ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 440

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
30 ta' Diċembru 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja għall-kooperazzjoni fl-iżvilupp u fir-riċerka fil-qasam tal-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari

1

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

30.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 440/1


Ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja għall-kooperazzjoni fl-iżvilupp u fir-riċerka fil-qasam tal-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari

IL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA,

minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Komunità”, jew “Euratom”,

minn naħa waħda, u

IL-GVERN TAR-REPUBBLIKA TAL-INDJA,

minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “l-Indja”

min-naħa l-oħra,

minn hawn ’il quddiem flimkien imsejħa “l-Partijiet”,

BIX-XEWQA li jiżviluppaw aktar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika dejjiema u stabbli fl-oqsma ta’ interess komuni tal-użi paċifiċi u mhux splussivi tal-enerġija nukleari abbażi ta’ benefiċċju reċiproku u r-reċiproċità u f’konformità mal-liġijiet rispettivi u l-obbligi internazzjonali tagħhom;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-Ftehim għall-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja ffirmat fl-2002, li permezz tagħhom kien hemm kooperazzjoni attiva u skambji ta’ informazzjoni;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW, b’mod partikolari, il-Ftehim għall-Kooperazzjoni bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Indja u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fil-qasam tar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni, li daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Mejju 2010;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-importanza tax-xjenza u t-teknoloġija għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali għall-Komunità u tal-Indja;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-ħtieġa li jinkoraġġixxu l-applikazzjoni tar-riżultati tal-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika għall-benefiċċji ekonomiċi u soċjali komuni tagħhom;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li bħalissa l-Komunità u l-Indja qed isegwu attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp fil-qasam tal-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari u li l-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp ta’ xulxin ser jipprovdu benefiċċji komuni, abbażi tar-reċiproċità;

BILLI kooperazzjoni fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari bejn il-Komunità u l-Indja għandha ttejjeb aktar ir-riċerka fl-oqsma ta’ interess komuni;

FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-appoġġ tal-Gvern tal-Indja, tal-Komunità u tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tagħha għall-objettivi tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”);

BILLI kemm l-Indja u kif ukoll il-Komunità u l-Istati Membri kollha tagħha għandhom ftehimiet ta’ salvagwardja speċifiċi mal-Aġenzija;

BILLI l-Ftehim ta’ salvagwardji bejn l-Indja u l-Aġenzija jipprevedi kooperazzjoni mal-Indja fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari u fl-iżvilupp ulterjuri tal-programm nukleari ċivili tal-Indja fuq bażi sostenibbli u fuq perjodu fit-tul;

FILWAQT LI JINNUTAW li s-salvagwardji nukleari huma applikati fil-Komunità kemm taħt il-Kapitolu 7 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “it-Trattat tal-Euratom”) u taħt il-ftehimiet ta’ salvagwardja konklużi bejn il-Komunità, l-Istati Membri tagħha u l-Aġenzija;

FILWAQT LI JFAKKRU li dan il-Ftehim ser jiġi implimentat f’konformità mal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika ta’ Materjali Nukleari (CPPNM) tad-29 ta’ Ottubru 1979 (INFCIRC/274) u l-emenda għaliha (INFCIRC/274/Rev1/Mod1) li l-Komunità, l-Istati Membri tagħha u l-Indja huma Partijiet għaliha;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-Indja, il-Komunità u l-Istati Membri tagħha kisbu livell paragunabbli għoli fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari u fis-sigurtà mogħtija mil-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom dwar is-saħħa, is-sikurezza, l-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari u l-ħarsien tal-ambjent,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-iskop ta’ dan il-Ftehim:

(1)

“Partijiet” tfisser il-Gvern tal-Indja u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. “Parti” tfisser waħda mill-“Partijiet” ta’ hawn fuq;

(2)

“Il-Komunità” tfisser kemm:

(a)

il-persuna ġuridika maħluqa mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika; u

(b)

it-territorji li għalihom japplika t-Trattat Euratom;

(3)

“Attività kooperattiva” tfisser kwalunkwe attività li l-Partijiet jinvolvu ruħhom fiha jew li jappoġġjaw, bis-saħħa ta’ dan il-Ftehim u tinkludi r-riċerka konġunta;

(4)

“Informazzjoni” tfisser data xjentifika u teknika, riżultati jew metodi ta’ riċerka u żvilupp li joħroġu mir-riċerka konġunta u kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa neċessarja mill-Partijiet u/jew mill-parteċipanti involuti fir-riċerka konġunta li għandha tiġi pprovduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim jew riċerka li toħroġ minnu;

(5)

“Proprjetà intellettwali” għandu jkollha t-tifsira definita fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, magħmula fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967;

(6)

“Riċerka konġunta” tfisser ir-riċerka u l-edukazzjoni u t-taħriġ relatati, jew l-iżvilupp teknoloġiku li jiġi implimentat bl-għajnuna finanzjarja jew mingħajrha ta’ waħda mill-Partijiet jew tat-tnejn li huma, u li tinvolvi l-kollaborazzjoni tal-parteċipanti kemm mill-Komunità kif ukoll mill-Indja u li tingħażel bħala riċerka konġunta bil-miktub mill-Partijiet jew mill-parteċipanti li jimplimentaw il-programmi ta’ riċerka xjentifika. F’każ fejn hemm finanzjament minn Parti waħda biss, l-għażla ssir minn dik il-Parti u l-parteċipant f’dak il-proġett;

(7)

“Parteċipant” tfisser kwalunkwe persuna, kwalunkwe istitut tar-riċerka, kwalunkwe entità legali jew impriża jew kwalunkwe korp ieħor inklużi l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji xjentifiki u teknoloġiċi li jitħallew jipparteċipaw minn kull Parti f’attivitajiet ta’ kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim, inklużi l-Partijiet infushom;

(8)

“Riżultati ta’ attività intellettwali” tfisser informazzjoni u/jew proprjetà intellettwali;

(9)

“Persuni” tfisser kwalunkwe persuna fiżika, impriża jew entità oħra maħtura mill-Partijiet irregolati mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli fil-ġurisdizzjoni territorjali rispettiva tal-Partijiet;

(10)

Materjal nukleari tfisser:

(1)

“materja prima”, jiġifieri, uranju li jkun fih taħlita ta’ isotopi kif jinstabu fin-natura; uranju mbattal fl-isotopu 235; torju; kwalunkwe minn dawn iktar ’il fuq fil-forma ta’ metall, liga, kompost kimiku, jew konċentrat; kwalunkwe materjal ieħor li jkun fih wieħed jew aktar minn dawn t’hawn fuq f’konċentrazzjoni hekk kif il-Bord tal-Gvernaturi tal-Aġenzija jiddetermina skont l-Artikolu XX tal-Istatut tal-Aġenzija, magħmul fis-26 ta’ Ottubru 1956 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “l-Istatut”), u l-awtoritajiet xierqa taż-żewġ Partijiet jinfurmaw lil xulxin, bil-miktub, li jaċċettaw; u materjal ieħor bħal dan kif il-Bord tal-Gvernaturi tal-Aġenzija jiddetermina skont l-Artikolu XX tal-Istatut u l-awtoritajiet xierqa tal-Partijiet jinfurmaw lil xulxin, bil-miktub, li jaċċettaw.

(2)

“materjal fissili speċjali”, speċifikament, il-plutonju; l-uranju-233; l-uranju arrikkit fl-isotopu 233 jew 235; kwalunkwe materjal li fih wieħed jew iżjed minn t’hawn fuq; u materjal ieħor bħal dan kif il-Bord tal-Gvernaturi tal-Aġenzija jiddetermina skont l-Artikolu XX tal-Istatut u l-awtoritajiet xierqa taż-żewġ Partijiet jinfurmaw lil xulxin, bil-miktub, li jaċċettaw. It-terminu “materjal fissili speċjali” ma jinkludix “materja prima”;

(11)

It-terminu “tagħmir” ifisser oġġetti ewlenin ta’ impjant, makkinarju jew strumentazzjoni, jew komponenti ewlenin tagħhom, li huma mfassla jew manifatturati apposta għall-użu f’attivitajiet nukleari, speċifikati fl-Artikolu 4;

(12)

It-terminu “materjal nukleari rkuprat jew prodott bħala prodott sekondarju” tfisser materjal fissili speċjali derivat minn materjal nukleari trasferit skont dan il-Ftehim.

Artikolu 2

Għan

1.   L-għan ġenerali ta’ dan il-Ftehim huwa li jħeġġeġ u jiffaċilita l-kooperazzjoni fir-Riċerka u l-Iżvilupp (minn hawn ’il quddiem imsejħa “R&Ż”), fl-użi paċifiċi u mhux splussivi tal-enerġija nukleari abbażi tal-benefiċċju reċiproku, l-ugwaljanza u r-reċiproċità, bl-għan li tissaħħaħ ir-relazzjoni kooperattiva ġenerali bejn il-Komunità u l-Indja u f’konformità mal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-programmi nukleari tagħhom.

2.   Dan il-Ftehim għandu l-għan li jrawwem il-kooperazzjoni fir-R&Ż bejn il-Komunità u l-Indja u, b’mod partikolari, biex jiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-entitajiet tar-riċerka ta’ kull Parti fi proġetti ta’ riċerka mwettqa fil-programmi ta’ riċerka rilevanti tal-Parti l-oħra.

3.   It-termini li jinsabu f’dan il-Ftehim ma għandhomx jiġu interpretati bħala vinkolanti fuq il-Partijiet għal kwalunkwe forma ta’ esklussività u kull Parti għandha tkun intitolata li twettaq attivitajiet kummerċjali b’mod indipendenti mill-oħra.

4.   Dan il-Ftehim għandu jkun implimentat b’tali mod li:

(a)

jiġi evitat tfixkil jew dewmien tal-attivitajiet nukleari fit-territorju ta’ kull Parti;

(b)

tiġi evitata interferenza f’dawn l-attivitajiet;

(c)

ikun konsistenti mal-prattiki ta’ ġestjoni prudenti meħtieġa għall-kondotta ekonomika u sikura ta’ dawn l-attivitajiet.

5.   Dan il-Ftehim ma għandux jintuża bil-għan li:

(a)

jinterferixxi mal-politika nukleari jew mal-programmi ta’ kull Parti u lanqas biex ifixkel l-promozzjoni tal-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari;

(b)

jimpedixxi l-moviment liberu ta’ materjal, materjal nukleari jew tagħmir fit-territorju tal-Komunità jew fit-territorju tal-Indja.

Artikolu 3

Prinċipji

L-attivitajiet ta’ kooperazzjoni għandhom jitwettqu fuq il-bażi tal-prinċipji li ġejjin:

(1)

il-benefiċċju reċiproku bbażat fuq bilanċ kumplessiv ta’ vantaġġi;

(2)

aċċess reċiproku għall-attivitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku b’impenn minn kwalunkwe Parti;

(3)

skambju opportun ta’ informazzjoni li tista’ taffettwa l-azzjonijiet tal-parteċipanti f’attivitajiet ta’ kooperazzjoni;

(4)

protezzjoni effettiva ta’ proprjetà intellettwali u tqassim ġust tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

Artikolu 4

Oqsma tal-attivitajiet ta’ kooperazzjoni fir-R&Ż

Il-kooperazzjoni skont dan il-Ftehim tista’ tkopri l-attivitajiet kollha ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku, previsti fil-Programmi Qafas tal-Euratom tal-Komunità għar-riċerka nukleari u l-attivitajiet ta’ taħriġ skont l-Artikolu 7 tat-Trattat tal-Euratom u l-attivitajiet R&Ż fl-Indja fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari fl-oqsma xjentifiċi u teknoloġiċi korrispondenti. Din il-kooperazzjoni għandha titwettaq fl-ambitu tal-kompetenzi u l-programmi rispettivi ta’ kull Parti u f’konformità mal-liġijiet rispettivi u l-obbligi internazzjonali tagħhom. Din tista’ tinkludi l-oqsma R&Ż li ġejjin:

Is-sikurezza nukleari tar-reatturi għajr dawk mgħobbija b’arrikkiment għoli ta’ uranju (’il fuq minn 20 % U235), u s-sikurezza tal-impjanti u ċ-ċiklu tal-fjuwil relatat ma’ dawn ir-reatturi;

Il-protezzjoni mir-radjazzjoni u l-monitoraġġ tal-ambjent;

Il-ġestjoni tal-iskart radjuattiv, b’mod partikolari tnaqqis tal-volum tal-iskart, l-ikkondizzjonar u l-imġiba fil-ħażna;

Id-dekummissjonar, id-dekontaminazzjoni u l-ħatt ta’ stallazzjonijiet nukleari;

Is-sigurtà nukleari: metodi u teknoloġija għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u r-rispons għal inċidenti nukleari u radjuattivi;

Salvagwardji nukleari;

Riċerka bażika u applikata fi xjenzi nukleari inkluż applikazzjonijiet ta’ teknoloġiji nukleari b’mod partikolari għall-agrikoltura, il-kura tas-saħħa, l-isotopi industrijali;

Il-fużjoni termonukleari kkontrollata;

L-edukazzjoni u t-taħriġ;

Oqsma oħra ta’ kooperazzjoni relatati mar-R&Ż nukleari ċivili kif jistgħu jiġu maqbula b’mod reċiproku mill-Partijiet sa fejn ikunu koperti mill-programmi rispettivi tagħhom.

Il-kooperazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu, kif inhi bejn il-Partijiet, tista’ ssir ukoll bejn persuni u impriżi awtorizzati stabbiliti fit-territorji rispettivi tal-Partijiet.

Artikolu 5

Forom tal-attivitajiet ta’ kooperazzjoni

1.   Suġġett għal-liġijiet, ir-regolamenti u l-politiki rispettivi applikabbli tagħhom, il-Partijiet għandhom irawmu, sal-limitu massimu prattikabbli, l-involviment ta’ parteċipanti permezz ta’ dan il-Ftehim bil-għan li jipprovdu opportunitajiet komparabbli għall-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp xjentifiċi u teknoloġiċi rispettivi tagħhom.

2.   L-attivitajiet ta’ kooperazzjoni jistgħu jieħdu l-forom li ġejjin:

(a)

parteċipazzjoni tal-entitajiet Indjani tar-riċerka fi proġetti R&Ż taħt il-Programmi Qafas tal-Euratom tal-Komunità għall-attivitajiet tar-riċerka nukleari u tat-taħriġ u l-parteċipazzjoni ta’ entitajiet tar-riċerka stabbiliti fil-Komunità fi programmi Indjani R&Ż simili. Din il-parteċipazzjoni hija soġġetta għar-regoli u l-proċeduri li japplikaw għall-programmi tar-R&Ż ta’ kull Parti;

(b)

proġetti konġunti ta’ R&Ż: il-proġetti konġunti ta’ R&Ż għandhom jiġu implimentati biss meta l-parteċipanti jkunu żviluppaw pjan tal-ġestjoni teknoloġika (TMP), kif indikat fl-Anness A.

(c)

żjajjar u skambji ta’ studenti, xjentisti u esperti tekniċi;

(d)

organizzazzjoni konġunta ta’ seminars, konferenzi, simpożji, sessjonijiet ta’ ħidma xjentifiċi u skejjel fuq perjodu ta’ żmien qasir, kif ukoll il-parteċipazzjoni ta’ esperti f’dawk l-attivitajiet;

(e)

skambji, tqassim u trasferiment ta’ kampjuni, materjali, strumenti u apparat għal għanijiet sperimentali;

(f)

skambji ta’ informazzjoni dwar prattiki, liġijiet, regolamenti u programmi rilevanti għal kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim;

(g)

kwalunkwe modalità oħra rrakkomandata mill-Kumitat tat-Tmexxija stabbilit f’konformità mal-Artikolu 10, u li tkun konformi mal-politiki u mal-proċeduri applikabbli għall-Partijiet.

Artikolu 6

Użu paċifiku

1.   Il-kooperazzjoni skont dan il-Ftehim għandha titwettaq biss għal għanijiet paċifiċi u mhux splussivi.

2.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-materjal, il-materjal nukleari, u t-tagħmir trasferit skont dan il-Ftehim u l-materjal nukleari rkuprat jew prodott bħala prodott sekondarju ma għandhomx jintużaw ħlief għal għanijiet paċifiċi u mhux splussivi.

Artikolu 7

Sigurtà nukleari

Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-”Konvenzjoni dwar is-Sigurtà Nukleari” (dokument CNS-IAEA INFCIRC/449), li trid tiġi implimentata bl-inklużjoni tal-prinċipji tad-”Dikjarazzjoni ta’ Vjenna dwar is-Sikurezza Nukleari” (IAEA: CNS/DC/2015/2/Rev.1 id-dokument INFCIRC/872) u li għaliha l-Indja, il-Komunità u l-Istati Membri tagħha huma partijiet. Ma għandu jiġi impost l-ebda obbligu addizzjonali ma’ dawk assunti skont is-CNS mill-Partijiet u mill-Istati Membri tagħha.

Artikolu 8

Salvagwardji Nukleari

1.   Il-materjal nukleari u t-tagħmir trasferit skont dan il-Ftehim lejn l-Indja, kif ukoll il-ġenerazzjonijiet suċċessivi ta’ materjal nukleari rkuprat jew prodott bħala prodott sekondarju, għandhom ikunu u jibqgħu soġġetti għas-salvagwardji tal-IAEA skont il-Ftehim bejn il-Gvern tal-Indja u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika għall-applikazzjoni tas-salvagwardji fil-faċilitajiet nukleari ċivili (INFCIRC/754), li daħal fis-seħħ fil-11 ta’ Mejju 2009, il-Protokoll Addizzjonali għal dak il-Ftehim (INFCIRC/754), li daħal fis-seħħ fil-25 ta’ Lulju 2014 (INFCIRC/754/Add. 6), u kwalunkwe addendum sussegwenti;

2.   Il-materjal nukleari u t-tagħmir trasferit skont dan il-Ftehim, lejn l-Istati Membri tal-Komunità, kif ukoll il-ġenerazzjonijiet suċċessivi ta’ materjal nukleari rkuprat jew miksub bħala prodott sekondarju, għandhom ikunu u jibqgħu soġġetti għas-salvagwardji tal-Euratom skont it-Trattat Euratom u s-salvagwardji tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika skont il-ftehimiet li ġejjin:

(i)

Il-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tan-Netherlands, ir-Repubblika Portugiża, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Renju tal-Iżvezja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tar-Rumanija, ir-Repubblika tal-Kroazja, il-Komunità u l-Aġenzija fl-implimentazzjoni tal-Artikolu III (1) u (4) tat-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni tal-Armi Nukleari magħmul fil-5 ta’ April 1973, kif supplimentat permezz ta’ Protokoll Addizzjonali, magħmul fit-22 ta’ Settembru 1998 (INFCIRC/193) u kwalunkwe addendum sussegwenti;

(ii)

Il-Ftehim bejn ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, il-Komunità u l-Aġenzija għall-applikazzjoni tas-salvagwardji fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq b’konnessjoni mat-Trattat dwar in-Non-proliferazzjoni, magħmul fis-6 ta’ Settembru 1976, kif supplimentat permezz ta’ Protokoll Addizzjonali magħmul fit-22 ta’ Settembru 1998 (INFCIRC/263) u kwalunkwe addendum sussegwenti; u

(iii)

Il-Ftehim bejn Franza, il-Komunità u l-Aġenzija għall-applikazzjoni tas-salvagwardji fi Franza, magħmul fis-27 ta’ Lulju 1978, kif supplimentat permezz ta’ Protokoll Addizzjonali magħmul fit-22 ta’ Settembru 1998 (INFCIRC/290) u kwalunkwe addendum sussegwenti.

(iv)

Jekk l-IAEA tiddeċiedi li l-applikazzjoni tas-salvagwardji tal-IAEA ma għadhiex possibbli, il-fornitur u r-riċevitur għandhom jikkonsultaw u jaqblu dwar miżuri ta’ verifika xierqa. Jekk ma jkunx hemm qbil, ir-riċevitur għandu jippermetti, fuq talba tal-fornitur, ir-restituzzjoni tal-materjal nukleari ttrasferit u derivat, jew it-tagħmir soġġett għal dan il-Ftehim.

Artikolu 9

Trasferimenti mill-ġdid

1.   Il-Parti riċeventi għandha tfittex il-kunsens minn qabel bil-miktub tal-parti fornitriċi għal kwalunkwe trasferiment mill-ġdid lil hinn mill-ġurisdizzjoni territorjali tal-Partijiet ta’ materjal, materjal nukleari u tagħmir trasferiti f’konformità ma’ dan il-Ftehim.

2.   Il-Parti riċeventi għandha tfittex ukoll il-kunsens minn qabel bil-miktub mill-Parti fornitriċi għal kwalunkwe trasferiment ta’ materjal, materjal nukleari, u teknoloġiji relatati, tagħmir irkuprat, prodotti jew miksuba permezz tal-użu ta’ materjal, materjal nukleari u tagħmir oriġinarjament trasferiti lilha mill-Parti fornitriċi.

3.   Il-Parti riċeventi għandha tikseb ukoll assigurazzjonijiet minn gvern għal gvern mill-Parti terza lil min biħsiebha twettaq trasferiment mill-ġdid kif deskritt fil-paragrafu 1 jew trasferiment kif deskritt fil-paragrafu 2 li jikkonfermaw li l-oġġetti li ġew trasferiti mill-ġdid jew li ġew trasferiti ser:

a)

jintużaw biss għal għanijiet paċifiċi u mhux splussivi; u

b)

ikunu soġġetti għas-salvagwardji tal-IAEA.

Kwalunkwe trasferiment jew trasferiment mill-ġdid ta’ materjal, materjal nukleari jew tagħmir imwettaq skont dan il-Ftehim għandu jsir skont l-impenji internazzjonali rilevanti ta’ kull Parti firmatarja u tal-Istati Membri tal-Komunità.

Artikolu 10

Koordinazzjoni u faċilitazzjoni ta’ attivitajiet ta’ kooperazzjoni

1.   Il-koordinazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-attivitajiet ta’ kooperazzjoni permezz ta’ dan il-Ftehim għandhom jitwettqu f’isem l-Indja, mid-Dipartiment tal-Enerġija Atomika u, f’isem il-Komunità, mis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-ġestjoni tal-azzjonijiet tar-riċerka permezz tal-Programmi Qafas tal-Euratom, li jaġixxu bħala aġenti eżekuttivi.

2.   L-aġenti eżekuttivi għandhom jistabbilixxu Kumitat ta’ Tmexxija għall-Kooperazzjoni R&Ż, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat tat-Tmexxija” għall-ġestjoni ta’ dan il-Ftehim; dan il-Kumitat għandu jkun magħmul minn numru ndaqs ta’ rappreżentanti uffiċjali ta’ kull Parti; huwa għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.

3.   Il-funzjonijiet tal-Kumitat tat-Tmexxija għandhom jinkludu:

(a)

il-promozzjoni u s-sorveljanza tal-attivitajiet ta’ kooperazzjoni differenti tar-R&Ż imsemmija fl-Artikolu 5;

(b)

ir-rakkomandazzjoni ta’ proġetti konġunti tar-R&Ż, biex ikunu sponsorjati fuq bażi ta’ tqassim tal-ispejjeż mill-Partijiet, riċevuti bi tweġiba għal Sejħa Konġunta għat-test ta’ Proposta approvata maħruġa simultanjament mill-aġenti eżekuttivi.

Il-proġetti konġunti, li kienu mogħtija mix-xjentisti ta’ naħa minnhom għall-parteċipazzjoni fil-programmi tan-naħa l-oħra, jintgħażlu minn kull Parti skont il-proċess tal-għażla rispettiva ta’ kull Parti bil-parteċipazzjoni possibbli ta’ esperti miż-żewġ naħat;

(c)

indikazzjoni, għas-sena li jmiss, skont l-Artikolu 5.2(a), fost is-setturi potenzjali għall-kooperazzjoni fir-R&Ż, ta’ dawk is-setturi jew subsetturi ta’ prijorità ta’ interess reċiproku li fihom tkun imfittxija l-kooperazzjoni;

(d)

il-proponiment, skont l-Artikolu 5.2(c), lix-xjentisti taż-żewġ Partijiet tal-ġbir tal-proġetti tagħhom li kienu jkunu ta’ vantaġġ reċiproku u kumplimentari;

(e)

il-verifika li l-Artikolu 5.2(e), (f) u (g) huwa implimentat b’konsistenza sħiħa mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim;

(f)

il-ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 5.2;

(g)

l-għoti ta’ pariri lill-Partijiet dwar modi sabiex iżidu u jtejbu l-kooperazzjoni, b’mod konsistenti mal-prinċipji stabbiliti f’dan il-Ftehim;

(h)

ir-rieżami tal-funzjonament u l-implementazzjoni effiċjenti ta’ dan il-Ftehim;

(i)

il-provvediment annwali ta’ rapport lill-Partijiet dwar il-qagħda, il-livell milħuq u l-effettività tal-kooperazzjoni skont ta’ dan il-Ftehim.

4.   Il-Kumitat tat-Tmexxija, bħala regola ġenerali, għandu jiltaqa’ kull sena, skont skeda miftiehma b’mod konġunt; il-laqgħat jenħtieġ li jsiru darba fil-Komunità u darba fl-Indja. Laqgħat straordinarji jistgħu jkunu organizzati fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet.

5.   Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat tat-Tmexxija għandhom jintlaħqu b’kunsens. Il-minuti, li jinkludu rekord ta’ deċiżjonijiet u l-punti prinċipali diskussi, għandhom jittieħdu f’kull laqgħa. Dawn il-minuti għandu jkun hemm qbil dwarhom mill-Ko-Presidenti nominati tal-Kumitat tat-Tmexxija.

6.   L-ispejjeż apparti minn dawk għall-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni li huma direttament assoċjati mal-laqgħat tal-Kumitat tat-Tmexxija għandhom jiġġarrbu mill-Parti ospitanti. Spejjeż oħra involuti mill-Kumitat tat-Tmexxija jew f’ismu għandhom jiġġarrbu mill-Parti li magħha l-membri jkunu affiljati.

Artikolu 11

Finanzjament

1.   L-attivitajiet ta’ kooperazzjoni għandhom ikunu suġġetti għad-disponibbiltà tal-fondi xierqa u għal-liġijiet u r-regolamenti, il-politiki u l-programmi applikabbli tal-Partijiet. L-ispejjeż imġarrba mill-parteċipanti fl-attivitajiet ta’ kooperazzjoni mhu ser iwasslu għal xi trasferiment ta’ fondi minn Parti għall-oħra.

2.   Meta skemi kooperattivi speċifiċi ta’ Parti waħda jipprovdu għal appoġġ finanzjarju lill-parteċipanti mill-Parti l-oħra, dawn l-għotjiet jew kontribuzzjonijiet finanzjarji għandhom jiġu implimentati f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli fit-territorju tal-Parti rispettiva. F’dan il-każ, ftehim speċifiku għandu jistabbilixxi t-termini u l-kondizzjonijiet li għandhom jiġu applikati, li ma għandhomx jikkontradixxu t-termini ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 12

Dħul tal-persunal u tal-apparat ta’ sperimentazzjoni

Kull Parti għandha tieħu dawk il-passi raġonevoli kollha u tuża l-aħjar sforzi tagħha, fil-qafas tal-liġijiet u tar-regolamenti applikabbli fit-territorji ta’ kull Parti, biex tiffaċilita d-dħul, is-soġġorn u l-ħruġ mit-territorju tagħha ta’ persuni, materjal, data, kampjuni, strumenti u apparat għal għanijiet sperimentali involuti jew użati fl-attivitajiet ta’ kooperazzjoni identifikati mill-Partijiet permezz tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 13

Diffużjoni u utilizzazzjoni tal-informazzjoni

1.   L-entitajiet tar-riċerka stabbiliti fl-Indja li huma involuti fil-proġetti R&Ż tal-Komunità għandhom isegwu, f’dak li jirrigwarda s-sjieda, id-diffużjoni u l-utilizzazzjoni tal-informazzjoni u f’dak li jirrigwarda l-proprjetà intellettwali li tirriżulta minn dan l-involviment, ir-regoli ta’ diffużjoni tar-riżultati tar-riċerka li jirriżultaw minn programmi R&Ż speċifiċi tal-Komunità kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Anness A.

2.   L-entitajiet tar-riċerka stabbiliti fil-Komunità li huma involuti fil-proġetti R&Ż tal-Indja għandhom isegwu, f’dak li jirrigwarda s-sjieda, id-diffużjoni u l-utilizzazzjoni tal-informazzjoni u f’dak li jirrigwarda l-proprjetà intellettwali li tirriżulta minn dan l-involviment, ir-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-entitajiet tar-riċerka Indjani kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Anness A.

3.   Dan il-Ftehim ma għandux jintuża bl-għan li jfittex vantaġġi kummerċjali jew industrijali, u lanqas li jinterferixxi fl-interessi industrijali jew kummerċjali, kemm domestiċi kif ukoll internazzjonali, ta’ kull waħda mill-Partijiet jew persuni awtorizzati, u lanqas jinterferixxi mal-politika nukleari ta’ kull Parti jew tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Komunità.

Artikolu 14

Kunfidenzjalità

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 12, kull Parti għandha żżomm kunfidenzjali, għal perjodu ta’ mhux inqas minn għaxar snin mid-data tat-terminazzjoni jew tal-iskadenza ta’ dan il-Ftehim, kwalunkwe informazzjoni, fatti jew avvenimenti li jikkonċernaw il-Parti l-oħra u li mhumiex direttament marbuta mas-suġġett tal-Ftehim li setgħu ltaqgħu magħhom fil-perjodu tat-twettiq tiegħu, sakemm din l-informazzjoni ma tkunx saret pubblika (għajr b’riżultat ta’ żvelar minn Parti fi ksur ta’ dan il-Ftehim jew kwalunkwe obbligu ieħor).

Artikolu 15

Ftehimiet bilaterali dwar il-kooperazzjoni nukleari

Dan il-Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għal ftehimiet bilaterali eżistenti, b’mod partikolari, il-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Indja u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fil-qasam tar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni li daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Mejju 2010, jew ftehimiet futuri, fosthom emendi jew modifiki futuri għal ftehimiet eżistenti, konklużi bejn l-Indja u Stati Membri individwali tal-Komunità.

Artikolu 16

Liġi applikabbli

Dan il-Ftehim għandu jiġi interpretat f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi fis-seħħ fil-Komunità u fl-Indja kif ukoll mal-obbligi internazzjonali tal-Partijiet. Fil-każ tal-Komunità l-liġi applikabbli tinkludi t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), it-Trattat Euratom u l-leġislazzjoni sekondarja kollha.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ, terminazzjoni, waqfien u soluzzjoni ta’ tilwim

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jgħarrfu lil xulxin bil-miktub li l-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim ikunu tlestew.

2.   Dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ għal perjodu ta’ għaxar snin. Sussegwentement, dan il-Ftehim għandu jiġġedded awtomatikament għal perjodi addizzjonali ta’ ħames snin, sakemm Parti ma tinnotifikax lill-Parti l-oħra dwar l-intenzjoni tagħha li ttemm dan il-Ftehim skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 5 u 6.

3.   L-Annessi għal dan il-Ftehim jifformaw parti integrali minn dan il-Ftehim u jistgħu jiġu emendati skont il-paragrafu 4.

4.   Dan il-Ftehim jista’ jkun emendat bi ftehim bejn il-Partijiet. L-Emendi għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bil-kitba li l-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa għall-emendi ta’ dan il-Ftehim ikunu ġew imwettqa.

5.   Kwalunkwe Parti tista’ ttemm dan il-Ftehim, billi tagħti avviż ta’ sitt xhur bil-miktub lill-Parti oħra. L-iskadenza jew it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim ma għandhomx jaffettwaw il-validità jew it-tul ta’ kwalunkwe arranġament li jkun sar permezz tiegħu, jew ta’ kwalunkwe dritt u obbligu speċifiku li jkunu akkumulaw f’konformità mal-Anness A.

6.   Jekk kwalunkwe Parti jew Stat Membru tal-Komunità, f’kwalunkwe ħin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, jieħu azzjoni ta’ kwalunkwe tip li tirriżulta fi ksur ta’ materjal tal-obbligi tagħha skont dan il-Ftehim, il-Parti l-oħra għandu jkollha d-dritt li twaqqaf il-kooperazzjoni ulterjuri taħt dan il-Ftehim jew li tissospendi jew ittemm bis-sħiħ jew parzjalment, dan il-Ftehim permezz ta’ notifika bil-miktub għal dak l-għan.

7.   Kull mistoqsija jew tilwima li għandha x’taqsam mal-interpretazzjoni jew mal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tiġi solvuta bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet fil-qafas tal-Kumitat ta’ Tmexxija stabbilit skont l-Artikolu 10.

8.   Minkejja l-waqfien ta’ aktar kooperazzjoni skont dan il-Ftehim kompletament jew parzjalment, it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim għal kwalunkwe raġuni, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6, 8, 9, 13 u 14 u TMP individwali konkluż skont l-Anness A għandhom ikomplu japplikaw fir-rigward ta’ attivitajiet konġunti mwettqa skont dan il-Ftehim, waqt li dan il-Ftehim huwa fis-seħħ.

Artikolu 18

Lingwi awtentiċi

Dan il-Ftehim huwa mfassal duplikament bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż, bit-Taljan, bl-Ungeriż u bil-Ħindi, b’kull test ugwalment awtentiku.

B’xiehda ta’ dan, is-sottoskritti, awtorizzati kif meħtieġ għal dan il-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.

Għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

Mariya GABRIEL

l-10 ta’ Lulju 2020

Għall-Gvern tar-Repubblika tal-Indja

Id-Dipartiment tal-Enerġija Atomika

K.N. VYAS

il-15 ta’ Lulju 2020


ANNESS A

DRITTIJIET TA’ PROPRJETÀ INTELLETTWALI

Id-drittijiet għall-proprjetà intellettwali li nħolqu jew ingħataw skont dan il-Ftehim għandhom jiġu allokati kif previst f’dan l-Anness.

APPLIKAZZJONI

Dan l-Anness huwa applikabbli għar-riċerka konġunta mwettqa skont dan il-Ftehim, għajr kif miftiehem mod ieħor mill-Partijiet.

I.   Sjieda, allokazzjoni u eżerċitar tad-drittijiet

1.

Għall-għanijiet ta’ dan l-Anness “proprjetà intellettwali” għandu jkollha t-tifsira kif definit fl-Artikolu 1.

2.

Dan l-Anness jindirizza l-allokazzjoni tad-drittijiet u l-interessi tal-Partijiet u tal-parteċipanti tagħhom. Kull Parti u l-parteċipanti tagħha għandhom jiżguraw li l-Parti l-oħra u l-parteċipanti tagħha jkunu jistgħu jakkwistaw id-drittijiet għall-proprjetà intellettwali allokati lilha f’konformità ma’ dan l-Anness. Dan l-Anness ma jbiddilx jew jippreġudika b’mod ieħor l-allokazzjoni tad-drittijiet, interessi u royalties bejn Parti u ċ-ċittadini jew il-parteċipanti tagħha li ser ikunu stabbiliti mil-liġijiet u l-prattiki ta’ kull Parti u f’konformità mal-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-konvenzjonijiet tal-WIPO”) u mar-regoli nazzjonali rispettivi applikabbli fil-qasam tal-proprjetà intellettwali.

3.

Il-Partijiet għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin, li għandhom jiġu pprovduti b’arranġamenti kuntrattwali speċifiċi:

(a)

protezzjoni effettiva tal-proprjetà intellettwali inklużi d-drittijiet tal-awtur tas-softwer. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li huma u/jew il-parteċipanti tagħhom jinnotifikaw lil xulxin fi żmien raġonevoli dwar il-ħolqien ta’ kwalunkwe proprjetà intellettwali li jsir skont dan il-Ftehim jew l-arranġamenti tal-implimentazzjoni u li jfittxu protezzjoni għal tali proprjetà intellettwali li tkun f’waqtha kif ikun xieraq;

(b)

sfruttament effettiv tar-riżultati;

(c)

jitqiesu l-kontribuzzjonijiet tal-Partijiet u tal-parteċipanti tagħhom meta jkunu jiġu determinati d-drittijiet u l-interessi tal-Partijiet u tal-parteċipanti;

(d)

trattament mhux diskriminatorju tal-parteċipanti mill-Parti l-oħra meta mqabbel mat-trattament mogħti lill-parteċipanti proprji, fir-rigward ta’ sjieda, użu u disseminazzjoni ta’ informazzjoni u sjieda, allokazzjoni u eżerċizzju tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(e)

protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali tan-negozju.

4.

Il-parteċipanti għandhom jiżviluppaw b’mod konġunt TMP. It-TMP huwa ftehim speċifiku li għandu jkun konkluż bejn il-parteċipanti tar-riċerka konġunta li jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom, inklużi dawk fir-rigward tas-sjieda u l-użu, inkluża l-pubblikazzjoni, ta’ informazzjoni u proprjetà intellettwali li għandha tinħoloq matul riċerka konġunta. Fir-rigward ta’ proprjetà intellettwali (IP), it-TMP normalment ser jindirizza, fost affarijiet oħra, is-sjieda, il-protezzjoni, id-drittijiet tal-utent għall-iskopijiet ta’ riċerka u żvilupp, l-isfruttament u d-disseminazzjoni, inklużi arranġamenti għall-pubblikazzjoni konġunta, id-drittijiet u l-obbligi ta’ riċerkaturi fuq żjara u l-proċeduri ta’ soluzzjoni tat-tilwim. It-TMP għandu jindirizza wkoll it-trattament ta’ informazzjoni mill-quddiem u fl-isfond, l-għoti ta’ liċenzji u riżultati tanġibbli. It-TMP għandu jkun żviluppat fi ħdan ir-regoli u r-regolamenti fis-seħħ f’kull Parti u bla preġudizzju għall-konvenzjonijiet tal-WIPO u għar-regoli nazzjonali rispettivi applikabbli fil-qasam tal-IP filwaqt li jitqiesu l-għanijiet tar-riċerka konġunta, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji jew kontributi oħra relattivi tal-Partijiet u l-parteċipanti, il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-għotja tal-liċenzji skont it-territorju jew għall-oqsma tal-użu, ir-rekwiżiti imposti mil-liġijiet nazzjonali applikabbli, il-bżonn għal proċeduri ta’ soluzzjoni ta’ tilwim u fatturi oħrajn meqjusa xierqa mill-parteċipanti. Id-drittijiet u l-obbligi li jikkonċernaw ir-riċerka ġenerata minn riċerkaturi fuq żjara fir-rigward tal-IP għandhom ukoll ikunu indirizzati fit-TMP konġunt. It-TMPs għandhom ikunu approvati mill-aġenziji tal-finanzjament responsabbli, jew mid-dipartimenti tal-Partijiet involuti fil-finazjament tar-riċerka, qabel il-konklużjoni tal-kuntratti speċifiċi ta’ kooperazzjoni dwar ir-riċerka u l-iżvilupp li jkunu allokati magħhom.

5.

Informazzjoni jew IP maħluqa matul riċerka konġunta u mhux indirizzata fit-TMP ser tiġi allokata f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fit-TMP li jrid jiġi konkluż mill-iktar fis. Fil-każ li ma jkunx hemm TMP jew f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil li ma jistax jissolva bil-proċedura ta’ soluzzjoni tat-tilwim miftiehma, din l-informazzjoni jew IP għandhom ikunu l-proprjetà konġunta tal-parteċipanti kollha involuti fir-riċerka konġunta li minnha ħarġet l-informazzjoni jew l-IP. Kull parteċipant li għalih tapplika din id-dispożizzjoni għandu jkollu d-dritt li juża tali informazzjoni jew IP għall-isfruttament kummerċjali tiegħu mingħajr limitazzjoni ġeografika.

6.

F’konformità mal-liġijiet nazzjonali applikabbli u filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji msemmija hawn fuq, kull Parti tassigura li l-Parti l-oħra u l-parteċipanti tagħha jista’ jkollhom id-drittijiet għall-IP allokati għalihom.

7.

FIlwaqt li jinżammu l-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-oqsma affettwati b’dan il-Ftehim, kull Parti għandha tagħmel sforz biex tassigura li d-drittijiet akkwistati bis-saħħa ta’ dan il-Ftehim u l-arranġamenti magħmula permezz tiegħu jkunu eżerċitati b’tali mod hekk li jinkorraġġixxu, partikolarment id-disseminazzjoni u l-użu tal-informazzjoni maħluqa, żvelata jew disponibbli b’mod ieħor permezz tal-ftehim.

8.

It-tmiem jew l-iskadenza ta’ dan il-Ftehim ma jaffettwawx id-drittijiet jew l-obbligi tal-parteċipanti fir-rigward tal-proprjetà intellettwali taħt proġetti approvati li jkunu għaddejjin f’konformità ma’ dan l-Anness.

II.   Xogħlijiet bid-drittijiet tal-awtur u xogħlijiet letterarji xjentifiċi

Id-drittijiet tal-awtur li jappartjenu lill-Partijiet jew lill-parteċipanti tagħhom għandhom jingħataw trattament konsistenti mal-Konvenzjoni ta’ Berne (l-Att ta’ Pariġi 1971) u l-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (il-Ftehim TRIPS). Mingħajr preġudizzju għat-Taqsima I u l-possibbiltà li jinkiseb dritt għall-proprjetà intellettwali u għat-Taqsima III, u sakemm mhux miftiehem mod ieħor fit-TMP, ir-riżultati tar-riċerka għandhom ikunu ppubblikati b’mod konġunt mill-Partijiet jew mill-parteċipanti. Soġġett għal din ir-regola ġenerali, għandhom japplikaw il-proċeduri li ġejjin:

1.

Fil-każ ta’ pubblikazzjoni minn Parti jew parteċipanti tagħha f’ġurnali, artikoli, rapporti, kotba, inkluż vidjo xjentifiċi u tekniċi li ġejjin minn riċerka konġunta skont dan il-Ftehim, il-Parti l-oħra jew il-parteċipanti tagħha jkunu intitolati għal liċenzja dinjija, mhux esklussiva, irrevokabbli, mingħajr drittijiet tal-awtur biex jittraduċi, jirriproduċu, jadattaw, jittrasmettu u jqassmu pubblikament dawn ix-xogħlijiet.

2.

Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex ixerrdu kemm jista’ jkun ix-xogħlijiet letterarji ta’ karattru xjentifiku li jirriżultaw mir-riċerka konġunta permezz ta’ dan il-Ftehim u ppubblikati minn pubblikaturi indipendenti.

3.

Il-kopji kollha ta’ xogħol bid-dritt tal-awtur li jkunu distribwiti pubblikament u ppreparati skont din id-dispożizzjoni għandhom jindikaw l-isem tal-awtur(i) tax-xogħol sakemm l-awtur ma jkunx irrifjuta espliċitament li jiġi msemmi. Il-kopji għandu jkollhom ukoll konferma ċarament viżibbli tal-appoġġ kooperattiv tal-Partijiet.

III.   Informazzjoni mhux żvelata

A.   Informazzjoni dokumentarja mhux żvelata

1.

Kull Parti, l-aġenziji tagħha jew il-parteċipanti tagħha, kif xieraq, għandhom jidentifikaw b’mezzi dokumentarji xierqa, l-aktar kmieni possibbli, u preferibbilment fit-TMP, l-informazzjoni li jixtiequ li tibqa’ mhix magħrufa fir-rigward ta’ dan il-Ftehim, filwaqt li jiġu kkunsidrati fost l-oħrajn il-kriterji li ġejjin:

(a)

is-segretezza tal-informazzjoni fis-sens li, bħala korp jew fil-konfigurazzjoni preċiża jew fil-muntaġġ tal-komponenti tagħha, ma tkunx ġeneralment magħrufa, jew aċċessibbli fil-pront b’mezzi legali għaliha, fost esperti fl-oqsma;

(b)

il-valur kummerċjali attwali jew potenzali tal-informazzjoni bis-saħħa tas-segretezza tagħha;

(c)

il-protezzjoni preċedenti tal-informazzjoni fis-sens li kienet soġġetta għal modi li kienu raġonevoli taħt iċ-ċirkostanzi mill-persuna li legalment għandha l-kontroll li żżomm is-segretezza tagħha. Il-Partijiet u l-parteċipanti tagħhom jistgħu f’ċertu każi jaqblu li, sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, l-informazzjoni kollha pprovduta, jew partijiet minnha, skambjata jew maħluqa matul ir-riċerka konġunta skont dan il-Ftehim ma tistax tkun żvelata.

2.

Kull Parti għandha tassigura li hi u l-parteċipanti tagħha jidentifikaw biċ-ċar l-informazzjoni mhux żvelata, pereżempju permezz ta’ markar xieraq jew didaskalija restrittiva jew ftehim ta’ kunfidenzjalità xieraq. Dan japplika wkoll għal kwalunkwe riproduzzjoni tat-tali informazzjoni, kollha kemm hi jew parti minnha, li għandu jkollha l-istess marki jew didaskaliji. Parti li tirċievi informazzjoni mhux żvelata skont dan il-Ftehim tirrispetta n-natura privileġġata tagħha. Dawn il-limitazzjonijiet għandhom awtomatikament jintemmu meta din l-informazzjoni tkun żvelata mill-proprjetarju fid-dominju pubbliku.

3.

Informazzjoni mhux żvelata kkomunikata skont dan il-Ftehim tista’ tixxerred mill-Parti riċeventi biss lil persuni fi ħdanha jew impjegati mill-Parti li tirċievi u dipartimenti jew aġenziji oħra kkonċernati tal-Parti riċeventi awtorizzati għall-iskopijiet speċifiċi tar-riċerka konġunta li għaddejja, diment li kwalunkwe informazzjoni mhux żvelata mxerrda b’dan il-mod tkun skont ftehim ta’ kunfidenzjalità bil-miktub u għandha tkun rikonoxxibbli fil-pront bħala tali, kif stabbilit fil-paragrafu 2.

4.

Bil-kunsens minn qabel bil-miktub tal-Parti li tipprovdi l-informazzjoni mhux żvelata permezz ta’ dan il-Ftehim, il-Parti li tirċievi tista’ xxerred tali informazzjoni mhux żvelata f’medda usa’ milli mod ieħor permissibbli fil-paragrafu 3. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fl-iżvilupp ta’ proċeduri għat-talba u l-kisba ta’ kunsens minn qabel bil-miktub għal tali disseminazzjoni usa’, u kull Parti tagħti tali approvazzjoni sal-limitu permissibbli skont il-politiki, ir-regolamenti u l-liġijiet domestiċi tagħha.

B.   Informazzjoni mhux dokumentarja mhux żvelata

1.

F’każijiet fejn informazzjoni mhux żvelata tiġi kkomunikata mill-Parti fornitriċi verbalment u b’mod partikolari li toħroġ minn seminars, laqgħat, żjajjar fi stabbilimenti jew laboratorji, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 4 tat-Taqsima III A ser japplikaw mutatis mutandis, sakemm il-fornitur u r-riċevitur ta’ tali informazzjoni mhux żvelata jew informazzjoni oħra kunfidenzjali jew privileġġata flimkien ma jistabbilixxux, qabel kwalunkwe komunikazzjoni verbali, memorandum li jiddeskrivi l-limiti u l-kontenut ta’ dawk il-komunikazzjonijiet verbali.

2.

Kontroll

Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tassigura li informazzjoni mhux żvelata li tkun riċeviet skont dan il-Ftehim tkun kontrollata kif provvdut hawnhekk. Jekk waħda mill-Partijiet issir konxja li jaf ma tkunx tista’ tissodisfa d-dispożizzjonijiet tan-nuqqas ta’ disseminazzjoni ta’ din it-Taqsima, jew li raġonevolment tkun mistennija li ma tissodisfahomx, din għandha tinforma lill-Parti l-oħra immedjatament. Il-Partijiet għandhom, wara dan, jikkonsultaw bejniethom biex jiddeterminaw kif għandhom jipproċedu b’mod xieraq.