ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 446

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
31 ta' Diċembru 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2254 tat-29 ta’ Diċembru 2020 dwar it-tfassil ta’ dikjarazzjonijiet dwar l-oriġini fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni tal-fornituri għall-esportazzjonijiet preferenzjali lejn ir-Renju Unit matul perjodu tranżitorju

1

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

31.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 446/1


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2254

tat-29 ta’ Diċembru 2020

dwar it-tfassil ta’ dikjarazzjonijiet dwar l-oriġini fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni tal-fornituri għall-esportazzjonijiet preferenzjali lejn ir-Renju Unit matul perjodu tranżitorju

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 66(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (2) (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fit-30 ta’ Diċembru 2020 (3) u japplika proviżorjament mill-1 ta’ Jannar 2021.

(2)

Skont l-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, sabiex tibbenefika mill-miżuri tariffarji preferenzjali msemmija fl-Artikolu 56(2)(d) tiegħu (miżuri tariffarji preferenzjali skont il-ftehimiet tal-Unjoni ma’ ċerti pajjiżi jew territorji barra mit-territorju doganali tagħha jew gruppi ta’ tali pajjiżi jew territorji), il-merkanzija trid tikkonforma mar-regoli dwar l-oriġini preferenzjali stabbiliti f’dawk il-ftehimiet, kif imsemmi fl-Artikolu 64(2) tiegħu.

(3)

L-Artikolu ORIĠ. 19 tal-Ftehim jirrikjedi li l-esportatur ta’ prodott jagħmel dikjarazzjoni dwar l-oriġini fuq il-bażi ta’ informazzjoni li turi l-oriġini tal-prodott, inkluża informazzjoni dwar l-istatus oriġinarju tal-materjali użati fil-produzzjoni tiegħu. Skont dak l-artikolu, l-esportatur huwa responsabbli għall-korrettezza tad-dikjarazzjoni dwar l-oriġini u l-informazzjoni pprovduta fiha.

(4)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/2447 (4) jistabbilixxi, fost l-oħrajn, ir-regoli proċedurali li jiffaċilitaw l-istabbiliment fl-Unjoni tal-oriġini preferenzjali tal-merkanzija. L-Artikolu 61 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni jistabbilixxi li meta fornitur jipprovdi lill-esportatur bl-informazzjoni meħtieġa biex jiġi ddeterminat l-istatus oriġinarju tal-merkanzija għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kummerċ preferenzjali bejn l-Unjoni u ċerti pajjiżi jew territorji (status oriġinarju preferenzjali), il-fornitur għandu jagħmel dan permezz ta’ dikjarazzjoni tal-fornitur. Skont l-Artikolu 62 ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni fejn fornitur jipprovdi regolarment lil esportatur b’konsenji ta’ merkanzija, u l-istatus ta’ oriġini tal-merkanzija ta’ dawk il-konsenji kollha jkun mistenni li jkun l-istess, il-fornitur jista’ jipprovdi dikjarazzjoni waħda li tkun tkopri l-konsenji sussegwenti ta’ dik il-merkanzija (dikjarazzjoni tal-fornitur għal perjodu ta’ żmien twil).

(5)

Minħabba l-perjodu qasir ta’ żmien bejn il-mument tal-pubblikazzjoni tal-Ftehim u d-data meta se japplika, huwa diffiċli għall-fornituri li jipprovdu fil-ħin lill-esportatur jew lin-negozjant bid-dikjarazzjonijiet tal-fornitur li abbażi tagħhom l-esportatur jista’ jagħmel dikjarazzjonijiet dwar l-oriġini mal-applikazzjoni tal-Ftehim.

(6)

Sabiex jiġi ffaċilitat il-ħruġ tad-dikjarazzjonijiet dwar l-oriġini mid-data li fiha jsir applikabbli l-Ftehim, huwa xieraq li l-esportaturi matul perjodu tranżitorju jitħallew jagħmlu dikjarazzjonijiet dwar l-oriġini bbażati fuq id-dikjarazzjonijiet tal-fornitur anke jekk f’dak il-mument ma jkollhomx id-dikjarazzjonijiet rilevanti kollha tal-fornitur, sakemm fi tmiem perjodu tranżitorju bħal dan, id-dikjarazzjonijiet tal-fornitur ikunu fil-pussess tal-esportatur. Dan ma jaffettwax l-obbligu tal-esportatur li jagħmel dikjarazzjoni dwar l-oriġini fuq il-bażi ta’ informazzjoni li turi l-oriġini tal-prodott, inkluża informazzjoni dwar l-istatus oriġinarju tal-materjali użati fil-produzzjoni tiegħu.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Minkejja l-Artikoli 61 u 62 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ u ta' Kooperazzjoni, bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, sal-31 ta’ Diċembru 2021, esportatur jista’ jagħmel dikjarazzjonijiet dwar l-oriġini għall-esportazzjoni lejn ir-Renju Unit fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet tal-fornitur li jistgħu jingħataw mill-fornitur wara bil-kundizzjoni li sal-1 ta’ Jannar 2022 id-dikjarazzjonijiet tal-fornitur ikunu fil-pussess tal-esportatur.

Jekk l-esportatur ma jkollux id-dikjarazzjonijiet tal-fornitur fil-pussess tiegħu jew tagħha sa dik id-data, l-esportatur għandu jinforma lill-importatur sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar 2022.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-29 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  ĠU L 444, 31.12.2020, p. 14.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2252 tat-30 ta' Diċembru 2020 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim rigward il-proċeduri tas-sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 444, 31.12.2020, p. 2).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).