ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 280

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 64
3 ta' Awwissu 2021


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Avviż dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Arġentina skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994 relatat mal-modifika tal-konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE b’konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea

1

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1279 tat-28 ta’ Lulju 2021 dwar l-estensjoni tas-sorveljanza msaħħa għall-Greċja (notifikata bid-dokument C(2021) 5605)

2

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

3.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 280/1


Avviż dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Arġentina skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994 relatat mal-modifika tal-konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE b’konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea

Il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Arġentina skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994 relatat mal-modifika tal-konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE b’konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (1), iffirmat fi Brussell fl-10 ta’ Mejju 2021, daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Lulju 2021.


(1)   ĠU L 264, 26.7.2021, p. 3.


DEĊIŻJONIJIET

3.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 280/2


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1279

tat-28 ta’ Lulju 2021

dwar l-estensjoni tas-sorveljanza msaħħa għall-Greċja

(notifikata bid-dokument C(2021) 5605)

(It-test bil-Grieg biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b’diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Wara l-iskadenza tal-assistenza finanzjarja tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà fl-20 ta’ Awwissu 2018, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1192 (2) attivat sorveljanza msaħħa għall-Greċja għal perjodu ta’ sitt xhur, mill-21 ta’ Awwissu 2018. Is-sorveljanza msaħħa ġiet sussegwentement imtawla ħames darbiet (3), kull darba għal perjodu addizzjonali ta’ sitt xhur, l-aħħar darba mill-21 ta’ Frar 2021.

(2)

Sa mill-2010, il-Greċja rċeviet ammont sostanzjali ta’ assistenza finanzjarja, u b’konsegwenza ta’ hekk, l-obbligazzjonijiet pendenti tal-Greċja lejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro, lejn il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja u lejn il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà jammontaw għal total ta’ EUR 242 152 miljun. Il-Greċja rċeviet appoġġ finanzjarju mis-sħab Ewropej tagħha fuq termini konċessjonali u fl-2012 ġew adottati miżuri speċifiċi biex id-dejn jitqiegħed fuq bażi aktar sostenibbli u dan reġa’ sar fl-2017 mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà. Fit-22 ta’ Ġunju 2018, intlaħaq qbil politiku fil-Grupp tal-Euro biex jiġu implimentati miżuri addizzjonali biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn. Xi wħud minn dawn il-miżuri, inkluż it-trasferiment ta’ ammonti ekwivalenti għall-introjtu li daħħlu l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro fuq il-bonds tal-gvern Grieg miżmuma fl-ambitu tal-Ftehim dwar l-Assi Finanzjarji Netti u l-Programm tas-Swieq tat-Titoli, jista’ jsir qbil dwarhom darbtejn fis-sena fil-Grupp tal-Euro fuq il-bażi ta’ rapportar pożittiv, fil-qafas tas-sorveljanza msaħħa, dwar il-konformità tal-Greċja mal-impenji ta’ politika tagħha għal wara l-programm. Ir-rilaxx tal-ewwel ħames ġabriet ta’ miżuri tad-dejn kontinġenti għall-politika ġew implimentati wara ftehim mal-Grupp tal-Euro f’April 2019, Diċembru 2019, Ġunju 2020, Novembru 2020 u Ġunju 2021, rispettivament.

(3)

Il-Greċja impenjat ruħha fil-Grupp tal-Euro biex tkompli u tlesti r-riformi ewlenin kollha adottati skont il-programm ta’ appoġġ tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (“il-programm”) u biex tissalvagwardja l-objettivi tar-riformi importanti adottati skont dan il-programm u l-predeċessuri tiegħu. Il-Greċja impenjat ruħha wkoll li timplimenta azzjonijiet speċifiċi fl-oqsma ta’ politiki fiskali u fiskostrutturali, tal-benessri soċjali, tal-istabbiltà finanzjarja, tas-swieq tax-xogħol u tal-prodotti, tal-privatizzazzjoni u tal-amministrazzjoni pubblika. Dawn l-azzjonijiet speċifiċi, li huma stipulati f’anness tad-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tat-22 ta’ Ġunju 2018, se jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi eċċessivi tal-Greċja u s-sorsi jew is-sorsi potenzjali ta’ diffikultajiet ekonomiċi.

(4)

Fit-2 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni ppubblikat l-analiżi fil-fond tal-2021 għall-Greċja (4). Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Greċja qed tkompli tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. Dawn l-iżbilanċi relatati ma’ dejn għoli tal-gvern, sehem għoli ta’ self improduttiv u riekwilibriju estern mhux komplut, f’kuntest ta’ qgħad li għadu għoli – għalkemm qed jonqos – u tkabbir potenzjali baxx. L-analiżi turi li dawn il-vulnerabbiltajiet għadhom hemm. Ta’ min jinnota li l-kuntest tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltajiet fl-analiżi fil-fond ta’ din is-sena għall-Greċja huwa differenti ħafna mis-sena l-oħra. Barra minn hekk, l-evoluzzjoni tal-pandemija tal-COVID-19, is-saħħa tal-irkupru, u l-implikazzjonijiet strutturali possibbli tal-kriżi kollha għadhom karatterizzati minn inċertezza kbira, u dan jesiġi kawtela fil-valutazzjoni. B’mod ġenerali, l-azzjoni politika matul is-sena li għaddiet iffukat fuq li jittaffa l-impatt tax-xokk tal-COVID-19 u jiġi ffaċilitat l-irkupru. Dan żied id-dejn iżda għandu jappoġġa l-aġġustament fit-terminu medju. Id-dejn tal-gvern żdied b’mod sostanzjali fl-2020 u huwa mistenni li jibda jonqos biss mill-2022. Id-dejn tal-gvern huwa fil-biċċa l-kbira miżmum minn kredituri tas-settur uffiċjali u ffinanzjat b’rati baxxi b’maturitajiet twal, li, flimkien mal-bafer kbir ta’ flus kontanti, jiżola lill-Greċja minn fluttwazzjonijiet fuq żmien qasir. Dan l-aħħar id-defiċit fil-kont kurrenti kiber u huwa mbassar li jibqa’ għoli, fil-parti l-kbira minħabba l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq is-settur imdaqqas tat-turiżmu. Il-proporzjon ta’ self improduttiv li għadu għoli fis-settur bankarju ra tnaqqis sinifikanti, l-aktar minħabba l-bejgħ ta’ self appoġġat mill-iskema ta’ protezzjoni tal-assi “Hercules”. Madankollu, hemm riskju li jerġa’ jibda jakkumula self improduttiv ġdid, ladarba l-politiki għall-protezzjoni tal-mutwatarji mix-xokk tal-COVID-19 jitneħħew gradwalment. Fl-istess ħin, ir-rabta bejn il-banek u s-sovrani hija persistenti u qed tiżdied u l-prospettiva tal-profittabbiltà tal-banek għadha dgħajfa. L-isforzi biex jissaħħu l-prospetti tat-tkabbir qed jiffaċċjaw ostakli mill-istokk kapitali mdgħajjef, popolazzjoni li qed tixjieħ u emigrazzjoni ta’ ħaddiema tas-sengħa. Billi jħares ’il quddiem, il-Pjan Grieg għall-Irkupru u r-Reżiljenza jipprovdi opportunità biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi, u l-ħtiġijiet tal-investiment u tar-riformi.

(5)

Sa minn meta bdiet il-pandemija, l-UE u l-Istati Membri tagħha ħadu miżuri bla preċedent biex jipproteġu l-ħajjiet u l-għajxien ta’ kuljum. B’rispons għall-pandemija tal-COVID-19, u bħala parti minn approċċ koordinat tal-Unjoni, il-Greċja kompliet tadotta miżuri biex iżżid il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tagħha u espandiet is-sett ta’ miżuri fiskali u ta’ likwidità li jgħinu lill-persuni u lin-negozji li ġew affettwati b’mod partikolari. L-UE appoġġat l-isforzi nazzjonali biex tiġi indirizzata l-kriżi tas-saħħa u jittaffa l-impatt ekonomiku. Hija żblukkat il-baġit tagħha biex tiġġieled il-virus, attivat il-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, użat il-flessibbiltà sħiħa tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u ħolqot strumenti ġodda inklużi l-Inizjattivi ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (CRII u CRII+) u SURE (strument ġdid għal Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza). Fil-qafas ta’ SURE, il-Greċja rċeviet EUR 5,2 biljun. B’finanzjament ta’ proġetti approvat ta’ EUR 1,8 biljun, il-Greċja qed tibbenefika wkoll minn fond ta’ garanzija pan-Ewropew iddedikat tal-Bank Ewropew tal-Investiment li jimmobilizza l-appoġġ għan-negozji fl-UE kollha. Dawn il-miżuri huma kkumplimentati minn oħrajn meħuda mill-Bank Ċentrali Ewropew, mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà u mill-Bank Ewropew tal-Investiment.

(6)

Fit-2 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni ppubblikat l-għaxar valutazzjoni tagħha fl-ambitu tas-sorveljanza msaħħa dwar il-Greċja (5). Ikkonkludiet li l-Greċja ħadet l-azzjonijiet meħtieġa biex tikseb l-impenji speċifiċi dovuti tagħha, minkejja ċ-ċirkostanzi diffiċli kkawżati mill-pandemija. L-awtoritajiet wettqu għadd ta’ riformi fundamentali, inkluż fl-oqsma li se jkunu kruċjali għall-ġestjoni tar-riperkussjonijiet fit-tul mill-kriżi ekonomika attwali u għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-amministrazzjoni pubblika biex jiġi implimentat b’suċċess tal-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

(7)

Fit-23 ta’ Diċembru 2020, l-UE stabbiliet Strument għall-Irkupru, li jipprovdi EUR 750 biljun biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi ekonomiċi negattivi tal-kriżi tal-COVID-19 u biex tingħata spinta lill-irkupru. L-Istrument se jiġi implimentat b’mod partikolari permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (“il-Faċilità”) ta’ EUR 672,5 biljun. Is-Semestru Ewropew 2020-2021 tal-koordinazzjoni tal-politika ġie adattat temporanjament biex jippermetti t-tnedija tal-Faċilità. Permezz tal-Faċilità, il-Greċja hija intitolata li tirċievi sa EUR 17,8 biljun f’għotjiet u sa EUR 12,7 biljun f’self fil-perjodu 2021-2026.

(8)

Il-Greċja ppreżentat il-Pjan għall-Irkupru r-Reżiljenza tagħha (“il-pjan”) fis-27 ta’ April 2021. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Kummissjoni vvalutat (6) ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Fuq il-bażi ta’ proposta (7) ppreżentata mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Ġunju 2021, il-valutazzjoni pożittiva tal-pjan ġiet approvata mill-Kunsill fit-13 ta’ Lulju 2021 (8). Il-Kunsill b’mod partikolari qies li l-pjan jikkontribwixxi biex jindirizza b’mod effettiv subsett sinifikanti ta’ sfidi ekonomiċi u soċjali identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, inklużi l-aspetti fiskali tagħhom, u r-rakkomandazzjonijiet magħmula skont il-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku. Ir-riformi inklużi fil-Pjan Grieg għall-Irkupru u r-Reżiljenza jibbażaw fuq l-isforz enormi ta’ riforma li sar fl-ambitu tal-programmi ta’ aġġustament ekonomiku u huma komplementari għar-riformi mmonitorjati taħt is-sorveljanza msaħħa.

(9)

Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni tal-2021 u fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021. Fid-dawl tal-inċertezza li għadha għolja ħafna, il-gwida tal-politika fiskali baqgħet fil-parti l-kbira kwalitattiva. Hija rrakkomandat (9) lill-Greċja biex tuża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex tiffinanzja investiment addizzjonali b’appoġġ għall-irkupru filwaqt li ssegwi politika fiskali prudenti fl-2022 u tippreserva l-investimenti iffinanzjati fil-livell nazzjonali. Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, jenħtieġ li l-Greċja ssegwi politika fiskali mmirata lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq perjodu medju ta’ żmien u l-iżgurar tas-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-investiment jissaħħaħ biex tingħata spinta lill-potenzjal tat-tkabbir. Il-Kunsill appella wkoll lill-awtoritajiet biex jagħtu attenzjoni partikolari lill-kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi.

(10)

Sa mill-bidu tal-pandemija, il-Greċja żammet il-preżenza tagħha fis-swieq tal-bonds u kompliet bl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ finanzjament tagħha, li ġie eżegwit bis-sħiħ fl-2020. B’mod partikolari, f’Marzu 2021, inġabru EUR 2,5 biljun permezz tal-ħruġ ta’ bond tal-gvern ta’ 30 sena, li kien l-ewwel bond sovran Grieg ta’ 30 sena maħruġ mill-2007. Il-Greċja wettqet ukoll il-ħlas lura bikri parzjali tas-self mill-Fond Monetarju Internazzjonali f’Marzu 2021, li jgħin biex jitnaqqas ir-riskju tal-kambju u jikkontribwixxi għat-titjib tal-fiduċja tas-swieq finanzjarji. Il-klassifikazzjoni soverana tal-Greċja kompliet titjieb fl-2021 minkejja l-pandemija, u kompliet tnaqqas id-distakk għall-grad ta’ investiment. Il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli attwali huma appoġġati minn miżuri ta’ likwidità miftiehma fil-livell Ewropew, inkluż il-Programm ta’ Xiri ta’ Emerġenza fil-każ ta’ Pandemija tal-Bank Ċentrali Ewropew. Fuq il-bażi tal-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn ippreżentata fl-10 rapport dwar is-sorveljanza msaħħa, il-ħtiġijiet grossi ta’ finanzjament tal-gvern huma mistennija jibqgħu għoljin fuq perjodu qasir ta’ żmien prinċipalment minħabba d-defiċit primarju għoli previst għall-2021 u l-implimentazzjoni tal-Faċilità ta’ Self ippreżentata fil-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2021-2022, għalkemm il-ħtieġa ta’ finanzjament addizzjonali ta’ dan tal-aħħar hija koperta mill-iżborż preżunt tas-self tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Fis-snin ta’ wara, il-ħtiġijiet ta’ finanzjament huma mistennija li jkunu moderati u li jibqgħu anqas minn 15 % tal-PDG sal-2030.

(11)

Is-settur bankarju Grieg sar aktar stabbli u reżiljenti għax-xokkijiet sa minn tmiem il-programm tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, iżda għad hemm riskji ta’ legat u vulnerabbiltajiet sottostanti sinifikanti, imsaħħa mill-impatt negattiv tat-tifqigħa tal-coronavirus. Il-banek iżommu likwidità adegwata, filwaqt li jieħdu vantaġġ minn kundizzjonijiet ta’ politika monetarja akkomodanti. Il-proporzjon li għadu għoli ta’ self improduttiv fis-settur bankarju ra tnaqqis sinifikanti, u laħaq 30,1 % f’Diċembru 2020, tnaqqis minn 40,6 % f’Diċembru 2019 (10), l-aktar minħabba l-bejgħ tas-self appoġġat mill-iskema ta’ protezzjoni tal-assi “Hercules”, li reċentement ġiet estiża. Madankollu, ir-riskji negattivi jippersistu u jistgħu jimmaterjalizzaw wara t-tneħħija tal-programmi ta’ appoġġ mill-istat. Il-kapaċità li d-dejn jitħallas lura, kemm tal-unitajiet domestiċi kif ukoll tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji, għadha baxxa, filwaqt li s-suq kapitali sottożviluppat jillimita l-aċċess tad-ditti għall-finanzjament mhux bid-dejn. Madankollu, l-ewwel sinjali tal-imġiba tal-pagamenti wara l-iskadenza tal-moratorji jissuġġerixxu li l-impatt negattiv fuq il-kwalità tal-assi jista’ jkun ġeneralment konformi mal-aspettattivi oriġinali tal-banek jew mal-livell l-aktar baxx tal-projezzjonijiet attwali tal-Bank Ċentrali tal-Greċja (Bank of Greece). Il-pożizzjoni kapitali tas-sistema bankarja kollha kemm hi, hija ġeneralment adegwata iżda l-profittabbiltà għadha baxxa filwaqt li r-rabta bejn il-banek u s-sovrani ssaħħet matul il-kriżi tal-pandemija. L-awtoritajiet mexjin ’il quddiem ukoll b’riformi kruċjali fis-settur finanzjarju, b’mod partikolari, il-kodiċi tal-insolvenza l-ġdid, li daħal fis-seħħ f’Ġunju 2021. Madankollu, it-tfixkil relatat mal-pandemija fil-proċeduri tal-qorti jkompli jkun ta’ piż fuq il-proċess tal-infurzar tad-dejn u fuq l-implimentazzjoni ta’ riformi oħra fis-settur finanzjarju, li għandhom l-għan li jtejbu l-għodod eżistenti għar-riżoluzzjoni ta’ self improduttiv, iżda l-proċessi qed jerġgħu jibdew gradwalment. L-impatt ta’ dawn ir-riformi se jiddependi fuq il-puntwalità u l-effettività tal-implimentazzjoni tagħhom.

(12)

L-awtoritajiet qed ikomplu jagħmlu progress fir-riformi strutturali li huma rilevanti biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tad-diffikultajiet ekonomiċi tal-Greċja (11), u biex jittejjeb il-potenzjal tat-tkabbir, li min-naħa tiegħu jista’ jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-proporzjon għoli tad-dejn. Minbarra r-riforma msemmija hawn fuq tal-leġiżlazzjoni dwar l-insolvenza, il-gvern kompla jaħdem fuq l-immodernizzar tal-leġiżlazzjoni tas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni universitarja. Kompla jagħmel progress konsistenti fir-riformi tal-liċenzjar tal-investiment u r-riformi tal-amministrazzjoni pubblika, saħħaħ il-kapaċità tal-awtorità tat-taxxa, irriforma s-suq tal-elettriku, u avvanza fuq għadd ta’ proġetti ewlenin ta’ privatizzazzjoni u riformi tal-governanza korporattiva tal-intrapriżi tal-istat. Madankollu, għad hemm lok sostanzjali għal aktar progress fir-riformi istituzzjonali u strutturali, u anki fil-qafas regolatorju, amministrattiv u ġudizzjarju. L-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti fil-pjan Grieg għall-irkupru u r-reżiljenza hija mistennija li tkun opportunità ewlenija f’dan ir-rigward.

(13)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-istabbiliment tas-sorveljanza msaħħa skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 għadhom preżenti. B’mod partikolari, il-Greċja qed tkompli taffaċċja riskji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħha li, jekk jimmaterjalizzaw, jista’ jkollhom effetti kollaterali negattivi fuq Stati Membri oħra taż-żona tal-euro. Jekk jimmaterjalizzaw xi effetti kollaterali, dawn jistgħu jseħħu indirettament billi jkollhom impatt fuq il-fiduċja tal-investituri u b’hekk fuq il-kostijiet ta’ rifinanzjament għall-banek u s-sovrani fi Stati Membri oħra taż-żona tal-euro.

(14)

Għaldaqstant, fuq terminu medju, jeħtieġ li l-Greċja tkompli tadotta miżuri biex tindirizza s-sorsi jew is-sorsi potenzjali tad-diffikultajiet u biex timplimenta riformi strutturali bħala sostenn għal irkupru ekonomiku robust u sostenibbli. Dawn jinkludu d-daqqa serja u twila ’l isfel fl-ekonomija tul il-kriżi; id-daqs tal-piż tad-dejn tal-Greċja; il-vulnerabbiltajiet tas-settur finanzjarju tagħha; l-interkonnessjonijiet relattivament b’saħħithom u kontinwi bejn is-settur finanzjarju u l-finanzi pubbliċi Griegi, inkluż permezz ta’ sjieda mill-Istat; ir-riskju ta’ kontaġju ta’ tensjonijiet qawwija f’wieħed minn dawn is-setturi lil Stati Membri oħra, kif ukoll l-esponiment tal-Istati Membri taż-żona tal-euro għad-dejn sovran Grieg.

(15)

Sabiex jiġu indirizzati r-riskji residwi u jiġi mmonitorjat l-issodisfar tal-impenji mmirati apposta għalihom, jidher li huwa meħtieġ u xieraq li s-sorveljanza msaħħa tal-Greċja tiġi estiża skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013.

(16)

Il-Greċja ngħatat l-opportunità li tesprimi l-fehmiet tagħha dwar il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, permezz ta’ ittra mibgħuta fl-10 ta’ Ġunju 2021. Fit-tweġiba tagħha tas-17 ta’ Ġunju 2021, il-Greċja fil-biċċa l-kbira qablet mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-isfidi ekonomiċi li qed taffaċċja, li hija l-bażi għall-estensjoni tas-sorveljanza msaħħa.

(17)

Il-Greċja se tkompli tibbenefika minn appoġġ tekniku pprovdut fil-qafas tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, li b’mod partikolari se jappoġġa lill-Istati Membri fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza.

(18)

Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tikkollabora mill-qrib mal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, fil-kuntest tas-Sistema ta’ Twissija Bikrija tiegħu, fl-implimentazzjoni tas-sorveljanza msaħħa,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-perjodu ta’ sorveljanza msaħħa tal-Greċja skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 attivat mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1192 għandu jiġi estiż għal perjodu addizzjonali ta’ sitt xhur, li jibda fil-21 ta’ Awwissu 2021.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kummissjoni

Paolo GENTILONI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.

(2)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1192 tal-11 ta’ Lulju 2018 dwar l-attivazzjoni ta’ sorveljanza msaħħa għall-Greċja (ĠU L 211, 22.8.2018, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/338 (ĠU L 60, 28.2.2019, p. 17); id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1287 (ĠU L 202, 31.7.2019, p. 110); id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/280 (ĠU L 59, 28.2.2020, p. 9); id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1142 (ĠU L 248, 31.7.2020, p. 20); id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/271 (ĠU L 61, 22.2.2021, p. 3).

(4)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika fl-2021: biex tingħeleb il-COVID-19, ikun appoġġat l-irkupru u tkun modernizzata l-ekonomija tagħna, COM(2021) 500. Analiżi fil-fond għall-Greċja, COM(2021) 403.

(5)  Il-Kummissjoni Ewropea: Rapport dwar is-Sorveljanza Msaħħa – il-Greċja, Ġunju 2021, COM(2021)528.

(6)  Commission assessment of the recovery and resilience plan for Greece (Valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Greċja), SWD(2021)155.

(7)  COM(2021) 328 final.

(8)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Greċja.

(9)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2021 li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021 tal-Greċja.

(10)  Sors: Bank of Greece, imkejjel fil-livell individwali.

(11)  Ara, b’mod partikolari, l-Kummissjoni Ewropea: Rapport dwar is-Sorveljanza Msaħħa – il-Greċja, Ġunju 2021, COM(2021)528, u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Greċja u l-valutazzjoni tal-Kummissjoni SWD(2021)155 li takkumpanjaha.