ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 165

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 64
11 ta' Mejju 2021


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/768 tat-30 ta’ April 2021 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 608/2014

1

 

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 tat-30 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud

9

 

*

Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/770 tat-30 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ li mhux qed jiġi riċiklat, dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex titqiegħed għad-dispożizzjoni dik ir-riżorsa proprja, fuq il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti, u fuq ċerti aspetti tar-riżorsa proprja bbażata fuq id-dħul nazzjonali gross

15

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/771 tal-21 ta’ Jannar 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi kriterji u kundizzjonijiet speċifiċi għall-verifiki tal-kontijiet dokumentarji fil-qafas tal-kontrolli uffiċjali fil-produzzjoni organika u l-kontrolli uffiċjali tal-gruppi ta’ operaturi ( 1 )

25

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/772 tal-10 ta’ Mejju 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/977 fir-rigward tal-miżuri temporanji b’rabta mal-kontrolli fuq il-produzzjoni ta’ prodotti organiċi, b’mod partikolari l-perjodu ta’ applikazzjoni ( 1 )

28

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

11.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 165/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, Euratom) 2021/768

tat-30 ta’ April 2021

li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 608/2014

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 311 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

Il-proċedura għall-kalkolu u l-ibbaġitjar tal-bilanċ baġitarju annwali, id-dispożizzjonijiet u l-arranġamenti meħtieġa għall-kontroll u s-superviżjoni tal-ġbir tar-riżorsi proprji, u kwalunkwe rekwiżiti ta’ rappurtar rilevanti huma komponenti importanti tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni li jikkomplementaw b’mod aktar dettaljat id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053.

(2)

Għal raġunijiet ta’ konsistenza, id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-ispezzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 (3) jenħtieġ li jiġu inklużi f’dan ir-Regolament.

(3)

Sabiex ikun żgurat baġit ibbilanċjat, kwalunkwe bilanċ żejjed ta’ dħul tal-Unjoni fuq in-nefqa attwali totali matul sena finanzjarja jenħtieġ li jiġi riportat għas-sena finanzjarja sussegwenti. Għalhekk, jenħtieġ li l-bilanċ li jrid ikun riportat jiġi definit.

(4)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu verifiki u inkjesti relatati mal-ikkalkular, it-twaqqif u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji tal-Unjoni. Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tar-regoli finanzjarji relatati mar-riżorsi proprji, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jikkollaboraw.

(5)

It-trasparenza tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni jenħtieġ li tiġi żgurata billi tingħata informazzjoni adegwata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni d-dokumenti u l-informazzjoni meħtieġa biex il-Kummissjoni tkun tista’ teżerċita s-setgħa mogħtija lilha fir-rigward tar-riżorsi proprji tal-Unjoni u, fejn meħtieġ, jibgħatu dawk id-dokumenti u l-informazzjoni lill-Kummissjoni.

(6)

Għal raġunijiet ta’ konsistenza u ċarezza, jenħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jkopru s-setgħat u l-obbligi tal-uffiċjali, tal-aġenti l-oħra u tal-esperti nazzjonali sekondati li jieħdu sehem fl-ispezzjonijiet f’rabta mar-riżorsi proprji tal-Unjoni. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġu stipulati r-regoli li l-uffiċjali kollha tal-Unjoni, l-aġenti l-oħra u l-esperti nazzjonali sekondati jridu josservaw fir-rigward tal-kunfidenzjalità professjonali u tal-protezzjoni tad-data personali. Huwa neċessarju li jiġi speċifikat l-istatus tal-esperti nazzjonali sekondati u l-possibbiltà għall-Istat Membru kkonċernat li joġġezzjona għall-preżenza ta’ uffiċjali ta’ Stati Membri oħra waqt spezzjoni.

(7)

L-arranġamenti li bihom l-Istati Membri responsabbli għall-ġbir tar-riżorsi proprji jirrapportaw lill-Kummissjoni jenħtieġ li jagħmluha possibbli għall-Kummissjoni li twettaq monitoraġġ tal-azzjonijiet tal-Istati Membri biex jirkupraw ir-riżorsi proprji, partikularment f’każijiet ta’ frodi u irregolaritajiet.

(8)

Sabiex ikunu aċċertati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tat-twaqqif ta’ regoli dettaljati dwar ir-rappurtar ta’ frodi u irregolaritajiet li jaffettwaw l-intitolamenti għar-riżorsi proprji tradizzjonali u r-rapporti annwali tal-Istati Membri dwar l-ispezzjonijiet tagħhom. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(9)

Jenħtieġ li l-proċedura konsultattiva tintuża għall-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni sabiex jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar ir-rappurtar ta’ frodi u irregolaritajiet li jaffettwaw l-intitolamenti għar-riżorsi proprji tradizzjonali, u r-rapporti annwali tal-Istati Membri dwar l-ispezzjonijiet tagħhom, minħabba n-natura teknika ta’ dawk l-atti meħtieġa għal skopijiet ta’ rappurtar.

(10)

Sorveljanza parlamentari adegwata, kif stabbilit fit-Trattati, hija meħtieġa għal dispożizzjonijiet ta’ natura ġenerali applikabbli għall-kategoriji kollha ta’ riżorsi proprji.

(11)

Jenħtieġ li r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 608/2014 (5) jitħassar.

(12)

Għal raġunijiet ta’ konsistenza, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-istess jum -bħad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053, u jenħtieġ li japplika mill-istess data ta’ applikazzjoni bħal dik id-deċiżjoni, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2021,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DETERMINAZZJONI TAR-RIŻORSI PROPRJI

Artikolu 1

Il-kalkolu u l-ibbaġitjar tal-bilanċ

1.   Għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053, il-bilanċ għal sena finanzjarja partikolari għandu jikkonsisti fid-differenza bejn id-dħul kollu miġbur fir-rigward ta’ dik is-sena finanzjarja u l-ammont ta’ pagamenti magħmula għal approprjazzjonijiet għal dik is-sena finanzjarja miżjuda bl-ammont tal-approprjazzjonijiet għall-istess sena finanzjarja riportati skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) (“ir-Regolament Finanzjarju”).

Din id-differenza għandha tkun miżjuda jew imnaqqsa bl-ammont nett tal-approprjazzjonijiet riportati mis-snin finanzjarji preċedenti li jkunu ġew ikkanċellati. B’deroga mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Finanzjarju, id-differenza għandha wkoll tiġi miżjuda jew imnaqqsa b’dan li ġej:

(a)

il-pagamenti magħmula b’eċċess ta’ approprjazzjonijiet mhux differenzjati riportati mis-sena finanzjarja preċedenti skont l-Artikolu 12(1) u (4) tar-Regolament Finanzjarju bħala riżultat ta’ tibdil fir-rati tal-euro;

(b)

il-bilanċ li jirriżulta mill-qligħ jew telf mill-kambju matul is-sena finanzjarja.

2.   Il-Kummissjoni għandha, qabel l-aħħar ta’ Ottubru ta’ kull sena finanzjarja, tagħmel stima tar-riżorsi proprji miġbura għas-sena sħiħa, fuq il-bażi tad-data li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha f’dak iż-żmien. Kwalunkwe differenza konsiderevoli fir-rigward tal-istimi oriġinali tista’ twassal għal ittra emendatorja għall-abbozz tal-baġit għas-sena finanzjarja sussegwenti jew baġit emendatorju għas-sena finanzjarja attwali.

KAPITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-KONTROLL U S-SUPERVIŻJONI U R-REKWIŻITI TA’ RAPPURTAR RILEVANTI

Artikolu 2

Miżuri ta’ kontroll u superviżjoni

1.   Ir-riżorsi proprji msemmija fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 għandhom jiġu spezzjonati kif speċifikat f’dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 u r-Regolament (UE) 2019/516 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha li huma meħtieġa biex jassiguraw li r-riżorsi proprji msemmijin fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.

3.   Meta l-miżuri ta’ kontroll u ta’ superviżjoni jikkonċernaw ir-riżorsi proprji tradizzjonali msemmijin fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053:

(a)

l-Istati Membri għandhom iwettqu l-verifiki u l-kontrolli li jikkonċernaw it-twaqqif u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dawk ir-riżorsi proprji;

(b)

l-Istati Membri għandhom iwettqu miżuri ta’ spezzjoni addizzjonali fuq talba tal-Kummissjoni. Fit-talba tagħha l-Kummissjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-ispezzjoni addizzjonali. Il-Kummissjoni tista’ titlob ukoll li ċerti dokumenti jintbagħtu lilha;

(c)

l-Istati Membri għandhom jinvolvu lill-Kummissjoni fl-ispezzjonijiet li jwettqu jekk hija titlob dan. Meta l-Kummissjoni tiġi involuta fi spezzjoni, il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess, sa fejn l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament hekk tkun teħtieġ, għad-dokumenti ta’ sostenn dwar it-twaqqif u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji, u għal kwalunkwe dokument ieħor xieraq marbut ma’ dawk id-dokumenti ta’ sostenn;

(d)

il-Kummissjoni tista’ tagħmel spezzjonijiet fuq il-post hija stess. L-aġenti awtorizzati mill-Kummissjoni għall-fini ta’ dawn l-ispezzjonijiet għandu jkollhom aċċess għal dokumenti kif stabbilit għall-ispezzjonijiet imsemmijin fil-punt (c). L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw dawk l-ispezzjonijiet.

4.   Fil-każijiet li fihom il-miżuri ta’ kontroll u ta’ superviżjoni jkunu jikkonċernaw ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053, l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni għandhom jitwettqu flimkien mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. Matul dawk l-ispezzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tivverifika, b’mod partikolari, li l-operazzjonijiet biex tiġi kkalkulata l-VAT totali nett miġbura jkunu twettqu kif suppost. Għandha tikkonferma wkoll li d-data użata tkun adegwata, u li l-kalkoli li jkunu saru biex ikun iddeterminat l-ammont ta’ dik ir-riżorsa proprja kif imsemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 ikunu konformi ma’ dak ir-Regolament.

5.   Meta miżuri ta’ kontroll u superviżjoni jikkonċernaw ir-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart mill-imballaġġ tal-plastik li ma jiġix irriċiklat imsemmija fil-punt c tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053, il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għad-dokumenti relatati mal-proċeduri u mad-data msemmija fid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE (8) u fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/270/KE (9). L-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni għandhom jitwettqu flimkien mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. Matul dawk l-ispezzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tivverifika li l-operazzjonijiet biex jiġi kkalkulat il-piż tal-iskart mill-imballaġġ tal-plastik li ma jiġix ir-riċiklat kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni (UE. Euratom) 2020/2053 jkunu twettqu kif suppost.

6.   Meta l-miżuri ta’ kontroll u ta’ superviżjoni jikkonċernaw ir-riżorsa proprja bbażata fuq id-dħul nazzjonali gross (DNG) imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053:

(a)

il-Kummissjoni għandha, kull sena, tispezzjona l-aggregati pprovduti għal żbalji fil-kompilazzjoni, flimkien mal-Istat Membru kkonċernat, speċjalment f’każijiet notifikati mill-grupp ta’ esperti msemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/516; meta tagħmel hekk, tista’, teżamina wkoll il-kalkoli u l-bażijiet statistiċi f’każijiet individwali, għajr għall-informazzjoni dwar kumpanniji jew persuni individwali, jekk ma jkun bl-ebda mod ieħor possibbli li ssir valutazzjoni xierqa;

(b)

il-Kummissjoni għandu jkollha wkoll aċċess għad-dokumenti relatati mas-sorsi u l-metodi msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2019/516.

7.   Il-verifiki u l-inkjesti msemmija f’dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal dan li ġej:

(a)

l-ispezzjonijiet imwettqa mill-Istati Membri f’konformità mal-liġijiet nazzjonali, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom;

(b)

il-miżuri previsti fl-Artikoli 287 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

(c)

l-arranġamenti għall-ispezzjonijiet magħmula skont il-punt (b) tal-Artikolu 322(1) TFUE.

8.   Għall-finijiet tal-miżuri ta’ kontroll u ta’ superviżjoni skont il-paragrafi 3 sa 6, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istati Membri biex jibagħtulha d-dokumenti jew ir-rapporti rilevanti li jirrigwardaw is-sistemi wżati biex jinġabru r-riżorsi proprji jew li jqiegħdu dawn id-dokumenti jew ir-rapporti għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.

Artikolu 3

Setgħat u obbligi tal-aġenti awtorizzati tal-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha speċifikament taħtar għall-fini tat-twettiq tal-ispezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 ċerti uffiċjali jew aġenti oħra minn tagħha (“aġenti awtorizzati”).

Għal kull spezzjoni, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-aġenti awtorizzati bit-termini ta’ referenza bil-miktub li jiddikjaraw l-identità u l-kapaċità uffiċjali tagħhom.

L-esperti sekondati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri bħala esperti nazzjonali jistgħu jipparteċipaw fl-ispezzjonijiet.

Bil-ftehim espliċitu u minn qabel tal-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tista’ tfittex l-għajnuna ta’ uffiċjali minn Stati Membri oħra bħala osservaturi. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawn l-uffiċjali jikkonformaw mal-paragrafu 3.

2.   Matul l-ispezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, l-aġenti awtorizzati għandhom jaġixxu b’mod kompatibbli mar-regoli applikabbli għall-uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat. Għandhom ikunu marbuta bis-segretezza professjonali, skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

Il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipju tal-kunfidenzjalità tal-istatistika kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

Aġent awtorizzat jista’, jekk ikun meħtieġ, jikkuntattja lid-debituri, iżda biss fil-kuntest tal-ispezzjonijiet tar-riżorsi proprji tradizzjonali, u permezz biss tal-awtoritajiet kompetenti li l-proċeduri tagħhom tal-ġbir tar-riżorsi proprji jkunu s-suġġett tal-ispezzjoni.

3.   L-informazzjoni kkomunikata jew miksuba skont dan ir-Regolament, fi kwalunkwe għamla, għandha tkun soġġetta għas-segretezza professjonali u tirċievi l-protezzjoni mogħtija għal informazzjoni simili skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li fih tkun inġabret u skont id-dispożizzjonijiet korrispondenti applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel sottoparagrafu ma għandha tiġi kkomunikata lil ħadd, għajr lil dawk il-persuni fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew fl-Istati Membri li d-dover tagħhom huwa li jkunu jafu dik l-informazzjoni, u lanqas ma għandha tintuża għal finijiet oħra minbarra dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament mingħajr il-kunsens minn qabel tal-Istat Membru li fih tkun inġabret.

L-ewwel u t-tieni sottoparagrafu għandhom japplikaw għall-uffiċjali u għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni, u għall-esperti nazzjonali sekondati.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-aġenti awtorizzati u persuni oħra li jaġixxu taħt l-awtorità tagħha jikkonformaw mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11)u mar-Regolament(UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u ma’ regoli oħra tal-Unjoni u nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali.

Artikolu 4

Tħejjija u amministrazzjoni tal-ispezzjonijiet

1.   F’komunikazzjoni ssostanzjata kif dovut, il-Kummissjoni għandha tagħti avviż ta’ spezzjoni fi żmien adegwat lill-Istat Membru li fih tkun ser issir l-ispezzjoni. L-aġenti tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu jipparteċipaw f’din l-ispezzjoni.

2.   L-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu mill-aġenti awtorizzati. Għall-finijiet tal-organizzazzjoni tal-ħidma, l-aġenti awtorizzati għandhom jistabbilixxu l-kuntatti meħtieġa mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

3.   Għall-ispezzjonijiet li l-Kummissjoni tkun involuta fihom, l-organizzazzjoni tal-ħidma u r-relazzjonijiet mad-dipartimenti involuti fl-ispezzjoni għandhom jiġu żgurati mid-dipartiment innominat mill-Istat Membru kkonċernat.

4.   L-ispezzjonijiet fil-post li jirrigwardaw ir-riżorsi proprji tradizzjonali msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 2(3) għandhom jitwettqu mill-aġenti awtorizzati. Għall-finijiet tal-organizzazzjoni tal-ħidma u r-relazzjonijiet mad-dipartimenti u, fejn xieraq, id-debituri involuti fl-ispezzjoni, l-aġenti awtorizzati għandhom, qabel kull spezzjoni fil-post, jistabbilixxu l-kuntatti meħtieġa mal-uffiċjali nnominati mill-Istat Membru kkonċernat. Għal spezzjoni ta’ dan it-tip, it-termini ta’ referenza għandhom ikunu stabbiliti f’dokument li jindika l-għan u l-iskop tal-ispezzjoni.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dipartimenti jew l-aġenziji responsabbli mill-kalkolu, mit-twaqqif, mill-ġbir u mit-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji, u l-awtoritajiet li lilhom ikunu taw struzzjonijiet biex jagħmlu l-ispezzjonijiet fuqhom, jagħtu lill-aġenti awtorizzati l-assistenza neċessarja għat-twettiq tad-doveri tagħhom.

Għall-finijiet l-ispezzjonijiet fil-post li jirrigwardaw ir-riżorsi proprji tradizzjonali msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 2(3), l-Istati Membri kkonċernati għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni fi żmien adegwat bl-identità u l-kapaċità tal-persuni maħtura biex jieħdu sehem f’dawn l-ispezzjonijiet u għandhom jipprovdu lill-aġenti awtorizzati kull assistenza meħtieġa għat-twettiq tad-doveri tagħhom.

6.   Ir-riżultati tal-kontrolli u tal-ispezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, għajr għall-ispezzjonijiet imwettqa mill-Istati Membri, għandu jsir jaf bihom l-Istat Membru kkonċernat permezz tal-kanali xierqa fi żmien perijodu ta’ tliet xhur. L-Istat Membru għandu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien tliet xhur wara li jkun irċieva r-rapport. Madanakollu, għal raġunijiet issostanzjati kif dovut, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istat Membru kkonċernat biex jippreżenta osservazzjonijiet dwar punti speċifiċi fi żmien perijodu ta’ xahar wara li jkun irċieva r-rapport. L-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrifjuta li jwieġeb billi, f’komunikazzjoni, jiddikjara r-raġunijiet li ma jħalluhx iwieġeb għat-talba tal-Kummissjoni.

Ir-riżultati u l-osservazzjonijiet imsemmija fl-ewwel sottoparagrafu, flimkien mar-rapport ta’ sinteżi mħejji b’rabta mal-kontrolli fuq ir-riżorsi proprji msemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053, għandhom isiru jafu bihom l-Istati Membri kollha.

Jekk l-ispezzjonijiet fil-post jew spezzjonijiet oħrajn li hija involuta fihom il-Kummissjoni, fejn l-ispezzjonijiet jikkonċernaw riżorsi proprji tradizzjonali, jidentifikaw il-ħtieġa għal emenda jew korrezzjoni tad-data fl-istqarrijiet jew fid-dikjarazzjonijiet mibgħuta lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ riżorsi proprji, u l-korrezzjonijiet li jirriżultaw ikollhom isiru permezz ta’ stqarrija jew ta’ dikjarazzjoni għall-perijodu kurrenti, it-tibdiliet rilevanti għandhom ikunu identifikati, fl-istqarrija jew fid-dikjarazzjoni użata, permezz ta’ notamenti xierqa.

Artikolu 5

Rappurtar ta’ frodi u irregolaritajiet li jaffettwaw intitolamenti għal riżorsi proprji tradizzjonali

1.   Fi żmien xahrejn wara t-tmiem ta’ kull trimestru, l-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni deskrizzjoni tal-każijiet misjuba ta’ frodi u irregolaritajiet li jinvolvu intitolamenti ta’ ’l fuq minn EUR 10 000 li jikkonċernaw ir-riżorsi proprji tradizzjonali msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053.

Fi żmien il-perijodu msemmi fl-ewwel sottoparagrafu, kull Stat Membru għandu jagħti dettalji dwar il-pożizzjoni li tirrigwarda s-sitwazzjoni tal-każijiet ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet diġà rrappurtati lill-Kummissjoni li l-irkupru, il-kanċellazzjoni jew in-nuqqas ta’ rkupru tagħhom ma jkunux ġew indikati qabel.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu dettalji tad-deskrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 7(2).

3.   Fir-rapport tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 325(5) TFUE, għandu jiġi inkluż sommarju tad-deskrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 6

Rappurtar mill-Istati Membri dwar l-ispezzjonijiet tagħhom tar-riżorsi proprji tradizzjonali

1.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapporti annwali dettaljati lill-Kummissjoni dwar l-ispezzjonijiet tagħhom fir-rigward tar-riżorsi proprji tradizzjonali u r-riżultati ta’ dawn l-ispezzjonijiet, id-data ġenerali u kull kwistjoni ta’ prinċipju li tirrigwarda l-aktar problemi importanti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-regolamenti rilevanti li jimplimentaw id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 u, b’mod partikolari, il-materji disputati. Ir-rapporti għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara s-sena finanzjarja kkonċernata. Fuq il-bażi ta’ dawk ir-rapporti, il-Kummissjoni għandha tħejji rapport ta’ sinteżi, li għandhom isiru jafu bih l-Istati Membri kollha.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu formola għar-rapporti annwali tal-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 7(2).

3.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull tliet snin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tal-arranġamenti għall-ispezzjonijiet għar-riżorsi proprji tradizzjonali msemmija fl-Artikolu 2(3).

KAPITOLU III

KUMITAT U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 7

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji (ACOR) u minn kumitati oħrajn fejn meħtieġ. L-ACOR u l-kumitati l-oħrajn għandhom ikunu kumitati fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 8

Dispożizzjonijiet finali

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 608/2014 jitħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)   ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1.

(2)  Approvazzjoni tal-25 ta’ Marzu 2021 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 608/2014 tas-26 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għas-sistema ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 29).

(6)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r- Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2019/516 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-armonizzazzjoni tad-dħul nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/130/KEE, Euratom u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003 (Regolament dwar id-DNG) (ĠU L 91, 29.3.2019, p. 19).

(8)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/270/KE tat-22 ta’ Marzu 2005 li tistabbilixxi l-formati relatati mas-sistema tal-bażi tad-dejta skont id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 327M, 5.12.2008, p. 325).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad- Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Regolament (UE, Euratom) Nru 608/2014

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(3)(a)

Artikolu 2(3)(a)

Artikolu 2(3)(b)

Artikolu 2(3)(b)

Artikolu 2(3)(c)

Artikolu 2(3)(c)

Artikolu 2(3)(d)

Artikolu 2(3)(d)

Artikolu 2(3)(e)

Artikolu 2(7)

Artikolu 2(4)

Artikolu 2(4)

Artikolu 2(5))

Artikolu 2(5)

Artikolu 2(6)

Artikolu 2(6)

Artikolu 2(8)

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 9


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

11.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 165/9


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, Euratom) 2021/769

tat-30 ta’ April 2021

li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 322(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (2),

Billi:

(1)

Ir-riżorsa proprja bbażata fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), li ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (EU, Euratom) 2020/2053 (3) (ir-“riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT”) jenħtieġ li ssir disponibbli għall-Unjoni fl-aħjar kondizzjonijiet possibbli. Għaldaqstant jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli għall-Istati Membri biex dik ir-riżorsa proprja titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

(2)

Għall-fini tas-sempliċità u t-trasparenza, u sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, jenħtieġ li r-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT tiġi kkalkulata fuq il-bażi ta’ rata medja ponderata pluriennali definittiva. Jenħtieġ li l-arranġamenti għad-determinazzjoni tal-bażi għar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT jiġu stabbiliti b’mod uniformi, billi jibdew mid-dħul li kien effettivament inġabar f’sena kalendarja, li jenħtieġ li jkun l-uniku metodu definittiv għad-determinazzjoni tal-bażi għar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT.

(3)

Jenħtieġ li r-rata medja ponderata definittiva tal-VAT għas-sena finanzjarja 2016 f’kull Stat Membru tintuża bħala r-rata medja ponderata pluriennali definittiva.

(4)

Jenħtieġ li tiġi stabbilita proċedura ta’ rieżami affidabbli u rapida sabiex jiġi solvut tilwim possibbli li jista’ jirriżulta bejn Stat Membru u l-Kummissjoni dwar l-ammont ta’ kwalunkwe korrezzjoni għall-estratti tal-bażi għar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT u b’hekk jiġu evitati proċedimenti ta’ ksur li jieħdu l-ħin u bi spiża għolja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(5)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 (4), il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika b’mod ulterjuri il-proċedura għar-rieżami tal-korrezzjonijiet għall-estratti tal-bażi għar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT u fir-rigward tas-soluzzjonijiet u l-modifiki relatati proposti mill-Istati Membri sabiex jiġu determinati ċerti ammonti li jridu jitqiesu għall-fini tal-kalkolu tal-ammont totali ta’ dħul nett tal-VAT miġbur. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5)

(6)

Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 jiġi emendat skont dan.

(7)

Għal raġunijiet ta’ konsistenza, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-istess jum bħad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 u jenħtieġ li japplika mill-istess data ta’ applikazzjoni bħal dik id-Deċiżjoni, jiġifieri, mill-1 ta’ Jannar 2021. Madankollu, -l-emendi stabbiliti f’dan ir-Regolament għar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 ma japplikawx għall-produzzjoni jew il-korrezzjoni ta’ estratti tal-bażi għar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT għas-snin finanzjarji qabel l-2021,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 huwa emendat kif ġej:

(1)

qabel l-Artikolu 1, il-kliem “Titolu I Dispożizzjonijiet ġenerali” huma mħassra;

(2)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT għandha tiġi kkalkulata billi tiġi applikata r-rata uniformi ta’ ġbir skont il-punt (b) tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 (*1), għall-bażi ddeterminata f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

(*1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2014/335/UE, Euratom (ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1)”;"

(3)

qabel l-Artikolu 2, il-kliem “Titolu II Kamp ta’ Applikazzjoni” jitħassru;

(4)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT għandha tiġi kkalkulata abbażi tat-tranżazzjonijiet taxxabbli msemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (*2).

(*2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).";"

(5)

qabel l-Artikolu 3, il-kliem “Titolu III Metodu ta’ kalkolu” jitħassru;

(6)

L-Artikoli 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 3

1.   Għal sena kalendarja partikolari, il-bażi għar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT għandha tiġi determinata billi l-ammont tad-dħul nett totali tal-VAT miġbur minn Stat Membru mit-tranżazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 2 matul dik is-sena, korrett f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jiġi diviż bir-rata medja ponderata pluriennali definittiva, kif ikkalkulata f’konformità mal-metodu stabbilit fl-Artikolu 4.

Din ir-rata medja ponderata pluriennali definittiva għandha tiġi espressa bħala perċentwal, billi jiġi applikat il-metodu komuni stabbilit fl-Artikolu 4.

2.   L-ammont tad-dħul nett totali tal-VAT imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi kkoreġut biex jagħmel tajjeb għal li ġej:

(a)

kwalunkwe ammont li jrid jiġi trattat għal finijiet tar-riżorsi proprji bħala tranżazzjonijiet li joriġinaw fi, jew li huma destinati għal, Stat Membru għalkemm joriġinaw fi, jew ikunu destinati għal, territorju msemmi fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/112/KE;

(b)

kwalunkwe ammont li jirriżulta minn tranżazzjonijiet li joriġinaw fi, jew li jkunu maħsuba għal, wieħed mill-postijiet imsemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/112/KE, sa fejn l-Istat Membru jkun jista’ jagħti prova li d-dħul ikun ġie ttrasferit għal dak il-post;

(c)

kwalunkwe ammont dovut b’segwitu għal korrezzjonijiet li jirriżultaw minn ksur tad-Direttiva 2006/112/KE.

3.   L-ammont determinat bl-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi mmultiplikat bir-rata uniformi ta’ ġbir skont il-punt (b) tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 sabiex tinkiseb ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

Artikolu 4

1.   Ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT għandha tiġi kkalkulata abbażi ta’ snin kalendarji.

2.   Ir-rata medja ponderata pluriennali definittiva għandha tiġi kkalkulata abbażi tal-metodu stabbilit fil-paragrafi 3 sa 8.

3.   Ir-rata medja ponderata pluriennali definittiva għandha tkun il-perċentwal ikkalkulat minn kull Stat Membru, rispettivament, għas-sena finanzjarja 2016, f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu kif applikabbli qabel l-1 ta’ Jannar 2021.

4.   Il-perċentwal li fih tiġi espressa r-rata medja ponderata pluriennali definittiva għandu jiġi kkalkulat sar-raba’ pożizzjoni deċimali.

5.   I r-rata medja ponderata pluriennali definittiva għandha tkun ġiet spezzjonata u għandu tkun ħielsa minn notifiki dwar punti pendenti kif imsemmi fl-Artikolu 9(2).

6.   Ir-rata medja ponderata taħt in-notifika għandha tintuża sakemm il-punti li jkunu ġew notifikati kif imsemmi fl-Artikolu 9(2) ikunu ġew solvuti, u għandha titqies bħala r-rata medja ponderata pluriennali proviżorja.

7.   Ladarba l-punti li jkunu ġew notifikati kif imsemmi fl-Artikolu 9(2) ikunu ġew solvuti, il-perċentwal li jirriżulta għandu jissostitwixxi r-rata medja ponderata pluriennali proviżorja, u għandu jsir ir-rata medja ponderata pluriennali definittiva mis-sena finanzjarja 2021 ’il quddiem.

8.   L-implikazzjonijiet baġitarji ta’ kwalunkwe differenza bejn ir-rata medja ponderata pluriennali proviżorja u dik definittiva għandhom jiġu indirizzati skont il-proċedura deskritta fl-Artikolu 10b(5) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 (*3) (l-“eżerċizzju tal-bilanċ annwali”).

(*3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tas-26 ta’ Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 39)."

(7)

L-Artikoli 5 u 6 jitħassru;

(8)

qabel l-Artikolu 7, il-kliem “Titolu IV Dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kontabbiltà u d-disponibbiltà tar-riżorsi proprji” jitħassru;

(9)

L-Artikoli 7, 8 u 9 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 7

1.   Sal-31 ta’ Lulju ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni l-estratt tal-ammont totali tal-bażi għar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT għas-sena kalendarja preċedenti, determinat skont l-Artikolu 3, li għalih għandha tkun applikata r-rata uniformi ta’ ġbir imsemmija fl-Artikolu 1.

2.   L-estratt imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun fih id-data kollha użata biex tkun iddeterminata l-bażi li hija meħtieġa għall-ispezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/768 (*4)

3.   Id-data li tintuża sabiex tiġi determinata l-bażi għar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT għandha tkun id-data l-aktar reċenti disponibbli meta l-estratt ikun ippreparat.

4.   L-Istati Membri jistgħu jitolbu estensjoni tal-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jekk ċirkostanzi eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll tagħhom jagħmluha impossibbli li jitwettqu l-kalkoli skont l-Artikolu 3 u għalhekk sabiex jaderixxu ma’ dak il-limitu ta’ żmien. Talba bħal din għandha ssir lill-Kummissjoni bil-miktub u għandha tagħti r-raġunijiet għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali.

5.   Il-Kummissjoni, wara li teżamina t-talba msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, tista’ tagħti estensjoni waħda tal-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għal massimu ta’ xahrejn. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta l-għadd ta’ talbiet u d-deċiżjonijiet korrispondenti tagħha lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 13(1) fuq bażi annwali.

“Artikolu 8

Sal-15 ta’ April ta’ kull sena, għal finijiet baġitarji, l-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni stima tal-bażi għar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT għas-sena finanzjarja li jmiss.”

“Artikolu 9

1.   Kwalunkwe korrezzjoni għall-estratti msemmija fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-Regolament tas-snin finanzjarji preċedenti, tkun xi tkun ir-raġuni, għandha ssir bi ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat.

Jekk l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni ma jaqblux dwar korrezzjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma lil dak l-Istat Membru dwar il-korrezzjoni meħtieġa b’ittra. Dik l-ittra għandha tikkostitwixxi “miżuri” kif imsemmija fil-punt (c) tal- Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014.

1a.   L-Istat Membru kkonċernat jista’ jitlob lill-Kummissjoni biex tirrieżamina l-korrezzjoni kkomunikata fl-ittra msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fi żmien xahrejn mill-jum meta tkun waslet dik l-ittra. Ir-rieżami għandu jiġi konkluż b’deċiżjoni li għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur mill-jum li tkun waslet it-talba tal-Istat Membru.

F’każ li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tirrevedi l-ammonti għal kollox jew parzjalment b’mod korrispondenti għall-korrezzjoni kkomunikata fl-ittra msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni l-ammont korrispondenti. La t-talba tal-Istat Membru għal rieżami tal-korrezzjoni u lanqas rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni m’għandhom jaffettwaw l-obbligu tal-Istat Membru li jqiegħed għad-dispożizzjoni l-ammont korrispondenti għall-korrezzjoni.

Il-korrezzjonijiet kollha għall-estratti msemmi fl-Artikolu 7(1) għandhom ikunu inkorporati f’estratti aggregati, li għandhom jemendaw l-estratti ta’ qabel għas-snin finanzjarji konċernati.

1b.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw aktar il-proċedura għar-rieżami msemmija fil-paragrafu 1a. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 13(3).

2.   L-ebda korrezzjoni oħra m’għandha ssir għall-estratti tal-kont imsemmija fl-Artikolu 7(1) wara l-31 ta’ Lulju tar-raba’ sena wara s-sena finanzjarja ikkonċernata, sakemm dawk il-korrezzjonijiet ma jikkonċernaw punti nnotifikati qabel jew mill-Kummissjoni inkella mill-Istat Membru kkonċernat.

(*4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/768 tat-30 ta’ April 2021 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għas-sistema ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 608/2014 (ĠU L 165,p ....1)";"

(10)

qabel l-Artikolu 10, il-kliem “Titolu V Dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kontroll” jitħassru;

(11)

L-Artikoli 10 sa 13 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 10

1.   Sat-30 ta’ April kull sena, kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni bi kwalunkwe soluzzjoni jew modifika relatata li jipproponi li jiġu adottati sabiex jiġu determinati l-ammonti msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 3(2). Is-soluzzjoni proposta għandha tindika, fejn applikabbli, in-natura tad-data li l-Istat Membru jqis xieraq, u għandu jinkludi stima tal-valur tal-bażi għar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT għal kull punt.

Sal-31 ta’ Mejju tal-istess sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Istati Membri l-oħra l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu li hi tkun irċeviet minn Stat Membru.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni rigward is-soluzzjonijiet u l-modifiki relatati proposti mill-Istati Membri f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 13(2), fi żmien 60 jum wara li l-kumitat imsemmi fl-Artikolu 13(1) ikun ta l-opinjoni tiegħu.”

“Artikolu 11

1.   Wara l-ispezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE, Euratom) 2021/768, l-estratt imsemmi fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-Regolament għandu jkun ikkorreġut kif speċifikat fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament.

2.   Fir-rigward tar-rata medja ponderata pluriennali definittiva msemmija fl-Artikolu 4(2), il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-korrezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9 ippreżentati mill-Istati Membri sabiex tiġi solvuta kwalunkwe notifika dwar punti pendenti fir-rigward tar-rata medja ponderata.”

“Artikolu 12

1.   Kull sena, kull Stat Membru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni informazzjoni dwar it-tibdil kollu rilevanti għall-proċessi u l-proċeduri amministrattivi li hu japplika għall-ġbir ta’ VAT meta mqabbla mal-informazzjoni li jkun ippreżenta preċedentement.

2.   Il-Kummissjoni għandha tikkonsidra, flimkien mal-Istat Membru kkonċernat, jekk il-proċessi u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 jistgħux ikunu mtejba.

3.   Kull ħames snin, il-Kummissjoni għandha tipproduċi rapport dwar il-miżuri meħuda u l-progress li jkun sar mill-Istati Membri b’rabta mal-ġbir ta’ VAT u dwar kwalunkwe titjib.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-ewwel darba sal-31 ta’ Diċembru 2025.”

“Artikolu 13

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji (ACOR/VAT) stabbilit bl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2021/768. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*5)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).";"

(12)

wara l-Artikolu 13, jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 13a

1.   Il-Kummissjoni għandha tipproduċi rapport dwar il-funzjonament tas-sistema tar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2025. Ir-rapport għandu jiddikjara:

(a)

l-għadd ta’ Stati Membri li għadhom japplikaw rata medja ponderata soġġetta għal kwalunkwe notifika dwar punti pendenti;

(b)

kwalunkwe tibdil fir-rati nazzjonali tal-VAT.

2.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi valutazzjoni dwar jekk is-sistema tar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT, b’mod partikolari r-rata medja ponderata pluriennali, hijiex effettiva u adegwata. Jekk xieraq, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta għal modifika ta’ dan ir-Regolament bil-ħsieb li tiġi kkalkulata r-rata medja ponderata pluriennali abbażi ta’ data aktar reċenti.";

(13)

qabel l-Artikolu 14, il-kliem “Titolu VI Dispożizzjonijiet finali” jitħassru;

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni (EU, Euratom) 2020/2053.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Madankollu, l-Artikolu 1 m’għandux japplika għall-produzzjoni jew il-korrezzjoni ta’ estratti tal-bażi għar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT għas-snin finanzjarji qabel l-2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  Opinjoni tal-25 ta’ Marzu 2021 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tat-8 ta’ Diċembru 2020 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


11.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 165/15


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, Euratom) 2021/770

tat-30 ta’ April 2021

dwar il-kalkolu tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ li mhux qed jiġi riċiklat, dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex titqiegħed għad-dispożizzjoni dik ir-riżorsa proprja, fuq il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti, u fuq ċerti aspetti tar-riżorsa proprja bbażata fuq id-dħul nazzjonali gross

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 322(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (2),

Billi:

(1)

L-Unjoni jrid ikollha disponibbli r-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ li mhux qed jiġi riċiklat imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 (3) (ir-“riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat”) fl-aħjar kondizzjonijiet possibbli u, għaldaqstant, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli biex l-Istati Membri jipprovdu dik ir-riżorsa proprja lill-Kummissjoni.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 (4) jistabbilixxi regoli dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni tar-riżorsi proprji tal-Unjoni msemmija fil-punti (a), (b) u (d) tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053, u dwar l-arranġamenti amministrattivi li huma komuni għal riżorsi proprji oħra u li jistgħu jiġu applikati, fejn xieraq, mutatis mutandis fin-nuqqas ta’ regolament uniku wieħed li jirregola t-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji kollha tal-Unjoni.

(3)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni d-dokumenti u l-informazzjoni meħtieġa biex il-Kummissjoni tkun tista’ teżerċita s-setgħa mogħtija lilha fir-rigward tar-riżorsi proprji tal-Unjoni. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri jibgħatu lill-Kummissjoni dikjarazzjonijiet perjodiċi relatati mar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat.

(4)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu, fi kwalunkwe ħin, jipprovdu lill-Kummissjoni d-dokumenti li jissostanzjaw l-ammont tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat li jkun ġie kkalkulat.

(5)

Id-determinazzjoni tar-rata uniformi ta’ ġbir applikabbli tar-riżorsa proprja bbażata fuq id-dħul nazzjonali gross (DNG) imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 (“ir-riżorsa proprja bbażata fuq id-DNG”) jenħtieġ li titwettaq wara li jkunu ġew miżjuda d-dħul mir-riżorsi proprji l-oħra kollha msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 2(1) ta’ dik id-Deċiżjoni, u d-dħul mill-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-programmi ta’ riċerka supplementari u ta’ żvilupp teknoloġiku u dħul ieħor.

(6)

It-tnaqqis gross fil-kontribuzzjonijiet annwali bbażati fuq id-DNG mogħti lid-Danimarka, il-Ġermanja, l-Awstrija, in-Netherlands u l-Iżvezja skont l-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 jenħtieġ li jittieħed kont tiegħu għall-entrata fil-kontijiet tar-riżorsa proprja bbażata fuq id-DNG skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 u għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dik ir-riżorsa proprja skont l-Artikolu 10a ta’ dak ir-Regolament.

(7)

Sabiex jiġi żgurat li l-baġit tal-Unjoni jiġi ffinanzjat fiċ-ċirkostanzi kollha, jenħtieġ li tiġi stipulata proċedura biex l-Istati Membri jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Unjoni, fil-forma ta’ porzjonijiet ta’ wieħed minn tnax ta’ kull xahar, ir-riżorsa proprja fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat mdaħħla fil-baġit u sussegwentement biex jaġġustaw l-ammonti li jkunu tqegħdu għad-dispożizzjoni.

(8)

Il-metodoloġija għall-kalkolu tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat jenħtieġ li tiġi stabbilita b’mod ċar, filwaqt li titqies ir-rata uniformi ta’ ġbir applikabbli skont il-punt (c) tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053.

(9)

Ir-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat jenħtieġ li titqiegħed għad-dispożizzjoni fil-forma ta’ entrata tal-ammonti dovuti fil-kont li jkun infetaħ skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 għal dak il-għan f’isem il-Kummissjoni mat-teżor jew mal-korp maħtur minn kull Stat Membru.

(10)

Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni, il-proċedura għall-aġġustament tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat jenħtieġ li tiġi allinjata mad-dispożizzjonijiet ta’ aġġustament għar-riżorsi proprji eżistenti. Jenħtieġ li l-ammont globali ta’ kwalunkwe aġġustament jiġi immedjatament imqassam mill-ġdid fost l-Istati Membri.

(11)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li jkollha riżorsi ta’ flus kontanti suffiċjenti biex tkun f’konformità mar-rekwiżiti regolatorji għal ħlasijiet ikkonċentrati fl-ewwel xhur tas-sena, sa fejn ikun iġġustifikat mir-rekwiżiti ta’ flus kontanti.

(12)

Sabiex jinkisbu l-objettivi tal-Unjoni, il-proċedura għall-kalkolu tal-interessi jenħtieġ li tiżgura b’mod partikolari li r-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat titqiegħed għad-dispożizzjoni b’mod sħiħ u f’waqtha. Jenħtieġ li l-Istati Membri jħallsu l-interessi f’każ ta’ dewmien fl-entrata ta’ dik ir-riżorsa proprja fil-kontijiet. F’konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, jenħtieġ li tingħata attenzjoni sabiex jiġi żgurat li l-ispiża tal-irkupru tal-interessi dovuti fuq ir-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat li tkun tqiegħdet għad-dispożizzjoni tard ma taqbiżx l-ammont tal-interessi pagabbli.

(13)

Jenħtieġ li tiġi stabbilita proċedura ta’ rieżami affidabbli u rapida sabiex jiġi solvut it-tilwim possibbli li jista’ jirriżulta bejn Stat Membru u l-Kummissjoni li jikkonċerna l-ammont ta’ kwalunkwe aġġustament tad-dikjarazzjonijiet relatati mar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat jew li jikkonċerna jekk l-allegat nuqqas ta’ provvediment ta’ data jistax jiġi attribwit lil Stat Membru, sabiex b’hekk jiġu evitati proċedimenti ta’ ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jieħdu l-ħin u bi spiża għolja.

(14)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tajba tar-regoli finanzjarji relatati mar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat, huwa meħtieġ li jiġu inklużi dispożizzjonijiet li jiżguraw kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

(15)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tal-istabbiliment ta’ formoli għad-dikjarazzjonijiet relatati mar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat u fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni ulterjuri tal-proċedura għar-rieżami biex jiġi solvut it-tilwim possibbli bejn Stat Membru u l-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(16)

Jenħtieġ li l-proċedura konsultattiva tintuża għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni sabiex jiġu stabbiliti formoli għad-dikjarazzjonijiet relatati mar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat minħabba n-natura teknika ta’ dawk l-atti.

(17)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdi previżjonijiet sal-aħħar jum tat-tieni xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dawk il-previżjonijiet ikunu bbażati fuq l-aħjar stima tal-piż tal-iskart tal-plastik mill-imballaġġ li mhux qed jiġi riċiklat, ikkalkulat f’konformità mal-metodoloġija riveduta stipulata fid-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/270/KE (8) kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/665 (9) (il-“metodoloġija riveduta”). Sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għall-metodoloġija riveduta, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri jipprovdu previżjonijiet fis-snin 2021 u 2022 abbażi tal-metodoloġija preċedenti.

(18)

Għal raġunijiet ta’ konsistenza„ jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-istess jum bħad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 u jenħtieġ li japplika mill-istess data ta’ applikazzjoni bħal dik id-Deċiżjoni, jiġifieri, mill-1 ta’ Jannar 2021,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar il-kalkolu tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ li mhux qed jiġi riċiklat imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 (ir-“riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat”), dwar it-tqegħid ta’ dik ir-riżorsa għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, dwar il-miżuri sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ flus kontanti, u dwar effetti speċifiċi fuq il-kalkolu tar-rata uniformi ta’ ġbir applikabbli tar-riżorsa proprja bbażata fuq id-dħul nazzjonali gross (DNG) imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 2(1) ta’ dik id-Deċiżjoni (ir-“riżorsa proprja bbażata fuq id-DNG”).

Artikolu 2

Konservazzjoni tad-dokumenti ta’ sostenn

1.   Id-dokumenti ta’ sostenn relatati mar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat għandhom jinżammu mill-Istati Membri sal-31 ta’ Lulju tal-ħames sena wara s-sena finanzjarja inkwistjoni.

2.   Jekk il-verifika skont l-Artikolu 2(5) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/768 (10) tad-dokumenti ta’ sostenn imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu turi li tinħtieġ korrezzjoni jew aġġustament, dawk id-dokumenti għandhom jinżammu għal perijodu suffiċjenti wara l-limitu ta’ żmien previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu sabiex il-korrezzjoni jew l-aġġustament ikunu jistgħu jsiru jew jiġu mmonitorjati.

3.   Fejn tilwima bejn Stat Membru u l-Kummissjoni li tikkonċerna l-obbligu ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċertu ammont tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat jew dwar allegazzjonijiet li jinvolvu spezzjonijiet jew in-nuqqas ta’ provvediment tad-data tiġi riżolta bi ftehim reċiproku, permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni jew permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Istat Membru għandu jibgħat id-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa għas-segwitu finanzjarju lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn wara dik ir-riżoluzzjoni.

Artikolu 3

Kooperazzjoni amministrattiva

1.   Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan li ġej:

(a)

l-ismijiet tad-dipartimenti jew tal-aġenziji responsabbli għall-kalkolu jew l-istabbiliment, il-ġbir, it-tqegħid għad-dispożizzjoni u l-kontroll tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ, u d-dispożizzjonijiet bażiċi relatati mar-rwol u l-operat ta’ dawk id-dipartimenti u l-aġenziji;

(b)

id-dispożizzjonijiet ġenerali stipulati fil-liġi, ir-regolament jew l-azzjoni amministrattiva u dawk relatati mal-proċeduri ta’ kontabbiltà li jikkonċernaw il-kalkolu, l-istabbiliment, it-tqegħid għad-dispożizzjoni u l-kontroll mill-Kummissjoni tar-riżorsa proprji bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat;

(c)

it-titolu preċiż tar-rekords amministrattivi u tal-kontabbiltà kollha li fihom tiddaħħal ir-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat, b’mod partikolari dawk użati għat-tfassil tal-kontijiet previsti fl-Artikolu 5.

Il-Kummissjoni għandha tiġi infurmata immedjatament bi kwalunkwe bidla fl-ismijiet imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu jew id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu.

2.   Il-Kummissjoni għandha, fuq talba ta’ Stat Membru, tibgħat lill-Istati Membri kollha l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 4

Effetti speċifiċi fuq ir-riżorsa proprja bbażata fuq id-DNG

1.   Għall-finijiet tal-istabbiliment tar-rata uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014, id-dħul imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 għandu jiżdied mad-dħul imsemmi fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 2(1) ta’ dik id-Deċiżjoni sabiex tiġi kkalkulata l-parti tal-baġit li għandha tiġi koperta mir-riżorsa proprja bbażata fuq id-DNG.

2.   It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 10a tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 għandhom japplikaw għat-tnaqqis gross fil-kontribuzzjonijiet annwali bbażati fuq id-DNG mogħti lid-Danimarka, il-Ġermanja, l-Awstrija, in-Netherlands u l-Iżvezja skont l-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053+.

KAPITOLU II

KONTIJIET GĦAR-RIŻORSA PROPRJA BBAŻATA FUQ L-ISKART TAL-PLASTIK MILL-IMBALLAĠĠ MHUX RIĊIKLAT

Artikolu 5

Entrata fil-kontijiet u rappurtar

1.   Il-kontijiet għar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat għandhom jinżammu mit-teżor ta’ kull Stat Membru jew minn entità pubblika li teżerċita funzjonijiet simili (“teżor”), jew mill-bank ċentrali nazzjonali ta’ kull Stat Membru.

2.   Għall-finijiet ta’ kontabbiltà tar-riżorsi proprji, ix-xahar għandu jintemm mhux qabel is-1 p.m. tal-aħħar jum tax-xogħol tax-xahar li matulu jkun sar il-kalkolu jew l-istabbiliment.

3.   Il-porzjonijiet ta’ wieħed minn tnax tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ kull xahar.

Ir-riżultat tal-kalkolu msemmi fl-Artikolu 9 għandu jiġi rreġistrat kull sena.

4.   Sal-15 ta’ April ta’ kull sena, kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni previżjonijiet tal-piż tal-iskart tal-plastik mill-imballaġġ li ma jkunx ser jiġi riċiklat għas-sena attwali u dik segwenti.

5.   Sal-31 ta’ Lulju ta’ kull sena, kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni dikjarazzjoni annwali għas-sena, sentejn qabel is-sena attwali (“n-2”), filwaqt li jipprovdi data statistika dwar il-piż tal-iskart tal-plastik mill-imballaġġ iġġenerat fl-Istat Membru u dwar il-piż ta’ dak l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ li jkun ġie riċiklat, bil-piżijiet li jingħataw f’kilogrammi, u dikjarazzjoni annwali għas-sena filwaqt li jipprovdi l-kalkolu tal-ammont tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat f’konformità mal-Artikolu 6.

6.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu formoli tad-dikjarazzjonijiet relatati mar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat imsemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 14(2).

KAPITOLU III

KALKOLU TAR-RIŻORSA PROPRJA BBAŻATA FUQ L-ISKART TAL-PLASTIK MILL-IMBALLAĠĠ MHUX RIĊIKLAT

Artikolu 6

Kalkolu tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat

1.   Ir-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat għandha tiġi kkalkulata kif stabbilit fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053. Il-piż tal-iskart tal-plastik mill-imballaġġ li mhux qed jiġi riċiklat għandu jiġi kkalkulat f’konformità mal-Artikolu 6a tad-Direttiva 94/62/KE u l-metodoloġija stabbilita fid-Deċiżjoni 2005/270/KE, u b’mod partikolari fl-Artikolu 6c tagħha.

2.   Għal kull Stat Membru, l-ammont tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ għandu jiġi kkalkulat f’euro.

3.   L-ammont tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat f’sena partikolari għandu jiġi determinat abbażi tal-previżjoni msemmija fl-Artikolu 5(4).

KAPITOLU IV

TQEGĦID GĦAD-DISPOŻIZZJONI TAR-RIŻORSA PROPRJA BBAŻATA FUQ L-ISKART TAL-PLASTIK MILL-IMBALLAĠĠ

Artikolu 7

Teżor u arranġamenti tal-kontabbiltà

L-Artikolu 9 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 għandu japplika mutatis mutandis għar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat.

Artikolu 8

Tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat

1.   L-ammonti kkalkulati f’konformità mal-Artikolu 6 għal kull sena kalendarja għandhom jiġu kkreditati fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ kull xahar. Dawk l-ammonti għandhom ikunu wieħed minn tnax tat-totali rilevanti fil-baġit, ikkonvertiti f’muniti nazzjonali bir-rati tal-kambju tal-aħħar jum tal-offerta tas-sena kalendarja ta’ qabel il-perijodu bażi tal-kontijiet, kif ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje C.

2.   L-ammonti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiddaħħlu fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 fl-ewwel jum tax-xogħol tax-xahar.

3.   Kwalunkwe bidla fir-rata ta’ ġbir uniformi tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat għandha tirrikjedi l-adozzjoni finali ta’ baġit emendatorju u għandha twassal għal riaġġustamenti tal-porzjonijiet ta’ wieħed minn tnax li jkunu ġew imdaħħla fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 mill-bidu tas-sena finanzjarja.

Dawk ir-riaġġustamenti għandhom jitwettqu meta ssir l-ewwel entrata wara l-adozzjoni finali tal-baġit emendatorju jekk dan jiġi adottat qabel is-sittax tax-xahar. Inkella għandhom jitwettqu meta ssir it-tieni entrata wara l-adozzjoni finali. Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 10 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), dawk ir-riaġġustamenti għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet fir-rigward tas-sena finanzjarja tal-baġit emendatorju inkwistjoni.

4.   Il-kalkolu tal-porzjonijiet ta’ wieħed minn tnax għal Jannar ta’ kull sena finanzjarja għandu jkun ibbażat fuq l-ammonti previsti fl-abbozz ta’ baġit, imsemmi fl-Artikolu 314(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u kkonvertit f’muniti nazzjonali bir-rata tal-kambju tal-ewwel jum ta’ offerta wara l-15 ta’ Diċembru tas-sena kalendarja li jippreċedi l-perijodu bażi tal-kontijiet; l-aġġustament għandu jsir mal-entrata għax-xahar li jmiss.

5.   Jekk il-baġit ma jkunx ġie adottat b’mod finali sa mhux aktar tard minn ġimagħtejn qabel l-entrata għal Jannar tas-sena finanzjarja li jmiss, l-Istati Membri għandhom jagħmlu entrata fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ kull xahar, inkluż Jannar, ta’ porzjon ta’ wieħed minn tnax tal-ammont tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat imdaħħal fl-aħħar baġit adottat b’mod finali; l-aġġustament għandu jsir fl-ewwel maturità wara l-adozzjoni finali tal-baġit jekk dan jiġi adottat qabel is-sittax tax-xahar. Inkella, l-aġġustament għandu jsir fit-tieni maturità wara l-adozzjoni finali tal-baġit.

Artikolu 9

Aġġustamenti għar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat tas-snin finanzjarji preċedenti

1.   Abbażi tad-dikjarazzjoni annwali li tipprovdi l-kalkolu tal-ammont tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat imsemmija fl-Artikolu 5(5), kull Stat Membru għandu, fis-sena ta’ wara dik li fiha tkun intbagħtet dik id-dikjarazzjoni, jiġi ddebitat jew ikkreditat b’ammont ikkalkulat bħala d-differenza bejn l-ammonti fil-previżjoni għal sena partikolari u l-ammonti reali fid-dikjarazzjoni għal dik l-istess sena.

2.   Għal kull Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tikkalkula d-differenza bejn l-ammonti li jirriżultaw mill-aġġustamenti msemmija fil-paragrafu 1 u r-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-ammonti totali ta’ aġġustamenti mal-perċentwal li d-DNG ta’ dak l-Istat Membri jirrappreżenta tad-DNG tal-Istati Membri kollha, kif applikabbli fil-15 ta’ Jannar tal-baġit fis-seħħ għas-sena ta’ wara dik li fiha tkun ġiet ipprovduta d-data għall-aġġustamenti (l-“ammont nett”).

Għall-finijiet tal-kalkolu msemmi fl-ewwel subparagrafu, l-ammonti għandhom jiġu kkonvertiti mill-muniti nazzjonali għall-euro bir-rata tal-kambju tal-aħħar jum ta’ offerta tas-sena kalendarju ta’ qabel is-sena tal-entrata fil-kontijiet, kif ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje C.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar l-ammonti li jirriżultaw mill-kalkolu msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu qabel l-1 ta’ Frar tas-sena ta’ wara dik li fiha tkun ġiet ipprovduta d-data għall-aġġustamenti. Kull Stat Membru għandu jagħmel entrata tal-ammont nett fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ Ġunju ta’ dik l-istess sena.

3.   Kwalunkwe aġġustament tad-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(5) ta’ dan ir-Regolament għas-snin finanzjarji ta’ qabel li jirriżulta minn spezzjonijiet għandu jwassal għal aġġustament partikolari tal-entrati fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat f’ittra dwar l-aġġustament meħtieġ. L-ammont li jikkorrispondi għal dak l-aġġustament għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni fid-data speċifikata mill-Kummissjoni f’dik l-ittra.

4.   L-Istat Membru kkonċernat jista’ jitlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-aġġustament ikkomunikat fl-ittra msemmija fil-paragrafu 3 fi żmien xahrejn mill-jum li fih tasal dik l-ittra. Ir-rieżami għandu jiġi konkluż b’deċiżjoni li għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni mhux aktar tard minn tliet xhur mill-jum tal-wasla tat-talba tal-Istat Membru.

Fejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tirrieżamina l-ammonti b’mod sħiħ jew parzjalment li jikkorrispondu għall-aġġustament ikkomunikat fl-ittra msemmija fil-paragrafu 3, l-Istat Membru għandu jagħmel disponibbli l-ammont korrispondenti. La t-talba tal-Istat Membru għal rieżami tal-aġġustament u lanqas azzjoni għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma għandhom jaffettwaw l-obbligu tal-Istat Membru li jagħmel disponibbli l-ammont korrispondenti għall-aġġustament.

5.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw aktar il-proċedura għar-rieżami msemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(3).

6.   Wara l-31 ta’ Lulju tal-ħames sena wara sena finanzjarja partikolari, ma għandu jibqa’ jittieħed kont tal-bidliet, ħlief tal-punti nnotifikati f’dak il-limitu ta’ żmien, jew mill-Kummissjoni, inkella mill-Istat Membru.

7.   L-operazzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu jikkostitwixxu operazzjonijiet tad-dħul fir-rigward tas-sena finanzjarja li fiha dawn għandhom jiddaħħlu fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014.

Artikolu 10

Riportar ta’ wieħed minn kull tnax

1.   Għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ ħlas tan-nefqa tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), u skont il-pożizzjoni tal-likwidità tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna mill-Kummissjoni jirriportaw, sa mhux aktar minn xahrejn fl-ewwel tliet xhur tas-sena finanzjarja, l-entrata ta’ porzjon ta’ wieħed minn tnax, jew frazzjoni minnu, tal-ammonti fil-baġit għar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat.

2.   Soġġett għal-paragrafu 3, għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ ħlas tan-nefqa tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej skont ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), u skont il-pożizzjoni tal-likwidità tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna mill-Kummissjoni jirriportaw, fl-ewwel sitt xhur tas-sena finanzjarja, l-entrata ta’ mhux aktar minn nofs addizzjonali ta’ porzjon ta’ wieħed minn tnax tal-ammonti fil-baġit għar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat.

3.   L-ammont totali li l-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna jantiċipaw mill-Kummissjoni fl-istess xahar skont il-paragrafi 1 u 2 għandu, fi kwalunkwe każ, ma jaqbiżx ammont li jikkorrispondi għal żewġ porzjonijiet addizzjonali ta’ wieħed minn tnax.

4.   Wara l-ewwel sitt xhur, l-entrata ta’ kull xahar mitluba ma għandhiex taqbeż wieħed minn tnax tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat, filwaqt li tibqa’ fil-limitu tal-ammonti li ddaħħlu fil-baġit għal dak il-għan.

5.   Il-Kummissjoni għandha tinnotifika l-Istati Membri b’dan minn qabel, mhux aktar tard minn ġimagħtejn qabel entrata mitluba skont il-paragrafi 1 u 2.

6.   Il-Kummissjoni għandha tinforma l-Istati Membri ferm qabel, u mhux aktar tard minn sitt ġimgħat qabel entrata mitluba skont il-paragrafu 2, bl-intenzjoni tagħha li titlob tali entrata.

7.   L-Artikolu 8(4), li jikkonċerna l-ammont li għandu jiddaħħal f’Jannar kull sena, u l-Artikolu 8(5), applikabbli jekk il-baġit ma jkunx ġie adottat b’mod finali qabel il-bidu tas-sena finanzjarja, għandhom japplikaw għall-entrati minn qabel imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 11

Interessi fuq l-ammonti li tqegħdu għad-dispożizzjoni tard

1.   Għar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat, l-interessi għandhom ikunu pagabbli biss b’rabta ma’ dewmien fl-entrati tal-ammonti li ġejjin:

(a)

l-ammonti msemmija fl-Artikolu 8;

(b)

l-ammonti li jirriżultaw mill-kalkolu msemmi fl-Artikolu 9(1), fil-mument speċifikat fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2);

(c)

l-ammonti li jirriżultaw mill-aġġustamenti partikolari msemmija fl-Artikolu 9(3);

(d)

ammonti li jirriżultaw min-nuqqas attribwibbli ta’ Stat Membru li jipprovdi d-data kif mitlub minn dan ir-Regolament.

Għall-finijiet tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu, l-interessi fuq l-aġġustamenti li jirriżultaw mill-korrezzjonijiet li jkunu saru minħabba n-nuqqas ta’ Stat Membri li jipprovdi data għandhom jiġu kkalkulati mill-ewwel jum tax-xogħol ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara dik li fiha jkun skada l-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni.

Stat Membru għandu jinħeles mill-obbligu li jħallas l-imgħax għan-nuqqas imsemmi fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu jekk dak in-nuqqas ikun ibbażat jew fuq raġunijiet ta’ force majeure jew fuq raġunijiet oħra li ma jistgħux jiġu attribwiti lill-Istat Membru kkonċernat.

It-tilwim bejn Stat Membru u l-Kummissjoni dwar jekk in-nuqqas allegat imsemmi fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jistax jiġi attribwit għall-Istat Membru għandu jiġi riżolt permezz tar-rieżami msemmi fl-Artikolu 9(4).

2.   Fejn Stat Membru jibda r-rieżami msemmi fl-Artikolu 9(4), l-interessi għandhom jiġu kkalkulati mid-data speċifikata mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 9(3).

3.   Għandu jiġi rrinunzjat l-irkupru ta’ ammonti ta’ interessi li jkunu inqas minn EUR 500.

4.   L-interessi għandhom jiġu imposti bir-rati u l-kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(4) u (5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014.

5.   Għall-ħlas ta’ interessi msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandu japplika mutatis mutandis l-Artikolu 9(2) u (3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014.

KAPITOLU V

ĠESTJONI TAR-RIŻORSI TA’ FLUS KONTANTI

Artikolu 12

Rekwiżiti dwar il-ġestjoni tar-riżorsi ta’ flus kontanti u l-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet għall-pagamen

L-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 għandhom japplikaw mutatis mutandis għar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Grupp ta’ esperti

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi grupp formali ta’ esperti magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri kollha u ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-kompiti tal-grupp ta’ esperti formali għandhom ikunu li jagħti pariri lill-Kummissjoni, u li jesprimi l-fehmiet tiegħu fir-rigward tal-komparabbiltà, l-affidabbiltà u l-eżawrjenza tal-istatistika dwar l-iskart mill-imballaġġ tal-plastik iġġenerat u rriċiklat, li jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar it-tħejjija ta’ miżuri biex id-data ssir aktar komparabbli u aktar affidabbli u li joħroġ opinjonijiet annwali dwar l-adegwatezza tad-data dwar l-iskart mill-imballaġġ tal-plastik ippreżentata mill-Istati Membri għall-finijiet tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat. Il-grupp formali ta’ esperti għandu jiġu rreġistrat fir-reġistru ta’ gruppi esperti tal-Kummissjoni, u t-trasparenza u tal-kompożizzjoni u l-ħidma tiegħu għandha tkun żgurata.

Artikolu 14

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-kumitat stabbilit f’konformità mal-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 94/62/KE. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 15

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

Sabiex jitwettaq il-kalkolu msemmi fl-Artikolu 6, kull Stat Membru għandu, sal-aħħar jum tat-tieni xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jipprovdi lill-Kummissjoni bil-previżjonijiet tal-piż tal-iskart mill-imballaġġ tal-plastik li ma jiġix riċiklat mill-2021 ’il quddiem u sas-sena ta’ wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Fis-snin 2021 u 2022, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu t-tbassir tagħhom tal-piż tal-iskart mill-imballaġġ tal-plastik li mhuwiex riċiklat, ikkalkulat f’konformità mad-Direttiva 94/62/KE kif emendata bid-Direttiva (UE) 2015/720 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u l-metodoloġija stabbilita fid-Deċiżjoni 2005/270/KE kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/896 (15), u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  Opinjoni tal-25 ta’ Marzu 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tad-9 ta’ Ottubru 2018 (ĠU C 431, 29.11.2018, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tas-26 ta’ Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 39).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(6)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2018/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 141).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/270/KE tat-22 ta’ Marzu 2005 li tistabbilixxi l-formati relatati mas-sistema tad-bażi tad-dejta skont id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 86, 5.4.2005, p. 6).

(9)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/665 tas-17 ta’ April 2019 li temenda d-Deċiżjoni 2005/270/KE li tistabbilixxi l-formati relatati mas-sistema tal-bażijiet tad-data skont id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 112, 26.4.2019, p. 26).

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/768 tat-30 ta’ April 2021 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għas-sistema ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 608/2014 (ara l-paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(11)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

(13)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(14)  Id-Direttiva (UE) 2015/720 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar it-tnaqqis tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief (ĠU L 115, 6.5.2015, p. 11).

(15)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/896 tad-19 ta’ Ġunju 2018 li tistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu tal-konsum annwali ta’ basktijiet tal-plastik ħfief u li temenda d-Deċiżjoni 2005/270/KE (ĠU L 160, 25.6.2018, p. 6).


11.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 165/25


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/771

tal-21 ta’ Jannar 2021

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi kriterji u kundizzjonijiet speċifiċi għall-verifiki tal-kontijiet dokumentarji fil-qafas tal-kontrolli uffiċjali fil-produzzjoni organika u l-kontrolli uffiċjali tal-gruppi ta’ operaturi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 38(8)(a)(i) u (ii) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata l-integrità tal-produzzjoni organika, jeħtieġ jiġu stabbiliti kriterji u kundizzjonijiet speċifiċi għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali magħmula biex tiġi żgurata t-traċċabilità fl-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-preparazzjoni u tad-distribuzzjoni, u f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/848, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispezzjoni fiżika fuq il-post tal-operaturi jew tal-gruppi ta’ operaturi organiċi kif imsemmi fl-Artikolu 38(3) ta’ dak ir-Regolament. Sabiex tkun effettiva, dik l-ispezzjoni fiżika fuq il-post jenħtieġ li minn tal-inqas tinkludi verifika tat-traċċabilità u verifika tal-bilanċ tal-massa permezz ta’ verifiki tal-kontijiet dokumentarji. Il-verifika tat-traċċabilità hija maħsuba biex tikkonferma jekk il-prodotti riċevuti jew mibgħuta mill-operatur jew mill-grupp ta’ operaturi humiex organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni. L-għan tal-verifika tal-bilanċ tal-massa hu li jiġi ddeterminat il-bilanċ bejn l-input u l-produzzjoni tal-operatur jew tal-grupp ta’ operaturi u b’mod partikolari, il-plawżibilità tal-volumi nnegozjati ta’ prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni. L-elementi li jeħtieġ jiġu koperti mill-verifika tat-traċċabilità u mill-verifika tal-bilanċ tal-massa jenħtieġ li jiġu stabbiliti.

(2)

Għall-fini tal-kontrolli uffiċjali, il-kunċett tal-grupp ta’ operaturi kif stabbilit fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2018/848 jikkonsisti minn kategorija speċifika ta’ operaturi li huma bdiewa jew operaturi li jipproduċu l-algi jew l-annimali tal-akkwakultura u li barra minn hekk jistgħu jkunu involuti fl-ipproċessar, fil-preparazzjoni u fit-tqegħid fis-suq tal-ikel jew tal-għalf. Kull grupp ta’ operaturi jeħtieġ jistabbilixxi sistema għall-kontrolli interni (ICS) li tinkludi sett dokumentat ta’ attivitajiet ta’ kontroll. L-awtorità kompetenti, jew meta xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll, jenħtieġ li jkunu kwalifikati kif xieraq biex jivvalutaw l-ICS u jwettqu l-ispezzjonijiet mill-ġdid fuq kampjun ibbażat fuq ir-riskju tal-membri tal-grupp ta’ operaturi sabiex tintlaħaq konklużjoni dwar il-konformità ġenerali tal-grupp. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti għall-kompetenza tal-awtorità kompetenti jew, meta xieraq, tal-awtorità ta’ kontroll jew tal-korp ta’ kontroll, biex tiġi vvalutata dik il-kompożizzjoni speċifika tal-operaturi fi grupp kif ukoll l-ICS, għal qafas armonizzat għall-valutazzjoni tal-ICS u għall-għażla tal-kampjun tal-membri għall-ispezzjonijiet mill-ġdid.

(3)

Fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza tad-dritt, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Verifiki ta’ kontijiet dokumentarji

1.   L-ispezzjoni fiżika fuq il-post skont l-Artikolu 38(3) tar-Regolament (UE) 2018/848 għandha tinkludi verifika tat-traċċabilità u verifika tal-bilanċ tal-massa tal-operatur jew tal-grupp ta’ operaturi mwettqa permezz ta’ verifiki tal-kontijiet dokumentarji.

2.   L-awtorità kompetenti, meta xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll għandhom iwettqu l-verifika tat-traċċabilità u l-verifika tal-bilanċ tal-massa skont il-mudell standard dokumentat fir-rekord miktub imsemmi fl-Artikolu 38(6) tar-Regolament (UE) 2018/848.

3.   Għall-fini tal-verifika tat-traċċabilità u l-verifika tal-bilanċ tal-massa, l-għażla tal-prodotti, tal-gruppi ta’ prodotti u tal-perjodu taħt verifika għandha ssir abbażi tar-riskju.

4.   Il-verifika tat-traċċabilità għandha tkopri mill-inqas l-elementi li ġejjin, iġġustifikati minn dokumenti xierqa inkluż ir-rekords tal-istokk u dawk finanzjarji:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-fornitur u, meta dawn ikunu differenti, tas-sid jew tal-bejjiegħ, jew l-esportatur tal-prodotti;

(b)

l-isem u l-indirizz tad-destinatarju u, meta dawn ikunu differenti, tal-bejjiegħ jew tal-importatur tal-prodotti;

(c)

iċ-ċertifikat tal-fornitur f’konformità mal-Artikolu 35(6) tar-Regolament (UE) 2018/848;

(d)

l-informazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tal-punt 2.1 tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2018/848;

(e)

l-identifikazzjoni xierqa tal-lott.

5.   Meta rilevanti, il-verifika tal-bilanċ tal-massa għandha tkopri mill-inqas l-elementi li ġejjin, iġġustifikati minn dokumenti xierqa inkluż ir-rekords tal-istokk u dawk finanzjarji:

(a)

in-natura u l-kwantitajiet tal-prodotti kkonsenjati lill-unità u, meta rilevanti, tal-materjali mixtrija u l-użu tat-tali materjali u, meta rilevanti, il-kompożizzjoni tal-prodotti;

(b)

in-natura u l-kwantitajiet tal-prodotti maħżuna fil-postijiet;

(c)

in-natura u l-kwantitajiet tal-prodotti li jkunu ħallew l-unità tal-operatur jew tal-grupp ta’ operaturi lejn il-postijiet jew il-faċilitajiet tal-ħżin tad-destinatarju;

(d)

f’każ li l-operaturi li jixtru u jbigħu l-prodott(i) mingħajr ma jimmanipulaw il-prodott(i), in-natura u l-kwantitajiet tal-prodotti li nxtraw jew nbiegħu, u l-fornituri, u meta dawn ikunu differenti, il-bejjiegħa jew l-esportaturi u x-xerrejja, u meta dawn ikunu differenti, id-destinatarji;

(e)

ir-rendiment tal-prodotti miksuba, miġbura jew maħsuda tul is-sena preċedenti;

(f)

ir-rendiment reali tal-prodotti miksuba, miġbura jew maħsuda tul is-sena kurrenti;

(g)

in-numru u/jew il-piż fil-każ ta’ bhejjem ġestiti tul is-sena kurrenti u dik preċedenti;

(h)

kull telf, żieda jew tnaqqis fil-kwantità tal-prodotti fi kwalunkwe stadju tal-produzzjoni, tal-preparazzjoni u tad-distribuzzjoni;

(i)

il-prodotti organiċi jew fil-każi ta’ konverżjoni li jinbiegħu fis-suq bħala mhux organiċi.

Artikolu 2

Kontrolli uffiċjali tal-gruppi ta’ operaturi

1.   Sabiex jiċċertifikaw u jivverifikaw il-konformità ta’ grupp ta’ operaturi, l-awtorità kompetenti u, meta xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll, għandhom jassenjaw spetturi kompetenti biex jivvalutaw is-sistemi għall-kontrolli interni (ICS).

2.   Għall-fini tal-evalwazzjoni tal-istabbiliment, tal-funzjonament u taż-żamma tal-ICS ta’ grupp ta’ operaturi, l-awtorità kompetenti jew, meta xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll, għandhom mill-inqas jiddeterminaw li:

(a)

il-proċeduri dokumentati tal-ICS li ddaħħlu fis-seħħ jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/848;

(b)

il-lista tal-membri tal-grupp ta’ operaturi bl-informazzjoni meħtieġa għal kull membru hija aġġornata kontinwament u allinjata mal-ambitu taċ-ċertifikat;

(c)

il-membri kollha tal-grupp ta’ operaturi jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 36(1)(a), (b) u (e) tar-Regolament (UE) 2018/848 matul il-parteċipazzjoni tagħhom fil-grupp ta’ operaturi;

(d)

in-numru, it-taħriġ u l-kompetenzi tal-ispetturi tal-ICS huma proporzjonati u adegwati u l-ispetturi tal-ICS ma għandhomx kunflitti ta’ interess;

(e)

l-ispezzjonijiet interni tal-membri kollha tal-grupp ta’ operaturi u l-attivitajiet u l-unitajiet jew il-postijiet tal-produzzjoni tagħhom, inkluż iċ-ċentri tax-xiri u tal-ġbir, twettqu mill-inqas darba fis-sena u huma ddokumentati;

(f)

membri ġodda jew unitajiet ta’ produzzjoni ġodda jew attivitajiet ġodda ta’ membri eżistenti, inkluż iċ-ċentri tax-xiri u tal-ġbir ġodda, ġew aċċettati biss wara li ġew approvati mill-maniġer tal-ICS abbażi tar-rapport ta’ spezzjoni interna skont il-proċeduri dokumentati tal-ICS li ddaħħlu fis-seħħ;

(g)

il-maniġer tal-ICS jieħu l-miżuri xierqa f’każ ta’ nonkonformità, inkluż is-segwitu tagħhom, skont il-proċeduri ddokumentati tal-ICS li tqiegħdu fis-seħħ;

(h)

in-notifiki tal-maniġer tal-ICS lill-awtorità kompetenti jew, meta xieraq, lill-awtorità ta’ kontroll jew lill-korp ta’ kontroll, huma xierqa u biżżejjed;

(i)

it-traċċabilità interna għall-prodotti u l-membri kollha tal-grupp ta’ operaturi hija żgurata billi jiġu stmati l-kwantitajiet u billi ssir kontroverifika tar-rendimenti ta’ kull membru tal-grupp ta’ operaturi;

(j)

il-membri tal-grupp ta’ operaturi jirċievu taħriġ adegwat dwar il-proċeduri tal-ICS u r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2018/848.

3.   L-awtorità kompetenti jew, meta xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll, għandhom japplikaw valutazzjoni tar-riskju biex jagħżlu kampjun tal-membri tal-grupp ta’ operaturi għall-ispezzjonijiet mill-ġdid f’konformità mal-Artikolu 38(4)(d) tar-Regolament (UE) 2018/848. Meta jsir dan, għandhom iqisu mill-inqas il-volum u l-valur tal-produzzjoni u l-valutazzjoni tal-probabbiltà tan-nonkonformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/848. L-ispezzjonijiet mill-ġdid għandhom jitwettqu fiżikament fuq il-post fil-preżenza tal-membri magħżula.

4.   L-awtorità kompetenti jew, meta xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll, għandhom jallokaw żmien raġonevoli għall-kontroll ta’ grupp ta’ operaturi, proporzjonat mat-tip, mal-istruttura, mad-daqs, mal-prodotti, mal-attivitajiet u mal-produzzjoni tal-produzzjoni organika tal-grupp ta’ operaturi.

5.   L-awtorità kompetenti, jew meta xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll, għandhom iwettqu awditi ta’ osservazzjoni sabiex jiġu verifikati l-kompetenza u l-għarfien tal-ispetturi tal-ICS.

6.   L-awtorità kompetenti jew, meta xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll, għandhom jivvalutaw jekk hemmx nuqqas tal-ICS abbażi tan-numru ta’ nonkonformitajiet mhux individwati mill-ispetturi tal-ICS u r-riżultat tal-investigazzjoni tal-kawża u tan-natura tan-nonkonformitajiet.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1.


11.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 165/28


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/772

tal-10 ta’ Mejju 2021

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/977 fir-rigward tal-miżuri temporanji b’rabta mal-kontrolli fuq il-produzzjoni ta’ prodotti organiċi, b’mod partikolari l-perjodu ta’ applikazzjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 28(6), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 30(2) u l-Artikolu 38(c), (d) u (e) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-pandemija tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet estensivi fuq il-moviment li ddaħħlu fl-Istati Membri u fil-pajjiżi terzi fil-forma ta’ miżuri nazzjonali jikkostitwixxu sfida eċċezzjonali u bla preċedent għall-Istati Membri u għall-operaturi b’rabta mat-twettiq tal-kontrolli kif speċifikat fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 u fir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 (2) u (KE) Nru 1235/2008 (3).

(2)

Sabiex jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi speċifiċi minħabba l-kriżi attwali relatata mal-pandemija tal-COVID-19, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/977 (4) jippermetti lill-Istati Membri japplikaw miżuri temporanji li jidderogaw mir-Regolamenti (KE) Nru 889/2008 u (KE) Nru 1235/2008 b’rabta mas-sistema ta’ kontroll fuq il-produzzjoni tal-prodotti organiċi u ċerti proċeduri previsti fis-Sistema tal-Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti veterinarji (TRACES).

(3)

L-Istati Membri infurmaw lill-Kummissjoni li minħabba l-kriżi marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, ċertu tfixkil serju fil-funzjonament tas-sistemi ta’ kontroll tagħhom fis-settur organiku se jippersisti lil hinn mill-1 ta’ Frar 2021.

(4)

Barra minn hekk, fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/466 (6) jippermetti lill-Istati Membri japplikaw miżuri temporanji biex jevitaw riskji serji ta’ saħħa għall-persunal tal-awtoritajiet kompetenti, fid-dawl tad-diffikultajiet biex jitwettqu dawk il-kontrolli u l-attivitajiet u sa fejn ikun meħtieġ għall-ġestjoni tat-tfixkil serju relatat tas-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri. Il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament ġie estiż sal-1 ta’ Lulju 2021 mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/83 (7). Għalhekk huwa xieraq li d-derogi previsti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/977 jibqgħu japplikaw għall-istess perjodu kif previst fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/466.

(5)

L-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/977 jistabbilixxi perċentwal aktar baxx mill-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 92c(2) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 fir-rigward tal-ispezzjonijiet u taż-żjarat f’konformità mal-Artikolu 65(1) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jridu jitwettqu mingħajr avviż minn qabel. Sabiex jiġi żgurat li dawk l-ispezzjonijiet u ż-żjarat ikunu jistgħu fil-fatt isiru u f’ċirkostanzi sikuri, huwa xieraq li tinħoloq il-possibbiltà li jinħareġ avviż ta’ 24 siegħa għal dawk l-ispezzjonijiet u ż-żjarat mingħajr avviż minn qabel.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/977 jiġi emendat skont dan.

(7)

Jeħtieġ li ma tiġix imfixkla l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/977, estiża b’dan ir-Regolament. Għalhekk, jixraq li tiġi prevista applikazzjoni retroattiva ta’ dan ir-Regolament mill-1 ta’ Frar 2021 f’dak ir-rigward.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-produzzjoni organika,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/977 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 6, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Madankollu avviż qasir ta’ mhux aktar minn 24 siegħa qabel li jħabbar tali spezzjonijiet u żjarat jista’ jiġi pprovdut sabiex jiġi żgurat li l-ispetturi jkollhom aċċess għall-bini tal-operatur u f’ċirkostanzi sikuri.”;

(b)

fil-paragrafu 7, id-data “1 ta’ Frar 2021” hija sostitwita bl-“1 ta’ Lulju 2021”.

(2)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

fit-tieni, fit-tielet u fil-ħames paragrafi, id-data “1 ta’ Frar 2021” hija sostitwita bl-“1 ta’ Lulju 2021”;

(b)

fir-raba’ paragrafu, id-data “31 ta’ Diċembru 2020” hija sostitwita bl-“1 ta’ Lulju 2021”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1(1)(b) u (2) għandhom japplikaw mill-1 ta’ Frar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal-5 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 tat-8 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi minn pajjiżi terzi (ĠU L 334, 12.12.2008, p. 25).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/977 tas-7 ta’ Lulju 2020 li jidderoga mir-Regolamenti(KE) Nru 889/2008 u (KE) Nru 1235/2008 f’dak li għandu x’jaqsam mal-kontrolli fuq il-produzzjoni tal-prodotti organiċi minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 217, 8.7.2020, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/466 tat-30 ta’ Marzu 2020 dwar miżuri temporanji biex jiġu limitati r-riskji għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti u għat-trattament xieraq tal-annimali matul ċertu tfixkil serju tas-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri minħabba l-marda tal-coronavirus (il-COVID-19) (ĠU L 98, 31.3.2020, p. 30).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/83 tas-27 ta’ Jannar 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/466 fir-rigward tat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali u ta’ attivitajiet uffiċjali oħra minn persuni fiżiċi awtorizzati b’mod speċifiku u tal-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri temporanji (ĠU L 29, 28.1.2021, p. 23).