ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 203I

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 64
9 ta' Ġunju 2021


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/921 tas-7 ta’ Ġunju 2021 li tawtorizza lin-Netherlands japplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni għal elettriku fornut direttament lil bastimenti rmiġġati f’port

1

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/922 tas-7 ta’ Ġunju 2021 li tawtorizza lid-Danimarka tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti rmiġġati f’port

3

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

9.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 203/1


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/921

tas-7 ta’ Ġunju 2021

li tawtorizza lin-Netherlands japplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni għal elettriku fornut direttament lil bastimenti rmiġġati f’port

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz ta’ ittra datata l-10 ta’ Awwissu 2020, in-Netherlands talab awtorizzazzjoni biex japplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni għal elettriku li jiġi fornut direttament lil bastimenti marittimi u tal-passaġġi fuq l-ilma interni rmiġġati f’port (“elettriku mix-xatt”) skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE.

(2)

Bir-rata ta’ tassazzjoni li beħsiebu japplika, in-Netherlands għandu l-għan li jippromwovi iżjed l-implimentazzjoni u l-użu tal-elettriku mix-xatt. L-użu ta’ tali elettriku huwa meqjus bħala mezz li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-elettriku tal-bastimenti rmiġġati f’port meta mqabbel mal-ħruq ta’ karburanti tal-bastimenti minn dawk il-bastimenti.

(3)

Sa fejn l-użu tal-elettriku mix-xatt jevita l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja li jirriżultaw mill-ħruq tal-karburanti tal-bastimenti mill-bastimenti rmiġġati, dan jikkontribwixxi għal titjib fil-kwalità tal-arja lokali fl-ibliet portwarji u għal tnaqqis fl-istorbju. B’mod partikolari, taħt il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-istruttura tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fin-Netherlands, l-użu tal-elettriku mix-xatt minflok l-elettriku ġġenerat permezz tal-ħruq tal-karburanti tal-bastimenti huwa mistenni li jnaqqas l-emissjonijiet tas- CO2, sustanzi oħra li jniġġsu l-arja u l-istorbju. Il-miżura hija għalhekk mistennija tikkontribwixxi għall-objettivi tal-Unjoni fir-rigward tal-politiki ambjentali, tas-saħħa u tal-klima tagħha.

(4)

Il-permess li jingħata lin-Netherlands biex japplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni għal elettriku mix-xatt ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jiżdied l-użu ta’ tali elettriku, peress li, fil-maġġoranza tal-każijiet, il-ġenerazzjoni abbord tal-elettriku se tibqa’ l-alternattiva l-aktar kompetittiva. Għall-istess raġuni, u minħabba li bħalissa l-penetrazzjoni tat-teknoloġija fis-suq hija relattivament baxxa, huwa improbabbli li l-miżura se twassal għal distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni matul il-ħajja tagħha u għalhekk mhijiex se jkollha effett negattiv fuq il-funzjonament korrett tas-suq intern.

(5)

Kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE trid tkun strettament limitata fir-rigward ta’ żmien. Sabiex jiġi żgurat li l-perjodu tal-awtorizzazzjoni jkun twil biżżejjed sabiex l-operaturi ekonomiċi rilevanti ma jiġux skoraġġuti milli jagħmlu l-investimenti meħtieġa, huwa xieraq li l-awtorizzazzjoni tingħata mill-1 ta’ Lulju 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2027. Madankollu, l-awtorizzazzjoni jenħtieġ li tieqaf tapplika mid-data tal-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ġenerali dwar benefiċċji fuq it-taxxa għall-elettriku mix-xatt adottata mill-Kunsill taħt l-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jekk tali dispożizzjoni ssir applikabbli qabel it-30 ta’ Ġunju 2027.

(6)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

In-Netherlands huwa awtorizzat japplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni għal elettriku fornut direttament lil installazzjonijiet tal-elettriku mix-xatt għal bastimenti, għajr għal opri tal-baħar privati għar-rikreazzjoni, irmiġġati f’port, dment li jkunu rispettati l-livelli minimi ta’ tassazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2027.

Madankollu, jekk il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq il-bażi tal-Artikolu 113 jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni oħra rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jipprevedi regoli ġenerali dwar benefiċċji fuq it-taxxa għall-elettriku mix-xatt, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika fil-jum li fih isiru applikabbli dawk ir-regoli ġenerali.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Netherlands.

Magħmul fil-Lussembugu, is-7 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

F. VAN DUNEM


(1)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.


9.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 203/3


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/922

tas-7 ta’ Ġunju 2021

li tawtorizza lid-Danimarka tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti rmiġġati f’port

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/993/UE (2), id-Danimarka kienet awtorizzata f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti, għajr dgħajjes privati għad-divertiment, irmiġġati f’port (“elettriku mill-art”) sat-18 ta’ Ġunju 2021.

(2)

Fl-ittra tagħha tal-5 ta’ Mejju 2020, id-Danimarka talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq l-elettriku mix-xatt skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE. L-awtoritajiet Daniżi pprovdew informazzjoni addizzjonali fl-ittra tagħhom tas-16 ta’ Frar 2021.

(3)

Bir-rata tat-taxxa mnaqqsa li beħsiebha tapplika, id-Danimarka għandha l-għan li tippromwovi aktar l-użu tal-elettriku mill-art. L-użu ta’ dan l-elettriku huwa meqjus bħala mod li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-elettriku tal-bastimenti li jkunu rmiġġati f’port milli l-ħruq ta’ karburanti tal-bastimenti minn dawk il-bastimenti.

(4)

Sa fejn l-użu tal-elettriku mix-xatt jevita l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja li jirriżultaw mill-ħruq ta’ karburanti tal-bastimenti, dan jikkontribwixxi għal titjib fil-kwalità tal-arja lokali fl-ibliet portwali u għat-tnaqqis tal-istorbju. Għalhekk, rata mnaqqsa kontinwa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku mix-xatt hija mistennija li tikkontribwixxi għall-objettivi tal-politika ambjentali, tas-saħħa u tal-klima tal-Unjoni.

(5)

Il-fatt li d-Danimarka titħalla tapplika rata mnaqqsa kontinwa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku mix-xatt ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiżdied l-użu ta’ tali elettriku, peress li l-ġenerazzjoni abbord tal-elettriku se tibqa’ l-aktar alternattiva kompetittiva fil-parti l-kbira tal-każijiet. Għall-istess raġuni, u minħabba l-livell attwali relattivament baxx ta’ penetrazzjoni tat-teknoloġija fis-suq, ir-rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni x’aktarx li ma twassalx għal distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni matul il-perijodu ta’ validità tagħha u għalhekk mhux se taffettwa b’mod negattiv il-funzjonament xieraq tas-suq intern.

(6)

Kull awotirzzazzjoni li tingħata f’konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE se tkun għal żmien limitat b’mod strett. Sabiex jiġi żgurat li l-perijodu ta’ awtorizzazzjoni jkun twil biżżejjed biex ma jiskoraġġix lill-operaturi ekonomiċi rilevanti milli jagħmlu l-investimenti meħtieġa, huwa xieraq li l-awtorizzazzjoni tingħata mit-18 ta’ Ġunju 2021 sas-17 ta’ Ġunju 2027. Madankollu, l-awtorizzazzjoni għandha tieqaf tapplika mid-data tal-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ġenerali dwar vantaġġi tat-taxxa għall-elettriku mix-xatt, adottata mill-Kunsill skont l-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jekk dawn id-dispożizzjonijiet isiru applikabbli qabel is-17 ta’ Ġunju 2027.

(7)

Sabiex tingħata ċertezza legali lill-operaturi ekonomiċi u biex tiġi evitata żieda potenzjali fil-piż amministrattiv għad-distributuri u r-ridistributuri tal-elettriku, l-awtorizzazzjoni mitluba jenħtieġ li ssegwi mingħajr xkiel mill-arranġamenti preċedenti awtorizzati mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/993.

(8)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Danimarka hija awtorizzata tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq l-elettriku fornut direttament lil bastimenti, għajr dgħajjes għall-użu privat jew għal divertiment, irmiġġati f’port, diment li jiġu rispettati l-livelli minimi ta’ tassazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mit-18 ta’ Ġunju 2021 sas-17 ta’ Ġunju 2027.

Madankollu, jekk il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq il-bażi tal-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jipprevedi regoli ġenerali dwar il-vantaġġi tat-taxxa għall-elettriku mix-xatt, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika minn dak il-jum li fih isiru applikabbli dawk ir-regoli ġenerali.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-7 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

F. VAN DUNEM


(1)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjonital-Kunsill (UE) 2015/993 tad-19 ta’ Ġunju 2015 li tawtorizza lid-Danimarka tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti rmiġġati f’port, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE (ĠU L 159, 25.6.2015, p. 68).