 211 340

Is-Slovenja

10 809 900

Is-Slovakkja

20 087 964

Il-Finlandja

29 643 287

L-Iżvezja

31 679 703

Ir-Renju Unit

329 100 245


26.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 378/15


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1877

tat-22 ta’ Ottubru 2021

dwar il-qafas ta’ miżuri ta’ inklużjoni tal-Programm Erasmus+ u tal-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà 2021–2027

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 165(4) u 166(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi Erasmus+: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni u taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/888 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u li jħassar ir-Regolamenti (UE) 2018/1475 u (UE) Nru 375/2014 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-ħtieġa li jissaħħaħ u li jiġi estiż il-Programm Erasmus+ ġiet espressa mill-Kunsill Ewropew f’diversi okkażjonijiet. Barra minn hekk, fil-konsultazzjonijiet dwar l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm Erasmus+ (2014–2020) stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u dwar il-programm li jissostitwixxi dak il-programm (4), ġiet stabbilita l-ħtieġa għall-kontinwità fil-kamp ta’ applikazzjoni, fl-arkitettura u fil-mekkaniżmi tat-twettiq tal-Programm Erasmus+. Fl-istess ħin ġiet identifikata ħtieġa għal xi titjib, bħal li l-Programm Erasmus+ isir aktar inklużiv, aktar sempliċi u aktar ġestibbli għall-benefiċjarji.

(2)

Kemm ir-Regolament dwar Erasmus+ kif ukoll ir-Regolament dwar il-Korp ta’ Solidarjetà jipprevedu li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa qafas ta’ miżuri ta’ inklużjoni għal persuni b’inqas opportunitajiet (5). Filwaqt li jitqiesu s-similaritajiet tal-programmi Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà fir-rigward ta’ xi wħud mill-gruppi fil-mira indirizzati (persuni b’inqas opportunitajiet fil-Programm Erasmus+ u żgħażagħ b’inqas opportunitajiet fil-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà), in-natura kondiviża tal-istrutturi ta’ implimentazzjoni taż-żewġ Programmi, u s-similaritajiet fl-istruttura ta’ finanzjament, jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas konġunt ta’ miżuri ta’ inklużjoni.

(3)

Il-qafas tal-miżuri ta’ inklużjoni jenħtieġ li jqis l-oqsma ta’ intervent għall-isfidi globali kif stabbilit fl-Anness III, il-punt 4, tar-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), kif ukoll il-Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport 2021–2024. Organizzazzjonijiet bħall-entitajiet li jirċievu għotjiet taħt il-Programmi għandhom rwol ewlieni biex jagħmlu l-inklużjoni realtà, b’mod partikolari f’termini ta’ żvilupp organizzazzjonali, l-akkwist u l-bini ta’ aktar kapaċità fl-immaniġġar ta’ proġetti ta’ inklużjoni u rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà, il-promozzjoni tal-inklużjoni fl-organizzazzjoni kollha, u s-sensibilizzazzjoni u l-appoġġ lill-parteċipanti qabel, matul u wara l-proġett.

(4)

F’xi każijiet, il-persuni b’inqas opportunitajiet x’aktarx jipparteċipaw inqas fil-Programmi għal raġunijiet finanzjarji, kemm minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tagħhom jew minħabba l-ispejjeż ikbar ta’ parteċipazzjoni li tiġġenera s-sitwazzjoni speċifika tagħhom, kif spiss ikun il-każ għall-persuni b’diżabbiltà. F’każijiet bħal dawn, il-parteċipazzjoni tagħhom tista’ tiġi ffaċilitata b’appoġġ finanzjarju mmirat.

(5)

In-nuqqas ta’ għarfien dwar id-disponibbiltà ta’ miżuri ddedikati għal persuni b’inqas opportunitajiet jista’ jirriżulta f’inqas parteċipazzjoni ta’ dawn il-gruppi fil-mira. Hemm bżonn ta’ sforz akbar biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni u biex jiżdiedu l-livelli ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni tagħhom dwar l-opportunitajiet fis-seħħ u dwar kif għandhom jiġu aċċessati.

(6)

L-organizzazzjonijiet huma mistiedna jindirizzaw l-inklużjoni u d-diversità f’konformità mal-ħtiġijiet tagħhom u ma’ dawk tal-komunità tagħhom. Il-membri tal-persunal li jittrattaw speċifikament kwistjonijiet ta’ inklużjoni u ta’ diversità u b’parteċipanti b’inqas opportunitajiet fl-organizzazzjonijiet tagħhom, jistgħu jibbenefikaw minn ħidma flimkien ma’ pari minn organizzazzjonijiet oħrajn biex jappoġġaw lin-nies b’inqas opportunitajiet. Forom differenti ta’ appoġġ, bħal sessjonijiet ta’ taħriġ, esperjenzi ta’ tagħlim bejn il-pari u opportunitajiet ta’ job shadowing, jistgħu jiġu organizzati bil-għan li jgħinu biex tiżdied il-kapaċità tagħhom f’dan ir-rigward.

(7)

Approċċ qawwi ta’ appoġġ għall-parteċipanti b’inqas opportunitajiet huwa kruċjali biex jgħin fit-tneħħija tal-ostakli għall-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fil-Programmi.

(8)

L-inklużjoni u d-diversità huma parti mill-kriterji biex jintgħażlu l-applikazzjonijiet għall-finanzjament u biex jiġi allokat l-appoġġ finanzjarju. Il-proġetti ta’ kwalità li jindirizzaw b’mod attiv l-inklużjoni u d-diversità u li jinvolvu parteċipanti b’inqas opportunitajiet jistgħu jingħataw prijorità fil-proċess tal-għoti tal-għotjiet.

(9)

Il-persuni b’inqas opportunitajiet jenħtieġ li jintlaħqu fl-ambjenti personali rispettivi tagħhom billi l-approċċ jitfassal għall-ħtiġijiet ta’ informazzjoni u ta’ aċċessibbiltà speċifiċi tagħhom. Fattur importanti ta’ suċċess għall-għoti ta’ informazzjoni lil gruppi sottorappreżentati huwa l-kooperazzjoni mal-partijiet interessati li jaħdmu ma’ dawn il-gruppi fil-mira u l-involviment tal-utenti fil-livell lokali u reġjonali.

(10)

Attivitajiet ta’ monitoraġġ iddedikati, bl-użu ta’ sett ta’ indikaturi speċifiċi, jenħtieġ li jipprovdu data kwalitattiva u kwantitattiva biex gradwalment jiġi appoġġat użu saħansitra aktar strateġiku u mmirat tal-baġit disponibbli taħt il-Programmi.

(11)

Il-miżuri ta’ inklużjoni diġà jistgħu jkunu fis-seħħ fil-kuntest nazzjonali. Il-komplementarjetà u s-sinerġiji mal-miżuri implimentati b’dan il-qafas jistgħu jikkontribwixxu biex iħallu impatt ikbar, għax jilħqu u jappoġġaw il-parteċipanti b’inqas opportunitajiet.

(12)

Din id-Deċiżjoni u l-pjanijiet ta’ azzjoni għall-inklużjoni li jirriżultaw jenħtieġ li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u jenħtieġ ukoll li josservaw il-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (7). Jenħtieġ li jiżguraw ukoll ir-rispett sħiħ għad-dritt għan-nondiskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Karta.

(13)

L-atturi involuti fil-proċess li jagħmel il-programmi Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jsiru aktar inklużivi u diversi huma eteroġeni u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ ideat u mekkaniżmi ġodda jew imtejba, kif ukoll jaġixxu bħala multiplikaturi ewlenin tal-isforzi tal-inklużjoni u d-diversità,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi qafas ta’ miżuri ta’ inklużjoni għall-Programmi Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għall-perjodu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021–2027.

2.   Dan jistabbilixxi l-objettivi tal-qafas u l-azzjonijiet u l-mekkaniżmi li għandhom jiġu implimentati.

Artikolu 2

L-objettivi tal-qafas tal-miżuri ta’ inklużjoni

1.   L-objettiv ġenerali tal-qafas tal-miżuri ta’ inklużjoni huwa li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-Programm Erasmus+ u għall-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għal persuni b’inqas opportunitajiet, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ miżuri biex jitneħħew l-ostakli li jistgħu jipprevjenu tali aċċess, u li jservi bħala bażi għal gwida ta’ implimentazzjoni ulterjuri kif stabbilit fl-Anness. Abbażi tal-prinċipju li l-Programmi jridu jkunu aċċessibbli għal kulħadd, irrispettivament mill-ostakli li jistgħu jiffaċċjaw in-nies, l-għan huwa li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura u li jikkontribwixxi għal soċjetajiet aktar inklużivi.

2.   Il-qafas tal-miżuri ta’ inklużjoni għandu erba’ objettivi speċifiċi:

(a)

l-integrazzjoni tal-inklużjoni u tad-diversità bħala prijorità u prinċipju gwida trasversali;

(b)

l-iżgurar tal-offerta ta’ karatteristiċi u mekkaniżmi inklużivi fi ħdan it-tfassil tal-Programmi u l-baġit allokat għall-azzjonijiet tagħha, u li l-fokus fuq l-inklużjoni u d-diversità jitqies fl-istadji kollha tal-ġestjoni tal-Programmi;

(c)

l-istabbiliment ta’ fehim komuni ta’ dawk li jistgħu jitqiesu bħala persuni b’inqas opportunitajiet u t-trawwim ta’ approċċ pożittiv għad-diversità;

(d)

l-appoġġ lill-organizzazzjonijiet benefiċjarji fl-istabbiliment ta’ proġetti ta’ kwalità ogħla li jindirizzaw l-inklużjoni u d-diversità, u fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ proġetti b’mod aktar inklużiv u divers.

3.   L-Anness ta’ din id-Deċiżjoni jipprovdi lista mhux eżawrjenti tal-azzjonijiet li l-Kummissjoni ħadet u li se tieħu sabiex tipprovdi gwida dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ inklużjoni fil-Programm Erasmus+ u fil-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

KAPITOLU II

MIŻURI TA’ INKLUŻJONI

Artikolu 3

Formati tal-apprendiment

Il-Programmi għandhom joffru formati ta’ apprendiment flessibbli u aċċessibbli biex jippermettu li jintlaħqu gruppi kbar fil-mira, u b’hekk tiżdied l-integrazzjoni ta’ persuni b’inqas opportunitajiet għal attivitajiet edukattivi u tat-taħriġ u għal attivitajiet għaż-żgħażagħ, sportivi u ta’ solidarjetà.

Artikolu 4

Appoġġ lil parteċipanti b’inqas opportunitajiet

Għandhom ikunu disponibbli u ffinanzjati kif xieraq mekkaniżmi biex il-parteċipanti jitħejjew u jiġu appoġġati b’mod adegwat b’inqas opportunitajiet qabel, matul u wara l-parteċipazzjoni tagħhom fi ħdan il-Programmi, bħal żjarat preparatorji, appoġġ lingwistiku, mentoraġġ u kowċing rinforzat.

Artikolu 5

Appoġġ lill-organizzazzjonijiet

Għandhom jiġu implimentati mekkaniżmi biex:

(a)

jiġu appoġġati organizzazzjonijiet biex jagħmlu l-inklużjoni realtà, b’mod partikolari f’termini ta’ żvilupp organizzazzjonali, aċċessibbiltà u l-interazzjoni mal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet qabel, matul u wara l-proġett. Dan jista’ jieħu l-forma ta’ attivitajiet ta’ appoġġ għall-persunal li jaħdem speċifikament f’attivitajiet relatati mal-inklużjoni u mad-diversità fl-organizzazzjonijiet, bħat-taħriġ u l-opportunitajiet ta’ networking tematiku, biex il-persunal jaħdem flimkien biex jappoġġa lin-nies b’inqas opportunitajiet u biex jiżgura proċeduri ta’ għażla inklużivi;

(b)

jiġu appoġġati organizzazzjonijiet fir-rwol ewlieni tagħhom biex jilħqu u jżidu s-sensibilizzazzjoni fost il-parteċipanti potenzjali b’inqas opportunitajiet dwar id-diversi opportunitajiet u mekkaniżmi ta’ appoġġ li joffrulhom il-Programmi.

Artikolu 6

Appoġġ finanzjarju

1.   Il-Programmi għandhom jipprovdu livelli adegwati ta’ appoġġ finanzjarju lill-parteċipanti b’inqas opportunitajiet, jikkontribwixxu għat-tneħħija tal-ostakli li jżommuhom lura milli jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Programm bl-istess mod bħall-pari tagħhom. Dan jinkludi l-kunsiderazzjoni tal-aktar mekkaniżmi xierqa għall-għoti ta’ tali appoġġ.

2.   Il-Programmi għandhom jipprovdu appoġġ finanzjarju msaħħaħ għall-organizzazzjonijiet li jaħdmu mal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet, filwaqt li jirrikonoxxu l-isforzi addizzjonali fis-seħħ biex dawn il-gruppi fil-mira jiġu involuti b’mod effettiv fl-attivitajiet tal-proġett tagħhom.

Artikolu 7

Il-proċess tal-għażla

Tista’ tingħata prijorità fil-proċess tal-għoti ta’ għotjiet lil proġetti ta’ kwalità li jindirizzaw b’mod attiv l-inklużjoni u l-involviment ta’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet.

Artikolu 8

Użu faċli tad-dokumenti tal-programm

Il-Programmi għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni u d-dokumenti ta’ referenza jkunu faċli għall-utent u aċċessibbli u disponibbli b’lingwi differenti. Dawk id-dokumenti għandu jkollhom struttura ċara u għandhom jużaw lingwaġġ sempliċi sabiex jappoġġaw il-ħtiġijiet ta’ persuni b’inqas opportunitajiet.

Artikolu 9

Attivitajiet ta’ taħriġ

Jista’ jiġi pprovdut finanzjament taħt il-Programmi biex jiġu offruti attivitajiet ta’ taħriġ immirati lejn l-inklużjoni ta’ persuni b’inqas opportunitajiet għal, fost l-oħrajn, esperti, prattikanti, persunal tal-organizzazzjonijiet u parteċipanti. Dawn l-attivitajiet ta’ taħriġ għandhom ikunu mmirati lejn il-ħolqien ta’ opportunitajiet għall-iskambju tal-aħjar prattiki, għall-bini ta’ kompetenzi u għall-inkoraġġiment ta’ ideat innovattivi fir-rigward ta’ miżuri ta’ inklużjoni.

Artikolu 10

Approċċ ta’ appoġġ

Il-Programmi għandhom jipprovdu appoġġ kwalitattiv għall-miżuri ta’ inklużjoni permezz tal-aġenziji nazzjonali tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u l-Kultura (EACEA), kif ukoll permezz ta’ strutturi bħall-Appoġġ, Tagħlim Avvanzat u Opportunitajiet ta’ Taħriġ (SALTO) l-Inklużjoni u d-Diversità.

Artikolu 11

Attivitajiet ta’ komunikazzjoni

L-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni dwar l-opportunitajiet offruti mill-Programmi u l-mekkaniżmi ta’ appoġġ għall-inklużjoni jista’ jkollhom jitwasslu u jiġu adattati għall-kuntest nazzjonali u speċifiku għas-settur tagħhom għal kull kategorija ta’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet. Sabiex jinkiseb dan, l-organizzazzjonijiet ta’ implimentazzjoni huma mħeġġin jipprovdu materjal ta’ informazzjoni xieraq u aċċessibbli, jistabbilixxu kanali ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ informazzjoni differenti, jikkondividu l-aħjar prattiki, u jimmiraw u jikkuntattjaw b’mod proattiv lill-organizzazzjonijiet attivi fl-oqsma tal-inklużjoni u d-diversità. Dawn il-kompiti għandhom jitwettqu b’mod partikolari mill-aġenziji nazzjonali tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Sabiex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta’ dawn il-kompiti, l-uffiċjali tal-inklużjoni u tad-diversità għandhom jinħatru fl-aġenziji nazzjonali.

KAPITOLU III

MONITORAĠĠ U RAPPORTAR

Artikolu 12

Attivitajiet ta’ monitoraġġ

1.   Għandha tinġabar data rilevanti, b’mod partikolari mill-Kummissjoni u mill-aġenziji nazzjonali tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u mill-EACEA, matul il-ħajja tal-Programmi permezz ta’ taħlita ta’ sorsi, bħall-għodod tal-IT li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Programmi jew l-istħarriġiet tal-parteċipanti.

2.   Il-kompiti ta’ monitoraġġ se jitwettqu mill-Kummissjoni bl-għajnuna tal-aġenziji nazzjonali tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u tal-EACEA, u permezz ta’ analiżi ad hoc, filwaqt li jiġu rispettati r-regoli u l-proċeduri applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data għall-ipproċessar ta’ data personali sensittiva.

Artikolu 13

Pjanijiet ta’ azzjoni ta’ inklużjoni

1.   Bħala parti integrali mill-programmi ta’ ħidma tagħhom, l-aġenziji nazzjonali tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għandhom jiżviluppaw pjanijiet ta’ azzjoni ta’ inklużjoni, ibbażati fuq dan il-qafas ta’ miżuri ta’ inklużjoni, u b’attenzjoni partikolari għall-isfidi speċifiċi għall-aċċess tal-programmi fi ħdan il-kuntesti nazzjonali. Huma għandhom jirrapportaw fuq bażi regolari lill-Kummissjoni dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni għall-inklużjoni tagħhom.

2.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ dawk il-pjanijiet ta’ azzjoni għall-inklużjoni fuq bażi regolari.

3.   Fejn ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tipprovdi rakkomandazzjonijiet u osservazzjonijiet lill-aġenziji nazzjonali fir-rigward tal-pjanijiet ta’ azzjoni ta’ inklużjoni tagħhom, bil-għan li jittejjeb it-tfassil, l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-kontenut ta’ dawn il-pjanijiet ta’ azzjoni.

Artikolu 14

Rappurtar

Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapporti fuq bażi regolari dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ inklużjoni, b’mod partikolari permezz tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programmi u l-attivitajiet ta’ rapportar annwali.

Artikolu 15

Komplementarjetà u sinerġiji

1.   Fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ inklużjoni, l-aġenziji nazzjonali jistgħu jiżguraw il-komplementarjetà ma’ miżuri nazzjonali eżistenti oħrajn għall-inklużjoni, sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt ta’ dawn l-isforzi għall-parteċipanti b’inqas opportunitajiet.

2.   Għandhom jiġu mfittxija sinerġiji ma’ fondi oħrajn tal-Unjoni u ma’ fondi nazzjonali, sabiex ikun hemm impatt akbar u appoġġ imsaħħaħ għal persuni b’inqas opportunitajiet.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 16

Kokreazzjoni

1.   L-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri biex il-Programmi jkunu magħmulin aktar inklużivi u diversi għandha titwettaq abbażi ta’ spirtu ta’ kokreazzjoni, fi djalogu kostanti mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet u n-networks internazzjonali u nazzjonali attivi fil-qasam tal-inklużjoni u d-diversità, l-esperti, il-prattikanti u l-parteċipanti nfushom, l-aġenziji nazzjonali tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, l-EACEA, iċ-Ċentri tar-Riżorsi ta’ SALTO, il-Kumitat Erasmus+, u r-rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet oħrajn tal-Unjoni.

2.   Dan id-djalogu jista’ jsir f’firxa wiesgħa ta’ kuntesti, li jvarjaw minn avvenimenti Ewropej għal gruppi ta’ ħidma ad hoc, konsultazzjonijiet immirati u opportunitajiet ta’ taħriġ u networking – jew jista’ jseħħ fiżikament, online jew b’mod ibridu.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 189, 28.5.2021, p. 1. Minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament dwar Erasmus+”.

(2)   ĠU L 202, 8.6.2021, p. 32. Minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament dwar il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.” Il-Programm Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà se ssir referenza għalihom ukoll, b’mod konġunt, minn hawn ’il quddiem, bħala “il-Programmi”.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi Erasmus+: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni u taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 (ĠU L 189, 28.5.2021, p. 1).

(5)  Ir-Regolament dwar Erasmus+ jiddefinixxi “persuni b’inqas opportunitajiet” fl-Artikolu 2(25), u r-Regolament dwar il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jiddefinixxi “żgħażagħ b’inqas opportunitajiet” fl-Artikolu 2(4), fil-biċċa l-kbira b’mod identiku. F’din id-Deċiżjoni, dawn se jissejħu wkoll “parteċipanti b’inqas opportunitajiet”.

(6)  Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE u jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1).

(7)  Minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Karta”.


ANNESS

Gwida għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ inklużjoni tal-Programmi tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, tista’ tkompli tiżviluppa d-dettalji għall-miżuri ta’ inklużjoni stabbiliti f’din id-Deċiżjoni fil-linji gwida ta’ implimentazzjoni, sabiex jiġu elaborati u aġġornati matul il-ħajja tal-programmi tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà 2021–2027.

Il-gwida li ġejja tista’ tiġi żviluppata u rfinata progressivament, bħala parti miċ-ċiklu tal-ħajja regolari tal-programm:

1.

Dokumenti ta’ referenza tal-programm: il-Kummissjoni tista’ tipprovdi gwida lill-partijiet ikkonċernati dwar il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-miżuri ta’ inklużjoni u diversità f’dokumenti bħas-sejħa għall-proposti u l-gwidi tal-programmi, fil-gwida għall-esperti li jevalwaw il-proposti tal-proġetti, kif ukoll fil-formoli tal-applikazzjoni, u f’dokumenti tekniċi oħra, bħall-Istrateġija għall-Inklużjoni u d-Diversità (1).

2.

L-attivitajiet fil-qafas tal-ġestjoni tal-aġenziji nazzjonali tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà: Bħala parti mill-proċess ta’ valutazzjoni perjodika tagħhom, l-aġenziji nazzjonali għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-impatt tal-pjanijiet nazzjonali tagħhom fil-qasam tal-inklużjoni u d-diversità u kif dawn jikkontribwixxu għall-objettivi ġenerali tal-inklużjoni u diversità tal-Programmi fil-livell Ewropew.

3.

Materjali ta’ Komunikazzjoni u linji gwida strateġiċi: Minbarra d-dokumenti ta’ referenza tal-programm, il-Kummissjoni tista’ tiżviluppa dokumenti ta’ gwida ulterjuri b’rakkomandazzjonijiet utli, stejjer li jkunu rnexxew u prattiki tajbin indirizzati għall-aġenziji nazzjonali tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u lill-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni (EACEA), organizzazzjonijiet benefiċjarji u lill-parteċipanti potenzjali b’inqas opportunitajiet biex tappoġġa b’mod kwalitattiv l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ inklużjoni u diversità, u biex tqajjem kuxjenza dwar l-opportunitajiet differenti disponibbli. Dawn il-materjali u l-linji gwida għandhom jiġu żviluppati bħala kokreazzjoni flimkien mal-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-qasam.

Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-istrutturi ta’ implimentazzjoni rilevanti, għandha tiżgura firxa wiesgħa ta’ materjali msemmija fil-punt 3 tat-tieni subparagrafu. Dan għandu jsir permezz tas-siti web iddedikati, kanali tal-media soċjali u forom oħra ta’ komunikazzjoni, bil-mira li tiġi żgurata viżibbiltà u titqajjem kuxjenza fost il-benefiċjarji u l-parteċipanti potenzjali b’inqas opportunitajiet, kif ukoll biex jiġi promoss l-involviment attiv ta’ dawk il-benefiċjarji u l-parteċipanti potenzjali b’inqas opportunitajiet fil-proċess ta’ kokreazzjoni ta’ programmi tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà aktar inklużivi u diversi.


(1)  https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/resources/implementation-guidelines-erasmus-and-european-solidarity-corps-inclusion-and-diversity_mt


26.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 378/22


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1878

tal-25 ta’ Ottubru 2021

dwar id-deżinjazzjoni tar-Reġistru tad-dominju tal-ogħla livell .eu

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/517 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-isem ta’ dominju tal-ogħla livell.eu u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 733/2002 u jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1083 tal-14 ta’ Mejju 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/517 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla u l-proċedura għall-ħatra tar-Reġistru tal-isem tad-dominju tal-ogħla livell .eu, u b’mod partikolari l-Artikolu 9(3) tiegħu (2),

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni għandha tiddeżinja r-Reġistru fdat bl-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-ġestjoni tad-dominju tal-ogħla livell .eu abbażi ta’ proċedura tal-għażla miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja. Il-proċedura tal-għażla trid torganizzaha l-Kummissjoni f’żewġ fażijiet, u l-Kummissjoni l-ewwel trid tivvaluta l-eliġibbiltà tal-applikanti u mbagħad tistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-applikanti eliġibbli abbażi tal-kriterji tal-għażla definiti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/1083.

(2)

Il-kuntratt attwali għall-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-ġestjoni tad-dominju tal-ogħla livell .eu bejn il-Kummissjoni u r-Reġistru ġie ffirmat fl-10 ta’ Ottubru 2014 għal terminu ta’ ħames snin u mbagħad ġie estiż fl-2019 għal tliet snin oħra. Se jiskadi fit-12 ta’ Ottubru 2022.

(3)

Fl-1 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni ppubblikat sejħa f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għall-għażla tar-Reġistru tad-dominju tal-ogħla livell .eu (2021-026011) u stiednet applikazzjonijiet mingħand organizzazzjonijiet li jixtiequ jiġu fdati bl-organizzazzjoni, il-ġestjoni u l-amministrazzjoni tad-dominju tal-ogħla livell .eu.

(4)

Is-sejħa għalqet fit-18 ta’ Mejju 2021 u waslu ħames applikazzjonijiet.

(5)

Fl-ewwel fażi tal-proċedura tal-għażla, il-Kummissjoni vvalutat in-nuqqas ta’ kriterji ta’ esklużjoni u jekk l-applikanti jissodisfawx il-kriterji tal-eliġibbiltà. Erba’ applikazzjonijiet instabu eliġibbli. Fid-9 ta’ Lulju 2021 ġiet ippubblikata l-lista tal-applikanti eliġibbli u l-Kummissjoni informat lil kull applikant bir-riżultati tal-ewwel fażi tal-proċedura.

(6)

Fit-tieni fażi tal-proċedura, il-Kummissjoni vvalutat l-applikanti eliġibbli u stabbiliet klassifikazzjoni abbażi tal-kriterji tal-għażla. Il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjonijiet u stabbiliet tabella bil-marki individwali ta’ kull applikazzjoni. Il-kwalità tal-applikazzjonijiet ġiet evalwata f’konformità mat-Taqsima 3.2 tas-sejħa, skont il-kwalità tas-servizz propost, il-livell adegwat tar-riżorsi umani u tekniċi proposti biex jitwettqu l-kompiti tar-Reġistru, u l-pożizzjoni finanzjarja u ta’ konformità proposta biex jitwettqu l-kompiti tar-Reġistru. Il-Kummissjoni rċeviet ukoll assistenza fl-analiżi tal-applikazzjonijiet minn esperti indipendenti esterni.

(7)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-klassifikazzjoni tal-applikanti. L-ewwel applikant klassifikat, ir-Reġistru Ewropew tad-Dominji tal-Internet (EURid), jenħtieġ li jiġi ddeżinjat bħala r-Reġistru tad-dominju tal-ogħla livell .eu li jmiss u jiġi mistieden jidħol f’negozjati biex jiffirma l-kuntratt skont is-sejħa għall-għażla. Dan il-kuntratt irid jitmexxa mill-prinċipji stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/857 (3).

(8)

F’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/1083, meta n-negozjati kuntrattwali bejn il-kandidat magħżul u l-Awtorità Kontraenti jiġu tterminati mingħajr il-konklużjoni ta’ kuntratt, il-Kummissjoni se tiddeżinja lill-applikant li jkun imiss bħala r-Reġistru,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Reġistru Ewropew tad-Dominji tal-Internet (EURid) għandu jkun ir-Reġistru tad-dominju tal-ogħla livell .eu fdat bl-organizzazzjoni, il-ġestjoni u l-amministrazzjoni tad-dominju tal-ogħla livell .eu skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) 2019/517 u soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2.

Artikolu 2

Ir-Reġistru Ewropew tad-Dominji tal-Internet (EURid) għandu jiġi mistieden jagħmel kuntratt biex jispeċifika l-kundizzjonijiet li skonthom il-Kummissjoni tissorvelja kif ir-Reġistru qed jorganizza, jamministra u jimmaniġġja d-Dominju tal-ogħla livell .eu, f’konformità mal-Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) 2019/517.

Jekk in-negozjati tal-kuntratt bejn ir-Reġistru Ewropew tad-Dominji tal-Internet (EURid) u l-Kummissjoni jintemmu mingħajr il-konklużjoni ta’ kuntratt, l-applikant li jkun imiss għandu jinħatar bħala r-Reġistru, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/1083.

Il-kuntratt tal-konċessjoni tas-servizz għandu jkollu perjodu inizjali ta’ ħames snin u jista’ jiġi estiż darba għal perjodu addizzjonali sa ħames snin.

Artikolu 3

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/207/UE (4) hija mħassra.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 91, 29.3.2019, p. 25.

(2)   ĠU L 239, 24.7.2020, p. 1.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/857 tas-17 ta’ Ġunju 2020 li jistabbilixxi l-prinċipji li għandhom jiġu inklużi fil-kuntratt bejn il-Kummissjoni Ewropea u r-Reġistru tad-dominju tal-ogħla livell .eu skont ir-Regolament (UE) 2019/517 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 195, 19.6.2020, p. 52).

(4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/207/UE tal-11 ta' April 2014 dwar il-ħatra tar-Reġistru tad-Dominju tal-Ogħla Livell .eu (ĠU L 109, 12.4.2014, p. 41).