ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 37

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 64
3 ta' Frar 2021


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/120 tat-2 ta’ Frar 2021 li jawtorizza t-tqegħid fis-suq tat-trab taż-żerriegħa tal-lift bix-xaħam parzjalment imneħħi mill-Brassica rapa L. u Brassica napus L. bħala ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 ( 1 )

1

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/121 tat-28 ta’ Jannar 2021 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea b’risposta għall-Ittra lill-Istati mibgħuta mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tal-Emenda 28 għat-Taqsima D tal-Kapitolu 9 tal-Anness 9 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

6

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

3.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 37/1


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/120

tat-2 ta’ Frar 2021

li jawtorizza t-tqegħid fis-suq tat-trab taż-żerriegħa tal-lift bix-xaħam parzjalment imneħħi mill-Brassica rapa L. u Brassica napus L. bħala ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari, l-Artikolu 12 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li l-ikel ġdid awtorizzat u inkluż fil-lista tal-Unjoni biss, jista’ jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni.

(2)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ġie adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) li jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat.

(3)

Fil-31 ta’ Diċembru 2018, il-kumpanija Avena Nordic Grain Oy (“l-applikant”) issottomettiet applikazzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283 biex tqiegħed it-trab taż-żerriegħa tal-lift bix-xaħam parzjalment imneħħi mill-Brassica rapa L. u Brassica napus L. ta’ kultivari baxxi (00), fuq is-suq tal-Unjoni bħala ikel ġdid. L-applikant talab li t-trab taż-żerriegħa tal-lift bix-xaħam parzjalment imneħħi mill-Brassica rapa L. u Brassica napus L. jintuża fil-bars taċ-ċereali, muesli u ċereali tal-kolazzjon imħallta simili, fil-prodotti taċ-ċereali tal-kolazzjon estrużi, fi snacks għajr ċips u ikel simili, fil-ħobżiet somor bla glutina, fil-ħobż u bziezen b’ingredjenti speċjali miżjuda, fil-ħobż u bziezen b’diversi qmuħ, fis-sostituti tal-laħam, u fil-pulpetti tal-laħam.

(4)

L-applikant ippropona wkoll li minħabba li l-frazzjoni tal-proteina tat-trab taż-żerriegħa tal-lift bix-xaħam parzjalment imneħħi mill-Brassica rapa L. u Brassica napus L. hija simili għal dik tal-proteina taż-żerriegħa tal-lift awtorizzat bħala ikel ġdid bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/424/UE (3) li għaliha, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) kienet ikkonkludiet (4) li ma jistax jiġi eskluż riskju ta’ sensitizzazzjoni u li huwa probabbli li tikkawża reazzjonijiet allerġiċi f’persuni allerġiċi għall-mustarda, it-tikkettar tal-prodotti tal-ikel li jikkontjenu t-trab taż-żerriegħa tal-lift bix-xaħam parzjalment imneħħi mill-Brassica rapa L. u Brassica napus L. ikun tali li jippermetti lill-persuni li huma allerġiċi għall-mustarda jevitaw il-konsum ta’ dan l-ikel.

(5)

Fil-31 ta’ Diċembru 2018, l-applikant għamel ukoll talba lill-Kummissjoni għall-protezzjoni tad-data proprjetarja għal studju kliniku ta’ prova fuq il-bniedem, double blind u randomizzat, fuq grupp b’kontroll parallel, b’intervent ta’ erba’ ġimgħat biex jivvaluta s-sikurezza u t-tollerabbiltà tal-ikel ġdid fost konsumaturi b’saħħithom (5).

(6)

Fid-19 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità twettaq valutazzjoni tat-trab taż-żerriegħa tal-lift bix-xaħam parzjalment imneħħi mill-Brassica rapa L. u Brassica napus L. bħala ikel ġdid f’konformità mal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) 2015/2283.

(7)

Fit-30 ta’ Ġunju 2020, l-Awtorità adottat l-opinjoni xjentifika “Safety of rapeseed powder from Brassica rapa L. and Brassica napus L. as a novel food pursuant to Regulation (EC) 2015/2283” (6) f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2015/2283.

(8)

Fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità kkonkludiet li t-trab taż-żerriegħa tal-lift bix-xaħam parzjalment imneħħi mill-Brassica rapa L. u Brassica napus L. huwa sikur fil-kundizzjonijiet tal-użu proposti. Madankollu, ikkonkludiet ukoll li t-trab taż-żerriegħa tal-lift bix-xaħam parzjalment imneħħi mil-lift Brassica rapa L. u Brassica napus L. jista’ jikkawża reazzjoni allerġika f’persuni allerġiċi għall-mustarda. Għalhekk, l-opinjoni xjentifika tagħti raġunijiet suffiċjenti biex jiġi stabbilit li t-trab taż-żerriegħa tal-lift bix-xaħam parzjalment imneħħi mill-Brassica rapa L. u Brassica napus L., meta jintuża fil-bars taċ-ċereali, fil-prodotti taċ-ċereali tal-kolazzjon estrużi, fi snacks għajr ċips u ikel simili, fil-ħobżiet u bziezen somor bla glutina, fil-ħobż u bziezen b’ingredjenti speċjali miżjuda, fil-ħobż u bziezen b’diversi qmuħ, fis-sostituti tal-laħam, u fil-pulpetti tal-laħam, u dment li t-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li fihom trab taż-żerriegħa tal-lift bix-xaħam parzjalment imneħħi mill-Brassica rapa L. u Brassica napus L. ikun tali li jippermetti lil persuni allerġiċi għall-mustarda jevitaw il-konsum ta’ dan l-ikel, jikkonforma mar-rekwiżiti tal-awtorizzazzjoni tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283.

(9)

L-opinjoni tal-Awtorità u d-data tal-kompożizzjoni u tal-ispeċifikazzjoni sottomessa mill-applikant jagħtu wkoll raġunijiet suffiċjenti biex jiġu inklużi l-karboidrati totali fl-ispeċifikazzjoni tal-ikel ġdid peress li dan huwa komponent nutrittiv importanti li l-inklużjoni tiegħu tikkompleta l-profil prossimu ta’ dan l-ikel ġdid.

(10)

Fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità qieset li setgħet waslet għall-konklużjonijiet tagħha dwar is-sikurezza tat-trab taż-żerriegħa tal-lift bix-xaħam parzjalment imneħħi mill-Brassica rapa L. u Brassica napus L. fil-kundizzjonijiet ta’ użu proposti mingħajr id-data ddikjarata bħala proprjetarja mill-applikant (“studju kliniku ta’ prova fuq il-bniedem, double blind u randomizzat, fuq grupp b’kontroll parallel, b’intervent ta’ erba’ ġimgħat biex jivvaluta s-sikurezza u t-tollerabbiltà ta’ ingredjent tal-ikel il-ġdid fost konsumaturi b’saħħithom”).

(11)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283 ma ġewx issodisfati, u l-protezzjoni tad-data proprjetarja mitluba inkluża fl-applikazzjoni ma tistax tingħata. Huwa għalhekk xieraq li l-awtorizzazzjoni tat-trab taż-żerriegħa tal-lift bix-xaħam parzjalment imneħħi mill-Brassica rapa L. u Brassica napus L. bħala ikel ġdid u l-inklużjoni tiegħu fil-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat ikun fiha biss l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2015/2283.

(12)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 jiġi emendat skont dan.

(13)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   It-trab taż-żerriegħa tal-lift bix-xaħam parzjalment imneħħi mill-Brassica rapa L. u Brassica napus L. kif speċifikat fl-Anness ta’ dan ir-regolament għandu jkun inkluż fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid awtorizzat stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470.

2.   L-entrata fil-lista tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-kundizzjonijiet tal-użu u r-rekwiżiti tat-tikkettar stipulati fl-Anness.

Artikolu 2

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Frar 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/424/UE tal-1 ta’ Lulju 2014 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-proteina taż-żerriegħa tal-kolza bħala ingredjent ġdid tal-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 196, 3.7.2014, p. 27.)

(4)  EFSA Journal 2013; 11(10):3420.

(5)  Medfiles Ltd, 2018 (Mhux pubblikat).

(6)  EFSA Journal 2020;18(7):6197.


ANNESS

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat kif ġej:

(1)

fit-Tabella 1 (Ikel ġdid awtorizzat), tiddaħħal l-entrata li ġejja, f’ordni alfabetika:

Ikel ġdid awtorizzat

Il-kundizzjonijiet li fihom jista’ jintuża l-ikel il-ġdid

Rekwiżiti tat-tikkettar speċifiċi oħrajn

Rekwiżiti oħrajn

Trab taż-żerriegħa tal-lift bix-xaħam parzjalment imneħħi mill-Brassica rapa L. u

Brassica napus L.

Il-Kategorija tal-ikel speċifikat

Livelli massimi

Id-denominazzjoni tal-ikel ġdid fuq it-tikketti tal-oġġetti tal-ikel li fihom minn dan l-ikel għandha tkun ‘Trab taż-żerriegħa tal-lift bix-xaħam parzjalment imneħħi’.

Kwalunkwe oġġett tal-ikel li fih ‘Trab taż-żerriegħa tal-lift bix-xaħam parzjalment imneħħi mill-Brassica rapa L. u Brassica napus L.’ għandu jkollu dikjarazzjoni li tgħid li dan l-ingredjent jista’ jikkawża reazzjoni allerġika lill-konsumaturi li huma allerġiċi għall-mustarda u għall-prodotti magħmulin biha. Din id-dikjarazzjoni għandha tidher qrib il-lista tal-ingredjenti.”

 

Bars taċ-ċereali mħallta

20 g/100 g

Muesli u ċereali tal-kolazzjon simili

20 g/100 g

Prodotti taċ-ċereali tal-kolazzjon estrużi

20 g/100 g

Snacks (minbarra l-crisps tal-patata)

15 g/100 g

Ħobżiet u bziezen b’ingredjenti speċjali miżjuda (bħal żrieragħ, żbib, ħaxix aromatiku)

7 g/100 g

Ħobżiet somor li fuqhom ikollhom dikjarazzjonijet dwar in-nuqqas jew il-preżenza mnaqqsa tal-glutina skont ir-rekwiżiti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 828/2014

7 g/100 g

Ħobż u bziezen b’diversi qmuħ

7 g/100 g

Sostituti tal-laħam

10 g/100 g

Pulpetti tal-laħam

10 g/100 g

(2)

fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet), l-entrata li jmiss tiddaħħal f’ordni alfabetika:

Ikel Ġdid Awtorizzat

Speċifikazzjonijiet

Trab taż-żerriegħa tal-lift bix-xaħam parzjalment imneħħi mill-Brassica rapa L. u

Brassica napus L.

Definizzjoni: It-trab jiġi prodott miż-żrieragħ bix-xaħam parzjalment imneħħi tal-Brassica rapa L. u Brassica napus L. mhux ġenetikament modifikati, ta’ kultivari żero doppju (00), permezz ta’ serje ta’ passi ta’ pproċessar biex jitnaqqsu l-glukosinolati u l-fitati.

Sors: Iż-żrieragħ tal-Brassica rapa L. u Brassica napus L.

Karatteristiċi/Kompożizzjoni:

Proteina (N × 6,25): 33,0-43,0 %

Lipidi: 14,0 – 22,0 %

Total ta’ Karboidrati (**): 33,0 – 40,0 %

Total ta’ Fibra (**): 33,0 – 43,0 %

Umdità: < 7,0 %

Irmied: 2,0 – 5,0 %

Ammont totali ta’ Glukosinolati: < 0,3 mmol/kg (≤ 120 mg/kg)

Fitat: < 1,5 %

Valur tal-perossidu (fil-piż tal-ikel ġdid): ≤ 3,0 mEq O2/kg

Metalli Tqal:

Ċomb: < 0,2 mg/kg

Arseniku (inorganiku): < 0,2 mg/kg

Kadmju: < 0,2 mg/kg

Merkurju: < 0,1 mg/kg

Aluminju: < 35,0 mg/kg

Kriterji mikrobijoloġiċi:

Għadd totali tal-kolonji (30 °C): < 5 000 CFU/g

Enterobacteriaceae: < 10 CFU/g

Salmonella sp.: Negattiv/25 g

Ħmira u moffa: < 100 CFU/g

Bacillus cereus: < 100 CFU/g

(*) Bid-differenza: 100 % - [proteina % + umdità % + xaħam % + irmied %]

(**) AOAC 2011.25 (Gravimetrija enżimatika)

CFU: Unitajiet li Jiffurmaw Kolonji, AOAC: Association of Official Agricultural Chemists”


DEĊIŻJONIJIET

3.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 37/6


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/121

tat-28 ta’ Jannar 2021

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea b’risposta għall-Ittra lill-Istati mibgħuta mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tal-Emenda 28 għat-Taqsima D tal-Kapitolu 9 tal-Anness 9 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) u l-punt (a) tal-Artikolu 87(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”), li għandha l-għan li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Din stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

(2)

L-Istati Membri tal-Unjoni huma Stati kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago u membri tal-ICAO, filwaqt l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO.

(3)

Skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO għandu jadotta standards u prattiki rakkomandati internazzjonali (“SARPs”).

(4)

Fil-21 ta’ Diċembru 2017, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSC, United Nations Security Council) iddeċieda fir-Riżoluzzjoni 2396 (2017) tiegħu li l-Istati Membri tan-NU għandhom jiżviluppaw il-kapaċità li jiġbru, jipproċessaw u janalizzaw, b’segwitu għas-SARPs tal-ICAO, id-data tar-reġistri tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) u li jiżguraw li d-data tal-PNR tintuża mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kollha tagħhom kif ukoll tiġi kondiviża magħhom kollha, b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali, għall-fini tal-prevenzjoni, is-sejbien u l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u l-ivvjaġġar relatat magħhom.

(5)

Ir-Riżoluzzjoni UNSCR 2396 (2017) ħeġġet ukoll lill-ICAO biex taħdem mal-Istati kontraenti biex tistabbilixxi standard għall-ġbir, l-użu, l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data tal-PNR.

(6)

Is-SARPs għall-PNR huma stabbiliti fit-Taqsima D tal-Kapitolu 9 tal-Anness 9 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. Dawk is-SARPs huma kkomplementati minn gwida addizzjonali, b’mod partikolari mid-Dokument 9944 tal-ICAO li jistabbilixxi l-linji gwida dwar id-data tal-PNR.

(7)

Fit-23 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill tal-ICAO adotta l-Emenda 28 għat-Taqsima D tal-Kapitolu 9 tal-Anness 9 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, li stabbiliet sett ġdid ta’ SARPs għall-Istati kontraenti biex jiżviluppaw il-kapaċitijiet tagħhom għall-ġbir, l-użu, l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data tal-PNR għal titjiriet lejn u mit-territorju tagħhom (l-“Emenda 28”), appoġġat minn qafas legali u amministrattiv adatt.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, sakemm il-maġġoranza tal-Istati kontraenti għaliha ma jirreġistrawx id-diżapprovazzjoni tagħhom, l-Emenda 28 issir effettiva tliet xhur wara l-iskadenza għar-reġistrazzjoni ta’ tali diżapprovazzjoni.

(9)

F’konformità mal-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kwalunkwe Stat kontraenti li jsibha imprattikabbli li jikkonforma f’kull aspett ma’ tali standards jew proċeduri internazzjonali, jew li jġib ir-regolamenti jew prattiki tiegħu stess f’konformità sħiħa ma’ kwalunkwe standard jew proċedura internazzjonali wara l-emendar ta’ dawn tal-aħħar, jew li jqis li huwa neċessarju li jiġu adottati regolamenti jew prattiki differenti fi kwalunkwe aspett partikolari minn dawk stabbiliti minn standard internazzjonali, jeħtieġ li jagħti notifika immedjata lill-ICAO tad-differenzi bejn il-prattika tiegħu stess u dik stabbilita mill-istandard internazzjonali. In-notifika ta’ tali differenzi għandha impatt fuq l-effetti legali tal-istandards adottati mill-ICAO. Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-materja jkollha għalhekk tiġi stabbilita f’konformità mal-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(10)

L-Emenda 28 ġiet innotifikata lill-Istati kontraenti permezz tal-Ittra lill-Istati EC 6/3-20/71. Skont dik l-Ittra lill-Istati, kwalunkwe differenza mill-Emenda 28 jew il-konformità mal-Emenda 28 għandhom jiġu nnotifikati sat-30 ta’ Jannar 2021.

(11)

L-Unjoni adottat regoli komuni dwar id-data tal-PNR fid-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jikkoinċidi b’mod sinifikanti ma’ dak tas-SARPs, kif riveduti mill-Emenda 28. Id-Direttiva (UE) 2016/681 tinkludi, b’mod partikolari, sett komprensiv ta’ regoli li jissalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali fil-kuntest ta’ trasferiment ta’ data tal-PNR minn trasportaturi tal-ajru lill-Istati Membri u tal-ipproċessar ta’ tali data għall-finijiet tal-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ kriminalità serja.

(12)

L-Unjoni adottat ukoll atti leġiżlattivi dwar il-protezzjoni tad-data personali, speċifikament ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u d-Direttiva 2016/680/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), applikabbli għall-ipproċessar tad-data tal-PNR mit-trasportaturi bl-ajru u operaturi privati oħra u mill-awtoritajiet kompetenti għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali u l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż għall-finijiet ta’ salvagwardja kontra t-theddid għas-sigurtà pubblika u tal-prevenzjoni tiegħu.

(13)

Barra minn hekk, hemm żewġ ftehimiet internazzjonali dwar l-ipproċessar u t-trasferiment tad-data tal-PNR fis-seħħ bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, speċifikament mal-Awstralja (4) u l-Istati Uniti (5). Fis-26 ta’ Lulju 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat l-Opinjoni 1/15 dwar il-ftehim previst bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tal-PNR, iffirmat fil-25 ta’ Ġunju 2014 (6) (l-“Opinjoni 1/15”).

(14)

L-aspetti relatati mal-PNR tat-Taqsima D tal-Kapitolu 9 tal-Anness 9 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kif riveduta mill-Emenda 28, jirrigwardaw qasam li għalih l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva taħt l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, billi l-Emenda 28 tista’ taffettwa regoli komuni dwar il-protezzjoni u l-ipproċessar tad-data tal-PNR.

(15)

Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar din il-materja, għall-finijiet tal-preparazzjoni tal-Emenda 28, ittieħdet f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2107 (7). Dik il-pożizzjoni tirrifletti r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali u tat-trasferimenti tad-data tal-PNR lil pajjiżi terzi, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttivi (UE) 2016/680 u (UE) 2016/681, kif ukoll ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fl-Opinjoni 1/15.

(16)

Is-SARPs, kif riveduti mill-Emenda 28, ġeneralment isegwu l-linji tal-pożizzjoni tal-Unjoni stabbilita fid-Deċiżjoni (UE) 2019/2107 u jistabbilixxu salvagwardji ambizzjużi dwar il-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari dwar id-drittijiet tas-suġġetti tad-data, is-sorveljanza minn awtorità indipendenti, id-data sensittiva, l-ipproċessar awtomatizzat tad-data tal-PNR u n-nondiskriminazzjoni, l-iskopijiet li għalihom id-data tal-PNR tista’ tiġi pproċessata, u ż-żamma, l-użu, l-iżvelar u trasferimenti ulterjuri tad-data tal-PNR.

(17)

Għaldaqstant, ladarba l-Emenda 28 tippermetti li jinkiseb progress sinifikanti fil-livell internazzjonali fir-rigward tal-istandards għall-protezzjoni tad-data tal-PNR, ma ġiet notifikata ebda diżapprovazzjoni mill-Istati Membri tal-Unjoni taħt l-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

(18)

Madankollu, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni fir-rigward tat-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tal-PNR huma aktar eżiġenti mis-SARPs kif riveduti mill-Emenda 28.

(19)

L-Istandard 9.34(a), kif stabbilit fl-Emenda 28, jirrikjedi li l-Istati kontraenti la jfixklu u lanqas jimpedixxu t-trasferiment tad-data tal-PNR lil Stat kontraenti ieħor li jikkonforma mas-SARPs. Taħt l-Istandard 9.34(b), kif stabbilit fl-Emenda 28, l-Istati kontraenti jżommu l-abbiltà li jżommu jew jintroduċu livelli ogħla ta’ protezzjoni f’konformità mal-qafas legali u amministrattiv domestiku tagħhom, u li jidħlu f’arranġamenti addizzjonali ma’ Stati kontraenti oħrajn biex jistabbilixxu dispożizzjonijiet aktar dettaljati relatati mat-trasferiment tad-data tal-PNR. Madankollu, il-lingwaġġ attwali tal-Istandard 9.34, mill-perspettiva tal-Unjoni u l-Istati Membri, mhuwiex ċar biżżejjed f’termini legali biex jiżgura li l-Istati Membri ma jkunux preklużi milli jimponu dawk ir-rekwiżiti aktar eżiġenti.

(20)

F’dawk iċ-ċirkostanzi, sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-dritt tal-Unjoni u mas-SARPs, jenħtieġ li l-Istati Membri, b’risposta għall-Ittra lill-Istati EC 6/3-20/71, jinnotifikaw b’mod formali differenza fis-sens tal-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. Tali differenza jenħtieġ li tkun limitata għall-Istandard 9.34 fit-Taqsima D tal-Kapitolu 9 tal-Anness 9 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kif rivedut mill-Emenda 28.

(21)

Għalhekk, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni.

(22)

Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi espressa mill-Istati Membri.

(23)

L-Irlanda hija marbuta bid-Direttiva (UE) 2016/681 u għalhekk tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(24)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni b’risposta għall-Ittra lill-Istati EC 6/3-20/71, maħruġa mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fis-17 ta’ Lulju 2020 (8), għandha tiġi espressa mill-Istati Membri.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 132).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(3)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(4)  Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri (ĠU L 186,14.7.2012, p. 4).

(5)  Il-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (ĠU L 215, 11.8.2012, p. 5).

(6)  L-Opinjoni 1/15 tal-Qorti (Awla Manja) tas-26 ta’ Lulju 2017, ECLI:EU:C:2017:592.

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2107 tat-28 ta’ Novembru 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tar-reviżjoni tal-Kapitolu 9 tal-Anness 9 (Faċilitazzjoni) għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tal-istandards u l-prattiki rakkomandati dwar id-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (ĠU L 318, 10.12.2019, p. 117).

(8)  Ara d-dokument ST 5457/21 hawnhekk: http://register.consilium.europa.eu.