|
ISSN 1977-074X |
||
|
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 241 |
|
|
||
|
Edizzjoni bil-Malti |
Leġiżlazzjoni |
Volum 64 |
|
|
|
Rettifika |
|
|
|
* |
||
|
|
* |
|
|
|
|
|
(1) Test b'rilevanza għaż-ŻEE. |
|
MT |
L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat. It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom. |
II Atti mhux leġiżlattivi
REGOLAMENTI
|
8.7.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 241/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1118
tas-26 ta’ Marzu 2021
li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-metodoloġija li għandha tintuża mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex jiġi stmat ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-rekwiżit ta’ riżerva kombinat għal entitajiet ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni fejn il-grupp ta’ riżoluzzjoni mhuwiex soġġett għal dawk ir-rekwiżiti skont dik id-Direttiva
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 45c(4) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Ir-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali msemmi fl-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u r-rekwiżit ta’ riżerva kombinat definit fl-Artikolu 128, l-ewwel subparagrafu, il-punt (6) ta’ dik id-Direttiva huma inputs għall-kalkolu tal-ammonti ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 45c(3) tad-Direttiva 2014/59/UE. Dawk ir-rekwiżiti għandhom jintużaw mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex jistabbilixxu r-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL) imsemmi fl-Artikolu 45(1) ta’ dik id-Direttiva. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 45e(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-entitajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkonformaw mal-MREL fuq bażi konsolidata fil-livell tal-grupp ta’ riżoluzzjoni. Grupp ta’ riżoluzzjoni kif definit fl-Artikolu 2(1), (83b) tad-Direttiva 2014/59/UE jista’ jkun li mhux dejjem ikun identiku għal grupp kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (26) ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari meta tali grupp ikun magħmul minn aktar minn grupp ta’ riżoluzzjoni wieħed. Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), ir-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali u r-rekwiżit ta’ riżerva kombinat japplikaw għall-istituzzjoni prinċipali tal-UE fil-livell konsolidat tal-grupp. Madankollu, jista’ jkun li dawn ir-rekwiżiti ma japplikawx għall-entità ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni minħabba li l-grupp ta’ riżoluzzjoni jista’ jkun ma jkoprix il-grupp kollu. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li tiġi speċifikata metodoloġija biex jiġu stmati r-rekwiżiti għal dik is-sitwazzjoni. |
|
(3) |
Fiċ-ċirkostanza li l-iskopertura totali għar-riskju ta’ grupp ta’ riżoluzzjoni tkun kważi tirrappreżenta l-ammont totali ta’ skopertura għar-riskju ta’ grupp, dan ikun jindika li r-riskji jew l-elementi ta’ riskju preżenti f’dak il-grupp ta’ riżoluzzjoni ma jkunux materjalment differenti minn dawk li hemm fil-grupp. F’dak il-każ, jenħtieġ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tuża r-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali li japplika għall-istituzzjoni prinċipali tal-UE fil-livell konsolidat tal-grupp bħala stima tar-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali meta tiddetermina l-MREL li japplika għall-entità ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni. |
|
(4) |
Bl-istess mod, iċ-ċirkostanza li l-iskopertura totali għar-riskju ta’ grupp ta’ riżoluzzjoni tista’ tkun attribwita kważi kollha kemm hi lil entità waħda ta’ dak il-grupp ta’ riżoluzzjoni hija indikazzjoni li r-riskji jew l-elementi ta’ riskju preżenti f’dak il-grupp ta’ riżoluzzjoni mhumiex materjalment differenti minn dawk preżenti f’dik l-entità tal-grupp ta’ riżoluzzjoni. Għaldaqstant, meta l-iskopertura totali għar-riskju tal-grupp ta’ riżoluzzjoni ma tvarjax b’mod sinifikanti minn dak tal-akbar entità ta’ dak il-grupp ta’ riżoluzzjoni, jenħtieġ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tuża r-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali ta’ dik l-akbar entità bħala stima tar-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali meta tiddetermina l-MREL għall-entità ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni. |
|
(5) |
Meta grupp ta’ riżoluzzjoni jkun aktar kumpless u l-ispeċifiċitajiet tiegħu ma jkunux jistgħu jinqabdu għalkollox billi jiġi kkupjat ir-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali li japplika jew għall-istituzzjoni prinċipali tal-UE fil-livell konsolidat tal-grupp jew għall-akbar entità fil-grupp ta’ riżoluzzjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jużaw stimi differenti għar-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali tal-entità ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni. Meta r-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali li japplika għall-istituzzjoni prinċipali tal-UE fil-livell konsolidat tal-grupp ikun ogħla mir-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali ta’ kull entità tal-grupp ta’ riżoluzzjoni, ir-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali li japplika għall-istituzzjoni prinċipali tal-UE fil-livell konsolidat tal-grupp jenħtieġ li jservi bħala bażi għall-istima tar-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali tal-entità ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni. F’dak il-każ, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti, ifittxu li jaġġustaw dik l-istima biex tirrifletti r-riskji speċifiċi tal-grupp ta’ riżoluzzjoni meta mqabbla mar-riskji tal-istituzzjoni prinċipali tal-UE fil-livell konsolidat tal-grupp. Dan l-aġġustament jenħtieġ li jqis li jista’ jkun li xi riskji tal-grupp ta’ riżoluzzjoni ma jkunux preżenti f’entitajiet oħra tal-grupp li mhumiex parti mill-grupp ta’ riżoluzzjoni jew li xi riskji li jkunu preżenti f’dawk l-entitajiet tal-grupp ma jkunux preżenti fil-grupp ta’ riżoluzzjoni nnifsu. |
|
(6) |
Iċ-ċirkostanza li rekwiżit individwali wieħed jew aktar fi ħdan il-grupp ta’ riżoluzzjoni jkunu ogħla mir-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali li japplika għall-istituzzjoni prinċipali tal-UE fil-livell konsolidat tal-grupp hija indikazzjoni ta’ riskji jew elementi ta’ riskju idjosinkratiċi fi ħdan il-grupp ta’ riżoluzzjoni. Dawk ir-riskji jew elementi ta’ riskju idjosinkratiċi jistgħu jkunu inqas importanti meta jitqiesu fil-grupp f’livell konsolidat, pereżempju minħabba li jistgħu jiġu kkumpensati minn fatturi ta’ riskju kumpensatorji barra mill-grupp ta’ riżoluzzjoni. Sabiex jiġi stmat ir-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali tal-entità ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni, jenħtieġ għalhekk li kull meta din iċ-ċirkostanza sseħħ, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tqabbel stima bbażata fuq l-aġġustamenti għar-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali li japplikaw għall-istituzzjoni prinċipali tal-UE fil-livell konsolidat tal-grupp ma’ stima bbażata fuq medja ponderata tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji addizzjonali tal-entitajiet kollha tal-grupp ta’ riżoluzzjoni. Jenħtieġ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tuża l-istima li tagħti l-ogħla rekwiżit bħala input biex jiġi ddeterminat l-MREL għall-entità ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni. |
|
(7) |
Sabiex jiġi stmat ir-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali tal-entità ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni għal gruppi aktar kumplessi, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, fejn possibbli, skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti, jaġġustaw ir-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali tal-istituzzjoni prinċipali tal-UE fil-livell konsolidat tal-grupp biex jirriflettu li xi riskji jew elementi ta’ riskju koperti minn dak ir-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali mhumiex rilevanti għall-grupp ta’ riżoluzzjoni kkonċernat, pereżempju minħabba n-natura jew il-pożizzjoni ġeografika tagħhom. Jenħtieġ ukoll li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, fejn possibbli, u skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti, jagħmlu aġġustamenti għal dak ir-rekwiżit biex jitqies li xi riskji jew elementi ta’ riskju tal-grupp ta’ riżoluzzjoni ma jkunux riflessi għalkollox f’dak ir-rekwiżit jew li jkunu nnettjati fih, iżda li xorta waħda jkunu rilevanti għall-grupp ta’ riżoluzzjoni. Jenħtieġ li l-aġġustamenti kollha jkunu bbażati fuq informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti, fejn disponibbli, minħabba li dawn l-awtoritajiet huma responsabbli biex jistmaw ir-riskji kontinwi li l-entitajiet ta’ grupp ikunu esposti għalihom. Meta tali aġġustamenti ma jkunux possibbli, jenħtieġ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tuża r-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali mhux aġġustat tal-istituzzjoni prinċipali tal-UE fil-livell konsolidat tal-grupp biex tistma r-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali tal-entità ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni. |
|
(8) |
Ir-rata tar-riżerva ta’ konservazzjoni tal-kapital ma tvarjax bejn l-istituzzjonijiet. Għaldaqstant jenħtieġ li tintuża din ir-rata bħala stima tar-riżerva ta’ konservazzjoni tal-kapital tal-entità ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni. |
|
(9) |
Sabiex tiġi riflessa l-istruttura ppjanata tal-grupp wara l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ppreferuta, ir-rekwiżiti ta’ riżerva mmirati biex jindirizzaw ir-riskju sistemiku, jiġifieri, ir-riżerva ta’ istituzzjoni globali sistemikament importanti, ir-riżerva ta’ istituzzjoni oħra sistematikament importanti u r-riżerva għal riskju sistemiku, jentħieġ li awtomatikament jitqiesu identiċi għar-rekwiżiti stabbiliti għall-entità li hija l-eqreb, f’termini tal-iskopertura totali għar-riskju, għall-grupp ta’ riżoluzzjoni. |
|
(10) |
Skont l-Artikolu 45c(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), il-punt (ii), tad-Direttiva 2014/59/UE, l-ammont ta’ rikapitalizzazzjoni huwa l-ammont li jippermetti lill-grupp ta’ riżoluzzjoni li jirriżulta minn riżoluzzjoni biex terġa’ tinkiseb il-konformità, fost rekwiżiti oħra, mar-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni wara l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ppreferuta. Skont l-Artikolu 45c(3), is-seba’ subparagrafu, tad-Direttiva 2014/59/UE, l-ammont neċessarju biex jiġi żgurat li, wara r-riżoluzzjoni, l-entità ta’ riżoluzzjoni tkun kapaċi ssostni biżżejjed fiduċja tas-suq għal perjodu xieraq għandu jkun ugwali għar-rekwiżit ta’ riżerva kombinat li jkun applikabbli wara l-applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni, nieqes ir-riżerva ta’ kapital kontroċiklika. L-ammont ta’ rikapitalizzazzjoni, inkluż l-ammont meħtieġ biex tiġi sostnuta l-fiduċja tas-suq, hija parti mill-MREL, u jista’ jiġi aġġustat ’l isfel jew ’il fuq skont il-paragrafi 3 u 7 tal-Artikolu 45c tad-Direttiva 2014/59/UE biex jirrifletti t-tibdil għall-grupp ta’ riżoluzzjoni wara l-applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġu stmati biss ir-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali u r-rekwiżit ta’ riżerva kombinat applikati għall-entità ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni li jintużaw biex jiġi kkalibrat l-MREL. Madankollu, jenħtieġ li dik l-istima tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe aġġustament fl-ammont ta’ rikapitalizzazzjoni, inkluż l-ammont meħtieġ biex tinżamm il-fiduċja tas-suq, meta jiġi stabbilit l-MREL skont id-Direttiva 2014/59/UE. |
|
(11) |
Dan ir-Regolament hu bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati mill-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni. |
|
(12) |
L-Awtorità Bankarja Ewropea għamlet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Stima tar-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali
1. Meta entità ta’ riżoluzzjoni ma kinitx soġġetta għal rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jistmaw dak ir-rekwiżit f’konformità mal-paragrafi minn 2 sa 7 biex jiddeterminaw ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL) tal-entità ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni.
2. Meta l-iskopertura totali għar-riskju tal-entità ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni jvarja b’5 % jew inqas mill-iskopertura totali għar-riskju tal-istituzzjoni prinċipali tal-UE fil-livell konsolidat tal-grupp, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jużaw ir-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali impost fuq l-istituzzjoni prinċipali tal-Unjoni fil-livell konsolidat tal-grupp bħala stima ta’ dak ir-rekwiżit biex jiddeterminaw l-MREL tal-entità ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni.
3. Bħala stima tar-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali tal-entità ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jużaw ir-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali tal-entità li tirrappreżenta l-akbar proporzjon tal-iskopertura totali għar-riskju konsolidata tal-grupp ta’ riżoluzzjoni meta japplika dan kollu li ġej:
|
(a) |
l-iskopertura totali għar-riskju tal-entità ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni jvarja b’aktar minn 5 % mill-iskopertura totali għar-riskju tal-istituzzjoni prinċipali tal-UE fil-livell konsolidat tal-grupp; |
|
(b) |
l-iskopertura totali għar-riskju tal-entità ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni hija daqs, jew tvarja b’anqas minn 5 % mill-iskopertura totali għar-riskju individwali tal-entità li tirrappreżenta l-akbar proporzjon tal-iskopertura totali għar-riskju konsolidata tal-grupp ta’ riżoluzzjoni; |
|
(c) |
ir-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali tal-entità li tirrappreżenta l-akbar proporzjon tal-iskopertura totali għar-riskju konsolidata tal-grupp ta’ riżoluzzjoni jkun akbar minn żero. |
4. Meta l-paragrafi 2 u 3 ma japplikawx u l-ebda waħda mill-entitajiet li huma parti mill-grupp ta’ riżoluzzjoni ma tkun soġġetta għal rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali ogħla mir-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali impost fuq l-istituzzjoni prinċipali tal-UE fil-livell konsolidat tal-grupp, bħala stima tar-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali tal-entità ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jużaw ir-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali impost fuq l-istituzzjoni prinċipali tal-UE fil-livell konsolidat tal-grupp, soġġett għall-aġġustamenti msemmija fl-Artikolu 2.
5. Meta l-paragrafi 2 u 3 ma japplikawx, u entità waħda jew aktar li jkunu parti mill-grupp ta’ riżoluzzjoni jkunu soġġetti għal rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali ogħla mir-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali impost fuq l-istituzzjoni prinċipali tal-UE fil-livell konsolidat tal-grupp, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jużaw l-ogħla minn dawn li ġejjin bħala stima tar-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali tal-entità ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni:
|
(a) |
ir-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali impost fuq l-istituzzjoni prinċipali tal-UE fil-livell konsolidat tal-grupp soġġett għall-aġġustamenti msemmija fl-Artikolu 2; |
|
(b) |
is-somma tal-prodotti tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji addizzjonali tal-entitajiet tal-grupp ta’ riżoluzzjoni u l-iskoperturi totali għar-riskju individwali rispettivi ta’ dawk l-entitajiet, diviża bis-somma tal-iskoperturi totali għar-riskju individwali ta’ dawk l-entitajiet. |
6. Għall-finijiet tal-paragrafu 5, il-punt (b), fejn ma jkun ġie impost l-ebda rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali fuq entità fuq bażi individwali, ir-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali ta’ dik l-entità għandu jkun żero.
7. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-iskopertura totali għar-riskju għandha tiġi kkalkulata f’konformità mal-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fuq bażi individwali jew konsolidata, kif applikabbli.
Artikolu 2
Aġġustamenti għall-istima tar-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali
1. Għall-finijiet tal-Artikolu 1(4) u tal-Artikolu 1(5), il-punt (a), l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti rilevanti, jaġġustaw l-istima tagħhom tar-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali tal-entità ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni fi kwalunkwe każ minn dawn li ġejjin:
|
(a) |
xi riskji jew elementi ta’ riskju li biex jiġu koperti ġie impost ir-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali fuq l-istituzzjoni prinċipali tal-UE fil-livell konsolidat tal-grupp mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE mhumiex preżenti fil-grupp ta’ riżoluzzjoni kkonċernat; |
|
(b) |
xi riskji jew elementi ta’ riskju li biex jiġu koperti ma ġie impost l-ebda rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali fuq l-istituzzjoni prinċipali tal-UE fil-livell konsolidat tal-grupp mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE huma preżenti f’dak il-grupp ta’ riżoluzzjoni. |
2. L-aġġustamenti msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx isiru meta l-awtorità ta’ riżoluzzjoni, wara li tkun ikkonsultat mal-awtorità kompetenti u wara li tkun qieset l-informazzjoni pprovduta minn dik l-awtorità kompetenti, tkun ivvalutat li ma hemm l-ebda riskju sinifikanti relatat ma’ entitajiet jew attivitajiet tal-grupp li mhumiex parti mill-grupp ta’ riżoluzzjoni.
Artikolu 3
Metodoloġija għall-istima tar-rekwiżit ta’ riżerva kombinat tal-entitajiet ta’ riżoluzzjoni
1. L-istima tar-rekwiżit ta’ riżerva kombinat tal-entità ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni għandha tkun is-somma tar-rekwiżiti ta’ riżerva msemmija fl-Artikolu 129(1), il-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 131 u l-Artikolu 133(4) tad-Direttiva 2013/36/UE, kif applikabbli, kif stmata f’konformità mal-paragrafi minn 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu.
2. Bħala stima tar-rekwiżit ta’ riżerva ta’ konservazzjoni ta’ kapital imsemmija fl-Artikolu 129(1) tad-Direttiva 2013/36/UE għall-entità ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jużaw ir-rekwiżit ta’ riżerva ta’ konservazzjoni ta’ kapital impost fuq l-istituzzjoni prinċipali tal-UE fil-livell konsolidat tal-grupp.
3. Meta l-entità ta’ riżoluzzjoni tkun ukoll l-impriża prinċipali tal-UE, bħala stima tar-rekwiżit ta’ riżerva ta’ istituzzjoni globali sistemikament importanti (G-SII) imsemmi fl-Artikolu 131(4) tad-Direttiva 2013/36/UE għall-entità ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jużaw ir-rekwiżit ta’ riżerva ta’ G-SII impost fuq l-istituzzjoni prinċipali tal-UE fil-livell konsolidat tal-grupp.
4. Bħala stima tar-rekwiżit ta’ riżerva tal-istituzzjoni sistematikament importanti oħra (O-SII) imsemmi fl-Artikolu 131(5) tad-Direttiva 2013/36/UE għall-entità ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jużaw ir-rekwiżit ta’ riżerva ta’ O-SII impost fuq l-istituzzjoni prinċipali tal-UE fil-livell konsolidat tal-grupp. Meta r-rekwiżit ta’ riżerva ta’ O-SII jkun ġie stabbilit ukoll f’livell ta’ konsolidazzjoni differenti minn dak fil-livell tal-grupp, biex jistmaw dak ir-rekwiżit, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali għandhom jużaw ir-rekwiżit ta’ riżerva ta’ O-SII stabbilit fil-livell tal-konsolidazzjoni li huwa l-eqreb, f’termini tal-iskopertura totali għar-riskju, għall-grupp ta’ riżoluzzjoni.
5. Bħala stima tar-rekwiżit ta’ riżerva għal riskju sistemiku msemmi fl-Artikolu 133(4) tad-Direttiva 2013/36/UE għall-entità ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jużaw ir-rekwiżit ta’ riżerva għal riskju sistemiku impost fuq l-istituzzjoni prinċipali tal-UE fil-livell konsolidat tal-grupp. Meta tkun ġiet stabbilita riżerva għar-riskju sistemiku wkoll f’livell ieħor ta’ konsolidazzjoni milli fil-livell tal-grupp, bħala stima ta’ dak ir-rekwiżit l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jużaw ir-rekwiżit ta’ riżerva għal riskju sistemiku stabbilit fil-livell ta’ konsolidazzjoni li jkun l-eqreb, f’termini tal-iskopertura totali għar-riskju, għall-grupp ta’ riżoluzzjoni.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Marzu 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.
(2) Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).
Rettifika
|
8.7.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 241/7 |
Rettifika tar-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar prodotti mediċinali veterinarji u li jħassar id-Direttiva 2001/82/KE
( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 4 tas-7 ta' Jannar 2019 )
Fil-paġna 60, l-Artikolu 8, il-paragrafu 4,
minflok:
|
“4. |
Il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu m’għandux japplika għal prodotti mediċinali veterinarji maħsuba għall-annimali tal-ispeċijiet ekwini li ġew iddikjarati mhux maħsuba biex jinqatlu għall-konsum mill-bniedem fid-dokument ta’ identifikazzjoni permanenti uniku fil-punt (c) tal-Artikolu 114(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 u fi kwalunkwe att adottat abbażi tiegħu u s-sustanzi attivi kontenuti f’dawk il-prodotti mediċinali veterinarji mhumiex permessi skont ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 jew skont kwalunkwe att adottat abbażi tiegħu.”, |
aqra:
|
“4. |
Il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu m’għandux japplika għal prodotti mediċinali veterinarji maħsuba għall-annimali tal-ispeċijiet ekwini li ġew iddikjarati mhux maħsuba biex jinqatlu għall-konsum mill-bniedem fid-dokument ta’ identifikazzjoni permanenti uniku msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 114(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 u fi kwalunkwe att adottat abbażi tiegħu u s-sustanzi attivi kontenuti f’dawk il-prodotti mediċinali veterinarji mhumiex permessi skont ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 jew skont kwalunkwe att adottat abbażi tiegħu.”. |
|
8.7.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 241/8 |
Rettifika għad-Deċiżjoni (UE) 2020/265 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta’ Flessibilità għall-finanzjament ta’ miżuri baġitarji immedjati biex jiġu indirizzati t-theddidiet kontinwi tal-migrazzjoni, tad-dħul tar-rifuġjati u tas-sigurtà
( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 58 tas-27 ta’ Frar 2020 )
Fil-paġna tal-qoxra, il-Werrej, u fil-paġna 51, it-Titolu,
minflok:
“Deċiżjoni (UE) 2020/265 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta’ Flessibilità għall-finanzjament ta’ miżuri baġitarji immedjati biex jiġu indirizzati t-theddidiet kontinwi tal-migrazzjoni, tad-dħul tar-rifuġjati u tas-sigurtà”,
aqra:
“Deċiżjoni (UE) 2020/265 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta’ Flessibilità għall-finanzjament ta’ miżuri baġitarji immedjati biex jiġu indirizzati l-isfidi kontinwi tal-migrazzjoni, tad-dħul tar-rifuġjati u tat-theddid għas-sigurtà”.