ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 155

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 64
5 ta' Mejju 2021


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/723 tas-26 ta’ Frar 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward l-istabbiliment ta’ reġistru pubbliku li jelenka l-korpi maħtura minn kull Stat Membru biex jissorveljaw il-proċessi ta’ invekkjament għal xorb spirituż

1

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/724 tat-3 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-komunikazzjonijiet li jridu jsiru mill-Istati Membri lill-Kummissjoni fir-rigward tal-korpi maħtura biex jissorveljaw il-proċessi ta’ invekkjament għax-xorb spirituż u l-awtoritajiet kompetenti responsabbli biex jiżguraw il-konformità ma’ dak ir-Regolament

3

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/725 tal-4 ta’ Mejju 2021 li jidderoga fir-rigward tas-sena 2021 mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, (UE) Nru 180/2014, (UE) Nru 181/2014, (UE) 2017/892, (UE) 2016/1150, (UE) 2018/274, (UE) Nru 615/2014 u (UE) 2015/1368 fir-rigward ta’ ċerti verifiki amministrattivi u fuq il-post, applikabbli fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni

8

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/726 tal-4 ta’ Mejju 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi Adoxophyes orana granulovirus u flutriafol ( 1 )

20

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/727 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-preżentazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ proposti għall-emendar tal-Annessi A u B tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju, fir-rigward ta’ prodotti miżjudin bil-merkurju u proċessi ta’ manifattura li fihom jintużaw il-merkurju jew il-komposti tal-merkurju

23

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

5.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 155/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/723

tas-26 ta’ Frar 2021

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward l-istabbiliment ta’ reġistru pubbliku li jelenka l-korpi maħtura minn kull Stat Membru biex jissorveljaw il-proċessi ta’ invekkjament għal xorb spirituż

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż, l-użu tal-ismijiet ta’ xorb spirituż fil-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel oħra, il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż, l-użu ta’ alkoħol etiliku u distillati ta’ oriġini agrikola f’xorb alkoħoliku, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 13(6) tar-Regolament (UE) 2019/787 jirrikjedi li l-operazzjonijiet tal-invekkjament tax-xorb spirituż isiru taħt superviżjoni tat-taxxa ta’ Stat Membru jew superviżjoni li tipprovdi garanziji ekwivalenti.

(2)

Għal dan il-għan, kull Stat Membru għandu jaħtar il-korpi responsabbli biex jissorveljaw tali proċessi ta’ invekkjament u jinformaw lill-Kummissjoni b’dan sabiex tkun tista’ tistabbilixxi reġistru pubbliku li jelenka dawk il-korpi maħtura.

(3)

Għal dan il-għan, huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli dwar l-istabbiliment ta’ dan ir-reġistru pubbliku.

(4)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-25 ta’ Mejju 2021, f’konformità mal-Artikolu 51(3) tar-Regolament (UE) 2019/787,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Reġistru pubbliku li jkun fih il-lista tal-korpi maħtura biex jissorveljaw il-proċessi ta’ invekkjament għal xorb spirituż

1.   Abbażi tan-notifiki magħmula mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/724 (2), il-Kummissjoni għandha tfassal u taġġorna lista ta’ korpi maħtura biex jissorveljaw il-proċessi ta’ invekkjament għal xorb spirituż.

2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi reġistru pubbliku li jkun fih il-lista tal-korpi maħtura biex jissorveljaw il-proċessi ta’ invekkjament. Dan ir-reġistru għandu jkun fil-forma ta’ data elettronika aċċessibbli pubblikament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-25 ta’ Mejju 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Frar 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 130, 17.5.2019, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/724tat-3 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-komunikazzjonijiet li jridu jsiru mill-Istati Membri lill-Kummissjoni fir-rigward tal-korpi maħtura biex jissorveljaw il-proċessi ta’ invekkjament għax-xorb spirituż u l-awtoritajiet kompetenti responsabbli biex jiżguraw il-konformità ma’ dak ir-Regolament (Ara paġna 3 ta’ dan il-Ġurnaf Uffiċjali).


5.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 155/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/724

tat-3 ta’ Marzu 2021

li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-komunikazzjonijiet li jridu jsiru mill-Istati Membri lill-Kummissjoni fir-rigward tal-korpi maħtura biex jissorveljaw il-proċessi ta’ invekkjament għax-xorb spirituż u l-awtoritajiet kompetenti responsabbli biex jiżguraw il-konformità ma’ dak ir-Regolament

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż, l-użu tal-ismijiet ta’ xorb spirituż fil-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel oħra, il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż, l-użu ta’ alkoħol etiliku u distillati ta’ oriġini agrikola f’xorb alkoħoliku, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 (1), u b’mod partikolari l-punt (a) tal-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 20 u l-Artikolu 44(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 13(6) tar-Regolament (UE) 2019/787 jeħtieġ li l-operazzjonijiet biex jiġi invekkjat ix-xorb spirituż isiru taħt is-superviżjoni tad-dħul ta’ Stat Membru jew superviżjoni li tipprovdi garanziji ekwivalenti.

(2)

Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jaħtru l-korpi responsabbli għas-superviżjoni ta’ tali proċessi ta’ invekkjament u jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan sabiex tkun tista’ tistabbilixxi reġistru pubbliku li jelenka dawk il-korpi maħtura.

(3)

L-Artikolu 43(1) tar-Regolament (UE) 2019/787 jistipula li l-Istati Membri huma responsabbli għall-kontrolli tax-xorb spirituż. Huma jridu jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw il-konformità ma’ dak ir-Regolament u għandhom jinnominaw l-awtoritajiet kompetenti responsabbli li jiżguraw li jkun hemm konformità ma’ dak ir-Regolament.

(4)

Bil-ħsieb li jiġu żgurati komunikazzjonijiet effiċjenti bejn il-Kummissjoni u l-korpi responsabbli għas-superviżjoni tal-proċessi ta’ invekkjament u l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-iżgurar tal-konformità mar-Regolament (UE) 2019/787, huwa xieraq li l-Istati Membri jintalbu jinnotifikaw id-dettalji ta’ kuntatt tal-korpi rispettivi tagħhom responsabbli għas-superviżjoni tal-proċessi ta’ invekkjament u l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-iżgurar tal-konformità ma’ dak ir-Regolament lill-Kummissjoni.

(5)

Sabiex jiġi żgurat li l-komunikazzjonijiet mill-Istati Membri lill-Kummissjoni jsiru b’mod sempliċi u effiċjenti, huwa xieraq li jkun meħtieġ li, meta Stat Membru jaħtar aktar minn korp wieħed li jissorvelja l-proċessi ta’ invekkjament għax-xorb spirituż jew aktar minn awtorità kompetenti waħda responsabbli għall-iżgurar tal-konformità mar-Regolament (UE) 2019/787, dak l-Istat Membru jaħtar korp ta’ kollegament bħala punt ta’ kuntatt uniku għall-Kummissjoni. L-Istati Membri jeħtiġilhom għalhekk jinnotifikaw ukoll id-dettalji ta’ kuntatt tal-korpi ta’ kollegament tagħhom lill-Kummissjoni.

(6)

Sabiex tiġi żgurata komunikazzjoni effiċjenti ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, jeħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll regoli dwar il-forma u l-iskadenzi għal tali komunikazzjonijiet.

(7)

Dan ir-Regolament jeħtieġ li japplika mill-25 ta’ Mejju 2021, skont l-Artikolu 51(3) tar-Regolament (UE) 2019/787.

(8)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għax-Xorb Spirituż,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Informazzjoni li għandha tiġi notifikata lill-Kummissjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-informazzjoni li ġejja dwar il-korpi maħtura biex jissorveljaw il-proċessi ta’ invekkjament tax-xorb spirituż skont l-Artikolu 13(6) tar-Regolament (UE) 2019/787:

(a)

l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefown, l-indirizz tal-posta elettronika tal-korp maħtur biex jissorvelja l-proċessi ta’ invekkjament għax-xorb spirituż;

(b)

fejn diversi korpi jinħatru biex jissorveljaw il-proċessi ta’ invekkjament tax-xorb spirituż, ir-responsabbiltà speċifika ta’ kull wieħed minnhom;

(c)

l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefon, l-indirizz tal-posta elettronika tal-korp ta’ kollegament maħtur skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-informazzjoni li ġejja dwar l-awtoritajiet kompetenti responsabbli biex jiżguraw il-konformità mar-Regolament (UE) 2019/787 skont l-Artikolu 43(1) ta’ dak ir-Regolament:

(a)

l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefown, l-indirizz tal-posta elettronika tal-awtorità kompetenti;

(b)

meta jinħatru diversi awtoritajiet kompetenti, ir-responsabbiltà speċifika ta’ kull waħda minnhom;

(c)

l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefon, l-indirizz tal-posta elettronika tal-korp ta’ kollegament maħtur skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2.

Artikolu 2

Ħatra ta’ korpi ta’ kollegament

Fejn Stat Membru jaħtar aktar minn korp wieħed biex jissorvelja l-proċessi ta’ invekkjament għax-xorb spirituż, huwa għandu jaħtar korp ta’ kollegament għal tali korpi li jissorveljaw il-proċessi ta’ invekkjament.

Meta Stat Membru jaħtar aktar minn awtorità kompetenti waħda responsabbli għall-iżgurar tal-konformità mar-Regolament (UE) 2019/787, huwa għandu jaħtar korp ta’ kollegament għal tali awtoritajiet kompetenti.

Iż-żewġ korpi ta’ kollegament għandhom ikunu responsabbli biex jikkomunikaw l-informazzjoni lill-Kummissjoni.

Artikolu 3

Skadenza u modalitajiet għan-notifiki tal-korpi maħtura għas-superviżjoni tal-proċessi ta’ invekkjament tax-xorb spirituż u tal-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-iżgurar tal-konformità mar-Regolament (UE) 2019/787

1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 1 sal-25 ta’ Awwissu 2021.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla fl-informazzjoni notifikata msemmija fil-paragrafu 1 fi żmien tliet (3) xhur mid-data li fiha seħħet il-bidla.

3.   In-notifiki għandhom isiru bl-użu tal-formoli stabbiliti fl-Anness I għal informazzjoni dwar il-korpi maħtura biex jissorveljaw il-proċessi ta’ invekjament tax-xorb spirituż u fl-Anness II għal informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-iżgurar tal-konformità mar-Regolament (UE) 2019/787.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-25 ta’ Mejju 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 130, 17.5.2019, p. 1.


ANNESS I

Il-formola għan-notifika msemmija fl-Artikolu 1(1)

L-Istat Membru:

Id-data tan-notifika:

Jekk jogħġbok imla l-Parti A jekk jinħatar korp wieħed biex jissorvelja l-proċessi ta’ invekkjament ta’ xorb spirituż jew il-Parti B jekk jinħatru diversi korpi biex jissorveljaw dawk il-proċessi. Fil-każ tal-aħħar, jekk jogħġbok imla wkoll il-Parti C.

PARTI A

KORP MAĦTUR BIEX JISSORVELJA L-PROĊEDURI TA’ INVEKKJAMENT GĦAX-XORB SPIRITUŻ

Isem:

Indirizz:

Numru tat-telefown:

Indirizz elettroniku:

PARTI B

LISTA TA’ KORPI MAĦTURA BIEX JISSORVELJAW IL-PROĊEDURI TA’ INVEKKJAMENT GĦAX-XORB SPIRITUŻ

Għal kull korp, jekk jogħġbok indika l-informazzjoni li ġejja:

Isem:

Indirizz:

Numru tat-telefown:

Indirizz elettroniku:

Responsabbiltà speċifika:

PARTI C

KORP TA’ KOLLEGAMENT

Isem:

Indirizz:

Numru tat-telefown:

Indirizz elettroniku:


ANNESS II

Il-formola għan-notifika msemmija fl-Artikolu 1(2)

L-Istat Membru:

Id-data tan-notifika:

Jekk jogħġbok imla l-Parti A jekk tinħatar awtorità kompetenti waħda biex tiżgura l-konformità mar-Regolament (UE) 2019/787 jew il-Parti B jekk jinħatru diversi awtoritajiet kompetenti. Fil-każ tal-aħħar, jekk jogħġbok imla wkoll il-Parti C.

PARTI A

L-AWTORITÀ KOMPETENTI RESPONSABBLI BIEX TIŻGURA L-KONFORMITÀ MAR-REGOLAMENT (UE) 2019/787

Isem:

Indirizz:

Numru tat-telefown:

Indirizz elettroniku:

PARTI B

LISTA TAL-AWTORITAJIET KOMPETENTI RESPONSABBLI BIEX JIŻGURAW IL-KONFORMITÀ MAR-REGOLAMENT (UE) 2019/787

Għal kull awtorità kompetenti, jekk jogħġbok indika l-informazzjoni li ġejja:

Isem:

Indirizz:

Numru tat-telefown:

Indirizz elettroniku:

Responsabbiltà speċifika:

PARTI C

KORP TA’ KOLLEGAMENT

Isem:

Indirizz:

Numru tat-telefown:

Indirizz elettroniku:


5.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 155/8


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/725

tal-4 ta’ Mejju 2021

li jidderoga fir-rigward tas-sena 2021 mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, (UE) Nru 180/2014, (UE) Nru 181/2014, (UE) 2017/892, (UE) 2016/1150, (UE) 2018/274, (UE) Nru 615/2014 u (UE) 2015/1368 fir-rigward ta’ ċerti verifiki amministrattivi u fuq il-post, applikabbli fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 62(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 8 u l-Artikolu 18(1), it-tieni subparagrafu tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-baħar Eġew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 7, l-Artikolu 11(3) u l-Artikolu 14(1), it-tieni subparagrafu tiegħu,

Billi:

(1)

Minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet estensivi ta’ moviment stabbiliti fl-Istati Membri, l-Istati Membri kollha kellhom diffikultajiet amministrattivi eċċezzjonali fir-rigward tal-ippjanar u tal-eżekuzzjoni tal-verifiki f’waqthom fuq il-post skont l-għadd rikjest. Dawk id-diffikultajiet jirriskjaw li jitfgħu it-twettiq tal-verifiki lura u allura anki l-pagament tal-għajnuna sussegwenti. Fl-istess ħin, il-bdiewa huma vulnerabbli għat-turbulenzi fl-ekonomija li kkawżat il-pandemija u qegħdin iġarrbu diffikultajiet finanzjarji u problemi ta’ fluss tal-flus.

(2)

Fid-dawl tan-natura bla preċedent ta’ dawk iċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/532 (4) sabiex dawk id-diffikultajiet jittaffew billi tingħata deroga minn Regolamenti ta’ Implimentazzjoni differenti applikabbli fil-qasam tal-Politika Agrikola Komuni fir-rigward ta’ ċerti verifiki amministrattivi u fuq il-post f’termini taż-żmien u l-għadd tagħhom. Meta titqies l-estensjoni tad-diffikultajiet minħabba l-kontinwazzjoni tal-pandemija tal-COVID-19 fl-2021, ikun xieraq li jiġu previsti wkoll miżuri simili fis-sena 2021.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 (5) jistabbilixxi regoli dwar, inter alia, iż-żmien tal-verifiki fuq il-post, ir-rati ta’ kontroll ta’ ċerti verifiki fuq il-post fis-sistema integrata, inkluż għall-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali, u ż-żieda fir-rata ta’ kontroll fir-rigward ta’ ċerti skemi. Barra minn hekk, dak ir-Regolament jinkludi regoli dwar il-verifiki fuq il-post relatati mal-kriterji ta’ eliġibbiltà, mal-impenji u ma’ obbligi oħra fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-bhejjem u t-talbiet għall-pagament skont il-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali, tar-rati ta’ kontroll għall-miżuri tal-iżvilupp rurali mhux relatati maż-żona u mhux relatati mal-annimali, u tar-rati ta’ kontroll minimi relatati mal-kundizzjonalità.

(4)

L-Artikoli 24(4), 48(5), 49(1), 52(1), 60(2) u 71(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 jistabbilixxu ċerti regoli li l-awtorità kompetenti trid tosserva biex twettaq verifiki amministrattivi jew fuq il-post. Fid-dawl taċ-ċirkostanzi kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, huwa xieraq li jitħeġġeġ it-twettiq ta’ dawn il-verifiki bit-telerilevament u bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda bħal pereżempju s-sistemi tal-ajru mingħajr bdot abbord, ritratti ġeottaggjati, ir-riċevituri tas-sistema globali ta’ navigazzjoni bis-satellita (GNSS) ikkombinati mas-Sistema Ewropea ta’ Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS) u ma’ Galileo, id-data miġbura mis-satelliti ta’ Copernicus Sentinels u evidenza dokumentata rilevanti oħra li trid tintuża biex tiġi vverifikata l-konformità mal-kriterji ta’ eliġibbiltà, mal-impenji jew ma’ obbligi oħra għall-iskema ta’ għajnuna jew il-miżura ta’ appoġġ ikkonċernata kif ukoll il-konformità mar-rekwiżiti u mal-istandards rilevanti għall-kundizzjonalità.

(5)

L-Artikoli 26(4) u 42(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 jinkludu regoli dwar il-verifiki fuq il-post biex ikun żgurat li l-kriterji kollha ta’ eliġibbiltà, l-impenji u obbligi oħra jkunu ssodisfati u jkopru l-annimali kollha li għalihom ikunu tressqu l-applikazzjonijiet għall-għajnuna u t-talbiet għall-pagament skont l-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali, jew skont il-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali li għandhom jiġu ċċekkjati. Fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali, huwa xieraq li jkun previst li meta l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu dawk il-verifiki fuq il-post kif jeżiġu dawk id-dispożizzjonijiet, u l-evidenza alternattiva ma tkunx disponibbli, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jwettqu dawk il-verifiki fir-rigward tas-sena tat-talba 2021 jew tas-sena kalendarja 2021 fi kwalunkwe żmien tas-sena, diment li dawn xorta jkunu jippermettu l-verifika tal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà.

(6)

Bosta obbligi skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-kundizzjonalità u tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) b’rabta mal-iskemi ta’ għajnuna relatati mal-annimali u mal-miżuri ta’ appoġġ jiddependu fuq perjodi taż-żmien speċifiċi u differenzjati biex jiġu ssodisfati, u għalhekk jeħtieġu li l-verifiki fuq il-post isiru f’dawk l-oqfsa. Il-miżuri tal-Istati Membri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jaffettwaw il-fattibbiltà li l-verifiki fuq il-post meħtieġa jitwettqu b’mod preċiż u fil-limitu taż-żmien li jikkorrispondi ma’ dawk l-obbligi. Xi tipi ta’ verifiki jista’ lanqas ikun possibbli li jitwettqu bl-użu tat-teknoloġiji ġodda, li jissostitwixxu ż-żjarat fuq il-farm. Jeħtieġ għalhekk li fir-rigward ta’ ċerti verifiki li għandhom jitwettqu fl-2021, issir deroga mill-Artikoli 30 sa 33, 40a, 50, 52 u l-Artikolu 68(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 u li titnaqqas ir-rata minima tal-verifiki fuq il-post meta mqabbla mar-rati normali ta’ kontroll għall-iskemi ta’ għajnuna relatati maż-żona u mal-annimali u mal-miżuri ta’ żvilupp rurali minbarra dawk taħt is-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-obbligi ta’ kundizzjonalità, rispettivament. Sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza massima tal-possibbiltà li tiġi limitata l-popolazzjoni ta’ kontroll, huwa xieraq ukoll li ssir deroga mill-Artikolu 35 u l-Artikoli 50(5) u 68(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 u li l-Istati Membri jitħallew jipposponu ż-żieda fir-rati ta’ kontroll li jeżiġu dawk id-dispożizzjonijiet, inkluż ir-rati ta’ kontroll li jirriżultaw mid-derogi previsti fl-Artikolu 4(4), fl-Artikolu 7, it-tieni paragrafu, u fl-Artikolu 9, it-tieni paragrafu tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/532.

(7)

Jenħtieġ li d-derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 previsti f’dan ir-Regolament jippermettu lill-Istati Membri jevitaw dewmien fil-miżuri ta’ kontroll u fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna, u b’hekk jiġi evitat id-dewmien fil-pagamenti lill-benefiċjarji għas-sena 2021. Madankollu, huwa essenzjali li dawn id-derogi ma jfixklux il-ġestjoni finanzjarja tajba u r-rekwiżit ta’ livell suffiċjenti ta’ assigurazzjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri li jagħmlu użu minn dawk id-derogi għandhom ir-responsabbiltà li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu evitati pagamenti żejda u li jkun instigat l-irkupru ta’ ammonti mhux dovuti. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-użu ta’ dawn id-derogi jkun kopert mid-dikjarazzjoni tal-ġestjoni msemmija fl-Artikolu 7(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għas-snin finanzjarji 2021 u 2022.

(8)

Ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 180/2014 (7) u (UE) Nru 181/2014 (8) jipprevedu r-rati ta’ kontroll għall-verifiki ta’ miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u fil-gżejjer minuri tal-Eġew. Minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 li jaffettwaw ukoll ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u l-gżejjer minuri tal-Eġew, huwa xieraq li jingħataw derogi minn dawk ir-Regolamenti billi tiġi estiża l-possibbiltà li jintużaw teknoloġiji ġodda bħala sorsi alternattivi ta’ evidenza fir-rigward tal-verifiki u tal-adattament tar-rati ta’ kontroll tal-verifiki fuq il-post għas-sena 2021.

(9)

L-Artikolu 24 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/892 (9) jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiċċekkjaw, inkluż fuq il-post, il-kriterji tar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew tal-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex. Minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li l-verifiki fuq il-post rigward il-kriterji tar-rikonoxximent ma jkunux japplikaw fis-sena 2021.

(10)

L-Artikolu 27(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892 jistabbilixxi l-kampjun għall-kontrolli annwali fuq il-post ta’ mill-inqas 30 % tal-għajnuna totali li ssir applikazzjoni għaliha u jipprevedi li kull organizzazzjoni tal-produtturi jew assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex li timplimenta programm operazzjonali għandha ssirilha mill-inqas żjara waħda kull 3 snin. L-Artikolu 27(7) ta’ dak ir-Regolament jipprevedi wkoll li l-azzjonijiet implimentati fuq azjendi individwali ta’ membri ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi koperti mill-kampjun imsemmi fl-Artikolu 27(2) ta’ dak ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għal mill-inqas żjara waħda biex tiġi vverifikata l-eżekuzzjoni tagħhom. Minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri jaf ma jkunux jistgħu jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti u għalhekk jenħtieġ li jitħallew iwettqu perċentwal iżgħar minn dawk il-verifiki fis-sena 2021 mingħajr ma jkunu soġġetti għar-rekwiżiti fuq il-frekwenza taż-żjarat fl-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-sena 2021.

(11)

L-Artikolu 29(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892 jipprevedi li l-verifiki tal-ewwel livell fuq l-operazzjonijiet tal-irtirar għandhom ikopru 100 % tal-kwantità tal-prodotti irtirati mis-suq, minbarra l-prodotti maħsuba għad-distribuzzjoni libera, li għalihom, skont l-Artikolu 29(3) ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jivverifikaw perċentwal iżgħar, iżda mhux inqas minn 10 % tal-kwantitajiet ikkonċernati matul is-sena tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ organizzazzjoni partikolari tal-produtturi. Minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri jaf ma jkunux jistgħu jissodisfaw dan ir-rekwiżit, u jenħtieġ li fis-sena 2021 jitħallew iwettqu perċentwal iżgħar tal-verifiki, iżda mhux inqas minn 10 % tal-kwantitajiet ikkonċernati matul is-sena tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ organizzazzjoni partikolari tal-produtturi anki għal kull prodott irtirat ieħor, irrispettivament mid-destinazzjoni maħsuba tagħhom.

(12)

L-Artikolu 30(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892 jipprevedi li kull verifika għandha tinkludi kampjun li jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-kwantitajiet irtirati mill-organizzazzjoni tal-produtturi matul is-sena tal-kummerċjalizzazzjoni. Minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri jaf ma jkunux jistgħu jissodisfaw dan ir-rekwiżit, u jenħtieġ li fis-sena 2021 jitħallew jużaw kampjuni li jirrappreżentaw mill-inqas 3 % tal-kwantitajiet irtirati mill-organizzazzjoni tal-produtturi matul is-sena tal-kummerċjalizzazzjoni 2020.

(13)

Minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, se jibqa’ materjalment impossibbli għall-Istati Membri li jwettqu fl-2021 verifiki fuq il-post sistematiċi u bbażati fuq kampjuni għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna annwali, l-ewwel u t-tieni livell ta’ verifiki fuq l-operazzjonijiet ta’ rtirar u l-verifiki fuq il-ħsad bikri u n-nuqqas ta’ ħsad kif stabbilit fl-Artikoli 27(7), 29(2), 30(3) u 31(1) u (2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892 rispettivament. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jiddefinixxu l-verifiki li huma ekwivalenti għall-verifiki fuq il-post sistematiċi bħal ritratti ġeottaggjati, ritratti datati, rapporti datati ta’ sorveljanza bid-droni, verifiki amministrattivi jew vidjokonferenzi mal-benefiċjarji.

(14)

Minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, kien u se jkun materjalment impossibbli għall-Istati Membri biex fl-2020 u fl-2021 rispettivament, iwettqu verifiki fuq il-post sistematiċi u bbażati fuq kampjuni għall-operazzjonijiet appoġġati skont l-Artikoli 45 sa 52 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Għaldaqstant, ġiet introdotta deroga mill-Artikoli 32(1) u 42(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 (11) għas-sena finanzjarja 2020 u jenħtieġ li din tinżamm fir-rigward tas-sena finanzjarja 2021 biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddefinixxu kontrolli li huma ekwivalenti għall-verifiki fuq il-post sistematiċi, bħal ritratti datati, rapporti datati tas-sorveljanza bid-droni, verifiki amministrattivi jew vidjokonferenzi mal-benefiċjarji, u jiggarantixxu li r-regoli tal-leġiżlazzjoni relatata mal-programmi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid ikunu rispettati qabel isiru l-pagamenti.

(15)

Se jkun ukoll materjalment impossibbli għall-Istati Membri li jwettqu fir-rigward tas-sena finanzjarja 2021, u sal-iskadenzi stabbiliti mill-Artikolu 43(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, il-verifiki fuq il-post sistematiċi għall-operazzjonijiet ta’ ħsad bikri appoġġati skont l-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi introdotta deroga biex tiġi posposta t-tlestija tal-verifiki sal-15 ta’ Settembru 2021.

(16)

L-Artikolu 27(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/274 (12) jistabbilixxi l-għadd ta’ kampjuni tal-għeneb frisk li jridu jittieħdu mill-vinji matul il-perjodu meta r-roqgħa inkwistjoni tiġi maħsuda għall-istabbiliment tal-bank tad-data analitiku tad-data isotopika msemmi fl-Artikolu 39 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/273 (13). F’każijiet fejn il-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jipprevjenu lill-Istati Membri milli jwettqu dawn il-verifiki, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jidderogaw mill-għadd minimu ta’ kampjuni.

(17)

L-Artikolu 31(2), il-punt (b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/274 jipprevedi li l-Istati Membri jridu jwettqu kontrolli annwali fuq il-post f’mill-inqas 5 % tal-vitikulturi kollha identifikati fir-reġistru tal-vinji. Minħabba li l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jipprevjenu t-twettiq ta’ dawn il-verifiki f’diversi Stati Membri li jipproduċu l-inbid għal perjodu twil taż-żmien, dan il-perċentwal jenħtieġ li jitnaqqas għas-sena 2021. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jissospendu temporanjament fis-sena 2021 il-kontrolli fuq il-post sistematiċi msemmija fl-Artikolu 31(2), il-punt (c), ta’ dak ir-Regolament li jridu jitwettqu fiż-żoni mħawlin bi dwieli li mhuma inklużi fl-ebda fajl tal-vitikultur.

(18)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 615/2014 (14) fir-rigward tal-programmi ta’ ħidma għall-appoġġ lis-setturi taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda jinkludi regoli dwar il-kontrolli fuq il-post biex jiġi vverifikat li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ finanzjament tal-Unjoni huma ssodisfati. Il-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jistgħu jwasslu għal diffikultajiet fit-twettiq ta’ dawk il-kontrolli kif jeżiġi l-Artikolu 6 ta’ dak ir-Regolament. Huwa għalhekk xieraq li tingħata flessibbiltà lill-Istati Membri billi tiġi permessa s-sostituzzjoni ta’ verifiki fuq il-post fis-sena kalendarja 2021 b’verifiki alternattivi.

(19)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1368 (15) fir-rigward tal-għajnuna lis-settur tal-apikultura jinkludi regoli dwar il-monitoraġġ u l-verifiki fir-rigward tal-implimentazzjoni korretta tal-programmi nazzjonali tal-apikultura, tan-nefqa reali mġarrba u tal-għadd korrett ta’ duqqajs irrapportat minn dawk li jrabbu n-naħal. Skont l-Artikolu 8(3) ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li mill-inqas 5 % tal-applikanti għall-għajnuna fil-qafas tal-programmi tagħhom tal-apikultura jkunu soġġetti għall-verifiki fuq il-post. Il-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jistgħu jwasslu għal diffikultajiet fit-twettiq tal-għadd ta’ verifiki fuq il-post meħtieġa biex jissodisfaw dak il-livell limitu. Għalhekk, huwa xieraq li tingħata flessibbiltà lill-Istati Membri billi tiġi permessa deroga minn dak ir-rekwiżit. Madankollu jenħtieġ li din id-deroga ma twassalx biex jiżdied ir-riskju għal pagamenti mhux dovuti. Għalhekk, kull tnaqqis fl-għadd ta’ verifiki fuq il-post jenħtieġ li jiġi sostitwit kemm jista’ jkun b’kontrolli alternattivi.

(20)

Minħabba li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma meħtieġa biex l-Istati Membri jorganizzaw kampanji ta’ kontroll filwaqt li jirrispettaw il-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u japplika b’mod retroattiv biex ikopri t-tul kollu tal-kampanji ta’ kontroll rispettivi: jenħtieġ li l-miżuri fil-Kapitoli I u II u l-Kapitolu III, it-Taqsimiet 3 u 4, japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021, li jikkorrispondu mas-sena tat-talba fis-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll jew mas-sena kalendarja għall-miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali li mhumiex relatati maż-żona u mal-annimali u l-miżuri fis-settur tal-inbid; jenħtieġ li l-miżuri fil-Kapitolu III, it-Taqsimiet 1 u 2, japplikaw mis-16 ta’ Ottubru 2020, li jikkorrispondu mas-sena finanzjarja u jenħtieġ li l-miżuri fil-Kapitolu III, it-Taqsima 5, japplikaw mill-1 ta’ Awwissu 2020, li jikkorrispondu mas-sena tal-apikultura.

(21)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli, il-Kumitat għall-Pagamenti Diretti, il-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali u l-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DEROGI MIR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI (UE) NRU 809/2014

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikoli 24(4), 48(5), 49(1), 52(1), l-Artikolu 60(2), it-tielet subparagrafu, u l-Artikolu 71(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, għall-verifiki li jridu jitwettqu fir-rigward tas-sena tat-talba 2021 jew fis-sena kalendarja 2021 rispettivament, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jissostitwixxu għalkollox l-ispezzjonijiet fiżiċi li jridu jitwettqu skont dak ir-Regolament, b’mod partikolari ż-żjarat fuq il-post u l-verifiki fuq il-post, bl-użu ta’ fotointerpretazzjoni ta’ ortoimmaġnijiet bis-satellita jew mill-ajru jew bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda bħal ritratti ġeottaggjati jew ta’ evidenza rilevanti oħra inkluż evidenza provduta mill-benefiċjarju fuq talba tal-awtorità kompetenti, li tkun tippermetti li jinsiltu minnha, konklużjonijiet definittivi għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti.

Jekk iż-żjarat fil-post tal-operazzjoni appoġġat jew fis-sit tal-investiment imsemmi fl-Artikolu 48(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 ma jkunux jistgħu jiġu sostitwiti b’evidenza dokumentata rilevanti, l-Istati Membri għandhom iwettqu dawk iż-żjarat wara li jsir il-pagament finali.

Artikolu 2

B’deroga mill-Artikoli 26(4) u 42(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, meta minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu l-verifiki fuq il-post fil-limitu ta’ żmien stabbilit minn dawk id-dispożizzjonijiet, u l-użu ta’ metodi alternattivi inkluż l-użu ta’ teknoloġiji ġodda ma jkunux jistgħu jipprovdu l-evidenza meħtieġa, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jwettqu dawk il-verifiki fir-rigward tas-sena tat-talba 2021 jew tas-sena kalendarja 2021 rispettivament fi kwalunkwe żmien tas-sena, diment li dawn xorta jippermettu l-verifika tal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà.

Artikolu 3

1.   Meta minħabba l-miżuri implimentati biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu l-verifiki fuq il-post fis-sena tat-talba 2021 jew fis-sena kalendarja 2021 rispettivament, f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 30 sa 33, 35, l-Artikolu 40a(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), l-Artikolu 40a(2), il-punt (b), l-Artikolu 50(1), l-ewwel subparagrafu, l-Artikolu 50(5), l-Artikolu 52(2), l-Artikolu 60(2), it-tielet subparagrafu, l-Artikolu 68(1), l-ewwel subparagrafu, u l-Artikolu 68(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw ir-regoli stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 13 rispettivament ta’ dan l-Artikolu.

2.   B’deroga mill-Artikolu 30 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, fis-sena tat-talba 2021, ir-rata ta’ kontroll għandha tkun mill-inqas:

(a)

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-iskema tal-pagament bażiku jew għall-iskema tal-pagament uniku skont l-erja;

(b)

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagament ridistributtiv;

(c)

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagament għal żoni b’restrizzjonijiet naturali;

(d)

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagament għal bdiewa żgħażagħ;

(e)

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagamenti relatati maż-żona fil-kuntest tal-appoġġ akkoppjat volontarju;

(f)

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagament skont l-iskema għall-bdiewa żgħar;

(g)

10 % taż-żoni ddikjarati għall-produzzjoni tal-qanneb;

(h)

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagament speċifiku għall-uċuħ tar-raba’ għall-qoton.

L-Istati Membri li, f’konformità mal-Artikolu 36 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, diġà ddeċidew li jnaqqsu r-rati ta’ kontroll ta’ ċerti skemi għal 3 %, jistgħu jnaqqsu aktar il-perċentwali stabbiliti għal dawk l-iskemi f’dan il-paragrafu għal 1 %.

3.   B’deroga mill-Artikolu 31 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 fis-sena tat-talba 2021, ir-rata ta’ kontroll għandha tkun mill-inqas:

(a)

3 % tal-benefiċjarji kollha li jeħtieġ li jħarsu l-prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent;

(b)

1 % ta’:

(i)

jew tal-benefiċjarji kollha li jikkwalifikaw għall-pagament ta’ ekoloġizzazzjoni li huma eżentati kemm mill-obbligu tad-diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba’ u kemm mill-obbligu taż-żona ta’ interess ekoloġiku peress li ma jilħqux il-limiti msemmija fl-Artikoli 44 u 46 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u li ma jikkonċernawhomx l-obbligi msemmijin fl-Artikolu 45 ta’ dak ir-Regolament;

(ii)

jew, fis-snin li fihom l-Artikolu 44 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 (16) ma japplikax fi Stat Membru, tal-benefiċjarji li jikkwalifikaw għall-pagament ta’ ekoloġizzazzjoni li huma eżentati kemm mill-obbligu tad-diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba’ u kemm mill-obbligu taż-żona ta’ interess ekoloġiku peress li ma jilħqux il-limiti msemmija fl-Artikoli 44 u 46 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u li ma jikkonċernawhomx l-obbligi msemmija fl-Artikolu 45(1) ta’ dak ir-Regolament;

(c)

3 % tal-benefiċjarji kollha li jeħtieġ li jħarsu l-prattiki ta’ ekoloġizzazzjoni u li jużaw l-iskemi nazzjonali jew reġjonali ta’ ċertifikazzjoni ambjentali kif imsemmi fl-Artikolu 43(3), il-punt (b) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

Fl-istess ħin, ir-rata ta’ kontroll imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a) għandha tkopri mill-inqas 3 % tal-benefiċjarji kollha li għandhom żoni koperti minn bur permanenti li huma ambjentalment sensittivi fiż-żoni koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (17) jew mid-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) u żoni sensittivi oħrajn imsemmija fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

4.   B’deroga mill-Artikolu 32 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 fis-sena tat-talba 2021, ir-rata ta’ kontroll għandha tkun mill-inqas:

(a)

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-miżuri tal-iżvilupp rurali;

(b)

3 % tal-entitajiet kollettivi kollha li jressqu talba kollettiva.

Ir-rata ta’ kontroll imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a), għall-miżuri previsti fl-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), ir-rata ta’ kontroll ta’ 3 % għandha tinkiseb fil-livell tal-miżura individwali.

5.   B’deroga mill-Artikolu 33 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 fis-sena tat-talba 2021, ir-rata ta’ kontroll għandha tkun mill-inqas 3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali, li jkopru mill-inqas 3 % tal-annimali.

6.   B’deroga mill-Artikolu 35 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, l-Istati Membri j jistgħu jiddeċiedu li jipposponu ż-żieda fir-rata ta’ kontroll li kellha tiġi applikata fis-sena tat-talba 2021 għall-iskemi ta’ għajnuna u l-miżuri ta’ appoġġ imsemmija fil-paragrafu 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu u jissostitwixxuha b’żieda korrispondenti fir-rigward tas-sena tat-talba 2022.

7.   B’deroga mill-Artikolu 40a(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), l-ewwel sentenza, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, il-verifiki rilevanti relatati mal-kriterji tal-eliġibbiltà, l-impenji u obbligi oħra għandhom jitwettqu għal mill-inqas 3 % tal-benefiċjarji kkonċernati.

8.   B’deroga mill-Artikolu 40a(2), il-punt (b), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, il-verifiki tal-kontenut ta’ tetraidrokannabinol fil-qanneb għandhom isiru għal mill-inqas 10 % taż-żona.

9.   B’deroga mill-Artikolu 50(1), l-ewwel subparagrafu u l-Artikolu 60(2), it-tielet subparagrafu tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, fis-sena kalendarja 2021, ir-rata ta’ verifiki għandha tkun mill-inqas 3 %.

10.   B’deroga mill-Artikolu 50(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jipposponu ż-żieda fir-rata ta’ kontroll li kellha tiġi applikata fis-sena kalendarja 2021 u jissostitwixxuha b’żieda korrispondenti fir-rigward tas-sena kalendarja 2022.

11.   B’deroga mill-Artikolu 52(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, ir-rata ta’ kontroll, fis-sena kalendarja 2021, għall-verifiki ex-post għandha tkun mill-inqas 0,6 %.

12.   B’deroga mill-Artikolu 68(1), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 ir-rata minima ta’ kontroll fis-sena tat-talba 2021, għall-kundizzjonalità għandha tkun 0,5 %.

13.   B’deroga mill-Artikolu 68(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jipposponu ż-żieda fir-rati ta’ kontroll li kellha tiġi applikata fis-sena tat-talba 2021 u jissostitwixxuha b’żieda korrispondenti fir-rigward tas-sena tat-talba 2022.

Artikolu 4

Għall-Istati Membri li japplikaw l-Artikoli 1, 2 u 3, id-dikjarazzjoni tal-ġestjoni li trid titfassal skont l-Artikolu 7(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandha tinkludi għas-snin finanzjarji 2021 u 2022 konferma li kienu evitati pagamenti żejda lill-benefiċjarji u li kien instigat l-irkupru ta’ ammonti mhux dovuti abbażi tal-verifika tal-informazzjoni kollha meħtieġa.

KAPITOLU II

DEROGI MILL-MIŻURI SPEĊIFIĊI FAVUR IR-REĠJUNI ULTRAPERIFIĊI TAL-UNJONI U L-GŻEJJER MINURI TAL-EĠEW

TAQSIMA 1

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014

Artikolu 5

1.   B’deroga mill-Artikolu 16(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014, meta minħabba l-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu l-verifiki fiżiċi fir-reġjuni ultraperiferiċi f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni, fis-sena 2021 l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jorganizzaw verifiki fiżiċi f’konformità mar-regoli stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Il-verifiki fiżiċi li jsiru fir-reġjun ultraperiferiku kkonċernat fuq l-importazzjoni, id-dħul, l-esportazzjoni u l-konsenja ta’ prodotti agrikoli għandhom jinvolvu kampjun rappreżentattiv li jammonta għal mill-inqas 3 % tal-liċenzji u taċ-ċertifikati ppreżentati f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014.

3.   B’deroga mill-Artikolu 22 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014, meta minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu l-verifiki fuq il-post fir-reġjuni ultraperiferiċi f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dak l-Artikolu, fis-sena 2021 l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jorganizzaw verifiki fuq il-post f’konformità mar-regoli stabbiliti fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Abbażi tal-analiżi tar-riskju mwettqa f’konformità mal-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu verifiki fuq il-post permezz tat-teħid ta’ kampjuni ta’ mill-inqas 3 % tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna. Il-kampjun għandu jirrappreżenta wkoll mill-inqas 3 % tal-ammonti koperti mill-għajnuna għal kull azzjoni.

5.   B’deroga mill-Artikolu 16(2) u mill-Artikolu 22 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014, meta minħabba l-miżuri stabbiliti biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu l-verifiki fuq il-post fir-rigward tal-miżuri speċifiċi favur ir-reġjuni ultraperiferiċi f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dawk id-dispożizzjonijiet għas-sena 2021, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu:

(a)

li jissostitwixxu l-verifiki fuq il-post bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda, inkluż ritratti ġeottaggjati, ritratti datati, rapporti datati ta’ sorveljanza bid-droni, vidjokonferenzi mal-benefiċjarji jew bi kwalunkwe evidenza dokumentata rilevanti li tista’ sservi bħala appoġġ meta tiġi vverifikata l-implimentazzjoni korretta tal-miżuri;

(b)

li jwettqu dawk il-verifiki fi kwalunkwe żmien tas-sena, diment li xorta jippermettu l-verifika tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà, inkluż wara li jsir il-pagament finali.

6.   B’deroga mill-Artikolu 59(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1306/2013, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jipposponu ż-żieda fir-rata ta’ kontroll li kellha tiġi applikata fis-sena tat-talba 2021 għall-iskemi ta’ għajnuna u l-miżuri ta’ appoġġ imsemmija fil-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu u jissostitwixxuha b’żieda korrispondenti fir-rigward tas-sena tat-talba 2022.

TAQSIMA 2

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 181/2014

Artikolu 6

1.   B’deroga mill-Artikolu 13(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 181/2014, meta minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, il-Greċja ma tkunx f’pożizzjoni li twettaq verifiki fiżiċi f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni, fis-sena 2021 il-Greċja tista’ tiddeċiedi li torganizza verifiki fiżiċi f’konformità mar-regoli stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Il-verifiki fiżiċi mwettqa fil-gżejjer minuri tal-Eġew mad-dħul ta’ prodotti agrikoli għandhom jinvolvu kampjun rappreżentattiv li jammonta mill-inqas għal 3 % taċ-ċertifikati mressqa f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 181/2014. Il-verifiki fiżiċi mwettqa fil-gżejjer minuri tal-Eġew fuq l-esportazzjoni jew il-konsenja previsti fit-Taqsima 3 ta’ dak ir-Regolament għandhom jinvolvu kampjun rappreżentattiv ta’ mill-inqas 3 % tal-operazzjonijiet, abbażi tal-profili tar-riskju stabbiliti mill-Greċja.

3.   B’deroga mill-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 181/2014, meta minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, il-Greċja ma tkunx f’pożizzjoni li twettaq verifiki fuq il-post f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dak l-Artikolu, fis-sena 2021 il-Greċja tista’ tiddeċiedi li torganizza verifiki fuq il-post f’konformità mar-regoli stabbiliti fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Abbażi ta’ analiżi tar-riskju f’konformità mal-Artikolu 22(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 181/2014, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu verifiki fuq il-post permezz tat-teħid ta’ kampjuni, għal kull azzjoni, ta’ mill-inqas 3 % tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna. Il-kampjun għandu jirrappreżenta wkoll mill-inqas 3 % tal-ammonti koperti mill-għajnuna għal kull azzjoni.

5.   B’deroga mill-Artikolu 13(2) u mill-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 181/2014, meta minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, il-Greċja ma tkunx f’pożizzjoni li twettaq verifiki fuq il-post fir-rigward tal-miżuri speċifiċi favur il-gżejjer minuri tal-Eġew f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dawk id-dispożizzjonijiet għas-sena 2021, il-Greċja tista’ tiddeċiedi:

(a)

li tissostitwixxi l-verifiki fuq il-post bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda, inkluż ritratti ġeottaggjati, ritratti datati, rapporti datati ta’ sorveljanza bid-droni, vidjokonferenzi mal-benefiċjarji jew bi kwalunkwe evidenza dokumentata rilevanti li tista’ sservi bħala appoġġ meta tiġi vverifikata l-implimentazzjoni korretta tal-miżuri;

(b)

li twettaq dawk il-verifiki fi kwalunkwe żmien tas-sena, diment li xorta jippermettu l-verifika tal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà, inkluż wara li jsir il-pagament finali.

6.   B’deroga mill-Artikolu 59(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-Greċja tista’ tiddeċiedi li tipposponi ż-żieda fir-rata ta’ kontroll li kellha tiġi applikata fis-sena tat-talba 2021 għall-iskemi ta’ għajnuna u l-miżuri ta’ appoġġ imsemmija fil-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu u jissostitwixxuha b’żieda korrispondenti fir-rigward tas-sena tat-talba 2022.

KAPITOLU III

DEROGI MIR-REGOLI LI JIMPLIMENTAW L-ORGANIZZAZZJONI KOMUNI TAS-SWIEQ

TAQSIMA 1

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892

Artikolu 7

1.   B’deroga mill-Artikolu 24 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, il-verifiki fuq il-post rigward il-kriterji ta’ rikonoxximent ma għandhomx japplikaw għas-sena 2021.

2.   B’deroga mill-Artikolu 27(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892:

(a)

fis-sena 2021, il-verifiki fuq il-post imsemmija fl-Artikolu 27 ta’ dak ir-Regolament għandhom ikunu relatati ma’ kampjun li jirrappreżenta mill-inqas 10 % tal-għajnuna totali li tkun saret applikazzjoni għaliha fis-sena 2020;

(b)

ir-regola li kull organizzazzjoni tal-produtturi jew assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi li timplimenta programm operazzjonali għandha ssirilha żjara mill-inqas darba kull 3 snin ma għandhiex tapplika għall-verifiki fuq il-post imwettqa fis-sena 2021.

3.   B’deroga mill-Artikolu 27(7) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, ir-regola li l-azzjonijiet fuq azjendi individwali ta’ membri ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi koperti mill-kampjun imsemmi fl-Artikolu 27(2) ta’ dak ir-Regolament għandha ssirilhom mill-inqas żjara waħda fil-post li fih l-azzjoni ġiet implimentata biex jiġi vverifikat it-twettiq tagħhom ma għandhiex tapplika għall-verifiki fuq il-post imwettqa fis-sena 2021. Dawn iż-żjarat jistgħu jiġu sostitwiti minn tipi oħra ta’ verifiki li jridu jiġu definiti mill-Istati Membri, bħal ritratti ġeottaggjati, ritratti datati, rapporti datati ta’ sorveljanza tad-droni, verifiki amministrattivi jew vidjokonferenzi mal-benefiċjarji.

4.   B’deroga mill-Artikolu 29(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, fis-sena 2021 l-Istati Membri jistgħu jivverifikaw perċentwal iżgħar mill-prodotti kollha li jkunu ġew irtirati, irrispettivament mid-destinazzjoni maħsuba tagħhom, minn dak il-perċentwal stabbilit f’dik id-dispożizzjoni, diment li dan ma jkunx inqas minn 10 % tal-kwantitajiet ikkonċernati matul is-sena tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ xi organizzazzjoni partikolari tal-produtturi. Il-verifika tista’ sseħħ fil-bini tal-organizzazzjoni tal-produtturi jew fis-siti tal-benefiċjarji tal-prodotti. Jekk il-verifiki jiżvelaw xi irregolaritajiet, l-Istati Membri għandhom iwettqu verifiki addizzjonali. Dawn il-verifiki jistgħu jiġu sostitwiti minn tipi oħra ta’ verifiki li jridu jiġu definiti mill-Istati Membri, bħal ritratti ġeottaggjati, ritratti datati, rapporti datati ta’ sorveljanza tad-droni, verifiki amministrattivi jew vidjokonferenzi mal-benefiċjarji.

5.   B’deroga mill-Artikolu 30(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, fis-sena 2021 kull verifika għandha tinkludi kampjun li jirrappreżenta mill-inqas 3 % tal-kwantitajiet irtirati mill-organizzazzjoni tal-produtturi matul is-sena tal-kummerċjalizzazzjoni 2020. Dawn il-verifiki jistgħu jiġu sostitwiti minn tipi oħra ta’ verifiki li jridu jiġu definiti mill-Istati Membri, bħal ritratti ġeottaggjati, ritratti datati, rapporti datati ta’ sorveljanza tad-droni, verifiki amministrattivi jew vidjokonferenzi mal-benefiċjarji.

6.   B’deroga mill-Artikolu 31(1) u (2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, fis-sena 2021, il-kontrolli fuq il-post jistgħu jiġu sostitwiti b’tipi oħra ta’ kontrolli li jridu jiġu definiti mill-Istati Membri, bħal ritratti ġeottaggjati, ritratti datati, rapporti datati ta’ sorveljanza tad-droni, verifiki amministrattivi jew vidjokonferenzi mal-benefiċjarji.

TAQSIMA 2

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150

Artikolu 8

1.   B’deroga mill-Artikoli 32(1) u 42(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, matul is-sena finanzjarja 2021, meta l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jipprevjenu lill-Istati Membri milli jwettqu l-verifiki fuq il-post f’konformità ma’ dawk id-dispożizzjonijiet, dawk il-verifiki jistgħu jiġu sostitwiti b’tipi oħra ta’ verifiki li għandhom jiġu definiti mill-Istati Membri, bħal ritratti datati, rapporti datati tas-sorveljanza bid-droni, verifiki amministrattivi jew vidjokonferenzi mal-benefiċjarji, li jiggarantixxu li r-regoli relatati mal-programmi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid huma rispettati.

2.   B’deroga mill-Artikolu 43(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, matul is-sena finanzjarja 2021, meta l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jipprevjenu lill-Istati Membri milli jwettqu verifiki fuq il-post f’konformità ma’ dik id-dispożizzjoni, dawk il-verifiki fuq l-operazzjonijiet tal-ħsad bikri għandhom isiru sal-15 ta’ Settembru 2021.

TAQSIMA 3

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/274

Artikolu 9

1.   B’deroga mill-Artikolu 27(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/274, meta l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jipprevjenu lill-Istati Membri, matul il-perjodu tal-ħsad tal-għeneb fl-2021, milli jiġbru u jipproċessaw l-għeneb frisk sal-livell tal-għadd ta’ kampjuni stabbilit fil-Parti II tal-Anness III ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn dak l-għadd ta’ kampjuni.

2.   B’deroga mill-Artikolu 31(2), il-punt (b), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/274, meta l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jipprevjenu lill-Istati Membri milli jwettqu kontrolli fuq il-post fis-sena 2021 f’konformità ma’ dik id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom iwettqu dawk il-kontrolli lil mill-inqas 3 % tal-vitikulturi kollha identifikati fir-reġistru tal-vinji.

3.   B’deroga mill-Artikolu 31(2), il-punt (c), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/274, l-Istati Membri jistgħu fis-sena 2021 jissospendu temporanjament il-kontrolli fuq il-post b’mod sistematiku li jsiru f’żoni mħawla bid-dwieli li ma jinsabu fl-ebda fajl tal-vitikultur, f’każijiet meta l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jipprevjenu lill-Istati Membri milli jwettqu dawn il-kontrolli.

TAQSIMA 4

Deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014

Artikolu 10

B’deroga mill-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014, meta l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jipprevjenu lill-Istati Membri milli jwettqu fil-ħin il-kontrolli fuq il-post fis-sena kalendarja 2021, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jissostitwixxu parzjalment jew kompletament il-kontrolli fuq il-post bil-kontrolli amministrattivi jew bl-użu ta’ evidenza rilevanti, inkluż ritratti ġeottaggjati, konverżazzjonijiet bil-vidjow jew evidenza oħra f’format elettroniku.

TAQSIMA 5

Deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1368

Artikolu 11

B’deroga mill-Artikolu 8(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1368, matul is-sena tal-apikultura 2021 l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jiddevjaw mil-livell limitu ta’ 5 % fir-rigward tal-verifiki fuq il-post tal-applikanti għall-għajnuna fil-qafas tal-programm tal-apikultura tagħhom, diment li dawn jissostitwixxu l-verifiki fuq il-post ippjanati b’verifiki alternattivi permezz ta’ talba għal ritratti, konverżazzjonijiet bil-vidjo jew b’xi mezz ieħor li jista’ jservi bħala appoġġ meta tkun qed tiġi vverifikata l-implimentazzjoni korretta tal-miżuri inklużi fil-programm tal-apikultura.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 12

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kapitoli I u II u l-Kapitolu III, it-Taqsimiet 3 u 4, għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021.

Il-Kapitolu III, it-Taqsimiet 1 u 2, għandhom japplikaw mis-16 ta’ Ottubru 2020.

Il-Kapitolu III, it-Taqsima 5, għandha tapplika mill-1 ta’ Awwissu 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)   ĠU L 78, 20.3.2013, p. 23.

(3)   ĠU L 78, 20.3.2013, p. 41.

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/532 tas-16 ta’ April 2020 li fir-rigward tas-sena 2020 jidderoga mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, (UE) Nru 180/2014, (UE) Nru 181/2014, (UE) 2017/892, (UE) 2016/1150, (UE) 2018/274, (UE) 2017/39, (UE) 2015/1368 u (UE) 2016/1240 fir-rigward ta’ ċerti verifiki amministrattivi u fuq il-post, applikabbli permezz tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 119, 17.4.2020, p. 3).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 69).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 180/2014 tal-20 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (ĠU L 63, 4.3.2014, p. 13).

(8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 181/2014 tal-20 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew (ĠU L 63, 4.3.2014, p. 53).

(9)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/892 tat-13 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fis-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (ĠU L 138, 25.5.2017, p. 57).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(11)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 tal-15 ta’ April 2016 li jistabbilixxi r-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-każ ta’ programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid (ĠU L 190, 15.7.2016, p. 23).

(12)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/274 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-iskema tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil tad-dwieli, iċ-ċertifikazzjoni, ir-reġistru tad-dħul u l-ħruġ, id-dikjarazzjonijiet obbligatorji u n-notifiki, u tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontrolli rilevanti, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/561 (ĠU L 58, 28.2.2018, p. 60).

(13)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/273 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fejn jidħlu l-iskema tal-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil tad-dwieli, ir-reġistru tal-vinji, id-dokumenti ta’ akkumpanjament u ċ-ċertifikazzjoni, ir-reġistru tad-dħul u l-ħruġ, id-dikjarazzjonijiet obbligatorji, in-notifiki u l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni notifikata, u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli u l-penali rilevanti, li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008, (KE) Nru 606/2009 u (KE) Nru 607/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 436/2009 kif ukoll ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/560 (ĠU L 58, 28.2.2018, p. 1).

(14)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 615/2014 tas-6 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-programmi ta’ ħidma li jappoġġaw lis-setturi taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 95).

(15)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1368 tas-6 ta’ Awwissu 2015 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-għajnuna lis-settur tal-apikultura (ĠU L 211, 8.8.2015, p. 9).

(16)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014, li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-pagamenti diretti lill-bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 181, 20.6.2014, p. 1).

(17)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(18)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

(19)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).


5.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 155/20


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/726

tal-4 ta’ Mejju 2021

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi Adoxophyes orana granulovirus u flutriafol

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (2) tistabbilixxi s-sustanzi attivi approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(2)

Il-perjodu ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva flutriafol ġie estiż mill-31 ta’ Mejju 2021 sal-31 ta’ Mejju 2024 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2018/1266 (3) u kif ukoll sal-31 ta’ Awwissu 2024 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2007 (4). Il-perjodu ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva Adoxophyes orana granulovirus ġie estiż mill-31 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Jannar 2024 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2007.

(3)

L-applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanzi attivi kkonċernati ġew sottomessi f’konformità mal-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (5). Madankollu, għas-sustanzi attivi Adoxophyes orana granulovirus u flutriafol, l-applikanti kkonfermaw li ma għadhomx jappoġġaw l-applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni.

(4)

Fid-dawl tal-għan tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-estensjonijiet tal-perjodi ta’ approvazzjoni għal dawk is-sustanzi attivi, previsti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2007 ma għadhomx ġustifikati. Għalhekk huwa xieraq li jiġi previst li l-approvazzjonijiet tal-Adoxophyes orana granulovirus u tal-flutriafol jiskadu fid-dati li fihom jiskadu mingħajr l-estensjoni.

(5)

Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1266 tal-20 ta’ Settembru 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi 1-dekanol, 6-benżiladenina, sulfat tal-aluminju, ażadiraktin, bupirimat, karbossinu, kletodim, ċiklossidim, dażomet, diklofop, ditijanon, dodina, fenażakwin, fluwometuron, flutriafol, eżitijażoss, imessażol, aċidu indolibutriku, isossaben, kubrit tal-ġir, metaldeid, paklobutrażol, penċikuron, sintofen, tau fluvalinat u tebufenożur (ĠU L 238, 21.9.2018, p. 81).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2007 tat-8 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 f’dak li għandu x’jaqsam mal-estensjoni tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi 1-dekanol, 1,4-dimetilnaftalina, 6-benżiladenina, aċekinoċil, Adoxophyes orana granulovirus, sulfat tal-aluminju, amisulbrom, Aureobasidium pullulans (ir-razez DSM 14940 u DSM 14941), ażadiraktin, Bacillus pumilus QST 2808, benalaksil-M, bixafen, bupirimat, ir-razza O tal-Candida oleophila, klorantraniliprol, fosfonat tad-disodju, ditijanon, dodina, emamektin, flubendiammid, fluwometuron, fluksapirossad, flutriafol, eżitijażoss, imazamox, ipkonażol, isossaben, aċidu L-assorbiku, kubrit tal-ġir, żejt tal-larinġ, ir-razza FE9901 tal-Paecilomyces fumosoroseus, pendimethalin, penflufen, pentijopirad, fosfonati tal-potassju, prosulfuron, Pseudomonas sp. ir-razza DSMZ 13134, piridalil, pirjofenon, pirossulam, kinimerak, aċidu S-abxissiku, sedaxane, sintofen, tijosulfat tal-fidda u s-sodju, spinetoram, spirotetramat, Streptomyces lydicus tar-razza WYEC 108, tau-fluvalinat, tebufenożur, tembotrion, tijenkarbażon, valifenalat, fosfidu taż-żingu (ĠU L 414, 9.12.2020, p. 10).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26).


ANNESS

Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 hija emendata kif ġej:

(1)

fis-sitt kolonna, skadenza tal-approvazzjoni, fir-ringiela 26, Adoxophyes orana granulovirus, id-data hija sostitwita bid-data tal-“31 ta’ Jannar 2023”;

(2)

fis-sitt kolonna, skadenza tal-approvazzjoni, fir-ringiela 353, flutriafol, id-data hija sostitwita bid-data tal-“31 ta’ Mejju 2021”.


DEĊIŻJONIJIET

5.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 155/23


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/727

tad-29 ta’ April 2021

dwar il-preżentazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ proposti għall-emendar tal-Annessi A u B tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju, fir-rigward ta’ prodotti miżjudin bil-merkurju u proċessi ta’ manifattura li fihom jintużaw il-merkurju jew il-komposti tal-merkurju

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (il-“Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 (1) u daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Awwissu 2017.

(2)

Taħt id-Deċiżjoni MC-1/1 dwar ir-Regoli ta’ Proċedura, adottata mill-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni (“COP”, Conference of the Parties) fl-ewwel laqgħa tagħha, il-Partijiet għall-Konvenzjoni (il-“Partijiet”) għandhom jagħmlu kull sforz biex jilħqu qbil b’konsensus dwar il-materji sostantivi kollha.

(3)

Taħt l-Artikoli 4(8) u 5(10) tal-Konvenzjoni, is-COP għandha, sas-16 ta’ Awwissu 2022, tirrevedi l-Annessi A u B tal-Konvenzjoni, filwaqt li tqis proposti mressqa mill-Partijiet taħt l-Artikoli 4(7) u 5(9) tal-Konvenzjoni, informazzjoni li s-Segretarjat tal-Konvenzjoni (is-“Segretarjat”) jagħmel disponibbli taħt l-Artikoli 4(4) u 5(4) tal-Konvenzjoni u d-disponibbiltà għall-Partijiet ta’ alternattivi teknikament u ekonomikament fattibbli mingħajr merkurju, filwaqt li jitqiesu r-riskji u l-benefiċċji għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem.

(4)

L-Unjoni kkontribwiet b’mod sinifikanti għall-iżvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni fir-rigward ta’ prodotti miżjudin bil-merkurju u proċessi ta’ manifattura li fihom jintużaw il-merkurju jew il-komposti tal-merkurju (“proċessi tal-merkurju”) u fil-ħidma esperta intersessjonali rilevanti varata mid-Deċiżjoni MC-3/1, li ġiet adottata mis-COP fit-tielet laqgħa tagħha.

(5)

L-Anness II tar-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li jittrasponi l-Anness A tal-Konvenzjoni fid-dritt tal-Unjoni, jkopri aktar prodotti miżjudin bil-merkurju, u hemm prodotti oħrajn miżjudin bil-merkurju li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq intern taħt il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

(6)

Il-proposti għall-emendar tal-Anness A tal-Konvenzjoni għandhom l-għan li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal aktar prodotti miżjudin bil-merkurju b’dati assoċjati ta’ eliminazzjoni gradwali jew b’miżuri li jirregolaw il-merkurju.

(7)

L-Anness III tar-Regolament (UE) 2017/852, li jittrasponi l-Anness B tal-Konvenzjoni fid-dritt tal-Unjoni, jkopri aktar proċessi tal-merkurju u jistabbilixxi dati ta’ eliminazzjoni gradwali għall-proċessi kkonċernati kollha.

(8)

Il-proposta għall-emendar tal-Anness B tal-Konvenzjoni għandha l-għan li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha billi tintroduċi data ta’ eliminazzjoni gradwali għal proċess tal-merkurju kopert minn dak l-Anness.

(9)

F’konformità mal-Artikolu 26(2) u mal-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni, it-test ta’ kull emenda proposta għandu jkun ikkomunikat lill-Partijiet mis-Segretarjat tal-anqas sitt xhur qabel il-laqgħa tas-COP li matulha l-emenda tiġi proposta għall-adozzjoni. Is-Segretarjat għandu jikkomunika wkoll l-emenda proposta lill-firmatarji ta’ din il-Konvenzjoni u, għall-fini ta’ informazzjoni, lid-Depożitarju tal-Konvenzjoni. Peress li r-raba’ laqgħa tas-COP hija skedata li ssir mill-1 sal-5 ta’ Novembru 2021, jenħtieġ li l-Unjoni tippreżenta l-proposti tagħha għall-emendar tal-Annessi A u B tal-Konvenzjoni lis-Segretarjat sat-30 ta’ April 2021,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Unjoni għandha tippreżenta proposti għall-emendar tal-Annessi A u B tal-Konvenzjoni kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika dawk il-proposti f’isem l-Unjoni lis-Segretarjat.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ April 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 tal-11 ta’ Mejju 2017 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (ĠU L 142, 2.6.2017, p. 4).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar il-merkurju, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008 (ĠU L 137, 24.5.2017, p. 1).


ANNESS

I.   EMENDI PROPOSTI GĦALL-PARTI I TAL-ANNESS A TAL-KONVENZJONI

L-Unjoni tipproponi ż-żieda tal-entrati li ġejjin fil-Parti I tal-Anness A:

Prodotti miżjudin bil-merkurju

Data li warajha l-manifattura, l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tal-prodott ma għandhomx ikunu permessi (id-data tal-eliminazzjoni gradwali)

“Batteriji buttuna tal-ossidu taż-żingu tal-fidda b’kontenut ta’ merkurju < 2 % u batteriji buttuna taż-żingu-arja b’kontenut ta’ merkurju < 2 %

2023

Bozoz fluworexxenti lineari (LFLs) tal-fosfru tal-alofosfat għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali

2023

L-istrumenti tal-kejl mhux elettroniċi li ġejjin:

(a)

strain gauges biex jintużaw fil-pletismografi;

(b)

tensjometri

2023

L-istrumenti tal-kejl tal-elettriku u elettroniċi li ġejjin:

(a)

it-trasdutturi, it-trażmettituri u s-sensuri tal-pressjoni tat-titwib;

(b)

pompi b’vakwu tal-merkurju

2023

Poliuretan, inklużi ċilindri għall-applikazzjoni tal-poliuretan

2023”

II.   EMENDI PROPOSTI GĦALL-PARTI II TAL-ANNESS A TAL-KONVENZJONI

L-Unjoni tipproponi ż-żieda tad-dispożizzjoni li ġejja fil-Parti II tal-Anness A:

“Sal-1 ta’ Jannar 2024, il-Partijiet għandhom:

(i)

jipprevedu li l-amalgama dentali għandha tintuża biss f’forma inkapsulata ddożata minn qabel (1);

(ii)

jipprojbixxu l-użu tal-merkurju f’forma sfuża mill-prattikanti fil-qasam dentali;

(iii)

jiżguraw li l-operaturi tal-faċilitajiet dentali fejn tintuża l-amalgama dentali jew fejn jitneħħa l-mili tal-amalgama dentali jew is-snien li jkun fihom dan it-tip ta’ mili jarmaw il-faċilitajiet tagħhom b’separaturi tal-amalgama b’livell ta’ effiċjenza taż-żamma ta’ 95 % (2), għaż-żamma u l-ġabra ta’ partikuli tal-amalgama, inklużi dawk li jinsabu fl-ilma użat;

(iv)

ma jippermettux aktar l-użu tal-amalgama dentali għat-trattament dentali ta’ snien tal-ħalib, ta’ tfal taħt il-15-il sena u ta’ nisa tqal jew li qed ireddgħu, ħlief meta jitqies strettament meħtieġ mill-prattikant fil-qasam dentali abbażi tal-ħtiġijiet mediċi speċifiċi tal-pazjent.

III.   EMENDA PROPOSTA GĦALL-ANNESS B TAL-KONVENZJONI

L-Unjoni tipproponi ż-żieda tal-entrata li ġejja fil-Parti I tal-Anness B:

Proċessi ta’ manifattura li jużaw il-merkurju jew komposti tal-merkurju

Data ta’ eliminazzjoni gradwali

“Il-produzzjoni tal-poliuretan bl-użu ta’ katalizzaturi li fihom il-merkurju

2023”


(1)  Kapsuli tal-amalgama bħal dawk deskritti fl-istandards internazzjonali ISO 13897:2018 u 24234:2015 huma meqjusa li huma tajbin għall-użu mill-prattikanti fil-qasam dentali.

(2)  Il-konformità tas-separaturi tal-amalgama għandha tkun ibbażata fuq standards internazzjonali rilevanti, inkluż l-ISO 11143:2008.” ”