ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 80

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 64
8 ta' Marzu 2021


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

*

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/402 tal-4 ta’ Marzu 2021 dwar appoġġ attiv effettiv għall-impjiegi wara l-kriżi tal-COVID-19 (EASE)

1

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

RAKKOMANDAZZJONIJIET

8.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 80/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/402

tal-4 ta’ Marzu 2021

dwar appoġġ attiv effettiv għall-impjiegi wara l-kriżi tal-COVID-19 (EASE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri eċċezzjonali meħtieġa biex irażżnu t-tixrid tal-virus u biex jipproteġu l-ħajjiet ikkawżaw xokk ekonomiku kbir u fit-tul fl-Unjoni Ewropea. Fit-tielet kwart tal-2020, il-PDG tal-UE kien kważi 4,2 % inqas meta mqabbel mal-istess kwart tas-sena preċedenti. Mit-tieni nofs tal-2020, kien hemm irkupru qawwi iżda mhux komplut, iżda ż-żieda mill-ġdid fl-infezzjonijiet hija mistennija li twassal għal kontrazzjoni moderata u dewmien fl-irkupru għat-tieni nofs tal-2021 (1).

(2)

Ir-rispons tal-politika għall-pandemija tal-COVID-19 kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE kien strumentali biex jiġi limitat l-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19. L-użu ta’ skemi ta’ xogħol għal żmien qasir u miżuri simili għaż-żamma tal-impjiegi s’issa għen biex tiġi limitata ż-żieda fil-qgħad dovuta għat-tnaqqis fl-attività ekonomika. Fil-livell tal-UE, ir-rata tal-qgħad żdiedet b’inqas minn punt perċentwali wieħed bejn l-ewwel u t-tielet kwart tal-2020. Il-politiki bbenefikaw minn finanzjament flessibbli mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej skont l-Inizjattivi ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (CRII (2) u CRII Plus (3)) u mill-istrument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jiġu mtaffija r-riskji tal-qgħad f’emerġenza (SURE) (4).

(3)

Meta wieħed iħares ’il quddiem, il-bidliet ikkawżati mill-kriżi fix-xejriet tal-konsum u t-tranżizzjonijiet tewmin ekoloġiċi u diġitali, megħjuna mill-Patt Ekoloġiku Ewropew (5) u mill-Istrateġija Diġitali Ewropea (6), se jittrasformaw l-ekonomiji tagħna. Xi setturi jistgħu ma jirkuprawx għalkollox għal xi żmien, jew jistgħu ma jirkupraw xejn, u l-kumpaniji jistgħu joħorġu minn din il-kriżi f’diffikultà finanzjarja (7). Filwaqt li Patt Ekoloġiku Ewropew jixpruna l-istrateġija tat-tkabbir tagħna u filwaqt li t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika hija mistennija li toħloq sa 2 miljun impjieg addizzjonali sal-2050 madwar l-UE (8), l-impjiegi f’ċerti setturi u reġjuni se jkunu f’riskju li jiġu spostati. Dawn l-iżviluppi jistgħu jwasslu għal żieda fil-qgħad fuq perjodu ta’ żmien qasir, filwaqt li l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda ta’ kwalità jista’ jieħu ż-żmien, skont il-perspettiva ekonomika u d-disponibbiltà ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet. Iż-żieda fil-qgħad u ż-żieda fl-inattività jimplikaw telf ta’ ħiliet, li jista’ jkollhom effetti ċikatriċi għall-individwi kkonċernati u għall-ekonomija kollha kemm hi. Mingħajr miżuri effettivi ta’ titjib u ta’ taħriġ mill-ġdid, il-qgħad jirriskja li jsir persistenti.

(4)

Huma ż-żgħażagħ li x’aktarx li jħallsu l-ogħla prezz fin-nuqqas ta’ rispons politiku adegwat. Iż-żieda fir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ saret it-tripplu tar-rata ġenerali tal-qgħad bejn l-ewwel u t-tielet kwart tal-2020 (9). Dħul ittardjat fis-suq tax-xogħol jista’ jħalli marka fuq din il-ġenerazzjoni għas-snin li ġejjin.

(5)

Il-kriżi x’aktarx li taffettwa ħażin ukoll is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol ta’ gruppi li jinsabu f’pożizzjoni vulnerabbli jew li mhumiex rappreżentati biżżejjed fis-suq tax-xogħol, bħan-nisa, il-ħaddiema akbar fl-età, il-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet, il-persuni b’diżabbiltà, il-persuni li jgħixu f’żoni rurali u remoti, il-persuni LGBTIQ, ir-Roma u minoritajiet etniċi jew razzjali oħra li jinsabu partikolarment f’riskju ta’ esklużjoni jew ta’ diskriminazzjoni kif ukoll dawk ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni. B’mod partikolari, filwaqt li r-rata medja ta’ impjieg tan-nisa fl-UE llum hija ogħla minn qatt qabel, ħafna nisa għadhom jesperjenzaw ostakli biex jidħlu u jibqgħu fis-suq tax-xogħol u r-rati ta’ impjieg tagħhom jenħtieġ li jittejbu (10).

(6)

Hemm bżonn ta’ approċċ strateġiku fil-livelli tal-UE u nazzjonali biex issir tranżizzjoni gradwali bejn il-miżuri ta’ emerġenza, meħudin fil-kuntest tal-pandemija, u dawk meħtieġa biex jiġi ffaċilitat il-proċess tar-riallokazzjoni tax-xogħol u tal-kapital fl-irkupru. Jenħtieġ li l-UE u l-Istati Membri jaġixxu flimkien biex jippromwovu rkupru dinamiku, rikk fl-impjiegi u inklużiv u jiffaċilitaw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali fis-suq tax-xogħol Ewropew. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni għar-riskji tal-eliminazzjoni gradwali tal-miżuri ta’ emerġenza mingħajr politiki ġodda effettivi fis-seħħ biex jappoġġaw lill-ħaddiema u lid-ditti matul l-irkupru.

(7)

Hemm bżonn ta’ sett koerenti ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol li jikkonsisti minn inċentivi temporanji ta’ reklutaġġ u ta’ tranżizzjoni, politiki dwar il-ħiliet u servizzi tal-impjiegi mtejba (minn hawn ’il quddiem imsejħa “Appoġġ Attiv Effettiv għall-Impjiegi” jew il-miżuri EASE) sabiex jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol fil-kuntest tal-irkupru u t-tranżizzjonijiet tewmin, filwaqt li jsir użu sħiħ mill-fondi disponibbli tal-UE għal dan il-għan.

(8)

Appoġġ f’waqtu u mfassal tajjeb għall-impjiegi jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-ħaddiema u għall-kumpaniji u għall-ekonomija u għas-soċjetà inġenerali. Jekk jingħata appoġġ f’waqtu u attiv, il-ħaddiema f’setturi ekonomiċi milqutin mill-kriżi huma aktar probabbli li jsibu impjiegi ta’ kwalità f’setturi li qed jespandu bħas-setturi ekoloġiċi u diġitali jew f’setturi b’mudelli ta’ negozju innovattivi iżda wkoll fl-ekonomija soċjali u f’setturi li għandhom nuqqas ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet bħas-setturi tas-saħħa u tal-kura.

(9)

Inċentivi temporanji ta’ reklutaġġ fis-suq tax-xogħol jistgħu jkunu effettivi fil-promozzjoni tal-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità fost tkabbir ekonomiku baxx matul l-istadji inizjali tal-irkupru. Dawn jenħtieġ li jkunu mmirati u mfassla biex jiffaċilitaw it-tranżizzjonijiet tal-impjiegi u l-ħolqien ta’ impjiegi li ma kinux iseħħu fin-nuqqas ta’ dawk l-inċentivi. Il-gruppi fil-mira jistgħu jinkludu popolazzjonijiet vulnerabbli u sottorappreżentati, inklużi ż-żgħażagħ li qed jidħlu fis-suq tax-xogħol. B’mod partikolari, l-appoġġ għall-apprendistati jista’ jkun effettiv biex jiġu żviluppati l-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol u biex iż-żgħażagħ jiġu megħjunin isibu impjieg. Barra minn hekk, l-inċentivi ta’ tranżizzjoni, li jħeġġu r-reklutaġġ ta’ ħaddiema f’riskju ta’ spostament minn impjegaturi ġodda, jistgħu jikkontribwixxu biex itaffu dawk it-tranżizzjonijiet u jżidu l-provvista ta’ ħiliet f’setturi li qed jespandu. L-appoġġ għall-intraprenditorija, b’enfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ, in-nisa u l-imprendituri soċjali, jista’ jikkomplementa dawn il-miżuri, inkluż l-appoġġ biex jgħinhom jittrattaw mal-akbar sfidi tal-SMEs, bħall-obbligi regolatorji, il-pagamenti tard u l-aċċess għall-finanzi.

(10)

Il-letteratura ekonomika turi li l-inċentivi ta’ reklutaġġ jistgħu jinvolvu kisbiet medji akbar fl-impjiegi minn tipi oħra ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol. Flimkien ma’ programmi ta’ taħriġ, dawn għandhom l-akbar effetti fuq perjodu ta’ żmien medju sa twil, peress li jtejbu l-impjegabbiltà tal-ħaddiema u l-ħiliet tagħhom. Inċentivi ta’ reklutaġġ u ta’ tranżizzjoni flimkien ma’ taħriġ fuq il-post tax-xogħol jistgħu jkunu aktar effettivi biex jipprovdu ħiliet rilevanti għas-suq tax-xogħol minn forom oħra ta’ taħriġ. Ir-riskju li dawn l-inċentivi jistgħu jikkontribwixxu għall-impjiegi li kieku jinħolqu xorta waħda jista’ jiġi mmitigat permezz ta’ mmirar, monitoraġġ u rekwiżiti ta’ impjieg kontinwati. Barra minn hekk, dan ir-riskju huwa aktar baxx f’kuntest ta’ kriżi, meta huwa aktar probabbli li l-miżuri ta’ reklutaġġ u ta’ taħriġ mill-ġdid ikollhom impatt pożittiv (11).

(11)

It-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid ta’ opportunitajiet immirati lejn il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għad-ditti u għall-ħaddiema kollha iżda b’mod partikolari dawk spostati jew f’riskju ta’ spostament fl-isfond ta’ bidliet strutturali sinifikanti fis-swieq tax-xogħol. Dawn il-miżuri jenħtieġ li jkunu bbażati fuq l-intelliġenza tal-ħiliet rilevanti u fuq approċċ individwalizzat, filwaqt li jiġi żgurat li l-ħaddiema jkollhom aċċess għal intitolamenti ta’ taħriġ individwali. Korsijiet qosra ta’ taħriġ jista’ jkollhom rwol importanti u jistgħu jiġu ċċertifikati mill-mikrokredenzjali, flimkien ma’ sħubijiet ta’ appoġġ bejn il-partijiet interessati pubbliċi u privati.

(12)

Politiki effettivi li jrawmu t-tranżizzjonijiet tal-impjiegi jenħtieġ li jkunu akkumpanjati minn servizzi tal-impjiegi bi prestazzjoni tajba, b’kapaċità istituzzjonali msaħħa u li kapaċi jipprovdu appoġġ imfassal apposta lil dawk li jkunu qed ifittxu impjieg, inkluż permezz ta’ użu akbar ta’ għodod diġitali.

(13)

Il-Qafas Ewropew għall-Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi (12) u l-Qafas ta’ Kwalità għat-Traineeships (13) jipprovdu gwida u l-aħjar prattiki li se jsiru dejjem aktar rilevanti fil-kuntest tal-irkupru. L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) jenħtieġ li jkunu appoġġati b’mod partikolari biex jipprovdu apprendistati, inkluż permezz ta’ bonusijiet ta’ reklutaġġ temporanji jew tnaqqis fl-ispejjeż tax-xogħol fejn xieraq.

(14)

Is-sħab soċjali għandhom rwol vitali x’jaqdu biex jgħinu jibnu lura u aħjar l-ekonomiji tagħna filwaqt li jikkontribwixxu biex jindirizzaw, permezz ta’ djalogu, il-konsegwenzi soċjali u tal-impjiegi tal-pandemija u l-isfidi tat-tranżizzjonijiet tewmin. Il-Qafas ta’ Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u għar-ristrutturar jippromwovi, fost l-oħrajn, l-involviment tagħhom fl-operazzjonijiet ta’ ristrutturar, fl-antiċipazzjoni tal-bidla u fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ ħiliet.

(15)

Fil-kuntest tar-ristrutturar tan-negozju, it-tnaqqis tar-riallokazzjoni tax-xogħol se jkun kruċjali. Id-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) tiżgura li intrapriżi vijabbli li jinsabu f’diffikultajiet finanzjarji jkollhom aċċess għal għodod effettivi ta’ twissija bikrija u oqfsa ta’ ristrutturar preventiv biex ikomplu joperaw. Il-Qafas ta’ Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar (15) jiddeskrivi prattiki tajbin għall-antiċipazzjoni tal-ħiliet u l-ħtiġijiet tat-taħriġ fil-proċessi ta’ ristrutturar tan-negozju.

(16)

L-Istrateġija Industrijali l-Ġdida għall-Ewropa (16) għandha l-għan li tibni industrija Ewropea kompetittiva, b’newtralità klimatika, nadifa, ċirkolari u diġitalizzata fuq livell globali. Hija ddur madwar ekosistemi industrijali Ewropej, li jinkludu l-atturi kollha li joperaw f’katina tal-valur: min-negozji sal-akkademja, l-entitajiet tar-riċerka, il-fornituri tas-servizzi u l-fornituri. L-identifikazzjoni tal-ekosistemi tista’ tipprovdi qafas utli biex jiġu mmappjati l-ħtiġijiet tal-ħiliet.

(17)

Skont il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, kulħadd għandu d-dritt li jappoġġa t-titjib tal-prospetti ta’ impjieg jew ta’ impjieg indipendenti, inkluż l-appoġġ għat-tiftix ta’ impjieg u għat-taħriġ, filwaqt li l-kundizzjonijiet tal-impjieg jenħtieġ li jirrispettaw il-kriterji tal-kwalità (17).

(18)

Il-promozzjoni tal-inklussività teħtieġ l-għoti ta’ opportunitajiet indaqs fit-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol irrispettivament mis-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. Adulti bi kwalifiki baxxi/ħiliet baxxi u persuni bi sfond ta’ migrazzjoni jenħtieġ li jibqgħu fil-mira. Bl-istess mod, jenħtieġ li l-ebda territorju ma jitħalla lura, minn bliet kbar għal żoni rurali, kostali jew remoti madwar l-UE kollha, inkluż ir-reġjuni ultraperiferiċi.

(19)

Il-pakkett ta’ Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ (18) ġie adottat fid-dawl tad-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ madwar l-UE, biex dawn jiġu pprovduti b’passi li jikkontribwixxu għall-integrazzjoni stabbli tagħhom fis-suq tax-xogħol. B’rispons għal dan, l-Istati Membri adottaw żewġ rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill biex isaħħu kemm il-Garanzija għaż-Żgħażagħ (19) kif ukoll l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (20) u issa qed jimplimentawhom.

(20)

L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-Kompetittività Sostenibbli, il-Ġustizzja Soċjali u r-Reżiljenza (21) tistabbilixxi pjan komprensiv biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ aktar ħiliet u ħiliet aħjar biex jiġi ffaċilitat l-adattament għal suq tax-xogħol li qed jinbidel. Barra minn hekk, il-Patt għall-Ħiliet (22) jistieden lill-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati biex jingħaqdu flimkien u jieħdu azzjoni konkreta biex itejbu l-ħiliet u jagħtu ħiliet ġodda lin-nies fl-Ewropa.

(21)

Pakketti ta’ politika tal-miżuri EASE se jkunu l-aktar effettivi jekk ikunu appoġġati mill-kundizzjonijiet ta’ qafas ix-xierqa, inkluż istituzzjonijiet moderni tas-suq tax-xogħol, it-tneħħija ta’ ostakli għall-investiment, id-dħul, it-tkabbir u l-ħruġ ta’ ditti, sistema effiċjenti ta’ benefiċċji tat-taxxa, amministrazzjoni pubblika li tiffunzjona tajjeb, f’kuntest ġenerali ta’ finanzi pubbliċi sostenibbli. L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet relatati speċifiċi għall-pajjiżi, adottati mill-Kunsill fil-qafas tas-Semestru Ewropew, hija dejjem aktar importanti biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku u jiġi żgurat li dan iwassal għal effetti dejjiema.

(22)

L-indirizzar tal-isfidi tas-suq tax-xogħol fil-kuntest tal-irkupru u t-tranżizzjonijiet tewmin jeħtieġ id-dedikazzjoni ta’ riżorsi adegwati għall-finanzjament tal-miżuri EASE. Bħala prinċipju orizzontali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw in-nuqqas ta’ finanzjament doppju pprovdut mill-programmi u mill-istrumenti tal-Unjoni. Dawn iridu jiżguraw ukoll li dawn il-miżuri ta’ appoġġ ikunu mfassla biex jikkonformaw mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, skont kif japplika.

(23)

Miżuri tas-suq tax-xogħol attivi u miżuri mmirati lejn it-tisħiħ tal-kapaċità tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi jistgħu jkunu eliġibbli għal appoġġ taħt il-fondi strutturali, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) (23) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) (24), kif ukoll il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (25), il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-ħaddiema spostati (FEG) (26), l-Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa (REACT-UE) (27) u r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (28). L-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw ukoll minn appoġġ mill-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI) (29) għat-tfassil u għall-implimentazzjoni ta’ riformi fl-oqsma tal-ħiliet u l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol.

(24)

Il-miżuri deskritti f’din ir-rakkomandazzjoni biex jappoġġaw il-ħolqien tal-impjiegi u l-impjiegi, b’mod partikolari dawk li jindirizzaw sfidi rilevanti identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relatati, jistgħu jiġu appoġġati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza bħala parti minn pakketti koerenti ta’ riformi u investimenti. Il-miżuri EASE proposti mill-Istati Membri fil-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħhom jenħtieġ li jirrispettaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà u ta’ valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament li jistabbilixxi l-Faċilità (30). Bħala regola, il-Faċilità ma tistax tiffinanzja nefqiet rikorrenti, sakemm ma jkunux għal każijiet debitament iġġustifikati, u tista’ tiffinanzja biss riformi u investimenti li għandhom impatt dejjiemi u li jwasslu għal bidla strutturali fl-amministrazzjoni jew f’politiki rilevanti. Il-finanzjament taħt il-Faċilità se jiġi pprovdut biss wara valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni tal-miżuri individwali proposti mill-Istat Membru, l-approvazzjoni tal-Pjanijiet mill-Kunsill u t-twettiq sodisfaċenti tal-għanijiet u l-miri relatati.

(25)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Semestru Ewropew tal-2021 (31) iħeġġu lill-Istati Membri jinkludu riformi u investimenti essenzjali fis-suq tax-xogħol, fil-politika soċjali, fil-kura tas-saħħa u fl-oqsma edukattivi u ta’ taħriġ fil-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħhom. Il-gwida tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar il-Pjanijiet (32) tenfasizza li dawn jenħtieġ li jkunu l-opportunità għall-promozzjoni ta’ rispons politiku b’saħħtu billi jappoġġaw bidla fil-politiki dwar l-impjiegi mill-preservazzjoni tal-impjiegi għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u jappoġġaw it-tranżizzjonijiet minn impjieg għal ieħor sabiex jiffaċilitaw u jaċċelleraw il-bidliet strutturali,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

Fid-dawl tal-isfidi tas-suq tax-xogħol li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19, mit-tranżizzjoni għaddejja mis-setturi li sejrin ħażin għall-attivitajiet ekonomiċi li għandhom potenzjal ta’ tkabbir u valur strateġiku ogħla fil-kuntest tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u minħabba t-tibdil demografiku, jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu rkupru rikk fl-impjiegi, iħeġġu l-iżvilupp tal-ħiliet u jappoġġaw lin-nies fit-tranżizzjoni tagħhom għal impjiegi ta’ kwalità ġodda, f’konformità mal-linji gwida li ġejjin:

Pakketti ta’ politika koerenti biex jappoġġaw it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol

2.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżviluppaw pakketti ta’ politika koerenti, li jikkombinaw miżuri temporanji u permanenti, biex jindirizzaw l-isfidi tas-suq tax-xogħol li jirriżultaw mill-pandemija u jirnexxu fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

3.

Dawn il-pakketti ta’ politika jenħtieġ li jkunu magħmulin mit-tliet komponenti żviluppati f’din ir-rakkomandazzjoni: i) inċentivi għar-reklutaġġ u t-tranżizzjoni u appoġġ għall-intraprenditorija, ii) opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid u miżuri ta’ appoġġ, u iii) appoġġ imsaħħaħ mis-servizzi tal-impjiegi għat-tranżizzjonijiet tal-impjiegi. Minn hawn ’il quddiem, dawn jissejħu miżuri EASE. B’mod partikolari, dawn il-miżuri jenħtieġ li:

jiġu kkomplementati bl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet relatati speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fil-qafas tas-Semestru Ewropew;

ikunu bbażati fuq l-immappjar tal-ħtiġijiet b’rabta mal-ħiliet u n-nuqqasijiet possibbli fis-setturi ekonomiċi u r-reġjuni kollha, inkluż fl-ekosistemi industrijali ddefiniti mill-“Istrateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa” sabiex jiġu identifikati dawk bl-ogħla potenzjal għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u sabiex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari li tkun newtrali għall-klima u effiċjenti fir-riżorsi, f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

ikun fihom fokus speċifiku fuq it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, li jibnu wkoll fuq l-isfidi u l-opportunitajiet identifikati fil-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima, u fuq gruppi żvantaġġati u sottorappreżentati fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari ż-żgħażagħ u n-nisa

4.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jħeġġu lill-impjegaturi u lir-rappreżentanti tal-impjegati biex jantiċipaw il-ħtiġijiet tal-kapital uman, inkluż permezz ta’ dijanjożi konġunta, appoġġ personalizzat lill-impjegati u sħubiji esterni biex jagħtu appoġġ lill-ħaddiema, f’konformità mal-Qafas ta’ Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar.

5.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiddependu fuq id-djalogu soċjali u jinvolvu lis-sħab soċjali fit-tfassil, fl-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni tal-politiki li huma jfasslu biex jindirizzaw l-isfidi tas-suq tax-xogħol li jirriżultaw mill-kriżi tal-COVID-19.

(i)   Inċentivi għar-reklutaġġ u t-tranżizzjoni u appoġġ għall-intraprenditorija

6.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu użu minn inċentivi ta’ reklutaġġ u tranżizzjoni biex jippromwovu l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u jappoġġaw l-impjegabbiltà tal-ħaddiema, billi jakkumpanjaw it-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol minn setturi li qed jinxtorbu għal dawk li qed jespandu, inklużi s-setturi ekoloġiċi u diġitali. Dawn l-iskemi jenħtieġ li jkunu mmirati, temporanji, b’appoġġ li gradwalment jitneħħa maż-żmien, u jinkorporaw salvagwardji xierqa biex jiżguraw li l-impjiegi maħluqa ġodda jkunu vijabbli u miżmuma wara li jkunu skadew l-inċentivi. Tipikament dawn jenħtieġ li jinkludu wkoll komponent ta’ taħriġ qawwi ta’ rilevanza għas-suq tax-xogħol, u li jqisu d-dimensjoni reġjonali tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol skont kif ikun rilevanti.

7.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jintroduċu jew li jsaħħu skemi ta’ appoġġ għall-apprendistati u għat-traineeships imħallsa, b’mod partikolari f’intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju u f’setturi li jkunu qed jiffaċċjaw nuqqas ta’ ħiliet partikolari. Dawn l-iskemi jenħtieġ li jinkludu komponent ta’ taħriġ b’saħħtu u jenħtieġ li jkunu soġġetti għal monitoraġġ u evalwazzjoni, u joffru triq lejn integrazzjoni stabbli fis-suq tax-xogħol. L-appoġġ jenħtieġ li jkun marbut mal-oqfsa rilevanti li jrawmu l-kwalità tal-impjiegi, bħall-Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi jew il-Qafas ta’ Kwalità għat-Traineeships.

8.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jappoġġaw għotjiet, self u ekwità għall-impriżi li jkunu għadhom jibdew biex jippromwovu l-intraprenditorija, akkumpanjati b’aċċess imtejjeb għall-protezzjoni soċjali għal dawk li jaħdmu għal rashom. L-azzjonijiet jenħtieġ li jikkombinaw appoġġ finanzjarju u mhux finanzjarju lill-intraprendituri, lil min jerġa’ jibda u lil intraprendituri potenzjali. Jenħtieġ li jitfassal appoġġ apposta għal dawk li ġejjin minn gruppi sottorappreżentati u vulnerabbli, u għal proġetti soċjali, ekoloġiċi u diġitali.

(ii)   Opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid u miżuri ta’ appoġġ

9.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jimplimentaw strateġiji komprensivi tal-ħiliet għas-setturi u għall-ekosistemi ekonomiċi differenti, billi jappoġġaw għal dan il-għan il-kooperazzjoni fost il-kumpaniji, is-sħab soċjali, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, fl-ekosistemi industrijali kollha u fil-ktajjen tal-valur jew fir-reġjuni kollha, f’konformità mal-Patt għall-Ħiliet u billi jiffaċilitaw il-mobbiltà transettorjali u ġeografika, bil-għan ukoll li tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.

10.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżviluppaw intelliġenza aġġornata dwar is-suq tax-xogħol u l-ħiliet, inkluż fil-livelli reġjonali, transfruntiera u settorjali, bil-ħsieb li jinformaw il-kurrikuli tal-edukazzjoni u t-taħriġ u jappoġġaw is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi. L-intelliġenza dwar il-ħiliet jenħtieġ li tkun aċċessibbli b’mod wiesa’ għall-individwi u għall-partijiet ikkonċernati rilevanti.

11.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-provvediment tal-edukazzjoni u t-taħriġ jissodisfa l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. B’mod partikolari, il-programmi tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (ETV) jenħtieġ li joffru taħlita bbilanċjata ta’ ħiliet u kompetenzi vokazzjonali u joħolqu opportunitajiet ta’ tagħlim u apprendistati bbażati fuq ix-xogħol, b’enfasi fuq iż-żgħażagħ. Korsijiet qosra aktar allinjati mal-ħtiġijiet tal-professjonisti tax-xogħol, jistgħu jiffaċilitaw rotot ta’ karriera flessibbli, inkluż għall-anzjani.

12.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-adulti, minkejja l-pożizzjoni attwali tagħhom fis-suq tax-xogħol, b’intitolamenti għal taħriġ bil-kwalità assigurata u gwida għall-karriera, bil-ħsieb li jaqdu l-ħtiġijiet professjonali futuri tagħhom. L-akkoppjament ta’ dawn l-intitolamenti, fejn possibbli, ma’ liv ta’ taħriġ imħallas jista’ jimmassimizza l-potenzjal tagħhom.

13.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jsaħħu l-kapaċitajiet għar-rikonoxximent u l-validazzjoni tat-tagħlim u l-esperjenza miksuba barra mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali biex jiżguraw li l-ħaddiema jkunu jistgħu jikkomunikaw il-ħiliet tagħhom lil impjegaturi prospettivi, u b’hekk jippromwovu riallokazzjoni effiċjenti tal-ħaddiema, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, u l-evalwazzjoni tagħha tal-2020. F’dan il-kuntest, il-mikrokredenzjali jistgħu jiffaċilitaw il-portabbiltà u r-rikonoxximent tal-eżiti tat-tagħlim, miksubin matul korsijiet qosra jew esperjenzi ta’ tagħlim.

(iii)   Appoġġ imsaħħaħ mis-servizzi tal-impjiegi għat-tranżizzjonijiet tal-impjiegi

14.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu appoġġ individwalizzat lil dawk li jkunu qed ifittxu impjieg, li jinkludi konsulenza, gwida u mentoraġġ, valutazzjoni u validazzjoni tal-ħiliet, assistenza fit-tiftix ta’ impjieg, appoġġ għall-intraprenditorija u referenzi għas-servizzi soċjali meta jkun meħtieġ. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċifika liż-żgħażagħ, b’mod partikolari dawk li jkunu deħlin fis-suq tax-xogħol, u biex jiġi miġġieled il-preġudizzju bejn is-sessi u forom oħra ta’ diskriminazzjoni.

15.

Jenħtieġ li l-Istati Membri joffru appoġġ lill-ħaddiema affettwati mir-ristrutturar tal-kumpaniji, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-kumpaniji biex ifittxu ħiliet u forza tax-xogħol addizzjonali. Tali appoġġ jista’ jinkludi perkorsi personalizzati tal-karriera, billi jiġu mgħammra bil-ħiliet meħtieġa għat-trasferiment għal impjiegi differenti fi ħdan l-istess kumpanija, pjanijiet ta’ impjieg mill-ġdid, jew taħriġ estern u rikollokament f’ditti oħra, flimkien mal-iffaċilitar tal-mobbiltà transfruntiera u l-promozzjoni tar-rikonoxximent jew il-validazzjoni tal-ħiliet.

16.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi jkollhom il-kapaċitajiet operazzjonali meħtieġa biex jipprovdu direttament jew inkella biex jikkontribwixxu għall-għoti tal-forom differenti ta’ appoġġ imsemmija hawn fuq. Jenħtieġ li jiġu promossi attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni mis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, b’enfasi speċifika fuq il-persuni qiegħda fit-tul jew żgħażagħ inattivi li diffiċli jintlaħqu, f’kooperazzjoni mas-servizzi soċjali.

Possibbiltajiet ta’ finanzjament, monitoraġġ u rapportar

17.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiddedikaw riżorsi adegwati għall-finanzjament tal-miżuri EASE, filwaqt li jiżguraw in-nuqqas ta’ finanzjament doppju ta’ miżuri ffinanzjati taħt programmi u strumenti tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-miżuri ta’ appoġġ ikunu mfassla biex jikkonformaw mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, skont kif japplika.

18.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-appoġġ disponibbli fil-livell tal-UE mill-fondi strutturali, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), l-Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa (REACT-EU), ir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit u l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI) għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-miżuri EASE.

19.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jinkludu l-miżuri EASE fil-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kif sottomessi lill-Kummissjoni għall-appoġġ taħt l-RRF. F’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-qafas legali tal-RRF, l-eliġibbiltà ta’ tali miżuri se tiddependi, fost kriterji oħra, fuq l-allinjament tagħhom mal-kamp ta’ applikazzjoni u mal-objettivi tal-Faċilità, il-kontribut tagħhom għall-indirizzar tal-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet rilevanti adottati speċifiċi għall-pajjiżi mill-Kunsill fil-qafas tas-Semestru Ewropew, u l-komplementarjetà u l-koordinazzjoni tagħhom ma’ programmi u strumenti oħra tal-UE, bil-għan li jsir użu sħiħ u ottimali tal-appoġġ disponibbli.

20.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jimmonitorjaw u jevalwaw il-miżuri EASE, sabiex ikunu jistgħu jiġu żviluppati aktar politiki u interventi bbażati fuq l-evidenza, filwaqt li jiġi żgurat l-użu effiċjenti tar-riżorsi u redditi pożittivi fuq l-investiment, u jirrapportaw permezz ta’ oqfsa eżistenti dwar l-esperjenzi u l-progress fil-promozzjoni tal-impjiegi u l-appoġġ ta’ tranżizzjonijiet minn impjieg għal impjieg.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

Nicolas SCHMIT

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Il-Kummissjoni Ewropea (2021): European Economic Forecast - Winter 2021 (Interim). European Economy, Institutional Paper 144, Frar 2021.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2020/460 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom b’reazzjoni għat-tifqigħa COVID-19 (Inizjattiva ta’ Investiment b’Reazzjoni għall-Coronavirus) (ĠU L 99, 31.3.2020, p. 5).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2020/558 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013 u (UE) Nru 1303/2013 rigward miżuri speċifiċi biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’reazzjoni għat-tifqigħa ta’ COVID-19 (ĠU L 130, 24.4.2020, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1).

(5)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, COM(2019)640 final.

(6)  Il-Kummissjoni Ewropea (2020), L-istrateġija tal-UE “Insawru l-futur Diġitali tal-Ewropa”.

(7)  Skont analiżi mill-membri tal-persunal tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali, tista’ tkun mistennija żieda sinifikanti fil-fallimenti ta’ negozji sa tmiem l-2021 fl-ekonomiji avvanzati. Ara: Banerjee, R. Cornelli, G. and E. Zakrajšek (2020) “The outlook for business bankruptcies” BIS Bulletin Nru 30.

(8)  Il-Kummissjoni Ewropea (2019), Employment and Social Developments in Europe 2019 (L-Iżviluppi fl-Impjiegi u fis-Soċjetà fl-Ewropa 2019).

(9)  Bejn l-ewwel u t-tielet kwart tal-2020, ir-rata tal-qgħad tal-UE ta’ persuni ta’ bejn il-15 u l-24 sena żdiedet bi 3 punti perċentwali, filwaqt li r-rata tal-qgħad ġenerali żdiedet b’0,8 punti perċentwali. Sors: Eurostat.

(10)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija ta’ Ugwaljanza Bejn is-Sessi għall-2020-2025, COM(2020)152 final.

(11)  “Hemm ix-xejra li l-programmi ALMP jkunu ta’ suċċess partikolarment jekk il-parteċipanti jirreġistraw fi programm waqt riċessjoni u li joħorġu mill-programmi f’perjodu meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jkunu favorevoli.” Card, D., Kluve, J., & Weber, A. (2018). What works? A meta-analysis of recent active labor market program evaluations. Journal of the European Economic Association, 16(3), 894-931, p. 34.

(12)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi (ĠU C 153, 2.5.2018, p. 1).

(13)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2014 dwar Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships, (ĠU C 88, 27.3.2014, p. 1).

(14)  Id-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar l-insolvenza). (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 18).

(15)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Qafas tal-Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar, COM(2013)882 final.

(16)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa, COM(2020)102 final.

(17)  Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (2017), Proklamazzjoni interistituzzjonali li tapprova l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(18)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, L-Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ: Pont għall-Impjiegi għall-Ġenerazzjoni li Jmiss, COM(2020) 276 final.

(19)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Ottubru 2020 dwar Pont għall-Impjiegi - It-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar l-istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ 2020/C 372/01 (ĠU C 372, 4.11.2020, p. 1).

(20)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2020 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza, 2020/C 417/01 (ĠU C 417, 2.12.2020, p. 1).

(21)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza, COM(2020)274 final.

(22)  Il-Kummissjoni Ewropea (2020), Patt għall-Ħiliet.

(23)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), COM/2018/382 final.

(24)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni, COM(2018)372 final.

(25)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, COM(2020) 22 final.

(26)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), COM(2018) 380 final.

(27)  Ir-Regolament (UE) 2020/2221 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta’ riżorsi addizzjonali u arranġamenti ta’ implimentazzjoni biex jipprovdi assistenza għat-trawwim ta’ miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u għat-tħejjija ta’ rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija (REACT-EU) (ĠU L 437, 28.12.2020, p. 30).

(28)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit, COM(2020), 854 finali.

(29)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku, COM(2020)409 final.

(30)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

(31)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Semestru Ewropew tal-2021: l-aspetti marbutin mal-impjiegi u dawk soċjali tal-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021.

(32)  SWD(2021) 12 final, 1/2.