ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 109

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 64
30 ta' Marzu 2021


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/546 tad-29 ta’ Marzu 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ estrużjonijiet tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

1

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/547 tad-29 ta’ Marzu 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715 fir-rigward tal-proċeduri għall-istabbiliment u l-użu tal-ADIS u tal-EUROPHYT, il-ħruġ ta’ ċertifikati elettroniċi tas-saħħa tal-annimali, ċertifikati uffiċjali, ċertifikati uffiċjali/tas-saħħa tal-annimali u dokumenti kummerċjali, l-użu ta’ firem elettroniċi, u l-funzjonament tat-TRACES, u li jħassar id-Deċiżjoni 97/152/KE ( 1 )

60

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/548 tad-29 ta’ Marzu 2021 li jagħmel importazzjonijiet ta’ kejbils ta’ fibra ottika li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni

71

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/549 tad-29 ta’ Marzu 2021 li jemenda għat-319-il darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-ISIL (Da'esh) u mal-organizzazzjonijiet Al-Qaida

77

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

30.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 109/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/546

tad-29 ta’ Marzu 2021

li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ estrużjonijiet tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Bidu

(1)

Fl-14 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ estrużjonijiet tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“iċ-Ċina” jew “il-pajjiż ikkonċernat”) abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

(2)

Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment ippreżentat fit-3 ta’ Jannar 2020 (l-“ilment”) mill-assoċjazzjoni European Aluminium (“l-ilmentatur”). L-ilmentatur jirrappreżenta aktar minn 25 % mill-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ estrużjonijiet tal-aluminju. L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping u ta’ dannu materjali li jirriżulta minnu.

1.2.   Reġistrazzjoni

(3)

Wara talba mill-ilmentatur appoġġata mill-evidenza meħtieġa, il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għal reġistrazzjoni, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1215 (2). Ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet waqfet bid-dħul fis-seħħ tal-miżuri proviżorji msemmija fil-premessa (5).

1.3.   Miżuri proviżorji

(4)

F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, fit-22 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni pprovdiet lill-partijiet b’sommarju tad-dazji proposti u dettalji dwar il-kalkolu tal-marġni tad-dumping u l-marġni adegwati biex jitneħħa d-dannu għall-industrija tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkummentaw dwar l-akkuratezza tal-kalkoli fi żmien tlett ijiem.

(5)

Fit-12 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni imponiet dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ estrużjonijiet tal-aluminju li joriġinaw miċ-Ċina bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1428 (3) (“ir-Regolament proviżorju”).

(6)

Kif iddikjarat fil-premessa (29) tar-Regolament proviżorju, l-investigazzjoni tad-dumping u tad-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2019 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew il-“PI”) u l-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2016 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

1.4.   Proċedura sussegwenti

(7)

Wara r-rivelazzjoni tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġie impost dazju anti-dumping proviżorju (ir-“rivelazzjoni proviżorja”), l-ilmentatur, diversi utenti u importaturi tal-prodott ikkonċernat, diversi fornituri ta’ materja prima għall-industrija tal-Unjoni, il-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (il-“GTĊ”) u seba’ produtturi esportaturi Ċiniżi ppreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub li fihom taw il-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet proviżorji sal-iskadenza prevista mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament proviżorju.

(8)

Il-punti mqajma mill-partijiet interessati huma miġbura fil-qosor f’dan ir-Regolament sa fejn hu possibbli. Fil-fatt, diversi punti mqajma ma kinux ċari u mhux dejjem seta’ jiġi stabbilit għal liema Artikolu tar-Regolament bażiku kienu relatati. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jiċċaraw kwalunkwe argument li huma jqisu rilevanti, sa fejn dawn ma ġewx indirizzati fir-rivelazzjoni finali.

(9)

Wara r-rivelazzjoni proviżorja, żewġ importaturi oħra ppreżentaw ruħhom, meta l-eżerċizzju tat-teħid ta’ kampjuni kien diġà konkluż. Il-kontribut tagħhom ġie kkunsidrat sal-punt possibbli minħabba l-istadju proċedurali tal-investigazzjoni.

(10)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, il-partijiet interessati li talbu dan ingħataw l-opportunità li jinstemgħu. Is-seduti saru ma’ Decora S.A., Vis Promotex d.o.o., Alstom S. A., O. Wilms GmbH & Co, Airoldi Metalli S.p.A (imsieħba ma’ O. Wilms GmbH, Kastens & Knauer GmbH & Co. International KG u Alpha Metall GmbH), Haomei Group (Guangdong Haomei New Materials Co., Ltd. u Guangdong King Metal Light Alloy Technology Co., Ltd.) u PMI Group (Press Metal International Ltd. u Press Metal International Technology Ltd.).

(11)

Airoldi Metalli S.p.A (Airoldi) talbet laqgħa mal-industrija tal-Unjoni skont l-Artikolu 6(6) tar-Regolament bażiku, li ma ġietx aċċettata minn din tal-aħħar. Għamlet seduta wkoll mal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ (DĠ Kummerċ), li ċaħad l-argument tal-kumpanija li n-nuqqas ta’ informazzjoni rivelata lilha fil-qafas ta’ żvelar minn qabel stipulat fl-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku kiser id-drittijiet tad-difiża tagħha, għar-raġunijiet spjegati fir-rapport iddedikat tal-Uffiċjal tas-Seduta.

(12)

Wara r-rivelazzjoni finali, Airoldi kkontestat l-interpretazzjoni tal-Uffiċjal tas-Seduta tal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, billi sostna li kien meħtieġ qari speċifiku ta’ dik id-dispożizzjoni. Madankollu, meta wieħed iżomm f’moħħu li Airoldi ma speċifikatx aktar xi kwistjoni biex issostni l-punt tagħha, u r-rekwiżit espliċitu tal-Artikolu msemmi li jiġu rispettati l-obbligi ta’ kunfidenzjalità li jinsabu fl-Artikolu 19, il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha dwar il-kwistjoni.

(13)

Kif spjegat aktar ’l isfel, wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, saru żewġ kontroverifiki addizzjonali mhux minn fuq il-post ma’ Alstom S.A. u Airoldi biex jiġu aċċertati kwistjonijiet importanti fil-kuntest tad-determinazzjoni definittiva. Il-Kummissjoni kellha wkoll l-intenzjoni twettaq kontroverifika addizzjonali mhux minn fuq il-post għal kumpanija importatriċi oħra, li ma kienx possibbli minħabba r-restrizzjonijiet ta’ din tal-aħħar.

(14)

Il-Kummissjoni għarrfet lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kienet beħsiebha timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ estrużjonijiet tal-aluminju li joriġinaw miċ-Ċina (ir-“rivelazzjoni finali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li matulu setgħu jikkummentaw dwar ir-rivelazzjoni finali.

(15)

Waslu kummenti minn għadd ta’ partijiet, inkluż il-Gvern taċ-Ċina, il-produtturi esportaturi Ċiniżi, l-importaturi tal-Unjoni, l-utenti, il-produtturi tal-Unjoni, il-fornituri tagħhom u diversi assoċjazzjonijiet rappreżentattivi.

(16)

Wara r-rivelazzjoni finali ċerti partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jinstemgħu skont id-dispożizzjonijiet fil-punt 5.7 tan-Notifika ta’ bidu. Saru seduti ta’ smigħ ma’ Decora S.A., Airoldi (flimkien ma’ O. Wilms GmbH, Amari Metals BV u Alpha Metall GmbH), Bash-tec GmbH, STAKO Sp. z o.o. u Haomei Group. Barra minn hekk, ġie organizzat smigħ mill-Uffiċjal tas-Seduta tad-DĠ Kummerċ biex jismal-punti mqajma minn Shandong Nollvetec Lightweight Equipment Co., Ltd. u Jilin Qixing Aluminium Industries Co., Ltd.

(17)

B’appoġġ għal estensjoni addizzjonali għat-tweġiba għar-rivelazzjoni finali, Airoldi talbet kopja tad-Dokument ta’ Rivelazzjoni Ġenerali bit-Taljan, u sostniet li n-nuqqas ta’ forniment tad-dokument bil-lingwa Taljana kkostitwixxa ksur tar-Regolament Nru 1/1958 (4) moqri flimkien mal-Artikolu 21, 22 u 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-interpretazzjoni, u wieġbet bil-miktub li Airoldi kienet qajmet din il-kwistjoni biss fi stadju tard ħafna tal-investigazzjoni, u li sa dak l-istadju, kemm Airoldi kif ukoll l-avukati tagħha użaw l-Ingliż b’suċċess, u fit-tul, kemm f’komunikazzjonijiet bil-miktub kif ukoll verbali (5). Dan intwera wkoll f’kuntatti estensivi mal-Kummissjoni matul il-każ kollu. Il-Kummissjoni fakkret in-natura ta’ dak id-dokument, li mhuwiex Regolament ta’ implimentazzjoni, u kkonfermat il-pożizzjoni tagħha. Madankollu, il-Kummissjoni pprovdiet estensjoni addizzjonali lil Airoldi, abbażi tal-approċċ tagħha li tagħmel kull użu mid-dispożizzjonijiet tan-Notifika ta’ bidu tal-każ li huwa kompatibbli mat-tlestija tal-investigazzjoni filwaqt li jiġu rispettati l-iskadenzi statutorji. Wara r-rivelazzjoni finali addizzjonali, Airoldi talbet traduzzjoni ta’ dan id-dokument bit-Taljan. Din it-talba, li ma wrietx kif ġie affettwat id-dritt ta’ difiża ta’ Airoldi, ma setgħetx tiġi aċċettata għall-istess raġunijiet imsemmija hawn fuq.

(18)

Fit-8 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni għamlet divulgazzjoni finali addizzjonali lill-partijiet interessati sabiex tirrifletti l-fatt li l-EU28 kienet saret l-EU27. Il-Kummissjoni għarrfet lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kienet beħsiebha tirrevedi s-sejbiet tal-kawża inkluż id-dazju anti-dumping definittiv biex tiġi riflessa din il-bidla (ir-“rivelazzjoni finali addizzjonali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li matulu setgħu jikkummentaw dwar ir-rivelazzjoni finali addizzjonali. Waslu kummenti mingħand Haomei Group, Airoldi u Euranimi, li ppreżentaw ruħhom bħala parti interessata wara r-rivelazzjoni finali.

(19)

Wara r-rivelazzjoni finali ċerti partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jinstemgħu skont id-dispożizzjonijiet fil-punt 5.7 tan-Notifika ta’ bidu. Saru seduti ta’ smigħ mal-Grupp Haomei, Airoldi u Euranimi. Barra minn hekk, fit-18 ta’ Frar 2021, l-Uffiċjal tas-Seduta organizza seduta għas-smigħ tal-punti mqajma minn Airoldi. F’dik l-okkażjoni, is-servizzi tal-Kummissjoni tennew li l-approċċ speċifiku segwit f’din l-investigazzjoni kien xieraq fid-dawl tan-nuqqas ta’ impatt tat-tneħħija tar-Renju Unit mis-sejbiet (kwistjoni kkonfermata aktar mill-industrija tal-Unjoni u mhux ikkontestata minn xi parti interessata). Ġie kkonfermat ukoll li r-rivelazzjoni finali addizzjonali kien fiha l-ispjegazzjonijiet meħtieġa biex il-partijiet interessati jiddefendu lilhom infushom.

1.5.   Teħid ta’ kampjuni

(20)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar it-teħid ta’ kampjuni, il-premessi (8) sa (20) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

(21)

Fil-premessa (19) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni rreferiet għall-kampjun magħżul inizjalment ta’ tliet gruppi ta’ produtturi esportaturi li kkooperaw u li kien jirrappreżenta 28,1 % tal-esportazzjonijiet totali. Fil-premessa (24) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni rreferiet għall-kampjun finali ta’ żewġ gruppi ta’ produtturi esportaturi, wara l-fatt li Liaoning Zhongwang Group ma ppreżentax tweġiba għall-kwestjonarju. Dak il-kampjun ta’ żewġ gruppi kien jirrappreżenta 20,9 % tal-esportazzjonijiet totali.

(22)

Fil-premessi (206) sa (210) ta’ dan ir-Regolament il-Kummissjoni tispjega kif stabbiliet il-livell emendat tal-importazzjonijiet totali miċ-Ċina għall-PI. Wara din il-bidla, il-livell stmat ta’ importazzjonijiet ta’ estrużjonijiet tal-aluminju miċ-Ċina naqas. Konsegwentement, il-kampjun magħżul inizjalment ta’ tliet gruppi ta’ produtturi esportaturi li kkooperaw kien jirrappreżenta 45,3 %, u l-kampjun finali ta’ żewġ gruppi ta’ produtturi esportaturi kien jirrappreżenta 33,7 % tal-importazzjonijiet stmati ġodda.

(23)

Żewġ produtturi esportaturi addizzjonali debitament issostanzjaw it-talbiet tagħhom biex jiġu inklużi fil-lista ta’ produtturi esportaturi li kkooperaw.

(24)

Wara li tqiesu l-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni aġġornat l-Anness tar-Regolament proviżorju kif xieraq u żiedet iż-żewġ entitajiet mal-lista ta’ produtturi esportaturi li kkooperaw fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(25)

Produttur esportatur li kkoopera kkummenta li kien żgħir wisq biex jintgħażel għall-kampjun. Sostna li ġie kkastigat minħabba d-daqs tiegħu billi ġie suġġett għall-ogħla dazju.

(26)

Il-Kummissjoni nnutat li dan il-produttur esportatur ma kienx soġġett għall-ogħla dazju. L-ogħla dazju jiġi applikat biss għall-kumpaniji li ma kkooperawx fl-istadju inizjali tal-investigazzjoni u għalhekk ma kinux elenkati fl-Anness bħala kumpaniji li kkooperaw. Id-dazju għall-kumpaniji li kkooperaw imma li ma kinux fil-kampjun, bħall-produttur esportatur li jagħmel din l-asserzjoni huwa fil-fatt anqas minn dazju ta’ wieħed mill-produtturi esportaturi fil-kampjun billi ġie kkalkulat bħala medja ponderata tal-marġni tad-dumping stabbiliti għall-produtturi esportaturi fil-kampjun. Fl-aħħar, il-kampjun tal-produtturi esportaturi ntgħażel skont ir-rekwiżiti tar-Regolament bażiku. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

1.6.   Talbiet għal informazzjoni u analiżi addizzjonali wara r-rivelazzjoni finali

(27)

Wara r-rivelazzjoni finali Airoldi kkummentat li d-drittijiet tad-difiża tagħha kienu ġew affettwati mill-fatt li d-dettalji tal-RCCs għand il-produtturi tal-Unjoni ma kinux tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom. Madankollu, id-dettalji msemmija minn Airoldi huma kunfidenzjali għan-negozju. Bl-istess mod, il-produtturi tal-Unjoni ma kisbux aċċess għal dettalji kunfidenzjali tan-negozju tal-RCC imwettaq ma’ partijiet interessati oħra. Barra minn hekk, verżjoni “miftuħa għall-partijiet interessati” ta’ dawn l-RCCs tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ Airoldi fil-fajl tal-każ. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssostni li d-drittijiet tad-difiża ta’ Airoldi ġew irrispettati b’mod sħiħ.

(28)

Xi partijiet interessati qajmu elementi ġodda wara l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni fattwali mogħtija fin-Notifika ta’ bidu, u l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ kummenti għar-rivelazzjoni finali, li kienet diġà ġiet estiża għal partijiet li talbu estensjoni sa sebat (7)ijiem.

(29)

B’mod partikolari, Airoldi ppreżentat briefing ta’ wara s-smigħ b’ċerti allegazzjonijiet dwar l-allegat impatt fuq l-investigazzjoni tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“UK”) mill-Unjoni Ewropea u t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni. Dawn l-affermazzjonijiet ma kinux saru matul is-seduta.

(30)

Dan id-dokument ta’ informazzjoni ġie ppreżentat kemm wara l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-informazzjoni fattwali mogħtija fin-Notifika ta’ bidu, kif ukoll l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-kummenti għar-rivelazzjoni finali, li kienet diġà ġiet estiża għal Airoldi b’sebat (7) t’ijiem. Ta’ min ifakkar li la s-seduti ta’ smigħ u lanqas is-sessjonijiet ta’ informazzjoni ta’ wara s-smigħ ma jistgħu jintużaw biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali jew elementi li għadhom mhumiex fil-fajl, u għalhekk ma jestendux l-iskadenza biex jitressqu aktar fehmiet. Il-kumpanija għamlet diversi sottomissjonijiet addizzjonali li kienu wkoll lil hinn mill-iskadenzi statutorji u għalhekk ma setgħux jiġu kkunsidrati.

(31)

L-istess japplika għal Haomei Group, li ssottometta żewġ settijiet ta’ kummenti wara l-iskadenza statutorja, li waħda minnhom tikkonċerna l-allegat impatt fuq l-investigazzjoni tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“UK”) mill-Unjoni Ewropea u t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni.

(32)

Barra minn hekk, Euranimi ssottomettiet kummenti lil hinn mill-iskadenzi meħtieġa biex twieġeb għar-rivelazzjonijiet u għalhekk ma setgħux jitqiesu lil hinn minn aspetti li jirreferu għad-divulgazzjoni finali addizzjonali.

(33)

Fir-rigward ta’ dawk l-elementi li tqajmu barra mill-qafas ta’ żmien biex il-Kummissjoni twettaq din l-investigazzjoni kif suppost, il-Kummissjoni tinnota li s-sejbiet li saru fl-istadju proviżorju kif ukoll fir-rivelazzjoni finali saru abbażi tad-data tal-EU28 peress li dawn saru qabel l-1 ta’ Jannar 2021. L-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni fattwali mogħtija fin-Notifika ta’ bidu skadiet fit-28 ta’ Ottubru 2020, jiġifieri dawk is-sejbiet kienu saru ferm qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni tal-ħruġ tar-Renju Unit. Dan jirfed il-validità ta’ dawk is-sejbiet.

(34)

Barra minn hekk, l-ebda parti fi ħdan il-firxa tal-iskadenzi statutorji mogħtija mill-investigazzjoni ma ddikjarat (u wisq inqas tat prova) li l-miżuri kienu (jew saħansitra setgħu) ikunu differenti b’mod sinifikanti li kieku kienu bbażati fuq informazzjoni li teskludi r-Renju Unit.

(35)

Minkejja dan, il-Kummissjoni rrevediet l-informazzjoni fil-fajl biex tivvaluta jekk is-sejbiet li saru abbażi tal-EU28 jibqgħux applikabbli f’kuntest tal-EU27. Għal aspetti tal-investigazzjoni mhux imsemmija hawn taħt, is-sejbiet tal-EU28 huma kkonfermati li huma xierqa wkoll għall-EU27, peress li l-Kummissjoni assigurat lilha nnifisha li l-informazzjoni miksuba matul l-investigazzjoni kienet għadha rappreżentattiva tal-Unjoni fuq il-bażi tal-EU27, l-impatt, jekk ikun hemm, ikun minimu.

(36)

Wara r-rivelazzjoni finali addizzjonali, Airoldi sostniet li l-kummenti tagħha rigward il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni waslu fil-ħin, peress li t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni u d-definizzjoni finali tar-relazzjonijiet kummerċjali mar-Renju Unit kienu jikkostitwixxu “fatt ġdid”. Dan huwa diffiċli biex jiġi rikonċiljat mal-fehma ddikjarata tal-kumpanija stess li “kien magħruf sew li l-Brexit u l-ħruġ finali tar-Renju Unit kellhom iseħħu fl-1 ta’ Jannar 2021”. Fi kwalunkwe każ, il-kumpanija kienet f’pożizzjoni li teżerċita bis-sħiħ id-drittijiet legali tagħha li tikkummenta dwar din il-kwistjoni sal-11 ta’ Jannar 2021, l-iskadenza sa meta kienu dovuti l-kummenti għar-rivelazzjoni finali. Il-fatt li l-Kummissjoni, f’eżerċizzju ta’ flessibbiltà proċedurali, estendiet din l-iskadenza b’sebat (7) ijiem ipprovda opportunità addizzjonali għall-kumpanija biex tagħmel dan. Madankollu, dan ma kienx il-każ, peress li l-kummenti li talbu r-rieżami tal-investigazzjoni fuq il-bażi tal-EU27 waslu biss fl-20 ta’ Jannar — ferm wara l-iskadenza estiża. Għaldaqstant, l-argument ma jistax jintlaqa’. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni eżaminat mill-ġdid il-kwistjoni, kif deskritt hawn fuq.

(37)

Wara r-rivelazzjoni finali addizzjonali, Haomei ressqet talba tard wara l-iskadenza estiża għall-kummenti u tenniet il-kummenti li tressqu qabel. Għaldaqstant, is-sottomissjoni tardiva mhijiex ammissibbli. Il-kummenti li jinsabu fiha fi kwalunkwe każ diġà ġew indirizzati fil-premessi (196), (259) u (270).

1.7.   Eżami individwali

(38)

Żewġ produtturi esportaturi, Shandong Nollvetec Lightweight Equipment Co., Ltd. u Jilin Qixing Aluminium Industries Co., Ltd. ikkummentaw, fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod individwali dawk iż-żewġ kumpaniji, minkejja li talbuha tagħmel dan u ppreżentaw it-tweġibiet għall-kwestjonarju. Iż-żewġ kumpaniji asserixxew li għandhom jingħataw rata ta’ dazju ta’ 0 % li tirriżulta mit-tweġiba tagħhom għall-kwestjonarju.

(39)

Fl-istadju tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni qalet li kienet se tiddeċiedi jekk tagħtix eżami individwali fl-istadju definittiv tal-investigazzjoni. Madankollu, instab li l-eżami ta’ dawn it-talbiet kien ikun ta’ piż u ma kienx jippermetti li l-investigazzjoni titlesta fil-perjodu ta’ żmien stabbilit fir-Regolament bażiku. Barra minn hekk, il-perjodu ta’ żmien addizzjonali bejn il-fażijiet proviżorji u definittivi ma kienx biżżejjed biex jippermetti lill-Kummissjoni tikkunsidra sew dawn it-talbiet. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat id-deċiżjoni tagħha li ma tilqax it-talbiet għal eżami individwali.

(40)

Wara r-rivelazzjoni finali, l-istess żewġ produtturi esportaturi, Shandong Nollvetec Lightweight Equipment Co., Ltd. u Jilin Qixing Aluminium Industries Co., Ltd. tennew il-kummenti tagħhom dwar il-fatt li ma ngħatawx eżami individwali u kkummentaw dwar l-ispjegazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni fil-premessa (39). B’mod partikolari, huma argumentaw li żewġ talbiet għal eżami individwali ma jistgħux jitqiesu bħala numru kbir ħafna ta’ esportaturi li huma ta’ piż żejjed għall-Kummissjoni u jipprevjenu t-tlestija tal-investigazzjoni fi żmien xieraq.

(41)

Fir-rigward tal-eżami ta’ talbiet addizzjonali li huma ta’ piż u li ma jippermettux li l-investigazzjoni titlesta fil-ħin, il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li fil-proċess ta’ eżami tal-produtturi fil-kampjun, Haomei Group u l-PMI Group, il-Kummissjoni, kif imsemmi fil-premessa (22) tar-Regolament proviżorju, eżaminat erba’ produtturi esportaturi: Guangdong Haomei New Materials Co., Ltd.; Guangdong King Metal Light Alloy Technology Co., Ltd; Press Metal International Ltd. u Press Metal International Technology Ltd.

(42)

Barra minn hekk, il-valutazzjoni ta’ kemm hija ta’ piż l-eżaminazzjoni tal-produtturi esportaturi addizzjonali tinkludi l-aspetti kollha ta’ dan il-każ kumpless ħafna u tqis ir-restrizzjonijiet imposti mill-pandemija tal-COVID-19. Ir-rapport tas-seduta tat-13 ta’ Jannar 2021 mill-Uffiċjal tas-Seduta disponibbli fil-fajl tal-każ jipprovdi aktar dettalji f’dan ir-rigward.

(43)

Il-kummenti għamlu wkoll referenza għall-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku li jiddikjara li d-dazju anti-dumping applikat għall-produtturi esportaturi li kkooperaw ma għandux jaqbeż il-marġni medju ponderat tad-dumping, stabbilit fir-rigward tal-partijiet fil-kampjun. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkonferma li dan huwa l-każ, u huwa r-raġuni għaliex id-dazju anti-dumping applikat għall-produtturi esportaturi li kkooperaw huwa aktar baxx mil-livell ta’ dazju anti-dumping ta’ wieħed miż-żewġ produtturi esportaturi fil-kampjun.

1.8.   Asserzjoni għas-sospensjoni tal-investigazzjoni

(44)

Kumpanija importatriċi, Airoldi, irritornat għall-kwistjoni tas-sospensjoni tal-investigazzjoni kif diskuss fil-premessi (27) u (28) tar-Regolament proviżorju, li kien ukoll is-suġġett ta’ lment lill-Ombudsman Ewropew u miċħud minn dan tal-aħħar. Il-kumpanija importatriċi sostniet li r-Regolament bażiku kien qed jikser id-drittijiet fundamentali tal-partijiet (b’mod partikolari d-dritt li jinstemgħu, id-dritt għal amministrazzjoni tajba, il-prinċipju tal-ugwaljanza u d-dritt għall-protezzjoni tas-saħħa), billi ma kienx jippreskrivi għal sospensjoni tal-investigazzjoni f’każijiet ta’ emerġenza bħall-pandemija attwali.

(45)

Barra minn hekk, Airoldi sostniet li r-Regolament bażiku, interpretat fid-dawl tal-Ftehim dwar l-Anti-dumping tad-WTO (“ADA”), kellu jipprovdi perjodi ta’ żmien itwal għat-tlestija tal-investigazzjoni fid-dawl taċ-ċirkostanzi. Skont il-parti, ir-Regolament bażiku huwa miżura ta’ implimentazzjoni tal-ADA u billi l-Artikolu 5(10) tal-ADA jippermetti li l-investigazzjonijiet jiġu konklużi f’perjodu massimu ta’ 18-il xahar, l-Unjoni Ewropea tkun intitolata li tidderoga mill-iskadenzi tal-investigazzjoni u tapplika l-limiti ta’ żmien imsemmija fl-ADA. Skont ir-raġunament propost, id-DĠ Kummerċ b’applikazzjoni tal-Artikolu 57 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati (“Sospensjoni tal-operat ta’ Trattat skont id-dispożizzjonijiet tiegħu jew bil-kunsens tal-partijiet”), kellu jitlob ukoll lill-awtoritajiet Ċiniżi rilevanti għall-qbil tagħhom għal sospensjoni tal-investigazzjoni minħabba ċ-ċirkostanzi.

(46)

L-approċċ issuġġerit, madankollu, ma kienx legalment possibbli minħabba li l-investigazzjoni attwali twettqet fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni permezz tar-Regolament bażiku. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ma tistax tiddevja mill-iskadenzi preskritti fihom. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-qrati Ewropej, l-ADA jista’ jingħata effett dirett biss f’ċirkostanzi limitati ħafna li ma ntwerewx f’dan il-każ u għalhekk ma jistgħux f’dan il-każ jieħdu preċedenza fuq ir-Regolament bażiku.

(47)

Bi tweġiba l-parti interessata sostniet li ma kienx hemm bżonn ta’ emenda leġiżlattiva biex jinbidlu l-iskadenzi tal-investigazzjoni, u b’appoġġ ta’ din l-asserzjoni ssemmi r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1173 (6), li jemenda r-Regolament bażiku biex jinbidel it-tul ta’ żmien tad-divulgazzjoni preliminari minn tlieta għal erba’ ġimgħat. Madankollu, dan il-preċedent ma huwiex adattat minħabba li l-Kummissjoni adottat ir-Regolament UE 2020/1173 fl-eżerċizzju u fil-limiti tas-setgħat delegati lilha bir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku. Fin-nuqqas ta’ tali setgħa speċifika, id-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament bażiku fir-rigward tal-iskadenzi obbligatorji biex titlesta l-investigazzjoni ma jistgħux jinbidlu jew tingħata deroga minnhom.

(48)

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ din l-asserzjoni, it-talba għal sospensjoni kienet fi kwalunkwe każ meqjusa sproporzjonata fiċ-ċirkostanzi preżenti, peress li s-servizzi tal-Kummissjoni setgħu jwettqu l-investigazzjoni, u l-partijiet setgħu jipparteċipaw fiha b’mod sinifikanti minkejja r-restrizzjonijiet imposti mill-pandemija tal-COVID-19. Dan l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali ġie ppreżentat ukoll minn Airoldi fil-forma ta’ lment lill-Ombudsman Ewropew, li nnota li l-Kummissjoni kienet estendiet l-iskadenzi għall-ammont massimu possibbli sabiex tqis l-isfidi ppreżentati mill-kriżi tal-COVID-19. L-Ombudsman Ewropew innota wkoll li l-estensjoni tal-iskadenzi setgħet iddgħajjef ukoll il-kapaċità tal-Kummissjoni li tissodisfa l-obbligi tagħha li tlesti l-investigazzjoni anti-dumping sal-iskadenzi legali li hija marbuta bihom. Għalhekk, l-Ombudsman Ewropew ikkonkluda li l-Kummissjoni aġixxiet b’mod raġonevoli u għalaq il-każ billi sab li ma kien hemm l-ebda amministrazzjoni ħażina (7).

(49)

Wara r-rivelazzjoni finali, Airoldi sostniet li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta rrifjutat it-talba tagħha biex tissospendi l-investigazzjoni. Madankollu, meta wieħed iżomm f’moħħu li ma tqajjem l-ebda argument ġdid, il-Kummissjoni tikkonferma li d-dikjarazzjoni ma tistax tiġi aċċettata.

(50)

Il-kumpanija importatriċi talbet ukoll aċċess għal xi dokumenti interni tal-Kummissjoni, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). It-talba u t-tweġiba għaliha jsegwu d-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament u għalhekk ma jiffurmawx parti minn din l-investigazzjoni.

(51)

Wara r-rivelazzjoni finali, Haomei Group indika li l-Kummissjoni ħabbret il-konklużjoni fil-prinċipju tan-negozjati għal Ftehim Komprensiv dwar l-Investiment bejn l-UE u ċ-Ċina (“CAI”). Huma argumentaw li l-investigazzjoni għandha tiġi posposta biex il-partijiet involuti fil-proċediment ikunu jistgħu jiksbu informazzjoni usa’ dwar is-CAI u jagħtu kontribut xieraq bil-miktub dwar l-effetti tiegħu fuq il-proċedura pendenti. Dan l-argument huwa irrilevanti, peress li s-CAI huwa ftehim li jkopri kwistjonijiet ta’ investiment li bl-ebda mod ma jbiddlu jew jaffettwaw l-applikazzjoni ta’ strumenti għad-difiża tal-kummerċ, u għalhekk mhuwiex aċċettat.

(52)

Wara r-rivelazzjoni finali addizzjonali, Haomei Group tenna u espanda fuq l-argumenti tiegħu biex jipposponi l-investigazzjoni, iżda dawn l-argumenti ma biddlux il-konklużjoni indikata fil-premessa (51) li l-argumenti huma irrilevanti. Barra minn hekk, it-tennija tal-punt minn Haomei Group ma kellha l-ebda rilevanza għar-rivelazzjoni finali addizzjonali u għalhekk kienet barra mill-iskadenzi meħtieġa.

(53)

Wara r-rivelazzjoni finali addizzjonali, Haomei Group sostna wkoll li l-investigazzjoni għandha tingħalaq minħabba s-saħħa tal-argumenti tagħhom dwar id-dumping, il-ħsara u l-kawżalità. Madankollu, billi dawn l-argumenti ġew irrifjutati f’dan ir-Regolament, il-Kummissjoni kkonfermat li ma hemm l-ebda raġuni biex l-investigazzjoni tingħalaq.

1.9.   Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu kkunsidrat

(54)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward il-perjodu ta’ investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat, il-premessa (29) tar-Regolament proviżorju kienet ikkonfermata.

2.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Asserzjonijiet dwar l-ambitu tal-prodott

(55)

Produttur esportatur wieħed issuġġerixxa li ssir valutazzjoni tad-dumping u tad-dannu għal kull segment tas-suq.

(56)

Kif spjegat fir-Regolament proviżorju, inter alia fil-premessi (43) sa (47), u f’din it-Taqsima, dawn il-prodotti tal-aluminju li komunament jissejħu estrużjonijiet tal-aluminju għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi u għalhekk jappartjenu għall-prodott ikkonċernat. Għalkemm l-estrużjonijiet speċifiċi jistgħu jintużaw biss għal applikazzjoni speċifika, dan huwa r-riżultat tal-fatt li dawn il-prodotti huma personalizzati u espressament prodotti għall-użu maħsub tagħhom. Il-prattika kummerċjali introduċiet għadd ta’ distinzjonijiet, inkluż bejn ligi ibsin u dawk rotob, profili ta’ daqs medju u kbir, profili standard u speċjali u estrużjonijiet li jintużaw għal applikazzjoni speċifika. L-investigazzjoni wriet li filwaqt li ħafna produtturi huma preżenti f’bosta minn dawn il-kategoriji, huma jipproduċu skont il-karatteristiċi tekniċi tal-magni tagħhom u abbażi tar-rekwiżiti tad-diversi klijenti tagħhom. Barra minn hekk, fir-rigward tal-ligi, l-investigazzjoni wriet li jeżistu għadd ta’ ligi tal-aluminju, u ligi differenti jistgħu jkunu adatti għal ċerta applikazzjoni. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessa (197) ta’ dan ir-Regolament, partijiet differenti asserixxew li s-suq għandu jkun differenzjat skont il-kriterji msemmija hawn fuq. Minkejja dan, minħabba n-nuqqas ta’ linja ċara ta’ diviżjoni jew ta’ kriterju li jiddistingwi bejn il-prodotti differenti, il-valutazzjoni tad-dumping u tad-dannu għandha ssir għall-industrija tal-Unjoni kollha kemm hi, filwaqt li tiġi żgurata l-komparabbiltà xierqa tal-prodotti. Għalhekk, din l-asserzjoni dwar is-segmentazzjoni ġiet miċħuda.

(57)

Kumpanija importatriċi waħda (Airoldi) asserixxiet li d-definizzjoni u l-ambitu tal-kodiċi NM 7610 90 90 kienu impreċiżi, u li l-Kummissjoni żbaljat meta inkludiet l-importazzjonijiet li jaqgħu taħt dan il-kodiċi fl-istatistika tal-importazzjoni għall-prodott ikkonċernat.

(58)

L-ewwel nett, id-definizzjoni ta’ kodiċi NM, u l-prodotti inklużi fih, mhijiex fl-ambitu ta’ din l-investigazzjoni, u lanqas tal-leġiżlazzjoni tad-difiża tal-kummerċ, iżda ssegwi r-regoli tal-klassifikazzjoni tal-UE. Imbagħad, dwar l-inklużjoni ta’ prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 7610 90 90 fl-investigazzjoni preżenti, kif spjegat fir-Regolament proviżorju fil-premessi (218) sa (223), il-Kummissjoni kienet diġà indikat li l-proporzjon tal-prodott ikkonċernat inkluż f’dan il-kodiċi seta’ jkun aktar baxx minn dak stmat inizjalment mill-ilmentaturi. Dan ma jaffettwax il-fatt li l-prodott ikkonċernat attwalment jaqa’ notevolment taħt il-kodiċi msemmi qabel bħala kwistjoni ta’ klassifikazzjoni doganali. Id-determinazzjoni finali dwar din il-kwistjoni tinsab fl-analiżi u fil-konklużjonijiet irrappurtati fil-premessi (206) sa (210) ta’ dan ir-Regolament.

(59)

Airoldi reġgħet lura għall-kwistjoni msemmija fil-premessa preċedenti wara r-rivelazzjoni finali. Il-kumpanija tenniet l-argumenti tagħha u semmiet li jeżistu bosta BTIs taħt il-kodiċi NM inkwistjoni. Madankollu, l-eżistenza ta’ BTIs bħal dawn ma timplikax li ċerti importazzjonijiet taħt il-kodiċi ma jaqgħux taħt il-prodott ikkonċernat. Din il-kwistjoni hija kkunsidrata aktar fil-kapitolu 4.3 “Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat”.

(60)

Wara r-rivelazzjoni proviżorja, utent wieħed (Alstom) asserixxa li l-Kummissjoni, meta rrifjutat l-asserzjoni tiegħu għall-esklużjoni tal-prodott, naqset milli tifhem il-kumplessità tal-karatteristiċi tal-prodotti li jimporta, peress li l-estrużjonijiet tal-aluminju ferrovjarji jikkostitwixxu prodott b’karatteristiċi bażiċi differenti mill-prodotti l-oħra tal-aluminju li jaqgħu fl-ambitu tal-proċedimenti. Il-prodotti jsegwu standards speċifiċi u jridu jissodisfaw il-karatteristiċi esiġenti meħtieġa għall-użu maħsub tagħhom, inklużi t-tolleranza, il-mikrostruttura, l-għażla ta’ ligi li jistgħu jintużaw, ir-rekwiżiti tar-reħja, il-ħxuna, l-ittestjar, il-konformità tal-proprjetajiet mekkaniċi u s-solidità tal-ħjata tal-estrużjonijiet, b’impatt dirett fuq il-prodott biex tiġi żgurata s-sikurezza aħħarija tal-passiġġieri. Dan ikun kuntrarju għal prodotti oħra fuq talba, fejn il-karattru personalizzat ikun relatat biss ma’ talbiet dwar karatteristiċi li jaffettwaw id-dehra tal-prodott bħat-tul, il-wisa’, il-piż jew l-irfinitura tiegħu (pereż. maqtugħ skont id-daqs, illustrat, eċċ.), u ma jaffettwawx il-karatteristiċi intrinsiċi tal-prodotti. Il-konformità mar-rekwiżiti differenti tal-prodott tkun tinvolvi linja ta’ diviżjoni bejn prodotti speċifiċi għall-ferroviji u prodotti għal użi oħra. Fl-aħħar nett, l-utent sostna li f’każijiet preċedenti l-Kummissjoni eskludiet prodotti minn investigazzjoni abbażi tal-użu u l-proċess tal-produzzjoni tagħhom (b’mod partikolari, il-parti tirreferi għall-miżuri fuq ċertu kkastjar (9) u l-investigazzjoni li nfetħet reċentement dwar prodotti tal-aluminju rromblati ċatti li joriġinaw miċ-Ċina (10)).

(61)

Anke jekk dawn l-asserzjonijiet kellhom jiġu ssostanzjati biżżejjed, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-kumplessità ta’ ħafna estrużjonijiet tal-aluminju, inklużi dawk tas-settur ferrovjarju, u lanqas il-fatt li tipi differenti ta’ prodotti jista’ jkollhom karatteristiċi, użi jew proċessi ta’ produzzjoni speċifiċi differenti; li jistgħu jsegwu standards differenti tal-prodott; jew li l-interkambjabbiltà tista’ ma tkunx universali bejn kull wieħed minn dawn it-tipi. Madankollu, fi ħdan il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, il-Kummissjoni trid teżamina kull każ fuq il-merti speċifiċi tiegħu u b’mod partikolari fir-rigward tal-kriterju ewlieni ta’ jekk tipi differenti għandhomx l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi. F’dan il-każ, l-informazzjoni pprovduta dwar l-ispeċifiċitajiet relatati mat-tip ma neħħietx il-fatt li t-tipi inkwistjoni għandhom il-karatteristiċi bażiċi deskritti fir-Regolament proviżorju, irrispettivament mis-settur li jintużaw fih. Barra minn hekk, kemm il-produtturi esportaturi kif ukoll l-industrija tal-Unjoni jipproduċu u jbigħu estrużjonijiet tal-aluminju biex iservu s-settur ferrovjarju. L-estrużjonijiet tal-aluminju għas-settur tal-ferroviji għalhekk jappartjeni fl-ambitu tal-investigazzjoni li għalih ġew ivvalutati l-kunsiderazzjonijiet ta’ dumping, ta’ dannu u ta’ interess tal-Unjoni. Għalhekk, il-pretensjonijiet ma setgħux jiġu aċċettati.

(62)

Fir-rigward tal-estrużjonijiet għas-settur ferrovjarju, żewġ produtturi esportaturi (Shandong Nollvetec Lightweight Equipment Co., Ltd. u Jilin Qixing Aluminium Industries Co., Ltd.) talbu wkoll l-esklużjoni ta’ dawn il-prodotti mill-ambitu tal-prodott. L-argumenti mressqa minn dawn il-produtturi kienu jikkonċernaw l-eżistenza ta’ standards u proċessi ta’ produzzjoni speċifiċi u aktar eżiġenti minn dawk għall-applikazzjonijiet ġenerali. Kif spjegat hawn fuq, il-prodotti inklużi fl-ambitu tal-prodott, jiġifieri dawk imsemmija fil-premessi (38) sa (41) tar-Regolament proviżorju, għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi minkejja l-konformità addizzjonali tagħhom mal-istandards applikabbli għal ċerti applikazzjonijiet jew setturi.

(63)

Wara r-rivelazzjoni finali assoċjazzjoni waħda tal-Unjoni (UNIFE), utent wieħed (Alstom) u żewġ produtturi esportaturi (Jilin Qixing u Shandong Nollvetec) tennew il-punti li għamlu biex jappoġġaw l-esklużjoni tal-estrużjonijiet fis-settur ferrovjarju.

(64)

Alstom sostniet ukoll li l-Kummissjoni ma kinitx ikkunsidrat b’mod adegwat jekk kinitx teżisti relazzjoni kompetittiva bejn il-prodotti fil-valutazzjoni tagħha tat-talba għall-esklużjoni tal-prodott. Barra minn hekk, kif imsemmi fil-premessa (61) kemm il-produtturi esportaturi kif ukoll l-industrija tal-Unjoni jipproduċu u jbigħu estrużjonijiet tal-aluminju biex iservu s-settur ferrovjarju. Għalhekk huma f’kompetizzjoni ma’ xulxin. L-investigazzjoni kkonfermat ukoll l-impatt ta’ prattiki kummerċjali inġusti fuq il-produzzjoni ta’ tipi ta’ prodotti addizzjonali għas-settur, u l-kapaċità tal-Unjoni li tagħmel dan fil-kuntest ta’ kundizzjonijiet kummerċjali ġusti. Għaldaqstant, din il-pretensjoni ġiet irrifjutata.

(65)

Alstom sostniet ukoll li l-Kummissjoni ma kinitx ikkunsidrat il-ġurisprudenza b’mod xieraq. Fir-rigward tal-każ rigward ċertu kkastjar, Alstom sostniet li l-eżistenza ta’ standard EN kienet parti mill-ġustifikazzjoni għall-esklużjoni tal-prodotti. Fil-każ attwali, Alstom sostniet li l-Kummissjoni ma elaboratx għaliex l-eżistenza ta’ standard EN ma kinitx fattur rilevanti. Kif indikat fil-premessa (61) il-Kummissjoni ma tikkontestax li kull industrija utenti tixtri prodotti b’karatteristiċi speċifiċi. Madankollu, dan it-tip ta’ differenzjazzjoni japplika għas-setturi kollha tal-utenti u huwa relatat mar-rekwiżiti tekniċi tas-settur. Għal darba oħra l-eżistenza ta’ normi EN fis-settur ferrovjarju ma taffettwax il-fatt li l-estrużjonijiet koperti min-norma għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi bħall-prodotti għal applikazzjonijiet oħra. Fir-rigward tal-każ taż-żraben (11), ċerti prodotti ġew esklużi mill-ambitu tal-investigazzjoni mhux l-inqas minħabba li l-karatteristiċi bażiċi ma kinux l-istess. Dan mhuwiex il-każ hawnhekk, peress li l-karatteristiċi bażiċi huma l-istess. Biex jintwera eżempju wieħed, fil-każ taż-żraben, differenzi bħal dawn irriżultaw f’xejriet differenti tal-importazzjoni u tal-prezzijiet — lanqas ma saret dikjarazzjoni f’dan ir-rigward. Fil-qosor, huwa kkonfermat li dan l-argument ma setax jiġi aċċettat.

(66)

Utent ieħor (Carl Prinz), manifattur ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi għall-kisi tal-art, sostna li, minħabba l-istandards fis-seħħ u t-tolleranzi mnaqqsa meħtieġa, kif ukoll il-ħtieġa għal preses speċifiċi u għodod oħra tal-manifattura fil-produzzjoni, il-prodotti li jimportaw ma setgħux jitqabblu mal-prodotti importati li huma aktar standard u għalhekk għandhom jiġu esklużi mill-investigazzjoni.

(67)

Bl-istess mod bħal fil-każ tal-utent preċedenti, dan l-argument ma setax jiġi aċċettat. L-ewwel nett, il-produtturi esportaturi u l-industrija tal-Unjoni biegħu varjetà kbira ta’ prodotti; madankollu, id-diviżjoni skont it-tipi ta’ prodotti żgurat li t-tqabbil tal-prezzijiet sar fuq prodotti komparabbli. It-tieni, irrispettivament mir-rekwiżiti tekniċi li jagħmlu ċertu prodott u l-użu tiegħu speċifiċi ħafna, xorta waħda għandhom il-karatteristiċi bażiċi tal-prodott ikkonċernat.

(68)

Produttur esportatur minnhom (Fuyao) talab li l-estrużjonijiet għall-prodotti aċċessorji relatati mal-vetturi għandhom jiġu esklużi mill-investigazzjoni. Il-produttur esportatur asserixxa li l-Kummissjoni ma qisitx li dawn l-estrużjonijiet kienu differenti minn estrużjonijiet oħra użati, pereżempju, fis-settur tal-kostruzzjoni. B’appoġġ għall-pretensjoni tiegħu, il-produttur esportatur iddikjara li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tista’ tqis “bosta fatturi, bħall-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal-prodotti, l-użu tagħhom, l-interkambjabbiltà tagħhom, il-perċezzjoni li l-konsumaturi għandhom tagħhom, il-mezzi ta’ distribuzzjoni, il-proċess tal-manifattura, l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-kwalità” (12). Għal din ir-raġuni, il-produttur esportatur sostna li l-prodotti li esporta għandhom jiġu esklużi billi jservu użu aħħari differenti minn dawk l-oħrajn soġġetti għall-miżuri. Barra minn hekk, b’appoġġ għall-pretensjoni tiegħu, il-produttur esportatur semma li l-Kummissjoni, fil-premessa (41) tar-Regolament proviżorju, eskludiet mingħajr ma tagħti r-raġunijiet serje ta’ prodotti mill-investigazzjoni (bħal subassemblaġġi, tubi u pajpijiet iwweldjati u kittijiet ta’ oġġetti lesti).

(69)

Fir-rigward ta’ dawn l-asserzjonijiet, kif ġie nnutat fil-premessa (56), għalkemm l-estrużjonijiet speċifiċi jistgħu jintużaw biss f’settur partikolari tas-suq għal applikazzjoni speċifika, dan huwa r-riżultat tal-fatt li dawn il-prodotti huma personalizzati u espressament prodotti għall-użu maħsub tagħhom. L-investigazzjoni wriet li ma hemmx linja ta’ diviżjoni jew kriterju ċar li jiddistingwi bejn il-prodotti differenti, li jiġġustifika analiżi tas-segment. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-aktar approċċ xieraq għall-valutazzjoni tad-dumping u tad-dannu għall-industrija tal-Unjoni huwa li jitqiesu t-tipi kollha ta’ prodotti flimkien, filwaqt li tiġi żgurata l-komparabbiltà tal-prodotti kollha meta mqabbla. Fir-rigward tal-esklużjonijiet imsemmija fil-premessa (41) tar-Regolament proviżorju, dawn huma definiti mill-ilmentaturi fl-għażla tagħhom tal-ambitu xieraq tal-prodott li sofra l-effetti ta’ dumping dannuż. Dawn il-pretensjonijiet għalhekk ġew miċħuda.

(70)

Utent wieħed (Stako Sp. z o.o.) li jimporta pajpijiet tal-aluminju taħt is-sospensjoni tariffarja awtonoma għall-użu fil-manifattura ta’ reċipjenti taħt pressjoni għolja sostna li l-eżistenza tal-imsemmija sospensjoni tariffarja tkun teħtieġ l-esklużjoni tal-prodotti mill-ambitu tal-miżuri. Din il-pretensjoni tressqet b’mod sinifikanti wara l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ talbiet bħal dawn, jiġifieri 10 ijiem wara d-data tan-Notifika ta’ bidu. Din il-kumpanija sostniet li, minħabba n-nuqqas ta’ produzzjoni tal-prodotti importati fl-Unjoni, dawn l-importazzjonijiet b’definizzjoni ma setgħux ikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni u għalhekk għandhom jiġu esklużi.

(71)

Barra minn hekk, l-ilmentatur identifika produttur wieħed tal-Unjoni li huwa indika li jkun kapaċi u lest li jipproduċi u jforni l-prodott.

(72)

Wara r-rivelazzjoni finali, dan l-utent ikkummenta li t-tubi ffurmati bil-fluss ikkonċernati ma setgħux jiġu fornuti mill-produttur tal-Unjoni msemmi jew minn kwalunkwe produttur ieħor tal-Unjoni u setgħu jinkisbu biss miċ-Ċina. Għalhekk l-utent talab lill-Kummissjoni biex teżenta dawn it-tipi ta’ tubi.

(73)

European Aluminium imbagħad ikkummentat li produttur ieħor tal-Unjoni li juża proċess komparabbli huwa kapaċi jforni prodott xieraq u indika li l-produtturi tal-Unjoni huma kapaċi jipproduċu kwalunkwe prodott ta’ estrużjoni.

(74)

Il-Kummissjoni nnotat li Stako ppreżentat ruħha tard fl-investigazzjoni u ma kienx possibbli għaliha li tikkonkludi dwar l-utilità tal-proċess komparabbli fiż-żmien li kien fadal. Barra minn hekk, fis-seduta ma’ Stako ġie kkonfermat li l-proċess ta’ formazzjoni tal-fluss jitwettaq fl-Unjoni.

(75)

Barra minn hekk, il-prodotti soġġetti għas-sospensjoni tat-tariffi għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi bħall-prodott ikkonċernat.

(76)

Għal dawn ir-raġunijiet, it-talba għall-esklużjoni ma ġietx aċċettata.

(77)

Utent wieħed (Bi Silque S.A.) qed jimporta profili vojta taħt is-sospensjoni tariffarja awtonoma għall-użu fil-frejms talab ukoll l-esklużjoni ta’ dawn il-prodotti mill-ambitu tal-miżuri, għalkemm b’mod sinifikanti wara l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ talbiet bħal dawn. Din il-kumpanija sostniet li kien hemm nuqqas ta’ provvista fis-suq tal-Unjoni u għalhekk dawn l-importazzjonijiet għandhom jiġu esklużi mill-ambitu tal-prodott. Kumpanija importatriċi mhux relatata ikkummentat ukoll dwar din il-kwistjoni u appoġġat il-pretensjoni.

(78)

Madankollu, l-ilmentatur identifika erba’ produtturi tal-Unjoni li huma kapaċi u lesti li jipproduċu u jfornu prodotti bħal dawn. F’dan il-każ, il-prodotti importati minn dan l-utent jidhru li għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi tal-prodott ikkonċernat u, għal din ir-raġuni, it-talba għall-esklużjoni għandha tiġi miċħuda.

(79)

Utent tal-Unjoni (Forest Group Nederland B.V.) sostna li l-fornitur Ċiniż tiegħu jew il-prodott li jbigħ għandhom jiġu esklużi mill-investigazzjoni peress li nbiegħu bi prezzijiet li ma humiex l-oġġett ta’ dumping. Din il-pretensjoni ġiet ippreżentata sew wara l-iskadenza biex jiġu ppreżentati t-tali talbiet. Fi kwalunkwe każ il-pretensjoni tidher li ġejja minn nuqqas ta’ fehim tal-proċedimenti anti-dumping. Anke meta produttur esportatur wieħed jinstab li ma kienx qed jagħmel dumping (li ma huwiex il-każ hawnhekk peress li l-produttur esportatur inkwistjoni ma kkooperax fl-investigazzjoni), dan ma jikkostitwixxix raġuni għall-esklużjoni ta’ prodott mill-ambitu tal-investigazzjoni. Għalhekk, din il-pretensjoni kellha tiġi miċħuda.

(80)

Talba għal eżenzjoni mid-dazji anti-dumping waslet f’isem produttur esportatur (Match Foshan Sanshui Hardware Products Company Ltd.) fuq il-bażi li l-kumpanija hija dipendenti ħafna fuq l-esportazzjonijiet tagħhom għall-vijabbiltà ekonomika tagħhom u li ma setgħetx tipprova li ma kinitx qed tagħmel dumping billi ma kinitx inkluża fil-kampjun. Din il-pretensjoni ġiet ippreżentata sew wara l-iskadenza biex jiġu ppreżentati t-tali talbiet. Peress li dawn l-elementi ma jikkostitwixxux raġuni għall-esklużjoni, it-talba għandha tiġi miċħuda.

(81)

Kumpanija importatriċi waħda (O. Wilms GmbH & Co) talbet li l-prodott li timporta jiġi eskluż mill-ambitu tal-prodott peress li jeħtieġ finitura speċjali, proċess ta’ approvazzjoni twil, u jinbiegħ lill-Unjoni bi prezzijiet għoljin. Din il-pretensjoni ġiet ippreżentata sew wara l-iskadenza biex jiġu ppreżentati t-tali talbiet. Peress li dawn l-elementi ma jikkostitwixxux raġuni għall-esklużjoni u l-prodott għandu l-istess karatteristiċi bażiċi bħall-prodott ikkonċernat, it-talba għandha tiġi miċħuda.

(82)

Kumpanija li tuża l-prodott ikkonċernat biex tipproduċi inkwatri tar-ritratti fl-Unjoni (Mavanti B.V.) asserixxiet li b’riżultat tal-miżuri se ġġarrab żieda fil-kostijiet li se tpoġġi lill-kumpanija tagħha fi żvantaġġ kompetittiv mal-prodotti lesti (jiġifieri inkwatri tar-ritratti) miċ-Ċina li mhux se jkunu soġġetti għal dazji anti-dumping. Għalhekk, dan l-utent ippropona li l-ambitu tal-prodott jiġi estiż biex ikopri prodotti lesti oħra bħal inkwatri tar-ritratti. Din il-pretensjoni ġiet ippreżentata sew wara l-iskadenza biex jiġu ppreżentati t-tali talbiet. Peress li l-ambitu tal-prodott jeskludi l-prodotti lesti u ma jkunx xieraq li l-ambitu tal-prodott jiġi estiż wara l-bidu tal-investigazzjoni, lanqas din it-talba ma tista’ tiġi aċċettata.

(83)

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni ddeterminat li ma kienet teżisti l-ebda raġuni biex jiġu esklużi l-prodotti soġġetti għat-talbiet ta’ hawn fuq mill-ambitu tal-prodott tal-investigazzjoni.

(84)

Wara r-rivelazzjoni finali żewġ utenti oħra (Decora u Bash tec) indikaw li l-prodotti li jimportaw għandhom jiġu esklużi mill-investigazzjoni minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom, in-nuqqas ta’ provvista mill-produtturi tal-Unjoni jew il-prezzijiet għoljin mill-produtturi tal-Unjoni.

(85)

Dawn l-utenti pprovdew dettalji tad-diskussjonijiet inizjali li kellhom mal-produtturi tal-Unjoni sabiex jippruvaw jiksbu estrużjonijiet tal-aluminju minnhom.

(86)

European Aluminium tenniet li l-utenti m’għandhomx jistennew li jkomplu jibbenefikaw minn dumping dannuż kif kellhom fil-passat. Huma rrimarkaw ukoll li l-estrużjonijiet isiru skont l-ordni u li l-industrija tal-Unjoni għandha kapaċità żejda. European Aluminium identifikat produtturi tal-Unjoni li kapaċi jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa.

(87)

Il-Kummissjoni nnotat li dawn l-utenti kienu fl-istadji bikrija tad-diskussjonijiet ma’ fornituri potenzjali tal-Unjoni u li l-utenti jinsabu fil-proċess li jadattaw għall-eżistenza tal-miżuri. Għalhekk, ma jistax jiġi konkluż li hemm nuqqas ta’ kapaċità jew rieda li jiġu fornuti t-tipi ta’ prodotti msemmija hawn fuq min-naħa tal-industrija tal-Unjoni.

(88)

Il-Kummissjoni, għalhekk, issostni l-pożizzjoni tagħha li t-talbiet għall-esklużjoni tal-prodotti ta’ dawn l-utenti ma jistgħux jiġu aċċettati.

(89)

Utent wieħed (Mat-Inter) iddikjara li d-definizzjoni tal-prodott ma kinitx ċara u li kien jirriskja li l-prodotti tiegħu jiġu kklassifikati bħala prodott ikkonċernat. Minkejja l-fatt li l-utent ma pprovdiex argument ċar dwar il-karatteristiċi tal-prodotti tiegħu u r-raġunijiet għall-klassifikazzjoni inċerta tagħhom (inkluż il-fatt li huwa semma fir-raġunament tiegħu s-Subkapitolu 7904 tan-nomenklatura magħquda li huwa barra mill-ambitu tal-investigazzjoni), ta’ min ifakkar li d-definizzjoni tal-prodott hija rrapportata wkoll fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament u li l-implimentazzjoni prattika tagħha hija l-kompetenza tal-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru fejn isseħħ l-importazzjoni.

2.2.   Aktar dettalji dwar l-ambitu tal-prodott

(90)

Diversi partijiet għamlu mistoqsijiet dwar jekk l-esportazzjonijiet tagħhom kinux jaqgħu taħt il-prodott ikkonċernat. Sabiex tipprovdi kjarifika u tnaqqas ir-riskju ta’ klassifikazzjoni ħażina, il-Kummissjoni tipprovdi aktar dettalji dwar l-esklużjonijiet mill-ambitu tal-prodott, speċifikament is-“subassemblaġġi” u l-“kittijiet tal-oġġetti lesti”, kif deskritt fil-premessa (41) tar-Regolament proviżorju.

(91)

Il-prodotti mwaħħla (eż. bl-iwweldjar jew bil-qfieli) biex jiffurmaw “subassemblaġġi” ma humiex parti mill-ambitu tal-prodott. Il-prodotti huma tipikament ippreżentati fis-subassemblaġġi biss fejn is-subassemblaġġ huwa ddisinjat biex jiġi assemblat f’entità akbar bħal prodott finali jew assemblaġġ, u fejn teżisti ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti biex il-prodotti jinbiegħu b’dan il-mod.

(92)

Bl-istess mod, irid ikun hemm ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti biex jinbiegħu prodotti f’“kittijiet tal-oġġetti lesti”, li jinkludu l-karatteristiċi essenzjali kollha tal-prodott lest li jirriżultaw mill-assemblaġġ tal-“kitt”, u huma direttament lesti u kompluti għall-użu intenzjonat finali tagħhom (l-assemblaġġ ta’ dan il-prodott finali).

(93)

Biex tiġi ffaċilitata l-klassifikazzjoni ta’ tali prodotti u kontroll doganali, se jinħolqu kodiċijiet TARIC speċifiċi għaż-żewġ esklużjonijiet.

(94)

L-aspetti l-oħra kollha tar-Regolament proviżorju rigward il-prodott li qed jiġi investigat, il-prodott ikkonċernat, il-prodott simili u l-ambitu tal-prodott huma kkonfermati.

3.   DUMPING

3.1.   Valur normali

(95)

Bosta partijiet interessati u l-GTĊ ikkummentaw dwar in-nuqqas ta’ distorsjonijiet sinifikanti fiċ-Ċina.

(96)

Fil-kummenti tiegħu dwar ir-Regolament proviżorju, Haomei Group argumenta li huwa pprovda evidenza li tiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku għall-kalkolu tal-valur normali. B’mod partikolari, Haomei Group irrifjuta l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti għall-kumpaniji tiegħu u insista li huwa kien ipprovda biżżejjed evidenza li turi li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ distorsjonijiet fil-qasam tal-kostijiet lavorattivi, tal-kreditu u tal-enerġija.

(97)

Kif spjegat fid-dettall fil-premessi (77) u (79) u wara tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni tenniet li skont l-Artikolu 2(6a)(b) hija tqis l-impatt potenzjali ta’ wieħed jew aktar mill-elementi elenkati f’din id-dispożizzjoni, inklużi l-kostijiet lavorattivi, il-kreditu u l-enerġija, iżda mhux limitat għalihom. Kif iċċarat ukoll fl-istess premessi, il-punt tat-tluq huwa l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti u l-impatt tagħhom fuq il-prezzijiet u l-kostijiet huwa stabbilit fil-livell tal-pajjiż kollu minflok għal kull kumpanija. Fl-istess ħin, kif iddikjarat fil-premessa (81) tar-Regolament proviżorju, is-sorsi biex jinħadem il-valur normali meta tiġi applikata l-metodoloġija skont l-Artikolu 2(6a), is-subparagrafu (2), it-tielet sing jistgħu jinkludu l-kostijiet domestiċi, iżda biss sal-punt li jiġi aċċertat li mhumiex distorti, abbażi ta’ evidenza preċiża u xierqa. Għalhekk, anki jekk l-evidenza sottomessa wriet li dawn il-partijiet ma kinux affettwati minn distorsjonijiet fil-qasam tal-kostijiet lavorattivi, il-kostijiet tal-kreditu, u l-enerġija - quod non - dan ma affettwax l-applikazzjoni tal-metodoloġija skont l-Artikolu 2(6a) bħala tali. Fi kwalunkwe każ, kif spjegat fil-premessi (82) sa (83) tar-Regolament proviżorju, u fin-nuqqas ta’ evidenza rilevanti addizzjonali fil-livell tal-pajjiż kollu, id-dikjarazzjonijiet ta’ Haomei Group dwar in-nuqqas ta’ distorsjonijiet ma kinux sostanzjati b’xi evidenza fattwali u għalhekk il-konklużjonijiet fil-premessi (77), (79), (81) u (83) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

(98)

It-tieni, Haomei Group osserva li r-Regolament proviżorju jikkritika s-sistema ekonomika Ċiniża, jagħmel dikjarazzjonijiet ġenerali dwar l-influwenza tal-Gvern Ċiniż fuq l-industriji ewlenin, u jimplika li l-ippjanar li sar mill-awtoritajiet ċentrali u provinċjali jwassal għal faċilitazzjoni finanzjarja għall-kumpaniji Ċiniżi permezz tas-sistema bankarja. L-ewwel nett, Haomei Group enfasizza li l-Gvernijiet Ewropej jagħtu wkoll benefiċċji lill-produtturi Ewropej, li għandhom jiġu kkunsidrati. It-tieni, Haomei Group innota li l-ebda wieħed mill-fatturi elenkati fl-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku u kkwotati fil-punt (70) tar-Regolament proviżorju ma kien japplika għalih, minħabba li Haomei Group hu kompletament privat, mhux soġġett għal xi forma ta’ kontroll jew direttiva mill-Gvern Ċiniż u/jew mill-Partit Komunista Ċiniż (“CCP”). Barra minn hekk, l-ebda membru tal-istituzzjonijiet imsemmija hawn fuq ma kien jinsab fil-bordijiet ta’ Haomei Group.

(99)

Fir-rigward tal-ewwel argument, il-Kummissjoni nnotat fil-premessa (71) tar-Regolament proviżorju li skont l-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku l-impatt potenzjali ta’ wieħed jew aktar mill-elementi distorsivi elenkati f’dik id-dispożizzjoni huwa analizzat fir-rigward tal-prezzijiet u tal-kostijiet fil-pajjiż esportatur. L-istruttura tal-kost u l-mekkaniżmi tal-formazzjoni tal-prezzijiet fi swieq oħra, inklużi kwistjonijiet relatati ma’ appoġġ finanzjarju ġeneriku u mhux sostanzjat, bħall-allegat appoġġ ġeneriku mogħti fl-UE, ma għandhom l-ebda rilevanza fil-kuntest ta’ dan il-proċediment (13). It-tieni, kif spjegat fil-premessi (77) u wara, u fil-premessa (103) tar-Regolament proviżorju, iż-żewġ produtturi esportaturi kienu eliġibbli għal forom differenti ta’ appoġġ, irrispettivament minn jekk kinux entitajiet privati jew pubbliċi.

(100)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-argument ta’ Haomei Group li ż-żewġ kumpaniji huma ħielsa minn kwalunkwe influwenza tal-gvern jew tal-partit ma jikkorrispondix mar-realtà. Il-Kummissjoni l-ewwel tfakkar dwar il-korp sostanzjali ta’ evidenza u l-konklużjonijiet li jinsabu fil-premessi (86) sa (90), u fit-Taqsimiet 3.2.1.3 - 3.2.1.5 tar-Regolament proviżorju, li juru l-firxa u t-tixrid tal-influwenza tal-gvern u tas-CCP fl-ekonomija Ċiniża, inkluż is-settur tal-aluminju. La Haomei Group, u lanqas xi parti interessata oħra ma pprovdew evidenza li tirribatti jew iddgħajjef dawn is-sejbiet. Dan diġà jkun biżżejjed biex anke mil-lat sostantiv ineħħu dawn l-argumenti. Fi kwalunkwe każ, skont ir-riċerka mwettqa mill-Kummissjoni, fis-sit web ta’ Haomei Group hemm irreklamat li l-kumpanija hija involuta fl-attivitajiet tal-bini tal-partit, bħal attivitajiet edukattivi għall-impjegati dwar “il-ħsibijiet ta’ Xi Jinping dwar is-Soċjaliżmu b’Karatteristiċi Ċiniżi fl-Era l-Ġdida, mill-Kostituzzjoni, mill-Kostituzzjoni u r-Regolamenti tal-Partit, mill-ispirtu tad-19-il Kungress Nazzjonali tal-Partit Kommunista taċ-Ċina, mill-ispirtu tar-Raba’ Sessjoni Plenarja tad-19-il Kumitat Ċentrali tal-Partiti, mill-ispirtu tal-istruzzjonijiet importanti ta’ Xi Jinping dwar Guangdong […].” (14) Barra minn hekk, il-kumpanija tippreżenta lilha nnifisha bħala “intrapriża bi żvilupp ta’ kwalità għolja ggwidata mill-bini tal-Partit” fuq is-sit web ta’ Foshan Nanhai Aluminium Profile Industry Association, fejn Haomei Group huwa deskritt aktar b’dan il-mod: “Haomei New Materials baqgħet tkun iggwidata għal żmien twil mill-ħsibijiet ta’ Xi Jinping dwar is-Soċjaliżmu b’Karatteristiċi Ċiniżi fl-Era l-Ġdida, baqgħet tistudja u timplimenta fil-fond l-ispirtu tad-19-il Kungress Nazzjonali tal-Partit Komunista taċ-Ċina, armata bit-teorija; kompliet tippromwovi l-ħidma tal-kumpanija fil-bini tal-Partit u ttrasformat il-vantaġġi tal-ħidma fil-bini tal-Partit f’vantaġġi għall-iżvilupp tal-intrapriża.” (15) Kif jidher fil-kuntest tal-gvern Ċiniż u l-influwenza tal-partit kif deskritt bir-reqqa fil-premessi u t-taqsimiet imsemmija tar-Regolament proviżorju, din l-evidenza tkompli ddgħajjef l-argument imressaq minn din il-parti.

(101)

It-tielet, il-produtturi esportaturi jqisu li l-prinċipju tal-legalità (16) inkiser mis-sejbiet fil-premessa (77) tar-Regolament proviżorju, fejn il-Kummissjoni ddikjarat li ż-żewġ produtturi kienu eliġibbli għal appoġġ finanzjarju, anki jekk ma rċevewhx. Skont Haomei Group, b’din id-dikjarazzjoni l-Kummissjoni taqleb l-oneru tal-provi u r-responsabbiltà impliċita għal atti ta’ persuna oħra. Fir-rigward tal-finanzjament mill-Istat, dan għandu jiġi miċħud kompletament minħabba li Haomei Group jitqies responsabbli għas-sempliċi fatt li huwa magħmul minn kumpaniji Ċiniżi, anke jekk qatt ma ngħataw finanzjament pubbliku u/jew sussidji.

(102)

Il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 2(6a)(b) jiddikjara li, meta tivvaluta l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti, il-Kummissjoni trid tikkunsidra l-“impatt potenzjali” tal-elementi elenkati f’dak l-Artikolu. Is-sejbiet fit-taqsima 3.2.1.8 b’rabta mat-taqsima 3.2.1.5 tar-Regolament proviżorju juru li l-produtturi tal-aluminju Ċiniżi għandhom aċċess preferenzjali għall-finanzjament mill-Istat u li hemm distorsjonijiet mal-pajjiż kollu fir-rigward tal-aċċess għall-finanzjament. Għalhekk, anki jekk Haomei Group fil-fatt ma rċieva l-ebda finanzjament mill-Istat huwa stess, il-preżenza ta’ tali distorsjonijiet fis-settur hija rilevanti għall-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ distorsjonijiet skont l-Artikolu 2(6a)(b). Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li irrispettivament mill-produtturi esportaturi li fil-fatt jirċievu finanzjament mill-Istat, il-fornituri tagħhom jew atturi oħra involuti fis-swieq upstream jew downstream tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat setgħu bbenefikaw mill-aċċess preferenzjali għall-finanzjament, li huwa indikatur addizzjonali li l-prezzijiet jew il-kostijiet ma humiex ir-riżultat tal-forzi tas-suq ħieles. Fuq din il-bażi, l-asserzjonijiet ta’ dawn il-kumpaniji diġà jistgħu jiġu miċħuda.

(103)

Madankollu, il-Kummissjoni kompliet tagħmel riċerka dwar il-preċiżjoni tal-asserzjonijiet magħmula minn Haomei Group fir-rigward tas-sitwazzjoni tiegħu. Għall-kuntrarju ta’ dak li sostna Haomei Group, skont l-informazzjoni pubblika deher li ż-żewġ kumpaniji fil-fatt ibbenefikaw minn self mogħti minn, fost l-oħrajn, banek tal-Istat, inkluż self mill-Bank of Communications u Guangfa Bank (17). Barra minn hekk, Haomei tinsab fiż-Żona ta’ Teknoloġija Avvanzata ta’ Qingyuan, li skont is-sit web uffiċjali tal-gvern tal-belt ta’ Qingyuan toffri appoġġ lill-kumpaniji li jinsabu fiha: “F’dawn l-aħħar snin, iż-Żona ta’ Teknoloġija Avvanzata ta’ Qingyuan appoġġat b’mod vigoruż l-elenkar tal-intrapriżi li jinsabu fiż-żona, li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-iżvilupp tal-intrapriżi permezz ta’ kanali multipli bħall-appoġġ politiku u l-garanziji ta’ finanzjament, u li jitqassar iż-żmien biex l-intrapriżi jsiru pubbliċi. Wara dan, hija se tkompli tikkoltiva u tespandi l-intrapriżi fil-ġuriżdizzjoni tagħha, tieħu diversi miżuri biex tippromwovi t-trasformazzjoni u t-titjib ta’ dawn l-intrapriżi, ittejjeb il-kompetittività tagħhom, u tħaffef il-pass tal-iżvilupp tagħhom.” (18)

(104)

Il-Kummissjoni sabet ukoll li Haomei hija rikonoxxuta bħala Ċentru Nazzjonali tat-Teknoloġija tal-Intrapriżi (19), status marbut ma’ ċerti benefiċċji bħal premji finanzjarji ta’ darba (20), u politiki tat-taxxa preferenzjali biex jappoġġaw l-innovazzjoni teknoloġika skont ir-regolamenti nazzjonali rilevanti (21). Barra minn hekk, skont il-Miżuri ta’ Ġestjoni għar-Rikonoxximent bħala Ċentru Nazzjonali tat-Teknoloġija tal-Intrapriżi ppubblikati mill-GTĊ, għadha teżisti relazzjoni mill-qrib bejn l-Istat u l-intrapriżi rikonoxxuti bħala Ċentri Nazzjonali tat-Teknoloġija tal-Intrapriżi. L-Artikolu 1 ta’ dak id-dokument jiddikjara: “Il-miżuri attwali huma stabbiliti skont il-Liġi Ċiniża dwar il-Progress fix-Xjenza u t-Teknoloġija, sabiex […] tkompli tissaħħaħ il-pożizzjoni ewlenija tal-intrapriżi fl-innovazzjoni teknoloġika […].” Skont l-Artikolu 3 tal-istess dokument: “L-Istat jinkoraġġixxi u jappoġġa intrapriżi li jibnu Ċentri tat-Teknoloġija, jinvolvi intrapriżi fl-innovazzjoni teknoloġika bħala atturi ewlenin u jibni mekkaniżmu istituzzjonali komprensiv għat-teknoloġija tal-industrija u r-riċerka u l-iżvilupp immexxija mill-intrapriżi. […] l-Istat […] jagħti appoġġ ta’ politika, kif ukoll iħeġġeġ u jiggwida l-intrapriżi ewlenin biex iżidu l-kapaċità tagħhom li jixprunaw il-progress fl-industrija tat-teknoloġija u l-innovazzjoni.” (22) Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi kollha, li jissupplimentaw is-sejbiet tas-sussidji mogħtija lil Haomei Group kif dettaljat fil-premessa (103) tar-Regolament proviżorju, huwa ċar li l-kumpanija bbenefikat minn politiki preferenzjali, aċċess għall-finanzjament u s-sussidji, li kollha jikkontradixxu l-asserzjonijiet tal-kumpanija li mhijiex affettwata mill-elementi rilevanti li jagħtu prova ta’ distorsjonijiet sinifikanti. Għalhekk, dawn il-pretensjonijiet iridu jiġu miċħuda wkoll bħala li ma jikkorrispondux għar-realtà.

(105)

Ir-raba’, Haomei Group argumenta li ma kien hemm l-ebda konfutazzjoni preċiża tal-evidenza pprovduta matul l-investigazzjoni dwar in-nuqqas ta’ distorsjonijiet. Il-produtturi esportaturi jsostnu li t-Taqsimiet 3.2.1.1 sa 3.2.1.10 tar-Regolament ivvalutaw iċ-Ċina globalment, mingħajr referenzi speċifiċi għal Haomei Group. Dan, skont Haomei Group jikser id-drittijiet difensivi tagħhom skont l-Artikolu 6 tal-KEDB dwar id-dritt għal proċess ġust u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust u jikkostitwixxi nuqqas serju ta’ motivazzjoni skont il-prinċipju ġenerali tal-effikaċja u l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(106)

Il-Kummissjoni fakkret li, għall-kuntrarju ta’ dawn l-asserzjonijiet, is-sejbiet ta’ distorsjonijiet huma bbażati fuq korp sostanzjali ta’ evidenza u valutazzjoni legali kif dettaljat fit-Taqsima 3.2.1 kollha tar-Regolament proviżorju. Il-produtturi esportaturi u l-partijiet kollha kellhom biżżejjed opportunità mill-bidu tal-proċediment biex jipprovdu argumenti u evidenza dwar l-eżistenza jew l-impatt ta’ distorsjonijiet sinifikanti fiċ-Ċina kollha, u/jew li l-kostijiet domestiċi tagħhom mhumiex distorti skont l-Artikolu 2(6a)(a), it-tieni subparagrafu, it-tielet sing. Iż-żewġ produtturi esportaturi għamlu użu minn din il-possibbiltà billi għamlu rappreżentazzjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet, li huma s-suġġett ta’ din il-valutazzjoni. Kif spjegat f’din it-taqsima, minbarra dikjarazzjonijiet ġenerali mhux sostanzjati jew mhux veri, huma naqsu milli jippreżentaw xi evidenza sostanzjali dwar in-nuqqas ta’ distorsjonijiet fil-pajjiż kollu u/jew li fattur speċifiku wieħed jew aktar tal-produzzjoni ma kinux distorti fil-każ tagħhom. Għalhekk, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.

(107)

Il-ħames, l-istess żewġ produtturi esportaturi argumentaw li s-sussidji rrappurtati koperti fil-premessa (103) tar-Regolament proviżorju kienu premji lil Haomei Group għall-implimentazzjoni ta’ titjib ekoloġiku u teknoloġiku. Huma sostnew ukoll li l-ammonti tagħhom kienu negliġibbli meta mqabbla mad-dħul tal-kumpaniji, jiġifieri madwar EUR 1 miljun f’kontribuzzjoni kontra madwar EUR 330 miljun ta’ dħul. Haomei Group tenna li l-gwadanji mogħtija lilu mhux biss iridu jiġu vvalutati billi jitqies l-ammont limitat tagħhom iżda, fuq kollox, għandhom jiġu mqabbla ma’ inċentivi simili mogħtija lill-industriji Ewropej, fi ħdan analiżi komparattiva bil-għan li jiġi vvalutat jekk għandhomx jitqiesu bħala distorsjoni sinifikanti jew le. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni mill-prospett tal-Offerta Pubblika Inizjali (“IPO”) li n-nuqqas ta’ sussidji jkun jikkostitwixxi impatt fuq il-fluss tal-flus u r-riżultati operattivi tal-intrapriża, kif ikkwotat fil-premessa (103) tar-Regolament proviżorju, tirrappreżenta klawżola standard li l-kumpaniji Ċiniżi li jwettqu IPO jridu jinkludu fid-dokumenti diretti lejn abbonati potenzjali skont il-liġijiet u r-regolamenti Ċiniżi.

(108)

Il-Kummissjoni fakkret li, kif diġà ġie spjegat fil-premessa (102), l-Artikolu 2(6a) huwa applikabbli f’każ li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-eżistenza u l-impatt tad-distorsjonijiet fil-pajjiż esportatur fil-livell tal-pajjiż kollu. Għalhekk, din l-asserzjoni diġà tista’ tiġi miċħuda fuq din il-bażi. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-elementi addizzjonali kif dettaljati fil-premessa (103) u (104) ta’ dan ir-Regolament juru li din il-kumpanija tibbenefika minn politiki preferenzjali u aċċess għall-finanzi, u għalhekk anki din l-asserzjoni ma tirriflettix l-verità. Fir-rigward tad-daqs tal-benefiċċju, ma hemm l-ebda rekwiżit li l-Kummissjoni tinvestiga l-iskala tal-benefiċċji finanzjarji elenkati mill-produtturi esportaturi. Fi kwalunkwe każ, kif spjegat fid-dettall fil-premessa (103) tar-Regolament proviżorju dawn it-trasferimenti jammontaw għal perċentwal apprezzabbli tal-profitt tal-kumpanija, u bl-ammissjoni tal-kumpanija stess, in-nuqqas ta’ sussidji governattivi fil-futur jista’ jkollu impatt fuq il-fluss tal-flus u r-riżultati operattivi tal-kumpanija. Għalhekk, din l-asserzjoni hija infondata anke peress li ma tikkorrispondix għar-realtà tas-sitwazzjoni. Fl-aħħar, kif spjegat ukoll fil-premessa (99) ta’ dan ir-Regolament, il-paragun mas-sitwazzjoni tal-kumpaniji Ewropej huwa kompletament irrilevanti minn perspettiva legali fid-dawl tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, minbarra li huwa ġeneriku u mhu ssostanzjat mill-ebda evidenza.

(109)

Il-GTĊ issottometta għadd ta’ kummenti għar-Regolament proviżorju. L-ewwel nett, fir-rigward tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (23) (minn hawn ’il quddiem “ir-Rapport”), il-GTĊ argumenta li dokument ta’ ħidma tal-persunal ma kienx adegwat għall-fini li jiġu ppruvati distorsjonijiet. Dan għaliex, l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku kien jeħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi rapport dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti f’ċertu pajjiż jew f’ċertu settur f’dak il-pajjiż. Madankollu, skont il-GTĊ, dokument ta’ ħidma tal-persunal ma ssodisfax dan ir-rekwiżit, billi ma kien hemm l-ebda evidenza li tindika li d-dokument ġie approvat jew ikkonfermat mill-Kummissjoni mal-pubblikazzjoni tiegħu jew wara. Għalhekk, il-GTĊ sostna li kien hemm dubji serji dwar jekk tali dokument jistax jitqies bħala l-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni u jekk l-istatus legali tiegħu kienx jissodisfa r-rekwiżit tar-Regolament bażiku 2(6a) tal-Kummissjoni li tagħmel, tippubblika u taġġorna r-rapporti. Il-GTĊ fakkar ukoll li t-tweġiba tal-Kummissjoni għal mistoqsija simili fil-każ anti-dumping dwar il-pjanċi tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana ma speċifikatx jekk tali dokument ta’ ħidma setax jirrappreżenta l-pożizzjoni uffiċjali tal-UE u ma ċċarax in-natura legali tiegħu.

(110)

Il-Kummissjoni nnotat li l-Artikolu 2(6a)(c) tar-Regolament bażiku ma jippreskrivix format speċifiku għar-rapporti dwar distorsjonijiet sinifikanti, u dik id-dispożizzjoni lanqas ma tiddefinixxi xi kanal għall-pubblikazzjoni. Il-Kummissjoni fakkret li r-rapport huwa dokument tekniku bbażat fuq il-fatti użat biss fil-kuntest tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ. Għalhekk, ir-rapport jinħareġ b’mod xieraq bħala dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni peress li huwa purament deskrittiv u ma jesprimi l-ebda opinjoni, preferenza jew ġudizzju politiku. Dan ma jaffettwax il-kontenut tiegħu, jiġifieri s-sorsi oġġettivi ta’ informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fl-ekonomija Ċiniża rilevanti għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a)(c) tar-Regolament bażiku.

(111)

Il-Kummissjoni nnutat ukoll li s-sorsi oġġettivi ta’ informazzjoni li jinsabu fir-Rapport jistgħu jintużaw bħala evidenza rilevanti fis-sejbiet tal-Kummissjoni fl-investigazzjonijiet anti-dumping fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, flimkien ma’ kwalunkwe element u evidenza rilevanti oħra li ma jinsabux fir-Rapport. L-eżistenza ta’ rapport li jkopri pajjiż jew settur ma hijiex rekwiżit legali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Dak li jgħodd f’dan ir-rigward huwa l-eżistenza ta’ evidenza affidabbli, kemm jekk tinsab f’Rapport dwar il-pajjiż jew dwar settur jew xi mkien ieħor, sakemm tkun rilevanti għas-sejbiet li jikkonċernaw l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti. Għalhekk, anke minn dan il-lat, in-natura u l-forma tar-Rapport ma humiex rilevanti għas-sejbiet attwali dwar id-distorsjonijiet sinifikanti skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

(112)

F’din l-investigazzjoni, ir-rapport, inkluż l-evidenza li hemm fih, huwa parti mill-evidenza fil-fajl li jiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a). Il-Kummissjoni użat evidenza addizzjonali sostanzjali speċifika għall-investigazzjoni u l-asserzjonijiet imressqa mill-partijiet mhux inklużi fir-rapport. Aktar importanti minn hekk, il-GTĊ ma pprovda l-ebda evidenza li l-informazzjoni fir-rapport ma kinitx valida jew mhux applikabbli għal din l-investigazzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tfakkar li l-eżistenza ta’ rapport tal-pajjiż mhijiex kundizzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a). Dak li jgħodd għall-applikazzjoni tal-metodoloġija skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku huma s-sejbiet li d-distorsjonijiet sinifikanti huma rilevanti fil-każ inkwistjoni, kif inhu l-każ f’din l-investigazzjoni. Għalhekk, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.

(113)

It-tieni, il-GTĊ qal li l-kontenut tar-rapport dwar iċ-Ċina u l-modi kif jintuża kellhom nuqqasijiet fattwali u legali serji. Skont il-GTĊ, il-kontenut ma kienx rappreżentattiv, kien unilaterali, u ma kienx jirrifletti r-realtà. Id-dokument ta’ ħidma ttratta l-vantaġġi kompetittivi leġittimi tal-kumpaniji Ċiniżi u d-differenzi istituzzjonali normali bejn iċ-Ċina u l-Ewropa bħala l-bażi għad-determinazzjoni ta’ distorsjoni sinifikanti tas-suq. Barra minn hekk, il-GTĊ sostna li bl-aċċettazzjoni tal-applikazzjoni għall-investigazzjoni ppreżentata mill-industriji domestiċi bbażata fuq ir-rapport tal-pajjiż, il-Kummissjoni pprovdiet lill-industrija tagħha b’vantaġġi inġusti, li kienu ugwali għal għoti ta’ sentenza qabel ma jitlesta l-proċess. Barra minn hekk, il-GTĊ sostna li s-sostituzzjoni tal-investigazzjonijiet b’rapporti ma kinitx konformi mal-ispirtu legali fundamentali tal-ekwità u l-ġustizzja.

(114)

Bi tweġiba għad-dikjarazzjoni dwar difetti fattwali fir-rapport tal-pajjiż, il-Kummissjoni nnotat li r-rapport tal-pajjiż huwa dokument komprensiv ibbażat fuq evidenza oġġettiva estensiva, inklużi leġiżlazzjoni, regolamenti u dokumenti uffiċjali oħra ta’ politika ppubblikati mill-GTĊ, rapporti ta’ partijiet terzi minn organizzazzjonijiet internazzjonali, studji akkademiċi u artikli minn akkademiċi, u sorsi indipendenti affidabbli oħra. Dan sar disponibbli għall-pubbliku f’Diċembru 2017 u għalhekk kwalunkwe parti interessata jkollha biżżejjed opportunità biex tirribatti, tissupplimenta jew tikkummenta dwaru u dwar l-evidenza li fuqha huwa bbażat. Il-GTĊ qagħad lura milli jipprovdi kwalunkwe tali tweġiba jew kumment dwar is-sustanza u l-evidenza li tinsab fir-rapport sa minn meta ħareġ f’Diċembru 2017.

(115)

Rigward l-argument tal-GTĊ li jissuġġerixxi li l-ħruġ ta’ rapport tal-pajjiż issostitwixxa l-investigazzjoni attwali, il-Kummissjoni fakkret li skont l-Artikolu 2(6a)(e), jekk il-Kummissjoni tqis li l-evidenza sottomessa mill-ilmentatur dwar id-distorsjonijiet sinifikanti hija suffiċjenti, hija tista’ tibda l-investigazzjoni fuq din il-bażi. Madankollu, id-determinazzjoni dwar l-eżistenza u l-impatt attwali ta’ distorsjonijiet sinifikanti u l-użu konsegwenti tal-metodoloġija preskritta mill-Artikolu 2(6a) (a) iseħħu fiż-żmien tad-divulgazzjoni proviżorja u/jew definittiva bħala riżultat ta’ investigazzjoni. L-eżistenza u l-impatt ta’ distorsjonijiet sinifikanti mhumiex ikkonfermati fl-istadju tal-bidu kif iddikjarat mill-GTĊ, iżda biss wara investigazzjoni fil-fond, u b’hekk dan l-argument huwa miċħud.

(116)

It-tielet, il-GTĊ ikkummenta li l-Kummissjoni ħarġet biss dokumenti ta’ ħidma tal-persunal għal ftit pajjiżi magħżula, li kien biżżejjed biex iqajjem tħassib dwar it-trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit u t-trattament nazzjonali (“TN”). F’termini tan-nazzjon l-aktar iffavorit, irrispettivament minn jekk il-persunal tal-Kummissjoni kienx qed jikkunsidra li jfassal dokumenti simili għal pajjiżi oħra, sa dan il-punt, il-persunal tal-Kummissjoni abbozza biss id-dokumenti rigward is-suq Ċiniż u dak Russu. Barra minn hekk, il-GTĊ asserixxa li l-Kummissjoni qatt ma ppubblikat standard ċar u prevedibbli għall-għażla tal-pajjiżi jew tas-setturi biex tippubblika r-rapporti.

(117)

Il-Kummissjoni fakkret li, kif previst fl-Artikolu 2(6a)(c) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi prodott rapport tal-pajjiż għal kwalunkwe pajjiż biss fejn il-Kummissjoni jkollha indikazzjonijiet fondati sew ta’ eżistenza possibbli ta’ distorsjonijiet sinifikanti f’ċertu pajjiż jew settur f’dak il-pajjiż. Wara l-approvazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku f’Diċembru 2017, il-Kummissjoni kellha dawn l-indikazzjonijiet ta’ distorsjonijiet sinifikanti għaċ-Ċina. Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll rapport dwar id-distorsjonijiet fir-Russja u ma teskludix li jsegwu rapporti oħra. Peress li l-maġġoranza tal-każijiet tal-investigazzjoni għad-difiża tal-kummerċ (“TDI”) kienu jikkonċernaw iċ-Ċina u peress li kien hemm indikazzjonijiet serji ta’ distorsjonijiet f’dak il-pajjiż, kien l-ewwel pajjiż li għalih il-Kummissjoni abbozzat rapport. Ir-Russja hija l-pajjiż bit-tieni l-aktar każijiet ta’ TDI, għalhekk kien hemm raġunijiet oġġettivi għall-Kummissjoni biex tħejji rapporti dwar dawk iż-żewġ pajjiżi f’din l-ordni.

(118)

Barra minn hekk, kif intqal hawn fuq, ir-rapporti mhumiex obbligatorji biex jiġi applikat l-Artikolu 2(6a). L-Artikolu 2(6a)(c) jiddeskrivi l-kundizzjonijiet biex il-Kummissjoni toħroġ rapporti tal-pajjiżi, madankollu skont l-Artikolu 2(6a)(d) l-ilmentaturi ma humiex obbligati jużaw ir-rapport u, skont l-Artikolu 2(6a)(e), lanqas l-eżistenza ta’ rapport tal-pajjiż ma hija kundizzjoni biex tinbeda investigazzjoni skont l-Artikolu 2(6a). Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(6a)(e), evidenza suffiċjenti li turi distorsjonijiet sinifikanti fi kwalunkwe pajjiż miġjuba mill-ilmentaturi li jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 2(6a)(b) hija biżżejjed biex tinbeda l-investigazzjoni fuq dik il-bażi. Għalhekk, ir-regoli li jikkonċernaw distorsjonijiet sinifikanti speċifiċi għall-pajjiż japplikaw għall-pajjiżi kollha mingħajr ebda distinzjoni, irrispettivament mill-eżistenza ta’ rapport tal-pajjiż. Għalhekk, skont id-definizzjoni, ir-regoli dwar id-distorsjonijiet tal-pajjiżi ma jiksrux it-trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit. Għalhekk il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-asserzjonijiet.

(119)

Il-GTĊ żied li f’termini ta’ TN, il-kunċett ta’ distorsjonijiet tas-suq jew standards korrispondenti ma kienx jeżisti fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-suq intern jew dwar il-kompetizzjoni minbarra fir-Regolamenti bażiċi. Għalhekk, il-GTĊ argumenta li l-Kummissjoni ma kellha l-ebda awtorità f’termini tad-dritt internazzjonali u lanqas ebda leġiżlazzjoni u prattika taħt il-kompetenza esklussiva tagħha fis-suq intern jew ir-regolament tal-kompetizzjoni biex tinvestiga d-distorsjonijiet fiċ-Ċina.

(120)

Il-Kummissjoni bbażat il-metodoloġija tagħha f’din l-investigazzjoni fuq id-dispożizzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku dwar l-anti-dumping. Peress li kull regolament, ladarba jiġi approvat formalment mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, huwa legalment vinkolanti u l-Kummissjoni hija obbligata li tapplikah fl-intier tiegħu għax ikun jifforma parti mill-acquis. Huwa legalment irrilevanti li liġijiet Ewropej oħra ma jużawx il-kunċett ta’ distorsjonijiet sinifikanti, peress li dan huwa speċifiku għall-qasam tal-anti-dumping. Għalhekk, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.

(121)

Barra minn hekk, il-GTĊ ikkummenta li l-Kummissjoni applikat regoli u standards diskriminatorji kontra kumpaniji Ċiniżi meta kienu f’sitwazzjonijiet simili bħall-kumpaniji tal-UE, inklużi iżda mhux limitati għal standards inġusti ta’ evidenza u l-oneru tal-prova. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni ma evalwatx jekk l-UE jew l-Istati Membri kellhomx distorsjonijiet fis-suq. Dan is-sett ta’ prattiki affettwa serjament l-affidabbiltà u l-leġittimità tal-analiżi u l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kwistjonijiet ewlenin fl-investigazzjonijiet anti-dumping fir-rigward tad-dumping u tal-kalkolu tad-dannu. Għalhekk, huwa biżżejjed li jitqajjem tħassib dwar ksur potenzjali tal-obbligi ta’ trattament nazzjonali skont ir-regoli tad-WTO.

(122)

Il-GTĊ ma pprovda l-ebda evidenza li turi li l-kumpaniji tal-UE jkunu soġġetti għal distorsjonijiet paragunabbli ma’ dawk tal-kompetituri Ċiniżi tagħhom u għalhekk li huma f’sitwazzjoni simili. Fi kwalunkwe każ, il-kunċett ta’ distorsjonijiet sinifikanti huwa rilevanti fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-valur normali għad-determinazzjoni tad-dumping, filwaqt li dan il-kunċett huwa legalment irrilevanti għall-industrija tal-Unjoni fil-kuntest speċifiku tal-investigazzjonijiet anti-dumping. Għalhekk, din l-asserzjoni tqieset bħala mhux issostanzjata u legalment irrilevanti.

(123)

Is-sitt, il-GTĊ sostna li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku huma inkonsistenti mal-Artikolu 2.2 tal-ADA, li jipprovdi lista eżawrjenti ta’ sitwazzjonijiet fejn il-valur normali jista’ jinbena u d-distorsjonijiet sinifikanti mhumiex inklużi fih. Il-GTĊ sostna wkoll li l-użu ta’ data minn pajjiż rappreżentattiv xieraq jew prezzijiet internazzjonali biex jinbena l-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) kien ukoll inkonsistenti mal-Artikolu 6.1(b) tal-GATT u mal-Artikolu 2.2 tal-ADA, speċjalment mal-Artikolu 2.2.1.1. Il-GTĊ argumenta wkoll li r-regoli tad-WTO kienu jeħtieġu l-użu tal-kost tal-produzzjoni fil-pajjiż tal-oriġini flimkien ma’ ammont raġonevoli għall-kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali u għall-profitti meta jinbena l-valur normali. Madankollu, l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament Bażiku wessa’ l-ambitu tas-sorsi ta’ data biex jinkludi l-kostijiet ta’ produzzjoni u bejgħ f’pajjiż rappreżentattiv xieraq, jew prezzijiet, kostijiet jew valuri referenzjarji internazzjonali. Dan kien lil hinn mill-ambitu tar-regoli tad-WTO skont il-GTĊ. Għalhekk, irrispettivament minn jekk ir-Regolament bażiku tal-UE 2(5) huwiex konformi mar-regoli tad-WTO jew le, il-Kummissjoni jenħtieġ li ma tibnix il-valur normali meta jkun hemm l-hekk imsejħa “distorsjoni tas-suq” abbażi tal-awtorizzazzjoni tar-Regolamenti bażiċi Artikolu 2(6a).

(124)

Il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjoni tal-Artikolu 2(6a) hija konsistenti mal-obbligi tad-WTO tal-Unjoni Ewropea. Hija l-fehma tal-Kummissjoni li, kif iċċarat f’DS473 UE-Bijodiżil (l-Arġentina), id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku li japplikaw b’mod ġenerali fir-rigward tal-Membri kollha tad-WTO, b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5), jippermettu l-użu ta’ data minn pajjiż terz, aġġustata kif xieraq meta tali aġġustament ikun meħtieġ u ssostanzjat. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-asserzjoni.

(125)

Il-GTĊ qal li f’dan il-każ, il-Kummissjoni injorat direttament ir-rekords tal-esportaturi Ċiniżi, u dan huwa inkonsistenti mal-Artikolu 2.2.1.1 tal-ADA. Il-GTĊ argumenta li l-Korp tal-Appell fl-UE-Bijodiżil (l-Arġentina) (DS473) u l-bord fil-Metodoloġiji tal-Aġġustament tal-Ispejjeż tal-UE II (ir-Russja) (DS494) affermaw li skont l-Artikolu 2.2.1.1 tal-Ftehim dwar l-Anti-Dumping, sakemm ir-rekords miżmuma mill-esportatur jew il-produttur taħt investigazzjoni kienu jikkorrispondu - f’limiti aċċettabbli - b’mod preċiż u affidabbli, għall-kostijiet reali kollha mġarrba mill-produttur jew mill-esportatur partikolari tal-prodott investigat, l-awtorità tal-investigazzjoni għandha tuża dan ir-rekord biex tiddetermina l-kost tal-produzzjoni tal-produtturi investigati.

(126)

Il-Kummissjoni fakkret li t-tilwim DS473 u DS494 ma kienx jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, li huwa l-bażi legali rilevanti għad-determinazzjoni tal-valur normali f’din l-investigazzjoni. Dak it-tilwim kien jikkonċerna wkoll sitwazzjonijiet fattwali differenti mis-sitwazzjoni fattwali li tikkonċerna l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti. Għalhekk, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.

(127)

It-tmien, il-GTĊ sostna li l-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku f’dan il-każ kellha standards doppji. Skont il-GTĊ, il-Kummissjoni rrifjutat li taċċetta d-data tal-kost tal-esportaturi Ċiniżi minħabba li kien hemm distorsjonijiet sinifikanti tas-suq fis-suq Ċiniż, iżda aċċettat id-data tal-pajjiż rappreżentattiv u użatha biex tissostitwixxi d-data tal-produtturi Ċiniżi mingħajr ebda evalwazzjoni dwar jekk jistax ikun hemm distorsjonijiet tas-suq li jaffettwaw din id-data ta’ sostituzzjoni. Dan, skont il-GTĊ, huwa prova ta’ “standards doppji”. Il-GTĊ sostna li dan l-approċċ naqas milli jiggarantixxi l-affidabbiltà tal-kostijiet rilevanti fil-pajjiż rappreżentattiv magħżul. Barra minn hekk, kien impossibbli li verament jiġi rifless il-kost tal-produtturi fil-pajjiż tal-oriġini.

(128)

Il-Kummissjoni fakkret li matul l-investigazzjoni l-Kummissjoni tikkunsidra jekk hemmx elementi fil-fajl li jindikaw l-eżistenza ta’ kwalunkwe distorsjoni fil-pajjiżi rappreżentattivi, jiġifieri wkoll fir-rigward tal-materja prima ewlenija użata għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, pereżempju jekk hijiex soġġetta għal restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni. Barra minn hekk, matul l-investigazzjoni hemm opportunità biżżejjed biex il-partijiet kollha jargumentaw dwar l-adegwatezza tal-pajjiżi rappreżentattivi potenzjali kkunsidrati mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tippubblika żewġ noti għall-fajl dwar l-adegwatezza tal-pajjiżi rappreżentattivi possibbli u għażla preliminari ta’ pajjiż xieraq għall-investigazzjoni. Dawn in-noti huma disponibbli għall-partijiet kollha għall-kummenti tagħhom. F’dan il-każ ukoll, il-GTĊ u l-partijiet l-oħra kollha kellhom il-possibbiltà li jagħtu prova li l-pajjiżi rappreżentattivi possibbli kkunsidrati kienu affettwati minn distorsjonijiet sinifikanti u għalhekk ma kinux adattati għall-investigazzjoni. Għalhekk, din l-asserzjoni kienet infondata u ġiet miċħuda.

(129)

B’reazzjoni għas-sottomissjoni mill-GTĊ, Airoldi sussegwentement issottomettiet kummenti dwar is-sottomissjoni mill-GTĊ. Airoldi enfasizzat l-approvazzjoni tagħha rigward l-argumenti taċ-Ċina dwar il-legalità tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal. L-ewwel nett, Airoldi ssottomettiet li l-Artikolu 2(6a)(c) tar-Regolament bażiku jistipula r-rekwiżit li d-dokument inkwistjoni jrid ikun rapport u jrid jiġi adottat b’mod formali mill-Kummissjoni Ewropea. Hija argumentat ukoll li r-rapport kellu jsir pubbliku u jiġi aġġornat. Għalhekk, skont Airoldi, id-dokument li serrħet fuqu f’din l-investigazzjoni u ppubblikat fuq is-Sit tal-Internet tad-DĠ Kummerċ, ma ġiex aġġornat, u kien sempliċi dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni u ma kellux il-karatteristiċi formali u sostantivi biex jitqies bħala rapport formali tal-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, bħala kwistjoni tal-liġi istituzzjonali tal-UE, tali rapport kellu jiġi ppubblikat fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, Airoldi talbet li DĠ Kummerċ jipprovdilha verżjoni Taljana ta’ dan id-dokument u l-ħarġa ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fejn ġie ppubblikat. Fl-istess ħin, Airoldi nnotat li r-rapport dwar iċ-Ċina kien ippubblikat fuq is-Sit tal-Internet ta’ DĠ Kummerċ bil-lingwa Ingliża biss. Għalhekk, ir-rapport dwar iċ-Ċina kellu jiġi injorat u r-regolament proviżorju bbażat fuq ir-rapport għandu jitħassar. Barra minn hekk, Airoldi għamlet talba speċifika għar-rivelazzjoni fil-proċediment anti-dumping attwali għad-dokumenti preparatorji kollha fi kwalunkwe forma relatata mal-proċedura interna segwita fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea biex jiġi adottat ir-rapport dwar iċ-Ċina.

(130)

Kif diġà ġie spjegat b’mod partikolari fil-premessi (110) sa (112) dwar il-valur tar-rapport taċ-Ċina, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(6a)(c) ma jippreskrivux format speċifiku li fih jeħtieġ li jiġi ppubblikat rapport tal-pajjiż, u lanqas il-kanal tal-pubblikazzjoni tiegħu. Għalhekk il-pubblikazzjoni tar-rapport taċ-Ċina bħala dokument ta’ ħidma tal-persunal, tip ta’ dokument li ma jeħtieġx traduzzjoni fil-lingwi Ewropej kollha, u lanqas pubblikazzjoni formali f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, tikkonforma mar-regoli rilevanti. Bi tweġiba għal dawn l-asserzjonijiet, il-Kummissjoni tinnota li r-rapport kien ilu pubblikament disponibbli minn Diċembru 2017 u għalhekk kwalunkwe parti interessata jkollha opportunità biżżejjed biex tirribatti, tissupplimenta jew tikkummenta dwaru u l-evidenza li fuqha huwa bbażat. L-ebda evidenza ma ġiet ipprovduta minn Airoldi, jew minn kwalunkwe parti interessata oħra, li kienet turi li r-rapport huwa skadut. Għalhekk, dan l-argument ġie miċħud. Fir-rigward tat-talba għar-rivelazzjoni tad-dokumenti preparatorji, il-Kummissjoni tirreferi għall-premessa (50) ta’ hawn fuq.

(131)

It-tieni, Airoldi sostniet li bħala konsegwenza tal-argumenti ta’ hawn fuq (il-fatt li r-rapport taċ-Ċina huwa dokument ta’ ħidma tal-persunal, ippubblikat fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ bil-lingwa Ingliża biss), ir-rapport dwar iċ-Ċina kien dokument illegali. Għalhekk, Airoldi targumenta li tali evidenza għandha tiġi injorata u kien meħtieġ li l-ilment jiġi ddikjarat infondat. Barra minn hekk, ir-Regolament proviżorju li kien jiddependi fuq ir-rapport dwar iċ-Ċina kellu jitħassar minnufih.

(132)

Dan l-argument huwa tennija tal-kummenti tal-GTĊs fil-premessa (109). Il-Kummissjoni wieġbet għal dan il-kumment fil-premessi (110) sa (112).

(133)

Wara r-rivelazzjoni finali, Haomei Group ippreżenta sett ta’ kummenti dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti li prinċipalment itennu l-argumenti li saru qabel matul l-investigazzjoni. L-ewwel nett Haomei Group tenna li ma jaqbilx li r-Rapport tal-pajjiż huwa evidenza komprensiva biżżejjed u suffiċjenti tal-eżistenza ta’ distorsjonijiet. Barra minn hekk, Haomei Group tenna li ma kien soġġett għall-ebda intervent tal-gvern, irċieva self b’rata tal-imgħax mingħajr distorsjoni u li s-sussidju riċevut kien ta’ valur minuri. Barra minn hekk Haomei Group argumenta li ma kienx affettwat minn termini ta’ self ta’ benefiċċju u inċentivi finanzjarji oħra pprovduti mill-gvern u s-sejbiet tal-Kummissjoni dwar il-krediti kienu ġeneriċi u mhux applikabbli għal Haomei Group.

(134)

Fir-rigward tal-oġġettività tar-rapport u l-idoneità tiegħu bħala evidenza, il-Kummissjoni nnotat kif diġà’ spjegat fil-premessa (114) hawn fuq li r-rapport tal-pajjiż huwa dokument komprensiv ibbażat fuq evidenza oġġettiva estensiva, inklużi leġiżlazzjoni, regolamenti u dokumenti uffiċjali oħra ta’ politika ppubblikati mill-GTĊ, rapporti ta’ partijiet terzi minn organizzazzjonijiet internazzjonali, studji akkademiċi u artikli minn akkademiċi, u sorsi indipendenti affidabbli oħra.

(135)

Dwar il-benefiċċji, bħal self orħos u sussidji, il-Kummissjoni ttenni, kif diġà ddikjarat fil-premessi (97), (99) u (102), u ta’ dan ir-regolament u fil-premessi (77) u (79) u wara tar-Regolament proviżorju, li skont l-Artikolu 2(6a)(b), fil-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti, għandu jitqies, inter alia, l-impatt potenzjali ta’ wieħed jew aktar mill-elementi elenkati f’din id-dispożizzjoni. Għalhekk, huwa kruċjali li jiġi vvalutat jekk il-produtturi tal-estrużjonijiet tal-aluminju għandhomx, tal-inqas potenzjalment, aċċess għal finanzjament irħas u kundizzjonijiet aktar favorevoli mill-kontropartijiet tagħhom fi bnadi oħra. Peress li l-industrija tal-aluminju hija soġġetta għal bosta pjanijiet u direttivi mill-gvern, il-Kummissjoni sabet fil-premessi (77) u (79) u wara tar-Regolament proviżorju, li l-produtturi tal-estrużjonijiet tal-aluminju, inkluż Haomei Group, huma mill-inqas potenzjalment affettwati mid-distorsjonijiet fis-settur tal-estrużjonijiet tal-aluminju fiċ-Ċina.

(136)

It-tieni, Haomei Group sostna li l-attivitajiet ta’ bini tal-partit imsemmija mill-Kummissjoni fil-premessa (100) ta’ dan ir-Regolament huma fatti kulturali iżda ma jammontawx għal evidenza ta’ distorsjoni politika.

(137)

Il-Kummissjoni kkwotat xi eżempji ta’ attivitajiet ta’ bini tal-partit eżerċitati minn Haomei Group bi tweġiba għall-kumment tiegħu fil-premessa (98), li fih Haomei Group iddikjara li kien ħieles minn interferenza mill-partit jew mill-gvern. Kif ikkwotat fil-premessa (100) ta’ dan ir-Regolament, Haomei Group iddikjara b’mod ċar li hu ggwidat mill-“Bini tal-Partit”, kif ukoll iggwidat minn “Il-ħsibijiet ta’ Xi Jinping tas-Soċjaliżmu b’Karatteristiċi Ċiniżi fl-Era l-Ġdida, […] u jimplimenta l-ispirtu tad-19-il Kungress Nazzjonali tal-Partit Komunista taċ-Ċina”. Anki jekk, kif sostna Haomei Group, m’hemmx membri tas-CCP fil-bord tad-diretturi taż-żewġ kumpaniji ta’ Haomei Group, xorta hu taħt l-influwenza tal-gvern u, kif iddikjarat hawn fuq, jippreżenta ruħu b’mod attiv bħala li jimplimenta l-politika tal-gvern u jsegwi l-aġenda uffiċjali tiegħu. Ma ġiet prodotta l-ebda prova kuntrarja.

(138)

Haomei Group sostna li l-prezzijiet tiegħu ma kinux distorti, li huwa ppruvat mill-fatt li l-prezzijiet tiegħu kienu allinjati mal-prezzijiet Ewropej.

(139)

Il-Kummissjoni tfakkar li skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, jekk ma jkunx xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż esportatur minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti f’dak il-pajjiż, il-valur normali għandu jinħadem esklussivament abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew punti ta’ riferiment mingħajr distorsjoni. F’dan il-każ, il-Kummissjoni sabet l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-settur tal-estrużjonijiet tal-aluminju fiċ-Ċina, kif spjegat fit-taqsima 3.2.1. tar-Regolament proviżorju. Għalhekk, il-livell tal-prezzijiet tal-produtturi esportaturi Ċiniżi mhuwiex rilevanti f’dan il-każ.

(140)

Wara r-rivelazzjoni finali Haomei Group issottometta li huwa kien ikkunsidrat responsabbli mhux għall-imġiba tiegħu stess iżda għall-karatteristiċi tal-ekonomija Ċiniża vvalutati b’mod ġeneriku.

(141)

Is-sejbiet speċifiċi tad-dumping u r-rati taż-żewġ kumpaniji jirriflettu d-data mressqa mill-kumpaniji nfushom, ikkalkulata skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, b’mod partikolari l-Artikolu 2(6a). Kif spjegat fil-premessa (106), l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti hija mifruxa mal-pajjiż kollu u, ladarba jintwerew distorsjonijiet, dik il-metodoloġija tapplika fil-prinċipju għall-kumpaniji kollha. L-ebda waħda mill-kumpaniji ma wriet li d-distorsjonijiet misjuba mill-Kummissjoni ma jaffettwawx il-kostijiet tagħhom. Għalhekk, il-marġni finali tad-dumping jirriflettu l-imġiba tal-kumpaniji, filwaqt li titqies l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fiċ-Ċina, fejn joperaw.

3.2.   Pajjiż rappreżentattiv

(142)

Fir-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni għażlet lit-Turkija bħala l-pajjiż rappreżentattiv skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

(143)

Il-GTĊ sostna li l-Kummissjoni b’mod żbaljat issostitwiet id-data tal-produtturi mingħajr ebda evalwazzjoni dwar jekk jistax ikun hemm distorsjonijiet tas-suq li jaffettwaw din id-data sostitwita.

(144)

Il-Kummissjoni stiednet kummenti mingħand il-partijiet interessati dwar l-għażla tat-Turkija bħala l-pajjiż rappreżentattiv fi proċess trasparenti li jinvolvi żewġ noti dwar is-sorsi għad-determinazzjoni tal-valur normali (tas-16 ta’ Marzu 2020 u tal-25 ta’ Ġunju 2020). Il-Kummissjoni eliminat għadd ta’ pajjiżi rappreżentattivi potenzjali oħra. Peress li l-Kummissjoni ma sabitx distorsjonijiet tas-suq fit-Turkija li jagħmluh mhux xieraq bħala pajjiż rappreżentattiv, hija kkonkludiet li t-Turkija kienet l-aktar pajjiż rappreżentattiv xieraq.

(145)

Airoldi tenniet il-kumment tagħha dwar l-għażla tat-Turkija bħala l-pajjiż rappreżentattiv fir-rigward tad-differenzjazzjoni bejn ligi ibsin u dawk rotob. Kif spjegat fil-premessa (164) tar-Regolament proviżorju, it-tipi ta’ prodotti ma humiex determinanti għall-għażla ta’ pajjiż rappreżentattiv xieraq. Il-Kummissjoni għalhekk sostniet li t-Turkija kienet l-aktar pajjiż rappreżentattiv xieraq f’dan il-każ.

(146)

Wara r-rivelazzjoni finali, Airoldi tenniet il-kumment tagħha dwar l-għażla tat-Turkija bħala pajjiż rappreżentattiv. Airoldi żiedet elementi ġodda fil-kummenti tagħha kontra l-għażla tat-Turkija li kienet tikkonċerna żewġ argumenti ewlenin: l-Unjoni Doganali tat-Turkija mal-Unjoni, u li t-Turkija ma ssodisfatx l-istandards tal-protezzjoni soċjali u ambjentali.

(147)

Airoldi naqset milli tispjega għaliex l-Unjoni Doganali tagħmel lit-Turkija pajjiż rappreżentattiv mhux xieraq. Kif spjegat fir-Regolament, il-Kummissjoni qieset id-dazji doganali sabiex tistabbilixxi l-valur għal kull fattur tal-produzzjoni. Dan isir sabiex wieħed jasal għall-prezz tal-fattur tal-produzzjoni fil-pajjiż rappreżentattiv. Il-fatt li hemm unjoni doganali huwa irrilevanti għad-determinazzjoni ta’ dan il-prezz. Anki jekk l-argument ta’ Airoldi kien korrett, quod non, il-valur normali jiġi sottovalutat u, b’riżultat ta’ dan, il-marġni ta’ dumping ikun inqas, u għalhekk ikun ta’ benefiċċju pjuttost milli għad-detriment tal-importatur. Fir-rigward tal-istandards soċjali u ambjentali, kif spjegat fit-Tieni Nota dwar is-Sorsi għad-Determinazzjoni tal-Valur Normali tal-25 ta’ Ġunju 2020 it-Turkija nstabet li kienet l-aktar pajjiż rappreżentattiv xieraq f’dan il-każ abbażi tad-disponibbiltà u l-kwalità tad-data. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe allegazzjoni li tinvalida dik il-konstatazzjoni, analiżi ta’ dawk l-istandards ma kinitx iġġustifikata.

(148)

Wara r-rivelazzjoni finali, Haomei Group ikkontesta l-valur normali “kkostruwit skont il-parametri Torok, speċjalment fid-dawl tal-valuri meqjusa bħala punt ta’ riferiment, li la huma reali (huma mill-2016), u lanqas preċiżi […]”.

(149)

L-uniku fattur tal-produzzjoni bbażat fuq data mill-2016 użat fil-kalkolu kien il-kost lavorattiv. Dan kien spjegat b’mod ċar fin-Nota tas-16 ta’ Marzu 2020. Il-valur tal-2016 kien “aġġustat għall-inflazzjoni bl-użu tal-indiċi tal-prezzijiet tal-produtturi domestiċi (24) ppubblikat mill-istitut tal-istatistika Tork”. Għalhekk, mhux biss il-fatturi l-oħra kollha kienu bbażati fuq data reċenti disponibbli, iżda l-unika waħda li Haomei Group jidher li qed jirreferi għalih fil-kummenti fil-fatt ġie aġġustat. Għalhekk, il-kumment ta’ Haomei Group ġie miċħud bħala fattwalment skorrett.

(150)

Haomei Group sostna wkoll li t-Turkija ma kinitx għażla xierqa ta’ pajjiż rappreżentattiv minħabba differenza fil-popolazzjoni tagħha meta mqabbla maċ-Ċina.

(151)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-livell ta’ żvilupp u mhux id-daqs tal-popolazzjoni huwa fundamentali fl-għażla tal-pajjiż rappreżentattiv. It-Turkija għandha l-istess livell ta’ żvilupp taċ-Ċina skont il-klassifikazzjoni tal-Bank Dinji (dħul medju superjuri) u għalhekk hija pajjiż rappreżentattiv xieraq għall-fini tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Għalhekk l-affermazzjoni ta’ Haomei Group ġiet miċħuda.

(152)

Għalhekk, għar-raġunijiet spjegati fir-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni tikkonferma l-għażla tagħha tat-Turkija bħala l-pajjiż rappreżentattiv peress li ma tressqu l-ebda argumenti konvinċenti kontra l-għażla tat-Turkija wara l-adozzjoni tar-Regolament proviżorju.

3.3.   Sorsi użati biex jiġu stabbiliti l-kostijiet mingħajr distorsjoni

(153)

Kif spjegat fil-premessi (166) sa (184) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni identifikat is-sorsi li ġejjin biex jiġu stabbiliti l-kostijiet mingħajr distorsjoni: il-Global Trade Atlas, l-istatistika nazzjonali inkluż l-Istitut Statistiku tat-Turkija biex jiġu stabbiliti l-kostijiet tax-xogħol, il-kostijiet tal-elettriku u l-kostijiet tal-gass u l-OECD għall-prezzijiet tad-diżil. Wara r-rivelazzjoni tas-sejbiet proviżorji, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda asserzjoni ssostanzjata dwar id-distorsjonijiet tas-suq li jaffettwaw id-data u s-sorsi użati.

(154)

Fin-nuqqas ta’ kummenti ulterjuri fir-rigward tas-sorsi użati biex jiġu stabbiliti l-kostijiet mhux distorti, il-Kummissjoni żżomm dawk is-sorsi elenkati fir-Regolament Provviżorju.

3.4.   Kostijiet ġenerali tal-manifattura, SG&A u l-profitt

(155)

Il-livell kombinat ta’ SG&A u l-profitt użat fir-Regolament Proviżorju kien ibbażat fuq data għas-sena 2018. Il-Kummissjoni vverifikat id-disponibbiltà ta’ data aktar reċenti għall-SG&A u l-profitt fil-pajjiż rappreżentattiv għall-2019. Din id-data wriet li l-livell kombinat ta’ SG&A u l-profitti żdiedu biss marġinalment fl-2019. Dan ma jkollux impatt notevoli fuq il-kalkoli. Fid-dawl ta’ dan, u fin-nuqqas ta’ kummenti mill-partijiet interessati fir-rigward tal-kostijiet ġenerali tal-manifattura, il-livelli tal-SG&A u tal-profitt elenkati fir-Regolament Proviżorju, il-Kummissjoni żammet dawk il-livelli.

(156)

Wara r-rivelazzjoni finali, Haomei Group ikkontesta li l-“prezz mitlub” mill-kumpaniji Torok “jista’ jkun element ta’ tqabbil”. Il-Kummissjoni spjegat fid-dettall il-mod kif jiġi kkalkulat il-marġni tad-dumping fir-rivelazzjoni individwali tal-produttur esportatur, iżda wkoll fiż-żewġ noti dwar is-sorsi għad-determinazzjoni tal-valur normali li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-partijiet kollha fil-fajl tal-każ. Fl-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti, il-Kummissjoni ma għamlet referenza għall-prezzijiet mitluba minn xi waħda mill-kumpaniji Torok biex jintużaw fi kwalunkwe stadju tad-determinazzjoni tal-Valur Normali. Il-kumpaniji Torok intużaw biss bħala s-sors tal-SG&A u l-valuri tal-profitt. Għalhekk, id-dikjarazzjoni ta’ Haomei Group hija fattwalment żbaljata.

(157)

Wara r-rivelazzjoni finali, l-ilmentatur tenna d-dikjarazzjoni tiegħu li l-Kummissjoni għandha teskludi mill-kalkolu tal-marġni ta’ profitt medju ż-żewġ kumpaniji Torok bl-inqas profitt, peress li dawn kienu ’l bogħod mill-marġni ta’ profitt ta’ 16 % li sar minn produttur wieħed tal-UE fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping.

(158)

Kif spjegat fil-premessa (171) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni eskludiet lil dawk il-kumpaniji li ma rrappurtaw l-ebda profitt. Il-kumpaniji profittabbli kollha ġew ikkunsidrati, irrispettivament mil-livell ta’ profitt tagħhom, sakemm ma kinux qed jagħmlu telf. Il-livell ta’ profittabbiltà miksub minn wieħed mill-produtturi tal-Unjoni mhuwiex rilevanti meta jiġi ddeterminat il-livell ta’ profitt xieraq għall-kostruzzjoni tal-valur normali abbażi ta’ data mingħajr distorsjoni fil-pajjiż rappreżentattiv. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-asserzjoni.

3.5.   Kalkolu tal-Valur Normali

(159)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand produttur esportatur, PMI Group, dwar il-bidliet fir-rati tal-VAT matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-Kummissjoni aġġustat il-kalkolu tal-Valur Normali wara dan il-kumment, kif deskritt f’aktar dettall fil-premessi (185) sa (187). Barra minn hekk, il-kalkoli l-oħra kollha rigward il-valur normali fir-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

(160)

Wara r-rivelazzjoni finali, Haomei Group issottometta dikjarazzjoni mhux ċara li tidher li tikkontesta l-livell tar-rata tal-imgħax applikata bħala konċessjonijiet għall-bejgħ bl-esportazzjoni ta’ Haomei Group. Il-Kummissjoni tinnota li r-rati applikati bħala allowance kienu bbażati fuq ir-rati tal-imgħax ipprovduti minn Haomei Group innifsu u vverifikati matul il-kontroverifika remota.

(161)

Haomei Group tenna li l-metodu tal-kalkolu tal-prezz medju li jikkonċerna l-estrużjonijiet Ewropej allegatament kien difettuż minħabba li qiegħed “prodotti eteroġeni fl-istess basket f’termini ta’ karatteristiċi u prezz”.

(162)

Wara r-rivelazzjoni finali addizzjonali, Haomei Group tenna l-kumment tiegħu li minħabba d-distinzjoni bbażata fuq ligi, fabbrikazzjonijiet u speċifikazzjonijiet differenti, il-Kummissjoni ma tridx tqis il-prodott investigat bħala prodott uniku.

(163)

Kif spjegat fid-dettall fil-premessi (232) sa (234) tar-Regolament provviżorju, it-tqabbil tal-prezz imsemmi sar fuq livell ta’ tranżazzjoni tip b’tip, fejn in-numri dettaljati tal-kontroll tal-prodott żguraw tqabbil ġust. Ir-raġuni għal dan kienet preċiżament li jsir it-tqabbil ta’ prodotti simili, u dan kien l-għan li n-numru ta’ kontroll tal-prodott jinkludi elementi bħall-forma, serje ta’ ligi, tul, dimensjoni trasversali massima, tip ta’ finituri, tip ta’ fabbrikazzjoni u tpinġija. L-allegazzjoni magħmula minn Haomei Group ma kinitx ġustifikata u għalhekk ġiet miċħuda.

3.6.   Prezz tal-esportazzjoni

(164)

Kif deskritt fil-premessa (196) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni għamlet aġġustament skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku għall-bejgħ għall-esportazzjoni permezz ta’ negozjanti relatati lil klijenti indipendenti fl-Unjoni.

(165)

PMI Group ikkummenta li l-marġni ta’ profitt użat tal-importatur biex jinbena l-prezz tal-esportazzjoni għall-bejgħ indirett permezz ta’ importaturi relatati kien għoli wisq, u staqsa jekk ġiex ivverifikat b’mod adegwat. Il-Kummissjoni kkonfermat li l-marġni użat fl-istadju proviżorju kien korrett ibbażat fuq informazzjoni disponibbli dak iż-żmien, u li din oriġinat mill-importaturi fil-kampjun. Fi kwalunkwe każ, wara l-kontroverifika mill-bogħod, dan il-marġni żdied bi ftit u d-dettalji tad-data riveduta użata tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-kumpanija kkonċernata. Dan il-marġni rivedut intuża wkoll biex jiġi kkalkulat mill-ġdid it-twaqqigħ tal-prezz u l-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu muri hawn taħt.

(166)

Il-Kummissjoni għalhekk aġġustat il-kalkolu tal-marġni tad-dumping għal wieħed mill-gruppi ta’ produtturi esportaturi bħala riżultat tar-reviżjoni ta’ hawn fuq. Il-kalkoli l-oħra kollha rigward il-prezz tal-esportazzjoni fir-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

(167)

Wara r-rivelazzjoni finali, Haomei Group sostna li l-Kummissjoni użat b’mod żbaljat il-kost tat-trasport marittimu li “mil-lum” kien ferm aktar għali. Il-Kummissjoni tfakkar li l-kalkoli kollha huma bbażati fuq il-perjodu ta’ investigazzjoni. Fir-rigward tad-dumping, il-kalkoli huma bbażati fuq il-kostijiet reali pprovduti mill-Haomei Group. Il-fatt li l-kostijiet tat-trasport bil-baħar, skont Haomei Group, żdiedu bi 300 % wara l-perjodu ta’ investigazzjoni mhuwiex rilevanti; bl-istess mod għall-kostijiet l-oħra kollha, il-kost tat-tbaħħir matul il-perjodu ta’ investigazzjoni huwa dak li għandu jintuża.

3.7.   Offerti ta’ impenn

(168)

Qabel ir-rivelazzjoni finali, produttur esportatur Ċiniż esprima interess li jissottometti offerta ta’ impenn volontarju, iżda ma għamilx dan fit-termini li huma permissibbli skont l-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku.

(169)

Wara r-rivelazzjoni finali, sal-iskadenza speċifikata fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament bażiku, tliet produtturi esportaturi ppreżentaw offerti għal impenn fuq il-prezz: Haomei Group, Shandong Nollvetec Lightweight Equipment Co., Ltd. u Jilin Qixing Aluminium Industries Co., Ltd.

(170)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament anti-dumping bażiku, l-offerti ta’ impenn fuq il-prezz iridu jkunu adegwati biex jeliminaw l-effett dannuż tad-dumping u l-aċċettazzjoni tagħhom ma għandhiex titqies bħala mhux prattika. Il-Kummissjoni vvalutat l-offerti fid-dawl ta’ dawn il-kriterji u qieset li l-aċċettazzjoni tagħhom ma tkunx prattika għar-raġunijiet li ġejjin.

(171)

L-offerta mressqa minn Haomei Group, jekk tiġi aċċettata, ma teliminax l-effett dannuż tad-dumping. Barra minn hekk, l-offerta ma kienx fiha l-element essenzjali ta’ impenn: prezz minimu tal-importazzjoni (“PMI”) li taħtu timpenja ruħha li ma tbigħx. L-offerta hija għalhekk inkompatibbli mal-prinċipji sottostanti ta’ impenn.

(172)

Haomei Group għandu għadd ta’ kumpaniji relatati direttament involuti fil-produzzjoni jew fil-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat. Haomei Group ibigħ il-prodott direttament u indirettament.

(173)

Struttura ta’ grupp kumplessa bħal din iġġorr riskji għoljin ta’ kumpens trasversali. Il-Kummissjoni ma tkunx tista’ timmonitorja u tiżgura l-konformità mal-impenn tal-bejgħ indirett permezz tal-kumpanija relatata f’Hong Kong u possibbilment permezz tal-kumpaniji relatati l-oħra. Dan, waħdu, jagħmel l-offerta mhux prattika.

(174)

Shandong Nollvetec Lightweight Equipment Co., Ltd. u Jilin Qixing Aluminium Industries Co., Ltd. offrew PMI soġġett għal indiċjar.

(175)

Iż-żewġ kumpaniji jipproduċu u jbigħu diversi tipi ta’ prodotti b’differenzi sinifikanti fil-prezzijiet. Il-marġni tad-dannu medju ponderat użat għall-kalkolu tal-prezz minimu tal-importazzjoni jkun taħt il-prezz mhux dannuż għall-maġġoranza tat-tipi ta’ prodotti esportati lejn l-Unjoni minn dawk il-kumpaniji. Għalhekk, il-livell tal-PMI propost ma kienx biżżejjed biex jitneħħa l-effett dannuż tad-dumping.

(176)

Barra minn hekk, Shandong Nollvetec Lightweight Equipment Co., Ltd. għandha għadd kbir ta’ kumpaniji relatati fiċ-Ċina, li ħafna minnhom huma direttament involuti fil-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott investigat fis-suq domestiku. L-istruttura tal-kumpanija żżid ir-riskji ta’ ċirkomvenzjoni.

(177)

It-tipi u l-mudelli tal-estrużjoni tal-aluminju ma jistgħux jintgħarfu faċilment minn xulxin permezz ta’ spezzjoni fiżika. B’mod partikolari, ikun diffiċli ħafna li s-serje ta’ ligi tiġi vvalutata biss permezz ta’ spezzjoni fiżika. Mingħajr analiżi dettaljata tal-laboratorju, l-awtoritajiet doganali ma jkunux jistgħu jiddeterminaw jekk il-prodott importat jikkorrispondix ma’ dak li qed jiġi ddikjarat.

(178)

L-għadd kbir ta’ tipi ta’ prodotti jinvolvi riskju għoli ta’ kumpens reċiproku fost it-tipi differenti ta’ prodotti, b’tipi ta’ prodotti aktar għaljin li possibbilment jiġu ddikjarati ħażin bħala tipi ta’ prodotti orħos ukoll soġġetti għall-impenn. Dan jirrendi l-impenn mhux infurzabbli u għalhekk mhux prattiku skont it-tifsira tal-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku.

(179)

Il-Kummissjoni bagħtet ittri lir-rikorrenti, fejn esponiet ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerti ta’ impenn.

(180)

It-tliet applikanti elenkati fil-premessa (169) ippreżentaw il-kummenti tagħhom. Dawn il-kummenti tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati fil-fajl tal-każ.

(181)

Shandong Nollvetec Lightweight Equipment Co., Ltd. u Jilin Qixing Aluminium Industries Co., Ltd. ma qablux mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-PMI propost ma kienx biżżejjed biex jitneħħa l-effett dannuż tad-dumping. Il-partijiet ipproponew ukoll li jissostitwixxu r-referenzi tal-prezzijiet ippubblikati miShanghai Metals Market b’referenzi ppubblikati mill-Borża tal-Metall ta’ Londra (London Metal Exchange). Madankollu, il-kummenti u l-bidliet proposti ma neħħewx l-elementi li jagħmlu l-offerta tal-impenn mhux infurzabbli.

(182)

Haomei Group, la ppropona li jelimina l-effett dannuż tad-dumping u lanqas ma żied xi elementi essenzjali ta’ impenn, kif spjegat fil-premessa (171). Għalhekk, l-offerta baqgħet inkompatibbli mal-prinċipji sottostanti ta’ impenn.

(183)

Wara r-rivelazzjoni finali addizzjonali, Haomei Group tenna t-talba tiegħu fejn ħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra l-offerta ta’ impenn tiegħu, mingħajr ma ressaq elementi ġodda, la fir-rigward tal-eliminazzjoni tal-effett dannuż tad-dumping, u lanqas tal-elementi neqsin spjegati fil-premessa (171). Minflok, il-fehma ta’ Haomei Group kienet li, peress li l-miżuri ma jkunux jifilħu għall-iskrutinju tal-Qorti, l-impenji għandhom jiġu aċċettati. Il-Kummissjoni tfakkar li l-Unjoni hija État de Droit fejn l-amministrazzjonijiet jieħdu deċiżjonijiet skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi, li mhumiex is-suġġett ta’ tpartit jew negozjar.

(184)

Il-Kummissjoni qieset l-offerti ta’ impenn mhux infurzabbli u għalhekk mhux prattiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku, għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessi (171) sa (183) u għalhekk irrifjutat l-offerti.

3.8.   Tqabbil

(185)

Kif deskritt fil-premessa (199) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni għamlet aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku għad-differenza fit-taxxi indiretti bejn il-bejgħ għall-esportazzjoni miċ-Ċina lejn l-Unjoni u l-valur normali fejn ġew esklużi t-taxxi indiretti bħall-VAT.

(186)

Il-kummenti ta’ PMI Group kienu jikkonċernaw prinċipalment il-fatt li r-rati tal-VAT fiċ-Ċina nbidlu darbtejn mill-2018 u r-rata ta’ 17 % użata fil-kalkolu tal-aġġustament tal-VAT. Dawn il-bidliet seħħew fl-1 ta’ Mejju 2018 u fl-1 ta’ April 2019 meta r-rati tal-VAT inbidlu għal 16 % u 13 % rispettivament.

(187)

Wara li qieset il-kumment ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni aġġustat il-kalkolu għaż-żewġ gruppi ta’ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun.

(188)

Fuq din il-bażi, il-marġnijiet medji ponderati ta’ dumping, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Dazju anti-dumping definittiv

Haomei Group:

Guangdong Haomei New Materials Co., Ltd.,

Guangdong King Metal Light Alloy Technology Co., Ltd.

21,3 %

PMI Group:

Press Metal International Ltd.,

Press Metal International Technology Ltd.

33,9 %

Kumpaniji oħra li kkooperaw

28,6 %

Kumpaniji l-oħrajn kollha

40,1 %

(189)

Minbarra l-bejgħ għall-esportazzjoni lejn ir-Renju Unit tal-produtturi esportaturi fil-kampjun, li għadhom jirrappreżentaw 20 % tal-esportazzjonijiet totali lejn l-Unjoni, il-marġnijiet tad-dumping huma kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping (%)

Haomei Group:

Guangdong Haomei New Materials Co., Ltd.,

Guangdong King Metal Light Alloy Technology Co., Ltd.

21,2 %

PMI Group:

Press Metal International Ltd.,

Press Metal International Technology Ltd.

25,0 %

Produtturi esportaturi oħra li kkooperaw barra mill-kampjun

22,1 %

Kumpaniji l-oħrajn kollha

32,1 %

(190)

Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u li mhumiex inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni kkalkulat il-marġni tad-dumping medju ponderat, f’konformità mal-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku. Dan il-marġni ġie kkalkulat bħala medja ponderata fuq il-bażi tal-marġnijiet stabbiliti għall-produtturi esportaturi fil-kampjun, u b’hekk jammonta għal 22,1 %. Il-Kummissjoni tqis xieraq li tkompli tistabbilixxi d-dazju residwu fil-livell tal-ogħla marġni tad-dumping stabbilit abbażi tad-data tal-produtturi esportaturi li kkooperaw, jiġifieri 32,1 %, eskluża d-data tar-Renju Unit.

(191)

Wara r-rivelazzjoni finali addizzjonali, Haomei Group talab spjegazzjoni dwar għaliex il-marġini ta’ produtturi esportaturi oħra naqsu b’mod konsiderevoli filwaqt li d-differenza fil-marġni tiegħu kienet żgħira. Il-kumpanija kkunsidrat dawn id-differenzi u d-dazju tad-dumping il-ġdid tagħha bħala diskriminatorji. Hija sostniet ukoll li ma kienu ġew ipprovduti l-ebda kalkoli dettaljati u ddedikati lill-partijiet interessati.

(192)

L-ewwel nett huwa mfakkar li Haomei Group innifsu kkontesta s-sejbiet tal-Kummissjoni fuq il-bażi tal-EU28. Haomei Group sostna li peress li r-Renju Unit ma kienx għadu parti mill-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni kellha twettaq eżami tal-EU27. Din id-dikjarazzjoni ġiet indirizzata hekk kif il-Kummissjoni kkalkulat mill-ġdid il-marġni tad-dumping għall-produtturi esportaturi kollha (u vvalutat mill-ġdid id-dannu u l-kawżalità) skont dan.

(193)

Fil-premessi (185) sa (190), il-Kummissjoni spjegat il-metodoloġija tal-kalkolu tal-marġni tad-dumping, u dik il-metodoloġija kienet eżattament l-istess meta ġie kkalkulat il-marġni tad-dumping li jeskludi d-data tar-Renju Unit. Ir-rivelazzjoni finali ta’ Haomei Group kienet tinkludi dokumenti kunfidenzjali addizzjonali, ħafna aktar dettaljati, dwar il-kalkolu u l-metodoloġija tal-marġni tad-dumping u tad-dannu. Ir-raġuni għall-effett ogħla fuq il-Grupp PMI kienet marbuta ma’ differenzi fl-ipprezzar, id-destinazzjoni, it-taħlita tal-prodotti u kwistjonijiet oħra speċifiċi għall-kumpanija. Il-kalkolu mill-ġdid tal-marġnijiet tad-dumping kollha tal-kumpaniji fil-kampjun irriżulta wkoll fil-bidla tad-dazji tad-dumping għall-produtturi esportaturi l-oħra kollha, kif spjegat fil-premessa (190). Dan fil-fatt ġie spjegat lill-kumpanija waqt seduta li saret fit-12 ta’ Frar.

(194)

Barra minn hekk, it-talba ta’ Haomei Group għall-iżvelar tal-kalkolu tad-dumping tal-produttur esportatur l-ieħor fil-kampjun għandha tiġi miċħuda. Il-kalkolu huwa bbażat fuq informazzjoni kunfidenzjali u jista’ jiġi rivelat biss lill-kumpanija li jirreferi għaliha. Dan huwa wkoll il-każ tal-kalkoli ta’ Haomei Group, li ma ġewx żvelati lil xi parti interessata oħra f’din l-investigazzjoni.

(195)

Wara r-rivelazzjoni finali addizzjonali, Haomei Group għamel għadd ta’ kummenti li jirreferu għad-differenzi fid-data u l-metodoloġija għall-kalkoli tad-dannu meta mqabbel mal-kalkoli tad-dumping.

(196)

Dawn id-differenzi jirriżultaw mill-fatt li d-determinazzjoni tad-dumping u d-determinazzjoni tad-dannu huma differenti. Iż-żewġ metodoloġiji huma deskritti f’żewġ Artikoli separati tar-Regolament bażiku (l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, rispettivament). Il-premessi (187) sa (200) tar-Regolament provviżorju jiddeskrivu fid-dettall il-metodoloġija tal-kalkolu tal-valur normali għad-determinazzjoni tad-dumping. Il-premessi (330) sa (345) tar-Regolament provviżorju jiddeskrivu fid-dettall il-metodoloġija tal-kalkolu tal-prezz mhux dannuż għad-determinazzjoni tal-marġni adegwat biex jitneħħa d-dannu lill-industrija tal-Unjoni. L-allegazzjonijiet li saru minn Haomei Group ma kinux ġustifikati u għalhekk ġew miċħuda.

4.   DANNU Bbażat Fuq L-EU28

4.1.   Rimarki ġenerali

(197)

Ċerti partijiet interessati asserixxew li l-analiżi proviżorja tad-dannu u l-kawżalità kienet bla bażi minħabba li ma analizzatx ċerti partijiet tas-suq b’mod separat. B’mod aktar speċifiku ġie asserit li kienu meħtieġa analiżijiet separati għal-ligi ibsin u dawk rotob, profili ta’ daqs medju u kbir, profili standard u speċjali u skont is-segment tas-suq. Madankollu, għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq fil-premessi (55) sa (56), il-Kummissjoni kkonfermat li l-prodott investigat għandu jiġi ttrattat bħala prodott uniku. Barra minn hekk, minħabba n-numru ta’ kriterji proposti u l-fatt li ma teżisti l-ebda distinzjoni ċara għal ħafna minnhom, analiżi tad-dannu li ssegwi metodoloġija bħal din ma tkunx prattikabbli u xierqa. Barra minn hekk, l-industrija tal-Unjoni hija attiva fil-partijiet kollha tas-suq imsemmija hawn fuq, u tiffaċċja kompetizzjoni minn importazzjonijiet Ċiniżi li huma l-oġġett ta’ dumping għal dawn it-tipi kollha tal-prodott. Barra minn hekk, kemm il-produtturi tal-Unjoni kif ukoll dawk Ċiniżi jistgħu jipproduċu għadd ta’ tipi tal-prodott u jistgħu jiddeċiedu li jikkonċentraw fuq xi wħud minnhom meta l-kundizzjonijiet tas-suq jippermettu. Għal din ir-raġuni, il-produtturi Ċiniżi jeżerċitaw pressjoni fuq il-prezzijiet fil-firxa kollha tal-prodott, inkluż għal prodotti li l-industrija tal-Unjoni tista’ tipproduċi fuq talba. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat li l-analiżi tagħha tad-dannu f’din l-investigazzjoni saret għall-prodott sħiħ li qed jiġi investigat kif definit fit-Taqsima 2 ta’ dan ir-Regolament, u għall-industrija tal-Unjoni kollha kemm hi. Wara r-rivelazzjoni finali, Haomei Group ikkontesta l-approċċ imsemmi hawn fuq rigward il-prodott ikkonċernat li qed jiġi ttrattat bħala prodott uniku wieħed. Skont dan il-produttur esportatur, dan l-approċċ huwa kruċjali biex jiġi ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz u/jew il-bejgħ taħt il-prezz tiegħu. Kif spjegat fil-premessa li ġejja u fil-premessi (246) sa (249), ma hemm l-ebda rabta bejn id-determinazzjoni tal-prodott bħala prodott uniku, u t-tqabbil tal-prezzijiet, li jitwettqu fuq bażi tat-tip ta’ prodott. Haomei Group tenna dan l-argument wara r-rivelazzjoni finali addizzjonali. Minħabba li l-metodu għall-kalkolu ma nbidilx fl-analiżi tal-EU27, dan il-kumment ukoll ma jistax jiġi aċċettat għall-istess raġunijiet enfasizzati hawn fuq.

(198)

Wara r-rivelazzjoni finali addizzjonali Airoldi u Euranimi ddikjaraw li l-analiżi unika tal-prodott għall-indikaturi tad-dannu ma ġietx segwita fir-rigward tal-importazzjonijiet miċ-Ċina. Madankollu, dan l-argument huwa fattwalment inkorrett; kif jidher fit-Tabelli 1bis u 2bis fejn l-importazzjonijiet totali miċ-Ċina ġew ikkalkulati u l-impatt tagħhom ġie vvalutat fuq dik il-bażi. Airoldi u Euranimi ddikjaraw ukoll li l-Kummissjoni kellha tanalizza l-impatt tad-diversi kodiċijiet NM (bħal 7608 20 89) individwalment. Madankollu, il-Kummissjoni tikkonferma li wettqet analiżi waħda għar-raġunijiet spjegati fil-premessi (55) sa (56).

(199)

Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li fir-rigward tal-marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-bejgħ taħt il-prezz, it-tqabbil tal-prezzijiet sar abbażi ta’ kriterji oġġettivi fuq bażi ta’ tip b’tip, kif spjegat fil-premessa (234) tar-Regolament proviżorju. Għal aktar minn 95 % tal-importazzjonijiet Ċiniżi nstab tip ta’ prodott li jaqbel direttament u li jinbiegħ mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun.

4.2.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(200)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward tad-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (208) sa (209) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

4.3.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

Ġenerali

(201)

Fl-istadju proviżorju ħareġ każ ċar ta’ dannu sinifikanti permezz tal-prezzijiet. Pressjoni kontinwa kienet eżerċitata minn prezzijiet Ċiniżi baxxi wisq, li kienu ferm anqas mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni (twaqqigħ tal-prezz) u mill-kostijiet flimkien mal-profitt fil-mira (bejgħ taħt il-prezz). Permezz tal-mekkaniżmi tas-suq deskritti fil-premessi (279) u (280) tar-Regolament proviżorju, din il-pressjoni kellha implikazzjonijiet multipli: inter alia, rażżnet il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, impedixxiet dawk il-prezzijiet milli jirriflettu ż-żieda internazzjonali fil-prezzijiet tal-materja prima (l-aluminju), u naqqset il-profittabilità b’tali mod li pperikolat l-eżistenza tal-industrija tal-Unjoni — ippreveniet lil din tal-aħħar milli tagħmel l-investimenti meħtieġa biex tkompli t-tranżizzjoni ’l fuq fis-suq u milli tipprovdi soluzzjonijiet personalizzati għal utenti speċjalizzati. Biex iseħħ dan id-dannu mhumiex meħtieġa volumi kbar ta’ importazzjonijiet - anki importazzjonijiet relattivament modesti, jew saħansitra l-eżistenza ta’ ammont sinifikanti ta’ importazzjonijiet bi prezz baxx (bħal f’dan il-każ b’mod inkontestabbli) huma biżżejjed biex jiġi stabbilit limitu ta’ prezz baxx li jaffettwa s-suq kollu. L-investigazzjoni sabet li din id-dinamika, li tant hija karatteristika tal-industrija tal-aluminju b’intensità għolja fil-kapital, kienet applikata għall-prodott li qed jiġi investigat.

Importazzjonijiet taħt il-Kodiċi NM 7610 90 90

(202)

Kif indikat fir-Regolament proviżorju, il-kwantifikazzjoni preċiża tal-volumi tal-importazzjonijiet Ċiniżi kienet teħtieġ aktar analiżi. Il-prodott investigat bħalissa jaqa’ taħt disa’ kodiċijiet NM (25), u kien hemm fehmiet konfliġġenti dwar wieħed minnhom - il-Kodiċi NM 7610 90 90, li jkopri wkoll prodotti barra mill-ambitu tal-investigazzjoni. B’mod partikolari, il-fehmiet varjaw fir-rigward ta’ liema frazzjoni tal-importazzjonijiet kienet tabilħaqq il-prodott ikkonċernat. Dan il-kodiċi kien jammonta għal madwar nofs it-total tal-volumi tal-importazzjonijiet Ċiniżi tal-prodott ikkonċernat kif stabbilit b’mod proviżorju.

(203)

F’dan il-każ il-volumi tal-importazzjonijiet ma kinux fattur deċiżiv għad-dannu, li seħħ prinċipalment permezz tal-kanali tal-prezzijiet. Anki li kieku l-Kummissjoni kellha tinjora kompletament dan il-kodiċi, il-penetrazzjoni Ċiniża xorta kienet tibqa’ sinifikanti, u kienet tammonta għal 5,3 % tas-sehem mis-suq fil-perjodu ta’ investigazzjoni, u kienet tkun żdiedet b’48 % mill-2016. Minbarra l-aġġustamenti nominali li jirriżultaw fl-ishma mis-suq tal-atturi l-oħra kollha tas-suq, dan ma kien jinvolvi l-ebda bidla fl-istampa tad-dannu. B’mod kruċjali, kieku l-volumi taħt il-Kodiċi NM 7610 90 90 kellhom jiġu esklużi totalment, il-prezzijiet Ċiniżi medji ponderati jibqgħu fl-istess livelli baxxi b’mod anormali li nstabu li jikkawżaw dannu fl-istadju proviżorju. Dan ta’ hawn fuq huwa spjegat f’aktar dettall hawn taħt.

(204)

Fi kwalunkwe każ, biex taċċerta tali volumi kif indikat fil-premessa (223) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni segwiet tliet direzzjonijiet.

(205)

Fil-premessa (223) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni spjegat is-sejbiet proviżorji li jikkonċernaw il-metodoloġija proviżorja u talbet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar il-kwistjoni. European Aluminium ipprovdiet kjarifika addizzjonali tal-ġustifikazzjoni tagħha għall-istima tagħha ta’ 95 %. Diversi partijiet interessati kkontestaw dan l-estimu fuq il-bażi tal-esperjenza tal-kumpanija tagħhom tal-kodiċi NM 7610 90 90. Ċerti partijiet qablu ma’ European Aluminium li l-prodott li qed jiġi investigat kien qed jiġi importat taħt dan il-kodiċi. Oħrajn ma qablux billi sostnew li jew l-estimu ta’ 95 % kien għoli wisq jew li l-ebda importazzjoni ma kienet importata taħt il-kodiċi. Xi partijiet għamlu kumment addizzjonali li l-użu tal-prezz bħala ġustifikazzjoni ma kienx affidabbli. Madankollu, il-corpus ta’ informazzjoni miġbur ma kienx komprensiv biżżejjed u ssostanzjat biex jipprovdi gwida konklużiva.

(206)

Wara r-rivelazzjoni proviżorja, il-Kummissjoni setgħet tlesti l-eżami tagħha tal-informazzjoni sottomessa mid-DĠ TAXUD u l-Awtoritajiet Doganali Nazzjonali. L-informazzjoni mid-DĠ TAXUD kienet lista kompluta permezz tad-dikjarazzjoni doganali, iżda ma tatx deskrizzjoni aktar ċara tal-prodotti li qed jiġu importati.

(207)

Barra minn hekk, l-informazzjoni li waslet mingħand tmien Stati Membri (Franza, il-Ġermanja, l-Italja, in-Netherlands, il-Polonja, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit) kienet rappreżentattiva ħafna, peress li kienet tkopri 84 % tal-importazzjonijiet tal-Kodiċi NM 7610 90 90 fil-perjodu tal-investigazzjoni, kif ukoll informazzjoni dettaljata skont id-dikjarazzjoni doganali u d-deskrizzjoni tal-prodott importat kif irrappurtat mill-importaturi fid-Dokument Amministrattiv Uniku (“SAD”) tagħhom. L-analiżi granulari fuq din il-bażi wasslet għall-konklużjonijiet ippreżentati hawn taħt.

(208)

Kif jidher fit-Tabella 1, proporzjon sinifikanti tal-esportazzjonijiet taħt dan il-Kodiċi NM instabu li jappartjenu għall-prodott ikkonċernat, fuq bażi konservattiva. Tabilħaqq, intużaw biss dawk it-tranżazzjonijiet li d-deskrizzjonijiet tal-prodotti tagħhom kienu dettaljati biżżejjed biex jippermettu determinazzjoni preċiża li l-prodott importat kien il-prodott ikkonċernat.

Tabella 1

Importazzjonijiet miċ-Ċina taħt il-kodiċi NM 7610 90 90

 

2016

2017

2018

Perjodu ta’ investigazzjoni

Volum tal-kodiċi NM sħiħ (tunnellati)

102 090

131 180

139 560

151 891

Prezz sħiħ tal-kodiċi NM għal kull tunnellata

2 944

2 776

2 764

2 902

Volum tal-produzzjoni kkonċernat (tunnellati)

18 637

23 948

25 477

27 728

Prezz tal-prodott ikkonċernat għal kull tunnellata (27)

3 050

3 041

3 197

3 308

Volum ta’ prodotti differenti mill-prodott ikkonċernat (tunnellati)

53 728

69 037

73 448

79 937

Volumi mhux ċari (tunnellati)

29 725

38 195

40 635

44 225

Sors: Eurostat u d-Dwana Nazzjonali ()

(209)

Għal parti mill-volumi fit-Tabella 1, id-deskrizzjoni ma kinitx ċara biżżejjed biex tiddetermina jekk il-volumi tal-importazzjonijiet marbuta mat-tranżazzjonijiet rilevanti kinux jaqgħu taħt il-prodott ikkonċernat. Għalhekk, fuq bażi konservattiva, dawn il-volumi tqiesu li ma kinux importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat.

(210)

Il-Kummissjoni qieset din bħala stima raġonevoli peress li kienet ibbażata fuq informazzjoni b’rappreżentanza għolja.

(211)

Wara r-rivelazzjoni finali Airoldi kkummentat li l-metodoloġija biex jiġu identifikati l-importazzjonijiet taħt il-kodiċi NM 7610 90 90 ma kinitx ġiet spjegata. Il-paragrafi (118) sa (122) tad-dokument ta’ rivelazzjoni finali u n-nota 22 f’qiegħ il-paġna jispjegaw il-metodoloġija użata. Għaldaqstant din it-talba ma ntlaqatx.

(212)

Matul dak il-proċess, Airoldi talbet li d-data ppreżentata lill-Kummissjoni mill-Istati Membri tintbagħatilha. Madankollu, l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni huma kunfidenzjali, skont l-Artikolu 19(5) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, meta wieħed iżomm f’moħħu li d-data hija relatata ma’ dikjarazzjonijiet doganali individwali, u fiha data sensittiva ħafna dwar il-prezzijiet, din id-data hija b’mod ċar sensittiva għan-negozju. Għalhekk, din it-talba ġiet miċħuda.

(213)

Filwaqt li s-sehem mis-suq Ċiniż ġie rivedut ’l isfel bħala riżultat, l-importazzjonijiet baqgħu sinifikanti u ġiet osservata l-istess xejra ta’ tkabbir bħal fl-istadju proviżorju.

(214)

Airoldi kkummentat wara r-rivelazzjoni finali dwar il-volum tal-importazzjonijiet stabbilit taħt il-kodiċi NM 7610 90 90 bħala l-prodott ikkonċernat. Airoldi ddikjarat li l-metodoloġija mhijiex rappreżentattiva peress li tinvolvi l-awtoritajiet doganali ta’ 8 Stati Membru biss. Madankollu, meta wieħed iżomm f’moħħu li dawn l-Istati Membri jirrappreżentaw aktar minn 83 % tal-importazzjonijiet, il-metodoloġija hija rappreżentattiva u għalhekk dan l-argument huwa miċħud.

(215)

Airoldi tenniet ukoll l-argument tagħha li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat taħt il-kodiċi NM 7610 90 90 għandhom ikunu żero u rreferiet għall-eżistenza ta’ bosta BTIs. Il-Kummissjoni ma setgħetx taċċetta dan l-argument minħabba li l-eżistenza tal-BTIs b’mod ċar ma tipprekludix li prodotti oħra, inkluż il-prodott ikkonċernat, jistgħu jaqgħu taħt dan il-kodiċi. L-analiżi tal-Kummissjoni ta’ dan il-kodiċi bl-użu tad-data tal-awtoritajiet doganali wriet li dan huwa l-każ.

(216)

Airoldi indikat ukoll li jekk l-importazzjonijiet taħt il-kodiċi NM 7610 90 90 jiġu esklużi mill-investigazzjoni, l-investigazzjoni għandha tintemm mingħajr ebda impożizzjoni ta’ dazji. Madankollu, kif spjegat fil-premessa (219), anki jekk dawn il-volumi ta’ importazzjoni jiġu esklużi, dawn jibqgħu f’livelli sinifikanti. Għalhekk, il-pretensjoni ma tistax tiġi aċċettata.

Il-volum, is-sehem mis-suq u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(217)

Għaldaqstant, u fuq il-bażi deskritta hawn fuq, l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat żviluppaw kif ġej:

Tabella 2

Volum tal-importazzjonijiet (tunnellati) u s-sehem mis-suq

 

2016

2017

2018

Perjodu ta’ investigazzjoni

Importazzjonijiet taħt 8 kodiċijiet NM (28)

110 255

127 616

149 232

164 641

Volum totali tal-importazzjonijiet miċ-Ċina

128 631

151 229

174 353

191 981

Indiċi (2016 = 100)

100

118

136

149

Sehem mis-suq taċ-Ċina (%)

4,4

4,8

5,4

6,2

Indiċi (2016 = 100)

100

110

123

141

Sors: Eurostat (Ara wkoll it-Tabella 1 u t-Tabella 4 dwar il-konsum)

(218)

Barra minn hekk, fuq il-bażi tal-volumi tal-importazzjoni aġġustati, jistgħu jiġu osservati livelli sinifikanti ta’ importazzjonijiet kemm f’termini relattivi kif ukoll f’termini assoluti, li jilħqu 6,2 % tas-sehem mis-suq fil-perjodu ta’ investigazzjoni. F’ċifri assoluti, l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu b’49 % matul il-perjodu kkunsidrat. B’mod parallel, is-sehem totali mis-suq tal-importazzjonijiet oġġetti ta’ dumping żdied b’41 % matul il-perjodu kkunsidrat.

(219)

Kif innutat fil-premessa (203) hawn fuq, anki jekk il-volumi taħt il-Kodiċi NM 7610 90 90 kienu totalment esklużi mill-analiżi, il-volumi ta’ importazzjoni jibqgħu sinifikanti u jammontaw għal sehem mis-suq ta’ 5,3 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni, u jiżdiedu bi 48 % mill-2016.

(220)

Kumpanija importatriċi sostniet li l-livell taż-żieda fis-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi ma ġġustifikax id-dazji anti-dumping kif imsemmija fir-Regolament proviżorju. Il-limitu biex jiġu imposti miżuri f’termini tas-sehem mis-suq fil-każ preżenti qabeż b’mod sinifikanti matul il-perjodu kollu kkunsidrat il-limitu ta’ 1 % tal-Artikolu 5(7) tar-Regolament bażiku u ma jistax jitqies bħala “negliġibbli” skont l-Artikolu 9(3). Barra minn hekk, is-sehem Ċiniż mis-suq żdied b’41 % matul il-perjodu kkunsidrat. Minħabba n-natura sinifikanti tal-importazzjonijiet f’termini assoluti u relattivi kif ukoll ix-xejriet assoluti u relattivi, il-kunsiderazzjonijiet fil-premessa (201) ta’ hawn fuq u l-kunsiderazzjonijiet tal-prezz fit-Tabella 3 hawn taħt, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.

Tabella 3

Prezzijiet tal-importazzjoni (EUR/tunnellata)

 

2016

2017

2018

Perjodu ta’ investigazzjoni

Prezzijiet taħt it-8 kodiċijiet NM (29)

2 684

2 676

2 813

2 911

Il-prezzijiet medji ponderati tal-importazzjonijiet miċ-Ċina

2 736

2 733

2 869

2 967

Indiċi (2016 = 100)

100

100

105

108

Sors: L-Eurostat u l-Awtoritajiet Doganali Nazzjonali

(221)

Il-prezzijiet aġġustati juru livell u xejriet simili bħal fir-Regolament proviżorju, u jikkonfermaw id-determinazzjoni li saret fih.

(222)

Kif innutat f’(203) hawn fuq, jekk il-volumi taħt il-Kodiċi NM 7610 90 90 jiġu totalment esklużi mill-analiżi, il-prezzijiet medji tal-importazzjoni jkunu aktar baxxi u jsegwu xejra simili matul il-perjodu kkunsidrat.

(223)

Kif spjegat fil-premessa (230) tar-Regolament proviżorju dawn il-prezzijiet għandhom jitqiesu fid-dawl taż-żidiet fil-kostijiet tal-materja prima ta’ 10 % u saru f’perjodu fejn is-suq kien jitlob aktar valur miżjud u prodotti personalizzati.

(224)

Il-marġnijiet stabbiliti tat-twaqqigħ tal-prezz fil-premessa (232) tar-Regolament proviżorju (aktar minn 25 %) ġew ikkonfermati. Ċerti partijiet interessati kkummentaw li l-importazzjonijiet tagħhom mill-pajjiż ikkonċernat ma waqqgħux il-prezz b’aktar minn 25 %. Fil-fatt, Haomei Group iddikjara li l-prodotti tiegħu jistgħu ma jibqgħux kompetittivi fis-suq tal-Unjoni skont iċ-ċaqliq fir-rati tal-kambju. Madankollu, il-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz tal-Kummissjoni koprew il-kampjun kollu ta’ produtturi esportaturi bl-użu ta’ metodoloġija dettaljata tip b’tip u tranżazzjoni bi tranżazzjoni għall-perjodu ta’ investigazzjoni. Barra minn hekk, il-kalkoli dettaljati, inkluża l-metodoloġija tagħhom, ġew divulgati lill-produtturi esportaturi inkluż il-Haomei Group. Il-Kummissjoni kkonfermat li l-metodoloġija użata biex jiġi kkalkulat it-twaqqigħ tal-prezz tat riżultati kemm preċiżi kif ukoll rappreżentattivi.

(225)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, il-konklużjonijiet li baqa’ u li huma stabbiliti fil-premessi (217) sa (234) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

4.4.   Konsum tal-Unjoni

(226)

Iċ-ċifri tal-konsum tal-Unjoni ġew riveduti ’l isfel bħala konsegwenza tar-reviżjoni għall-volumi tal-importazzjoni mill-pajjiż ikkonċernat spjegata fil-premessi (202) sa (213). Fuq din il-bażi, il-konsum fis-suq ħieles tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 4

Konsum tal-Unjoni (tunnellati)

 

2016

2017

2018

Perjodu ta’ investigazzjoni

Konsum totali tal-Unjoni

2 991 288

3 204 315

3 290 561

3 159 475

Indiċi

100

107

110

106

Suq ristrett

61 338

60 455

60 143

56 640

Indiċi

100

99

98

92

Konsum tas-suq ħieles

2 929 950

3 143 860

3 230 418

3 102 835

Indiċi

100

107

110

106

Sors: European Aluminium u Eurostat ()

(227)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-konsum tas-suq ħieles tal-Unjoni żdied b’6 %. Iż-żieda kienet prinċipalment dovuta għal żieda fid-domanda fl-industriji downstream ewlenin.

(228)

Kif innutat fil-premessa (203) hawn fuq, anki jekk il-volumi taħt il-Kodiċi NM 7610 90 90 kienu totalment esklużi mill-analiżi, il-konsum kien ikun f’livelli simili ħafna u xorta waħda kien jiżdied b’6 %. Fin-nuqqas ta’ kummenti ulterjuri fir-rigward tal-konsum tal-Unjoni, il-konklużjoni stabbilita fil-premessa (216) tar-Regolament proviżorju hija kkonfermata.

4.5.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni abbażi tal-EU28

4.5.1.   L-indikaturi makroekonomiċi u mikroekonomiċi

(229)

Is-sehem mis-suq tal-bejgħ fis-suq ħieles tal-industrija tal-Unjoni żviluppa kif ġej b’riżultat tar-reviżjoni tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat imsemmija hawn fuq, u ċ-ċifri tal-konsum riveduti msemmija fit-Tabella 4.

Tabella 5

Is-sehem mis-suq

 

2016

2017

2018

Perjodu ta’ Investigazzjoni

Is-sehem mis-suq tal-bejgħ fis-suq ħieles (%)

87,6

85,6

85,3

84,4

Indiċi (2016 = 100)

100

98

97

96

Sors: European Aluminium u Eurostat

(230)

Għandu jiġi nnotat li, għalkemm is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni ġie vvalutat mill-ġdid f’livell kemxejn ogħla fil-perjodu kkunsidrat wara r-reviżjoni dwar il-volumi tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, l-ishma mis-suq xorta naqsu bi 3,2 punti perċentwali jew 4 %.

(231)

Kif innutat fil-premessa (203) hawn fuq, anki jekk il-volumi skont il-Kodiċi NM 7610 90 90 kienu totalment esklużi mill-analiżi, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni kien ikun f’livelli simili ħafna u kien jonqos bi 3 %

(232)

Airoldi kkummentat li s-sors għat-Tabelli 4 u 5 jikkwota kemm lil European Aluminium kif ukoll l-Eurostat. Airoldi staqsiet jekk kinitx ġiet ipprovduta data ġdida minn European Aluminium. Madankollu, dawn it-Tabelli kienu meħtieġa biex jirreġistraw iċ-ċifri riveduti għall-konsum u s-sehem mis-suq (202) sa (215) minħabba r-reviżjoni tal-importazzjonijiet miċ-Ċina. Ma ġiet ipprovduta l-ebda data ġdida minn European Aluminium. L-importatur Airoldi għamel talba dwar it-Tabella 7 (Prezzijiet tal-bejgħ fl-Unjoni) tar-Regolament proviżorju. L-importatur allega li l-London Metal Exchange (“LME”), minħabba s-sjieda tiegħu f’Hong Kong, ma kienx referenza affidabbli għall-prezzijiet tal-aluminju u li għalhekk id-data ppreżentata fir-Regolament proviżorju fit-Tabella 7 ma kinitx xierqa. Madankollu, l-LME intużat mill-produtturi kollha tal-Unjoni fil-kampjun bħala referenza fil-kuntratti tagħhom, u hija kkwotata fil-pubblikazzjonijiet kummerċjali relatati mal-aluminju. L-investigazzjoni kkonfermat li hija sors affidabbli għall-prezzijiet tal-aluminju fl-Unjoni. Barra minn hekk, dan l-importatur ma ssostanzjax kif is-sjieda tal-LME tagħmlu sors mhux affidabbli għall-iskop użat fit-Tabella 7 tar-Regolament proviżorju. Għalhekk, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.

(233)

L-istess kumpanija importatriċi għamlet allegazzjoni oħra li tikkonċerna ż-żidiet fil-kostijiet fl-istess tabella. Dawn iż-żidiet fil-kostijiet huma ż-żidiet reali fil-kostijiet irrappurtati mill-produtturi tal-Unjoni u kkontrollati matul il-Kontroverifika Remota (“RCC”). L-asserzjoni allegat li l-Kummissjoni ma spjegatx tajjeb ir-raġunijiet għal tali żidiet. Madankollu, l-analiżi tal-Kummissjoni, fil-premessa (232) tar-Regolament proviżorju, offriet iż-żewġ raġunijiet ewlenin għaż-żidiet fil-kostijiet. Waħda minnhom kienet tikkonċerna ż-żieda fil-kostijiet assoċjati mad-domandi tas-suq għal aktar prodotti b’valur miżjud. It-tieni raġuni kienet iż-żidiet fil-billets tal-aluminju li jiffurmaw il-materja prima ewlenija għall-produzzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat. Dawn is-sejbiet kienu bbażati fuq l-evidenza pprovduta matul l-investigazzjoni mill-produtturi tal-Unjoni, ivverifikati matul l-RCCs u kontroverifikati mal-informazzjoni pprovduta minn European Aluminium. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-allegazzjoni li dawn iż-żidiet ma kinux spjegati.

(234)

L-istess kumpanija importatriċi għamlet ukoll pretensjoni li tikkonċerna t-Tabella 9 tar-Regolament proviżorju dwar l-inventarji. Il-pretensjoni kkontestat l-analiżi tal-Kummissjoni li ż-żieda fil-ħażniet ta’ 26 % ma kinitx tirrappreżenta indikatur importanti tad-dannu. Madankollu, l-analiżi tal-Kummissjoni kienet fid-dawl tal-fatt li l-ħażniet bħala perċentwal tal-produzzjoni kienu baxxi peress li l-industrija topera primarjament fuq bażi ta’ produzzjoni skont l-ordni. Barra minn hekk, iż-żieda fil-ħażniet spiss hija sinjal li l-prodotti, li ma kinux prodotti skont l-ordni, iżda għas-suq tad-distribuzzjoni, ma setgħux jinbiegħu. Dan indika sitwazzjoni ta’ dannu. Barra minn hekk, meta mqabbel mal-livell tal-produzzjoni, il-ħażniet baqgħu relattivament baxxi matul il-perjodu kkunsidrat, u jammontaw għal madwar ġimagħtejn ta’ produzzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni żammet il-konklużjoni proviżorja tagħha u ċaħdet l-asserzjoni.

(235)

L-istess kumpanija importatriċi għamlet ukoll asserzjonijiet li jikkonċernaw it-Tabella 10 tar-Regolament proviżorju dwar il-profittabilità. Waħda mill-asserzjonijiet kienet li ċertu produttur tal-Unjoni ma ġarrabx tnaqqis kbir fil-profittabilità, u t-tieni waħda ddikjarat li l-produtturi tal-Unjoni ta’ tipi ta’ prodotti b’liga iebsa kienu aktar profittabbli mill-produtturi b’liga ratba. Madankollu, il-Kummissjoni ttenni li l-profittabilità, bħall-indikaturi kollha tad-dannu, għandha tiġi eżaminata billi tintuża l-industrija tal-Unjoni kollha kemm hi, jew kampjun rappreżentattiv kif inhu l-każ u mhux kumpaniji jew tipi ta’ prodotti individwali. Barra minn hekk, is-sors ikkwotat għall-profittabilità tal-produttur imsemmi għamilha ċara li kien relatat mal-kumpanija kollha mhux mal-prodott li qed jiġi investigat. Għalhekk il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-asserzjonijiet.

(236)

Wara r-rivelazzjoni finali Airoldi u importaturi oħra tennew l-argumenti tagħhom relatati mal-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni, li kienu diġà ġew indirizzati fil-premessa preċedenti. Dawn il-partijiet estendew ir-riċerka tagħhom dwar il-profittabbiltà tal-kumpaniji li jipproduċu estrużjonijiet fl-Unjoni. Il-partijiet ikkummentaw li l-livelli ta’ profittabbiltà kienu jvarjaw. Irrispettivament mill-ammissibbiltà ta’ tali informazzjoni minħabba l-istadju tard li fih ġiet ipprovduta, il-fatt li din kienet tapplika biss għal Stat Membru wieħed, u li ma kinitx sostanzjata, bħala medja, l-evidenza pprovduta ssuġġeriet livell baxx ta’ profittabbiltà għall-kumpaniji tal-industrija tal-Unjoni koperti mir-riċerka, f’konformità mal-eżiti tal-premessi msemmija hawn fuq.

(237)

L-istess kumpanija importatriċi għamlet asserzjoni oħra li tikkonċerna t-Tabella 10 tar-Regolament proviżorju dwar l-investiment. L-asserzjoni allegat li l-Kummissjoni ma spjegatx kif xieraq ir-raġunijiet għaż-żidiet fl-investiment. L-analiżi tal-Kummissjoni kienet relatata mal-investimenti li saru mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, li wrew żieda ta’ 72 % fl-2019 meta mqabbla mal-2016. Din id-data ġiet diskussa u vverifikata mal-produtturi inklużi fil-kampjun matul l-RCCs. Barra minn hekk, il-Kummissjoni spjegat li ż-żidiet fl-investiment kienu meħtieġa biex tiżdied l-effiċjenza u biex tingħata aktar attenzjoni lill-klijent fid-dawl tad-domanda tas-suq għal aktar soluzzjonijiet ta’ valur miżjud. Fil-premessa (332) sa (340) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni għamlet aktar rimarki biex turi l-importanza ta’ livelli għoljin ta’ investiment għall-futur tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni li l-investimenti ma ġewx spjegati b’mod adegwat.

(238)

L-istess kumpanija importatriċi sostniet ukoll li l-Kummissjoni aċċettat d-data tal-industrija tal-Unjoni bil-valur fuq il-wiċċ. Kif diġà ġie spjegat fil-premessi (25) u (26) tar-Regolament proviżorju, l-istess bħall-informazzjoni pprovduta mill-produtturi esportaturi fil-kampjun, it-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-erba’ produtturi tal-Unjoni fil-kampjun ġew kontroverifikati b’mod remot mad-dokumentazzjoni tal-kumpanija tas-sors u, fejn possibbli, kontra sorsi disponibbli pubblikament. Għalhekk, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.

(239)

Wara r-rivelazzjoni finali, Airoldi ma qablitx mal-kummenti tal-Kummissjoni fiż-żewġ premessi preċedenti dwar is-sors u l-verifika tad-data riċevuta. B’mod partikolari, Airoldi kkontestat li d-data invokata matul l-investigazzjoni anti-dumping inkwistjoni kienet xierqa fis-sens li ttieħdet minn sorsi ta’ kumpaniji u mhux minn sorsi pubblikament disponibbli. Fir-rigward ta’ dan, il-Kummissjoni tikkonferma li, f’konformità mal-prattika tagħha ta’ kontroverifika tad-data sensittiva tal-kumpaniji fil-qafas ta’ investigazzjoni, jintużaw ukoll sorsi pubblikament disponibbli fejn xieraq.

(240)

Barra minn hekk, fir-rigward tal-investimenti, Airoldi ssostni li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-fatt li l-investimenti huma meħtieġa sabiex iżidu l-effiċjenza u jipprovdu konċentrazzjoni ikbar fuq il-klijenti hija ġenerika u ma tidhirx li hija marbuta mal-kuntest tal-investigazzjoni anti-dumping inkwistjoni. Fir-rigward ta’ dan il-punt, il-Kummissjoni ttenni l-fatt li l-affermazzjoni tiddeskrivi b’mod xieraq is-sitwazzjoni tal-industrija li tipproduċi l-prodott investigat.

(241)

Wara r-rivelazzjoni finali, dwar il-paragrafu (234), Airoldi affermat ukoll li jkun żbaljat li tikkorrelata l-preżenza ta’ livell adegwat ta’ stokkijiet ma’ sejba ta’ dannu. L-istess importatur sostna wkoll li livell ta’ 26 % tal-istokkijiet huwa assolutament normali fis-suq tal-estrużjoni tal-aluminju. Fir-rigward ta’ dan l-argument, l-ewwel nett għandu jitfakkar li l-kunsiderazzjoni tal-istokkijiet bħala indikatur tad-dannu hija rekwiżit legali mir-Regolament bażiku. Barra minn hekk, kien l-istess importatur li fl-istadju provviżorju ddikjara li dan l-indikatur ikun rilevanti. Fir-rigward ta’ dan il-punt, il-Kummissjoni ssostni l-konklużjoni preliminari tagħha li, kif deskritt fil-premessa (264) tar-Regolament proviżorju, l-inventarji għandhom inqas importanza fl-analiżi tad-dannu minħabba li l-produzzjoni ssir prinċipalment fuq bażi ta’ ordni. Kif deskritt fil-paragrafu (234), jekk jiġu kkunsidrati, huma jindikaw xenarju dannuż.

(242)

L-istess kumpanija importatriċi sostniet ukoll li t-telf tas-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni deskritt fit-Tabella 5 tar-Regolament proviżorju jista’ jiġi rkuprat malajr anke mingħajr impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping. Din l-asserzjoni ma ġietx issostanzjata ulterjorment. Ma ngħatat l-ebda raġuni konvinċenti kif it-tnaqqis kontinwu esperjenzat matul il-perjodu kkunsidrat se jitreġġa’ lura mingħajr l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping, b’mod partikolari minħabba l-marġnijiet għoljin ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet Ċiniżi li nstabu li huma ta’ aktar minn 25 %, kif spjegat fil-premessa (232) tar-Regolament proviżorju u kkonfermat fil-premessa (224). Għalhekk, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.

(243)

L-istess kumpanija importatriċi għamlet kummenti ulterjuri dwar il-kwistjoni diskussa fil-premessa (316) tar-Regolament proviżorju. Il-kumpanija importatriċi tenniet l-allegazzjoni tagħha li l-industrija tal-Unjoni kienet qiegħda tabbuża mill-pożizzjoni allegatament dominanti tagħha fis-suq. European Aluminium ikkummentat li allegazzjonijiet bħal dawn kienu frivoli. L-allegazzjonijiet huma primarjament fil-kompetenza tad-DĠ COMP, li kkonferma, wara rivelazzjoni proviżorja, li ma jeżisti l-ebda każ tan-natura sostnuta. Madankollu, il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-industrija tal-Unjoni hija magħmula minn aktar minn 200 produttur. Il-Kummissjoni ssostni l-fehma tagħha li l-kumpanija importatriċi ma pprovdiet l-ebda analiżi jew evidenza biex issostni dawn l-allegazzjonijiet, jew biex tispjega r-rilevanza tagħhom fil-kuntest tar-Regolament bażiku. Dawn l-asserzjonijiet, għalhekk, ġew miċħuda u l-konklużjonijiet fit-Taqsimiet 4.6 u 4.7 tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

(244)

Wara r-rivelazzjoni finali, Airoldi ssottomettiet dokument deskritt bħala artiklu tal-gazzetta li juri li rappreżentant minn produttur tal-Unjoni kien ikkummenta dwar kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk importaturi oħra u Haomei Group ikkummentaw li l-miżuri jsaħħu l-pożizzjoni dominanti ta’ ċerti produtturi tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni. Fir-rigward ta’ dan l-allegat artiklu fil-gazzetta, l-ewwel nett għandu jiġi enfasizzat li d-dokument ipprovdut huwa fir-realtà materjal promozzjonali tal-kumpanija (li qed jiġi ppreżentat bħala “informazzjoni promozzjonali”). Barra minn hekk, il-produttur tal-Unjoni inkwistjoni ma kkummentax dwar kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni b’mod ġenerali iżda pjuttost dwar il-prodotti speċjali ħafna li jipproduċi, skont il-materjal promozzjonali tiegħu stess. Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat ħafna tal-affermazzjoni u t-tip ta’ pubblikazzjoni, il-Kummissjoni għalhekk tqis li la l-allegat artiklu tal-gazzetta u lanqas id-dikjarazzjoni mhux sostanzjata tal-importaturi u Haomei Group ma għandhom jaffettwaw il-konklużjonijiet tagħha milħuqa fil-premessa preċedenti.

(245)

Barra minn hekk, wara r-rivelazzjoni finali, Haomei Group ikkummenta dwar id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni bl-użu tar-riċerka tagħha stess dwar il-profittabbiltà ta’ erba’ produtturi tal-Unjoni. Haomei Group ikkummenta li r-riċerka tiegħu wriet li l-industrija tal-Unjoni kienet aktar profittabbli milli kienet murija mill-Kummissjoni fit-Tabella 10 tar-Regolament proviżorju. Madankollu, id-data pprovduta fis-sottomissjoni ta’ Haomei Group kienet relatata mal-profittabbiltà totali tal-kumpaniji magħżula minnhom u għalhekk ma tirrigwardax il-prodott li qed jiġi investigat. Barra minn hekk, il-kampjun tal-Kummissjoni ntgħażel skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku fi Frar 2020. F’dak l-istadju, ma wasal l-ebda kumment mingħand Haomei Group. B’kont meħud tar-rekwiżiti tal-Artikolu 17 u l-fatt li d-data ta’ Haomei Group ma tirrigwardax biss il-prodott investigat, il-Kummissjoni tiċħad din il-pretensjoni.

4.6.   Pretensjonijiet dwar il-metodoloġija għall-valutazzjoni tad-dannu materjali

(246)

Importatur u l-GTĊ ikkummentaw dwar il-metodoloġija użata mill-Kummissjoni biex tivvaluta l-ħsara materjali. L-asserzjoni li saret argumentat li l-analiżi tad-dannu kienet bla bażi minħabba li ħafna indikaturi juru żvilupp pożittiv u kien sostnut li l-Kummissjoni qagħdet biss fuq ċerti indikaturi biex issostni l-konklużjoni tagħha. Ġie sostnut ukoll li diversi fatturi ta’ dannu kienu evidenza ta’ ebda dannu lill-industrija tal-Unjoni minħabba li x-xejriet ma kinux negattivi. Madankollu, dawn il-pretensjonijiet kienu bbażati fuq valutazzjoni tal-indikaturi fuq bażi individwali, mingħajr ma tqies il-kuntest – bħal żieda fid-domanda u żieda fil-kostijiet. Il-pretensjonijiet ġew miċħuda billi l-konklużjoni proviżorja dwar id-dannu kienet ibbażata fuq valutazzjoni tal-indikaturi kollha u l-ebda wieħed minn dawk l-indikaturi ma ta neċessarjament gwida deċiżiva. Kif diġà deskritt fil-premessi (271) sa (274) tar-Regolament proviżorju, ikkonfermat hawnhekk, filwaqt li ċerti indikaturi tabilħaqq urew żvilupp pożittiv, kien sostanzjat b’mod adegwat kif is-sejba ta’ dannu materjali ntlaħqet meta jitqiesu l-indikaturi kollha tad-dannu.

(247)

Airoldi u O. Wilms iddikjaraw, wara r-rivelazzjoni finali, li l-Kummissjoni kienet bidlet is-sejbiet tagħha dwar id-dannu sabiex tirrifletti t-tnaqqis tal-importazzjonijiet taħt il-kodiċi NM 7610 90 90 kif deskritt hawn taħt. Ġie ddikjarat li d-dannu fl-istadju provviżorju kien prinċipalment iġġustifikat mill-indikaturi tal-volum u li fir-rivelazzjoni finali dan inbidel sabiex id-dannu nħass l-aktar fir-rigward tal-indikaturi tal-prezzijiet. Madankollu, il-premessi (271) sa (274) tar-Regolament provviżorju jikkonċentraw fuq id-dannu fil-prezz li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-premessa (280) tar-Regolament provviżorju spjegat kif kienet seħħet ħsara materjali meta xi partijiet qiesu l-kwantitajiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi u s-sehem mis-suq bħala limitati. Ir-Regolament provviżorju indika li d-dimensjoni tal-importazzjonijiet miċ-Ċina se tiġi investigata aktar — din hija parti integrali minn kwalunkwe investigazzjoni tad-difiża tal-kummerċ, li tirfina l-konklużjonijiet tagħha hekk kif tavvanza, li tippermetti apprezzament sod tal-fatti stabbiliti b’mod definittiv. Wara li tlesta dan il-proċess, il-konklużjonijiet tiegħu jikkonfermaw l-eżiti enfasizzati fir-Regolament proviżorju. Il-Kummissjoni għalhekk ma tistax taċċetta d-dikjarazzjoni li biddlet l-approċċ tagħha.

(248)

Barra minn hekk, wara r-rivelazzjoni finali O. Wilms ikkummentat dwar l-iżviluppi fir-rigward tal-volumi mibjugħa fis-suq tal-Unjoni mill-produtturi Ċiniżi, Torok u tal-Unjoni. Peress li l-industrija tal-Unjoni kienet żiedet il-bejgħ, O. Wilms ikkontestat il-fatt li l-industrija tal-Unjoni sofriet dannu. Argument simili tqajjem ukoll minn Haomei Group. Madankollu, kif spjegat fit-taqsima 4.7, is-sejba ta’ dannu materjali tirriżulta l-aktar mit-trażżin tal-prezzijiet u l-impatt tiegħu fuq l-indikaturi tal-prestazzjoni. Barra minn hekk, minkejja ż-żieda modesta fil-volum tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni, l-industrija tal-Unjoni tilfet sehem mis-suq matul il-perjodu kkunsidrat.

(249)

Barra minn hekk, wara r-rivelazzjoni finali, il-Haomei Group ikkontesta d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni minħabba li l-paraguni tal-prezzijiet imwettqa mill-Kummissjoni ma kinux xierqa. B’mod partikolari, Haomei Group sostna fis-sottomissjoni tiegħu li Haomei Group qatt ma għamel ħsara lill-industrija tal-aluminju tal-Unjoni peress li l-prezzijiet taż-żewġ esportaturi kienu allinjati meta ma kinux superjuri għal dawk tal-kompetituri Ewropej. Din l-allegazzjoni ma tistax tiġi aċċettata. L-investigazzjoni wriet li meta jwettqu tqabbil fuq bażi ta’ tip ta’ prodott, il-prezzijiet ta’ dawn l-esportaturi kienu qed iwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b’marġni sinifikanti, u b’hekk irriżultaw mhux biss allinjati iżda aktar baxxi b’mod sensibbli. Haomei Group issuġġerixxa wkoll li l-prezzijiet tal-importatur jintużaw bħala sors għat-tqabbil tal-prezzijiet. Madankollu, kif imsemmi fil-premessa (234) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni bbażat it-tqabbil tal-prezzijiet tagħha fuq bażi oġġettiva bl-użu ta’ metodoloġija u kalkoli dettaljati li ġew żvelati lil Haomei Group. Din il-metodoloġija qabblet il-prodotti fuq bażi ta’ tip b’tip bl-użu ta’ diversi kriterji oġġettivi u għalhekk kienet l-aktar metodu rappreżentattiv disponibbli għall-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għalhekk tiċħad il-pretensjoni li dan it-tqabbil ma kienx xieraq u anki d-dikjarazzjoni li din il-metodoloġija għawġet il-valutazzjoni tad-dannu.

4.7.   Konklużjoni dwar id-dannu

(250)

Iċ-ċifri tal-importazzjoni għall-pajjiż ikkonċernat ġew riveduti u l-impatt tagħhom fuq il-konsum u l-ishma tas-suq, u l-konklużjoni dwar id-dannu ġiet ivvalutata mill-ġdid fl-istadju definittiv.

(251)

Ix-xejra fil-volumi tal-importazzjonijiet uriet żieda ta’ 49 %. Is-sehem mis-suq ta’ dawn l-importazzjonijiet żdied b’41 % matul il-perjodu kkunsidrat. Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni wera wkoll tnaqqis sinifikanti (- 4 %).

(252)

Għandu jiġi nnotat li l-indikaturi ewlenin, li juru d-dannu f’din l-investigazzjoni jibqgħu dannużi anke jekk l-importazzjonijiet Ċiniżi jiġu vvalutati mingħajr il-Kodiċi NM 7610 90 90.

(253)

Meta wieħed iqis is-sejbiet riveduti flimkien mal-indikaturi l-oħra tad-dannu li ma nbidlux u spjegati fid-dettall fir-Regolament proviżorju, ġie kkonfermat b’mod definittiv li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Din is-sitwazzjoni kienet primarjament ikkawżata minn prezzijiet dannużi li waqqgħu b’mod sinifikanti dawk tal-industrija tal-Unjoni, rażżnu l-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u evitaw żidiet suffiċjenti fil-prezzijiet. Dan l-impatt ġie aggravat bil-fatt li l-importazzjonijiet Ċiniżi sinifikanti żdiedu f’termini assoluti u kisbu sostanzjalment sehem mis-suq matul il-perjodu kkunsidrat. L-industrija tal-Unjoni tinsab fil-proċess li tadatta għall-bidliet fis-suq tal-Unjoni fejn iż-żieda fl-investimenti hija vitali biex tiżgura s-sopravivenza tagħha fit-tul. Madankollu, il-profittabilità baxxa, li hija r-riżultat tal-prezzijiet tas-suq imnaqqsa, hija b’mod ċar baxxa wisq biex tiġġenera l-finanzjament ta’ investimenti bħal dawn. Dan jipperikola l-futur fit-tul tal-industrija li timpjega madwar 40 000 impjegat dirett u ħafna aktar indirettament fil-katina tal-provvista tal-aluminju.

(254)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar il-kwistjoni, il-konklużjoni tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kif deskritta fil-premessi (271) sa (274) tar-Regolament proviżorju ġiet ikkonfermata.

5.   DANNU BBAŻAT FUQ ID-DATA TAL-EU27

5.1.   Ġenerali

(255)

Qed issir referenza għall-premessa (35).

5.2.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(256)

Rigward id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni, il-fatt li assoċjazzjoni li tirrappreżenta produtturi tal-Unjoni fiha wkoll membri minn pajjiżi mhux tal-UE ma jaffettwax il-locus standi ta’ tali assoċjazzjoni biex tirrappreżenta lill-produtturi tal-Unjoni u lanqas ir-rappreżentattività tagħha f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament bażiku. Ta’ min ifakkar ukoll li l-produtturi tal-Unjoni ħarġu prokuri speċifiċi għal European Aluminium biex jirrappreżentaw l-interessi tagħhom fil-proċediment attwali. Għal din ir-raġuni, l-affermazzjonijiet li saru minn Airoldi wara rivelazzjoni finali addizzjonali li xeħtu dubju fuq il-pożizzjoni tal-industrija tal-Unjoni, li reġgħet ġiet ikkonfutata minn European Aluminium billi ddikjarat li l-kapaċità tagħha li tirrappreżenta l-industrija tal-Unjoni ilha fil-fajl mill-bidu tal-investigazzjoni, ma jistgħux jiġu aċċettati.

(257)

L-informazzjoni fil-fajl tindika wkoll li l-produzzjoni tal-prodott simili fir-Renju Unit hija inqas minn 3 % tat-total tal-EU28. L-ilmentaturi, li ma jipproduċux fir-Renju Unit, għalhekk ikomplu jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.

(258)

Minbarra l-produtturi fir-Renju Unit, il-prodott simili kien immanifatturat minn madwar 200 produttur fl-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Dawn jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

5.3.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat skont il-Kodiċi NM 7610 90 90

(259)

Minbarra l-importazzjonijiet fir-Renju Unit, iċ-ċifri għall-Kodiċi NM 7610 90 90 huma kif ġej.

Tabella 1bis

Importazzjonijiet miċ-Ċina taħt il-kodiċi NM 7610 90 90 - bażi EU27

 

2016

2017

2018

Perjodu ta’ investigazzjoni

Volum tal-kodiċi NM sħiħ (tunnellati)

93 325

124 799

131 545

142 371

Prezz sħiħ tal-kodiċi NM għal kull tunnellata

2 912

2 739

2 722

2 867

Volum tal-produzzjoni kkonċernat (tunnellati)

15 534

20 773

21 896

23 697

Prezz tal-prodott ikkonċernat għal kull tunnellata (32)

3 204

3 203

3 359

3 475

Volum ta’ prodotti differenti mill-prodott ikkonċernat (tunnellati)

52 038

69 588

73 349

79 386

Volumi mhux ċari (tunnellati)

25 753

34 439

36 300

39 288

Sors: Eurostat u d-Dwana Nazzjonali ()

(260)

Wara r-rivelazzjoni finali addizzjonali, Airoldi tenniet id-dikjarazzjoni tagħha li l-metodoloġija biex tinkiseb data dwar l-importazzjonijiet mill-awtoritajiet doganali nazzjonali għall-kodiċi NM 7610 90 90 u biex tiżdied mal-importazzjonijiet l-oħra miċ-Ċina ma ġietx spjegata. European Aluminium wieġbet li din il-metodoloġija kienet ċara ħafna għaliha. Wara r-rivelazzjoni finali addizzjonali, Haomei Group talab li d-data użata mill-Kummissjoni fl-istabbiliment tal-importazzjonijiet Ċiniżi tiġi ppreżentata lilu. Fir-rigward tad-data tal-Eurostat, dawn iċ-ċifri huma pubbliċi. Fir-rigward taċ-ċifri pprovduti lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, għandu jiġi mfakkar li l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni huma kunfidenzjali, skont l-Artikolu 19(5) tar-Regolament bażiku. Fir-rigward tal-ispjegazzjoni tal-approċċ użat, il-Kummissjoni tfakkar l-ispjegazzjoni tal-approċċ tagħha fil-premessi (203) sa (219) u n-noti ta’ qiegħ il-paġna rilevanti, li japplikaw mutatis mutandis għall-analiżi tal-EU27.

(261)

Airoldi assoċjat ruħha mas-sottomissjoni ta’ Haomei Group imsemmija qabel u tenniet l-affermazzjoni tagħha stess. Huwa mfakkar li sottomissjoni b’reazzjoni għal sottomissjoni ta’ parti oħra ma tistax tintuża biex jiġu proposti elementi jew talbiet ġodda. Fi kwalunkwe każ, japplikaw it-tweġibiet sostantivi fil-premessa preċedenti. Ta’ min ifakkar ukoll li l-Kummissjoni spjegat ripetutament lill-kumpanija kif l-importazzjonijiet ġew ikkalkulati u vverifikati, u ttenni li d-dikjarazzjonijiet tagħha huma bla bażi mhux l-inqas peress li ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza biex tikkonfuta l-konklużjonijiet tal-analiżi tal-Kummissjoni.

5.4.   Il-volum, is-sehem mis-suq u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(262)

Għaldaqstant, u fuq il-bażi deskritta hawn fuq, l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat żviluppaw kif ġej:

Tabella 2bis

Il-volum tal-importazzjoni (tunnellati) u s-sehem mis-suq - fuq il-bażi EU27

 

2016

2017

2018

Perjodu ta’ investigazzjoni

Importazzjonijiet taħt 8 kodiċijiet NM (33)

82 001

87 403

108 739

128 853

Volum totali tal-importazzjonijiet miċ-Ċina

97 535

108 176

130 635

152 551

Indiċi (2016 = 100)

100

111

134

156

Sehem mis-suq taċ-Ċina (%)

3,4

3,5

4,1

5,0

Indiċi (2016 = 100)

100

104

122

148

Sors: Eurostat (Ara wkoll it-Tabella 1 u t-Tabella 4 dwar il-konsum)

(263)

Barra minn hekk, fuq il-bażi tal-volumi tal-importazzjoni aġġustati, jistgħu jiġu osservati livelli sinifikanti ta’ importazzjonijiet kemm f’termini relattivi kif ukoll f’termini assoluti, li jilħqu 5 % tas-sehem mis-suq fil-perjodu ta’ investigazzjoni. F’ċifri assoluti, l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu b’56 % matul il-perjodu kkunsidrat. B’mod parallel, is-sehem totali mis-suq tal-importazzjonijiet oġġetti ta’ dumping żdied b’48 % matul il-perjodu kkunsidrat.

(264)

Anki jekk il-volumi taħt il-Kodiċi NM 7610 90 90 kienu totalment esklużi mill-analiżi, il-volumi ta’ importazzjoni jibqgħu sinifikanti u jammontaw għal sehem mis-suq ta’ 4,2 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni, u jiżdiedu b’57 % mill-2016.

Tabella 3bis

Prezzijiet tal-importazzjoni (EUR/tunnellata) - bażi tal-EU27

 

2016

2017

2018

Perjodu ta’ investigazzjoni

Prezzijiet taħt it-8 kodiċijiet NM (34)

2 987

3 110

3 127

3 142

Il-prezzijiet medji ponderati tal-importazzjonijiet miċ-Ċina

3 038

3 173

3 183

3 193

Indiċi (2016 = 100)

100

104

105

105

Sors: L-Eurostat u l-Awtoritajiet Doganali Nazzjonali

(265)

Il-prezzijiet aġġustati juru xejriet simili fil-prezzijiet bħal dawk rivelati qabel, u jikkonfermaw l-istess konklużjonijiet.

(266)

Jekk il-volumi taħt il-Kodiċi NM 7610 90 90 jiġu totalment esklużi mill-analiżi, il-prezzijiet medji tal-importazzjoni jkunu aktar baxxi u jsegwu xejra simili matul il-perjodu kkunsidrat.

(267)

Wara l-metodoloġija żvelata qabel, il-marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezz esklużi l-importazzjonijiet lejn ir-Renju Unit jammontaw għal 23,6 %, li jikkonferma l-konklużjonijiet żvelati preċedentement.

(268)

Wara r-rivelazzjoni finali addizzjonali Airoldi kkummentat li l-importaturi, inkluż Airoldi, ma importawx prodotti estrużi taħt il-kodiċi NM 7610 90 90 u li l-Kummissjoni ma talbitx lill-importaturi għal kjarifika dwar dan il-kodiċi. Filwaqt li dan il-kumment kien tard u jinjora l-valutazzjoni definittiva tal-Kummissjoni dwar il-kalkolu tal-importazzjonijiet taħt dan il-kodiċi, il-Kummissjoni talbet il-kooperazzjoni mill-partijiet kollha fil-premessa (223) tar-Regolament provviżorju. Għalhekk, dawn l-affermazzjonijiet ġew miċħuda.

(269)

Wara r-rivelazzjoni finali addizzjonali, Airoldi kkummentat li l-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet Ċiniżi taħt il-kodiċi NM 7610 90 90 żdiedu bħala riżultat tar-rivalutazzjoni tal-każ fuq bażi tal-EU27. Il-Kummissjoni kkonfermat li dan huwa r-riżultat tal-esklużjoni tal-bejgħ tar-Renju Unit miċ-ċifri.

(270)

Wara r-rivelazzjoni finali addizzjonali, Haomei Group ikkummenta li ċerti aspetti tal-metodoloġija għall-kalkoli tad-dannu inkluż is-sors tad-data ma kinux ċari għalih. Il-Kummissjoni tikkonferma li l-metodoloġija għall-kalkoli tad-dannu ġiet żvelata lil Haomei Group fl-istadji provviżorji u definittivi tal-investigazzjoni. Fl-istadju ta’ rivelazzjoni finali addizzjonali ġie spjegat li l-istess metodoloġija għall-kalkoli tad-dannu kienet ġiet applikata ħlief li d-data tar-Renju Unit kienet tneħħiet. Il-Kummissjoni għalhekk ikkunsidrat li l-metodoloġija ċara tagħha ġiet spjegata b’mod sħiħ. Barra minn hekk, tali punti kellhom jitqajmu fl-istadju provviżorju aktar milli wara r-rivelazzjoni finali addizzjonali.

5.5.   Konsum tal-Unjoni

(271)

Iċ-ċifri tal-konsum tal-Unjoni ġew riveduti bħala konsegwenza tar-reviżjoni għall-volumi tal-importazzjoni mill-pajjiż ikkonċernat spjegata hawn fuq u l-volumi tal-importazzjoni riveduti minn pajjiżi terzi oħra lejn l-UE27. Fuq din il-bażi, il-konsum fis-suq ħieles tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 4bis

Il-konsum tal-Unjoni (tunnellati) (*1) - bazi tal-EU27

 

2016

2017

2018

Perjodu ta’ investigazzjoni

Konsum totali tal-Unjoni

2 965 810

3 167 207

3 251 443

3 123 439

Indiċi

100

107

110

105

Suq ristrett

61 338

60 455

60 143

56 640

Indiċi

100

99

98

92

Konsum tas-suq ħieles

2 904 472

3 106 752

3 191 300

3 066 799

Indiċi

100

107

110

106

Sors: European Aluminium u Eurostat

(272)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-konsum tas-suq ħieles tal-Unjoni żdied b’6 %.

(273)

Anki jekk il-volumi taħt il-Kodiċi NM 7610 90 90 kienu totalment esklużi mill-analiżi, il-konsum kien ikun f’livelli simili ħafna u kien jiżdied ukoll, u dan jikkonferma l-konklużjonijiet żvelati preċedentement.

(274)

Wara r-rivelazzjoni finali addizzjonali, Airoldi sostniet li l-Kummissjoni ma spjegatx il-bażi għad-determinazzjoni tas-suq ristrett. Fir-rigward ta’ din id-dikjarazzjoni, is-sejbiet tal-Kummissjoni relatati mas-suq ristrett kienu diġà ntwerew fis-sejbiet provviżorji (il-premessa (248) tar-Regolament provviżorju). Barra minn hekk, dan il-kumment huwa tard ħafna peress li kellu jitqajjem fi żmien l-iskadenza għall-kummenti dwar is-sejbiet provviżorji. Din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

5.6.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

5.6.1.   L-indikaturi makroekonomiċi u mikroekonomiċi

(275)

Is-sehem mis-suq tal-bejgħ fis-suq ħieles tal-industrija tal-Unjoni żviluppa kif ġej b’riżultat tar-reviżjoni tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat imsemmija hawn fuq, u ċ-ċifri tal-konsum riveduti msemmija fit-Tabella 4.

Tabella 5bis

Sehem mis-suq  (*2) — Bażi tal-EU27

 

2016

2017

2018

Perjodu ta’ Investigazzjoni

Sehem mill-industrija tal-Unjoni tal-bejgħ fis-suq ħieles (%)

88,4

86,6

86,4

85,4

Indiċi (2016 = 100)

100

98

98

97

Sors: European Aluminium u Eurostat

(276)

Għalkemm is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni ġie vvalutat mill-ġdid għal livell kemxejn ogħla fil-perjodu kkunsidrat, l-ishma mis-suq xorta waħda naqsu bi kważi 3,0 punti perċentwali.

(277)

Anki jekk il-volumi skont il-Kodiċi NM 7610 90 90 kienu totalment esklużi mill-analiżi, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni kien ikun f’livelli simili ħafna u kien jonqos, li jikkonferma l-konklużjonijiet divulgati qabel.

(278)

Abbażi tal-informazzjoni kkonfermata pprovduta mill-produtturi tal-Unjoni, il-volumi tal-bejgħ mill-industrija tal-Unjoni lis-suq tar-Renju Unit ġew ivvalutati għal madwar 2 % tal-bejgħ totali fl-EU28. Volum bħal dan ma jista’ jkollu l-ebda impatt materjali fuq l-indikaturi ekonomiċi tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, l-indikaturi l-oħra kollha żvelati preċedentement fit-Taqsima 6 huma wkoll rappreżentattivi għall-EU27 u huma kkonfermati, kif inhuma wkoll il-konklużjonijiet li joħorġu minnhom.

(279)

Wara rivelazzjoni finali addizzjonali Airoldi kkummentat li l-Kummissjoni missha kisbet sett ġdid ta’ data tal-EU27 mill-industrija tal-Unjoni sabiex twettaq l-analiżi tad-dannu tagħha tal-EU27, kif kienet għamlet f’investigazzjoni oħra tad-difiża tal-kummerċ. Madankollu, dan ma kienx meħtieġ peress li l-informazzjoni fil-fajl diġà ppermettiet analiżi tal-EU27, kif spjegat hawn fuq. Dan ġie kkonfermat minn European Aluminium, li wieġbet għad-dikjarazzjoni ta’ Airoldi billi indikat li l-produtturi fir-Renju Unit irrappreżentaw inqas minn 3 % tal-produzzjoni, li l-attività kummerċjali tal-industrija tal-Unjoni fir-Renju Unit kienet baxxa, u li għalhekk kwalunkwe impatt fuq l-indikaturi tad-dannu kien minimu. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ġiet irrifjutata.

(280)

Wara r-rivelazzjoni finali addizzjonali Airoldi u Euranimi kkummentaw li s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni, li kien aktar minn 85 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni ma kienx indikatur dannuż. Dawn il-partijiet irreferew għal Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-4 ta’ Frar 2021 fil-Kawża C-324/19, Eurocylinder Systems AG li huma sostnew kienet timplika li d-dannu ma setax jeżisti b’tali sehem mis-suq. Haomei Group ikkummenta wkoll dwar dan il-punt, fejn sostna li, skont diversi kawżi tal-Qorti, is-sehem mis-suq ta’ 85 % jimpedixxi d-determinazzjoni tad-dannu. Madankollu, il-Kawża C-324/19 kienet tikkonċerna t-theddida ta’ ħsara u l-evalwazzjoni tal-fatturi li jiddeterminawha. F’dan il-każ, ta’ min ifakkar li d-determinazzjoni tad-dannu tirrigwarda prinċipalment l-effetti tal-prezzijiet, kif spjegat fil-premessa (252), fatt li ma jinbidilx mill-bidliet limitati ħafna fl-ishma tas-suq, li fi kwalunkwe każ naqsu bi 3 % għall-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ġiet irrifjutata.

(281)

Wara r-rivelazzjoni finali addizzjonali Airoldi kkummentat li l-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienet żdiedet u li s-sehem tagħha relattiv għall-konsum kien żdied ukoll. Airoldi sostniet li dan wera nuqqas ta’ ħsara. L-argumenti fil-premessa preċedenti huma mfakkra. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessa (242) tar-Regolament proviżorju, għalkemm il-produzzjoni tal-Unjoni żdiedet bi 2 % matul il-perjodu kkunsidrat, l-industrija tal-Unjoni tilfet sehem b’mod relattiv għall-konsum. Għaldaqstant din it-talba ma ntlaqatx.

(282)

Wara r-rivelazzjoni finali addizzjonali, Airoldi tenniet id-dikjarazzjonijiet tagħha msemmija fil-premessi (235) u (236) mingħajr ma pprovdiet l-ebda evidenza addizzjonali, li għalhekk ġew miċħuda għar-raġunijiet sostantivi msemmija fil-premessi msemmija qabel.

(283)

Wara r-rivelazzjoni finali Airoldi kkummentat ukoll dwar il-fatt li l-LME jinsab barra mill-Unjoni, u ma għandux jintuża bħala sors ta’ referenza għall-prezzijiet tal-aluminju. Japplikaw l-istess argumenti bħal fil-premessa (232) u d-dikjarazzjoni mhijiex aċċettata.

5.7.   Konklużjoni dwar id-dannu fuq bażi tal-EU27

(284)

Għalhekk, abbażi tal-informazzjoni fil-fajl fuq il-bażi tal-EU27, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

6.   KAWŻALITÀ bbażata fuq l-EU28

6.1.   L-effett tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping

(285)

L-effett tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping ġie deskritt fit-Taqsima 5.1 tar-Regolament proviżorju. Diversi partijiet interessati sostnew li d-dannu ma setax jiġi attribwit lill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat u li fatturi oħra kienu qed jattenwaw ir-rabta kawżali. Xi wħud mill-asserzjonijiet kienu sempliċiment tennija tal-pretensjonijiet diġà diskussi fir-Regolament proviżorju mingħajr ebda element ġdid. Il-kummenti li ma tqajmux qabel huma analizzati hawn taħt flimkien ma’ valutazzjoni ta’ data addizzjonali miġbura wara r-rivelazzjoni proviżorja, fejn xieraq.

(286)

Bħala riżultat tar-reviżjoni tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat deskritta fil-premessi (202) sa (216), il-konsum u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat ġew riveduti. Is-sehem mis-suq Ċiniż żdied minn 4,4 % għal 6,2 % (minflok minn 6,9 % għal 9,6 % kif jidher fit-Tabella 2 tar-Regolament proviżorju) filwaqt li s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni fis-suq ħieles naqas minn 87,6 % għal 84,4 % (minflok 85,1 % għal 81,1 % kif jidher fit-Tabella 5 tar-Regolament proviżorju). Konsegwentement, dawn it-Tabelli tar-Regolament proviżorju ġew emendati kif xieraq. L-impatt ta’ tali bidliet kellu ftit jew l-ebda impatt f’termini tax-xejriet jew tal-livell sinifikanti tal-importazzjonijiet, peress li wara r-reviżjoni, inter alia, il-volum tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat fil-fatt żdied 49 % (minflok 48 %), u x-xejra tas-sehem mis-suq tiegħu tiżdied minn 41 % (minflok 39 %). Għalhekk, iċ-ċifri riveduti tal-importazzjonijiet u tas-sehem mis-suq ma affettwawx b’mod materjali l-analiżi tal-kawżalità deskritta fil-premessi (276) sa (283) tar-Regolament proviżorju.

(287)

Ċerti importaturi ddikjaraw li parti żgħira biss mill-esportazzjonijiet Ċiniżi madwar id-dinja nbiegħu lis-suq tal-Unjoni (13 % biss) u li l-importazzjonijiet Ċiniżi kienu faċilment assorbiti fis-suq tal-Unjoni mingħajr ma kkawżaw ħsara. Madankollu, dan il-kumment iffoka fuq ċerti kwistjonijiet ta’ volum, u injora l-fatt li l-aktar parti importanti tad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni kienet relatata mal-prezz, minħabba l-pressjoni sinifikanti fuq il-prezzijiet eżerċitata minn dawn l-importazzjonijiet bi prezz baxx li waqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b’aktar minn 25 %. Dawn l-importaturi sostnew ukoll li l-importazzjonijiet Ċiniżi kibru biss għad-detriment tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi. Dan l-argument huwa fattwalment żbaljat, kif muri fit-Tabella 6 hawn taħt. Barra minn hekk, l-informazzjoni fit-Tabella 4 turi biċ-ċar li l-industrija tal-Unjoni sofriet ukoll dannu fil-volum u tilfet sehem mis-suq matul il-perjodu kkunsidrat minħabba l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat. Għalhekk, dawn l-asserzjonijiet ġew miċħuda.

(288)

Wara r-rivelazzjoni finali, Haomei Group ikkontesta d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni fuq il-bażi li l-importazzjonijiet mis-sorsi kollha ma kinux żdiedu matul il-perjodu mill-2017 sal-2020. Madankollu, ta’ min ifakkar li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-ħsara hija bbażata ħafna fuq il-prezzijiet. Barra minn hekk, din l-investigazzjoni wriet li s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas matul il-perjodu kkunsidrat (2016–2019). Matul l-istess perjodu l-importazzjonijiet miċ-Ċina żdiedu kemm f’termini assoluti kif ukoll fir-rigward tas-sehem mis-suq. Meta wieħed iqis dawn il-kwistjonijiet, u l-fatt li l-valutazzjoni tal-volumi ta’ Haomei kopriet l-importazzjonijiet kollha, u ma kinitx ristretta għall-perjodu kkunsidrat, il-Kummissjoni tiċħad l-argument li sar.

6.2.   L-effett ta’ fatturi oħrajn

6.2.1.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

(289)

L-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat.

Tabella 6

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

 

 

2016

2017

2018

PI

It-Turkija

Volum f’tunnellati

77 041

87 632

107 392

110 452

Indiċi

100

114

139

143

Sehem mis-suq %

2,6

2,8

3,3

3,6

Indiċi

100

106

126

135

Prezz Medju

3 519

3 599

3 569

3 448

Indiċi

100

102

101

98

Pajjiżi terzi oħra

Volum f’tunnellati

156 278

213 999

191 673

181 402

Indiċi

100

137

123

116

Sehem mis-suq %

5,3

6,8

5,9

5,8

Indiċi

100

128

111

110

Prezz Medju

3 197

3 126

3 398

3 489

Indiċi

100

98

106

109

Total tal-pajjiżi kollha eskluż il-pajjiż ikkonċernat

Volum f’tunnellati

233 319

301 631

299 065

291 854

Indiċi

100

129

128

125

Sehem mis-suq %

8,0

9,6

9,3

9,4

Indiċi

100

120

116

118

Prezz Medju

3 304

3 264

3 459

3 473

Indiċi

100

99

105

105

Sors: l-Eurostat ()

(290)

Il-volumi tal-importazzjoni ta’ pajjiżi terzi nbidlu kemxejn minħabba r-reviżjonijiet statistiċi msemmija qabel. Is-sehem mis-suq ta’ dawn l-importazzjonijiet kien affettwat ukoll b’riżultat tar-reviżjoni għall-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat deskritta fil-premessi (202) sa (213). Madankollu, dawn il-bidliet kienu żgħar u kellhom saħansitra inqas impatt f’termini ta’ xejra. Is-sehem mis-suq tal-pajjiż terz wara r-reviżjoni żdied minn 8,0 % għal 9,4 % (minflok minn 8,0 % għal 9,3 % fit-Tabella 11 tar-Regolament proviżorju). Għalhekk, dawn il-bidliet minuri għaċ-ċifri tal-importazzjonijiet u tas-sehem mis-suq ta’ pajjiżi terzi ma affettwawx materjalment l-analiżi tal-kawżalità deskritta fil-premessi (284) sa (288) tar-Regolament proviżorju.

(291)

Carl Prinz ikkummentat dwar il-premessa (286) tar-Regolament proviżorju li tgħid li fl-esperjenza tagħha tal-prezzijiet fl-2020, il-prezzijiet mit-Turkija ma kinux ogħla b’mod sinifikanti meta mqabbla mal-pajjiż ikkonċernat. Madankollu, din l-informazzjoni kienet relatata mal-informazzjoni sussegwenti għall-perjodu ta’ investigazzjoni, u ma ngħatat l-ebda informazzjoni dwar il-perjodu ta’ investigazzjoni. Barra minn hekk, ma tressqet l-ebda evidenza li turi li l-analiżi fil-premessa (286) tar-Regolament proviżorju kienet skorretta.

(292)

Filwaqt li tqis id-data riveduta murija fit-Tabella 6 u wara li analizzat il-kummenti riċevuti relatati mal-premessi (284) sa (287) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni tikkonferma l-konklużjoni tal-impatt tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi fil-premessa (288) tar-Regolament proviżorju.

(293)

Kif innutat fil-premessa (203), anki kieku l-volumi taħt il-Kodiċi NM 7610 90 90 kienu totalment esklużi mill-analiżi, il-volumi ta’ importazzjoni minn pajjiżi terzi ma jinbidlux u jkun hemm biss bidliet minimi fl-ishma tagħhom mis-suq. Il-konklużjoni dwar il-kawżalità mill-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi fir-Regolament proviżorju mhijiex affettwata u għalhekk hi kkonfermata.

(294)

Wara r-rivelazzjoni finali, Airoldi kkummentat li l-premessa preċedenti ddefiniet il-loġika. Madankollu, ma kienx ċar għaliex Airoldi kienet waslet għal din il-konklużjoni. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-impatt tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi jkompli jkun ta’ ħsara jekk l-importazzjonijiet taħt il-kodiċi NM inkwistjoni ma jitqisux hija valida. Dan għaliex il-volum assolut tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ma jkunx affettwat u s-sehem mis-suq tagħhom jinbidel biss marġinalment. Għalhekk il-Kummissjoni tikkonferma l-analiżi tagħha.

6.2.2.   Impatt tal-Konsum

(295)

Iċ-ċifri riveduti relatati mal-konsum fil-premessi (226) sa (228) ma kellhomx impatt materjali fuq il-konklużjoni milħuqa fil-premessa (294) tar-Regolament proviżorju. Kif innutat fil-premessa (203), anki jekk il-volumi taħt il-Kodiċi NM 7610 90 90 kienu totalment esklużi mill-analiżi, il-konsum fis-suq ħieles kien ikun f’livelli simili ħafna u kien jiżdied b’6 %. Il-konklużjoni fil-premessa (294) tar-Regolament Proviżorju hija għalhekk ikkonfermata. Fil-kummenti tagħha wara r-rivelazzjoni finali, Airoldi sostniet li r-raġunament ta’ din il-premessa “jdgħajjef kwalunkwe loġika” peress li jistrieħ b’mod mhux ġustifikat fuq l-importanza f’termini kwantitattivi tal-importazzjonijiet ta’ prodotti klassifikabbli f’tali kodiċi. Fir-rigward ta’ dan il-kumment, il-Kummissjoni tinnota li r-raġunament ta’ hawn fuq jenfasizza (għall-kuntrarju) li anki jekk wieħed ma jiddependix fuq il-prodotti importati taħt dan il-kodiċi (li mhuwiex il-metodu xieraq peress li dan il-kodiċi jinkludi wkoll proporzjon sinifikanti tal-prodott ikkonċernat), is-sejbiet tad-dannu ma jiġux affettwati.

6.2.3.   Impatt tal-kostijiet fl-Unjoni

(296)

Airoldi għamlet ukoll dikjarazzjoni li l-kostijiet għoljin tal-investiment irrapportati fit-Tabella 10 tar-Regolament proviżorju kkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. Il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-investimenti kienet li dawn kienu meħtieġa f’livelli dejjem jiżdiedu biex jibqgħu rilevanti fis-suq. L-investimenti kienu meħtieġa biex tiżdied l-effiċjenza u tingħata aktar attenzjoni lill-klijent fid-dawl tad-domanda tas-suq għal aktar soluzzjonijiet ta’ valur miżjud. Il-premessi (332) sa (340) tar-Regolament proviżorju ddiskutew kemm huma importanti livelli għoljin ta’ investiment għall-futur tal-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni bħala żgwidata u mhux issostanzjata.

(297)

Il-GTĊ irrefera għar-rapport ta’ Reuters ta’ Jannar 2014 li l-liġijiet tax-xogħol u dawk ambjentali fl-Unjoni kif ukoll il-kostijiet għoljin tal-enerġija jagħmlu l-produzzjoni ta’ metalli mhux maħduma, bħall-aluminju fl-Unjoni kważi mhux profittabbli. Madankollu, din l-asserzjoni kienet relatata mal-produzzjoni tal-aluminju bħala materja prima. L-asserzjoni ma setgħetx tiġi aċċettata, meta wieħed iżomm f’moħħu li dan ir-rapport ma għandux x’jaqsam mal-industrija tal-Unjoni li hija industrija downstream, u ma tqisx l-iżviluppi fl-industrija tal-aluminju tal-Unjoni fil-perjodu kkunsidrat.

6.2.4.   L-impatt tal-bejgħ lid-distributuri

(298)

Airoldi sostniet li l-prestazzjoni tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kienet affettwata minn deċiżjoni tan-negozju biex jitwaqqaf il-bejgħ lid-distributuri. Madankollu, kien ċar mid-data miġbura fit-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-industrija tal-Unjoni inkluża fil-kampjun li b’mod ġenerali huma ma waqqfux il-bejgħ lid-distributuri. Fil-fatt, il-Kummissjoni sabet li l-bejgħ tal-Unjoni lid-distributuri kien naqas minħabba l-pressjoni fuq il-prezzijiet minn importazzjonijiet Ċiniżi li huma l-oġġett ta’ dumping. Barra minn hekk, it-tweġiba għall-kwestjonarju ta’ Airoldi li taġixxi bħala importatur u distributur uriet li xtrat kwantitajiet sinifikanti mill-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.

6.3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(299)

Ir-reviżjoni tal-volumi tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat fissret li l-konklużjoni dwar il-kawżalità kellha tiġi vvalutata mill-ġdid fl-istadju definittiv tal-investigazzjoni. Il-volumi tal-importazzjonijiet u l-ishma mis-suq riveduti fis-suq tal-Unjoni deskritti hawn fuq ma kellhom l-ebda impatt materjali fuq l-analiżi tal-kawżalità u kellhom impatt saħansitra iżgħar meta ġew eżaminati x-xejriet. L-istess japplika jekk il-Kodiċi NM 7610 90 90 jiġi eskluż għalkollox.

(300)

Fil-premessi (280) sa (282) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni spjegat kif l-importazzjonijiet Ċiniżi, li kellhom sehem mis-suq ħafna iżgħar mill-industrija tal-Unjoni, mhux biss ippenetraw is-suq tal-Unjoni, żiedu s-sehem tagħhom mis-suq b’mod stabbli biex jikkawżaw dannu fil-volum iżda, b’mod aktar serju rażżnu l-prezzijiet tas-suq u kkawżaw lill-industrija tal-Unjoni tagħmel livelli ta’ profitt imnaqqsa u inadegwati matul il-perjodu kkunsidrat. Dawn il-premessi jibqgħu validi fil-livelli tal-importazzjonijiet Ċiniżi kemm f’termini assoluti kif ukoll f’termini relattivi murija fit-Tabella 2 hawn fuq, u, arguendo, jekk il-Kodiċi NM 7610 90 90 jiġi eskluż għalkollox.

(301)

Barra minn hekk, l-ebda wieħed mill-kummenti magħmula mill-partijiet interessati ma bidel il-valutazzjoni tal-fatturi li saret fl-istadju proviżorju u ma sar l-ebda kumment validu wara l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji li setgħu jispjegaw id-dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni stabbilit f’din l-investigazzjoni.

(302)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq u fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ebda wieħed mill-fatturi l-oħra eżaminati fl-istadju proviżorju kif ukoll fl-istadju definittiv ma kien kapaċi jkollu xi impatt rilevanti fuq is-sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-ebda fattur, analizzat individwalment jew b’mod kollettiv, ma dgħajjef ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni fis-sens li tali rabta ma tkunx għadha ġenwina u sostanzjali, li jikkonferma l-konklużjoni fil-premessi (302) u (303) tar-Regolament proviżorju.

7.   KAWŻALITÀ BBAŻATA FUQ L-EU27

7.1.   L-effett tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping

(303)

B’riżultat tar-reviżjonijiet imsemmija hawn fuq, il-konsum u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat ġew riveduti. Is-sehem mis-suq Ċiniż żdied minn 3,4 għal 5 % filwaqt li s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni fis-suq ħieles naqas minn 88,4 % għal 85,4 % matul il-perjodu kkunsidrat. Il-bidliet mill-analiżi tal-EU28 għall-EU27 kellhom ftit jew l-ebda impatt f’termini tax-xejriet jew tal-livell sinifikanti tal-importazzjonijiet, peress li wara r-reviżjoni, inter alia, il-volum tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat fil-fatt żdied b’56 % u x-xejra tas-sehem mis-suq tiegħu żdiedet bi 48 %. Għalhekk, iċ-ċifri riveduti tal-importazzjoni u tas-sehem mis-suq ma affettwawx materjalment l-analiżi tal-attribuzzjoni divulgata preċedentement.

7.2.   L-effett ta’ fatturi oħrajn

7.2.1.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

(304)

L-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat.

Tabella 6bis

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi lejn l-EU27

 

 

2016

2017

2018

PI

It-Turkija

Volum f’tunnellati

73 187

84 678

103 888

106 702

Indiċi

100

116

142

146

Sehem mis-suq %

2,5

2,7

3,3

3,5

Indiċi

100

108

129

138

Prezz Medju

3 475

3 595

3 569

3 439

Indiċi

100

103

103

99

Pajjiżi terzi oħra

Volum f’tunnellati

165 749

222 898

199 778

188 546

Indiċi

100

134

121

114

Sehem mis-suq %

5,7

7,2

6,3

6,1

Indiċi

100

126

110

108

Prezz Medju

3 438

3 353

3 684

3 760

Indiċi

100

98

107

109

Total tal-pajjiżi kollha eskluż il-pajjiż ikkonċernat

Volum f’tunnellati

238 937

307 576

303 666

295 248

Indiċi

100

129

127

124

Sehem mis-suq %

8,2

9,9

9,5

9,6

Indiċi

100

120

116

117

Prezz Medju

3 449

3 420

3 644

3 644

Indiċi

100

99

106

106

Sors: Eurostat

(305)

Il-volumi tal-importazzjoni ta’ pajjiżi terzi nbidlu kemxejn minħabba r-reviżjonijiet imsemmija qabel. Is-sehem mis-suq ta’ dawn l-importazzjonijiet kien affettwat ukoll b’riżultat ta’ dan. Madankollu, dawn il-bidliet kienu żgħar u kellhom saħansitra inqas impatt f’termini ta’ xejra. Is-sehem mis-suq tal-pajjiżi terzi wara r-reviżjoni żdied minn 8,2 għal 9,6 %. Dawn il-bidliet minuri ma jaffettwawx materjalment l-analiżi tal-kawżalità kif rivelata qabel.

(306)

Anki kieku l-volumi taħt il-Kodiċi NM 7610 90 90 kienu totalment esklużi mill-analiżi, il-volumi ta’ importazzjoni minn pajjiżi terzi ma jinbidlux u jkun hemm biss bidliet minimi fl-ishma tagħhom mis-suq. Il-konklużjoni dwar il-kawżalità mill-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi mhijiex affettwata u għalhekk ikkonfermata.

(307)

Wara r-rivelazzjoni finali addizzjonali, Haomei Group ikkummenta li s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet miċ-Ċina sempliċiment żdied għad-detriment tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, minflok ma kellu impatt fuq is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni. Madankollu, din id-dikjarazzjoni hija fattwalment skorretta, u ma setgħetx tiġi aċċettata, meta wieħed iżomm f’moħħu li s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas bi 3 % kif muri fit-Tabella 5bis.

(308)

Wara r-rivelazzjoni finali addizzjonali, Haomei Group u Airoldi kkummentaw li s-sehem mis-suq Ċiniż u l-volumi ta’ importazzjoni kienu naqsu fuq il-bażi tal-EU27 sal-punt li s-sitwazzjoni ma setgħetx tkun dannuża għall-industrija tal-Unjoni u li, min-naħa l-oħra s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni baqa’ fuq il-85 % fil-PI. Saret referenza għall-premessi (201) u (280) u għat-Tabella 5bis hawn fuq. Barra minn hekk, il-fatt li, il-volumi tal-importazzjoni f’termini assoluti huma aktar baxxi f’din id-determinazzjoni finali milli stmat fl-ilment u fl-istadju proviżorju, jirrifletti n-natura stess tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ, li hekk kif javvanzaw jirfinaw l-analiżi tagħhom hekk kif l-informazzjoni mill-partijiet tinġabar, tiġi pproċessata u vverifikata progressivament. Tabilħaqq, dan ta’ hawn fuq ma għandu l-ebda impatt fuq ir-rata ta’ tkabbir tal-importazzjonijiet, li tibqa’ sinifikanti. Tabilħaqq, ta’ min ifakkar li s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi kien żdied bi 48 % matul il-perjodu kkunsidrat u t-tnaqqis żgħir fis-sehem mis-suq Ċiniż ma għandux impatt materjali fuq id-dannu misjub, mhux l-inqas fid-dawl tal-elementi tad-dannu fil-prezz imsemmija fil-premessa (253). Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ġiet irrifjutata.

(309)

Barra minn hekk, wara r-rivelazzjoni finali addizzjonali, Haomei Group ikkummenta, bl-użu ta’ data estratta mir-Rapporti Annwali Konsolidati tal-Grupp Hydro, li s-sehem mis-suq tal-Grupp Hydro kien żdied. Madankollu, is-sehem mis-suq tal-produtturi tal-Unjoni naqas matul il-perjodu kkunsidrat kif muri fit-Tabella 5bis hawn fuq. Is-sehem mis-suq ta’ produtturi individwali tal-Unjoni jew ta’ gruppi ta’ produtturi mhuwiex kwistjoni rilevanti għal din l-analiżi tal-kawżalità. Għaldaqstant, dan il-punt ġie rifjutat.

7.2.2.   Impatt tal-Konsum

(310)

Iċ-ċifri riveduti relatati mal-konsum ma kellhom l-ebda impatt materjali fuq il-konklużjoni żvelata qabel. Anki jekk il-volumi taħt il-Kodiċi NM 7610 90 90 kienu totalment esklużi mill-analiżi, il-konsum fis-suq ħieles kien ikun f’livelli simili ħafna u kien jiżdied. Il-konklużjonijiet żvelati qabel huma għalhekk ikkonfermati.

7.3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(311)

Peress li l-aspetti l-oħra kollha żvelati preċedentement huma applikabbli bl-istess mod fil-kuntest tal-EU27, il-konklużjonijiet dwar il-kawżalità kif rivelati preċedentement huma kkonfermati.

8.   L-INTERESS TAL-UNJONI ibbażat fuq l-EU28

(312)

Il-kontroverifiki remoti addizzjonali msemmija fil-premessa (13) ipprovdew opportunità utli biex ikomplu jiġu eżaminati l-kwistjonijiet rilevanti tal-interess tal-Unjoni.

8.1.   L-interess tal-industrija u tal-fornituri tal-Unjoni

(313)

Erba’ fornituri tal-aluminju fl-Unjoni wrew l-appoġġ tagħhom għall-impożizzjoni tal-miżuri. Dawn il-kummenti kienu appoġġati minn European Aluminium, li indikat li kważi 30 % tal-output ta’ dawn il-fornituri nbiegħ lill-industrija tal-Unjoni għall-użu fil-manifattura tal-prodott li qed jiġi investigat. Għalhekk, kien evidenti li l-eżitu tal-investigazzjoni se jkollu impatt pożittiv ukoll fuq il-katina kollha tal-valur tal-aluminju fl-Unjoni.

(314)

Barra minn hekk, skont studju tal-OECD (36), il-produtturi tal-aluminju fl-Unjoni jużaw aktar materja prima riċiklata u metodi ta’ produzzjoni aktar sostenibbli minn dawk Ċiniżi. B’mod partikolari, filwaqt li l-Ewropa hija waħda minn ta’ quddiem nett fir-riċiklaġġ tal-aluminju, b’sehem għoli ta’ materjal riċiklat, iċ-Ċina tiddependi prinċipalment fuq il-produzzjoni tal-aluminju primarju, li hija attività intensiva ħafna fl-enerġija. Għal din ir-raġuni, ir-rekord ambjentali tal-produtturi Ewropej jippermetti lill-Unjoni timxi b’mod aktar deċiżiv lejn l-għan ta’ ekonomija nadifa u ċirkolari, kif indikat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Patt Ekoloġiku Ewropew (37).

(315)

Wara r-rivelazzjoni finali O. Wilms ikkontestat ir-rilevanza tal-kwistjoni tar-riċiklaġġ imsemmija hawn fuq għal din l-investigazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li r-riċiklaġġ tal-aluminju huwa rilevanti għall-Patt Ekoloġiku Ewropew.

(316)

Wara r-rivelazzjoni finali Alstom u UNIFE kkummentaw li l-industrija tal-Unjoni mhux se tibbenefika mill-miżuri (imposti fuq l-industrija tat-trasport ferrovjarju) minħabba li dawn l-importazzjonijiet huma biss parti żgħira tal-prodott ikkonċernat (stmat mill-UNIFE għal madwar 1,3 %). Madankollu, il-Kummissjoni tqis li meta wieħed iżomm f’moħħu li xi produtturi tal-Unjoni jbigħu kwantitajiet sinifikanti f’dan is-settur li tali produtturi tabilħaqq jibbenefikaw mill-impożizzjoni ta’ miżuri, mhux l-inqas billi fin-nuqqas ta’ kummerċ inġust x’aktarx li jespandu l-bejgħ tagħhom għal dan is-settur.

(317)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra rigward l-interess tal-industrija tal-Unjoni, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (305) sa (309) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

8.2.   L-interess ta’ importaturi mhux relatati

(318)

Qed issir referenza għall-premessa (9) fejn wara r-rivelazzjoni proviżorja żewġ importaturi ppreżentaw ruħhom biex jagħmlu l-kummenti tagħhom. Fir-Regolament proviżorju, ġie indikat li l-importaturi mhux relatati li ppreżentaw formola tal-kampjunar sabiex jikkooperaw mal-investigazzjoni rrappreżentaw madwar 2 % tal-importazzjonijiet miċ-Ċina. Wara r-Regolament proviżorju, żewġ importaturi oħra ppreżentaw ruħhom, meta l-eżerċizzju tal-kampjunar kien diġà magħluq, mingħajr ma bagħtu tweġiba għall-kwestjonarju. Bħala riżultat tal-livell ikkoreġut tal-importazzjonijiet miċ-Ċina msemmi fil-premessa (208), il-perċentwal tal-importazzjonijiet irrappreżentat mill-importaturi mhux relatati li ssottomettew il-volumi tal-importazzjonijiet fil-formola tal-kampjunar huwa ta’ 3,6 %.

(319)

Importatur wieħed, Airoldi, sostna li kien hemm differenza bejn produtturi ta’ ligi ibsin u dawk rotob fl-Unjoni, u li fil-parti tal-ligi ibsin tas-suq ikun hemm riskju ta’ skarsezza u ta’ prezzijiet għoljin, kif muri miż-żmien itwal ta’ stennija għax-xiri fis-suq tal-Unjoni. European Aluminium enfasizzat li l-industrija tal-Unjoni kienet impenjata lejn is-suq tal-ligi ibsin, u identifikat diversi produtturi li investew ħafna fil-produzzjoni tal-ligi ibsin, billi jingħata l-eżempju tal-preses tal-estrużjoni installati reċentement minn erba’ produtturi tal-Unjoni. European Aluminium innotat ukoll li, anke mingħajr dawn l-għażliet ta’ provvista żejda, kien hemm kompetizzjoni ħarxa bejn il-produtturi tal-UE u kapaċità disponibbli liberament suffiċjenti.

(320)

Il-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni tal-ligi ibsin u dawk rotob, li d-distinzjoni tagħhom hija simplifikazzjoni kummerċjali bbażata l-aktar fuq il-kompożizzjoni kimika tal-liga tal-aluminju. L-investigazzjoni wriet li diversi produtturi tal-Unjoni jipproduċu ż-żewġ tipi ta’ ligi. It-tieni, l-evalwazzjoni tal-eżempji taż-żmien ta’ stennija pprovduti mill-kumpanija importatriċi tista’ tirrifletti ċ-ċirkostanzi partikolari tan-negozju u n-negozjati bejn il-partijiet u ma indikatx xejra konsistenti ta’ żmien ta’ stennija li joħolqu tfixkil fil-konfront tal-miżuri. Filwaqt li huwa possibbli li għal xi prodotti aktar sofistikati d-disponibbiltà tal-produtturi u l-prodotti tkun aktar baxxa milli għal estrużjonijiet aktar standard, madankollu, huwa meqjus li t-tfixkil potenzjali jkun biss temporanju u l-eżistenza tal-miżuri tagħti lill-produtturi tal-Unjoni l-opportunità li jinvestu biex jissodisfaw id-domanda, mingħajr ir-riskju li jiġu kompromessi b’importazzjonijiet bi prezz baxx inġust.

(321)

L-istess importatur argumenta wkoll li l-eżistenza ta’ kwoti tariffarji awtonomi (38) u s-sospensjonijiet tariffarji (39) għal xi prodotti limitati tikkostitwixxi evidenza ta’ nuqqas ta’ provvista ta’ dawn il-prodotti fis-suq Ewropew. F’dan ir-rigward, l-għoti ta’ dawn is-sospensjonijiet tariffarji ma jidhirx li huwa l-konsegwenza ta’ nuqqas ta’ provvista iżda pjuttost ir-riżultat ta’ proċess li fih European Aluminium ma kenitx tieħu sehem. Tabilħaqq, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni l-volum totali tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat taħt is-sospensjonijiet u l-kwoti tariffarji eżistenti kien jammonta biss għal madwar 1 % tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat, u għal anqas minn 0,1 % tal-konsum. Għalhekk, ir-rilevanza tal-prodotti li jibbenefikaw minn dawn il-miżuri, meta mqabbla mal-interess ġenerali tan-negozji fl-Unjoni, hija minima. Barra minn hekk, l-għadd ta’ produtturi Ewropej (aktar minn 200) u l-kapaċità mhux użata disponibbli tal-industrija tal-Unjoni (madwar terz tal-kapaċità installata), jindikaw li wara li jitneħħa mis-suq l-impatt tal-prezzijiet inġustament baxxi, il-produtturi tal-Unjoni jkollhom l-inċentiv li jaqdu lil dawn l-applikazzjonijiet speċjalizzati.

(322)

L-istess importatur sostna wkoll li l-Kummissjoni ma kinitx intitolata twettaq test “negattiv” tal-interess tal-Unjoni u tikkonkludi, bħal fil-premessa (329) tar-Regolament proviżorju, li ma kien hemm l-ebda raġuni konvinċenti biex jiġi deċiż li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li jiġu imposti miżuri proviżorji fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, l-istess parti sostniet li l-Kummissjoni ma qisitx kif xieraq li l-kumpanija importatriċi introduċiet il-prodott ikkonċernat fis-suq tal-Unjoni, għall-kuntrarju tal-importaturi li jbigħu l-prodotti rilevanti lil pajjiżi terzi, u naqset milli tibbilanċja dan l-interess fil-konfront ta’ partijiet Ewropej oħra. Fir-rigward ta’ dan l-argument, l-investigazzjoni ma wriet l-ebda evidenza ta’ importaturi li jesportaw ulterjorment mill-ġdid il-prodott ikkonċernat lejn pajjiżi terzi. Barra minn hekk, it-test tal-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku huwa b’mod inerenti test negattiv, u li f’dan il-każ l-interessi rilevanti kollha fl-Unjoni ġew ikkunsidrati fit-twettiq ta’ tali test.

(323)

Rigward l-impatt tal-miżuri fuq l-importaturi, il-kontroverifika remota msemmija fil-premessa (13) ikkonfermat id-determinazzjonijiet proviżorji. Kumpanija importatriċi waħda sostniet li qatt ma rrapportat il-marġni ta’ profitt imsemmi fil-premessa (317) tar-Regolament proviżorju, li t-trasferiment tad-dazju lill-utenti jkun ta’ detriment għall-interess tal-utenti u li l-bidu tal-investigazzjoni min-naħa tal-ilmentaturi kkostitwixxa abbuż tad-drittijiet bil-għan li tissaħħaħ oligopolija fis-suq. Fir-rigward tal-marġni tal-profitt, l-investigazzjoni kkonfermat li l-marġni tal-profitt imsemmi fil-premessa (317) tar-Regolament proviżorju kien dak xieraq meta jitqies il-bejgħ mill-ġdid tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni. Barra minn hekk, filwaqt li l-interess tal-utenti huwa kkunsidrat fit-taqsima rilevanti tar-Regolament preżenti, kif diġà ġie asserit fil-premessa (316) tar-Regolament proviżorju, ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza li turi l-eżistenza ta’ oligopolji abbużivi u lanqas ta’ mġiba antikompetittiva. Barra minn hekk, ma għadha għaddejja l-ebda investigazzjoni rilevanti. Fi kwalunkwe każ, l-għadd ta’ seba’ fornituri għal ċerti prodotti ma huwiex partikolarment baxx f’dawn iċ-ċirkostanzi, speċjalment meta wieħed iżomm f’moħħu li xi produtturi kienu kbar u kellhom kapaċità żejda.

(324)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, bosta importaturi mhux relatati ppreżentaw ruħhom u nstemgħu individwalment u/jew ingħataw seduta ta’ smigħ konġunta. Fil-qafas ta’ dawn is-seduti ta’ smigħ, l-argumenti mqajma kienu n-nuqqas ta’ provvista suffiċjenti fis-suq tal-Unjoni, speċjalment ta’ prodotti ta’ ligi ibsin, kif ukoll il-livell għoli tar-rati tad-dazju proviżorju, li jagħmel l-importazzjonijiet mhux aktar vijabbli kummerċjalment. Kif spjegat fil-premessa (321), l-argument dwar provvista insuffiċjenti ma jistax jiġi aċċettat. Fir-rigward tal-livelli tal-prezzijiet qabel l-impożizzjoni tal-miżuri, il-prezzijiet inġustament baxxi pprattikati mill-produtturi esportaturi Ċiniżi ħolqu possibbiltà abbundanti ta’ bejgħ mill-ġdid għall-importaturi, kif juru l-marġnijiet ta’ profitt għoli tal-importaturi inklużi fil-kampjun, li jaqbżu b’mod sinifikanti l-marġnijiet ta’ profitt miksuba mill-industrija tal-Unjoni. Madankollu, billi l-investigazzjoni sabet li dawn il-prezzijiet huma r-riżultat ta’ prattiki inġusti ta’ dumping, l-aċċess għall-prodotti b’dawn il-prezzijiet ma jistax jitqies bħala sitwazzjoni normali tas-suq.

(325)

Kumpanija importatriċi oħra, O. Wilms GmbH, asserixxat li l-impożizzjoni tal-miżuri fuq prodott li huwa importa jkollha impatt sinifikanti fuq il-klijent tagħhom, li huwa l-utent tal-prodott, minħabba n-nuqqas ta’ fornituri alternattivi fl-Unjoni. Il-kumpanija importatriċi sostniet li l-impożizzjoni tal-miżuri tirriskja li tikkawża r-rilokazzjoni tal-proċess imwettaq mill-klijent tagħhom barra mill-Unjoni, bl-impatt negattiv konsegwenti fuq l-ekonomija u l-impjiegi. Fir-rigward ta’ dan, l-argument ma kienx sar mill-utent tal-prodott li jipproduċi l-prodott downstream, iżda mill-importaturi li jfornu lill-utent. Bħala tali, il-kredibbiltà tal-asserzjoni li tikkonċerna r-rilokazzjoni ma setgħetx tiġi stabbilita. Barra minn hekk, skont European Aluminium, l-industrija tal-Unjoni tista’ teknikament tforni l-prodotti kollha li jaqgħu fl-ambitu tal-investigazzjoni. Barra minn hekk, billi dan l-utent tal-prodott ikkonċernat la pprovda tweġiba għall-kwestjonarju u lanqas ma kkoopera mal-investigazzjoni, ma kienx possibbli li jiġi evalwat b’mod preċiż l-impatt tal-miżuri fuq in-negozju tiegħu.

(326)

Wara r-rivelazzjoni finali l-importatur O. Wilms u Haomei Group sostnew li l-industrija tal-Unjoni mhux se tibbenefika mill-miżuri minħabba li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi se jissostitwixxu l-importazzjonijiet miċ-Ċina. Dan l-argument ma setax jiġi aċċettat minħabba li l-miżuri se jneħħu l-pressjoni fuq il-prezzijiet eżerċitata mill-importazzjonijiet Ċiniżi u jippermettu lill-industrija tal-Unjoni żżid il-prezzijiet, tinvesti u tikkompeti f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

(327)

Barra minn hekk wara r-rivelazzjoni finali bosta importaturi fakkru li l-importazzjonijiet tagħhom kienu jikkonsistu prinċipalment fi staneg u vireg taħt il-kodiċi NM 7604 29 10 li għalihom hemm ħtieġa fis-suq tal-Unjoni u li l-importazzjonijiet totali mis-sorsi kollha taħt dan il-kodiċi kienu naqsu matul il-perjodu 2017-2019. Il-partijiet fakkru li l-importazzjonijiet miċ-Ċina kienu żdiedu biss sal-punt li kienu ħadu post l-importazzjonijiet mir-Russja u li għalhekk ma kinux dannużi. Il-Kummissjoni tfakkar fil-kummenti preċedenti tagħha rigward dawn il-kwistjonijiet u tinnota wkoll li dan l-argument, li jirrigwarda biss parti mill-perjodu kkunsidrat, jindika li l-importazzjonijiet miċ-Ċina żdiedu. Madankollu, ta’ min ifakkar li l-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-ħsara u l-kawżalità twettqet għall-prodott ikkonċernat kollu kemm hu, irrispettivament mill-klassifikazzjoni doganali u analiżi parzjali ta’ kodiċi wieħed, ikunu xi jkunu s-sejbiet potenzjali tagħha, huma deċiżivi fir-rigward tal-analiżi ġenerali.

(328)

L-importaturi tennew ukoll id-dikjarazzjoni tagħhom li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet miċ-Ċina taħt il-kodiċi NM 7604 29 10 ma kinux dannużi u kienu ta’ kwalità għolja. Għal darb’oħra, il-Kummissjoni tixtieq tindika li l-paraguni tal-prezzijiet tagħha msemmija fil-premessa (224) koprew il-kampjun sħiħ tal-produtturi esportaturi bl-użu ta’ metodoloġija dettaljata tat-tip u tat-tranżazzjoni skont it-tranżazzjoni għall-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-Kummissjoni tikkonferma, għalhekk, li s-sejbiet tagħha dwar kwistjonijiet ta’ prezzijiet huma ċari, rappreżentattivi u preċiżi.

(329)

L-importaturi tennew id-dikjarazzjoni tagħhom li l-miżuri anti-dumping ma kinux meħtieġa minħabba li d-distanza ġeografika taċ-Ċina kienet ostaklu suffiċjenti għall-kummerċ. Fid-dawl tas-sejbiet tal-volum u tad-dannu fil-prezz ta’ din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni tfakkar li d-distanza ġeografika la żammet lill-importazzjonijiet Ċiniżi milli jiksbu sehem mis-suq u lanqas milli jbigħu bi prezzijiet li waqqgħu bil-kbir il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. B’konsegwenza ta’ dan, huwa biss bl-impożizzjoni ta’ dazji li jistgħu jiġu stabbiliti mill-ġdid kundizzjonijiet ekwi.

(330)

L-importaturi u Haomei Group sostnew li l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji żiedet iż-żmien ta’ tħejjija għal ċerti tipi ta’ prodotti u, ladarba d-domanda tal-Unjoni tirkupra, dan se jwassal għal problemi ta’ provvista għal ċerti tipi ta’ prodotti li jirriżultaw fi skarsezzi u prezzijiet ogħla. Madankollu, ta’ min ifakkar li l-miżuri anti-dumping huma mfassla biex iżidu l-prezzijiet tal-importazzjoni sabiex jiżguraw li terġa’ tiġi stabbilita l-kompetizzjoni ġusta. Huwa inevitabbli li jseħħ grad ta’ tfixkil fis-suq matul perjodu inizjali. Kif spjegat fil-premessa (320), l-effett ta’ tali tfixkil potenzjali ma jkunx sproporzjonat fid-dawl tal-benefiċċji li għandhom jinkisbu mill-impożizzjoni tal-miżuri.

(331)

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-konklużjonijiet imsemmija fil-premessa (317) tar-Regolament proviżorju dwar l-impatt tal-miżuri fuq in-negozju tal-importaturi għandhom jiġu mantenuti.

8.3.   L-interess tal-utenti

(332)

Kif imsemmi fil-premessa (318) tar-Regolament proviżorju, il-prodott li qed jiġi investigat ġej minn diversi industriji tal-utenti, prinċipalment il-bini, it-trasport, l-inġinerija u għal diversi applikazzjonijiet oħra.

(333)

Rigward tliet setturi importanti tal-utenti, jiġifieri l-kostruzzjoni, il-karozzi u l-inġinerija, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji.

(334)

Madankollu l-Kummissjoni rċeviet kummenti minn għadd ta’ utenti li jfornu prodotti għal applikazzjonijiet oħra. Dawn il-partijiet enfasizzaw tliet tipi ta’ problemi potenzjali: id-disponibbiltà tal-provvista, iż-żmien twil meħtieġ għall-akkwist tal-prodotti mill-produtturi tal-Unjoni u prezzijiet ogħla. Minbarra l-utent Alstom imsemmi fil-premessa (337), l-ebda parti oħra ma ssottomettiet tweġiba għall-kwestjonarju tal-utenti.

(335)

Xi partijiet sostnew ukoll li, bħala riżultat tal-kostijiet addizzjonali minħabba d-dazji, il-prodott lest li jipproduċu, u li juża l-prodott ikkonċernat bħala input, ibati minn kompetizzjoni addizzjonali minn prodotti lesti importati li diġà jinkludu l-prodott ikkonċernat fil-ħin tal-importazzjoni, u għalhekk ma jġarrbux dazji anti-dumping. Dan jista’ jikkawża effetti negattivi kritiċi għall-attivitajiet tal-kumpaniji.

(336)

Fejn il-Kummissjoni rċeviet data li tagħmilha possibbli li ssir analiżi tal-impatt tad-dazji, din l-analiżi wriet li l-impatt tad-dazji x’aktarx li jkun ġestibbli. Madankollu, minħabba s-sitwazzjonijiet u l-asserzjonijiet differenti ppreżentati mill-partijiet, aktar dettalji dwar kull asserzjoni huma pprovduti fil-paragrafi li ġejjin. Wara r-rivelazzjoni finali, importatur ikkontesta l-użu tal-kelma “ġestibbli” għaliex iqis li l-impatt fuq l-utenti finali u l-klijenti ma jistax jiġi kkwalifikat bħala tali. Madankollu, peress li ma pprovdiex elementi addizzjonali b’appoġġ għal din id-dikjarazzjoni, l-analiżi tal-paragrafi li ġejjin għandha tiġi kkonfermata.

L-industrija tat-trasport ferrovjarju

(337)

Fir-rigward tal-industrija tat-trasport ferrovjarju, il-manifattur tal-ferroviji Alstom sostna li xi estrużjonijiet ma jkunux disponibbli biżżejjed fiż-żminijiet meħtieġa jekk jinxtraw mill-produtturi tal-Unjoni, u li fil-passat kien sofra minn rifjuti ta’ forniment. Fil-qafas tas-sottomissjoni tiegħu, Alstom ipprovda siltiet kunfidenzjali ta’ korrispondenza mal-produtturi tal-Unjoni, li fihom dawn il-produtturi allegatament irrifjutaw li jipprovdu ċerti prodotti jew li jissodisfaw ċerti speċifikazzjonijiet, jew li pproponew soluzzjonijiet alternattivi. Madankollu, Alstom indika li mill-anqas produttur wieħed tal-Unjoni huwa kapaċi jforni l-firxa sħiħa ta’ prodotti li jeħtieġ. Għalhekk, fis-sitwazzjoni li diġà teżisti, dan l-utent jista’ jakkwista l-prodotti kollha tiegħu mingħand il-produtturi tal-Unjoni. Fir-rigward taż-żmien twil ta’ stennija potenzjali, il-miżuri jippermettu lill-industrija tal-Unjoni twettaq l-investimenti meħtieġa, ladarba titneħħa l-kompetizzjoni inġusta fl-ipprezzar. Filwaqt li f’xi każijiet ma jistgħux jiġu esklużi żminijiet itwal ta’ stennija, l-investigazzjoni tindika li dan probabbilment ikun limitat għal perjodu inizjali, hekk kif l-utent (jerġa’) jibni r-relazzjoni teknika u kummerċjali meħtieġa mal-industrija tal-Unjoni, u hekk kif din tal-aħħar twettaq aktar investiment.

(338)

L-utent Alstom sostna wkoll li, jekk kellu jġarrab żieda fil-kostijiet bħala riżultat tal-miżuri, l-impatt ekonomiku li jirriżulta minnu jista’ jkun estremament negattiv għall-kompetittività tiegħu fis-suq għar-rolling stocks, b’mod partikolari minħabba l-marġnijiet ta’ profitt żgħar fis-settur ferrovjarju.

(339)

Id-disponibbiltà ta’ prodotti bi prezzijiet inġustament baxxi ma tistax titqies bħala sitwazzjoni normali tas-suq li fuqha wieħed jista’ jibbaża. Barra minn hekk, l-investigazzjoni ddeterminat li, anki jekk Alstom kellha tkompli tixtri l-istess proporzjon tal-prodott ikkonċernat mill-pajjiż ikkonċernat, l-impatt tad-dazji jkun ferm inqas minn 1 % tal-kost tal-produzzjoni tagħha ta’ vetturi ferrovjarji b’karozzerija tal-aluminju u inqas minn 0,1 % tal-fatturat totali tal-kumpanija. Dan la jaffettwa b’mod fundamentali l-profitti tal-kumpanija u lanqas il-kapaċità tagħha li tipparteċipa b’suċċess fl-offerti.

(340)

Bħala konklużjoni, l-analiżi dwar l-impatt possibbli tal-miżuri fuq dan l-utent ippermettiet lill-Kummissjoni tikkonkludi li dan l-impatt ma jkunx sproporzjonat anke fl-aktar xenarju sfavorevoli tant li jkollha titkompla l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat.

(341)

Wara r-rivelazzjoni finali, il-Kummissjoni qieset ukoll il-kummenti minn Alstom rigward l-impatt tal-miżuri fuq l-industrija tat-trasport ferrovjarju u l-Unjoni b’mod ġenerali. Alstom indikat li dawn jistgħu jiffaċċjaw problemi ta’ sigurtà tal-provvista minħabba li l-estrużjonijiet għal chassis tal-karrozzi jeħtieġ li jiġu fornuti minn produttur uniku.

(342)

Barra minn hekk, fis-sottomissjonijiet kunfidenzjali tagħha, Alstom għamlet dikjarazzjonijiet dwar il-fatt li l-possibbiltà ta’ provvista minn produttur wieħed tal-Unjoni kienet żbaljata minħabba informazzjoni kunfidenzjali relatata mal-akkwist ta’ Alstom u r-relazzjonijiet mal-fornituri. Irrispettivament mill-fatt li din il-pretensjoni ma ġietx irrapportata jew imqassra f’verżjoni mhux kunfidenzjali, mill-evidenza aneddotali mhux kompluta pprovduta, fi kwalunkwe każ ma kienx possibbli li tinsilet konklużjoni ġenerali dwar il-validità tal-pretensjoni.

(343)

Alstom sostniet ukoll li l-miżuri jaffettwaw il-kapaċità tagħha li tirbaħ kuntratti pubbliċi. Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li kuntratti bħal dawn jingħataw abbażi ta’ diversi fatturi, mhux biss fuq il-prezz, u li l-impatti tal-prezzijiet mhux neċessarjament ikunu fattur deċiżiv.

(344)

Alstom sostniet ukoll li l-miżuri se jdewmu d-dħul fis-servizz ta’ mezz ta’ trasport tal-massa li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent. Dan ifixkel il-kisba mill-Kummissjoni tal-għanijiet tagħha fis-settur tat-trasport peress li l-Gvernijiet x’aktarx idewmu jew jikkanċellaw l-investimenti fil-vetturi ferrovjarji.

(345)

Madankollu, b’kont meħud tal-valutazzjoni tal-impatt imsemmija fil-premessa (339) (340), il-Kummissjoni ssostni l-pożizzjoni tagħha li l-impożizzjoni tal-miżuri ma taggravax, sa ċertu punt, is-sigurtà tal-provvista ta’ Alstom jew il-kapaċità tagħha li tirbaħ kuntratti pubbliċi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-kompetittività tal-industrija ma tkunx affettwata taħt il-kundizzjonijiet ġodda tas-suq ġust li jkunu japplikaw, u għalhekk, ma jkun hemm l-ebda impatt sinifikanti fuq l-għanijiet tal-Kummissjoni fis-settur tat-trasport.

(346)

L-UNIFE rrimarkat li s-settur ferrovjarju huwa strateġiku biex tinkiseb l-ambizzjoni tal-Unjoni li tkun newtrali għall-klima sal-2050 u li l-miżuri jipperikolaw id-dħul rapidu fis-servizz tal-vetturi ferrovjarji li jsiru mill-aluminju minħabba nuqqas ta’ provvista.

(347)

Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li l-estrużjonijiet għall-industrija ferrovjarja għandhom ikunu disponibbli mill-industrija tal-Unjoni jew miċ-Ċina (bid-dazju anti-dumping imħallas) u li għalhekk in-nuqqas ta’ provvista, jekk ikun hemm, mhuwiex aggravat mill-miżuri.

(348)

UNIFE u Alstom sostnew ukoll li jkun hemm konsegwenzi ekonomiċi severi għas-settur ferrovjarju. Id-dikjarazzjonijiet ewlenin kienu li l-miżuri jipperikolaw l-impjiegi u l-għarfien espert, u jirriżultaw f’nuqqas ta’ kompetittività meta mqabbla mal-manifatturi tal-ferroviji barra mill-Unjoni. Madankollu, is-sejbiet tal-Kummissjoni fil-premessa (339) juru li l-miżuri mhux se jkollhom impatt sinifikanti fuq l-industrija ferrovjarja. Għalhekk, il-Kummissjoni tirrifjuta l-pretensjoni li l-miżuri se jkollhom impatt sinifikanti fuq il-kompetittività u l-impjiegi.

Tfixkil fis-suq

(349)

Bosta partijiet interessati, li jidhru li jimportaw profili tal-aluminju mill-istess produttur esportatur, ippreżentaw kummenti wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, u sostnew li s-suq tal-Unjoni kien ġie mfixkel bil-miżuri proviżorji. Dawn l-utenti sostnew li l-impożizzjoni ta’ dazji mingħajr perjodu tranżizzjonali u f’nofs it-tfixkil ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 tolqot lin-negozju tagħhom b’mod sinifikanti u tfixkel il-kapaċità tal-kumpaniji li jirrispettaw il-kuntratti li diġà daħlu għalihom. B’mod partikolari, huma sostnew li l-isforzi kollha użati fil-bini ta’ relazzjoni bejn il-klijent u l-fornitur jintilfu u jkollhom jiġu ripetuti. Għal dawn ir-raġunijiet, huma talbu jew perjodu tranżizzjonali biex jippermettilhom jaġġustaw għad-dazji jew determinazzjoni li ma kienx hemm dumping għall-produttur esportatur li jfornihom, billi nstab li ma kienx qed isir dumping f’investigazzjoni anti-dumping mill-awtoritajiet Awstraljani.

(350)

Fir-rigward ta’ dawn l-asserzjonijiet, is-sejba li ma kienx hemm dumping f’investigazzjoni f’pajjiż terz ma għandhiex impatt fil-każ preżenti. Il-fatt li kumpanija allegatament mhix qed tagħmel dumping fis-suq ta’ pajjiż terz ma jfissirx li ma tkunx qed tagħmel dumping tal-prodott ikkonċernat fis-suq tal-Unjoni. Din id-determinazzjoni trid titwettaq mill-awtoritajiet investigattivi ta’ kull ġuriżdizzjoni u s-sejbiet tagħhom ma jistgħux jorbtu lill-awtoritajiet ta’ xi pajjiż ieħor. Fir-rigward tal-impatt tal-miżuri fuq in-negozju tal-kumpaniji, filwaqt li l-bidla fil-fornitur tista’ tirrappreżenta ċerti sfidi għall-manifatturi żgħar u ta’ daqs medju, kif innutat hawn fuq, l-investigazzjoni tindika li dan x’aktarx ikun limitat għal perjodu inizjali, hekk kif l-utenti jibnu (mill-ġdid) ir-relazzjoni meħtieġa mal-industrija tal-Unjoni.

(351)

Minbarra d-dikjarazzjonijiet irrapportati fil-premessa (349), utent wieħed sostna li bħala riżultat tal-impożizzjoni tal-miżuri, il-prodotti lesti importati jissostitwixxu l-profili importati u l-Unjoni ssofri telf ta’ impjiegi fuq ix-xogħol tal-ipproċessar imwettaq minn din il-kumpanija. Barra minn hekk, peress li l-prodotti lesti prodotti f’pajjiż terz allegatament ma jsegwux l-istandards ambjentali stretti fis-seħħ fl-Unjoni, ikun hemm effett ambjentali negattiv bħala riżultat tal-impożizzjoni tad-dazji. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi dawn il-possibbiltajiet; madankollu, minħabba l-fatt li dan l-utent ipprovda biss ittra u ma weġibx għat-tweġiba għall-kwestjonarju, ma huwiex possibbli li jiġi evalwat l-impatt tal-miżuri fuq in-negozju tiegħu.

(352)

Utent ieħor, minbarra d-dikjarazzjonijiet irrapportati fil-premessa (349), sostna li bħala riżultat tal-impożizzjoni tal-miżuri, il-produzzjoni ta’ prodotti lesti li jinkludu l-prodott ikkonċernat u li attwalment kienet qed isseħħ fi Stat Membru wieħed tal-Unjoni tista’ tiġi spostata lejn iċ-Ċina sabiex jiġu evitati d-dazji, b’telf sinifikanti ta’ impjiegi. Madankollu, skont l-informazzjoni pprovduta minn din il-kumpanija fil-kummenti tagħha, il-prodotti mibjugħa minnhom, li jinkludu l-prodott ikkonċernat, jirrappreżentaw biss [6 – 11 %] tal-fatturat tal-kumpanija. Il-kumpanija spjegat f’seduta ta’ smigħ li l-bejgħ ta’ dawn il-prodotti kien madankollu kruċjali għaliha minħabba li kien marbut ma’ firxa sħiħa ta’ prodotti li tforni lill-klijenti tagħha. Fi kwalunkwe każ, il-ħlas tad-dazji għal perjodu ta’ aġġustament filwaqt li jiġu esplorati sorsi oħra ta’ provvista jkun jirrappreżenta f’xenarju konservattiv ħafna (jiġifieri mingħajr ma jiġi kkunsidrat il-valur miżjud fuq il-prodotti importati) kost miżjud daqs [1 – 4 %] tal-fatturat, li ma jidhirx sproporzjonat. Madankollu, dan l-utent ma weġibx għat-tweġiba għall-kwestjonarju, u ma kienx possibbli li jiġi evalwat b’mod preċiż l-impatt tal-miżuri fuq in-negozju tiegħu.

(353)

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-utenti msemmija fil-premessi (349) sa (352), il-produttur esportatur li mingħandu dawn il-kumpaniji jiksbu l-estrużjonijiet tagħhom esporta biss volum limitat tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, ugwali għal [0,5–1,5 %] tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat u [< 0,2 %] tal-konsum totali tal-Unjoni. Għalhekk, l-impatt tat-tfixkil potenzjali asserit mill-utenti fuq l-interess ġenerali tal-Unjoni għandu jitqies li jaffettwa biss parti żgħira ħafna tas-suq.

(354)

Utent li jipproduċi purtieri u sistemi tal-purtieri talab perjodu tranżizzjonali ta’ sentejn biex jippermetti aġġustament għad-dazji, peress li s-sejbien ta’ fornitur xieraq kien proċess twil, speċjalment għal produttur żgħir. Fir-rigward ta’ din l-asserzjoni, ladarba ssir determinazzjoni ta’ dumping dannuż, l-għoti ta’ perjodu tranżizzjonali ma huwiex fil-limiti legali tad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni. Minħabba l-fatt li dan l-utent ma pprovdiex tweġiba għall-kwestjonarju, barra minn hekk ma huwiex possibbli li jiġi evalwat b’mod preċiż l-impatt tal-miżuri fuq in-negozji tiegħu.

Sospensjonijiet tariffarji awtonomi

(355)

Żewġ utenti li jimportaw prodotti taħt is-sospensjoni tariffarja awtonoma sostnew li ma jistgħux jakkwistaw il-prodotti li jeħtieġu mill-produtturi tal-Unjoni.

(356)

Rigward l-asserzjoni mill-ewwel kumpanija, Stako Sp. z o.o., madankollu, il-Kummissjoni tirreferi għall-premessa (71). Tabilħaqq, l-ilmentaturi identifikaw produttur wieħed tal-Unjoni li huwa kapaċi u lest li jipproduċi u jforni l-prodott. Barra minn hekk, skont l-informazzjoni pprovduta minn dan l-utent, jidher li xtara l-prodott li jeħtieġ kemm miċ-Ċina kif ukoll minn pajjiż terz ieħor, u l-importazzjonijiet minn dan il-pajjiż l-ieħor se jibqgħu mhux affettwati mill-miżuri u xorta jibbenefikaw mis-sospensjoni tariffarja, li tapplika għat-tariffi doganali mill-pajjiżi terzi kollha.

(357)

It-tieni utent li jimporta taħt is-sospensjoni tariffarja awtonoma, Bi Silque S.A., appoġġat fl-asserzjoni tiegħu minn kumpanija importatriċi mhux relatata (Airoldi Metalli), asserixxa wkoll li, b’riżultat tal-miżuri, in-negozju tiegħu se jkollu konsegwenzi negattivi f’termini ta’ telf ta’ kompetittività minħabba n-nuqqas ta’ atturi tal-Unjoni li jipproduċu l-prodotti importati. Fid-dawl tal-informazzjoni fil-fajl ipprovduta minn European Aluminium, fil-passat produttur tal-Unjoni offra li jipproduċi l-prodotti inkwistjoni iżda l-offerta tiegħu ġiet irrifjutata għal raġunijiet ta’ pprezzar. Barra minn hekk, European Aluminium tindika li bħalissa hemm mill-inqas erba’ produtturi tal-Unjoni li jistgħu u huma lesti li jipproduċu l-prodott, kif indikat fil-premessa (78).

(358)

Fir-rigward tal-impatt tal-miżuri fuq in-negozji ta’ dawn iż-żewġ kumpaniji li qed jibbenefikaw minn sospensjonijiet tariffarji, huwa rikonoxxut li l-bidla fil-fornitur li tista’ tkun meħtieġa bħala eżitu tal-miżuri tista’ tirrappreżenta ċerti sfidi u eventwalment żieda fil-kostijiet. Madankollu, id-disponibbiltà ta’ prodotti bi prezzijiet inġustament baxxi ma tistax titqies bħala sitwazzjoni normali tas-suq li fuqha wieħed jista’ jibbaża. Fl-aħħar nett, minħabba l-fatt li dawn l-utenti ma pprovdewx tweġiba għall-kwestjonarju, ma huwiex possibbli li jiġi evalwat b’mod preċiż l-impatt tal-miżuri fuq in-negozji tagħhom.

Delokalizzazzjoni tal-produzzjoni downstream

(359)

Utent li jipproduċi sistemi ta’ protezzjoni mill-insetti, pereż. għat-twieqi u l-bibien, argumenta li l-materjali ta’ input tagħhom kienu koperti mill-miżuri anti-dumping, filwaqt li l-prodott lest li jipproduċi ma kienx jaqa’ fl-ambitu tal-prodott. B’konsegwenza ta’ dan, sostna li l-impożizzjoni tad-dazji x’aktarx twassal lill-kumpanija għall-konklużjoni inevitabbli li jkollha ċċaqlaq il-produzzjoni kollha tal-prodott lest tagħha lejn pajjiżi terzi, b’telf konsegwenti ta’ impjiegi fl-Ewropa. Fir-rigward ta’ din l-affermazzjoni, il-Kummissjoni rċeviet indikazzjoni minn European Aluminium li l-industrija tal-Unjoni hija kapaċi tipproduċi t-tipi kollha ta’ prodotti attwalment importati. Barra minn hekk, dan l-utent ma speċifikax jekk il-konsegwenzi allegati li ddeskriva kinux ġejjin min-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-provvista jew miż-żieda fil-kostijiet. Fir-rigward ta’ din l-aħħar possibbiltà, id-disponibbiltà ta’ prodotti bi prezzijiet inġustament baxxi ma tistax titqies bħala sitwazzjoni normali tas-suq li fuqha jistgħu jiddependu l-kumpaniji. Barra minn hekk, dan l-utent ma pprovdiex tweġiba għall-kwestjonarju, għalhekk ma huwiex possibbli li jiġi evalwat b’mod preċiż l-impatt tal-miżuri fuq in-negozju tiegħu.

(360)

Minn barra dan, dan l-utent sostna li ħafna produtturi fl-Unjoni ma humiex kapaċi jipproduċu l-estrużjonijiet delikati b’ħitan irqaq [< 1 mm] li kienu jeħtieġu. L-investigazzjoni madankollu stabbiliet li tabilħaqq hemm produtturi fl-Unjoni li jistgħu jipproduċu estrużjonijiet bi ħxuna ta’ ħitan saħansitra anqas minn dik meħtieġa minn dan l-utent.

(361)

Wara r-rivelazzjoni finali erba’ utenti għamlu sottomissjonijiet (Decora S.A., Bash-tec GmbH, Stako Sp. z o.o. u Mat Inter) biex jindikaw l-impatt tal-miżuri fuq il-kumpaniji tagħhom u fuq l-investimenti li saru, u biex jindikaw li ma kinux kapaċi jidentifikaw produttur tal-Unjoni biex iforni l-prodotti li kellhom bżonn. Żewġ utenti semmew ir-riskji tal-għeluq tal-operazzjonijiet tal-manifattura tagħhom abbażi tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat, bil-konsegwenza ta’ telf ta’ impjiegi, minħabba li l-prodott lest li jipproduċu jitqiegħed fi żvantaġġ fir-rigward tal-prodott lest kompetittiv ta’ oriġini Ċiniża. Fis-sottomissjoni tiegħu, Haomei Group qajjem ukoll dan it-tħassib. European Aluminium wieġbet billi tenniet li l-produtturi tal-Unjoni kellhom kapaċità żejda u xi wħud minnhom ikunu jistgħu jfornu lill-utenti kkonċernati bi prodotti biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tagħhom. Huma indikaw ukoll li l-utenti ma għandhomx jistennew li jibbenefikaw minn ipprezzar inġust. Il-Kummissjoni nnutat li l-impożizzjoni ta’ miżuri tista’ tinvolvi perjodu ta’ tfixkil fis-suq u teħtieġ il-bdil tal-fornituri, li jista’ jieħu xi żmien, jinvolvi kostijiet żejda u jirriżulta fi prezzijiet tax-xiri ogħla. L-erba’ utenti ma kinux importaturi ewlenin miċ-Ċina u xi wħud mill-provvisti tagħhom tal-prodott investigat inkisbu minn sorsi mhux Ċiniżi. Barra minn hekk, l-impatt tal-miżuri fuq dawn l-utenti ma kienx sostanzjat peress li ma kinux bagħtu tweġibiet għall-kwestjonarju kif previst fin-Notifika ta’ bidu u għalhekk, kwalunkwe informazzjoni finanzjarja inkluża fis-sottomissjonijiet tagħhom ma kinitx sostanzjata biżżejjed u ma setgħetx tiġi eżaminata mill-Kummissjoni għall-preċiżjoni. Wara r-rivelazzjoni finali addizzjonali, Decora ppreżentat kummenti ġodda li jtennu l-pożizzjoni tagħha dwar l-impatt tal-miżuri proposti għaliha. Il-kummenti mhumiex relatati ma’ xi sejbiet ġodda inklużi fir-rivelazzjoni finali addizzjonali, u s-sejbiet u l-konklużjonijiet milħuqa wara r-rivelazzjoni finali jibqgħu validi.

8.4.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(362)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq u fin-nuqqas ta’ kummenti oħra, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessa (329) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

9.   INTERESS TAL-UNJONI BBAŻAT FUQ L-EU27

(363)

Peress li l-aspetti kollha żvelati preċedentement huma applikabbli bl-istess mod fil-kuntest tal-EU27, il-konklużjonijiet kif rivelati preċedentement huma kkonfermati, mhux l-inqas peress li l-livell aktar baxx ta’ dazju propost inaqqas l-impatt, jekk ikun hemm, tal-miżuri fuq l-importaturi u l-utenti, filwaqt li jipprovdi l-protezzjoni meħtieġa lill-industrija tal-Unjoni.

(364)

Wara r-rivelazzjoni finali addizzjonali Airoldi u Euranimi kkummentaw li prezzijiet ogħla, żminijiet itwal u trasport ogħla kienu rriżultaw mill-impożizzjoni tal-miżuri. Dan il-punt ma għandu l-ebda validità fir-rigward speċifiku tar-rivelazzjoni li saret u l-impatti deskritti ma seħħewx fil-perjodu kkunsidrat. Għalhekk, dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Tabilħaqq, ir-rivelazzjoni finali addizzjonali tissuġġerixxi dazji mnaqqsa u għalhekk, impatt saħansitra aktar baxx fuq l-importaturi u l-utenti fir-rigward tal-interess tal-Unjoni milli fix-xenarju tal-EU28.

10.   MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI

(365)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet li ntlaħqu fir-rigward tad-dumping, tad-dannu, tal-kawżalità u tal-interess tal-Unjoni, u f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, għandhom jiġu imposti miżuri anti-dumping definittivi sabiex jiġi evitat dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat.

(366)

Il-Kummissjoni ddeterminat il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu fuq il-bażi ta’ tqabbil tal-prezz medju ponderat tal-importazzjoni tal-produtturi esportaturi li kkooperaw, kif stabbilit għall-kalkoli ta’ twaqqigħ fil-prezzijiet, mal-prezz medju ponderat mhux inġurjuż tal-prodott simili mibjugħ mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun fis-suq tal-Unjoni (EU27) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Id-differenza li tirriżulta minn dan it-tqabbil ġiet espressa bħala perċentwal tal-valur CIF medju ponderat tal-importazzjoni.

(367)

F’termini tal-marġni residwu, il-Kummissjoni biħsiebha tibbaża l-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz residwu fil-livell ta’ 56,1 %. Dan il-marġni ġie stabbilit fil-livell tal-ogħla marġni ta’ bejgħ taħt il-prezz stabbilit għal tip ta’ prodott mibjugħ fi kwantitajiet rappreżentattivi fl-EU27, fuq il-bażi tad-data tal-produtturi esportaturi li kkooperaw.

(368)

Utent ikkummenta li profitt fil-mira ta’ 16 % ma kienx realistiku għall-industrija tal-estrużjonijiet, filwaqt li European Aluminium ipprovdiet evidenza li l-marġni ta’ profitt użat għall-kalkolu tal-prezz mhux dannuż fil-premessa (339) tar-Regolament proviżorju ma kienx adegwat, li jindika li 16 % kien meħtieġ għas-sopravivenza tal-industrija. Filwaqt li ma tidħolx fl-adegwatezza ta’ dan l-argument, il-Kummissjoni nnotat li l-użu ta’ profitt fil-mira ogħla jkun irrilevanti peress li d-dazju huwa diġà stabbilit fil-livell tal-marġnijiet tad-dumping. Għalhekk, ma hemmx bżonn li jiġu kkalkulati mill-ġdid il-livelli tal-eliminazzjoni tad-dannu.

(369)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-rati li bihom se jiġu imposti dawn id-dazji huma stabbiliti kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping (%)

Livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu (%)

Dazju anti-dumping (%)

Guangdong Haomei New Materials Co. Ltd.

21,2

29,8

21,2

Guangdong King Metal Light Alloy Technology Co. Ltd.

21,2

29,8

21,2

Press Metal International Ltd.

25,0

52,7

25,0

Press Metal International Technology Ltd.

25,0

52,7

25,0

Kooperaturi oħra

22,1

35,1

22,1

Kumpaniji l-oħrajn kollha

32,1

56,1

32,1

(370)

Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tal-konklużjonijiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Għalhekk dawn ir-rati tad-dazju huma applikabbli esklużivament għall-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat u magħmul mill-entitajiet ġuridiċi msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat manifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija b’mod speċifiku fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi entitajiet relatati ma’ dawk imsemmijin b’mod speċifiku, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(371)

Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni tar-rata ta’ dazju anti-dumping individwali tagħha jekk sussegwentement tibdel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tkun indirizzata lill-Kummissjoni (40). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata ta’ dazju li tapplika għaliha.

(372)

Sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, hemm bżonn ta’ miżuri speċjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tad-dazji anti-dumping individwali. Il-kumpaniji b’dazji anti-dumping individwali jridu jippreżentaw fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. Importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn dik il-fattura għandhom ikunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.

(373)

Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa sabiex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet, mhijiex l-uniku element li jrid jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anke jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għandhom iwettqu l-verifiki tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħra kollha, jitolbu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-trasport, eċċ.) sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jkun hemm fid-dikjarazzjoni u biex jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata tad-dazju tkun ġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali.

(374)

Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati ta’ dazju individwali aktar baxxi jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum, b’mod partikolari wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-volum tista’ titqies bħala waħda li fiha nnifisha tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’dawn iċ-ċirkostanzi, tista’ tinbeda investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet biex isir dan. Din l-investigazzjoni tista’, inter alia, teżamina l-ħtieġa għat-tneħħija ta’ rata/i ta’ dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju għall-pajjiż kollu.

(375)

Biex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazji anti-dumping, id-dazju anti-dumping għall-kumpaniji l-oħrajn kollha għandu japplika mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f’din l-investigazzjoni, iżda wkoll għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(376)

Kif imsemmi fil-premessa (202), hemm fehmiet konfliġġenti dwar in-natura tal-prodotti ddikjarati taħt il-kodiċi NM 7610 90 90. Għalhekk, hemm riskju li l-operaturi jiddikjaraw il-prodott ikkonċernat bħala subassemblaġġi jew kittijiet tal-oġġetti lesti taħt il-kodiċi NM 7610 90 90 biex jevitaw il-miżuri. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li huwa xieraq li timmonitorja l-importazzjonijiet tas-subassemblaġġi u tal-kittijiet lesti tal-oġġetti sabiex tnaqqas ir-riskju.

(377)

Wara r-rivelazzjoni finali, European Aluminium appoġġat il-ħtieġa għal tali monitoraġġ u infurzar.

10.1.   Ġbir definittiv tad-dazji proviżorji

(378)

Fid-dawl tal-marġni tad-dumping li nstabu u minħabba l-livell tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, l-ammonti ggarantiti permezz tad-dazji anti-dumping proviżorji, imposti bir-Regolament proviżorju, jenħtieġ li jinġabru b’mod definittiv sal-livelli stabbiliti skont dan ir-Regolament.

10.2.   Retroattività

(379)

Kif imsemmi fit-Taqsima 1.2, wara talba mill-ilmentatur il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet ta’ estrużjonijiet tal-aluminju soġġetti għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

(380)

Matul l-istadju definittiv tal-investigazzjoni, ġiet ivvalutata d-data miġbura fil-kuntest tar-reġistrazzjoni. Il-Kummissjoni analizzat jekk il-kriterji skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku kinux issodisfati għal ġbir retroattiv tad-dazji definittivi.

(381)

L-analiżi tal-Kummissjoni wriet li l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat naqsu bi 22 % fil-perjodu bejn Marzu u Ottubru 2020, fuq bażi ta’ kull xahar, meta mqabbel mal-perjodu ta’ investigazzjoni. Id-data li waslet mill-industrija tal-Unjoni wriet li, għalkemm il-produzzjoni u l-bejgħ tagħha fis-suq tal-Unjoni naqsu wkoll f’dan il-perjodu, hija ma kinitx tilfet sehem mis-suq u l-importazzjonijiet Ċiniżi ma kinux għamlu aktar żidiet sostanzjali fis-sehem mis-suq fix-xhur ta’ wara l-bidu ta’ din l-investigazzjoni.

(382)

Għalhekk, il-kundizzjoni skont l-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament bażiku ma ntlaħqitx la f’termini assoluti u lanqas f’termini relattivi.

(383)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ġbir retroattiv tad-dazji definittivi għall-perjodu li matulu l-importazzjonijiet ġew irreġistrati ma kienx iġġustifikat f’dan il-każ.

11.   DISPOŻIZZJONI FINALI

(384)

Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (41), meta ammont irid jiġi rimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-imgħax li għandu jitħallas għandu jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

(385)

Il-miżuri previsti f’dan ir-regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju anti-dumping definittiv huwa impost fuq l-importazzjonijiet ta’ żbarri, vireg, profili (kemm jekk vojta minn ġewwa kif ukoll jekk le), tubi, pajpijiet; mhux assemblati; irrispettivament minn jekk ikunux imħejjija biex jintużaw fi strutturi (pereż. maqtugħin skont il-qies, imtaqqbin, milwijin, iċċanfrinati, bil-kamin); magħmulin mill-aluminju, b’ligi jew mingħajrhom, li jinkludu mhux akar minn 99,3 % ta’ aluminju, esklużi:

(1)

prodotti magħqudin (pereż. b’iwweldjar jew bi qfil) biex jiffurmaw subassemblaġġi;

(2)

tubi u pajpijiet iwweldjati;

(3)

prodotti f’kitt ippakkjat bil-partijiet meħtieġa biex jiġi assemblat prodott finali mingħajr irfinar jew fabrikazzjoni ulterjuri tal-partijiet (“kit ta’ oġġetti lesti”).

li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7604 10 10, ex 7604 10 90, 7604 21 00, 7604 29 10, 7604 29 90, ex 7608 10 00, 7608 20 81, 7608 20 89 and ex 7610 90 90 (il-kodiċi TARIC 7604101011, 7604109011, 7604109025, 7604109080, 7608100011, 7608100080, 7610909010) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u prodotti mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, għandha tkun kif ġej:

Kumpanija

Rata tad-dazju (%)

Kodiċi addizzjonali tat-TARIC

Guangdong Haomei New Materials Co., Ltd.

21,2

C562

Guangdong King Metal Light Alloy Technology Co., Ltd.

21,2

C563

Press Metal International Ltd.

25,0

C564

Press Metal International Technology Ltd.

25,0

C565

Kumpaniji oħra li kkooperaw elenkati fl-Anness

22,1

 

Kumpaniji l-oħrajn kollha

32,1

C999

3.   L-applikazzjoni tar-rati ta’ dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji elenkati fil-paragrafu 2 għandha tkun kundizzjonali fuq il-preżentazzjoni ta’ fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha tidher dikjarazzjoni ddatata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ din il-fattura, identifikat b’ismu u l-kariga tiegħu, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum) tal-(prodott ikkonċernat) mibjugħ sabiex jiġi esportat lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem il-kumpanija u l-indirizz) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi [pajjiż ikkonċernat]. Jien niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija sħiħa u korretta .” Jekk din il-fattura ma tiġix ippreżentata għandu japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħra kollha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari għall-evitar potenzjali ta’ miżuri, u b’mod partikolari timmonitorja l-importazzjonijiet ta’ prodotti magħqudin (pereż. bl-iwweldjar jew bil-qfieli) biex jiffurmaw is-subassemblaġġi msemmija fil-paragrafu 1(1) hawn fuq u tal-kittijiet lesti ta’ oġġetti msemmija fil-paragrafu 1(3) hawn fuq, taħt il-kodiċijiet TARIC 7610909091 u 7610909092, rispettivament.

5.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

L-ammonti garantiti bid-dazju anti-dumping proviżorju skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1428 għandhom jinġabru b’mod definittiv. L-ammonti ggarantiti ogħla mir-rati definittivi tad-dazju anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati.

Artikolu 3

L-ebda dazju anti-dumping definittiv mhu se jiġi impost b’mod retroattiv għall-importazzjonijiet irreġistrati. Id-data miġbura f’konformità mal-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1215 ma għandhiex tibqa’ tinżamm.

Artikolu 4

L-Artikolu 1(2) jista’ jiġi emendat biex iżid produtturi esportaturi ġodda mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u jagħmilhom soġġetti għar-rata ta’ dazju anti-dumping medja ponderata xierqa għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Produttur esportatur ġdid għandu jipprovdi evidenza li:

(a)

ma esportax l-oġġetti deskritti fl-Artikolu 1(1) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (mill-1 ta’ Lulju 2018 sat-30 ta’ Ġunju 2019);

(b)

ma huwiex relatat ma’ esportatur jew produttur soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament; u

(c)

li effettivament esporta l-prodott ikkonċernat jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, kif immodifikat sussegwentement.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1215 tal-21 ta’ Awwissu 2020 li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ estrużjonijiet tal-aluminju li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għal reġistrazzjoni (ĠU L 275, 24.8.2020, p. 16).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1428 tat-12 ta’ Ottubru 2020 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ estrużjonijiet tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 336, 13.10.2020, p. 8).

(4)  Regolament Nru 1/1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill- Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385/58).

(5)  Ara f’dan ir-rigward is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2011, ThyssenKrupp Liften Ascenseurs NV u oħrajn v. il-Kummissjoni, Kawżi T-144/07, T-147/07, T-148/07, T-149/07, T-150/07 u T-154/07, ECLI:EU:T:2011:364, para. 86. Ara wkoll l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/1958.

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1173 tal-4 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Unjoni Ewropea f’dak li jirrigwarda t-tul tal-perjodu tad-divulgazzjoni preliminari (ĠU L 259, 10.8.2020, p. 1).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Ombudsman fil-każ 924/2020/TE tal-20 ta’ Ottubru 2020.

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(9)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1480 tas-16 ta’ Awwissu 2017 li jimponi dazju proviżorju anti-dumping fuq l-importazzjoni ta’ ċerti oġġetti ta’ ħadid fondut li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 211, 17.8.2017, p. 14).

(10)  Ara n-Notifika ta’ bidu fil-ĠU C 268, 14.8.2020, p. 5.

(11)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 553/2006, tat-23 ta’ Marzu 2006, li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tipi ta’ żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Vjetnam (ĠU L 98, 6.4.2006, p. 3). Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1472/2006 tal-5 ta’ Ottubru 2006 jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ lbies għar-riġlejn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Vjetnam (ĠU L 275, 6.10.2006, p. 1).

(12)  Ara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2010 fil-Kawża T-314/06, Whirlpool Europe Srl vs il-Kunsill, ECR 2010 II-05005, il-punt 138.

(13)  Ara pereżempju s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2018 fil-Kawża C-301/16 P,Il-Kummissjoni vs Xinyi PV Products (Anhui), ECLI:EU:C:2018:132, il-punt 56.

(14)  Ara s-sit web ta’ Haomei li jiddeskrivi l-kompetizzjoni ta’ bini tal-partit f’Diċembru 2019: http://www.haomei-alu.com/Newsview.aspx?i=1179 (aċċessat fis-17 ta’ Novembru 2020).

(15)  Ara s-sit web ta’ Foshan Nanhai Aluminium Profile Industry Association li jiddeskrivi avveniment ta’ bini ta’ partit li sar f’Settembru 2020: http://www.napa.org.cn/news_detail.php?id=1878 (aċċessat l-aħħar fis-17 ta’ Novembru 2020).

(16)  Prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Unjoni Ewropea (ara s-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 1998 fil-Kawża C-381/97, Belgocodex S.A, ECLI:EU:C:1998:589u s-sentenza tas-26 ta’ April 2005 fil-Kawża C-376/02, Stichting “Goed Wonen”, ECLI:EU:C:2005:251).

(17)  Ara l-avviż IPO ta’ Guangdong Haomei (Marzu 2019): http://pdf.dfcfw.com/pdf/H2_AN201904121318887721_1.pdf (aċċessat l-aħħar fis-17 ta’ Novembru 2020).

(18)  Ara s-sit web tal-Gvern Muniċipali ta’ Qingyuan, http://www.gdqy.gov.cn/gdqy/zxzx/bmdt/content/post_1171116.html (aċċessat l-aħħar fis-17 ta’ Novembru 2020).

(19)  Ara s-sit web tal-NDRC, Haomei New Materials elenkata bin-numru 1197 fuq il-lista uffiċjali tal-intrapriżi bl-Istatus ta’ Ċentru Nazzjonali tat-Teknoloġija tal-Intrapriżi: https://www.ndrc.gov.cn/xxgk/zcfb/tz/202001/P020200109540064113144.pdf.

(20)  Skont Haomei IPO: “[Haomei] ġiet rikonoxxuta bħala Ċentru Nazzjonali għat-Teknoloġija tal-Intrapriżi u bħala Bażi ta’ Dimostrazzjoni ta’ Guangdong għall-Innovazzjoni u l-Industrijalizzazzjoni tal-SMEs u rċeviet appoġġ ta’ politika nazzjonali u lokali rilevanti”. Disponibbli fuq http://www.csrc.gov.cn/pub/zjhpublic/G00306202/201910/P020191015564364143717.pdf.

(21)  Ara s-sit web tal-NDRC https://www.ndrc.gov.cn/xxgk/zcfb/tz/202001/t20200109_1218736.html.

(22)  Ara l-Miżuri ta’ Ġestjoni għar-Rikonoxximent bħala Ċentru Nazzjonali tat-Teknoloġija tal-Intrapriża disponibbli fuq http://www.gov.cn/xinwen/2016-03/24/5057350/files/3d4f511db7454c06a20ece567157662a.pdf (kif l-aħħar aċċessat fit-23.11.2020).

(23)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ, l-20 ta’ Diċembru 2017, SWD(2017) 483 final/2.

(24)  www.turkstat.gov.tr

(25)  Il-volumi ta’ importazzjoni mill-pajjiż ikkonċernat ġew stabbiliti proviżorjament kif ġej. Il-volumi kollha fil-Kodiċijiet NM 7604 21 00, 7604 29 10, 7604 29 90, 7608 20 81, 7608 20 89 ġew ikkunsidrati, peress li l-prodotti kollha fihom jaqgħu taħt il-prodott ikkonċernat; 95 % tal-volumi fil-Kodiċi NM 7610 90 90 kienu kkunsidrati wkoll bħala l-prodott li qed jiġi investigat għall-pajjiż ikkonċernat biss; l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat taħt il-Kodiċijiet NM ex 7604 10 10, 7604 10 90 u 7608 10 00 tqiesu bħala negliġibbli.

(26)  Data bbażata fuq l-importazzjonijiet irrappurtati minn tmien Stati Membri li jirrappreżentaw 84 % tal-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-volumi estrapolati għall-importazzjonijiet għall-Istati Membri kollha.

(27)  Il-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat għall-perjodu ta’ investigazzjoni nkisbu mid-data Doganali Nazzjonali. Dawn il-prezzijiet kienu 14 % ogħla mill-prezz għall-ħames kodiċijiet NM. Din id-differenza ntużat biex jiġi stabbilit il-prezz għas-snin 2016 sa 2018.

(28)  It-8 kodiċijiet NM huma: ex 7604 10 10, ex 7604 10 90, 7604 21 00, 7604 29 10, 7604 29 90, ex 7608 10 00, 7608 20 81 u 7608 20 89.

(29)  It-8 kodiċijiet NM huma: ex 7604 10 10, ex 7604 10 90, 7604 21 00, 7604 29 10, 7604 29 90, ex 7608 10 00, 7608 20 81 u 7608 20 89.

(30)  Id-data tal-Eurostat ġiet estratta f’Novembru 2020 u għalhekk fiha differenzi żgħar mid-data ppreżentata fir-Regolament Proviżorju.

(31)  Data bbażata fuq l-importazzjonijiet irrappurtati minn 7 Stati Membri li jirrappreżentaw 83 % tal-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-volumi estrapolati għall-importazzjonijiet għall-Istati Membri kollha.

(32)  Il-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat għall-perjodu ta’ investigazzjoni nkisbu mid-data Doganali Nazzjonali. Dawn il-prezzijiet kienu 11 % ogħla mill-prezz għall-ħames kodiċijiet NM. Din id-differenza ntużat biex jiġi stabbilit il-prezz għas-snin 2016 sa 2018.

(33)  It-8 kodiċijiet NM huma: ex 7604 10 10, ex 7604 10 90, 7604 21 00, 7604 29 10, 7604 29 90, ex 7608 10 00, 7608 20 81 u 7608 20 89.

(34)  L-istess bħal hawn fuq.

(*1)  minħabba l-impatt baxx tal-bejgħ lejn ir-Renju Unit — kif deskritt hawn taħt — il-konsum tal-Unjoni huwa parzjalment ibbażat fuq ċifri mill-EU28, li huma kkunsidrati rappreżentattivi għall-EU27

(*2)  minħabba l-impatt baxx tal-bejgħ lejn ir-Renju Unit - kif deskritt hawn taħt - is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni huwa parzjalment ibbażat fuq ċifri mill-EU28, li huma kkunsidrati rappreżentattivi għall-EU27

(35)  Id-data tal-Eurostat ġiet estratta f’Novembru 2020 u għalhekk fiha differenzi żgħar mid-data ppreżentata fir-Regolament Proviżorju.

(36)  OECD (2019), “Measuring distortions in international markets: the aluminium value chain”, OECD Trade Policy Papers, Nru. 218, OECD Publishing, Pariġi) (disponibbli fuq: http://dx.doi.org/10.1787/c82911ab-en).

(37)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew”, COM(2019) 640 final.

(38)  Ara r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/2220 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1388/2013 li jiftaħ u jipprovdi għall-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti agrikoli u industrijali (ĠU L 333, 27.12.2019, p. 33) li jneħħi żewġ kwoti tariffarji awtonomi ta’ (i) 2 000 tunnellata fuq vireg tal-liga tal-aluminju b’dijametru ta’ 200 mm jew aktar, iżda mhux aktar minn 300 mm u ta’ (ii) 1 000 tunnellata fuq vireg tal-liga tal-aluminju b’dijametru ta’ 300,1 mm jew aktar, iżda mhux aktar minn 533,4 mm.

(39)  Ara r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/2197 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1387/2013 li jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq ċerti prodotti agrikoli u industrijali (ĠU L 335, 27.12.2019, p. 1) u ta’ wara.

(40)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, id-Direttorat G, Rue de la Loi 170, 1040 Brussell, il-Belġju.

(41)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


ANNESS

Produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun

Isem

Kodiċi addizzjonali tat-TARIC

Foshan Guangcheng Aluminium Co Ltd

C566

Foshan Modern Copper & Aluminum Extrusion Co.,Ltd.

C567

Foshan City Nanhai Yongfeng Aluminium Co., Ltd

C568

Foshan QianYang aluminium Co.,Ltd

C569

Foshan Sanshui Fenglu Aluminium Co., Ltd

C570

Foshan Sanshui Match Hardware Products Co., Ltd.

C571

Fuyao Group:

Fujian Fuyao Automotive Aluminium System Co.,Ltd

Jiangsu Fuyao Automotive Trim System Co., Ltd.

C572

Giant Light Metal Technology Co., Ltd.

C573

Goomax Metal Co., Ltd. Fujian

C574

Guangdong Huachang Aluminium Factory Co Ltd

C575

Guangdong Jiangsheng Aluminium Co., Ltd.

C599

Guangdong Jihua Aluminium Co., Ltd.

C576

Guangdong Nanhai Light Industrial Products Imp. & Exp. Co Ltd

C577

Guangdong Weiye Aluminium Factory Group Co., Ltd.

C578

Guangdong Xingfa Aluminium Co., Ltd

C579

Guangya Aluminium Industries Co., Ltd

C580

HOSHION Group:

Zhongshan Hoshion Smart Home Accessories Co., Ltd.

Cyma Precision Aluminium Co., Ltd.

Guangdong Hoshion Industrial Aluminium Co. Ltd.

C581

Jiangmen Cosco Shipping Aluminium Co., Ltd

C582

Jiangsu Asia-Pacific Light Alloy Technology Co., Ltd

C583

Jilin Qixing Aluminium Industries Co., Ltd

C584

JMA Group:

Foshan Jma Aluminium Co., Ltd

Guangdong JMA Aluminium Profile Factory (Group) Co., Ltd.

C585

PanAsia Aluminium (China) Limited

C586

Pingguo Jianfeng Aluminium Co., Ltd.

C587

Qingyuan Time Aluminum Co., Ltd.

C588

Shandong Huajian Aluminium Group:

Shandong Huajian Aluminium Group Co., Ltd

Shandong Huajian Aluminium Technology Co., Ltd

C589

Shandong Nanshan Aluminium Co., Ltd

C590

Shandong Nollvetec Lightweight Equipment Co.Ltd

C591

Shandong Xinyudong Aluminium Co., Ltd.

C592

Shenyang Yuanda Aluminium Industry Engineering Co., Ltd.

C593

Sihui Shi Guoyao Aluminum Co., Ltd

C594

Tai Shan City Kam Kiu Aluminium Extrusion Co., Ltd

C595

Tianjin Jinpeng Aluminium Profiles Manufacture Co., Ltd.

C607

Tongcheng Metal Material Co., Ltd

C596

Xinhe Group:

Guangdong Xinhe Aluminum Co., Ltd.

Guangdong Yaoyinshan Aluminium Co., Ltd.

Guangdong Xinhe Aluminium Xinxing Co., Ltd

C597

Yingkou Liaohe Aluminum Products Co., Ltd.

C598


30.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 109/60


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/547

tad-29 ta’ Marzu 2021

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715 fir-rigward tal-proċeduri għall-istabbiliment u l-użu tal-ADIS u tal-EUROPHYT, il-ħruġ ta’ ċertifikati elettroniċi tas-saħħa tal-annimali, ċertifikati uffiċjali, ċertifikati uffiċjali/tas-saħħa tal-annimali u dokumenti kummerċjali, l-użu ta’ firem elettroniċi, u l-funzjonament tat-TRACES, u li jħassar id-Deċiżjoni 97/152/KE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 51 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (2) (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”), u b’mod partikolari l-punti (b) sa (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23, l-Artikolu 30(1)(b)(ii) u l-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 35 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (3), u b’mod partikolari l-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 104 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (4) (“ir-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali”), b’mod partikolari l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58, il-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 90, il-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 102(6), l-Artikolu 103(6) u l-punti (a) sa (d) u l-punt (g) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 134 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 (5) jistabbilixxi r-regoli għat-tħaddim tas-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali (IMSOC) u l-komponenti tas-sistema tagħha, jiġifieri s-sistema li timplimenta l-proċeduri għas-Sistema ta’ Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf u l-Assistenza u l-Kooperazzjoni Amministrattiva (iRASFF), is-sistema għan-notifika u r-rapportar ta’ informazzjoni dwar mard tal-annimali (“ADIS”), is-sistema ta’ notifika ta’ konferma uffiċjali tal-preżenza ta’ pesti fil-pjanti u fil-prodotti tal-pjanti fit-territorju tal-Istati Membri (“EUROPHYT”) u s-Sistema tal-Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti veterinarji għall-iskambju ta’ data, informazzjoni u dokumenti (“TRACES”). Dan jistabbilixxi wkoll regoli dwar ir-rabtiet meħtieġa bejn dawk il-komponenti.

(2)

Dan jistabbilixxi wkoll regoli għall-istabbiliment tan-network għat-tħaddim tal-ADIS u l-elenkar ta’ reġjuni ta’ notifika u rapportar għall-fini ta’ notifika tal-Unjoni u rapportar tal-Unjoni ta’ mard tal-annimali.

(3)

Sabiex jiġi żgurat l-użu uniformi tal-ADIS mill-Istati Membri, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2002 (6) jistabbilixxi regoli dwar il-format u l-istruttura tad-data għan-notifiki tal-Unjoni u r-rapportar tal-Unjoni tal-mard li jrid jiddaħħal f’dik is-sistema, il-format u l-proċedura għar-rapportar kif ukoll l-iskadenzi u l-frekwenzi tan-notifiki u r-rapportar.

(4)

Regoli komuni għall-punti ta’ kuntatt tan-network tal-ADIS jenħtieġ li jiġu inklużi fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715 fir-rigward tas-sottomissjoni tan-notifiki tal-Unjoni u r-rapportar tal-Unjoni f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2002. Sabiex jikkonformaw mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, dawk ir-regoli jenħtieġ li jinkludu wkoll dispożizzjonijiet dwar il-perjodu massimu ta’ ħżin ta’ data personali fl-ADIS.

(5)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi wkoll regoli, li jridu jiġu inklużi fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715, fir-rigward tar-rabtiet li huma meħtieġa bejn l-ADIS u t-TRACES bl-għan li jiġi żgurat li d-data rilevanti li tikkonċerna n-notifiki tal-Unjoni tiġi skambjata awtomatikament jew issir disponibbli fiż-żewġ sistemi, u li tiġi pprovduta informazzjoni rilevanti lill-membri tan-network.

(6)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715 jistabbilixxi regoli dwar l-użu ta’ TRACES għas-sottomissjoni lin-network ta’ interċettazzjoni tal-EUROPHYT ta’ notifiki ta’ interċettazzjoni ta’ kunsinni ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra minn Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi li jistgħu jippreżentaw periklu imminenti ta’ introduzzjoni jew tixrid ta’ pesti. Dan jipprevedi li n-notifiki ta’ interċettazzjoni ta’ kunsinni nnegozjati fl-Unjoni jridu jiġu sottomessi mill-punt ta’ kuntatt tan-network ta’ interċettazzjoni tal-EUROPHYT, filwaqt li n-notifiki ta’ interċettazzjoni ta’ kunsinni li jidħlu fl-Unjoni jridu jiġu sottomessi mill-uffiċjal tas-saħħa tal-pjanti uffiċjali li jieħu d-deċiżjoni dwar dawk il-kunsinni.

(7)

Minħabba li n-notifiki ta’ kunsinni interċettati ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra nnegozjati fl-Unjoni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tan-notifiki dwar nuqqas ta’ konformità ta’ oġġetti koperti mir-Regolament (UE) 2017/625 u jridu jiġu skambjati fl-iRASFF bejn il-punti ta’ kuntatt tan-network ta’ twissija u kooperazzjoni, in-notifiki ta’ dawk il-kunsinni interċettati jenħtieġ li jsiru fl-iRASFF.

(8)

Sabiex jiġi żgurat ulterjorment li l-iRASFF tintuża wkoll biex jiġu skambjati notifiki ta’ kunsinni mhux konformi ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra nnegozjati fl-Unjoni li jistgħu jkunu ta’ riskju għas-saħħa tal-pjanti, huwa xieraq li tinkiteb mill-ġdid id-definizzjoni tat-terminu “notifika dwar nuqqas ta’ konformità” stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715.

(9)

B’mod parallel, sabiex tiġi evitata l-konfużjoni dwar it-tifsira tat-terminu “riskju” definit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715, jeħtieġ ukoll li titħassar dik id-definizzjoni, u minflok jiġu adattati ċerti definizzjonijiet ta’ notifiki fl-iRASFF u jiġu ċċarati f’dawk id-definizzjonijiet il-kategoriji differenti ta’ riskju.

(10)

Bl-istess mod, sabiex tiġi evitata l-konfużjoni dwar it-tifsira tat-termini definiti “network kontra l-frodi alimentari” u “notifika ta’ frodi alimentari” fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715 u jiġi rifless aħjar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/625 f’dawn it-termini definiti, huwa meħtieġ li l-isem ta’ dawn it-termini definiti jinbidel rispettivament għal “network kontra l-frodi” u “notifika ta’ frodi” u jiġu aġġustati d-dispożizzjonijiet kollha fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715 relatati mal-frodi alimentari kif xieraq.

(11)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715 jipprevedi wkoll li l-informazzjoni dwar il-kunsinni interċettati li jidħlu fl-Unjoni trid tinkludi l-informazzjoni rreġistrata fid-dokument sanitarju komuni tad-dħul (CHED) mill-uffiċjal tas-saħħa tal-pjanti uffiċjali f’konformità mal-Artikolu 55(2) u l-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) 2017/625, informazzjoni addizzjonali dwar il-miżuri meħuda dwar il-kunsinni interċettati u l-informazzjoni dwar il-kwarantina imposta.

(12)

Peress li s-CHED fih entrati għar-reġistrazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-miżuri meħuda dwar il-kunsinni interċettati, inklużi każijiet fejn tiġi imposta kwarantina, mhuwiex meħtieġ li tiġi sottomessa notifika ta’ interċettazzjoni li fiha l-istess informazzjoni wkoll fit-TRACES. Għaldaqstant, l-obbligu li tiġi sottomessa notifika ta’ interċettazzjoni li jkun fiha dik l-istess informazzjoni fit-TRACES jenħtieġ li jitneħħa u jiġi sostitwit bl-obbligu li tiġi rreġistrata d-data ta’ interċettazzjoni fis-CHED.

(13)

Barra minn hekk, peress li kwalunkwe nuqqas ta’ konformità mar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625 dwar il-kunsinni li jidħlu fl-Unjoni jew li jiġu nnegozjati fl-Unjoni jrid jiġi nnotifikat jew fit-TRACES jew fl-iRASFF, id-dispożizzjonijiet kollha relatati man-notifiki ta’ interċettazzjoni tal-EUROPHYT jenħtieġ li jitħassru mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715.

(14)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715 jistabbilixxi regoli għall-użu tas-CHEDs elettroniċi u l-ħruġ ta’ ċertifikati elettroniċi għall-kunsinni ta’ annimali u oġġetti li jidħlu fl-Unjoni. Dawk ir-regoli jinkludu livelli għoljin ta’ assigurazzjoni relatati mal-prova ta’ identità tal-uffiċjali li jiċċertifikaw qabel ma tingħata l-kapaċità tal-firma elettronika u l-applikazzjoni ta’ kronogramma elettronika kwalifikata għall-firma elettronika ġġenerata minn parti terza fdata.

(15)

L-esperjenza wriet li dawk il-livelli għoljin ta’ assigurazzjoni mhumiex meħtieġa peress li l-mekkaniżmu ta’ awtentikazzjoni qabel il-login fit-TRACES, is-sistema nazzjonali ta’ Stat Membru, is-sistema ta’ ċertifikazzjoni elettronika ta’ pajjiż terz jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali tipprovdi livell suffiċjenti ta’ assigurazzjoni tal-identità mitluba tal-firmatarju. Barra minn hekk, l-użu ta’ kronogramma mhuwiex meħtieġ. Il-fluss sikur tad-data fi ħdan u bejn is-sistemi u l-applikazzjoni ta’ siġill elettroniku kwalifikat imfassal biex juri b’mod affidabbli l-ħin, l-integrità u l-korrettezza korretti tad-data jipprovdu garanziji suffiċjenti li kwalunkwe alterazzjoni sussegwenti tad-data tkun tista’ tiġi individwata.

(16)

Għalhekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jintroduċi emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715 li jippermettu lill-veterinarji uffiċjali, lill-uffiċjali tas-saħħa tal-pjanti uffiċjali u lill-uffiċjali li jiċċertifikaw jużaw firem elettroniċi fis-CHEDs elettroniċi u ċertifikati b’livelli ta’ assigurazzjoni tal-identità aktar baxxi u mingħajr ma jirreġistraw kronogrammi, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(17)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jinkludi wkoll emendi għar-regoli fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715 fir-rigward tal-ħruġ ta’ ċertifikati elettroniċi jew dokumenti kummerċjali li jakkumpanjaw il-kunsinni ta’ annimali u ċerti oġġetti mċaqalqa bejn l-Istati Membri skont l-Artikolu 150, l-Artikolu 161(5), l-Artikolu 167(4), l-Artikolu 217 u l-Artikolu 223(5) tar-Regolament (UE) 2016/429, il-kunsinni ta’ ċerti prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati mill-annimali mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u ttrasportati fl-Unjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (8), u l-kunsinni ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra esportati jew esportati mill-ġdid mill-Unjoni skont l-Artikoli 100(5) u 101(6) tar-Regolament (UE) 2016/2031. Dawk ir-regoli jenħtieġ li jkunu simili għar-regoli għall-ħruġ ta’ ċertifikati elettroniċi għall-kunsinni ta’ annimali u oġġetti li jidħlu fl-Unjoni.

(18)

Peress li r-Regolament (UE) 2016/2031 jipprevedi li ċ-ċertifikati fitosanitarji elettroniċi għall-esportazzjoni jew għar-riesportazzjoni mit-territorju tal-Unjoni ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra jridu jiġu pprovduti biss permezz ta’, jew fi skambju elettroniku mal-IMSOC, dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprevedi l-inkorporazzjoni fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715 ta’ regoli għall-ħruġ ta’ tali ċertifikati f’konformità ma’ dak ir-Regolament.

(19)

Bl-għan li jissaħħaħ l-infurzar tar-regoli tal-Unjoni, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715 jipprevedi li l-punti ta’ kuntatt tan-network TRACES iridu jżommu u jaġġornaw il-listi tat-TRACES ta’ ċerta data ta’ referenza meħtieġa għat-tħaddim tajjeb tat-TRACES. Il-listi jinkludu stabbilimenti kummerċjali tal-ikel approvati f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u stabbilimenti, impjanti u operaturi li jittrattaw prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati mill-annimali, approvati jew reġistrati f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(20)

Għall-istess għan, dan ir-Regolament jenħtieġ li jestendi aktar dawk il-listi ta’ data ta’ referenza biex jinkludu stabbilimenti u operaturi reġistrati u approvati msemmija fir-Regolament (UE) 2016/429 kif ukoll ċerti operaturi professjonali rreġistrati skont ir-Regolament (UE) 2016/2031, sa fejn ikunu involuti f’attivitajiet transfruntiera.

(21)

Bil-ħsieb li jingħata appoġġ għat-tħejjija tal-analiżijiet tar-riskju tal-Istati Membri għall-ispezzjonijiet jew għall-awditi rigward it-trasport ta’ annimali ħajjin, il-listi ta’ data ta’ referenza jenħtieġ li jinkludu wkoll postijiet ta’ kontroll approvati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/97 (11), kif ukoll trasportaturi awtorizzati, sewwieqa ċertifikati u akkumpanjaturi, u mezzi tat-trasport approvati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 (12).

(22)

Peress li r-Regolament (UE) 2016/429 japplika mill-21 ta’ April 2021, l-emendi li jikkonċernaw l-ADIS, ir-rabtiet meħtieġa bejn l-ADIS u t-TRACES, u l-estensjoni tal-listi ta’ data ta’ referenza biex jiġu inklużi stabbilimenti u operaturi reġistrati u approvati skont ir-Regolament (UE) 2016/429 jenħtieġ li japplikaw ukoll mill-21 ta’ April 2021.

(23)

Fid-dawl tal-importanza tad-data ta’ referenza għall-funzjonament tajjeb tat-TRACES, l-estensjoni tal-listi tad-data ta’ referenza mir-Regolamenti (KE) Nru 1255/97, (KE) Nru 1/2005 u (UE) 2016/2031 jenħtieġ li tapplika wkoll mill-21 ta’ April 2021.

(24)

Meta jitqies li huwa meħtieġ li jiġu żviluppati aktar is-sistemi tal-iRASFF u tat-TRACES fir-rigward tan-notifiki ta’ interċettazzjonijiet, id-data tal-applikazzjoni tal-emendi għat-Taqsima 3 tal-Kapitolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715 jenħtieġ li tiġi differita sal-1 ta’ Diċembru 2021.

(25)

L-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/152/KE (13) jistabbilixxi l-informazzjoni li trid tiddaħħal fis-sistema TRACES ta’ kunsinni ta’ annimali jew prodotti tal-annimali minn pajjiżi terzi. Dik id-Deċiżjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (14), li ġiet imħassra mill-Artikolu 146(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 b’effett mill-14 ta’ Diċembru 2019. L-informazzjoni stabbilita fl-Anness tad-Deċiżjoni 97/152/KE issa hija inkluża fil-CHED-A u fil-CHED-P fit-Taqsimiet A u B tal-Parti 2 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715. Għal raġunijiet ta’ ċarezza u konsistenza, id-Deċiżjoni 97/152/KE jenħtieġ li titħassar.

(26)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) u ta opinjoni fl-14 ta’ Jannar 2021.

(27)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715 huwa emendat kif ġej:

1.

fil-Kapitolu 1, l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

jitħassar il-punt (8);

(b)

il-punt (9) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(9)

“network RASFF” tfisser is-Sistema ta’ twissija rapida stabbilita bħala network bl-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 għan-notifiki msemmija fil-punti (15) sa (20) ta’ dan l-Artikolu;”;

(c)

il-punt (11) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(11)

“network kontra l-frodi” tfisser in-network magħmul mill-Kummissjoni, mill-Europol u mill-korpi ta’ kollegament magħżula mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 103(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 għall-fini speċifiku li jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni dwar in-notifiki ta’ frodi kif definit fil-punt (21);”;

(d)

il-punt (12) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(12)

“network ta’ twissija u ta’ kooperazzjoni” tfisser network magħmul mill-RASFF, mill-AAC u min-networks kontra l-frodi;”;

(e)

il-punt (14) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(14)

“notifika dwar nuqqas ta’ konformità” tfisser notifika fl-iRASFF ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625 li ma jirrappreżentax riskju skont it-tifsira tal-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 u l-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 183/2005;”;

(f)

il-punt (20) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(20)

“notifika ta’ rifjut fil-fruntiera” tfisser notifika fl-iRASFF ta’ rifjut ta’ lott, kontejner jew merkanzija tal-ikel, materjal li jiġi f’kuntatt mal-ikel jew għalf minħabba riskju kif imsemmi fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 50(3) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 u l-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 183/2005;”;

(g)

il-punt (21) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(21)

“notifika ta’ frodi” tfisser notifika dwar nuqqas ta’ konformità fl-iRASFF dwar azzjoni maħsuba suspettata minn negozji jew minn individwi bil-fini li jqarrqu bix-xerrejja u b’hekk jiksbu vantaġġ mhux dovut minnha, bi ksur tar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625;”;

(h)

il-punt (22) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(22)

“notifika oriġinali” tfisser notifika dwar nuqqas ta’ konformità, notifika ta’ twissija, notifika ta’ informazzjoni, notifika ta’ aħbar, notifika ta’ frodi jew notifika ta’ rifjut fil-fruntiera;”;

(i)

jitħassru l-punti (33) u (34);

2.

fil-Kapitolu 2, l-Artikolu 6(2) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

L-EUROPHYT u t-TRACES, li jippermettu l-iskambju ta’ data dwar in-notifiki tal-EUROPHYT għat-tifqigħat;”;

(b)

il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

l-iRASFF u t-TRACES, li jippermettu l-iskambju ta’ data dwar ir-rekords tal-passat tal-operaturi fir-rigward tal-konformità mar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625.;”;

(c)

jiżdied il-punt li ġej:

“(d)

l-ADIS u t-TRACES, li jippermettu l-iskambju ta’ data u informazzjoni dwar in-notifiki tal-Unjoni.”;

3.

fil-Kapitolu 3, it-Taqsima 1 hija emendata kif ġej:

(a)

L-Artikolu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 12

Korpi ta’ kollegament responsabbli għall-iskambju ta’ ċertu tip ta’ informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jindikaw liema mill-korpi ta’ kollegament magħżula f’konformità mal-Artikolu 103(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 huma responsabbli għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar in-notifiki ta’ frodi.”;

(b)

fl-Artikolu 13, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri jistgħu jinkludu l-punt ta’ kuntatt tan-network kontra l-frodi tagħhom fil-punt ta’ kuntatt uniku tagħhom.”;

(c)

L-Artikolu 21 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 21

Notifiki ta’ frodi

1.   Il-punti ta’ kuntatt tan-network kontra l-frodi għandhom jiskambjaw notifiki ta’ frodi inkluż tal-inqas dan li ġej:

(a)

l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Artikolu 16(1);

(b)

deskrizzjoni tal-prattika frawdolenti suspettata;

(c)

l-identifikazzjoni, fejn possibbli, tal-operaturi involuti;

(d)

informazzjoni dwar jekk hemmx investigazzjonijiet tal-pulizija jew ġudizzjarji għaddejjin dwar il-prattika ta’ frodi suspettata;

(e)

informazzjoni dwar kwalunkwe struzzjoni mill-pulizija jew mill-awtoritajiet ġudizzjarji malli tkun disponibbli u tista’ tiġi żvelata.

2.   Il-punti ta’ kuntatt tan-network kontra l-frodi għandhom jikkomunikaw kwalunkwe informazzjoni dwar ir-riskji għas-saħħa lill-punt ta’ kuntatt tan-network RASFF tagħhom mingħajr dewmien żejjed.

3.   Il-punt ta’ kuntatt tal-Kummissjoni għandu jivverifika kull notifika ta’ frodi wara li tkun ġiet skambjata, mingħajr dewmien żejjed.”;

(d)

fl-Artikolu 23, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ aċċess tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(2), il-punti ta’ kuntatt tan-network kontra l-frodi li jinnotifikaw, jiġu nnotifikati u mitluba biss għandu jkollhom aċċess għal notifiki ta’ frodi.”;

(e)

fl-Artikolu 24, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   B’deroga mill-paragrafu 1, il-verifiki tan-nuqqas ta’ konformità, in-notifiki ta’ frodi u ta’ rifjut fil-fruntiera għandhom ikopru l-punti (b), (c) u (e) ta’ dak il-paragrafu.”;

(f)

fl-Artikolu 25(1), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

punt ta’ kuntatt ta’ notifika biex tiġi rtirata notifika ta’ nuqqas ta’ konformità, notifika ta’ frodi jew notifika ta’ segwitu;”;

(g)

fl-Artikolu 27, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Meta notifika dwar nuqqas ta’ konformità jew ta’ frodi tikkonċerna prodott li joriġina minn pajjiż terz jew jitqassam lil pajjiż terz li ma jkollux aċċess għall-iRASFF jew għat-TRACES, il-Kummissjoni tista’ tinforma lil dak il-pajjiż terz.”;

(h)

fl-Artikolu 28(1), il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

il-punti ta’ kuntatt tan-network kontra l-frodi għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar notifiki ta’ frodi permezz ta’ email;”;

4.

fl-Artikolu 3, it-Taqsima 2 hija sostitwita b’dan li ġej:

“TAQSIMA 2

L-ADIS

Artikolu 29

In-network tal-ADIS

1.   Kull membru tan-network tal-ADIS għandu jagħżel mill-inqas punt ta’ kuntatt wieħed responsabbli għas-sottomissjoni fl-ADIS ta’ data u informazzjoni dwar in-notifika tal-Unjoni u r-rapportar tal-Unjoni f’konformità mal-Artikoli 3, 4, 6, 7, 8, 11 u 13 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2002 (*1).

2.   Kull punt ta’ kuntatt tan-network tal-ADIS għandu jżomm u jaġġorna fl-ADIS il-lista ta’ reġjuni ta’ notifika u rapportar stabbilita mill-Istat Membru tiegħu u stabbilita fl-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2002.

Artikolu 29a

Perjodu ta’ ħżin tad-data personali

Id-data personali min-notifiki tal-Unjoni u mir-rapporti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 29(1) għandha tinħażen fl-ADIS għal mhux aktar minn 10 snin.

Artikolu 29b

Arranġamenti ta’ kontinġenza għall-ADIS

1.   Meta l-ADIS ma tkunx disponibbli, il-punti ta’ kuntatt tan-network tal-ADIS għandhom jissottomettu d-data u l-informazzjoni dwar in-notifiki tal-Unjoni u r-rapporti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 29(1) permezz ta’ email jew b’mezzi oħra speċifikati fis-sit web tal-Kummissjoni.

2.   Ladarba l-ADIS terġa’ ssir disponibbli, il-punti ta’ kuntatt tan-network tal-ADIS għandhom idaħħlu fiha d-data u l-informazzjoni sottomessa barra mis-sistema.

(*1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2002 tas-7 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifika tal-Unjoni u r-rapportar tal-Unjoni ta’ mard elenkat, tal-formati u l-proċeduri għas-sottomissjoni u għar-rapportar tal-programmi ta’ sorveljanza tal-Unjoni u tal-programmi ta’ eradikazzjoni u għall-applikazzjoni għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard, u tas-sistema ta’ informazzjoni kompjuterizzata (ĠU L 412, 8.12.2020, p. 1).”;"

5.

fil-Kapitolu 3, it-Taqsima 3 hija emendata kif ġej:

(a)

L-Artikolu 30 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 30

In-network tal-EUROPHYT għat-tifqigħat

Kull membru tan-network tal-EUROPHYT għat-tifqigħat għandu jagħżel punt ta’ kuntatt responsabbli għas-sottomissjoni ta’ notifiki tal-EUROPHYT għat-tifqigħat fil-EUROPHYT.”;

(b)

jitħassru l-Artikoli 31 u 33;

6.

fil-Kapitolu 3, it-Taqsima 4 hija emendata kif ġej:

(a)

L-Artikolu 35 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 35

In-network TRACES

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(2), kull membru tan-network tat-TRACES għandu jagħżel punt ta’ kuntatt wieħed jew aktar għall-funzjonalitajiet previsti fl-Artikolu 132(d) u fl-Artikolu 133 tar-Regolament (UE) 2017/625, u f’leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni li tirreferi għat-TRACES.”;

(b)

L-Artikolu 39 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 39

Ħruġ ta’ ċertifikati elettroniċi għal kunsinni ta’ annimali u oġġetti li jidħlu fl-Unjoni u l-użu ta’ firem elettroniċi

1.   Iċ-ċertifikati elettroniċi tas-saħħa tal-annimali, iċ-ċertifikati uffiċjali u ċ-ċertifikati uffiċjali/tas-saħħa tal-annimali għall-kunsinni ta’ annimali u l-oġġetti li jidħlu fl-Unjoni għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

għandhom jinħarġu f’waħda mis-sistemi li ġejjin:

(i)

fit-TRACES;

(ii)

f’sistema nazzjonali ta’ Stat Membru;

(iii)

f’sistema ta’ ċertifikazzjoni elettronika ta’ pajjiż terz jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali li tkun kapaċi tiskambja data mat-TRACES;

(iv)

f’sistema ta’ ċertifikazzjoni elettronika ta’ pajjiż terz jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali li tkun kapaċi tiskambja data mas-sistema nazzjonali ta’ Stat Membru;

(b)

għandhom ikunu ffirmati minn uffiċjal awtorizzat bil-firma elettronika tiegħu/tagħha;

(c)

għandu jkollhom is-siġill elettroniku avvanzat jew kwalifikat tal-awtorità kompetenti emittenti, jew il-firma elettronika avvanzata jew kwalifikata tar-rappreżentant legali tagħha.

2.   Meta jinħarġu ċertifikati elettroniċi tas-saħħa tal-annimali, ċertifikati uffiċjali u ċertifikati uffiċjali/tas-saħħa tal-annimali skont il-punt (a)(iii) jew (iv) tal-paragrafu 1, il-firma elettronika tal-uffiċjal awtorizzat mhijiex meħtieġa.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiġi nnotifikata bil-quddiem dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati elettroniċi tas-saħħa tal-annimali, ċertifikati uffiċjali u ċertifikati uffiċjali/tas-saħħa tal-annimali f’konformità mal-punt (a)(iv) tal-paragrafu 1.

4.   L-awtorità kompetenti għandha taċċetta ċertifikati fitosanitarji elettroniċi, kif meħtieġ għall-introduzzjoni ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra fit-territorju tal-Unjoni f’konformità mat-Taqsima 1 tal-Kapitolu VI tar-Regolament (UE) 2016/2031, biss meta jinħarġu f’konformità mal-punt (a)(i) jew (iii) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.”;

(c)

l-artikoli li ġejjin jiddaħħlu wara l-Artikolu 39:

“Artikolu 39a

Ħruġ ta’ ċertifikati elettroniċi u ta’ dokumenti kummerċjali għall-movimenti ta’ annimali u oġġetti bejn l-Istati Membri u l-użu ta’ firem elettroniċi

Iċ-ċertifikati elettroniċi tas-saħħa tal-annimali, iċ-ċertifikati uffiċjali u ċ-ċertifikati uffiċjali/tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti ta’ annimali, prodotti li joriġinaw mill-annimali u prodotti ġerminali bejn l-Istati Membri, u d-dokumenti kummerċjali elettroniċi għal ċerti prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati mill-annimali mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u ttrasportati lejn Stat Membru ieħor, għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

għandhom jinħarġu fit-TRACES;

(b)

għandhom jiġu ffirmati minn veterinarju uffiċjali jew minn uffiċjal li jiċċertifika bil-firma elettronika tiegħu/tagħha;

(c)

għandu jkollhom is-siġill elettroniku avvanzat jew kwalifikat tal-awtorità kompetenti emittenti.

Artikolu 39b

Ħruġ ta’ ċertifikati elettroniċi għall-esportazzjoni u r-riesportazzjoni ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra u użu ta’ firem elettroniċi

Iċ-ċertifikati fitosanitarji elettroniċi għall-esportazzjoni jew għar-riesportazzjoni ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra mit-territorju tal-Unjoni lejn pajjiż terz għandhom jinħarġu f’waħda mis-sistemi li ġejjin:

(a)

fit-TRACES, sakemm iċ-ċertifikat jissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(i)

jiġi ffirmat minn uffiċjal li jiċċertifika bil-firma elettronika tiegħu/tagħha;

(ii)

ikollu s-siġill elettroniku avvanzat jew kwalifikat tal-awtorità kompetenti emittenti;

(b)

fis-sistema nazzjonali ta’ Stat Membru, sakemm iċ-ċertifikat jissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(i)

jiġi ffirmat minn uffiċjal li jiċċertifika bil-firma elettronika tiegħu/tagħha;

(ii)

jintbagħat lit-TRACES sa mhux aktar tard mill-mument tal-firma elettronika tal-uffiċjal li jiċċertifika u t-trażmissjoni tiġi ssiġillata bis-siġill elettroniku avvanzat jew kwalifikat tal-awtorità kompetenti emittenti.”;

(d)

L-Artikolu 41 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 41

L-użu ta’ CHED elettroniku

L-użu ta’ CHED f’format elettroniku minn operatur jew awtorità kompetenti għandu jsir permezz ta’ waħda mis-sistemi li ġejjin:

(a)

TRACES, sakemm is-CHED jissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(i)

ikun iffirmat mill-operatur responsabbli mill-kunsinna bil-firma elettronika tiegħu/tagħha;

(ii)

ikun iffirmat mill-veterinarju uffiċjali, mill-uffiċjal tas-saħħa tal-pjanti uffiċjali jew mill-uffiċjal li jiċċertifika fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera jew il-punti ta’ kontroll bil-firma elettronika tiegħu/tagħha;

(iii)

ikollu s-siġill elettroniku avvanzat jew kwalifikat tal-awtorità kompetenti emittenti;

(b)

is-sistema nazzjonali ta’ Stat Membru, sakemm is-CHED jissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(i)

ikun iffirmat mill-operatur responsabbli mill-kunsinna bil-firma elettronika tiegħu/tagħha;

(ii)

ikun iffirmat mill-veterinarju uffiċjali, mill-uffiċjal tas-saħħa tal-pjanti uffiċjali jew mill-uffiċjal li jiċċertifika fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera jew il-punti ta’ kontroll bil-firma elettronika tiegħu/tagħha;

(iii)

jintbagħat lit-TRACES sa mhux aktar tard minn meta tittieħed id-deċiżjoni dwar il-kunsinna abbażi ta’ kontrolli uffiċjali u t-trażmissjoni tiġi ssiġillata mis-siġill elettroniku avvanzat jew kwalifikat tal-awtorità kompetenti emittenti.”;

(e)

fl-Artikolu 42, jitħassar il-paragrafu 3;

(f)

L-Artikolu 45 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 45

Listi ta’ data ta’ referenza

1.   Kull punt ta’ kuntatt tan-network TRACES għandu jżomm u jaġġorna l-listi ta’ dawn li ġejjin fit-TRACES:

(a)

l-istabbilimenti kummerċjali tal-ikel li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tiegħu tkun approvat f’konformità mal-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 852/2004;

(b)

l-istabbilimenti, l-impjanti u l-operaturi li jittrattaw il-prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati mill-annimali li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tiegħu tkun approvat jew irreġistra f’konformità mal-Artikolu 47 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009;

(c)

il-postijiet ta’ kontroll li għalihom l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tiegħu tkun tat approvazzjoni f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/97 (*2);

(d)

it-trasportaturi li jwettqu vjaġġi twal li għalihom l-awtorità kompetenti tkun tat awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 (*3);

(e)

l-istabbilimenti inklużi fir-reġistru ta’ stabbilimenti approvati msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 101 tar-Regolament (UE) 2016/429 dment li jċaqilqu annimali terrestri miżmuma u prodotti ġerminali lejn Stat Membru ieħor jew jirċievu annimali terrestri miżmuma u prodotti ġerminali minn pajjiż terz;

(f)

l-istabbilimenti inklużi fir-reġistru ta’ stabbilimenti approvati tal-akkwakultura u l-istabbilimenti għall-kontroll tal-mard tal-ikel akkwatiku msemmija rispettivament fl-Artikolu 185(1)(b) u (c) tar-Regolament (UE) 2016/429 dment li jċaqilqu annimali tal-akkwakultura lejn Stat Membru ieħor jew jirċievu annimali tal-akkwakultura minn pajjiż terz;

(g)

l-istabbilimenti u l-operaturi inklużi fir-reġistru ta’ stabbilimenti u operaturi reġistrati msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 101 tar-Regolament (UE) 2016/429 dment li jċaqilqu annimali terrestri miżmuma u prodotti ġerminali lejn Stat Membru ieħor jew jirċievu annimali terrestri miżmuma u prodotti ġerminali minn pajjiż terz;

(h)

l-istabbilimenti inklużi fir-reġistru ta’ stabbilimenti tal-akkwakultura reġistrati msemmija fl-Artikolu 185(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/429 dment li jċaqilqu annimali tal-akkwakultura lejn Stat Membru ieħor jew jirċievu annimali tal-akkwakultura minn pajjiż terz;

(i)

it-trasportaturi li għalihom l-awtorità kompetenti tkun tat awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005;

(j)

is-sewwieqa u l-akkumpanjaturi ta’ vetturi tat-triq li jittrasportaw ekwidi domestiċi jew annimali domestiċi ta’ speċi bovina, ovina, kaprina jew porċina jew tjur li għalihom l-awtorità kompetenti tkun tat ċertifikat ta’ kompetenza skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005;

(k)

il-mezzi tat-trasport bit-triq użati għal vjaġġi twal u bastimenti tal-bhejjem li għalihom l-awtorità kompetenti tkun tat ċertifikat ta’ approvazzjoni skont l-Artikoli 18(1) u 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 rispettivament;

(l)

l-operaturi inklużi fir-reġistru ta’ operaturi professjonali li jintroduċu fl-Unjoni pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra li għalihom huwa meħtieġ ċertifikat fitosanitarju kif imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 65(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031;

(m)

il-postijiet ta’ kwarantina u l-faċilitajiet ta’ konfinament magħżula f’konformità mal-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2016/2031 biex iwettqu attivitajiet li jinvolvu pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra introdotti fit-territorju tal-Unjoni minn pajjiżi terzi.

2.   Il-punti ta’ kuntatt imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom idaħħlu fit-TRACES informazzjoni dwar kull lista msemmija f’dak il-paragrafu billi jużaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-format ta’ dawn il-listi pprovduti mill-Kummissjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tassisti lill-Istati Membri biex jagħmlu l-listi msemmija fil-punti (a) sa (f) tal-paragrafu 1 disponibbli għall-pubbliku permezz tal-pubblikazzjoni fuq is-sit web tagħha jew permezz tat-TRACES.

(*2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/97 tal-25 ta’ Ġunju 1997 dwar kriterji tal-Komunità għal postijiet ta’ waqfien u li jemenda l-pjan ta’ rotta msemmi fl-Anness tad-Direttiva 91/628/KEE (ĠU L 174, 2.7.1997, p. 1)."

(*3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li jemenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1).”."

Artikolu 2

Tħassir

Id-Deċiżjoni 97/152/KE hija mħassra.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-21 ta’ April 2021, ħlief għall-Artikolu 1(5), li għandu japplika mill-1 ta’ Diċembru 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(3)  ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

(4)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 tat-30 ta’ Settembru 2019 li jistabbilixxi r-regoli għat-tħaddim tas-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali u l-komponenti tas-sistema tagħha (“ir-Regolament IMSOC”) (ĠU L 261, 14.10.2019, p. 37).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2002 tas-7 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifika tal-Unjoni u r-rapportar tal-Unjoni ta’ mard elenkat, tal-formati u l-proċeduri għas-sottomissjoni u għar-rapportar tal-programmi ta’ sorveljanza tal-Unjoni u tal-programmi ta’ eradikazzjoni u għall-applikazzjoni għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard, u tas-sistema ta’ informazzjoni kompjuterizzata (ĠU L 412, 8.12.2020, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/97 tal-25 ta’ Ġunju 1997 dwar kriterji tal-Komunità għal postijiet ta’ waqfien u li jemenda l-pjan ta’ rotta msemmi fl-Anness tad-Direttiva 91/628/KEE (ĠU L 174, 2.7.1997, p. 1).

(12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li jemenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1).

(13)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/152/KE tal-10 ta’ Frar 1997 rigward l-informazzjoni li għandha tiddaħħal fil-file kompjuterizzat tal-kunsinna ta’ annimali jew ta’ prodotti tal-annimali minn pajjiżi terzi li jintbagħtu mill-ġdid (ĠU L 59, 28.2.1997, p. 50).

(14)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992 dwar il-kompjuterizzazzjoni tal-proċeduri veterinarji rigward l-importazzjoni (il-Proġett Shift), li temenda d-Direttivi 90/675/KEE, 91/496/KEE, 91/628/KEE u d-Deċiżjoni 90/424/KEE, u li tħassar id-Deċiżjoni 88/192/KEE (ĠU L 243, 25.8.1992, p. 27).

(15)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


30.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 109/71


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/548

tad-29 ta’ Marzu 2021

li jagħmel importazzjonijiet ta’ kejbils ta’ fibra ottika li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li informat lill-Istati Membri,

Billi:

(1)

Fl-24 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta’ notifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-Notifika ta’ bidu”), il-ftuħ ta’ proċediment antidumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ kejbils ta’ fibra ottika li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (iċ-“Ċina”) wara lment imressaq minn Europacable (“l-ilmentatur”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-kejbils ta’ fibra ottika.

1.   PRODOTT SOĠĠETT GĦAR-REĠISTRAZZJONI

(2)

Il-prodott soġġett għal reġistrazzjoni jikkonsisti f’kejbils tal-fibra ottika b’modalità unika, magħmulin minn fibra waħda miksija individwalment jew aktar, b’kisi protettiv, li fihom kondutturi elettriċi jew le (“OFC”), li joriġina miċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”). Il-prodotti li ġejjin huma esklużi: (i) kejbils li fihom il-fibri ottiċi huma mgħammra individwalment b’konnetturi operazzjonali f’estremità waħda jew fiż-żewġ estremitajiet; kif ukoll (ii) kejbils għall-użu taħt il-baħar. Il-kejbils għall-użu taħt il-baħar huma kejbils tal-fibra ottika insulati bil-plastik, b’konduttur tar-ram jew tal-aluminju, li fihom il-fibri huma f’modulu/i tal-metall.

(3)

Il-prodott ikkonċernat bħalissa huwa kklassifikat taħt il-kodiċi NM ex 8544 70 00 (kodiċi TARIC 8544700010). Il-kodiċijiet NM u TARIC qed jingħataw għall-informazzjoni biss.

2.   TALBA

(4)

Fis-17 ta’ Diċembru 2020, l-ilmentatur ippreżenta talba għar-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. L-ilmentatur talab li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni sabiex sussegwentement ikunu jistgħu jiġu applikati miżuri kontra dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ tali reġistrazzjoni, dment li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fir-Regolament bażiku.

3.   RAĠUNIJIET GĦAR-REĠISTRAZZJONI

(5)

Skont l-ilmentatur, ir-reġistrazzjoni kienet ġustifikata minħabba li l-kundizzjonijiet fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku ġew issodisfati. B’mod partikolari, l-ilmentatur argumenta li l-prodott ikkonċernat kien qed ikun oġġett ta’ dumping fl-Unjoni f’volumi dejjem akbar wara l-bidu tal-proċediment li kkawża ħsara sinifikanti lill-industrija tal-Unjoni u jdgħajjef l-effett rimedjali tad-dazji definittivi potenzjali.

(6)

Il-Kummissjoni eżaminat it-talba fid-dawl tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni vverifikat jekk l-importaturi kinux akkonoxxenza, jew jekk kellhomx ikunu akkonoxxenza, tad-dumping fir-rigward tal-livell tad-dumping u d-dannu allegat jew misjub. Analizzat ukoll jekk kienx hemm żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet li, fid-dawl ta’ meta seħħet u l-volum u ċirkostanzi oħra, x’aktarx imminat serjament l-effett ta’ rimedju tad-dazju anti-dumping definittiv li għandu jiġi applikat.

3.1.   Il-konoxxenza tal-importaturi dwar id-dumping, il-livell tiegħu u d-dannu allegat

(7)

Il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat miċ-Ċina qed ikunu iddampjati. B’mod partikolari, l-ilmentatur ipprovda evidenza ta’ dumping abbażi ta’ paragun tal-valur normali maħdum abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u l-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni, stabbilit f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott ikkonċernat meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Fuq dik il-bażi, il-marġni tad-dumping ta’ 123 % ikkalkulat fl-ilment huwa sinifikanti.

(8)

Dik l-informazzjoni kienet inkluża fin-notifika ta’ bidu u għalhekk il-Kummissjoni tqis li l-importaturi kienu konxji, jew kellhom ikunu jafu, dwar id-dumping.

(9)

Bi tweġiba għat-talba għar-reġistrazzjoni mressqa mill-Europacable, il-Kamra tal-Kummerċ taċ-Ċina għall-Importazzjoni u l-Esportazzjoni ta’ Makkinarju u Prodotti Elettroniċi (CCCME) sostniet li r-rekwiżiti legali għar-reġistrazzjoni ma ġewx issodisfati, minħabba li t-talba għar-reġistrazzjoni ma kkunsidratx l-għarfien tal-importatur dwar id-dumping flimkien mar-rekwiżit taż-żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet. B’mod partikolari, skont il-parti, kwalunkwe żieda fl-importazzjonijiet li ma tkunx ikkawżata mill-għarfien ta’ miżuri potenzjali ma għandhiex tissodisfa r-rekwiżiti legali.

(10)

Fir-rigward ta’ din id-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni tqis li dawn iż-żewġ rekwiżiti għandhom jiġu kkunsidrati separatament. Fil-fatt, is-CCCME ssostni l-allegazzjonijiet tagħha billi tirreferi għal konstatazzjoni tal-Qorti (3) magħmula meta tinterpreta 10(4)(d) u mhux 10(4)(c), li huwa rekwiżit distint (u kumulattiv) (4). Is-CCCME irriproduċiet is-sejbiet parzjalment u ħarġithom mill-kuntest. Sempliċi qari tal-paragrafu kollu jagħmilha ċara li s-sejba hija irrilevanti għall-interpretazzjoni ta’ “akkonoxxenza”. Fil-fatt, il-konstatazzjonijiet f’dak il-każ isostnu l-pożizzjoni tal-Kummissjoni meta tiddikjara li huwa mill-pubblikazzjoni tan-notifika tal-bidu tal-investigazzjoni li l-importaturi kienu jafu bil-possibbiltà li d-dazji jistgħu sussegwentement jiġu applikati retroattivament. Dan jissuġġerixxi li l-importaturi jkunu wkoll (jew kellhom ikunu) konxji mid-dumping.

(11)

Fir-rigward tal-għarfien tal-importaturi dwar id-dumping, il-Kummissjoni tqis li billi tat bidu għall-investigazzjoni u pprovdiet l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-partijiet interessati, l-importaturi għandhom ikunu konxji tad-dumping. In-notifika ta’ bidu hija ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u hija aċċessibbli għall-partijiet interessati kollha, inkluż għall-importaturi. Barra minn hekk, bħala partijiet interessati fl-investigazzjoni, l-importaturi għandhom aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li, f’dak il-mument, l-importaturi kienu akkonoxxenza, jew kellhom ikunu akkonoxxenza, tal-prattiki allegati ta’ dumping, il-livell tagħhom u d-dannu allegat.

(12)

Rigward iż-żieda fl-importazzjonijiet, l-analiżi fil-premessi (19) u (20) turi li l-importazzjonijiet tabilħaqq żdiedu b’mod sinifikanti wara l-bidu ta’ din l-investigazzjoni, u li, minħabba ż-żmien meħtieġ bejn l-ordni u t-twassil, din ix-xejra dehret mhux immedjatament, iżda aktar minn xahar wara l-bidu tal-investigazzjoni. Dan juri li ż-żieda ulterjuri rrapportata hawn taħt hija kkawżata minn deċiżjonijiet konxji tal-importaturi fid-dawl tal-eżistenza tal-investigazzjoni u tal-possibbiltà ta’ dazji imposti fuq il-prodott ikkonċernat.

(13)

B’hekk il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ewwel kriterju għar-reġistrazzjoni kien issodisfat.

3.2.   Żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet

(14)

Fit-talba tiegħu għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, l-ilmentatur iddikjara żieda sostanzjali oħra fl-importazzjonijiet. Għal dak il-għan, l-ilmentatur uża l-Istatistika Doganali Ċiniża li turi li matul il-perjodu Jannar–Ottubru 2020, il-produtturi Ċiniżi tal-kejbils tal-fibrottika esportaw +9,5 % volumi ogħla tal-kodiċi Ċiniż tal-prodott 8544.70.00 lejn l-Unjoni (5) meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2019.

(15)

Is-CCCME kkontestat iċ-ċifri pprovduti mill-ilmentatur, u ddikjarat li l-istatistika tal-esportazzjoni Ċiniża ma kinitx affidabbli u li ċ-ċifri tal-Eurostat ma wrewx żieda fl-importazzjonijiet.

(16)

Il-Kummissjoni wettqet il-valutazzjoni tagħha stess fuq il-bażi ta’ data kompluta u aġġornata disponibbli fil-bażi tad-data tas-Sorveljanza, mingħajr ma qieset l-istatistika tal-esportazzjoni Ċiniża.

(17)

Il-Kummissjoni qabblet il-livell tal-importazzjonijiet mill-ewwel xahar sħiħ wara li nbdiet l-investigazzjoni (Ottubru 2020) sal-aktar xahar sħiħ riċenti disponibbli (Jannar 2021) mal-volumi korrispondenti tal-importazzjonijiet fl-istess perjodu tas-sena preċedenti (Ottubru 2019–Jannar 2020).

(18)

Qabel il-bidu ta’ din l-investigazzjoni ma kien hemm l-ebda kodiċi TARIC speċifiku għall-prodott ikkonċernat. Il-Kummissjoni kkalkulat il-proporzjon għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat (iddikjarat taħt il-kodiċi TARIC 8544700010) fil-perjodu Ottubru 2020–Jannar 2021 (32,85 %). Dan il-proporzjon kien ukoll konformi ma’ dak ipprovdut fl-ilment u kkunsidrat adegwat għall-perjodu minn Ottubru 2019 sa Jannar 2020. Dan tqies bħala approċċ konservattiv peress li l-bqija tal-prodotti inklużi taħt il-kodiċi NM 8544 70 00 mhumiex taħt investigazzjoni u l-Kummissjoni ma identifikat l-ebda raġuni li tissuġġerixxi żieda f’dawk l-importazzjonijiet. L-importazzjonijiet miċĊina żviluppaw kif ġej:

Perjodu wara l-bidu

Importazzjonijiet EU27 (kg — kodiċi sħiħ NM)

Importazzjonijiet EU27 (kg — prodott ikkonċernat)

Perjodu qabel il-bidu

Importazzjonijiet EU27 (kg — kodiċi sħiħ NM)

Importazzjonijiet UE27 (kg — stima għall-prodott ikkonċernat)

% żieda (wara vs qabel il-bidu)

Ottubru 2020

2 302 136

744 914

Ottubru 2019

2 482 783

815 622

-8,7

Novembru 2020

2 035 304

527 452

Novembru 2019

1 871 467

614 798

-14,2

Diċembru 2020

2 519 501

745 918

Diċembru 2019

1 421 222

466 888

59,8

Jannar 2021

3 615 579

1 422 058

Jannar 2020

2 439 294

801 336

77,5

Total

10 472 519

3 440 342

 

8 214 766

2 698 645

27,5

Sors: Data ta’ sorveljanza Doganali tal-UE.

(19)

Il-Kummissjoni qabblet ukoll il-medja tal-importazzjonijiet fix-xahar matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (Lulju 2019 sa Ġunju 2020) mal-medja tal-importazzjonijiet fix-xahar fl-erba’ xhur wara l-bidu (minn Ottubru 2020 sa Jannar 2021). It-tqabbil, kif spjegat fid-dettall fit-tabella ta’ hawn taħt, wera żieda ta’ 15,05 %.

Kodiċi NM sħiħ

Prodott ikkonċernat

% żieda wara l-bidu

Medja kull xahar wara l-bidu

Medja ta’ kull xahar (Lulju 2019–Ġunju 2020)

Medja kull xahar wara l-bidu

Medja ta’ kull xahar (Lulju 2019–Ġunju 2020)

2 618 130

2 275 551

860 086

747 544

15,05

Sors: Data ta’ sorveljanza Doganali tal-UE.

(20)

Il-Kummissjoni vverifikat l-informazzjoni ta’ hawn fuq ma’ sorsi oħra ta’ informazzjoni disponibbli, inklużi l-formoli tal-kampjunar u t-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-produtturi esportaturi kif ukoll il-Eurostat, li ssuġġerixxa li l-volumi ta’ importazzjoni ta’ hawn fuq li nkisbu mill-bażi tad-data tas-Sorveljanza Doganali tal-UE jistgħu jiġu sottovalutati. Il-Kummissjoni se tinvestiga r-raġuni għal dawn id-diskrepanzi, inkluża r-rata ta’ konverżjoni bejn l-unitajiet differenti ta’ kejl. Il-Kummissjoni qieset li dan il-punt ma poġġiex f’dubju l-fatt li l-volumi tal-importazzjoni rrappurtati hawn fuq għandhom jitqiesu affidabbli għal din l-analiżi. Barra minn hekk, korrezzjoni ta’ sottovalutazzjoni eventwali tal-volumi tal-importazzjoni tista’ tirriżulta biss fit-tisħiħ tal-konklużjonijiet milħuqa f’dan ir-Regolament.

(21)

Il-Kummissjoni għalhekk sabet li ż-żieda medja ta’ 27,5 % fix-xhur wara l-bidu tal-investigazzjoni kienet tikkostitwixxi żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku. Bl-istess mod, iż-żieda ta’ 15,05 % fuq il-bażi tal-medja ta’ kull xahar ta’ l-erba’ xhur wara l-bidu bl-importazzjonijiet medji ta’ kull xahar matul l-IP ukoll instabet li kienet sostanzjali.

(22)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tieni kriterju għar-reġistrazzjoni kien issodisfat ukoll.

3.3.   L-imminar tal-effett ta’ rimedju tad-dazju

(23)

Il-Kummissjoni għandha biżżejjed evidenza għad-dispożizzjoni tagħha li żieda kontinwata fl-importazzjonijiet miċ-Ċina bi prezzijiet li jkomplu jonqsu tikkaġuna dannu addizzjonali.

(24)

Kif stabbilit fil-premessi (13) sa (18), hemm biżżejjed evidenza ta’ żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Dan x’aktarx jimmina serjament l-effett rimedjali tad-dazji li għandhom jiġu applikati. Huwa fil-fatt raġonevoli li wieħed jassumi li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jaf iżidu ulterjorment is-sehem mis-suq qabel l-adozzjoni ta’ miżuri proviżorji, jekk ikun hemm, billi din tal-aħħar iseħħ lejn it-tieni nofs ta’ Mejju 2021 l-aktar tard.

(25)

Tabilħaqq, is-suq tal-UE huwa attraenti għall-produtturi esportaturi Ċiniżi bħala suq kbir tal-OFC fejn ma hemm l-ebda miżura ta’ difiża kummerċjali fis-seħħ, għall-kuntrarju ta’ swieq oħra bħall-Istati Uniti (fejn japplikaw dazji ta’ 25 % (6)). Dan huwa aktar u aktar minħabba l-kapaċità żejda Ċiniża sinifikanti għal dan il-prodott stmata li tammonta għal aktar mid-doppju tas-suq kollu tal-UE fuq il-bażi ta’ intelliġenza tas-suq speċjalizzat ipprovduta mill-ilmentaturi. Barra minn hekk, iż-żmien huwa kritiku peress li sejħa għall-offerti ewlenija għall-prodott ikkonċernat bdiet f’Jannar 2021 għal kuntratt ta’ provvista pluriennali li jirrappreżenta proporzjon imdaqqas ta’ konsum fi Franza.

(26)

Barra minn hekk, meta wieħed iżomm f’moħħu li l-industrija tal-Unjoni għandha kostijiet fissi għoljin, huwa evidenti li tnaqqis fis-sehem mis-suq u fil-produzzjoni se jwassal għal tnaqqis fil-profittabbiltà matul il-perjodu bejn il-bidu u l-impożizzjoni eventwali tal-miżuri.

(27)

Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat fil-perjodu bejn Ottubru 2020 u Jannar 2021 huma baxxi. Il-bażi tad-data Surveillance 2 tindika li l-valur medju għal kull kg ta’ importazzjonijiet Ċiniżi taħt il-kodiċi NM 8544 70 00 kien madwar 24 % inqas f’Ottubru 2020 - Jannar 2021 milli f’Ottubru 2019- Jannar 2020. Dan huwa indikattiv tal-prezzijiet medji tal-prodott ikkonċernat, peress li l-proporzjon tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fiż-żewġ perjodi huwa komparabbli (id-data tas-sorveljanza doganali tal-UE għall-perjodu Ottubru 2020-Jannar 2021 tindika li l-prodott ikkonċernat jammonta għal madwar 33 % tal-importazzjonijiet totali taħt il-kodiċi NM 8544 70 00, l-istess proporzjon allegat fl-ilment). Dan ta’ hawn fuq jikkonferma l-imġiba tal-ipprezzar tal-produtturi esportaturi Ċiniżi deskritti fl-ilment.

(28)

Iż-żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet osservata wara l-bidu (b’mod partikolari f’Diċembru u f’Jannar), iffaċilitata mill-kapaċità żejda eżistenti fiċ-Ċina u xprunata mill-attraenza tas-suq tal-UE, x’aktarx li timmina serjament l-effetti rimedjali tal-miżuri, mhux l-inqas fid-dawl tal-impatt ikkonċentrat f’perjodu qasir ta’ żmien, taż-żmien kritiku ta’ ċerti offerti, u tal-prezzijiet baxxi involuti. Ma hemm l-ebda informazzjoni fil-fajl dwar ċirkostanzi oħra li jistgħu jikkontradixxu din il-valutazzjoni.

(29)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tielet kriterju għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet kien issodisfat ukoll.

3.4.   Konklużjoni

(30)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat suġġetti għar-reġistrazzjoni b’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

4.   PROĊEDURA

(31)

Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, bil-kundizzjoni li jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn dawn għandhom jinstemgħu.

5.   REĠISTRAZZJONI

(32)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-reġistrazzjoni bl-iskop li jiżguraw li, f’każ li l-investigazzjoni tirriżulta f’konklużjonijiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping, dawk id-dazji jistgħu, jekk il-kundizzjonijiet neċessarji jkunu ssodisfati, jiġu imposti b’mod retroattiv fuq l-importazzjonijiet irreġistrati skont id-dispożizzjonijiet legali applikabbli.

(33)

Kull obbligazzjoni fil-futur tiġi mill-konklużjonijiet tal-investigazzjoni antidumping.

(34)

L-allegazzjonijiet fl-ilment li jitlob li jingħata bidu għal investigazzjoni antidumping jagħtu stima ta’ marġni medju ta’ dumping sa massimu ta’ 123 % u livell medju ta’ eliminazzjoni tad-dannu ta’ ’l fuq minn 43 % għall-prodott ikkonċernat. Abbażi ta’ dan, l-ammont ta’ responsabbiltà possibbli fil-futur jista’ jiġi stabbilit fil-livell tal-marġini ta’ dumping allegat fl-ilment, jiġifieri sa massimu ta’ 43 % ad valorem fuq il-valur ta’ importazzjoni CIF tal-prodott ikkonċernat.

(35)

Filwaqt li tqis id-diffikultajiet fit-tqabbil tal-volumi f’unitajiet differenti ta’ kejl, kif irrappurtat hawn fuq fil-premessa (20), il-Kummissjoni tqis xieraq li jkollha d-data tal-importazzjoni inkluża l-informazzjoni dwar it-tul tal-kejbils f’kilometri għall-finijiet ta’ monitoraġġ. Għalhekk l-awtoritajiet doganali huma ordnati li jiġbruhom.

6.   IPPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

(36)

Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet ta’ kejbils ta’ fibra ottika b’modalità waħda, magħmula minn fibra waħda jew aktar miksija individwalment, b’kejsing protettiv, kemm jekk fihom kondutturi elettriċi kif ukoll jekk le, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8544 70 00 (kodiċi TARIC 8544700010) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Il-prodotti li ġejjin huma esklużi:

(i)

kejbils li fihom il-fibri ottiċi huma mgħammra individwalment b’konnetturi operazzjonali f’estremità waħda jew fiż-żewġ estremitajiet; kif ukoll

(ii)

kejbils għall-użu taħt il-baħar. Il-kejbils għall-użu taħt il-baħar huma kejbils tal-fibra ottika insulati bil-plastik, b’konduttur tar-ram jew tal-aluminju, li fihom il-fibri huma f’modulu/i tal-metall.

2.   Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa' xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

3.   Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub, jipprovdu evidenza ta' sostenn jew jitolbu li jinstemgħu fi żmien 21 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Id-dikjarazzjoni doganali għandha tindika t-tul f’kilometri tal-prodott deskritt fl-Artikolu 1(1), sakemm din l-indikazzjoni tkun kompatibbli mal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (8).

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  ĠU C 316, 24.9.2020, p. 10.

(3)  Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-8 ta’ Mejju 2019, Stemcor London Ltd u Samac Steel Supplies Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea, Kawża T-749/16, punt 74.

(4)  Ibid. para. 46.

(5)  Din id-data tirreferi għall-esportazzjoni lejn l-EU27.

(6)  Jekk jogħġbok irreferi għal: https://hts.usitc.gov/view/China%20Tariffs?release=2020HTSARev16

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1). L-Anness I “Nomenklatura Magħquda”.


30.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 109/77


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/549

tad-29 ta’ Marzu 2021

li jemenda għat-319-il darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-ISIL (Da'esh) u mal-organizzazzjonijiet Al-Qaida

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta’ Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-ISIL (Da'esh) u mal-organizzazzjoni Al-Qaida (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(1)(a) u l-Artikolu 7a(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 jelenka l-persuni, il-gruppi u l-entitajiet koperti mill-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi skont dan ir-Regolament.

(2)

Fit-23 ta’ Marzu 2021, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċieda li jemenda tmien annotazzjonijiet fil-lista tal-persuni, tal-gruppi u tal-entitajiet li fuqhom jenħtieġ li japplika l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President

Id-Direttur Ġenerali

Id-Direttorat Ġenerali għall-Istabilità Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali


(1)  ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9.


ANNESS

Id-data ta’ identifikazzjoni għall-entrati li ġejjin taħt l-intestatura “Persuni naturali” fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 tiġi emendata kif ġej:

(1)

“Khalifa Muhammad Turki Al-Subaiy (psewdonimu: (a) Khalifa Mohd Turki Alsubaie, (b) Khalifa Mohd Turki al-Subaie, (c) Khalifa Al-Subayi, (d) Khalifa Turki bin Muhammad bin al-Suaiy, (e) Abu Mohammed al-Qatari, (f) Katrina). Data tat-twelid: 1.1.1965. Post tat-twelid: Doha, il-Qatar. Nazzjonalità: Qatarija. Nru tal-passaport: 00685868 (maħruġ f’Doha fil-5.2.2006 u skada fl-4.2.2011). Numri tal-karta tal-identità: 26563400140 (il-Qatar). Indirizz: Doha, il-Qatar. Informazzjoni oħra: Isem l-omm huwa Hamdah Ahmad Haidoos. Data tan-nomina msemmija fl-Artikolu 2a(4)(b): 10.10.2008.’

tiġi sostitwita b’dan li ġej:

‘Khalifa Muhammad Turki Al-Subaiy (kitba orġinali: خليفة محمد تركي السبيعي) (psewdonimu affidabbli: (a) Khalifa Mohd Turki Alsubaie; (b) Khalifa Mohd Turki al-Subaie; (c) Khalifa Al-Subayi; (d) Khalifa Turki bin Muhammad bin al-Suaiy; psewdonimu anqas affidabbli: (a) Abu Mohammed al-Qatari; (b) Katrina). Data tat-twelid: 1.1.1965. Post tat-twelid: Doha, il-Qatar. Nazzjonalità: Qatarija. Nru tal-passaport: (a) 1353275 (Numru tal-passaport Qatari li jiskadi fit-12.6.2022); (b) 00685868 (Numru tal-passaport maħruġ f’Doha fil-5.2.2006 u skada fl-4.2.2011). Nru ta’ identifikazzjoni nazzjonali: 26563400140 (Numru ta’ identifikazzjoni Qatarija). Indirizz: Al-Waab, il-Qatar. Informazzjoni oħra: Isem l-omm huwa Hamdah Ahmad Haidoos. Data tan-nomina msemmija fl-Artikolu 7d(2)(i): 10.10.2008.’

(2)

‘Hamid Hamad Hamid al-'Ali. Data tat-twelid: 17 Nov. 1960. Post tat-twelid: (a) il-Kuwajt, (b) il-Qatar. Nazzjonalità: Kuwajti. Numru tal-passaport: (a) 001714467 (Passaport Kuwajti), (b) 101505554 (Passaport Kuwajti). Data tan-nomina msemmija fl-Artikolu 2a(4)(b): 15.8.2014.’

hija sostitwita b’dan li ġej:

‘Hamid Hamad Hamid al-'Ali. Data tat-twelid: 17.11.1960. Post tat-twelid: Il-Kuwajt. Nazzjonalità: Kuwajtija. Nru tal-passaport: (a) 001714467 (Numru tal-passaport Kuwajti); (b) 101505554 (Numru tal-passaport Kuwajti). Data tan-nomina msemmija fl-Artikolu 7d(2)(i): 15.8.2014.’

(3)

‘Abd Al-Rahman Bin 'Umayr Al-Nu'Aymi (psewdonimu (a) Abd al-Rahman bin 'Amir al-Na'imi; (b) 'Abd al-Rahman al-Nu'aimi; (c) 'Abd al-Rahman bin 'Amir al-Nu'imi; (d) 'Abd al-Rahman bin 'Amir al-Nu'aymi; (e) 'Abdallah Muhammad al-Nu'aymi; (f) 'Abd al-Rahman al-Nua'ymi; (g) A. Rahman al-Naimi; (h) Abdelrahman Imer al Jaber al Naimeh; (i) A. Rahman Omair J Alnaimi; (j) Abdulrahman Omair al Neaimi). Data tat-twelid: 1954. Post tat-twelid: Doha, il-Qatar. Nazzjonalità: Qatarija. Nru tal-passaport: 00868774 (Passaport Qatari, skada fis-27.4.2014). Nru ta' identifikazzjoni nazzjonali: 25463401784 (ID Qatarija, skadiet fis-6.12.2019). Data tan-nomina msemmija fl-Artikolu 7d(2)(i): 23.9.2014.’

hija sostitwita b’dan li ġej:

‘Abd Al-Rahman Bin 'Umayr Al-Nu'Aymi (psewdonimu affidabbli: (a) Abd al-Rahman bin 'Amir al-Na'imi; (b) 'Abd al-Rahman al-Nu'aimi; (c) 'Abd al-Rahman bin 'Amir al-Nu'imi; (d) 'Abd al-Rahman bin 'Amir al-Nu'aymi; (e) 'Abdallah Muhammad al-Nu'aymi; (f) 'Abd al-Rahman al-Nua'ymi; (g) A. Rahman al-Naimi; (h) Abdelrahman Imer al Jaber al Naimeh; (i) A. Rahman Omair J Alnaimi; (j) Abdulrahman Omair al Neaimi). Data tat-twelid: 1954. Post tat-twelid: Doha, il-Qatar. Nazzjonalità: Qatarija. Nru tal-passaport: (a) 01461558 (Numru tal-passaport Qatari li jiskadi fl-20.1.2024); (b) 00868774 (Numru tal-passaport Qatari, skada fis-27.4.2014). Nru ta' identifikazzjoni nazzjonali: (a) 25463400086 (Numru ta' identifikazzjoni Qatarija); (b) 25463401784 (Numru ta’ identifikazzjoni Qatarija, skadiet fis-6.12.2019). Indirizz: Al-Waab, il-Qatar. Data tan-nomina msemmija fl-Artikolu 7d(2)(i): 23.9.2014.’

(4)

‘Ashraf Muhammad Yusuf 'Uthman 'Abd Al-Salam (psewdonimu (a) Ashraf Muhammad Yusif 'Uthman 'Abd-al-Salam; (b) Ashraf Muhammad Yusuf 'Abd-al-Salam; (c) Ashraf Muhammad Yusif 'Abd al-Salam; (d) Khattab; (e) Ibn al-Khattab). Data tat-twelid: 1984. Post tat-twelid: L-Iraq. Nazzjonalità: Ġordanjana. Nru tal-passaport: (a) K048787 (Passaport Ġordanjan); (b) 486298 (Passaport Ġordanjan). Nru ta' identifikazzjoni nazzjonali: 28440000526 (ID nazzjonali Qatarija). Indirizz: Ir-Repubblika Għarbija Sirjana (kien hemm sa Diċembru 2014). Data tan-nomina msemmija fl-Artikolu 2a(4)(b): 23.1.2015.’

hija sostitwita b’dan li ġej:

‘Ashraf Muhammad Yusuf 'Uthman 'Abd Al-Salam (kitba oriġinali: اشرف محمد يوسف عثمان عبد السلام) (Psewdonimu affidabbli: (a) Ashraf Muhammad Yusif 'Uthman 'Abd-al-Salam; (b) Ashraf Muhammad Yusuf 'Abd-al-Salam; (c) Ashraf Muhammad Yusif 'Abd al-Salam; psewdonimu anqas affidabbli: (a) Khattab; (b) Ibn al-Khattab). Data tat-twelid: 1984. Post tat-twelid: L-Iraq. Nazzjonalità: Ġordanjana. Nru tal-passaport: (a) K048787 (Numru tal-passaport Ġordanjan); (b) 486298 (Numru tal-passaport Ġordanjan). Indirizz: Ir-Repubblika Għarbija Sirjana (kien hemm minn Diċembru 2014). Data tan-nomina msemmija fl-Artikolu 7d(2)(i): 23.1.2015.’

(5)

‘Ibrahim 'Isa Hajji Muhammad Al-Bakr (psewdonimu (a) Ibrahim 'Issa Haji Muhammad al-Bakar; (b) Ibrahim 'Isa Haji al-Bakr; (c) Ibrahim Issa Hijji Mohd Albaker; (d) Ibrahim Issa Hijji Muhammad al-Baker; (e) Ibrahim 'Issa al-Bakar; (f) Ibrahim al-Bakr; (g) Abu-Khalil). Data tat-twelid: 12.7.1977. Post tat-twelid: Il-Qatar. Nazzjonalità: Qatarija. Nru tal-passaport: 01016646 (Passaport Qatari). Data tan-nomina msemmija fl-Artikolu 2a(4)(b): 23.1.2015.’

hija sostitwita b’dan li ġej:

‘Ibrahim 'Isa Hajji Muhammad Al-Bakr (kitba oriġinali: ابراهیم عیسی حاجي محمد البکر) (psewdonimu affidabbli: (a) Ibrahim 'Issa Haji Muhammad al-Bakar; (b) Ibrahim 'Isa Haji al-Bakr; (c) Ibrahim Issa Hijji Mohd Albaker; (d) Ibrahim Issa Hijji Muhammad al-Baker; (e) Ibrahim 'Issa al-Bakar; (f) Ibrahim al-Bakr; psewdonimu anqas affidabbli: Abu-Khalil). Data tat-twelid: 12.7.1977. Post tat-twelid: Il-Qatar. Nazzjonalità: Qatarija. Nru tal-passaport: 01016646 (Passaport Qatari, skada fil-11.1.2017). Nru ta’ identifikazzjoni nazzjonali: 27763401255 (Numru ta’ identifikazzjoni tal-Qatar). Data tan-nomina msemmija fl-Artikolu 7d(2)(i): 23.1.2015.’

(6)

‘Abd Al-Malik Muhammad Yusuf 'Uthman 'Abd Al-Salam (psewdonimu (a) 'Abd al-Malik Muhammad Yusif 'Abd-al-Salam; (b) 'Umar al-Qatari; (c) 'Umar al-Tayyar). Data tat-twelid: 13.7.1989. Nazzjonalità: Ġordanjana. Nru tal-passaport: K475336 (Passaport Ġordanjan, maħruġ fil-31.8.2009 u skada fil-30.8.2014). Nru ta' identifikazzjoni nazzjonali: 28940000602 (ID nazzjonali Qatarija). Data tan-nomina msemmija fl-Artikolu 2a(4)(b): 23.1.2015.’

hija sostitwita b’dan li ġej:

‘'Abd Al-Malik Muhammad Yusuf 'Uthman 'Abd Al-Salam (kitba oriġinali: عبدالملك محمد يوسف عثمان عبد السلام) (psewdonimu affidabbli: (a) 'Abd al-Malik Muhammad Yusif 'Abd-al-Salam; psewdonimu anqas affidabbli: (a) 'Umar al-Qatari; (b) 'Umar al-Tayyar). Data tat-twelid: 13.7.1989. Nazzjonalità: Ġordanjana. Nru tal-passaport: K475336 (Numru tal-passaport Ġordanjan, maħruġ fil-31.8.2009 u skada fil-30.8.2014). Data tan-nomina msemmija fl-Artikolu 7d(2)(i): 23.1.2015.’

(7)

‘Abd Al-Latif Bin Abdallah Salih Muhammad Al-Kawari (psewdonimu (a) Abd-al-Latif Abdallah Salih al-Kawari, (b) Abd-al-Latif Abdallah Salih al-Kuwari, (c) Abd-al-Latif Abdallah al-Kawwari, (d) Abd-al-Latif Abdallah al-Kawari, (e) Abu Ali al-Kawari). Data tat-twelid: 28.9.1973. Nazzjonalità: Qatarija. Nru tal-Passaport: (a) Numru tal-passaport Qatari 01020802, (b) Numru tal-passaport Qatari 00754833 maħruġ fl-20.5.2007, (c) Numru tal-passaport Qatari 00490327 maħruġ fis-28.7.2001. Nru ta’ identifikazzjoni nazzjonali: Numru tal-karta tal-identità Qatarija 27363400684. Indirizz: Al-Laqtah, Qatar. Data tan-nomina msemmija fl-Artikolu 2a(4)(b): 21.9.2015.’

hija sostitwita b’dan li ġej:

‘Abd Al-Latif Bin Abdallah Salih Muhammad Al-Kawari (kitba oriġinali: عبداللطیف بن عبدلله صالح محمد الكواري) (psewdonimu affidabbli: (a) Abd-al-Latif Abdallah Salih al-Kawari; (b) Abd-al-Latif Abdallah Salih al-Kuwari; (c) Abd-al-Latif Abdallah al-Kawwari; (d) Abd-al-Latif Abdallah al-Kawari, (e) Abu Ali al-Kawari). Data tat-twelid: 28.9.1973. Nazzjonalità: Qatarija. Nru tal-passaport: (a) 01020802 (Numru tal-passaport Qatari); (b) 00754833 (Numru tal-passaport Qatari, maħruġ fl-20.5.2007); (c) 00490327 (Numru tal-passaport Qatari, maħruġ fit-28.7.2001); (d) 01538029 (Numru tal-passaport Qatari, jiskadi fl-14.3.2025). Nru ta’ identifikazzjoni nazzjonali: 27363400684 (Numru ta’ identifikazzjoni Qatarija). Indirizz: Al Kharaitiyat, il-Qatar. Data tan-nomina msemmija fl-Artikolu 7d(2)(i): 21.9.2015.’

(8)

‘Sa'd Bin Sa'd Muhammad Shariyan Al-Ka'bi (psewdonimu (a) Sa'd bin Sa'd Muhammad Shiryan al-Ka'bi; (b) Sa'd Sa'd Muhammad Shiryan al-Ka'bi; (c) Sa'd al-Sharyan al-Ka'bi; (d) Abu Haza'; (e) Abu Hazza'; (f) Umar al-Afghani; (g) Abu Sa'd; (h) Abu Suad. Data tat-twelid: 15.2.1972. Nazzjonalità: Qatarija. Nru tal-Passaport: Numru tal-passaport Qatari 00966737. Data tan-nomina msemmija fl-Artikolu 2a(4)(b): 21.9.2015.’

hija sostitwita b’dan li ġej:

‘Sa'd Bin Sa'd Muhammad Shariyan Al-Ka'bi (kitba oriġinali: سعد بن سعد محمد شریان الكعبي) (psewdonimu affidabbli: (a) Sa'd bin Sa'd Muhammad Shiryan al-Ka'bi; (b) Sa'd Sa'd Muhammad Shiryan al-Ka'bi; (c) Sa'd al-Sharyan al-Ka'bi; psewdonimu anqas affidabbli: (a) Abu Haza'; (b) Abu Hazza'; (c) Umar al-Afghani; (d) Abu Sa'd; (e) Abu Suad). Data tat-twelid: 15.2.1972. Nazzjonalità: Qatarija. Nru tal-passaport: (d) 00966737 (Numru tal-passaport Qatari, skada fis-16.2.2016). Nru ta’ identifikazzjoni nazzjonali: 27263401275 (Numru ta’ identifikazzjoni Qatarija). Indirizz: Umm Salal, Qatar. Data tan-nomina msemmija fl-Artikolu 7d(2)(i): 21.9.2015.’