ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 69

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 64
26 ta' Frar 2021


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/357 tal-25 ta’ Frar 2021 li temenda d-Deċiżjoni 98/683/KE dwar kwistjonijiet tar-rata tal-kambju relattivi għall-frank CFA u għall-frank Comorjan

1

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/358 tat-22 ta’ Frar 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/563 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

4

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/359 tat-22 ta’ Frar 2021 li tawtorizza lin-Netherlands japplika rata tat-taxxa mnaqqsa fuq l-elettriku pprovdut lill-istazzjonijiet tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi

6

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzojni tal-Kummissjoni (UE) 2021/360 tad-19 ta’ Frar 2021 dwar l-estensjoni tal-perjodi għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal ċerti inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej skont ir-Regolament (UE) 2020/1042 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2021) 1121)

9

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzojni tal-Kummissjoni (UE) 2021/361 tat-22 ta’ Frar 2021 li tistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza għall-movimenti bejn l-Istati Membri u għad-dħul fl-Unjoni ta’ kunsinni tas-salamandri fir-rigward tal-infezzjoni bil-Batrachochytrium salamandrivorans (notifikata bid-dokument C(2021) 1018)  ( 1 )

12

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

26.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 69/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/357

tal-25 ta’ Frar 2021

li temenda d-Deċiżjoni 98/683/KE dwar kwistjonijiet tar-rata tal-kambju relattivi għall-frank CFA u għall-frank Comorjan

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 219(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fir-rigward ta’ kwistjonijiet monetarji u tar-rata tal-kambju għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Meta t-Trattati jagħtu kompetenza esklużiva lill-Unjoni f’qasam speċifiku, hija l-Unjoni biss li tista’ tilleġiżla u tadotta atti legalment vinkolanti, waqt li l-Istati Membri jistgħu jagħmlu dan huma stess biss jekk jingħataw is-setgħa għal dan mill-Unjoni.

(2)

Taħt l-Artikolu 219(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill għandu jiddetermina l-arranġamenti xierqa għan-negozjati u għall-konklużjoni ta’ ftehimiet dwar kwistjonijiet monetarji jew tas-sistema tal-kambju.

(3)

Qabel l-introduzzjoni tal-euro, Franza kienet ikkonkludiet ftehimiet dwar kwistjonijiet tar-rata tal-kambju mal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Afrika tal-Punent (Union économique et monétaire ouest-africaine, “UEMOA”), mal-Komunità Ekonomika u Monetarja tal-Afrika Ċentrali (Communauté économique et monétaire de l’Afrique Centrale, “CEMAC”) u mal-Comoros, li kienu maħsuba biex jiggarantixxu l-konvertibilità tal-frank CFA u tal-frank Comorjan fi frank Franċiż b’parità fissa (2). Malli fl-1 ta’ Jannar 1999 l-euro ħa post il-frank Franċiż, il-Kunsill awtorizza lil Franza biex tkompli tali ftehimiet li kienu fis-seħħ f’dik id-data (“ftehimiet preżenti”) skont il-qafas stabbilit fid-Deċiżjoni 98/683/KE (3).

(4)

L-Artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni 98/683/KE jistabbilixxu proċeduri differenti dwar in-negozjar u l-modifika tal-ftehimiet preżenti skont jekk in-natura jew il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk il-ftehimiet jeħtiġux jinbidlu jew le.

(5)

Franza u l-Istati tal-UEMOA jinsabu fil-proċess li jissostitwixxu l-ftehim preżenti bejniethom tal-4 ta’ Diċembru 1973 bi ftehim ġdid ta’ kooperazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mar-rata tal-kambju. Dan il-ftehim ġdid ta’ kooperazzjoni ġie ffirmat fil-21 ta’ Diċembru 2019 u huwa akkumpanjat minn ftehim ġdid ta’ garanzija li għandu jiġi konkluż mal-Bank Ċentrali tal-Istati tal-UEMOA. Fit-22 ta’ Mejju 2020, il-Gvern Franċiż ippreżenta abbozz ta’ liġi lill-Assemblea Nazzjonali Franċiża biex jiġi ratifikat il-ftehim ġdid ta’ kooperazzjoni.

(6)

Is-sostituzzjoni tal-ftehimiet preżenti dwar kwistjonijiet relatati mar-rata tal-kambju bejn Franza u l-UEMOA, is-CEMAC u l-Comoros mhijiex koperta mill-Artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni 98/683/KE. Dan huwa l-każ anki jekk in-natura u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali ftehimiet ġodda ta’ kooperazzjoni jibqgħu l-istess, jiġifieri biex tiġi żgurata konvertibilità bejn l-euro u l-muniti tal-UEMOA, tas-CEMAC u tal-Comoros b’parità fissa sostnuta minn impenn baġitarju minn Franza.

(7)

Jenħtieġ li Franza tingħata s-setgħa li tissostitwixxi l-ftehimiet preżenti mal-UEMOA, mas-CEMAC u mal-Comoros. F’konformità mad-Deċiżjoni 98/683/KE, il-proċeduri differenti jenħtieġ li jibqgħu japplikaw skont jekk is-sostituzzjoni taffettwax jew le n-natura jew il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk il-ftehimiet. Relattivament għaż-żewġ proċeduri, ikun meħtieġ li jiġu involuti l-korpi kompetenti tal-Unjoni f’konformità mar-reġim eżistenti ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni u tal-approvazzjoni, skont il-każ, qabel ma l-ftehimiet preżenti jiġu sostitwiti bil-ftehimiet ġodda ta’ kooperazzjoni.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 98/683/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 98/683/KE hija emendata kif ġej:

(1)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Deċiżjoni tal-Kunsill 98/683/KE tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar kwistjonijiet tar-rata tal-kambju relattivi għall-muniti tal-UEMOA, tas-CEMAC u tal-Comoros”;

(2)

l-Artikoli 3 sa 5 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 3

L-awtoritajiet kompetenti Franċiżi għandhom iżommu lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju informati fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet. L-awtoritajiet Franċiżi għandhom jinformaw lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju qabel ma jsir tibdil fil-parità bejn l-euro u l-muniti tal-UEMOA, tas-CEMAC jew tal-Comoros.

Artikolu 4

Franza tista’ tinnegozja u tikkonkludi modifiki għall-ftehimiet preżenti, jew tissostitwihom, dment li n-natura jew il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehimiet ma jinbidlux. Hija għandha tinforma, minn qabel, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju b’tali modifiki.

Artikolu 5

Kwalunkwe pjan biex isir tibdil fin-natura jew fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehimiet preżenti, kemm permezz tal-emendar jew permezz tas-sostituzzjoni tagħhom, għandu jiġi ppreżentat minn Franza lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju. Tali pjanijiet ikunu jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Kunsill fuq il-bażi ta’ rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Frar 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Opinjoni tal-1 ta’ Diċembru 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Convention de coopération monétaire du 23 novembre 1972 entre les États membres de la Banque des États de l’Afrique centrale (BEAC) et la République française, kif emendata; Convention de compte d’opérations du 13 mars 1973 entre le ministre de l’Économie et des Finances de la République Française et le Président du Conseil de l’administration de la Banque des États de l’Afrique Centrale, kif emendata; Accord de coopération du 4 décembre 1973 entre la République française et les Républiques membres de l’union monétaire ouest-africaine, kif emendat; Convention de compte d’opérations du 4 décembre 1973 entre le ministre de l’Économie et des Finances de la République Française et le Président du conseil des ministres de l’Union monétaire ouest-africaine, kif emendata; Accord de coopération monétaire du 23 novembre 1979 entre la République française et la République fédérale islamique des Comores, kif emendat; Convention de compte d’opérations du 23 novembre 1979 entre le ministre de l’Économie et des Finances de la République Française et le ministre des Finances, de l’Économie et du Plan de la République fédérale des Comores, kif emendata.

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 98/683/KE tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar kwistjonijiet tas-sistema tar-rata tal-kambju relattivi għall-frank CFA u għall-frank Comorjan (ĠU L 320, 28.11.1998, p. 58).


26.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 69/4


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/358

tat-22 ta’ Frar 2021

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/563 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont il-punt (8) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Estonja tista’ teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“il-VAT”) lil persuni soġġetti għat-taxxa li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ EUR 16 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha.

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/563 (2), l-Estonja kienet awtorizzata tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-punt (8) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE (“il-miżura ta’ deroga”) biex teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx EUR 40 000. L-Estonja kienet awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2020 jew sad-dħul fis-seħħ ta’ direttiva li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE, skont liema data tiġi l-ewwel.

(3)

Fit-18 ta’ Frar 2020, il-Kunsill adotta d-Direttiva (UE) 2020/285 (3) li temenda l-Artikolu 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u li tistabbilixxi regoli ġodda għall-impriżi ż-żgħar, inkluż l-iffissar tas-soll massimu tal-fatturat annwali tal-Istat Membru għal 85 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali.

(4)

Permezz tal-ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fid-9 ta’ Ottubru 2020, l-Estonja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(5)

Permezz tal-ittra bid-data tal-15 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, bit-talba li għamlet l-Estonja. B’ittra datata d-19 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Estonja li kellha l-informazzjoni kollha li tqis meħtieġa biex tqis it-talba.

(6)

Il-miżura ta’ deroga hija skont l-għanijiet tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Ġunju 2008 bit-titolu “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” — “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa.

(7)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni li pprovdiet l-Estonja, il-miżura ta’ deroga ser ikollha biss impatt negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur mill-Estonja fl-istadju tal-konsum finali. Il-persuni taxxabbli xorta ser ikunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT f’konformità mal-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE.

(8)

Il-miżura ta’ deroga mhix ser taffettwa b’mod negattiv lir-riżorsi proprji tal-Unjoni mill-VAT minħabba li l-Estonja ser twettaq kalkolu ta’ kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 (4).

(9)

Minħabba l-impatt pożittiv potenzjali tal-miżura ta’ deroga fis-simplifikazzjoni tal-obbligi tal-VAT billi jitnaqqsu l-piż amministrattiv u l-ispejjeż għan-negozji ż-żgħar, l-Estonja għandha tkun awtorizzata li tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga għal perjodu ulterjuri.

(10)

Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura ta’ deroga tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività u l-adegwatezza tal-livell limitu. Barra minn hekk, id-Direttiva (UE) 2020/285 tirrikjedi li, sal-31 ta’ Diċembru 2024, l-Istati Membri jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva, u li japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, jixraq li l-Estonja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(11)

Sabiex jiġu evitati effetti ta’ tfixkil, l-Estonja għandha tkun tista tapplika l-miżura ta’ deroga mingħajr interruzzjoni. Għalhekk jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021, sabiex tiġi garantita l-kontinwità tal-arranġamenti preċedenti awtorizzati bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/563.

(12)

Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/563 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/563, it-tieni paragrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2024.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Estonja.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/563 tal-21 ta’ Marzu 2017 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 80, 25.3.2017, p. 33).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).


26.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 69/6


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/359

tat-22 ta’ Frar 2021

li tawtorizza lin-Netherlands japplika rata tat-taxxa mnaqqsa fuq l-elettriku pprovdut lill-istazzjonijiet tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2266 (2), in-Netherlands ġie awtorizzat, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, japplika rata tat-taxxa mnaqqsa fuq l-elettriku pprovdut lill-istazzjonijiet tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi sal-31 ta’ Diċembru 2020.

(2)

Fit-30 ta’ Marzu 2020 in-Netherlands talab awtorizzazzjoni li jkompli japplika rata tat-taxxa mnaqqsa fuq l-elettriku pprovdut lill-istazzjonijiet tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2021 u l-1 ta’ Jannar 2025. Fuq talba tal-Kummissjoni, in-Netherlands ipprovda informazzjoni addizzjonali b’appoġġ għall-applikazzjoni tiegħu fl-20 ta’ Novembru 2020.

(3)

Ir-rata tat-taxxa mnaqqsa hija maħsuba biex tippromwovi aktar l-użu tal-vetturi elettriċi billi tnaqqas l-ispejjeż għall-elettriku użat biex iħaddem lil tali vetturi.

(4)

L-użu ta’ vetturi elettriċi ma jinvolvix l-emissjoni ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja li joriġinaw mill-kombustjoni ta’ petrol u diżil jew karburanti fossili oħrajn u għaldaqstant jikkontribwixxi għat-titjib fil-kwalità tal-arja fl-ibliet. Barra minn hekk, l-użu ta’ vetturi elettriċi jista’ jnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2, partikolarment fejn l-elettriku użat huwa prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Għaldaqstant, l-applikazzjoni ta’ rata tat-taxxa mnaqqsa fuq l-elettriku pprovdut lill-istazzjonijiet tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi mistennija tagħti kontribut lejn l-ilħuq tal-objettivi tal-politiki ambjentali, tas-saħħa u tal-klima tal-Unjoni.

(5)

In-Netherlands enfasizza li r-rata tat-taxxa mnaqqsa tkun tapplika għall-forniment tal-elettriku lill-istazzjonijiet tal-iċċarġjar għall-vetturi tal-elettriku permezz ta’ konnessjoni diretta mal-grilja elettrika, fosthom l-istazzjonijiet tal-iċċarġjar pubbliċi u xi stazzjonijiet tal-iċċarġjar privati jew korporattivi.

(6)

In-Netherlands talab li r-rata tat-taxxa mnaqqsa fuq l-elettriku tapplika biss għall-istazzjonijiet tal-iċċarġjar fejn l-elettriku jintuża biex tiġi ċċarġjata vettura elettrika direttament u li ma tapplikax għall-elettriku pprovdut permezz ta’ skambju ta’ batteriji.

(7)

Rata tat-taxxa mnaqqsa fuq l-elettriku pprovdut lill-vetturi elettriċi permezz ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar ittejjeb il-vijabbiltà kummerċjali tal-istazzjonijiet tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku fin-Netherlands, li għandu jwassal biex l-użu ta’ karozzi elettriċi isir attraenti u jirriżulta f’titjib fil-kwalità tal-arja.

(8)

Minħabba n-numru limitat ta’ vetturi elettriċi u l-fatt li l-livell tat-taxxa fuq l-elettriku pprovdut lill-vetturi elettriċi permezz ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar li jkunu għall-użu kummerċjali ser ikun ogħla mil-livell tat-taxxa minimu stipulat fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE, x’aktarx li r-rata tat-taxxa mnaqqsa ma twassalx għal distorsjonijiet fil-kompetizzjoni għall-perjodu li matulu tintalab l-awtorizzazzjoni u għaldaqstant mhijiex ser taffettwa ħażin il-funzjonament xieraq tas-suq intern.

(9)

Il-livell tat-taxxa fuq l-elettriku pprovdut lill-vetturi elettriċi permezz ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar li ma jkunux għall-użu kummerċjali ser ikun ogħla mil-livell tat-taxxa minimu fir-rigward tal-użu mhux kummerċjali stipulat fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE.

(10)

Kull awtorizzazzjoni li tingħata f’konformità mal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2003/96/KE trid tkun għal żmien limitat b’mod strett. Sabiex jiġi żgurat li l-perjodu tal-awtorizzazzjoni jkun twil biżżejjed sabiex l-operaturi ekonomiċi rilevanti ma jiġux skoraġġuti milli jagħmlu l-investimenti meħtieġa, huwa xieraq li l-awtorizzazzjoni tingħata għall-perjodu mitlub. Madankollu, l-awtorizzazzjoni għandha tieqaf tapplika mid-data tal-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ġenerali dwar il-vantaġġi tat-taxxa għall-elettriku pprovdut għall-vetturi elettriċi li tiġi adottata mill-Kunsill skont l-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fil-każ fejn tali dispożizzjonijiet isiru applikabbli qabel l-1 ta’ Jannar 2025.

(11)

Sabiex tiġi evitata żieda fil-piż amministrattiv għad-distributuri u ridistributuri tal-elettriku li jirriżulta mit-tibdil fir-rati tat-taxxa applikabbli, in-Netherlands jenħtieġ li jkun jista’ japplika r-rata tat-taxxa mnaqqsa fuq l-elettriku pprovdut għall-vetturi elettriċi mingħajr interruzzjoni. Għalhekk jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021, sabiex tiġi garantita l-kontinwità tal-arranġamenti preċedenti awtorizzati bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2266.

(12)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, “vettura elettrika” tfisser vettura elettrika kif definita fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

Artikolu 2

In-Netherlands huwa awtorizzat japplika rata tat-taxxa mnaqqsa fuq l-elettriku pprovdut lill-istazzjonijiet tal-iċċarġjar li jiġu użati direttament għall-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi, minbarra dawk l-istazzjonijiet tal-iċċarġjar għall-iskambju ta’ batteriji għall-vetturi elettriċi, diment li l-livelli minimi ta’ tassazzjoni stipulati fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE jiġu rrispettati.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-1 ta’ Jannar 2025.

Fil-każ fejn il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq il-bażi tal-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jipprevedi regoli ġenerali dwar il-vantaġġi tat-taxxa għall-elettriku pprovdut lill-vetturi elettriċi, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika fid-data li jsiru applikabbli tali regoli ġenerali.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Netherlands.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.

(2)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2266 tas-6 ta’ Diċembru 2016 li tawtorizza lin-Netherlands japplikaw rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut lill-istazzjonijiet tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi (ĠU L 342, 16.12.2016, p. 30).

(3)  Id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi (ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1).


26.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 69/9


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/360

tad-19 ta’ Frar 2021

dwar l-estensjoni tal-perjodi għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal ċerti inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej skont ir-Regolament (UE) 2020/1042 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2021) 1121)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2020/1042 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2020 li jistabbilixxi miżuri temporanji dwar il-limiti ta’ żmien għall-istadji tal-ġbir, tal-verifika u tal-eżami previsti fir-Regolament (UE) 2019/788 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(2) tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej stabbilit bl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2020/1042 jistabbilixxi miżuri temporanji fir-rigward tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej biex jiġu indirizzati l-isfidi li l-organizzaturi tal-inizjattivi taċ-ċittadini, l-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ffaċċjaw wara li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ħabbret f’Marzu 2020 li t-tifqigħa tal-COVID-19 kienet saret pandemija dinjija. Fix-xhur ta’ wara din id-dikjarazzjoni, l-Istati Membri adottaw miżuri restrittivi kontra l-kriżi tas-saħħa pubblika. B’riżultat ta’ dan, il-ħajja pubblika waqfet fi kważi l-Istati Membri kollha. Ir-Regolament (UE) 2020/1042 għalhekk estenda ċerti limiti ta’ żmien stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/788.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2020/1042 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex testendi ulterjorment il-perjodi ta’ ġbir bi tliet xhur fir-rigward tal-inizjattivi li għalihom il-perjodu ta’ ġbir ikun għadu għaddej fil-mument ta’ tifqigħa ġdida tal-COVID-19 f’ċerti ċirkostanzi. Il-kundizzjonijiet għal kwalunkwe estensjoni ulterjuri huma simili għal dawk li wasslu għall-estensjoni inizjali wara t-tifqigħa tal-COVID-19 f’Marzu 2020, jiġifieri li mill-inqas kwart tal-Istati Membri jew għadd ta’ Stati Membri li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni japplikaw miżuri b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19, li jxekklu b’mod sostanzjali l-abbiltà tal-organizzaturi li jiġbru dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ f’forma miktuba u li jinfurmaw lill-pubbliku dwar l-inizjattivi li għaddejjin tagħhom.

(3)

Mill-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2020/1042 f’Lulju 2020, il-Kummissjoni ilha tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni fl-Istati Membri.

(4)

Fis-17 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni tat estensjoni oħra ta’ tliet xhur għal inizjattivi li kienu fil-proċess li jiġbru dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ fl-1 ta’ Novembru 2020 (3), wara l-valutazzjoni tagħha li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali estensjoni skont ir-Regolament (UE) 2020/1042 ġew issodisfati. Ingħatat estensjoni proporzjonata lill-inizjattivi li bdew il-perjodu tal-ġbir tagħhom bejn l-1 ta’ Novembru u l-17 ta’ Diċembru 2020.

(5)

Mill-1 ta’ Novembru 2020, is-sitwazzjoni fejn tidħol il-pandemija kkawżata mill-COVID-19 f’diversi Stati Membri ma nbidlitx b’xi mod sinifikanti. Sal-aħħar ta’ Jannar 2021, għadd sostanzjali ta’ Stati Membri kien għad kellhom fis-seħħ miżuri li jirrestrinġu ċ-ċirkolazzjoni libera taċ-ċittadini fit-territorju tagħhom sabiex iwaqqfu jew irażżnu t-trażmissjoni tal-COVID-19. Ħames (5) Stati Membri rrappurtaw li fl-1 ta’ Frar 2021 kienu qed japplikaw miżuri nazzjonali ta’ konfinament, li jipprojbixxu jew jirrestrinġu b’mod sostanzjali l-libertà taċ-ċittadini li jduru liberament mat-territorju tagħhom, filwaqt li 11-il Stat Membru rrappurtaw li kienu qed japplikaw miżuri lokali ta’ konfinament. Dawk il-miżuri ta’ konfinament ġew ikkombinati ma’ miżuri addizzjonali b’effetti restrittivi simili fuq il-ħajja pubblika fit-territorju tagħhom jew mill-inqas partijiet sostanzjali minnu, inklużi restrizzjonijiet fuq l-aċċessibbiltà ta’ spazji pubbliċi, l-għeluq jew il-ftuħ limitat ta’ ħwienet, ristoranti u pubs, restrizzjonijiet severi fuq il-kapaċità ta’ laqgħat u laqgħat pubbliċi u privati u l-impożizzjoni ta’ curfews. Dawk il-miżuri meħuda flimkien jaffettwaw ukoll b’mod sostanzjali l-kapaċità tal-organizzaturi li jiġbru dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ f’forma miktuba u li jinfurmaw lill-pubbliku dwar l-inizjattivi kontinwi tagħhom. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli bħalissa, dawk il-miżuri, jew miżuri b’effett simili, x’aktarx li jibqgħu fis-seħħ għal perjodu ta’ mill-inqas tliet xhur.

(6)

L-Istati Membri kkonċernati jirrappreżentaw mill-inqas kwart tal-Istati Membri, u aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni.

(7)

Għal dawk ir-raġunijiet, jista’ jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ estensjoni tal-perjodi ta’ ġbir huma ssodisfati fir-rigward ta’ inizjattivi li għalihom il-perjodu ta’ ġbir kien għadu għaddej fl-1 ta’ Frar 2021. Dawk il-perjodi ta’ ġbir għandhom għalhekk jiġu estiżi bi tliet xhur.

(8)

Fil-każ ta’ inizjattivi li għalihom il-perjodu ta’ ġbir beda bejn l-1 ta’ Frar 2021 u d-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-perjodu ta’ ġbir għandu jiġi estiż sal-1 ta’ Mejju 2022.

(9)

Fir-rigward ta’ inizjattivi li għalihom il-perjodu ta’ ġbir intemm bejn l-1 ta’ Frar 2021 u d-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, din id-Deċiżjoni għandha tapplika b’mod retroattiv,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Fejn il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (“inizjattiva”) kien għadu għaddej fl-1 ta’ Frar 2021, il-perjodu massimu ta’ ġbir għandu jiġi estiż għal perjodu ta’ tliet xhur fir-rigward ta’ dik l-inizjattiva.

2.   Fejn il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal inizjattiva jkun beda bejn l-1 ta’ Frar 2021 u d-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-perjodu ta’ ġbir għandu jiġi estiż sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2022 fir-rigward ta’ dik l-inizjattiva.

Artikolu 2

Id-dati l-ġodda tat-tmiem tal-perijodi ta’ ġbir għall-inizjattivi li ġejjin għandhom ikunu kif ġej:

l-inizjattiva intitolata “Is-soluzzjoni rapida, ġusta u effettiva għat-tibdil fil-klima”: is-6 ta’ Mejju 2021;

l-inizjattiva intitolata “Politika ta’ koeżjoni għall-ugwaljanza bejn ir-reġjuni u għas-sostenibbiltà tal-kulturi reġjonali”: is 7 ta’ Mejju 2021;

l-inizjattiva intitolata “Intemmu l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-fjuwil tal-avjazzjoni fl-Ewropa”: l-10 ta’ Mejju 2021;

l-inizjattiva intitolata “Prezz għall-karbonju fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima”: it-22 ta’ Lulju 2021;

l-inizjattiva intitolata “Inkabbru l-progress xjentifiku: l-għelejjel huma importanti!”: il-25 ta’ Lulju 2021;

l-inizjattiva intitolata “Inwaqqfu l-korruzzjoni fl-Ewropa mill-għeruq tagħha, billi naqtgħu l-fondi għall-pajjiżi b’ġudikatura ineffiċjenti wara l-iskadenza”: it-12 ta’ Settembru 2021;

l-inizjattiva intitolata “Azzjonijiet dwar l-Emerġenza Klimatika”: it-23 ta’ Settembru 2021;

l-inizjattiva intitolata “Insalvaw lin-Naħal u lill-bdiewa! Lejn agrikoltura favur in-naħal għal ambjent b’saħħtu”: it-30 ta’ Settembru 2021;

l-inizjattiva intitolata “Inwaqqfu t-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar — Inwaqqfu l-kummerċ”: il-31 ta’ Jannar 2022;

L-inizjattiva intitolata “VOTATURI MINGĦAJR FRUNTIERI, Drittijiet Politiċi Sħaħ għaċ-ċittadini tal-UE”: il-11 ta’ Marzu 2022;

l-inizjattiva intitolata “Bidu tal-Introjtu Bażiku Inkondizzjonat (UBI) madwar l-UE”: il-25 ta’ Marzu 2022;

l-inizjattiva intitolata “Libertà di condividere”: l-1 ta’ Mejju 2022;

l-inizjattiva intitolata “Dritt għal Kura”: l-1 ta’ Mejju 2022;

l-inizjattiva intitolata “Inizjattiva tas-soċjetà ċivili għal projbizzjoni ta’ prattiki ta’ sorveljanza bijometrika tal-massa”: l-1 ta’ Mejju 2022;

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett retroattiv fir-rigward tal-inizjattivi li l-perjodu ta’ ġbir tagħhom intemm bejn l-1 ta’ Frar 2021 u d-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil:

il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Is-soluzzjoni rapida, ġusta u effettiva għat-tibdil fil-klima”;

il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Politika ta’ koeżjoni għall-ugwaljanza bejn ir-reġjuni u għas-sostenibbiltà tal-kulturi reġjonali”;

il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Intemmu l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-fjuwil tal-avjazzjoni fl-Ewropa”;

il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Prezz għall-karbonju fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima”;

il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Inkabbru l-progress xjentifiku: l-għelejjel huma importanti!”;

il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Inwaqqfu l-korruzzjoni fl-Ewropa mill-għeruq tagħha, billi naqtgħu l-fondi għall-pajjiżi b’ġudikatura ineffiċjenti wara l-iskadenza”;

il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Azzjonijiet dwar l-Emerġenza Klimatika”;

il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Insalvaw lin-Naħal u lill-bdiewa! Lejn agrikoltura favur in-naħal għal ambjent b’saħħtu”;

il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Inwaqqfu t-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar — Inwaqqfu l-kummerċ”;

il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “VOTATURI MINGĦAJR FRUNTIERI, Drittijiet Politiċi Sħaħ għaċ-ċittadini tal-UE”;

il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Bidu tal-Introjtu Bażiku Inkondizzjonat (UBI) madwar l-UE”;

il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Libertà di condividere”;

il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Dritt għal Kura”;

il-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva intitolata “Inizjattiva tas-soċjetà ċivili għal projbizzjoni ta’ prattiki ta’ sorveljanza bijometrika tal-massa”;

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Frar 2021.

Għall-Kummissjoni

Věra JOUROVÁ

Viċi President


(1)  ĠU L 231, 17.7.2020, p. 7.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzojni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2200 tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar l-estensjoni tal-perjodi għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal ċerti inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej skont ir-Regolament (UE) 2020/1042 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 434, 23.12.2020, p. 56).


26.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 69/12


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/361

tat-22 ta’ Frar 2021

li tistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza għall-movimenti bejn l-Istati Membri u għad-dħul fl-Unjoni ta’ kunsinni tas-salamandri fir-rigward tal-infezzjoni bil-Batrachochytrium salamandrivorans

(notifikata bid-dokument C(2021) 1018)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(1) u 261(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Batrachochytrium salamandrivorans (Bsal) huwa fungus patoġenu tas-salamandri li jaffettwa l-popolazzjonijiet tas-salamandri miżmuma u selvaġġi, u jista’ jikkawża morbidità u mortalità sinifikanti f’dawn il-popolazzjonijiet. Il-Bsal huwa letali għal ċerti speċijiet ta’ salamandri, filwaqt li speċijiet oħra huma kompletament jew parzjalment reżistenti għalih, iżda jistgħu jġorruh fuq ġildhom, u għaldaqstant ikun riżerva u sors ta’ infezzjoni, għal speċijiet oħra ta’ salamandri, jew ta’ kontaminazzjoni għall-ambjent tagħhom.

(2)

L-infezzjoni bil-Bsal s’issa okkorriet fil-Belġju, fil-Ġermanja, fin-Netherlands, fir-Renju Unit u fi Spanja, kemm fil-popolazzjonijiet tas-salamandri miżmuma kif ukoll f’dawk selvaġġi skont id-data miġbura fil-kuntest tal-proġett Ewropew “Mitigazzjoni ta’ marda infettiva ġdida fis-salamandri biex jiġi miġġieled it-telf tal-bijodiversità Ewropea” (2) u dik li nġabret warajh. Il-Bsal maħsub li oriġina fl-Asja tal-Lvant u li huwa mifrux hemmhekk, peress li huwa endemiku mill-inqas fil-Ġappun, fit-Tajlandja u fil-Vjetnam. Fl-istess ħin, hemm nuqqas ta’ informazzjoni dwar kemm hu mifrux f’partijiet oħra tal-Unjoni u tad-dinja. Il-kummerċ tas-salamandri infettati jew trasportaturi jikkontribwixxi għat-tixrid tal-Bsal u l-marda tirrappreżenta riskju importanti għall-bijodiversità fiż-żoni li tikkolonizza.

(3)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) (UE) 2018/320 (3) kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1998 (4) tistabbilixxi l-miżuri għall-protezzjoni tas-saħħa tal-annimali fil-kummerċ intra-Unjoni ta’ kunsinni ta’ salamandri u l-introduzzjoni ta’ dawn il-kunsinni fl-Unjoni. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/320 ġiet adottata abbażi ta’ Opinjoni Xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel tal-25 ta’ Ottubru 2017 (5) (“l-Opinjoni tal-EFSA”) u tal-Assistenza Teknika u Xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel tal-21 ta’ Frar 2017 (6) (“Assistenza Xjentifika u Teknika tal-EFSA”) Dik id-Deċiżjoni tapplika sal-20 ta’ April 2021.

(4)

L-Opinjoni tal-EFSA u l-Assistenza Teknika tal-EFSA u pubblikazzjonijiet xjentifiċi aktar reċenti (7) enfasizzaw ukoll bosta lakuni u inċertezzi fl-għarfien attwali fir-rigward ta’ ħafna aspetti tan-natura tal-Bsal. L-istandards tal-kummerċ internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tal-Annimali (OIE) għadhom mhumiex żviluppati għalkollox fir-rigward tal-metodi tad-dijanjostika tal-Bsal u għadhom ma ġewx riveduti fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet għall-kummerċ internazzjonali tas-salamandri.

(5)

Il-Bsal huwa elenkat fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/429, u għaldaqstant jaqa’ fid-definizzjoni ta’ marda elenkata għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2016/429. Il-Bsal jaqa’ wkoll fid-definizzjoni ta’ marda tal-kategorija D, kif stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (8) għall-annimali tal-Ordni Caudata, li tinkludi s-salamandri. Madankollu, ir-regoli tal-Unjoni dwar il-movimenti fl-Unjoni u d-dħul fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ annimali terrestri u ta’ annimali akkwatiċi stabbiliti fl-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni adottati skont ir-Regolament (UE) 2016/429 ma japplikawx għall-Caudata, peress li l-Caudata taqa’ fid-definizzjoni ta’ “annimali oħra” f’dan ir-Regolament. Minħabba n-nuqqas attwali ta’ għarfien fir-rigward tal-bosta aspetti tan-natura tal-Bsal kif ukoll in-nuqqas ta’ kwalunkwe linja gwida u rakkomandazzjoni internazzjonali fir-rigward tal-kummerċ f’dawk l-annimali, għadhom ma ġewx adottati atti delegati u ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni għall-Caudata, filwaqt li ġew adottati għall-annimali terrestri u għall-annimali akkwatiċi.

(6)

Il-Kummissjoni rrevediet is-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali fir-rigward tal-Bsal fl-Unjoni u tal-miżuri ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-annimali previsti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/320 mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Peress li l-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/320 tqiesu xierqa, l-Istati Membri ma ħadu l-ebda miżuri kummerċjali oħra biex jiġġieldu kontra l-Bsal. Għalkemm it-tifqigħat tal-Bsal jidhru li bħalissa huma limitati għal ċerti reġjuni ta’ ċerti Stati Membri, it-tixrid ulterjuri tal-Bsal permezz tal-kummerċ intra-Unjoni jirrappreżenta riskju sinifikanti.

(7)

Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġu adottati miżuri ta’ emerġenza fuq livell tal-Unjoni biex jiġi evitat it-tixrid tal-Bsal u biex jiġi evitat tfixkil mhux ġustifikat fil-kummerċ tas-salamandri. Meta titqies l-effettività tal-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/320, huwa xieraq li jiġu adottati miżuri simili dwar il-movimenti fi ħdan l-Unjoni u dwar id-dħul fl-Unjoni ta’ kunsinni tas-salamandri mill-21 ta’ April 2021 għal perjodu limitat ta’ żmien sakemm jiġu adottati miżuri aktar permanenti tas-saħħa tal-annimali, bħal fil-każ ta’ mard li jaffettwa l-annimali terrestri u l-annimali akkwatiċi.

(8)

Il-Bsal jista’ jiġi trażmess bejn l-ispeċijiet tas-salamandri nattivi ta’ reġjuni differenti u l-kontaminazzjoni kroċjata tista’ sseħħ f’diversi stabbilimenti mmexxija minn operaturi li jżommu u jiskambjaw is-salamandri. Dan iżid ir-riskju tat-trażmissjoni tal-Bsal minn salamandri kkummerċjalizzati jkun xi jkun l-istatus tas-saħħa tal-post tal-oriġini tagħhom u s-sitwazzjoni tas-saħħa tagħhom fl-ambjent naturali. Jenħtieġ għalhekk li l-kunsinni tas-salamandri maħsuba għall-movimenti bejn l-Istati Membri jew għad-dħul fl-Unjoni jkunu soġġetti għal miżuri li jtaffu dak ir-riskju. Jenħtieġ madankollu li dawn il-miżuri ma japplikawx għall-movimenti mhux kummerċjali ta’ salamandri domestiċi, bħal movimenti mhux kummerċjali koperti mir-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Dawn il-movimenti mhux kummerċjali jikkonċernaw, u huma limitati għall-annimali taħt il-kura ta’ sidhom jew ta’ persuni awtorizzati u li jakkumpanjawhom u li ma jinvolvux it-trasferiment tas-sjieda. Għalhekk, il-movimenti mhux kummerċjali tas-salamandri domestiċi jirrappreżentaw riskju negliġibbli għat-tixrid tal-Bsal għas-salamandri kkummerċjalizzati jew għas-salamandri li jgħixu fl-ambjent naturali.

(9)

Jenħtieġ li s-salamandri li jiġu skambjati biss bejn stabbilimenti konfinati approvati mill-awtorità kompetenti f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/429 ma jkunux suġġetti għall-kwarantina jew għall-ittestjar peress li l-miżuri ta’ bijosigurtà fis-seħħ f’dawk l-istabbilimenti konfinati huma xierqa biex itaffu r-riskju tat-tixrid tal-Bsal.

(10)

Jenħtieġ li l-kunsinni tas-salamandri li daħlu fl-Unjoni u li diġà għaddew minn kwarantina bi ttestjar b’riżultati negattivi, jew li jkunu rċevew trattament sodisfaċenti fl-Unjoni fi stabbiliment xieraq wara d-dħul tagħhom fl-Unjoni, ma jkunux suġġetti għal kwarantina jew ittestjar ripetuti, jekk huma maħsuba li jiġu mċaqalqa lejn Stat Membru ieħor, dment li żżammew iżolati minn salamandri bi status ta’ saħħa differenti.

(11)

Hemm nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-kapaċitajiet tekniċi tas-servizzi veterinarji u tal-laboratorji madwar id-dinja biex jittestjaw għall-Bsal, filwaqt li bosta korpi fl-Unjoni Ewropea qegħdin fuq quddiem fil-progress tad-dijanjożi u tat-trattament tal-Bsal. Jenħtieġ għalhekk li l-kunsinni tas-salamandri li jidħlu fl-Unjoni jitqiegħdu fi kwarantina fi stabbiliment xieraq, u jiġu ttestjati u ttrattati wara d-dħul tagħhom fl-Unjoni.

(12)

Jenħtieġ li l-pajjiżi terzi u t-territorji approvati għall-ħruġ ta’ ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ kunsinni tas-salamandri jiġu limitati għal dawk li huma membri tal-OIE u li b’hekk jiġu obbligati li jħarsu l-istandards internazzjonali għall-ħruġ ta’ ċertifikati tas-saħħa tal-annimali.

(13)

Jenħtieġ li t-trattamenti jiġu speċifikati u jkunu f’konformità mal-protokolli li diġà huma deskritti fil-letteratura rieżaminata bejn il-pari kif enfasizzata mill-Assistenza Xjentifika u Teknika tal-EFSA jew ma’ oħrajn komparabbli.

(14)

Jenħtieġ li l-kunsinni tas-salamandri jkunu awtorizzati biss biex jidħlu fl-Unjoni mill-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tad-dħul fl-Unjoni, jekk dik l-awtorità tirċievi attestazzjoni mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-istabbiliment tad-destinazzjoni li tikkonferma li l-kunsinni se jiġu aċċettati.

(15)

Jenħtieġ li l-miżuri ta’ emerġenza previsti minn din id-Deċiżjoni japplikaw mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429 u jenħtieġ li jiġu riveduti filwaqt li titqies il-gravità tas-sitwazzjoni epidemjoloġika minħabba żviluppi ġodda u rappurtar annwali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

(16)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-miżuri ta’ emerġenza għall-movimenti tal-kunsinni tas-salamandri bejn l-Istati Membri u għad-dħul fl-Unjoni (10) ta’ dawn il-kunsinni.

Din id-Deċiżjoni ma għandhiex tapplika għall-movimenti mhux kummerċjali ta’ salamandri domestiċi.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“salamandri” tfisser l-amfibji kollha tal-Ordni Caudata;

(b)

“Bsal” huwa l-fungus Batrachochytrium salamandrivorans (Renju tal-Fungi, Phylum Chytridiomycota, tal-Ordni Rhizophydiales);

(c)

“stabbiliment xieraq” huwa bini:

(i)

fejn is-salamandri jinżammu fi kwarantina qabel ma jintbagħtu lejn Stat Membru ieħor jew wara li jiddaħħlu fl-Unjoni meta huma maħsuba għas-suq intern; u

(ii)

irreġistrat mill-awtorità kompetenti qabel id-data tal-bidu ta’ kwalunkwe kwarantina;

(d)

“test dijanjostiku xieraq” huwa assaġġ ta’ reazzjoni katina bil-polimerażi kwantitattiva f’ħin reali (qPCR) li fih primers STerF u STerR speċifiċi skont l-ispeċi biex jamplifikaw framment ta’ DNA tal-Bsal ta’ 119-il nukleotida;

Artikolu 3

Rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali għall-movimenti tal-kunsinni tas-salamandri bejn l-Istati Membri

L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu li jintbagħtu kunsinni tas-salamandri lil Stat Membru ieħor, ħlief meta dawn il-kunsinni jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li ġejjin:

(a)

is-salamandri jridu jiġu minn popolazzjoni fejn ma hemm:

(i)

l-ebda mortalità b’kawża indeterminata;

(ii)

l-ebda mortalità kkaġunata mill-Bsal;

(iii)

l-ebda sinjal kliniku tal-Bsal, b’mod partikolari għal selħiet jew ulċeri fuq il-ġilda;

(b)

is-salamandri ma jridux juru sinjali kliniċi jew sintomi tal-Bsal, b’mod partikolari ma għandux ikollhom selħiet jew ulċeri li jidhru fuq il-ġilda meta jiġu eżaminati mill-veterinarju uffiċjali; dak l-eżami jrid isir tul l-aħħar 48 siegħa qabel ma tintbagħat il-kunsinna lejn l-Istat Membru tad-destinazzjoni;

(c)

il-kunsinna trid tikkonsisti minn salamandri li jikkonformaw ma’ mill-inqas wieħed mis-settijiet ta’ rekwiżiti li ġejjin:

(i)

iridu jkunu għaddew minn kwarantina fi stabbiliment xieraq għal perjodu ta’ mill-inqas sitt ġimgħat eżatt qabel id-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali f’konformità mal-mudell stabbilit fil-Parti A tal-Anness I; u l-kampjuni meħudin bi swab tal-ġilda mis-salamandri fil-kunsinna jridu jkunu ġew ittestjati għall-Bsal b’riżultati negattivi tul il-ħames ġimgħat tal-perjodu ta’ kwarantina bit-test dijanjostiku xieraq, f’konformità mad-daqsijiet tal-kampjuni stabbiliti fil-punt 1(a) tal-Anness III; jew

(ii)

iridu jkunu ngħataw trattament kontra l-Bsal li jissodisfa lill-awtorità kompetenti f’konformità mat-tabella ta’ referenza stabbilita fil-punt 1(b) tal-Anness III; jew

(iii)

iridu jiġu minn stabbiliment konfinat u huma maħsuba għal stabbiliment konfinat ieħor; jew

(iv)

iridu jkunu daħlu fl-Unjoni minn pajjiż terz, għaddew minn kwarantina fi stabbiliment xieraq tad-destinazzjoni f’konformità mal-Artikolu 6 u jkunu nżammu iżolati minn salamandri oħra bejn it-tmiem ta’ dak il-perjodu ta’ kwarantina u l-ħruġ taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali msemmi fil-punt (d);

(d)

il-kunsinni jrid ikollhom ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li jikkonforma mal-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali stabbilit fil-Parti A tal-Anness I;

Artikolu 4

Rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għad-dħul ta’ kunsinni tas-salamandri fl-Unjoni

L-awtorità kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla fl-Unjoni għandu jawtorizza biss id-dħul fl-Unjoni ta’ kunsinni tas-salamandri minn pajjiżi u territorji terzi, ippreżentati għall-fini ta’ kontrolli uffiċjali kif previst fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 (11) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jekk l-eżitu ta’ dawk il-kontrolli uffiċjali fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jkun favorevoli u li dawn il-kunsinni jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

iridu jiġu minn pajjiż terz jew territorju ta’ oriġini li hu membru tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE);

(b)

is-salamandri fil-kunsinna ma jridux juru sinjali kliniċi tal-Bsal, b’mod partikolari ma għandu jkun hemm l-ebda sinjal ta’ selħiet jew ulċeri fil-ġilda meta jsir eżami kliniku mill-veterinarju uffiċjali għall-fini tal-ħruġ ta’ ċertifikat tas-saħħa tal-annimali msemmi fil-punt (d); u dak l-eżami jrid ikun twettaq tul l-aħħar 48 siegħa qabel il-ħin tat-tagħbija għad-dispaċċ tal-kunsinna lejn l-Unjoni;

(c)

qabel ma jinħareġ iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali msemmi fil-punt (d), l-unità epidemjoloġika bis-salamandri fil-kunsinna jeħtieġ li tkun ġiet iżolata minn salamandri oħrajn mhux aktar tard mill-ħin tal-eżami kliniku biex jinħareġ iċ-ċertifikat tas-saħħa msemmi fil-punt (d) u ma jridux ikunu ġew f’kuntatt ma’ salamandri oħra minn dak iż-żmien.

(d)

irid ikollhom ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li jikkonforma mal-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali stabbilit fil-Parti B tal-Anness I;

Artikolu 5

Attestazzjoni ta’ aċċettazzjoni rigward l-istabbiliment tad-destinazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-kunsinni tas-salamandri jkunu maħsuba għas-suq intern, l-operatur responsabbli għall-kunsinna għandu jipprovdi attestazzjoni bil-miktub f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera u ffirmata minn persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għal stabbiliment xieraq tad-destinazzjoni jew għal stabbiliment konfinat, li jkun fiha:

(a)

l-isem, l-indirizz u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-istabbiliment tad-destinazzjoni jew in-numru tal-approvazzjoni f’każ ta’ stabbiliment konfinat;

(b)

f’każ ta’ stabbiliment xieraq tad-destinazzjoni, li dan jikkonforma mal-kundizzjonijiet minimi stabbiliti fl-Anness II;

(c)

li l-kunsinna tas-salamandri tkun aċċettata għall-kwarantina fl-istabbiliment tad-destinazzjoni jew fl-istabbiliment konfinat.

Artikolu 6

Regoli ta’ kwarantina għall-kunsinni tas-salamandri li daħlu fl-Unjoni jew fi stabbiliment xieraq tad-destinazzjoni

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li:

(a)

l-operatur iżomm fi kwarantina l-kunsinna tas-salamandri fi stabbiliment xieraq tad-destinazzjoni sakemm jiġu rilaxxati minn dan l-istabbiliment mill-veterinarju uffiċjali;

(b)

veterinarju uffiċjali jispezzjona l-kundizzjonijiet tal-kwarantina fl-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni għal kull kunsinna tas-salamandri, u jeżamina r-rekords tal-mortalità u jagħmel spezzjoni klinika tas-salamandri, filwaqt li jiċċekkja b’mod partikolari għal selħiet jew ulċeri fuq il-ġilda;

(c)

il-veterinarju uffiċjali jwettaq eżami, kampjunar, ittestjar u proċeduri ta’ trattament għall-Bsal f’konformità mal-proċeduri msemmija fil-punti 1 u 2 tal-Anness III;

(d)

il-veterinarju uffiċjali jirrilaxxa biss il-kunsinna tas-salamandri minn dak l-istabbiliment xieraq permezz ta’ awtorizzazzjoni bil-miktub:

(i)

fil-każ tal-ittestjar kif imsemmi fil-punt 1(a) tal-Anness III, dment li jkunu għaddew mill-inqas sitt ġimgħat mid-data tal-bidu tal-perjodu ta’ kwarantina u mhux qabel ma jaslu r-riżultati negattivi tat-testijiet, skont liema jiġi l-aħħar, jew

(ii)

fil-każ tat-trattament kif imsemmi fil-punt 1(b) tal-Anness III, wara li dak it-trattament ikun tlesta b’mod sodisfaċenti.

Artikolu 7

Miżuri li jridu jittieħdu fil-każ ta’ tifqigħa tal-Bsal fi stabbiliment xieraq tad-destinazzjoni

1.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li fejn ikun hemm tifqigħa tal-Bsal f’unità epidemjoloġika, l-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni jieħu l-miżuri li ġejjin :

(a)

is-salamandri kollha fl-istess unità epidemjoloġika jew:

(i)

jingħataw trattament kontra l-Bsal li jissodisfa lill-awtorità kompetenti f’konformità mal-punt 3 tal-Anness III; jew

(ii)

jinqatlu u jiġu skartati bħala prodotti sekondarji tal-annimali msemmija fl-Artikolu 8(a)(iii) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) f’konformità mal-Artikolu 12 tiegħu;

(b)

wara li jitlestew il-miżuri msemmijin fil-punt (a), iż-żona fl-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni fejn tkun inżammet l-unità epidemjoloġika titnaddaf u tiġi ddiżinfettata b’mod li jissodisfa lill-awtorità kompetenti.

2.   L-awtorità kompetenti tista’ tirrikjedi l-ittestjar tas-salamandri ttrattati biex tiġi vverifikata l-effettività tat-trattament imsemmi fil-punt 1(a)(i) u tista’ teħtieġ trattamenti ripetuti, skont il-bżonn, biex tipprevjeni t-tifrix tal-Bsal.

Artikolu 8

Rekwiżiti tar-rappurtar annwali

Mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, dawk l-Istati Membri li jkunu mmaniġġjaw kunsinni tas-salamandri fis-sena preċedenti, għandhom jippreżentaw l-informazzjoni li ġejja għas-sena preċedenti lill-Kummissjoni u jiddistingwu bejn l-informazzjoni marbuta mal-movimenti ta’ dawn il-kunsinni bejn l-Istati Membri u d-dħul ta’ dawn il-kunsinni tas-salamandri fl-Unjoni:

(a)

l-għadd ta’ unitajiet epidemjoloġiċi li kellhom tifqigħa tal-Bsal

(b)

l-għadd ta’ unitajiet epidemjoloġiċi ttrattati mingħajr tifqigħa tal-Bsal;

(c)

kull informazzjoni oħra li jqisu bħala rilevanti dwar l-ittestjar, it-trattament jew l-immaniġġjar tal-kunsinni tas-salamandri u dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 9

Applikabbiltà

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-21 ta’ April 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2022.

Artikolu 10

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2021.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  http://bsaleurope.com/european-distribution/

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/320 tat-28 ta’ Frar 2018 dwar ċerti miżuri għall-protezzjoni tas-saħħa fil-kummerċ intra-Unjoni tas-salamandri u l-introduzzjoni ta’ dawn l-annimali fl-Unjoni rigward il-fungus Batrachochytrium salamandrivorans (ĠU L 62, 5.3.2018, p. 18).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1998 tat-28 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/320 fir-rigward tal-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-annimali għas-salamandri fir-rigward tal-fungus Batrachochytrium salamandrivorans (ĠU L310, 2.12.2019, p. 35).

(5)  EFSA Journal 2017;15(11):5071

(6)  EFSA Journal 2017;15(2):4739.

(7)  http://bsaleurope.com/scientific-publications/

(8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 (ĠU L 178, 28.6.2013, p. 1).

(10)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni r-referenzi għall-“Unjoni” jinkludu r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

(11)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).

(12)  Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).


ANNESS I

Parti A

MUDELL TAĊ-ĊERTIFIKAT TAS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI

għall-movimenti tas-salamandri bejn l-Istati Membri

Image 1

Image 2

Image 3

Parti B

MUDELL TAĊ-ĊERTIFIKAT TAS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI

għad-dħul fl-Unjoni tas-salamandri

Image 4

Image 5


ANNESS II

KUNDIZZJONIJIET MINIMI GĦALL-ISTABBILIMENTI XIERQA TAD-DESTINAZZJONI

(1)

L-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni għandu:

(a)

ikollu sistema li tiżgura s-sorveljanza adegwata tas-salamandri;

(b)

ikun taħt il-kontroll tal-awtorità kompetenti,

(c)

ikun diżinfettat f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-awtorità kompetenti.

(2)

L-operatur tal-istabbiliment xieraq għandu jiżgura li:

(a)

isir tindif u diżinfezzjoni tal-akkwarji, taċ-ċestuni, tat-tagħmir, tal-mezzi tat-trasport jew ta’ oġġetti oħra użati għat-trasport tas-salamandri, sakemm dawn l-oġġetti ma jinqerdux, b’mod li jipprevjeni t-tifrix tal-Bsal.

(b)

il-materjal ta’ skart u l-ilma mormi jinġabar b’mod regolari, jinħażen, imbagħad jiġi ttrattat b’mod li jipprevjeni t-tifrix tal-Bsal.

(c)

il-karkassi tas-salamandri li għaddew minn kwarantina li jmutu jiġu eżaminati f’laboratorju li jkun indikat mill-awtorità kompetenti.

(d)

it-testijiet u t-trattamenti tas-salamandri meħtieġa jitwettqu f’konsultazzjoni mal-veterinarju uffiċjali u taħt il-kontroll tal-awtorità kompetenti.

(3)

L-operatur tal-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni għandu jgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti dwar il-mard u l-imwiet tas-salamandri waqt il-kwarantina.

(4)

L-operatur tal-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni jżomm rekord:

(a)

tad-data, l-għadd u l-ispeċijiet tas-salamandri li jidħlu u joħorġu mill-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni: għal kull kunsinna;

(b)

tal-kopji taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali u tad-dokument sanitarju komuni tad-dħul li jakkumpanjaw il-kunsinna tas-salamandri;

(c)

tal-każijiet ta’ mard u l-għadd ta’ mwiet kuljum;

(d)

tad-dati u r-riżultati tal-ittestjar;

(e)

tat-tipi ta’ trattament u d-dati tagħhom, u l-għadd ta’ salamandri soġġetti għal dan.


ANNESS III

PROĊEDURI TAL-EŻAMI, TAL-KAMPJUNAR, TAL-ITTESTJAR U TAT-TRATTAMENT GĦALL-BSAL

(1)

Tul il-kwarantina s-salamandri jiġu soġġetti għall-proċeduri li ġejjin:

(a)

Il-kampjuni meħudin bi swab tal-ġilda tas-salamandri fil-kwarantina jridu jiġu eżaminati bit-test dijanjostiku xieraq taħt il-kontroll tal-awtorità kompetenti tul il-ħames ġimgħa ta’ wara d-dħul tagħhom fl-istabbiliment xieraq f’konformità mad-daqsijiet tal-kampjuni stabbiliti fit-tabella ta’ referenza, sakemm l-operatur ma jagħżilx li jsegwi trattament f’konformità mal-punt (b).

Tabella ta’ Referenza (1):

Daqs tal-unità epidemjoloġika

62 jew inqas

186

200

250

300

350

400

450

Daqs tal-kampjun

kollha

96

98

102

106

108

110

111

(b)

Jekk l-operatur jagħżel wieħed mit-trattamenti elenkati fil-punt (3), is-salamandri kollha fil-kunsinna jridu jiġu ttrattati kontra l-Bsal mill-operatur taħt il-kontroll tal-veterinarju uffiċjali, b’mod li jissodisfa lill-awtorità kompetenti.

(c)

Fil-każijiet imsemmijin fil-punt (b) il-veterinarju uffiċjali jista’ jitlob li l-kampjun rappreżentattiv tal-unità epidemjoloġika jiġi analizzat bit-test dijanjostiku xieraq qabel ma jsir it-trattament biex jimmonitorja l-preżenza tal-Bsal jew wara t-trattament biex jivverifika li m’hemmx Bsal. F’dan il-każ jista’ jsir ġbir ta’ kampjuni tal-ġilda meħudin bi swab minn massimu ta’ erba’ annimali.

(d)

Il-kampjuni meħudin bi swab tal-ġilda tas-salamandri l-mejtin kollha jew dawk kollha li huma morda klinikament, b’mod partikolari dawk li għandhom selħiet fuq il-ġilda, iridu jiġu eżaminati taħt il-kontroll tal-veterinarju uffiċjali bit-test dijanjostiku xieraq fil-ħin li jidhru s-selħiet jew xi sinjali kliniċi oħra, jew fil-ħin tal-mewt, liema minn dawn jiġri l-ewwel.

(e)

Is-salamandri kollha li jmutu fl-istabbiliment xieraq iridu jiġu soġġetti għal eżami post-mortem taħt il-kontroll tal-veterinarju uffiċjali, b’mod partikolari biex jiġu vverifikati sinjali tal-Bsal, meta possibbli, il-Bsal jiġi kkonfermat bħala l-kawża tal-mewt jew jiġi eskluż.

(2)

L-ittestjar kollu tal-kampjuni u l-eżami post-mortem li jsiru waqt il-kwarantina jridu jitwettqu fil-laboratorji indikati mill-awtorità kompetenti.

(3)

It-trattamenti li ġejjin jitqiesu sodisfaċenti:

(a)

is-salamandri jinżammu f’temperatura ta’ mill-inqas 25 °C għal mill-inqas 12-il jum;

(b)

is-salamandri jinżammu f’temperatura ta’ mill-inqas 20°C għal mill-inqas 10 ijiem flimkien ma’ trattament f’banjijiet ta’ sommersjoni fil-polimiksina E (2 000 IU/ml) għal 10 minuti darbtejn kuljum u wara jiġu sprejjati bil-vorikonażol (12,5 μg/ml);

(c)

kwalunkwe trattament ieħor li jkun irrappurtat f’artiklu rieżaminat bejn il-pari u ppubblikat f’ġurnal xjentifiku li jagħti riżultati kumparabbli ta’ eliminazzjoni tal-Bsal.


(1)  Meta wieħed jippreżumi prevalenza tal-Bsal ta’ 3 % fl-unità epidemjoloġika, tkun garantita rata ta’ affidabbiltà ta’ 95 % biex jiġi identifikat il-Bsal, u s-sensittività tat-test dijanjostiku xieraq tkun ikkalkolata bħala ta' 80 %.