ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 314

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 64
6 ta' Settembru 2021


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni (UE) 2021/1437 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Awwissu 2021 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2017/934 dwar id-delegazzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar is-sinifikanza ta’ entitajiet taħt superviżjoni (BĊE/2021/33)

1

 

*

Deċiżjoni (UE) 2021/1438 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Awwissu 2021 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2017/935 dwar id-delegazzjoni tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet ta’ kompetenza u idoneità u l-evalwazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ kompetenza u idoneità (BĊE/2021/34)

3

 

*

Deċiżjoni (UE) 2021/1439 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Awwissu 2021 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2018/546 dwar id-delega tas-setgħa għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet fuq fondi proprji (BĊE/2021/35)

8

 

*

Deċiżjoni (UE) 2021/1440 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Awwissu 2021 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 dwar id-delega tas-setgħa biex jiġu adottati deċiżjonijiet dwar l-ippassaportar, l-akkwiżizzjoni ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u l-irtirar ta' liċenzji ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (BĊE/2021/36)

14

 

*

Deċiżjoni (UE) 2021/1441 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Awwissu 2021 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/322 dwar id-delega tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet rigward is-setgħat superviżorji mogħtija skont il-liġi nazzjonali (BĊE/2021/37)

17

 

*

Deċiżjoni (UE) 2021/1442 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Awwissu 2021 dwar id-delega tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet dwar mudelli interni u dwar l-estensjoni tal-iskadenzi (BĊE/2021/38)

22

 

*

Deċiżjoni (UE) 2021/1443 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-26 ta’ Awwissu 2021 li tinnomina kapijiet ta' unitajiet ta' ħidma għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet dwar mudelli interni u deċiżjonijiet dwar l-estensjoni tal-iskadenzi ddelegati (BĊE/2021/40)

30

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

6.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/1


DEĊIŻJONI (UE) 2021/1437 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-3 ta’ Awwissu 2021

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2017/934 dwar id-delegazzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar is-sinifikanza ta’ entitajiet taħt superviżjoni (BĊE/2021/33)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2017/933 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ Novembru 2016 dwar qafas ġenerali għad-delegazzjoni ta' setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet għal strumenti legali relatati ma' kompiti superviżorji (BĊE/2016/40) (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/934 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/41) (3) tispeċifika l-kriterji għad-delegazzjoni tas-setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet lill-kapijiet tal-unitajiet ta’ ħidma tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar is-sinifikanza tal-entitajiet taħt superviżjoni. L-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni wriet li ċerti kjarifiki u emendi tekniċi huma meħtieġa, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ konsistenza u ċertezza fl-applikazzjoni ta’ dawk il-kriterji.

(2)

Il-proċedura għad-delegazzjoni tas-setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għandha tiġi ċċarata fir-rigward tal-emendi għad-deċiżjonijiet dwar is-sinifikanza fejn il-kapijiet tal-unitajiet tal-ħidma jkollhom tħassib fir-rigward tal-interkonnettività ta’ tali deċiżjoni ma’ deċiżjoni waħda jew aktar li tkun teħtieġ approvazzjoni superviżorja. Dan jista’ jkun il-każ fejn l-eżitu tal-valutazzjoni superviżorja rilevanti jkollu impatt dirett fuq waħda jew aktar minn dawk id-deċiżjonijiet l-oħra u għalhekk id-deċiżjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati fl-istess ħin mill-istess persuna li tieħu d-deċiżjonijiet sabiex jiġu evitati riżultati konfliġġenti.

(3)

Fl-24 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-BĊE u r-Repubblika tal-Bulgarija (4), u bejn il-BĊE u r-Repubblika tal-Kroazja (5). L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jipprevedi li biex iwettaq ċerti kompiti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro fejn tkun ġiet stabbilita kooperazzjoni mill-qrib skont dak l-Artikolu, il-BĊE jista’ jindirizza struzzjonijiet lill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru rilevanti. Huwa għalhekk xieraq li dawn l-istruzzjonijiet jiġu inklużi fost l-atti li l-BĊE jista’ jadotta permezz ta’ delegazzjoni lill-kapijiet ta’ unitajiet ta’ ħidma skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40).

(4)

Barra minn hekk, meta l-kapijiet tal-unitajiet ta’ ħidma ikollhom tħassib fir-rigward tal-kumplessità jew is-sensittività – f’termini ta’ impatt fuq ir-reputazzjoni tal-BĊE u/jew fuq il-funzjonament tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku – ta’ emenda għal deċiżjoni dwar is-sinifikanza, tali emenda għal deċiżjoni dwar is-sinifikanza teħtieġ li tiġi adottata skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni u mhux permezz ta’ deċiżjoni ddelegata. Din l-emenda tiżgura allinjament mal-proċeduri stabbiliti fid-deċiżjonijiet ta’ delega adottati mill-Kunsill Governattiv skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40) fir-rigward ta’ tipi oħra ta’ deċiżjonijiet superviżorji.

(5)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2017/934 (BĊE/2016/41) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/934 (BĊE/2016/41) hija emendata hekk kif ġej:

1.

fl-Artikolu 1, il-punt (9) li ġej huwa miżjud:

“(9)   ‘sensittività’ tfisser karatteristika jew fattur li jista’ jkollu impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni tal-BĊE u/jew fuq il-funzjonament effettiv u konsistenti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, inkluż iżda mhux limitat għal kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin: (a) l-entità rilevanti taħt superviżjoni tkun preċedentement, jew hija attwalment, soġġetta għal miżuri superviżorji severi bħal miżuri ta’ intervent bikri; (b) l-abbozz ta’ deċiżjoni ladarba jiġi adottat se jistabbilixxi preċedent ġdid li jista’ jorbot lill-BĊE fil-futur; (c) l-abbozz ta’ deċiżjoni ladarba jiġi adottat jista’ jiġbed l-attenzjoni negattiva tal-midja jew tal-pubbliku; jew (d) awtorità nazzjonali kompetenti li tkun daħlet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE tikkomunika n-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-abbozz ta’ deċiżjoni propost lill-BĊE.”;

2.

fl-Artikolu 2, għandhom jiżdiedu l-punti 3 sa 5 li ġejjin:

“3.   Emenda għal deċiżjoni dwar is-sinifikanza ma għandhiex tiġi adottata permezz ta’ deċiżjoni ddelegata jekk il-kumplessità tal-valutazzjoni jew is-sensittività tal-kwistjoni teħtieġ li tiġi adottata skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni.

4.   Id-delegazzjoni tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet skont il-paragrafu 1 għandha tapplika għal:

(a)

l-adozzjoni mill-BĊE ta’ deċiżjonijiet superviżorji;

(b)

l-adozzjoni mill-BĊE ta’ struzzjonijiet indirizzati, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li magħhom il-BĊE stabbilixxa kooperazzjoni mill-qrib.

5.   Il-kapijiet tal-unitajiet ta’ ħidma għandhom jissottomettu emenda għal deċiżjoni dwar sinifikanza li tissodisfa l-kriterji għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet iddelegati stabbiliti fl-Artikolu 3 lill-Bord Superviżorju u lill-Kunsill Governattiv għal adozzjoni skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni jekk il-valutazzjoni superviżorja ta’ dik l-emenda għal deċiżjoni dwar is-sinifikanza ikollha impatt dirett fuq il-valutazzjoni superviżorja ta’ deċiżjoni oħra li għandha tiġi adottata skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni.’.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-3 ta’ Awwissu 2021.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)   ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)   ĠU L 141, 1.6.2017, p. 14.

(3)  Deċiżjoni (UE) 2017/934 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ Novembru 2016 dwar id-delegazzjoni ta' deċiżjonijiet dwar is-sinifikanza ta' entitajiet taħt superviżjoni (BĊE/2016/41) (ĠU L 141, 1.6.2017, p. 18).

(4)  Deċiżjoni (UE) 2020/1015 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u Българска народна банка (Bank Nazzjonali tal-Bulgarija) (BĊE/2020/30) (ĠU L 224I, 13.7.2020, p. 1).

(5)  Deċiżjoni (UE) 2020/1016 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u Hrvatska Narodna Banka (BĊE/2020/31) (ĠU L 224I, 13.7.2020, p. 4).


6.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/3


DEĊIŻJONI (UE) 2021/1438 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-3 ta’ Awwissu 2021

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2017/935 dwar id-delegazzjoni tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet ta’ kompetenza u idoneità u l-evalwazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ kompetenza u idoneità (BĊE/2021/34)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(1)(e) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2017/933 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ Novembru 2016 dwar qafas ġenerali għad-delegazzjoni ta’ setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għal strumenti legali relatati ma’ kompiti superviżorji (BĊE/2016/40) (2) u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/935 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/42) (3) tispeċifika l-kriterji għad-delega tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet lill-kapijiet tal-unitajiet ta’ ħidma tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ kompetenza u idoneità u l-evalwazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ kompetenza u idoneità. L-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni wriet li ċerti kjarifiki u emendi tekniċi huma meħtieġa, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ konsistenza u ċertezza fl-applikazzjoni ta’ dawk il-kriterji.

(2)

Il-proċedura għad-delega tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandha tiġi ċċarata fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta’ kompetenza u idoneità fejn il-kapijiet tal-unitajiet ta’ ħidma jkollhom tħassib fir-rigward tal-interkonnettività ta’ tali deċiżjoni ma’ deċiżjoni waħda jew aktar li tkun teħtieġ approvazzjoni superviżorja. Dan jista’ jkun il-każ fejn l-eżitu tal-evalwazzjoni superviżorja rilevanti jkollu impatt dirett fuq waħda jew aktar minn dawk id-deċiżjonijiet l-oħra u għalhekk id-deċiżjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati fl-istess ħin mill-istess persuna li tieħu d-deċiżjonijiet sabiex jiġu evitati riżultati konfliġġenti. Madankollu, din il-kjarifika tal-proċedura għad-delega tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet m’għandhiex tinterferixxi mal-possibbiltà li tinqasam deċiżjoni dwar il-ħatra ta’ diversi membri ta’ korp maniġerjali fejn għal persuna maħtura waħda jew aktar il-kriterji tad-delegazzjoni ma jiġux issodisfati.

(3)

Fl-24 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-BĊE u r-Repubblika tal-Bulgarija (4), u bejn il-BĊE u r-Repubblika tal-Kroazja (5). L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jipprovdi li biex iwettaq ċerti kompiti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro fejn tkun ġiet stabbilita kooperazzjoni mill-qrib skont dak l-Artikolu, il-BĊE jista’ jindirizza struzzjonijiet lill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru rilevanti. Huwa għalhekk xieraq li dawn l-istruzzjonijiet jiġu inklużi fost l-atti li l-BĊE jista’ jadotta permezz ta’ delega lill-kapijiet tal-unitajiet ta’ ħidma skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni (UE) 2017/935 (BĊE/2016/42).

(4)

Deċiżjoni ta’ kompetenza u idoneità f’każ fejn il-kumplessità tal-valutazzjoni tirrikjedi li din ma tiġix adottata permezz ta’ deċiżjoni ddelegata, iżda tiġi adottata minflok skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni. Għandu jiġi ċċarat li, barra minn hekk, jista’ jkun hemm każijiet fejn is-sensittività tal-kwistjoni — f’termini ta’ impatt fuq ir-reputazzjoni tal-BĊE u/jew fuq il-funzjonament tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku — tista’ tirrikjedi li deċiżjoni ta’ kompetenza u idoneità għandha tiġi adottata skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni u mhux permezz ta’ deċiżjoni ddelegata.

(5)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ kompetenza u idoneità li jiġu ddelegati għandu jiġi estiż biex jinkludi (a) deċiżjonijiet li jawtorizzaw karigi ta’ direttur mhux eżekuttivi addizzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 91(6) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6); (b) deċiżjonijiet dwar jekk il-maniġers tal-friegħi — kif definiti skont il-liġi applikabbli — jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ kompetenza u idoneità; u (c) deċiżjonijiet dwar jekk persuni li lilhom il-korp maniġerjali jiddelega, parzjalment jew kompletament, il-funzjoni eżekuttiva — irrispettivament minn jekk il-persuni ġewx proposti jew maħtura bħala membri formali tal-korp jew korpi tat-tmexxija tal-istituzzjoni skont il-liġi nazzjonali — jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ kompetenza u idoneità. Din l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ kompetenza u idoneità li huma ddelegati hija xierqa, peress li l-evalwazzjonijiet sottostanti ta’ tali deċiżjonijiet huma simili fin-natura tagħhom għal evalwazzjonijiet imwettqa b’rabta ma’ deċiżjonijiet standard ta’ kompetenza u idoneità.

(6)

Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ kompetenza u idoneità li jiġu ddelegati għandu jiġi estiż biex jinkludi deċiżjonijiet dwar ħatriet mill-ġdid fejn il-BĊE ma jkunx oġġezzjona għall-ħatra preċedenti u ma jkun seħħ l-ebda fatt materjali ġdid mill-aħħar evalwazzjoni li jaffettwa wieħed jew aktar mill-kriterji ta’ evalwazzjoni.

(7)

Biex jiġu ssimplifikati l-kriterji applikati biex jiġi ddeterminat jekk tiġix iddelegata deċiżjoni ta’ kompetenza u idoneità u biex l-iskema ta’ delega attwali tinġieb f’konformità ma’ skemi oħra ta’ delega, għandha tiżdied definizzjoni ta’ “deċiżjoni negattiva”. Għall-istess raġuni ta’ allinjament ma’ skemi oħra ta’ delega, ir-rekwiżit — applikabbli fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ kompetenza u idoneità li għandha tiġi adottata permezz ta’ deċiżjoni ddelegata — li l-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti tissottometti lill-BĊE abbozz ta’ deċiżjoni ddelegata 20 jum ta’ xogħol qabel ma’ tkun għaddiet l-iskadenza għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ kompetenza u idoneità skont il-liġi applikabbli, għandu jitneħħa.

(8)

F’każijiet fejn fatt jew fatti relatati ma’ proċedimenti kriminali jew amministrattivi jiġi jew jiġu sottomessi lill-BĊE b’rabta ma’ deċiżjoni ta’ kompetenza u idoneità, il-kriterju applikat biex jiġi ddeterminat jekk dik id-deċiżjoni tiġix adottata permezz ta’ deċiżjoni ddelegata għandu jiġi ċċarat biex jiffoka fuq proċedimenti li għandhom impatt fuq l-idoneità tal-persuna maħtura.

(9)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2017/935 (BĊE/2016/42) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

1.   L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (2) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

‘(2)

“deċiżjoni ta’ kompetenza u idoneità” tfisser deċiżjoni tal-BĊE (i) li tiddikjara jekk individwu jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ kompetenza u idoneità, jew (ii) li tawtorizza membru ta’ korp maniġerjali biex ikollu kariga ta’ direttur mhux eżekuttiv addizzjonali skont l-Artikolu 91(6) tad-Direttiva 2013/36/UE;’;

(b)

il-punt (10) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

‘(10)

“membru” tfisser waħda jew aktar minn dawn li ġejjin: (i) membru propost jew maħtur ta’ korp maniġerjali; (ii) fejn applikabbli, detentur ta’ funzjoni ewlenija propost jew maħtur kif definit skont il-liġi applikabbli; (iii) maniġer ta’ fergħa propost jew maħtur kif definit skont il-liġi applikabbli; u (iv) persuna li lilha l-korp maniġerjali jiddelega, parzjalment jew kompletament, il-funzjoni eżekuttiva, kemm jekk dik il-persuna tkun ġiet proposta jew maħtura bħala membru formali tal-korp jew korpi ta’ tmexxija tal-istituzzjoni skont il-liġi nazzjonali kif ukoll jekk le;’;

(c)

il-punt (14) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

‘(14)

“Gwida għal valutazzjonijiet ta’ kompetenza u idoneità” tfisser dokument b’dan it-titolu li jinkludi verżjonijiet futuri tiegħu u jinkludi kwalunkwe dokument ieħor li fih prinċipji ta’ gwida għal valutazzjonijiet ta’ kompetenza u idoneità li fil-futur jista’ jissostitwixxih jew jikkomplementah, adottati u emendati minn żmien għal żmien skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni u ppubblikati fuq is-sit web tal-BĊE;’;

(d)

il-punt li ġej (16) huwa miżjud:

‘(16)

“deċiżjoni negattiva” tfisser deċiżjoni li ma tagħtix, jew li ma tagħtix kompletament, l-awtorizzazzjoni kif mitlub mill-entità sinifikanti taħt superviżjoni jew mill-membru. Deċiżjoni b’dispożizzjonijiet anċillari bħal kundizzjonijiet jew obbligi għandha titqies bħala deċiżjoni negattiva sakemm tali dispożizzjonijiet anċillari (a) jiżguraw li l-entità sorveljata tissodisfa r-rekwiżiti tal-liġi rilevanti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 4 u ġew miftiehma bil-miktub jew (b) sempliċiment tiddikjara mill-ġdid waħda jew aktar mir-rekwiżiti eżistenti li l-istituzzjoni trid tikkonforma magħha bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 jew jeħtieġu informazzjoni dwar it-twettiq ta’ waħda jew aktar minn dawk ir-rekwiżiti;’;

(e)

il-punt li ġej (17) huwa miżjud:

‘(17)

“gwida tal-BĊE dwar opzjonijiet u diskrezzjonijiet disponibbli fid-dritt tal-Unjoni” tfisser dokument b’dan it-titolu li jinkludi verżjonijiet futuri tiegħu u jinkludi kwalunkwe dokument ieħor li fih prinċipji ta’ gwida dwar opzjonijiet u diskrezzjonijiet disponibbli fid-dritt tal-Unjoni li fil-futur jista’ jissostitwixxih jew jikkomplementah, adottat u emendat minn żmien għal żmien skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni u ppubblikat fuq is-sit web tal-BĊE.’;

(f)

il-punt li ġej (18) huwa miżjud:

‘(18)

‘sensittività’ tfisser karatteristika jew fattur li jista’ jkollu impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni tal-BĊE u/jew fuq il-funzjonament effettiv u konsistenti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, inkluż iżda mhux limitat għal kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin: (a) l-entità rilevanti taħt superviżjoni tkun preċedentement, jew hija attwalment, soġġetta għal miżuri superviżorji severi bħal miżuri ta’ intervent bikri; (b) l-abbozz ta’ deċiżjoni ladarba jiġi adottat se jistabbilixxi preċedent ġdid li jista’ jorbot lill-BĊE fil-futur; (c) l-abbozz ta’ deċiżjoni ladarba jiġi adottat jista’ jiġbed l-attenzjoni negattiva tal-midja jew tal-pubbliku; jew (d) awtorità nazzjonali kompetenti li tkun daħlet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE tikkomunika n-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-abbozz ta’ deċiżjoni propost lill-BĊE.’;

2.   fl-Artikolu 2, il-paragrafu 3 li ġej huwa miżjud:

2.‘3.   Id-delega tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet skont il-paragrafu 1 għandha tapplika għal:

(a)

l-adozzjoni mill-BĊE ta’ deċiżjonijiet superviżorji;

(b)

l-adozzjoni mill-BĊE ta’ struzzjonijiet indirizzati, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li magħhom il-BĊE stabbilixxa kooperazzjoni mill-qrib.’;

3.   L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘Artikolu 3

Kamp ta’ applikazzjoni tad-delega

3.1.   Deċiżjoni ta’ kompetenza u idoneità m’għandhiex tiġi meħuda permezz ta’ deċiżjoni delegata meta xi wieħed mill-kriterji li ġejjin jiġi sodisfatt:

(a)

l-entità rilevanti taħt superviżjoni hija waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

l-entità taħt superviżjoni fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fl-Istati Membri parteċipanti ta’ grupp sinifikanti taħt superviżjoni;

(ii)

l-istituzzjoni ta’ kreditu bl-akbar valur totali ta’ assi fi grupp sinifikanti taħt superviżjoni, jekk din l-entità tkun differenti minn dik imsemmija fil-punt (i);

(iii)

entità sinifikanti taħt superviżjoni li mhijiex parti minn grupp sinifikanti taħt superviżjoni;

(b)

id-deċiżjoni hija deċiżjoni negattiva;

(c)

kwalunkwe wieħed mill-fatti li ġejjin jiġi sottomess lill-BĊE:

(i)

il-membru huwa attwalment soġġett għal proċedimenti kriminali quddiem qorti tal-ġustizzja jew ġie kkundannat għal reat kriminali fl-ewwel jew fl-aħħar istanza; jew

(ii)

investigazzjoni twettqet jew qiegħda titwettaq bħalissa fir-rigward ta’, jew azzjoni ta’ infurzar jew sanzjoni amministrattiva hija pendenti kontra jew ġiet imposta fuq il-membru għal nuqqas ta’ konformità ma’ kwalunkwe leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji jew dispożizzjonijiet regolatorji;

sakemm il-fatt rilevanti ma jkollux impatt fuq ir-reputazzjoni tal-membru abbażi ta’ valutazzjoni skont il-kriterji speċifikati fil-Gwida għal evalwazzjoni ta’ kompetenza u idoneità, b’mod partikolari fir-rigward tan-natura tal-imputazzjoni jew l-akkuża, is-severità tal-penali, u ż-żmien li għadda (mill-inqas ħames snin wara l-impożizzjoni ta’ sanzjoni jew miżura);

(d)

il-kumplessità tal-evalwazzjoni jew is-sensittività tal-kwistjoni teħtieġ li d-deċiżjoni ta’ kompetenza u idoneità tiġi adottata skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, deċiżjoni ta’ kompetenza u idoneità għandha tiġi adottata permezz ta’ deċiżjoni ddelegata jekk tikkonċerna l-ħatra mill-ġdid tal-istess persuna għall-istess pożizzjoni fl-istess entità taħt superviżjoni, il-BĊE ma jkunx oġġezzjona għall-ħatra preċedenti, u ma jkun seħħ l-ebda fatt materjali ġdid mill-aħħar evalwazzjoni li jaffettwa wieħed jew aktar mill-kriterji ta’ evalwazzjoni.

3.   Fejn, bis-saħħa tal-paragrafi 1 u 2, deċiżjoni ta’ kompetenza u idoneità ma tistax tiġi adottata permezz ta’ deċiżjoni ddelegata, għandha tiġi adottata skont il-liġi applikabbli u l-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni.

4.   Il-kapijiet tal-unitajiet ta’ ħidma għandhom jippreżentaw deċiżjoni ta’ kompetenza u idoneità li tissodisfa l-kriterji għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet delegati stabbiliti f’dan l-Artikolu lill-Bord Superviżorju u lill-Kunsill Governattiv għall-adozzjoni skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni jekk l-evalwazzjoni superviżorja ta’ dik id-deċiżjoni ta’ kompetenza u idoneità jkollha impatt dirett fuq l-evalwazzjoni superviżorja ta’ deċiżjoni oħra li għandha tiġi adottata skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni.

5.   Minkejja l-paragrafu 4, jekk l-evalwazzjoni tar-rekwiżiti ta’ kompetenza u idoneità tikkonċerna aktar minn membru wieħed ta’ korp maniġerjali u bis-saħħa tal-paragrafi 1 u 2 deċiżjoni ma tistax tiġi adottata permezz ta’ deċiżjoni ddelegata fir-rigward ta’ wieħed jew aktar minnhom, l-evalwazzjoni għandha tirriżulta f’żewġ deċiżjonijiet ta’ kompetenza u idoneità. Deċiżjoni waħda għandha tiġi adottata permezz tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni u l-oħra permezz ta’ deċiżjoni ddelegata.’;

4.   L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-frażi introduttorja hija ssostitwita b’dan li ġej:

‘1.   L-evalwazzjoni tar-rekwiżiti ta’ kompetenza u idoneità għal membri għandha titwettaq f’konformità mal-liġi applikabbli filwaqt li titqies il-Gwida għal evalwazzjonijiet ta’ kompetenza u idoneità (kapitoli dwar kriterji ta’ evalwazzjoni u dwar awtorizzazzjonijiet relatati ta’ kompetenza u idoneità) li jkopru, fejn applikabbli, il-kriterji li ġejjin:’;

(b)

il-paragrafu 2 li ġej huwa miżjud:

‘2.   L-evalwazzjoni tal-awtorizzazzjoni lil membru tal-korp maniġerjali biex ikollu kariga ta’ direttur mhux eżekuttiv addizzjonali għandha titwettaq skont il-liġi applikabbli li timplimenta l-Artikolu 91(6) tad-Direttiva 2013/36/UE u filwaqt li titqies il-Gwida għal evalwazzjonijiet ta’ kompetenza u idoneità (taqsima dwar l-impenn ta’ ħin) u l-kriterji fil-Gwida tal-BĊE dwar l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni.’.

Artikolu 2

Dispożizzjoni tranżitorja

Id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni (UE) 2017/935 (BĊE/2016/42) għandhom ikomplu japplikaw, kif mhux emendati, f’każijiet fejn tkun ġiet ippreżentata proposta għal deċiżjoni ta’ kompetenza u idoneità minn awtorità nazzjonali kompetenti lill-BĊE qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-3 ta’ Awwissu 2021.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)   ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)   ĠU L 141, 1.6.2017, p. 14.

(3)  Id-Deċiżjoni (UE) 2017/935 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ Novembru 2016 dwar id-delegazzjoni tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet ta’ kompetenza u idoneità u l-evalwazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ kompetenza u idoneità (BĊE/2016/42) (ĠU L 141, 1.6.2017, p. 21).

(4)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1015 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u Българска народна банка (Bank Nazzjonali Bulgaru) (BĊE/2020/30) (ĠU L 224I, 13.7.2020, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1016 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u Hrvatska Narodna Banka (BĊE/2020/31) (ĠU L 224I, 13.7.2020, p. 4).

(6)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).


6.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/8


DEĊIŻJONI (UE) 2021/1439 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-3 ta’ Awwissu 2021

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2018/546 dwar id-delega tas-setgħa għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet fuq fondi proprji (BĊE/2021/35)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 26(2), l-Artikolu 26(3) u l-Artikoli 28, 29, 77, 78 u 78a tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(1)(d) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2017/933 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ Novembru 2016 dwar qafas ġenerali għad-delegazzjoni ta’ setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għal strumenti legali relatati ma’ kompiti superviżorji (BĊE/2016/40) (3) u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni (UE) 2018/546 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2018/10) (4) tispeċifika l-kriterji għad-delegazzjoni tas-setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet lill-kapijiet ta’ unitajiet ta’ xogħol tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) biex jadottaw deċiżjonijiet dwar fondi proprji. L-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni wriet li ċerti kjarifiki u emendi tekniċi huma meħtieġa, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ konsistenza u ċertezza fl-applikazzjoni ta’ dawk il-kriterji.

(2)

Il-proċedura għad-delegazzjoni tas-setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet jenħtieġ li tiġi ċċarata fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar il-fondi proprji meta l-kapijiet ta’ unitajiet ta’ xogħol ikollhom tħassib rigward l-interkonnettività ta’ tali deċiżjoni ma’ deċiżjoni oħra jew deċiżjonijiet oħrajn li jirrikjedu approvazzjoni superviżorja. Dan jista’ jkun il-każ meta l-eżitu tal-valutazzjoni superviżorja rilevanti jkollu impatt dirett fuq waħda jew aktar minn dawk id-deċiżjonijiet l-oħra u għalhekk id-deċiżjonijiet jenħtieġ li jiġu kkunsidrati simultanjament mill-istess persuna li tieħu d-deċiżjonijiet sabiex jiġu evitati riżultati konfliġġenti.

(3)

Fl-24 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-BĊE u r-Repubblika tal-Bulgarija (5), u bejn il-BĊE u r-Repubblika tal-Kroazja (6). L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jipprevedi li biex iwettaq ċerti kompiti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stat Membru li l-munita tiegħu ma hijiex l-euro fejn tkun ġiet stabbilita kooperazzjoni mill-qrib f’konformità ma’ dak l-Artikolu, il-BĊE jista’ jindirizza struzzjonijiet lill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru rilevanti. Huwa għalhekk xieraq li dawn l-istruzzjonijiet jiġu inklużi fost l-atti li l-BĊE jista’ jadotta permezz ta’ delegazzjoni lill-kapijiet ta’ unitajiet ta’ xogħol skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni (UE) 2018/546 (BĊE/2018/10).

(4)

Deċiżjoni dwar fondi proprji f’każ fejn il-kumplessità tal-valutazzjoni hekk tirrikjedi ma tiġix adottata permezz ta’ deċiżjoni ddelegata, iżda tiġi adottata minflok skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni. Għandu jiġi ċċarat li, barra minn hekk, jista’ jkun hemm każijiet fejn is-sensittività tal-kwistjoni — f’termini ta’ impatt fuq ir-reputazzjoni tal-BĊE u/jew fuq il-funzjonament tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku — tista’ tirrikjedi li deċiżjoni dwar fondi proprji għandha tiġi adottata skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni u mhux permezz ta’ deċiżjoni ddelegata.

(5)

Biex jiġi ffaċilitat il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, hija meħtieġa delega tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-adozzjoni ta’ permessi biex jiġu inklużi profitti interim jew ta’ tmiem is-sena fil-kapital ta’ Ekwità Komuni tal-Grad 1 qabel ma l-istituzzjoni tkun ħadet deċiżjoni formali li tikkonferma l-profitt jew it-telf finali tal-istituzzjoni għas-sena, skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Madankollu, jekk jiġu ssodisfati r-rekwiżiti sabiex tiġi applikata d-Deċiżjoni (UE) 2015/656 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/4) (7), allura jenħtieġ li tapplika dik id-Deċiżjoni.

(6)

Barra minn hekk, biex jiġi ffaċilitat il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, hija meħtieġa delega ta’ setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tar-risposta tal-BĊE għal talba ta’ konsultazzjoni riċevuta minn awtorità ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikolu 78a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, dwar il-marġini li bih istituzzjoni jenħtieġ li taqbeż ir-rekwiżiti għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) wara azzjoni mill-istituzzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 77(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (UE) 2018/546 (BĊE/2018/10) tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni (UE) 2018/546 (BĊE/2018/10) hija emendata kif ġej:

1.

l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(1)

‘deċiżjoni dwar fondi proprji’ tfisser kwalunkwe waħda mid-deċiżjonijiet li ġejjin: (a) deċiżjoni tal-BĊE dwar il-permess biex strument jiġi kklassifikat bħala strument ta’ Ekwità Komuni ta’ Grad 1; (b) deċiżjoni tal-BĊE dwar il-permess biex strument jiġi kklassifikat bħala strument tal-Grad 1 Addizzjonali jew ta’ Grad 2; (c) deċiżjoni tal-BĊE dwar il-permess biex jiġu inklużi l-profitti interim jew ta’ tmiem is-sena; u (d) deċiżjoni tal-BĊE dwar il-permess għal tnaqqis tal-fondi proprji. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, deċiżjoni dwar il-fondi proprji tinkludi wkoll l-approvazzjoni tar-risposta tal-BĊE għal talba għal konsultazzjoni minn awtorità ta’ riżoluzzjoni dwar it-tnaqqis ta’ strumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli;”;

(b)

jiżdiedu l-paragrafi (16), (17) u (18) li ġejjin:

“(16)

‘grupp sinifikanti taħt superviżjoni’ tfisser grupp sinifikanti taħt superviżjoni kif definit fil-punt (22) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17). (*);

(17)

‘permess ġenerali minn qabel’ tfisser permess ġenerali biex tittieħed kwalunkwe waħda mill-azzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 77(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 biex jitnaqqsu l-fondi proprji li jingħata f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 78(1) ta’ dak ir-Regolament.;

(18)

‘sensittività’ tfisser karatteristika jew fattur li jista’ jkollu impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni tal-BĊE u/jew fuq il-funzjonament effettiv u konsistenti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, inkluż iżda mhux limitat għal kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin: (a) l-entità rilevanti taħt superviżjoni tkun preċedentement, jew hija attwalment, soġġetta għal miżuri superviżorji severi bħal miżuri ta’ intervent bikri; (b) l-abbozz ta’ deċiżjoni ladarba jiġi adottat se jistabbilixxi preċedent ġdid li jista’ jorbot lill-BĊE fil-futur; (c) l-abbozz ta’ deċiżjoni ladarba jiġi adottat jista’ jiġbed l-attenzjoni negattiva tal-midja jew tal-pubbliku; jew (d) awtorità nazzjonali kompetenti li tkun daħlet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE tikkomunika n-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-abbozz ta’ deċiżjoni propost lill-BĊE.

(*)  Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).”;"

2.

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   F’konformità mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40), il-Kunsill Governattiv b’dan jiddelega lill-kapijiet ta’ unitajiet ta’ xogħol nominati mill-Bord Eżekuttiv, f’konformità mal-Artikolu 5 ta’ dik id-Deċiżjoni, l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-fondi proprji li ġejjin:

(a)

dwar il-permess għall-klassifikazzjoni ta’ strumenti kapitali bħala strumenti ta’ Ekwità Komuni tal-Grad 1, kif previst fl-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(b)

dwar il-permess għall-klassifikazzjoni ta’ strumenti kapitali bħala strumenti ta’ Grad Addizzjonali 1 jew ta’ Grad 2, fejn meħtieġ mid-dritt nazzjonali;

(c)

dwar il-permess fir-rigward ta’ tnaqqis ta’ fondi proprji, kif previst fl-Artikolu 77(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(d)

dwar il-permess għall-inklużjoni minn istituzzjoni ta’ profitti interim jew ta’ tmiem is-sena fil-kapital ta’ Ekwità Komuni tal-Grad 1 qabel ma l-istituzzjoni tkun ħadet deċiżjoni formali li tikkonferma l-profitt jew it-telf finali tal-istituzzjoni għas-sena, kif previst fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(e)

dwar risposti għal talbiet ta’ konsultazzjoni minn awtorità ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikolu 78a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, inkluż il-ftehim dwar il-marġini propost li bih, wara l-azzjoni msemmija fl-Artikolu 77(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tqis neċessarju li l-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli tal-istituzzjoni jridu jaqbżu r-rekwiżiti tagħha.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Id-deċiżjonijiet dwar il-fondi proprji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati permezz ta’ deċiżjoni ddelegata jekk jiġu ssodisfati l-kriterji għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet iddelegati, kif stabbilit fl-Artikoli 3, 4, 5, 5a u 5b.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Id-deċiżjonijiet dwar fondi proprji ma għandhomx jiġu adottati permezz ta’ deċiżjoni ddelegata jekk il-kumplessità tal-valutazzjoni jew is-sensittività tal-kwistjoni jirrikjedu li jiġu adottati skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni.”;

(d)

jiżdiedu l-paragrafi 4 u 5 li ġejjin:

“4.   Il-kapijiet ta’ unitajiet ta’ xogħol għandhom jippreżentaw deċiżjoni dwar fondi proprji li tissodisfa l-kriterji għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet iddelegati stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 5b lill-Bord Superviżorju u lill-Kunsill Governattiv għall-adozzjoni skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni meta l-valutazzjoni superviżorja ta’ dik id-deċiżjoni dwar il-fondi proprji jkollha impatt dirett fuq il-valutazzjoni superviżorja ta’ deċiżjoni oħra li għandha tiġi adottata skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni.

5.   Id-delega tas-setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet skont il-paragrafu 1 għandha tapplika għal:

(a)

l-adozzjoni mill-BĊE ta’ deċiżjonijiet superviżorji;

(b)

l-adozzjoni mill-BĊE ta’ struzzjonijiet indirizzati, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li magħhom il-BĊE jkun stabbilixxa kooperazzjoni mill-qrib;

(c)

l-approvazzjoni tar-risposta tal-BĊE għal talbiet ta’ konsultazzjoni minn awtorità ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikolu 78a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, inkluż il-ftehim dwar il-marġini propost li bih, wara l-azzjoni msemmija fl-Artikolu 77(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tqis neċessarju li l-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli tal-istituzzjoni jridu jaqbżu r-rekwiżiti tagħha.”;

3.

it-titolu tal-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ Kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet iddelegati dwar il-permess għall-klassifikazzjoni ta’ strumenti bħala strumenti ta’ Ekwità Komuni ta’ Grad 1 ”;

4.

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Id-deċiżjonijiet dwar il-klassifikazzjoni ta’ strumenti ta’ kapital bħala strumenti ta’ Ekwità Komuni ta’ Grad 1 għandhom jittieħdu permezz ta’ deċiżjoni ddelegata jekk it-tip ta’ strumenti li għalihom jintalab il-permess kien inkluż, fiż-żmien meta ġiet irċevuta l-applikazzjoni mill-BĊE, fil-lista tal-EBA.”

5.

it-titolu tal-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ Kriterji għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet iddelegati dwar permess biex strumenti jiġu kklassifikati bħala strumenti ta’ Grad Addizzjonali 1 jew ta’ Grad 2 ”;

6.

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Fejn il-permess ikun meħtieġ skont id-dritt nazzjonali, id-deċiżjonijiet dwar il-permess biex strumenti kapitali jiġu kklassifikati bħala Strumenti Addizzjonali ta’ Grad 1 jew ta’ Grad 2 għandhom jittieħdu permezz ta’ deċiżjoni ddelegata.”;

7.

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Id-deċiżjonijiet negattivi ma għandhomx ikunu adottati permezz ta’ deċiżjoni ddelegata.”;

8.

l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ Kriterji għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet iddelegati dwar il-permess għat-tnaqqis tal-fondi proprji ”;

(b)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Id-deċiżjonijiet dwar il-permess għat-tnaqqis tal-fondi proprji għandhom jittieħdu permezz ta’ deċiżjoni ddelegata f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2, 3, 3a, 4 u 4a.”;

(c)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Għat-tnaqqis b’sostituzzjoni, id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu permezz ta’ deċiżjoni ddelegata jekk:

(a)

l-istrument ta’ sostituzzjoni huwa strument ta’ Ekwità Komuni tal-Grad 1 b’ammont nominali mill-inqas daqs l-ammont nominali tal-istrument issostitwit; jew

(b)

l-istrument ta’ sostituzzjoni huwa strument ta’ Grad Addizzjonali 1 b’ammont nominali mill-inqas daqs l-ammont nominali tal-istrument issostitwit, jekk l-istrument issostitwit huwa strument ta’ Grad Addizzjonali 1; jew

(c)

l-istrument ta’ sostituzzjoni huwa strument ta’ Grad Addizzjonali 1 jew Grad 2 b’ammont nominali mill-inqas daqs l-ammont nominali tal-istrument issostitwit, jekk l-istrument issostitwit huwa strument ta’ Grad 2.

Fejn strument ta’ sostituzzjoni jew strument issostitwit imsemmi fil-punti (a) sa (c) ma jkollux ammont nominali, l-ammont imsemmi għandu jkun minflok l-ammont nozzjonali ta’ dak l-istrument.

Fejn l-ammont nominali (jew, fiċ-ċirkostanza msemmija fis-subparagrafu preċedenti, l-ammont nozzjonali) ta’ strument issostitwit ikun ogħla mill-ammont ta’ dak l-istrument li jikkwalifika bħala fondi proprji, l-ammont imsemmi għandu minflok ikun l-ammont li jikkwalifika bħala fondi proprji.”;

(d)

fil-paragrafu 3, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

wara t-tnaqqis, il-fondi proprji jkunu jaqbżu u jkunu stmati li jkomplu jaqbżu, għal mill-inqas tliet snin finanzjarji wara d-data tal-applikazzjoni, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 92(1)(a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-fondi proprji meħtieġa li għandhom jinżammu skont l-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, ir-rekwiżit ta’ riżerva kombinata kif iddefinit fil-punt (6) tal-Artikolu 128 tad-Direttiva 2013/36/UE u l-gwida kapitali tal-Pilastru 2 kif stabbilit fl-aħħar deċiżjoni SREP disponibbli; u”;

(e)

fil-paragrafu 3, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

l-impatt tat-tnaqqis fuq il-proporzjon tal-kapital tal-Ekwità Komuni tal-Grad 1, il-proporzjon tal-kapital ta’ Grad 1 u l-proporzjon tal-kapital totali jkun taħt il-100 punt bażi fuq livell konsolidat ta’ grupp sinifikanti taħt superviżjoni jew fuq livell individwali ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni, jekk tali entità sinifikanti taħt superviżjoni ma tkunx parti minn grupp sinifikanti taħt superviżjoni. Jekk l-għan tat-tnaqqis ikun li jkopri telf eżistenti jew riżervi negattivi u tali tnaqqis ma jkollu l-ebda impatt fuq il-livell tal-fondi proprji, dan il-kriterju ta’ 100 punt bażi għandu jitqies li jkun ġie ssodisfat.”;

(f)

jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a.   Id-deċiżjonijiet dwar il-permess ġenerali minn qabel skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 78(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-deċiżjonijiet dwar il-permess għal ċertu ammont predeterminat skont l-Artikolu 32(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 241/2014 (*) għandhom jittieħdu permezz ta’ deċiżjoni ddelegata jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 jiġu ssodisfati jew jekk id-deċiżjoni tkun tiġdid ta’ deċiżjoni eżistenti u tingħata għall-istess ammont predeterminat jew għal ammont predeterminat aktar baxx.

(*)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 241/2014 tas-7 ta’ Jannar 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għar-Rekwiżiti tal-Fondi Proprji għall-istituzzjonijiet (ĠU L 74, 14.3.2014, p. 8).”;"

(g)

jiddaħħal il-paragrafu 4a li ġej:

“4a.   Id-deċiżjonijiet dwar il-permess għal tnaqqis ta’ fondi proprji jistgħu jiġu rrevokati permezz ta’ deċiżjoni ddelegata fejn ir-revoka tkun mitluba mid-destinatarju tad-deċiżjoni.”;

(h)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Fejn, bis-saħħa tal-paragrafi 1 sa 4a, deċiżjoni dwar it-tnaqqis ta’ fondi proprji ma tkunx tista’ tiġi adottata permezz ta’ deċiżjoni ddelegata, għandha tiġi adottata skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni.”;

9.

jiddaħħal l-Artikolu 5a li ġej:

“Artikolu 5a

Kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet iddelegati dwar il-permess biex jiġu inklużi profitti interim u ta’ tmiem is-sena f’kapital ta’ Ekwità Komuni tal-Grad 1

1.   Id-deċiżjonijiet skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-permess biex jiġu inklużi profitti interim jew ta’ tmiem is-sena fil-kapital ta’ Ekwità Komuni tal-Grad 1 qabel ma l-istituzzjoni tkun ħadet deċiżjoni formali li tikkonferma l-profitt jew it-telf finali tal-istituzzjoni għas-sena, inklużi dawk li ma jissodisfawx ir-rekwiżit skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/656 (BĊE/2015/4), għandhom jittieħdu permezz ta’ deċiżjoni ddelegata jekk il-kriterji stabbiliti hawn taħt ikunu ssodisfati:

(a)

ir-rekwiżit ta’ verifika skont l-Artikolu 26(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ikun ġie ssodisfat f’konformità mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/656(BĊE/2015/4);

(b)

l-istituzzjoni tkun uriet li kwalunkwe imposti jew dividendi prevedibbli ġew imnaqqsa mill-ammont ta’ profitti f’konformità mal-paragrafi 1, 2, u 5 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/656 (BĊE/2015/4) u l-punt (c), kif applikabbli;

(c)

l-ammont ta’ dividendi prevedibbli li għandhom jitnaqqsu mill-istituzzjoni mill-profitti interim jew ta’ tmiem is-sena jiġi ddeterminat f’konformità mal-paragrafi 2, 4, 5, u 6 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 241/2014 jew, fiċ-ċirkostanzi speċifikati fl-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/656 (BĊE/2015/4), jitnaqqas ammont ogħla kkalkulat f’konformità ma’ dak l-Artikolu.

2.   Id-deċiżjonijiet negattivi ma għandhomx ikunu adottati permezz ta’ deċiżjoni ddelegata.”;

10.

jiddaħħal l-Artikolu 5b li ġej:

“Artikolu 5b

Kriterji għall-approvazzjoni ta’ risposti għal talbiet għal konsultazzjoni minn awtorità ta’ riżoluzzjoni dwar it-tnaqqis ta’ strumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli

1.   Meta l-BĊE jiġi kkonsultat jew jintalab il-qbil tiegħu minn awtorità ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikolu 78a(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, id-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tar-risposta tal-BĊE għal tali talba għal konsultazzjoni għandha tittieħed permezz ta’ delega, sakemm ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet tal-paragrafu 2.

2.   Meta l-BĊE ma jaqbilx jew ma jaqbilx parzjalment mal-awtorità ta’ riżoluzzjoni dwar il-kwistjoni li fir-rigward tagħha l-BĊE jkun ġie kkonsultat jew ikun intalab il-qbil tiegħu skont l-Artikolu 78a(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, id-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tar-risposta tal-BĊE ma għandhiex tittieħed permezz ta’ deċiżjoni ddelegata.”.

Artikolu 2

Dispożizzjoni tranżitorja

Id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni (UE) 2018/546 (BĊE/2018/10) għandhom ikomplu japplikaw, kif mhux emendati, f’każijiet fejn l-applikazzjoni li titlob l-approvazzjoni għal kwalunkwe waħda mill-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ dik id-Deċiżjoni, kif mhux emendata, tkun ġiet ippreżentata lill-BĊE qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-3 ta’ Awwissu 2021.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)   ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)   ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(3)   ĠU L 141, 1.6.2017, p. 14.

(4)  Id-Deċiżjoni (UE) 2018/546 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-15 ta’ Marzu 2018 dwar id-delega tas-setgħa għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet fuq fondi proprji (BĊE/2018/10) (ĠU L 90, 6.4.2018, p. 105).

(5)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1015 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u Българска народна банка (il-Bank Nazzjonali tal-Bulgarija) (BĊE/2020/30) (ĠU L 224I, 13.7.2020, p. 1).

(6)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1016 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Hrvatska Narodna Banka (BĊE/2020/31) (ĠU L 224I, 13.7.2020, p. 4).

(7)  Id-Deċiżjoni (UE) 2015/656 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta’ Frar 2015 dwar il-kundizzjonijiet li taħthom l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jitħallew jinkludu profitti interim jew ta’ tmiem is-sena f’Kapital ta’ Ekwità Komuni tal-Grad 1 skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (BĊE/2015/4) (ĠU L 107, 25.4.2015, p. 76).

(8)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(9)  Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).


6.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/14


DEĊIŻJONI (UE) 2021/1440 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-3 ta’ Awwissu 2021

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 dwar id-delega tas-setgħa biex jiġu adottati deċiżjonijiet dwar l-ippassaportar, l-akkwiżizzjoni ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u l-irtirar ta' liċenzji ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (BĊE/2021/36)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(1)(a), (b), (c) u (d) u l-Artikoli 4(3), 6(4), 14(3), 14(5), 15(3), u 17(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2017/933 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' Novembru 2016 dwar qafas ġenerali għad-delegazzjoni ta' setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet għal strumenti legali relatati ma' kompiti superviżorji (BĊE/2016/40) (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2019/23) (3) tispeċifika l-kriterji għad-delega tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet lill-kapijiet tal-unitajiet ta’ ħidma tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-adozzjoni ta’deċiżjonijiet dwar l-ippassaportar, l-akkwiżizzjoni ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u l-irtirar ta’ liċenzji ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu. L-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni wriet li ċerti kjarifiki u emendi tekniċi huma meħtieġa, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ konsistenza u ċertezza fl-applikazzjoni ta’ dawk il-kriterji.

(2)

Il-proċedura għad-delega tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandha tiġi ċċarata fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar l-ippassaportar, deċiżjonijiet ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u deċiżjonijiet ta’ rtirar fejn il-kapijiet tal-unitajiet ta’ ħidma jkollhom tħassib fir-rigward tal-interkonnettività ta’ tali deċiżjoni ma’ deċiżjoni waħda jew aktar li tkun teħtieġ approvazzjoni superviżorja. Dan jista’ jkun il-każ fejn l-eżitu tal-valutazzjoni superviżorja rilevanti jkollu impatt dirett fuq waħda jew aktar minn dawk id-deċiżjonijiet l-oħra u għalhekk id-deċiżjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati fl-istess ħin mill-istess persuna li tieħu d-deċiżjonijiet sabiex jiġu evitati riżultati konfliġġenti.

(3)

Fl-24 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-BĊE u r-Repubblika tal-Bulgarija (4), u bejn il-BĊE u r-Repubblika tal-Kroazja (5). L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jipprevedi li biex iwettaq ċerti kompiti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro fejn tkun ġiet stabbilita kooperazzjoni mill-qrib skont dak l-Artikolu, il-BĊE jista’ jindirizza struzzjonijiet lill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru rilevanti. Huwa għalhekk xieraq li dawn l-istruzzjonijiet jiġu inklużi fost l-atti li l-BĊE jista’ jadotta permezz ta’ delega lill-kapijiet tal-unitajiet ta’ ħidma skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 (BĊE/2019/23).

(4)

Deċiżjoni dwar l-ippassaportar, deċiżjoni ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti jew deċiżjoni ta’ rtirar f’każ fejn il-kumplessità tal-valutazzjoni hekk tirrikjedi ma tiġix adottata permezz ta’ deċiżjoni ddelegata, iżda tiġi adottata minflok skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni. Għandu jiġi ċċarat li, barra minn hekk, jista’ jkun hemm każijiet fejn is-sensittività tal-kwistjoni — f’termini ta’ impatt fuq ir-reputazzjoni tal-BĊE u/jew fuq il-funzjonament tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku — tista’ tirrikjedi li deċiżjoni dwar l-ippassaportar, deċiżjoni ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti jew deċiżjoni ta’ rtirar għandha tiġi adottata skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni u mhux permezz ta’ deċiżjoni ddelegata.

(5)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti li jiġu ddelegati jenħtieġ li jiġi estiż biex jinkludi każijiet fejn il-grupp li għalih jappartjeni l-akkwirent propost diġà jkollu parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti fl-entità fil-mira, l-ebda livell limitu rilevanti ma jinqabeż fil-livell tal-grupp, u l-bejjiegħ ikun barra mill-grupp. Il-valutazzjoni sottostanti f’każijiet bħal dawn normalment tkun sempliċi peress li ċ-ċirkostanzi rilevanti ma jinvolvux bidla sostanzjali fl-istruttura tas-sjieda tal-entità fil-mira u l-valutazzjoni hija għalhekk simili għall-valutazzjoni sottostanti f’każijiet ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti li jirriżultaw minn riorganizzazzjonijiet intragrupp, li d-deċiżjonijiet fir-rigward tagħhom huma attwalment delegati.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 (BĊE/2019/23) tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 (BĊE/2019/23) hija emendata kif ġej:

1.

fl-Artikolu 1, il-punt (15) li ġej huwa miżjud:

“(15)   ‘sensittività’ tfisser karatteristika jew fattur li jista’ jkollu impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni tal-BĊE u/jew fuq il-funzjonament effettiv u konsistenti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, inkluż iżda mhux limitat għal kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin: (a) l-entità rilevanti taħt superviżjoni tkun preċedentement, jew hija attwalment, soġġetta għal miżuri superviżorji severi bħal miżuri ta’ intervent bikri; (b) l-abbozz ta’ deċiżjoni ladarba jiġi adottat se jistabbilixxi preċedent ġdid li jista’ jorbot lill-BĊE fil-futur; (c) l-abbozz ta’ deċiżjoni ladarba jiġi adottat jista’ jiġbed l-attenzjoni negattiva tal-midja jew tal-pubbliku; jew (d) awtorità nazzjonali kompetenti li tkun daħlet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE tikkomunika n-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-abbozz ta’ deċiżjoni propost lill-BĊE.”;

2.

l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Id-deċiżjonijiet dwar l-ippassaportar, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u irtirar m'għandhomx jiġu adottati permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk il-kumplessità tal-valutazzjoni jew is-sensittività tal-kwistjoni teħtieġ li jiġu adottati skont il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Id-delega tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet skont il-paragrafu 1 għandha tapplika għal:

(a)

l-adozzjoni mill-BĊE ta’ deċiżjonijiet superviżorji;

(b)

l-approvazzjoni tal-BĊE ta’ valutazzjonijiet pożittivi fejn ma tkunx meħtieġa deċiżjoni superviżorja;

(c)

l-adozzjoni mill-BĊE ta’ struzzjonijiet indirizzati, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li magħhom il-BĊE stabbilixxa kooperazzjoni mill-qrib.”;

(c)

il-paragrafu 7 li ġej huwa miżjud:

“7.   Il-kapijiet ta’ unitajiet ta’ ħidma għandhom jippreżentaw deċiżjoni ta’ ippassaportar, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti jew ta’ rtirar li tissodisfa l-kriterji għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet delegati stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 6 lill-Bord Superviżorju u lill-Kunsill Governattiv għall-adozzjoni skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni jekk il-valutazzjoni superviżorja ta’ dik id-deċiżjoni jkollha impatt dirett fuq il-valutazzjoni superviżorja ta’ deċiżjoni oħra li għandha tiġi adottata skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni.”;

3.

il-paragrafu 1 tal-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (b) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(b)

l-akkwiżizzjoni ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti hija r-riżultat ta’ bidla fis-sjieda tal-entità fil-mira minn entità azzjonarja waħda għal entità azzjonarja oħra fl-istess struttura tal-grupp;”;

(b)

jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d)

l-akkwiżizzjoni ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti titwettaq minn entità ġuridika li tappartjeni għal grupp ta’ impriżi li diġà għandhom b’mod kumulattiv parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti fl-entità fil-mira, u l-ebda livell limitu rilevanti previst fl-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/36/UE kif traspost fil-liġi nazzjonali ma jinqabeż fil-livell konsolidat tal-grupp.”;

4.

fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 5, il-punt (a) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(a)

id-deċiżjoni hija magħmula fuq talba ta’ entità taħt superviżjoni jew minħabba fużjoni li tirriżulta bl-entità taħt superviżjoni ma tibqax teżisti;’.

Artikolu 2

Dispożizzjoni tranżitorja

Id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 (BĊE/2019/23) għandhom ikomplu japplikaw, kif mhux emendati, f’każijiet fejn abbozz ta’ proposta għal parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti jew deċiżjoni ta’ rtirar kien sottomess lill-BĊE mill-awtorità nazzjonali kompetenti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, jew fejn in-notifika dwar l-intenzjoni tal-entità sinifikanti taħt superviżjoni li tistabbilixxi fergħa jew li tiggarantixxi l-impenji li daħlet għalihom l-istituzzjoni finanzjarja sussidjarja tagħha kienet sottomessa mill-awtorità nazzjonali kompetenti lill-BĊE qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-3 ta’ Awwissu 2021.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)   ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)   ĠU L 141, 1.6.2017, p. 14.

(3)  Id-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta’ Lulju 2019 dwar id-delega tas-setgħa biex jiġu adottati deċiżjonijiet dwar l-ippassaportar, l-akkwiżizzjoni ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u l-irtirar ta' liċenzji ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (BĊE/2019/23) (ĠU L 224, 28.8.2019, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1015 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u Българска народна банка (Bank Nazzjonali Bulgaru) (BĊE/2020/30) (ĠU L 224I, 13.7.2020, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1016 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u Hrvatska Narodna Banka (BĊE/2020/31) (ĠU L 224I, 13.7.2020, p. 4).


6.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/17


DEĊIŻJONI (UE) 2021/1441 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-3 ta’ Awwissu 2021

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/322 dwar id-delega tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet rigward is-setgħat superviżorji mogħtija skont il-liġi nazzjonali (BĊE/2021/37)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(1)(d) u (e), u l-Artikoli 4(3) u 9(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2017/933 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ Novembru 2016 dwar qafas ġenerali għad-delegazzjoni ta’ setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għal strumenti legali relatati ma’ kompiti superviżorji (BĊE/2016/40) (2) u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni (UE) 2019/322 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2019/4) (3) tispeċifika l-kriterji għad-delegazzjoni tas-setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet lill-kapijiet ta’ unitajiet ta’ ħidma tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) biex jadottaw deċiżjonijiet dwar setgħat nazzjonali. L-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni wriet li ċerti kjarifiki u emendi tekniċi huma meħtieġa, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ konsistenza u ċertezza fl-applikazzjoni ta’ dawk il-kriterji.

(2)

Il-proċedura għad-delegazzjoni tas-setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għandha tiġi ċċarata fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar setgħat nazzjonali meta l-kapijiet ta’ unitajiet ta’ ħidma ikollhom tħassib rigward l-interkonnettività interkonnettività ta’ tali deċiżjoni ma’ deċiżjoni waħda jew aktar li jirrikjedu approvazzjoni superviżorja. Dan jista’ jkun il-każ fejn l-eżitu tal-evalwazzjoni superviżorja rilevanti jkollu impatt dirett fuq waħda jew aktar minn dawk id-deċiżjonijiet l-oħra u għalhekk id-deċiżjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati simultanjament mill-istess persuna li tieħu d-deċiżjonijiet sabiex jiġu evitati riżultati konfliġġenti.

(3)

Fl-24 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-BĊE u r-Repubblika tal-Bulgarija (4), u bejn il-BĊE u r-Repubblika tal-Kroazja (5). L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jipprovdi li biex iwettaq ċerti kompiti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stat Membru li l-munita tiegħu ma hijiex l-euro, fejn tkun ġiet stabbilita kooperazzjoni mill-qrib f’konformità ma’ dak l-Artikolu, il-BĊE jista’ jindirizza struzzjonijiet lill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru rilevanti. Huwa għalhekk xieraq li dawn l-istruzzjonijiet jiġu inklużi fost l-atti li l-BĊE jista’ jadotta permezz ta’ delega lill-kapijiet tal-unitajiet ta’ ħidma skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni (UE) 2019/322 (BĊE/2019/4).

(4)

Deċiżjoni dwar is-setgħat nazzjonali f’każ fejn il-kumplessità tal-valutazzjoni hekk tirrikjedi ma tiġix adottata permezz ta’ deċiżjoni ddelegata, iżda tiġi adottata minflok skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni. Għandu jiġi ċċarat li, barra minn hekk, jista’ jkun hemm każijiet fejn is-sensittività tal-kwistjoni — f’termini ta’ impatt fuq ir-reputazzjoni tal-BĊE u/jew fuq il-funzjonament tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku — tista’ tirrikjedi li deċiżjoni dwar is-setgħat nazzjonali għandha tiġi adottata skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni u mhux permezz ta’ deċiżjoni ddelegata.

(5)

Ir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) introduċa l-possibbiltà għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, li jikklassifikaw bħala strumenti tal- Ekwità Komuni tal-Grad 1 l-ħruġ sussegwenti ta’ forma ta’ strumenti tal- Ekwità Komuni tal-Grad 1 li għalihom diġà rċevew permess, mingħajr approvazzjoni superviżorja speċifika. F’dak ir-rigward, huwa xieraq li tiġi permessa d-delega ta’ deċiżjonijiet li japprovaw emendi fl-istatuti ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu fir-rigward tal-ħruġ ta’ tali strumenti fejn il-kundizzjonijiet applikabbli jitqiesu mill-BĊE bħala ssodisfati.

(6)

Fużjoni jew ħall tal-fużjoni ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni tista’ teħtieġ emendi fl-istatuti tal-entità biex jirriflettu s-sitwazzjoni ta’ dik l-entità bħala riżultat tal-fużjoni jew tal-ħall tal-fużjoni. F’każijiet bħal dawn, il-valutazzjoni superviżorja tal-fużjoni jew tal-ħall tal-fużjoni tqis ukoll l-emendi li jirriżultaw fl-istatuti tal-entità, minkejja li l-approvazzjoni ta’ dawk l-emendi tkun is-suġġett ta’ proċedura superviżorja separata. Huwa għalhekk xieraq li tiġi permessa d-delega ta’ deċiżjonijiet li japprovaw emendi għall-istatuti f’każijiet fejn dawk l-emendi jirriżultaw minn fużjoni jew ħall tal-fużjoni.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (UE) 2019/322 (BĊE/2019/4) tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni (UE) 2019/322 (BĊE/2019/4) hija emendata kif ġej:

1.

l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-punt (2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(2)

‘akkwist ta’ parteċipazzjoni azzjonarja’ tfisser: (a) l-akkwist ta' parteċipazzjoni azzjonarja diretta jew indiretta ta' kapital jew ta' drittijiet ta' vot f'entità oħra, inkluż b'riżultat tal-istabbiliment ta' entità ġdida, minbarra l-akkwist ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti fit-tifsira tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1); u (b) kwalunkwe tranżazzjoni li hija ekwivalenti skont il-liġi nazzjonali rilevanti għal tali akkwist;

(*1)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).”;"

(b)

il-punt (17) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(17)

‘servizzi ta’ appoġġ mhux ċentrali’ tfisser servizzi anċillari li jappoġġaw in-negozju prinċipali ta’ istituzzjoni ta’ kreditu inklużi servizzi amministrattivi, servizzi lill-klijenti, servizzi ta’ ġbir ta’ dejn, firem elettroniċi jew servizzi simili oħra;”;

(c)

il-punt li ġej (19) huwa miżjud:

“(19)

‘entità regolata’ tfisser entità regolata kif iddefinit fil-punt (4) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

(*2)  Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar is-superviżjoni supplimentari ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, impriżi tal-assigurazzjoni u ditti tal-investiment f’konglomerat finanzjarju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 79/267/KEE, 92/49/KEE, 92/96/KEE, 93/6/KEE u 93/22/KEE, u d-Direttivi 98/78/KE u 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 35, 11.2.2003, p. 1).”;"

(d)

il-punt li ġej (20) huwa miżjud:

“(20)

‘Gwida tal-BĊE dwar l-approċċ superviżorju għall-konsolidazzjoni fis-settur bankarju’ tfisser dokument b’dan it-titolu li jkun fih il-prinċipji li jirfdu l-approċċ superviżorju prudenzjali segwit mill-BĊE meta jiddetermina jekk l-arranġamenti implimentati minn istituzzjoni ta’ kreditu li jirriżultaw minn konsolidazzjoni jiżgurawx il-ġestjoni tajba u l-kopertura tar-riskji tagħha, adottati u emendati minn żmien għal żmien skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni u ppubblikati fuq is-sit web tal-BĊE;’;

(e)

il-punt li ġej (21) huwa miżjud:

“(21)

‘sensittività’ tfisser karatteristika jew fattur li jista’ jkollu impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni tal-BĊE u/jew fuq il-funzjonament effettiv u konsistenti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, inkluż iżda mhux limitat għal kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin: (a) l-entità rilevanti taħt superviżjoni tkun preċedentement, jew hija attwalment, soġġetta għal miżuri superviżorji severi bħal miżuri ta’ intervent bikri; (b) l-abbozz ta’ deċiżjoni ladarba jiġi adottat se jistabbilixxi preċedent ġdid li jista’ jorbot lill-BĊE fil-futur; (c) l-abbozz ta’ deċiżjoni ladarba jiġi adottat jista’ jiġbed l-attenzjoni negattiva tal-midja jew tal-pubbliku; jew (d) awtorità nazzjonali kompetenti li tkun daħlet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE tikkomunika n-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-abbozz ta’ deċiżjoni propost lill-BĊE.”;

2.

l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Id-deċiżjonijiet ta' setgħat nazzjonali m'għandhomx ikunu adottati permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk id-dritt nazzjonali tirrikjedi l-approvazzjoni superviżorja ta' miżuri strateġiċi tal-istituzzjonijiet ta' kreditu jew jekk il-kumplessità tal-valutazzjoni jew is-sensittività tal-kwistjoni tirrikjedi li jiġu adottati taħt il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a   Il-kapijiet ta’ unitajiet ta’ ħidma għandhom jippreżentaw deċiżjoni ta’ setgħat nazzjonali li tissodisfa l-kriterji għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet iddelegati stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 14 lill-Bord Superviżorju u lill-Kunsill Governattiv għall-adozzjoni skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni meta l-valutazzjoni superviżorja ta’ dik id-deċiżjoni ta’ setgħat nazzjonali jkollha impatt dirett fuq il-valutazzjoni superviżorja ta’ deċiżjoni oħra li għandha tiġi adottata skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni.”;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Id-delega tas-setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet skont il-paragrafu 1 għandha tapplika għal:

(a)

l-adozzjoni mill-BĊE ta’ deċiżjonijiet superviżorji;

(b)

l-approvazzjoni tal-BĊE ta’ valutazzjonijiet pożittivi meta deċiżjoni superviżorja ma tkunx meħtieġa skont il-liġi nazzjonali;

(c)

l-approvazzjoni tal-BĊE ta’ tweġibiet jew rapporti maħruġa mill-BĊE fuq talba tal-awtoritajiet tal-Istati Membri parteċipanti fir-rigward ta’ setgħat nazzjonali;

(d)

l-adozzjoni mill-BĊE ta’ struzzjonijiet indirizzati, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li magħhom il-BĊE stabbilixxa kooperazzjoni mill-qrib.”;

3.

fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 4, il-frażi introduttorja fil-punt (a) hija ssostitwita b’dan li ġej:

“(a)

l-impatt fuq il-fondi proprji tal-entità sinifikanti taħt superviżjoni akkwirenti, kemm fuq bażi konsolidata kif ukoll fuq bażi individwali, huwa limitat, li jfisser li:”;

4.

fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 5, il-frażi introduttorja fil-punt (a) hija ssostitwita b’dan li ġej:

“(a)

l-impatt fuq il-fondi proprji tal-entità sinifikanti taħt superviżjoni akkwirenti b'riżultat tal-akkwist, kemm fuq bażi konsolidata kif ukoll fuq bażi individwali, huwa limitat, li jfisser li:”;

5.

fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 6, il-frażi introduttorja fil-punt (a) hija ssostitwita b’dan li ġej:

“(a)

l-impatt fuq il-fondi proprji tal-entità sinifikanti taħt superviżjoni li qed tbiegħ, kemm fuq bażi konsolidata kif ukoll fuq bażi individwali, huwa limitat, li jfisser li:”;

6.

fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 7, il-frażi introduttorja fil-punt (a) hija ssostitwita b’dan li ġej:

“(a)

l-impatt fuq il-fondi proprji tal-entità sinifikanti taħt superviżjoni li qed tbiegħ b'riżultat tal-bejgħ tal-assi jew tal-obbligazzjonijiet, kemm fuq bażi konsolidata kif ukoll fuq bażi individwali, huwa limitat, li jfisser li:”;

7.

l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-frażi introduttorja fil-punt (a) hija ssostitwita b’dan li ġej:

“(a)

l-impatt fuq il-fondi proprji tal-entità sinifikanti taħt superviżjoni li jirriżulta mill-fużjoni, kemm fuq bażi konsolidata kif ukoll fuq bażi individwali, huwa limitat, li jfisser li:”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-valutazzjoni tal-fużjonijiet għandha titwettaq skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali, filwaqt li titqies ukoll kwalunkwe gwida tal-BĊE applikabbli, inkluża l-Gwida tal-BĊE dwar l-approċċ superviżorju għall-konsolidazzjoni fis-settur bankarju, kif ukoll il-pożizzjonijiet ta’ politika, il-gwida jew atti simili tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti”’;

8.

fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 9, il-frażi introduttorja fil-punt (a) hija ssostitwita b’dan li ġej:

“(a)

l-impatt fuq il-fondi proprji tal-entità jew tal-entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni li jirriżulta mill-ħall tal-fużjoni, kemm fuq bażi konsolidata kif ukoll fuq bażi individwali, huwa limitat, li jfisser li:”;

9.

fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 11, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

il-fornitur tas-servizz huwa entità regolata stabbilita fl-Unjoni u awtorizzata li twettaq is-servizzi esternalizzati; jew”;

10.

il-paragrafu 1 tal-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (d) huwa mibdul b’dan li ġej:

“(d)

emendi li jikkonċernaw il-kapital tal-ishma ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni fejn:

(i)

id-Deċiżjoni relatata dwar il-fondi proprji, eż. dwar il-klassifikazzjoni ta’ strumenti kapitali bħala strumenti tal- Ekwità Komuni tal-Grad 1 jew it-tnaqqis ta’ fondi proprji, hija ddelegata wkoll;

(ii)

l-entità sinifikanti taħt superviżjoni tkun ikklassifikat ħruġ skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-BĊE jqis li n-notifika magħmula mill-entità sinifikanti taħt superviżjoni skont il-punt (b) ta’ dak is-subparagrafu tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ notifika.”;

(b)

il-punt (f) li ġej huwa miżjud:

“(f)

emendi li jirriflettu esklussivament bidliet li jirriżultaw minn fużjoni jew ħall tal-fużjoni approvati minn qabel mill-BĊE.”.

Artikolu 2

Dispożizzjoni tranżitorja

Id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni (UE) 2019/322 (BĊE/2019/4) għandhom ikomplu japplikaw, kif mhux emendati, f’każijiet fejn l-applikazzjoni li titlob l-approvazzjoni għal kwalunkwe waħda mill-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ dik id-Deċiżjoni, kif mhux emendata, tkun ġiet ippreżentata lill-BĊE qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-3 ta’ Awwissu 2021.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)   ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)   ĠU L 141, 1.6.2017, p. 14.

(3)  Id-Deċiżjoni (UE) 2019/322 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-31 ta’ Jannar 2019 dwar id-id-delegazzjoni tas-setgħa ta' adozzjoni ta' deċiżjonijiet dwar is-setgħat superviżorji mogħtija taħt id-dritt nazzjonali (BĊE/2019/4) (ĠU L 55, 25.2.2019, p. 7).

(4)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1015 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u Българска народна банка (Bank Nazzjonali Bulgaru) (BĊE/2020/30) (ĠU L 224I, 13.7.2020, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1016 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u Hrvatska Narodna Banka (BĊE/2020/31) (ĠU L 224I, 13.7.2020, p. 4).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-proporzjon ta' lieva finanzjarja, il-proporzjon ta' finanzjament stabbli nett, rekwiżiti għall-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, riskju ta' kreditu tal-kontroparti, riskju tas-suq, skoperturi għal kontropartijiet ċentrali, skoperturi għal impriżi ta' investiment kollettiv, skoperturi kbar, rekwiżiti ta' rappurtar u divulgazzjoni, u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 1).


6.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/22


DEĊIŻJONI (UE) 2021/1442 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-3 ta’ Awwissu 2021

dwar id-delega tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet dwar mudelli interni u dwar l-estensjoni tal-iskadenzi (BĊE/2021/38)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 148, 149 u 150 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(1)(e) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2017/933 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' Novembru 2016 dwar qafas ġenerali għad-delegazzjoni ta' setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet għal strumenti legali relatati ma' kompiti superviżorji (BĊE/2016/40) (3) u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

Billi:

(1)

Fil-qafas tal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iwettaq il-kompitu esklussiv ta’ superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu bl-għan illi jiżgura applikazzjoni konsistenti tal-istandards superviżorji, li jrawwem stabbiltà finanzjarja u li jiżgura kundizzjonijiet ugwali.

(2)

Skont l-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE, bħala l-awtorità kompetenti għal entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni, huwa responsabbli għall-għoti ta’ permess minn qabel lil entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni għall-estenzjoni tal-iskadenza għall-implimentazzjoni sekwenzjali tal-Approċċ Ibbażat fuq Klassifikazzjonijiet Interni biex jikkalkulaw ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju tal-kreditu fi klassijiet differenti ta’ skoperturi u unitajiet tan-negozju skont l-Artikolu 148 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, biex jerġgħu lura għall-użu ta’ approċċi inqas sofistikati skont l-Artikolu 149 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u biex jużaw b’mod permanenti l-Approċċ Standardizzat skont l-Artikolu 150 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(3)

Id-deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE jista’ jkun fihom obbligi jew rekwiżiti li d-destinatarju jrid jissodisfa sa skadenza speċifika, fejn dan ikun meħtieġ sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni xierqa tad-deċiżjoni jew rekwiżiti oħra. Fuq talba tal-entitajiet taħt superviżjoni, il-BĊE jista’ jestendi l-iskadenza għal obbligi jew rekwiżiti permezz ta’ deċiżjoni superviżorja oħra, fejn dan jitqies raġonevoli. Barra minn hekk, fuq talba tal-akkwirenti proposti, il-BĊE jista’ jestendi l-perijodu massimu għall-konklużjoni tal-akkwiżizzjoni proposta ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu.

(4)

Il-BĊE, bħala l-awtorità kompetenti, huwa meħtieġ li jadotta għadd sostanzjali ta’ deċiżjonijiet dwar il-mudelli interni u deċiżjonijiet dwar l-estensjoni tal-iskadenzi kull sena. Biex jiġi ffaċilitat il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet hija neċessarja deċiżjoni ta' delega fir-rigward tal-adozzjoni ta' tali deċiżjonijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rrikonoxxiet li d-delega ta' awtorità hija neċessarja biex tippermetti lil istituzzjoni li tkun meħtieġa tadotta numru konsiderevoli ta' deċiżjonijiet biex twettaq dmirijietha. Bl-istess mod, hija rrikonoxxiet il-ħtieġa li tiżgura li l-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet ikunu jistgħu jaħdmu bħala prinċipju inerenti għas-sistemi istituzzjonali kollha (4).

(5)

Id-delega tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandha tkun limitata u proporzjonata, u l-ambitu tad-delegazzjoni għandu jkun definit b'mod ċar.

(6)

Fl-24 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-BĊE u r-Repubblika tal-Bulgarija (5), u bejn il-BĊE u r-Repubblika tal-Kroazja (6). L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jipprevedi li biex iwettaq ċerti kompiti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro fejn tkun ġiet stabbilita kooperazzjoni mill-qrib skont dak l-Artikolu, il-BĊE jista’ jindirizza struzzjonijiet lill-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti. Huwa għalhekk xieraq li dawn l-istruzzjonijiet jiġu inklużi fost l-atti li l-BĊE jista’ jadotta permezz ta’ delega lill-kapijiet tal-unitajiet ta’ ħidma skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Deċiżjoni.

(7)

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40) tispeċifika l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet superviżorji u l-persuni li lilhom jistgħu jiġu ddelegati setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet. Dik id-Deċiżjoni ma taffettwax l-eżerċizzju tal-kompiti superviżorji tal-BĊE u hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Bord ta' Sorveljanza li jipproponi abbozzi ta' deċiżjonijiet kompleti lill-Kunsill Governattiv.

(8)

Meta l-kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjoni delegata, kif stabbilit f'din id-Deċiżjoni, ma jintlaħqux, għandhom jiġu adottati deċiżjonijiet skont il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni skont l-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u l-Artikolu 13g tad-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tal-Bank Ċentrali Ewropew (7). Barra minn hekk, il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni jenħtieġ li tintuża wkoll meta l-kapijiet tal-unitajiet ta’ ħidma ikollhom tħassib dwar l-issodisfar tal-kriterji ta’ valutazzjoni għal deċiżjonijiet dwar mudelli interni jew l-estensjoni ta’ deċiżjonijiet dwar skadenzi minħabba l-kumplessità tal-valutazzjoni jew is-sensittività tal-kwistjoni u meta l-eżitu tal-valutazzjoni rilevanti jkollu impatt dirett fuq waħda jew aktar minn dawk id-deċiżjonijiet l-oħra u għalhekk id-deċiżjonijiet jenħtieġ li jitqiesu simultanjament mill-istess persuna li tieħu d-deċiżjonijiet sabiex jiġu evitati eżiti konfliġġenti.

(9)

Id-deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE jistgħu jkunu suġġetti għal rieżami amministrattiv skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u kif speċifikat aktar fid-Deċiżjoni BĊE/2014/16 tal-Bank Ċentrali Ewropew (8). Fil-każ ta' tali rieżami amministrattiv, il-Bord Superviżorju għandu jqis l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta' Rieżami u jissottometti abbozz ta' deċiżjoni ġdida lill-Kunsill Governattiv għal adozzjoni taħt il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“deċiżjoni dwar mudelli interni” tfisser deċiżjoni tal-BĊE dwar permess minn qabel biex għall-estenzjoni tal-iskadenza għall-implimentazzjoni sekwenzjali l-Approċċ Ibbażat fuq il-Klassifikazzjonijiet Interni għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' fondi proprji tagħhom għar-riskju ta’ kreditu fi klassijiet ta’ skoperturi differenti skont l-Artikolu 148 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, biex jerġa’ lura għall-użu ta’ approċċi inqas sofistikati skont l-Artikolu 149 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u biex juża b’mod permanenti l-Approċċ Standardizzat skont l-Artikolu 150 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(2)

“Approċċ Standardizzat” tfisser l-approċċ għall-kalkolu tal-ammonti ta’ skoperturi ppeżati skont ir-riskju għall-finijiet tal-punti (a) u (f) tal-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 previst fil-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 2 ta’ dak ir-Regolament;

(3)

“Approċċ Ibbażat fuq Klassifikazzjonijiet Interni” (Approċċ IRB) tfisser l-approċċ għall-kalkolu tal-ammonti ta’ skoperturi ponderati għar-riskju għall-finijiet tal-punti (a) u (f) tal-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 previst fil-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 3 ta’ dak ir-Regolament;

(4)

“Proporzjon ta' kapital ta' Ekwità Komuni tal-Grad 1", "proporzjon ta' kapital tal-Grad 1" u "proporzjon ta' kapital totali" jfissru proporzjon ta' kapital ta' Ekwità Komuni tal-Grad 1, proporzjon ta' kapital tal-Grad 1 u proporzjon ta' kapital totali, rispettivament, kif imsemmi fl-Artikolu 92(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(5)

“obbligu” tfisser dispożizzjoni anċillari għal deċiżjoni superviżorja li tirrikjedi li d-destinatarju jew id-destinatarji jieħdu azzjoni sa data ta’ skadenza sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tad-deċiżjoni superviżorja;

(6)

“limitazzjoni” tfisser dispożizzjoni anċillari għal deċiżjoni superviżorja li tirrestrinġi jew timmodifika l-użu permess ta’ mudell intern, inkluż billi timponi fatturi ta’ multiplikazzjoni ogħla jew żidiet kapitali;

(7)

“deċiżjoni ta’ estensjoni tal-iskadenzi” tfisser deċiżjoni tal-BĊE li testendi (a) l-iskadenza għall-konformità mal-obbligi jew ir-rekwiżiti imposti mill-BĊE f’deċiżjoni superviżorja u (b) il-perjodu massimu għall-konklużjoni tal-akkwiżizzjoni proposta stabbilit f’deċiżjoni ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti peress li tali deċiżjonijiet huma definiti fil-punt (3) tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2019/23) (9);

(8)

“deċiżjoni delegata” tfisser deċiżjoni delegata kif iddefinita fil-punt (4) tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40);

(9)

“kapijiet ta' unitajiet ta' ħidma” tfisser il-kapijiet ta' unitajiet ta’ ħidma tal-BĊE li lilhom tiġi delegata s-setgħa li jadottaw deċiżjonijiet dwar mudelli interni jew deċiżjonijiet dwar estensjonijiet ta’ skadenzi;

(10)

"proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni" tfisser il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u li hija speċifikata aktar fl-Artikolu 13g tad-Deċiżjoni BĊE/2004/2;

(11)

"deċiżjoni negattiva" tfisser deċiżjoni li tagħti jew ma tagħtix kompletament il-permess jew l-estensjoni kif mitlub mill-entità taħt superviżjoni jew mill-akkwirent propost. Deċiżjoni b'dispożizzjonijiet anċillari bħal kundizzjonijiet, obbligi jew limitazzjonijiet għandha titqies bħala deċiżjoni negattiva sakemm tali dispożizzjonijiet anċillari (a) jiżguraw li l-entità taħt superviżjoni tissodisfa r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni relevanti msemmija fl-Artikoli 4(2), 5(2) u 6(2) u ġew miftiehma bil-miktub jew (b) sempliċiment tiddikjara mill-ġdid wieħed jew aktar mir-rekwiżiti eżistenti li l-entità taħt superviżjoni trid tikkonforma magħhom skont id-dritt tal-Unjoni jew jeħtieġu informazzjoni dwar it-twettiq ta' wieħed jew aktar minn dawk ir-rekwiżiti;

(12)

“sensittività” tfisser karatteristika jew fattur li jista’ jkollu impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni tal-BĊE u/jew fuq il-funzjonament effettiv u konsistenti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, inkluż iżda mhux limitat għal kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin: (a) l-entità rilevanti taħt superviżjoni tkun preċedentement, jew hija attwalment, soġġetta għal miżuri superviżorji severi bħal miżuri ta’ intervent bikri; (b) l-abbozz ta’ deċiżjoni ladarba jiġi adottat se jistabbilixxi preċedent ġdid li jista’ jorbot lill-BĊE fil-futur; (c) l-abbozz ta’ deċiżjoni ladarba jiġi adottat jista’ jiġbed l-attenzjoni negattiva tal-midja jew tal-pubbliku; jew (d) awtorità nazzjonali kompetenti li tkun daħlet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE tikkomunika n-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-abbozz ta’ deċiżjoni propost lill-BĊE.’;

(13)

“entità sinifikanti taħt superviżjoni” tfisser entità sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefinita fil-punt (16) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (10);

(14)

“grupp sinifikanti taħt superviżjoni” tfisser grupp sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefinit fil-punt (22) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17);

(15)

"Deċiżjoni SREP" tfisser id-deċiżjoni adottata mill-BĊE abbażi tal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 wara r-rieżami superviżorju annwali u l-proċess ta' valutazzjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 97 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11);

(16)

“gwida tal-BĊE” tfisser kwalunkwe dokument, adottat mill-Kunsill Governattiv fuq proposta tal-Bord Superviżorju u ppubblikat fuq is-sit elettroniku tal-BĊE u li jagħti gwida dwar l-interpretazzjoni ta' rekwiżiti legali mill-BĊE.

(17)

“Gwida tal-BĊE għall-mudelli interni” tfisser dokument b’dan it-titolu u kwalunkwe dokument ieħor li jagħti gwida dwar kif il-BĊE jifhem ir-rekwiżiti legali applikabbli għall-valutazzjoni tal-mudelli interni, adottati mill-Kunsill Governattiv fuq proposta mill-Bord Superviżorju, li tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-BĊE.

Artikolu 2

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Deċizjoni tispeċifika l-kriterji għad-delegazzjoni tas-setgħat tat-teħid ta’ deċiżjonijiet lill-kapijiet ta' unitajiet ta' ħidma tal-BĊE biex jadottaw deċiżjonijiet dwar mudelli interni u deċiżjonijiet dwar l-estensjoni ta’ skadenzi.

2.   Id-delega tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni superviżorja li għandha titwettaq għall-finijiet tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar mudelli interni u deċiżjonijiet dwar l-estensjoni ta’ skadenzi.

Artikolu 3

Delega ta’ deċiżjonijiet dwar mudelli interni u deċiżjonijiet dwar l-estensjoni ta' iskadenzi

1.   B’mod konformi mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40), il-Kunsill Governattiv bil-preżenti jiddelega lill-kapijiet tal-unitajiet ta' ħidma nnominati mill-Bord Eżekuttiv skont l-Artikolu 5 ta' dik id-Deċiżjoni s-setgħa li jadottaw deċiżjonijiet dwar:

(a)

permess għall-estenzjoni tal-iskadenza għall-implimentazzjoni sekwenzjali tal-Approċċ IRB skont l-Artikolu 148 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(b)

permess biex wieħed imur lura għall-użu ta’ approċċi inqas sofistikati skont l-Artikolu 149 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(c)

permess għall-użu parzjali permanenti tal-Approċċ Standardizzat skont l-Artikolu 150 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(d)

estensjoni tal-iskadenzi.

2.   Id-delega tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet skont il-paragrafu 1 għandha tapplika għal:

(a)

l-adozzjoni mill-BĊE ta’ deċiżjonijiet superviżorji;

(b)

l-adozzjoni ta’ struzzjonijiet mill-BĊE indirizzati, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li magħhom il-BĊE stabbilixxa kooperazzjoni mill-qrib.

3.   Id-deċiżjonijiet dwar mudelli interni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati permezz ta' deċiżjoni delegata jekk ikunu sodisfatti l-kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet delegati, kif stabbilit fl-Artikoli 4, 5 u 6.

4.   Id-deċiżjonijiet dwar l-estensjoni ta’ skadenzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati permezz ta' deċiżjoni delegata jekk jiġu sodisfatti l-kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet delegati, kif stabbilit fl-Artikolu 7 u 8.

5.   Id-deċiżjonijiet dwar mudelli interni u d-deċiżjonijiet dwar l-estensjoni ta' skadenzi m'għandhomx jiġu adottati permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk il-kumplessità tal-valutazzjoni jew is-sensittività tal-kwistjoni jeħtieġu li jiġu adottati skont il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni. Il-Kapijiet tal-unitajiet ta’ ħidma għandhom jippreżentaw deċiżjoni dwar il-mudelli interni jew deċiżjoni ta’ estensjoni tal-iskadenzi li tissodisfa l-kriterji għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet delegati stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 8 lill-Bord Superviżorju u lill-Kunsill Governattiv għall-adozzjoni skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni jekk il-valutazzjoni superviżorja ta’ dik id-deċiżjoni dwar il-mudelli interni jew id-deċiżjoni dwar l-estensjoni ta' skadenza jkollha impatt dirett fuq il-valutazzjoni superviżorja ta’ deċiżjoni oħra li għandha tiġi adottata skont il-proċedura ta’ nuqqas ta' oġġezzjoni.

6.   Id-deċiżjonijiet negattivi dwar il-mudelli interni u d-deċiżjonijiet negattivi dwar estensjoni ma għandhomx jiġu adottati permezz ta’ deċiżjoni ddelegata.

Artikolu 4

Kriterji għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet delegati dwar permess minn qabel għall-estenzjoni tal-iskadenza għall-implimentazzjoni sekwenzjali tal-Approċċ IRB

1.   Id-deċiżjonijiet li jagħtu permess għall-estenzjoni tal-iskadenza għall-implimentazzjoni sekwenzjali tal-Approċċ IRB għandhom jittieħdu permezz ta’ deċiżjoni ddelegata jekk jiġu ssodisfati l-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

l-estensjoni tintalab għal perjodu li ma jaqbiżx it-tliet snin mill-iskadenza stabbilita fl-aħħar pjan approvat għall-implimentazzjoni sekwenzjali tal-Approċċ IRB għall-klassi tal-iskopertura rilevanti, jew l-unità tan-negozju jew għall-użu tal-istimi proprji ta’ telf fil-każ ta’ inadempjenza jew ta’ fatturi ta’ konverżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 148 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(b)

il-valur tal-iskopertura u l-ammont tal-iskopertura ponderata għar-riskju tal-iskoperturi li għalihom l-istituzzjoni tapplika l-Approċċ IRB, ikkalkulati b’kont meħud tal-gwida għall-kalkolu ta’ dawn l-ammonti kif stabbilit fil-Gwida tal-BĊE għall-mudelli interni, huma u jibqgħu, wara d-deċiżjoni,’il fuq minn 50 % tal-valur tal-iskopertura totali u l-ammont totali tal-iskopertura ponderata għar-riskju fuq livell konsolidat ta’ grupp sinifikanti taħt superviżjoni jew fuq livell individwali ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni, jekk tali entità sinifikanti taħt superviżjoni ma tkunx parti minn grupp sinifikanti taħt superviżjoni.

2.   Il-valutazzjoni tal-estensjoni tal-iskadenza għall-implimentazzjoni sekwenzjali tal-Approċċ IRB għandha titwettaq skont l-Artikolu 148 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni u regolatorji adottati mill-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li jitqiesu wkoll kwalunkwe gwidi tal-BĊE applikabbli jew dokumenti simili maħruġa mill-BĊE, kif ukoll il-Linji Gwida u l-abbozz finali tal-istandards tekniċi regolatorji tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej.

Artikolu 5

Kriterji għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet delegati dwar permess minn qabel biex wieħed jerġa’ lura għall-użu ta’ approċċi inqas sofistikati

1.   Deċiżjonijiet li jagħtu permess biex wieħed imur lura għall-użu ta’ approċċi inqas sofistikati għandhom jittieħdu permezz ta’ deċiżjoni ddelegata jekk jiġu ssodisfati l-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

Wara t-treġġigħ lura għall-użu ta’ approċċi inqas sofistikati, il-fondi proprji tal-entità taħt superviżjoni huma stmati li jkomplu jaqbżu s-somma tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 92(1)(a) sa (c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-fondi proprji meħtieġa li jinżammu skont l-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, ir-rekwiżit ta’ riżerva kombinata kif iddefinita fil-punt (6) tal-Artikolu 128 tad-Direttiva 2013/36/UE u l-gwida tal-kapital tal-Pilastru 2 kif stabbilit fl-aħħar deċiżjoni SREP disponibbli u l-proporzjon CET1 ma jonqsux b’aktar minn 50 punti bażi u l-marġni ta’ kapital fuq rekwiżiti kapitali ġenerali u l-gwida tal-kapital tal-Pilastru 2 kif stabbilit fl-aħħar deċiżjoni SREP disponibbli ma tkunx iżgħar minn 50 punt bażi f’termini tal-proporzjon CET1 fuq livell konsolidat ta’ grupp sinifikanti taħt superviżjoni jew fuq livell individwali ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni, jekk dik l-entità sinifikanti taħt superviżjoni ma tkunx parti minn grupp sinifikanti taħt superviżjoni;

(b)

wara t-treġġigħ lura għall-użu ta’ approċċi inqas sofistikati, ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji ma jitnaqqsux fuq livell konsolidat ta’ grupp sinifikanti taħt superviżjoni jew fuq livell individwali ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni, jekk tali entità sinifikanti taħt superviżjoni ma tkunx parti minn grupp sinifikanti taħt superviżjoni.

2.   Meta talba għat-treġġigħ lura għall-użu ta’ approċċi inqas sofistikati tkun tikkonċerna aktar minn sistema waħda ta’ klassifikazzjoni, id-deċiżjoni għandha tittieħed permezz ta’ deċiżjoni ddelegata jekk il-kriterji kollha stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu ssodisfati fir-rigward ta’ kull sistema ta’ klassifikazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni.

3.   Il-valutazzjoni li tikkonċerna t-treġġigħ lura għal approċċi inqas sofistikati għandha titwettaq skont l-Artikolu 149 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni u regolatorji adottati mill-Kummissjoni, filwaqt li jitqiesu wkoll kwalunkwe gwidi tal-BĊE applikabbli jew dokumenti simili maħruġa mill-BĊE, kif ukoll il-Linji Gwida u l-abbozz finali tal-istandards tekniċi regolatorji tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej.

Artikolu 6

Kriterji għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet delegati dwar permess minn qabel għal użu parzjali permanenti tal-Approċċ Standardizzat

1.   Id-deċiżjonijiet li jagħtu permess għall-użu parzjali permanenti tal-Approċċ Standardizzat għandhom jittieħdu permezz ta’ deċiżjoni ddelegata jekk jiġu ssodisfati l-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

wara d-deċiżjoni dwar l-użu parzjali permanenti tal-Approċċ Standardizzat, il-valur tal-iskopertura u l-ammont tal-iskopertura ponderata għar-riskju tal-iskoperturi li għalihom l-istituzzjoni tapplika l-Approċċ IRB, ikkalkulati b’kont meħud tal-gwida stabbilita fil-Gwida tal-BĊE għall-mudelli interni, huma daqs jew ogħla minn 50% tal-valur totali tal-iskopertura u l-ammont totali tal-iskopertura ponderata għar-riskju fuq livell konsolidat ta’ grupp sinifikanti taħt superviżjoni jew fuq livell individwali ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni, jekk tali entità sinifikanti taħt superviżjoni ma tkunx parti minn grupp sinifikanti taħt superviżjoni;

(b)

wara d-deċiżjoni dwar l-użu parzjali permanenti tal-Approċċ Standardizzat, iż-żieda fil-valur tal-iskopertura u l-ammonti tal-iskopertura ponderata għar-riskju koperti mill-Approċċ Standardizzat ma taqbiżx l-20 % tal-valur totali tal-iskopertura u l-ammont totali tal-iskopertura ponderata għar-riskju fuq livell konsolidat ta’ grupp sinifikanti taħt superviżjoni jew fuq livell individwali ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni, jekk tali entità sinifikanti taħt superviżjoni ma tkunx parti minn grupp sinifikanti taħt superviżjoni.

2.   Il-valutazzjoni dwar l-użu parzjali permanenti tal-Approċċ Standardizzat għandha titwettaq skont l-Artikolu 150 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni u regolatorji adottati mill-Kummissjoni, filwaqt li jitqiesu wkoll kwalunkwe gwidi applikabbli tal-BĊE jew dokumenti simili maħruġa mill-BĊE, kif ukoll il-Linji Gwida u l-abbozzi finali tal-istandards tekniċi regolatorji tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej.

Artikolu 7

Kriterji għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet delegati dwar l-estensjoni tal-iskadenzi għall-obbligi u għar-rekwiżiti imposti f’deċiżjoni superviżorja preċedenti tal-BĊE

1.   Id-deċiżjonijiet dwar l-estensjoni tal-iskadenzi għall-obbligi u għar-rekwiżiti imposti f’deċiżjoni superviżorja preċedenti tal-BĊE għandhom jittieħdu permezz ta’ deċiżjoni ddelegata jekk jiġu ssodisfati l-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

l-entità taħt superviżjoni titlob l-estensjoni sal-iskadenza u t-talba tiġi sottomessa lill-BĊE mill-inqas 30 jum qabel ma tiskadi l-iskadenza;

(b)

l-estensjoni ma taqbiżx id-durata tal-perjodu qabel l-iskadenza inizjali u ma taqbiżx it-12-il xahar;

(c)

l-estensjoni ma taffettwax b’mod negattiv id-drittijiet tal-entità taħt superviżjoni.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, id-deċiżjonijiet dwar l-estensjoni tal-iskadenzi ma għandhomx jittieħdu permezz ta’ deċiżjoni ddelegata jekk tapplika xi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

l-estensjoni tinvolvi bidla fil-kamp ta’ applikazzjoni oriġinali tal-obbligu jew ir-rekwiżit f’deċiżjoni superviżorja preċedenti tal-BĊE, jew fil-valutazzjoni sottostanti li fuqha kienet ibbażata dik id-deċiżjoni preċedenti;

(b)

l-estensjoni tikkonċerna skadenza li diġà ġiet estiża;

(c)

l-estensjoni tkun mitluba minn istituzzjoni ta’ kreditu li l-punteġġ tagħha għall-governanza kif stabbilit fl-aħħar deċiżjoni SREP disponibbli ikun 4;

(d)

l-estensjoni tkun mitluba minn istituzzjoni ta’ kreditu li l-marġni ta’ fondi proprji tagħha ‘l fuq mill-gwida kapitali tal-Pilastru 2 kif stabbilit fl-aħħar deċiżjoni SREP disponibbli jkun inqas minn 100 punt bażi f’termini tal-proporzjon CET1;

(e)

l-estensjoni tkun mitluba minn istituzzjoni ta’ kreditu li lilha jkunu ġew indirizzati miżuri ta’ intervent bikri matul it-tliet snin preċedenti kif previst fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12);

(f)

l-estensjoni mhijiex permessa skont il-liġi applikabbli.

3.   Il-valutazzjoni tat-talbiet għall-estensjoni tal-iskadenzi għandha titwettaq b’kont meħud ta’ (a) jekk l-estensjoni tkun raġonevoli, filwaqt li titqies il-ġustifikazzjoni għall-estensjoni mitluba pprovduta mill-istituzzjoni ta’ kreditu u (b) jekk l-estensjoni tipperikolax l-implimentazzjoni effettiva tal-miżura superviżorja.

Artikolu 8

Kriterji għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet delegati dwar l-estensjoni tal-perijodu massimu għall-konklużjoni ta’ akkwist propost

1.   Deċiżjonijiet dwar l-estensjoni tal-perijodu massimu stabbilit f’deċiżjonijiet ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti għall-konklużjoni ta’ akkwist propost għandhom jittieħdu permezz ta’ deċiżjoni delegata jekk l-estensjoni tingħata għal perijodu massimu ta’ 12-il xahar mid-data ta’ skadenza tal-perijodu oriġinali għall-konklużjoni tal-akkwiżizzjoni proposta.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, id-deċiżjonijiet dwar l-estensjoni tal-perjodu massimu msemmi ma għandhomx jittieħdu permezz ta’ deċiżjoni ddelegata jekk tapplika xi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

l-estensjoni tinvolvi bidla fil-kamp ta’ applikazzjoni oriġinali tad-deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti jew il-valutazzjoni sottostanti li fuqha kienet ibbażata dik id-deċiżjoni;

(b)

il-perjodu massimu diġà ġie estiż;

(c)

l-akkwirent propost jew l-entità fil-mira tkun istituzzjoni ta’ kreditu li l-punteġġ tagħha għall-governanza kif stabbilit fl-aħħar deċiżjoni SREP disponibbli jkun 4;

(d)

l-akkwirent propost jew l-entità fil-mira tkun istituzzjoni ta’ kreditu li l-marġni ta’ fondi proprji tagħha ‘l fuq mill-gwida kapitali tal-Pilastru 2 kif stabbilit fl-aħħar deċiżjoni SREP disponibbli jkun inqas minn 100 punt bażi f’termini tal-proporzjon CET1;

(e)

l-akkwirent propost jew l-entità fil-mira tkun istituzzjoni ta’ kreditu li lilha jkunu ġew indirizzati miżuri ta’ intervent bikri matul it-tliet snin preċedenti kif previst fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 2014/59/UE.

3.   Il-valutazzjoni tat-talbiet għall-estensjoni tal-perijodu massimu msemmi għandha titwettaq b’kont meħud ta’ (a) jekk l-estensjoni tkun raġonevoli, b’kont meħud tal-ġustifikazzjoni għall-estensjoni mitluba pprovduta mill-akkwirent propost b) jekk l-estensjoni tipperikolax l-implimentazzjoni effettiva tal-miżura superviżorja.

Artikolu 9

Dispożizzjoni tranżitorja

Din id-Deċiżjoni m'għandhiex tapplika f'każijiet fejn l-applikazzjoni għal deċiżjoni dwar il-mudelli interni ġiet sottomessa lill-BĊE qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Gurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-3 ta’ Awwissu 2021.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)   ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)   ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(3)   ĠU L 141, 1.6.2017, P. 14.

(4)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Europea tat-23 ta’ Settembru 1986, AKZO Chemie vs Il-Kummissjoni, 5/85, ECLI:EU:C:1986:328, il-punt 37; u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Mejju 2005, Carmine Salvatore Tralli vs Il-BĊE, C-301/02 P, ECLI:EU:C:2005:306, il-punt 59.

(5)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1015 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-24 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u Българска народна банка (Bank Nazzjonali tal-Bulgarija) (BĊE/2020/30) (ĠU L 224, I, 13.7.2020, p. 1).

(6)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1016 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u Hrvatska Narodna Banka (BĊE/2020/31) (ĠU L 224, I, 13.7.2020, p. 4).

(7)  Id-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33).

(8)  Id-Deċiżjoni BĊE/2014/16 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-14 ta' April 2014 dwar l-istabbiliment ta' Bord Amministrattiv ta' Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu (ĠU L 175, 14.6.2014, p. 47).

(9)  Id-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta’ Lulju 2019 dwar id-delega tas-setgħa biex jiġu adottati deċiżjonijiet dwar l-ippassaportar, l-akkwiżizzjoni ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u l-irtirar ta' liċenzja ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (BĊE/2019/23) (ĠU L 224, 28.8.2019, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet nazzjonali ddenominati (Regolament Qafas dwar l-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).

(11)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(12)  Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).


6.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/30


DEĊIŻJONI (UE) 2021/1443 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-26 ta’ Awwissu 2021

li tinnomina kapijiet ta' unitajiet ta' ħidma għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet dwar mudelli interni u deċiżjonijiet dwar l-estensjoni tal-iskadenzi ddelegati (BĊE/2021/40)

IL-BORD EŻEKUTTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 11.6 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2017/933 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' Novembru 2016 dwar qafas ġenerali għad-delegazzjoni ta' setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet għal strumenti legali relatati ma' kompiti superviżorji (BĊE/2016/40) (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 4 u 5 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2021/1442 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Awwissu 2021 dwar id-delega tas-setgħa biex jadottaw deċiżjonijiet dwar mudelli interni u dwar l-estensjoni ta' skadenzi (BĊE/2021/38) (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha,

Billi:

(1)

Ġiet stabbilita proċedura għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet iddelegati speċifiċi biex tindirizza n-numru konsiderevoli ta' deċiżjonijiet illi l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irid jadotta għat-twettiq tal-kompiti superviżorji tiegħu.

(2)

Deċiżjoni ta' delega hija effettiva mal-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Bord Eżekuttiv li tinnomina kap ta' unità ta’ ħidma jew aktar biex jieħu deċiżjonijiet abbażi ta' deċiżjoni ta' delega.

(3)

L-importanza tad-deċiżjoni ta' delega u n-numru ta’ destinatarji li lilhom iridu jintbagħtu d-deċiżjonijiet iddelegati għandhom jiġu kkunsidrati mill-Bord Eżekuttiv fil-ħatra ta' kapijiet ta' unitajiet ta' ħidma.

(4)

L-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tal-Bank Ċentrali Ewropew jipprovdi li l-Bord Eżekuttiv għandu jiddeċiedi dwar in-numru, l-isem u l-kompetenza rispettivi ta’ kull waħda mill-unitajiet ta' ħidma tal-BĊE.

(5)

Il-President tal-Bord Superviżorju ġie kkonsultat dwar il-kapijiet ta' unitajiet ta' ħidma li lilhom għandha tiġi ddelegata s-setgħa biex jadottaw deċiżjonijiet dwar mudelli interni u deċiżjonijiet dwar l-estensjoni ta' skadenzi.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2021/1442 (BĊE/2021/38).

Artikolu 2

Deċiżjonijiet iddelegati dwar mudelli interni u dwar l-estensjoni tal-iskadenzi

1.   Deċiżjonijiet iddelegati skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE) 2021/1442 (BĊE/2021/38), bl-eċċezzjoni ta’ dawk dwar l-estensjoni tal-perjodu massimu għall-konklużjoni ta’ akkwist propost stabbilit f’deċiżjoni ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti peress li tali deċiżjonijiet huma definiti fil-punt (3) tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2019/23) (4), għandhom jiġu adottati minn wieħed mill-kapijiet ta' unitajiet ta' ħidma li ġejjin:

(a)

id-Direttur Ġenerali jew Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali Banek Sistemiċi u Internazzjonali, jekk is-superviżjoni tal-entità jew grupp taħt superviżjoni rilevanti titwettaq mid-Direttorat Ġenerali Banek Sistemiċi u Internazzjonali;

(b)

id-Direttur Ġenerali jew Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali Istituzzjonijiet Universali u Diversifikati, jekk is-superviżjoni tal-entità jew grupp taħt superviżjoni rilevanti tkun imwettqa mid-Direttorat Ġenerali Istituzzjonijiet Universali u Diversifikati;

(c)

id-Direttur Ġenerali jew id-Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali Istituzzjonijiet Speċjalizzati u Istituzzjonijiet Inqas Sinjifikanti, jekk is-superviżjoni tal-entità jew grupp taħt superviżjoni rilevanti titwettaq mid-Direttorat Ġenerali Istituzzjonijiet Speċjalizzati u Istituzzjonijiet Inqas Sinjifikanti.

2.   Id-deċiżjonijiet delegati skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE) 2021/1442 (BĊE/2021/38) dwar l-estensjoni tal-perjodu massimu għall-konklużjoni ta’ akkwist propost li jinvolvu entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni kif definiti fil-punt (16) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (5) għandhom jiġu adottati mid-Direttur Ġenerali jew il-Viċi Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Governanza u l-Operazzjonijiet tal-MSU — jew jekk ma jkunux disponibbli l-Kap tad-Diviżjoni tal-Awtorizzazzjoni — u wieħed mill-kapijiet tal-unitajiet ta' ħidma li ġejjin:

(a)

id-Direttur Ġenerali jew Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali Banek Sistemiċi u Internazzjonali, jekk is-superviżjoni tal-entità jew grupp taħt superviżjoni rilevanti titwettaq mid-Direttorat Ġenerali Banek Sistemiċi u Internazzjonali;

(b)

id-Direttur Ġenerali jew Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali Istituzzjonijiet Universali u Diversifikati, jekk is-superviżjoni tal-entità jew grupp taħt superviżjoni rilevanti tkun imwettqa mid-Direttorat Ġenerali Istituzzjonijiet Universali u Diversifikati;

(c)

id-Direttur Ġenerali jew id-Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali Istituzzjonijiet Speċjalizzati u Istituzzjonijiet Inqas Sinjifikanti, jekk is-superviżjoni tal-entità jew grupp taħt superviżjoni rilevanti titwettaq mid-Direttorat Ġenerali Istituzzjonijiet Speċjalizzati u Istituzzjonijiet Inqas Sinjifikanti.

Jekk deċiżjoni ddelegata skont l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 (BĊE/2019/23) tinvolvi iktar minn entità sinifikanti taħt superviżjoni waħda, l-entità taħt superviżjoni rilevanti għandha tkun l-entità jew grupp taħt superviżjoni li fiha tiġi akkwistata l-parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti.

3.   Id-deċiżjonijiet delegati skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE)2021/1442 (BĊE/2021/38) dwar l-estensjoni tal-perjodu massimu għall-konklużjoni ta’ akkwist propost li ma jinvolvux entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni għandhom jiġu adottati mid-Direttur Ġenerali jew mid-Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Governanza u l-Operazzjonijiet tal-MSU — jew jekk ma jkunux disponibbli mill-Kap tad-Diviżjoni tal-Awtorizzazzjoni.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-26 ta’ Awwissu 2021.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)   ĠU L 141, 1.6.2017, p. 14.

(2)  Ara l-paġna 22 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(3)   ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33.

(4)  Id-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta’ Lulju 2019 dwar id-delega tas-setgħa biex jiġu adottati deċiżjonijiet dwar l-ippassaportar, l-akkwiżizzjoni ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u l-irtirar ta' liċenzja ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (BĊE/2019/23) (ĠU L 224, 28.8.2019, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet nazzjonali ddenominati (Regolament Qafas dwar l-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).