ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 23

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 64
25ta' Jannar 2021


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/48 tat-22 ta’ Jannar 2021 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 147/2003 dwar ċerti miżuri restrittivi fil-każ tas-Somalja

1

 

*

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/49 tat-22 ta’ Jannar 2021 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 101/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija

5

 

*

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/50 tat-22 ta’ Jannar 2021 li jawtorizza estensjoni tal-użu u bidla fl-ispeċifikazzjonijiet tal-ikel il-ġdid taħlita ta’ 2’-fukosillattożju/difukosillattożju u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 ( 1 )

7

 

*

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/51 tat-22 ta’ Jannar 2021 li jawtorizza bidla fil-kundizzjonijiet tal-użu tal-ikel il-ġdid trans-resveratrolu skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 ( 1 )

10

 

*

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/52 tat-22 ta’ Jannar 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi benfluralin, dimoxystrobin, fluazinam, flutolanil, mecoprop-P, mepiquat, metiram, oxamyl u pyraclostrobin ( 1 )

13

 

*

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/53 tat-22 ta’ Jannar 2021 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2003 dwar ċerti restrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq

16

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/54 tat-22 ta’ Jannar 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2010/231/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja

18

 

*

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/55 tat-22 ta’ Jannar 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2011/72/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija

22

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

25.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 23/1


IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2021/48

tat-22 ta’ Jannar 2021

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 147/2003 dwar ċerti miżuri restrittivi fil-każ tas-Somalja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/231/PESK tas-26 ta’ April 2010 dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja u li tirrevoka l-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 147/2003 (2) dwar ċerti miżuri restrittivi fil-każ tas-Somalja jirrestrinġi l-għoti ta’ finanzjament, assistenza finanzjarja u assistenza teknika relatati ma’ attivitajiet militari fir-rigward ta’ oġġetti u teknoloġija inklużi fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (3) lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Somalja. Huwa jirrestrinġi wkoll il-provvista lis-Somalja ta’ oġġetti li jistgħu jikkontribwixxu għall-manifattura ta’ apparati splussivi improvviżati (“IEDs”).

(2)

Fit-12 ta’ Novembru 2020, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) adotta r-Riżoluzzjoni 2551 (2020). Din ir-Riżoluzzjoni, inter alia, temenda l-eżenzjonijiet għall-embargo fuq l-armi fir-rigward ta’ ċerti provvisti ta’ armi u l-finanzjament, l-assistenza finanzjarja u l-assistenza teknika relatati maħsuba għall-forzi tas-sigurtà Somali u tespandi l-lista ta’ oġġetti kkontrollati li jistgħu jikkontribwixxu għall-manifattura tal-IEDs.

(3)

Fit-22 ta’ Jannar 2021, ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/48 (4), li temenda d-Deċiżjoni 2010/231/PESK f’konformità mar-Riżoluzzjoni 2551 (2020) tal-KSNU.

(4)

Xi wħud minn dawn l-emendi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat, u għalhekk hija neċessarja azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati, b’mod partikolari bl-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 147/2003 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 147/2003 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

1.   Huma pprojbiti:

(a)

il-forniment ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma’ attivitajiet militari, għal kwalunkwe bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija inklużi fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (*), direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Somalja,

(b)

il-forniment ta’ assistenza teknika relatati ma’ attivitajiet militari, fir-rigward ta’ oġġetti u teknoloġija inklużi fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea, direttament jew indirettament, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Somalja.

(*)   ĠU C 98, 15.3.2018, p. 1.”;"

(2)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 1a

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“assistenza teknika” tfisser kwalunkwe appoġġ tekniku relatat ma’ tiswijiet, żvilupp, manifattura, muntaġġ, ittestjar, manutenzjoni, jew kwalunkwe servizz tekniku ieħor, u jista’ jieħu forom bħal istruzzjoni, pariri, taħriġ, trażmissjoni ta’ tagħrif prattiku jew ħiliet jew servizzi ta’ konsulenza; inklużi forom verbali ta’ assistenza;

(b)

“finanzjament jew assistenza finanzjarja” tfisser kwalunkwe azzjoni, irrispettivament mill-mezzi partikolari magħżula, li biha l-persuna, l-entità jew il-korp ikkonċernati, kondizzjonalment jew inkondizzjonalment, jiżborżaw jew jimpenjaw ruħhom li jiżborżaw fondi jew riżorsi ekonomiċi tagħhom stess, inklużi, iżda mhux limitatament għal, għotjiet, self, garanziji, rahan, bonds, ittri ta’ kreditu, krediti tal-fornitur, krediti tax-xerrej, avvanzi fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni u t-tipi kollha ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni, inkluża assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni. Il-ħlas kif ukoll it-termini u l-kondizzjonijiet tal-ħlas tal-prezz miftiehem għal oġġett jew servizz, li jsiru skont il-prattika normali tan-negozju, ma jikkostitwux finanzjament jew assistenza finanzjarja;

(c)

“Kumitat tas-Sanzjonijiet” tfisser il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li ġie stabbilit skont il-paragrafu 11 tal-UNSCR 751 (1992);

(d)

“territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak it-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom. ”;

(3)

l-Artikolu 2a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2a

B’deroga mill-Artikolu 1, l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-fornitur tas-servizzi, kif indikat fil-websites elenkati fl-Anness I, tista’ tawtorizza:

(a)

l-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja jew assistenza teknika relatati ma’ attivitajiet militari fir-rigward ta’ oġġetti u teknoloġija inklużi fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea, jekk l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li tali finanzjament jew assistenza finanzjarja, jew assistenza teknika jkunu maħsubin unikament għall-iżvilupp tal-Forzi tas-Sigurtà Nazzjonali Somali biex jipprovdu sigurtà għall-poplu Somalu;

(b)

l-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja jew assistenza teknika relatati ma’ attivitajiet militari fir-rigward ta’ oġġetti u teknoloġija inklużi fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(i)

l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li tali finanzjament, assistenza finanzjarja jew assistenza teknika jkunu maħsubin unikament għall-iżvilupp tal-istituzzjonijiet tas-settur tas-sigurtà Somali għajr dawk tal-Gvern Federali tas-Somalja, biex jipprovdu sigurtà għall-poplu Somalu;

(ii)

il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma jkunx ħa deċiżjoni negattiva fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta rċieva notifika mill-Istat Membru li jipprovdi tali finanzjament, assistenza finanzjarja jew assistenza teknika, dwar kwalunkwe għoti ta’ tali finanzjament, assistenza finanzjarja jew assistenza teknika;

(iii)

il-Gvern Federali tas-Somalja jkun ġie infurmat b’mod parallel mill-inqas ħamest ijiem tax-xogħol minn qabel f’konformità mal-UNSCR 2551 (2020).”;

(4)

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.

L-Artikolu 1 ma għandux japplika:

(a)

għall-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir militari mhux letali maħsub unikament għal użu umanitarju jew protettiv;

(b)

għall-għoti ta’ assistenza teknika relatata ma’ tali tagħmir mhux letali, sakemm tali attivitajiet ikunu ġew innotifikati minn qabel u għall-informazzjoni tiegħu biss lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet mill-Istat Membru fornitur jew mill-organizzazzjoni internazzjonali, reġjonali jew subreġjonali fornitriċi;

(c)

għall-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja jew assistenza teknika relatata ma’ attivitajiet militari fir-rigward ta’ oġġetti u teknoloġija inklużi fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea, maħsubin unikament għall-appoġġ ta’, jew biex jintużaw minn, il-persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, inklużi l-Missjoni ta’ Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti fis-Somalja (UNSOM), il-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM); is-sħab strateġiċi tal-AMISOM, li joperaw unikament taħt l-aħħar Kunċett Strateġiku tal-Operazzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, u f’kooperazzjoni u koordinazzjoni mal-AMISOM; u l-Missjoni ta’ Taħriġ tal-Unjoni Ewropea (EUTM) fis-Somalja; jew

(d)

għall-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja jew assistenza teknika għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija inklużi fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea maħsubin għall-użu esklussiv minn Stati jew organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u subreġjonali li jieħdu miżuri biex irażżnu atti ta’ piraterija u serq bl-użu tal-armi fuq il-baħar ’il barra mix-xtut tas-Somalja, fuq talba tal-Gvern Federali tas-Somalja u li għalihom il-Gvern Federali tas-Somalja jkun innotifika lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, u dment li kwalunkwe miżura meħuda tkun konsistenti mad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li jkunu applikabbli.”;

(5)

l-Anness III huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A.P. ZACARIAS


(1)   ĠU L 105, 27.4.2010, p. 17.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 147/2003 tas-27 ta’ Jannar 2003 dwar ċerti miżuri restrittivi fil-każ tas-Somalja (ĠU L 24, 29.1.2003, p. 2).

(3)   ĠU C 98, 15.3.2018, p. 1.

(4)  Ara l-paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


ANNESS

Fl-Anness III, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.

Materjali splussivi, kif ġej, u taħlitiet li jkollhom waħda jew aktar minn dawn:

L-isem tas-sustanza

Numru tar-Reġistru tas-Servizz tat-Taqsiriet tas-Sustanzi Kimiċi (CAS RN)

Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (NM) (1)

Żejt Kombustibbli tan-Nitrat tal-Ammonju (ANFO)

6484-52-2 (nitrat tal-ammonju)

3102 30 90

3102 40

Nitroċellulożju (li fiha aktar minn 12,5 % nitroġenu skont il-piż)

9004-70-0

ex 3912 20

Nitrogliċerina (ħlief meta ppakkjata/ippreparata f’dożi mediċinali individwali) sakemm ma tkunx komposta jew imħallta mal-“materjal enerġetiku” speċifikat minn ML8.a. jew ma’ metalli f’forma ta’ trab speċifikati minn ML8.c. tal-Lista Militari Komuni tal-UE

55-63-0

ex 2920 90 70

Nitroglikol

628-96-6

ex 2920 90 70

Tetranitrat tal-pentaeritritol (PETN)

78-11-5

ex 2920 90 70

Klorur tal-pikril

88-88-0

ex 2904 99 00

2,4,6-Trinitrotoluwen (TNT)

118-96-7

2904 20 00


(1)  Il-kodiċijiet tan-nomenklatura jittieħdu min-Nomenklatura Magħquda kif definita fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1) u kif stipulat fl-Anness I tiegħu, li huma validi fiż-żmien tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u, mutatis mutandis, kif emendati mil-leġiżlazzjoni sussegwenti.”


25.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 23/5


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/49

tat-22 ta’ Jannar 2021

li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 101/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 101/2011 tal-4 ta’ Frar 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-4 ta’ Frar 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 101/2011.

(2)

Abbażi ta’ rieżami, jenħtieġ li fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 101/2011 jitħassru l-entrati għal erba’ persuni, u li l-informazzjoni li tirrigwarda d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tiġi aġġornata fir-rigward ta’ żewġ persuni.

(3)

Jenħtieġ għalhekk li l-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 101/2011 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 101/2011 huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)   ĠU L 31, 5.2.2011, p. 1.


ANNESS

Fir-Regolament (UE) Nru 101/2011, l-Anness I huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-Parti A (Lista ta’ persuni u entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2), jitħassru l-entrati għall-persuni li ġejjin:

22.

Bouthaina Bent Moncef Ben Mohamed TRABELSI

23.

Nabil Ben Abderrazek Ben Mohamed TRABELSI

41.

Akrem Ben Hamed Ben Taher BOUAOUINA

47.

Slim Ben Tijani Ben Haj Hamda BEN ALI;

(2)

il-Parti B (Drittijiet tad-difiża u dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont il-liġi Tuneżina) hija emendata kif ġej:

(a)

jitħassru l-entrati għall-persuni li ġejjin:

22.

Bouthaina Bent Moncef Ben Mohamed TRABELSI

23.

Nabil Ben Abderrazek Ben Mohamed TRABELSI

41.

Akrem Ben Hamed Ben Taher BOUAOUINA

47.

Slim Ben Tijani Ben Haj Hamda BEN ALI;

(b)

l-entrati li jikkonċernaw lill-persuni li ġejjin huma sostitwiti bl-entrati li ġejjin:

“14.

Samira Bent Mohamed Ben Rhouma TRABELSI

L-investigazzjoni jew il-proċess dwar il-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin. L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ġew rispettati fil-proċedimenti ġudizzjarji li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mill-fatt li fil-11 ta’ Awwissu 2011, is-Sa Samira Bent Mohamed Ben Rhouma TRABELSI nstemgħet minn maġistrat istruttur fil-preżenza tal-avukat tagħha.

45.

Montassar Ben Habib Ben Bouali LTAIEF

L-investigazzjoni jew il-proċess dwar il-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin. L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ġew rispettati fil-proċedimenti ġudizzjarji li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mill-fatt li fl-2011 u fl-2013 is-Sur Montassar Ben Habib Ben Bouali LTAIEF instema’ minn maġistrat istruttur fil-preżenza tal-avukati tiegħu.”


25.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 23/7


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/50

tat-22 ta’ Jannar 2021

li jawtorizza estensjoni tal-użu u bidla fl-ispeċifikazzjonijiet tal-ikel il-ġdid “taħlita ta’ 2’-fukosillattożju/difukosillattożju” u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li l-ikel ġdid awtorizzat u inkluż fil-lista tal-Unjoni biss jista’ jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni.

(2)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ġie adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) li jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat.

(3)

F’konformità mar-Regolament (UE) 2015/2283, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1979 (3) awtorizza t-tqegħid fis-suq tat-taħlita ta’ 2’-fukosillattożju/difukosillattożju (“2’-FL/DFL”) bħala ikel ġdid. Għalhekk, it-2’-FL/DFL iddaħħlet fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid.

(4)

Fis-17 ta’ Marzu 2020, il-kumpanija Glycom A/S (“l-applikant”) ressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiġi estiż l-użu u biex jinbidlu l-ispeċifikazzjonijiet tat-2’ FL/DFL f’konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283. L-applikant talab li jiġi estiż l-użu tat-2’ FL/DFL f’xarbiet magħmula bil-ħalib u fi prodotti simili maħsubin għat-tfal iż-żgħar f’livelli ta’ 1,2 g/L fil-prodott finali lest biex jiġi kkunsmat, ikkumerċjalizzat tali kwali jew rikostitwit skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur fl-użi awtorizzati. Barra minn hekk, l-applikant talab li tiġi prevista deskrizzjoni aktar ġenerika tal-proċess tal-produzzjoni tal-ikel il-ġdid, b’mod partikolari biex jitneħħa t-“tnixxif b’atomizzazzjoni” mid-deskrizzjoni tal-fażi finali tat-tnixxif fil-proċess tal-produzzjoni peress li jintużaw ukoll tekniki oħra, pereżempju, il-lijofilizzazzjoni; li jitneħħa t-terminu “amorfu” mid-deskrizzjoni tal-ikel il-ġdid fil-forma finali tiegħu peress li l-ikel il-ġdid huwa trab jew agglomerati, skont il-metodu ta’ tnixxif li jintuża; u, biex it-3-fukosillattożju, li hu wieħed mill-komponenti minuri tal-ikel il-ġdid, jiddaħħal mat-total tal-oligosakkaridi li minnhom huwa magħmul l-ikel il-ġdid, minflok ma jibqa’ inkluż mat-total tal-karboidrati minuri l-oħra fejn huwa elenkat bħalissa.

(5)

Il-bidliet mitluba fil-kundizzjonijiet tal-użu li jikkonċernaw l-estensjoni tal-użu tal-ikel il-ġdid f’xarbiet b’bażi ta’ ħalib u f’prodotti simili maħsuba għat-tfal żgħar, u fl-ispeċifikazzjonijiet li jikkonċernaw il-metodu tat-tnixxif u d-dehra tal-ikel il-ġdid, f’konformità mar-Regolament (UE) 2015/2283 kienu jagħmlu parti mill-applikazzjoni oriġinali għall-awtorizzazzjoni tat-2’-FL/DFL bħala ikel ġdid, li ġie vvalutat b’mod favorevoli mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) fl-opinjoni xjentifika tagħha “Safety of 2’ fucosyllactose/difucosyllactose mixture as a novel food pursuant to Regulation (UE) 2015/2283” (4). Għaldaqstant il-Kummissjoni hija tal-fehma li ma hemmx ħtieġa li l-Awtorità tintalab opinjoni oħra.

(6)

It-talba li t-3-fukosillattożju jiddaħħal fit-total tal-oligosakkaridi li minnhom huwa magħmul l-ikel il-ġdid minflok fit-total tal-karboidrati minuri l-oħra fejn huwa elenkat bħalissa, ma kinitx inkluża fl-applikazzjoni oriġinali li kienet ġiet ivvalutata b’mod favorevoli mill-Awtorità. Dik l-applikazzjoni kienet tagħmel referenza għall-potenzjal li d-DFL jiġi idrolizzat biex jipproduċi t-3-fukosillattożju, li nstabu livelli baxxi tiegħu. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li fid-dawl tal-fatt li t-3-fukosillattożju jinsab fl-ikel il-ġdid biss f’livelli baxxi li huma inqas mil-livelli li jinsabu b’mod naturali fil-ħalib tal-bniedem, il-bidla fil-mod kif dan jiġi inkluż fl-ispeċifikazzjonijiet tat-2’-FL/DFL li ntalbet mhijiex mistennija li tbiddel l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem ta’ dan l-ikel il-ġdid awtorizzat. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li mhijiex meħtieġa opinjoni oħra tal-Awtorità.

(7)

Għalhekk jixraq li tiġi emendata l-lista tal-kundizzjonijiet tal-użu u tal-ispeċifikazzjonijiet tat-taħlita 2’-FL/DFL tal-Unjoni biex jiġi awtorizzat l-użu tagħha f’xarbiet magħmula bil-ħalib u f’prodotti simili maħsubin għat-tfal iż-żgħar b’livelli ta’ 1,2 g/L fil-prodott finali lest biex jiġi kkunsmat, ikkumerċjalizzat tali kwali jew rikostitwit skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur, bl-użi awtorizzati; biex tiġi prevista deskrizzjoni ġenerika tal-proċess tal-produzzjoni għall-ikel il-ġdid, u biex jitneħħa t-“tnixxif b’atomizzazzjoni” mid-deskrizzjoni tal-aħħar pass tat-tnixxif fil-proċess tal-produzzjoni; biex jitneħħa t-terminu “amorfu” mid-deskirizzjoni tal-ikel il-ġdid, u biex jiddaħħal it-3-fukosillattożju fit-total tal-oligosakkaridi li minnhom hu magħmul l-ikel il-ġdid.

(8)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-entrata fil-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat kif previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2015/2283, li tirreferi għat-“taħlita ta’ 2’-Fukosillattożju/Difukosillattożju (‘2’-FL/DFL’)”, għandha tiġi emendata kif speċifikat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-entrata fil-lista tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-kundizzjonijiet tal-użu u r-rekwiżiti tat-tikkettar stipulati fl-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1979 tas-26 ta’ Novembru 2019 li jawtorizza t-tqegħid fis-suq tat-taħlita 2’-Fukosillattożju/Difukosillattożju bħala ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (ĠU L 308, 29.11.2019, p. 62).

(4)   EFSA Journal 2019; 17(6):5717.


ANNESS

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fit-Tabella 1 (L-ikel il-ġdid awtorizzat), jiżdiedu l-kundizzjonijiet li fihom jista’ jintuża l-ikel il-ġdid “taħlita ta’ “2’-Fukosillattożju/Difukosillattożju (“2’-FL/DFL”) (sors mikrobjali)”: [OP, please insert in the MT version in the respective columns]:

Il-kundizzjonijiet li fihom jista’ jintuża l-ikel il-ġdid

Kategorija tal-ikel speċifikat

Livelli massimi

Xarbiet magħmula bil-ħalib u prodotti simili maħsubin għat-tfal iż-żgħar

1,2 g/L fil-prodott finali lest biex jiġi kkonsmat, ikkumerċjalizzat tali kwali jew biex jiġi rikostitwit skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur”

(2)

Fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet), l-entrata għat-taħlita tat-2’-fukosillattożju/Difukosillattożju (“2’-FL/DFL”) (sors mikrobjali) tinbidel b’dan li ġej:

L-Ikel il-Ġdid Awtorizzat

Speċifikazzjoni

Taħlita tat-2’-Fukosillattożju/Difukosillattożju (“2’-FL/DFL”)

(sors mikrobjali)

Deskrizzjoni/Definizzjoni:

It-taħlita tat-2’-Fukosillattożju/Difukosillattożju hija trab amorfu abjad jew abjad jagħti fl-isfar prodott bi proċess mikrobjali.

Sors: Ir-razza K-12 DH1 tal-Escherichia coli mmodifikata ġenetikament

Karatteristiċi/Kompożizzjoni:

Dehra: Trab abjad jew abjad jagħti fl-isfar jew agglomerati

Is-somma ta’ 2’-Fukosillattożju, Difukosillattożju, D-Lattożju, L-Fukożju, u 3-Fukosillattożju (% ta’ materja niexfa): ≥ 92,0 % (piż skont il-piż)

Is-somma ta’ 2’-Fukosillattożju u Difukosillattożju (% tal-materja niexfa): ≥ 85,0 % (piż skont il-piż)

2’-Fukosillattożju (% ta’ materja niexfa): ≥ 75,0 % (piż skont il-piż)

Difukosillattożju (% ta’ materja niexfa): ≥ 5,0 % (piż skont il-piż)

D-Lattożju: ≤ 10,0 % (piż skont il-piż)

L-Fukosillattożju: ≤ 1,0 % (piż skont il-piż)

2′-Fukosil-D-lattulożju: ≤ 2,0 (piż skont il-piż)

Is-somma tal-karboidrati l-oħra (*1): ≤ 6,0 % (piż skont il-piż)

Indewwa: ≤ 6,0 % (piż skont il-piż)

Rmied, issulfat: ≤ 0,8 % (piż skont il-piż)

pH (20 °C, soluzzjoni ta’ 5 %): 4,0 sa -6,0

Proteini residwi: ≤ 0,01 % (piż skont il-piż)

Kriterji mikrobijoloġiċi:

Għadd totali ta’ aerobiċi meżofiliċi: ≤ 1000 CFU/g

Enterobacteriacae: ≤ 10 CFU/g

Salmonella sp.: Negattiv/25 g

Ħmira: ≤ 100 CFU/g

Moffa: ≤ 100 CFU/g

Endotossini residwi: ≤ 10 EU/mg

CFU: Unitajiet li Jiffurmaw il-Kolonji; EU: Unitajiet ta’ Endotossini


(*1)  2’-Fukosil-galattożju, Glukożju, Galattożju, Mannitol, Sorbitol, Galattitol, Trieżożju, Allo-lattożju u karboidrati oħra relatati strutturalment.”


25.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 23/10


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/51

tat-22 ta’ Jannar 2021

li jawtorizza bidla fil-kundizzjonijiet tal-użu tal-ikel il-ġdid “ trans-resveratrolu” skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li l-ikel ġdid awtorizzat u inkluż fil-lista tal-Unjoni biss jista’ jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni.

(2)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ġie adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) li jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat.

(3)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1190 (3) awtorizzat it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni tat-trans-resveratrol bħala ingredjent ġdid tal-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), biex jintuża fis-supplimenti tal-ikel kif iddefiniti fid-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), fil-forma ta’ kapsula jew ta’ pirmla, għall-popolazzjoni adulta.

(4)

Fil-31 ta’ Jannar 2020, il-kumpanija DSM Nutritional Products Europe (“l-applikant”) ressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283 biex jinbidlu l-kundizzjonijiet tal-użu tal-ikel ġdid “trans-resveratrolu”. L-applikant talab li jinbidlu l-formati għall-kunsinna tas-supplimenti tal-ikel li fihom l-ikel il-ġdid trans-resveratrolu, b’mod partikolari li jitneħħew bħala l-uniċi formati permessi tas-supplimenti tal-ikel kif elenkati fil-lista tal-Unjoni, il-forom speċifiċi ta’ kapsuli jew pirmli bħala formati għall-kunsinna.

(5)

L-applikant huwa tal-fehma li hemm bżonn li jinbidlu l-formati għall-kunsinna tas-supplimenti tal-ikel li fihom it-trans-resveratrolu, billi b’hekk ikunu permessi jintużaw forom oħra ta’ trans-resveratrolu fis-supplimenti tal-ikel barra l-kapsuli jew il-pirmli.

(6)

Attwalment hemm għadd ta’ oġġetti ta’ ikel ġdid awtorizzat fis-supplimenti tal-ikel u elenkati fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid li għalih ma ġewx speċifikati l-formati għall-kunsinna. Għalhekk, jekk jinbidlu l-formati għall-kunsinna tas-supplimenti tal-ikel li fihom it-trans-resveratrolu tkun żgurata l-konsistenza fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-użu tas-supplimenti tal-ikel, kif ukoll ikun hemm aktar għażla għall-operaturi tan-negozji tal-ikel biex isegwu l-preferenzi tal-konsumaturi.

(7)

Il-Kummissjoni ma talbitx opinjoni mingħand l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel f’konformità mal-Artikolu 10(3) billi l-bidla tal-kundizzjonijiet tal-użu tal-ikel ġdid trans-resveratrolu bit-taħsir tal-formati speċifiċi għall-kunsinna tas-supplimenti tal-ikel, x’aktarx ma tħallix effetti fuq is-saħħa tal-bniedem. Għalhekk jixraq li jinbidlu l-kundizzjonijiet tal-użu tal-ikel il-ġdid trans-resveratrolu biex jiġi awtorizzat l-użu tiegħu fi kwalunkwe forma ta’ supplimenti tal-ikel fil-livell massimu awtorizzat preċedentement.

(8)

Il-livell massimu ta’ trans-resveratrolu fis-supplimenti tal-ikel awtorizzat bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1190 u indikat fil-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid jibqa’ l-istess. Il-kunsiderazzjonijiet tas-sikurezza li appoġġaw l-awtorizzazzjoni tat-trans-resveratrolu fis-supplimenti tal-ikel għadhom validi u t-tħassir tal-formati speċifiċi għall-kunsinna tas-supplimenti tal-ikel ma toħloqx tħassib dwar is-sikurezza.

(9)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-entrata fil-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat, kif previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2015/2283, u inkluża fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470, li tirreferi għat-trans-resveratrolu, għandha tiġi emendata kif speċifikat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-entrata fil-lista tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-kundizzjonijiet tal-użu u r-rekwiżiti tat-tikkettar stipulati fl-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1190 tad-19 ta’ Lulju 2016 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq tat-trans-resveratrol bħala ingredjent tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 196, 21.7.2016, p. 53).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid (ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51).


ANNESS

Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470, l-entrata tat-“ Trans-resveratrolu” fit-Tabella 1 (L-ikel il-ġdid awtorizzat) hija sostitwita b’dan li ġej:

L-ikel il-ġdid awtorizzat

Il-kundizzjonijiet li fihom jista’ jintuża l-ikel il-ġdid

Rekwiżiti tat-tikkettar speċifiċi oħrajn

Rekwiżiti oħrajn

Protezzjoni tad-data

Trans-resveratrolu

Il-kategorija tal-ikel speċifikat

Il-livelli massimi

1.

Id-denominazzjoni tal-ikel il-ġdid fuq it-tikkettar tas-supplimenti tal-ikel li fihom minn dan l-ikel għandha tkun “Trans-resveratrolu”.

2.

It-tikkettar tas-supplimenti tal-ikel li fihom it-trans-resveratrolu għandu jkun fih dikjarazzjoni li min ikun qed jieħu l-mediċini għandu jikkonsma dan il-prodott biss taħt superviżjoni medika.”

 

 

Is-supplimenti tal-ikel kif iddefiniti fid-Direttiva 2002/46/KE maħsubin għall-popolazzjoni adulta.

150 mg/kuljum


25.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 23/13


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/52

tat-22 ta’ Jannar 2021

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi benfluralin, dimoxystrobin, fluazinam, flutolanil, mecoprop-P, mepiquat, metiram, oxamyl u pyraclostrobin

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (2) tistabbilixxi s-sustanzi attivi meqjusin approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/2094 (3) estenda l-perjodu ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi dimoxystrobin, mecoprop-P, metiram, oxamyl u pyraclostrobin sal-31 ta’ Jannar 2021, u l-perjodu ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi benfluralin, fluazinam, flutolanil u mepiquat sat-28 ta’ Frar 2021.

(3)

L-applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-approvazzjoni ta’ dawk is-sustanzi ġew ippreżentati f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (4).

(4)

Billi l-valutazzjoni ta’ dawk is-sustanzi ddewmet għal raġunijiet li ma kinux fil-kontroll tal-applikanti, x’aktarx li l-approvazzjonijiet ta’ dawk is-sustanzi attivi se jiskadu qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħhom. Għalhekk, jeħtieġ li l-perjodi tal-approvazzjoni tagħhom jiġu estiżi.

(5)

Barra minn hekk, ingħatat estensjoni tal-perjodu tal-approvazzjoni tas-sustanzi attivi flutolanil, mepiquat u pyraclostrobin, biex jingħata biżżejjed żmien biex titwettaq valutazzjoni dwar il-proprjetajiet ta’ tfixkil tas-sistema endokrinali f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012.

(6)

F’każijiet meta l-Kummissjoni tkun se tadotta Regolament li jipprevedi li l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament ma tiġġeddidx minħabba li ma jkunux ġew issodisfati l-kriterji għall-approvazzjoni, il-Kummissjoni trid tiffissa d-data ta’ skadenza li tkun l-istess data ta’ qabel ma sar dan ir-Regolament, jew fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament, dejjem jekk l-approvazzjoni tas-sustanza attiva ma tiġġeddidx, skont liema data tiġi l-aħħar. Rigward il-każijiet meta l-Kummissjoni tkun se tadotta Regolament li jipprevedi t-tiġdid ta’ sustanza attiva msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tfittex li tistabbilixxi, skont iċ-ċirkostanzi, l-iktar data ta’ applikazzjoni qrib possibbli.

(7)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2094 tad-29 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi benfluralin, dimoxystrobin, fluazinam, flutolanil, mancozeb, mecoprop-P, mepiquat, metiram, oxamyl u pyraclostrobin (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 102).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26).


ANNESS

Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 hija emendata kif ġej:

(1)

fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 57, Mecoprop-P, id-data hija sostitwita bil-“31 ta’ Jannar 2022”;

(2)

fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 81, Pyraclostrobin, id-data hija sostitwita bil-“31 ta’ Jannar 2022”;

(3)

fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 115, Metiram, id-data hija sostitwita bil-“31 ta’ Jannar 2022”;

(4)

fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 116, Oxamyl, id-data hija sostitwita bil-“31 ta’ Jannar 2022”;

(5)

fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 128, Dimoxystrobin, id-data hija sostitwita bil-“31 ta’ Jannar 2022”;

(6)

fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 187, Flutolanil, id-data hija sostitwita bit-“28 ta’ Frar 2022”;

(7)

fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 188, Benfluralin, id-data hija sostitwita bit-“28 ta’ Frar 2022”;

(8)

fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 189, Fluazinam, id-data hija sostitwita bit-“28 ta’ Frar 2022”;

(9)

fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 191, Mepiquat, id-data hija sostitwita bit-“28 ta' Frar 2022”.


25.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 23/16


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/53

tat-22 ta’ Jannar 2021

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2003 dwar ċerti restrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2003 tas-7 ta’ Lulju 2003 dwar ċerti restrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 2465/96 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(b) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1210/2003 jeleneka persuni fiżiċi u ġuridiċi, korpi jew entitajiet assoċjati mar-reġim tal-eks President Saddam Hussein koperti bl-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi u bi projbizzjoni milli l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli.

(2)

Fit-18 ta’ Jannar 2021, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċieda li jneħħi żewġ persuni mil-lista ta’ persuni u entitajiet li għalihom jeħtieġ li japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi.

(3)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1210/2003 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1210/2003 huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President

Direttur Ġenerali

Id-Direttorat Ġenerali għall-Istabilità Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali


(1)   ĠU L 169, 8.7.2003, p. 6.


ANNESS

Fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1210/2003, jitħassru l-entrati li ġejjin:

“31.

ISEM: Zuhair Talib Abd-al-Sattar Al-Naqib. DATA U POST TAT-TWELID: madwar 1948. NAZZJONALITÀ: L-Iraq. BAŻI SKONT IR-RIŻOLUZZJONI 1483 UNSC: Direttur tal-Intelligence Militari.”

“33.

ISEM: Amir Rashid Muhammad Al-Ubaidi. DATA U POST TAT-TWELID: 1939, Bagdad. NAZZJONALITÀ: L-Iraq. BAŻI SKONT IR-RIŻOLUZZJONI 1483 UNSC: Ministru taż-Żejt bejn l-1996 u l-2003; Kap tal-Organizzazzjoni tal-Industrijalizzazzjoni Militari fil-bidu tal-1990.”


DEĊIŻJONIJIET

25.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 23/18


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/54

tat-22 ta’ Jannar 2021

li temenda d-Deċiżjoni 2010/231/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ April 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/231/PESK (1).

(2)

Fit-12 ta’ Novembru 2020, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni (UNSCR) 2551 (2020). Dik ir-Riżoluzzjoni tafferma mill-ġdid embargo ġenerali u komplet fuq l-armi kontra s-Somalja u temenda n-notifiki dwar il-forniment ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja u assistenza oħra, u taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari. Dik ir-Riżoluzzjoni tafferma mill-ġdid ukoll il-projbizzjoni kontra l-importazzjoni tal-faħam mis-Somalja, u tikkonferma r-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ, il-forniment u t-trasferiment ta’ komponenti ta’ apparat esplożiv improvviżat lejn is-Somalja.

(3)

Jenħtieġ għalhekk li d-Deċiżjoni 2010/231/PESK tiġi emendata skont dan.

(4)

Hija neċessarja aktar azzjoni mill-Unjoni biex jiġu implimentati ċerti miżuri f’din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2010/231/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3, il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip u l-forniment ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja u assistenza oħra u taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari, maħsubin biss għall-iżvilupp tal-Forzi tas-Sigurtà Nazzjonali tas-Somalja, jew istituzzjonijiet tas-settur tas-sigurtà Somali ħlief dawk tal-Gvern Federali tas-Somalja, biex jipprovdu sigurtà għall-poplu tas-Somalja. Il-kunsinna tal-oġġetti stipulati fl-Annessi II u III, u l-għoti ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja u assistenza oħra, u taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti rilevanti ta’ approvazzjoni jew ta’ notifika kif ġej:

(i)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment tal-armi u materjal relatat ta’ kull tip kif stipulat fl-Anness II maħsubin biss għall-iżvilupp tal-Forzi tas-Sigurtà Nazzjonali tas-Somalja, jew istituzzjonijiet tas-settur tas-sigurtà Somali ħlief dawk tal-Gvern Federali tas-Somalja, biex jipprovdu sigurtà għall-poplu tas-Somalja, għandhom ikunu soġġetti għal approvazzjoni minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fuq bażi ta’ każ b’każ, kif stipulat fil-paragrafi 4a u 4b;

(ii)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment tal-armi u materjal relatat ta’ kull tip stipulat fl-Anness III maħsubin biss għall-iżvilupp tal-Forzi ta’ Sigurtà tal-Gvern Federali tas-Somalja, biex jipprovdu sigurtà għall-poplu tas-Somalja, għandhom ikunu soġġetti għal notifika minn qabel lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet kif stipulat fil-paragrafi 4 u 4b;

(iii)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip kif stipulat fl-Anness III u l-forniment ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja u assistenza oħra u taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari mill-Istati Membri jew organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u subreġjonali maħsubin biss għall-iżvilupp tal-istituzzjonijiet tas-settur tas-sigurtà Somali, ħlief dawk tal-Gvern Federali tas-Somalja, biex jipprovdu sigurtà għall-poplu tas-Somalja, għandhom ikunu soġġetti għal notifika minn qabel lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet kif stipulat fil-paragrafu 4b, u jistgħu jingħataw fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol minn meta jirċievi tali notifika;”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.

Il-Gvern Federali tas-Somalja għandu r-responsabbiltà ewlenija li jinnotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet mill-inqas ħamest ijiem ta’ xogħol qabel bi kwalunkwe kunsinna ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip li jinsabu fl-Anness III lill-Forzi tas-Sigurtà Nazzjonali tas-Somalja, kif stipulat fil-punt (f)(ii) tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Alternattivament, l-Istati Membri li jikkunsinnaw armi u materjal relatat lill-Forzi tas-Sigurtà Nazzjonali tas-Somalja jistgħu jinnotifikaw lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet mill-inqas ħamest ijiem tax-xogħol qabel, jinfurmaw lill-korp nazzjonali ta’ koordinazzjoni adatt fi ħdan il-Gvern Federali tas-Somalja dwar in-notifika u jagħtu lill-Gvern Federali tas-Somalja appoġġ tekniku bil-proċeduri ta’ notifika fejn xieraq, skont il-paragrafi 13 u 14 tal-UNSCR 2498 (2019). In-notifiki għandhom jinkludu dettalji tal-manifattur u l-fornitur tal-armi u materjal relatat ta’ kull tip, deskrizzjoni tal-armi u l-munizzjon inkluż it-tip, il-kalibru u l-kwantità, id-data proposta u l-post tal-kunsinna, u l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna l-unità ta’ destinazzjoni maħsuba fil-Forzi tas-Sigurtà Nazzjonali tas-Somalja, jew il-post maħsub għall-ħażna.”;

(2)

l-Anness IV huwa sostitwit mill-Anness I għal din id-Deċiżjoni;

(3)

l-Anness V huwa sostitwit mill-Anness II għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/231/PESK tas-26 ta’ April 2010 dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja u li tirrevoka l-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK (ĠU L 105, 27.4.2010, p. 17).


ANNESS I

“ANNESS IV

LISTA TA’ OĠĠETTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1C(1)

1.   

Tetril (trinitrofenilmetilnitrammina).

2.   

Nitrogliċerina komposta jew imħallta mal-‘materjal enerġetiku’ speċifikat minn ML8.a. jew metalli fi trab speċifikati minn ML8.c. tal-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (1) (ħlief meta ppakkjati/ippreparati f’dożi mediċinali individwali).

3.   

Tagħmir li jkun kemm iddiżinjat apposta għal użu militari kif ukoll iddiżinjat apposta biex jattiva, jimmotorizza b’output operattiv ta’ darba, jispara jew jiddetona Apparat Splussiv Improvviżat (IEDs).

4.   

‘Teknoloġija’‘meħtieġa’ għall-‘produzzjoni’ jew l-‘użu’ tal-oġġetti elenkati fil-paragrafi 1 u 2. (Id-definizzjonijiet tat-termini ‘teknoloġija’, ‘meħtieġa’, ‘produzzjoni’, u ‘użu’ huma derivati mil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea.)


(1)   ĠU C 98, 15.3.2018, p. 1.


ANNESS II

“ANNESS V

LISTA TA’ OĠĠETTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1C(2)

1.   

Tagħmir u apparat, mhux speċifikati fil-punt 2 tal-Anness IV, li jkunu ddiżinjati apposta biex jinizjaw splussivi b’mezzi elettriċi jew mhux elettriċi, (pereżempju, settijiet tal-isparar, detonaturi, tagħmir tat-tqabbid, ħabel detonanti).

2.   

‘Teknoloġija’‘meħtieġa’ għall-‘produzzjoni’ jew l-‘użu’ tal-oġġetti elenkati fil-paragrafu 1. (Id-definizzjonijiet tat-termini ‘teknoloġija’‘meħtieġa’, ‘produzzjoni’ u ‘użu’ huma derivati mil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea.)

3.   

Materjali splussivi, kif ġej, u taħlitiet li jkun fihom xi wieħed jew aktar minn dawn:

(a)

Żejt Kombustibbli tan-Nitrat tal-Ammonju (ANFO);

(b)

Nitroċellulożju (li fih aktar minn 12,5 % nitroġenu skont il-piż);

(c)

Nitrogliċerina (ħlief meta ppakkjata/preparata f’dożi mediċinali individwali) sakemm ma tkunx komposta jew imħallta mal-“materjal enerġetiku” speċifikat minn ML8.a. jew metalli fi trab speċifikati minn ML8.c. tal-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea;

(d)

Nitroglikol;

(e)

Tetranitrat tal-pentaeritritol (PETN);

(f)

Klorur tal-pikril;

(g)

2,4,6-Trinitrotoluwen (TNT).

4.   

Prekursuri ta’ splussivi:

(a)

Nitrat tal-ammonju;

(b)

Nitrat tal-potassju;

(c)

Klorat tas-sodju;

(d)

Aċidu nitriku;

(e)

Aċidu sulfuriku.


25.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 23/22


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/55

tat-22 ta’ Jannar 2021

li temenda d-Deċiżjoni 2011/72/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-31 ta’ Jannar 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/72/PESK (1) dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija.

(2)

Abbażi ta’ reviżjoni tad-Deċiżjoni 2011/72/PESK, jenħtieġ li l-miżuri restrittivi jiġu estiżi sal-31 ta’ Jannar 2022, u fl-Anness tagħha jenħtieġ li l-entrati għal erba’ persuni jitħassru u li l-informazzjoni dwar id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tiġi aġġornata fir-rigward ta’ żewġ persuni.

(3)

Jenħtieġ għalhekk li d-Deċiżjoni 2011/72/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2011/72/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Jannar 2022. Hija għandha tinżamm taħt reviżjoni kostanti. Tista’ tiġġedded jew tiġi emendata, skont il-każ, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma jkunux intlaħqu.”;

(2)

l-Anness huwa emendat skont l-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/72/PESK tal-31 ta’ Jannar 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (ĠU L 28, 2.2.2011, p. 62).


ANNESS

Fid-Deċiżjoni 2011/72/PESK, l-Anness huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-Parti A (Lista ta’ persuni u entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1), jitħassru l-entrati għall-persuni li ġejjin:

22.

Bouthaina Bent Moncef Ben Mohamed TRABELSI

23.

Nabil Ben Abderrazek Ben Mohamed TRABELSI

41.

Akrem Ben Hamed Ben Taher BOUAOUINA

47.

Slim Ben Tijani Ben Haj Hamda BEN ALI;

(2)

il-Parti B (Drittijiet tad-difiża u dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont il-liġi Tuneżina) hija emendata kif ġej:

(a)

jitħassru l-entrati għall-persuni li ġejjin:

22.

Bouthaina Bent Moncef Ben Mohamed TRABELSI

23.

Nabil Ben Abderrazek Ben Mohamed TRABELSI

41.

Akrem Ben Hamed Ben Taher BOUAOUINA

47.

Slim Ben Tijani Ben Haj Hamda BEN ALI;

(b)

l-entrati li jikkonċernaw lill-persuni li ġejjin huma sostitwiti bl-entrati li ġejjin:

“14.

Samira Bent Mohamed Ben Rhouma TRABELSI

L-investigazzjoni jew il-proċess dwar il-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin. L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ġew rispettati fil-proċedimenti ġudizzjarji li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mill-fatt li, fil-11 ta’ Awwissu 2011, is-Sa Samira Bent Mohamed Ben Rhouma TRABELSI nstemgħet minn maġistrat istruttur fil-preżenza tal-avukat tagħha.

45.

Montassar Ben Habib Ben Bouali LTAIEF

L-investigazzjoni jew il-proċess dwar il-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin. L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ġew rispettati fil-proċedimenti ġudizzjarji li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mill-fatt li fl-2011 u fl-2013 is-Sur Montassar Ben Habib Ben Bouali LTAIEF instema’ minn maġistrat istruttur fil-preżenza tal-avukati tiegħu.”.