ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 374

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
10 ta' Novembru 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/1660 tal-15 ta’ Ottubru 2020 li jistabbilixxi l-għeluq tas-sajd għall-megrims fiż-żoni 8a, 8b, 8d u 8e minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Belġju

1

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1661 tat-3 ta’ Novembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1768 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Kroazja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

4

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1662 tat-3 ta’ Novembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/279 li tawtorizza lil Malta biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

6

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1663 tas-6 ta’ Novembru 2020 li temenda l-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2004/558/KE fir-rigward tal-istatus ta’ ħieles mill-mard taċ-Ċekja u l-approvazzjoni tal-programm ta’ eradikazzjoni f’diversi reġjuni ta’ Franza fir-rigward tar-rinotrakeite bovina infettiva (notifikata bid-dokument C(2020) 7578)  ( 1 )

8

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1664 tad-9 ta’ Novembru 2020 dwar ċerti miżuri protettivi interim relatati mal-influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N8 fil-Ġermanja (notifikata bid-dokument C(2020) 7887)  ( 1 )

11

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

10.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 374/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1660

tal-15 ta’ Ottubru 2020

li jistabbilixxi l-għeluq tas-sajd għall-megrims fiż-żoni 8a, 8b, 8d u 8e minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Belġju

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 36(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/123 (2) jistabbilixxi l-kwoti għall-2020.

(2)

Skont it-tagħrif li rċeviet il-Kummissjoni, il-qabdiet tal-istokk tal-megrims li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Belġju jew li huma rreġistrati f’dak il-pajjiż għamlu fiż-żoni 8a, 8b, 8d u 8e eżawrew il-kwota allokata għalihom għall-2020.

(3)

Għalhekk jeħtieġ li jiġu pprojbiti ċerti attivitajiet tas-sajd għal dak l-istokk.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Eżawriment tal-kwota

Il-kwota tas-sajd allokata għall-2020 għall-Belġju għall-istokk tal-megrims fiż-żoni 8a, 8b, 8d u 8e msemmija fl-Anness għandha titqies li hija eżawrita mid-data stipulata f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Projbizzjonijiet

1.   Is-sajd għall-istokk imsemmi fl-Artikolu 1 minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Belġju jew li huma rreġistrati f’dak il-pajjiż għandhom jiġu pprojbiti mid-data stipulata fl-Anness. B’mod partikolari, għandu jkun ipprojbit li jsir tiftix għall-ħut, tfigħ, issettjar jew ġbid tal-irkaptu tas-sajd għall-finijiet tas-sajd ta’ dak l-istokk.

2.   It-trasbord, iż-żamma abbord, l-ipproċessar abbord, it-trasferiment, it-tqegħid f’gaġeġ, is-simna u l-ħatt l-art ta’ ħut u ta’ prodotti tas-sajd minn dak l-istokk li jinqabdu minn dawk il-bastimenti għandhom jibqgħu awtorizzati għall-qabdiet meħuda qabel dik id-data.

3.   Il-qabdiet mhux intenzjonati ta’ speċijiet minn dak l-istokk minn dawk il-bastimenti għandhom jinġiebu u jinżammu abbord il-bastimenti tas-sajd, jiġu rreġistrati, jinħattu l-art u jinqatgħu mill-kwoti f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President

Virginijus SINKEVIČIUS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/123 tas-27 ta’ Jannar 2020 li jistabbilixxi għall-2020 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni (ĠU L 25, 30.1.2020, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).


ANNESS

Nru

24/TQ123

Stat Membru

Il-Belġju

Stokk

LEZ/*8ABDE (kondizzjoni speċjali għal-LEZ/07.)

Speċi

Megrims (Lepidorhombus spp.)

Żona

8a, 8b, 8d u 8e

Data tal-għeluq

1.10.2020


DEĊIŻJONIJIET

10.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 374/4


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1661

tat-3 ta’ Novembru 2020

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1768 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Kroazja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont il-punt (19) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kroazja tista’ teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ EUR 35 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni tal-jum tal-adeżjoni tagħha.

(2)

Il-Kroazja kienet awtorizzata permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1768 (2) tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE (“il-miżura ta’ deroga”) biex teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma kienx aktar mill-ekwivalenti ta’ EUR 45 000 fil-munita nazzjonali bir-rata ta’ konverżjoni tal-jum tal-adeżjoni tagħha, sal-31 ta’ Diċembru 2020 jew sad-dħul fis-seħħ ta’ direttiva li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE, skont liema data tiġi l-ewwel.

(3)

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-18 ta’ Mejju 2020, il-Kroazja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024, li hija d-data sa meta l-Istati Membri jeħtieġ jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 (3), li tistabbilixxi regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar u, fost l-oħrajn, tħassar l-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE b’effett mill-1 ta’ Jannar 2025.

(4)

F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra permezz ta’ ittra ddatata d-9 ta’ Ġunju 2020 bit-talba tal-Kroazja. Il-Kummissjoni nnotifikat lill-Kroazja permezz ta’ ittra ddatata l-11 ta’ Ġunju 2020 li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.

(5)

Skont l-informazzjoni mogħtija mill-Kroazja, jidher li r-raġunijiet għall-miżura ta’ deroga baqgħu fil-biċċa l-kbira l-istess u ż-żieda fil-livell limitu ma kellha l-ebda impatt fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali. Il-persuni taxxabbli xorta jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT.

(6)

Minħabba l-impatt potenzjalment pożittiv tal-miżura ta’ deroga fit-tnaqqis tal-piż amministrattiv u tal-kostijiet tal-konformità għall-impriżi ż-żgħar u għall-awtoritajiet tat-taxxa, u minħabba n-nuqqas ta’ ebda impatt kbir fuq id-dħul totali mill-VAT iġġenerat, jenħtieġ li l-Kroazja tiġi awtorizzata tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga.

(7)

Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura ta’ deroga tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività u l-adegwatezza tal-livell limitu. Barra minn hekk, l-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE jitħassar bid-Direttiva (UE) 2020/285 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk hwa adatt li l-Kroazja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(8)

Il- miżura ta’ deroga ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT minħabba li l-Kroazja ser twettaq kalkolu ta’ kumpens f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 (4),

(9)

Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1768 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1768, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2024.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Kroazja.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1768 tal-25 ta’ Settembru 2017 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Kroazja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 250, 28.9.2017, p. 71).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).


10.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 374/6


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1662

tat-3 ta’ Novembru 2020

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/279 li tawtorizza lil Malta biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont il-punt 13 tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, Malta tista’ teżenta tliet kategoriji ta’ persuni taxxabbli mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“il-VAT”): dawk li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla minn EUR 37 000 jekk l-attività ekonomika tkun tikkonsisti prinċipalment fil-provvista tal-merkanzija, dawk li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla minn EUR 24 300 jekk l-attività ekonomika tkun tikkonsisti prinċipalment fil-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud baxx (inputs għoljin), u dawk li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla minn EUR 14 600 f’każijiet oħrajn, jiġifieri l-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud għoli (inputs baxxi).

(2)

Malta kienet awtorizzata permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/279 (2) tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE (“il-miżura ta’ deroga”) biex teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-attività ekonomika tagħhom tikkonsisti prinċipalment fil-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud għoli (inputs baxxi) u li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex ogħla minn EUR 20 000, sal-31 ta’ Diċembru 2020, jew sad-dħul fis-seħħ ta’ direttiva li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE, skont liema data tiġi l-ewwel.

(3)

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-5 ta’ Ġunju 2020, Malta talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024, li hija d-data sa meta l-Istati Membri jeħtieġ jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 (3), li tistabbilixxi regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar u, fost l-oħrajn, tħassar l-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE b’effett mill-1 ta’ Jannar 2025.

(4)

F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra permezz ta’ ittra ddatata t-12 ta’ Ġunju 2020 bit-talba ta’ Malta. Il-Kummissjoni nnotifikat lil Malta permezz ta’ ittra ddatata l-15 ta’ Ġunju 2020 li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.

(5)

Minħabba li l-miżura ta’ deroga rriżultat fi tnaqqis tal-obbligi tal-VAT u, għalhekk, fi tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u l-kostijiet għall-impriżi ż-żgħar, jenħtieġ li Malta tiġi awtorizzata biex tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga.

(6)

Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura ta’ deroga tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività u l-adegwatezza tal-livell limitu. Barra minn hekk, l-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE jitħassar bid-Direttiva (UE) 2020/285 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, huwa adatt li Malta tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(7)

Il-miżura ta’ deroga ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT minħabba li Malta ser twettaq kalkolu ta’ kumpens f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 (4).

(8)

Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/279 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/279, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2024.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Malta.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/279 tal-20 ta’ Frar 2018 li tawtorizza lil Malta biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 54, 24.2.2018, p. 14).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).


10.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 374/8


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1663

tas-6 ta’ Novembru 2020

li temenda l-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2004/558/KE fir-rigward tal-istatus ta’ ħieles mill-mard taċ-Ċekja u l-approvazzjoni tal-programm ta’ eradikazzjoni f’diversi reġjuni ta’ Franza fir-rigward tar-rinotrakeite bovina infettiva

(notifikata bid-dokument C(2020) 7578)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa tal-annimali li jaffetwaw il-kummerċ ta’ annimali bovini u suwini ġewwa l-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 9(2) u 10(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 64/432/KEE tistabbilixxi r-regoli dwar is-saħħa tal-annimali fir-rigward tal-kummerċ fl-Unjoni tal-annimali bovini. L-Artikolu 9 ta’ dik id-Direttiva jistipula li Stat Membru li għandu programm nazzjonali ta’ kontroll obbligatorju għal waħda mill-mardiet elenkati fl-Anness E(II) tagħha, dan jista’ jissottometti l-programm tiegħu lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni. L-istess Artikolu jipprevedi wkoll li jistgħu jintalbu garanziji addizzjonali għall-kummerċ intra-Unjoni tal-annimali bovini. Ir-rinotrakeite bovina infettiva, marda kkawżata mill-virus tal-erpete bovina tat-tip 1 (BHV1), hi elenkata għall-annimali bovini fl-Anness E(II) tad-Direttiva 64/432/KEE.

(2)

Fi Frar 2020, Franza ppreżentat dokumentazzjoni ta’ sostenn lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni tal-programm nazzjonali tagħha għall-kontroll u l-eradikazzjoni tar-rinotrakeite bovina infettiva li tkopri d-dipartimenti metropolitani Franċiżi, għajr Korsika, u talbet l-approvazzjoni biex tapplika garanziji addizzjonali għar-rinotrakeite bovina infettiva skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 64/432/KEE.

(3)

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 64/432/KEE jipprevedi li meta Stat Membru jikkunsidra li t-territorju tiegħu jew parti minnu jkun ħieles minn xi waħda mill-mardiet elenkati fl-Anness E(II) tagħha, dan għandu jippreżenta d-dokumentazzjoni ta’ sostenn xierqa lill-Kummissjoni. L-istess Artikolu jipprevedi wkoll li jistgħu jintalbu garanziji addizzjonali għall-kummerċ intra-Unjoni tal-annimali bovini.

(4)

F’Jannar 2020, iċ-Ċekja ppreżentat dokumentazzjoni ta’ sostenn lill-Kummissjoni biex it-territorju kollu tagħha jitqies ħieles mill-BHV1, u talbet l-approvazzjoni biex tapplika garanziji addizzjonali għar-rinotrakeite bovina infettiva skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 64/432/KEE.

(5)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/558/KE (2) telenka l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom li huma awtorizzati japplikaw garanziji addizzjonali għar-rinotrakeite bovina infettiva skont l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 64/432/KEE. L-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/558/KE jelenka l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom li fihom japplikaw garanziji addizzjonali għar-rinotrakeite bovina infettiva skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 64/432/KEE, filwaqt li l-Anness II tad-Deċiżjoni 2004/558/KE jelenka l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom li fihom japplikaw garanziji addizzjonali għar-rinotrakeite bovina infettiva skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 64/432/KEE.

(6)

Wara l-evalwazzjoni tad-dokumentazzjoni ta’ sostenn li ppreżentat Franza, id-dipartimenti metropolitani ta’ dak l-Istat Membru, għajr Korsika, jenħtieġ jiġu elenkati fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/558/KE, u l-garanziji addizzjonali għar-rinotrakeite bovina infettiva jenħtieġ ikunu japplikaw skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 64/432/KEE.

(7)

Barra minn hekk, wara l-evalwazzjoni tad-dokumentazzjoni ta’ sostenn li ppreżentat iċ-Ċekja, jenħtieġ li din ma tibqax elenkata fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/558/KE, iżda minflok jenħtieġ tiġi elenkata fl-Anness II tagħha, u jenħtieġ li l-garanziji addizzjonali għar-rinotrakeite bovina infettiva japplikaw skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 64/432/KEE.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2004/558/KE jiġu emendati skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2004/558/KE huma sostitwiti bit-test fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977/64.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Lulju 2004 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE li tirrigwarda garanziji addizzjonali għan-negozju intra-Komunitarju ta’ annimali bovini relatati mar-rinotrakeite bovina infettiva u l-approvazzjoni tal-programmi ta’ qerda ppreżentati minn ċerti Stati Membri (ĠU L 249, 23.7.2004, p. 20).


ANNESS

“ANNESS I

Stat Membru

Reġjun tal-Istati Membri li fih japplikaw il-garanziji addizzjonali għar-rinotrakeite bovina infettiva skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 64/432/KEE

Il-Belġju

Ir-reġjuni kollha

Franza

Région Auvergne et Rhône-Alpes

Région Bourgogne-Franche-Comté

Région Bretagne

Région Centre-Val de Loire

Région Grande Est

Région Hauts-de-France

Région Ile-de-France

Région Normandie

Région Nouvelle-Aquitaine

Région Occitanie

Région Pays de la Loire

Région Provence-Alpes-Côte d'Azur

L-Italja

Ir-reġjun ta’ Friuli-Venezia Giulia

Il-provinċja awtonoma ta’ Trento

Il-Lussemburgu

Ir-reġjuni kollha

ANNESS II

Stat Membru

Reġjun tal-Istati Membri li fih japplikaw il-garanziji addizzjonali għar-rinotrakeite bovina infettiva skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 64/432/KEE

Iċ-Ċekja

Ir-reġjuni kollha

Id-Danimarka

Ir-reġjuni kollha

Il-Ġermanja

Ir-reġjuni kollha

L-Italja

Ir-reġjun ta’ Valle d'Aosta

Il-provinċja awtonoma ta’ Bolzano

L-Awstrija

Ir-reġjuni kollha

Il-Finlandja

Ir-reġjuni kollha

L-Iżvezja

Ir-reġjuni kollha

Ir-Renju Unit

Jersey


10.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 374/11


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1664

tad-9 ta’ Novembru 2020

dwar ċerti miżuri protettivi interim relatati mal-influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N8 fil-Ġermanja

(notifikata bid-dokument C(2020) 7887)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3) tagħha,

Billi:

(1)

L-influwenza avjarja hija marda virali infettiva fl-għasafar, inkluż il-pollam. L-infezzjonijiet bil-viruses tal-influwenza avjarja fil-pollam domestiku jikkawżaw żewġ forom ewlenin ta’ dik il-marda li jvarjaw fil-virulenza tagħhom. Il-forma b’patoġeniċità baxxa ġeneralment tikkawża biss sintomi ħfief, filwaqt li l-forma b’patoġeniċità għolja twassal għal rati ferm għoljin ta’ mortalità fil-biċċa l-kbira tal-ispeċijiet tal-pollam. Il-marda jaf tħalli impatt serju fuq il-profittabbiltà tat-trobbija tal-pollam u tikkawża tfixkil tal-kummerċ fl-Unjoni u fl-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

(2)

Mill-2005 ’l hawn, il-viruses tal-influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja (HPAI) tas-sottotip H5 urew li kapaċi jinfettaw lill-għasafar migratorji, u mbagħad dawn jistgħu jxerrdu dawn il-viruses fuq distanzi twal tul il-migrazzjonijiet tagħhom tal-ħarifa u tar-rebbiegħa.

(3)

Il-preżenza ta’ viruses tal-HPAI fl-għasafar selvaġġi hija theddida kontinwa għall-introduzzjoni diretta u indiretta ta’ dawn il-viruses fl-azjendi fejn jinżamm il-pollam jew fejn jinżammu għasafar tat-trobbija oħra.

(4)

Fil-każ ta’ tifqigħa tal-HPAI, hemm riskju li l-aġent tal-marda jinfirex f’azjendi oħra fejn jinżamm il-pollam jew fejn jinżammu għasafar tat-trobbija oħra.

(5)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE (3) tistabbilixxi ċerti miżuri preventivi relatati mas-sorveljanza u mad-detezzjoni bikrija tal-influwenza avjarja u miżuri minimi ta’ kontroll li jridu jiġu applikati fil-każ ta’ tifqigħa ta’ dik il-marda fil-pollam jew f’għasafar tat-trobbija oħra. Dik id-Direttiva tipprevedi l-istabbiliment ta’ żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza fil-każ ta’ tifqigħa tal-HPAI. Din ir-reġjonalizzazzjoni tiġi applikata b’mod partikolari biex jiġi ppreservat l-istatus tas-saħħa tal-għasafar fil-kumplament tat-territorju tal-Istat Membru permezz tal-prevenzjoni tal-introduzzjoni tal-aġent patoġeniku u l-iżgurar tad-detezzjoni bikrija tal-marda.

(6)

Riċentement, il-Ġermanja kkonfermat il-preżenza tal-virus tal-HPAI tas-sottotip H5N8 fl-għasafar selvaġġi migratorji u mhux migratorji fit-territorju tagħhom.

(7)

Barra minn hekk, riċentement il-Ġermanja għarrfet lill-Kummissjoni dwar tifqigħa tal-HPAI tas-sottotip H5N8 fit-territorju tiegħu, f’azjenda fejn jinżamm il-pollam jew fejn jinżammu għasafar tat-trobbija oħra fid-distrett ta’ Nordfriesland, u minnufih ħa l-miżuri meħtieġa skont id-Direttiva 2005/94/KE, inkluż l-istabbiliment ta’ żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza.

(8)

Il-Kummissjoni eżaminat dawk il-miżuri b’kollaborazzjoni mal-Ġermanja, u ħarġet sodisfatta li l-fruntieri ta’ dawk iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti mill-awtorità kompetenti f’dak l-Istat Membru, jinsabu ’l bogħod biżżejjed mill-azjenda fejn ġiet ikkonfermata t-tifqigħa.

(9)

Għall-prevenzjoni ta’ kull tfixkil bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u għall-evitar ta’ ostaki mhux ġustifikati għall-kummerċ imposti minn pajjiżi terzi, jeħtieġ jiġu deskritti malajr iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti fir-rigward tal-HPAI fil-Ġermanja fil-livell tal-Unjoni.

(10)

Għaldaqstant, sakemm jerġa' jitlaqqa’ l-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza fil-Ġermanja, fejn qed jiġu applikati l-miżuri ta’ kontroll għas-saħħa tal-annimali stipulati fid-Direttiva 2005/94/KE, jenħtieġ jiġu definiti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u jenħtieġ jiġi ffissat it-tul taż-żmien ta’ dik ir-reġjonalizzazzjoni.

(11)

Din id-Deċiżjoni se tiġi rieżaminata fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ġermanja għandha tiżgura li ż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2005/94/KE jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati fil-Parti A u fil-Parti B tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-28 ta’ Frar 2021.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16).


ANNESS

PARTI A

Żona ta’ protezzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 1:

Stat Membru: Il-Ġermanja

Żona li tinkludi:

Id-data sa meta applikabbli skont l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2005/94/KE

SCHLESWIG-HOLSTEIN

Landkreis Nordfriesland

Hallig Oland

1.12.2020

PARTI B

Żona ta’ sorveljanza kif imsemmi fl-Artikolu 1:

Stat Membru: Il-Ġermanja

Żona li tinkludi:

Data sa meta applikabbli skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2005/94/KE

SCHLESWIG-HOLSTEIN

Landkreis Nordfriesland

Gemeinde Galmsbüll

Gemeinde Dagebüll

Gemeinde Ockholm

Hallig Gröde

Hallig Langeneß

Gemeinde Wyk auf Föhr

Gemeinde Wrixum

Gemeinde Oevenum

10.12.2020

Landkreis Nordfriesland

Hallig Oland

Mit-2.12.2020 sal-10.12.2020