ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 286

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 64
10 ta' Awwissu 2021


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/1317 tad-9 ta’ Awwissu 2021 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi taċ-ċomb f’ċerti oġġetti tal-ikel ( 1 )

1

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1318 tad-9 ta’ Awwissu 2021 li jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid, id-Deċiżjoni 2008/968/KE li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ żejt għani bl-aċtu arakidoniku minn Mortierella alpina bħala ingredjent ġdid tal-ikel u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/484 li jawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-latto-N-tetraożju bħala ikel ġdid ( 1 )

5

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1319 tad-9 ta’ Awwissu 2021 li jawtorizza bidliet fl-ispeċifikazzjonijiet tal-ikel ġdid Żejt taż-żerriegħa tal-kosbor mill-Coriandrum sativum u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 ( 1 )

12

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1320 tat-30 ta’ Lulju 2021 li taħtar membru supplenti, propost mir-Repubblika Ellenika, fil-Kumitat tar-Reġjuni

16

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1321 tas-6 ta’ Awwissu 2021 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE fir-rigward tal-istatus tal-BSE tal-Kanada u l-Irlanda (notifikata bid-dokument C(2021) 5789)  ( 1 )

17

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

10.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1317

tad-9 ta’ Awwissu 2021

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi taċ-ċomb f’ċerti oġġetti tal-ikel

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (2) jistabbilixxi livelli massimi għaċ-ċomb (Pb) f’firxa ta’ oġġetti tal-ikel.

(2)

Fit-18 ta’ Marzu 2010, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat opinjoni dwar iċ-ċomb fl-ikel (3). L-Awtorità identifikat li ċ-ċomb jista’ jikkawża newrotossiċità fil-fażi tal-iżvilupp fit-tfal żgħar u problemi kardjovaskulari u nefrotossiċità fl-adulti. Il-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċomb kienet ibbażata fuq dawn l-effetti avversi potenzjalment kritiċi. L-Awtorità kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda evidenza għal livell limitu għal għadd ta’ punti tat-tmiem kritiċi, inkluż in-newrotossiċità fil-fażi tal-iżvilupp u n-nefrotossiċità fl-adulti. Għalhekk, ma kienx xieraq li tinkiseb doża tollerabbli fil-ġimgħa. L-Awtorità esprimiet tħassib li kien hemm potenzjal li l-livelli attwali ta’ esponiment djetetiku għaċ-ċomb jistgħu jaffettwaw in-newrożvilupp fil-feti, fit-trabi u fit-tfal.

(3)

Il-konklużjonijiet tal-Awtorità ġew ikkonfermati mill-konklużjonijiet tar-rapport tal-Kumitat Espert Konġunt tal-FAO/WHO dwar l-Addittivi tal-Ikel u l-Kontaminanti (FAO/WHO) fl-2010 (4).

(4)

Fil-41 Sessjoni tagħha (“CAC41”), filwaqt li qieset l-aktar data reċenti dwar l-okkorrenza, il-Kummissjoni Codex Alimentarius baxxiet il-livell massimu tal-Codex għaċ-ċomb fil-melħ (eskluż il-melħ mill-bwar) minn 2 mg/kg għal 1 mg/kg.

(5)

Fit-42 Sessjoni tagħha (“CAC42”), filwaqt li qieset l-aktar data reċenti dwar l-okkorrenza, il-Kummissjoni Codex Alimentarius baxxiet il-livelli massimi tal-Codex ta’ 0,5 mg/kg għall-ġewwieni li jittiekel għal 0,2 mg/kg għall-ġewwieni li jittiekel mill-bhejjem tal-ifrat, 0,15 mg/kg għall-ġewwieni li jittiekel mill-ħnieżer u 0,1 mg/kg għall-ġewwieni li jittiekel mill-pollam. Baxxiet ukoll il-livelli massimi għall-“inbid magħmul mill-għeneb” minn 0,2 mg/kg għal 0,1 mg/kg u stabbiliet livell massimu ta’ 0,15 mg/kg għall-“inbejjed magħmula mill-għeneb” imsaħħa/likuri. Iż-żewġ livelli massimi japplikaw għall-inbid magħmul mill-għeneb maħsud wara d-data li fiha s-CAC42 adottat il-livelli massimi.

(6)

Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi u tal-aktar data reċenti dwar l-okkorrenza, l-esponiment djetetiku għaċ-ċomb fl-ikel jenħtieġ li jitnaqqas fl-Unjoni billi jitbaxxew il-livelli massimi eżistenti jew billi jiġu stabbiliti livelli massimi addizzjonali għall-oġġetti tal-ikel li għalihom livelli aktar baxxi ta’ ċomb jistgħu jinkisbu b’mod raġonevoli, jiġifieri l-ġewwieni, ċerti ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar, il-melħ u l-fungi selvaġġi. Għall-istess raġunijiet, il-livelli massimi għaċ-ċomb fl-inbejjed jenħtieġ li jitbaxxew u jenħtieġ li jiġi stabbilit livell massimu għall-inbid likur fir-rigward ta’ dawk il-prodotti magħmulin minn ħsad futur. Fl-aħħar nett, għal dawk l-istess raġunijiet, iżda wkoll biex jiġu miġġielda l-prattiki frawdolenti, bħal pereżempju ż-żieda tal-kromat taċ-ċomb maż-żagħfran tal-Indja, jenħtieġ li jiġu stabbiliti livelli massimi għall-ħwawar.

(7)

Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 jiġi emendat skont dan.

(8)

Minħabba li ċ-ċomb huwa karċinoġenu ġenotossiku indirett dgħajjef, u konsegwentement il-preżenza tiegħu hija riskju ogħla għas-saħħa pubblika, il-prodotti li ma jikkonformawx mal-livelli massimi l-ġodda għaċ-ċomb u li jitqiegħdu fis-suq qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu awtorizzati li jibqgħu fis-suq għal perjodu qasir ta’ żmien.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-oġġetti tal-ikel elenkati fl-Anness li tqiegħdu fis-suq legalment qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jistgħu jibqgħu fis-suq sat-28 ta’ Frar 2022.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Awwissu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li tiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).

(3)  Il-Bord CONTAM tal-EFSA (Il-Bord dwar il-Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel tal-EFSA), 2010. Scientific Opinion on lead in food. EFSA Journal 2010;8(4):1570, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/epdf/10.2903/j.efsa.2010,1570

(4)  Evalwazzjoni ta’ Ċerti Addittivi tal-Ikel u Kontaminanti. It-73 rapport tal-Kumitat Espert Konġunt tal-FAO/WHO dwar l-Addittivi tal-Ikel. Rapport Tekniku tal-WHO Serje 960.


ANNESS

Fit-Taqsima 3: Metalli tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006, is-sottotaqsima 3.1. (Ċomb) hija sostitwita b’dan li ġej:

“Oġġetti tal-ikel(1)

Livell massimu

(mg/kg piż niedi)

3.1

Ċomb

 

3.1.1

Ħalib nej( 6), ħalib ittrattat bis-sħana u ħalib għall-manifattura tal-prodotti bbażati fuq ħalib

0,020

3.1.2

Formuli tat-trabi, formuli tal-prosegwiment u formuli għat-tfal żgħar (57)

 

mibjugħa bħala trab ( 3) ( 29)

0,020

mibjugħa bħala likwidu (3) ( 29)

0,010

3.1.3

Ikel ipproċessat b’bażi ta’ ċereali u ikel tat-trabi u tat-tfal iż-żgħar (3) (29) għajr dawk elenkati fil-punt 3.1.5.

0,020

3.1.4

Ikel għal skopijiet mediċi speċjali maħsub għat-trabi u għat-tfal żgħar

 

mibjugħ bħala trab (3) ( 29)

0,020

mibjugħ bħala likwidu (3) ( 29)

0,010

3.1.5

Xarbiet għat-trabi u għat-tfal żgħar ttikkettat u li mibjugħ bħala tali, għajr dawk imsemmija fil-punti 3.1.2 u 3.1.4

 

mibjugħa bħala likwidu jew biex ikunu rikostitwiti skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur inkluż il-meraq tal-frott ( 4 )

0,020

li jridu jitħejjew permezz ta’ infużjoni jew dekozzjoni (29)

0,50

3.1.6

Laħam (ħlief il-ġewwieni) ta’ annimali bovini, nagħaġ, ħnieżer u tjur ( 6 )

0,10

3.1.7

Ġewwieni (6)

 

tal-annimali bovini u tan-nagħaġ

0,20

tal-ħnieżer

0,15

tat-tjur

0,10

3.1.8

Laħam tal-muskoli tal-ħut ( 24 ) ( 25 )

0,30

3.1.9

Ċefalopodi ( 52 )

0,30

3.1.10

Krustaċji ( 26 ) ( 44 )

0,50

3.1.11

Molluski bivalvi ( 26 )

1,50

3.1.12

Ċereali u legumi

0,20

3.1.13

Ħxejjex tal-għeruq u tat-tuberi (ħlief il-leħjet il-bodbod, il-ġinġer frisk u ż-żagħfran tal-Indja frisk), ħxejjex tal-basla, il-brassica li tagħmel il-fjuri, il-brassica kkapoċċata, il-ġdur, il-legumi u l-ħxejjex taz-zkuk ( 27 ) ( 53 )

0,10

3.1.14

Brassica mwerrqa, leħjet il-bodbod, il-fungi li ġejjin Agaricus bisporus (faqqiegħ komuni), Pleurotus ostreatus (faqqiegħ tal-ferla), Lentinula edodes (faqqiegħ shiitake) u l-ħaxix b’ħafna weraq (ħlief il-ħxejjex aromatiċi friski) ( 27 )

0,30

3.1.15

Fungi selvaġġi, żagħfran tal-Indja frisk u ġinġer frisk

0,80

3.1.16

Ħxejjex tal-frott

 

qamħirrum ħelu ( 27 )

0,10

għajr il-qamħirrum ħelu ( 27 )

0,05

3.1.17

Frott, ħlief il-cranberries, il-passolina, il-frott tas-sebuqa u l-frott tal-imbrijagla (27)

0,10

3.1.18

Cranberries, passolina, frott tas-sebuqa u frott tal-imbrijagla ( 27 )

0,20

3.1.19

Xaħmijiet u żjut, inkluż ix-xaħam tal-ħalib

0,10

3.1.20

Meraq tal-frott, meraq tal-frott ikkonċentrat rikostitwit u nettari tal-frott

 

esklussivament minn berries u frott żgħir ieħor ( 14 )

0,05

minn frott għajr il-berries u frott żgħir ieħor ( 14 )

0,03

3.1.21

Inbid (inkluż inbid spumanti, ħlief inbid likur), sidru, perry jew inbid mill-frott ( 11 )

 

prodotti magħmula mill-ħsad tal-frott tal-2001 sal-ħsad tal-frott tal-2015

0,20

prodotti magħmula mill-ħsad tal-frott tal-2016 sal-ħsad tal-frott tal-2021

0,15

prodotti magħmula mill-ħsad tal-frott tal-2022 ’il quddiem

0,10

3.1.22

Inbid aromatizzat, xarbiet ibbażati fuq inbid aromatizzat u cocktails ta’ prodotti ta’ nbid aromatizzat ( 13 )

 

prodotti magħmula mill-ħsad tal-frott tal-2001 sal-ħsad tal-frott tal-2015

0,20

prodotti magħmula mill-ħsad tal-frott tal-2016 sal-ħsad tal-frott tal-2021

0,15

prodotti magħmula mill-ħsad tal-frott tal-2022 ’il quddiem

0,10

3.1.23

Inbid likur magħmul mill-għeneb  (*1)

 

prodotti magħmula mill-ħsad tal-frott tal-2022 ‘il quddiem

0,15

3.1.24

Supplimenti tal-ikel ( 39 )

3,0

3.1.25

Għasel

0,10

3.1.26

Ħwawar imnixxfin (29)

 

Ħwawar tal-frott

0,60

Ħwawar tal-għeruq u tar-riżomi

1,50

Ħwawar tal-qoxra tas-siġar

2,0

Ħwawar tal-blanzuni u ħwawar ta’ qalb il-fjura

1,0

Ħwawar taż-żerriegħa

0,90

3.1.27

Melħ, ħlief l-imlieħ mhux raffinati li ġejjin: “fleur de sel” u “melħ griż’ li jinħasdu manwalment minn bwar salmastri b’qiegħ tat-tafal

1,0

L-imlieħ mhux raffinati li ġejjin: “fleur de sel” u “melħ griż’ li jinħasdu manwalment minn bwar salmastri b’qiegħ tat-tafal

2,0


(*1)  Kif definiti fil-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).”


10.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/5


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1318

tad-9 ta’ Awwissu 2021

li jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid, id-Deċiżjoni 2008/968/KE li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ żejt għani bl-aċtu arakidoniku minn Mortierella alpina bħala ingredjent ġdid tal-ikel u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/484 li jawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-latto-N-tetraożju bħala ikel ġdid

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, sal-1 ta’ Jannar 2018 il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid awtorizzat jew notifikat skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(2)

Il-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid awtorizzat jew notifikat skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 ġiet stabbilita bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (3).

(3)

Il-Kummissjoni identifikat żbalji fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470. Il-korrezzjonijiet huma meħtieġa sabiex tiġi pprovduta ċarezza u ċertezza legali għall-operaturi tan-negozju tal-ikel u għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, u b’hekk ikun hemm lok għall-implimentazzjoni u għall-użu kif suppost tal-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid.

(4)

L-ikel ġdid “Żejt għani bl-aċtu arakidoniku miksub mill-fungus Mortierella alpina” ġie awtorizzat skont ċerti kundizzjonijiet tal-użu bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/968/KE (4), mill-awtorità kompetenti Netherlandiża (5), u wkoll skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 258/97. Il-kategorija tal-ikel ikkonċernata “Ikel għal skopijiet mediċi speċjali għat-trabi prematuri kif iddefinit fir-Regolament (UE) Nru 609/2013”, bi żball tirreferi biss għat-trabi prematuri għalkemm jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tal-kategorija tal-ikel ikkonċernata tirreferi għat-trabi mingħajr ma tkun ristretta għat-trabi prematuri. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi kkoreġut l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2008/968/KE u l-entrata “Żejt li fih ħafna aċidu arakidoniku miksub mill-fungus Mortierella alpina” fit-Tabella 1 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470.

(5)

L-ikel ġdid “L-Metilfolat tal-Kalċju” ġie awtorizzat f’ċerti kundizzjonijiet tal-użu mill-awtorità kompetenti Irlandiża f’Jannar 2008 skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 258/97, abbażi ta’ opinjoni favorevoli dwar is-sikurezza tal-ikel ġdid mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (6). L-ikel ġdid bi żball ma kienx inkluż fil-lista inizjali tal-Unjoni. Huwa xieraq li l-“L-Metilfolat tal-Kalċju” jiżdied fil-lista ta’ ikel ġdid awtorizzat mil-Unjoni filwaqt li jitqies ukoll li l-“L-Metilfolat tal-Kalċju” huwa awtorizzat bħala sors ta’ folat fil-formula tat-trabi, fil-formula tal-prosegwiment, fl-ikel proċessat biċ-ċereali u fl-ikel tat-trabi, bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/571 (7).

(6)

L-ikel ġdid “Latto-N-tetraożju (‘LNT’) (sors mikrobjali)” ġie awtorizzat f’ċerti kundizzjonijiet tal-użu bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/484 (8). Fl-ispeċifikazzjonijiet, il-formula kimika tal-Latto-N-tetraożju bi żball ġiet imsejħa bħala C26H45O21 minflok il-formola korrettaC26H45NO21. Fid-deskrizzjoni tal-“Latto-N-tetraożju”, il-kliem “jew agglomerati” tħallew barra bi żball u l-ingredjent minuri “Latto-N-triożju II” bi żball ġie imsejjaħ bħala “latto-N-tetraożju II”. Għalhekk, l-ispeċifikazzjonijiet tal- “Latto-N-tetraożju (‘LNT’) (sors mikrobjali)” relatati mal-formula kimika jew mal-Latto-N-tetraożju u mal-latto-N-tetraożju II fit-Tabella 2 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/484 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 jenħtieġ li jiġu kkoreġuti skont dan.

(7)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2008/968/KE u r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 u (UE) 2020/484 jiġu kkoreġuti skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2008/968/KE huwa kkoreġut kif ġej:

“Iż-żieda taż-żejt fungali minn Mortierella alpina mal-formuli tat-trabi u l-formuli tal-prosegwiment għandha tkun limitata mill-kontenut tagħha ta’ aċidu arikodoniku skont ir-regoli speċifikati fl-Anness I, 5.7 u fl-Anness II, 4.7 tad-Direttiva 2006/141/KE. L-użu tiegħu fil-formuli għat-trabi għandu jkun f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill (*1) dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-oġġetti tal-ikel għal użu ta’ nutriment partikolari.

Artikolu 2

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/484 huwa kkoreġut f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa kkoreġut f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Awwissu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid (ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/968/KE tat-12 ta’ Diċembru 2008 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ żejt għani bl-aċtu arakidoniku minn Mortierella alpina bħala ingredjent ġdid tal-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 344, 20.12.2008, p. 123).

(5)  Ittra tal-19 ta’ Diċembru 2011 (https://ec.europa.eu/food/system/files/2016-10/novel-food_authorisation_2011_auth-letter_arachidonic_acid_rich_oil_en.pdf).

(6)  https://doi.org/10.2903/j.efsa.2004.135.

(7)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/571 tal-20 ta’ Jannar 2021 li jemenda l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista ta’ sustanzi li jistgħu jiġu miżjuda mal-formula tat-trabi u mal-formula tal-prosegwiment, mal-ikel tat-trabi u mal-ikel proċessat biċ-ċereali (ĠU L 120, 8.4.2021, p. 1).

(8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/484 tat-2 ta’ April 2020 li jawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-Latto-N-tetraożju bħala ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (ĠU L 103, 3.4.2020, p. 3).


ANNESS

(1)

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa kkoreġut kif ġej:

(a)

fit-Tabella 1 (Ikel ġdid awtorizzat) l-entrata “Żejt li fih ħafna aċidu arakidoniku miksub mill-fungus Mortierella alpina” hija sostitwita b’dan li ġej:

L-ikel ġdid awtorizzat

Il-kundizzjonijiet li fihom jista’ jintuża l-ikel ġdid

Rekwiżiti tat-tikkettar speċifiċi oħrajn

Rekwiżiti oħrajn

Żejt li fih ħafna aċidu arakidoniku miksub mill-fungus Mortierella alpina

Kategorija tal-ikel speċifikat

Livelli massimi

Id-denominazzjoni tal-ikel ġdid fuq it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li fihom minn dan l-ikel għandha tkun ‘Żejt mill-Mortierella alpini’ jew ‘Żejt tal-Mortierella alpina’”

 

Formula tat-trabi u formula tal-prosegwiment kif iddefinit fir-Regolament (UE) Nru 609/2013

F’konformità mar-Regolament (UE) Nru 609/2013

Ikel għal skopijiet mediċi speċjali għat-trabi kif iddefinit fir-Regolament (UE) Nru 609/2013

F’konformità mar-Regolament (UE) Nru 609/2013

(b)

l-entrata li ġejja tiddaħħal bejn l-entrata ta’ “Żejt tal-Calanus finmarchicus” u l-entrata ta’ “Bażi taċ-ċuwingamm (glikol tal-monometossipolietilen)” fit-Tabella 1 (Ikel ġdid awtorizzat) u fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet):

Tabella 1

L-Metilfolat tal-Kalċju

Kategorija tal-ikel speċifikat

Livelli massimi (espressi bħala aċidu foliku)

Id-denominazzjoni tal-ikel ġdid fuq it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li fihom dan l-ikel għandha tkun ‘L-Metilfolat tal-Kalċju ’”.

 

Ikel għal skopijiet mediċi speċjali u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż kif iddefinit fir-Regolament (UE) Nru 609/2013

F’konformità mar-Regolament (UE) Nru 609/2013

Formuli tat-trabi u formula tal-prosegwiment kif iddefinit fir-Regolament (UE) Nru 609/2013

F’konformità mar-Regolament (UE) Nru 609/2013

Ikel ipproċessat biċ-ċereali u ikel tat-trabi maħsub għat-trabi u għat-tfal żgħar kif iddefinit fir-Regolament (UE) Nru 609/2013

F’konformità mar-Regolament (UE) Nru 609/2013

Supplimenti tal-ikel kif iddefiniti fid-Direttiva 2002/46/KE minbarra s-supplimenti tal-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar

F’konformità mad-Direttiva 2002/46/KE

Ikel iffortifikat f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1925/2006

F’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1925/2006

Tabella 2

L-Metilfolat tal-Kalċju

Deskrizzjoni:

L-ikel il-ġdid huwa prodott permezz ta’ sinteżi kimika li tibda mill-aċidu foliku.

Huwa trab kristallin ta’ lewn abjad għal safrani ċar, kważi bla riħa, ftit li xejn solubbli fl-ilma u kemxejn solubbli jew insolubbli fil-biċċa l-kbira tas-solventi organiċi.

Definizzjoni:

Formula kimika: C20H23CaN7O6

Isem sistematiku: N-{4-[[((6S)-2-ammino-1,4,5,6,7,8-eżaidro-5-metil-4-osso-6-pteridinil)metil]ammino]benżoil}-L-aċidu glutammiku, melħ tal-kalċju.

Numru CAS: 129025-21-4 (Melħ tal-kalċju bi proporzjon mhux speċifikat ta’ L-5-MTHF/Ca2+) u 151533-22-1 (Melħ tal-kalċju bi proporzjon speċifikat 1:1 ta’ L-5-MTHF/Ca2+).

Piż molekulari: 497.5 Daltons

Sinonimi: L-Metilfolat, kalċju; Aċidu L-5-metiltetraidrofoliku, melħ tal-kalċju [(L-5-MTHF-Ca)]; aċidu (6S)-5-metiltetraidrofoliku, melħ tal-kalċju [(6S)-5-MTHF-Ca]; aċidu (6S)-5-metil-5,6,7,8-tetraidropterojl-L-glutamiku, melħ tal-kalċju, u aċidu L-5-metil-tetraidrofoliku (L-5-MTHF) mingħajr il-katjon speċifiku.

Formula strutturali:

Image 1

Karatteristiċi

 

Purità: > 95 % (Bażi niexfa)

 

L-ilma: ≤ 17,0 %

 

Kalċju (fuq bażi anidra u ħielsa minn solventi): 7,0 – 8,5 %

 

D metilfolat tal-kalċju (6R αS isomeru): ≤ 1,0 %

 

Folat u sustanzi relatati oħra: ≤ 2,5 %

 

Etanol: ≤ 0,5 %

 

Ċomb: ≤ 1 mg/kg

 

Il-boron: ≤ 10 mg/kg

 

Kadmju: ≤ 0,5 mg/kg

 

Merkurju: ≤ 1,0 mg/kg

 

Arseniku ≤ 1,5 mg/kg

 

Platinu ≤ 2 mg/kg

Kriterji mikrobijoloġiċi:

 

Għadd totali tal-batterji aerobiċi vijabbli: ≤ 1 000 UJK/g

 

Għadd ta’ ħmira u moffa totali: ≤ 100 UJK/g

CFU

:

Unitajiet li Jiffurmaw il-Kolonji”

(2)

Il-punt (2) tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/484 huwa kkoreġut kif ġej:

Fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet) l-entrata għal-“Latto-N-tetraożju (‘LNT’) (sors mikrobjali)” hija sostitwita b’dan li ġej:

Latto-N-tetraożju (“LNT”) (sors mikrobjali)

Definizzjoni:

Formula kimika: C26H45NO21

Isem kimiku: β-D-galattopiranosil-(1→3)-2-aċetamido-2-deossi-β-D-glukopiranosil-(1→3)-β-D-galattopiranosil-(1→4)-D-glukopiranożju

Massa molekolari: 707.63 Da

Nru CAS 14116-68-8

Deskrizzjoni:

Il-Latto-N-tetraożju huwa trab purifikat, amorfu, abjad jagħti fl-abjad miksur jew agglomerati li jiġi prodott permezz ta’ proċess mikrobjali.

Sors:

Ir-razza ġenetikament modifikata tal-Escherichia coli ir-razza K-12 DH1

Karatteristiki/Kompożizzjoni:

 

Id-dehra: Trab abjad jew abjad jagħti fl-isfar jew agglomerati

 

Somma ta’ latto-N-tetraożju, D-Lattożju u latto-N-triożju II (% ta’ materja niexfa): ≥ 90,0 % (piż skont il-piż)

 

Latto-N-tetraożju (% ta’ materja niexfa): ≥ 70,0 % (piż skont il-piż)

 

D-Lattożju: ≤ 12,0 % (piż skont il-piż)

 

Latto-N-triożju II:: ≤ 10,0 % (piż skont il-piż)

 

Para-latto-N-eżaożju-2: ≤ 3,5 % (piż skont il-piż)

 

Latto-N-tetraożju isomeru tal-fruttożju: ≤ 1,0 % (piż skont il-piż)

 

Is-somma tal-karboidrati l-oħra: ≤ 5,0 % (piż skont il-piż)

 

Indewwa: ≤ 6,0 % (piż skont il-piż)

 

Rmied, issulfat: ≤ 0,5 % (piż skont il-piż)

 

pH (soluzzjoni ta’ 5 %, f’temperatura ta’ 20 °C): 4,0 -6,0

 

Proteina residwa: ≤ 0,01 % (piż skont il-piż)

Kriterji mikrobijoloġiċi:

 

L-għadd totali tal-kolonji ta’ batterji meżofiliċi aerobiċi: ≤ 1 000 UJK/g

 

Enterobacteriaceae: ≤ 10 UJK/g

 

Salmonella spp.: Negattiv/25 g

 

Ħmira: ≤ 100 UJK/g

 

Moffa: ≤ 100 UJK/g

 

Endotossini residwi: ≤ 10 EU/mg

CFU

:

Unitajiet li Jiffurmaw il-Kolonji”


10.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/12


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1319

tad-9 ta’ Awwissu 2021

li jawtorizza bidliet fl-ispeċifikazzjonijiet tal-ikel ġdid Żejt taż-żerriegħa tal-kosbor mill-Coriandrum sativum u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li l-ikel ġdid awtorizzat u inkluż fil-lista tal-Unjoni biss jista’ jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni.

(2)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ġie adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat.

(3)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/155/UE (3) awtorizzat, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), it-tqegħid fis-suq fl-Unjoni taż-żejt taż-żerriegħa tal-kosbor mill-Coriandrum sativum bħala ingredjent tal-ikel ġdid biex jintuża fis-supplimenti tal-ikel.

(4)

F’Ottubru 2017, il-kumpanija Ovalie Innovation (“l-applikant”) informat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tqiegħed fis-suq iż-żejt grezz taż-żerriegħa tal-kosbor mill-Coriandrum sativum bħala ingredjent tal-ikel ġdid f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 258/97. Għaldaqstant, l-applikant issottometta rapport lill-awtorità kompetenti tal-Irlanda skont l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 258/97, li, abbażi tal-evidenza xjentifika sottomessa mill-applikant, ġie konkluż li ż-żejt taż-żerriegħa tal-kosbor mill-Coriandrum sativum kien sostanzjalment ekwivalenti għaż-żejt taż-żerriegħa tal-kosbor awtorizzat bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/155/UE.

(5)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/456 (5) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2165 (6) awtorizzaw il-bidliet fl-ispeċifikazzjonijiet tal-ikel ġdid żejt taż-żerriegħa tal-kosbor mill-Coriandrum sativum biex jitnaqqas il-valur tas-saponifikazzjoni l-aktar baxx minn 186 mg KOH/g għal 179 mg KOH/g u l-livell minimu ta’ aċidu olejku minn 8,0 % għal 7,0 %.

(6)

Fit-12 ta’ Jannar 2021, l-applikant issottometta applikazzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283 sabiex jinbidlu l-ispeċifikazzjonijiet tal-ikel ġdid “żejt taż-żerriegħa tal-kosbor mill-Coriandrum sativum”. L-applikant talab li jiżdied il-livell massimu tal-valur tal-aċidu fiż-żejt taż-żerriegħa tal-kosbor minn 2,5 mg KOH/g ta’ żejt, kif indikat fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid, għal ≤ 3,5 mg KOH/g ta’ żejt u sabiex tiġi mmodifikata d-deskrizzjoni tal-kulur minn dak “isfar ħafif” għal “safrani sa kannella”.

(7)

L-applikant iġġustifika t-talba billi indika li l-bidla hija meħtieġa sabiex tirrifletti l-varjazzjoni naturali fil-karatteristiċi viżwali taż-żejt taż-żerriegħa tal-kosbor u fil-livelli tal-aċidi grassi liberi tagħhom li huma mkejla bit-titrazzjoni tal-idrossidu tal-potassju (KOH) taż-żejt taż-żerriegħa miksub mill-pjanta tal-Coriandrum sativum.

(8)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li mhijiex meħtieġa evalwazzjoni tas-sikurezza mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) tal-bidla proposta tal-ispeċifikazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) 2015/2283. Iż-żieda fil-valur tal-aċidu fiż-żejt taż-żerriegħa tal-kosbor minn 2,5 mg għal ≤ 3,5 mg KOH/g ta’ żejt hija paragunabbli mal-valuri tal-aċidu ta’ żjut komuni oħra li jittieklu bi storja twila ta’ konsum sikur, u hija inqas mil-limitu massimu ta’ 4,0 mg KOH/g għal xaħmijiet u żjut li jittieklu stabbilit mill-Programm konġunt dwar l-istandards tal-ikel Codex Alimentarius tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (“Codex Alimentarius FAO/WHO”) (7). Abbażi ta’ dan, u għall-konsistenza mal-istandard tal-Codex Alimentarius FAO/WHO, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-limitu għal valur tal-aċidu taż-żejt taż-żerriegħa tal-kosbor jenħtieġ li jkun stabbilit ukoll għal 4,0 mg/KOH/g. Il-bidliet proposti fil-parametri tal-ispeċifikazzjoni li jirriflettu l-apparenza fiżika taż-żejt huma wkoll paragunabbli mal-varjazzjonijiet naturali osservati prattikament fiż-żjut li jittieklu kollha u ma jaffettwawx is-sikurezza jew il-valur nutrittiv tiegħu.

(9)

Il-bidliet proposti fil-valuri tal-aċidi u l-apparenza fiżika taż-żejt taż-żerriegħa tal-kosbor mill-Coriandrum sativum ma jbiddlux il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tas-sikurezza mwettqa mill-Awtorità (8) li appoġġat l-awtorizzazzjoni inizjali tagħha. Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġu emendati l-ispeċifikazzjonijiet tal-ikel ġdid żejt taż-żerriegħa tal-kosbor mill-Coriandrum sativum fil-livell ta’ aċidu propost u fir-rigward tal-apparenza fiżika taż-żejt.

(10)

L-informazzjoni mogħtija fl-applikazzjoni tagħti biżżejjed raġunijiet biex jiġi stabbilit li l-bidliet proposti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-ikel ġdid żejt taż-żerriegħa tal-kosbor mill-Coriandrum sativum jikkonformaw mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2015/2283.

(11)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 jiġi emendat skont dan.

(12)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat, kif previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2015/2283 u inkluża fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470, li tirreferi għall-ikel ġdid taż-żejt taż-żerriegħa tal-kosbor mill-Coriandrum sativum, għandha tiġi emendata kif speċifikat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Awwissu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid f’konformità mar-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/155/UE tad-19 ta’ Marzu 2014 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq taż-żejt taż-żerriegħa tal-kosbor bħala ingredjent tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 85, 21.3.2014, p. 13).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ġodda tal-ikel (ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/456 tal-20 ta’ Marzu 2019 li jawtorizza t-tibdil tal-ispeċifikazzjonijiet tal-ikel ġdid “iż-żejt taż-żerriegħa tal-kosbor mill-Coriandrum sativum ” skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (ĠU L 79, 21.3.2019, p. 13).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2165 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jawtorizza t-tibdil tal-ispeċifikazzjonijiet tal-ikel ġdid “iż-żejt taż-żerriegħa tal-kosbor mill-Coriandrum sativum ” skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (ĠU L 328, 18.12.2019, p. 81).

(7)  CODEX STAN 19-1981, Rev. 2 – 1999.

(8)  EFSA Journal 2013;11(10):3422.


ANNESS

Fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet) tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470, l-entrata għaż-“żejt taż-żerriegħa tal-kosbor mill-Coriandrum sativum ” hija sostitwita b’dan li ġej:

“Ikel Ġdid Awtorizzat

Speċifikazzjonijiet

Żejt taż-żerriegħa tal-kosbor mill-Coriandrum sativum

Deskrizzjoni/Definizzjoni:

Iż-żejt taż-żerriegħa tal-kosbor huwa żejt li fih il-gliċeridi ta’ aċidi grassi u li huwa prodott miż-żrieragħ tax-xitla tal-kosbor Coriandrum sativum L.

Lewn safrani sa kannella, togħma xejn partikolari

Nru tal-CAS: 8008-52-4

Kompożizzjoni tal-aċidi grassi:

Aċidu palmitiku (C16:0): 2–5 %

Aċidu steariku (C18:0): < 1,5 %

Aċidu petroseliniku (cis-C18:1(n-12)): 60–75 %

Aċidu olejku (cis-C18:1(n-9)): 7–15 %

Aċidu linolejku (C18:2) 12–19 %

α-Aċidu linoleniku (C18:3): < 1,0 %

Aċidi xaħmin trans: < 1,0 %

Purità:

Indiċi rifrattiv (20 °C): 1,466–1,474

Valur tal-aċidu: ≤ 4 mg KOH/g

Valur tal-perossidu (PV): ≤ 5,0 meq/kg

Valur tal-jodju: 88–110 unitajiet

Valur tas-saponifikazzjoni: 179–200 mg KOH/g

Materjal insaponifikabbli: ≤ 15 g/kg”


DEĊIŻJONIJIET

10.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/16


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1320

tat-30 ta’ Lulju 2021

li taħtar membru supplenti, propost mir-Repubblika Ellenika, fil-Kumitat tar-Reġjuni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 305 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/852 tal-21 ta’ Mejju 2019 li tiddetermina l-kompożizzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (1),

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Gvern Grieg,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 300(3) tat-Trattat, il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jkun kompost minn rappreżentanti tal-korpi reġjonali u lokali, li jew ikollhom mandat elettorali ta’ awtorità reġjonali jew lokali jew ikunu politikament responsabbli quddiem assemblea eletta.

(2)

Fl-20 ta’ Jannar 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2020/102 (2), li taħtar il-membri u l-membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2020 sal-25 ta’ Jannar 2025.

(3)

Konsegwentement għar-riżenja tas-Sur Konstantinos TZIOUMIS, sar vakanti s-siġġu ta’ membru supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni.

(4)

Il-Gvern Grieg ippropona lis-Sur Dimitrios KAFANTARIS, rappreżentant ta’ korp lokali li għandu mandat elettorali ta’ awtorità lokali, Δημοτικός Σύμβουλος Δήμος Πύλου-Νέστορος (Kunsillier Muniċipali, Muniċipalità ta’ Pylou-Nestoros), bħala membru supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-bqija tal-mandat attwali, li jintemm fil-25 ta’ Jannar 2025,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-Sur Dimitrios KAFANTARIS, rappreżentant ta’ korp lokali li għandu mandat elettorali, (Δημοτικός Σύμβουλος Δήμος Πύλου-Νέστορος (Kunsillier Muniċipali, Muniċipalità ta’ Pylou-Nestoros), huwa b’dan maħtur bħala membru supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-bqija tal-mandat attwali, li jintemm fil-25 ta’ Jannar 2025.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

G. DOVŽAN


(1)   ĠU L 139, 27.5.2019, p. 13.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/102 tal-20 ta’ Jannar 2020 li taħtar il-membri u membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2020 sal-25 ta’ Jannar 2025 (ĠU L 20, 24.1.2020, p. 2).


10.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/17


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1321

tas-6 ta’ Awwissu 2021

li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE fir-rigward tal-istatus tal-BSE tal-Kanada u l-Irlanda

(notifikata bid-dokument C(2021) 5789)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprevedi li l-Istati Membri, jew il-pajjiżi terzi jew ir-reġjuni tagħhom (il-pajjiżi jew ir-reġjuni) iridu jiġu kklassifikati skont l-istatus tagħhom tal-enċefalopatija sponġiformi bovina (BSE) f’waħda minn tliet kategoriji kif ġej: riskju negliġibbli ta’ BSE, riskju kkontrollat ta’ BSE, u riskju indeterminat ta’ BSE.

(2)

L-Artikolu 5(2), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprevedi li jekk l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) tqiegħed pajjiż applikant f’waħda mit-tliet kategoriji tal-BSE, tista’ tiġi deċiża valutazzjoni mill-ġdid tal-kategorizzazzjoni tal-BSE fil-livell tal-Unjoni.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE (2) telenka l-istatus tal-BSE ta’ pajjiżi jew reġjuni skont ir-riskju tal-BSE tagħhom fil-Parti A, B jew C tal-Anness ta’ dak l-att. Il-pajjiżi jew ir-reġjuni elenkati fil-Parti A ta’ dak l-Anness jitqiesu li għandhom riskju negliġibbli ta’ BSE, dawk elenkati fil-Parti B tiegħu jitqiesu li għandhom riskju kkontrollat ta’ BSE, filwaqt li l-Parti C ta’ dak l-Anness tipprovdi li pajjiżi jew reġjuni mhux elenkati fil-Parti A jew B jridu jitqiesu li għandhom riskju indeterminat ta’ BSE.

(4)

Bħalissa l-Kanada u l-Irlanda jaqgħu fil-Parti B tal-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE bħala pajjiż b’riskju indeterminat ta’ BSE.

(5)

Fis-27 ta’ Mejju 2021, l-Assemblea Dinjija tal-OIE adottat ir-Riżoluzzjoni Nru 17 dwar “ir-Rikonoxximent tal-Istatus ta’ Riskju tal-Enċefalopatija Sponġiformi Bovina tal-Membri” (3), bil-għan ta’ dħul fis-seħħ fid-29 ta’ Mejju 2021. Dik ir-Riżoluzzjoni rrikonoxxiet lill-Kanada u lill-Irlanda bħala li għandhom riskju negliġibbli ta’ BSE, f’konformità mal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-OIE. Wara valutazzjoni mill-ġdid tas-sitwazzjoni fil-livell tal-Unjoni, li tirriżulta minn dik ir-Riżoluzzjoni tal-OIE Nu 17, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-istatus ta’ BSE OIE ġdid ta’żewġ pajjiżi jenħtieġ li jiġi rifless fl-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE.

(6)

Għaldaqstant il-lista tal-pajjiżi jew ir-reġjuni fl-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE jenħtieġ li tiġi emendata b’tali mod li l-Kanada u l-Irlanda jiġu elenkati fil-Parti A tal-Anness taħt il-pajjiżi jew ir-reġjuni b’riskju negliġibbli ta’ BSE.

(7)

Għalhekk jinħtieġ li l-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Awwissu 2021.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE tad-29 ta’ Ġunju 2007 li tistabbilixxi l-istatus tal-BSE ta’ Stati Membri jew pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom skont ir-riskju tal-BSE (ĠU L 172, 30.6.2007, p. 84).

(3)  https://www.oie.int/app/uploads/2021/05/a-r17-2021-bse.pdf


ANNESS

L-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS

LISTA TA’ PAJJIŻI JEW REĠJUNI

A   Pajjiżi jew reġjuni b’riskju ta’ BSE negliġibbli

Stati Membri

Il-Belġju

Il-Bulgarija

Iċ-Ċekja

Id-Danimarka

Il-Ġermanja

L-Estonja

L-Irlanda

Spanja

Il-Kroazja

L-Italja

Ċipru

Il-Latvja

Il-Litwanja

Il-Lussemburgu

L-Ungerija

Malta

In-Netherlands

L-Awstrija

Il-Polonja

Il-Portugall

Ir-Rumanija

Is-Slovenja

Is-Slovakkja

Il-Finlandja

L-Iżvezja

Reġjuni tal-Istati Membri (*1)

L-Irlanda ta’ Fuq

Pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles

L-Iżlanda

Il-Liechtenstein

In-Norveġja

L-Iżvizzera

Pajjiżi terzi

L-Arġentina

L-Awstralja

Il-Brażil

Il-Kanada

Iċ-Ċilì

Il-Kolombja

Il-Costa Rica

L-Indja

Iżrael

Il-Ġappun

Jersey

In-Namibja

New Zealand

Il-Panama

Il-Paragwaj

Il-Perù

Is-Serbja (*2)

Singapore

L-Istati Uniti

L-Urugwaj

B.   Pajjiżi jew reġjuni b’riskju tal-BSE kkontrollat

Stati Membri

Il-Greċja

Franza

Pajjiżi terzi

Il-Messiku

In-Nikaragwa

Il-Korea t’Isfel

It-Tajwan

Ir-Renju Unit bl-eċċezzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq

C.   Pajjiżi jew reġjuni b’riskju indeterminat ta’BSE

Il-pajjiżi jew ir-reġjuni li mhumiex elenkati fil-Partijiet A jew B.

.

(*1)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-iskopijiet ta’ dan l-Anness kwalunkwe referenza għall-Istati Membri tinkludi r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

(*2)  Kif imsemmi fl-Artikolu 135 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra (ĠU L 278, 18.10.2013, p. 16).”