ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 230

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 64
30 ta' Ġunju 2021


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2021/1068 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tiegħu għal ċertu makkinarju mgħammar b’magni fil-meded tal-potenza akbar minn jew ugwali għal 56 kW u inqas minn 130 kW, u akbar minn jew ugwali għal 300 kW, biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 ( 1 )

1

 

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun

4

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1069 tat-28 ta’ Ġunju 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2020/1579 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ċerti opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar Baltiku, u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/92 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ċerti opportunitajiet tas-sajd għall-2021 fl-ilmijiet tal-Unjoni u f’dawk li mhumiex tal-Unjoni

5

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1070 tat-28 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi miżuri ta’ kontroll speċjali għal perjodu limitat ta’ żmien relatati ma’ infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda ( 1 )

10

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1071 tad-29 ta’ Ġunju 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/442 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/521 relatati mal-mekkaniżmu li jagħmel ċerti prodotti soġġetti għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni

28

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1072 tat-28 ta’ Ġunju 2021 dwar deroga temporanja mid-Deċiżjoni 2013/471/UE dwar l-għoti ta’ allowances ta’ kuljum u r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u s-supplenti tagħhom fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ vvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni

30

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1073 tat-28 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi u regoli għall-implimentazzjoni tal-qafas ta’ fiduċja għaċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 )

32

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

30.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 230/1


REGOLAMENT (UE) 2021/1068 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ Ġunju 2021

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tiegħu għal ċertu makkinarju mgħammar b’magni fil-meded tal-potenza akbar minn jew ugwali għal 56 kW u inqas minn 130 kW, u akbar minn jew ugwali għal 300 kW, biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet għal inkwinanti gassużi u partikolati u l-proċeduri tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għal diversi kategoriji ta’ magni għal makkinarju mobbli mhux tat-triq.

(2)

Id-dati applikabbli għall-valuri tal-limitu l-ġodda tal-emissjonijiet, identifikati bħala “Stadju V” fir-Regolament (UE) 2016/1628, huma stabbiliti biex il-fabbrikanti jingħataw informazzjoni ċara u komprensiva kif ukoll perijodu ta’ żmien xieraq għat-tranżizzjoni lejn l-Istadju V, filwaqt li fl-istess ħin il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet tal-approvazzjoni jitnaqqas b’mod sostanzjali.

(3)

Minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19 u l-interruzzjonijiet assoċjati fil-katina tal-provvista u- fil-produzzjoni, il-fabbrikanti tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq, imsemmija bħala “fabbrikanti ta’ tagħmir oriġinali” jew “OEMs” fir-Regolament (UE) 2016/1628, kellhom diffikultajiet biex jissodisfaw l-iskadenzi tat-30 ta’ Ġunju 2020 u tal-31 ta’ Diċembru 2020 stabbiliti f’dak ir-Regolament għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ makkinarju mgħammar b’ċerti kategoriji ta’ magni li jikkonformaw ma’ valuri tal-limitu tal-emissjonijiet inqas stretti minn dawk tal-Istadju V. Għalhekk, ir-Regolament (UE) 2016/1628 ġie emendat bir-Regolament (UE) 2020/1040 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) biex dawk l-iskadenzi jiġu estiżi bi 12-il xahar.

(4)

Peress li l-interruzzjonijiet kontinwi fil-katina tal-provvista u fil-produzzjoni kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 għadhom iwasslu għal dewmien fil-produzzjoni u għat-tqegħid fis-suq ta’ makkinarju mgħammar b’kategoriji oħra ta’ magni (jiġifieri, magni fil-meded tal-potenza akbar minn jew ugwali għal 56 kW u inqas minn 130 kW, u akbar minn jew ugwali għal 300 kW) li jikkonformaw ma’ valuri tal-limitu tal-emissjonijiet inqas stretti minn dawk tal-Istadju V, huwa probabbli ħafna li l-OEMs mhumiex se jkunu jistgħu jissodisfaw l-iskadenzi tat-30 ta’ Ġunju 2021 u tal-31 ta’ Diċembru 2021 stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/1628 għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-makkinarju mgħammar b’dawk il-magni mingħajr ma jħalli lil dawk il-manifatturi jsofru ħsara ekonomika serja.

(5)

Fid-dawl taċ-ċirkostanzi kurrenti, u biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern, biex tiġi pprovduta ċ-ċertezza legali u biex jiġu evitati interruzzjonijiet potenzjali fis-suq, jeħtieġ li jittawwal iż-żmien tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament (UE) 2016/1628 għal dawk il-kategoriji ta’ magni.

(6)

Minħabba li l-prolongazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji mhi se jkollha l-ebda impatt ambjentali, peress li l-magni ta’ tranżizzjoni kkonċernati diġà ġew prodotti, l-estensjoni tal-perijodu rilevanti jenħtieġ li tkun ta’ sitt xhur għall-produzzjoni tal-makkinarju mgħammar b’dawk il-magni u disa’ xhur għat-tqegħid fis-suq tal-makkinarju mgħammar b’dawn il-magni.

(7)

Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jittawwal iż-żmien ta’ ċerti dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament (UE) 2016/1628, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”). F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(8)

Minħabba l-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, huwa xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perijodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(9)

Ir-Regolament (UE) 2016/1628 jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat skont dan.

(10)

Fid-dawl tal-fatt li l-perijodu ta’ tranżizzjoni previst fir-Regolament (UE) 2016/1628 għal ċerti subkategoriji ta’ magni se jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2021 u li l-OEMs kellhom sat-30 ta’ Ġunju 2021 biex jipproduċu makkinarju mobbli mhux tat-triq li jkun mgħammar b’magni ta’ tranżizzjoni ta’ dawk is-subkategoriji, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) 2016/1628 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-paragrafu 5, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Għal magni tas-subkategoriji kollha li għalihom id-data stipulata fl-Anness III għat-tqegħid fis-suq tal-magni ta’ Stadju V hija l-1 ta’ Jannar 2020, minbarra l-magni msemmija fit-tieni u fit-tielet subparagrafu, il-perjodu ta’ tranżizzjoni għandu jiġi estiż b’disà xhur u l-perjodu ta’ 18-il xahar imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi estiż b’sitt xhur.”;

(2)

fil-paragrafu 7, jiżdied il-punt li ġej:

“(e)

33 xahar mid-data applikabbli għat-tqegħid fis-suq tal-magni stabbilita fl-Anness III, fil-każ previst fis-sitt subparagrafu tal-paragrafu 5.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  L-opinjoni tad-9 ta’ Ġunju 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali).

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Ġunju 2021(għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti gassużi u partikolati u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b’kombustjoni interna għal makkinarju mobbli mhux tat-triq, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1024/2012 u (UE) Nru 167/2013, u li jemenda u jirrevoka d-Direttiva 97/68/KE (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 53).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2020/1040 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tiegħu biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 231, 17.7.2020, p. 1).


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

30.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 230/4


Informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun

Il-Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun iffirmat fi Brussell fit-22 ta’ Ġunju 2020, daħal fis-seħħ fit-30 ta’ Ġunju 2021, f’konformità mal-Artikolu 20(1) tal-Ftehim, peress li l-aħħar notifika ġiet iddepożitata fit-30 ta’ Ġunju 2021.


REGOLAMENTI

30.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 230/5


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2021/1069

tat-28 ta’ Ġunju 2021

li jemenda r-Regolament (UE) 2020/1579 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ċerti opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar Baltiku, u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/92 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ċerti opportunitajiet tas-sajd għall-2021 fl-ilmijiet tal-Unjoni u f’dawk li mhumiex tal-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1579 (1) jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2021 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku. Fit-28 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) ippubblika parir xjentifiku rivedut dwar il-qabdiet għall-aringa fil-Golf ta’ Bothnia għall-2021. Il-parir jaġġorna ċ-ċifra għall-qbid u jgħolli l-livell tal-parir għal dak ta’ rendiment massimu sostenibbli (MSY) kategorija 1. L-opportunitajiet tas-sajd għall-aringa fil-Golf ta’ Bothnia jenħtieġ li jiġu aġġustati skont dan, u għaldaqstant ir-Regolament (UE) 2020/1579 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/92 (2) jistabbilixxi għall-2021 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni.

(3)

Skont il-parir tal-ICES tat-13 ta’ April 2021, jenħtieġ li bejn l-1 ta’ Lulju 2021 u t-30 ta’ Ġunju 2022 ma jinqabdux iktar minn 106 715 tunnellata ta’ laċċa kaħla (Sprattus sprattus) fid-diviżjoni 3a tal-ICES (Kattegat/Iskagerrak), u fis-subżona 4 tal-ICES (fil-Baħar tat-Tramuntana). Għalhekk jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd għal-laċċa kaħla għal dak il-perijodu jiġu stabbiliti għal 87 186 tunnellata fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 2a tal-ICES u tas-subżona 4 tal-ICES, u għal 19 529 tunnellata fid-diviżjoni 3a tal-ICES, f’konformità mar-rendiment massimu sostenibbli.

(4)

Sa ma jingħata l-parir xjentifiku għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2022, ir-Regolament (UE) 2021/92 stabbilixxa qabda totali permissibbli (TAC) ta’ żero għall-inċova (Engraulis encrasicolus) fis-subżoni 9 u 10 tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni taż-żona 34.1.1 tal-Kumitat tas-Sajd għall-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant. L-ICES ser joħroġ il-parir tiegħu għal dak l-istokk fi tmiem Ġunju tal-2021. Sabiex ikun żgurat li l-attivitajiet tas-sajd ikunu jistgħu jitkomplew sa ma tiġi stabbilita t-TAC abbażi tal-aħħar parir xjentifiku, jenħtieġ li tiġi stabbilita TAC proviżorja ta’ 5 744 tunnellata, abbażi tal-qabdiet li saru fit-tielet kwart tal-2020.

(5)

In-numri fil-punt 6 tal-Anness VI għar-Regolament (UE) 2021/92 jenħtieġ li jiġu emendati sabiex jirriflettu l-ftehimiet konklużi bejn xi Stati Membri biex temporanjament jittrasferixxu bejniethom, esklużivament għas-sena 2021, ċerti ammonti ta’ input u kapaċità għat-trobbija tat-tonn. Dawk il-bidliet ġew innotifikati lill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) permezz ta’ pjan emendat tal-Unjoni dwar it-trobbija tal-ħut u ma jaffettwawx il-kapaċità totali tat-trobbija tal-ħut u l-kapaċità ta’ input tal-Unjoni fiż-Żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT.

(6)

Il-limiti ta’ qbid previsti fir-Regolament (UE) 2020/1579 japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021. Għalhekk, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet introdotti minn dan ir-Regolament emendatorju li jikkonċernaw il-limiti ta’ qbid għall-aringa fil-Golf ta’ Bothnia, japplikaw ukoll minn dik id-data. It-tali applikazzjoni retroattiva hija mingħajr preġudizzju għall-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi l-opportunitajiet tas-sajd ikkonċernati għadhom ma ġewx eżawriti.

(7)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu sabiex jippermetti li l-istaġun tas-sajd għal-laċċa kaħla u l-inċova jibda fil-ħin fl-1 ta’ Lulju 2021,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda tar-Regolament (UE) 2020/1579

Ir-Regolament (UE) 2020/1579 huwa emendat kif stabbilit fil-Parti A tal-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Emenda tar-Regolament (UE) 2021/92

Ir-Regolament (UE) 2021/92 huwa emendat kif stabbilit fil-Partijiet B u C tal-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

L-Artikolu 2 għandu jibda japplika mill-1 ta’ Lulju 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-28 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

M. do C. ANTUNES


(1)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1579 tad-29 ta’ Ottubru 2020 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2021 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku u li jemenda r-Regolament (UE) 2020/123 fir-rigward ta’ ċerti opportunitajiet tas-sajd f’ilmijiet oħra (ĠU L 362, 30.10.2020, p. 3).

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/92 tat-28 ta’ Jannar 2021 li jistabbilixxi għall-2021 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni (ĠU L 31, 29.1.2021, p. 31).


ANNESS

PARTI A

Fl-Anness għar-Regolament (UE) 2020/1579, it-tabella tal-opportunitajiet tas-sajd għall-aringa fis-subdiviżjonijiet 30-31 tal-ICES hija sostitwita b’dan li ġej:

“Speċi:

Aringa

Clupea harengus

Żona:

Suddiviżjonijiet 30-31

(HER/30/31.)

Finlandja

96 321

 

TAC analitika”

Żvezja

21 164

 

 

Unjoni

117 485

 

 

TAC

117 485

 

PARTI B

L-Anness IA tar-Regolament (UE) 2021/92 huwa emendat kif ġej:

(1)

it-tabella tal-opportunitajiet tas-sajd għal-laċċa kaħla u għall-qabdiet inċidentali marbutin magħha fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 3a tal-ICES hija sostitwita b’dan li ġej:

“Speċi:

Laċċa kaħla u l-qabdiet inċidentali marbutin magħha

Sprattus sprattus

Żona:

3a

(SPR/03 A.)

Danimarka

13 086

 (1)  (2)

TAC analitika

Ġermanja

27

 (1)  (2)

Żvezja

4 951

 (1)  (2)

Unjoni

18 064

 (1)  (2)

 

TAC

19 529

 (2)

(2)

it-tabella tal-opportunitajiet tas-sajd għal-laċċa kaħla u għall-qabdiet inċidentali marbutin magħha fl-ilmijiet tar-Renju Unit u tal-Unjoni tas-subżona 4 tal-ICES u fl-ilmijiet tar-Renju Unit fid-diviżjoni 2a tal-ICES hija sostitwita b’dan li ġej:

“Speċi:

Laċċa kaħla u l-qabdiet inċidentali marbutin magħha

Sprattus sprattus

Żona:

L-ilmijiet tar-Renju Unit u tal-Unjoni tas-subżona 4; L-ilmijiet tar-Renju Unit tad-diviżjoni 2a

(SPR/2AC4-C)

Belġju

993

 (3)  (4)

TAC analitika

Danimarka

78 553

 (3)  (4)

Ġermanja

993

 (3)  (4)

Franza

993

 (3)  (4)

Netherlands

993

 (3)  (4)

Żvezja

1 330

 (3)  (4)  (5)

Unjoni

83 855

 (3)  (4)

Norveġja

0

 (3)

Gżejjer Faeroe

0

 (3)  (6)

Renju Unit

3 331

 (3)

 

TAC

87 186

 (3)

(3)

it-tabella tal-opportunitajiet tas-sajd għall-inċova fis-subżoni 9 u 10 tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 34.1.1 tas-CECAF hija sostitwita b’dan li ġej:

“ Speċi:

Inċova

Engraulis encrasicolus

Żona:

9 u 10; Ilmijiet tal-Unjoni tas-ECAF 34.1.1

(ANE/9/3411)

Spanja

2 747

 (7)

TAC prekawzjonarja

Portugall

2 997

 (7)

Unjoni

5 744

 (7)

 

TAC

5 744

 (7)

PARTI C

Fl-Anness VI għar-Regolament (UE) 2021/92, il-punt 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.

Il-kapaċità massima tat-trobbija u tat-tismin tat-tonn għal kull Stat Membru u l-ammont massimu ta’ tonn maqbud fis-selvaġġ li kull Stat Membru jista’ jalloka lill-farms tiegħu fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran.

Tabella A

Kapaċità massima tat-trobbija u tismin tat-tonn

 

Għadd ta’ farms

Kapaċità (f’tunnellati)

Spanja

10

11 852

Italja

13

9 564

Greċja

2

2 100

Ċipru

3

3 000

Kroazja

7

7 880

Malta

6

14 511

Tabella B (8)

Ammont massimu ta’ tonn maqbud fis-selvaġġ (f’tunnellati)

Spanja

6 850

Italja

1 739,5

Greċja

785

Ċipru

2 195

Kroazja

2 947

Malta

10 260,5

Portugall

350


(1)  Sa 5 % tal-kwota tista’ tkun qabdiet inċidentali tal-merlangu u tal-merluzz tal-linja sewda (OTH/*03 A.). Flimkien, il-qabdiet inċidentali tal-merlangu u tal-merluzz tal linja sewda li jingħaddu mal-kwota skont din id-dispożizzjoni u l-qabdiet inċidentali ta’ dawk l-ispeċijiet li jingħaddu mal-kwota skont l-Artikolu 15(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma għandhomx jaqbżu d-9 % tal-kwota.

(2)  Din il-kwota tista’ tinqabad biss mill-1 ta’ Lulju 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2022. Jistgħu jsiru trasferimenti ta’ din il-kwota lejn ir-Renju Unit u l-ilmijiet tal-Unjoni taż-żoni 2a u 4. Madankollu, il-Kummissjoni u r-Renju Unit għandhom ikun mgħarrfa minn qabel bit-tali trasferimenti.”

(3)  Il-kwota tista’ tinqabad biss mill-1 ta’ Lulju 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2022.

(4)  Sa 2 % tal-kwota tista’ tkun qabdiet inċidentali tal-merlangu (OTH/*2AC4C). Flimkien, il-qabdiet inċidentali tal-merlangu li jingħaddu mal-kwota skont din id-dispożizzjoni u l-qabdiet inċidentali ta’ dawk l-ispeċijiet li jingħaddu mal-kwota skont l-Artikolu 15(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma għandhomx jaqbżu d-9 % tal-kwota.

(5)  Inkluż iċ-ċiċċirell.

(6)  Din il-kwota jista’ jkun fiha sa 4 % ta’ qabdiet inċidentali tal-aringi.”

(7)  Il-kwota tista’ tinqabad biss mill-1 ta’ Lulju 2021 sat-30 ta’ Settembru 2021.”

(8)  Il-kapaċità tat-trobbija fil-Portugall ta’ 500 tunnellata hija koperta mill-kapaċità mhux użata tal-Unjoni mniżżla fit-Tabella A.”.


30.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 230/10


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1070

tat-28 ta’ Ġunju 2021

li jistabbilixxi miżuri ta’ kontroll speċjali għal perjodu limitat ta’ żmien relatati ma’ infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 71(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda, ikkawżata mill-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda (LSDV), hija marda li tinġarr minn vettur tal-bhejjem tal-ifrat u tal-buflu tal-ilma Asjatiku li tista’ tikkawża telf ekonomiku sostanzjali, tnaqqas ir-rendiment tal-ħalib, tikkawża għelubija serja, ħsara permanenti lill-ġlud, diversi kumplikazzjonijiet sekondarji, debbulizza kronika, u ġġarrab projbizzjonijiet fuq il-moviment jew il-kummerċ. Din tinsab fil-lista ta’ mard notifikabbli tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) (2).

(2)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi qafas leġiżlattiv ġdid għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard. L-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda hija elenkata fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/429, u għaldaqstant hija marda elenkata għall-finijiet ta’ dak ir-Regolament, u hija soġġetta għar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard stabbiliti fih. Barra minn hekk, l-infezzjoni bl-LSDV hija elenkata fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3) bħala marda tal-kategoriji A, D u E.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (4) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard tal-kategoriji A, B u C stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/429, inklużi l-miżuri ta’ kontroll tal-mard kontra l-infezzjoni bl-LSDV. Ir-Regolament (UE) 2016/429, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882 u r-Regolament Delegat (UE) 2020/687 ilkoll bdew japplikaw mill-21 ta’ April 2021.

(4)

Preċedentement, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2008 (5) stabbiliet regoli dwar il-miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali b’rabta mal-infezzjoni bl-LSDV fl-Istati Membri jew f’partijiet minnhom kif elenkati fl-Anness I tagħha, inkluż ir-rekwiżiti minimi għall-programmi ta’ tilqim kontra l-infezzjoni bl-LSDV ippreżentati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni. Il-Bulgarija u l-Greċja huma kkonċernati minn tali elenkar. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2008 ma baqgħetx tapplika fl-20 ta’ April 2021, u r-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jissostitwixxu dawk stabbiliti f’dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.

(5)

Mill-2017, ma ġiet irrapportata l-ebda tifqigħa tal-infezzjoni bl-LSDV fl-Ewropa, iżda dik il-marda għadha preżenti f’Anatolja, fit-Turkija, u fir-Russja, kif ukoll fl-Asja tal-Lvant u taffettwa lill-Bangladesh, liċ-Ċina u lill-Indja. Għalhekk, it-tixrid ta’ dik il-marda jirrappreżenta riskju potenzjali għas-settur agrikolu fl-Unjoni.

(6)

Minbarra l-Bulgarija u l-Greċja, il-Kroazja u għadd konsiderevoli ta’ pajjiżi terzi ġirien, bħall-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo (6), il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja u t-Turkija nnotifikaw lill-Kummissjoni li t-tilqim kontra l-infezzjoni bl-LSDV ġie inkluż fil-politika tagħhom dwar il-kontroll tal-mard. Il-biċċa l-kbira ta’ dawk il-pajjiżi terzi issa waqqfu t-tilqim u qed iżommu miżuri ta’ sorveljanza.

(7)

Is-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Ewropa tal-Lvant u fir-reġjuni ġirien tissuġġerixxi li xorta jista’ jeżisti ċertu riskju ta’ introduzzjoni mill-ġdid jew ta’ tfaċċar mill-ġdid tal-marda, f’żoni ta’ riskju għoli fejn it-tilqim kontra l-infezzjoni bl-LSDV ikun waqaf.

(8)

Abbażi tal-informazzjoni epidemjoloġika disponibbli sal-lum, ir-riżultati tas-sorveljanza għall-infezzjoni bl-LSDV u t-tilqim kontra dik il-marda, huwa xieraq li t-tilqim kontra l-infezzjoni bl-LSDV jenħtieġ li tal-anqas ikompli fiż-żoni ta’ riskju għoli tal-Bulgarija u tal-Greċja. Barra minn hekk, fl-Istati Membri kollha jew f’partijiet minnhom fejn it-tilqim kontra dik il-marda jkun tnaqqas jew twaqqaf kompletament, jenħtieġ li titkompla s-sorveljanza sistematika, kemm attiva kif ukoll passiva.

(9)

Skont ir-rapport xjentifiku tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar l-infezzjoni bl-LSDV, approvat fit-30 ta’ Jannar 2020 (7) (ir-Rapport tal-EFSA), jenħtieġ li jintuża vaċċin omologu biex jitnaqqas ir-riskju ta’ tixrid ulterjuri tal-infezzjoni bl-LSDV lejn l-Ewropa tax-Xlokk. Wara li t-tilqim ikun waqaf, fil-każ li dik il-marda tfeġġ mill-ġdid, ikun meħtieġ pjan ta’ kontinġenza u ta’ kumulazzjoni ta’ riżerva tal-vaċċini, saħansitra fuq bażi reġjonali, sabiex ikun hemm reazzjoni rapida għat-tilqim ta’ emerġenza.

(10)

Il-miżuri ġenerali ta’ kontroll tal-mard stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/429, u r-regoli supplimentari stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, ma jkoprux l-aspetti kollha meħtieġa tat-tilqim kontra l-infezzjoni bl-LSDV. Għalhekk huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli ta’ implimentazzjoni uniformi fil-livell tal-Unjoni f’dan ir-Regolament biex ikopru miżuri ta’ kontroll speċjali tal-mard għal perjodu ta’ żmien limitat, f’kundizzjonijiet xierqa għas-sitwazzjoni epidemjoloġika ta’ dik il-marda fl-Unjoni u f’pajjiżi terzi ġirien. Jenħtieġ li l-miżuri ta’ kontroll stabbiliti f’dan ir-Regolament jqisu l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2008, kif ukoll fl-istandards internazzjonali stabbiliti fil-Kapitolu 11.9 “Infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda” tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-OIE (Kodiċi OIE) (8).

(11)

Jenħtieġ li r-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament jipprevedu approċċ ta’ reġjonalizzazzjoni, u japplikaw flimkien mal-miżuri ta’ kontroll tal-mard stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687. Barra minn hekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jelenka ż-żoni ristretti tal-Istati Membri li jwettqu pjanijiet ta’ tilqim preventiv b’vaċċini ħajjin attenwati fejn ma hemmx tifqigħat tal-infezzjoni bl-LSDV (żona ristretta I); u żoni b’tifqigħat tal-infezzjoni bl-LSDV (żona ristretta II). Jenħtieġ li ż-żoni inklużi fiż-żona ristretta I jew fiż-żona ristretta II jiġu elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament filwaqt li titqies l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri affettwati minn dik il-marda.

(12)

L-annimali bovini mlaqqmin u l-prodotti minn dawk l-annimali bovini jistgħu jirrappreżentaw riskju għat-tixrid tal-infezzjoni bl-LSDV. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi ċerti projbizzjonijiet u kundizzjonijiet speċifiċi dwar il-movimenti ta’ kunsinni ta’ annimali bovini jew ta’ tipi differenti ta’ prodotti miż-żoni ristretti elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament. Sabiex jiġi evitat tfixkil bla bżonn għall-kummerċ, jenħtieġ li jiġu stabbiliti ċerti derogi minn dawk il-projbizzjonijiet u kundizzjonijiet speċifiċi. Jenħtieġ li dawk id-derogi u l-kundizzjonijiet speċifiċi jqisu l-prinċipji tal-Kodiċi tal-OIE fir-rigward tal-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju kontra l-infezzjoni bl-LSDV, kif ukoll ir-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard tal-annimali stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/429 u fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

(13)

F’termini tar-riskju tat-tixrid tal-infezzjoni bl-LSDV, komoditajiet differenti joħolqu livelli differenti ta’ riskju. Kif indikat fir-Rapport tal-EFSA, il-moviment ta’ annimali bovini ħajjin, ta’ semen tal-bovini u tal-ġlud mhux ikkunzat minn annimali bovini infettati huwa ta’ riskju ogħla f’termini ta’ esponiment u ta’ konsegwenzi minn prodotti oħra bħall-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, il-ġlud ittrattati jew il-laħam frisk, il-preparati tal-laħam u l-prodotti tal-laħam li joriġinaw minn annimali bovini. Madankollu, l-evidenza xjentifika jew sperimentali dwar ir-rwol tagħhom fit-trażmissjoni tal-virus tal-infafet fil-ġilda għadha ma hijiex biżżejjed. It-trażmissjoni tal-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda permezz tas-semen, tal-ova u tal-embrijuni tal-annimali tal-ispeċi bovina ma tistax tiġi eskluża. Il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, kif ukoll il-kolostru, jistgħu jirrappreżentaw riskju għat-tixrid tal-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda biss meta jkunu maħsuba għall-għalf lil annimali tal-ispeċijiet suxxettibbli.

(14)

Għalhekk, jenħtieġ li jiġu previsti ċerti miżuri protettivi għal dawk il-komoditajiet abbażi tar-Rapport tal-EFSA u l-aktar standards u rakkomandazzjonijiet aġġornati rilevanti mill-OIE.

(15)

Il-movimenti ta’ kunsinni ta’ annimali miżmuma għal qatla immedjata joħolqu riskju aktar baxx għat-tixrid ta’ mard tal-annimali minn tipi oħra ta’ movimenti ta’ annimali sakemm ikun hemm fis-seħħ miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju. Għalhekk huwa xieraq li l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew, b’mod eċċezzjonali, jagħtu derogi minn ċerti projbizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament għal movimenti ta’ kunsinni ta’ annimali bovini, miż-żoni ristretti I u II, għal qtil immedjat f’biċċerija li tkun tinsab barra miż-żoni ristretti I u II fl-istess Stat Membru.

(16)

Id-derogi għall-movimenti ta’ kunsinni ta’ ċerti annimali bovini minn żona ristretti I jew II għal żona ristretti I jew II oħra ta’ Stat Membru ieħor bi status ta’ mard simili huma ġġustifikati fejn jiġu applikati miżuri speċifiċi ta’ mitigazzjoni tar-riskju. Dan jirrikjedi l-istabbiliment ta’ proċedura ta’ twassil sikur taħt il-kontroll strett tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini, tal-passaġġ u tad-destinazzjoni.

(17)

L-Artikolu 143 tar-Regolament (UE) 2016/429 jipprevedi li ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għandhom jakkumpanjaw il-movimenti tal-annimali, inklużi tal-annimali bovini. Meta jiġu applikati derogi mill-projbizzjoni fuq il-movimenti ta’ kunsinni ta’ annimali bovini miż-żoni ristretti I u II għal kunsinni ta’ annimali bovini maħsuba għal movimenti intra-Unjoni, dawk iċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali jenħtieġ li jinkludu referenza għal dan ir-Regolament, biex jiġi żgurat li f’dawk iċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali tingħata informazzjoni adegwata u preċiża dwar is-saħħa.

(18)

Fejn dan ir-Regolament jipprevedi derogi minn projbizzjonijiet fuq il-movimenti ta’ kunsinni ta’ prodotti ġerminali miż-żoni ristretti I u II, jenħtieġ li ċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali li jakkumpanjawhom jinkludu referenza għal dan ir-Regolament, sabiex jiġi żgurat li tingħata informazzjoni adegwata u akkurata dwar is-saħħa f’konformità ma’ dan ir-Regolament u mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/686 (9).

(19)

Jenħtieġ li t-trasport tal-annimali bovini u tal-prodotti sekondarji tal-annimali minn dawk l-annimali miż-żoni ristretti I u II jitwettaq skont miżuri ta’ trattament xieraq tal-annimali u ta’ bijosigurtà biex jiġi evitat it-tixrid tal- infezzjoni bl-LSDV.

(20)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/687 japplika mill-21 ta’ April 2021. Għaldaqstant, fl-interess taċ-ċertezza legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza.

(21)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għal perjodu sal-21 ta’ April 2023, filwaqt li titqies l-esperjenza tal-Unjoni fil-kontroll tal-infezzjoni bl-LSDV, is-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali ta’ dik il-marda fl-Istati Membri u f’pajjiżi terzi ġirien u kwalunkwe regola futura dwar it-tilqim stabbilita skont l-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) 2016/429.

(22)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

REGOLI ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri ta’ kontroll speċjali tal-mard kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda (LSDV) li għandhom jiġu applikati għal perjodu ta’ żmien limitat mill-Istati Membri f’żoni tat-territorju tagħhom fejn:

(a)

tkun ġiet ikkonfermata tifqigħa ta’ dik il-marda;

(b)

ma tkunx ġiet ikkonfermata tifqigħa ta’ dik il-marda, iżda huma jiddeċiedu li jwettqu tilqim kontra dik il-marda f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Il-miżuri ta’ kontroll speċjali tal-mard stabbiliti f’dan ir-Regolament japplikaw għall-annimali bovini u għall-prodotti sekondarji u għall-prodotti ġerminali miksuba minn tali annimali bovini, u japplikaw flimkien mal-miżuri ta’ kontroll tal-mard applikabbli għall-protezzjoni, għas-sorveljanza u għal żoni ristretti oħra stabbiliti mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru wara tifqigħa tal-infezzjoni bl-LSDV, f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

Barra minn hekk, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

1.

“annimal bovin” tfisser annimal tal-ispeċi tal-ungulati li jappartjeni għall-ġeneri Bison, Bos (inkluż is-subġeneri Bos, Bibos, Novibos, Poephagus) u Bubalus (inkluż is-subġeneru Anoa) u l-frieħ tal-inkroċjar tar-razez ta’ dawn l-ispeċijiet;

2.

“żona ristretta I” tfisser parti mit-territorju ta’ Stat Membru b’delimitazzjoni ġeografika preċiża:

(a)

li tkun tinsab barra minn żona fejn tkun ġiet ikkonfermata tifqigħa tal-infezzjoni bl-LSDV;

(b)

fejn isir tilqim kontra l-infezzjoni bl-LSDV f’konformità mal-Artikolu 3(2);

(c)

elenkata jew le fil-Parti I tal-Anness I;

(d)

soġġetta għal regoli ta’ kontroll speċjali tal-mard previsti fl-Artikoli 3 sa 6.

3.

“żona ristretta II” tfisser parti mit-territorju ta’ Stat Membru b’delimitazzjoni ġeografika preċiża:

(a)

li tinkludi żona fejn tkun ġiet ikkonfermata tifqigħa tal-infezzjoni bl-LSDV;

(b)

fejn isir tilqim kontra l-infezzjoni bl-LSDV f’konformità mal-Artikolu 3(1);

(c)

elenkata jew le fil-Parti II tal-Anness I;

(d)

soġġetta għal regoli ta’ kontroll speċjali tal-mard previsti fl-Artikoli 3 sa 6.

KAPITOLU II

MIŻURI TA’ KONTROLL SPEĊJALI TAL-MARD KONTRA L-INFEZZJONI BL-LSDV

TAQSIMA 1

Stabbiliment ta’ żoni ristretti u tilqim kontra l-infezzjoni bl-LSDV

Artikolu 3

Stabbiliment taż-żoni ristretti I u II

1.   Fil-każ ta’ konferma ta’ tifqigħa tal-infezzjoni bl-LSDV f’annimali bovini, l-awtorità kompetenti għandha:

(a)

tistabbilixxi żona ristretta II:

(i)

li mill-inqas tkun tkopri ż-żoni inklużi fiż-żoni ta’ protezzjoni, ta’ sorveljanza u ta’ żoni ristretti oħra stabbiliti wara l-konferma ta’ dik il-marda f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687;

(ii)

f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2016/429;

(b)

timplimenta tilqim kontra dik il-marda fiż-żona ristretta II imsemmija fil-punt (a) kif ġej:

(i)

f’konformità mar-regoli għall-pjanijiet ta’ tilqim stabbiliti fl-Anness II;

(ii)

taħt il-kontroll tal-awtorità kompetenti;

(iii)

tagħti prijorità lill-użu ta’ vaċċini omologi ħajjin attenwati;

(iv)

tlaqqam l-annimali bovini kollha u l-frieħ tagħhom miżmuma fiż-żona fejn isir it-tilqim, ikun xi jkun is-sess, l-età u l-istatus produttiv jew ta’ ġestazzjoni tagħhom f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-manifattur.

Madankollu, fejn tkun ġiet ikkonfermata tifqigħa waħda biss tal-infezzjoni bl-LSDV f’annimali bovini miżmuma f’żona ta’ Stat Membru fejn dik il-marda ma kinitx preżenti qabel dik it-tifqigħa, u fejn il-miżuri mwettqa f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 juru li huma effettivi fil-kontroll tat-tixrid tal-marda, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li ma tistabbilixxix żona ristretta II.

2.   L-awtorità kompetenti tista’ tistabbilixxi żona ristretta I f’żoni fejn il-preżenza ta’ tifqigħa tal-infezzjoni bl-LSDV ma tkunx ġiet ikkonfermata sabiex jiġi evitat it-tixrid tagħha, f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2016/429. F’dik iż-żona ristretta I, l-awtorità kompetenti għandha twettaq tilqim kontra dik il-marda f’konformità mal-paragrafu 1, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu.

3.   L-awtorità kompetenti tal-Istati Membri li japplikaw it-tilqim kontra l-infezzjoni bl-LSDV għandha tipprovdi l-informazzjoni elenkata fl-Anness II, il-Parti III ta’ dan ir-Regolament lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra qabel ma jibdew it-tilqim u l-pjan ta’ tilqim imsemmi fil-paragrafu 1(b), il-punt (i).

Artikolu 4

Projbizzjonijiet ta’ movimenti fiż-żoni ristretti I u II

1.   L-awtorità kompetenti għandha tipprojbixxi l-movimenti tal-kunsinni li ġejjin fiż-żoni ristretti II:

(a)

annimali bovini;

(b)

prodotti ġerminali minn annimali bovini;

(c)

prodotti sekondarji mhux ipproċessati tal-annimali minn annimali bovini inkluż il-ħalib, il-kolostru, il-prodotti tal-ħalib u l-prodotti bbażati fuq il-kolostru maħsuba għall-għalf tal-annimali.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tipprojbixxi l-movimenti tal-kunsinni li ġejjin fiż-żoni ristretti I:

(a)

annimali bovini;

(b)

prodotti ġerminali minn annimali bovini;

(c)

prodotti sekondarji mhux ipproċessati tal-annimali minn annimali bovini għajr il-ħalib, il-kolostru, il-prodotti tal-ħalib u l-prodotti bbażati fuq il-kolostru maħsuba għall-għalf tal-annimali.

3.   B’derogi mill-projbizzjonijiet previsti fil-paragrafi 1 u 2, l-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza l-movimenti previsti fil-Kapitolu III f’konformità mal-kundizzjonijiet previsti fih.

TAQSIMA 2

Inklużjoni ta’ żoni ristretti I u II fl-Anness I

Artikolu 5

Inklużjoni taż-żona ristretta II fl-Anness I, Parti II

Meta, għal raġunijiet epidemjoloġiċi, żona ta’ Stat Membru koperta totalment jew parzjalment minn żona ristretta II stabbilita f’konformità mal-Artikolu 3(1) tkun inkluża fil-Parti II tal-Anness I, l-awtorità kompetenti għandha minnufih:

(a)

tadatta l-konfini taż-żona ristretta II inizjali biex tiżgura li tikkorrispondi għaż-żona ristretta II deskritta f’dak l-Anness;

(b)

testendi t-tilqim previst fl-Artikolu 3(1), il-punt (b), u l-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) għaż-żona ristretta II deskritta f’dak l-Anness.

Artikolu 6

Inklużjoni taż-żona ristretta I fl-Anness I, il-Parti I

1.   Meta, għal raġunijiet epidemjoloġiċi, żona ta’ Stat Membru fejn ma tkunx ġiet ikkonfermata tifqigħa tal-infezzjoni bl-LSDV tkun inkluża fil-Parti I tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2016/429, l-awtorità kompetenti għandha:

(a)

twettaq tilqim f’konformità mal-Artikolu 3(1), il-punt (b), fiż-żona ristretta I deskritta f’dak l-Anness;

(b)

timplimenta l-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2) fiż-żona ristretta I deskritta f’dak l-Anness.

2.   Meta l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li tistabbilixxi żona ristretta I f’konformità mal-Artikolu 3(2), dik iż-żona ristretta għandha tiġi inkluża fil-Parti I tal-Anness I.

KAPITOLU III

KUNDIZZJONIJIET GĦALL-MOVIMENTI FI ĦDAN U MINN ŻONI FEJN JIĠU APPLIKATI MIŻURI TA’ KONTROLL SPEĊJALI TAL-MARD KONTRA L-INFEZZJONI BIL-VIRUS TAL-MARDA TAL-INFAFET FIL-ĠILDA

TAQSIMA 1

Derogi mill-projbizzjonijiet fuq il-movimenti ta’ kunsinni ta’ annimali bovini miż-żoni ristretti I u II

Artikolu 7

Derogi mill-projbizzjoni fuq il-movimenti ta’ kunsinni ta’ annimali bovini miż-żona ristretta I

B’derogI mill-projbizzjoni prevista fil-punt (a) tal-Artikolu 4(2), l-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza movimenti ta’ kunsinni ta’ annimali bovini minn stabbilimenti li jinsabu fiż-żona ristretta I:

(a)

għal żoni ristretti I jew II tal-istess Stat Membru jew ta’ Stat Membru ieħor dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(i)

l-annimali bovini fil-kunsinna jridu jkunu tlaqqmu kontra l-infezzjoni bl-LSDV mill-inqas 28 jum qabel id-data tad-dispaċċ u jridu jibqgħu fil-perjodu ta’ immunità f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-manifattur tal-vaċċin f’dik id-data;

(ii)

l-annimali bovini l-oħra kollha miżmuma fl-istess stabbiliment tal-oriġini bħall-annimali bovini fil-kunsinna jridu jkunu tlaqqmu kontra l-infezzjoni bl-LSDV mill-inqas 28 jum qabel id-data tad-dispaċċ u jridu jibqgħu fil-perjodu ta’ immunità f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-manifattur tal-vaċċin f’dik id-data jew jibqgħu fil-perjodu ta’ immunità indott minn tilqim preċedenti jew minn immunità materna fid-data tad-dispaċċ;

(iii)

l-annimali bovini fil-kunsinna jridu jkunu nżammu fl-istabbiliment tal-oriġini tagħhom mit-twelid jew għal perjodu kontinwu ta’ mill-inqas 28 jum qabel id-data tad-dispaċċ; u

(iv)

l-awtorità kompetenti għandha twettaq:

eżami kliniku, b’riżultati favorevoli, tal-annimali bovini kollha miżmuma fl-istabbiliment tal-oriġini ta’ kunsinni bħal dawn, inklużi l-annimali bovini f’kunsinni bħal dawn;

jekk ikun meħtieġ, eżami fil-laboratorju, b’riżultati favorevoli, ta’ annimali bovini miżmuma fl-istabbiliment tal-oriġini ta’ kunsinni bħal dawn, inklużi l-annimali bovini f’kunsinni bħal dawn;

(b)

kwalunkwe destinazzjoni — inklużi żoni barra miż-żoni ristretti, żoni ristretti I oħra jew żoni ristretti II — fl-istess Stat Membru jew fi Stati Membri oħra, jekk, minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a)(ii), (iii) u (iv) ta’ dan l-Artikolu, jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(i)

l-annimali bovini fil-kunsinna jridu jkunu tlaqqmu kontra l-infezzjoni bl-LSDV mill-inqas 60 jum qabel id-data tad-dispaċċ u jibqgħu fil-perjodu ta’ immunità f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-manifattur tal-vaċċin fid-data tad-dispaċċ;

(ii)

f’raġġ ta’ mill-inqas 20 km madwar l-istabbiliment tal-oriġini ta’ kunsinni bħal dawn, ma kien hemm l-ebda tifqigħa tal-infezzjoni bl-LSDV matul perjodu ta’ mill-inqas tliet xhur qabel id-data tad-dispaċċ; u

(iii)

l-annimali bovini kollha miżmuma fil-50 kilometru madwar l-istabbiliment tal-oriġini tal-kunsinna jridu jkunu tlaqqmu jew tlaqqmu mill-ġdid kontra l-infezzjoni bl-LSDV mill-inqas 60 jum qabel id-data tad-dispaċċ u jibqgħu fil-perjodu ta’ immunità f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-manifattur tal-vaċċin f’dik id-data jew fi ħdan l-immunità materna tagħhom;

(c)

kwalunkwe destinazzjoni — inklużi żoni barra miż-żoni ristretti, żoni ristretti I oħra, żoni ristretti II — fi Stati Membri oħra jew f’territorji f’pajjiżi terzi, jekk, minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) ta’ dan l-Artikolu, jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

l-annimali jridu jikkonformaw ma’ kwalunkwe garanzija tas-saħħa tal-annimali, abbażi tal-eżitu favorevoli ta’ valutazzjoni tar-riskju ta’ miżuri kontra t-tixrid tal-infezzjoni bl-LSDV meħtieġa mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini u approvata mill-awtorità kompetenti tal-Istati Membri tad-destinazzjoni u tal-passaġġ, qabel id-data tad-dispaċċ;

(ii)

ma jrid ikun hemm l-ebda tifqigħa kkonfermata tal-infezzjoni bl-LSDV f’raġġ ta’ mill-inqas 20 km madwar l-istabbiliment tal-oriġini ta’ kunsinni bħal dawn għal perjodu ta’ mill-inqas tliet xhur qabel id-data tad-dispaċċ; u

(iii)

l-annimali bovini kollha miżmuma fil-50 kilometru madwar l-istabbiliment tal-oriġini tal-kunsinna jridu jkunu tlaqqmu jew tlaqqmu mill-ġdid kontra l-infezzjoni bl-LSDV mill-inqas 60 jum qabel id-data tad-dispaċċ u jibqgħu fil-perjodu ta’ immunità f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-manifattur tal-vaċċin f’dik id-data jew fi ħdan l-immunità materna tagħhom.

Artikolu 8

Derogi mill-projbizzjonijiet tal-movimenti ta’ kunsinni ta’ annimali bovini miż-żona ristretta II

B’derogi mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 4(1), il-punt (a), l-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza movimenti ta’ kunsinni ta’ annimali bovini minn stabbilimenti li jinsabu fiż-żona ristretta II għal:

(a)

kwalunkwe destinazzjoni, inklużi żoni barra miż-żoni ristretti, żoni ristretti I, żoni ristretti II oħra fl-istess Stat Membru u fi Stati Membri oħra, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(i)

l-annimali bovini fil-kunsinna jridu jikkonformaw ma’ kwalunkwe garanzija tas-saħħa tal-annimali, abbażi tal-eżitu favorevoli ta’ valutazzjoni tar-riskju ta’ miżuri kontra t-tixrid tal-infezzjoni bl-LSDV meħtieġa mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini u maqbula mal-awtorità kompetenti tal-Istati Membri tad-destinazzjoni jew tal-passaġġ, qabel id-data tad-dispaċċ;

(ii)

l-annimali bovini fil-kunsinna jridu jkunu tlaqqmu kontra l-infezzjoni bl-LSDV mill-inqas 28 jum qabel id-data tad-dispaċċ u jridu jibqgħu fil-perjodu ta’ immunità f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-manifattur tal-vaċċin f’dik id-data;

(iii)

l-annimali bovini l-oħra kollha miżmuma fl-istess stabbiliment tal-oriġini bħall-annimali bovini fil-kunsinna jridu jkunu tlaqqmu kontra l-infezzjoni bl-LSDV mill-inqas 28 jum qabel id-data tad-dispaċċ u jridu jibqgħu fil-perjodu ta’ immunità f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-manifattur tal-vaċċin f’dik id-data jew iridu jibqgħu fil-perjodu ta’ immunità indott minn tilqim preċedenti jew minn immunità materna f’dik id-data;

(iv)

l-awtorità kompetenti għandha twettaq:

eżami kliniku, b’riżultati favorevoli, tal-annimali bovini kollha miżmuma fl-istabbiliment tal-oriġini ta’ kunsinni bħal dawn, inklużi l-annimali bovini f’kunsinni bħal dawn;

jekk ikun meħtieġ, eżami fil-laboratorju, b’riżultati favorevoli, ta’ annimali bovini miżmuma fl-istabbiliment tal-oriġini ta’ kunsinni bħal dawn, inklużi l-annimali bovini f’kunsinni bħal dawn;

(v)

l-annimali bovini jridu jkunu ilhom residenti mit-twelid, jew għal perjodu ta’ mill-inqas 28 jum qabel id-data tad-dispaċċ, fi stabbiliment fejn, f’raġġ ta’ mill-inqas 20 km, ma tkun ġiet ikkonfermata l-ebda tifqigħa tal-infezzjoni bl-LSDV matul it-tliet xhur qabel id-data tad-dispaċċ;

(vi)

l-annimali bovini kollha fil-50 kilometru madwar l-istabbiliment tal-oriġini tal-kunsinna jridu jkunu tlaqqmu jew tlaqqmu mill-ġdid kontra l-infezzjoni bl-LSDV, f’konformità mar-regoli għall-pjanijiet ta’ tilqim stabbiliti fl-Anness II, mill-inqas 60 jum qabel id-data tad-dispaċċ u jridu jibqgħu fil-perjodu ta’ immunità f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-vaċċin mill-manifattur jew fi ħdan l-immunità materna tagħhom;

(b)

kwalunkwe destinazzjoni li tinsab f’żona ristretta II oħra tal-istess Stat Membru, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(i)

l-annimali bovini l-oħra kollha miżmuma fl-istabbiliment tal-oriġini ta’ kunsinni bħal dawn iridu jkunu tlaqqmu kontra l-infezzjoni bl-LSDV mill-inqas 28 jum qabel id-data tad-dispaċċ u jridu jibqgħu fil-perjodu ta’ immunità f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-manifattur tal-vaċċin f’dik id-data jew iridu jibqgħu fil-perjodu ta’ immunità indott minn tilqim preċedenti jew minn immunità materna f’dik id-data; u

(ii)

l-annimali bovini jridu jkunu tlaqqmu kontra l-infezzjoni bl-LSDV mill-inqas 28 jum qabel id-data tad-dispaċċ u jridu jibqgħu fil-perjodu ta’ immunità f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-manifattur tal-vaċċin f’dik id-data jew ikunu frieħ mhux imlaqqmin ta’ inqas minn erba’ xhur, imwielda minn ommijiet imlaqqma, mill-inqas 28 jum qabel it-twelid, li baqgħu fil-perjodu ta’ immunità skont il-manifattur tal-vaċċin fid-data tat-twelid, u jistgħu jiġu mċaqalqa lejn stabbiliment ieħor.

Artikolu 9

Kundizzjonijiet speċifiċi għall-awtorizzazzjoni ta’ movimenti ta’ kunsinni ta’ annimali bovini miż-żoni ristretti I u II lejn biċċerija barra minn dawk iż-żoni, li tkun tinsab fit-territorju tal-istess Stat Membru għall-fini ta’ tbiċċir immedjat

B’derogi mill-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2), il-punt (a), u fl-Artikolu 4(1), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tista’ tawtorizza movimenti ta’ kunsinni ta’ annimali bovini miż-żoni ristretti I u II lejn biċċerija barra minn dawk iż-żoni, li tkun tinsab fit-territorju tal-istess Stat Membru, dment li l-annimali bovini jiġu mċaqalqa għall-fini ta’ tbiċċir immedjat f’konformità mal-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 28(2) sa (5) u fl-Artikolu 28(7) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

Artikolu 10

Derogi mill-projbizzjoni fuq il-movimenti ta’ kunsinni ta’ semen, ta’ ova u ta’ embrijuni ta’ annimali bovini miż-żoni ristretti I u II

1.   B’derogi mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 4(2), il-punt (b), l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tawtorizza l-movimenti ta’ kunsinni ta’ semen, ta’ ova u ta’ embrijuni ta’ annimali bovini, minn stabbilimenti approvati ta’ prodotti ġerminali jew stabbilimenti oħra li jinsabu fiż-żona ristretta I lejn:

(a)

iż-żoni ristretti I jew II tal-istess Stat Membru dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(i)

l-annimali donaturi kienu jew:

tlaqqmu u tlaqqmu mill-ġdid kontra l-infezzjoni bl-LSDV skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur tat-tilqima li ntużat, u l-ewwel tilqima trid tkun ingħatat mill-inqas 60 jum qabel id-data tal-ġbir tas-semen, tal-ova jew tal-embrijuni; jew

soġġetti għal test seroloġiku biex jiġu identifikati antikorpi speċifiċi kontra l-LSDV fil-jum tal-ġbir u mill-inqas 28 jum wara l-perjodu tal-ġbir fir-rigward tas-semen jew fil-jum tal-ġbir fir-rigward tal-embrijuni u tal-ova, b’riżultati negattivi;

(ii)

l-annimali donaturi nżammu, matul is-60 jum qabel id-data tal-ġbir tas-semen, tal-ova jew tal-embrijuni, f’ċentru ta’ inseminazzjoni artifiċjali jew fi stabbiliment xieraq ieħor fejn, f’raġġ ta’ mill-inqas 20 km, ma tkun ġiet ikkonfermata l-ebda tifqigħa tal-infezzjoni bl-LSDV matul it-tliet xhur qabel id-data tal-ġbir tas-semen, tal-ova jew tal-embrijuni;

(iii)

l-annimali donaturi ġew klinikament iċċekkjati 28 jum qabel id-data tal-ġbir, kif ukoll tul il-perjodu tal-ġbir kollu, u ma wrew l-ebda sintomu kliniku tal-infezzjoni bl-LSDV;

(b)

kwalunkwe destinazzjoni li tinsab f’żona ristretta I jew II oħra ta’ Stat Membru ieħor, dment li, minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a), jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(i)

l-annimali donaturi kienu soġġetti għall-identifikazzjoni tal-LSDV b’reazzjoni katina bil-polimerażi (PCR) imwettqa fuq kampjuni tad-demm miġbura fil-bidu tal-ġbir tas-semen, tal-ova jew tal-embrijun u mill-inqas kull 14-il jum wara dan, matul il-perjodu tal-ġbir tas-semen jew fil-jum tal-ġbir tal-embrijuni u tal-ova, b’riżultati negattivi;

(ii)

is-semen kien soġġett għal detezzjoni tal-LSDV permezz ta’ PCR b’riżultati negattivi;

(c)

kwalunkwe destinazzjoni li tinsab fl-istess Stat Membru jew fi Stat Membru ieħor jew f’każ taż-żona ristretta I, f’pajjiż terz dment li, minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a), l-annimali donaturi jikkonformaw ma’ kwalunkwe garanzija xierqa oħra tas-saħħa tal-annimali, abbażi ta’ eżitu pożittiv ta’ valutazzjoni tar-riskju tal-impatt ta’ tali dispaċċ u tal-miżuri kontra t-tixrid tal-infezzjoni bl-LSDV, meħtieġa mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-istabbiliment tal-oriġini u approvata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-postijiet tal-passaġġ u tad-destinazzjoni, qabel ma jintbagħtu dawn is-semen, l-ova jew l-embrijuni.

2.   B’derogi mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 4(1), il-punt (b), l-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza movimenti ta’ kunsinni ta’ semen, ta’ ova u ta’ embrijuni ta’ annimali bovini, minn stabbilimenti approvati ta’ prodotti ġerminali jew minn stabbilimenti oħra li jinsabu fiż-żona ristretta II lejn kwalunkwe destinazzjoni li tinsab f’żona ristretta II oħra tal-istess Stat Membru.

Artikolu 11

Derogi mill-projbizzjoni fuq il-movimenti ta’ prodotti sekondarji ta’ annimali mhux ipproċessati minn annimali bovini miż-żoni ristretti I

B’deroga mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 4(2), il-punt (c), l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tawtorizza movimenti ta’ kunsinni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali mhux ipproċessati minn annimali bovini minn stabbilimenti li jinsabu fiż-żona ristretta I lejn:

(a)

kwalunkwe destinazzjoni li tinsab fl-istess Stat Membru jew lejn kwalunkwe destinazzjoni li tinsab fiż-żoni ristretti I jew II fi Stat Membru ieħor;

(b)

fil-każ ta’ kunsinni ta’ ġlud, kwalunkwe destinazzjoni li tinsab fi kwalunkwe żona tal-istess Stat Membru jew ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż terz dment li tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

il-ġlud ittrattati jkunu ġew soġġetti għal wieħed mit-trattamenti msemmija fil-punt 28(b) sa (e) tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (10); jew

(ii)

il-ġlud ittrattati jkunu ġew soġġetti għal wieħed mit-trattamenti stabbiliti fit-Taqsima XIV, il-Kapitolu I, il-punt (4)(b)(ii) tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), u jkunu għaddew mill-prekawzjonijiet kollha biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni mill-ġdid b’aġenti patoġeniċi wara t-trattament.

Artikolu 12

Deroga mill-projbizzjoni fuq il-movimenti ta’ kunsinni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali mhux ipproċessati minn annimali bovini miż-żoni ristretti II

B’deroga mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 4(1), il-punt (c), l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tawtorizza movimenti ta’ kunsinni ta’ prodotti sekondarji mhux ipproċessati tal-annimali minn annimali bovini minn stabbilimenti li jinsabu fiż-żona ristretta II lejn:

(a)

fil-każ ta’ prodotti sekondarji mhux ipproċessati tal-annimali għajr il-ġlud, kwalunkwe destinazzjoni li tinsab fl-istess Stat Membru jew kwalunkwe destinazzjoni li tinsab fiż-żoni ristretti I jew II ta’ Stat Membru ieħor dment li l-prodotti sekondarji mhux ipproċessati tal-annimali jintbagħtu taħt is-superviżjoni uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti għall-ipproċessar jew għar-rimi f’impjant approvat f’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12);

(b)

fil-każ ta’ ġlud ta’ annimali bovini:

(i)

kwalunkwe destinazzjoni li tinsab fiż-żona ristretta II tal-istess Stat Membru jew ta’ Stat Membru ieħor dment li jkunu ġlud mhux maħduma u mhux ittrattati maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew ġlud mhux ittrattati mibgħuta taħt is-superviżjoni uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti għall-ipproċessar jew għar-rimi f’impjant approvat;

(ii)

kwalunkwe destinazzjoni li tinsab fl-istess Stat Membru jew ta’ Stat Membru ieħor dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11, il-punt (b);

(c)

fil-każ tal-kolostru, tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, kwalunkwe destinazzjoni li tinsab fi kwalunkwe żona tal-istess Stat Membru jew ta’ Stat Membru ieħor dment li jkunu ġew soġġetti għal trattament ta’ mitigazzjoni tar-riskju għall-infezzjoni bl-LSDV, kif stabbilit fl-Anness VII tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

TAQSIMA 2

Obbligi fuq l-operaturi fir-rigward taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali

Artikolu 13

Obbligi tal-operaturi fir-rigward taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti ta’ kunsinni ta’ annimali bovini miż-żoni ristretti I u II barra minn dawk iż-żoni

L-operaturi għandhom iċaqilqu biss kunsinni ta’ annimali bovini miż-żoni ristretti I u II barra minn dawk iż-żoni fi ħdan l-istess Stat Membru jew lejn Stat Membru ieħor fil-każijiet koperti mill-Artikoli 7, 8 u 9 ta’ dan ir-Regolament jekk l-annimali li għandhom jiġu mċaqalqa jkunu akkumpanjati biċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali kif previst fl-Artikolu 73 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/688 (13) li jkun fih mill-inqas waħda mill-attestazzjonijiet ta’ konformità li ġejjin mar-rekwiżiti previsti f’dan ir-Regolament:

(a)

“Annimali bovini miż-żona ristretta f’konformità mal-miżuri ta’ kontroll speċjali kontra l-infezzjoni bl-LSDV stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1070.”;

(b)

“Annimali bovini miż-żona ristretta II f’konformità mal-miżuri ta’ kontroll speċjali kontra l-infezzjoni bl-LSDV stabbiliti fl-Artikolu 8 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1070.”;

(c)

“Annimali bovini minn żona ristretta I jew II f’konformità mal-miżuri ta’ kontroll speċjali kontra l-infezzjoni bl-LSDV stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1070.”;

Madankollu, fil-każ ta’ movimenti ta’ kunsinni msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu fl-istess Stat Membru kkonċernat, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li ċertifikat tas-saħħa tal-annimali ma għandux għalfejn jinħareġ kif imsemmi fl-Artikolu 143(2), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE) 2016/429.

Artikolu 14

Obbligi tal-operaturi fir-rigward taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti ta’ kunsinni ta’ prodotti ġerminali miksuba minn annimali bovini minn stabbilimenti li jinsabu fiż-żoni ristretti I u II barra minn dawk iż-żoni

L-operaturi għandhom iċaqilqu biss kunsinni ta’ prodotti ġerminali miksuba minn annimali bovini miż-żoni ristretti I u II barra minn dawk iż-żoni fl-istess Stat Membru jew lejn Stat Membru ieħor f’konformità mal-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament, jekk dawk il-kunsinni jkunu akkumpanjati b’ċertifikat tas-saħħa tal-annimali kif previst fl-Artikolu 161(4) tar-Regolament (UE) 2016/429 li jkun fih mill-inqas waħda mill-attestazzjonijiet ta’ konformità li ġejjin mar-rekwiżiti previsti f’dan ir-Regolament:

(a)

“Prodotti ġerminali … (semen, ova u/jew embrijuni, indika kif xieraq) miksuba minn annimali bovini fiż-żona ristretta I f’konformità ma’ miżuri speċjali ta’ kontroll kontra l-infezzjoni bl-LSDV kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1070.”;

(b)

“Prodotti ġerminali … (semen, ova u/jew embrijuni, indika kif xieraq) miksuba minn annimali bovini miżmuma fiż-żona ristretta II f’konformità ma’ miżuri speċjali ta’ kontroll kontra l-infezzjoni bl-LSDV kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1070.”.

Madankollu, fil-każ ta’ movimenti ta’ kunsinni msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu fl-istess Stat Membru, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li ċertifikat tas-saħħa tal-annimali ma għandux għalfejn jinħareġ kif imsemmi fl-Artikolu 161(2), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE) 2016/429.

Artikolu 15

Obbligi tal-operaturi fir-rigward taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti ta’ kunsinni ta’ prodotti sekondarji mhux ipproċessati tal-annimali minn annimali bovini miż-żoni ristretti I u II barra minn dawk iż-żoni

L-operaturi għandhom iċaqilqu biss kunsinni ta’ prodotti sekondarji mhux ipproċessati tal-annimali minn annimali bovini miż-żoni ristretti I u II barra minn dawk iż-żoni fl-istess Stat Membru jew lejn Stat Membru ieħor fil-każijiet koperti mill-Artikoli 12, jekk dawk il-kunsinni jkunu akkumpanjati minn:

(a)

dokument kummerċjali msemmi fl-Anness VIII, il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 142/2011; u

(b)

ċertifikat tas-saħħa tal-annimali msemmi fl-Artikolu 22(5) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687;

Madankollu, fil-każ ta’ movimenti tal-kunsinni msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu fl-istess Stat Membru, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li ċertifikat tas-saħħa tal-annimali ma għandux jinħareġ kif imsemmi fl-Artikolu 22(6) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

TAQSIMA 3

Kundizzjonijiet speċifiċi għall-awtorizzazzjoni tal-movimenti ta’ kunsinni ta’ annimali bovini miżmuma fiż-żoni ristretti I u II barra minn dawk iż-żoni u l-proċeduri ta’ indirizzar

Artikolu 16

Kundizzjonijiet ġenerali addizzjonali relatati mal-mezzi tat-trasport użati għall-moviment ta’ kunsinni ta’ annimali bovini u prodotti sekondarji mhux ipproċessati tal-annimali miż-żoni ristretti I u II barra minn dawk iż-żoni

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha tawtorizza biss movimenti ta’ kunsinni ta’ annimali bovini u ta’ prodotti sekondarji mhux ipproċessati tal-annimali miż-żoni ristretti I u II barra minn dawk iż-żoni jekk il-mezzi tat-trasport użati għall-moviment ta’ dawk il-kunsinni:

(a)

fil-każ tat-trasport ta’ annimali bovini, il-mezz tat-trasport:

(i)

jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687; u

(ii)

jitnaddaf u jiġi ddiżinfettat f’konformità mal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 taħt il-kontroll jew is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru;

(b)

tinkludi biss annimali jew prodotti sekondarji mhux ipproċessati tal-annimali jew ġlud mhux ittrattati tal-istess status tas-saħħa.

Artikolu 17

Obbligi tal-awtorità kompetenti tal-istabbiliment tal-oriġini li jikkonċernaw proċeduri ta’ indirizzar

1.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-istabbiliment tal-oriġini għandha tistabbilixxi proċedura ta’ twassil, taħt il-kontroll tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-postijiet tal-oriġini, tal-passaġġ u tad-destinazzjoni għall-movimenti ta’ kunsinni ta’ annimali bovini jew ta’ prodotti sekondarji mhux ipproċessati tal-annimali koperti mid-derogi previsti fl-Artikoli 8, 9 u 12 meta d-destinazzjoni tkun tinsab fi Stat Membru ieħor (“il-proċedura ta’ indirizzar”).

2.   L-awtorità kompetenti tal-istabbiliment tal-oriġini għandha tiżgura li:

(a)

kull mezz ta’ trasport, li jintuża għall-moviment tal-kunsinni ta’ annimali bovini jew ta’ prodotti sekondarji mhux ipproċessati tal-annimali msemmija fil-paragrafu 1, ikun ġie rreġistrat individwalment, mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-istabbiliment tal-oriġini għall-fini tat-trasport jew ta’ annimali bovini jew ta’ prodotti sekondarji mhux ipproċessati tal-annimali permezz tal-proċedura ta’ indirizzar, u jkun:

issiġillat mill-veterinarju uffiċjali wara t-tagħbija għad-dispaċċ. Uffiċjal tal-awtorità kompetenti tal-post tad-destinazzjoni biss jista’ jkisser is-siġill u jissostitwih b’wieħed ġdid; kull tagħbija jew sostituzzjoni tas-siġilli trid tiġi nnotifikata lill-awtorità kompetenti fil-post tad-destinazzjoni, jew

tkun individwalment akkumpanjata minn sistema ta’ navigazzjoni bis-satellita biex tiddetermina, tittrażmetti u tirreġistra l-post tal-ħin reali tagħha.

(b)

it-trasport iseħħ:

(i)

taħt is-superviżjoni ta’ veterinarju uffiċjali;

(ii)

direttament, mingħajr waqfien sakemm ma jkunx hemm perjodu ta’ mistrieħ meħtieġ mill-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 (14) f’post ta’ kontroll;

Meta jkun previst perjodu ta’ mistrieħ ta’ jum jew aktar f’post ta’ kontroll matul il-moviment tal-kunsinna minn żona ristretta II, l-annimali għandhom ikunu protetti kontra attakki minn vetturi;

(iii)

fuq ir-rotta li tkun ġiet awtorizzata mill-awtorità kompetenti fil-post tal-oriġini.

3.   Għall-finijiet tal-indirizzar, l-awtorità kompetenti tal-istabbiliment tal-oriġini għandha, qabel l-ewwel dispaċċ ta’ kunsinna miż-żoni ristretti I jew II li minnhom isseħħ proċedura ta’ indirizzar, jiżguraw li l-arranġamenti meħtieġa jkunu fis-seħħ mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-postijiet tal-passaġġ u tad-destinazzjoni u mal-operaturi sabiex jiżguraw:

(a)

li jkun sar ftehim fuq il-pjan ta’ emerġenza;

(b)

il-linja ta’ kmand u l-kooperazzjoni sħiħa tas-servizzi u tal-operaturi fil-każ ta’ aċċidenti matul it-trasport, disturb kbir fil-mezzi tat-trasport jew kwalunkwe mġiba frawdolenti;

(c)

notifika immedjata mill-operaturi lill-awtorità kompetenti dwar kwalunkwe aċċident jew ħsara kbira fil-mezzi tat-trasport.

Artikolu 18

Obbligi tal-awtorità kompetenti tal-post tad-destinazzjoni dwar il-proċeduri ta’ indirizzar

L-awtorità kompetenti tal-post tad-destinazzjoni, wara proċedura ta’ indirizzar, għandha:

(a)

tikkonferma kull wasla lill-awtorità kompetenti tal-post tal-oriġini;

(b)

tiżgura li l-annimali bovini jibqgħu fl-istabbiliment tad-destinazzjoni għal mill-inqas it-tul tal-perjodu ta’ monitoraġġ għall-infezzjoni bl-LSDV stabbilit fl-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, ħlief meta l-istabbiliment tad-destinazzjoni jkun biċċerija;

(c)

tiżgura li wara l-ħatt tal-annimali bovini, jew tal-prodotti sekondarji mhux ipproċessati tal-annimali, il-mezz tat-trasport u kwalunkwe tagħmir ieħor li jkun intuża fit-trasport tal-annimali bovini jew tal-prodotti sekondarji mhux ipproċessati tal-annimali jitnaddfu, jiġu diżinfettati u ttrattati b’insettiċidi awtorizzati li jkunu effettivi kontra vetturi magħrufa tal-infezzjoni bl-LSDV fl-intier tagħhom f’żona magħluqa tal-post tad-destinazzjoni taħt is-superviżjoni ta’ veterinarju uffiċjali.

Artikolu 19

Obbligi tal-Istat Membru tal-post tal-oriġini tal-kunsinni ta’ annimali bovini, ta’ prodotti ġerminali jew ta’ prodotti sekondarji mhux ipproċessati tal-annimali dwar informazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri għal derogi mogħtija abbażi ta’ valutazzjonijiet tar-riskju

Meta l-awtorità kompetenti tawtorizza movimenti ta’ kunsinni ta’ annimali bovini jew ta’ prodotti ġerminali abbażi tal-eżitu favorevoli ta’ valutazzjoni tar-riskju ta’ miżuri kontra t-tixrid tal-infezzjoni bl-LSDV, kif imsemmi fl-Artikoli 7, 8 jew 10, l-Istat Membru tal-post tal-oriġini għandu jinforma minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar il-garanziji tas-saħħa tal-annimali, u dwar l-approvazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-post tal-istabbiliment tad-destinazzjoni.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ u data ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika sal-21 ta’ April 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  OIE – Mard elenkat, infezzjonijiet u infestazzjonijiet fis-seħħ fl-2021. OIE - Terrestrial Animal Health Code, Twenty-eighth edition, 2019, ISBN 978-92-95108-85-1 (https://www.oie.int/en/animal-health-in-the-world/oie-listed-diseases-2021/).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2008 tal-15 ta’ Novembru 2016 dwar miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali fir-rigward tal-marda tal-infafet fil-ġilda f’ċerti Stati Membri (ĠU L 310, 17.11.2016, p. 51).

(6)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(7)  EFSA Journal 2020; 18(2):6010.

(8)  OIE — Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri (2019). OIE — Terrestrial Animal Health Code, Twenty-eighth edition, 2019, ISBN 978-92-95108-85-1 (www.oie.int/en/standard-setting/terrestrial-code/access-online/).

(9)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/686 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-approvazzjoni ta’ stabbilimenti tal-prodotti ġerminali u r-rekwiżiti tat-traċċabbiltà u tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti fl-Unjoni tal-prodotti ġerminali ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 1).

(10)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55).

(12)  Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).

(13)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/688 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti fl-Unjoni ta’ annimali terrestri u bajd għat-tifqis (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 140).

(14)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li temenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97, (ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1).


ANNESS I

ŻONI RISTRETTI I U II

(kif stipulati fl-Artikolu 3)

PARTI I

Żona ristretta I

1.   Il-Bulgarija:

It-territorju sħiħ tal-Bulgarija

2.   Il-Greċja:

A.

Ir-reġjuni li ġejjin fil-Greċja:

Ir-reġjun ta’ Attica

Ir-reġjun tal-Greċja Ċentrali

Ir-reġjun tal-Maċedonja Ċentrali

Ir-reġjun ta’ Kreta

Ir-reġjun tal-Maċedonja tal-Lvant u ta’ Thrace

Ir-reġjun ta’ Epirus

Ir-reġjun tal-Gżejjer Jonji, għajr l-unità reġjonali ta’ Kerkyra

Ir-reġjun tal-Eġew tat-Tramuntana, għajr l-unità reġjonali ta’ Limnos

Ir-reġjun ta’ Peloponnese

Ir-reġjun tal-Eġew tan-Nofsinhar

Ir-reġjun ta’ Thessaly

Ir-reġjun tal-Greċja tal-Lvant

Ir-reġjun tal-Maċedonja tal-Lvant

B.

L-unitajiet reġjonali fil-Greċja li ġejjin:

L-unità reġjonali ta’ Limnos

L-unità reġjonali ta’ Kerkyra

PARTI II

Żona ristretta II

L-ebda


ANNESS II

REGOLI GĦALL-PJANIJIET TAT-TILQIM LI JIKKONĊERNAW L-INFEZZJONI BIL-VIRUS TAL-MARDA TAL-INFAFET FIL-ĠILDA

(kif stipulati fl-Artikolu 3)

PARTI I

Informazzjoni li trid tiġi inkluża fil-pjan tat-tilqim kif stipulat fl-Artikolu 3

Meta Stat Membru jwettaq it-tilqim kontra l-infezzjoni bl-LSDV, tali tilqim għandu jitwettaq f’konformità ma’ pjan tat-tilqim li jkun fih mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

id-deskrizzjoni u r-riżultati tal-valutazzjoni mwettqa f’konformità mal-kriterji stipulati fl-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) 2016/429, inkluż is-sitwazzjoni epidemjoloġika u informazzjoni rilevanti oħra użata bħala bażi għall-valutazzjoni;

(b)

l-objettivi u l-miri ewlenin bl-istrateġija magħżula tat-tilqim u l-pjan tat-tilqim;

(c)

id-deskrizzjoni ġeografika dettaljata taż-żona tat-tilqim fejn jitwettaq it-tilqim u l-post tal-istabbilimenti li jżommu l-annimali bovini li jridu jitlaqqmu, inkluż il-mapep;

(d)

l-awtoritajiet responsabbli li jagħtu t-tilqima lill-annimali bovini;

(e)

is-sistema ta’ superviżjoni tal-amministrazzjoni tat-tilqima;

(f)

l-għadd ta’ stabbilimenti li għandhom annimali bovini li jinsabu fiż-żona ristretta u l-għadd ta’ stabbilimenti li jridu jitlaqqmu, jekk differenti;

(g)

l-għadd stmat tal-annimali bovini li jridu jitlaqqmu, il-kategoriji u l-etajiet tagħhom;

(h)

id-durata maħsuba tat-tilqim, mill-bidu tat-tilqim sa tmiem is-sorveljanza mwettqa wara t-tilqim;

(i)

it-taqsira tal-karatteristiċi tat-tilqim, inkluż isem il-prodott u isem il-manifattur u r-rotot tal-amministrazzjoni;

(j)

indika jekk it-tilqima hijiex tintuża f’konformità mal-Artikolu 110(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1);

(k)

il-metodi biex tiġi vvalutata l-effettività tat-tilqim;

(l)

ir-regoli dwar l-iġjene u l-bijosigurtà li jridu jiġu applikati;

(m)

is-sistema taż-żamma tar-rekords dwar it-tilqim;

(n)

aspetti oħra ta’ rilevanza għas-sitwazzjoni speċifika.

PARTI II

Rekwiżiti minimi għall-pjanijiet tat-tilqim tal-infezzjoni bl-LSDV kif stipulat fl-Artikolu 3

Il-pjanijiet tat-tilqim kontra l-infezzjoni bl-LSDV għandhom ikunu f’konformità mar-rekwiżiti tekniċi li ġejjin:

(a)

it-tilqim tal-annimali bovini kollha indipendentement mis-sess, mill-età, mill-istatus produttiv jew ta’ ġestazzjoni fi ħdan iż-żoni ristretti I u II fejn it-tilqim jrid jiġi implimentat;

(b)

it-tilqim tal-frieħ tal-annimali bovini mlaqqma li għandhom aktar minn erba’ xhur f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-manifattur tat-tilqima użata;

(c)

it-tilqim mill-ġdid tal-annimali bovini kollha f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-manifattur;

(d)

id-dħul tad-dettalji mill-awtorità kompetenti għal kull annimal bovin imlaqqam fil-bażi tad-data online apposta li hija konnessa mal-bażi tad-data ċentrali stabbilita f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) Nru 2019/2035 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2);

(e)

l-istabbiliment ta’ żona ta’ sorveljanza usa’ ta’ mill-anqas 20 km madwar iż-żoni ristretti I u II fejn isir it-tilqim, li fiha għandha ssir sorveljanza intensifikata u fejn il-moviment tal-annimali bovini għandu jkun soġġett għal kontrolli mill-awtorità kompetenti;

(f)

il-kopertura tat-tilqim ta’ mill-inqas 95 % tal-merħliet li jirrappreżentaw mill-inqas 75 % tal-popolazzjoni tal-annimali bovini.

PARTI III

Informazzjoni preliminarja li trid tiġi pprovduta lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra qabel ma jibda t-tilqim kif stipulat fl-Artikolu 3, il-punt 3

L-Istati Membri li japplikaw it-tilqim kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra qabel jibda t-tilqim:

(a)

ġustifikazzjoni qasira biex jinbeda t-tilqim;

(b)

l-ispeċijiet tal-annimali bovini li jridu jitlaqqmu;

(c)

l-għadd stmat tal-annimali bovini li jridu jitlaqqmu;

(d)

id-durata stmata tat-tilqim;

(e)

it-tip u l-isem kummerċjali tat-tilqima applikata li jindikaw jekk it-tilqima tridx tintuża f’konformità mal-Artikolu 110(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2019/6;

(f)

deskrizzjoni taż-żona stmata tat-tilqim.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar prodotti mediċinali veterinarji u li jħassar id-Direttiva 2001/82/KE (ĠU L 4, 7.1.2019, p. 43).

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 tat-28 ta’ Ġunju 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-istabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri u l-imfaqas, u t-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 115).


30.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 230/28


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1071

tad-29 ta’ Ġunju 2021

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/442 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/521 relatati mal-mekkaniżmu li jagħmel ċerti prodotti soġġetti għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/479 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-esportazzjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-30 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/111 (2) li jagħmel l-esportazzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19 kif ukoll tas-sustanzi attivi, inklużi banek ta’ ċelloli prinċipali u ċelloli operatorji, użati għall-manifattura ta’ dawn it-tilqimiet, soġġetti għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/479, għal perjodu ta’ sitt ġimgħat. Wara dan, fit-12 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/442 (3) li jagħmel l-esportazzjoni tal-istess prodotti soġġetta għal awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni sat-30 ta’ Ġunju 2021, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2015/479.

(2)

Fl-24 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/521 (4) li jintroduċi, bħala fattur addizzjonali li jrid jitqies fil-kunsiderazzjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni, il-ħtieġa li jittieħed kont dwar jekk din l-awtorizzazzjoni tkunx ta’ theddida fuq is-sigurtà tal-provvista tal-prodotti koperti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/442 fl-Unjoni. Bl-istess Regolament, il-Kummissjoni ddeċidiet dwar sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni ta’ ċerti pajjiżi ta’ destinazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/442.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/521 ġie adottat skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/479 u japplika għal mhux aktar minn sitt ġimgħat. Il-miżuri introdotti minn dan ir-Regolament ġew sussegwentement estiżi sat-30 ta’ Ġunju 2021 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/734 (5).

(4)

Sadanittant, il-kapaċità tal-produzzjoni tat-tilqim fl-Unjoni żdiedet, u dan irriżulta f’żieda fil-konsenji tad-dożi tat-tilqim kontra l-COVID-19 fl-Unjoni. Dan wassal għal aċċellerazzjoni tal-kampanja ta’ tilqim fl-Unjoni.

(5)

Madankollu, din il-kampanja ta’ tilqim għadha għaddejja u għad hemm inċertezzi, b’mod partikolari bl-emerġenza ta’ varjanti ġodda tal-virus COVID-19. Għalhekk hemm ħtieġa kontinwa għat-trasparenza tal-kunsinni tal-esportazzjoni u l-provvisti tal-Unjoni.

(6)

Għadu jippersisti wkoll ir-riskju li l-esportazzjonijiet jheddu jew l-eżekuzzjoni tal-Ftehimiet ta’ Xiri bil-Quddiem bejn l-Unjoni u l-manifatturi tat-tilqim jew is-sigurtà tal-provvisti tal-Unjoni tat-tilqim kontra l-COVID-19 u s-sustanzi attivi tagħhom.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li l-miżuri introdotti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/442 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/521 jibqgħu japplikaw sat-30 ta’ Settembru 2021. Għalhekk dawn ir-Regolamenti jenħtieġ jiġu emendati skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2015/479,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/442, it-tieni paragrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Għandu japplika sat-30 ta’ Settembru 2021.”.

Artikolu 2

Fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/521, it-tieni paragrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Għandu japplika sat-30 ta’ Settembru 2021.”.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 83, 27.3.2015, p. 34.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/111 tad-29 ta’ Jannar 2021 li jagħmel l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti soġġetta għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni (ĠU L 31 I, 30.1.2021, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/442 tal-11 ta’ Marzu 2021 li jagħmel l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti soġġetta għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni (ĠU L 85, 12.3.2021, p. 190).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/521 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jagħmel arranġamenti speċifiċi għall-mekkaniżmu li jagħmel l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti soġġetta għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni (ĠU L 104, 25.3.2021, p. 52).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/734 tal-5 ta’ Mejju 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/521 li jagħmel arranġamenti speċifiċi għall-mekkaniżmu li jagħmel l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti soġġetta għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni (ĠU L 158, 6.5.2021, p. 13).


DEĊIŻJONIJIET

30.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 230/30


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1072

tat-28 ta’ Ġunju 2021

dwar deroga temporanja mid-Deċiżjoni 2013/471/UE dwar l-għoti ta’ allowances ta’ kuljum u r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u s-supplenti tagħhom fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ vvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 301 tiegħu,

Billi:

(1)

Minn meta faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19, il-miżuri straordinarji ta’ prevenzjoni u ta’ trażżin meħuda mill-Istati Membri, bħall-kwarantina, l-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ xogħol mill-bogħod, kif ukoll restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq il-moviment u l-ivvjaġġar, għamluha impossibbli jew diffiċli ħafna għall-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (“il-Kumitat”) u s-supplenti tagħhom (li flimkien jissejħu “il-benefiċjarji”) biex jivvjaġġaw bil-ħsieb li jattendu l-laqgħat fiżikament.

(2)

Fid-dawl ta’ dawk iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, u sabiex jiġi ggarantit li l-attivitajiet tal-Kumitat jistgħu jseħħu b’mod xieraq u sostenibbli f’kull ħin biex tiġi żgurata l-kontinwità istituzzjonali, jeħtieġ li jkun hemm deroga temporanja mill-Artikoli 2, 3 u 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/471/UE (1) fir-rigward tal-ħlas ta’ allowances ta’ kuljum u r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar lill-benefiċjarji. Jenħtieġ li din id-deroga tapplika biss għall-perijodu ta’ diffikultajiet tal-ivvjaġġar jew restrizzjonijiet sanitarji li jippersistu għal laqgħat fiżiċi kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni.

(3)

L-ispejjeż amministrattivi reali mġarrba minn benefiċjarju li jattendi laqgħa mill-bogħod b’mezzi elettroniċi huma aktar baxxi mir-rata tal-allowances ta’ kuljum attwalment applikabbli għall-attendenza ta’ laqgħat bi preżenza fiżika, filwaqt li l-ħin li jitqatta’ minn benefiċjarju jibqa’ l-istess. Għalhekk huwa xieraq li l-allowance ta’ kuljum imħallas lill-benefiċjarji li jattendu laqgħat mill-bogħod b’mezzi elettroniċi jiġi adattat kif xieraq.

(4)

Fejn xieraq, jenħtieġ li jiġu stabbiliti mill-Kumitat regoli dettaljati relatati mal-għoti tal-allowance ta’ kuljum għall-attendenza mill-bogħod. Jenħtieġ li dawk ir-regoli b’mod partikolari jidentifikaw il-każijiet li fihom diffikultajiet tal-ivvjaġġar b’rabta mal-COVID-19 jew ma’ miżuri restrittivi relatati jikkompromettu l-possibbiltà li jiġu organizzati jew li jkun hemm attendenza b’mod fiżiku għal-laqgħat.

(5)

Jenħtieġ li l-Kumitat jippreżenta lill-Kunsill rapporti regolari dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sabiex il-Kunsill ikun jista’ jevalwa l-impatt tagħha u l-eżistenza li tippersisti tal-kondizzjonijiet li jiġġustifikaw id-deroga. Abbażi ta’ dawk ir-rapporti, jenħtieġ li l-Kunsill jikkunsidra l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa, b’mod partikolari fil-qafas ta’ reviżjoni komprensiva futura tad-Deċiżjoni 2013/471/UE, li għandha titwettaq qabel it-tmiem tal-mandat attwali tal-Kumitat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikoli 2, 3 u 4 tad-Deċiżjoni 2013/471/UE, fejn miżuri restrittivi relatati mal-COVID-19 jikkompromettu l-possibbiltà li tiġi organizzata jew li jkun hemm attendenza b’mod fiżiku għal laqgħa, il-benefiċjarji li jattendu l-laqgħa mill-bogħod b’mezzi elettroniċi għandhom ikunu intitolati biss għal allowance ta’ kuljum stabbilit għal EUR 145.

Artikolu 2

Il-Kumitat għandu jadotta dispożizzjonijiet dettaljati li jimplimentaw l-Artikolu 1 sat-2 ta’ Settembru 2021.

Artikolu 3

Sat-2 ta’ Jannar 2022 u kull sitt xhur wara, il-Kumitat għandu jippreżenta lill-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u partikolarment dwar l-impatt baġitarju tagħha kif ukoll dwar l-eżistenza li tippersisti ta’ diffikultajiet tal-ivvjaġġar b’rabta mal-COVID-19 jew ma’ miżuri restrittivi relatati li jikkompromettu l-possibbiltà li jiġu organizzati jew li jkun hemm attendenza b’mod fiżiku għal-laqgħat.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-28 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

M. do C. ANTUNES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/471/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar l-għoti ta’ allowances ta’ kuljum u r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u s-supplenti tagħhom (ĠU L 253, 25.9.2013, p. 22).


30.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 230/32


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1073

tat-28 ta’ Ġunju 2021

li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi u regoli għall-implimentazzjoni tal-qafas ta’ fiduċja għaċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1) u (3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/953 jistabbilixxi ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE li għandu l-għan iservi ta’ prova li persuna tkun irċeviet it-tilqima kontra l-COVID-19, irriżultat negattiv għat-test jew fieqet mill-infezzjoni.

(2)

Biex iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE jkun jista’ jintuża madwar l-Unjoni, jeħtieġ jiġu stabbiliti speċifikazzjonijiet tekniċi u regoli biex iċ-Ċertifikati tal-COVID Diġitali jimtlew, jinħarġu u jiġu verifikati b’mod sigur, biex tkun żgurata l-protezzjoni tad-data personali, biex tiġi stabbilita l-istruttura komuni tal-identifikatur uniku taċ-ċertifikat, u biex jinħareġ barcode validu, sigur u interoperabbli. Dak il-qafas ta’ fiduċja jistabbilixxi wkoll il-bażi li tiżgura l-interoperabbiltà mal-istandards internazzjonali u mas-sistemi teknoloġiċi u, għaldaqstant, jista’ jipprovdi l-mudell għal kooperazzjoni fil-livell dinji.

(3)

Għal qari u interpretazzjoni taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE hemm bżonn struttura tad-data u ftehim komuni dwar it-tifsira maħsuba ta’ kull entrata tad-data fil-payload u l-valuri possibbli tagħha. Biex tiġi ffaċilitata interoperabbiltà bħal din, jeħtieġ tiġi definita struttura tad-data kkoordinata komuni għall-qafas taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. Il-linji gwida għal dan il-qafas ġew żviluppati min-Network tas-servizzi tas-saħħa elettronika stabbilit abbażi tad-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Dawk il-linji gwida jenħtieġ jitqiesu biex jiġu stabbiliti l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jistabbilixxu l-format u l-ġestjoni tal-fiduċja għaċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. Jenħtieġ jiġu speċifikati l-ispeċifikazzjoni tal-istruttura tad-data u l-mekkaniżmi tal-ikkowdjar, u mekkaniżmu tal-ikkowdjar tat-trasport b’format ottiku (QR) li jinqara minn u li jista’ jintwera fuq l-iskrin ta’ apparat mobbli jew jiġi stampat fuq karta.

(4)

Apparti l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-format u għall-ġestjoni tal-fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, jenħtieġ jiġu stabbiliti regoli ġenerali għall-fini tal-popolazzjoni taċ-ċertifikati biex jintużaw għall-valuri kkodifikati fil-kontenut taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. Is-settijiet tal-valur li jimplimentaw dawk ir-regoli jenħtieġ jiġu aġġornati regolarment u ppubblikati mill-Kummissjoni, abbażi tal-ħidma rilevanti tan-Network tas-saħħa elettronika.

(5)

Skont ir-Regolament (UE) 2021/953, iċ-ċertifikati awtentiċi li jiffurmaw iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE jenħtieġ ikunu identifikabbli individwalment b’identifikatur uniku taċ-ċertifikat, filwaqt li jitqies li ċ-ċittadini jista’ jinħarġilhom aktar minn ċertifikat wieħed fiż-żmien meta r-Regolament (UE) 2021/953 ikun fis-seħħ. L-identifikatur uniku taċ-ċertifikat jinkludi string alfanumerika, u l-Istati Membri jenħtieġ jiżguraw li din ma jkun fiha l-ebda data li torbtu ma’ dokumenti jew identifikaturi oħra, bħal numri tal-passaport jew tal-karta tal-identità, biex id-detentur ma jkunx jista’ jiġi identifikat. Biex ikun żgurat li l-identifikatur taċ-ċertifikat hu uniku, jenħtieġ jiġu stabbiliti speċifikazzjonijiet tekniċi u regoli għall-istruttura komuni tiegħu.

(6)

Is-sigurtà, l-awtentiċità, il-validità u l-integrità taċ-ċertifikati li jinkludu ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE u l-konformità tagħhom mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data huma kruċjali għall-aċċettazzjoni tagħhom fl-Istati Membri kollha. Dawk l-objettivi jintlaħqu mill-qafas ta’ fiduċja li jistabbilixxi r-regoli dwar u l-infrastruttura għall-ħruġ u l-verifika affidabbli u siguri taċ-ċertifikati COVID Diġitali tal-UE. Fost l-oħrajn, il-qafas ta’ fiduċja jenħtieġ ikun ibbażat fuq infrastruttura bi kjavi pubbliċi b’katina ta’ fiduċja mill-awtoritajiet tas-saħħa tal-Istati Membri jew minn awtoritajiet fdati oħra lill-entitajiet individwali li joħorġu ċ-ċertifikati COVID Diġitali tal-UE. Għalhekk, biex tiġi żgurata sistema ta’ interoperabbiltà madwar l-UE kollha, il-Kummissjoni bniet sistema ċentrali – il-gateway taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE (il-“gateway”) – li taħżen il-kjavi pubbliċi użati għall-verifika. Meta ċ-ċertifikat bil-kodiċi QR jiġi skennjat, il-firma diġitali tiġi vverifikata bil-kjavi pubblika rilevanti, li tkun inħażnet qabel f’din il-gateway ċentrali. Il-firem diġitali jistgħu jintużaw biex jiżguraw l-integrità u l-awtentiċità tad-data. L-Infrastrutturi tal-Kjavi Pubbliċi jistabbilixxu l-fiduċja billi jorbtu l-kjavi pubbliċi mal-emittenti taċ-ċertifikati. Fil-gateway, jintużaw diversi ċertifikati tal-kjavi pubbliċi għall-awtentiċità. Biex ikun żgurat skambju tad-data sigur għal materjal bi kjavi pubblika bejn l-Istati Membri u biex tkun permessa interoperabbiltà wiesgħa, jenħtieġ jiġu stabbiliti ċ-ċertifikati bi kjavi pubblika li jistgħu jintużaw u jipprovdu l-mod kif jenħtieġ jiġu ġġenerati.

(7)

Din id-Deċiżjoni tippermetti li r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2021/953 isiru operazzjonali b’mod li l-ipproċessar tad-data personali jkun limitat għal dak li hu meħtieġ biex iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE jsir operazzjonali u jikkontribwixxi għal implimentazzjoni mill-kontrolluri finali li tirrispetta l-protezzjoni tad-data mid-disinn.

(8)

F’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953, l-awtoritajiet jew korpi maħtura oħra responsabbli għall-ħruġ taċ-ċertifikati huma kontrolluri msemmija fl-Artikolu 4(7) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) fir-rwol tagħhom li jipproċessaw id-data personali waqt il-proċess tal-ħruġ. Skont kif l-Istati Membri jorganizzaw il-proċess tal-ħruġ, jista’ jkun hemm awtorità jew korp maħtur wieħed jew aktar, pereżempju servizzi tas-saħħa reġjonali. F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, dik hi għażla għall-Istati Membri. Għalhekk, l-Istati Membri huma fl-aħjar pożizzjoni biex jiżguraw, meta jkun hemm bosta awtoritajiet jew korpi maħtura oħra, li r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom jiġu allokati b’mod ċar, indipendentement minn jekk humiex kontrolluri separati jew konġunti (inkluż servizzi tas-saħħa reġjonali li jistabbilixxu portal konġunt tal-pazjenti għall-ħruġ taċ-ċertifikati). Bl-istess mod, fir-rigward tal-verifika taċ-ċertifikati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni jew tat-tranżitu, jew mill-operaturi tas-servizzi tat-trasport transfruntieri tal-passiġġieri meħtieġa bil-liġi nazzjonali biex jimplimentaw ċerti miżuri tas-saħħa pubblika waqt il-pandemija tal-COVID-19, dawk il-verifikaturi jridu jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data.

(9)

Ma jsir l-ebda pproċessar tad-data personali mill-gateway taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, għax il-gateway fiha biss il-kjavi pubbliċi tal-awtoritajiet firmatarji. Dawk il-kjavi huma relatati mal-awtoritajiet firmatarji u ma jippermettux l-identifikazzjoni mill-ġdid diretta jew indiretta ta’ persuna fiżika li lilha jkun inħareġ ċertifikat. Għaldaqstant, fir-rwol tagħha bħala l-maniġer tal-gateway, il-Kummissjoni jenħtieġ la tkun kontrollur u lanqas proċessur tad-data personali.

(10)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u ta opinjoni fit-22 ta’ Ġunju 2021.

(11)

Meta wieħed iqis li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u r-regoli huma meħtieġa għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/953 mill-1 ta’ Lulju 2021, l-applikazzjoni minnufih ta’ din id-Deċiżjoni hija ġġustifikata.

(12)

Għaldaqstant, fid-dawl tal-ħtieġa għal implimentazzjoni rapida taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, din id-Deċiżjoni jenħtieġ tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE li jistabbilixxu l-istruttura ġenerika tad-data, il-mekkaniżmi tal-ikkowdjar, u l-mekkaniżmu tal-ikkowdjar tat-trasport b’format ottiku li jinqara minn magna huma stabbiliti fl-Anness I.

Artikolu 2

Ir-regoli għall-mili taċ-ċertifikati kif jissemma fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2021/953 huma stabbiliti fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Ir-rekwiżiti li jistabbilixxu l-istruttura komuni tal-identifikatur uniku taċ-ċertifikat huma stabbiliti fl-Anness III.

Artikolu 4

Ir-regoli ta’ governanza applikabbli għaċ-ċertifikat tal-kjavi pubbliċi fir-rigward tal-gateway taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, li jappoġġa l-aspetti tal-interoperabbiltà tal-qafas ta’ fiduċja, huma stabbiliti fl-Anness IV.

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS I

IL-FORMAT U L-ĠESTJONI TAL-FIDUĊJA

Struttura ġenerika tad-data, mekkaniżmi tal-ikkowdjar u mekkaniżmu tal-ikkowdjar tat-trasport b’format ottiku li jinqara mill-magni (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “QR”)

1.   Introduzzjoni

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti f’dan l-Anness fihom struttura ġenerika tad-data u mekkaniżmi tal-ikkowdjar għaċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE (“DCC”). Dawn jispeċifikaw ukoll mekkaniżmu tal-ikkowdjar tat-trasport b’format ottiku (“QR”) li jinqara mill-magni u li jista’ jintwera fuq l-iskrin ta’ apparat mobbli jew jiġi stampat. Il-formati elettroniċi tal-kontenitur taċ-ċertifikat tas-saħħa b’dawn l-ispeċifikazzjonijiet huma ġeneriċi, iżda f’dan il-kuntest jintużaw biex iġorru d-DCC.

2.   Terminoloġija

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, “emittenti” tfisser organizzazzjonijiet li jużaw dawn l-ispeċifikazzjonijiet għall-ħruġ ta’ ċertifikati tas-saħħa u “verifikaturi” tfisser organizzazzjonijiet li jaċċettaw iċ-ċertifikati tas-saħħa bħala prova tal-istatus tas-saħħa. “Parteċipanti” tfisser emittenti u verifikaturi. Xi aspetti stabbiliti f’dan l-Anness iridu jiġu kkoordinati bejn il-parteċipanti, bħall-ġestjoni tal-ispazju tal-isem u d-distribuzzjoni tal-kjavi kriptografiċi. Hu preżunt li parti, imsejħa s-“Segretarjat”, twettaq dawn il-kompiti.

3.   Il-Format Elettroniku tal-Kontenitur taċ-Ċertifikat tas-Saħħa

Il-Format Elettroniku tal-Kontenitur taċ-Ċertifikat tas-Saħħa (“HCERT”) tfassal biex jipprovdi mezz uniformi u standardizzat għaċ-ċertifikati tas-saħħa mill-emittenti differenti tagħhom (“emittenti”). L-għan ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet hu l-armonizzazzjoni ta’ dawk iċ-ċertifikati tas-saħħa fejn jidħlu r-rappreżentazzjoni, l-ikkowdjar u l-firem biex tiġi ffaċilitata l-interoperabbiltà.

Il-kapaċità li DCC maħruġ minn emittent ikun jinqara u jiġi interpretat tenħtieġ struttura komuni tad-data u ftehim dwar is-sinifikat ta’ kull entrata tad-data tal-payload. Biex tiġi ffaċilitata din l-interoperabbiltà, struttura komuni kkordinata tad-data hi definita bl-użu tal-iskema “JSON” li tikkostitwixxi t-tfassil tad-DCC.

3.1.   L-Istruttura tal-payload

Il-payload hija strutturata u kkodifikata bħala CBOR b’firma diġitali COSE. Dan hu magħruf b’mod komuni bħala “CBOR Web Token” (CWT), u huwa definit f’RFC 8392 (1). Il-payload, kif definita fit-taqsimiet li ġejjin, tiġi ttrasportata fi claim hcert.

L-integrità u l-awtentiċità tal-oriġini tad-data dwar il-payload iridu jkunu verifikabbli mill-verifikatur. Biex jipprovdi dan il-mekkaniżmu, l-emittent irid jiffirma s-CWT billi juża skema ta’ firma elettronika asimmetrika kif definit fl-ispeċifikazzjoni COSE (RFC 8152 (2)).

3.2.   Claims CWT

3.2.1.   Ħarsa ġenerali lejn l-istruttura tas-CWT

Header Protett

Algoritmu tal-Firma (alg, tikketta 1)

Identifikatur tal-Kjavi (kid, tikketta 4)

Payload

Emittent (iss, kjavi tal-claim 1, fakultattiva, ISO 3166-1 alfa-2 tal-emittent)

Maħruġ Fi (iat, kjavi tal-claim 6)

Ħin tal-Iskadenza (exp, kjavi tal-claim 4)

Ċertifikat tas-Saħħa (hcert, kjavi tal-claim -260)

Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE v1 (eu_DCC_v1, kjavi tal-claim 1)

Firma

3.2.2.   Algoritmu tal-Firma

Il-parametru tal-Algoritmu tal-Firma (alg) jindika liema algoritmu jintuża għall-ħolqien tal-firma. Irid jissodisfa jew imur oltre mil-linji gwida attwali SOG-IS kif miġbura fil-qosor fil-paragrafi li ġejjin.

Hu definit algoritmu primarju wieħed u algoritmu sekondarju wieħed. L-algoritmu sekondarju jenħtieġ jintuża biss meta l-algoritmu primarju ma jkunx aċċettabbli skont ir-regoli u r-regolamenti imposti mill-emittent.

Biex tiġi żgurata s-sigurtà tas-sistema, l-implimentazzjonijiet kollha jridu jinkorporaw l-algoritmu sekondarju. Għal din ir-raġuni, kemm l-algoritmu primarju kif ukoll dak sekondarju jridu jiġu implimentati.

Il-livelli stabbiliti mis-SOG-IS għall-algoritmi primarji u sekondarji huma:

L-Algoritmu Primarju: L-algoritmu primarju hu Algoritmu tal-Firma Diġitali b’Kurva Ellittika (ECDSA) kif definit fit-taqsima 2.3 (ISO/IEC 14888–3:2006), bl-użu tal-parametri P–256 kif definit fl-appendiċi D (D.1.2.3) ta’ (FIPS PUB 186–4) flimkien mal-algoritmu SHA–256 hash kif definit fil-funzjoni 4 (ISO/IEC 10118–3:2004).

Dan jikkorrispondi għall-parametru tal-algoritmu COSE ES256.

Algoritmu Sekondarju: L-algoritmu sekondarju hu RSASSA-PSS kif definit f’(RFC 8230 (3)) b’modulus ta’ 2048 bits flimkien mal-algoritmu SHA-256 hash kif definit fil-funzjoni 4 (ISO/IEC 10118-3:2004).

Dan jikkorrispondi għall-parametru tal-algoritmu COSE: PS256.

3.2.3.   L-Identifikatur tal-Kjavi

Il-claim tal-Identifikatur tal-Kjavi (kid) tindika ċ-Ċertifikat tal-Firem tad-Dokumenti (DSC) li jkun fih il-kjavi pubblika li trid tintuża mill-verifikatur biex jivverifika l-korrettezza tal-firma diġitali. Il-governanza taċ-ċertifikat tal-kjavi pubblika, inkluż ir-rekwiżiti għad-DSCs, hi deskritta fl-Anness IV.

Il-clain tal-Identifikatur tal-Kjavi (kid) jużawha l-verifikaturi biex jagħżlu l-kjavi pubblika t-tajba minn lista ta’ kjavi li jappartjenu għall-emittent indikat fil-claim (iss) tal-emittent. Jistgħu jintużaw diversi kjavi b’mod paralleli minn emittent għal raġunijiet amministrattivi u meta jsiru rollovers ta’ kjavi. L-Identifikatur tal-Kjavi mhux entrata kritika għas-sigurtà. Għal din ir-raġuni, jista’ jitqiegħed ukoll f’header mhux protett jekk ikun meħtieġ. Il-verifikaturi jridu jaċċettaw iż-żewġ alternattivi. Jekk iż-żewġ alternattivi jkunu preżenti, irid jintuża l-Identifikatur tal-Kjavi fl-intestatura protetta.

Minħabba tqassir tal-identifikatur (minħabba raġunijiet ta’ limitazzjoni ta’ daqs), hemm ċans żgħir ħafna, iżda mhux żero, li l-lista ġenerali tad-DSCs aċċettata minn verifikatur jaf ikun fiha DSCs b’kids duplikati. Għal din ir-raġuni, verifikatur irid jivverifika d-DSCs kollha ma’ dak il-kid.

3.2.4.   Emittent

Il-claim tal-Emittent (iss) hi valur ta’ string li jista’ jkollu b’mod fakultattiv il-Kodiċi tal-Pajjiż ISO 3166-1 alfa-2 tal-entità li toħroġ iċ-ċertifikat tas-saħħa. Din il-claim tista’ tintuża minn verifikatur biex jidentifika liema sett ta’ DSCs irid juża għall-verifika. Il-Kjavi tal-Claim 1 tintuża biex tidentifika din il-claim.

3.2.5.   Ħin tal-Iskadenza

Il-claim tal-Ħin tal-Iskadenza (exp) għandu jkollha kronogramma bil-format ta’ NumericDate (kif speċifikat f’RFC 8392 (4), taqsima 2) li tindika għal kemm żmien din il-firma partikolari fuq il-payload għandha tiġi kkunsidrata valida u, wara, verifikatur irid jirrifjuta l-payload bħala skaduta. L-għan tal-parametru tal-iskadenza hu li jisforza limitu tal-perjodu ta’ validità taċ-ċertifikat tas-saħħa. Il-kjavi tal-claim 4 tintuża biex tidentifika din il-claim.

Il-Ħin tal-Iskadenza ma jridx jaqbeż il-perjodu ta’ validità tad-DSC.

3.2.6.   Maħruġ Fi

Il-claim tal-Maħruġa Fi (iat) għandu jkun fiha timbru tal-ħin b’format ta’ intiġer NumericDate (kif speċifikat fi RFC 8392 (5), it-Taqsima 2) li jindika l-ħin meta nħoloq iċ-ċertifikat tas-saħħa.

L-entrata Maħruġ Fi ma tridx tkun datata qabel il-perjodu ta’ validità tad-DSC.

Il-verifikaturi jistgħu japplikaw politiki addizzjonali biex jillimitaw il-validità taċ-ċertifikat tas-saħħa abbażi tal-ħin tal-ħruġ. Il-kjavi tal-claim 6 tintuża biex tidentifika din il-claim.

3.2.7.   Il-Claim taċ-Ċertifikat tas-Saħħa

Il-claim taċ-Ċertifikat tas-Saħħa (hcert) hi oġġett JSON (RFC 7159 (6)) li fih l-informazzjoni dwar l-istatus tas-saħħa. Jistgħu jeżistu diversi tipi differenti ta’ ċertifikati tas-saħħa fl-istess claim, id-DCC hu wieħed minnhom.

Il-JSON hu purament għal skopijiet ta’ skema. Il-format tar-rappreżentazzjoni hu CBOR, kif definit fi (RFC 7049 (7)). L-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet ma jistgħux fil-fatt jiddekowdjaw, jew jikkowdjaw lil u mill-format JSON, iżda jużaw l-istruttura ta’ memorja fih.

Il-kjavi tal-claim li għandha tintuża biex tiġi identifikata din il-claim hija -260.

L-istrings fl-oġġett JSON jenħtieġ jiġu normalizzati skont il-Kompożizzjoni Kanonika tal-Forma tan-Normalizzazzjoni (NFC) definita fl-istandard tal-Unicode. Madankollu, id-dekowdjar tal-applikazzjonijiet jenħtieġ ikun permissiv u robust f’dawn l-aspetti, u l-aċċettazzjoni ta’ kwalunkwe tip ta’ konverżjoni raġonevoli hija mħeġġa ħafna. Jekk tinstab data mhux normalizzata waqt id-dekowdjar, jew f’funzjonijiet ta’ tqabbil sussegwenti, l-implimentazzjonijiet jenħtieġ iġibu ruħhom daqslikieku l-input hu normalizzat skont l-NFC.

4.   Is-serjalizzazzjoni u l-ħolqien tal-payload tad-DCC

Bħala mudell ta’ serjalizzazzjoni, tintuża l-iskema li ġejja:

Image 1

Il-proċess jibda bl-estrazzjoni tad-data, pereżempju minn Repożitorju tad-Data dwar is-Saħħa (jew minn xi sors tad-data estern), li jistruttura d-data estratta skont l-Iskemi tad-DCC definiti. F’dan il-proċess, il-konverżjoni għall-format definit tad-data u t-trasformazzjoni għal-leġġibbiltà mill-bniedem tista’ ssir qabel tibda s-serjalizzazzjoni għal CBOR. L-akronimi tal-claims għandhom jiġu mmappjati f’kull każ għall-ismijiet murija qabel is-serjalizzazzjoni u wara d-deserjalizzazzjoni.

Il-kontenut tad-data nazzjonali fakultattiv mhux permess f’ċertifikati maħruġin skont ir-Regolament (UE) 2021/953 (8). Il-kontenut tad-data hu limitat għall-elementi tad-data definiti fis-sett tad-data minimu speċifikat fl-Anness tar-Regolament 2021/953.

5.   Ikkowdjar tat-Trasport

5.1.   Raw

Għal interfaċċi tad-data arbitrarja, il-kontenitur tal-HCERT u l-payload tiegħu jistgħu jiġu ttrasferiti kif inhuma, bl-użu ta’ xi trasport tad-data sottostanti, affidabbli u sikur, b’8 bits. Dawn l-interfaċċi jistgħu jinkludu komunikazzjoni b’kamp fil-qrib (NFC), Bluetooth jew trasferiment bi protokoll ta’ saff ta’ applikazzjoni, pereżempju trasferiment ta’ HCERT mill-Emittent lejn apparat mobbli tad-detentur.

Jekk it-trasferiment tal-HCERT mill-Emittent għad-detentur ikun ibbażat fuq interfaċċa ta’ preżentazzjoni biss (pereżempju, SMS, email), l-ikkowdjar tat-trasport raw ovvjament ma jkunx applikabbli.

5.2.   Barcode

5.2.1.   Kompressjoni tal-payload (CWT)

Biex jitnaqqas id-daqs u jittejbu l-veloċità u l-affidabbiltà fil-proċess tal-qari tal-HCERT, is-CWT għandu jiġi kkompressat biż-ZLIB (RFC 1950 (9)) u bil-mekkaniżmu ta’ kompressjoni Deflate bil-format definit f’RFC 1951 (10).

5.2.2.   Barcode QR 2D

Biex jiġi mmaniġġat aħjar it-tagħmir legat disinjat biex jopera fuq payloads tal-ASCII, is-CWT ikkompressat jiġi kkowdjat bħala ASCII bl-użu ta’ Base45 qabel ma jiġi kkowdjat f’barcode 2D.

Il-format QR kif definit f’(ISO/IEC 18004:2015) għandu jintuża għall-ġenerazzjoni tal-barcode 2D. Hi rakkomandata rata ta’ korrezzjoni tal-erruri ta’ “Q” (madwar 25 %). Peress li jintuża Base45, il-kodiċi QR trid tuża kodifikazzjoni alfanumerika (il-Modalità 2, indikata bis-simboli 0010).

Biex il-verifikaturi jkunu jistgħu jidentifikaw it-tip ta’ data kkowdjata u jagħżlu l-iskema xierqa tad-dekowdjar u tal-ipproċessar, id-data kkowdjata Base45 (skont din l-ispeċifikazzjoni) għandu jkollha l-istring tal-Identifikatur tal-Kuntest “HC1:” bħala prefiss. Verżjonijiet futuri ta’ din l-ispeċifikazzjoni li jħallu impatt fuq il-kompatibbiltà b’lura għandhom jiddefinixxu Identifikatur ta’ Kuntest ġdid, filwaqt li l-karattru li jsegwi “HC” għandu jitneħħa mis-sett ta’ karattri [1-9 A-Z]. L-ordni taż-żidiet hi definita f’dik l-ordni, jiġifieri, l-ewwel [1-9] u mbagħad [A-Z].

Hu rakkomandat li l-kodiċi ottiku jiġi pprovdut fuq il-midja tal-preżentazzjoni b’daqs djagonali ta’ bejn 35 mm u 60 mm biex jakkomoda qarrejja b’ottika fissa, meta jkun meħtieġ li l-midja tal-preżentazzjoni titqiegħed fuq wiċċ il-qarrej.

Jekk il-kodiċi ottiku jiġi stampat fuq karta bl-użu ta’ stampaturi b’riżoluzzjoni baxxa (< 300 dpi), trid tingħata attenzjoni biex kull simbolu (tikka) tal-kodiċi QR ikun eżattament kwadru. Skalar mhux proporzjonali se jwassal biex jinħolqu ringieli jew kolonni fil-QR b’simboli rettangolari, li se jfixklu l-leġibbiltà f’ħafna każijiet.

6.   Format tal-Lista ta’ Fiduċja (lista tas-CSCA u tad-DSC)

Kull Stat Membru jeħtieġ jipprovdi lista ta’ Awtorità taċ-Ċertifikazzjoni tal-Iffirmar taċ-Ċertifikat (CSCA) waħda jew aktar u lista taċ-Ċertifikati tal-Iffirmar tad-Dokumenti (DSCs) validi kollha, u jżommhom aġġornati.

6.1.   CSCA/DSC Issimplifikat

Minn din il-verżjoni tal-ispeċifikazzjonijiet, l-Istati Membri ma għandhomx jassumu li tista’ tintuża kwalunkwe informazzjoni tal-Lista ta’ Revoka taċ-Ċertifikati (CRL); jew li l-Perjodu ta’ Użu tal-Kjavi Privata jkun ivverifikat mill-implimentaturi.

Minflok, il-mekkaniżmu ta’ validità primarju hu l-preżenza taċ-ċertifikat fl-aktar verżjoni riċenti ta’ dik il-lista ta’ ċertifikati.

6.2.   Il-PKI tal-eMRTD tal-ICAO u ċ-Ċentri ta’ Fiduċja

L-Istati Membri jistgħu jużaw CSCA separata – iżda jistgħu jissottomettu wkoll iċ-ċertifikati eżistenti tagħhom tas-CSCA u/jew tad-DSC tal-eMRTD; u jistgħu wkoll jagħżlu li jakkwistaw dawn mingħand ċentri ta’ fiduċja (kummerċjali) – u jissottomettuhom. Madankollu, kull DSC irid dejjem jiġi ffirmat mis-CSCA sottomessa minn dak l-Istat Membru.

7.   Kunsiderazzjonijiet ta’ Sigurtà

Meta jfasslu skema bl-użu ta’ din l-ispeċifikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw, janalizzaw u jimmonitorjaw ċerti aspetti tas-sigurtà.

Jenħtieġ li l-aspetti li ġejjin jiġu kkunsidrati bħala minimu:

7.1.   Ħin ta’ validità tal-firma tal-HCERT

L-emittent tal-HCERTs jeħtieġ jillimita l-perjodu ta’ validità tal-firma billi jispeċifika ħin tal-iskadenza tal-firma. Dan jirrikjedi li d-detentur ta’ ċertifikat tas-saħħa jġeddidha f’intervalli perjodiċi.

Il-perjodu ta’ validità aċċettabbli jista’ jiġi determinat minn restrizzjonijiet prattiċi. Pereżempju, vjaġġatur jista’ ma jkollux il-possibbiltà li jġedded iċ-ċertifikat tas-saħħa waqt vjaġġ barra mill-pajjiż. Madankollu, jista’ jkun ukoll il-każ li emittent ikun qed jikkunsidra l-possibbiltà ta’ kompromess ta’ sigurtà ta’ xi tip, li jirrikjedi li l-emittent jirtira DSC (li jinvalida ċ-ċertifikati kollha tas-saħħa maħruġa billi juża dik il-kjavi li tkun għadha fil-perjodu ta’ validità tagħhom). Il-konsegwenzi ta’ avveniment bħal dan jistgħu jkunu limitati billi l-kjavi tal-Emittent jiġu rreġistrati b’mod regolari u jkun jenħtieġ it-tiġdid taċ-ċertifikati tas-saħħa kollha, fuq xi intervall raġonevoli.

7.2.   Il-ġestjoni tal-kjavi

Din l-ispeċifikazzjoni tiddependi ħafna fuq mekkaniżmi kriptografiċi sodi biex jiġu żgurati l-integrità tad-data u l-awtentikazzjoni tal-oriġini tad-data. Għalhekk jeħtieġ tinżamm il-kunfidenzjalità tal-kjavi privati.

Il-kunfidenzjalità tal-kjavi kriptografiċi tista’ tiġi kompromessa b’għadd ta’ modi differenti, pereżempju:

Il-proċess tal-ġenerazzjoni tal-kjavi jista’ jkun difettuż, u jirriżulta fi kjavi dgħajfa.

Il-kjavi jistgħu jiġu esposti għal żball uman.

Il-kjavi jistgħu jinsterqu minn awturi esterni jew interni.

Il-kjavi jistgħu jiġu kkalkolati bl-użu tal-kriptanaliżi.

Biex ittaffi r-riskji li l-algoritmu tal-iffirmar jinstab dgħajjef, u b’hekk il-kjavi privati jkunu jistgħu jiġu kompromessi bi kriptanaliżi, din l-ispeċifikazzjoni tirrakkomanda lill-parteċipanti kollha jimplimentaw algoritmu tal-firma ta’ riżerva sekondarju abbażi ta’ parametri differenti jew abbażi ta’ problema matematika differenti minn dik primarja.

Fir-rigward tar-riskji msemmija relatati mal-ambjenti operatorji tal-emittenti, iridu jiġu implimentati miżuri ta’ mitigazzjoni biex ikun żgurat kontroll effettiv, bħal eżempju biex jiġu ġġenerati, maħżuna u użati l-kjavi privati fil-Moduli tas-Sigurtà tal-Hardware (HSMs). L-użu tal-HSMs għall-iffirmar taċ-ċertifikati tas-saħħa hu mħeġġeġ ħafna.

Irrispettivament minn jekk emittent jiddeċidix li juża l-HSMs jew le, jenħtieġ tiġi stabbilita skeda tat-tibdil tal-kjavi fejn il-frekwenza tat-tibdil tal-kjavi tkun proporzjonata mal-esponiment tal-kjavi għal networks esterni, sistemi oħra u persunal. Skeda tat-tibdil magħżula sew tillimita wkoll ir-riskji assoċjati ma’ ċertifikati tas-saħħa maħruġin b’erruri, billi tippermetti lil emittent jirrevoka dawn iċ-ċertifikati tas-saħħa f’lottijiet, billi jirtira kjavi, jekk ikun meħtieġ.

7.3.   Validazzjoni tad-data tal-input

Dawn l-ispeċifikazzjonijiet jistgħu jintużaw b’mod li jimplika li tiġi riċevuta data minn sorsi mhux fdati f’sistemi li jista’ jkollhom natura kritika għall-missjoni. Biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskji assoċjati ma’ dan il-mezz ta’ attakk, l-entrati kollha tal-input iridu jiġu vvalidati kif xieraq skont it-tipi tad-data, it-tulijiet u l-kontenut. Il-firma tal-emittent għandha tiġi vverifikata wkoll qabel ma jsir xi pproċessar tal-kontenut tal-HCERT. Madankollu, il-validazzjoni tal-Firma tal-emittent timplika li l-ewwel jiġi analizzat il-Header Protett tal-Emittent, li fih attakkant potenzjali jista’ jipprova jdaħħal informazzjoni mfassla bir-reqqa ddisinjata biex tikkomprometti s-sigurtà tas-sistema.

8.   Ġestjoni tal-Fiduċja

Il-firma tal-HCERT teħtieġ kjavi pubblika għall-verifika. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dawn il-kjavi pubbliċi disponibbli. Fl-aħħar mill-aħħar, kull verifikatur irid ikollu lista tal-kjavi pubbliċi kollha li jkun lest li jafda (għax il-kjavi pubblika mhix parti mill-HCERT).

Is-sistema tikkonsisti (biss) f’żewġ saffi; għal kull Stat Membru, ċertifikat wieħed jew aktar li jiffirmwaw fil-livell tal-pajjiż, li kull wieħed jiffirma Ċertifikat tal-Iffirmar tad-Dokumenti wieħed jew aktar li jintużaw f’operazzjonijiet ta’ kuljum.

Iċ-ċertifikati tal-Istati Membri jissejħu ċertifikati tal-Awtoritajiet taċ-Ċertifikazzjoni tal-Firem taċ-Ċertifikat (CSCA) u (tipikament) ikunu ċertifikati awtoffirmati. L-Istati Membri jista’ jkollhom aktar minn wieħed (pereżempju, fil-każ ta’ devoluzzjonijiet reġjonali). Dawn iċ-ċertifikati tas-CSCA jiffirmaw b’mod regolari ċ-Ċertifikati tal-Iffirmar tad-Dokumenti (DSCs) użati għall-iffirmar tal-HCERTs.

Is-“Segretarjat” jaqdi rwol funzjonali. Għandu jiġbor flimkien u jippubblika regolarment id-DSCs tal-Istati Membri, wara li jkun ivverifikahom mal-lista taċ-ċertifikati tas-CSCA (li jkunu ntbagħtu u li jkunu ġew ivverifikati b’mezzi oħra).

Il-lista riżultanti tad-DSCs għandha mbagħad tipprovdi s-sett aggregat ta’ kjavi pubbliċi aċċettabbli (u l-kids korrispondenti) li l-verifikaturi jistgħu jużaw biex jivvalidaw il-firem fuq l-HCERTs. Il-verifikaturi jridu jġibu u jaġġornaw din il-lista regolarment.

Tali listi speċifiċi għall-Istati Membri jistgħu jiġu adattati fil-format għall-konfigurazzjoni nazzjonali tagħhom stess. Għaldaqstant, il-format tal-fajl ta’ din il-lista ta’ fiduċja jista’ jvarja, pereżempju, jista’ jkollu format iffirmat JWKS (format issettjat JWK skont RFC 7517 (11), it-Taqsima 5) jew xi format speċifiku ieħor għat-teknoloġija użata f’dak l-Istat Membru.

Biex tiġi żgurata s-sempliċità, l-Istati Membri jistgħu t-tnejn jippreżentaw iċ-ċertifikati tas-CSCA eżistenti tagħhom mis-sistemi tal-ICAO eMRTD tagħhom jew, kif rakkomandat mid-WHO, joħolqu wieħed speċifikament għal dan il-qasam tas-saħħa.

8.1.   L-Identifikatur tal-Kjavi (kids)

L-identifikatur tal-kjavi (kid) jiġi kkalkolat meta tiġi stabbilita l-lista ta’ kjavi pubbliċi ta’ fiduċja mid-DSCs u jikkonsisti f’impronta SHA-256 maqtugħa (l-ewwel 8 bytes) tad-DSC ikkowdjat b’format DER (mhux ipproċessat).

Il-verifikaturi m’għandhomx għalfejn jikkalkulaw il-kid abbażi tad-DSC u jistgħu jqabblu direttament l-identifikatur tal-kjavi fiċ-ċertifikat tas-saħħa maħruġ mal-kid fuq il-lista ta’ fiduċja.

8.2.   Differenzi għall-mudell ta’ fiduċja tal-eMRTD tal-ICAO

Filwaqt li dan jitfassal skont l-aqwa prattiki tal-mudell ta’ fiduċja tal-eMRTD PKI tal-ICAO, għandhom isiru għadd ta’ simplifikazzjonijiet fl-interess tal-ħeffa:

Stat Membru jista’ jissottometti diversi ċertifikati tas-CSCA.

Il-perjodu ta’ validità tad-DSC (użu tal-kjavi) jista’ jiġi ssettjat għal kwalunkwe tul li ma jaqbiżx dak taċ-ċertifikat tas-CSCA u jista’ jkun assenti.

Id-DSC jista’ jkun fih identifikaturi ta’ politika (Użu Estiż tal-Kjavi) li huma speċifiċi għaċ-ċertifikati tas-saħħa.

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li qatt ma jagħmlu verifika tar-revoki ppubblikati; iżda minflok jiddependu biss fuq il-listi tad-DSC li jiksbu kuljum mis-Segretarjat jew li jikkumpilaw huma stess.


(1)  rfc8392 (ietf.org)

(2)  rfc8152 (ietf.org)

(3)  rfc8230 (ietf.org)

(4)  rfc8392 (ietf.org)

(5)  rfc8392 (ietf.org)

(6)  rfc7159 (ietf.org)

(7)  rfc7049 (ietf.org)

(8)  Ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19, ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1.

(9)  rfc1950 (ietf.org)

(10)  rfc1951 (ietf.org)

(11)  rfc7517 (ietf.org)


ANNESS II

REGOLI GĦALL-FINI TAL-MILI TAĊ-ĊERTIFIKAT COVID DIĠITALI TAL-UE

Ir-regoli ġenerali li jikkonċernaw is-settijiet ta’ valur stabbiliti f’dan l-Anness għandhom l-għan li jiżguraw l-interoperabbiltà fil-livell semantiku u għandhom jippermettu implimentazzjonijiet tekniċi uniformi għad-DCC. L-elementi li jinsabu f’dan l-Anness jistgħu jintużaw għat-tliet xenarji differenti (tilqim/ittestjar/fejqan), kif previst fir-Regolament (UE) 2021/953. F’dan l-Anness jiġu elenkati biss l-elementi bil-ħtieġa ta’ standardizzazzjoni semantika b’settijiet ta’ valur kodifikati.

It-traduzzjoni tal-elementi kodifikati bil-lingwa nazzjonali hi fir-responsabbiltà tal-Istati Membri.

Għall-entrati kollha tad-data mhux imsemmija fid-deskrizzjonijiet tas-sett ta’ valuri li ġejjin, hu rakkomandat ikkowdjar bil-UTF-8 (isem, ċentru tal-ittestjar, emittent taċ-ċertifikat). Hu rakkomandat li l-entrati tad-data li fihom dati kalendarji (data tat-twelid, data tat-tilqim, data tal-ġbir tal-kampjun tat-test, data tal-ewwel riżultat pożittiv tat-test, dati tal-validità taċ-ċertifikat) jiġu kkodifikati skont l-ISO 8601.

Jekk għal xi raġuni ma jkunux jistgħu jintużaw is-sistemi tal-kodiċi preferuti elenkati hawn taħt, jistgħu jintużaw sistemi tal-kodiċi internazzjonali oħra u jenħtieġ jiġi stabbilit parir dwar kif iridu jiġu mmappjati l-kodiċijiet mis-sistema tal-kodiċi l-oħra għas-sistema tal-kodiċi preferuta. It-test (turija ta’ ismijiet) jista’ jintuża f’każijiet eċċezzjonali bħala mekkaniżmu ta’ riżerva meta kodiċi xieraq ma jkunx disponibbli fis-settijiet ta’ valur definit.

L-Istati Membri li jużaw ikkowdjar ieħor fis-sistemi tagħhom, jenħtieġ jimmappjaw dawn il-kodiċijiet mas-settijiet ta’ valur deskritti. L-Istati Membri huma responsabbli għal kull mmappjar bħal dan.

Is-settijiet ta’ valur għandhom jiġu aġġornati regolarment mill-Kummissjoni bl-appoġġ tan-Network tas-Saħħa elettronika u tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa. Is-settijiet ta’ valur aġġornati għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit web rilevanti tal-Kummissjoni u fuq il-paġna web tan-Network tas-Saħħa elettronika. Jenħtieġ tingħata l-istorja tal-bidliet.

1.   Marda jew aġent fil-mira/Marda jew aġent li d-detentur fieq minnha/u: COVID-19 (SARS-CoV-2 jew wieħed mill-varjanti tiegħu)

Sistema tal-Kodiċi Preferuta: SNOMED CT.

Għall-użu fiċ-ċertifikati 1, 2 u 3.

Il-kodiċijiet magħżula għandhom jirreferu għall-COVID-19 jew, jekk tkun meħtieġa informazzjoni aktar dettaljata dwar il-varjant ġenetiku tas-SARS-CoV-2, għal dawn il-varjanti jekk din l-informazzjoni dettaljata tkun meħtieġa minħabba raġunijiet epidemjoloġiċi.

Eżempju ta’ kodiċi li jenħtieġ jintuża hu l-kodiċi SNOMED CT 840539006 (COVID-19).

2.   Vaċċin jew profilassi tal-COVID-19

Sistema tal-Kodiċi Preferuta: SNOMED CT jew Klassifikazzjoni ATC.

Għall-użu fiċ-ċertifikat 1.

Eżempji ta’ kodiċijiet li jenħtieġ jintużaw mis-sistemi tal-kodiċi ppreferuti huma l-kodiċi SNOMED CT 1119305005 (vaċċin antiġene SARS-CoV-2), 1119349007 (vaċċin SARS-CoV-2 mRNA) jew J07BX03 (vaċċini COVID-19). Is-sett ta’ valur jenħtieġ jiġi estiż meta jiġu żviluppati tipi ġodda ta’ vaċċini u jibdew jintużaw.

3.   Prodott mediċinali tal-vaċċin kontra l-COVID-19

Sistemi tal-Kodiċi Preferuti (fl-ordni ta’ preferenza):

Reġistru tal-Unjoni tal-prodotti mediċinali għall-vaċċini b’awtorizzazzjoni madwar l-UE (numri ta’ awtorizzazzjoni)

Reġistru dinji tal-vaċċini bħal dak li jista’ jiġi stabbilit mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa

L-isem tal-prodott mediċinali tal-vaċċin f’każijiet oħra. Jekk l-isem jinkludi spazji bojod, dawn jenħtieġ jiġu sostitwiti b’sing (-).

Isem is-Sett ta’ Valur: Vaċċin.

Għall-użu fiċ-ċertifikat 1.

Eżempju ta’ kodiċi li jenħtieġ li jintuża mis-sistemi tal-kodiċi preferuti hu EU/1/20/1528 (Comirnaty). Eżempju tal-isem tal-vaċċin li għandu jintuża bħala kodiċi: Sputnik-V (li jfisser Sputnik V).

4.   Detentur jew manifattur tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-vaċċin tal-COVID-19

Sistema ta’ Kodiċi Preferuta:

Kodiċi tal-organizzazzjoni mill-EMA (sistema SPOR għall-ISO IDMP)

Detentur tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ vaċċin jew reġistru tal-manifattur fil-livell dinji, bħal dak li jista’ jiġi stabbilit mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa

L-isem tal-organizzazzjoni f’każijiet oħra. Jekk l-isem jinkludi spazji bojod, dawn jenħtieġ jiġu sostitwiti b’sing (-).

Għall-użu fiċ-ċertifikat 1.

Eżempju ta’ kodiċi li jenħtieġ jintuża mis-sistema tal-kodiċi preferuta hu ORG-100001699 (AstraZeneca AB). Eżempju tal-isem tal-organizzazzjoni li għandu jintuża bħala kodiċi: Sinovac-Biotech (li jfisser Sinovac Biotech).

5.   Numru f’serje ta’ dożi u n-numru dinji ta’ dożi fis-serje

Għall-użu fiċ-ċertifikat 1.

Żewġ entrati:

(1)

In-numru ta’ doża mogħtija f’ċiklu

(2)

In-numru ta’ dożi mistennija għal ċiklu sħiħ (speċifiku għal persuna fil-ħin tal-għoti tat-tilqima)

Pereżempju, 1/1, 2/2 se jiġu ppreżentati bħala lesti; inkluż l-għażla 1/1 għall-vaċċini li jinkludu żewġ dożi, iżda li l-protokoll applikat għalihom mill-Istat Membru hu li tingħata doża waħda liċ-ċittadini li jkunu ġew dijanjostikati bil-COVID-19 qabel it-tilqima. In-numru dinji ta’ dożi fis-serje jenħtieġ jiġi indikat skont l-informazzjoni disponibbli fil-ħin meta tingħata d-doża. Pereżempju, jekk vaċċin speċifiku jkun jenħtieġ it-tielet doża (booster) waqt il-ħin tal-aħħar tilqima mogħtija, it-tieni numru tal-entrata għandu jirrifletti dan (pereżempju 2/3, 3/3 eċċ.).

6.   Stat Membru jew pajjiż terz fejn ingħata l-vaċċin/sar it-test

Sistema tal-Kodiċi Preferuta: Kodiċijiet tal-Pajjiżi ISO 3166.

Għall-użu fiċ-ċertifikati 1, 2 u 3.

Kontenut tas-sett ta’ valur: il-lista sħiħa ta’ kodiċijiet b’2 ittri, disponibbli bħala sett ta’ valur definit fl-FHIR (http://hl7.org/fhir/ValueSet/iso3166-1-2)

7.   It-tip ta’ test

Sistema tal-Kodiċi Preferuta: LOINC.

Għall-użu fiċ-ċertifikat 2, u fiċ-ċertifikat 3 jekk b’att delegat jiġi introdott appoġġ għall-ħruġ ta’ ċertifikati tal-fejqan abbażi tat-tipi ta’ test, għajr l-NAAT.

Il-kodiċijiet f’dan is-sett ta’ valuri għandhom jirreferu għall-metodu tat-test u għandhom jintgħażlu tal-anqas biex jiġu sseparati t-testijiet tal-NAAT mit-testijiet tar-RAT kif espress fir-Regolament (UE) 2021/953.

Eżempju ta’ kodiċi li jenħtieġ jintuża mis-sistema tal-kodiċi preferuta hu LP217198-3 (Immunoassaġġ rapidu).

8.   Manifattur u isem kummerċjali tat-test użat (fakultattiv għat-test tal-NAAT)

Sistema tal-Kodiċi Preferuta: Lista mill-HSC tat-Testijiet Rapidi tal-Antiġeni kif miżmuma mill-JRC (Bażi tad-Data ta’ Tagħmir Dijanjostiku in vitro u tal-Metodi ta’ Ttestjar għall-COVID-19).

Għall-użu fiċ-ċertifikat 2.

Il-kontenut tas-Sett ta’ Valuri għandu jinkludi l-għażla tat-test rapidu tal-antiġeni kif elenkat fil-lista komuni u aġġornata tat-testijiet rapidi tal-antiġeni tal-COVID-19, stabbilita abbażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2021/C 24/01 u maqbula mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa. Il-lista tinżamm mill-JRC fil-Bażi tad-Data ta’ Tagħmir Dijanjostiku in vitro u tal-Metodi ta’ Ttestjar tal-COVID-19 fuq: https://covid-19-diagnostics.jrc.ec.europa.eu/devices/hsc-common-recognition-rat

Għal din is-sistema tal-kodiċi, għandhom jintużaw entrati rilevanti bħall-identifikatur tal-apparat tat-test, l-isem tat-test u tal-manifattur, bil-format strutturat tal-JRC disponibbli fuq https://covid-19-diagnostics.jrc.ec.europa.eu/devices

9.   Riżultat tat-test

Sistema tal-Kodiċi Preferuta: SNOMED CT.

Għall-użu fiċ-ċertifikat 2.

Il-kodiċijiet magħżula għandhom jippermettu li ssir distinzjoni bejn ir-riżultati pożittivi u negattivi tat-test (identifikati jew mhux identifikati). Jistgħu jiżdiedu valuri addizzjonali (bħal dawk mhux determinati) jekk il-każijiet tal-użu jkunu jeħtieġu dan.

Eżempji ta’ kodiċijiet li jenħtieġ jintużaw mis-sistema tal-kodiċi preferuta huma 260415000 (Mhux identifikat) u 260373001 (Identifikat).


ANNESS III

STRUTTURA KOMUNI TAL-IDENTIFIKATUR UNIKU TAĊ-ĊERTIFIKAT

1.   Introduzzjoni

Kull ċertifikat COVID Diġitali tal-UE (DCC) għandu jinkludi identifikatur uniku taċ-ċertifikat (UCI) li jappoġġa l-interoperabbiltà tad-DCCs. Il-UCI jista’ jintuża biex jiġi vverifikat iċ-ċertifikat. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni tal-UCI. Il-UCI hu mezz biex tiġi vverifikata l-veraċità taċ-ċertifikat u, meta applikabbli, biex ikun hemm rabta ma’ sistema ta’ reġistrazzjoni (pereżempju, IIS). Dawn l-identifikaturi għandhom jippermettu wkoll affermazzjonijiet (stampati u diġitali) mill-Istati Membri li l-individwi jkunu tlaqqmu jew ġew ittestjati.

2.   Il-kompożizzjoni tal-identifikatur uniku taċ-ċertifikat

Il-UCI għandu jsegwi struttura u format komuni li jiffaċilita l-interpretazzjoni tal-informazzjoni mill-bniedem u/jew mill-magni u tista’ tkun relatata ma’ elementi bħall-Istat Membru tat-tilqim, il-vaċċin innifsu u identifikatur speċifiku ta’ Stat Membru. Dan jiżgura l-flessibbiltà lill-Istati Membri biex jifformattjawh, b’rispett sħiħ tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data. L-ordni tal-elementi separati ssegwi ġerarkija definita li tista’ tippermetti modifiki futuri tal-elementi filwaqt li żżomm l-integrità strutturali tiegħu.

Is-soluzzjonijiet possibbli għall-kompożizzjoni tal-UCI jiffurmaw spettru fejn il-modularità u l-interpretazzjoni mill-bniedem huma ż-żewġ parametri ewlenin diversifikanti u karatteristika fundamentali waħda:

Modularità: il-grad sa fejn il-kodiċi hu magħmul minn elementi fundamentali distinti li fihom informazzjoni semantikament differenti

Interpretazzjoni mill-bniedem: il-grad sa fejn il-kodiċi hu sinifikanti jew jista’ jiġi interpretat mill-qarrej uman

Globalment uniku; l-identifikatur tal-Pajjiż jew tal-Awtorità hu ġestit tajjeb; u kull pajjiż (awtorità) mistenni jimmaniġġa s-segment tiegħu tal-ispazju tal-isem tajjeb billi qatt ma jirriċiklaw identifikaturi jew jerġgħu joħorġuhom. Il-kombinament ta’ dan tiżgura li kull identifikatur ikun globalment uniku.

3.   Rekwiżiti ġenerali

Ir-rekwiżiti ġenerali li ġejjin jenħtieġ jiġu ssodisfati fir-rigward tal-UCI:

(1)

Charset: Huma permessi biss karattri alfanumeriċi kapitali US-ASCII alfa (“A” sa “Z”, “0” sa “9”); b’karattri speċjali addizzjonali għas-separazzjoni mill-RFC3986 (1) (2), jiġifieri {’/’,’#’,’:’};

(2)

Tul massimu: id-disinjaturi jenħtieġ jipprovaw jimmiraw għal tul ta’ 27-30 karattru (3);

(3)

Prefiss tal-verżjoni: dan jirreferi għall-verżjoni tal-iskema tal-UCI. Il-prefiss tal-verżjoni hu “01” għal din il-verżjoni tad-dokument; il-prefiss tal-verżjoni hu magħmul minn żewġ ċifri;

(4)

Prefiss tal-pajjiż: il-kodiċi tal-pajjiż hu speċifikat mill-ISO 3166-1. Kodiċijiet itwal (eż... 3 karattri u aktar (pereżempju, “UNHCR”) huma riżervati għall-użu futur;

(5)

Suffiss tal-kodiċi/Checksum:

5.1.

L-Istati Membri jenħtieġ jużaw checksum meta aktarx isseħħ trażmissjoni, traskrizzjoni (umana) jew korruzzjoni oħra (jiġifieri meta tintuża fl-istampar).

5.2.

Wieħed ma jridx jibbaża fuq iċ-checksum għall-validazzjoni taċ-ċertifikat u ċ-checksum mhix teknikament parti mill-identifikatur iżda tintuża biex tiġi vverifikata l-integrità tal-kodiċi. Din iċ-checksum jenħtieġ tkun is-sommarju ISO-7812-1 (LUHN-10) (4) tal-UCI kollu b’format ta’ trasport diġitali/bil-wire. Iċ-checksum hi separata mill-bqija tal-UCI bil-karattru “#”.

Jenħtieġ tiġi żgurata kompatibbiltà b’lura: L-Istati Membri li maż-żmien jibdlu l-istruttura tal-identifikaturi tagħhom (fil-verżjoni ewlenija, attwalment stabbilita għal v1) iridu jiżguraw li kwalunkwe żewġ identifikaturi li jkunu identiċi jirrappreżentaw l-istess ċertifikat/dikjarazzjoni ta’ tilqim. Jew, fi kliem ieħor, l-Istati Membri ma jistgħux jirriċiklaw l-identifikaturi.

4.   Alternattivi għal identifikaturi uniċi taċ-ċertifikat, għaċ-ċertifikati tat-tilqim

Il-linji gwida tan-Network tas-Saħħa elettronika għaċ-ċertifikati ta’ tilqim verifikabbli u l-elementi bażiċi tal-interoperabbiltà (5) jipprevedu għażliet differenti disponibbli għall-Istati Membri u partijiet oħra li jistgħu jeżistu flimkien fost Stati Membri differenti. L-Istati Membri jistgħu jużaw dawn l-għażliet differenti f’verżjoni differenti tal-iskema tal-UCI.


(1)  rfc3986 (ietf.org)

(2)  Entrati bħal Ġeneru, Lott/numru tal-lott, Ċentru ta’ Amministrazzjoni, identifikazzjoni tal-Professjonista tas-Saħħa, data tat-tilqim li jmiss jistgħu ma jkunux meħtieġa għal skopijiet oħra għajr għall-użu mediku.

(3)  Għall-implimentazzjoni tal-kodiċijiet QR, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jintuża sett addizzjonali ta’ karattri b’tul totali sa 72 karattru (inkluż is-27-30 tal-identifikatur innifsu) biex iwassal informazzjoni oħra. L-ispeċifikazzjoni ta’ din l-informazzjoni hi f’idejn l-Istati Membri biex jiddefinixxuha.

(4)  L-algoritmu Luhn mod N hu estensjoni għall-algoritmu Luhn (magħruf ukoll bħala algoritmu mod 10) li jaħdem għal kodiċijiet numeriċi u jintuża pereżempju għall-kalkolu taċ-checksums tal-karti ta’ kreditu. L-estensjoni tippermetti lill-algoritmu jaħdem b’sekwenzi ta’ valuri fi kwalunkwe bażi (karattri alfa fil-każ tagħna).

(5)  https://ec.europa.eu/health/sites/default/files/ehealth/docs/vaccination-proof_interoperability-guidelines_en.pdf


ANNESS IV

GOVERNANZA TAĊ-ĊERTIFIKATI TAL-KJAVI PUBBLIĊI

1.   Introduzzjoni

L-iskambju sigur u fdat tal-kjavi tal-firma għaċ-ċertifikati COVID diġitali tal-UE (DCCs) bejn l-Istati Membri jitwettaq mill-Gateway taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE (DCCG), li jaġixxi bħala repożitorju ċentrali għall-kjavi pubbliċi. Bid-DCCG, l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jippubblikaw il-kjavi pubbliċi li jikkorrespondu għall-kjavi privati li huma jużaw biex jiffirmaw iċ-Ċertifikati COVID Diġitali. L-Istati Membri dipendenti jistgħu jużaw id-DCCG biex jiksbu materjal aġġornat u fil-ħin dwar kjavi pubbliċi. Imbaghad id-DCCG jista’ jiġi estiż għall-iskambju tal-informazzjoni supplimentari affidabbli li l-Istati Membri jipprovdu, bħar-regoli ta’ validazzjoni għad-DCCs. Il-mudell ta’ fiduċja tal-qafas tad-DCC hu Infrastruttura tal-Kjavi Pubblika (PKI). Kull Stat Membru jżomm Awtorità Nazzjonali taċ-Ċertifikazzjoni tal-Firem (CSCA) waħda jew aktar, li ċ-ċertifikati tagħha għandhom ħajja relattivament twila. Wara d-deċiżjoni tal-Istat Membru, is-CSCA tista’ tkun l-istess jew differenti mis-CSCA użata għal dokumenti tal-ivvjaġġar li jinqraw mill-magni. Is-CSCA toħroġ ċertifikati tal-kjavi pubblika għall-Firmatarji tad-Dokumenti nazzjonali, b’ħajja qasira (jiġifieri l-firmatarji għad-DCCs), li jissejħu Ċertifikati tal-Firem tad-Dokumenti (DSCs). Is-CSCA taġixxi bħala ankra ta’ fiduċja b’tali mod li l-Istati Membri dipendenti jkunu jistgħu jużaw iċ-ċertifikat tas-CSCA biex jivvalidaw l-awtentiċità u l-integrità tad-DSCs li jinbidlu b’mod regolari. Ladarba jiġu vvalidati, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu dawn iċ-ċertifikati (jew sempliċiment il-kjavi pubbliċi li jinsabu fihom) għall-applikazzjonijiet ta’ validazzjoni tad-DCC tagħhom. Minbarra s-CSAs u d-DSCs, id-DCCG jiddependi wkoll fuq il-PKI biex jawtentika t-tranżazzjonijiet, jiffirma d-data, bħala l-bażi għall-awtentikazzjoni u bħala mezz biex tiġi żgurata l-integrità tal-mezzi tal-komunikazzjoni bejn l-Istati Membri u d-DCCG.

Il-firem diġitali jistgħu jintużaw biex jinkisbu l-integrità u l-awtentiċità tad-data. L-infrastrutturi tal-Kjavi Pubbliċi jistabbilixxu l-fiduċja bi kjavi pubbliċi vinkolanti għal identitajiet verifikati (jew emittenti). Dan hu meħtieġ biex parteċipanti oħra jitħallew jivverifikaw l-oriġini tad-data u l-identità tas-sieħeb tal-komunikazzjoni u biex jiddeċiedu dwar il-fiduċja. Fid-DCCG, jintużaw diversi ċertifikati tal-kjavi pubbliċi għall-awtentiċità. Dan l-Anness jiddefinixxi liema ċertifikati tal-kjavi pubbliċi jintużaw u kif għandhom jitfasslu biex jippermettu interoperabbiltà wiesgħa fost l-Istati Membri. Dan jipprovdi aktar dettalji dwar iċ-ċertifikati tal-kjavi pubbliċi meħtieġa u jagħti gwida dwar mudelli taċ-ċertifikati u l-perjodi ta’ validità għall-Istati Membri li jridu joperaw is-CSCA tagħhom stess. Peress li d-DCCs għandhom ikunu verifikabbli għal perjodu ta’ żmien definit (li jibda mill-ħruġ u jiskadi wara żmien partikolari), jeħtieġ jiġi definit mudell ta’ verifika għall-firem kollha applikati fuq iċ-ċertifikati tal-kjavi pubbliċi u d-DCCs.

2.   Terminoloġija

It-tabella li ġejja fiha l-abbrevjazzjonijiet u t-terminoloġija użati f’dan l-Anness kollu.

Terminu

Definizzjoni

Ċertifikat

Jew ċertifikat tal-kjavi pubblika. Ċertifikat X. 509 v3 li fih il-kjavi pubblika ta’ entità

CSCA

Awtorità Nazzjonali taċ-Ċertifikazzjoni tal-Firem

DCC

Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. Dokument diġitali ffirmat li jkun fih informazzjoni dwar it-tilqim, it-test jew il-fejqan

DCCG

Gateway taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. Din is-sistema tintuża għall-iskambju tad-DSCs bejn l-Istati Membri

DCCGTA

Iċ-ċertifikat ta’ Ankra ta’ Fiduċja tad-DCCG. Il-kjavi privata korrispondenti tintuża biex tiġi ffirmata l-lista taċ-ċertifikati kollha tas-CSCA offline

DCCGTLS

Iċ-ċertifikat tas-server TLS tad-DCCG

DSC

Ċertifikat tal-Firem tad-Dokumenti. Iċ-Ċertifikat tal-Kjavi Pubblika ta’ awtorità għall-iffirmar tad-dokumenti ta’ Stat Membru (pereżempju, sistema li titħalla tiffirma DCCs). Dan iċ-ċertifikat jinħareġ mis-CSCA tal-Istat Membru

EC-DSA

Algoritmu tal-Firma Diġitali b’Kurvi Ellittiċi. Algoritmu tal-firma kriptografika bbażat fuq kurvi ellittiċi

Stat Membru

Stat Membru tal-Unjoni Ewropea

mTLS

TLS reċiproku. Il-Protokoll għas-Sigurtà tas-Saff tat-Trasport b’awtentikazzjoni reċiproka

NB

Backend Nazzjonali ta’ Stat Membru

NBCSCA

Iċ-ċertifikat tas-CSCA ta’ Stat Membru (jista’ jkun aktar minn wieħed)

NBTLS

Iċ-ċertifikat ta’ awtentikazzjoni tat-TLS tal-klijent ta’ backend nazzjonali

NBUP

Iċ-ċertifikat li juża backend nazzjonali biex jiffirma pakketti ta’ data li jittellgħu fid-DCCG

PKI

Infrastruttura tal-Kjavi Pubblika. Mudell ta’ fiduċja bbażat fuq iċ-ċertifikati tal-kjavi pubbliċi u fuq l-awtoritajiet taċ-ċertifikazzjoni

RSA

Algoritmu kriptografiku asimmetriku bbażat fuq fattorizzazzjoni integer użata għall-firem diġitali jew għall-kriptaġġ asimmetriku

3.   Flussi tal-komunikazzjoni u servizzi tas-sigurtà tad-DCCG

Din it-taqsima tagħti ħarsa ġenerali lejn il-flussi tal-komunikazzjoni u s-servizzi tas-sigurtà fis-sistema tad-DCCG. Tiddefinixxi wkoll liema kjavi u ċertifikati jintużaw biex tiġi protetta l-komunikazzjoni, l-informazzjoni mtellgħa, id-DCCs, u lista ta’ fiduċja ffirmata li fiha ċ-ċertifikati tas-CSCA mtellgħin kollha. Id-DCCG jaħdem bħala ċentru tad-data li jippermetti l-iskambju ta’ pakketti tad-data ffirmati għall-Istati Membri.

Pakketti tad-data mtellgħin huma pprovduti mid-DCCG “kif inhuma”, li jfisser li d-DCCG ma jżidx jew ma jħassarx id-DSCs mill-pakketti li jirċievi. Il-backend nazzjonali (NB) tal-Istati Membri għandu jkun jista’ jivverifika l-integrità u l-awtentiċità minn tarf sa tarf tad-data mtellgħa. Minbarra dan, il-backends nazzjonali u d-DCCG se jużaw awtentikazzjoni reċiproka tat-TLS biex jistabbilixxu konnessjoni sigura. Dan minbarra l-firem fid-data skambjata.

3.1.   Awtentikazzjoni u stabbiliment tal-konnessjoni

Id-DCCG juża Saff ta’ Sigurtà tat-Trasport (TLS) b’awtentikazzjoni reċiproka biex jistabbilixxi mezz kriptat awtentikat bejn il-backend nazzjonali (NB) tal-Istat Membru u l-ambjent tal-Gateway. Għalhekk, id-DCCG għandu ċertifikat tas-server tat-TLS, DCCGTLS fil-qosor; u l-backends nazzjonali għandhom ċertifikat tat-TLS tal-klijent, fil-qosor NBTLS. Mudelli ta’ ċertifikati huma pprovduti fit-Taqsima 5. Kull backend nazzjonali jista’ jipprovdi ċ-ċertifikat tat-TLS tiegħu stess. Dan iċ-ċertifikat se jsirlu whitelisting b’mod espliċitu u għalhekk jista’ jinħareġ minn awtorità taċ-ċertifikazzjoni fdata pubblikament (pereżempju, awtorità taċ-ċertifikazzjoni li ssegwi r-rekwiżiti bażi tal-Forum tal-Browser CA), minn awtorità nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni jew jista’ jiġi ffirmat minnha stess. Kull Stat Membru hu responsabbli għad-data nazzjonali tiegħu u għall-protezzjoni tal-kjavi privata użata biex tiġi stabbilita l-konnessjoni mad-DCCG. L-approċċ ta’ “ġib iċ-ċertifikat tiegħek stess” jeħtieġ proċess definit sew ta’ reġistrazzjoni u identifikazzjoni, u proċeduri ta’ revoka u tiġdid kif deskritt fit-Taqsimiet 4.1 , 4.2 and 4.3. Id-DCCG juża whitelist fejn jiżdiedu ċ-ċertifikati tat-TLS tan-NBs wara li r-reġistrazzjoni tagħhom tkun irnexxiet. NBs biss li jawtentikaw lilhom infushom bi kjavi privata li tikkorrispondi għal ċertifikat fil-whitelist jistgħu jistabbilixxu konnessjoni sigura mad-DCCG. Id-DCCG se juża wkoll ċertifikat tat-TLS li jippermetti lin-NBs jivverifikaw li tabilħaqq qed jistabbilixxu konnessjoni mad-DCCG “reali” u mhux ma’ xi entità malizzjuża li tagħmilha ta’ DCCG. Iċ-ċertifikat tad-DCCG se jingħata lin-NBs wara reġistrazzjoni b’suċċess. Iċ-ċertifikat tad-DCCGTLS se jinħareġ minn CA fdata pubblikament (inkluż fil-browsers ewlenin kollha). Hi r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jivverifikaw li l-konnessjoni tagħhom mad-DCCG hi sigura (pereżempju, billi jivverifikaw il-marka tas-swaba’ taċ-ċertifikat DCCGTLS tas-server imqabbad magħha għal dik ipprovduta wara r-reġistrazzjoni).

3.2.   Awtoritajiet Nazzjonali taċ-Ċertifikazzjoni tal-Firem u l-Mudell ta’ Validazzjoni

L-Istati Membri li jieħdu sehem fil-qafas tad-DCCG iridu jużaw CSCA biex joħorġu d-DSCs. L-Istati Membri jista’ jkollhom aktar minn CSCA waħda, pereżempju, fil-każ ta’ devoluzzjoni reġjonali. Kull Stat Membru jista’ juża l-awtoritajiet taċ-ċertifikazzjoni eżistenti jew inkella jista’ jistabbilixxi awtorità taċ-ċertifikazzjoni ddedikata (possibbilment awtoffirmata) għas-sistema tad-DCC.

L-Istati Membri jridu jippreżentaw iċ-ċertifikat(i) tas-CSCA tagħhom lill-operatur tad-DCCG waqt il-proċedura uffiċjali ta’ onboarding. Wara r-reġistrazzjoni b’suċċess tal-Istat Membru (ara t-Taqsima 4.1 għal aktar dettalji), l-operatur tad-DCCG se jaġġorna lista ta’ fiduċja ffirmata li jkun fiha ċ-ċertifikati kollha tas-CSCA li huma attivi fil-qafas tad-DCC. L-operatur tad-DCCG se juża par kjavi asimmetriku ddedikat biex jiffirma l-lista ta’ fiduċja u ċ-ċertifikati f’ambjent offline. Il-kjavi privata ma tinħażinx fuq is-sistema tad-DCCG online, b’tali mod li kompromess tas-sistema online ma jippermettix li attakkant jikkomprometti l-lista ta’ fiduċja. Iċ-ċertifikat ta’ ankra ta’ fiduċja DCCGTA korrispondenti, se jingħata lin-national backends waqt il-proċess ta’ onboarding.

L-Istati Membri jistgħu jirkupraw il-lista ta’ fiduċja mid-DCCG għall-proċeduri ta’ verifika tagħhom. Is-CSCA hi definita bħala l-awtorità taċ-ċertifikazzjoni li toħroġ id-DSCs, għaldaqstant l-Istati Membri li jużaw ġerarkija tal-CA f’diversi livelli (pereżempju, Root CA -> CSCA -> DSCs) iridu jipprovdu l-awtorità taċ-ċertifikazzjoni subordinarja li toħroġ id-DSCs. F’dan il-każ, jekk Stat Membru juża awtorità taċ-ċertifikazzjoni eżistenti, allura s-sistema tad-DCC se tinjora kwalunkwe ħaġa ’l fuq mis-CSCA u tqis biss bħala whitelist is-CSCA bħala l-ankra ta’ fiduċja (anki jekk din tkun CA subordinat). Dan hu bħall-mudell tal-ICAO, li jippermetti biss eżattament 2 livelli – “root” CSCA u “leaf” DSC – iffirmati minn dik is-CSCA biss.

Jekk Stat Membru jkun jopera s-CSCA tiegħu stess, l-Istat Membru jkun responsabbli għall-operazzjoni sigura u għall-ġestjoni tal-kjavi ta’ din is-CA. Is-CSCA taġixxi bħala l-ankra ta’ fiduċja għad-DSCs, u għalhekk il-protezzjoni tal-kjavi privata tas-CSCA hi essenzjali għall-integrità tal-ambjent tad-DCC. Il-mudell ta’ verifika fid-DCC PKI hu l-mudell primarju, li jiddikjara li ċ-ċertifikati kollha fil-validazzjoni tal-mogħdija taċ-ċertifikat iridu jkunu validi fi żmien partikolari (jiġifieri l-ħin tal-validazzjoni tal-firma). Għalhekk, japplikaw ir-restrizzjonijiet li ġejjin:

Is-CSCA m’għandhiex toħroġ ċertifikati li huma validi għal aktar żmien miċ-ċertifikat CA nnifsu;

Il-firmatur tad-dokument m’għandux jiffirma dokumenti li jkunu validi għal aktar tul mid-DSC innifsu;

L-Istati Membri li joperaw is-CSCA tagħhom stess iridu jiddefinixxu l-perjodi ta’ validità għas-CSCA tagħhom u għaċ-ċertifikati kollha maħruġa u jridu jieħdu ħsieb it-tiġdid taċ-ċertifikati.

It-Taqsima 4.2 fiha rakkomandazzjonijiet għall-perjodi ta’ validità.

3.3.   Integrità u awtentiċità tad-data mtellgħa

Il-backends nazzjonali jistgħu jużaw id-DCCG biex itellgħu u jniżżlu pakketti ta’ data ffirmati b’mod diġitali wara awtentikazzjoni reċiproka b’suċċess. Fil-bidu, dawn il-pakketti ta’ data jkollhom id-DSCs tal-Istati Membri. Il-par kjavi li jintuża mill-backend nazzjonali għall-firma diġitali ta’ pakketti tad-data mtellgħin fis-sistema tad-DCCG jissejjaħ il-par kjavi tal-firma tal-upload tal-backend nazzjonali u ċ-ċertifikat tal-kjavi pubblika korrispondenti huwa mqassar bħala ċertifikat NBUP. Kull Stat Membru jġib iċ-ċertifikat NBUP tiegħu stess, li jista’ jiġi ffirmat minnu stess, jew jinħareġ minn awtorità taċ-ċertifikazzjoni eżistenti, bħal awtorità taċ-ċertifikazzjoni pubblika (jiġifieri awtorità taċ-ċertifikazzjoni li toħroġ ċertifikat f’konformità mar-rekwiżiti bażiċi tal-Forum CAB). Iċ-ċertifikat NBUP għandu jkun differenti minn kwalunkwe ċertifikat ieħor użat mill-Istat Membru (jiġifieri CSCA, klijent tat-TLS jew DSCs).

L-Istati Membri jridu jipprovdu ċ-ċertifikat għall-upload lill-operatur tad-DCCG waqt il-proċedura ta’ reġistrazzjoni inizjali (ara t-Taqsima 4.1 għal aktar dettalji). Kull Stat Membru hu responsabbli għad-data nazzjonali tiegħu u jrid jipproteġi l-kjavi privata li tintuża għall-iffirmar tal-uploads.

Stati Membri oħra jistgħu jivverifikaw il-pakketti tad-data ffirmati billi jużaw iċ-ċertifikati mtellgħin li huma pprovduti mid-DCCG. Id-DCCG jivverifika l-awtentiċità u l-integrità tad-data mtellgħa maċ-ċertifikat imtella’ tan-NB qabel ma tiġi pprovduta lil Stati Membri oħra.

3.4.   Rekwiżiti dwar l-arkitettura teknika tad-DCCG

Ir-rekwiżiti dwar l-arkitettura teknika tad-DCCG huma kif ġej:

Id-DCCG juża l-awtentikazzjoni ta’ TLS reċiproka biex jistabbilixxi konnessjoni kriptata awtentikata mal-NBs. Għalhekk, id-DCCG iżomm whitelist taċ-ċertifikati tal-klijenti reġistrati NBTLS;

Id-DCCG juża żewġ ċertifikati diġitali (DCCGTLS u DCCGTA) b’żewġ pari kjavi distinti. Il-kjavi privata tal-par kjavi tad-DCCGTA tinżamm offline (mhux fuq il-komponenti online tad-DCCG);

Id-DCCG iżomm lista ta’ fiduċja taċ-ċertifikati NBCSCA li hija ffirmata bil-kjavi privata tad-DCCGTA;

Iċ-ċifri li jintużaw iridu jissodisfaw ir-rekwiżiti mit-Taqsima 5.1.

4.   Ġestjoni taċ-Ċiklu tal-ħajja taċ-Ċertifikat

4.1.   Ir-reġistrazzjoni tal-Backends Nazzjonali

L-Istati Membri jridu jirreġistraw mal-operatur tad-DCCG biex jieħdu sehem fis-sistema tad-DCCG. Din it-taqsima tiddeskrivi l-proċedura teknika u operazzjonali li trid tiġi segwita għar-reġistrazzjoni ta’ backend nazzjonali.

L-operatur tad-DCCG u l-Istat Membru jridu jiskambjaw informazzjoni dwar persuni tekniċi ta’ kuntatt għall-proċess ta’ onboarding. Hu preżunt li l-persuni tekniċi ta’ kuntatt ikunu leġittimati mill-Istati Membri tagħhom u l-identifikazzjoni/l-awtentikazzjoni titwettaq b’mezzi oħra. Pereżempju, l-awtentikazzjoni tista’ tinkiseb meta l-kuntatt tekniku tal-Istati Membri jipprovdi ċ-ċertifikati bħala fajls kriptati b’password permezz tal-email u jikkondividi l-password korrispondenti mal-operatur tad-DCCG permezz tat-telefown. Jistgħu jintużaw ukoll mezzi siguri oħra definiti mill-operatur tad-DCCG.

L-Istat Membru jrid jipprovdi tliet ċertifikati diġitali waqt il-proċess ta’ reġistrazzjoni u identifikazzjoni:

Iċ-ċertifikat tat-TLS tal-Istat Membru NBTLS

Iċ-ċertifikat imtella’ tal-Istat Membru NBUP

Iċ-ċertifikat(i) tas-CSCA tal-Istat Membru NBCSCA

Iċ-ċertifikati kollha pprovduti jridu jaderixxu mar-rekwiżiti definiti fit-Taqsima 5. L-operatur tad-DCCG jivverifika li ċ-ċertifikat ipprovdut jaderixxi mar-rekwiżiti tat-Taqsima 5. Wara l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni, l-operatur tad-DCCG:

iżid iċ-ċertifikat(i) tan-NBCSCA fil-lista ta’ fiduċja ffirmata bil-kjavi privata li tikkorrispondi għall-kjavi pubblika tad-DCCGTA;

iżid iċ-ċertifikat tan-NBTLS fil-whitelist tal-punt ta’ tmiem tat-TLS tad-DCCG;

iżid iċ-ċertifikat tan-NBUP fis-sistema tad-DCCG;

jipprovdi ċ-ċertifikat tal-kjavi pubblika tad-DCCGTA u tad-DCCGTLS lill-Istat Membru.

4.2.   L-awtoritajiet taċ-ċertifikazzjoni, il-perjodi ta’ validità u t-tiġdid

F’każ li Stat Membru jkun irid jopera s-CSCA tiegħu stess, iċ-ċertifikati tas-CSCA jistgħu jkunu ċertifikati awtoffirmati. Huma jaġixxu bħala l-ankra ta’ fiduċja tal-Istat Membru u għalhekk l-Istat Membru jrid jipproteġi bil-qawwa l-kjavi privata li tikkorrispondi għall-kjavi pubblika taċ-ċertifikat tas-CSCA. Hu rakkomandat li l-Istati Membri jużaw sistema offline għas-CSCA tagħhom, jiġifieri sistema tal-kompjuter li mhix konnessa ma’ xi network. Kontroll ta’ aktar minn persuna waħda għandu jintuża għall-aċċess tas-sistema (pereżempju, il-prinċipju ta’ erba’ għajnejn). Wara l-iffirmar tad-DSCs, għandhom jiġu applikati kontrolli operazzjonali, u s-sistema bil-kjavi privata tas-CSCA għandha tinħażen b’mod sikur b’kontrolli tal-aċċess sodi. Moduli tas-Sigurtà tal-Hardware jew Smart Cards jistgħu jintużaw biex jipproteġu ulterjorment il-kjavi privata tas-CSCA. Iċ-ċertifikati diġitali fihom perjodu ta’ validità li jinforza t-tiġdid taċ-ċertifikat. It-tiġdid huwa meħtieġ biex jintużaw kjavi kriptografiċi ġodda u biex jiġu adattati d-daqsijiet tal-kjavi meta titjib ġdid fil-komputazzjoni jew attakki ġodda jheddu s-sigurtà tal-algoritmu kriptografiku użat. Japplika l-mudell primarju (ara t-Taqsima 3.2 ).

Il-perjodi ta’ validità li ġejjin huma rakkomandati, meta wieħed iqis il-validità ta’ sena għaċ-ċertifikati COVID diġitali:

CSCA: 4 snin

DSC: sentejn

Upload: sena-sentejn

Awtentikazzjoni tal-klijent tat-TLS: sena-sentejn

Għal tiġdid fil-ħin, huma rakkomandati l-perjodi ta’ użu li ġejjin għall-kjavi privati:

CSCA: sena

DSC: sitt xhur

L-Istati Membri jridu joħolqu ċertifikati ġodda għall-upload u ċertifikati tat-TLS f’ħin regolari, pereżempju, xahar qabel l-iskadenza biex tkun tista’ ssir operazzjoni bla xkiel. Jenħtieġ li ċ-ċertifikati tas-CSCA u d-DSCs jiġġeddu mill-inqas xahar qabel ma jintemm l-użu tal-kjavi privata (b’kunsiderazzjoni tal-proċeduri operazzjonali meħtieġa). L-Istati Membri jridu jipprovdu ċertifikati tas-CSCA, ċertifikati tal-upload u ċertifikati tat-TLS aġġornati lill-operatur tad-DCCG. Ċertifikati skaduti għandhom jitneħħew mill-whitelist u mil-lista ta’ fiduċja.

L-Istati Membri u l-operatur tad-DCCG iridu jżommu rendikont tal-validità taċ-ċertifikati tagħhom stess. Mhemm l-ebda entità ċentrali li żżomm rekord tal-validità taċ-ċertifikati u li tinforma lill-parteċipanti.

4.3.   Revoka taċ-ċertifikati

B’mod ġenerali, iċ-ċertifikati diġitali jistgħu jiġu revokati mill-CA tal-ħruġ tagħhom bl-użu ta’ listi ta’ revoka taċ-ċertifikati jew permezz ta’ Risponder tal-Protokoll tal-Istatus taċ-Ċertifikat Online (OCSP). Is-CSCAs għas-sistema tad-DCC jenħtieġ jipprovdu listi ta’ revoka taċ-ċertifikati (CRLs). Anke jekk dawn is-CRLs bħalissa mhumiex użati minn Stati Membri oħra, dawn jenħtieġ jiġu integrati għal applikazzjonijiet futuri. Jekk CSCA tiddeċiedi li ma tipprovdix CRLs, id-DSCs ta’ din is-CSCA iridu jiġġeddu meta s-CRLs isiru obbligatorji. Il-verifikaturi jenħtieġ ma jużawx l-OCSP għall-validazzjoni tad-DSCs u jenħtieġ jużaw is-CRLs. Hu rakkomandat li l-backend nazzjonali jwettaq il-validazzjoni meħtieġa tad-DCCs li jitniżżlu mill-Gateway tad-DCC u jibgħat biss sett ta’ DSC fdati u validati lill-validaturi nazzjonali tad-DCC. Jenħtieġ li l-validaturi tad-DCC ma jwettqu l-ebda verifika ta’ revoka fuq id-DSC fil-proċess ta’ validazzjoni tagħhom. Waħda mir-raġunijiet għal dan hi biex titħares il-privatezza tad-detenturi tad-DCC billi tiġi evitata kull possibbiltà li l-użu ta’ xi DSC partikolari jiġi monitorjat mir-rispondent assoċjat tiegħu tal-OCSP.

L-Istati Membri jistgħu jneħħu d-DSCs tagħhom mid-DCCG waħedhom bl-użu ta’ ċertifikati validi tal-upload u tat-TLS. It-tneħħija ta’ DSC tfisser li d-DCCs kollha maħruġa b’dan id-DSC se jsiru invalidi meta l-Istati Membri jfittxu l-listi aġġornati tad-DSCs. Il-protezzjoni tal-materjal ta’ kjavi privata li jikkorrispondi għad-DSCs hi kruċjali. L-Istati Membri jridu jinfurmaw lill-operatur tad-DCCG meta huma jkunu jridu jirrevokaw iċ-ċertifikati tal-upload jew tat-TLS, pereżempju minħabba kompromess fil-backend nazzjonali. L-operatur tad-DCCG imbagħad jista’ jneħħi l-fiduċja għaċ-ċertifikat affettwat, pereżempju billi jneħħi dan mill-whitelist tat-TLS. L-operatur tad-DCCG jista’ jneħħi ċ-ċertifikati mtellgħin mill-bażi tad-data tad-DCCG. Il-pakketti ffirmati bil-kjavi privata li jikkorrispondu għal dan iċ-ċertifikat imtella’ se jsiru invalidi meta l-backends nazzjonali jneħħu l-fiduċja taċ-ċertifikat revokat imtella’. F’każ li ċ-ċertifikat tas-CSCA irid jiġi revokat, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-operatur tad-DCCG kif ukoll lil Stati Membri oħra li jkollhom relazzjonijiet ta’ fiduċja magħhom. L-operatur tad-DCCG joħroġ lista ta’ fiduċja ġdida fejn iċ-ċertifikat affettwat ma jibqax fiha. Id-DSCs kollha maħruġa minn din is-CSCA isiru invalidi meta l-Istati Membri jaġġornaw il-maħżen ta’ fiduċja tal-backend nazzjonali tagħhom. F’każ li ċ-ċertifikat tad-DCCGTLS jew iċ-ċertifikat tad-DCCGTA iridu jiġu revokati, l-operatur tad-DCCG u l-Istati Membri jridu jaħdmu flimkien biex jistabbilixxu konnessjoni ta’ TLS affidabbli ġdida u lista ta’ fiduċja.

5.   Mudelli taċ-Ċertifikati

Din it-taqsima tistabbilixxi rekwiżiti kriptografiċi u gwida kif ukoll rekwiżiti dwar il-mudelli taċ-ċertifikati. Għaċ-ċertifikati tad-DCCG, din it-taqsima tiddefinixxi l-mudelli taċ-ċertifikati.

5.1.   Rekwiżiti kriptografiċi

L-algoritmi kriptografiċi u s-settijiet ta’ ċifraturi tat-TLS għandhom jintgħażlu abbażi tar-rakkomandazzjoni attwali mill-Uffiċċju Federali Ġermaniż għas-Sigurtà tal-informazzjoni (BSI) jew is-SOG-IS. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet oħrajn u ta’ organizzazzjoni tal-istandardizzazzjoni huma simili. Ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jinstabu fil-linji gwida tekniċi TR 02102-1 u TR 02102-2 (1) jew fil-Mekkaniżmi Kriptografiċi Miftiehma mal-SOG-IS (2).

5.1.1.   Rekwiżiti dwar id-DSC

Għandhom japplikaw ir-rekwiżiti previsti fit-Taqsima 3.2.2 tal-Anness I. Għalhekk, hu rakkomandat ħafna li l-Firmatarji tad-Dokumenti jużaw l-Algoritmu tal-Firma Diġitali b’Kurvi Ellittiċi (ECDSA) bl-NIST-p-256 (kif definit fl-appendiċi D tal-FIPS PUB 186-4). Kurvi ellittiċi oħrajn ma humiex appoġġati. Minħabba r-restrizzjonijiet ta’ spazju tad-DCC, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jużawx l-RSA-PSS, anki jekk dan ikun permess bħala algoritmu li jintuża f’każ ta’ bżonn. F’każ li l-Istati Membri jużaw RSA-PSS, jenħtieġ li jużaw daqs ta’ modulus ta’ 2048 jew ta’ massimu ta’ 3072 bit. SHA-2 b’tul tal-output ta’ ≥ 256 bits għandu jintuża bħala funzjoni ta’ hash kriptografika (ara ISO/IEC 10118-3:2004) għall-firma tad-WLTP.

5.1.2.   Rekwiżiti dwar iċ-ċertifikati tat-TLS, tal-Upload u tas-CSCA

Għaċ-ċertifikati diġitali u l-firem kriptografiċi fil-kuntest tad-DCCG, ir-rekwiżiti ewlenin dwar l-algoritmi kriptografiċi u t-tul tal-kjavi huma miġbura fil-qosor fit-tabella li ġejja (mill-2021):

Algoritmu tal-Firma

Tul tal-Kjavi

Funzjoni hash

EC-DSA

Min. 250 bit

SHA-2 b’tul tal-output ≥ 256 Bit

RSA-PSS (padding rakkomandat) RSA-PKCS#1 v1.5 (padding legat)

Min. 3000 bit RSA Modulus (N) b’esponent pubbliku e > 2^16

SHA-2 b’tul tal-output ≥ 256 Bit

DSA

Min. 3000 Bit prime p, 250 Bit key q

SHA-2 b’tul tal-output ≥ 256 Bit

Il-kurva ellittika rakkomandata għall-EC-DSA hija NIST-p-256 minħabba l-implimentazzjoni mifruxa tagħha.

5.2.   ĊERTIFIKAT TAS-CSCA (NBCSCA)

It-tabella li ġejja tagħti gwida dwar il-mudell taċ-ċertifikat tan-NBCSCA jekk Stat Membru jiddeċiedi li jopera s-CSCA tiegħu stess għas-sistema tad-DCC.

Huma meħtieġa entrati b’tipa grassa (iridu jiġu inklużi fiċ-ċertifikat), huma rakkomandati entrati bil-korsiv (jenħtieġ li jiġu inklużi). Għall-entrati neqsin, mhi definita l-ebda rakkomandazzjoni.

Entrata

Valur

Suġġett

cn=<mhux vojt u isem komuni uniku> , o=<Fornitur>, c=<Stat Membru li jopera s-CSCA>

Użu tal-kjavi

iffirmar taċ-ċertifikat, iffirmar tal-CRL (bħala minimu)

Restrizzjonijet bażiċi

CA = limitazzjonijiet fit-tul tal-mogħdija, veri = 0

L-isem tas-suġġett irid ikun mhux vojt u uniku fl-Istat Membru speċifikat. Il-kodiċi tal-pajjiż (c) irid jaqbel mal-Istat Membru li se juża dan iċ-ċertifikat tas-CSCA. Iċ-ċertifikat irid ikun fih identifikatur tal-kjavi tas-suġġett uniku (SKI) skont l-RFC 5280 (3).

5.3.   Ċertifikat tal-Firmatarju tad-Dokument (DSC)

It-tabella li ġejja tipprovdi gwida dwar id-DSC. Huma meħtieġa entrati b’tipa grassa (iridu jiġu inklużi fiċ-ċertifikat), huma rakkomandati entrati bil-korsiv (jenħtieġ li jiġu inklużi). Għall-entrati neqsin, mhi definita l-ebda rakkomandazzjoni.

Entrata

Valur

Numru tas-serje

numru tas-serje uniku

Suġġett

cn=<mhux vojt u isem komuni uniku>, o=<Fornitur>, c=<Stat Membru li juża dan id-DSC>

Użu tal-kjavi

firma diġitali (bħala minimu)

Id-DSC irid jiġi ffirmat bil-kjavi privata li tikkorrispondi għal ċertifikat tas-CSCA li jintuża mill-Istat Membru.

Għandhom jintużaw l-estensjonijiet li ġejjin:

Iċ-ċertifikat irid ikun fih Identifikatur tal-Kjavi tal-Awtorità (AKI) li jaqbel mal-Identifikatur tal-Kjavi tas-Suġġett (SKI) taċ-ċertifikat tas-CSCA tal-ħruġ

Iċ-ċertifikat jenħtieġ li jkun fih Identifikatur tal-Kjavi tas-Suġġett uniku (skont l-RFC 5280 (4))

Barra minn hekk, iċ-ċertifikat jenħtieġ li jkun fih l-estensjoni tal-punt ta’ distribuzzjoni tas-CRL li tipponta lejn il-lista ta’ revoka taċ-ċertifikati (CRL) li hija pprovduta mis-CSCA li tkun ħarġet id-DSC.

Id-DSC jista’ jkun fih estensjoni estiża tal-użu tal-kjavi b’żero jew aktar identifikaturi tal-politika dwar l-użu tal-kjavi li jillimitaw it-tipi ta’ HCERTs li dan iċ-ċertifikat huwa permess jivverifika. Jekk ikun hemm preżenti wieħed jew aktar, il-verifikaturi għandhom jivverifikaw l-użu tal-kjavi kontra l-HCERT maħżun. Għal dan, huma definiti l-valuri extendedKeyUsage li ġejjin:

Entrata

Valur

extendedKeyUsage

1.3.6.1.4.1.1847.2021.1.1 għall-Emittenti tat-Test

extendedKeyUsage

1.3.6.1.4.1.1847.2021.1.2 għall-Emittenti tat-Tilqim

extendedKeyUsage

1.3.6.1.4.1.1847.2021.1.3 għall-Emittenti tal-Fejqan

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe estensjoni tal-użu tal-kjavi (jiġifieri ebda estensjoni jew żero estensjonijiet), dan iċ-ċertifikat jista’ jintuża biex jivvalida kwalunkwe tip ta’ HCERT. Dokumenti oħrajn jistgħu jiddefinixxu identifikaturi addizzjonali tal-politika dwar l-użu estiż tal-kjavi rilevanti użati mal-validazzjoni tal-HCERTs.

5.4.   Ċertifikati Mtellgħin (NBUP)

It-tabella li ġejja tipprovdi gwida għall-upload taċ-ċertifikat fil-backend nazzjonali. Huma meħtieġa entrati b’tipa grassa (iridu jiġu inklużi fiċ-ċertifikat), huma rakkomandati entrati bil-korsiv (jenħtieġ li jiġu inklużi). Għall-entrati neqsin, mhi definita l-ebda rakkomandazzjoni.

Entrata

Valur

Suġġett

cn=<mhux vojt u isem komuni uniku>, o=<Fornitur>, c=<Stat Membru li juża din l-upload taċ-ċertifikat>

Użu tal-kjavi

firma diġitali (bħala minimu)

5.5.   Awtentikazzjoni tal-klijent tat-TLS għall-backend nazzjonali (NBTLS)

It-tabella li ġejja tipprovdi gwida għaċ-ċertifikat ta’ awtentikazzjoni tal-klijent tat-TLS għall-backend nazzjonali. Huma meħtieġa entrati b’tipa grassa (iridu jiġu inklużi fiċ-ċertifikat), huma rakkomandati entrati bil-korsiv (jenħtieġ li jiġu inklużi). Għall-entrati neqsin, mhi definita l-ebda rakkomandazzjoni.

Entrata

Valur

Suġġett

cn=<mhux vojt u isem komuni uniku>, o=<Fornitur>, c=<Stat Membru fuq in-NB>

Użu tal-kjavi

firma diġitali (bħala minimu)

Użu estiż tal-Kjavi

awtentikazzjoni tal-klijent ( 1.3.6.1.5.5.7.3.2)

Iċ-ċertifikat jista’ jkun fih ukoll l-awtentikazzjoni tas-server (1.3.6.1.5.5.7.3.1) tal-użu tal-kjavi estiż, iżda dan ma huwiex obbligatorju.

5.6.   Ċertifikat tal-firma tal-lista ta’ fiduċja (DCCGTA)

It-tabella li ġejja tiddefinixxi ċ-ċertifikat ta’ Ankra ta’ Fiduċja tad-DCCG.

Entrata

Valur

Suġġett

cn = Gateway taċ-Ċertifikat Ekoloġiku Diġitali  (5) , o=<Fornitur>, c=<pajjiż>

Użu tal-kjavi

firma diġitali (bħala minimu)

5.7.   Ċertifikati tat-TLS Server tad-DCCG (DCCGTLS)

It-tabella li ġejja tiddefinixxi ċ-ċertifikat TLS tad-DCCG.

Entrata

Valur

Suġġett

cn=<FQDN jew l-indirizz IP tad-DCCG>, o=<Fornitur>, c=<pajjiż>

SubjectAltName

dNSName: <DCCG DNS isem> jew indirizzIP: <Indirizz IP ta’ DCCG>

Użu tal-kjavi

firma diġitali (bħala minimu)

Użu Estiż tal-Kjavi

awtentikazzjoni tas-server ( 1.3.6.1.5.5.7.3.1)

Iċ-ċertifikat jista’ jkun fih ukoll l-awtentikazzjoni tal-klijent ( 1.3.6.1.5.5.7.3.2) għall-użu tal-kjavi estiż, iżda dan ma huwiex obbligatorju.

Iċ-ċertifikat tat-TLS tad-DCCG għandu jinħareġ minn awtorità taċ-ċertifikazzjoni fdata pubblikament (inkluż fil-browsers ewlenin kollha u fis-sistemi operattivi, skont ir-rekwiżiti tal-linja bażi tal-Forum CAB).


(1)  BSI - Technical Guidelines TR-02102 (bund.de)

(2)  SOG-IS - Supporting documents (sogis.eu)

(3)  rfc5280 (ietf.org)

(4)  rfc5280 (ietf.org)

(5)  It-terminoloġija taċ-“Ċertifikat Ekoloġiku Diġitali” minflok iċ-“Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE” inżammet f’dan il-kuntest minħabba li din hija t-terminoloġija li ġiet hardcoded u użata fiċ-ċertifikat qabel ma l-koleġiżlaturi ddeċidew fuq terminoloġija ġdida.