ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 116

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 64
6 ta' April 2021


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2021/557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2402 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata biex jgħin l-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19

1

 

*

Regolament (UE) 2021/558 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta’ aġġustamenti għall-qafas ta’ titolizzazzjoni bħala appoġġ għall-irkupru ekonomiku b’reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19 ( 1 )

25

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

6.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 116/1


REGOLAMENT (UE) 2021/557 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-31 ta' Marzu 2021

li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2402 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata biex jgħin l-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-kriżi tal-COVID-19 qed taffettwa lin-nies, lill-kumpaniji, lis-sistemi tas-saħħa u lill-ekonomiji tal-Istati Membri b'mod sever. Fil-Komunikazzjoni tagħha tas-27 ta' Mejju 2020 bit-titlu "Il-Mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss", il-Kummissjoni saħqet li l-likwidità u l-aċċess għal finanzjament se jkomplu jkunu sfida kontinwa fix-xhur li ġejjin. Għalhekk huwa kruċjali li jiġi appoġġat l-irkupru mix-xokk ekonomiku sever ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 bl-introduzzjoni ta' emendi mmirati għal biċċiet eżistenti ta' leġiżlazzjoni finanzjarja.

(2)

Ix-xokk ekonomiku qawwi kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri ta' konteniment eċċezzjonali meħtieġa qed ikollhom impatt estensiv fuq l-ekonomija. In-negozji qed jiffaċċjaw tfixkil fil-ktajjen tal-provvista, għeluq temporanju u tnaqqis fid-domanda, filwaqt li l-unitajiet domestiċi qed iħabbtu wiċċhom ma' qgħad u tnaqqis fid-dħul. L-awtoritajiet pubbliċi fil-livell tal-Unjoni u fil-livell tal-Istati Membri ħadu azzjoni estensiva biex jappoġġaw lill-familji u lill-impriżi solventi biex jifilħu għat-tnaqqis sever iżda temporanju fl-attività ekonomika u n-nuqqasijiet ta' likwidità li rriżultaw.

(3)

Huwa importanti li l-istituzzjonijiet tal-kreditu u d-ditti tal-investiment (istituzzjonijiet) jużaw il-kapital tagħhom fejn huwa l-aktar meħtieġ u l-qafas regolatorju tal-Unjoni jiffaċilita dan filwaqt li jiżgura li l-istituzzjonijiet jaġixxu b'mod prudenti. Minbarra l-flessibbiltà pprovduta mir-regoli eżistenti, bidliet immirati tar-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jiżguraw li l-qafas tat-titolizzazzjoni tal-Unjoni jipprevedi għodda addizzjonali biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku wara li tgħaddi l-kriżi tal-COVID-19.

(4)

Iċ-ċirkustanzi straordinarji tal-kriżi tal-COVID-19 u d-dimensjoni bla preċedent tal-isfidi marbuta magħha wasslu għas-sejħa għal azzjoni immedjata biex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet ikollhom l-abbiltà li jipprovdu fondi suffiċjenti lin-negozji biex jgħinuhom jassorbu x-xokk ekonomiku kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19.

(5)

Il-kriżi tal-COVID-19 taf iżżid l-għadd ta' skoperturi improduttivi (NPEs), u żżid il-ħtieġa li l-istituzzjonijiet jimmaniġġjaw u jittrattaw l-NPEs tagħhom. Mod wieħed kif l-istituzzjonijiet jistgħu jagħmlu dan huwa li jinnegozjaw l-NPEs tagħhom fis-suq permezz tat-titolizzazzjoni. Barra minn hekk, fil-kuntest attwali, huwa vitali li r-riskji jitbiegħdu mill-partijiet sistemikament importanti tas-sistema finanzjarja u li l-mutwanti jsaħħu l-pożizzjonijiet tal-kapital tagħhom. It-titolizzazzjoni sintetika hija mod wieħed kif dan jista' jinkiseb, kif ukoll, pereżempju, il-ġbir ta' fondi proprji ġodda.

(6)

L-entitajiet bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni (SSPEs) jenħtieġ li jkunu stabbiliti biss f'pajjiżi terzi li mhumiex elenkati mill-Unjoni (5) dwar il-lista tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa, u l-aġġornamenti tagħha (l-Anness I), jew fil-lista ta’ pajjiżi terzi b'riskju għoli li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi tagħhom dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. L-Anness II dwar is-sitwazzjoni attwali tal-kooperazzjoni mal-UE fir-rigward tal-impenji meħuda minn ġurisdizzjonijiet kooperattivi biex jimplimentaw il-prinċipji ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa jirrapporta dwar is-sitwazzjoni attwali tad-diskussjonijiet ma’ ċerti pajjiżi terzi li jikkooperaw, li wħud minnhom attwalment iżommu prattiki tat-taxxa dannużi. Tali diskussjonijiet jenħtieġ li jwasslu għal terminazzjoni f’waqtha ta’ tali prattiki tat-taxxa dannużi biex jiġu evitati restrizzjonijiet futuri fuq l-istabbiliment ta’ SSPEs.

(7)

Sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa, jenħtieġ li investitur jinnotifika lill-awtoritajiet tat-taxxa kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun residenti għal finijiet ta’ taxxa kull meta jkun mistenni li jinvesti f’SSPE stabbilita, wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, f’ġurisdizzjoni msemmija fl-Anness II minħabba t-tħaddim ta’ reġim tat-taxxa dannuż. Din l-informazzjoni tista’ tintuża biex jiġi vvalutat jekk l-investitur jibbenefikax minn benefiċċju tat-taxxa.

(8)

Kif indikat mill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) (EBA), stabbilita permezz tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), fl-Opinjoni tagħha dwar it-Trattament Regolatorju tat-Titolizzazzjoni tal-Iskoperturi Improduttivi (7), ir-riskji assoċjati mal-assi li jsostnu titolizzazzjonijiet tal-NPE huma ekonomikament distinti minn dawk ta' titolizzazzjonijiet ta' assi produttivi. L-NPEs huma titolizzati bi skont fuq il-valur nominali jew pendenti tagħhom u jirriflettu, fost l-oħrajn, il-valutazzjoni tas-suq tal-probabbiltà li r-ristrutturar tad-dejn jiġġenera biżżejjed fluss ta' flus u rkupru tal-assi. Ir-riskju għall-investituri huwa, għalhekk, li r-ristrutturar tad-dejn għall-assi mhux se jiġġenera biżżejjed fluss ta' flus u rkupru tal-assi biex ikopru l-valur nett tax-xiri tal-NPEs. It-telf reali tar-riskju għall-investituri, għalhekk, ma jirrappreżentax il-valur nominali tal-portafoll, iżda l-valur skontat, jiġifieri, nett tal-iskont fuq il-prezz li bih jiġu ttrasferiti l-assi sottostanti. Huwa għalhekk xieraq, fil-każ ta' titolizzazzjonijiet NPE, li jiġi kkalkolat l-ammont ta' ritenzjoni tar-riskju fuq il-bażi ta' dak il-valur skontat.

(9)

Ir-rekwiżit tar-ritenzjoni tar-riskju jallinja l-interessi tal-oriġinaturi, l-isponsors u l-mutwanti oriġinali involuti f'titolizzazzjoni ma’ dawk tal-investituri. Tipikament, f'titolizzazzjonijiet ta' assi produttivi, l-interess prevalenti fuq in-naħa tal-bejgħ ikun dak tal-oriġinatur, li ta' spiss ikun ukoll il-mutwanti oriġinali. F'titolizzazzjonijiet NPE, madankollu, l-oriġinaturi jippruvaw jeħilsu mill-assi inadempjenti fil-karti tal-bilanċ tagħhom, minħabba li jistgħu ma jkunux jixtiequ jibqgħu assoċjati b'xi mod magħhom. F'tali każijiet, is-servizzjant tal-assi jkollu aktar interess fir-ristrutturar tad-dejn għall-assi u fl-irkupru tal-valur.

(10)

Qabel il-kriżi finanzjarja tal-2008, xi attivitajiet ta' titolizzazzjoni segwew mudell ta' ‘oriġina u ddistribwixxi’. F'dak il-mudell, assi ta' kwalità inferjuri ġew magħżula għal titolizzazzjoni għad-detriment tal-investituri, li spiċċaw b'riskju akbar minn dak li kellhom il-ħsieb li jieħdu. Ir-rekwiżit li jiġu vverifikati l-istandards tal-għoti tal-kreditu użati fil-ħolqien ta’ assi titolizzati ġie introdott biex jiġu evitati prattiki bħal dawn fil-futur. Għal titolizzazzjonijiet NPE, madankollu, l-istandards tal-għoti tal-kreditu applikabbli fl-oriġinazzjoni tal-assi titolizzati huma ta' importanza minuri minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi inkluż ix-xiri ta' dawk l-assi improduttivi u t-tip ta' titolizzazzjoni. Minflok, l-applikazzjoni ta' standards solidi fl-għażla u l-ipprezzar tal-iskoperturi hija fattur aktar importanti fir-rigward tal-investimenti fit-titolizzazzjonijiet NPE. Jeħtieġ, għalhekk, li tiġi emendata l-verifika tal-istandards tal-għoti tal-kreditu sabiex l-investitur ikun jista' jwettaq id-diliġenza dovuta fuq il-kwalità u l-prestazzjoni tal-assi improduttivi sabiex jieħu deċiżjoni ta' investiment raġonevoli u infurmata tajjeb, filwaqt li jiġi żgurat li d-deroga ma tiġix abbużata. Għalhekk, għat-titolizzazzjoni NPE, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jirrevedu l-applikazzjoni ta' standards solidi għall-għażla u l-ipprezzar tal-iskoperturi.

(11)

It-titolizzazzjonijiet sintetiċi jinvolvu t-trasferiment tar-riskju tal-kreditu ta' sett ta' self, tipikament self korporattiv kbir jew self lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), permezz ta’ ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu fejn l-oriġinatur jixtri l-protezzjoni tal-kreditu mingħand l-investitur. Tali protezzjoni tal-kreditu tinkiseb bl-użu ta' garanziji finanzjarji jew ta' derivattivi ta' kreditu filwaqt li s-sjieda tal-assi tibqa' mal-oriġinatur u ma tiġix ittrasferita lil SSPE, kif huwa l-każ f'titolizzazzjonijiet tradizzjonali. L-oriġinatur, bħala xerrej tal-protezzjoni, jimpenja ruħu li jħallas primjum tal-protezzjoni tal-kreditu, li jiġġenera l-qligħ għall-investituri. Min-naħa tiegħu, l-investitur, bħala bejjiegħ ta' protezzjoni, jimpenja ruħu għal pagament ta' protezzjoni tal-kreditu speċifikat meta avveniment ta' kreditu stabbilit minn qabel iseħħ.

(12)

Il-kumplessità ġenerali tal-istrutturi tat-titolizzazzjoni u r-riskji assoċjati jenħtieġ li jiġu mitigati b'mod xieraq u jenħtieġ li ma jingħatawx inċentivi regolatorji lill-oriġinaturi li jwassluhom sabiex jippreferu titolizzazzjonijiet sintetiċi fuq titolizzazzjonijiet tradizzjonali. Għalhekk, jenħtieġ li r-rekwiżiti għal titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u standardizzati (STS) fil-karta tal-bilanċ ikunu konsistenti ħafna mal-kriterji STS għat-titolizzazzjonijiet tradizzjonali ta' bejgħ veru.

(13)

Hemm ċerti rekwiżiti għal titolizzazzjonijiet tradizzjonali STS li ma humiex xierqagħal titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ minħabba differenzi inerenti bejn iż-żewġ tipi ta' titolizzazzjoni, b'mod partikolari minħabba l-fatt li, f'titolizzazzjonijiet sintetiċi, it-trasferiment tar-riskju jinkiseb permezz ta' ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu minflok bejgħ tal-assi sottostanti. Għalhekk, jenħtieġ li l-kriterji STS jiġu adattati, fejn meħtieġ, sabiex jitqiesu dawk id-differenzi. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jiġi introdott sett ta' rekwiżiti ġodda, speċifiċi għal titolizzazzjonijiet sintetiċi, biex jiġi żgurat li l-qafas STS ikun immirat biss lejn titolizzazzjonijiet sintetiċi fil-karta tal-bilanċ u li l-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu jkun strutturat biex jipproteġi b'mod adegwat il-pożizzjoni kemm tal-oriġinatur kif ukoll tal-investitur. Jenħtieġ li dak is-sett ġdid ta' rekwiżiti jfittex li jindirizza r-riskju ta' kreditu tal-kontroparti kemm għall-oriġinatur kif ukoll għall-investitur.

(14)

Jenħtieġ li l-oġġett ta’ trasferiment tar-riskju tal-kreditu jkun skoperturi oriġinati jew mixtrija minn istituzzjoni rregolata tal-Unjoni fi ħdan l-attività tan-negozju ewlenija tagħha ta' self u miżmuma fil-karta tal-bilanċ tagħha jew, fil-każ ta' struttura ta' grupp, fil-karta tal-bilanċ konsolidata tagħha fid-data tal-għeluq tat-tranżazzjoni. Jenħtieġ li r-rekwiżit li oriġinatur ikollu l-iskoperturi titolizzati fil-karta tal-bilanċ jeskludi titolizzazzjonijiet ta' arbitraġġ mill-kamp ta' applikazzjoni tat-tikketta STS.

(15)

Huwa importanti li l-interessi tal-oriġinaturi, l-isponsors, u l-mutwanti oriġinali involuti f'titolizzazzjoni jkunu allinjati. Ir-rekwiżit tar-ritenzjoni tar-riskju stabbilit fir-Regolament (UE) 2017/2402, li japplika għat-tipi kollha ta' titolizzazzjonijiet, jaħdem biex jallinja dawk l-interessi. Tali rekwiżit jenħtieġ li japplika wkoll għat-titolizzazzjonijiet tal-STS fil-karta tal-bilanċ. Bħala minimu, l-oriġinatur, l-isponsor jew il-mutwanti oriġinali jenħtieġ li jżomm, fuq bażi kontinwa, interess materjali ekonomiku nett fit-titolizzazzjoni ta' mhux inqas minn 5 %. Proporzjonijiet ogħla ta' ritenzjoni tar-riskju jistgħu jkunu ġustifikabbli u ġew diġà osservati fis-suq.

(16)

Jenħtieġ li l-oriġinatur jiżgura li ma jiħħeġġjax l-istess riskju ta' kreditu aktar minn darba billi jikseb protezzjoni tal-kreditu minbarra l-protezzjoni tal-kreditu pprovduta mit-titolizzazzjoni STS fil-karta tal-bilanċ. Sabiex tiġi żgurata r-robustezza tal-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu, jenħtieġ li huwa jissodisfa r-rekwiżiti ta' mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu stabbiliti fl-Artikolu 249 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) li jridu jiġu ssodisfati minn istituzzjonijiet li jfittxu trasferiment tar-riskju sinifikanti permezz ta' titolizzazzjoni sintetika.

(17)

Titolizzazzjoni STS fil-karta tal-bilanċ tista' tinkludi ammortizzament mhux sekwenzjali sabiex jiġu evitati spejjeż sproporzjonati għall-protezzjoni tal-iskoperturi sottostanti u l-evoluzzjoni tal-portafoll. Ċerti skattaturi relatati mal-prestazzjoni jentieġ li jiddeterminaw l-applikazzjoni ta' amortizzament sekwenzjali bil-għan li jiġi żgurat li s-segmenti li jipprovdu protezzjoni tal-kreditu ma jkunux diġà ġew amortizzati meta jseħħ telf sinifikanti fi tmiem it-tranżazzjoni, b’hekk jiġi żgurat li t-trasferiment sinifikanti tar-riskju ma jiġix imminat.

(18)

Sabiex jiġu evitati kunflitti bejn l-oriġinatur u l-investitur u biex tiġi żgurata ċertezza legali f'termini tal-kamp ta' applikazzjoni tal-protezzjoni tal-kreditu mixtrija għal skoperturi sottostanti, tali protezzjoni tal-kreditu jenħtieġ li tirreferi għal obbligi referenzjarji identifikati b'mod ċar, li jagħtu lok għall-iskoperturi sottostanti, ta' entitajiet jew obbliganti identifikati b'mod ċar. Għalhekk, jenħtieġ li l-obbligi referenzjarji li fuqhom tinxtara l-protezzjoni jiġu identifikati b'mod ċar f'kull ħin, permezz ta' reġistru ta' referenza, u jinżammu aġġornati. Jenħtieġ li dak ir-rekwiżit ikun ukoll indirettament parti mill-kriterju li jiddefinixxi t-titolizzazzjoni STS fil-karta tal-bilanċ u li jeskludi titolizzazzjoni ta' arbitraġġ mill-qafas STS.

(19)

L-avvenimenti tal-kreditu li jiskattaw pagamenti skont il-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu jenħtieġ li jinkludu mill-inqas dawk imsemmija fil-Kapitolu 4 tat-Titolu II tal-Parti Tlieta tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Tali avvenimenti huma magħrufa sew u rikonoxxibbli mill-perspettiva ta’ suq u jenħtieġ li jservu biex tiġi żgurata l-konsistenza mal-qafas prudenzjali. Il-miżuri ta' trażżin, li jikkonsistu f'konċessjonijiet lejn debitur li jkun qed jesperjenza jew wasal biex jesperjenza diffikultajiet biex jissodisfa l-impenji finanzjarji tiegħu, jenħtieġ li ma jipprekludux l-iskattar tal-avveniment ta’ kreditu.

(20)

Id-dritt tal-oriġinatur, bħala xerrej tal-protezzjoni, li jirċievi pagamenti fil-ħin fuq telf reali, jenħtieġ li jkun protett b'mod adegwat. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni tipprevedi proċess ta' saldu sod u trasparenti għad-determinazzjoni tat-telf reali fil-portafoll ta' referenza, biex jiġi evitat li l-ammont imħallas lill-oriġinatur ikun insuffiċjenti. Billi r-ristrutturar tat-telf jista' jkun proċess twil u biex jiġu żgurati pagamenti f'waqthom lill-oriġinatur, jenħtieġ li l-pagamenti interim isiru mhux aktar tard minn sitt xhur wara li jkun seħħ avveniment ta' kreditu. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun hemm mekkaniżmu ta' aġġustament finali biex jiġi żgurat li l-pagamenti interim ikopru t-telf reali u biex jiġu evitati pagamenti eċċessivi għal dak it-telf interim, li jkun għad-detriment tal-investituri. Jenħtieġ li l-mekkaniżmu tas-saldu tat-telf jispeċifika wkoll b'mod ċar il-perjodu ta' estensjoni massimu li jenħtieġ li japplika għall-proċess ta' ristrutturar għal dawk l-iskoperturi u jenħtieġ li tali perjodu ta' estensjoni ma jkunx itwal minn sentejn. Jenħtieġ li dak il-mekkaniżmu tas-saldu tat-telf jiżgura l-effettività tal-ftehim tal-protezzjoni tal-kreditu mill-perspettiva tal-oriġinatur, u jagħti lill-investituri ċertezza legali fid-data tat-terminazzjoni dwar l-obbligu tagħhom li jagħmlu pagamenti, u għalhekk jikkontribwixxi għal suq li jiffunzjona tajjeb.

(21)

Il-fatt li jkun hemm aġent ta' verifika ta' parti terza huwa prattika tas-suq mifruxa li ssaħħaħ iċ-ċertezza legali għall-partijiet kollha involuti fi tranżazzjoni, b'hekk tnaqqas il-probabbiltà ta' tilwim u litigazzjoni li jistgħu jinqalgħu minħabba l-proċess ta' allokazzjoni tat-telf. Sabiex tissaħħaħ is-solidità tal-mekkaniżmu tas-saldu tat-telf tat-tranżazzjoni, jenħtieġ li jinħatar aġent ta' verifika ta' parti terza biex iwettaq rieżami tal-korrettezza u l-preċiżjoni ta' ċerti aspetti tal-protezzjoni tal-kreditu f'każ ta' attivazzjoni ta' avveniment ta' kreditu.

(22)

Il-primjums tal-protezzjoni tal-kreditu jenħtieġ li jiddependu biss fuq id-daqs u r-riskju ta' kreditu pendenti tas-segment protett. Jenħtieġ li l-primjums mhux kontinġenti ma jkunux permessi f'titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ peress li dawn jistgħu jintużaw biex jimminaw it-trasferiment tar-riskju effettiv mill-oriġinatur bħala xerrej tal-protezzjoni lill-bejjiegħa tal-protezzjoni. Jenħtieġ li arranġamenti oħra, bħal pagamenti ta' primjum bil-quddiem, mekkaniżmi ta' ribass jew strutturi ta' primjum kumplessi żżejjed, jiġu pprojbiti wkoll għal titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ.

(23)

Sabiex jiġu żgurati l-istabbiltà u l-kontinwità tal-protezzjoni tal-kreditu, jenħtieġ li t-terminazzjoni bikrija ta' titolizzazzjoni STS fil-karta tal-bilanċ mill-oriġinatur tkun possibbli biss f'ċerti ċirkostanzi limitati u definiti sew. Għalkemm jenħtieġ li l-oriġinatur ikun intitolat li jagħlaq il-protezzjoni tal-kreditu minn kmieni meta jseħħu ċerti avvenimenti regolatorji speċifiċi, jenħtieġ li dawn l-avvenimenti jinvolvu bidliet attwali fil-leġiżlazzjoni jew fit-tassazzjoni li ma setgħux jiġu raġonevolment antiċipati fil-mument tal-konklużjoni tat-tranżazzjoni u li jkollhom effett negattiv materjali fuq ir-rekwiżiti ta' kapital tal-oriġinatur jew fuq l-aspetti ekonomiċi tat-tranżazzjoni fir-rigward tal-aspettattivi tal-partijiet f’dak il-mument. Jenħtieġ li t-titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ ma jkunux jinkludu klawżoli ta' opzjoni call kumplessi għall-oriġinatur, b'mod partikolari time calls qosra ħafna bil-għan li tinbidel temporanjament ir-rappreżentazzjoni tal-pożizzjoni kapitali tagħhom fuq bażi ta' każ b'każ.

(24)

Il-marġni pożittiv sintetiku huwa preżenti b'mod wiesa' f'ċerti tipi ta' tranżazzjonijiet, u huwa mekkaniżmu utli kemm għall-investituri kif ukoll għall-oriġinaturi, sabiex jitnaqqsu l-kostijiet tal-protezzjoni tal-kreditu u l-iskopertura għar-riskju rispettivament. F'dak ir-rigward, il-marġni pożittiv sintetiku huwa essenzjali għal xi klassijiet speċifiċi ta' assi mhux professjonali, bħall-SMEs u self lill-konsumaturi, li jwasslu għal rendiment kif ukoll telf ta' kreditu superjuri apparagun ta' klassijiet ta' assi oħra, u li għalihom l-iskoperturi titolizzati jiġġeneraw marġni pożittiv li jkopri dak it-telf. Madankollu, jekk l-ammont ta' marġni pożittiv sintetiku subordinat għall-pożizzjoni ta' investitur ikun għoli wisq, huwa possibbli li ma hemm l-ebda xenarju realistiku li fih l-investitur fil-pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni se jesperjenza kwalunkwe telf, u dan iwassal għal ebda trasferiment ta' riskju effettiv. Sabiex jittaffa t-tħassib superviżorju u dik il-karatteristika strutturali tiġi standardizzata aktar, huwa importanti li jiġu speċifikati kriterji stretti rigward titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ u li tiġi żgurata divulgazzjoni totali dwar l-użu ta' marġni pożittiv sintetiku.

(25)

Jenħtieġ li l-ftehim tal-protezzjoni tal-kreditu ta' kwalità għolja biss ikunu eliġibbli għal titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ. Protezzjoni ta' kreditu mhux iffinanzjata jenħtieġ li tiġi żgurata billi jiġi ristrett il-kamp ta' applikazzjoni tal-fornituri tal-protezzjoni eliġibbli għal dawk l-entitajiet li huma fornituri eliġibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u li huma rikonoxxuti bħala kontropartijiet b'piż tar-riskju ta' 0 % skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu II tal-Parti Tlieta ta' dak ir-Regolament. Fil-każ ta' protezzjoni ffinanzjata tal-kreditu, jenħtieġ li l-oriġinatur bħala xerrej ta' protezzjoni u l-investituri bħala bejjiegħa ta' protezzjoni jkollhom rikors għal kollateral ta' kwalità għolja, li jenħtieġ li jirreferi għal kollateral ta' kwalunkwe forma li jista' jiġi assenjat piż tar-riskju ta' 0 % skont dak il-Kapitolu, soġġett għal arranġamenti xierqa ta' depożitu jew ta' kustodja. Meta l-kollateral ipprovdut ikun fil-forma ta' flus kontanti, jenħtieġ li dan jinżamm jew ma' istituzzjoni ta' kreditu terza jew b'depożitu max-xerrej ta' protezzjoni, soġġett fiż-żewġ każijiet għal livell minimu ta' kwalità tal-kreditu.

(26)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru l-awtoritajiet kompetenti responsabbli biex jissorveljaw ir-rekwiżiti li jkollha tissodisfa t-titolizzazzjoni sintetika sabiex tikkwalifika għad-deżinjazzjoni STS. L-awtorità kompetenti tista' tkun l-istess bħal dik magħżula biex tissorvelja l-konformità tal-oriġinaturi, l-isponsors u l-SSPEs mar-rekwiżiti li t-titolizzazzjonijiet tradizzjonali jridu jissodisfaw sabiex jiksbu d-deżinjazzjoni STS. Bħal fil-każ ta' titolizzazzjonijiet tradizzjonali, tali awtorità kompetenti tista' tkun differenti mill-awtorità kompetenti responsabbli li tissorvelja l-konformità tal-oriġinaturi, il-mutwanti oriġinali, l-SSPEs, l-isponsors u l-investituri mal-obbligi prudenzjali stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 9 tar-Regolament (UE) 2017/2402, li l-konformità magħhom ġiet speċifikament fdata lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji rilevanti minħabba d-dimensjoni prudenzjali ta’ dawk l-obbligi.

(27)

Sabiex jiġu evitati konsegwenzi negattivi għall-istabbiltà finanzjarja, l-introduzzjoni ta' qafas speċifiku għat-titolizzazzjonijiet tal-STS fil-karta tal-bilanċ jenħtieġ li tkun akkumpanjata minn sorveljanza makroprudenzjali xierqa. B'mod partikolari, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), stabbilit permezz tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament u tal-Kunsill (9) jenħtieġ li jimmonitorja r-riskji makroprudenzjali assoċjati mat-titolizzazzjoni sintetika u jivvaluta jekk humiex esklużi biżżejjed mill-parti sistemika tas-sistema finanzjarja.

(28)

Għall-fini tal-integrazzjoni ta' rekwiżiti ta' trasparenza relatati mas-sostenibbiltà fir-Regolament (UE) 2017/2402, jenħtieġ li l-EBA, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ESMA), stabbilita permezz tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) (EIOPA), stabbilita permezz tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), tingħata l-mandat li tippubblika rapport dwar l-iżvilupp ta' qafas speċifiku ta' titolizzazzjoni sostenibbli. Jenħtieġ li dak ir-rapport jivvaluta kif xieraq, b'mod partikolari, l-introduzzjoni ta' fatturi ta' sostenibbiltà, l-implimentazzjoni ta' rekwiżiti proporzjonati ta' divulgazzjoni u diliġenza dovuta, il-kontenut, il-metodoloġiji u l-preżentazzjoni ta' informazzjoni b'rabta mal-impatti negattivi ambjentali, soċjali u relatati mal-governanza, u kwalunkwe effett potenzjali fuq l-istabbiltà finanzjarja u fuq l-iskalar tas-suq tat-titolizzazzjoni tal-Unjoni u tal-kapaċità ta' self mill-banek. Abbażi ta’ dak ir-rapport, il-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-ħolqien ta' qafas speċifiku ta' titolizzazzjoni sostenibbli, flimkien ma' proposta leġiżlattiva, jekk dan ikun xieraq.

(29)

Id-divulgazzjonijiet tal-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà u l-kunsiderazzjoni tal-impatti negattivi għas-sostenibbiltà fuq it-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-investiment għall-investituri mhumiex żviluppati biżżejjed minħabba li tali divulgazzjonijiet għadhom mhumiex soġġetti għal rekwiżiti armonizzati. Skont ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), il-manifatturi ta' prodotti finanzjarji u l-konsulenti finanzjarji għall-investituri aħħarin huma obbligati li jikkunsidraw l-impatti avversi prinċipali ta' deċiżjonijiet ta' investiment fuq fatturi ta' sostenibbiltà, u li jiżvelaw kif il-politiki ta' diliġenza dovuta tagħhom iqisu dawk l-impatti avversi prinċipali. Id-divulgazzjonijiet tal-impatti negattivi fuq is-sostenibbiltà huma akkumpanjati minn standards tekniċi regolatorji, li huma żviluppati b'mod konġunt mill-EBA, ESMA u EIOPA (kollettivament, l-“Awtoritajiet Superviżorji Ewropej”) dwar il-kontenut, il-metodoloġiji u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni rilevanti li għandha tiġi divulgata skont ir-Regolament (UE) 2019/2088. L-oriġinaturi tat-titolizzazzjonijiet STS jenħtieġ li jkollhom ukoll l-għażla li jiddivulgaw informazzjoni speċifika dwar il-kunsiderazzjoni tal-impatti avversi fuq il-fatturi ta' sostenibbiltà, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-impatti klimatiċi u lil impatti oħra ambjentali, soċjali u relatati mal-governanza. Sabiex jarmonizza d-divulgazzjoni tal-informazzjoni u jiżgura l-konsistenza bejn ir-Regolament (UE) 2019/2088 u r-Regolament (UE) 2017/2402, il-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej jenħtieġ li jiżviluppa standards tekniċi regolatorji, filwaqt li jibni kemm jista' jkun fuq il-ħidma tagħhom fil-kuntest tar-Regolament (UE) 2019/2088 u jadattah, fejn meħtieġ u rilevanti, għall-ispeċifiċitajiet tat-titolizzazzjonijiet.

(30)

Minħabba li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li l-qafas għal titolizzazzjoni STS jiġi estiż għat-titolizzazzjoni sintetika u jitneħħew l-ostakli regolatorji għat-titolizzazzjoni tal-NPEs biex ikomplu jiżdiedu l-kapaċitajiet ta' self mingħajr ma jitbaxxew l-istandards prudenzjali għas-self mill-banek, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformita’ mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(31)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2017/2402 jiġi emendat skont dan.

(32)

Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu introdotti miżuri mmirati biex jappoġġaw l-irkupru ekonomiku mill-kriżi tal-COVID-19 malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi fir-Regolament (UE) 2017/2402

Ir-Regolament (UE) 2017/2402 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, qegħdin jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(24)

“skopertura improduttiva” jew ‘NPE’ tifisser skopertura li tissodisfa kwalunkwe mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 47a(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(25)

"titolizzazzjoni NPE" tfisser titolizzazzjoni appoġġata minn aggregazzjoni ta' skoperturi improduttivi li l-valur nominali tagħhom jammonta għal mhux inqas minn 90 % tal-valur nominali tal-aggregazzjoni sħiħa fil-ħin tal-oriġinazzjoni u fi kwalunkwe mument sussegwenti li fih issir żieda mal-assi jew li fih jitneħħew assi mill-aggregazzjoni sottostanti minħabba riforniment, ristrutturar jew għal kwalunkwe raġuni oħra;

(26)

"ftehim ta' protezzjoni ta' kreditu" tfisser ftehim konkluż bejn l-oriġinatur u l-investitur biex jiġi ttrasferit ir-riskju ta' kreditu ta' skoperturi titolizzati mill-oriġinatur għall-investitur permezz ta' derivattivi ta' kreditu jew garanziji, fejn l-oriġinatur jimpenja ruħu li jħallas ammont, magħruf bħala primjum għall-protezzjoni ta' kreditu, lill-investitur u l-investitur jimpenja ruħu li jħallas ammont, magħruf bħala pagament ta' protezzjoni ta' kreditu, lill-oriġinatur f'każ li jseħħ wieħed mill-avvenimenti ta' kreditu definiti b'mod kuntrattwali;

(27)

"primjum tal-protezzjoni ta' kreditu" tfisser l-ammont li l-oriġinatur impenja ruħu li jħallas lill-investitur skont il-ftehim ta' protezzjoni ta' kreditu għall-protezzjoni ta' kreditu mwiegħda mill-investitur;

(28)

"pagament ta' protezzjoni ta' kreditu" tfisser l-ammont li l-investitur impenja ruħu li jħallas lill-oriġinatur skont il-ftehim ta' protezzjoni ta' kreditu f'każ li jseħħ avveniment ta' kreditu definit b’mod kuntrattwali fil-ftehim ta' protezzjoni ta' kreditu;

(29)

"marġni pożittiv sintetiku" tfisser l-ammont li, skont id-dokumentazzjoni ta' titolizzazzjoni sintetika, ikun kuntrattwalment allokat mill-oriġinatur biex jassorbi telf tal-iskoperturi titolizzati li jista' jseħħ qabel id-data tal-maturità tat-tranżazzjoni;

(30)

"fatturi ta' sostenibbiltà" tfisser fatturi ta' sostenibbiltà kif definit fil-punt (24) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*);

(31)

"skont li ma jitħallasx lura fil-prezz tax-xiri" tfisser id-differenza bejn il-bilanċ pendenti tal-iskoperturi fl-aggregazzjoni sottostanti u l-prezz li bih dawk l-iskoperturi jinbiegħu mill-oriġinatur lill-SSPE, fejn la l-oriġinatur u lanqas il-mutwant oriġinali ma jiġu rimborżati għal dik id-differenza.

(*)  Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).";"

(2)

l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(a)

il-pajjiż terz huwa elenkat bħala pajjiż terz b'riskju għoli li għandu defiċjenzi strateġiċi fir-reġim tiegħu kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, f'konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*);

(*)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).";"

(b)

jiddaħħal il-punt li ġej:

"(aa)

il-pajjiż terz huwa elenkat fl-Anness I tal-lista tal-UE tal-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa;";

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Għal SSPE stabbilita, wara d-9 ta’ April 2021, f’ġurisdizzjoni msemmija fl-Anness II minħabba t-tħaddim ta’ reġim tat-taxxa dannuż, l-investitur għandu jinnotifika l-investiment f’titoli maħruġa minn dik l-SSPE lill-awtoritajiet tat-taxxa kompetenti tal-Istat Membru li fih l-investitur ikun residenti għal finijiet ta’ taxxa.”;

(3)

fl-Artikolu 5(1), jiżdied il-punt li ġej:

“(f)

fil-każ ta' skoperturi improduttivi, jiġu applikati standards solidi fl-għażla u l-ipprezzar tal-iskoperturi.";

(4)

l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1 jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“Meta jitkejjel l-interess materjali ekonomiku nett, ir-ritenitur għandu jqis kwalunkwe tariffa li fil-prattika tista' tintuża biex jitnaqqas l-interess materjali ekonomiku nett effettiv.

Fil-każ ta' titolizzazzjonijiet NPE tradizzjonali, ir-rekwiżit ta' dan il-paragrafu jista' jiġi ssodisfat ukoll mis-servizzjant dment li s-servizzjant jista' juri li għandu għarfien espert fis-servizzjar ta' skoperturi ta' natura simili għal dawk titolizzati u li għandu stabbiliti politiki, proċeduri u kontrolli tal-immaniġġjar tar-riskju dokumentati sew u adegwati relatati mas-servizzjar tal-iskoperturi."

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   B'deroga mill- paragrafu 3, fil-każ ta' titolizzazzjonijiet NPE, fejn ġie miftiehem skont fil-prezz tax-xiri li ma jitħallasx lura, iż-żamma ta' interess materjali ekonomiku nett għall-finijiet ta' dak il-paragrafu ma għandhux ikun anqas minn 5 % tas-somma tal-valur nett tal-iskoperturi titolizzati li jikkwalifikaw bħala skoperturi improduttivi u, jekk applikabbli, il-valur nominali ta' kwalunkwe skopertura produttiva titolizzata.

Il-valur nett ta' skopertura improduttiva għandu jiġi kkalkolat billi jitnaqqas l-iskont tal-prezz tax-xiri li ma jitħallasx lura miftiehem fil-livell tal-iskopertura titolizzata individwali fil-ħin tal-oriġinazzjoni jew, fejn applikabbli, sehem korrispondenti tal-iskont tal-prezz tax-xiri li ma jitħallasx lura miftiehem fil-livell tal-aggregazzjoni ta' skoperturi sottostanti fil-ħin tal-oriġinazzjoni mill-valur nominali tal-iskopertura jew, fejn applikabbli, il-valur pendenti tagħha fil-ħin tal-oriġinazzjoni. Barra minn hekk, għall-fini tad-determinazzjoni tal-valur nett tal-iskoperturi improduttivi titolizzati, l-iskont tal-prezz tax-xiri li ma jitħallasx lura jista' jinkludi d-differenza bejn l-ammont nominali tas-segmenti tat-titolizzazzjoni NPE sottoskritti mill-oriġinatur għall-bejgħ sussegwenti u l-prezz li bih dawn is-segmenti jinbiegħu għall-ewwel darba lil partijiet terzi mhux relatati.";

(c)

il-paragrafu 7 huwa emendat kif ġej:

(i)

fl-ewwel subparagrafu, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

"(f)

il-modalitajiet taż-żamma tar-riskju skont il-paragrafi 3 u 3a fil-każ ta' titolizzazzjonijiet NPE;

(g)

l-impatt tat-tariffi mħallsa lir-ritenitur fuq l-interess materjali ekonomiku nett effettiv skont it-tifsira tal-paragrafu 1.";

(ii)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"L-EBA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Ottubru 2021.";

(5)

fl-Artikolu 9(1), jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

"B'deroga mill-ewwel subparagrafu, rigward l-iskoperturi sottostanti li kienu skoperturi improduttivi fiż-żmien li fih l-oriġinatur akkwistahom mingħand il-parti terza rilevanti, għandhom japplikaw standards solidi fl-għażla u l-ipprezzar tal-iskoperturi.";

(6)

fl-Artikolu 18, il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(a)

it-titolizzazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fit-Taqsima 1, 2 jew 2a ta' dan il-Kapitolu, u l-ESMA tkun ġiet innotifikata skont l-Artikolu 27(1); u";

(7)

it-titolu tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu 4 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Rekwiżiti għal titolizzazzjoni tradizzjonali sempliċi, trasparenti u standardizzata mhux ABCP ”

(8)

l-Artikolu 19 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titlu tal-Artikolu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Titolizzazzjoni tradizzjonali sempliċi, trasparenti u standardizzata mhux ABCP";

(b)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1.   It-titolizzazzjonijiet tradizzjonali, ħlief għall-programmi ABCP u għat-tranżazzjonijiet ABCP, li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 20, 21 u 22 għandhom jitqiesu li jkunu STS.";

(9)

l-Artikolu 22 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 4, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

"B'deroga mill-ewwel subparagrafu, l-oriġinaturi jistgħu, mill-1 ta' Ġunju 2021, jiddeċiedu li jippubblikaw l-informazzjoni disponibbli relatata mal-impatti negattivi prinċipali tal-assi ffinanzjati mill-iskoperturi sottostanti fuq il-fatturi ta’ sostenibbilta’.";

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

"6.   Sal-10 ta’ Lulju 2021, l-ASEs għandhom jiżviluppaw, permezz tal-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, abbozz ta' standards tekniċi regolatorji f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010 dwar il-kontenut, il-metodoloġiji u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, fir-rigward tal-indikaturi tas-sostenibbiltà fir-rigward ta' impatti negattivi fuq il-klima u impatti negattivi oħra ambjentali, soċjali u relatati mal-governanza.

Meta rilevanti, l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jirriflettu jew jibnu fuq l-istandards tekniċi regolatorji żviluppati skont il-mandat mogħti lill-ASEs fir-Regolament (UE) 2019/2088, b'mod partikolari fl-Artikolu 2a u fl-Artikoli 4(6) u (7) tiegħu.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010.";

(10)

tiddaħħal it-Taqsima li ġejja:

" TAQSIMA 2a

Rekwiżiti għal titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u standardizzati fil-karta tal-bilanċ

Artikolu 26a

Titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u standardizzati fil-karta tal-bilanċ

1.   Titolizzazzjonijiet sintetiċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti spjegati fl-Artikoli 26b sa 26e għandhom jitqiesu li huma titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ.

2.   L-EBA, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA u mal-EIOPA, tista' tadotta, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, linji gwida u rakkomandazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni armonizzata tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 26b sa 26e ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 26b

Rekwiżiti relatati mas-sempliċità

1.   Oriġinatur għandu jkun entità li hija awtorizzata jew li għandha liċenzja fl-Unjoni.

Oriġinatur li jixtri l-iskoperturi ta' parti terza f'ismu stess u mbagħad jittitolizzahom għandu japplika politiki fir-rigward tal-kreditu, il-ġbir, ir-ristrutturar tad-dejn u s-servizzjar applikat għal dawk l-iskoperturi li ma jkunux inqas strinġenti minn dawk li l-oriġinatur japplika għal skoperturi komparabbli li ma jkunux inxtraw.

2.   Skoperturi sottostanti għandhom jiġu oriġinati bħala parti mill-attività ewlenija tal-oriġinatur.

3.   Fid-data tal-għeluq ta’ tranżazzjoni, l-iskoperturi sottostanti għandhom jinżammu fil-karta tal-bilanċ tal-oriġinatur jew ta' entità li tappartjeni għall-istess grupp tal-oriġinatur.

Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, il-grupp għandu jkun wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

grupp ta' entitajiet ġuridiċi li huwa soġġett għal konsolidazzjoni prudenzjali skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu II tal-Ewwel Parti tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(b)

grupp kif definit fil-punt (c) tal-Artikolu 212(1) tad-Direttiva 2009/138/KE.

4.   L-oriġinatur ma għandux jiħħeġġja l-iskopertura tiegħu għar-riskju tal-kreditu tal-iskoperturi sottostanti tat-titolizzazzjoni lil hinn mill-protezzjoni miksuba permezz tal-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu.

5.   Il-ftehim dwar il-protezzjoni ta' kreditu għandu jikkonforma mar-regoli ta' mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu stabbiliti fl-Artikolu 249 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jew jekk l-Artikolu mhuwiex applikabbli, mar-rekwiżiti li mhumiex inqas stretti mir-rekwiżiti stabbiliti f'dak l-Artikolu.

6.   L-oriġinatur għandu jipprovdi rappreżentazzjonijiet u garanziji li ntlaħqu r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-oriġinatur jew entità tal-grupp li l-oriġinatur jappartjeni fih għandhom titolu legali u validu sħiħ għall-iskoperturi sottostanti u d-drittijiet anċillari assoċjati tagħhom;

(b)

meta l-oriġinatur ikun istituzzjoni ta' kreditu kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jew impriża tal-assigurazzjoni kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE, l-oriġinatur jew entità li tkun inkluża fl-ambitu tas-superviżjoni fuq bażi konsolidata jżommu r-riskju tal-kreditu tal-iskoperturi sottostanti fil-karta tal-bilanċ tagħhom;

(c)

kull skopertura sottostanti tikkonforma, fid-data li tkun inkluża fil-portafoll titolizzat, mal-kriterji ta' eliġibbiltà u mal-kundizzjonijiet kollha, minbarra l-okkorrenza ta' avveniment ta' kreditu kif imsemmi fl-Artikolu 26e(1), għal pagament ta' protezzjoni ta' kreditu f'konformità mal-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu li jinsab fi ħdan id-dokumentazzjoni tat-titolizzazzjoni;

(d)

sa fejn jaf l-oriġinatur, il-kuntratt għal kull skopertura sottostanti fih obbligu legali, validu, vinkolanti u infurzabbli fuq l-obbligant biex iħallas is-somom ta' flus speċifikati f'dak il-kuntratt;

(e)

l-iskoperturi sottostanti jikkonformaw mal-kriterji ta' sottoskrizzjoni li mhumiex anqas stretti minn dawk li l-oriġinatur japplika għal skoperturi simili li mhumiex titolizzati;

(f)

sa fejn jaf l-oriġinatur, l-ebda obbligant ma huwa fi ksur materjali jew f'nuqqas ta' kwalunkwe mill-obbligi tiegħu fir-rigward ta' skopertura sottostanti fid-data li fiha l-iskopertura sottostanti tkun inkluża fil-portafoll titolizzat;

(g)

sa fejn jaf l-oriġinatur, id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjonijiet ma tinkludix informazzjoni falza dwar id-dettalji tal-iskoperturi sottostanti;

(h)

fl-għeluq tat-tranżazzjoni jew meta skopertura sottostanti tkun inkluża fil-portafoll titolizzat, il-kuntratt bejn l-obbligant u l-mutwanti oriġinali fir-rigward ta' dik l-iskopertura sottostanti ma jkunx ġie emendat b'tali mod li jkunu ġew affettwati l-infurzabbiltà jew il-possibbiltà li dik l-iskopertura sottostanti tinġabar.

7.   Skoperturi sottostanti għandhom jissodisfaw kriterji ta' eliġibbiltà predeterminati, ċari u dokumentati li ma jippermettux immaniġġar tal-portafoll attiv ta' dawk l-iskoperturi fuq bażi diskrezzjonali.

Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, is-sostituzzjoni tal-iskoperturi li jiksru r-rappreżentazzjonijiet jew il-garanziji jew, jekk it-titolizzazzjoni tkun tinkludi perjodu ta' rikostituzzjoni, iż-żieda ta' skoperturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' rikostituzzjoni definiti ma għandhiex titqies bħala mmaniġġar tal-portafoll attiv.

Kwalunkwe skopertura miżjuda wara d-data tal-għeluq tat-tranżazzjoni għandha tissodisfa l-kriterji tal-eliġibbiltà li ma jkunux inqas stretti minn dawk applikati fl-għażla inizjali tal-iskoperturi sottostanti.

Skopertura sottostanti tista' titneħħa mit-tranżazzjoni jekk l-iskopertura sottostanti:

(a)

tkun ġiet imħallsa lura bis-sħiħ jew immaturat mod ieħor;

(b)

tkun tneħħiet matul il-kors ordinarju tan-negozju tal-oriġinatur, sakemm tali disponiment ma jkunx jikkostitwixxi appoġġ impliċitu kif imsemmi fl-Artikolu 250 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(c)

tkun soġġetta għal emenda li mhijiex immexxija mill-kreditu, bħar-rifinanzjament jew ir-ristrutturar tad-dejn, u li tokkorri matul il-kors ordinarju tal-ġestjoni ta' dik l-iskopertura sottostanti; jew

(d)

ma ssodisfatx il-kriterji ta' eliġibbiltà meta ġiet inkluża fit-tranżazzjoni.

8.   It-titolizzazzjoni għandha tkun appoġġata minn aggregazzjoni ta' skoperturi sottostanti li jkunu omoġenji f'termini tat-tip ta' assi, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi relatati mal-flussi tal-flus tat-tip ta' assi inklużi l-karatteristiċi kuntrattwali, tar-riskju ta' kreditu u ta' prepagament tagħhom. Aggregazzjoni ta' skoperturi sottostanti għandha tikkonsisti biss minn tip wieħed ta' assi.

L-iskoperturi sottostanti msemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jkun fihom obbligi li jkunu kuntrattwalment vinkolanti u eżegwibbli, b'rikors sħiħ għad-debituri u, jekk japplika, il-garanti.

L-iskoperturi sottostanti msemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jkollhom flussi ta' pagament perjodiċi definiti, li l-ħlasijiet parzjali tagħhom jistgħu jvarjaw fl-ammonti tagħhom, relatati mal-kiri, il-kapital jew il-pagamenti tal-imgħax, jew ma' kwalunkwe dritt ieħor li jirċievu introjtu mill-assi li jappoġġaw dawn il-pagamenti. L-iskoperturi sottostanti jistgħu jiġġeneraw ukoll rikavati mill-bejgħ ta' kwalunkwe assi finanzjati jew mikrija.

L-iskoperturi sottostanti msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandhomx jinkludu titoli trasferibbli kif definit fil-punt (44) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE ħlief bonds maħruġa minn kumpanija li ma jkunux elenkati f'ċentru tan-negozjar.

9.   Skoperturi sottostanti ma għandhom jinkludu l-ebda pożizzjoni ta' titolizzazzjoni.

10.   L-istandards ta' sottoskrizzjoni li skonthom huma oriġinati l-iskoperturi sottostanti u kwalunkwe bidla materjali għal standards ta' sottoskrizzjoni preċedenti għandhom jiġu divulgati b'mod sħiħ mingħajr dewmien bla bżonn lill-investituri potenzjali. L-iskoperturi sottostanti għandhom jiġu sottoskritti b'rikors sħiħ għal obbligant li mhuwiex SSPE. L-ebda parti terza ma għandha tkun involuta fid-deċiżjonijiet ta' kreditu jew sottoskrizzjoni dwar l-iskoperturi sottostanti.

Fil-każ ta' titolizzazzjonijiet li l-iskoperturi sottostanti tagħhom ikunu self residenzjali, l-aggregazzjoni tas-self ma tinkludi l-ebda self li tqiegħed fis-suq u li jkun ġie sottoskritt fuq il-bażi li l-applikant għas-self jew, fejn applikabbli, l-intermedjarji kienu jafu li l-informazzjoni pprovduta jaf ma tkunx ġiet verifikata mill-mutwanti.

Il-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tal-mutwatarju għandha tissodisfa r-rekwiżiti mogħtija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48/KE jew fl-Artikoli 18(1) sa (4), fil-punt (a) tal-Artikolu 18(5) u fl-Artikolu 18(6), tad-Direttiva 2014/17/UE jew, fejn applikabbli, rekwiżiti ekwivalenti f'pajjiżi terzi.

L-oriġinatur jew il-mutwanti oriġinali għandu jkollu għarfien espert fl-oriġinazzjoni ta' skoperturi ta' xorta simili għal dawk titolizzati.

11.   Skoperturi sottostanti ma għandhomx jinkludu, fil-mument tal-għażla, skoperturi f'inadempjenza skont it-tifsira tal-Artikolu 178(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jew skoperturi għal debitur jew garanti bi kreditu indebolit li, sa fejn jaf l-oriġinatur jew il-mutwanti oriġinali:

(a)

ikun ġie ddikjarat insolventi, jew qorti tkun tat lill-kredituri tiegħu dritt finali mhux appellabbli ta' infurzar jew ta' danni materjali bħala riżultat ta' pagament maqbuż fi żmien tliet snin qabel id-data tal-oriġinazzjoni jew ikun għadda minn proċess ta' ristrutturar tad-dejn fir-rigward tal-iskoperturi improduttivi tiegħu fi żmien tliet snin qabel id-data tal-għażla tal-iskoperturi sottostanti, ħlief jekk:

(i)

skopertura sottostanti ristrutturata ma tkunx ippreżentat arretrati ġodda mid-data tar-ristrutturar li kellu jseħħ għall-anqas sena qabel id-data tal-għażla tal-iskoperturi sottostanti; u

(ii)

l-informazzjoni pprovduta mill-oriġinatur skont il-punt (a) u l-punt (e)(i) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1), b'mod espliċitu tistabbilixxi il-proporzjon tal-iskoperturi sottostanti ristrutturati, il-ħin u d-dettalji tar-ristrutturar u l-prestazzjoni tagħhom mid-data tar-ristrutturar;

(b)

kien, fiż-żmien tal-oriġinazzjoni tal-iskopertura sottostanti, fejn applikabbli, fuq reġistru ta' kreditu pubbliku ta' persuni b'każijiet ta' kreditu negattivi jew, fejn ma jkunx hemm tali reġistru ta' kreditu pubbliku, reġistru ta' kreditu ieħor li jkun disponibbli għall-oriġinatur jew għall-mutwanti oriġinali; jew

(c)

għandu klassifikazzjoni tal-kreditu jew evalwazzjoni tal-kreditu li tindika li r-riskju li ma jsirux il-pagamenti kuntrattwalment maqbulin huwa ferm ogħla minn dak ta' skoperturi komparabbli miżmuma mill-oriġinatur li mhumiex titolizzati.

12.   Id-debituri għandhom, fil-mument tal-inklużjoni tal-iskoperturi sottostanti, ikunu għamlu tal-inqas pagament wieħed, minbarra jekk:

(a)

it-titolizzazzjoni tkun titolizzazzjoni rotanti, garantita bi skoperturi pagabbli f'pagament wieħed jew li għandha maturità ta' inqas minn sena, inklużi, mingħajr limitazzjoni, il-pagamenti fix-xahar għal krediti rotanti; jew

(b)

l-iskopertura tirrappreżenta r-rifinanzjament ta' skopertura li diġà tkun inkluża fit-tranżazzjoni.

13.   L-EBA, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA u mal-EIOPA, għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika aktar liema skoperturi sottostanti msemmija fil-paragrafu 8 huma meqjusa omoġenji.

L-EBA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Ottubru 2021.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament bl-adozzjoni tal-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

Artikolu 26c

Rekwiżiti relatati mat-titolizzazzjoni

1.   L-oriġinatur jew il-mutwanti oriġinali għandu jissodisfa r-rekwiżit tar-ritenzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 6.

2.   Ir-riskji tar-rata tal-imgħax u tal-munita li jirriżultaw minn titolizzazzjoni u l-effetti possibbli tagħhom fuq il-pagamenti lill-oriġinatur u lill-investituri għandhom jiġu deskritti fid-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni. Dawk ir-riskji għandhom jiġu mitigati kif xieraq u kwalunkwe miżura meħuda f'dan ir-rigward għandha tiġi ddivulgata. Kwalunkwe kollateral li jiggarantixxi l-obbligi tal-investitur skont il-ftehim ta' protezzjoni ta' kreditu għandu jkun denominat fl-istess munita li fih huwa denominat il-pagament tal-protezzjoni ta' kreditu.

Fil-każ ta' titolizzazzjoni bl-użu ta' SSPE, l-ammont ta' obbligazzjonijiet tal-SSPE dwar il-pagamenti tal-imgħax lill-investituri għandu, f'kull data ta' pagament, ikun inqas mill-ammont ta' introjtu tal-SSPE mill-oriġinatur u kwalunkwe arranġament kollaterali.

Ħlief għall-iskop tal-iħħeġġjar tar-riskju tal-imgħax jew tar-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-munita, l-aggregazzjoni tal-iskoperturi sottostanti ma għandux jinkludi derivattivi. Dawk id-derivattivi għandhom jiġu sottoskritti u dokumentati skont l-istandards komuni fl-isfera tal-finanzi internazzjonali.

3.   Kwalunkwe pagament tal-imgħax b'rata ta' referenza b'rabta mat-tranżazzjoni għandu jkun ibbażat fuq xi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

rati tal-imgħax ġeneralment użati fis-suq, jew rati settorjali ġeneralment użati li jirriflettu l-ispejjeż ta' fondi, u ma jirreferx għal formuli jew derivattivi kumplessi;

(b)

introjtu ġġenerat mill-kollateral li jiggarantixxi l-obbligazzjonijiet tal-investitur skont il-ftehim ta' protezzjoni.

Kwalunkwe pagament tal-imgħax b'rata ta' referenza dovut fil-kuntest tal-iskoperturi sottostanti għandu jkun ibbażat fuq rati tal-imgħax ġeneralment użati fis-suq, jew rati settorjali ġeneralment użati li jirriflettu l-ispiża tal-fondi, u ma għandux jirreferi għal formuli jew derivattivi kumplessi.

4.   Wara l-okkorrenza ta' avveniment ta' infurzar fir-rigward tal-oriġinatur, l-investitur għandu jkun permess li jieħu azzjoni ta' infurzar.

Fil-każ ta' titolizzazzjoni bl-użu ta' SSPE, meta jinħareġ avviż ta' eżekuzzjoni jew ta' terminazzjoni tal-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu, l-ebda ammont ta' flus kontanti ma għandu jinqabad fl-SSPE lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiġi żgurat il-funzjonament operattiv tal-SSPE, il-ħlas tal-pagamenti ta' protezzjoni għal skoperturi sottostanti inadempjenti li għadhom qed jiġu ristrutturati fil-mument tat-terminazzjoni, jew ir-ripagament ordnat lil investituri f'konformità mat-termini kuntrattwali tat-titolizzazzjoni.

5.   It-telf għandu jiġi allokat lid-detenturi ta' pożizzjoni ta' titolizzazzjoni fl-ordni tas-superjorità tas-segmenti, bl-aktar segment subordinat jiġi l-ewwel.

L-ammortizzament sekwenzjali għandu jiġi applikat għas-segmenti kollha biex jiġi ddeterminat l-ammont pendenti tas-segmenti f'kull data ta' pagament, bl-aktar segment superjuri jiġi l-ewwel.

B’deroga mit-tieni subparagrafu, tranżazzjonijiet li jinkludu prijorità mhux sekwenzjali ta' pagamenti għandhom jinkludu skattaturi relatati mal-prestazzjoni tal-iskoperturi sottostanti li jirriżultaw f'li l-prijorità ta' pagamenti tinverta l-ammortizzament għall-pagamenti sekwenzjali fl-ordni tas-superjorità. Tali skattaturi relatati mal-prestazzjoni għandhom jinkludu mill-inqas:

(a)

jew iż-żieda fl-ammont kumulattiv ta' skoperturi inadempjenti jew iż-żieda fit-telf kumulattiv akbar minn perċentwal partikolari tal-ammont pendenti tal-portafoll sottostanti;

(b)

skattatur retrospettiv addizzjonali wieħed; kif ukoll

(c)

skattatur prospettiv wieħed.

L-EBA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji dwar l-ispeċifikazzjoni, u fejn rilevanti, dwar il-kalibrazzjoni tal-iskattaturi relatati mal-prestazzjoni.

L-EBA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta' Ġunju 2021.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fir-raba’ subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

Hekk kif is-segmenti jammortizzaw, l-ammont tal-kollateral daqs l-ammont tal-ammortizzament ta' dawk is-segmenti għandu jingħata lura lill-investituri, dment li l-investituri jkunu kollateralizzaw dawk is-segmenti.

Meta avveniment ta' kreditu kif imsemmi fl-Artikolu 26e jkun seħħ fir-rigward ta' skoperturi sottostanti u r-ristrutturar tad-dejn għal dawk l-iskoperturi ma jkunx tlesta, l-ammont ta' protezzjoni tal-kreditu li jifdal fi kwalunkwe data ta' pagament għandu jkun mill-inqas ekwivalenti għall-ammont nominali pendenti ta' dawk l-iskoperturi sottostanti, li minnu jitnaqqas l-ammont ta' kwalunkwe pagament interim magħmul fir-rigward ta' dawk l-iskoperturi sottostanti.

6.   Id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni għandha tinkludi dispożizzjonijiet jew skattaturi xierqa ta' ammortizzament antiċipat għat-terminazzjoni tal-perijodu rotanti meta titolizzazzjoni tkun titolizzazzjoni rotanti, inkluż tal-inqas dawn li ġejjin:

(a)

deterjorament fil-kwalità kreditizja tal-iskoperturi sottostanti għal jew f'livell inqas minn limitu predefinit;

(b)

żieda fit-telf li tkun ogħla mil-limitu stabbilit minn qabel;

(c)

nuqqas li jiġu ġġenerati biżżejjed skoperturi sottostanti ġodda li jissodisfaw il-kwalità kreditizja predeterminata matul perjodu speċifikat.

7.   Id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni għandha tispeċifika b'mod ċar:

(a)

l-obbligi, id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet kuntrattwali tal-ġestur, il-fiduċjarju u fornituri oħra ta' servizzi anċillari, kif applikabbli, u jew l-aġent ta' verifika ta' parti terza msemmija fl-Artikolu 26e(4);

(b)

id-dispożizzjonijiet li jiżguraw is-sostituzzjoni tas-servizzjant, il-fiduċjarju, fornituri oħra ta' servizzi anċillari jew l-aġent ta' verifika ta' parti terza msemmija fl-Artikolu 26e(4) fil-każ ta' inadempjenza jew insolvenza ta' kwalunkwe wieħed minn dawk il-fornituri ta' servizzi, meta dawk il-fornituri ta' servizzi jkunu differenti mill-oriġinatur, b'mod li ma jirriżultax fit-tmiem tal-forniment ta' dawk is-servizzi;

(c)

il-proċeduri ta' ġestjoni li japplikaw għall-iskoperturi sottostanti fid-data tal-għeluq tat-tranżazzjoni u wara u ċ-ċirkostanzi li fihom dawk il-proċeduri jistgħu jiġu mmodifikati;

(d)

l-istandards tal-ġestjoni li s-servizzjant ikun obbligat li jaderixxi magħhom fil-ġestjoni tal-iskoperturi sottostanti matul il-ħajja kollha tat-titolizzazzjoni.

8.   Is-servizzjant għandu jkollu għarfien espert fil-ġestjoni ta' skoperturi ta' natura simili għal dawk titolizzati u għandu jkollu politiki, proċeduri u kontrolli tal-immaniġġar tar-riskju dokumentati sew u adegwati relatati mal-ġestjoni tal-iskoperturi.

Is-servizzjant għandu japplika proċeduri ta' ġestjoni għall-iskoperturi sottostanti li jkunu tal-anqas stretti daqs dawk applikati mill-oriġinatur għal skoperturi simili li mhumiex titolizzati.

9.   L-oriġinatur għandu jżomm reġistru ta' referenza aġġornat biex jidentifika l-iskoperturi sottostanti f'kull ħin. Dak ir-reġistru għandu jidentifika l-obbliganti ta' referenza, l-obbligi ta' referenza li minnhom joriġinaw l-iskoperturi sottostanti u, għal kull skopertura sottostanti, l-ammont nominali li huwa protett u li huwa pendenti.

10.   Id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni għandha tinkludi dispożizzjonijiet ċari li jiffaċilitaw ir-riżoluzzjoni f'waqtha ta' kunflitti bejn klassijiet differenti ta' investituri. Fil-każ ta' titolizzazzjoni bl-użu ta' SSPE, id-drittijiet tal-vot għandhom ikunu ddefiniti b'mod ċar u jiġu allokati lid-detenturi tal-bonds u r-responsabbiltajiet tal-fiduċjarju u tal-entitajiet oħrajn bi dmirijiet fiduċjarji lejn l-investituri għandhom jiġu identifikati b'mod ċar.

Artikolu 26d

Rekwiżiti relatati mat-trasparenza

1.   L-oriġinatur għandu jagħmel disponibbli data storika dwar il-prestazzjoni statika u dinamika fir-rigward ta' inadempjenzi u telf, bħad-data dwar id-delinkwenza u l-inadempjenza, għal skoperturi sostanzjalment simili għal dawk li jkunu qed jiġu titolizzati, u s-sorsi ta' dik id-data u l-bażi għad-dikjarazzjoni ta' similarità, lil investituri potenzjali qabel l-ipprezzar. Dik id-data għandha tkopri perjodu ta' mill-anqas ħames snin.

2.   Kampjun tal-iskoperturi sottostanti għandu jkun soġġett għal verifika esterna qabel l-għeluq tat-tranżazzjoni minn parti xierqa u indipendenti, inkluża verifika li l-iskoperturi sottostanti huma eliġibbli għall-protezzjoni tal-kreditu skont il-ftehim tal-protezzjoni tal-kreditu.

3.   L-oriġinatur għandu, qabel l-ipprezzar tat-titolizzazzjoni, iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-investituri potenzjali mudell tal-fluss tal-flus tal-obbligi li jirrappreżenta b'mod preċiż ir-relazzjoni kuntrattwali bejn l-iskoperturi sottostanti u l-pagamenti fi flussi bejn l-oriġinatur, l-investituri, partijiet terzi oħra u, jekk applikabbli, l-SSPE, u wara l-ipprezzar għandu jagħmel dak il-mudell disponibbli għall-investituri fuq bażi kontinwa u għall-investituri potenzjali fuq talba.

4.   Fil-każ ta' titolizzazzjoni fejn l-iskoperturi sottostanti huma self residenzjali jew self jew kirjiet għal karozzi, l-oriġinatur għandu jippubblika l-informazzjoni disponibbli relatata mal-prestazzjoni ambjentali tal-assi ffinanzjati minn dak is-self residenzjali, self jew kirjiet għal karozzi, bħala parti mill-informazzjoni ddivulgata skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1).

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, l-oriġinaturi jistgħu, mill-1 ta' Ġunju 2021, jiddeċiedu li jippubblikaw l-informazzjoni disponibbli relatata mal-impatti negattivi prinċipali tal-assi ffinanzjati mill-iskoperturi sottostanti fuq il-fatturi ta' sostenibbiltà.

5.   L-oriġinatur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-Artikolu 7. L-informazzjoni meħtieġa skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) għandha tkun disponibbli għal investituri potenzjali qabel l-ipprezzar fuq talba tagħhom. L-informazzjoni meħtieġa skont il-punti (b) sa (d) tal- ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) għandha tkun disponibbli qabel l-ipprezzar, mill-inqas f'forma abbozzata jew inizjali. Id-dokumentazzjoni finali għandha tkun disponibbli għall-investituri mhux iktar tard minn 15-il jum wara l-għeluq tat-tranżazzjoni.

6.   Sal-10 ta’ Lulju 2021, l-ASE għandhom jiżviluppaw, permezz tal-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, abbozz ta' standards tekniċi regolatorji f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010 dwar il-kontenut, il-metodoloġiji u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, fir-rigward tal-indikaturi tas-sostenibbiltà fir-rigward ta' impatti negattivi fuq il-klima u impatti negattivi oħra ambjentali, soċjali u relatati mal-governanza.

Meta rilevanti, l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jirrifletti jew jibni fuq l-istandards tekniċi regolatorji żviluppati f'konformità mal-mandat mogħti lill-ASE fir-Regolament (UE) 2019/2088, b'mod partikolari fl-Artikolu 2a u l-Artikoli 4(6) u (7) tiegħu.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 26e

Rekwiżiti li jikkonċernaw il-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu, l-aġent ta' verifika ta' parti terza u l-marġni pożittiv sintetiku

1.   Il-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu għandu tal-inqas ikopri l-avvenimenti tal-kreditu li ġejjin:

(a)

fejn it-trasferiment tar-riskju jinkiseb bl-użu ta' garanziji, l-avvenimenti tal-kreditu msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 215(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

(b)

fejn it-trasferiment tar-riskju jinkiseb bl-użu ta' derivattivi tal-kreditu, l-avvenimenti tal-kreditu msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 216(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

L-avvenimenti ta' kreditu kollha għandhom jiġu dokumentati.

Il-miżuri ta' trażżin fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 47b tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li jiġu applikati għall-iskoperturi sottostanti ma għandhomx jipprekludu l-iskattar tal-avvenimenti ta' kreditu eliġibbli.

2.   Il-pagament ta' protezzjoni tal-kreditu wara li jseħħ avveniment ta' kreditu għandu jiġi kkalkulat abbażi tat-telf effettiv imġarrab mill-oriġinatur jew mill-mutwanti oriġinali, kif maħdum skont il-politiki u l-proċeduri standard ta' rkupru għat-tipi ta' skoperturi rilevanti u rreġistrat fir-rapporti finanzjarji fiż-żmien meta jsir il-pagament. Il-pagament finali tal-protezzjoni tal-kreditu għandu jkun pagabbli f'perjodu speċifikat wara li d-dejn għall-iskopertura sottostanti rilevanti fejn ir-ristrutturar tad-dejn ikun tlesta qabel il-maturità legali skedata jew it-terminazzjoni bikrija tal-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu.

Pagament interim ta' protezzjoni tal-kreditu għandu jsir mhux aktar tard minn sitt xhur wara li jseħħ avveniment ta' kreditu kif imsemmi fil-paragrafu 1 f'każijiet fejn ir-ristrutturar tad-dejn għat-telf għall-iskopertura sottostanti rilevanti ma jkunx tlesta sa tmiem dak il-perjodu ta' sitt xhur. Il-pagament interim ta' protezzjoni tal-kreditu għandu jkun mill-inqas l-ogħla wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

l-ammont ta' telf mistenni li huwa ekwivalenti għall-indeboliment irreġistrat mill-oriġinatur fir-rapporti finanzjarji tiegħu f'konformità mal-qafas tal-kontabbiltà applikabbli fiż-żmien meta jsir il-pagament interim bis-suppożizzjoni li l-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu ma jeżistix u ma jkopri l-ebda telf;

(b)

jekk applikabbli, l-ammont ta' telf mistenni kif iddeterminat skont il-Kapitolu 3 tat-Titolu II tal-Parti Tlieta, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Meta jsir pagament interim ta' protezzjoni tal-kreditu, il-pagament finali ta' protezzjoni tal-kreditu msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jsir sabiex jiġi aġġustat is-saldu interim tat-telf mat-telf effettiv imġarrab.

Il-metodu għall-kalkolu tal-pagamenti interim u finali ta' protezzjoni tal-kreditu għandu jiġi speċifikat fil-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu.

Il-pagament ta' protezzjoni tal-kreditu għandu jkun proporzjonali għas-sehem tal-ammont nominali pendenti tal-iskopertura sottostanti korrispondenti li tkun koperta mill-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu.

Id-dritt tal-oriġinatur li jirċievi l-pagament tal-protezzjoni tal-kreditu għandu jkun infurzabbli. L-ammonti pagabbli mill-investituri taħt il-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu għandhom jiġu stabbiliti b'mod ċar fil-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu u għandhom jiġu limitati. Għandu jkun possibbli li dawk l-ammonti jiġu kkalkulati f'kull ċirkostanza. Il-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu għandu jistabbilixxi b'mod ċar iċ-ċirkostanzi li fihom l-investituri għandhom ikunu meħtieġa jagħmlu l-pagamenti. L-aġent ta' verifika ta' parti terza msemmi fil-paragrafu 4 għandu jivvaluta jekk seħħewx ċirkostanzi bħal dawn.

L-ammont ta' pagament ta' protezzjoni tal-kreditu għandu jiġi kkalkulat fil-livell tal-iskopertura sottostanti individwali li għaliha jkun seħħ avveniment ta' kreditu.

3.   Il-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu għandu jispeċifika l-perjodu ta' estensjoni massimu li għandu japplika għar-ristrutturar tad-dejn għall-iskoperturi sottostanti li fir-rigward tagħhom seħħ avveniment ta' kreditu kif imsemmi fil-paragrafu 1, iżda fejn ir-ristrutturar tad-dejn ma jkunx ġie kkompletat sal-maturità legali skedata jew sat-terminazzjoni bikrija tal-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu. Tali perjodu ta' estensjoni ma għandux ikun itwal minn sentejn. Il-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu għandu jipprevedi li, sa tmiem dak il-perjodu ta' estensjoni, għandu jsir pagament finali ta' protezzjoni tal-kreditu fuq il-bażi tal-istima finali tat-telf tal-oriġinatur li jkun irid jiġi reġistrat mill-oriġinatur fir-rapporti finanzjarji tiegħu f'dak iż-żmien bis-suppożizzjoni li l-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu ma jeżistix u ma jkopri l-ebda telf.

Fil-każ li l-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu jiġi tterminat, ir-ristrutturar tad-dejn għandu jkompli fir-rigward ta' kwalunkwe avveniment ta' kreditu pendenti li seħħ qabel dik it-terminazzjoni bl-istess mod bħal dak deskritt fl-ewwel subparagrafu.

Il-primjums tal-protezzjoni tal-kreditu li għandhom jitħallsu skont il-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu għandhom ikunu strutturati bħala kontinġenti fuq l-ammont nominali pendenti tal-iskoperturi titolizzati produttivi u għandhom jirriflettu r-riskju tas-segment protett. Għal dawk il-finijiet, il-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu ma għandux jistipula primjums garantiti, pagamenti bil-quddiem tal-primjum, mekkaniżmi ta' ribass jew mekkaniżmi oħra li jistgħu jevitaw jew inaqqsu l-allokazzjoni attwali tat-telf għall-investituri jew għar-ritorn ta' parti mill-primjums imħallsin lill-oriġinatur wara l-maturità tat-tranżazzjoni.

B'deroga mit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-pagamenti ta' primjum bil-quddiem għandhom ikunu permessi, dment li jkun hemm konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, meta l-iskema ta' garanzija tkun prevista b'mod speċifiku fid-dritt nazzjonali ta' Stat Membru u tibbenefika minn kontrogaranzija ta' kwalunkwe waħda mill-entitajiet elenkati fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 214(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni għandha tiddeskrivi kif il-primjum tal-protezzjoni tal-kreditu u kwalunkwe kupun, jekk ikun hemm, jiġu kkalkolati fir-rigward ta' kull data ta' pagament matul il-ħajja kollha tat-titolizzazzjoni.

Id-drittijiet tal-investituri li jirċievu primjums tal-protezzjoni tal-kreditu għandhom ikunu infurzabbli.

4.   L-oriġinatur għandu jaħtar aġent ta' verifika ta' parti terza qabel id-data tal-għeluq tat-tranżazzjoni. Għal kull waħda mill-iskoperturi sottostanti li jingħata avviż ta' avveniment ta' kreditu għaliha, l-aġent ta' verifika ta' parti terza għandu jivverifika, mill-inqas, dan kollu li ġej:

(a)

li l-avveniment ta' kreditu msemmi fl-avviż ta' avveniment ta' kreditu huwa avveniment ta' kreditu kif speċifikat fit-termini tal-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu;

(b)

li l-iskopertura sottostanti kienet inkluża fil-portafoll ta' referenza fiż-żmien tal-okkorrenza tal-avveniment ta' kreditu kkonċernat;

(c)

li l-iskopertura sottostanti ssodisfat il-kriterji ta' eliġibbiltà fil-mument tal-inklużjoni tagħha fil-portafoll ta' referenza;

(d)

meta skopertura sottostanti tkun ġiet miżjuda mat-titolizzazzjoni bħala riżultat ta' rikostituzzjoni, li tali rikostituzzjoni kienet konformi mal-kundizzjonijiet tar-rikostituzzjoni;

(e)

li l-ammont ta' telf finali jkun konsistenti mat-telf irreġistrat mill-oriġinatur fir-rapport tal-introjtu tiegħu;

(f)

li, fil-mument li jsir il-pagament finali għall-protezzjoni tal-kreditu, it-telf fir-rigward tal-iskoperturi sottostanti jkun ġie korrettament allokat lill-investituri.

L-aġent ta' verifika ta' parti terza għandu jkun indipendenti mill-oriġinatur u mill-investituri, u, fejn applikabbli, mill-SSPE u għandu jkun aċċetta l-ħatra bħala aġent ta' verifika ta' parti terza sad-data tal-għeluq tat-tranżazzjoni.

L-aġent ta' verifika ta' parti terza jista' jwettaq il-verifika fuq bażi ta' kampjun minflok fuq il-bażi ta' kull skopertura sottostanti individwali li għaliha jintalab pagament ta' protezzjoni tal-kreditu. Madankollu, l-investituri jistgħu jitolbu l-verifika tal-eliġibbiltà ta' kwalunkwe skopertura sottostanti partikolari meta ma jkunux issodisfati bil-verifika abbażi ta' kampjun.

L-oriġinatur għandu jinkludi impenn fid-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni li jipprovdi lill-aġent ta' verifika ta' parti terza l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jivverifika r-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu.

5.   L-oriġinatur ma jistax itemm tranżazzjoni qabel il-maturità skedata għal kwalunkwe raġuni oħra għajr xi waħda mill-avvenimenti li ġejjin:

(a)

l-insolvenza tal-investitur;

(b)

in-nuqqasijiet tal-investituri li jħallsu kwalunkwe ammont dovut skont il-ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu jew ksur mill-investitur ta' kwalunkwe obbligu materjali stabbilit fid-dokumenti ta' tranżazzjoni;

(c)

avvenimenti regolatorji rilevanti, inklużi:

(i)

bidliet rilevanti fild-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali, bidliet rilevanti mill-awtoritajiet kompetenti għal interpretazzjonijiet ippubblikati uffiċjalment ta' dawn il-liġijiet, fejn applikabbli, jew bidliet rilevanti fit-tassazzjoni jew trattament kontabilistiku tat-tranżazzjoni li jkollhom effett negattiv materjali fuq l-effiċjenza ekonomika ta' tranżazzjoni, f'kull każ imqabbla ma' dawk antiċipati fiż-żmien tad-dħul fit-tranżazzjoni u li ma setgħux ikunu raġonevolment mistennija dak iż-żmien;

(ii)

determinazzjoni minn awtorità kompetenti li l-oriġinatur jew kwalunkwe affiljat tal-oriġinatur ma jkollux il-permess jew ma jibqax ikollu l-permess li jirrikonoxxi trasferiment tar-riskju ta’ kreditu sinifikanti skont l-Artikolu 245(2) jew (3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tat-titolizzazzjoni;

(d)

l-eżerċitar ta' opzjoni ta' xiri tat-tranżazzjoni f'mument speċifiku (time call), meta l-perjodu ta' żmien imkejjel mid-data tal-għeluq tat-tranżazzjoni ikun daqs jew akbar mill-ħajja medja ponderata tal-portafoll ta' referenza inizjali fid-data tal-għeluq tat-tranżazzjoni;

(e)

l-eżerċitar ta' għażla eżerċitabbli eżawrjenti kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 242 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(f)

fil-każ ta' protezzjoni ta' kreditu mhux iffinanzjata, l-investitur ma jibqax jikkwalifika bħala fornitur tal-protezzjoni eliġibbli skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 8.

Id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni għandha tispeċifika jekk xi wieħed mid-drittijiet ta' call imsemmija fil-punti (d) u (e) humiex inklużi fit-tranżazzjoni kkonċernata u kif dawn id-drittijiet ta' call huma strutturati.

Għall-finijiet tal-punt (d), it-time call ma għandhiex tkun strutturata biex jiġi evitat li t-telf jiġi allokat għal pożizzjonijiet ta' titjib fil-kreditu jew pożizzjonijiet oħra li jkollhom l-investituri u ma għandhiex tkun strutturata b'mod ieħor biex tipprovdi titjib fil-kreditu.

Meta t-time call jiġi eżerċitat, l-oriġinaturi għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar kif ir-rekwiżiti msemmija fit-tieni u fit-tielet subparagrafi huma ssodisfatti, inkluża ġustifikazzjoni tal-użu tat-time call u rendikont plawżibbli li juri li l-eżerċitar tal-call mhux isir minħabba xi deterjorament fil-kwalità tal-assi sottostant.

Fil-każ ta' protezzjoni ffinanzjata tal-kreditu, mat-terminazzjoni tal-ftehim tal-protezzjoni tal-kreditu, il-kollateral għandu jingħata lura lill-investituri fl-ordni tas-superjorità tas-segmenti soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-liġi rilevanti tal-insolvenza, kif applikabbli għall-oriġinatur.

6.   Investituri ma jistgħux itemmu tranżazzjoni qabel il-maturità skedata tagħha għal kwalunkwe raġuni oħra għajr in-nuqqas ta' ħlas tal-primjum għall-protezzjoni tal-kreditu jew kwalunkwe ksur materjali ieħor tal-obbligi kuntrattwali mill-oriġinatur.

7   L-oriġinatur jista' jimpenja marġni pożittiv sintetiku, li għandu jkun disponibbli bħala titjib fil-kreditu għall-investituri, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-ammont tal-marġni pożittiv sintetiku li l-oriġinatur jieħu l-impenn li juża bħala titjib fil-kreditu f'kull perjodu ta' pagament huwa speċifikat fid-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni u espress bħala perċentwal fiss tal-bilanċ totali pendenti tal-portafoll fil-bidu tal-perjodu ta' pagament rilevanti (marġni pożittiv sintetiku fiss);

(b)

il-marġni pożittiv sintetiku li ma jintużax biex ikopri t-telf ta' kreditu li jimmaterjalizza waqt kull perjodu ta' pagament għandu jiġi rritornat lill-oriġinatur;

(c)

għal oriġinaturi li jużaw l-Approċċ IRB imsemmi fl-Artikolu 143 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-ammont totali impenjat kull sena ma għandux ikun ogħla mill-ammonti regolatorji ta' telf mistennija ta' sena fuq l-iskoperturi sottostanti kollha għal dik is-sena, ikkalkulati skont l-Artikolu 158 ta' dak ir-Regolament;

(d)

għal oriġinaturi li ma jużaw l-Approċċ IRB imsemmi fl-Artikolu 143 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-kalkolu tat-telf mistenni ta' sena tal-portafoll sottostanti għandu jiġi determinat b'mod ċar fid-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni;

(e)

id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni tispeċifika l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan il-paragrafu.

8.   Ftehim ta' protezzjoni tal-kreditu għandu jieħu l-forma ta’:

(a)

garanzija li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu 4 tat-Titolu II tal-Parti Tlieta tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, li biha r-riskju ta' kreditu jiġi trasferit lil kwalunkwe waħda mill-entitajiet elenkati fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 214(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, sakemm l-iskoperturi għall-investitur jikkwalifikaw għal piż tar-riskju ta' 0 % skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu II tal-Parti Tlieta ta' dak ir-Regolament;

(b)

garanzija li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu 4 tat-Titolu II tal-Parti Tlieta, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, li tibbenefika minn kontrogaranzija ta' kwalunkwe waħda mill-entitajiet imsemmija fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu; jew

(c)

protezzjoni ta' kreditu oħra mhux imsemmija fil-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu fil-forma ta' garanzija, derivattiva ta' kreditu jew nota marbuta ma' kreditu li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 249 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, dment li l-obbligi tal-investitur ikunu żgurati minn kollateral li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 9 u 10 ta' dan l-Artikolu.

9.   Protezzjoni ta’ kreditu oħra msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 8 għandha tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

id-dritt tal-oriġinatur li juża l-kollateral sabiex jissodisfa l-obbligi tal-ħlas ta' protezzjoni tal-investituri huwa infurzabbli u l-infurzabbiltà ta' dak id-dritt hija żgurata permezz ta' arranġamenti kollaterali xierqa;

(b)

meta t-titolizzazzjoni tiġi xolta jew meta s-segmenti jiġu ammortizzati, id-dritt tal-investituri li jirritornaw kwalunkwe kollateral li ma ntużax biex jissodisfaw il-pagamenti ta' protezzjoni jkun infurzabbli;

(c)

meta l-kollateral jiġi investit f'titoli, id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni tistabbilixxi l-kriterji ta' eliġibbiltà u l-arranġament ta' kustodja għal tali titoli.

Id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni għandha tispeċifika jekk l-investituri jibqgħux esposti għar-riskju tal-kreditu tal-oriġinatur.

L-oriġinatur għandu jikseb opinjoni minn konsulent legali kkwalifikat li tikkonferma l-infurzabbiltà tal-protezzjoni tal-kreditu fil-ġurisdizzjonijiet rilevanti kollha.

10.   Fejn tiġi pprovduta protezzjoni ta' kreditu oħra skont il-punt (c) tal-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu, l-oriġinatur u l-investitur għandhom jirrikorru għal kollateral ta' kwalità għolja, li għandu jkun wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

kollateral f'forma ta' titoli ta' dejn b'piż tar-riskju ta' 0 % msemmija fil-Kapitolu 2 tat-Titolu II tal-Parti Tlieta tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(i)

dawk it-titoli tad-dejn għandhom maturità massima li jifdal ta' tliet xhur li ma għandhiex tkun itwal mill-perjodu li jifdal sad-data ta' pagament li jmiss;

(ii)

dawk it-titoli tad-dejn jistgħu jinfdew fi flus f'ammont ugwali għall-bilanċ pendenti tas-segment protett;

(iii)

dawk it-titoli tad-dejn jinżammu minn kustodju indipendenti mill-oriġinatur u l-investituri;

(b)

kollateral f'forma ta' flus kontanti miżmuma ma' istituzzjoni ta' kreditu terza b'livell tal-kwalità tal-kreditu 3 jew ogħla f’konformita’ mal-assoċjazzjoni stabbilita fl-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

B'deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, soġġett għall-kunsens espliċitu fid-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni finali mill-investitur wara li jkun wettaq id-diliġenza dovuta tiegħu skont l-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament, inkluża valutazzjoni ta' kwalunkwe skopertura għar-riskju ta' kreditu tal-kontroparti rilevanti, l-oriġinatur biss jista' jirrikorri għal kollateral ta' kwalità għolja fil-forma ta' flus kontanti depożitati mal-oriġinatur, jew ma' wieħed mill-affiljati tiegħu, jekk l-oriġinatur jew wieħed mill-affiljati tiegħu jikkwalifika bħala minimu għall-kwalità tal-kreditu 2 f’konformità mal-assoċjazzjoni stabbilita fl-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

L-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 29(5) jistgħu, wara li jikkonsultaw mal-EBA, jippermettu kollateral fil-forma ta' flus kontanti depożitati mal-oriġinatur, jew ma' wieħed mill-affiljati tiegħu, jekk l-oriġinatur jew wieħed mill-affiljati tiegħu jikkwalifika għal livell tal-kwalità tal-kreditu 3 dment li jkunu jistgħu jiġu ddokumentati d-diffikultajiet tas-suq, l-impedimenti oġġettivi relatati mal-iskala tal-kwalità tal-kreditu assenjata lill-Istat Membru tal-istituzzjoni jew il-problemi sinifikanti potenzjali ta' konċentrazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat minħabba l-applikazzjoni tar-rekwiżit minimu tal-livell tal-kwalità tal-kreditu 2 msemmi fit-tieni subparagrafu.

Jekk l-istituzzjoni ta' kreditu terza jew l-oriġinatur jew wieħed mill-affiljati tiegħu ma jibqgħux jikkwalifikaw għall-livell minimu tal-kwalità tal-kreditu, il-kollateral għandu jiġi ttrasferit fi żmien disa' xhur lil istituzzjoni ta' kreditu terza b'livell tal-kwalità tal-kreditu 3 jew ogħla, jew il-kollateral għandu jiġi investit f'titoli li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu.

Ir-rekwiżiti stabbiliti f'dan il-paragrafu għandhom jitqiesu ssodisfati fil-każ ta' investimenti f'noti marbuta ma' kreditu maħruġa mill-oriġinatur, f'konformità mal-Artikolu 218 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

L-EBA għandha timmonitorja l-applikazzjoni tal-prattiki ta' kollateralizzazzjoni taħt dan l-Artikolu, b'attenzjoni partikolari għar-riskju ta' kreditu tal-kontroparti u riskji ekonomiċi u finanzjarji oħra mġarrba mill-investituri li jirriżultaw minn tali prattiki ta' kollateralizzazzjoni.

L-EBA għandha tippreżenta rapport dwar is-sejbiet tagħha lill-Kummissjoni sal-10 ta’ April 2023.

Sal-10 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni għandha, abbażi ta' dak ir-rapport tal-EBA, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu b'attenzjoni partikolari għar-riskju ta' akkumulazzjoni eċċessiva tar-riskju tal-kreditu tal-kontroparti fis-sistema finanzjarja, flimkien ma' proposta leġiżlattiva biex jiġi emendat dan l-Artikolu, jekk xieraq.";

(11)

l-Artikolu 27 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, l-ewwel u t-tieni subparagrafi huma ssostitwiti b’dan li ġej:

"L-oriġinaturi u l-isponsors għandhom jinnotifikaw b'mod konġunt lill-ESMA permezz tal-mudell imsemmi fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu fejn titolizzazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 19 sa 22, l-Artikoli 23 sa 26 jew l-Artikoli 26a sa 26e ("notifika STS"). Fil-każ ta’ programm ABCP, l-isponsor biss għandu jkun responsabbli għan-notifika ta’ dak il-programm u, fi ħdan dak il-programm, tat-tranżazzjonijiet tal-ABCP li jikkonformaw mal-Artikolu 24. Fil-każ ta' titolizzazzjoni sintetika, l-oriġinatur biss għandu jkun responsabbli għan-notifika.

In-notifika STS għandha tinkludi spjegazzjoni mill-oriġinatur u l-isponsor ta' kif il-kriterji STS stabbiliti fl-Artikoli 20 sa 22, l-Artikoli 24 sa 26 jew l-Artikoli 26b sa 26e ġew rispettati.";

(b)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

fl-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

"L-oriġinatur, l-isponsor jew l-SSPE jistgħu jużaw is-servizz ta' parti terza awtorizzata skont l-Artikolu 28 biex tivvaluta jekk titolizzazzjoni tikkonformax mal-Artikoli 19 sa 22, l-Artikoli 23 sa 26 jew l-Artikoli 26a sa 26e.";

(ii)

fit-tieni subparagrafu, l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

"Meta l-oriġinatur, l-isponsor jew l-SSPE jużaw is-servizz ta' parti terza awtorizzata skont l-Artikolu 28 biex jivvaluta jekk titolizzazzjoni tikkonformax mal-Artikoli 19 sa 22, l-Artikoli 23 sa 26 jew l-Artikoli 26a sa 26e, in-notifika STS għandha tinkludi dikjarazzjoni li l-konformità mal-kriterji STS kienet ikkonfermata minn dik il-parti terza awtorizzata.";

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"4.   L-oriġinatur u, fejn applikabbli, l-isponsor għandhom jinnotifikaw lill-ESMA u jinformaw lill-awtorità kompetenti tagħhom minnufih meta titolizzazzjoni ma tibqax tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 19 sa 22, l-Artikoli 23 sa 26 jew tal-Artikoli 26a sa 26e.";

(d)

fil-paragrafu 5, l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

"L-ESMA għandha taġġorna, fuq is-sit web uffiċjali tagħha, lista tat-titolizzazzjonijiet kollha li fir-rigward tagħhom l-oriġinaturi u l-isponsors ikunu nnotifikawha li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 19 sa 22, l-Artikoli 23 sa 26, jew l-Artikoli 26a sa 26e.".

(e)

fil-paragrafu 6, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"L-ESMA għandha tippreżenta dan l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Ottubru 2021.";

(f)

fil-paragrafu 7, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"L-ESMA għandha tippreżenta dan l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Ottubru 2021.";

(12)

fl-Artikolu 28(1) l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

"1.   Parti terza kif imsemmi fl-Artikolu 27(2) għandha tkun awtorizzata mill-awtorità kompetenti biex tivvaluta l-konformità tat-titolizzazzjonijiet mal-kriterji STS previsti fl-Artikoli 19 sa 22, l-Artikoli 23 sa 26, jew l-Artikoli 26a sa 26e.";

(13)

fl-Artikolu 29(5), it-tieni sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

"L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-ESMA bil-ħatra tal-awtoritajiet kompetenti skont dan il-paragrafu sal-10 ta’ Ottubru 2021. Sal-ħatra ta' awtorità kompetenti biex tissorvelja l-konformita' mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 26a sa 26e, l-awtorità kompetenti maħtura biex tissorvelja l-konformita' mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 18 sa 27 applikabbli fit-8 ta’ April 2021 għandha tissorvelja wkoll il-konformita' mar-rekwiżiti stabbiliti mal-Artikoli 26a sa 26e.";

(14)

l-Artikolu 30(2) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(a)

il-proċessi u l-mekkaniżmi biex jitkejjel u jinżamm b'mod korrett l-interess materjali ekonomiku nett fuq bażi kontinwa f'konformità mal-Artikolu 6(1) u l-ġbir u l-iżvelar f'waqtu tal-informazzjoni kollha li għandha ssir disponibbli f'konformità mal-Artikolu 7;";

(b)

jiddaħħal il-punt li ġej:

"(aa)

għal skoperturi li mhumiex parti minn Titolizzazzjoni ta' NPE:

(i)

il-kriterji tal-għoti tal-kreditu applikati għall-iskoperturi produttivi skont l-Artikolu 9;

(ii)

l-istandards solidi għall-għażla u l-ipprezzar applikati għal skoperturi sottostanti li huma skoperturi improduttivi kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1);";

(c)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

"(d)

għat-titolizzazzjonijiet NPE, il-proċessi u l-mekkaniżmi biex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikolu 9(1) li jipprevjenu kwalunkwe abbuż tad-deroga prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1);

(e)

għat-titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ, il-proċessi u l-mekkaniżmi biex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikoli 26b sa 26e;";

(15)

l-Artikolu 31 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 31

Sorveljanza makroprudenzjali tas-suq tat-titolizzazzjoni

1.   Fil-limiti tal-mandat tiegħu, il-BERS għandu jkun responsabbli għas-sorveljanza makroprudenzjali tas-suq tat-titolizzazzjoni tal-Unjoni.

2.   Sabiex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni tar-riskji sistemiċi għall-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni li jirriżultaw minn żviluppi fis-sistema finanzjarja u b'kont meħud tal-iżviluppi makroekonomiċi, bl-għan li jiġu evitati perjodi ta' diffikultà finanzjarja mifruxa, il-BERS għandu kontinwament jissorvelja l-iżviluppi fis-swieq tat-titolizzazzjoni. Meta l-BERS iqis li huwa meħtieġ u mill-inqas kull tliet snin, il-BERS għandu, f'kollaborazzjoni mal-EBA, jippubblika rapport dwar l-implikazzjonijiet tas-suq tat-titolizzazzjoni għall-istabbiltà finanzjarja sabiex jiġu enfasizzati r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u għar-rapport imsemmi fl-Artikolu 44, il-BERS għandu, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-ASEs, sal-31 ta' Diċembru 2022, jippubblika rapport li jivvaluta l-impatt tal-introduzzjoni tat-titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ fuq l-istabbiltà finanzjarja, u ta' kwalunkwe riskju sistemiku potenzjali, bħar-riskji potenzjali li jinħolqu mill-konċentrazzjoni u l-interkonnettività bejn bejjiegħa ta' protezzjonijiet tal-kreditu mhux pubbliċi.

Ir-rapport tal-BERS imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jqis il-karatteristiċi speċifiċi tat-titolizzazzjoni sintetika, b'mod partikolari l-karattru speċifiku u privat tipiku tagħha fis-swieq finanzjarji, u jeżamina jekk it-trattament tat-titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ huwiex tassew favorevoli għal tnaqqis fir-riskju globali fis-sistema finanzjarja u għal finanzjament aħjar tal-ekonomija reali.

Fit-tħejjija tar-rapport tiegħu, il-BERS għandu juża varjetà ta' sorsi tad-data rilevanti, bħal:

(a)

id-data miġbura mill-awtoritajiet kompetenti f'konformità mal-Artikolu 7(1);

(b)

l-eżitu tar-rieżamijiet imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti f'konformità mal-Artikolu 30(2); kif ukoll

(c)

data miżmuma f'repożitorji tat-titolizzazzjoni f'konformità mal-Artikolu 10.

4.   Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, il-BERS għandu jipprovdi twissijiet u, fejn xieraq, joħroġ rakkomandazzjonijiet għal azzjoni ta' rimedju b'rispons għar-riskji msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu, inkluż dwar l-adegwatezza tal-modifika tal-livelli ta' ritenzjoni tar-riskju, jew miżuri makroprudenzjali oħra.

Fi żmien tliet xhur mid-data tat-trażmissjoni tar-rakkomandazzjoni, id-destinatarju tar-rakkomandazzjoni għandu, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, jikkomunika lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-BERS l-azzjonijiet li huwa ħa b'rispons għar-rakkomandazzjoni u għandu jipprovdi ġustifikazzjoni adegwata għal kwalunkwe nuqqas ta' azzjoni.";

(16)

l-Artikolu 32 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (e) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(e)

titolizzazzjoni tiġi deżinjata bħala STS u oriġinatur, sponsor, jew SSPE ta' dik it-titolizzazzjoni jkun naqas milli jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 19 sa 22, l-Artikoli 23 sa 26 jew l-Artikoli 26a sa 26e;";

(b)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(d)

fil-każ ta' ksur kif imsemmi fil-punt (e) jew (f) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, projbizzjoni temporanja li tipprevjeni lill-oriġinatur u lill-isponsor milli jinnotifikaw skont l-Artikolu 27(1) li titolizzazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 19 sa 22, l-Artikoli 23 sa 26 jew l-Artikoli 26a sa 26e.";

(ii)

il-punt (h) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(h)

f'każ ta' ksur kif imsemmi fil-punt (h) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, irtirar temporanju tal-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 28 għall-parti terza awtorizzata biex tivvaluta l-konformità ta' titolizzazzjoni mal-Artikoli 19 sa 22, l-Artikoli 23 sa 26 jew l-Artikoli 26a sa 26e.";

(17)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 43a

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali għat-titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ

1.   Fir-rigward tat-titolizzazzjonijiet sintetiċi li l-ftehim tal-protezzjoni tal-kreditu tagħhom sar effettiv qabel id-9 ta’ April 2021, l-oriġinaturi u l-SSPEs jistgħu jużaw id-deżinjazzjoni "STS" jew "sempliċi, trasparenti u standardizzata", jew deżinjazzjoni li tirreferi direttament jew indirettament għal dawn it-termini fil-każ biss li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 18 u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu jkunu ssodisfati fiż-żmien tan-notifika msemmija fl-Artikolu 27(1).

2.   Sad-data tal-applikazzjoni tal-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-Artikolu 27(6), l-oriġinaturi għandhom, għall-finijiet tal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 27(1), jagħmlu l-informazzjoni meħtieġa disponibbli għall-ESMA bil-miktub.

3.   Titolizzazzjonijiet li l-pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni inizjali tagħhom inħolqu qabel id-9 ta’ April 2021 għandhom jitqiesu li huma STS dment li:

(a)

huma ssodisfaw, fiż-żmien tal-ħolqien tal-pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni inizjali, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 26b(1) sa (5), (7) sa (9) u (11) u (12), l-Artikoli 26c(1) u (3), l-Artikolu 26e(1), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26e(2), it-tielet u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 26e(3), u l-Artikoli 26e(6) sa (9); kif ukoll

(b)

jissodisfaw, fil-mument tan-notifika skont l-Artikolu 27(1), ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 26b(6) u (10), l-Artikoli 26c(2) u (4) sa (10), l-Artikoli 26d(1) sa (5) u t-tieni sas-seba’ subparagrafi tal-Artikolu 26e(2), l-ewwel, it-tieni u l-ħames subparagrafi tal-Artikolu 26e(3) u l-Artikoli 26e(4) u (5).

4.   Għall-finijiet tal-punt (b) tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, japplika dan li ġej:

(a)

fl-Artikolu 26d(2) "qabel l-għeluq tat-tranżazzjoni" għandhom jitqiesu li jinqraw "qabel in-notifika skont l-Artikolu 27(1)";

(b)

fl-Artikolu 26d(3) "qabel l-ipprezzar tat-titolizzazzjoni" għandhom jitqiesu li jinqraw "qabel in-notifika skont l-Artikolu 27(1)";

(c)

fl-Artikolu 26d(5):

(i)

fit-tieni sentenza, "qabel l-ipprezzar" għandha titqies li taqra "qabel in-notifika skont l-Artikolu 27(1)";

(ii)

fit-tielet sentenza "qabel l-ipprezzar għall-inqas fl-abbozz jew fil-forma inizjali" għandha titqies li taqra "qabel in-notifika skont l-Artikolu 27(1)";

(iii)

ir-rekwiżit spjegat fir-raba' sentenza ma għandux japplika;

(iv)

referenzi għall-konformità mal-Artikolu 7 għandhom jitqiesu bħallikieku l-Artikolu 7 japplika għal dawk it-titolizzazzjonijiet minkejja l-Artikolu 43(1).";

(18)

l-Artikolu 44 huwa emendat kif ġej:

(a)

fl-ewwel paragrafu, jiżdied il-punt li ġej:

"(e)

il-post ġeografika tal-SSPEs.";

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

"Abbażi tal-informazzjoni pprovduta lilu kull tliet snin skont il-punt (e), il-Kummissjoni għandha tipprovdi valutazzjoni tar-raġunijiet għall-għażla tal-post, inkluż, soġġett għad-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni, sa liema punt l-eżistenza ta' sistema tat-taxxa u regolatorja favorevoli għandha rwol kritiku.";

(19)

l-Artikolu 45 huwa mħassar.

(20)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

"Artikolu 45a

Żvilupp ta' qafas ta' titolizzazzjoni sostenibbli

1.   Sal-1 ta' Novembru 2021, l-EBA, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA u l-EIOPA, għandha tippubblika rapport dwar l-iżvilupp ta' qafas speċifiku ta' titolizzazzjoni sostenibbli għall-fini tal-integrazzjoni ta' rekwiżiti ta' trasparenza relatati mas-sostenibbiltà f'dan ir-Regolament. Dak ir-rapport għandu jivvaluta debitament b'mod partikolari:

(a)

l-implimentazzjoni ta' rekwiżiti proporzjonati ta' divulgazzjoni u diliġenza dovuta relatati mal-impatti pożittivi u negattivi potenzjali tal-assi ffinanzjati minn skoperturi sottostanti fuq il-fatturi ta' sostenibbiltà;

(b)

il-kontenut, il-metodoloġiji u l-preżentazzjoni ta' informazzjoni fir-rigward ta' fatturi ta' sostenibbiltà fir-rigward tal-impatti pożittivi u negattivi fuq kwistjonijiet ambjentali, soċjali u relatati mal-governanza;

(c)

kif jistabbilixxi qafas speċifiku ta' titolizzazzjoni sostenibbli li jirrifletti jew jibbaża fuq prodotti finanzjarji koperti skont l-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament (UE) 2019/2088 u jqis, fejn xieraq, ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*);

(d)

l-effetti possibbli ta' qafas ta' titolizzazzjoni sostenibbli fuq l-istabbiltà finanzjarja, l-iskalar tas-suq tat-titolizzazzjoni tal-Unjoni u tal-kapaċità ta' self mill-banek.

2.   Fl-abbozzar tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-EBA għandha fejn rilevanti, tirrifletti jew tibbaża fuq ir-rekwiżiti ta' trasparenza stabbiliti fl-Artikoli 3, 4, 7, 8 u 9 tar-Regolament (UE) 2019/2088 u tfittex kontribut mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea.

3.   Flimkien mar-rapport ta' rieżami skont l-Artikolu 46, il-Kummissjoni għandha, abbażi tar-rapport tal-EBA msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-ħolqien ta' qafas ta' titolizzazzjoni sostenibbli speċifiku. Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu, fejn xieraq, ikun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva.

(*)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).";"

(21)

fl-Artikolu 46, it-tieni paragrafu huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-punt (f) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(f)

“l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 22(4) u 26d(4) u jekk jistgħux jiġu estiżi għal titolizzazzjoni meta l-iskoperturi sottostanti ma jkunux self residenzjali jew self jew kirjiet għal karozzi, bil-ħsieb tal-integrazzjoni tad-divulgazzjoni ambjentali, soċjali u ta' governanza;";

(b)

jiżdied il-punt li ġej:

“(i)

il-possibbilta' ta' rekwiżiti ulterjuri ta' standardizzazzjoni u divulgazzjoni fid-dawl tal-prattiki tas-suq li qed jiżviluppaw, jiġifieri permezz tal-użu ta' formoli, għal titolizzazzjonijiet kemm tradizzjonali u sintetiċi, inkluż għal titolizzazzjonijiet privati personalizzati meta ma jkun irid jitfassal l-ebda prospett f'konformità mar-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

(*)  Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f'suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12).”."

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Marzu 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A.P. ZACARIAS


(1)   ĠU C 377, 9.11.2020, p. 1.

(2)   ĠU C 10, 11.1.2021, p. 30.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2021 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Marzu 2021.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012, (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35).

(5)  Ara b’mod partikolari: Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2016 dwar il-kriterji u l-proċess li jwassal għall-istabbiliment tal-lista tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa u l-Anness tiegħu (ĠU C 461, 10.12.2016, p. 2) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-lista riveduta tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa u l-Annessi tagħhom (ĠU C 66, 26.2.2021, p. 40).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d- Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(7)  Opinion of the European Banking Authority to the European Commission on the Regulatory Treatment of Non-Performing Exposure Securitisations (L-opinjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea għall-Kummissjoni Ewropea dwar it-Titolizzazzjonijiet ta' Skopertura Improduttiva), EBA-OP-2019-13, ippubblikata fit-23 ta' Ottubru 2019.

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropewa u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).


6.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 116/25


REGOLAMENT (UE) 2021/558 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-31 ta’ Marzu 2021

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta’ aġġustamenti għall-qafas ta’ titolizzazzjoni bħala appoġġ għall-irkupru ekonomiku b’reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-kriżi tal-COVID-19 qed taffettwa lin-nies, lill-kumpaniji, lis-sistemi tas-saħħa u lill-ekonomiji tal-Istati Membri b’mod sever. Fil-Komunikazzjoni tagħha tas-27 ta’ Mejju 2020 intitolata ‘Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss’, il-Kummissjoni saħqet li l-likwidità u l-aċċess għal finanzjament se jkomplu jkunu sfida kontinwa fix-xhur li ġejjin. Għalhekk huwa kruċjali li jiġi appoġġat l-irkupru mix-xokk ekonomiku sever ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 bl-introduzzjoni ta’ emendi mmirati għal biċċiet eżistenti tal-leġiżlazzjoni finanzjarja.

(2)

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ investiment (l-istituzzjonijiet) se jkollhom rwol ewlieni biex jikkontribwixxu għall-irkupru. Fl-istess ħin dawn x’aktarx se jiġu affettwati mis-sitwazzjoni ekonomika li sejra għall-agħar. L-awtoritajiet kompetenti pprovdew kapital, likwidità u għajnuna operazzjonali temporanji lill-istituzzjonijiet biex jiżguraw li huma jkunu jistgħu jkomplu jwettqu r-rwol tagħhom fil-finanzjament tal-ekonomija reali f’ambjent aktar diffiċli. Bl-istess objettiv, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill diġà adottaw malajr ċerti aġġustamenti mmirati għar-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 (4) u (UE) 2019/876 (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19.

(3)

It-titolizzazzjoni hija element importanti tal-funzjonament tajjeb tas-swieq finanzjarji peress li hi tikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament tal-istituzzjonijiet u l-ħruġ tal-kapital regolatorju, li jistgħu jiġu allokati mill-ġdid sabiex jappoġġaw self ulterjuri. Barra minn hekk, it-titolizzazzjoni tipprovdi lill-istituzzjonijiet u lil parteċipanti oħrajn fis-suq opportunitajiet ta’ investiment addizzjonali, sabiex b’hekk tippermetti d-diversifikazzjoni tal-portafoll u tiffaċilita l-fluss ta’ finanzjament għan-negozji u l-individwi kemm fl-Istati Membri kif ukoll fuq bażi transfruntiera madwar l-Unjoni kollha.

(4)

Huwa importanti li tissaħħaħ il-kapaċità tal-istituzzjonijiet li jipprovdu l-fluss ta’ finanzjament meħtieġ lill-ekonomija reali fis-segwitu tal-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ salvagwardji prudenzjali adegwati biex tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja. Bidliet immirati għar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tal-qafas tat-titolizzazzjoni jikkontribwixxu għall-ksib ta’ dawk l-objettivi u jtejbu l-koerenza u l-komplementarjetà ta’ dak il-qafas bil-miżuri varji meħuda fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-COVID-19.

(5)

L-elementi finali tal-qafas ta’ Basel III ippubblikati fis-7 ta’ Diċembru 2017 jimponu,fil-każ ta’ skoperturi ta’ titolizzazzjoni, rekwiżit minimu ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu fuq sett limitat ta’ fornituri ta’ protezzjoni biss, jiġifieri entitajiet li mhumiex entitajiet sovrani, entitajiet tas-settur pubbliku, istituzzjonijiet jew istituzzjonijiet finanzjarji prudenzjali oħra. Huwa għalhekk meħtieġ li l-Artikolu 249(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġi emendat biex jiġi allinjat mal-qafas ta’ Basel III sabiex tissaħħaħ l-effikaċja tal-iskemi nazzjonali ta’ garanzija pubblika li jappoġġaw l-istrateġiji tal-istituzzjonijiet biex jittitolizzaw l-iskoperturi improduttivi (NPEs) fis-segwitu tal-pandemija tal-COVID-19.

(6)

Il-qafas prudenzjali attwali tal-Unjoni għat-titolizzazzjoni huwa mfassal abbażi tal-aktar karatteristiċi komuni tat-tranżazzjonijiet tipiċi ta’ titolizzazzjoni, jiġifieri s-self produttiv. Fl-“Opinion on the Regulatory Treatment of Non-Performing Exposure Securitisations” (Opinjoni dwar it-Trattament Regolatorju tat-Titolizzazzjonijiet tal-Iskoperturi Improduttivi) tagħha (6) (‘l-Opinjoni tal-EBA’), l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) indikat li l-qafas prudenzjali attwali għat-titolizzazzjoni stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 iwassal għal rekwiżiti kapitali sproporzjonati meta applikat għal titolizzazzjonijiet ta’ NPEs, minħabba li l-Approċċ Ibbażat fuq Klassifikazzjonijiet Interni tat-Titolizzazzjoni (SEC-IRBA) u l-Approċċ Standardizzat tat-Titolizzazzjoni (SEC-SA) mhumiex konsistenti mal-motivaturi tar-riskju speċifiċi tal-NPEs. Għalhekk jenħtieġ li jiġi introdott trattament speċifiku għat-titolizzazzjoni tal-NPEs li jibni fuq l-Opinjoni tal-EBA kif ukoll fuq standards maqbula fuq livell internazzjonali.

(7)

Minħabba li huwa probabbli ħafna li s-suq għall-NPEs jikber u jinbidel b’mod pjuttost sostanzjali b’riżultat tal-kriżi tal-COVID-19, jenħtieġ li s-suq tat-titolizzazzjonijiet NPE jiġi mmonitorjat mill-qrib u jenħtieġ li l-qafas prudenzjali għat-titolizzazzjonijiet NPE jiġi vvalutat mill-ġdid fil-ġejjieni fid-dawl ta’ aggregazzjoni potenzjalment akbar ta’ data.

(8)

Fir-“Rapport dwar il-qafas STS għat-titolizzazzjoni sintetika” tas-6 ta’ Mejju 2020, l-EBA rrakkomandat li jiġi introdott qafas speċifiku għal titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u standardizzata (STS) fuq il-karta tal-bilanċ. Minħabba l-livell aktar baxx tar-riskju ta’ aġenzija u tar-riskju ta’ mmudellar ta’ titolizzazzjoni STS fil-karta tal-bilanċ meta mqabbla ma’ titolizzazzjoni sintetika mhux STS, kalibrar sensittiv għar-riskju xieraq tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji għal titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ, kif ikkunsidrat f’dak ir-rapport, jenħtieġ li jiġi introdott, filwaqt li jitqies it-trattament regolatorju preferenzjali attwali tas-segmenti superjuri tal-portafolli tal-SMEs. Jenħtieġ li l-EBA tingħata l-mandat biex timmonitorja l-funzjonament tas-suq tat-titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ. Ir-rikors akbar għat-titolizzazzjoni STS fil-karta tal-bilanċ promoss mit-trattament aktar sensittiv għar-riskju tas-segment superjuri ta’ tali titolizzazzjonijiet jillibera l-kapital regolatorju u fl-aħħar mill-aħħar jista’ jespandi aktar il-kapaċità ta’ self tal-istituzzjonijiet b’mod prudenzjalment sod.

(9)

Jenħtieġ li tiġi introdotta l-anterjorità għall-pożizzjonijiet superjuri pendenti f’titolizzazzjonijiet sintetiċi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għat-trattament prudenzjali preferenzjali li kien japplika qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju.

(10)

Fil-kuntest tal-irkupru ekonomiku mill-kriżi tal-COVID-19, huwa essenzjali li l-utenti finali jkunu jistgħu effettivament jiħħeġġjaw ir-riskji tagħhom sabiex jipproteġu r-robustezza tal-karti tal-bilanċ tagħhom. Ir-Rapport Finali tal-Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali nnota li Approċċ Standardizzat għar-Riskju ta’ Kreditu tal-Kontroparti (SA-CCR), li jkun konservattiv iżżejjed, jista’ jkollu impatt li jagħmel ħsara fuq id-disponibbiltà u l-kost ta’ ħeġġijiet finanzjarji għall-utenti finali. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrieżamina l-applikazzjoni tal-approċċ SA-CCR sat-30 ta’ Ġunju 2021 filwaqt li tikkunsidra b’mod xieraq l-ispeċifiċitajiet tas-settur bankarju u tal-ekonomija Ewropej, il-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni internazzjonali u kwalunkwe żvilupp fl-istandards u l-fora internazzjonali.

(11)

Il-marġni pożittiv sintetiku (SES) huwa mekkaniżmu użat ta’ spiss fit-titolizzazzjoni ta’ ċerti klassijiet ta’ assi għall-oriġinaturi u l-investituri biex jitnaqqsu l-kost tal-protezzjoni u l-iskopertura għal riskju, rispettivament. Jenħtieġ li jiġi stabbilit trattament prudenzjali ddedikat tal-SES biex jiġi evitat li l-SES jintuża għal skopijiet ta’ arbitraġġ regolatorju. F’dak il-kuntest, l-arbitraġġ regolatorju jseħħ meta stituzzjoni oriġinatriċi tipprovdi titjib tal-kreditu lill-pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni miżmuma mill-fornituri tal-protezzjoni billi kuntrattwalment talloka ċerti ammonti biex ikopru t-telf tal-iskoperturi titolizzati matul il-ħajja tat-tranżazzjoni, u tali ammonti, li jkunu ta’ piż fuq ir-rapport tal-introjtu tal-istituzzjoni oriġinatriċi b’mod simili għal garanzija mhux iffinanzjata, ma jkunux ponderati għar-riskju.

(12)

L-EBA jenħtieġ li tingħata l-mandat biex tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji biex tiżgura determinazzjoni armonizzata tal-valur tal-iskopertura tal-SES. Dawk l-istandards tekniċi regolatorji jenħtieġ li jkunu fis-seħħ qabel ma jsir applikabbli t-trattament prudenzjali l-ġdid. Sabiex jiġi evitat tfixkil fis-suq tat-titolizzazzjonijiet sintetiċi, l-istituzzjonijiet jenħtieġ li jingħataw biżżejjed żmien biex japplikaw it-trattament prudenzjali l-ġdid tal-SES.

(13)

Bħala parti mir-rapport tagħha dwar il-funzjonament tal-qafas prudenzjali għat-titolizzazzjonijiet, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrieżamina wkoll it-trattament prudenzjali ġdid tal-SES fid-dawl tal-iżviluppi fil-livell internazzjonali.

(14)

Ladarba l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li tiġi massimizzata l-kapaċità tal-istituzzjonijiet biex isellfu u jassorbu t-telf marbut mal-kriżi tal-COVID-19, filwaqt li tibqa’ tiġi żgurata r-reżiljenza kontinwa tagħhom, ma jkunux jistgħu jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, ikunu jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità l-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(15)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġi emendat skont dan.

(16)

Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu introdotti miżuri mmirati biex jappoġġaw l-irkupru ekonomiku mill-kriżi tal-COVID-19 malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 575/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 242, jiżdied il-punt li ġej:

“(20)

“marġni pożittiv sintetiku” tfisser marġni pożittiv sintetiku kif definit fil-punt (29) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/2402.”;

(2)

l-Artikolu 248 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied il-punt li ġej:

“(e)

Il-valur tal-iskopertura ta’ marġni pożittiv sintetiku għandu jinkludi, kif applikabbli, l-elementi li ġejjin:

(i)

kwalunkwe introjtu mill-iskoperturi titolizzati diġà rikonoxxuti mill-istituzzjoni oriġinatriċi fid-dikjarazzjoni tad-dħul tagħha fl-ambitu tal-qafas tal-kontabbiltà applikabbli li l-istituzzjoni oriġinatriċi kuntrattwalment allokat għat-tranżazzjoni bħala marġni pożittiv sintetiku u li jkun għadu disponibbli biex jassorbi t-telf;

(ii)

kwalunkwe marġni pożittiv sintetiku li jkun kuntrattwalment allokat mill-istituzzjoni oriġinatriċi fi kwalunkwe perjodu preċedenti u li jkun għadu disponibbli biex jassorbi t-telf;

(iii)

kwalunkwe marġni pożittiv sintetiku li jkun kuntrattwalment allokat mill-istituzzjoni oriġinatriċi għall-perjodu attwali u li jkun għadu disponibbli biex jassorbi t-telf;

(iv)

kwalunkwe marġni pożittiv sintetiku kuntrattwalment allokat mill-istituzzjoni oriġinatriċi għal perjodi futuri.

Għall-finijiet ta’ dan il-punt, kwalunkwe ammont ipprovdut bħala kollateral jew titjib tal-kreditu fir-rigward tat-titolizzazzjoni sintetika u li jkun diġà soġġett għal rekwiżit ta’ fondi proprji skont dan il-Kapitolu ma għandux jiġi inkluż fil-valur tal-iskopertura.”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   L-EBA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika kif l-istituzzjonijiet oriġinaturi jridujiddeterminaw il-valur tal-iskopertura msemmi fil-punt (da) tal-paragrafu 1, b’kont meħud tat-telf rilevanti mistenni li jkun kopert mill-marġni pożittiv sintetiku.

L-EBA għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Ottubru 2021.

Il-Kummissjoni hija ddelegata bis-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.”;

(3)

fl-Artikolu 249(3), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   “Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-fornituri eliġibbli ta’ protezzjoni ta’ kreditu mhux iffinanzjata elenkati fil-punt (g) tal-Artikolu 201(1) għandhom ikunu ġew assenjati valutazzjoni tal-kreditu minn ECAI rikonoxxuta li kienet skala 2 jew aktar tal-kwalità kreditizja fil-mument meta l-protezzjoni ta’ kreditu kienet rikonoxxuta għall-ewwel darba u li attwalment tkun skala 3 jew aktar tal-kwalità kreditizja.”;

(4)

fl-Artikolu 256, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   Għall-finijiet tal-kalkolu tal-punti ta’ attakkament (A) u l-punti ta’ distakkament (D) ta’ titolizzazzjoni sintetika, l-istituzzjoni oriġinatriċi tat-titolizzazzjoni għandha tittratta l-valur tal-iskopertura tal-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni li tikkorrispondi għall-marġni pożittiv sintetiku msemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 248(1) bħala segment, u taġġusta l-punti ta’ attakkament (A) u l-punti ta’ distakkament (D) tas-segmenti l-oħra li żżomm billi żżid dak il-valur tal-iskopertura mal-bilanċ pendenti tal-aggregazzjoni ta’ skoperturi sottostanti fit-titolizzazzjoni. L-istituzzjonijiet li ma jkunux l-istituzzjoni oriġinatriċi ma għandhomx jagħmlu dan l-aġġustament.”;

(5)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 269a

Trattament ta’ titolizzazzjonijiet ta’ skoperturi improduttivi (NPE)

1.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu:

(a)

“titolizzazzjoni NPE” tfisser skopertura improduttiva (NPE) kif definit fil-punt (25) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/2402;

(b)

“titolizzazzjoni NPE tradizzjonali kwalifikanti” tfisser titolizzazzjoni NPE tradizzjonali li fiha l-iskont tal-prezz tax-xiri mhux rimborżabbli jkun mill-anqas 50 % tal-ammont pendenti tal-iskoperturi sottostanti fil-mument meta ġew ittrasferiti lill-SSPE.

2.   Il-piż tar-riskju għal pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni NPE għandu jiġi kkalkulat skont l-Artikolu 254 jew 267. Il-piż tar-riskju għandu jkun soġġett għal limitu minimu ta’ 100 %, ħlief meta jiġi applikat l-Artikolu 263.

3.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-istituzzjonijiet għandhom jassenjaw piż tar-riskju ta’ 100 % għall-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni superjuri f’titolizzazzjoni NPE tradizzjonali, ħlief meta jiġi applikat l-Artikolu 263.

4.   L-istituzzjonijiet li japplikaw l-Approċċ IRB għal kwalunkwe skopertura fl-aggregazzjoni ta’ skoperturi sottostanti f’konformità mal-Kapitolu 3 u li mhumiex permessi jużaw l-istimi proprji tal-LGD u tal-fatturi ta’ konverżjoni għal tali skoperturi ma għandhomx jużaw is-SEC-IRBA għall-kalkolu tal-ammonti ta’ skoperturi ponderati għar-riskju għal pożizzjoni f’titolizzazzjoni NPE u m’għandhomx japplikaw il-paragrafu 5 jew 6.

5.   Għall-finijiet tal-Artikolu 268(1), it-telf mistenni assoċjat ma’ skoperturi sottostanti għal titolizzazzjoni NPE tradizzjonali kwalifikanti għandu jiġi inkluż wara t-tnaqqis tal-iskont fil-prezz tax-xiri mhux rimborżabbli u, meta applikabbli, ta’ kwalunkwe aġġustament speċifiku addizzjonali għar-riskju ta’ kreditu.

L-istituzzjonijiet għandhom iwettqu l-kalkolu skont il-formula li ġejja:

Image 1

fejn:

CRmax

=

ir-rekwiżit kapitali massimu fil-każ ta’ titolizzazzjoni NPE tradizzjonali kwalifikanti;

RWEAIRB

=

it-total tal-ammonti ta’ skoperturi ponderati għar-riskji tal-iskoperturi sottostanti soġġetti għall-Approċċ IRB;

ELIRB

=

it-total tal-ammonti mistennija ta’ telf tal-iskoperturi sottostanti soġġetti għall-Approċċ IRB;

NRPPD

=

l-iskont fil-prezz tax-xiri mhux rimborżabbli;

EVIRB

=

it-total tal-valuri ta’ skopertura tal-iskoperturi sottostanti li huma soġġetti għall-Approċċ IRB;

EVPool

=

it-total tal-valuri ta’ skopertura tal-iskoperturi sottostanti kollha fl-aggregazzjoni;

SCRAIRB

=

għall-istituzzjonijiet oriġinaturi, l-aġġustamenti speċifiċi għar-riskju ta’ kreditu magħmula mill-istituzzjoni fir-rigward ta’ dawk l-iskoperturi sottostanti soġġetti għall-Approċċ IRB biss jekk u sa fejn dawn l-aġġustamenti jaqbżu l-NRPPD; għall-istituzzjonijiet investituri l-ammont huwa żero;

RWEASA

=

it-total tal-ammonti ta’ skoperturi ponderati għar-riskji tal-iskoperturi sottostanti soġġetti għall-Approċċ Standardizzat.

6.   B’deroga mill-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, meta l-piż tar-riskju medju ponderat skont l-iskopertura kkalkulat skont l-approċċ taċ-ċar kristall stabbilit fl-Artikolu 267 ikun inqas minn 100 %, l-istituzzjonijiet jistgħu japplikaw il-piż tar-riskju aktar baxx, soġġett għal limitu minimu tal-piż tar-riskju ta’ 50 %.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-istituzzjonijiet oriġinaturi li japplikaw is-SEC-IRBA għal pożizzjoni u li huma permessi jużaw l-istimi proprji tal-LGD u tal-fatturi ta’ konverżjoni għall-iskoperturi sottostanti kollha soġġetti għall-Approċċ IRB skont il-Kapitolu 3, għandhom inaqqsu l-iskont tal-prezz tax-xiri mhux rimborżabbli u, meta applikabbli, kwalunkwe aġġustament speċifiku addizzjonali għar-riskju ta’ kreditu mit-telf mistenni u l-valuri ta’ skopertura tal-iskoperturi sottostanti assoċjati ma’ pożizzjoni superjuri f’titolizzazzjoni ta’ NPE tradizzjonali kwalifikanti skont il-formula li ġejja:

Image 2

fejn:

RWmax

=

il-piż tar-riskju, qabel ma jiġi applikat il-limitu minimu, applikabbli għal pożizzjoni superjuri f’titolizzazzjoni NPE tradizzjonali kwalifikanti meta jintuża l-approċċ taċ-ċar kristall;

RWEAIRB

=

it-total tal-ammonti ta’ skoperturi ponderati għar-riskji tal-iskoperturi sottostanti soġġetti għall-Approċċ IRB;

RWEASA

=

it-total tal-ammonti ta’ skoperturi ponderati għar-riskji tal-iskoperturi sottostanti soġġetti għall-Approċċ Standardizzat;

ELIRB

=

it-total tal-ammonti mistennija ta’ telf tal-iskoperturi sottostanti soġġetti għall-Approċċ IRB;

NRPPD

=

l-iskont fil-prezz tax-xiri mhux rimborżabbli;

EVIRB

=

it-total tal-valuri ta’ skopertura tal-iskoperturi sottostanti li huma soġġetti għall-Approċċ IRB;

EVpool

=

it-total tal-valuri ta’ skopertura tal-iskoperturi sottostanti kollha fl-aggregazzjoni;

EVSA

=

it-total tal-valuri ta’ skopertura tal-iskoperturi sottostanti li huma soġġetti għall-Approċċ Standardizzat;

SCRAIRB

=

l-aġġustamenti speċifiċi għar-riskju ta’ kreditu magħmula mill-istituzzjoni oriġinatriċi fir-rigward tal-iskoperturi sottostanti soġġetti għall-Approċċ IRB biss jekk u sa fejn dawn l-aġġustamenti jaqbżu l-NRPPD.

7.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-iskont fil-prezz tax-xiri mhux rimborżabbli għandu jiġi kkalkulat billi jitnaqqas l-ammont imsemmi fil-punt (b) mill-ammont imsemmi fil-punt (a):

(a)

l-ammont pendenti tal-iskoperturi sottostanti tat-titolizzazzjoni NPE fil-mument meta dawk l-iskoperturi ġew ittrasferiti lill-SSPE;

(b)

it-total ta’ dan li ġej:

(i)

il-prezz tal-bejgħ inizjali tas-segmenti jew, meta applikabbli, partijiet mis-segmenti tat-titolizzazzjoni NPE mibjugħin lil investituri terzi; u

(ii)

l-ammont pendenti, fil-mument meta l-iskoperturi sottostanti ġew trasferiti lill-SSPE, tas-segmenti jew, meta applikabbli, ta’ partijiet mis-segmenti ta’ dik it-titolizzazzjoni miżmuma mill-oriġinatur.

Għall-finijiet tal-paragrafi 5 u 6, matul il-ħajja tat-tranżazzjoni, il-kalkolu tal-iskont tal-prezz tax-xiri mhux rimborżabbli għandu jiġi aġġustat ’l isfel filwaqt li jitqies it-telf realizzat. Kwalunkwe tnaqqis fl-ammont pendenti tal-iskoperturi sottostanti li jirriżulta minn telf realizzat għandu jnaqqas l-iskont tal-prezz tax-xiri mhux rimborżabbli, soġġett għal limitu minimu ta’ żero.

Meta skont ikun strutturat b’tali mod li jkun jista’ jiġi rimborżat b’mod sħiħ jew parzjali lill-oriġinatur, tali skont ma għandux jgħodd bħala skont fil-prezz tax-xiri mhux rimborżabbli għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu.

(6)

L-Artikolu 270 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 270

Pożizzjonijiet superjuri fit-titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ

1.   Istituzzjoni oriġinatriċi tista’ tikkalkula l-ammonti ta’ skoperturi ponderati skont ir-riskju ta’ pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni f’titolizzazzjoni STS fil-karta tal-bilanċ kif imsemmi fl-Artikolu 26a(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402 f’konformità mal-Artikoli 260, 262 jew 264 ta’ dan ir-Regolament, kif applikabbli, meta dik il-pożizzjoni tissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-titolizzazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 243(2);

(b)

il-pożizzjoni tikkwalifika bħala l-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni superjuri.

2.   L-EBA għandha timmonitorja l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 b’mod partikolari fir-rigward ta’:

(a)

il-volum tas-suq u s-sehem mis-suq tat-titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ li fir-rigward tagħhom l-istituzzjoni oriġinatriċi tapplika l-paragrafu 1, fil-klassijiet differenti ta’ assi;

(b)

l-allokazzjoni ta’ telf osservata għas-segment superjuri u għal segmenti oħra ta’ titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ, meta l-istituzzjoni oriġinatriċi tapplika l-paragrafu 1 fir-rigward tal-pożizzjoni superjuri miżmuma f’tali titolizzazzjonijiet;

(c)

l-impatt tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1 fuq l-ingranaġġ finanzjarju tal-istituzzjonijiet;

(d)

l-impatt tal-użu ta’ titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ li fir-rigward tagħhom l-istituzzjoni oriġinatriċi tapplika l-paragrafu 1 dwar il-ħruġ ta’ strumenti kapitali mill-istituzzjonijiet oriġinaturi rispettivi.

3.   L-EBA għandha tippreżenta rapport dwar is-sejbiet tagħha lill-Kummissjoni sal-10 ta’ April 2023.

4.   Sal-10 ta’ Ottubru 2023 il-Kummissjoni għandha, abbażi tar-rapport msemmi fil-paragrafu 3, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu b’attenzjoni partikolari għar-riskju ta’ ingranaġġ eċċessiv li jirriżulta permezz tal-użu ta’ titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ li jikkwalifikaw għat-trattament f’konformità mal-paragrafu 1, u għas-sostituzzjoni potenzjali tal-ħruġ ta’ strumenti kapitali minn istituzzjonijiet oriġinaturi, permezz ta’ tali użu. Dak ir-rapport għandu, fejn xieraq, ikun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva.

(7)

fl-Artikolu 430, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, meta l-istituzzjonijiet jirrapportaw dwar ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji fuq it-titolizzazzjonijiet, l-informazzjoni li jirrapportaw għandha tinkludi informazzjoni dwar it-titolizzazzjonijiet NPE li jibbenefikaw mit-trattament stabbilit fl-Artikolu 269a, dwar it-titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ li joriġinaw, u dwar d-diżaggregazzjoni tal-assi sottostanti għal dawk it-titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ skont il-klassi tal-assi.”;

(8)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 494c

Anterjorità tal-pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni superjuri

B’deroga għall-Artikolu 270, istituzzjoni oriġinatriċi tista’ tikkalkula l-ammonti ta’ skoperturi ponderati skont ir-riskju ta’ pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni superjuri f’konformità mal-Artikolu 260, 262 jew 264 meta jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-titolizzazzjoni tkun ingħatat qabel id-9 ta’ April 2021;

(b)

it-titolizzazzjoni tkun issodisfat, fit-8 ta’ April 2021.”;

(9)

fl-Artikolu 501c, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-EBA, wara li tikkonsulta lill-BERS, għandha, abbażi tad-data disponibbli u s-sejbiet tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar il-Finanzjament Sostenibbli, tivvaluta jekk ikunx ġustifikat trattament prudenzjali dedikat tal-iskoperturi relatati ma’ assi, inklużi titolizzazzjonijiet, jew attivitajiet assoċjati b’mod sustanzjali ma’ objettivi ambjentali u/jew soċjali. B’mod partikolari, l-EBA għandha tivvaluta:”;

(10)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 506a

CIUs b’portafoll sottostanti ta’ bonds sovrani taż-żona tal-euro

F’kooperazzjoni mill-qrib mal-BERS u l-EBA, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport sal-31 ta’ Diċembru 2021 li fih għandha tivvaluta jekk humiex meħtieġa bidliet fil-qafas regolatorju biex jiġi promoss is-suq, u x-xiri mill-banek, tal-iskoperturi fil-forma ta’ unitajiet jew ishma f’CIUs b’portafoll sottostanti li jikkonsisti esklussivament f’bonds sovrani tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, meta l-piż relattiv tal-bonds sovrani ta’ kull Stat Membru fil-portafoll totali tas-CIU jkun ugwali għall-piż relattiv tal-kontribuzzjoni kapitali ta’ kull Stat Membru lill-BĊE.

Artikolu 506b

Titolizzazzjonijiet tal-NPE

1.   L-EBA għandha timmonitorja l-applikazzjoni tal-Artikolu 269a u għandha tevalwa t-trattament kapitali regolatorju tat-titolizzazzjonijiet NPE wara li tqis l-istat tas-suq għall-NPEs b’mod ġenerali u l-istat tas-suq tat-titolizzazzjoni tal-NPEs b’mod partikolari, u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet tagħha lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Ottubru 2022.

2.   Sal-10 ta’ April 2023, il-Kummissjoni għandha, abbażi tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 269a. Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu, fejn xieraq, ikun akkumpanjat minn proposta leġislattiva.”;

(11)

fl-Artikolu 519a jiżdied il-punt li ġej:

“(e)

il-mod kif il-kriterji tas-sostenibbiltà ambjentali jistgħu jiġu integrati fil-qafas tat-titolizzazzjoni, inkluż għall-iskoperturi għal titolizzazzjonijiet NPE.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

B’deroga gmill-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, il-punti (2) u (4) tal-Artikolu 1 għandhom japplikaw mill-10 ta’ April 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Marzu 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)   ĠU C 377, 9.11.2020, p. 1.

(2)   ĠU C 10, 11.1.2021, p. 30.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2021 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2021.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-proporzjon ta’ lieva finanzjarja, il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett, rekwiżiti għall-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, riskju tas-suq, skoperturi għal kontropartijiet ċentrali, skoperturi għal impriżi ta’ investiment kollettiv, skoperturi kbar, rekwiżiti ta’ rappurtar u divulgazzjoni, u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 1).

(6)  Opinion of the European Banking Authority to the European Commission on the Regulatory Treatment of Non-Performing Exposure Securitisations, (L-opinjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni Ewropea dwar it-Trattament Regolatorju tat-Titolizzazzjonijiet tal-Iskoperturi Improduttivi), EBA-OP-2019–13, ippubblikata fit-23 ta’ Ottubru 2019.