ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 79

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 64
8 ta' Marzu 2021


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/399 tad-19 ta’ Jannar 2021 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ammonti tal-appoġġ tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali fis-sena 2021

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/400 tat-2 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-għeluq tas-sajd għall-merluzz tal-linja sewda fiż-żona 7a għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Belġju

4

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/401 tal-5 ta’ Marzu 2021 li jiffissa d-dazji tal-importazzjoni għal ċerti tipi ta’ ross meħluf, applikabbli mit-8 ta’ Marzu 2021

7

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

8.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 79/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/399

tad-19 ta’ Jannar 2021

li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ammonti tal-appoġġ tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali fis-sena 2021

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 58(7) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Istati Membri jridu jnaqqsu l-ammont ta’ pagamenti diretti li jridu jingħataw lill-bdiewa għal sena kalendarja partikolari, skont il-Kapitolu 1 tat-Titolu III ta’ dak ir-Regolament, b’mill-inqas 5 % għall-parti tal-ammont li taqbeż il-EUR 150 000. F’konformità mal-Artikolu 7(2) ta’ dak ir-Regolament, il-prodott stmat tat-tnaqqis irid ikun disponibbli bħala appoġġ addizzjonali għall-miżuri skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).

(2)

F’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istati Membri nnotifikaw lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2019 bid-deċiżjoni tagħhom dwar it-tnaqqis tal-ammont tal-pagamenti diretti u tal-prodott stmat riżultanti tat-tnaqqis għas-sena kalendarja 2020. In-notifiki tal-Bulgarija, taċ-Ċekja, tad-Danimarka, tal-Estonja, tal-Irlanda, ta’ Spanja, tal-Italja, tal-Latvja, tal-Ungerija, tan-Netherlands, tal-Polonja, tal-Portugall, tas-Slovakkja, tal-Finlandja, tal-Iżvezja u tar-Renju Unit indikaw prodott stmat tat-tnaqqis akbar minn żero.

(3)

F’konformità mas-sitt subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Greċja, Franza, in-Netherlands u r-Renju Unit innotifikaw lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2019 bid-deċiżjoni tagħhom li jagħmlu disponibbli bħala appoġġ addizzjonali mill-FAEŻR fl-2021, ċertu perċentwal tal-limitu massimu nazzjonali annwali tagħhom għall-pagamenti diretti għas-sena kalendarja 2020.

(4)

F’konformità mas-sitt subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, sat-8 ta’ Frar 2020, il-Kroazja, l-Ungerija, Malta u l-Polonja nnotifikaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħhom li jagħmlu disponibbli bħala pagamenti diretti għas-sena kalendarja 2020 ċertu ammont tal-appoġġ li jrid jiġi ffinanzjat mill-FAEŻR fis-sena finanzjarja 2021.

(5)

Imsejsa fuq dawn in-notifiki, l-Annessi II u III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 ġew emendati bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/756 (3).

(6)

Madankollu, fid-dawl taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, il-Lussemburgu u l-Portugall sussegwentement immodifikaw it-talba inizjali tagħhom għal trasferiment. Għaldaqstant, l-Annessi II u III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 ġew emendati mill-ġdid bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1314 (4).

(7)

Għalhekk meħtieġ li jiġu adattati l-allokazzjonijiet għall-iżvilupp rurali stipulat fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 għas-sena 2021.

(8)

F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 137(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Ftehim dwar il-ħruġ), ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 kif applikabbli fis-sena 2020 ma japplikax fir-Renju Unit għas-sena tat-talba 2020. Għalhekk, ir-Regolament Delegat (UE) 2020/756 ma ffissax limiti massimi ġodda għas-sena 2020 fir-rigward tar-Renju Unit. Peress li l-limiti massimi għall-pagamenti diretti għas-sena kalendarja 2020 iridu jitqiesu għall-appoġġ iffinanzjat mill-FAEŻR fis-sena finanzjarja 2021, u peress li l-perjodu ta’ tranżizzjoni previst għall-Ftehim dwar il-ħruġ jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, ma hemmx bżonn li jiġu stabbiliti limiti massimi għas-sena finanzjarja 2021 fir-rigward tar-Renju Unit.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jiġi emendat skont dan.

(10)

Peress li l-emendi magħmula b’dan ir-Regolament jaffettwaw l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 għas-sena 2021, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2021,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Parti Tnejn tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 hija sostitwita bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/756 tal-1 ta’ April 2020 li jemenda l-Annessi II u III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 179, 9.6.2020, p. 1).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1314 tal-10 ta’ Lulju 2020 li jemenda l-Annessi II u III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-limiti massimi nazzjonali u tal-limiti massimi netti għall-pagamenti diretti għal ċerti Stati Membri għas-sena kalendarja 2020 (ĠU L 307, 22.9.2020, p. 1).


ANNESS

PARTI TNEJN: Tqassim tal-appoġġ tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali (2021 u 2022)

(prezzijiet kurrenti f’EUR)

 

2021

2022

Il-Belġju

101 120 350

82 800 894

Il-Bulgarija

276 362 304

282 162 644

Iċ-Ċekja

317 532 230

259 187 708

Id-Danimarka

155 064 249

75 934 060

Il-Ġermanja

1 635 145 136

1 092 359 738

L-Estonja

107 500 074

88 016 648

L-Irlanda

380 591 206

311 640 628

Il-Greċja

776 736 956

556 953 600

Spanja

1 320 014 366

1 080 382 825

Franza

2 342 357 917

1 459 440 070

Il-Kroazja

320 884 794

297 307 401

L-Italja

1 654 587 531

1 349 921 375

Ċipru

29 029 670

23 770 514

Il-Latvja

143 740 636

117 495 173

Il-Litwanja

238 747 895

195 495 162

Il-Lussemburgu

13 190 338

12 310 644

L-Ungerija

476 870 229

416 869 149

Malta

23 852 009

19 984 497

In-Netherlands

161 088 781

73 268 369

L-Awstrija

635 078 708

520 024 752

Il-Polonja

1 297 822 020

1 320 001 539

Il-Portugall

575 185 863

540 550 620

Ir-Rumanija

1 181 006 852

967 049 892

Is-Slovenja

134 545 025

110 170 192

Is-Slovakkja

318 199 138

259 077 909

Il-Finlandja

432 995 097

354 549 956

L-Iżvezja

258 770 726

211 889 741

Total UE

15 308 020 100

12 078 615 700

Assistenza teknika

36 969 860

30 272 220

Totali

15 344 989 960

12 108 887 920 ”


8.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 79/4


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/400

tat-2 ta’ Marzu 2021

li jistabbilixxi l-għeluq tas-sajd għall-merluzz tal-linja sewda fiż-żona 7a għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Belġju

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 36(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/123 (2) jistabbilixxi l-kwoti għall-2020.

(2)

Skont it-tagħrif li rċeviet il-Kummissjoni, il-qabdiet tal-istokk tal-merluzz tal-linja sewda li, l-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Belġju jew li huma rreġistrati f’dak il-pajjiż, għamlu fiż-żona 7a eżawrew il-kwota allokata għalihom għall-2020.

(3)

Għalhekk jeħtieġ li jiġu pprojbiti ċerti attivitajiet tas-sajd għal dak l-istokk,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Eżawriment tal-kwota

Il-kwota tas-sajd allokata għall-Belġju għall-istokk tal-merluzz tal-linja sewda fiż-żona 7a għall-2020 imsemmija fl-Anness għandha titqies bħala eżawrita mid-data stipulata f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Projbizzjonijiet

1.   Is-sajd għall-istokk imsemmi fl-Artikolu 1 minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Belġju jew li huma rreġistrati f’dak il-pajjiż għandhom jiġu pprojbiti mid-data stipulata fl-Anness. B’mod partikolari, għandu jkun ipprojbit li jsir tiftix għall-ħut, tfigħ, issettjar jew ġbid tal-irkaptu tas-sajd għall-finijiet tas-sajd ta’ dak l-istokk.

2.   It-trasbord, iż-żamma abbord, l-ipproċessar abbord, it-trasferiment, it-tqegħid f’gaġeġ, is-simna u l-ħatt l-art ta’ ħut u ta’ prodotti tas-sajd minn dak l-istokk li jinqabdu minn dawk il-bastimenti għandhom jibqgħu awtorizzati għall-qabdiet meħuda qabel dik id-data.

3.   Il-qabdiet mhux intenzjonati ta’ speċijiet minn dak l-istokk minn dawk il-bastimenti għandhom jinġiebu u jinżammu abbord il-bastimenti tas-sajd, jiġu rreġistrati, jinħattu l-art u jinqatgħu mill-kwoti f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President

Virginijus SINKEVIČIUS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/123 tas-27 ta’ Jannar 2020 li jistabbilixxi għall-2020 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni (ĠU L 25, 30.1.2020, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).


ANNESS

Nru

37/TQ123

Stat Membru

Il-Belġju

Stokk

HAD/07A.

Speċi

Merluzz tal-linja sewda (Melanogrammus aeglefinus)

Żona

7a

Data tal-Għeluq

24.12.2020


8.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 79/7


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/401

tal-5 ta’ Marzu 2021

li jiffissa d-dazji tal-importazzjoni għal ċerti tipi ta’ ross meħluf, applikabbli mit-8 ta’ Marzu 2021

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 183 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar il-metodu ta’ kalkolu tad-dazji applikati għar-ross meħluf, approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/476/KE (2), jistabbilixxi metodu għall-kalkolu tad-dazji applikati għall-importazzjonijiet tar-ross meħluf.

(2)

Abbażi tal-informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet kompetenti, il-Kummissjoni tinnota li l-liċenzji ta’ importazzjoni għar-ross meħluf tal-Kodiċi NM 1006 20, għajr il-liċenzji tal-importazzjoni tar-ross Basmati, inħarġu għal kwantità ta’ 146 056 tunnellata għall-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2020 sat-28 ta’ Frar 2021. Għalhekk jenħtieġ li d-dazju tal-importazzjoni għar-ross meħluf tal-kodiċi NM 1006 20, għajr ir-ross Basmati, iffissat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1259 (3) jiġi emendat.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1259 jitħassar.

(4)

Id-dazju applikabbli għandu jiġi ffissat fi żmien għaxart ijiem minn tmiem il-perjodu ta’ referenza. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ minnufih,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għal kull tunnellata ta’ ross meħluf tal-kodiċi NM 1006 20, għajr ir-ross Basmati, id-dazju tal-importazzjoni għandu jkun EUR 30.

Artikolu 2

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1259 jitħassar.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Wolfgang BURTSCHER

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali tal-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)   ĠU L 347 du 20.12.2013, p. 671.

(2)  Council Decision 2005/476/KE of 21 June 2005 on the conclusion of an Agreement in the form of an Exchange of Letters between the European Community and the United States of America relating to the method of calculation of applied duties for husked rice and amending Decisions 2004/617/EC, 2004/618/EC and 2004/619/EC (OJ L 170, 1.7.2005, p. 67).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1259 tat-8 ta’ Settembru 2020 li jiffissa d-dazji tal-importazzjoni għal ċerti tipi ta’ ross meħluf, applikabbli mid-9 ta’ Settembru 2020 (GU L 295, 9.9.2020, p. 4).