ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 259

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 64
21 ta' Lulju 2021


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/1199 tal-20 ta’ Lulju 2021 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAHs) fi granuli jew mulches użati bħala materjal ta’ mili fil-grounds tat-turf sintetiku jew fil-forma sfuża fil-grounds tal-logħob jew fl-applikazzjonijiet tal-isport ( 1 )

1

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1200 tad-19 ta’ Lulju 2021 li testendi l-mandat tal-President tal-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea u li taħtar il-President li jmiss tal-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea

6

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1201 tal-16 ta’ Lulju 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/668 fir-rigward tal-istandards armonizzati dwar il-protetturi tas-smigħ

8

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

21.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 259/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1199

tal-20 ta’ Lulju 2021

li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAHs) fi granuli jew mulches użati bħala materjal ta’ mili fil-grounds tat-turf sintetiku jew fil-forma sfuża fil-grounds tal-logħob jew fl-applikazzjonijiet tal-isport

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 68(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-entrata 50 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 fiha restrizzjonijiet fir-rigward ta’ tmien idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAHs) (2).

(2)

Il-granuli tal-lastiku jintużaw bħala materjal ta’ mili fil-grounds tat-turf sintetiku. Il-granuli u l-mulches tal-lastiku jintużaw ukoll fil-forma sfuża fil-grounds tal-logħob jew fl-applikazzjonijiet tal-isport, bħal pereżempju l-korsijiet tal-golf, l-areni tal-atletika, l-art tal-areni taż-żwiemel, il-mogħdijiet fin-natura jew il-kampijiet tal-isparar. Dawk il-granuli u l-mulches joriġinaw fil-biċċa l-kbira mit-Tajers fi Tmiem tal-Ħajja (End of Life Tyres - ELT). Tħassib ewlieni dwar l-użu tal-granuli u tal-mulches ELT huwa l-preżenza tat-tmien PAHs fil-matriċi tal-lastiku. Il-granuli u l-mulches huma taħlitiet skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u għalhekk mhumiex koperti mill-entrata eżistenti 50 tal-Anness XVII ta’ dak ir-Regolament. Madankollu, it-tmien PAHs huma elenkati fil-kategorija tas-sustanzi karċinoġeniċi 1B fl-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Għalhekk, l-entrata 28 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tirrestrinġi l-provvista ta’ granuli u mulches lill-pubbliku ġenerali, jekk dawk it-taħlitiet ikun fihom PAHs f’konċentrazzjonijiet ta’ 100 mg/kg jew aktar għall-BaP jew għad-DBAhA, jew ta’ 1 000 mg/kg jew aktar għas-sitt PAHs l-oħra.

(3)

Sabiex titwettaq il-karatterizzazzjoni tar-riskji tal-granuli jew tal-mulches li jkun fihom it-tmien PAHs, ma jistgħux sempliċiment jingħaddu flimkien il-limiti ta’ konċentrazzjoni tal-PAHs individwali fl-entrata 28 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Bl-applikazzjoni ta’ approċċ ta’ addittività f’konformità mal-Gwida dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 (4) u meta titqies il-kontribuzzjoni relattiva tal-PAHs differenti għall-kontenut ta’ PAHs fil-granuli u fil-mulches tal-lastiku, il-limitu massimu ta’ konċentrazzjoni għas-somma tat-tmien PAHs elenkati jista’ jiġi kkalkulat u huwa ta’ madwar 387 mg/kg (5). Fl-2017, ir-Rijksinstituut voor Volksgezondheid en Milieu (RIVM) (6) u l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (minn hawn ’il quddiem “l-Aġenzija”) (7) ikkonkludew li dan il-limitu ta’ konċentrazzjoni kkalkulat għat-taħlitiet tat-tmien PAHs huwa għoli wisq biex jiġu garantiti l-provvista u l-użu sikur ta’ dawn il-granuli fil-grounds tat-turf sintetiku. Fl-evalwazzjoni tagħha, l-Aġenzija rrakkomandat li jitbaxxa l-limitu ta’ konċentrazzjoni tat-tmien PAHs fil-granuli li jintużaw fil-grounds tat-turf sintetiku permezz ta’ restrizzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 minħabba li l-limiti ta’ konċentrazzjoni attwali tqiesu għoljin wisq biex tiġi pprovduta protezzjoni adegwata għas-saħħa tal-bniedem.

(4)

Abbażi ta’ dawk il-konklużjonijiet u l-evalwazzjonijiet, fis-17 ta’ Settembru 2018, in-Netherlands (minn hawn ’il quddiem “is-Sottomittent tad-Dossier”) issottometta lill-Aġenzija dossier skont l-Anness XV (8), li jipproponi restrizzjoni fuq tmien PAHs fi granuli għall-użu bħala materjal ta’ mili fil-grounds tat-turf sintetiku jew fi granuli jew mulches fil-forma sfuża fil-grounds tal-logħob jew fl-applikazzjonijiet tal-isport.

(5)

Il-punt tat-tmiem tas-saħħa tal-bniedem tal-akbar tħassib għal dawn it-tmien PAHs huwa l-karċinoġeniċità u l-kapaċità li jinduċu effetti ġenotossiċi. Għall-karċinoġeni mingħajr livell limitu, ma tistax tiġi derivata doża mingħajr riskju teoretiku tal-kanċer. Għalhekk, il-konċentrazzjonijiet tat-tmien PAHs fil-granuli li jintużaw bħala materjal ta’ mili fil-grounds tat-turf sintetiku u fil-granuli jew fil-mulches fil-forma sfuża fil-grounds tal-logħob jew fl-applikazzjonijiet tal-isport jenħtieġ li jkunu baxxi kemm jista’ jkun.

(6)

Is-Sottomittent tad-Dossier ikkunsidra diversi xenarji ta’ esponiment relatati mal-użu tal-granuli fil-grounds tat-turf sintetiku, mill-ħaddiema li jinstallaw u li jmantnu l-grounds u minn individwi li jilagħbu l-isports fuqhom (players u goalkeepers professjonali u dilettanti), u relatati mal-granuli jew mal-mulches li jintużaw fl-applikazzjonijiet sfużi fil-grounds tal-logħob u fl-applikazzjonijiet tal-isport, fejn jistgħu jiġu esposti n-nies u speċjalment it-tfal. Abbażi tar-riżultati tal-kampjunar mill-RIVM, ġew stmati riskji eċċessivi ta’ kanċer fuq il-bażi tal-konċentrazzjoni totali tas-somma tat-tmien PAHs li bħalissa jinsabu fil-materjali ta’ mili tal-ELT. Il-firxa tal-konċentrazzjoni misjuba għal dawk it-taħlitiet kienet minn 6,7 mg/kg sa 21 mg/kg.

(7)

Is-Sottomittent tad-Dossier wera li hemm riskju eċċessiv ta’ kanċer għall-ħaddiema u għall-pubbliku ġenerali esposti għall-granuli tal-lastiku li jkun fihom il-limitu ta’ konċentrazzjoni kkalkulat fit-taħlita ta’ 387 mg/kg tas-somma tat-tmien PAHs, filwaqt li f’livell ħafna aktar baxx ta’ konċentrazzjoni l-probabbiltà li l-esponiment ta’ individwu għall-PAHs elenkati jista’ jirriżulta f’kanċer kienet ħafna aktar baxxa. Is-Sottomitent tad-Dossier ikkonkluda li għal parti kbira tal-produtturi, il-konċentrazzjonijiet ta’ bejn 15 u 21 mg/kg tas-somma tat-tmien PAHs fil-materjal ta’ mili tal-ELT huma teknikament u ekonomikament fattibbli, u ppropona li jiġi applikat limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ 17 mg/kg. Is-Sottomittent tad-Dossier stima li 95 % tal-materjal ta’ mili derivat mill-ELT jikkonforma ma’ dan il-limitu ta’ konċentrazzjoni.

(8)

Sabiex jiġi żgurat l-użu sikur ta’ kwalunkwe granuli jew mulches u tiġi evitata sostituzzjoni b’alternattivi li jistgħu jikkawżaw l-istess tħassib jew saħansitra tħassib akbar għas-saħħa tal-bniedem mil-lastiku riċiklat, is-Sottomittent tad-Dossier issuġġerixxa li r-restrizzjoni jenħtieġ li tkopri t-taħlitiet magħmula mil-lastiku riċiklat u minn materjali oħrajn, kemm jekk materjali verġni u kemm jekk riċiklati, sintetiċi jew naturali.

(9)

Peress li l-valur limitu ta’ 17 mg/kg propost mis-Sottomittent tad-Dossier huwa ferm aktar baxx mill-valuri limiti ta’ 100-1 000 mg/kg li bħalissa huma applikabbli għall-granuli, ir-restrizzjoni tfisser li xi produtturi ta’ granuli derivati mill-ELT se jkollhom iżidu r-rata ta’ ttestjar tal-konformità u jibdew jużaw materjal għall-produzzjoni aktar nadif jew inkella jieqfu milli jipproduċu l-materjal ta’ mili. Jekk l-applikazzjoni tar-restrizzjoni ssir effettiva immedjatament 5 % tal-granuli prodotti bħalissa ma jibqgħux konformi. Għalhekk, is-Sottomittent tad-Dossier issuġġerixxa perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ 12-il xahar sabiex l-utenti downstream (il-produtturi u d-distributuri tat-turf u l-kumpaniji li jinstallaw it-turf) ikollhom perjodu limitat iżda raġonevoli biex ikomplu jużaw il-granuli li diġà ġew fornuti lilhom iżda li ma jikkonformawx mal-valur limitu propost ta’ 17 mg/kg.

(10)

Fis-7 ta’ Ġunju 2019, il-Kumitat tal-Aġenzija għall-Istima tar-Riskji (RAC) adotta opinjoni (9)li tikkonkludi li kontenut ta’ PAHs fil-granuli tal-lastiku li jikkorrispondi għal-limitu ta’ konċentrazzjoni kkalkulat għat-taħlitiet f’konformità mal-entrata 28 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 mhuwiex aċċettabbli u tali livelli għas-sustanzi li ma għandhomx livell limitu ma għandhomx jiġu permessi u ma jipprovdux livell adegwat ta’ protezzjoni għall-ħaddiema u għall-pubbliku ġenerali. L-RAC qabel li l-kontenut tal-PAHs jenħtieġ li jitbaxxa u, irrakkomanda limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ 20 mg/kg tas-somma tat-tmien PAHs fil-granuli tal-lastiku. L-RAC tenna li l-limitu propost ta’ 20 mg/kg mhuwiex ibbażat fuq ir-riskju stmat iżda huwa miżura li għandha l-għan li tevita konċentrazzjonijiet għoljin ħafna ta’ PAHs. L-RAC indika wkoll li fir-rigward tat-tnaqqis tar-riskji ma hemm l-ebda differenza sinifikanti bejn l-għażla ta’ 17 mg/kg minflok 20 mg/kg, meta wieħed jirrikonoxxi li, għajr għal min ipejjep, l-akbar esponiment għall-pubbliku ġenerali ma jiġix mill-granuli u mill-mulches iżda minn sorsi tal-ikel u mill-arja li tittieħed man-nifs.

(11)

L-RAC qabel mas-Sottomittent tad-Dossier li, filwaqt li ma ġiet ipprovduta l-ebda informazzjoni ta’ appoġġ dwar il-kontenut tat-tmien PAHs fis-sufra, fl-elastomeri termoplastiċi (TPE) u fil-lastiku tad-etilen propilen dien (EPDM), il-limitu propost tal-PAHs jenħtieġ li japplika għal kwalunkwe tip ieħor ta’ materjal ta’ mili sintetiku għall-grounds sabiex jiġi evitat riskju simili jew akbar permezz ta’ sostituzzjoni ħażina.

(12)

Għal raġunijiet ta’ infurzar, l-RAC irrakkomanda li r-restrizzjoni fir-rigward tal-granuli jew tal-mulches imqiegħda fis-suq għall-użu bħala materjal ta’ mili fil-grounds tat-turf sintetiku u fil-forma sfuża fil-grounds tal-logħob jew fl-applikazzjonijiet tal-isport tirrikjedi mmarkar speċifiku li jirreferi għal numru uniku tal-lott. Dan in-numru tal-lott jippermetti t-traċċabbiltà tal-materjal għal lott ittestjat imqiegħed fis-suq. Barra minn hekk, l-RAC irrakkomanda li jiġu inklużi definizzjonijiet għall-granuli, għall-mulches, għall-materjal ta’ mili fil-grounds tat-turf sintetiku u għall-użu fil-forma sfuża fil-grounds tal-logħob u fl-applikazzjonijiet tal-isport.

(13)

Fl-20 ta’ Settembru 2019, il-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (SEAC) tal-Aġenzija adotta l-opinjoni tiegħu (10), li tindika li r-restrizzjoni proposta, kif immodifikata mill-RAC, hija l-aktar miżura xierqa fl-Unjoni kollha biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati, meta wieħed iqis il-benefiċċji soċjoekonomiċi u l-kostijiet soċjoekonomiċi. L-SEAC innota wkoll in-natura preventiva tar-restrizzjoni.

(14)

L-SEAC qabel li d-differiment ta’ 12-il xahar tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni inizjalment propost fid-dossier skont l-Anness XV għal livell ta’ konċentrazzjoni ta’ 17 mg/kg, ikun xieraq ukoll għal livell ta’ konċentrazzjoni ta’ 20 mg/kg, sabiex il-partijiet ikkonċernati kollha jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri ta’ konformità meħtieġa.

(15)

Il-Forum għall-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar l-Infurzar ġie kkonsultat waqt il-proċess ta’ tfassil tal-opinjoni u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu ġew ikkunsidrati.

(16)

Fit-12 ta’ Novembru 2019, l-Aġenzija ressqet l-opinjonijiet tal-RAC u tal-SEAC lill-Kummissjoni. Filwaqt li tikkunsidra d-dossier skont l-Anness XV u l-opinjonijiet tal-RAC u tal-SEAC, il-Kummissjoni tqis li hemm riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem mit-tqegħid fis-suq jew mill-użu ta’ granuli jew mulches li fihom il-PAHs bħala materjal ta’ mili fil-grounds tat-turf sintetiku jew fil-forma sfuża fil-grounds tal-logħob jew fl-applikazzjonijiet tal-isport li jrid jiġi indirizzat fuq bażi mifruxa mal-Unjoni kollha. Il-Kummissjoni tikkonkludi li r-restrizzjoni proposta fid-dossier skont l-Anness XV, bil-modifiki proposti mill-RAC u mill-SEAC, hija l-aktar miżura xierqa għall-Unjoni kollha biex tindirizza r-riskju identifikat għas-saħħa tal-bniedem u li l-impatt soċjoekonomiku tagħha huwa limitat.

(17)

Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 ma japplikax għall-iskart kif definit fid-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). F’konformità ma’ dik id-Direttiva, fin-nuqqas ta’ kriterji armonizzati tat-tmiem tal-istatus ta’ skart fil-livell tal-Unjoni, il-kompetenza biex jiġi ddeterminat jekk il-granuli u l-mulches derivati mill-ELT jew minn prodotti oħra fi tmiem tal-ħajja jkunux kisbu t-tmiem tal-istatus ta’ skart f’kull każ hija tal-Istati Membri.

(18)

Il-partijiet ikkonċernati jenħtieġ li jingħataw biżżejjed żmien biex jieħdu l-miżuri xierqa biex jikkonformaw mar-restrizzjoni proposta. Għalhekk l-applikazzjoni tar-restrizzjoni jenħtieġ li tiġi differita bi 12-il xahar.

(19)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jiġi emendat skont dan.

(20)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  Benzo[a]pyrene (BaP), Benzo[e]pyrene (BeP), Benzo[a]anthracene (BaA), Chrysene (CHR), Benzo[b]fluoranthene (BbFA), Benzo[j]fluoranthene (BjFA) Benzo[k]fluoranthene (BkFA), Dibenzo[a,h]anthracene (DBAhA).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(4)  https://www.echa.europa.eu/documents/10162/23036412/clp_en.pdf

(5)  Dan il-valur ma għandux jitqies bħala valur assolut, peress li jista’ jinbidel skont il-konċentrazzjonijiet u l-kontribuzzjoni rilevanti tal-PAHs individwali fil-materjal ta’ mili magħmul mill-ELT.

(6)  https://www.rivm.nl/bibliotheek/rapporten/2017-0017.pdf

(7)  https://echa.europa.eu/documents/10162/13563/annex-xv_report_rubber_granules_en.pdf/dbcb4ee6-1c65-af35-7a18-f6ac1ac29fe4

(8)  https://www.echa.europa.eu/documents/10162/9777e99a-56fb-92da-7f0e-56fcf848cf18

(9)  https://echa.europa.eu/documents/10162/0a91bee3-3e2d-ea2d-3e33-9c9e7b9e4ec5

(10)  https://echa.europa.eu/documents/10162/53688823-bf28-7db7-b9eb-9807773b2109

(11)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3)


ANNESS

Fil-kolonna 2 tal-entrata 50 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

 

“9.

Il-granuli jew il-mulches ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq għall-użu bħala materjal ta’ mili fil-grounds tat-turf sintetiku jew fil-forma sfuża fil-grounds tal-logħob jew fl-applikazzjonijiet tal-isport jekk ikun fihom aktar minn 20 mg/kg (0,002 % skont il-piż) tas-somma tal-PAHs elenkati kollha.

10.

Il-granuli jew il-mulches ma għandhomx jintużaw bħala materjal ta’ mili fil-grounds tat-turf sintetiku jew fil-forma sfuża fil-grounds tal-logħob jew fl-applikazzjonijiet tal-isport jekk ikun fihom aktar minn 20 mg/kg (0,002 % skont il-piż) tas-somma tal-PAHs elenkati kollha.

11.

Il-granuli jew il-mulches li jitqiegħdu fis-suq għall-użu bħala materjal ta’ mili fil-grounds tat-turf sintetiku jew fil-forma sfuża fil-grounds tal-logħob jew fl-applikazzjonijiet tal-isport għandhom ikunu mmarkati b’numru ta’ identifikazzjoni uniku tal-lott.

12.

Il-paragrafi 9 sa 11 għandhom japplikaw b’effett mill-10 ta’ Awwissu 2022.

13.

Il-granuli u l-mulches li jkunu qed jintużaw fl-Unjoni fid-9 ta’ Awwissu 2022 bħala materjal ta’ mili fil-grounds tat-turf sintetiku jew fil-forma sfuża fil-grounds tal-logħob jew fl-applikazzjonijiet tal-isport jistgħu jinżammu fis-suq u jibqgħu jintużaw hemmhekk għall-istess skop.

14.

Għall-finijiet tal-paragrafi 9 sa 13:

(a)

“granuli” huma taħlitiet li jidhru bħala partiċelli solidi fil-firxa tad-daqs minn 1 sa 4 mm, li huma magħmula mil-lastiku jew minn materjal vulkanizzat jew polimeriku ieħor ta’ oriġini riċiklata jew verġni, jew li jinkisbu minn sors naturali;

(b)

“mulches” huma taħlitiet li jidhru bħala partiċelli solidi f’forma ta’ fjokki fil-firxa tad-daqs minn tul ta’ bejn 4 u 130 mm u wisa’ ta’ bejn 10 u 15-il mm, li huma magħmula mil-lastiku jew minn materjal vulkanizzat jew polimeriku ieħor ta’ oriġini riċiklata jew verġni, jew li jinkisbu minn sors naturali;

(c)

“materjal ta’ mili fil-grounds tat-turf sintetiku” jikkonsisti fi granuli li jintużaw fil-grounds tat-turf sintetiku biex itejbu l-karatteristiċi tal-prestazzjoni teknika sportiva tas-sistema tat-turf;

(d)

“użu fil-forma sfuża fil-grounds tal-logħob jew fl-applikazzjonijiet tal-isport” huwa kwalunkwe użu ta’ granuli jew mulches fil-forma sfuża fil-grounds tal-logħob jew għal skopijiet sportivi għajr bħala materjal ta’ mili fil-grounds tat-turf sintetiku.”


DEĊIŻJONIJIET

21.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 259/6


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/1200

tad-19 ta’ Lulju 2021

li testendi l-mandat tal-President tal-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea u li taħtar il-President li jmiss tal-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 240 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/79/PESK tat-22 ta’ Jannar 2001 li tistabbilixxi l-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,

Billi:

(1)

Skont id-Deċiżjoni 2001/79/PESK, il-President tal-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea (“il-Kumitat Militari”) jinħatar mill-Kunsill fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Militari mlaqqa’ fil-livell tal-Kapijiet tad-Difiża. F’konformità ma’ dik id-Deċiżjoni, il-mandat tal-President tal-Kumitat Militari huwa ta’ tliet snin, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor.

(2)

Fl-20 ta’ Frar 2018, permezz tad-Deċiżjoni (PESK) 2018/297 (2), il-Kunsill ħatar lill-Ġeneral Claudio GRAZIANO bħala President tal-Kumitat Militari, b’mod eċċezzjonali, għal perijodu ta’ tliet snin u nofs, mis-6 ta’ Novembru 2018.

(3)

Fil-laqgħa tiegħu tad-19 ta’ Mejju 2021, il-Kumitat Militari mlaqqa’ fil-livell tal-Kapijiet tad-Difiża rrakkomanda li l-Ġeneral Robert BRIEGER jinħatar President tal-Kumitat Militari għal perijodu ta’ tliet snin li jibda mill-1 ta’ Ġunju 2022.

(4)

Il-mandat tal-Ġeneral Claudio GRAZIANO bħala President tal-Kumitat Militari jenħtieġ li jiġi estiż sal-bidu tal-mandat tal-Ġeneral Robert BRIEGER.

(5)

Il-Ġeneral Robert BRIEGER jenħtieġ li jinħatar President tal-Kumitat Militari mill-1 ta’ Ġunju 2022 sal-31 ta’ Mejju 2025,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-mandat tal-Ġeneral Claudio GRAZIANO bħala President tal-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea huwa b’dan estiż sal-31 ta’ Mejju 2022.

Artikolu 2

Il-Ġeneral Robert BRIEGER huwa b’dan maħtur President tal-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea mill-1 ta’ Ġunju 2022 sal-31 ta’ Mejju 2025.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. PODGORŠEK


(1)  ĠU L 27, 30.1.2001, p. 4.

(2)  Id- Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/297 tal-20 ta’ Frar 2018 li taħtar il-President tal-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 56, 28.2.2018, p. 33).


21.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 259/8


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1201

tal-16 ta’ Lulju 2021

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/668 fir-rigward tal-istandards armonizzati dwar il-protetturi tas-smigħ

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), it-tagħmir ta’ protezzjoni personali li jkun konformi ma’ standards armonizzati jew ma’ partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun preżunt konformi mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza stabbiliti fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament koperti minn dawk l-istandards jew minn partijiet minnhom.

(2)

Permezz tal-ittra M/031, bit-titolu “Standardisation mandate to CEN/CENELEC concerning standards for personal protective equipment” (Mandat ta’ standardizzazzjoni indirizzat lis-CEN/CENELEC li jikkonċerna standards għal tagħmir ta’ protezzjoni personali), il-Kummissjoni għamlet talba lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) biex jiġu żviluppati u abbozzati standards armonizzati b’appoġġ għad-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE (3).

(3)

Abbażi tat-talba ta’ standardizzazzjoni M/031, is-CEN abbozza diversi standards ġodda u rreveda għadd ta’ standards armonizzati eżistenti.

(4)

Fid-19 ta’ Novembru 2020, it-talba ta’ standardizzazzjoni M/031 skadiet u ġiet sostitwita b’talba ġdida ta’ standardizzazzjoni kif stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2020) 7924 (4).

(5)

Billi r-Regolament (UE) 2016/425 japplika minflok ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza applikabbli għat-tagħmir ta’ protezzjoni personali stabbiliti bid-Direttiva 89/686/KEE, l-abbozzi tal-istandards armonizzati żviluppati skont it-talba ta’ standardizzazzjoni M/031 huma koperti mit-talba ta’ standardizzazzjoni stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2020) 7924. Għaldaqstant, ir-referenzi tagħhom jenħtieġ li jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk jista’ jiġi aċċettat b’mod eċċezzjonali li tali standards żviluppati u ppubblikati mis-CEN u mis-CENELEC matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni bejn it-talba ta’ standardizzazzjoni M/031 u t-talba ta’ standardizzazzjoni stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2020) 7924 ma fihomx referenza espliċita għat-talba ta’ standardizzazzjoni stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2020) 7924.

(6)

Abbażi tat-talba ta’ standardizzazzjoni M/031 u tat-talba ta’ standardizzazzjoni stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2020) 7924, is-CEN u s-CENELEC abbozzaw l-istandards armonizzati ġodda li ġejjin: EN 352-9:2020 dwar ir-rekwiżiti tas-sikurezza għall-earplugs b’input tal-awdjo relatat mas-sikurezza u EN 352-10:2020 dwar ir-rekwiżiti tas-sikurezza għall-earplugs tal-awdjo tad-divertiment b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/425.

(7)

Abbażi tat-talba ta’ standardizzazzjoni M/031 u tat-talba ta’ standardizzazzjoni stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2020) 7924, is-CEN irreveda l-istandards armonizzati EN 352-1:2002, EN 352-2:2002, EN 352-3:2002, EN 352-4:2001, kif emendati b’EN 352-4:2001/A1:2005, EN 352-5:2002, kif emendat b’EN 352-5:2002/A1:2005, EN 352-6:2002, EN 352-7:2002 u EN 352-8:2008, li r-referenzi tagħhom huma ppubblikati fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (5). Dik ir-reviżjoni rriżultat fl-adozzjoni tal-istandards armonizzati EN 352-1:2020 dwar ir-rekwiżiti ġenerali għall-earmuffs, EN 352-2:2020 dwar ir-rekwiżiti ġenerali għall-earplugs, EN 352-3:2020 dwar ir-rekwiżiti ġenerali għall-earmuffs imwaħħlin mal-apparati għall-protezzjoni tar-ras u/jew għall-protezzjoni tal-wiċċ, EN 352-4:2020 dwar ir-rekwiżiti tas-sikurezza għall-earmuffs dipendenti fuq il-livell, EN 352-5:2020 dwar ir-rekwiżiti tas-sikurezza għall-earmuffs għat-tnaqqis tal-istorbju attiv, EN 352-6:2020 dwar ir-rekwiżiti tas-sikurezza għall-earmuffs b’input tal-awdjo relatat mas-sikurezza, EN 352-7:2020 dwar ir-rekwiżiti tas-sikurezza għall-earplugs dipendenti fuq il-livell u EN 352-8:2020 dwar ir-rekwiżiti tas-sikurezza għall-earmuffs tal-awdjo tad-divertiment.

(8)

Il-Kummissjoni flimkien mas-CEN u mas-CENELEC ivvalutat jekk l-istandards armonizzati abbozzati u reveduti mis-CEN u mis-CENELEC jikkonformawx mat-talba ta’ standardizzazzjoni stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2020) 7924.

(9)

L-istandards armonizzati EN 352-4:2020, EN 352-5:2020, EN 352-6:2020, EN 352-7:2020, EN 352-8:2020, EN 352-9:2020 u EN 352-10:2020 jissodisfaw ir-rekwiżiti li għandhom l-għan li jkopru u li huma stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/425. Għaldaqstant, jixraq li r-referenzi ta’ dawk l-istandards armonizzati jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(10)

L-istandards armonizzati EN 352-1:2020, EN 352-2:2020 u EN 352-3:2020 ma fihomx ir-rekwiżit biex il-prodotti jkollhom tikkettar li jindika l-livell ta’ attenwazzjoni tal-istorbju pprovdut minnhom. Għalhekk, jenħtieġ li dawn l-istandards armonizzati jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea b’restrizzjoni.

(11)

Jeħtieġ li r-referenzi tal-istandards armonizzati EN 352-1:2002, EN 352-2:2002, EN 352-3:2002, EN 352-4:2001, kif emendati b’EN 352-4:2001/A1:2005, EN 352-5:2002, kif emendat b’EN 352-5:2002/A1:2005, EN 352-6:2002, EN 352-7:2002 u EN 352-8:2008 jiġu rtirati mis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, billi dawk l-istandards ġew reveduti.

(12)

L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/668 (6) jelenka r-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/425, filwaqt li l-Anness II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/668 jelenka r-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/425 li ġew irtirati minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mid-dati stabbiliti f’dak l-Anness.

(13)

L-istandards armonizzati EN 352-1:2020, EN 352-2:2020 u EN 352-3:2020 huma l-ewwel standards armonizzati abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/425 li se jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea b’restrizzjoni. Jenħtieġ li jiżdied Anness ġdid mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/668, li jelenka r-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/425 ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea b’restrizzjoni.

(14)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/668 tiġi emendata skont dan.

(15)

Sabiex il-manifatturi jkollhom biżżejjed żmien biex iħejju għall-applikazzjoni tal-istandards reveduti, jeħtieġ li jiġi differit l-irtirar rispettiv tar-referenzi tal-istandards elenkati fl-Anness II.

(16)

Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ tali standard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/668 hija emendata kif ġej:

(1)

jiddaħħal l-Artikolu 2a li ġej:

“Artikolu 2a

Ir-referenzi tal-istandards armonizzati għat-tagħmir ta’ protezzjoni personali abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/425 u elenkati fl-Anness III ta’ din id-Deċiżjoni huma b’dan ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea b’restrizzjoni.”;

(2)

l-Anness I huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni;

(3)

l-Anness II huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni;

(4)

it-test stabbilit fl-Anness III ta’ din id-Deċiżjoni jiżdied bħala l-Anness III.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-16 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar tagħmir ta’ protezzjoni personali u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE (ĠU L 81, 31.3.2016, p. 51).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-apparat personali protettiv (ĠU L 399, 30.12.1989, p. 18).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2020) 7924 tad-19 ta’ Novembru 2020 dwar talba ta’ standardizzazzjoni lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika rigward it-tagħmir protettiv personali b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(5)  ĠU C 113, 27.3.2018, p. 41.

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/668 tat-18 ta’ Mejju 2020 dwar l-istandards armonizzati għat-tagħmir ta’ protezzjoni personali abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 156, 19.5.2020, p. 13).


ANNESS I

Fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/668 jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

Nru

Referenza tal-istandard

“32.

EN 352-4:2020

Protetturi tas-smigħ — Rekwiżiti tas-sikurezza — Parti 4: Earmuffs dipendenti fuq il-livell

33.

EN 352-5:2020

Protetturi tas-smigħ — Rekwiżiti tas-sikurezza — Parti 5: Earmuffs għat-tnaqqis tal-istorbju attiv

34.

EN 352-6:2020

Protetturi tas-smigħ — Rekwiżiti tas-sikurezza — Parti 6: Earmuffs b’input tal-awdjo relatat mas-sikurezza

35.

EN 352-7:2020

Protetturi tas-smigħ — Rekwiżiti tas-sikurezza — Parti 7: Earplugs dipendenti fuq il-livell

36.

EN 352-8:2020

Protetturi tas-smigħ — Rekwiżiti tas-sikurezza — Parti 8: Earmuffs tal-awdjo tad-divertiment

37.

EN 352-9:2020

Protetturi tas-smigħ — Rekwiżiti tas-sikurezza — Parti 9: Earplugs b’input tal-awdjo relatat mas-sikurezza

38.

EN 352-10:2020

Protetturi tas-smigħ — Rekwiżiti tas-sikurezza — Parti 10: Earplugs tal-awdjo tad-divertiment”


ANNESS II

Fl-Anness II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/668 jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

Nru

Referenza tal-istandard

Data tal-irtirar

“22.

EN 352-1:2002

Protetturi tas-smigħ — Rekwiżiti ġenerali — Parti 1: Earmuffs

21 ta’ Jannar 2023

23.

EN 352-2:2002

Protetturi tas-smigħ — Rekwiżiti ġenerali — Parti 2: Earplugs

21 ta’ Jannar 2023

24.

EN 352-3:2002

Protetturi tas-smigħ — Rekwiżiti ġenerali — Parti 3: Earmuffs imwaħħlin ma’ elmu tas-sikurezza industrijali

21 ta’ Jannar 2023

25.

EN 352-4:2001

Protetturi tas-smigħ — Rekwiżiti tas-sikurezza u ttestjar — Parti 4: Earmuffs dipendenti fuq il-livell

EN 352-4:2001/A1:2005

21 ta’ Jannar 2023

26.

EN 352-5:2002

Protetturi tas-smigħ — Rekwiżiti tas-sikurezza u ttestjar — Parti 5: Earmuffs għat-tnaqqis tal-istorbju attiv

EN 352-5:2002/A1:2005

21 ta’ Jannar 2023

27.

EN 352-6:2002

Protetturi tas-smigħ — Rekwiżiti tas-sikurezza u ttestjar — Parti 6: Earmuffs b’input tal-awdjo elettriku

21 ta’ Jannar 2023

28.

EN 352-7:2002

Protetturi tas-smigħ — Rekwiżiti tas-sikurezza u ttestjar — Parti 7: Earplugs dipendenti fuq il-livell

21 ta’ Jannar 2023

29.

EN 352-8:2008

Protetturi tas-smigħ — Rekwiżiti tas-sikurezza u ttestjar — Parti 8: Earmuffs tal-awdjo tad-divertiment

21 ta’ Jannar 2023”


ANNESS III

“ANNESS III

Nru

Referenza tal-istandard

1.

EN 352-1:2020

Protetturi tas-smigħ — Rekwiżiti ġenerali — Parti 1: Earmuffs

Avviż: Dan l-istandard ma jirrikjedix tikkettar li jindika l-livell ta’ attenwazzjoni tal-istorbju fuq il-prodott. Għalhekk, il-konformità ma’ dan l-istandard ma tagħtix preżunzjoni ta’ konformità mat-tieni paragrafu tal-punt 3.5. tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/425.

2.

EN 352-2:2020

Protetturi tas-smigħ — Rekwiżiti ġenerali — Parti 2: Earplugs

Avviż: Dan l-istandard ma jirrikjedix tikkettar li jindika l-livell ta’ attenwazzjoni tal-istorbju fuq il-prodott. Għalhekk, il-konformità ma’ dan l-istandard ma tagħtix preżunzjoni ta’ konformità mat-tieni paragrafu tal-punt 3.5. tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/425.

3.

EN 352-3:2020

Protetturi tas-smigħ — Rekwiżiti ġenerali — Parti 3: Earmuffs imwaħħlin ma’ apparati tal-protezzjoni tar-ras u/jew tal-protezzjoni tal-wiċċ

Avviż: Dan l-istandard ma jirrikjedix tikkettar li jindika l-livell ta’ attenwazzjoni tal-istorbju fuq il-prodott. Għalhekk, il-konformità ma’ dan l-istandard ma tagħtix preżunzjoni ta’ konformità mat-tieni paragrafu tal-punt 3.5. tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/425.