ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 183

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 64
25 ta' Mejju 2021


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/822 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jemenda r-Regolamenti Delegati (UE) Nru 1003/2013 u (UE) 2019/360 fir-rigward tat-tariffi annwali superviżorji imposti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għall-2021 ( 1 )

1

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/823 tal-20 ta’ Mejju 2021 li jimponi dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

5

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/824 tal-21 ta’ Mejju 2021 li jemenda r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 u (UE) Nru 820/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva terbutilażin ( 1 )

35

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/825 tas-20 ta’ Mejju 2021 li testendi aktar id-deroga temporanja mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill introdotta bid-Deċiżjoni (UE) 2020/430, fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ vvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni

40

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

25.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/822

tal-24 ta’ Marzu 2021

li jemenda r-Regolamenti Delegati (UE) Nru 1003/2013 u (UE) 2019/360 fir-rigward tat-tariffi annwali superviżorji imposti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għall-2021

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 72(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

(1)

It-tariffi mħallsa lill-ESMA mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jiġu kkalkulati bl-użu ta’ metodoloġija stabbilita fir-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) Nru 1003/2013 (3) u (UE) 2019/360 (4). Il-perjodu ta’ referenza għall-fatturat applikabbli f’dawk ir-Regolamenti Delegati huwa s-sena ta’ qabel is-sena li fiha jitħallas id-dħul.

(2)

Fl-1 ta’ Frar 2020, ir-Renju Unit irtira mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. F’konformità mal-perjodu ta’ tranżizzjoni stabbilit fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, id-dritt tal-Unjoni ma baqax japplika għar-Renju Unit u fih mill-31 ta’ Diċembru 2020.

(3)

Żewġ repożitorji tat-tranżazzjonijiet stabbiliti fir-Renju Unit ittrasferew parti mis-servizzi u l-attivitajiet tagħhom lill-Unjoni sabiex ikunu jistgħu jkomplu jipprovdu s-servizzi u l-attivitajiet tagħhom lil kontropartijiet stabbiliti fl-Unjoni. Dan biddel b’mod sinifikanti l-għadd ta’ repożitorji tat-tranżazzjonijiet attivi fl-Unjoni.

(4)

Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet il-ġodda tal-Unjoni effettivament bdew l-attività tagħhom fl-Unjoni f’Jannar 2021, u l-livell ta’ attività tagħhom fl-2020 kien kważi ineżistenti. It-tariffa għas-superviżjoni annwali tagħhom għall-2021 għalhekk tkun negliġibbli, għalkemm l-attivitajiet tagħhom x’aktarx li jkunu sinifikanti. Sabiex jiġi żgurat li jħallsu tariffa li tkun proporzjonata mal-fatturat reali tagħhom fl-Unjoni, it-tariffa għas-superviżjoni annwali tagħhom għall-2021 għandha tiġi kkalkulata abbażi tal-fatturat applikabbli tagħhom matul l-ewwel nofs tal-2021.

(5)

Sabiex l-ESMA tkun tista’ timponi tariffi fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet fl-2021 b’mod proporzjonat filwaqt li tkopri l-ispejjeż kollha tagħha relatati mas-superviżjoni tagħhom, jeħtieġ li jinbidel il-perjodu ta’ referenza għall-kalkolu tat-tariffi annwali mħallsa mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet lill-ESMA fl-2021. Peress li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet rilevanti huma rreġistrati mal-ESMA skont ir-Regolamenti (UE) Nru 648/2012 u (UE) 2015/2365, l-emendi għal dak il-perjodu ta’ referenza jenħtieġ li jsiru fl-istess ħin.

(6)

Ir-Regolamenti Delegati (UE) Nru 1003/2013 u (UE) 2019/360 għandhom għalhekk jiġu emendati skont il-ħtieġa.

(7)

Sabiex tiġi ffaċilitata minnufih attività ta’ superviżjoni u infurzar effettiva u effiċjenti, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ b’urġenza,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda fir-Regolament Delegat (UE) Nru 1003/2013

L-Artikolu 15a li ġej għandu jiddaħħal fir-Regolament Delegat (UE) Nru 1003/2013:

‘Artikolu 15a

Tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet reġistrati sal-31 ta’ Diċembru 2020

1.   Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet diġà rreġistrati mal-ESMA mill-31 ta’ Diċembru 2020 għandhom jiġu imposti tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 ikkalkulata skont l-Artikolu 7. Madankollu, għall-finijiet tal-Artikolu 7(2)(c) il-fatturat applikabbli tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandu jiġi kkalkulat skont il-paragrafu 2.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-fatturat applikabbli ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jkun is-somma ta’ terz ta’ kull wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

id-dħul iġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin tal-ġbir u ż-żamma b’mod ċentrali tar-rekords tad-derivati tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2021, diviż bid-dħul totali ġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin tal-ġbir u ż-żamma b’mod ċentrali tar-rekords tad-derivati tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati kollha matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2021;

(b)

l-għadd ta’ tranżazzjonijiet irrappurtati lir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2021, diviż bl-għadd totali ta’ tranżazzjonijiet irrappurtati lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet reġistrati kollha matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2021;

(c)

l-għadd ta’ tranżazzjonijiet pendenti rreġistrati fit-30 ta’ Ġunju 2021, diviż bl-għadd totali ta’ tranżazzjonijiet pendenti irreġistrati fit-30 ta’ Ġunju 2021 fir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati kollha.

3.   L-ammont tat-tariffa għas-superviżjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1 għandu jitnaqqas bi kwalunkwe ammont diġà mħallas mir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet skont l-Artikolu 11(1) qabel is-26 ta’ Mejju 2021.

Meta l-ammont diġà mħallas minn repożitorju tat-tranżazzjonijiet skont l-Artikolu 11(1) qabel is-26 ta’ Mejju 2021 ikun ogħla mit-tariffa għas-superviżjoni annwali kkalkulata f’konformità mal-paragrafu 1, l-ESMA għandha tirrimborża d-differenza lir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet.

4.   B’deroga mill-Artikolu 11(1), it-tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun dovuta fl-31 ta’ Ottubru 2021.

5.   L-ESMA għandha tibgħat il-fattura għat-tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kif imsemmija fil-paragrafu 1 mill-inqas 30 jum qabel id-data tal-ħlas.

6.   Meta l-kontijiet awditjati għall-2021 isiru disponibbli, ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jirrapportaw lill-ESMA l-indikaturi msemmija fl-Artikolu 3(1) għall-2021.

Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandhom jintalbu jħallsu kwalunkwe differenza bejn it-tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 effettivament imħallsa u t-tariffa għas-superviżjoni annwali li kienet tkun dovuta għall-2021 li kieku l-kalkolu tal-fatturat applikabbli kien ibbażat fuq l-indikaturi rrapportati skont l-ewwel subparagrafu.

L-ESMA għandha tibgħat il-fattura għal kull pagament addizzjonali skont itieni subparagrafu mill-anqas 30 jum qabel id-data tal-ħlas rispettiva.’

Artikolu 2

Emenda fir-Regolament Delegat (UE) 2019/360

L-Artikolu 15a li ġej jiddaħħal fir-Regolament Delegat (UE) 2019/360:

“Artikolu 15a

Tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet reġistrati sal-31 ta’ Diċembru 2020

1.   Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet diġà rreġistrati mal-ESMA mill-31 ta’ Diċembru 2020 għandhom jiġu imposti tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 ikkalkulata skont l-Artikolu 6. Madankollu, għall-finijiet tal-Artikolu 6(2)(b) il-fatturat applikabbli tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandu jiġi kkalkulat skont il-paragrafu 2.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-fatturat applikabbli tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jkun is-somma ta’:

id-dħul iġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin ta’ ġbir u ta’ żamma f’post ċentrali ta’ rekords ta’ SFTs matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2021 u

id-dħul applikabbli mis-servizzi anċillari tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet skont il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 2 matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2021

diviż bis-somma ta’:

id-dħul totali ġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin ta’ ġbir u ta’ żamma f’post ċentrali ta’ rekords ta’ SFTs matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2021 tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kollha reġistrati u

id-dħul applikabbli mis-servizzi anċillari tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kollha skont il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 2 matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2021.

3.   L-ammont tat-tariffa għas-superviżjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1 għandu jitnaqqas bi kwalunkwe ammont diġà mħallas mir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet skont l-Artikolu 10(1) qabel is-26 ta’ Mejju 2021.

Meta l-ammont diġà mħallas minn repożitorju tat-tranżazzjonijiet skont l-Artikolu 10(1) qabel is-26 ta’ Mejju 2021 ikun ogħla mit-tariffa għas-superviżjoni annwali kkalkulata f’konformità mal-paragrafu 1, l-ESMA għandha tirrimborża d-differenza lir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet.

4.   B’deroga mill-Artikolu 10(1), it-tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun dovuta fl-31 ta’ Ottubru 2021.

5.   L-ESMA għandha tibgħat il-fattura għat-tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kif imsemmija fil-paragrafu 1 mill-inqas 30 jum qabel id-data tal-ħlas.

6.   Meta l-kontijiet awditjati għall-2021 isiru disponibbli, ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jirrapportaw lill-ESMA l-indikaturi msemmija fl-Artikolu 2(3) għall-2021.

Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandhom jintalbu jħallsu kwalunkwe differenza bejn it-tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 effettivament imħallsa u t-tariffa għas-superviżjoni annwali li kienet tkun dovuta għall-2021 li kieku l-kalkolu tal-fatturat applikabbli kien ibbażat fuq l-indikaturi rrapportati skont l-ewwel subparagrafu.

L-ESMA għandha tibgħat il-fattura għal kull pagament addizzjonali skont itieni subparagrafu mill-anqas 30 jum qabel id-data tal-ħlas rispettiva.’

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1.

(3)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1003/2013 tat-12 ta’ Lulju 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tariffi imposti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet (ĠU L 279, 19.10.2013, p. 4).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/360 tat-13 ta’ Diċembru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tariffi imposti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet (ĠU L 81, 22.3.2019, p. 58).


25.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/5


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/823

tal-20 ta’ Mejju 2021

li jimponi dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (1) (minn hawn ’il quddiem issir referenza għalih bħala “ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 18 tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   L-investigazzjonijiet preċedenti u l-miżuri fis-seħħ

(1)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/309 (2), il-Kummissjoni imponiet dazji kompensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija (“l-investigazzjoni oriġinali”).

(2)

Fl-4 ta’ Ġunju 2018, wara rieżami interim parzjali dwar is-sussidjar tal-produtturi esportaturi kollha, il-Kummissjoni ddeċidiet li żżomm il-miżuri kif stabbilit oriġinarjament (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/823) (3). Din sabet li l-bidla leġiżlattiva fil-leġiżlazzjoni Torka dwar is-sussidji għall-produtturi tat-trota, li kienet soġġetta għar-rieżami, ma kinitx tiġġustifika r-reviżjoni tad-dazji kompensatorji għall-produtturi kollha tat-trota fit-Turkija. Madankollu, ġie osservat li l-impatt tal-bidla leġiżlattiva kien differenti fil-livell ta’ kumpaniji individwali u kien jiddependi fuq is-sitwazzjoni speċifika ta’ kull waħda mill-kumpaniji (4).

(3)

Fil-15 ta’ Mejju 2020, wara rieżami interim parzjali, il-Kummissjoni emendat il-livell tad-dazju kompensatorju fir-rigward ta’ produttur esportatur wieħed (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/658) (5).

(4)

Id-dazji kompensatorji definittivi li huma fis-seħħ bħalissa jvarjaw minn 1,5 % sa 9,5 %.

1.2.   Talba għal rieżami ta’ skadenza

(5)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż dwar l-iskadenza (6), il-Kummissjoni rċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(6)

It-talba tressqet fil-25 ta’ Novembru 2019 mill-Organizzazzjoni Daniża tal-Akkwakultura (“TDAO” jew “l-applikant”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 40 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti troti qawsalla. It-talba kienet imsejsa fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri aktarx twassal għall-kontinwazzjoni ta’ sussidjar u għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

(7)

Qabel il-bidu tar-rieżami ta’ skadenza, u f’konformità mal-Artikoli 22(1) u 10(7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għarrfet lill-Gvern tat-Turkija (“GOT”) li hija kienet irċeviet talba ddokumentata kif xieraq għal rieżami u stiednet lill-GOT għal konsultazzjonijiet bil-għan li tkun iċċarata s-sitwazzjoni dwar il-kontenut tat-talba ta’ rieżami u li tinstab soluzzjoni bi ftehim reċiproku. Il-konsultazzjonijiet saru fl-20 ta’ Frar 2020.

(8)

Matul il-konsultazzjonijiet ta’ qabel, il-GOT indika li kien hemm bidla sostanzjali fis-sistemi ta’ appoġġ tat-Turkija li dehret għax l-ammont totali tal-pagament ta’ appoġġ u tal-produzzjoni li għandu jiġi appoġġat naqas b’mod sinifikanti mill-2013. Għalhekk, il-GOT kien tal-fehma li ma kienx hemm bżonn li jinbeda rieżami ta’ skadenza.

(9)

Il-Kummissjoni qieset li l-evidenza ppreżentata fit-talba għal rieżami kienet tikkostitwixxi l-informazzjoni raġonevolment disponibbli għall-applikant f’dak l-istadju. Kif muri fil-memorandum dwar is-suffiċjenza tal-evidenza, li fih il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-evidenza kollha għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni dwar l-allegati sussidji u li abbażi tagħha l-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni, fl-istadju tal-bidu kien hemm biżżejjed evidenza li l-allegati sussidji kienu kompensabbli f’termini tal-eżistenza, l-ammont u n-natura tagħhom.

1.3.   Il-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza

(10)

Billi ddeterminat, wara li kkonsultat il-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament bażiku, li kien hemm raġuni suffiċjenti biex jingħata bidu għal rieżami ta' skadenza, il-Kummissjoni ħabbret il-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku skont l-avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (8) fis-27 ta' Frar 2020 ("in-Notifika ta' bidu"). Fid-dawl tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ħejjiet memorandum dwar is-suffiċjenza tal-evidenza li fih il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-evidenza kollha għad-dispożizzjoni tagħha u li abbażi tagħha l-Kummissjoni bdiet din l-investigazzjoni.

1.4.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u l-perjodu kkunsidrat

(11)

L-investigazzjoni ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ sussidjar kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2019 (“perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami” jew “PIR”). L-eżaminazzjoni tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-aħħar tal-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (“il-perjodu kkunsidrat”) (9).

1.5.   Il-partijiet interessati

(12)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-partijiet interessati ġew mistiedna biex jikkuntattjaw lill-Kummissjoni sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni informat speċifikament lill-applikant, lil produtturi tal-Unjoni oħrajn magħrufa, lill-produtturi esportaturi magħrufa u lill-GOT, lill-importaturi u lill-utenti magħrufa dwar il-bidu tal-investigazzjoni u stednithom jipparteċipaw.

(13)

Il-partijiet kollha ġew mistiedna jressqu l-fehmiet tagħhom, jissottomettu l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn fi żmien l-iskadenzi stabbiliti fin-Notifika ta’ Bidu. Il-partijiet interessati kellhom ukoll l-opportunità li jikkummentaw dwar il-bidu tal-investigazzjoni u jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

1.6.   Il-kampjunar

(14)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni ħabbret li kien hemm il-possibbiltà li tagħżel kampjun minn fost il-partijiet interessati f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

1.6.1.   Il-kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(15)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni ħabbret li hija kienet għażlet provviżorjament kampjun tal-produtturi tal-Unjoni. F’konformità mal-Artikolu 27(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun provviżorju abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv tal-produzzjoni u tal-bejgħ li raġonevolment seta’ jiġi investigat fiż-żmien disponibbli, waqt li qieset ukoll il-firxa ġeografika. Dan il-kampjun kien jikkonsisti minn tmien produtturi tal-Unjoni li kollha kemm huma kienu Intrapriżi Żgħar u Medji (“SMEs”). Il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun b’mod provviżorju kienu jirrappreżentaw 14 % tal-produzzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jikkummentaw dwar il-kampjun provviżorju.

(16)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand it-TDAO. Fuq din il-bażi u bil-ħsieb li tkopri l-akbar volum rappreżentattiv tal-produzzjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li żżid produttur ta’ trota ffriżata mal-kampjun finali u li tissostitwixxi wieħed mill-produtturi magħżula b’mod provviżorju b’ieħor. Ma waslux aktar kummenti.

(17)

Barra minn hekk, kif imsemmi fil-premessa (24), wieħed mill-produtturi tal-Unjoni inkluż fil-kampjun ma pprovdiex tweġiba għall-kwestjonarju u għalhekk ġie eskluż mill-kampjun. Il-kampjun li jifdal tal-produtturi tal-Unjoni xorta kien jirrappreżenta 13 % tal-produzzjoni tal-Unjoni u kien rappreżentattiv għall-industrija tal-Unjoni, minħabba l-għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni.

1.6.2.   Il-kampjunar tal-importaturi

(18)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni stiednet lill-importaturi mhux relatati biex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu.

(19)

Peress li l-ebda importatur mhux relatat ma ppreżenta ruħu, ma kien hemm l-ebda bżonn ta’ kampjunar.

1.6.3.   Il-kampjunar ta’ produtturi esportaturi fit-Turkija

(20)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ u, jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi kollha fit-Turkija biex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni tar-Repubblika tat-Turkija għall-Unjoni Ewropea biex tidentifika u/jew tikkuntattja lil produtturi esportaturi oħrajn, jekk hemm, li jistgħu jkunu interessati li jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

(21)

Ħmistax-il produttur esportatur / grupp ta’ produtturi esportaturi fit-Turkija pprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. Il-volum totali tal-esportazzjonijiet iddikjarat lejn l-Unjoni minn dawn il-kumpaniji ta’ ċerti trota qawsalla matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami kien jammonta għal 100 % tal-esportazzjonijiet mit-Turkija lejn l-Unjoni.

(22)

F’konformità mal-Artikolu 27(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta’ tliet produtturi esportaturi / gruppi ta’ produtturi esportaturi abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li raġonevolment seta’ jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-kampjun kien jammonta għal aktar minn 70 % tal-bejgħ tal-esportazzjoni ddikjarat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(23)

F’konformità mal-Artikolu 27(2) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi kkonċernati magħrufa kollha u l-awtoritajiet Torok ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun. Ma wasal l-ebda kumment.

1.6.4.   It-tweġibiet għall-kwestjonarji u n-nuqqas ta’ kooperazzjoni

(24)

Sabiex tikseb l-informazzjoni meqjusa neċessarja għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lid-disa’ produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, lit-tliet produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun u lill-GOT. Wieħed mill-produtturi tal-Unjoni inkluż fil-kampjun informa lill-Kummissjoni li ma kienx f’pożizzjoni li jimla tweġiba għall-kwestjonarju. Barra minn hekk, produttur esportatur wieħed inkluż fil-kampjun ma pprovdiex tweġiba għall-kwestjonarju. B’riżultat ta’ dan, waslu tweġibiet għall-kwestjonarju mingħand tmien produtturi tal-Unjoni, żewġ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun u l-GOT.

(25)

Fir-rigward tal-produttur esportatur inkluż fil-kampjun li ma kkooperax, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibbaża s-sejbiet tagħha fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku. Il-produttur esportatur ikkonċernat ġie infurmat kif xieraq. Ma wasal l-ebda kumment. Iż-żewġ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun li pprovdew tweġibiet sħaħ għall-kwestjonarju xorta koprew aktar minn 60 % tal-bejgħ tal-esportazzjoni ddikjarat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

1.6.5.   Il-verifika

(26)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa bħala meħtieġa għad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ sussidjar u dannu u tal-interess tal-Unjoni. Minħabba t-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri konsegwenti li ttieħdu biex tiġi indirizzata t-tifqigħa (10), il-Kummissjoni madankollu ma setgħetx twettaq żjarat ta’ verifika fil-bini tal-kumpaniji kollha skont l-Artikolu 26 tar-Regolament bażiku. Minflok, il-Kummissjoni wettqet kontroverifiki mill-bogħod (“RCCs”) tal-informazzjoni pprovduta mill-kumpaniji li ġejjin:

Il-produtturi tal-Unjoni:

Az Agr Ittica Rio Selva Srl Soc Agr (l-Italja)

Danaqua Aps (id-Danimarka)

Gospodarstwo Rybackie Bytów (il-Polonja)

Gruppo Sais (l-Italja)

Sas Lefevre Surgeles (Franza)

Snaptun Frysehus A/S (id-Danimarka)

Tres Mares (Spanja)

Truite Service (Franza)

Il-produtturi esportaturi:

Grupp ta’ kumpaniji relatati “GMS”, it-Turkija:

Gümüşdoğa Su Ürünleri Üretim İhracat İthalat A.Ş., Muğla, it-Turkija

Dalga Seafood Ltd., Ateni, il-Greċja

Grupp ta’ kumpaniji relatati “Özpekler”, it-Turkija:

Özpekler İnşaat Taahhüd Dayanıklı Tüketim Malları Su Ürünleri Sanayi ve Ticaret Limited Şirketi, Denizli, it-Turkija

Özpekler İthalat İhracat Su Ürünleri Sanayi ve Ticaret Ltd. Şti., Denizli, it-Turkija

GOT:

Il-Ministeru tal-Kummerċ, ir-Repubblika tat-Turkija

Il-Ministeru tal-Agrikoltura u l-Forestrija, ir-Repubblika tat-Turkija

L-Aġenzija għar-Regolamentazzjoni u s-Superviżjoni Bankarja, ir-Repubblika tat-Turkija

Il-Ministeru tat-Teżor u l-Finanzi, ir-Repubblika tat-Turkija

Kooperattivi tal-Kreditu Agrikolu, ir-Repubblika tat-Turkija

Il-Bank Ċentrali tar-Repubblika tat-Turkija, ir-Repubblika tat-Turkija

Eximbank, ir-Repubblika tat-Turkija

Organizzazzjoni għall-iżvilupp ta’ intrapriżi żgħar u medji tat-Turkija (KOSGEB), ir-Repubblika tat-Turkija

Grupp tal-Assigurazzjoni Agrikola, ir-Repubblika tat-Turkija

Il-Ministeru tal-Industrija u t-Teknoloġija, ir-Repubblika tat-Turkija

1.6.6.   Il-proċedura sussegwenti

(27)

Fis-26 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni żvelat il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien beħsiebha żżomm id-dazji kompensatorji fis-seħħ. Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni.

(28)

Fl-14 ta’ April 2021, il-Kummissjoni, waqt li qieset ċerti pretensjonijiet li waslu wara l-iżvelar finali li kellu impatt fuq l-eżitu tal-investigazzjoni, żvelat dawk il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet addizzjonali li wasslu biex il-Kummissjoni timmodifika s-sejbiet finali bħala preċedentament żvelati. Il-partijiet interessati ngħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara din ir-rivelazzjoni addizzjonali.

(29)

Il-kummenti li għamlu l-partijiet interessati ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni u kienu kkunsidrati fejn xieraq. Il-partijiet li talbu dan ingħataw seduta ta’ smigħ.

2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

(30)

Il-prodott ikkonċernat huwa l-istess bħal fl-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri t-trota qawsalla (Oncorhynchus mykiss) (“trota”):

ħajja li tiżen 1,2 kg jew inqas kull waħda, jew

friska, imkessħa, iffriżata u/jew affumikata:

fil-forma ta’ ħuta sħiħa (bir-ras), imnaddfa mill-garġi jew le, imnaddfa mill-organi jew le, li tiżen 1,2 kg jew inqas kull waħda, jew

bir-ras maqtugħa, imnaddfa mill-garġi jew le, imnaddfa mill-organi jew le, li jiżnu 1 kg jew inqas kull waħda, jew

fil-forma ta’ flettijiet li jiżnu 400 g jew inqas kull wieħed,

li joriġina mir-Repubblika tat-Turkija (“il-pajjiż ikkonċernat”) u li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 0301 91 90, ex 0302 11 80, ex 0303 14 90, ex 0304 42 90, ex 0304 82 90 u ex 0305 43 00 (kodiċijiet TARIC 0301919011, 0302118011, 0303149011, 0304429010, 0304829010 u 0305430011) (“il-prodott ikkonċernat”).

(31)

Bħal fl-investigazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni sabet li l-prodott manifatturat fit-Turkija u li jiġi esportat lejn l-Unjoni u l-prodott manifatturat u li jinbiegħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi, u l-istess użi finali bażiċi. Għalhekk dawn tqiesu bħala prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament bażiku.

3.   IL-PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI JEW TA’ RIKORRENZA TA’ SUSSIDJAR

(32)

Fuq il-bażi tas-sussidji investigati fl-investigazzjoni oriġinali u fir-rieżamijiet interim parzjali msemmija fil-premessi (2) u (3) fir-rigward tal-prodott ikkonċernat, l-informazzjoni inkluża fit-talba għal rieżami u l-informazzjoni sottomessa mill-GOT u l-produtturi esportaturi li kkooperaw inklużi fil-kampjun, ġew investigati l-miżuri li ġejjin, li allegatament jinvolvu l-għoti ta’ programmi ta’ sussidju:

It-trasferiment dirett tal-fondi — għotjiet:

L-appoġġ għall-produzzjoni tat-trota li tiżen inqas minn 1 kg

L-appoġġ għall-produzzjoni tat-trota li tiżen aktar minn 1 kg iżda mhux aktar minn 1,2 kg

Appoġġ għat-tnissil tat-trota fl-imfaqas protetti mill-mard

Produzzjoni ta’ sistema magħluqa

It-trobbija tal-ħut f’għadajjar tal-ħamrija

Il-pagamenti ta’ appoġġ għal servizzi ta’ pubblikazzjoni u ta’ konsultazzjoni agrikoli

L-appoġġ għar-rimi tal-bastimenti tas-sajd

Id-dħul mitluf:

It-tnaqqis tat-taxxa fuq il-konsum tal-fjuwil tal-bastimenti tas-sajd

L-appoġġ għall-investimenti li jsiru fis-settur tal-akkwakultura

It-trasferiment dirett tal-fondi — finanzjament preferenzjali:

Assigurazzjoni appoġġata għas-settur tal-akkwakultura

Is-self preferenzjali

3.1.   It-trasferiment dirett tal-fondi — għotjiet

3.1.1.   L-appoġġ għall-produzzjoni tat-trota li tiżen inqas minn 1 kg

3.1.1.1.   Deskrizzjoni u bażi ġuridika

(33)

Matul l-PIR, ingħata appoġġ dirett lill-produtturi tat-trota li tiżen inqas minn 1 kg abbażi tad-Digriet Presidenzjali 2019/1691 (“id-Digriet 1691”) (11). Il-proċeduri u l-prinċipji dwar l-implimentazzjoni tad-Digriet ġew ipprovduti mill-Communiqué 2019/56 (“Communiqué 56”) maħruġa mill-Ministeru tal-Ikel, l-Agrikoltura u l-Bhejjem (12). L-ammont ta’ appoġġ ġie stabbilit għal 0,75 TL/kg għall-produzzjoni sa limitu ta’ 350 000 kg fis-sena.

(34)

Dan l-appoġġ jiġi rivedut kull sena bħala parti mir-rieżami annwali tal-appoġġ agrikolu. Il-Kummissjoni nnotat li l-appoġġ kompla mingħajr ebda bidla notevoli wara l-PIR abbażi tad-Digriet Nru 2020/3190 (13), bil-Communiqué korrispondenti li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal tali appoġġ (14).

3.1.1.2.   Konklużjoni

(35)

Kif ikkonfermat fl-investigazzjoni oriġinali (15), dawk il-miżuri jammontaw għal sussidji kompensabbli skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(i) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, jiġifieri trasferiment ta’ fondi mill-GOT fil-forma ta’ sussidju dirett lill-produtturi tat-trota.

(36)

Is-sussidji diretti huma speċifiċi u kompensabbli skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku bħala l-awtorità awtorizzanti, u l-leġiżlazzjoni li skontha topera l-awtorità awtorizzanti, tillimita b’mod espliċitu l-aċċess għal dawn l-għotjiet lil intrapriżi li joperaw fis-settur tal-akkwakultura. L-intrapriżi involuti fl-akkwakultura huma msemmija b’mod espliċitu u t-trota hija indikata b’mod ċar bħala waħda mill-ispeċijiet, li jibbenefikaw minn din l-iskema ta’ sussidju.

3.1.1.3.   Il-kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(37)

Il-Kummissjoni stabbiliet li ż-żewġ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun ibbenefikaw minn din l-iskema matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(38)

Il-benefiċċju għal kull kumpanija kien l-ammont ta’ appoġġ medju dirett riċevut matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami għall-ħut ħaj imrobbi proprju. Fiż-żewġ każijiet, il-kumpaniji pprovdew informazzjoni dwar l-ammont tal-appoġġ, u mingħand min ġie riċevut. Il-kumpaniji rreġistraw ukoll fil-biċċa l-kbira dan l-introjtu taħt l-intestatura “introjtu mis-sussidju” fil-kontijiet tagħhom u sar awditu ta’ dawn il-kontijiet b’mod indipendenti. Din ittieħdet bħala evidenza pożittiva ta’ sussidju li ta benefiċċju.

(39)

Kif ikkonfermat fl-investigazzjoni oriġinali (16), il-benefiċċju ta’ dawn is-sussidji kien japplika wkoll għal kumpaniji li mhux biss kienu jrabbu iżda xtraw ukoll xi trota minn kumpaniji mhux relatati għall-ipproċessar, peress li l-prodott ikkonċernat ikopri kemm il-materja prima ssussidjata direttament, jiġifieri t-trota ħajja, kif ukoll il-prodotti downstream, bħal ħut sħiħ frisk jew iffriżat, flettijiet, ħut affumikat. F’konformità mal-metodoloġija tal-investigazzjoni oriġinali, għall-ħut mixtri, il-benefiċċju ġie kkalkolat fuq il-bażi tas-sussidji totali mogħtija mill-awtoritajiet Torok diviżi bl-ammont totali tal-produzzjoni tat-trota ssussidjata fit-Turkija.

3.1.2.   L-appoġġ għall-produzzjoni tat-trota li tiżen aktar minn 1 kg iżda mhux aktar minn 1,2 kg

3.1.2.1.   Deskrizzjoni u bażi ġuridika

(40)

Matul l-PIR, l-appoġġ għall-produzzjoni tat-trota li tiżen aktar minn 1 kg lill-produtturi tat-trota ngħata abbażi tad-Digriet 1691 u l-Communiqué 56. L-ammont ta’ sussidju ġie stabbilit għal 1,50 TL/kg għall-produzzjoni sa limitu ta’ 350 000 kg fis-sena.

3.1.2.2.   Konklużjoni

(41)

Kif ikkonfermat fl-aħħar investigazzjoni tar-rieżami interim (17), is-sussidju għat-trota ta’ aktar minn 1 kg kien fil-fatt maħsub biex jibbenefika lit-troti ta’ aktar minn 1,2 kg, jiġifieri t-trota li ma taqax taħt id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li tali appoġġ ma setax jitqies bħala sussidju kompensabbli għall-produtturi tal-prodott ikkonċernat.

3.1.3.   Appoġġ għat-tnissil tat-trota fl-imfaqas protetti mill-mard

3.1.3.1.   Deskrizzjoni u bażi ġuridika

(42)

Matul l-PIR, l-appoġġ għat-tnissil tat-trota fl-imfaqas protetti mill-mard lill-produtturi tat-trota ngħata abbażi tad-Digriet 1691 u l-Communiqué 56. L-ammont ta’ sussidju ġie stabbilit għal 1,50 TL/kg għall-produzzjoni ta’ 350 000 kg fis-sena.

3.1.3.2.   Konklużjoni

(43)

Kif ikkonfermat fl-aħħar investigazzjoni tar-rieżami interim (18), il-Kummissjoni qieset li tali appoġġ (fil-forma ta’ għotja diretta) kien jikkostitwixxi sussidji għall-produzzjoni tat-trota simili għal sussidji diretti, jiġifieri kontribuzzjoni finanzjarja li tagħti benefiċċju skont l-Artikoli 3 (1)(a)(i) u 3(2) tar-Regolament bażiku. Peress li l-appoġġ ingħata esklussivament lill-produtturi tat-trota, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-iskema kienet speċifika skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku. Il-benefiċċju kien jikkonsisti f’għotjiet diretti lill-produtturi tat-trota li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-appoġġ seta’ jitqies bħala sussidju kompensabbli.

3.1.3.3.   Il-kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(44)

Madankollu, il-Kummissjoni stabbiliet li ż-żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw inklużi fil-kampjun ma bbenefikawx mill-appoġġ għat-trobbija tat-troti fl-imfaqas protetti mill-mard matul l-PIR.

3.1.4.   Produzzjoni ta’ sistema magħluqa

3.1.4.1.   Deskrizzjoni u bażi ġuridika

(45)

Matul l-PIR, ingħata appoġġ għat-trobbija tal-ħut fi produzzjoni tas-sistema magħluqa (19) abbażi tad-Digriet 1691 u l-Communiqué 56, fejn it-trota kienet waħda mill-ispeċi koperti. L-ammont ta’ sussidju ġie stabbilit għal 1,50 TL/kg għall-produzzjoni sa limitu ta’ 350 000 kg fis-sena.

3.1.4.2.   Konklużjoni

(46)

Il-Kummissjoni qieset li tali appoġġ (fil-forma ta’ għotja diretta) kien jikkostitwixxi sussidji għall-produzzjoni tat-trota simili għal sussidji diretti, jiġifieri kontribuzzjoni finanzjarja li tagħti benefiċċju skont l-Artikoli 3 (1)(a)(i) u 3(2) tar-Regolament bażiku. Peress li l-appoġġ ingħata lill-produtturi tat-trota (waħda mill-ispeċi koperti), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-iskema kienet speċifika skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku. Il-benefiċċju kien jikkonsisti f’għotjiet diretti lill-produtturi tat-trota li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-appoġġ seta’ jitqies bħala sussidju kompensabbli.

3.1.4.3.   Il-kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(47)

Il-Kummissjoni stabbiliet li ż-żewġ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun ukoll ma bbenefikawx mill-appoġġ meta użaw produzzjoni tas-sistema magħluqa matul l-PIR.

3.1.5.   It-trobbija tal-ħut f’għadajjar tal-ħamrija

3.1.5.1.   Deskrizzjoni u bażi ġuridika

(48)

Matul l-PIR, ingħata appoġġ għat-trobbija tal-ħut f’għadajjar tal-ħamrija abbażi tad-Digriet 1691 u l-Communiqué 56. L-ammont ta’ sussidju ġie stabbilit għal 1,50 TL/kg għall-produzzjoni sa limitu ta’ 300 000 kg fis-sena. Tali appoġġ jingħata lill-produtturi li jużaw l-ilma ta’ taħt l-art miksub mill-elettriku jew ilma tan-nixxiegħa miksub mingħajr ma jużaw l-enerġija biex jagħmlu attivitajiet ta’ tnissil f’għadajjar tal-ħamrija l-aktar għall-konsum domestiku. Dawn il-produtturi jistgħu ma jibbenefikawx mill-iskemi msemmija fil-punti 3.1.1 u 3.1.4 hawn fuq.

3.1.5.2.   Konklużjoni

(49)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li tali appoġġ seta’ eventwalment jitqies bħala sussidju kompensabbli għall-produtturi tal-prodott ikkonċernat, iżda fi kwalunkwe każ ma kienx disponibbli għall-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, peress li diġà rċevew appoġġ għall-produzzjoni tat-trota skont il-punt 3.1.1 hawn fuq.

3.1.6.   Il-pagamenti ta’ appoġġ għal servizzi ta’ pubblikazzjoni u ta’ konsultazzjoni agrikoli

3.1.6.1.   Deskrizzjoni u bażi ġuridika

(50)

Matul l-PIR, il-pagamenti ta’ appoġġ għal servizzi ta’ pubblikazzjoni u ta’ konsultazzjoni agrikoli ngħataw abbażi tad-Digriet 1691 u l-Communiqué 56. Skont l-Artikolu 6(7) tad-Digriet 1691, l-appoġġ ingħata direttament lill-intrapriżi li jipprovdu servizzi ta’ konsultazzjoni u mhux lill-produtturi tal-akkwakultura.

3.1.6.2.   Konklużjoni

(51)

Matul l-investigazzjoni oriġinali, l-appoġġ għal pagamenti għal servizzi ta’ pubblikazzjoni u ta’ konsultazzjoni agrikoli (20) ngħata direttament lill-produtturi tat-trota. Madankollu, l-investigazzjoni attwali sabet li tali appoġġ issa huwa pprovdut direttament lill-intrapriżi li jipprovdu servizzi ta’ konsultazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-iskema ma tat l-ebda benefiċċju lill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun u għalhekk ma kinitx kompensatorja.

3.1.7.   L-appoġġ għar-rimi tal-bastimenti tas-sajd

(52)

L-investigazzjoni stabbiliet li l-pagamenti ta’ appoġġ għar-rimi tal-bastimenti tas-sajd intemmu fl-2018.

3.1.8.   Kummenti wara l-iżvelar

(53)

Wara d-divulgazzjoni, il-GOT u ż-żewġ produtturi esportaturi fil-kampjun ikkummentaw li, fir-rigward tal-kalkolu tas-sussidju indirett, il-metodoloġija applikata mill-Kummissjoni fir-rieżami attwali ma kinitx konformi mal-metodoloġija applikata fl-investigazzjoni oriġinali. Jiġifieri, fl-investigazzjoni oriġinali l-benefiċċju għat-troti mixtrija ġie kkalkulat billi s-sussidji totali mogħtija mill-awtoritajiet Torok ġew diviżi bl-ammont tal-produzzjoni totali tat-troti fit-Turkija u mhux bl-ammont ta’ produzzjoni ta’ troti sussidjata fit-Turkija.

(54)

Għalhekk, il-Kummissjoni rrieżaminat il-kalkolu tal-ammont ta’ sussidju indirett ikkalkulat fir-rigward tat-trota mixtrija miż-żewġ produtturi esportaturi fil-kampjun minn fornituri mhux relatati biex tallinjah mal-metodoloġija użata fl-investigazzjoni oriġinali. Barra minn hekk, wara d-divulgazzjoni addizzjonali, il-produtturi esportaturi fil-kampjun enfasizzaw żball fir-rata għat-tnaqqis tat-tariffi mħallsa lill-assoċjazzjonijiet tal-impriżi. Madankollu, filwaqt li l-Kummissjoni qablet mal-pretensjoni, il-korrezzjoni ma kellha l-ebda impatt materjali fuq l-ammonti totali ta’ sussidju.

(55)

Iż-żewġ produtturi esportaturi fil-kampjun ikkummentaw ukoll dwar il-metodoloġija tal-kalkolu tas-sussidju dirett. Huma sostnew li mhux it-troti kollha li għalihom ġew riċevuti sussidji diretti fil-fatt inbiegħu matul il-PIR. Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis il-livelli tal-istokk tal-kumpaniji, u tillimita l-benefiċċju għall-kwantità tal-bejgħ esportata lejn l-Unjoni minn dawn il-produtturi esportaturi fil-PIR.

(56)

Ta’ min jinnota li l-ammonti ta’ sussidju ġew riċevuti abbażi tal-volumi tal-produzzjoni tat-troti, irrispettivament minn jekk din il-produzzjoni hijiex sussegwentement mibjugħa jew le matul il-PIR. It-talbiet tal-produtturi esportaturi ġew għalhekk rifjutati.

(57)

Meta jitqiesu l-kummenti li saru mill-partijiet interessati, l-ammonti ta’ sussidju dirett u indirett stabbiliti matul il-PIR għaż-żewġ produtturi esportaturi fil-kampjun kienu 2,38 % għal Özpekler u 2,84 % għal GMS.

3.1.9.   Konklużjoni dwar l-għotjiet

(58)

L-ammonti totali ta’ sussidju stabbiliti fir-rigward tal-għotjiet kollha riċevuti matul l-PIR għaż-żewġ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun kienu kif ġej:

Tabella 1

Għotjiet

Isem il-kumpanija

Ammont ta’ sussidju

Özpekler

2,38 %

GMS

2,84 %

3.2.   Id-dħul mitluf

3.2.1.   Ir-ribass fuq it-taxxa fuq il-konsum tal-fjuwil tal-bastimenti

3.2.1.1.   Deskrizzjoni u bażi ġuridika

(59)

Il-Communiqué Ġenerali dwar il-Lista tat-Taxxa fuq il-Konsum Speċjali Nru 1 (21) jidentifika l-prinċipji u l-kundizzjonijiet ewlenin għar-ribass tat-taxxa fuq il-konsum tal-fjuwil tal-bastimenti. Il-bastimenti tas-sajd li huma rreġistrati mar-Reġistru Internazzjonali tal-Bastimenti tat-Turkija jew mar-Reġistru Nazzjonali tal-Bastimenti jistgħu jibbenefikaw miż-żejt diżil għal użu marittimu speċjali bla taxxa fuq il-konsum.

3.2.1.2.   Konklużjoni

(60)

L-investigazzjoni kkonfermat li l-appoġġ għall-bastimenti tas-sajd għax-xiri tal-fjuwil x’aktarx ma jkunx ta’ benefiċċju għall-produtturi tal-prodott ikkonċernat u, tabilħaqq, ma kienx ta’ benefiċċju għaż-żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw inklużi fil-kampjun fir-rigward tal-produzzjoni tagħhom tat-trota. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li tali appoġġ ma setax jitqies bħala sussidju kompensabbli għall-produtturi tal-prodott ikkonċernat.

3.2.2.   L-appoġġ għall-investimenti li jsiru fis-settur tal-akkwakultura

3.2.2.1.   Deskrizzjoni u bażi ġuridika

(61)

Id-Digriet Nru 2012/3305 (22) u l-Communiqué ta’ implimentazzjoni Nru 2012/1 (23) jipprovdu l-bażi għall-appoġġ mill-Istat għall-investimenti fis-settur tal-akkwakultura (24) u jikkostitwixxu l-bażi tal-Programm ta’ Inċentivi għall-Investiment tat-Turkija. Dan jinkludi żewġ skemi ta’ inċentivi:

Inċentivi ta’ investiment reġjonali, inkluż appoġġ għall-eżenzjoni mill-VAT, eżenzjonijiet mid-dazju doganali, tnaqqis tat-taxxa, appoġġ għall-primjum tas-sigurtà soċjali (sehem tal-impjegatur), appoġġ għall-imgħax, allokazzjoni tal-art, taxxa fuq l-introjtu minn ras il-għajn u appoġġ mill-primjum tas-sigurtà soċjali (sehem tal-impjegat); u

Inċentivi ġenerali għall-investiment, inkluż appoġġ għall-eżenzjoni mill-VAT, eżenzjonijiet mid-dazju doganali u taxxa fuq l-introjtu minn ras il-għajn.

(62)

Il-kumpaniji li ma jistgħux jissodisfaw il-kriterji tal-ammont minimu ta’ investiment skont l-iskema ta’ inċentivi għall-investiment reġjonali jistgħu jibbenefikaw mill-iskema ta’ inċentivi għall-investimenti ġenerali, li hija disponibbli għas-sitt reġjuni kollha definiti fid-digriet 2012/3305. Abbażi tal-livell ta’ żvilupp ekonomiku tas-sitt reġjuni l-intensità tal-għajnuna tista’ tvarja. Kemm id-Digriet kif ukoll il-Communiqué għadhom validi, u s-sitt reġjuni ma nbidlux mill-investigazzjoni oriġinali.

3.2.2.2.   Konklużjoni

(63)

Matul l-PIR, GMS ibbenefikat minn tnaqqis fit-taxxa fuq l-introjtu u Özpekler minn eżenzjonijiet mill-VAT u mid-dazju doganali skont l-inċentivi ta’ investiment reġjonali. Kif ikkonfermat fl-investigazzjoni oriġinali (25), l-appoġġ għall-investimenti jitqies bħala sussidju skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, meta l-appoġġ jieħu l-forma ta’ inċentiv fiskali, jiġifieri meta d-dħul tal-gvern ikun dovut mod ieħor iżda fil-fatt ikun mitluf jew ma jinġabarx.

(64)

Is-sussidju huwa speċifiku u kompensabbli peress li l-benefiċċju tas-sussidju huwa speċifikament limitat għal lista ta’ reġjuni. L-aċċess għas-sussidju huwa limitat aktar għal ċerti intrapriżi li joperaw f’ċerti setturi. Barra minn hekk, is-sussidju ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ nuqqas ta’ speċifiċità tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament bażiku, minħabba n-numru u l-kwalità tar-restrizzjonijiet applikabbli għal ċerti setturi, b’mod partikolari dawk li jirrestrinġu l-aċċess għas-sussidju għal ċerti tipi ta’ intrapriżi jew jeskludu kompletament ċerti setturi.

(65)

L-akkwakultura hija espressament indikata fl-Anness 2A tad-Digriet 2012/3305 bħala waħda mill-attivitajiet li jistgħu jibbenefikaw minn dan it-tip ta’ eżenzjonijiet mit-taxxa. L-Anness 4 tad-Digriet jelenka s-setturi li jistgħu ma jibbenefikawx minn xi wieħed mill-inċentiv taħt din l-iskema.

3.2.2.3.   Il-kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(66)

Sabiex jiġi stabbilit l-ammont tas-sussidju kompensabbli, il-benefiċċju mogħti lir-riċevituri matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami ġie kkalkolat bħala d-differenza bejn it-taxxa totali pagabbli skont ir-rata normali tat-taxxa u t-taxxa totali pagabbli skont ir-rata mnaqqsa tat-taxxa. Madankollu, instab li l-benefiċċju għal Özpekler kien negliġibbli. L-ammont ta’ sussidju stabbilit matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami għal GMS kien ta’ 0,7 %.

3.2.2.4.   Kummenti wara l-iżvelar

(67)

Iż-żewġ produtturi esportaturi fil-kampjun ikkummentaw ukoll dwar l-appoġġ għall-investimenti li saru. Huma sostnew li l-Kummissjoni ma kellhiex tikkalkula l-benefiċċju għall-eżenzjoni mill-VAT, peress li l-kumpaniji kollha jpaċu l-VAT tagħhom fl-istess xahar jew fix-xhur li ġejjin skont il-VAT pagabbli u l-bilanċ riċevibbli tal-kumpanija. L-uniku benefiċċju għall-kumpanija kien l-abbiltà li tevita l-ħlas bil-quddiem tal-VAT.

(68)

Il-fatt li minn perspettiva kontabilistika, l-ammonti pagabbli tal-VAT jiġu paċuti ma’ ammonti riċevuti, ma jneħħix il-benefiċċju f’termini ta’ fluss ta’ flus, li jirriżulta mill-fatt li l-produtturi esportaturi ma jkollhomx għalfejn iħallsu flus bil-quddiem, u mbagħad jistennew li jirċievu rifużjoni mill-awtoritajiet tat-taxxa abbażi tal-ipproċessar tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT tagħhom ta’ kull xahar, kif inhu l-każ għall-kumpaniji li ma jibbenefikawx mill-iskema. Tabilħaqq, kif ikkonfermat mill-produtturi esportaturi nfushom, “l-uniku benefiċċju li l-parteċipanti għandhom mill-iskema huwa l-kapaċità li jiġi evitat (il-) pagament tal-VAT... li kumpaniji oħra li ma għandhomx Ċertifikat ta’ Inċentiv tal-Investiment għandhom inizjalment jagħmlu u aktar tard jiġu kkreditati” (26). It-talbiet tal-produtturi esportaturi ġew għalhekk rifjutati.

3.3.   It-trasferiment dirett ta’ fondi — finanzjament preferenzjali

3.3.1.   Assigurazzjoni appoġġata għas-settur tal-akkwakultura

3.3.1.1.   Deskrizzjoni u bażi ġuridika

(69)

Skont il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Agrikola Nru 5363 (27) u d-Digriet Nru 2018/380 (28) dwar ir-riskji, l-għelejjel u r-reġjuni li għandhom jiġu koperti mill-Grupp tal-Assigurazzjoni Agrikola u r-Rati ta’ Appoġġ tal-Primjum għas-sena 2019, il-produtturi tal-prodotti tal-akkwakultura jistgħu jibbenefikaw minn primjum tal-assigurazzjoni mnaqqas li jkopri t-telf tal-istokk ta’ ħut u l-ħsad tat-trota minħabba mard numeruż possibbli, diżastri naturali, inċidenti, eċċ. L-appoġġ tal-ammonti GOT jammonta għal 50 % tal-primjum tal-assigurazzjoni.

3.3.1.2.   Konklużjoni

(70)

Kif ikkonfermat fl-investigazzjoni oriġinali (29), il-benefiċċju mogħti minn din l-iskema jieħu l-forma ta’ tnaqqis fil-kostijiet finanzjarji mġarrba fil-kopertura tal-assigurazzjoni tal-ħajja tal-produzzjoni tal-akkwakultura. Din l-iskema tikkostitwixxi sussidju skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(i) tar-Regolament bażiku fil-forma ta’ għotja diretta mill-GOT lill-produtturi tat-trota u kontribuzzjoni finanzjarja minħabba li r-riċevituri tas-sussidju jibbenefikaw minn primjum tal-assigurazzjoni favorevoli, li huwa ferm inqas mil-livell ta’ primjums tal-assigurazzjoni disponibbli fis-suq għall-kopertura ta’ riskji komparabbli. Din l-iskema tikkostitwixxi benefiċċju skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku. Il-benefiċċju huwa ugwali għad-differenza bejn il-primjums offruti fil-kuntest ta’ polza tal-assigurazzjoni kummerċjali u l-primjum issussidjat.

(71)

L-appoġġ huwa speċifiku peress li l-awtorità awtorizzanti u l-leġiżlazzjoni li skontha topera l-awtorità awtorizzanti jillimitaw b’mod espliċitu l-aċċess għal dan il-primjum imnaqqas għall-intrapriżi li joperaw fis-settur agrikolu u saħansitra jimmiraw b’mod espliċitu r-riskji mġarrba mill-produtturi tal-akkwakultura.

3.3.1.3.   Il-kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(72)

Il-Kummissjoni stabbiliet li wieħed mill-produtturi inklużi fil-kampjun, Özpekler, ibbenefika minn din l-iskema. L-ammont ta’ sussidju matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami kien ta’ 0,1 %.

3.3.2.   Is-self preferenzjali

(73)

Matul l-investigazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni sabet li l-produtturi tat-trota Torok kienu qed jibbenefikaw minn self preferenzjali, bħal:

Self Agrikolu b’Imgħax Baxx jew Żero,

Krediti għall-esportazzjoni b’Imgħax Baxx mill-Eximbank Tork.

3.3.2.1.   Self agrikolu

3.3.2.2.   Deskrizzjoni u bażi ġuridika

(74)

L-ewwel, id-Digriet Nru 2018/1188 jipprovdi li Ziraat Bankasi A.S. u l-Kooperattivi tal-Kreditu Agrikolu (“ACCs”) jistgħu jagħtu self b’imgħax baxx u self kummerċjali lill-produtturi tas-settur tal-akkwakultura. Il-produtturi tat-trota jistgħu jirċievu skontijiet fuq ir-rati tal-imgħax applikabbli li jvarjaw bejn 50 % u 100 %. Il-limitu massimu tal-kreditu huwa ta’ 5 000 000 TL. Id-Digriet ikopri perjodu ta’ applikazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2019 (inklużi dawn il-jiem).

(75)

L-ACCs elenkati fid-Digriet huma entitajiet tal-liġi privata stabbiliti minn produtturi agrikoli (jiġifieri persuni fiżiċi jew entitajiet ġuridiċi li huma involuti fil-produzzjoni agrikola) fit-Turkija sabiex jappoġġaw il-ħtiġijiet finanzjarji tan-negozju tagħhom.

(76)

Ziraat Bankasi A.S. huwa l-Bank Agrikolu tar-Repubblika tat-Turkija, bank kompletament tal-Istat. Matul l-investigazzjoni oriġinali, l-ishma tiegħu kienu proprjetà tas-Sottosegretarjat tat-Teżor. Madankollu, mill-2018, il-kapital tiegħu ġie ttrasferit lill-Fond ta’ Ġid Tork. F’konformità mal-Artikolu 2 tal-liġi nru 6741 dwar l-Istabbiliment ta’ Kumpanija għall-Ġestjoni tal-Fond ta’ Ġid tat-Turkija u Emendi f’Ċerti Liġijiet, il-Fond ta’ Ġid tat-Turkija huwa istituzzjoni affiljata mal-Presidenza. Il-President tal-Bord tad-Diretturi tal-Fond huwa l-President tar-Repubblika. Wieħed mill-Membri tal-Bord jista’ jiġi assenjat bħala d-Deputat President mill-President tar-Repubblika. Għalhekk Ziraat Bankasi A.S. għadu vestit b’awtorità governattiva u għalhekk jitqies bħala korp pubbliku, minkejja l-bidla formali fis-sjieda tal-kapital tiegħu.

(77)

It-tieni, id-Digriet Nru 2010/27612 (30) jipprovdi li jista’ jingħata self b’rati tal-imgħax żero fil-mija lill-SMEs.

3.3.2.3.   Sejbiet

(78)

Matul l-PIR, il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun li kkooperaw kellhom biss self b’imgħax baxx pendenti minn Ziraat Bankasi A.S., iżda ma użawx self b’imgħax baxx mill-ACCs jew self b’imgħax żero għall-SMEs.

3.3.2.4.   Il-krediti għall-esportazzjoni

3.3.2.5.   Deskrizzjoni u bażi ġuridika

(79)

Kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali, Türkiye İhracat Kredi Bankası A.Ş (“Eximbank”) inkera mill-GOT fil-21 ta’ Awwissu 1987 bid-Digriet Nru 87/11914, b’segwitu tad-digriet tal-Liġi Nru 3332 (31) dwar il-krediti għall-esportazzjoni, u huwa bank kompletament tal-Istat li jaġixxi bħala l-istrument ta’ inċentiv għall-esportazzjoni tal-GOT fl-istrateġija għall-esportazzjoni tat-Turkija. Eximbank ingħata l-mandat mill-gvern biex jappoġġa l-kummerċ barrani u l-kuntratturi/l-investituri Torok li joperaw barra mill-pajjiż (32), sabiex jiżdiedu l-esportazzjonijiet tan-negozji Torok u tissaħħaħ il-kompetittività internazzjonali tagħhom. Għalhekk, huwa kkunsidrat li Eximbank jingħata awtorità governattiva u għalhekk jitqies bħala korp pubbliku.

(80)

Il-Liġi Nru 3332, kif ukoll ir-Riżoluzzjoni Nru 2013/4286 (33) dwar l-istabbiliment ta’ Eximbank jikkostitwixxu l-bażi ġuridika għall-krediti għall-esportazzjoni pprovduti permezz ta’ Eximbank. Eximbank jipprovdi appoġġ finanzjarju (jew direttament jew permezz ta’ banek tal-aġenti li jaħdmu fuq bażi ta’ kummissjoni), bħal krediti għall-esportazzjoni kontinġenti qabel jew wara l-konsenja u krediti tal-investiment orjentati lejn l-esportazzjoni lill-esportaturi, bl-intenzjoni li tiżdied il-kompetittività tal-esportaturi Torok fi swieq barranin.

(81)

Barra minn hekk, l-hekk imsejħa “krediti ta’ riskontar” jintużaw biex jipprovdu avvanzi ta’ flus lill-esportaturi abbażi tal-iskontar tal-kontijiet u tad-dokumenti relatati mal-bejgħ tal-esportazzjoni. Il-bażi ġuridika għal dawn il-krediti hija l-“Implementation Instructions for Rediscount Credit for Exports and Foreign Exchange Earning Services” (34) . Il-krediti ta’ riskontar huma ffinanzjati mill-Bank Ċentrali tat-Turkija (“CBRT”), iżda jgħaddu mill-istituzzjonijiet finanzjarji Torok (banek pubbliċi kif ukoll privati) li jaġixxu bħala aġenti tas-CBRT. Ir-rati tal-imgħax huma stabbiliti mis-CBRT, u l-banek tal-aġenti jiġu remunerati permezz ta’ kummissjoni imposta fuq ir-riċevituri.

3.3.2.6.   Sejbiet

(82)

Matul l-PIR, il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun li kkooperaw kellhom krediti għall-esportazzjoni b’imgħax baxx pendenti pprovduti jew direttament minn Eximbank jew permezz ta’ banek pubbliċi jew privati oħrajn li jaġixxu bħala aġenti ta' Eximbank. Il-kumpaniji bbenefikaw ukoll minn krediti ta’ riskontar ipprovduti permezz ta’ Eximbank jew permezz ta’ banek pubbliċi jew privati oħrajn.

3.3.2.7.   Konklużjoni Ġenerali dwar self preferenzjali

(83)

Kif ikkonfermat fl-investigazzjoni oriġinali (35), il-finanzjament preferenzjali msemmi hawn fuq (selfiet agrikoli u krediti għall-esportazzjoni) jitqies bħala sussidju skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(i) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku.

(84)

Abbażi tas-sejbiet tal-investigazzjoni attwali, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-iskemi ta’ finanzjament preferenzjali msemmija hawn fuq jagħtu benefiċċji lir-riċevituri, peress li tali finanzjament jingħata taħt ir-rati tas-suq, jiġifieri b'kundizzjonijiet li ma jirriflettux il-kundizzjonijiet tas-suq għall-finanzjament b’maturità komparabbli.

(85)

Dawn l-iskemi ta’ finanzjament preferenzjali huma speċifiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku f’dak li għandu x’jaqsam mas-self agrikolu, peress li l-awtoritajiet awtorizzanti jew il-leġiżlazzjoni li skontha joperaw l-awtoritajiet awtorizzanti tillimita b’mod espliċitu l-aċċess għal ċerti intrapriżi. Il-krediti relatati mal-esportazzjonijiet huma speċifiċi skont l-Artikolu 4(4)(a) tar-Regolament bażiku peress li huma kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni.

(86)

Għalhekk, l-iskemi ta’ finanzjament preferenzjali kollha msemmija hawn fuq jitqiesu bħala sussidji kompensabbli.

3.3.2.8.   Kummenti wara l-iżvelar

(87)

Wara l-iżvelar, iż-żewġ produtturi esportaturi fil-kampjun ikkummentaw dwar il-metodoloġija tal-kalkolu tas-sussidji kumpensabbli għas-self preferenzjali, filwaqt li sostnew li s-self riċevut minn Eximbank biss kien preferenzjali, filwaqt li s-self riċevut minn banek kummerċjali oħra kien fiil-kundizzjonijiet tas-suq, anki jekk ir-rata tal-imgħax reali kienet aktar baxxa mill-punt ta’ riferiment użat mill-Kummissjoni. B’konsegwenza ta’ dan, skont il-produtturi esportaturi, ir-rata tal-imgħax aktar baxxa riċevuta ma għamlitx dan is-self kompensabbli.

(88)

Kif spjegat fil-premessa (80), din l-investigazzjoni kkonfermat li l-krediti għall-esportazzjoni ġew ipprovduti mhux biss direttament minn Eximbank, iżda wkoll permezz ta’ banek pubbliċi jew privati oħra li jaġixxu bħala aġenti ta’ Eximbank. Barra minn hekk, is-sett ta’ kundizzjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (83) sa (85) ikkonferma li dan is-self huwa kompensabbli. Addizzjonalment, kif spjegat fil-premessa (81), il-krediti ta’ riskontar kienu ffinanzjati mis-CBRT, iżda għaddew mill-istituzzjonijiet finanzjarji Torok (banek pubbliċi kif ukoll privati) li jaġixxu bħala aġenti tas-CBRT.

(89)

Il-Kummissjoni rrieżaminat fid-dettall is-self iddikjarat bħala mhux preferenzjali mill-kumpaniji fil-kampjun. Madankollu, l-informazzjoni pprovduta ma kinitx biżżejjed biex jiġi konkluż li dan is-self ma kienx relatat mal-iskemi preferenzjali. Fil-fatt, id-dokumentazzjoni ta’ sostenn ipprovduta għal dan is-self matul l-investigazzjoni indikat b’mod ċar il-fatt li l-finanzjament ipprovdut kien marbut ma’ impenji ta’ esportazzjoni. Barra minn hekk, f’ħafna każijiet, ġiet ipprovduta biss ittra bit-Tork mill-kumpanija li talbet fondi mill-banek. Barra minn hekk, il-ftehimiet qafas ġenerali tal-banek dejjem kienu jinkludu artikoli li jorbtu l-krediti għall-esportazzjoni pprovduti mal-prattiki ta’ inċentiv tal-Eximbank u tas-CBRT. It-talbiet tal-produtturi esportaturi ġew għalhekk rifjutati.

(90)

Il-produtturi esportaturi fil-kampjun sostnew ukoll li xi self ma kienx kontinġenti fuq l-esportazzjoni u għalhekk ma kienx kompensabbli. Wara r-rieżami, abbażi tad-dokumentazzjoni ta’ sostenn il-Kummissjoni qablet li xi selfiet la kienu relatati mal-bejgħ tal-esportazzjoni, u lanqas ma kienu jaqgħu taħt is-self agrikolu sussidjat, u għalhekk ma kienux koperti minn ebda skema ta’ sussidju. Il-Kummissjoni għalhekk neħħiet dan is-self mill-kalkolu tal-benefiċċju.

(91)

Wieħed mill-produtturi esportaturi fil-kampjun ipprovda informazzjoni li waħda mis-selfiet riċevuti tiegħu ma kinitx relatata mal-prodott ikkonċernat u li għalhekk ma seta’ jiġi kkalkulat l-ebda benefiċċju għaliha. Il-Kummissjoni rrevediet l-informazzjoni li rċeviet iżda ma setgħetx tikkonferma li l-ambitu tas-selfa kien limitat għal prodotti oħra għajr il-prodott ikkonċernat. It-talbiet tal-produtturi esportaturi ġew għalhekk rifjutati.

(92)

Wara l-iżvelar, kif ukoll wara l-iżvelar addizzjonali, l-istess produttur esportatur fil-kampjun iddikjara li xi selfiet kontinġenti fuq l-esportazzjoni ma kienux relatati biss mal-prodott ikkonċernat, iżda wkoll ma’ ħut ieħor esportat. Il-Kummissjoni rrieżaminat dawn is-selfiet u, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-kumpanija, setgħet tikkonferma li għal xi wħud mis-selfiet il-kontinġenti fuq l-esportazzjoni ddikjarat kien relatat ma’ tipi differenti ta’ ħut esportat. Għalhekk, il-kalkoli ġew adattati skont dan.

(93)

Barra minn hekk, il-produtturi esportaturi fil-kampjun argumentaw li l-Kummissjoni jenħtieġ li tqis ir-rata normattiva tal-imgħax fl-eqreb data qabel jew wara d-data tal-bidu tas-selfa. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li d-data tal-parametri referenzjarji pprovduta minn ċerta data titqies bħala valida minn dik id-data sal-pubblikazzjoni ta’ data ġdida. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset b’mod sistematiku l-parametri referenzjjari dwar l-eqreb data qabel id-data tal-bidu tas-self. Għaldaqstant din it-talba ġiet irrifjutata.

(94)

Iż-żewġ produtturi esportaturi fil-kampjun enfasizzaw ukoll għadd ta’ żbalji klerikali fil-kalkolu tas-sussidji kompensabbli għas-self preferenzjali fir-rigward tar-ripagamenti kapitali fil-PIR, l-għadd ta’ jiem li għandhom jitqiesu għall-kalkolu tal-imgħax fil-PIR u r-rati tnormatitivi tal-imgħax magħżula f’dati żbaljati. Dawn l-iżbalji klerikali ġew ikkoreġuti. Wara d-iżvelar addizzjonali, produttur esportatur wieħed fil-kampjun talab li jagħmel bidliet minuri addizzjonali fi tliet selfiet. Selfa waħda ġiet ikkoreġuta. Madankollu, peress li l-benefiċċju fuq iż-żewġ selfiet l-oħra kien diġà tneħħa abbażi ta’ korrezzjonijiet preċedenti, l-ebda bidla ulterjuri ma tqieset neċessarja.

(95)

Meta jitqiesu l-kummenti li saru mill-partijiet interessati, l-ammonti ta’ sussidju fir-rigward tal-iskemi ta’ finanzjament preferenzjali stabbiliti matul il-PIR għaż-żewġ produtturi esportaturi fil-kampjun kienu 0,75 % għal Özpekler u 0,72 % għal GMS.

3.3.2.9.   Il-kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(96)

F’konformità mal-Artikolu 6(b) tar-Regolament bażiku, il-benefiċċju fuq il-finanzjament preferenzjali ġie kkalkolat bħala d-differenza bejn l-ammont tal-imgħax imħallas u l-ammont li jkollu jitħallas għal self kummerċjali komparabbli. Bħala parametru referenzjarju, il-Kummissjoni applikat ir-rata medja ponderata tal-imgħax tas-self kummerċjali fis-suq domestiku Tork, abbażi ta’ data miksuba mis-CBRT (36). Il-Kummissjoni allokat il-benefiċċju relatat mal-krediti għall-esportazzjoni fuq il-bejgħ tal-esportazzjoni filwaqt li s-self agrikolu ġie allokat fuq il-bejgħ totali.

(97)

L-ammonti tas-sussidju kkalkolati għall-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun ibbażati fuq din il-metodoloġija huma kif ġej:

Tabella 2

Finanzjament preferenzjali

Isem il-kumpanija

Ammont ta’ sussidju

Özpekler

0,75 %

GMS

0,72 %

3.4.   L-ammont finali ta’ sussidji kompensabbli

(98)

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni sabet li l-ammont aggregat ta’ sussidji kompensabbli f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, espress ad valorem, għall-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun kien ta’ 4,2 % u 3,2 % rispettivament, u b’hekk juri kontinwazzjoni ta’ sussidjar matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

Tabella 3

Rati għas-sussidji kompensabbli individwali

Skema ta’ appoġġ

GMS

Özpekler

L-appoġġ dirett għall-produzzjoni tat-trota

2,84 %

2,38 %

Is-self preferenzjali

0,72 %

0,75 %

L-appoġġ għall-primjums tal-assigurazzjoni

0,0 %

0,10 %

L-appoġġ għall-investimenti li jsiru

0,70 %

0,0 %

L-ammont totali ta’ sussidju

4,2 %

3,2 %

3.5.   Il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ sussidjar

(99)

F’konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk l-iskadenza tal-miżuri fis-seħħ hijiex probabbli li twassal għal kontinwazzjoni ta’ sussidjar.

(100)

Kif stabbilit fil-premessi minn (33) sa (97), ġie stabbilit li matul il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami, il-prodotturi esportaturi Torok tal-prodott ikkonċernat komplew jiksbu benefiċċju mis-sussidjar kompensabbli mill-awtoritajiet Torok.

(101)

Il-programmi ta’ sussidju jagħtu benefiċċji rikorrenti u ma hemm l-ebda indikazzjoni li dawn il-benefiċċji se jiġu eliminati b’mod gradwali fil-futur prevedibbli. Barra minn hekk, l-esportaturi tipikament huma eliġibbli għal diversi sussidji.

(102)

Ġie eżaminat ukoll jekk l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni jsirux f’volumi sinifikanti jekk jitneħħew il-miżuri.

(103)

It-Turkija hija produttur kbir tal-prodott ikkonċernat. Abbażi tad-data miġbura matul l-investigazzjoni, u kif deskritt fil-premessa (165), it-Turkija pproduċiet 95 000 tunnellata ta’ trota matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (37). Kif imsemmi fil-premessa (112), il-volumi tal-importazzjonijiet tat-trota mit-Turkija lejn l-Unjoni kienu sostanzjali, b’madwar 20 500 tunnellata ekwivalenti ta’ ħut sħiħ fl-istess perjodu, li jirrappreżentaw madwar 14 % tas-suq tal-Unjoni. Ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li dawn il-volumi se jonqsu jekk jitneħħew il-miżuri.

(104)

F’dawn iċ-ċirkostanzi, hemm probabbiltà kbira li l-volumi tal-esportazzjonijiet issussidjati tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni, li kienu diġà sinifikanti matul il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami, ikomplu f’volumi sostanzjali jekk il-miżuri jitħassru. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ sussidjar.

4.   DANNU

4.1.   Id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(105)

Il-prodott simili kien manifatturat minn aktar minn 700 produttur fl-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Dawn jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku.

(106)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni ġiet stmata għal madwar 129 miljun kg “ekwivalenti ta’ ħut sħiħ”, abbażi tad-data pprovduta mill-applikant u mill-kumpaniji individwali inklużi fil-kampjun. It-tmien produtturi tal-Unjoni li kkoopperaw magħżula fil-kampjun kienu jirrappreżentaw 13 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodott simili.

4.2.   Il-konsum tal-Unjoni

(107)

Il-konsum tal-Unjoni ġie stabbilit billi żdied il-volum totali stmat tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni (ara l-premessa (118)) u l-volum totali tal-importazzjonijiet kif identifikat mill-Eurostat (ara l-premessa (91) u t-Tabelli 6 u 8).

(108)

Il-volum tal-importazzjonijiet fil-Eurostat huwa rrapportat f’piżijiet netti għal sitt kodiċijiet NM differenti, jiġifieri ħaj, frisk, imkessaħ, iffriżat u/jew affumikat fil-forma ta’ ħut sħiħ u/jew imsewwi jew flettijiet. Il-piż nett irreġistrat fil-Eurostat ġie kkonvertit f’“ekwivalenti ta’ ħut sħiħ” għal finijiet ta’ tqabbil, peress li d-data dwar il-produzzjoni u l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni ġiet irrapportata f’WFE. Dan sar billi l-volum tal-importazzjonijiet irreġistrat fl-Eurostat ġie diviż bil-fatturi ta’ konverżjoni ta’ hawn taħt. Il-fatturi ta’ konverżjoni użati kienu dawk ipprovduti mill-applikant u użati fl-investigazzjoni oriġinali:

Tabella 4

Fatturi ta’ konverżjoni (f’tunnellati ta’ WFE)

Ħaj

1,00

Frisk/imkessaħ/iffriżat (imsewwi)

0,85

Flettijiet: Frisk/imkessaħ/iffriżat

0,47

Flettijiet: Affumikat

0,40

(109)

Il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 5

Konsum tal-Unjoni (tunnellati metriċi)

 

2016

2017

2018

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Is-suq tal-Unjoni

150 175

147 069

157 078

147 603

Indiċi

100

98

105

98

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju dwar il-makroindikaturi u, Eurostat.

(110)

Il-konsum tal-Unjoni varja ftit matul il-perjodu kkunsidrat. B’mod ġenerali, il-konsum tal-Unjoni naqas bi 2 % matul il-perjodu kkunsidrat, u b’hekk għadda minn 150 175 tunnellata ta’ WFE fl-2016 għal 147 603 tunnellata ta’ WFE fil-PIR.

4.3.   L-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

4.3.1.   Il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(111)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet abbażi tal-Eurostat espressi f’tunnellati ta’ WFE kif indikat fil-premessa (92). Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet ġie stabbilit abbażi tal-volum tal-importazzjonijiet u l-konsum totali tal-Unjoni.

(112)

Abbażi ta’ dan, l-importazzjonijiet fl-Unjoni mit-Turkija u s-sehem mis-suq tagħhom żviluppaw kif ġej:

Tabella 6

Volum ta' importazzjoni (f'tunnellati metriċi) u s-sehem mis-suq

 

2016

2017

2018

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Il-volum ta’ importazzjonijiet mit-Turkija

21 684

19 523

17 831

20 466

Indiċi

100

90

82

94

Sehem mis-suq

14,4 %

13,3 %

11,4 %

13,9 %

Indiċi

100

92

79

96

Sors: Eurostat.

(113)

Il-volum tal-importazzjonijiet mit-Turkija naqas b’mod stabbli bejn l-2016 u l-2018 u reġa’ żdied fil-PIR. Kumplessivament, il-volum tal-importazzjonijiet naqas b’6 % matul il-perjodu kkunsidrat, b’rata ferm aktar baxxa mill-importazzjonijiet minn pajjiżi oħrajn li naqsu bi 13 % matul l-istess perjodu (ara l-premessa (106)). Il-volumi tal-importazzjonijiet tat-trota mit-Turkija kienu għadhom sostanzjali għal 20 446 tunnellata ta’ WFE fil-PIR.

(114)

Is-sehem mis-suq segwa l-istess xejra bħall-volum tal-importazzjonijiet, jiġifieri naqas bejn l-2016 u l-2018 minn 14,4 % għal 11,4 %, jiġifieri bi 3 punti perċentwali, u mbagħad reġa’ żdied fil-PIR għal 13,9 %. L-importazzjonijiet Torok żammew sehem mis-suq pjuttost stabbli b’mod ġenerali matul il-perjodu kkunsidrat, bl-eċċezzjoni tal-2018 fejn naqsu b’1,9 punt perċentwali meta mqabbel mal-2017.

4.3.2.   Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u t-twaqqigħ tal-prezz

(115)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet abbażi tal-Eurostat billi ddividiet il-volum totali tal-importazzjonijiet Torok espressi f’tunnellata ta’ WFE bil-valur totali ta’ dawk l-importazzjonijiet.

(116)

Abbażi ta’ dan, il-prezz medju ponderat tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni mit-Turkija żviluppa kif ġej:

Tabella 7

Prezzijiet tal-importazzjoni (EUR/tunnellata ta' WFE)

 

2016

2017

2018

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

It-Turkija

2 940

2 803

2 789

2 887

Indiċi

100

95

95

98

Sors: Eurostat.

(117)

Il-prezz tal-importazzjonijiet mit-Turkija naqas bejn l-2016 u l-2018 b’5 % u mbagħad żdied bi 3,5 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Kumplessivament, il-prezz tal-importazzjonijiet mit-Turkija naqas bi 2 % matul il-perjodu kkunsidrat. Meta mqabbel mal-prezzijiet tal-bejgħ tal-Unjoni, kif imsemmija fit-Tabella 12, il-prezz tal-importazzjonijiet mit-Turkija kien ferm inqas mill-prezzijiet tal-Unjoni matul il-perjodu kollu kkonċernat.

(118)

Il-Kummissjoni ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami billi qabblet:

il-prezzijiet medji tal-bejgħ ponderati għal kull tip ta’ prodott tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun li ġew imposti fuq klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, aġġustati għal livell mill-fabbrika; u

il-prezzijiet medji ponderati korrispondenti għal kull tip ta’ prodott tal-importazzjonijiet mill-produtturi Torok li kkooperaw inklużi fil-kampjun lill-ewwel konsumatur indipendenti fis-suq tal-Unjoni, stabbiliti fuq il-bażi ta’ Kost, Assigurazzjoni u Nol (Cost, Insurance, Freight, CIF), inkluż id-dazju kompensatorju, b’aġġustamenti xierqa għall-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni.

(119)

It-tqabbil tal-prezzijiet sar abbażi tat-tip għat-tranżazzjonijiet fl-istess livell ta’ kummerċ, b’aġġustament dovut fejn meħtieġ, u wara tnaqqis tar-rifużjonijiet u tal-iskontijiet. Ir-riżultat tat-tqabbil ġie espress bħala perċentwal tal-fatturat tal-produtturi tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Dan wera marġni medju ponderat tat-twaqqigħ tal-prezz ta’ bejn 13,7 % u 32,2 % mill-importazzjonijiet mit-Turkija fis-suq tal-Unjoni.

(120)

Matul il-PIR, il-marġni medju ponderat tat-twaqqigħ tal-prezz kien ta’ 14,5 % (bid-dazji kompensatorji inklużi).

4.3.3.   L-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi għajr it-Turkija

(121)

L-importazzjonijiet tat-trota minn pajjiżi terzi għajr it-Turkija kienu prinċipalment min-Norveġja u mill-Bożnija-Ħerzegovina.

(122)

Kif deskritt fil-premessa (108), il-volum tal-importazzjonijiet fl-Unjoni minn pajjiżi terzi oħrajn kif irrapportat fil-Eurostat ġie espress f’tunnellati ta’ WFE. Abbażi ta’ dan, il-volum tal-importazzjonijiet kif ukoll is-sehem mis-suq u x-xejriet tal-prezzijiet għall-importazzjonijiet tat-trota minn pajjiżi terzi oħrajn żviluppaw kif ġej:

Tabella 8

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

Pajjiż

 

2016

2017

2018

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

It-total tal-pajjiżi terzi kollha minbarra t-Turkija

Il-volum (tunnellati ta’ WFE)

2 431

1 402

1 844

2 118

Indiċi

100

58

76

87

Sehem mis-suq

1,6 %

1,0 %

1,2 %

1,4 %

Indiċi

100

59

72

89

Il-prezz medju (EUR/tunnellati ta’ WFE)

3 279

3 332

3 519

3 336

Indiċi

100

102

107

102

Sors: Eurostat.

(123)

Il-volumi tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn kienu baxxi matul il-perjodu kkunsidrat u b’mod ġenerali naqsu bi ftit minn 2 432 tunnellata fl-2016 għal 2 118-il tunnellata fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, jiġifieri tnaqqis ta’ 13 % matul il-perjodu kkunsidrat. Is-sehem mis-suq korrispondenti baqa’ taħt it-2 % matul il-perjodu kollu kkunsidrat u b’mod ġenerali naqas minn 1,6 % għal 1,4 %. B’mod ġenerali, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet tal-pajjiżi terzi żdiedu bi 2 % matul il-perjodu kkunsidrat u bħala medja kienu ogħla b’mod konsiderevoli mill-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat (15 % ogħla fil-PIR).

4.4.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.4.1.   Kummenti ġenerali

(124)

Il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni kienet tinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li influwenzaw l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat.

(125)

Kif imsemmi fil-premessa (15), il-kampjunar intuża għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(126)

Biex tiddetermina d-dannu, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi tad-dannu makroekonomiċi u dawk mikroekonomiċi. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi abbażi tad-data pprovduta mill-applikant u l-kumpaniji individwali inklużi fil-kampjun, li kienu relatati mal-produtturi tal-Unjoni kollha relatati. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi mikroekonomiċi fuq il-bażi tad-data li tinsab fit-tweġibiet mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, li kienet elatata mal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Iż-żewġ settijiet ta’ data nstabu li kienu rappreżentattivi tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(127)

L-indikaturi makroekonomiċi huma: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività, id-daqs tal-marġni ta’ sussidju u l-irkupru minn sussidju preċedenti.

(128)

L-indikaturi mikroekonomiċi huma: il-prezzijiet unitarji medji, il-kost unitarju, il-kostijiet lavorattivi, l-inventarji, il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital.

4.4.2.   L-indikaturi makroekonomiċi

4.4.2.1.   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

(129)

Il-volum tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni nkiseb mill-applikant abbażi tad-data tar-Rapport tal-Federazzjoni tal-Produtturi Ewropej tal-Akkwakultura (Federation of European Aquaculture Producers, “FEAP”). (38) Id-data tal-FEAP tinġabar fuq bażi ex-farm u tirreferi għal ħut ħaj imrobbi f’kull Stat Membru. Id-data għall-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami kienet koperta wkoll mir-rapport tal-FEAP.

(130)

Abbażi ta’ dan, il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 9

Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

 

2016

2017

2018

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Volum tal-produzzjoni (tunnellati ta’ WFE)

133 129

131 518

141 841

128 988

Indiċi

100

99

107

97

Il-kapaċità tal-produzzjoni (tunnellati ta’ WFE)

196 211

188 879

206 760

193 133

Indiċi

100

96

105

98

Użu tal-kapaċità

68 %

70 %

69 %

67 %

Indiċi

100

103

101

98

Sors: l-applikant u tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(131)

Il-volum tal-produzzjoni varja matul il-perjodu kkunsidrat. Filwaqt li naqas bejn l-2016 u l-2017 b’1 %, dan żdied bejn l-2017 u l-2018 bi 8 %, u mbagħad reġa’ naqas fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami b’10 %. B’mod ġenerali, il-volum tal-produzzjoni naqas bi 3 % matul il-perjodu kkunsidrat.

(132)

Il-kapaċità tal-produzzjoni (39) segwiet xejra simili għall-volum tal-produzzjoni; din naqset b’4 % mill-2016 sal-2017, żdiedet fl-2018 bi 8 % u reġgħet naqset fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami b’7 %. B’mod ġenerali, din żdiedet bi 2 % matul il-perjodu kkunsidrat.

(133)

L-użu tal-kapaċità baqa’ relattivament stabbli u b’mod ġenerali naqas bi 2 % fil-perjodu kkunsidrat.

4.4.2.2.   Volum ta’ bejgħ u s-sehem mis-suq

(134)

Il-volum ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni ġie stabbilit abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-applikant billi tnaqqas il-volum ta’ bejgħ għall-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni mill-volum totali tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni, kif deskritt fil-premessi minn (129) sa (130).

(135)

Abbażi ta’ dan, il-volum ta’ bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 10

Volum ta’ bejgħ u s-sehem mis-suq

 

2016

2017

2018

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Volum ta’ bejgħ fis-suq tal-Unjoni (tunnellati ta’ WFE)

126 060

126 143

137 403

125 020

Indiċi

100

100

109

99

Sehem mis-suq

84 %

86 %

88 %

85 %

Indiċi

100

102

104

101

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju dwar il-makroindikaturi.

(136)

Il-volum ta’ bejgħ naqas ftit b’1 % matul il-perjodu kkunsidrat. L-ewwel baqa’ stabbli bejn l-2016 u l-2017 u mbagħad żdied b’9 % bejn l-2017 u l-2018, filwaqt li naqas b’10 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, u laħaq livelli aktar baxxi mill-2016. It-tnaqqis parallel fil-konsum deskritt fil-premessa (110), wassal għal żieda żgħira fis-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni minn 84 % fl-2016 għal 85 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, jiġifieri żieda ta’ 1 % matul il-perjodu kkunsidrat.

4.4.2.3.   Tkabbir

(137)

Filwaqt li l-konsum tal-Unjoni żdied bi 2 % matul il-perjodu kkunsidrat, il-volum ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqas b’1 % li sarraf f’żieda fis-sehem mis-suq ta’ 1 %.

4.4.2.4.   Impjiegi u produttività

(138)

L-impjiegi u l-produttività żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 11

Impjiegi u produttività

 

2016

2017

2018

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Għadd ta’ impjegati

2 216

2 050

2 210

2 174

Indiċi

100

92

100

98

Produttività (tunnellati ta’ WFE/impjegat)

60

64

64

59

Indiċi

100

107

107

99

Sors: Tweġiba għall-kwestjonarju dwar il-makroindikaturi.

(139)

L-impjiegi tal-industrija tal-Unjoni varjaw matul il-perjodu kkunsidrat, u naqsu bejn l-2016 u l-2017 bi 8 %, u mbagħad reġgħu żdiedu bi 8 % fl-2018 u finalment naqsu bi 2 % bejn l-2018 u l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. B’mod ġenerali naqsu bi 2 %.

(140)

Il-produttività naqset bi ftit minħabba l-kombinazzjoni ta’ tnaqqis fl-impjiegi u tnaqqis saħansitra aktar mgħaġġel fil-volum tal-produzzjoni kif spjegat fil-premessa (115).

4.4.2.5.   Id-daqs tal-marġni tas-sussidju u l-irkupru mis-sussidjar tal-passat

(141)

Il-marġnijiet tas-sussidju stabbiliti matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami kienu ferm ogħla mil-livell de minimis kif iddikjarat fil-premessa (98). L-impatt tad-daqs tal-marġnijiet rewali tas-sussidju fuq l-industrija tal-Unjoni kien sostanzjali, fid-dawl tal-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mit-Turkija.

(142)

L-ipprezzar inġust kontinwu mill-produtturi esportaturi mit-Turkija ma ppermettiex lill-industrija tal-Unjoni tirkupra bis-sħiħ mill-prattiki ta’ sussidjar tal-passat.

4.4.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

4.4.3.1.   Il-prezzijiet u l-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(143)

Il-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ ta’ unità tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 12

Prezzijiet u kostijiet tal-bejgħ fl-Unjoni

 

2016

2017

2018

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Prezz medju tal-bejgħ ta’ unità (EUR/ tunnellata ta’ WFE)

3 538

3 826

3 717

3 621

Indiċi

100

108

105

102

Kost unitarju tal-produzzjoni (EUR/tunnellata ta’ WFE)

3 612

3 848

3 697

3 650

Indiċi

100

107

102

101

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(144)

Il-prezz medju tal-bejgħ ta' unita tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni żdied ftit bi 2 % matul il-perjodu kkunsidrat, u laħaq EUR 3 621/ tunnellata ta’ WFE fil-PIR. Dan żdied bi 8 % bejn l-2016 u l-2017 u mbagħad naqas gradwalment sal-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(145)

Il-kost unitarju tal-produzzjoni kien ogħla mill-prezz medju tal-bejgħ matul il-perjodu kkunsidrat, bl-eċċezzjoni tal-2018. Kumplessivament, il-kost unitarju tal-produzzjoni żdied b’1 % matul il-perjodu kkunsidrat, u laħaq EUR 3 650/ tunnellata ta’ WFE fil-PIR, ogħla mill-prezz medju tal-bejgħ ta' unità.

4.4.3.2.   Kostijiet lavorattivi

(146)

Il-kostijiet lavorattivi medji tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 13

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat

 

2016

2017

2018

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat (EUR)

35 538

36 031

37 042

37 861

Indiċi (FY2016=100)

100

101

104

107

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(147)

Il-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat urew żieda gradwali matul il-perjodu kkunsidrat. B’mod ġenerali, dawn żdiedu b’7 % matul il-perjodu kkunsidrat.

4.4.3.3.   Inventarji

(148)

Il-livelli tal-istokkijiet tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 14

Inventarji

 

2016

2017

2018

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Stokkijiet tal-għeluq (tunnellati ta’ WFE)

3 304

3 336

4 776

4 852

Indiċi (FY2016=100)

100

101

145

147

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(149)

Kumplessivament, l-istokkijiet tal-għeluq żdiedu b’47 % matul il-perjodu kkunsidrat.

(150)

It-trota hija prodott li jitħassar malajr, li sakemm ma jiġix iffriżat ikollu ħajja fuq l-ixkaffa ta’ inqas minn ġimagħtejn. Bl-eċċezzjoni ta’ kumpanija waħda, il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun ma jżommux stokkijiet tat-trota wara t-trobbija u ma jiffriżawx il-produzzjoni tagħhom, sa ċertu punt sinifikanti . Bħala konklużjoni, il-livelli tal-istokkijiet mhumiex meqjusa bħala indikatur sinifikanti ta’ dannu f’din l-investigazzjoni.

4.4.3.4.   Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiġi ġġenerat kapital

(151)

Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 15

Profittabbiltà, fluss tal-flus, investimenti u redditu fuq l-investimenti

 

2016

2017

2018

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Profittabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati ( % tal-fatturat mill-bejgħ)

– 2,1 %

– 0,6 %

0,5 %

– 0,8 %

Fluss tal-flus (eluf ta’ EUR)

– 521 095

55 338

834 534

575 407

Investiment (eluf ta’ EUR)

1 685 452

1 367 957

1 793 453

2 136 870

Indiċi

100

81

106

127

Redditu fuq l-investiment

– 12,2 %

– 3,8 %

3,6 %

– 5,5 %

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(152)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun billi esprimiet il-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tal-fatturat ta’ dak il-bejgħ. Il-profittabbiltà kienet negattiva matul il-perjodu kkunsidrat, bl-eċċezzjoni tal-2018 meta kienet kemxejn pożittiva (0,5 %). Kumplesivament, fil-perjodu kkunsidrat, il-profittabbiltà bdiet madwar – 2,1 % fl-2016 u gradwalment tjiebet sas-sena 2018, meta reġgħet naqset bi ftit għal – 0,8 % fil-PIR.

(153)

Il-fluss tal-flus nett huwa l-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tiffinanzja hija stess l-attivitajiet tagħha. Il-fluss tal-flus kien qed isegwi xejra simili bħall-profittabbiltà, jiġifieri żdied mll-2016 għall-2018 u naqas fil-PIR.

(154)

L-investimenti naqsu mill-2016 għall-2017, iżda reġgħu żdiedu fl-2018 u komplew jiżdiedu fil-PIR. Kumplessivament urew żieda ta’ 27 % matul il-perjodu kkunsidrat. Minkejja din iż-żieda, id-daqs tal-investimenti baqa’ baxx matul il-perjodu kkunsidrat (medja ta’ EUR 1,7 miljun fis-sena, għat-tmien kumpaniji kollha inklużi fil-kampjun) u kienu fil-biċċa l-kbira relatati mal-konformità.

(155)

Ir-redditu fuq l-investimenti huwa l-profitt f’perċentwal tal-valur kontabilistiku nett tal-investimenti. Bħal fil-każ tal-indikaturi finanzjarji l-oħrajn, ir-redditu fuq l-investiment żdied mill-2016 għall-2018 u naqas fil-PIR.

4.5.   Konklużjoni dwar id-dannu

(156)

Minkejja l-miżuri kompensatorji fis-seħħ, l-importazzjonijiet Torok tat-trota baqgħu sostanzjali b’ishma mis-suq stabbli bejn madwar 11 % u aktar minn 14 % matul il-perjodu kkunsidrat. Matul l-PIR, is-sehem mis-suq kien ta’ 13,9 %. Fl-istess ħin, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet urew xejra ta’ tnaqqis u waqqgħu l-prezzijiet tal-Unjoni b’medja ta’ 14,5 % matul l-PIR, minkejja l-eżistenza tal-miżuri kompensatorji.

(157)

L-iżvilupp tal-indikaturi makroekonomiċi, b’mod partikolari l-volum tal-produzzjoni u tal-bejgħ, l-impjiegi u l-produttività wrew xejriet stabbli jew kemxejn li qed jonqsu. Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żdied bi ftit matul il-perjodu kkunsidrat, filwaqt li naqas fil-PIR u laħaq livell simili għal dak fl-2016. Iż-żieda fis-sehem mis-suq fl-2017 u fl-2018 minkejja l-volum ta’ bejgħ relattivament stabbli hija dovuta għat-tnaqqis fil-konsum matul l-istess perjodu. Għalkemm l-industrija tal-Unjoni rnexxielha żżomm fil-biċċa l-kbira l-volum ta’ bejgħ u s-sehem mis-suq tagħha, dan kien għad-detriment tal-profittabbiltà tagħha u ta’ indikaturi finanzjarji oħrajn kif spjegat fil-premessa li ġejja.

(158)

Minkejja li l-prezz medju tal-bejgħ ta’ unità tal-produtturi tal-Unjoni żdied bi ftit matul il-perjodu kkunsidrat, l-industrija tal-Unjoni ma rnexxilhiex tikseb marġni ta’ profitt sostenibbli. Minħabba l-pressjoni fuq il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Torok, l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżid il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha lanqas biex tilħaq il-kost medju tal-produzzjoni u għalhekk, kienet qed tagħmel telf matul il-perjodu kkunsidrat (bl-eċċezzjoni tal-2018 fejn kienet kważi f'ekwilibriju). Għalhekk, l-importazzjonijiet Torok eżerċitaw ukoll trażżin sinifikanti tal-prezzijiet fuq il-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni matul il-PIR. Indikaturi finanzjarji oħrajn (fluss tal-flus, redditu fuq l-investiment) segwew xejra simili għall-profittabbiltà, u wrew valuri negattivi jew baxxi matul il-perjodu kollu kkunsidrat. L-investimenti, għalkemm żdiedu fl-2017 u fl-2018, kienu ta’ daqs ġeneralment baxx u kienu relatati mal-konformità. L-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tirkupra mis-sitwazzjoni dannuża tagħha u ġarrbet telf kważi matul il-perjodu kollu kkunsidrat.

(159)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali, li b’mod partikolari jidher mis-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.

5.   IL-KAWŻALITÀ

(160)

F’konformità mal-Artikolu 8(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet isssussidjati mit-Turkija kkawżawx dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. F’konformità mal-Artikolu 8(6) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk fatturi oħrajn magħrufa setgħux fl-istess ħin ikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni żgurat li kwalunkwe dannu possibbli kkawżat minn fatturi oħrajn għajr l-importazzjonijiet issussidjati mill-pajjiż ikkonċernat ma kienx attribwit għall-importazzjonijiet issussidjati.

(161)

L-importazzjonijiet Torok tat-trota baqgħu sostanzjali b’ishma mis-suq ta’ aktar minn 10 % matul il-perjodu kollu kkunsidrat u f’livelli tal-prezzijiet baxxi matul l-PIR, minkejja l-miżuri kontra s-sussidji fis-seħħ. Minħabba l-pressjoni sostanzjali fuq il-prezzijiet mill-importazzjonijiet Torok, l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżid il-prezzijiet tagħha f’konformità maż-żieda fil-kost li wasslet għal telf matul kważi l-perjodu kollu kkunsidrat.

(162)

Ma seta’ jiġi identifikat l-ebda fattur ieħor li seta’ kkawża d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Tabilħaqq, il-volum importat minn pajjiżi terzi oħrajn minbarra t-Turkija (2 188 tunnellata ta’ WFE fil-PIR) kien jirrappreżenta biss 1,4 % tas-sehem mis-suq fil-PIR (meta mqabbel mal-20 446 tunnellata ta’ WFE mit-Turkija, li jirrappreżentaw 13,9 % tas-sehem mis-suq). Barra minn hekk, matul l-PIR, il-prezz medju tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn minbarra t-Turkija (EUR 3 336/Tunnellata ta’ WFE) kien 16 % ogħla mill-prezz medju tal-importazzjonijiet mit-Turkija (EUR 2 884/Tunnellata ta’ WFE).

6.   IL-PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI TA’ DANNU

6.1.   Il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dannu mit-Turkija

(163)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet ta’ hawn fuq, li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali kkawżat mill-importazzjonijiet mit-Turkija, f’konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni vvalutat jekk ikunx hemm probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dannu kkawżat mill-importazzjonijiet issussidjati mit-Turkija jekk il-miżuri jkunu tħallew jiskadu.

(164)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni analizzat l-elementi segwenti: il-volum tal-produzzjoni u l-kapaċità ta’ riżerva fit-Turkija, l-attraenza tas-suq tal-Unjoni għall-produtturi esportaturi Torok, il-livelli tal-prezzijiet probabbli tal-importazzjonijiet mit-Turkija fin-nuqqas ta’ miżuri kontra s-sussidji, u l-impatt tagħhom fuq l-industrija tal-Unjoni.

6.1.1.   Il-kapaċità tal-produzzjoni, il-kapaċità ta’ riżerva fit-Turkija u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni

(165)

Il-produzzjoni totali tat-trota fit-Turkija matul l-PIR kienet ta’ 95 000 tunnellata (40). Minn dan, parti kbira ġiet esportata peress li l-konsum tal-ħut per capita fit-Turkija (madwar 6 kg) huwa baxx ħafna meta mqabbel mal-Unjoni (madwar 24 kg) (41).

(166)

Barra minn hekk, il-volum kurrenti tal-produzzjoni fit-Turkija ma jirriflettix il-kapaċità reali tal-produzzjoni li tista’ tiġi attivata jekk il-miżuri jittħassru. Tabilħaqq, il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun u l-produtturi esportaturi li pprovdew tweġiba sħiħa għall-formoli tal-kampjunar mal-bidu, irrapportaw użu medju tal-kapaċità ta’ 48 % u 47 % rispettivament. Meta wieħed ikun jaf li l-produzzjoni totali Torka tat-trota hija ta’ 95 000 tunnellata fil-PIR, il-kapaċità kumplessiva tista’ tkun bejn 197 000 u 202 000 tunnellata bl-estrapolazzjoni.

(167)

Abbażi tal-kapaċità medja tal-użu ddikjarata rrappurtata mill-produtturi esportaturi li kkooperaw, il-kapaċità medja ta’ riżerva tvarja bejn 101 000 u 102 000 tunnellata. Dan jammonta għal 70 % tal-konsum totali fl-Unjoni. Jekk anki parzjalment jiġu diretti lejn is-suq tal-Unjoni, dan ikun ifisser li jistgħu jiġu esportati volumi sinifikanti, u, kif spjegat fil-premessi minn (115) sa (120), bi prezzijiet li jwaqqgħu b’mod sostanzjali dawk tal-industrija tal-Unjoni li jkollhom effett negattiv sinifikanti fuq l-industrija tal-Unjoni.

6.1.2.   L-attraenza tas-suq tal-Unjoni

(168)

Is-suq tal-Unjoni huwa attraenti fir-rigward tad-daqs u l-prezzijiet tiegħu. Huwa bil-bosta l-aktar suq importanti tal-esportazzjoni għall-produtturi tat-trota fit-Turkija, li jammonta għal 55 % tal-esportazzjonijiet totali tagħhom tat-trota. L-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni huma 59 % ogħla mill-esportazzjonijiet lejn it-tieni l-akbar suq tal-esportazzjoni tagħha, li hija r-Russja, li tammonta għal 33 % tal-esportazzjonijiet Torok tat-trota (42). Is-suq tal-Unjoni u r-Russja kienu jirrappreżentaw madwar 85 % tal-esportazzjonijiet Torok kollha tat-trota. Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Torok lejn is-suq tal-Unjoni kienu ftit ogħla minn dawk lejn ir-Russja matul l-PIR, li għamlu s-suq tal-Unjoni ftit aktar profittabbli mis-suq Russu. Fl-ewwel 10 destinazzjonijiet tal-esportazzjoni tat-trota Torka, żewġ swieq biss — il-Vjetnam u l-Ġappun — joffru prezzijiet li huma ogħla minn dawk tal-Unjoni. Madankollu, dawn iż-żewġ swieq kienu relattivament insinifikanti u jirrappreżentaw, 5 % u 2 % tal-esportazzjonijiet tat-Turkija, rispettivament.

(169)

L-attraenza tas-suq tal-Unjoni hija ġġustifikata wkoll mill-prossimità ġeografika. B’mod partikolari, it-trota mhijiex adattata għal vjaġġi ’l bogħod u twal. Tabilħaqq, l-esportaturi Torok diġà għandhom kanali ta’ distribuzzjoni stabbiliti sew fl-Unjoni, li jiffaċilitaw loġistikament l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni.

(170)

Minkejja l-miżuri eżistenti, it-Turkija biegħet lill-Unjoni volum sostanzjali ta’ trota matul il-perjodu kkunsidrat u xorta kellha sehem mis-suq konsiderevoli matul l-PIR (qrib l-14 %). Dawn inbiegħu bi prezz li, anki bid-dazji kompensatorji, waqqa’ b’mod sinifikanti l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni.

(171)

Għalhekk, is-suq tal-Unjoni huwa meqjus attraenti għall-produtturi Torok u jista’ jiġi konkluż li l-kapaċitajiet ta’ riżerva disponibbli fit-Turkija se jkunu tal-inqas parzjalment diretti lejn is-suq tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, ta’ min ifakkar li s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Torok kien jammonta għal 17 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tal-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri qabel l-impożizzjoni tad-dazji kompensatorji.

6.1.3.   L-impatt tal-importazzjonijiet mit-Turkija fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu

(172)

Fir-rigward tal-effett probabbli ta’ tali importazzjonijiet, il-Kummissjoni eżaminat il-livelli tal-prezzijiet probabbli tagħhom jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset il-livelli tal-prezzijiet tal-importazzjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami mingħajr dazju kompensatorju bħala approċċ raġonevoli u konservattiv. Il-marġni medju tat-twaqqigħ tal-prezz instab li kien sostanzjali u ammonta għal 19,8 %.

(173)

Filwaqt li l-industrija tal-Unjoni rnexxielha żżid il-prezzijiet medji tal-unità matul il-perjodu kkunsidrat mingħajr ma tilfet is-sehem mis-suq, dan sar għad-detriment tal-profittabbiltà tagħha. Għalhekk, tali strateġija ma tistax titqies bħala għażla jekk il-miżuri jittħassru, b’mod partikolari minħabba li f’dan il-każ il-pressjoni fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni tiżdied b’mod konsiderevoli. Għalhekk, mingħajr restrizzjonijiet biex jaċċessaw is-suq tal-Unjoni, l-esportazzjonijiet Torok, x’aktarx li jiżdiedu fil-volum bi prezzijiet saħansitra aktar baxxi minn dawk matul l-PIR. Meta tiġi ffaċċjata b’tali pressjoni fuq il-prezzijiet f’volumi kbar, l-industrija tal-Unjoni se tkun imġiegħla tnaqqas il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha f’tentattiv biex iżżomm il-volum ta’ bejgħ. B’konsegwenza ta’ dan, il-profittabbiltà tagħha, li diġà qed tagħmel it-telf, x’aktarx li tiddeterjora saħansitra aktar. Tabilħaqq, huwa possibbli li wieħed jara korrelazzjoni bejn il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni u l-iżvilupp tal-volum tal-importazzjonijiet mit-Turkija. Meta l-volumi tal-importazzjonijiet naqsu mill-2016 sal-2018, l-industrija tal-Unjoni setgħet ittejjeb il-profittabbiltà tagħha, filwaqt li matul il-PIR, meta l-volumi tal-importazzjonijiet reġgħu żdiedu, il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni naqset.

(174)

Fl-alternattiva, jekk l-industrija tal-Unjoni tipprova iżżomm il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha fil-livelli kurrenti, huwa ferm probabbli li l-produtturi esportaturi Torok se jiksbu volumi tal-bejgħ u sehem mis-suq mill-industrija tal-Unjoni, għal-livelli ta’ qabel l-impożizzjoni tal-miżuri. Tali sitwazzjoni, ikollha wkoll impatt negattiv fuq il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni peress li ma tkunx tista’ tkopri aktar il-kostijiet fissi tagħha.

(175)

B’konsegwenza ta’ dan, il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni u s-sitwazzjoni ekonomika ġenerali tagħha jiġu affettwati b’mod negattiv u jmorru għall-agħar. B’mod parallel, l-industrija tal-Unjoni tiġi prekluża milli tagħmel l-investimenti meħtieġa biex tissodisfa l-istandards tal-ambjent u tas-saħħa.

(176)

Meta titqies is-sitwazzjoni dannuża li l-industrija tal-Unjoni bħalissa tinsab fiha, l-impatt li l-miżuri jitħallew jiskadu jkun devastanti.

6.1.4.   Konklużjoni

(177)

Fid-dawl tas-sejbiet ta’ hawn fuq, jiġifieri l-kapaċità ta’ riżerva enormi fit-Turkija, l-attraenza tas-suq tal-Unjoni, il-livelli tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet mit-Turkija u l-impatt probabbli tagħhom fuq l-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dannu jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

7.   INTERESS TAL-UNJONI

(178)

F’konformità mal-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk iż-żamma tal-miżuri kompensatorji eżistenti tmurx kontra l-interess tal-Unjoni b’mod ġenerali. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq apprezzament tad-diversi interessi kollha involuti, inklużi dawk tal-industrija, tal-importaturi u tal-utenti tal-Unjoni.

7.1.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(179)

L-investigazzjoni wriet li l-industrija tal-Unjoni kienet f’sitwazzjoni dannuża u li t-tneħħija tal-miżuri x’aktarx twassal għal kompetizzjoni inġusta akbar minn importazzjonijiet sussidjati mit-Turkija.

(180)

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li ż-żamma tal-miżuri kompensatorji kienet tkun fl-interess tal-industrija tal-Unjoni.

7.2.   L-interess tal-utenti u tal-importaturi mhux relatati

(181)

L-ebda wieħed mill-importaturi jew l-utenti mhux relatati ma ppreżenta ruħu jew wieġeb għall-kwestjonarju fir-rieżami preżenti.

(182)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe evidenza li tissuġġerixxi li l-miżuri fis-seħħ affettwaw lill-importaturi jew lill-utenti b’mod konsiderevoli, ġie konkluż li t-tkomplija tal-miżuri mhijiex se taffettwahom sa punt sinifikanti.

7.3.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(183)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm raġunijiet konvinċenti tal-interess tal-Unjoni kontra ż-żamma tal-miżuri eżistenti fuq l-importazzjonijiet tat-trota li toriġina fil-pajjiż ikkonċernat.

8.   MIŻURI KOMPENSATORJI

(184)

Abbażi tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ sussidju, il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dannu kif ukoll l-interess tal-Unjoni, jenħtieġ li jinżammu l-miżuri antisussidji fuq l-importazzjonijiet tat-trota li toriġina mit-Turkija.

(185)

Ir-rati tad-dazju kompensatorju tal-kumpanija individwali speċifikati f’dan ir-Regolament huma applikabbli esklussivament għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mit-Turkija u li jiġi manifatturat mill-entitajiet ġuridiċi msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat manifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija b’mod speċifiku fid-dispożittiv ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk speċifikament imsemmija, jenħtieġ li jiġu soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”. Dawn jenħtieġ li ma jiġux soġġetti għal xi rati individwali ta’ dazju kompensatorju.

(186)

Kumpanija tista’ titlob li jiġu applikati dawn ir-rati ta’ dazju kompensatorju individwali jekk sussegwentement tibdel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tkun indirizzata lill-Kummissjoni. It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermetti li jintwera li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, sl-bidla tal-isem tkun ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(187)

Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (43), meta ammont għandu jiġi rimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-imgħax li għandu jitħallas jenħtieġ li jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikat fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

(188)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju kompensatorju definittiv huwa impost fuq l-importazzjonijiet ta’ trota qawsalla (Oncorhynchus mykiss):

ħajja li tiżen 1,2 kg jew inqas kull waħda, jew

friska, imkessħa, iffriżata u/jew affumikata:

fil-forma ta’ ħuta sħiħa (bir-ras), imnaddfa mill-garġi jew le, imnaddfa mill-organi jew le, li tiżen 1,2 kg jew inqas kull waħda, jew

bir-ras maqtugħa, imnaddfa mill-garġi jew le, imnaddfa mill-organi jew le, li jiżnu 1 kg jew inqas kull waħda, jew

fil-forma ta’ flettijiet li jiżnu 400 g jew inqas kull wieħed, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 0301 91 90, ex 0302 11 80, ex 0303 14 90, ex 0304 42 90, ex 0304 82 90 u ex 0305 43 00 (il-kodiċijiet TARIC 0301919011, 0302118011, 0303149011, 0304429010, 0304829010 u 0305430011) u li joriġina mit-Turkija.

2.   Ir-rati tad-dazju kompensatorju definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u manifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandhom ikunu kif ġej:

Il-kumpanija

Dazju kompensatorju (%)

Il-kodiċi addizzjonali TARIC

BAFA Su Ürünleri Yavru Üretim Merkezi Saniyi Ticaret

1,5 %

B965

Akyol Su Ürn.Ürt.Taş.Kom.İth.İhr.Paz.San. Ve Tic. Ltd Şti

Asya Söğüt Su Ürünleri Üretim Dahili Paz.ve İhr. LtdŞti

GMS Su Ürünleri Üretim İth. Paz. San. Ve Tic. Ltd Şti

Gümüşdoga Su Ürünleri Üretim Ihracat Italat AŞ

Gümüş-Yel Su Ürünleri üretim İhracat ve İthalat Ltd Şti

Hakan Komandit Şirketi

İskele Su Ürünleri Hayv.Gida Tur.Inş.Paz.IHR.LtdŞti

Karaköy Su Ürünleri Üretim Paz.Tic.İhr. Ve İth.LtdŞti

Özgü Su Ürün. Üret. Taş. Komis. İth. İhr. Paz. San. Ve Tic. Ltd Şti

6,9 %

B964

Özpekler İnşaat Taahhüd Dayanıklı Tüketim Malları Su Ürünleri Sanayi ve Ticaret Limited Şirketi

6,7 %

B966

Ternaeben Gida ve Su Ürünleri Italat ve Ihrarat Saniyi Ticaret

8,0 %

B967

Il-kumpaniji elenkati fl-Anness

7,6 %

 

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

9,5 %

B999

3.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/309 tas-26 ta’ Frar 2015 li jimponi dazju kompensatorju definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija (ĠU L 56, 27.2.2015, p. 12).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/823 tal-4 ta’ Ġunju 2018 li jtemm ir-rieżami interim parzjali tal-miżuri kompensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mir-Repubblika tat-Turkija (ĠU L 139, 5.6.2018, p. 14).

(4)  Il-Premessa (49) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/823.

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/658 tal-15 ta’ Mejju 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/309 li jimponi dazju kompensatorju definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija wara rieżami interim skont l-Artikolu 19(4) tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 155, 18.5.2020, p. 3).

(6)  Avviż tal-iskadenza ta’ ċerti miżuri antisussidji (ĠU C 209, 20.6.2019, p. 34).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21).

(8)  Notifika ta’ bidu ta’ rieżami tal-iskadenza tal-miżuri kontra s-sussidji applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mir-Repubblika tat-Turkija (ĠU C 64, 27.2.2020, p. 22).

(9)  Fil-31 ta’ Jannar 2020, ir-Renju Unit irtira mill-Unjoni. L-Unjoni u r-Renju Unit qablu b’mod konġunt dwar perjodu ta’ tranżizzjoni li matulu r-Renju Unit baqa’ soġġett għad-dritt tal-Unjoni, li ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2020. Ir-Renju Unit ma għadux Stat Membru tal-Unjoni u għalhekk iċ-ċifri, is-sejbiet u l-konklużjonijiet f’dan ir-Regolament jittrattaw lir-Renju Unit bħala pajjiż terz.

(10)  Avviż Dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa ta’ COVID-19 fuq investigazzjonijiet antidumping u antisussidji (ĠU C 86, 16.3.2020, p. 6).

(11)  Id-Digriet Presidenzjali 2019/1691 dwar is-sussidji agrikoli fl-2019, datat it-23 ta’ Ottubru 2019 (implimentat b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2019), ippubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali Nru 30928/24.10.2019.

(12)  Communiqué 2019/56, ippubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali Nru 30956/22.11.2019.

(13)  Id-Digriet Presidenzjali 2020/3190 dwar l-appoġġ agrikolu fl-2019, datat il-5 ta’ Novembru 2020.

(14)  Communiqué 2020/39, ippubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali Nru 31321/1.12.2020.

(15)  Il-Premessi minn (61) sa (62) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1195/2014 tad-29 ta’ Ottubru 2014 li jimponi dazju kompensatorju provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija (ĠU L 319, 6.11.2014, p. 1).

(16)  Il-Premessi minn (61) sa (62) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1195/2014 tad-29 ta’ Ottubru 2014 li jimponi dazju kompensatorju provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija (ĠU L 319, 6.11.2014, p. 1).

(17)  Il-Premessa (67) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2020/658 tal-15 ta’ Mejju 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/309 li jimponi dazju kompensatorju definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija wara rieżami interim skont l-Artikolu 19(4) tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 155, 18.5.2020, p. 3).

(18)  Il-Premessi minn (40) sa (43) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2020/658 tal-15 ta’ Mejju 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/309 li jimponi dazju kompensatorju definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija wara rieżami interim skont l-Artikolu 19(4) tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 155, 18.5.2020, p. 3).

(19)  Il-produzzjoni tas-sistema magħluqa tissepara l-ħut imrobbi mill-ambjent u tippermetti l-kontroll tal-input u tal-output, filwaqt li telimina l-ħsara lill-ekosistemi u lill-istokkijiet selvaġġi.

(20)  Il-Premessa (91) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1195/2014 tad-29 ta’ Ottubru 2014 li jimponi dazju kompensatorju provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija (ĠU L 319, 6.11.2014, p. 1).

(21)  Ippubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali Nru 29286, il-5 ta’ Marzu 2015.

(22)  Ippubblikat fid-19 ta’ Ġunju 2012, il-Gazzetti Uffiċjali Nru 28328.

(23)  Ippubblikat fl-20 ta’ Ġunju 2012, il-Gazzetti Uffiċjali Nru 28329.

(24)  Il-produzzjoni tal-akkwakultura hija elenkata b’mod espliċitu fl-Anness 2/A tad-Digriet Nru 2012/3305 fost is-setturi li jistgħu jibbenefikaw minn inċentivi bħall-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), l-eżenzjoni mid-dazju doganali, it-tnaqqis tat-taxxa, il-kontribuzzjonijiet għall-investiment, l-appoġġ għall-primjum tas-sigurtà soċjali (il-kontribuzzjoni tal-impjegaturi, l-allokazzjoni tal-art, l-appoġġ għar-rata tal-imgħax, l-appoġġ għat-taxxa fuq l-introjtu u l-appoġġ għall-primjum tas-sigurtà soċjali (il-kontribuzzjoni tal-impjegati).

(25)  Il-Premessi minn (45) sa (48) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1195/2014 tad-29 ta’ Ottubru 2014 li jimponi dazju kompensatorju provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija (ĠU L 319, 6.11.2014, p. 1).

(26)  Il-paragrafu 103 tal-kummenti tal-GMS dwar l-iżvelar finali

(27)  L-Artikoli 12 u 13, Gazzetta Uffiċjali Nru 25852 tal-21 ta’ Ġunju 2005.

(28)  Gazzetta Uffiċjali Nru 30608 tas-27 ta’ Novembru 2018.

(29)  Il-Premessi minn (88) sa (89) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1195/2014 tad-29 ta’ Ottubru 2014 li jimponi dazju kompensatorju provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija (ĠU L 319, 6.11.2014, p. 1).

(30)  Ippubblikat fil-15 ta’ Ġunju 2010 fil-Gazzetta Uffiċjali.

(31)  Ippubblikat fil-31 ta’ Marzu 1987 fil-Gazzetta Uffiċjali Nru 19417(a).

(32)  Maħruġ mill-Bank Ċentrali tat-Turkija, l-20 ta’ Lulju 2018

(33)  Ippubblikat fit-23 ta’ Frar 2013 fil-Gazzetta Uffiċjali Nru 28568.

(34)  Maħruġa fl-20 ta’ Lulju 2018 mid-Direttorat Ġenerali tal-Istituzzjonijiet Bankarji u Finanzjarji, u d-Direttorat tal-Leġiżlazzjoni dwar il-Munita Barranija tas-CBRT.

(35)  Il-Premessi minn (75) sa (78) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1195/2014 tad-29 ta’ Ottubru 2014 li jimponi dazju kompensatorju provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija (ĠU L 319, 6.11.2014, p. 1).

(36)  Ir-rata tal-imgħax għal self kummerċjali fit-TL (Minbarra l-Kont ta’ Overdraft Korporattiv u l-Karti ta’ Kreditu Korporattivi) għas-self riċevut fit-TL u r-rata tal-imgħax għal self kummerċjali f’EUR għas-self riċevut f’EUR.

(37)  Rapport dwar il-Produzzjoni tal-Akkwakultura Ewropea 2014-2019, is-Segretarjat tal-FEAP, Settembru 2020. Rapport dwar il-Produzzjoni tal-Akkwakultura Ewropea 2014-2019, imħejji mill-FEAP- il-Federazzjoni tal-Produtturi Ewropej tal-Akkwakultura. Disponibbli għall-pubbliku fuq l-indirizz: http://feap.info/wp-content/uploads/2020/12/20201218_feap-production-report-2020.pdf

(38)  Rapport dwar il-Produzzjoni tal-Akkwakultura Ewropea 2014-2019, imħejji mis-Segretarjat tal-Federazzjoni tal-Produtturi Ewropej tal-Akkwakultura (Settembru 2019). Disponibbli fuq is-sit web: http://feap.info/wp-content/uploads/2020/10/20201007_feap-production-report-2020.pdf

(39)  Il-kapaċità tal-produzzjoni hija bbażata fuq il-proporzjon medju ta’ użu rrapportat mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun fit-tweġiba tagħhom għall-kwestjonarju, ikkonvertita f’WFE, applikata għall-produzzjoni totali tal-Unjoni matul l-PIR kif indikat fir-rapport ta’ produzzjoni tal-FEAP (http://feap.info/wp-content/uploads/2020/10/20201007_feap-production-report-2020.pdf).

(40)  Rapport dwar il-Produzzjoni tal-Akkwakultura Ewropea 2014-2019, imħejji mill-FEAP- il-Federazzjoni tal-Produtturi Ewropej tal-Akkwakultura. Disponibbli għall-pubbliku fuq l-indirizz: http://feap.info/wp-content/uploads/2020/12/20201218_feap-production-report-2020.pdf

(41)  EUMOFA, The EU Fish Market, edizzjoni tal-2018, p. 23; L-artikolu tal-Euronews dwar l-akkwakultura Torka (disponibbli fuq: https://tr.euronews.com/2018/08/31/balik-tuketmeyen-turkiye-avrupanin-8-inci-buyuk-deniz-urunleri-ureticisi).

(42)  Sors: Bażi tad-data ta’ Global Trade Atlas: https://www.worldtradestatistics.com/gta/

(43)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


ANNESS

Produtturi esportaturi Torok li kkooperaw li ma kinux fil-kampjun u li ma kinux eżaminati individwalment fl-investigazzjoni oriġinali:

Isem

Kodiċi addizzjonali TARIC

Lezita Balik A.Ş.

B968

Ada Su Ürünleri Turizm İnşaat ve Ticaret Ltd. Şti.

B969

Ahmet Aydeniz Gıda San. ve Tic. A.Ş.

B970

Alba Lojistik İhracat İthalat Ltd. Şti.

B971

Alba Su Ürünleri A.Ş.

B972

Alfam Su Ürünleri A.Ş.

B973

Alima Su Ürünleri ve Gida San. Tic. A.Ş.

B974

Alka Su Ürünleri A.Ş.

B975

Azer Altin Su Ürünleri

B976

Bağcı Balık Gıda ve Enerji Üretimi San ve Tic. A.Ş.

B977

Çamlı Yem Besicilik Sanayii ve Ticaret A.Ş

B978

Çirçir Su Ürünleri Ltd. Şti.

B979

Ipaş Su Ürünleri A.Ş.

B980

Kemal Balıkçılık Ihr. Ltd. Şti.

B981

Liman Entegre Balıkçılık San ve Tic. Ltd. Şti.

B982

Miray Su Ürünleri

B983

Önder Su Ürünleri San. ve Tic. Ltd. Şti.

B984

Fishark Su Ürünleri Üretim Sanayi ve Ticaret A.Ş.

B985

Tai Su Ürünleri Ltd. Şti.

B986

TSM Deniz Ürünleri San. Tic. A.Ş.

B987

Ugurlu Balık A.Ş.

B988

Yaşar Dış Tic. A.Ş.

B989


25.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/35


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/824

tal-21 ta’ Mejju 2021

li jemenda r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 u (UE) Nru 820/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva terbutilażin

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari t-tieni alternattiva tal-Artikolu 21(3) u l-Artikolu 78(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 820/2011 (2) jipprevedi l-approvazzjoni tas-sustanza attiva terbutilażin u għalhekk l-introduzzjoni tat-terbutilażin fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (3).

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 820/2011 jipprevedi wkoll il-preżentazzjoni ta’ aktar informazzjoni konfermatorja dwar l-ispeċifikazzjoni tal-materjal tekniku, kif immanifatturat kummerċjalment inkluż l-informazzjoni dwar ir-rilevanza tal-impuritajiet, l-ekwivalenza bejn l-ispeċifikazzjonijiet tal-materjal tekniku, kif immanifatturat kummerċjalment, u l-ispeċifikazzjonijiet tal-materjal tat-test użat fl-istudji tat-tossiċità u l-valutazzjoni tal-esponiment tal-ilma ta’ taħt l-art għall-metaboliti mhux identifikati LM1, LM2, LM3, LM4, LM5 u LM6.

(3)

Barra minn hekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 820/2011 talab lill-applikant iressaq informazzjoni konfermatorja fir-rigward tar-rilevanza tal-metaboliti MT1 MT13, MT14 u tal-metaboliti mhux identifikati LM1, LM2, LM3, LM4, LM5 u LM6 fir-rigward tal-kanċer, jekk it-terbutilażin ikun ġie klassifikat skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) bħala “suspettat li jikkawża l-kanċer”.

(4)

L-applikant ippreżenta informazzjoni addizzjonali fil-perjodi previsti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 820/2011. Fir-rigward tar-rilevanza tal-metaboliti speċifikati tat-terbutilażin jekk it-terbutilażin ikun ġie klassifikat skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 bħala “suspettat li jikkawża l-kanċer”, il-Kumitat tal-Valutazzjoni tar-Riskju tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi adotta opinjoni fil-5 ta’ Ġunju 2015 (5) li tikkonferma li t-terbutilażin ma għandux jiġi kklassifikat bħala “suspettat li jikkawża l-kanċer”, b’hekk irendi l-informazzjoni konfermatorja mhux meħtieġa.

(5)

L-Istat Membru relatur, ir-Renju Unit, ivvaluta l-informazzjoni addizzjonali ppreżentata mill-applikant. Huwa ppreżenta l-valutazzjoni tiegħu, fil-forma ta’ addendum tal-abbozz ta’ rapport ta’ valutazzjoni, lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) fis-6 ta’ Awwissu 2015.

(6)

L-Istat Membru relatur ikkonsulta lill-Istati Membri l-oħra, lill-applikant u lill-Awtorità u talabhom jipprovdu kummenti dwar l-addendum tal-abbozz ta’ rapport ta’ valutazzjoni. L-Awtorità ppubblikat rapport tekniku (6) li kien fih l-eżitu fil-qosor ta’ din il-konsultazzjoni dwar it-terbutilażin fl-20 ta’ Jannar 2016.

(7)

Filwaqt li tqis il-valutazzjoni tal-Istat Membru relatur u r-rapport tekniku, il-Kummissjoni tqis li r-rekwiżit li tiġi ppreżentata informazzjoni konfermatorja dwar l-ispeċifikazzjoni tal-materjal tekniku, kif immanifatturat kummerċjalment, inkluż l-informazzjoni dwar ir-rilevanza tal-impuritajiet, u dwar l-ekwivalenza bejn l-ispeċifikazzjonijiet tal-materjal tekniku, kif immanifatturat kummerċjalment, u l-ispeċifikazzjonijiet tal-materjal tat-test użat fl-istudji tat-tossiċità jista’ jitqies indirizzat, diment li jitnaqqsu l-livelli massimi stabbiliti bħalissa għall-impuritajiet rilevanti propażin u simażin fil-materjal tekniku kif immanifatturat.

(8)

Il-Kummissjoni kompliet tikkonsulta lill-Awtorità b’rabta mal-esponiment tal-ilma ta’ taħt l-art għall-metaboliti tat-terbutilażin. L-Awtorità ppubblikat il-konklużjonijiet aġġornati tagħha dwar il-valutazzjoni tal-informazzjoni addizzjonali fid-29 ta’ Ġunju 2017 (7) u fid-19 ta’ Settembru 2019 (8). L-Awtorità identifikat riskju għat-trabi u għat-trabi li telqu jimxu f’xi kundizzjonijiet tal-użu mill-esponiment għall-metaboliti tat-terbutilażin fl-ikel u fl-ilma tax-xorb, skont l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-applikant u abbażi tal-użu tat-terbutilażin b’rata ta’ 850 g/ha kull sena fl-istess għalqa. Barra minn hekk, meta t-terbutilażin jiġi applikat kull sena b’rata massima ta’ 850 g/ha, huwa mbassar li jkun hemm żewġ metaboliti ta’ terbutilażin, LM3 u LM6 fl-ilma ta’ taħt l-art ta’ aktar minn 0,75 μg/L fix-xenarji kollha, li jwassal għall-ħtieġa ta’ valutazzjoni tar-riskju għall-konsumatur li, madankollu, ma setgħetx titwettaq peress li l-valuri ta’ referenza bbażati fuq is-saħħa ma setgħux jiġu derivati abbażi tad-data disponibbli.

(9)

L-abbozz tar-rapport tal-valutazzjoni, l-abbozz ta’ rapport ta’ valutazzjoni u l-konklużjonijiet tal-Awtorità ġew rieżaminati mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf u ġew iffinalizzati fl-24 ta’ Marzu 2021 fil-format tar-rapport ta’ rieżami aġġornat għat-terbutilażin.

(10)

L-applikant ingħata l-possibbiltà li jippreżenta kummenti dwar ir-rapport ta’ rieżami aġġornat.

(11)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-applikant mhijiex biżżejjed biex jiġi eskluż ir-riskju għall-konsumaturi mill-esponiment għall-metaboliti tat-terbutilażin meta tiġi applikata kull sena fl-istess għalqa b’rata massima ta’ 850 g/ha.

(12)

Għalhekk, huwa meħtieġ u xieraq li l-approvazzjoni tat-terbutilażin tiġi ristretta biex tintuża biss kull tliet snin fl-istess għalqa b’rata massima ta’ 850 g/ha. Jeħtieġ ukoll li jiġu emendati l-livelli massimi tal-impuritajiet rilevanti propażin u simażin li huma permessi fil-materjal tekniku kif immanifatturat kummerċjalment.

(13)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 820/2011 u (UE) Nru 540/2011 jenħtieġ li jiġu emendati skont dan.

(14)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw iż-żmien biex jirtiraw jew jemendaw l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom it-terbutilażin u li mhumiex konformi mal-kundizzjonijiet ristretti tal-approvazzjoni.

(15)

Għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom it-terbutilażin, meta jingħata xi perjodu ta’ grazzja mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, jenħtieġ li dak il-perjodu jiskadi sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(16)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 820/2011

L-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 820/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Emendi fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Miżuri tranżitorji

L-Istati Membri, fejn meħtieġ, għandhom jirtiraw jew jemendaw l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom it-terbutilażin bħala sustanza attiva sal-14 ta’ Diċembru 2021.

Artikolu 4

Perjodu ta’ grazzja

Kull perjodu ta’ grazzja mogħti mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u għandu jiskadi sal-14 ta’ Ġunju 2022.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 820/2011 tas-16 ta’ Awwissu 2011 li japprova s-sustanza attiva terbutilażin, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/934/KE (ĠU L 209, 17.8.2011, p. 18).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(5)  Opinion proposing harmonised classification and labelling at EU level of Terbuthylazine (ISO); N-tert-butyl-6-chloro-N’-ethyl-1,3,5-triazine-2,4-diamine Numru EC: 227-637-9 CAS Number: 5915-41-3 CLH-O-0000001412-86-66/F.

(6)  EFSA (Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel), 2016. Technical report on the outcome of the consultation with Member States, the applicant and EFSA on the pesticide risk assessment for terbuthylazine in light of confirmatory data. Pubblikazzjoni ta’ sostenn tal-EFSA 2016:EN-919. 54 pp.

(7)  EFSA (Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel), 2017. Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment for the active substance terbuthylazine in light of confirmatory data submitted. EFSA Journal 2017;15(6):4868, 20 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2017.4868

(8)  L-EFSA (Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel), 2019. Conclusion on the updated peer review of the pesticide risk assessment for the active substance terbuthylazine in light of confirmatory data submitted. EFSA Journal 2019;17(9):5817, 21 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2019.5817


ANNESS I

L-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 820/2011 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS I

Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità  (1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

Terbutilażin

Nru CAS 5915-41-3

Nru CIPAC 234

N2-tert-butil-6-kloro-N4-etil-1,3,5-trijażin-2,4-dijamin

≥ 950 g/kg

L-impuritajiet li ġejjin huma ta’ tħassib tossikoloġiku u ma jridux jaqbżu l-livelli li ġejjin fil-materjal tekniku:

Propażin: massimu ta’ 9 g/kg

Atrażin: massimu ta’ 1 g/kg

Simażin: massimu ta’ 9 g/kg

fl-1 ta’ Jannar 2012

fil-31 ta’ Diċembru 2024

PARTI A

L-użu bħala erbiċida biss jista’ jiġi awtorizzat.

L-użu għandu jkun limitat għal applikazzjoni waħda kull tliet snin fl-istess għalqa f’doża massima ta’ 850 g ta’ terbutilażin għal kull ettaru.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi, kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar il-terbutilażin, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzati mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fis-17 ta’ Ġunju 2011 u aġġornat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf fl-24 ta’ Marzu 2021.

F’din il-valutazzjoni ġenerali l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil dawn:

il-valutazzjoni tar-riskju tal-konsumatur mill-esponiment għall-metaboliti tat-terbutilażin;

il-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, meta s-sustanza attiva tiġi applikata f’reġjuni b’ħamrija u/jew kondizzjonijiet klimatiċi vulnerabbli;

ir-riskju għall-mammiferi u l-ħniex tal-art.

Il-kondizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju u l-obbligu li jitwettqu programmi ta’ monitoraġġ biex jivverifikaw il-kontaminazzjoni potenzjali tal-ilma ta’ taħt l-art fiż-żoni vulnerabbli, fejn xieraq.


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta’ reviżjoni.”


ANNESS II

L-entrata 16, dwar it-terbutilażin, fil-Parti B tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Nru.

Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità  (1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“16

Terbutilażin

Nru CAS 5915-41-3

Nru CIPAC 234

N2-tert-butil-6-kloro-N4-etil-1,3,5-trijażin-2,4-dijamin

≥ 950 g/kg

L-impuritajiet li ġejjin huma ta’ tħassib tossikoloġiku u ma jridux jaqbżu l-livelli li ġejjin fil-materjal tekniku:

Propażin: massimu ta’ 9 g/kg

Atrażin: massimu ta’ 1 g/kg

Simażin: massimu ta’ 9 g/kg

fl-1 ta’ Jannar 2012

fil-31 ta’ Diċembru 2024

PARTI A

L-użu bħala erbiċida biss jista’ jiġi awtorizzat.

L-użu għandu jkun limitat għal applikazzjoni waħda kull tliet snin fl-istess għalqa f’doża massima ta’ 850 g ta’ terbutilażin għal kull ettaru.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi, kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar it-terbutilażin, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzati mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fis-17 ta’ Ġunju 2011 u aġġornat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf fl-24 ta’ Marzu 2021.

F’din il-valutazzjoni ġenerali l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil dawn:

il-valutazzjoni tar-riskju tal-konsumatur mill-esponiment għall-metaboliti tat-terbutilażin;

il-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, meta s-sustanza attiva tiġi applikata f’reġjuni b’ħamrija u/jew kondizzjonijiet klimatiċi vulnerabbli;

ir-riskju għall-mammiferi u l-ħniex tal-art.

Il-kondizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju u l-obbligu li jitwettqu programmi ta’ monitoraġġ biex jivverifikaw il-kontaminazzjoni potenzjali tal-ilma ta’ taħt l-art fiż-żoni vulnerabbli, fejn xieraq.”


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta’ reviżjoni.


DEĊIŻJONIJIET

25.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/40


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/825

tas-20 ta’ Mejju 2021

li testendi aktar id-deroga temporanja mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill introdotta bid-Deċiżjoni (UE) 2020/430, fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ vvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 240(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/430 (1) introduċiet deroga ta’ xahar mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (2) fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li tintuża l-proċedura ordinarja bil-miktub, fejn dawk id-deċiżjonijiet jittieħdu mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri (Coreper). Dik id-deroga kienet prevista li ddum sat-23 ta’ April 2020.

(2)

Id-Deċiżjoni (UE) 2020/430 tipprevedi li, jekk ikun ġustifikat minn kontinwazzjoni ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Kunsill jista’ jġedded dik id-Deċiżjoni. Fil-21 ta’ April 2020, il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2020/556 (3), estenda d-deroga prevista fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2020/430 b’perijodu ieħor ta’ xahar, jiġifieri, sat-23 ta’ Mejju 2020. Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2020/702 (4), estenda d-deroga prevista fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2020/430 sal-10 ta’ Lulju 2020. Fit-3 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2020/970 (5), estenda dik id-deroga sal-10 ta’ Settembru 2020. Fl-4 ta’ Settembru 2020, il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2020/1253 (6), estenda dik id-deroga sal-10 ta’ Novembru 2020. Fis-6 ta’ Novembru 2020, il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2020/1659 (7), estenda dik id-deroga sal-15 ta’ Jannar 2021. Fit-12 ta’ Jannar 2021, il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2021/26 (8), estenda dik id-deroga sad-19 ta’ Marzu 2021. Fit-12 ta’ Marzu 2021, il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni (UE) (UE) 2021/454 (9), estenda dik id-deroga sal-21 ta’ Mejju 2021.

(3)

Minħabba li għad jeżistu ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, b’għadd ta’ miżuri straordinarji preventivi u ta’ konteniment meħuda mill-Istati Membri li għadhom fis-seħħ, teżisti l-ħtieġa li tiġi estiża d-deroga prevista fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2020/430, kif estiża bid-Deċiżjonijiet (UE) 2020/556, (UE) 2020/702, (UE) 2020/970, (UE) 2020/1253, (UE) 2020/1659, (UE) 2021/26, u (UE) 2021/454, b’perijodu limitat ieħor sas-16 ta’ Lulju 2021,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-deroga prevista fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2020/430 hija b’dan estiża aktar sas-16 ta’ Lulju 2021.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-20 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. SANTOS SILVA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/430 tat-23 ta’ Marzu 2020 dwar deroga temporanja mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ vvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni (ĠU L 88 I, 24.3.2020, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/556 tal-21 ta’ April 2020 li testendi d-deroga temporanja mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill introdotta bid-Deċiżjoni (UE) 2020/430 fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ vvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni (ĠU L 128 I, 23.4.2020, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/702 tal-20 ta’ Mejju 2020 li testendi aktar id-deroga temporanja mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill introdotta bid-Deċiżjoni (UE) 2020/430 u estiża bid-Deċiżjoni (UE) 2020/556 fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ vvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni (ĠU L 165, 27.5.2020, p. 38).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/970 tat-3 ta’ Lulju 2020 li testendi aktar id-deroga temporanja mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill introdotta bid-Deċiżjoni (UE) 2020/430, u estiża bid-Deċiżjonijiet (UE) 2020/556 u (UE) 2020/702, fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ vvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni (ĠU L 216, 7.7.2020, p. 1).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1253 tal-4 ta’ Settembru 2020 li testendi aktar id-deroga temporanja mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill introdotta bid-Deċiżjoni (UE) 2020/430, u estiża bid-Deċiżjonijiet (UE) 2020/556, (UE) 2020/702 u (UE) 2020/970, fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ vvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni (ĠU L 294, 8.9.2020, p. 1).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1659 tas-6 ta’ Novembru 2020 li testendi aktar id-deroga temporanja mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill introdotta bid-Deċiżjoni (UE) 2020/430, u estiża bid-Deċiżjonijiet (UE) 2020/556, (UE) 2020/702, (UE) 2020/970 u (UE) 2020/1253, fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ vvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni (ĠU L 376, 10.11.2020, p. 3).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/26 tat-12 ta’ Jannar 2021 li testendi aktar id-deroga temporanja mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill introdotta bid-Deċiżjoni (UE) 2020/430, u estiża bid-Deċiżjonijiet (UE) 2020/556, (UE) 2020/702, (UE) 2020/970, (UE) 2020/1253 u (UE) 2020/1659, fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ vvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni (ĠU L 11, 14.1.2021, p. 19).

(9)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/454 tat-12 ta’ Marzu 2021 li testendi aktar id-deroga temporanja mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill introdotta bid-Deċiżjoni (UE) 2020/430, fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ vvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni (ĠU L 89, 16.3.2021, p. 15).