ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 369

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 64
19 ta' Ottubru 2021


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1819 tat-18 ta’ Ottubru 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

1

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1820 tat-18 ta’ Ottubru 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/325 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ħjut b’saħħithom ħafna (high tenacity) ta’ poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

3

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1821 tat-18 ta’ Ottubru 2021 li jaċċetta talba għal trattament ta’ produttur esportatur ġdid fir-rigward tal-miżuri anti-dumping definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198

5

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1822 tal-15 ta’ Ottubru 2021 dwar il-ħatra tal-President tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA)

9

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1823 tat-18 ta’ Ottubru 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2013/798/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana

11

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1824 tat-18 ta’ Ottubru 2021 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1515 li tistabbilixxi Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża (KESD)

13

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1825 tat-18 ta’ Ottubru 2021 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1693 dwar miżuri restrittivi kontra ISIL (Da'esh) u Al-Qaida, u persuni, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati magħhom

14

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1826 tat-18 ta’ Ottubru 2021 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1763dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Burundi

15

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1827 tat-18 ta’ Ottubru 2021 dwar standards għas-servizzi postali u t-titjib fil-kwalità tas-servizz b’appoġġ għad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 )

16

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

19.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 369/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2021/1819

tat-18 ta’ Ottubru 2021

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK tat-23 ta’ Diċembru 2013 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 224/2014 (2), sabiex jagħti effett lil ċerti miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2013/798/PESK.

(2)

Fid-29 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) adotta r-Riżoluzzjoni 2588 (2021). Dik ir-riżoluzzjoni testendi l-eżenzjonijiet għall-embargo fuq l-armi u twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri restrittivi.

(3)

Fit-18 ta’ Ottubru 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2021/1823 (3), li temenda d-Deċiżjoni 2013/798/PESK f’konformità mar-Riżoluzzjoni tal-KSNU 2588 (2021).

(4)

Xi wħud minn dawk l-emendi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni biex jiġu implimentati flimkien mal-aġġustamenti tekniċi fid-dawl tar-Riżoluzzjonijiet tal-KSNU preċedenti, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 224/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 224/2014 huwa emendat kif gej:

(1)

fl-Artikolu 3, il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

relatati ma’ armi b’kalibru ta’ 14,5 mm jew anqas u munizzjon u komponenti mfassla speċjalment għal tali armi, u ma’ vetturi militari tal-art mhux armati u vetturi militari tal-art armati b’armi ta’ kalibru ta’ 14,5 mm jew anqas, u l-partijiet ta’ rikambju tagħhom, u ma’ granati bi propulsjoni ta’ rokit, u munizzjon imfassal apposta għal armi bħal dawn, u ta’ mortars b’kalibru ta’ 60 mm u 82 mm, u munizzjon imfassal apposta għal tali armi, lill-forzi tas-sigurtà tar-RĊA, inklużi istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi ċivili, fejn tali armi, munizzjoni, komponenti u vetturi jkunu maħsuba biss għall-appoġġ tal-proċess tar-RĊA tar-RSS jew għal użu fih, dment li l-provvediment ta’ tali assistenza jew servizzi jkun ġie nnotifikat mill-inqas 20 jum minn qabel lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet;”;

(2)

fl-Artikolu 5(3), jiżdied il-punt li ġej:

“(k)

involuti fl-ippjanar, id-direzzjoni, l-isponsorjar jew it-twettiq ta’ atti fir-RĊA lil jiksru d-dritt umanitarju internazzjonali, inklużi attakki kontra persunal mediku jew persunal umanitarju.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-18 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  ĠU L 352, 24.12.2013, p. 51.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 224/2014 tal-10 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (ĠU L 70, 11.3.2014, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1823 tat-18 ta’ Ottubru 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2013/798/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana (ara l-paġna 11 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


19.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 369/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1820

tat-18 ta’ Ottubru 2021

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/325 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ħjut b’saħħithom ħafna (high tenacity) ta’ poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu,

Billi:

(1)

L-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ħjut b’saħħithom ħafna (high tenacity) ta’ poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina huma soġġetti għall-miżuri antidumping minn 5,1 % sa 9,8 % għall-produtturi esportaturi mir-RPĊ inklużi fil-kampjun. Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ma kinux inklużi fil-kampjun ġiet imposta rata ta’ dazju ta’ 5,3 %. Barra minn hekk, ġiet imposta rata ta’ dazju għall-pajjiż kollu ta’ 9,8 % fuq l-importazzjonijiet ta’ ħjut tal-poliesteri b’saħħithom ħafna permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1105/2010 (2) ..

(2)

Wara rieżami ta’ skadenza, il-miżuri oriġinali ġew estiżi għal ħames snin oħra permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/325 (3).

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1706 (4) ikkonkluda li l-kumpanija Wuxi Solead Technology Development Co., Ltd (Wuxi Solead) issodisfat il-kriterji biex titqies bħala produttur esportatur ġdid u żiedet isimha mal-lista ta’ kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun.

(4)

Fis-16 ta’ Jannar 2020, il-kumpanija, wara bidla f’isimha (5) talbet lill-Kummissjoni fis-26 ta’ Mejju 2020 biex tikkonferma li l-bidla f’isimha ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju kompensatorju individwali applikata għaliha taħt l-isem li kellha qabel.

(5)

Il-Kummissjoni eżaminat l-informazzjoni pprovduta u kkonkludiet li l-bidla fl-isem ma affettwatx is-sejbiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1706 u b’mod partikolari r-rata tad-dazju antidumping applikabbli għal Wuxi Solead.

(6)

Fit-8 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati dwar is-sejbiet tagħha ta’ hawn fuq u stednithom jikkummentaw sa data speċifika. Ma wasal l-ebda kumment.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/325 ir-referenza għal

“Wuxi Solead Technology Development Co., Ltd.

Yixing City”

jenħtieġ li jinftiehmu bħala referenza għal:

“Jiangsu Solead New Material Group Co., Ltd.

Yixing City”

2.   Il-kodiċi addizzjonali TARIC A977 applikabbli għall-produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun għandu japplika għal Jiangsu Solead New Material Group Co., Ltd, Yixing City’ mis-16 ta’ Jannar 2020. Kwalunkwe dazju definittiv imħallas fuq importazzjonijiet ta’ prodotti manifatturati minn Jiangsu Solead New Material Group Co., Ltd., Yixing City li jaqbżu d-dazju antidumping stabbilit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/325 fir-rigward ta’ Wuxi Solead Technology Development Co., Ltd. għandu jitħallas lura jew jitnaqqas skont il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1105/2010 tad-29 ta’ Novembru 2010 li jimponi dazju definittiv tal-antidumping u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-ħjut tal-poliesteri ta’ tenaċità għolja li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jtemm il-proċediment li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-ħjut tal-poliesteri ta’ tenaċità għolja li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea u t-Tajwan (ĠU L 315, 1.12.2010, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/325 tal-24 ta’ Frar 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ħjut b’saħħithom ħafna (high tenacity) ta’ poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 49, 25.2.2017, p. 6).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1706 tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/325 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ħjut b’saħħithom ħafna (high tenacity) ta’ poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 260, 11.10.2019, p. 42).

(5)  Yixing Market Supervision Administration — Avviż dwar il-ħatra għar-Reġistrazzjoni ta’ Alternanza ta’ Kumpanija b’Investiment Barrani (02821322–6) Corrigendum ta’ Kumpanija b’Investiment Barrani [2020] Nru 01160001 Unified Social Credit Identifier: 91320282330802782


19.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 369/5


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1821

tat-18 ta’ Ottubru 2021

li jaċċetta talba għal trattament ta’ produttur esportatur ġdid fir-rigward tal-miżuri anti-dumping definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1198 tat-12 ta’ Lulju 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Billi,

A.   MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1)

Fit-13 ta’ Mejju 2013 il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina (“oġġetti li jintużaw fuq il-mejda”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 412/2013 (“ir-Regolament oriġinali”) (3).

(2)

Fit-12 ta’ Lulju 2019, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni estendiet il-miżuri tar-regolament oriġinali għal ħames snin oħra permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1198.

(3)

Fit-28 ta’ Novembru 2019, wara investigazzjoni antiċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036, il-Kummissjoni emendat ir-Regolament (UE) 2019/1198 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2131 (4).

(4)

Fl-investigazzjoni oriġinali, il-kampjunar ġie applikat għall-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(5)

Il-Kummissjoni impona rati individwali ta’ dazju anti-dumping li jvarjaw minn 13,1 % sa 23,4 % (5) fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat għall-produtturi esportaturi mir-RPĊ inklużi fil-kampjun. Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ma kinux inklużi fil-kampjun ġiet imposta rata ta’ dazju ta’ 17,9 %. Il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun huma elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1198 kif emendat mir-Regolament (UE) 2019/2131. Barra minn hekk, ġiet imposta wkoll rata ta’ dazju mal-pajjiż kollu ta’ 36,1 % fuq il-prodott ikkonċernat minn kumpaniji fir-RPĊ li jew ma ddikjarawx ruħhom jew inkella ma kkooperawx fl-investigazzjoni.

(6)

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/1198, il-Kummissjoni tista’ temenda l-Anness I ta’ dak ir-Regolament billi tagħti lil produttur esportatur ġdid ir-rata tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw u li mhumiex inklużi fil-kampjun, jiġifieri r-rata tad-dazju medja ponderata ta’ 17,9 %, meta kwalunkwe produttur esportatur ġdid fir-RPĊ jipprovdi evidenza suffiċjenti lill-Kummissjoni li:

(a)

ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011 (“il-perjodu oriġinali ta’ investigazzjoni”);

(b)

mhux relatat mal-ebda esportatur jew produttur fir-RPĊ li huwa soġġett għall-miżuri anti-dumping imposti bir-Regolament (UE) 2019/1198; kif ukoll

(c)

hu effettivament esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni jew inkella daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli li jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu tal-investigazzjoni għal rieżami.

B.   TALBA GĦAL TRATTAMENT TA’ PRODUTTUR ESPORTATUR ĠDID

(7)

Il-kumpanija Liling Taichang Ceramics Co., Ltd. (“Taichang” jew “l-applikant”), ressqet talba lill-Kummissjoni biex tingħata trattament ta’ produttur esportatur ġdid (new exporting producer treatment — “NEPT”) u għalhekk hija soġġetta għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw fir-RPĊ mhux inklużi fil-kampjun, li hija ta’ 17,9 %. L-applikant qal li kien jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/1198.

(8)

Biex jiġi ddeterminat jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet biex jingħata n-NEPT kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/1198 (“il-kriterji NEPT”), il-Kummissjoni l-ewwel bagħtet kwestjonarju lill-applikant fejn talbet għal evidenza li turi li hu kien qed jissodisfa l-kriterji NEPT.

(9)

Wara l-analiżi tat-tweġiba għall-kwestjonarju, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni u evidenza ta’ sostenn, li l-applikant ippreżenta.

(10)

Il-Kummissjoni fittxet li tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa biex tiddetermina jekk l-applikant kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet tan-NEPT. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni analizzat l-evidenza ppreżentata mill-applikant fit-tweġiba tiegħu għall-kwestjonarju, billi kkonsultat diversi bażijiet ta’ data online inkluża Qichacha (6) u billi kkontroverifikat l-informazzjoni tal-kumpanija mal-informazzjoni disponibbli pubblikament fuq l-Internet. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni infurmat ukoll lill-industrija tal-Unjoni dwar it-talba tal-applikant u stednitu jipprovdi kwalunkwe kumment jekk ikun hemm bżonn. L-industrija tal-Unjoni pprovdiet kummenti li ġew ikkunsidrati.

C.   ANALIŻI TAT-TALBA

(11)

Fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (UE) 2019/1198 li l-applikant ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li l-miżuri huma bbażati fuqu, waqt l-investigazzjoni l-Kummissjoni stabbiliet li l-applikant dak iż-żmien tassew ma kienx jeżisti bħala kumpanija. L-Artikoli ta ‘Assoċjazzjoni ta’ Taichang u l-liċenzja tan-negozju tagħha jibdew minn Marzu 2016. Għaldaqstant, l-applikant ma setax jesporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u għalhekk jissodisfa din il-kundizzjoni.

(12)

Fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament (UE) 2019/1198 li l-applikant mhu relatat mal-ebda esportatur jew produttur li huwa soġġett għall-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament 2019/1198, matul l-investigazzjoni l-Kummissjoni stabbiliet li Taichang mhi relatata mal-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi Ċiniżi li huma soġġetti għall-miżuri anti-dumping. Skond Qichacha, l-azzjonist ewlieni ta’ Taichang, is-Sur Zhou Jianxiang, m’għandux ishma fl-ebda kumpanija li tittratta l-produzzjoni, l-ipproċessar, il-bejgħ jew ix-xiri tal-prodott ikkonċernat għajr Taichang innifisha. Il-bqija tal-ishma tal-kumpannija huma proprjetà tal-kumpannija relatata Liling Taichang Carton Factory (iktar’ il quddiem “Taichang Carton”), li l-uniku azzjonist tagħha huwa wkoll is-Sur Zhou Jianxiang.

(13)

Taichang Carton, stabbilita f’Jannar 2014, jiġifieri wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, kienet involuta fl-ipproċessar tal-prodott ikkonċernat għal kumpaniji terzi sa Marzu 2017. F’Marzu 2017, Taichang Carton ittrasferixxiet il-faċilitajiet ta’ produzzjoni rilevanti lir-rikorrenti bħala l-injezzjoni ta’ kapital tagħha bħala azzjonista. Wara dan, Taichang Carton waqqfet l-operat tagħha stess. Il-Kummissjoni ma identifikat l-ebda relazzjoni skont id-definizzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (7). Għalhekk, l-applikant jissodisfa din il-kundizzjoni.

(14)

Fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament (UE) 2019/1198, li l-applikant fil-fatt esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli li jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, matul l-investigazzjoni l-Kummissjoni stabbiliet li l-applikant esporta lejn l-Unjoni fl-2019 u l-2020, għalhekk wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali. L-applikant issottometta fatturi, poloz tal-kargu u rċevuti tal-ħlas għal tliet ordnijiet magħmula minn kumpanija fi Franza. Għalhekk, l-applikant jissodisfa din il-kundizzjoni.

(15)

Għaldaqstant, l-applikant jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet li biex jingħata n-NEPT, kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/1198 u jenħtieġ għalhekk li t-talba tiġi milqugħa. Konsegwentement, l-applikant għandu jkun soġġett għal dazju anti-dumping ta’ 17,9 % għall-kumpaniji li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali.

D.   DIVULGAZZJONI

(16)

L-applikant u l-industrija tal-Unjoni kienu infurmati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet skont liema tqies xieraq li tingħata r-rata tad-dazju anti-dumping applikabbli lill-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali lil Liling Taichang Ceramics Co., Ltd.

(17)

Il-partijiet ingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw kummenti. Ma wasal l-ebda kumment.

(18)

Dan ir-Regolament huwa skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kumpanija li ġejja tiżdied mal-Anness I tar-Regolament 2019/1198 li fih il-lista tal-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun:

Kumpanija

Kodiċi addizzjonali TARIC

Liling Taichang Ceramics Co., Ltd.

C685

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  ĠU L 189, 15.7.2019, p. 8.

(3)  ĠU L 131, 15.5.2013, p. 1.

(4)  ĠU L 321, 12.12.2019, p. 139.

(5)  Wara l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/2131, ir-rati individwali jvarjaw bejn 13,1 % u 18,3 %.

(6)  Qichacha hija bażi ta’ data privata, bi skop ta’ qligħ, li tipprovdi data kummerċjali, informazzjoni ta’ kreditu, u analitika ta’ kumpaniji privati u pubbliċi bbażati fiċ-Ċina, għall-konsumaturi/professjonisti.

(7)  L-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558) (il-Kodiċi Doganali tal-UE), jistipula li żewġ persuni għandhom jitqiesu relatati jekk tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew iktar tal-azzjonijiet bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom direttament jew indirettament jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; (h) ikunu membri tal-istess familja. Il-persuni li huma assoċjati fin-negozju ma’ xulxin, fis-sens li waħda tkun l-aġent waħdieni, id-distributur waħdieni jew il-konċessjonarju waħdieni, bi kwalunkwe mod deskritt, tal-persuna l-oħra, għandhom jitqiesu bħala relatati biss jekk ikunu jaqgħu fi ħdan il-kriterji msemmija fis-sentenza ta’ qabel.


DEĊIŻJONIJIET

19.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 369/9


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1822

tal-15 ta’ Ottubru 2021

dwar il-ħatra tal-President tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 48(2) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 48(2) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, li ġie emendat bir-Regolament (UE) 2019/2175 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), abbażi ta’ lista mqassra ta’ kandidati kwalifikati mfassla mill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni biex jaħtar il-President, wara konferma mill-Parlament Ewropew.

(2)

Fis-26 ta’ Novembru 2020, il-Kunsill irċieva l-lista mqassra ta’ tliet kandidati magħżula mill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA għall-pożizzjoni ta’ President tal-ESMA.

(3)

Fil-11 ta’ Diċembru 2020, it-tliet kandidati ġew intervistati mill-Presidenza f’isem l-Istati Membri.

(4)

Fit-22 ta’ Settembru 2021, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti qabel dwar wieħed mill-kandidati fil-lista mqassra għall-pożizzjoni ta’ President tal-ESMA: is-Sa Verena ROSS.

(5)

Fid-29 ta’ Settembru 2021, il-Kunsill bagħat ittra lill-Parlament Ewropew li tiddikjara li, jekk il-Parlament Ewropew jikkonferma l-ħatra tas-Sa Verena ROSS għall-pożizzjoni ta’ President tal-ESMA, il-Kunsill jadotta deċiżjoni biex jaħtarha bħala l-President tal-ESMA.

(6)

Fil-5 ta’ Ottubru 2021, il-Parlament Ewropew ikkonferma lis-Sa Verena ROSS għall-pożizzjoni ta’ President tal-ESMA.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-Sa Verena ROSS hija b’dan maħtura President tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) għal perijodu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Novembru 2021.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-15 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. CIGLER KRALJ


(1)  ĠU L 331 15.12.2010, p. 84.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2019/2175 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji, ir-Regolament (UE) 2016/1011 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment, u r-Regolament (UE) 2015/847 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi. (ĠU L 334, 27.12.2019, p. 1).


19.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 369/11


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/1823

tat-18 ta’ Ottubru 2021

li temenda d-Deċiżjoni 2013/798/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-23 ta’ Diċembru 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/798/PESK (1), dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana.

(2)

Fid-29 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2588 (2021), li testendi l-eżenzjonijiet għall-embargo fuq l-armi u twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri restrittivi.

(3)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni biex ċerti miżuri jiġu implimentati.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2013/798/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2013/798/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2(1), il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ armi b’kalibru ta’ 14,5 mm jew anqas u munizzjon u komponenti mfassla speċjalment għal tali armi, u ta’ vetturi militari tal-art mhux armati u vetturi militari tal-art immuntati b’armi b’kalibru ta’ 14,5 mm jew inqas, u l-partijiet ta’ rikambju tagħhom, u tal-granati bi propulsjoni ta’ rokit, u munizzjon imfassal speċjalment għal tali armi, u ta’ mortars b’kalibru ta’ 60 mm u 82 mm, u munizzjon imfassal apposta għal tali armi, u l-forniment ta’ assistenza relatata, lill-forzi tas-sigurtà tar-RĊA, inkluż l-istituzzjonijiet statali tal-infurzar tal-liġi ċivili, meta tali armi, munizzjon, komponenti u vetturi jkunu intenzjonati biss għall-appoġġ tal-proċess tar-RĊA għar-RSS jew għal użu fih, kif innotifikat minn qabel lill-Kumitat;';

(2)

fl-Artikolu 2a(1), jiżdied il-punt li ġej:

“(k)

involuti fl-ippjanar, id-direzzjoni, l-isponsorjar jew it-twettiq ta’ atti fir-RĊA li jiksru d-dritt umanitarju internazzjonali, inklużi attakki kontra persunal mediku jew persunal umanitarju,”;

(3)

fl-Artikolu 2b(1), jiżdied il-punt li ġej :

“(k)

involuti fl-ippjanar, id-direzzjoni, l-isponsorjar jew it-twettiq ta’ atti fir-RĊA li jiksru d-dritt umanitarju internazzjonali, inklużi attakki kontra persunal mediku jew persunal umanitarju,”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-18 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK tat-23 ta’ Diċembru 2013 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 51).


19.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 369/13


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/1824

tat-18 ta’ Ottubru 2021

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1515 li tistabbilixxi Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża (KESD)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 42(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fid-19 ta’ Ottubru 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1515 (1), li tistabbilixxi Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża (KESD).

(2)

Jenħtieġ li jiġi stabbilit ammont ta’ referenza finanzjarja ġdid għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2022.

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1515 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 16(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1515 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa tal-KESD matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2022 għandu jkun ta’ EUR 1 975 752,04.

L-ammont ta’ referenza finanzjarja biex ikopri n-nefqa tal-KESD għal perijodi sussegwenti għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.’.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-18 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1515 tad-19 ta’ Ottubru 2020 li tistabbilixxi Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2016/2382 (ĠU L 348, 20.10.2020, p. 1).


19.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 369/14


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/1825

tat-18 ta’ Ottubru 2021

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1693 dwar miżuri restrittivi kontra ISIL (Da'esh) u Al-Qaida, u persuni, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati magħhom

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-20 ta' Settembru 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/1693 (1).

(2)

Il-miżuri restrittivi stipulati fl-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 3(3) u (4) tad-Deċiżjoni (PESK) 2016/1693 japplikaw sal-31 ta' Ottubru 2021. Abbażi ta' rieżami ta' dik id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-miżuri restrittivi jiġu estiżi sal-31 ta' Ottubru 2022.

(3)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2016/1693 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni (PESK) 2016/1693, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.

Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 2(2) u fl-Artikolu 3(3) u (4) għandhom japplikaw sal-31 ta' Ottubru 2022.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-18 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1693 tal-20 ta’ Settembru 2016 dwar miżuri restrittivi kontra ISIL (Da’esh) u Al-Qaida, u persuni, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati magħhom u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK (ĠU L 255, 21.9.2016, p. 25).


19.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 369/15


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/1826

tat-18 ta’ Ottubru 2021

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1763dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Burundi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-1 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1763 (1), dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Burundi.

(2)

Abbażi ta' rieżami tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1763, jenħtieġ li l-miżuri restrittivi jiġġeddu sal-31 ta' Ottubru 2022.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1763 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1763, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Ottubru 2022.’.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-18 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1763 tal-1 ta’ Ottubru 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Burundi (ĠU L 257, 2.10.2015, p. 37).


19.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 369/16


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1827

tat-18 ta’ Ottubru 2021

dwar standards għas-servizzi postali u t-titjib fil-kwalità tas-servizz b’appoġġ għad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 20 tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-fornituri ta’ servizz universali jirreferu għall-istandards ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fejn meħtieġ fl-interessi tal-utenti u b’mod partikolari meta jipprovdu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 ta’ dik id-Direttiva.

(2)

Il-Kummissjoni ħarġet mandat ta’ standardizzazzjoni, M/428, fil-qasam tas-servizzi postali fid-9 ta’ Ottubru 2008. Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2016) 4876 (3), il-Kummissjoni għamlet talba lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) għall-abbozzar u r-reviżjoni tal-istandards Ewropej jew tar-riżultati tal-istandardizzazzjoni Ewropea b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 97/67/KE u b’appoġġ għall-Azzjoni 5 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Pjan direzzjonali dwar l-ikkompletar tas-suq uniku għall-konsenja tal-pakketti It-tiswir tal-fiduċja fis-servizzi ta’ konsenja u l-għoti ta’ spinta lill-bejgħ online” (4).

(3)

Abbażi tat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2016) 4876, is-CEN irriveda l-istandard EN 13850:2012 dwar il-kejl tal-ħin ta’ tranżitu tas-servizzi minn tarf sa tarf għal posta prijoritarja f’biċċa waħda u għall-posta tal-ewwel klassi u ssostitwih b’EN 13850:2020; irriveda EN 14012:2008 dwar il-prinċipji tat-trattament tal-ilmenti u ssostitwih b’EN 14012:2019; irriveda EN 14615:2005 dwar il-marki tal-posta diġitali biex jadattah għar-rekwiżiti l-ġodda tal-istampar tad-data sikura u ssostitwih b’EN 14615:2017; irriveda EN 14142-1:2011 u CEN/TR 14142-2:2011 biex jadattahom għall-istandard internazzjonali l-ġdid ISO 19160-4:2017 dwar l-indirizzar (Komponenti internazzjonali tal-indirizz postali u l-lingwaġġ tal-mudell) u ssostitwihom b’EN ISO 19160-4:2017.

(4)

Abbażi tat-talba stabbilita fil-mandat ta’ standardizzazzjoni M/428 tad-9 ta’ Ottubru 2008, is-CEN irriveda l-istandard EN 14508:2003+A1:2007 dwar il-ħin ta’ tranżitu għall-posta mhux ta’ prijorità u ssostitwih b’EN 14508:2016; irriveda EN 14534:2003+A1:2007 dwar il-ħin ta’ tranżitu għall-posta bil-kwantità u ssostitwih b’EN 14534:2016 kif ikkoreġut minn EN 14534:2016/AC:2017, u kkoreġa EN 13724:2013 dwar aperturi ta’ kaxxi tal-ittri privati u pjanċi tal-ittri billi ppubblika l-korriġendum EN 13724:2013/AC:2016.

(5)

Ir-referenzi tal-istandards EN 13850:2012, EN 14012:2008, EN 14142:2011, EN 14508:2003+A1:2007, EN 14534:2003+A1:2007, EN 14615:2005 u EN 13724:2013 ġew ippubblikati permezz tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2015/C 159/01 (5).

(6)

Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN, ivvalutat jekk l-istandards EN 13850:2020, EN 14012:2019, EN 14615:2017, u EN ISO 19160-4:2017 humiex konformi mat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2016) 4876.

(7)

Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN, ivvalutat jekk l-istandards EN 14508:2016 and EN 14534:2016 kif ikkoreġuti minn EN 14534:2016/AC:2017 humiex konformi mat-talba stabbilita fil-mandat ta’ standardizzazzjoni M/428 tad-9 ta’ Ottubru 2008.

(8)

L-istandards EN 13850:2020, EN 14012:2019, EN 14615:2017, EN ISO 19160-4:2017, EN 14508:2016 u EN 14534:2016 kif ikkoreġuti minn EN 14534:2016/AC:2017 jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ armonizzazzjoni kontinwa tal-istandards tekniċi kif imsemmi fid-Direttiva 97/67/KE. Għalhekk huwa xieraq li r-referenzi ta’ dawk l-istandards u r-rettifika EN 13724:2013/AC:2016 għal EN 13724:2013 jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(9)

L-istandards EN 13850:2020, EN 14012:2019, EN 14615:2017, EN ISO 19160-4:2017, EN 14508:2016 u EN 14534:2016 kif ikkoreġuti minn EN 14534:2016/AC:2017 jissostitwixxu l-istandards EN 13850:2012, EN 14012:2008, EN 14615:2005, EN 14142-1:2011, EN 14508:2003+A1:2007 u EN 14534:2003+A1:2007. Għalhekk jeħtieġ li jiġu rtirati r-referenzi tal-istandards EN 13850:2012, EN 14012:2008, EN 14615:2005, EN 14142-1:2011, EN 14508:2003+A1:2007 u EN 14534:2003+A1:2007 minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(10)

Fl-interessi taċ-ċarezza u ċ-ċertezza ġuridika, lista sħiħa ta’ referenzi ta’ standards tekniċi abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 97/67/KE jeħtieġ li tiġi ppubblikata f’att wieħed. Għaldaqstant jenħtieġ li r-referenzi l-oħra tal-istandards tekniċi ppubblikati permezz tal-Komunikazzjoni 2015/C 159/01 jiġu inklużi wkoll f’din id-Deċiżjoni. Għaldaqstant, jixraq li dik il-Komunikazzjoni titħassar.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-referenzi għall-istandards tekniċi għas-servizzi postali u t-titjib tal-kwalità tas-servizz abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 97/67/KE u elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni huma b’dan ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Il-Komunikazzjoni 2015/C 159/01 titħassar.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.

(2)  Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU L 15, 21.1.1998, p. 14).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2016) 4876 tal-1 ta’ Awwissu 2016 dwar talba għal standardizzazzjoni lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni fir-rigward tas-servizzi postali u t-titjib fil-kwalità tas-servizz b’appoġġ għad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997.

(4)  COM(2013) 886 final tas-16 ta’ Diċembru 2013.

(5)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (Pubblikazzjoni ta’ titli u referenzi ta’ standards tekniċi skont it-tifsira tal-Artikolu 20 tad-Direttiva) (ĠU C 159, 13.5.2015, p. 1).


ANNESS

Nru

Referenza tal-istandard

1.

EN 13619:2002

Servizzi postali — L-ipproċessar tal-oġġett postali — Karatteristiċi ottiċi għall-ipproċessar tal-ittri

2.

EN 13724:2013

Servizzi postali — Aperturi ta’ kaxxi tal-ittri privati u pjanċi tal-ittri — Rekwiżiti u metodi ta’ ttestjar

EN 13724:2013/AC:2016

3.

EN 13850:2020

Servizzi postali — Kwalità tas-servizzi — Kejl tal-ħin ta’ tranżitu ta’ servizzi minn tarf sa tarf għal posta ta’ prijorità b’biċċa waħda u posta tal-ewwel klassi

4.

EN 14012:2019

Servizzi postali — Kwalità tas-servizz — Prinċipji tat-trattament tal-ilmenti

5.

EN 14508:2016

Servizzi postali — Kwalità tas-servizz — Kejl tal-ħin ta’ tranżitu ta’ servizzi minn tarf sa tarf għal posta b’biċċa waħda mhux prijoritarja u posta tat-tieni klassi

6.

EN 14534:2016

Servizzi postali — Kwalità tas-servizz — Kejl tal-ħin ta’ tranżitu ta’ servizzi minn tarf sa tarf għal posta fi kwantità

EN 14534:2016/AC:2017

7.

EN 14615:2017

Servizzi postali — Marki diġitali tal-posta — Applikazzjonijiet, sigurtà u disinn

8.

EN ISO 19160-4:2017

Indirizzar — Parti 4: Komponenti tal-indirizz postali internazzjonali u l-lingwa tal-mudell (ISO 19160-4:2017)