|
ISSN 1977-074X |
||
|
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 13 |
|
|
||
|
Edizzjoni bil-Malti |
Leġiżlazzjoni |
Volum 64 |
|
Werrej |
|
II Atti mhux leġiżlattivi |
Paġna |
|
|
|
DEĊIŻJONIJIET |
|
|
|
* |
|
MT |
L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat. It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom. |
II Atti mhux leġiżlattivi
DEĊIŻJONIJIET
|
15.1.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 13/1 |
ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/27
tas-7 ta’ Jannar 2021
dwar it-talba għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej bit-titolu “Inizjattiva tas-soċjetà ċivili għal projbizzjoni ta’ prattiki bijometriċi ta’ sorveljanza tal-massa”
(notifikata bid-dokument C(2021) 32)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
It-talba għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Inizjattiva tas-soċjetà ċivili għal projbizzjoni ta’ prattiki bijometriċi ta’ sorveljanza tal-massa” ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fil-15 ta’ Ottubru 2020. Fil-11 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni infurmat lill-grupp ta’ organizzaturi bil-valutazzjoni (2) tagħha li l-inizjattiva ma setgħetx tiġi rreġistrata fl-intier tagħha minħabba li wħud mill-miżuri li pproponiet ma ssodisfawx ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 6(3)(c) tar-Regolament (UE) 2019/788. Il-Kummissjoni kienet ġiet mistiedna tadotta rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, tniedi proċedimenti ta’ ksur u twettaq riċerka komprensiva, filwaqt li l-Kummissjoni tista’ tintalab biss tagħmel proposti għal atti legali tal-Unjoni skont ir-Regolament. |
|
(2) |
B’riżultat ta’ dan, verżjoni emendata tal-inizjattiva ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fis-7 ta’ Diċembru 2020. |
|
(3) |
L-għanijiet tal-inizjattiva emendata huma espressi kif ġej: “Nappellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tirregola b’mod strett l-użu tat-teknoloġiji bijometriċi sabiex tiġi evitata interferenza bla bżonn mad-drittijiet fundamentali. B’mod partikolari, aħna nitolbu lill-Kummissjoni tipprojbixxi, fil-liġi u fil-prattika, użi indiskriminati jew immirati b’mod arbitrarju tal-bijometrika li jistgħu jwasslu għal sorveljanza illegali tal-massa. Dawn is-sistemi intrużivi ma għandhomx jiġu żviluppati, varati (anke fuq bażi ta’ prova) jew użati minn entitajiet pubbliċi jew privati safejn dawn jistgħu jwasslu għal interferenza bla bżonn jew sproporzjonata mad-drittijiet fundamentali tan-nies. L-evidenza turi li l-użi tas-sorveljanza bijometrika tal-massa fl-Istati Membri u mill-aġenziji tal-UE rriżultaw fi ksur tal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, u rrestrinġew indebitament id-drittijiet tal-persuni inklużi l-privatezza tagħhom, id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, id-dritt għall-protesta u li ma ssirx diskriminazzjoni kontrihom. L-użu mifrux tas-sorveljanza bijometrika, it-tfassil ta’ profili u t-tbassir huwa theddida għall-istat tad-dritt u l-libertajiet l-aktar bażiċi tagħna. F’din l-ECI, aħna għalhekk inħeġġu lill-Kummissjoni biex tipproponi att legali li jibni fuq, u jirrispetta bis-sħiħ, il-projbizzjonijiet ġenerali fil-GDPR (3) u l-LED (4) biex jiġi żgurat li d-dritt tal-UE jipprojbixxi b’mod espliċitu u speċifiku s-sorveljanza bijometrika tal-massa.” |
|
(4) |
Anness jipprovdi aktar dettalji dwar is-suġġett, l-objettivi u l-isfond tal-inizjattiva taċ-ċittadini u jinnota li d-data bijometrika qed tintuża dejjem aktar mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi pubbliċi, nazzjonali u tal-UE u entitajiet privati għall-identifikazzjoni jew it-tfassil ta’ profili ta’ persuni fi spazji pubbliċi, li joħloq “interferenza intrinsikament mhux meħtieġa u sproporzjonata f’firxa wiesgħa ta’ drittijiet fundamentali inklużi l-privatezza u l-protezzjoni tad-data”. L-Anness jinnota, barra minn hekk, li filwaqt li “l-qafas legali eżistenti tal-UE jiċċara [...] li l-użu ta’ data bijometrika għandu jkun limitat għal dak li huwa strettament meħtieġ fir-rigward ta’ għan leġittimu segwit, soġġett għall-prinċipju ta’ proporzjonalità [...] tali prinċipji ġenerali huma soġġetti għal eċċezzjonijiet wesgħin”. |
|
(5) |
L-organizzaturi ppreżentaw aktar informazzjoni ta’ sfond dwar il-proposta tagħhom għal att legali tal-Unjoni u miżuri ta’ akkumpanjament possibbli, kif ukoll abbozz ta’ att legali. |
|
(6) |
L-inizjattiva, kif emendata, tistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta għal att legali li jipprojbixxi l-użu indiskriminat tal-bijometrika li jista’ jwassal għal sorveljanza tal-massa. Kif diġà indikat lill-organizzaturi mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tagħha tal-11 ta’ Novembru 2020, dik il-proposta tista’ tkun ibbażata fuq l-Artikolu 16(2) jew l-Artikolu 114 tat-Trattat, jew it-tnejn, skont jekk l-użu tal-bijometrika jkunx ipprojbit jew regolat b’mod strett. L-Artikolu 16(2) tat-Trattat jipprovdi bażi legali għall-Kummissjoni biex tipproponi atti legali relatati mal-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-aġenziji tal-Unjoni u mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u r-regoli relatati mal-moviment liberu ta’ din id-data. L-Artikolu 114 tat-Trattat jipprovdi bażi legali għall-Kummissjoni biex tipproponi miżuri għall-approssimizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati b'liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom it-twaqqif u t-tħaddim tas-suq intern. |
|
(7) |
Għal dawn ir-raġunijiet, l-ebda parti mill-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati kif rikjest mill-Artikolu 6(3)(c) tar-Regolament (UE) 2019/788. |
|
(8) |
L-anness għall-inizjattiva jirreferi għal erba’ miżuri ta’ akkumpanjament possibbli. Peress li l-Kummissjoni mhijiex mitluba tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe waħda minn dawk il-miżuri, dawn tal-aħħar ma jissodisfawx il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 6(3)(c) tar-Regolament biex jiġu rreġistrati bħala parti mis-suġġett tal-inizjattiva. Dawk il-miżuri għalhekk jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni. Madankollu, jekk il-Kummissjoni tqis li jkun xieraq li tadotta proposta għal att legali fil-qasam kopert mill-inizjattiva, tista’ tikkunsidra wkoll il-possibbiltà li tqis f’dik il-proposta wħud minn dawk il-miżuri, jiġifieri l-ħtieġa ta’ gwida għall-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha, l-involviment tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data fl-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet, u l-kontenut u l-prinċipji tal-Linji Gwida tal-Etika tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (AIHLEG) (5). |
|
(9) |
Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u li ħatar il-persuni ta’ kuntatt skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(3) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(10) |
L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(11) |
Bħala konklużjoni, l-inizjattiva intitolata “Inizjattiva tas-soċjetà ċivili għal projbizzjoni ta’ prattiki bijometriċi ta’ sorveljanza tal-massa” tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 u għalhekk jenħtieġ li tiġi rreġistrata. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej bit-titolu “Inizjattiva tas-soċjetà ċivili għal projbizzjoni ta’ prattiki bijometriċi ta’ sorveljanza tal-massa” għandha tkun irreġistrata.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej bit-titolu “Inizjattiva tas-soċjetà ċivili għal projbizzjoni ta’ prattiki bijometriċi ta’ sorveljanza tal-massa” , irrappreżentati mis-Sur Diego Javier NARANJO BARROSO u s-Sur Riccardo COLUCCINI li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Jannar 2021.
Għall-Kummissjoni
Věra JOUROVÁ
Viċi President
(1) ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55.
(2) C(2020)7869.
(3) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(4) Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (Direttiva għall-Infurzar tal-Liġi) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).
(5) https://ec.europa.eu/futurium/en/ai-alliance-consultation/guidelines