ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 372I

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
9 ta' Novembru 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1655 tas-6 ta’ Novembru 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2019/1890 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet ta’ tħaffir mhux awtorizzat tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran

1

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1656 tas-6 ta’ Novembru 2020 dwar l-appoġġ mill-Unjoni għall-attivitajiet tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) fl-oqsma tas-sigurtà nukleari u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva

4

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1657 tas-6 ta’ Novembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/1894 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet ta’ tħaffir mhux awtorizzat tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran

16

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

9.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 372/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1655

tas-6 ta’ Novembru 2020

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2019/1890 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet ta’ tħaffir mhux awtorizzat tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1890 tal-11 ta’ Novembru 2019 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet ta’ tħaffir mhux awtorizzat tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l‐Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-11 ta’ Novembru 2019, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2019/1890.

(2)

Abbażi ta’ rieżami tal-miżuri, l-entrati fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2019/1890 jenħtieġ li tiġi aġġornata u emendata.

(3)

L-Anness I għar-Regolament (UE) 2019/1890 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) 2019/1890 huwa emendat f’konformità mal-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  ĠU L 291, 12.11.2019, p. 3.


ANNESS

Fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2019/1890, l-entrati 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“1.

Mehmet Ferruh AKALIN

Data tat-twelid: 9.12.1960

Numru tal-passaport jew tal-karta tal-identità: 13571379758

Nazzjonalità: Turkija

Ġeneru: maskil

Mehmet Ferruh Akalın huwa Viċi President (Assistant General Manager) u membru tal-Bord tad-Diretturi tat-Turkish Petroleum Corporation (TPAO). Huwa l-kap tad-Dipartimenti tat-TPAO għall-Esplorazzjoni, iċ-Ċentru għar-Riċerka u l-Iżvilupp u t-Teknoloġiji tal-Informazzjoni.

Fil-kapaċità tiegħu bħala Viċi President tat-TPAO u kap tad-Dipartiment għall-Esplorazzjoni tagħha, Mehmet Ferruh Akalın huwa responsabbli għall-ippjanar, id-direzzjoni u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tat-TPAO għall-esplorazzjoni għall-idrokarburi fil-baħar. Dawn jinkludu l-attivitajiet ta’ tħaffir tat-TPAO li ma ġewx awtorizzati mir-Repubblika ta’ Ċipru, kif jidher hawn taħt.

Dawk l-attivitajiet ta’ tħaffir mhux awtorizzat twettqu minn:

(a)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz fil-baħar territorjali tar-Repubblika ta’ Ċipru bejn Lulju u Settembru 2019;

(b)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti u delimitata fi ftehim mal-Eġittu, bejn Ottubru 2019 u Jannar 2020;

(c)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti u delimitata fi ftehim mal-Eġittu, kif ukoll fi ftehim mal-Iżrael, bejn Jannar u April 2020;

(d)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti u delimitata fi ftehim mal-Eġittu, bejn April u Settembru 2020;

(e)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Fatih fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti, qrib ħafna għall-baħar territorjali tagħha, bejn Novembru 2019 u Jannar 2020;

(f)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Fatih fil-parti tal-punent taż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti, bejn Mejju u Novembru 2019.

27.2.2020

2.

Ali Coscun NAMOGLU

Data tat-twelid: 27.11.1956

Numru tal-passaport jew tal-karta tal-identità: 11096919534

Nazzjonalità: Turkija

Ġeneru: maskil

Ali Coscun Namoglu huwa l-Viċi Direttur tad-Dipartiment għall-Esplorazzjoni tat-Turkish Petroleum Corporation (TPAO).

F’din il-kapaċità, Ali Coscun Namoglu huwa involut fl-ippjanar, id-direzzjoni u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tat-TPAO għall-esplorazzjoni għall-idrokarburi fil-baħar. Dawn jinkludu l-attivitajiet ta’ tħaffir tat-TPAO li ma ġewx awtorizzati mir-Repubblika ta’ Ċipru, kif jidher hawn taħt.

Dawk l-attivitajiet ta’ tħaffir mhux awtorizzat twettqu minn:

(a)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz fil-baħar territorjali tar-Repubblika ta’ Ċipru bejn Lulju u Settembru 2019;

(b)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti u delimitata fi ftehim mal-Eġittu, bejn Ottubru 2019 u Jannar 2020;

(c)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti u delimitata fi ftehim mal-Eġittu, kif ukoll fi ftehim mal-Iżrael, bejn Jannar 2020 u April 2020;

(d)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti u delimitata fi ftehim mal-Eġittu, bejn April u Settembru 2020;

(e)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Fatih fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti, qrib ħafna għall-baħar territorjali tagħha, bejn Novembru 2019 u Jannar 2020;

(f)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Fatih fil-parti tal-punent taż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti, bejn Mejju u Novembru 2019.

27.2.2020”


DEĊIŻJONIJIET

9.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 372/4


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/1656

tas-6 ta’ Novembru 2020

dwar l-appoġġ mill-Unjoni għall-attivitajiet tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) fl-oqsma tas-sigurtà nukleari u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (“l-Istrateġija”), li l-Kapitolu III tagħha fih lista ta’ miżuri li jeħtieġ li jittieħdu kemm fl-Unjoni kif ukoll f’pajjiżi terzi biex tiġi miġġielda tali proliferazzjoni.

(2)

L-Unjoni qiegħda timplimenta attivament l-Istrateġija u qiegħda tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, b’mod partikolari permezz tar-rilaxx ta’ riżorsi finanzjarji biex tappoġġa proġetti speċifiċi mwettqa minn istituzzjonijiet multilaterali, bħall-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA).

(3)

Fis-17 ta’ Novembru 2003, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/805/PESK (1). Dik il-Pożizzjoni Komuni tappella, fost oħrajn, għall-promozzjoni tal-konklużjoni tal-ftehimiet komprensivi ta’ salvagwardja u protokolli addizzjonali tal-IAEA u timpenja lill-Unjoni biex taħdem sabiex il-Protokoll Addizzjonali u l-ftehimiet komprensivi ta’ salvagwardja jsiru l-istandard għas-sistema ta’ verifika tal-IAEA.

(4)

Fis-17 ta’ Mejju 2004, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2004/495/PESK (2).

(5)

Fit-18 ta’ Lulju 2005, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/574/PESK (3).

(6)

Fit-12 ta’ Ġunju 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/418/PESK (4).

(7)

Fl-14 ta’ April 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/314/PESK (5).

(8)

Fis-27 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/585/PESK (6).

(9)

Fil-21 ta’ Ottubru 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/517/PESK (7).

(10)

Fil-21 ta’ Diċembru 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/2383 (8) u, fit-8 ta’ Ġunju 2020, estenda t-tul ta’ żmien tagħha permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/755 (9).

(11)

Fit-8 ta’ Mejju 2016, l-Emenda għall-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari (CPPNM) daħlet fis-seħħ. L-Istati Membri kollha tal-UE, kif ukoll il-Komunità tal-Euratom, huma Partijiet għall-Emenda tal-2005 għall-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari (ACPPNM). L-Unjoni tkompli tippromwovi l-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni effettiva tagħha, inkluż permezz ta’ appoġġ għall-attivitajiet ta’ sigurtà nukleari implimentati taħt il-Pjan għas-Sigurtà Nukleari 2018-2021 tal-IAEA.

(12)

Filwaqt li tafferma mill-ġdid li r-responsabbiltà għas-sigurtà nukleari fi Stat taqa’ kompletament fuq l-Istat, l-Unjoni hija impenjata li tkompli ssaħħaħ is-sigurtà nukleari permezz tal-implimentazzjoni kemm ta’ miżuri ta’ sigurtà nazzjonali kif ukoll ta’ kooperazzjoni internazzjonali. L-Unjoni ser tkompli tappoġġa l-ħidma tal-IAEA fl-assistenza lill-Istati Membri, fuq talba, fl-istabbiliment u t-titjib ta’ reġimi nazzjonali ta’ sigurtà nukleari effettivi u sostenibbli. L-appoġġ tal-Unjoni b’hekk ser ikun konformi mad-Dikjarazzjoni Ministerjali u s-sejbiet tal-“Konferenza Internazzjonali dwar is-Sigurtà Nukleari – Sostenn u Tisħiħ tal-Isforzi” (il-Konferenza ICONS) li tlaqqgħet fil-Kwartieri Ġenerali tal-IAEA fi Vjenna fl-10 sal-14 ta’ Frar 2020. Hija ser tkompli tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pjan għas-Sigurtà Nukleari 2018-21 tal-IAEA, approvat mill-Bord tal-Gvernaturi tal-IAEA fit-13 ta’ Settembru 2017 u approvat mill-Konferenza Ġenerali fl-14 ta’ Settembru 2017. L-Unjoni għandha l-għan li żżomm is-sostenibbiltà u l-effettività tal-implimentazzjoni tal-Azzjonijiet Konġunti u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill preċedenti b’appoġġ għall-Pjanijiet għas-Sigurtà Nukleari tal-IAEA,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Għall-fini tat-tkomplija tal-implimentazzjoni effettiva tal-Istrateġija, l-Unjoni għandha tappoġġa l-attivitajiet tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) li għandhom l-għan li:

(a)

jikkontribwixxu għall-isforzi globali biex tinkiseb sigurtà nukleari effettiva, billi jistabbilixxu gwida komprensiva dwar is-sigurtà nukleari u, fuq talba, jippromwovu l-użu ta’ din il-gwida permezz ta’ evalwazzjonijiet bejn il-pari u servizzi konsultattivi u l-bini tal-kapaċità, inkluż l-edukazzjoni u t-taħriġ;

(b)

jassistu fl-aderenza ma’, u l-implimentazzjoni ta’, strumenti legali internazzjonali rilevanti, u fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali u l-koordinazzjoni tal-assistenza; u

(c)

jappoġġaw il-mandat tal-IAEA biex taqdi rwol ċentrali u jsaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali fis-sigurtà nukleari, b’rispons għall-prijoritajiet tal-Istati Membri espressi permezz tad-deċiżjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tal-Organi tat-Tfassil tal-Politika tal-IAEA.

2.   Il-proġetti li ser jiġu ffinanzjati mill-Unjoni għandhom jappoġġaw:

(a)

proġetti ta’ prijorità u trasversali fis-sigurtà nukleari bħall-Universalizzazzjoni tal-Emenda għall-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari, is-Sigurtà tal-Kompjuter u s-Servizzi tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u t-Tisħiħ tal-Kultura tas-Sigurtà Nukleari;

(b)

il-ġestjoni tal-informazzjoni b’enfasi fuq il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet, il-prijoritajiet u t-theddid tas-sigurtà nukleari;

(c)

is-sigurtà nukleari ta’ materjali u faċilitajiet assoċjati b’enfasi fuq it-titjib tal-protezzjoni fiżika u l-kontabbiltà u l-kontroll tal-materjal nukleari għaċ-ċiklu kollu tal-fjuwil u dokument kunċettwali dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni fiżika fl-era tal-COVID-19;

(d)

is-sigurtà nukleari ta’ materjali li ma jaqgħux taħt il-kontroll regolatorju b’enfasi fuq infrastruttura ta’ rispons istituzzjonali għal materjal li ma jaqax taħt il-kontroll regolatorju;

(e)

l-iżvilupp ta’ programmi u l-kooperazzjoni internazzjonali b’enfasi fuq l-iżvilupp tal-programm ta’ edukazzjoni u taħriġ;

(f)

il-bini tal-kapaċità ffukat fuq il-ġeneru u l-edukazzjoni fis-sigurtà nukleari.

3.   Fl-implimentazzjoni tal-proġetti msemmija fil-paragrafu 2, li jipprovdu appoġġ għall-attivitajiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, għandha tkun assigurata l-viżibbiltà tal-Unjoni kif ukoll il-ġestjoni xierqa tal-programm fl-eżekuzzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

4.   Il-proġetti msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jitwettqu għall-benefiċċju tal-Istati Membri kollha tal-IAEA u tal-Istati mhux Membri tal-IAEA.

5.   Il-komponenti kollha tal-proġett għandhom ikunu appoġġati minn attivitajiet proattivi u innovattivi ta’ komunikazzjoni mal-pubbliku, u r-riżorsi għandhom jiġu allokati kif meħtieġ.

6.   Deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti msemmija fil-paragrafu 2 tinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”) għandu jkun responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mill-IAEA. Hija għandha twettaq dan il-kompitu taħt il-kontroll tar-Rappreżentant Għoli. Għal dan il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-IAEA.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implementazzjoni tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta’ EUR 11 582 300.

2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandu jkun amministrat f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tissorvelja l-amministrazzjoni tajba tal-ammont ta’ referenza finanzjarja msemmi fil-paragrafu 1. Għal dak l-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta’ finanzjament mal-IAEA. Il-ftehim ta’ finanzjament għandu jistipula li l-IAEA għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, b’mod adatt skont id-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament.

Artikolu 4

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari mħejjija mill-IAEA. Dawk ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3) jew sitt xhur wara d-data tal-adozzjoni tagħha jekk ebda ftehim ta’ finanzjament ma jkun ġie konkluż f’dak il-perijodu.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/805/PESK tas-17 ta’ November 2003 dwar l-universalizzazzjoni u t-tisħiħ tal-ftehim multilaterali fil-qasam tal-kontroll tal-armi għad-distruzzjoni tal-massa u l-mezzi ta’ twassil tagħhom (ĠU L 302, 20.11.2003, p. 34).

(2)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/495/PESK tas-17 ta’ Mejju 2004 dwar l-appoġġ għall-attivitajiet tal-IAEA taħt il-Programm ta’ Sigurtà Nukleari tagħha u fil-kwadru tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda tal-Massa (ĠU L 182, 19.5.2004, p. 46).

(3)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/574/PESK tat-18 ta’ Lulju 2005 dwar sostenn għall-attivitajiet tal-IAEA fl-oqsma tas-sigurtà u l-verifika nukleari u fil-qafas tal-implementazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Distruzzjoni Massiva (ĠU L 193, 23.7.2005, p. 44).

(4)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/418/PESK tat-12 ta’ Ġunju 2006 dwar l-appoġġ għall-attivitajiet tal-AIEA (Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika) fl-oqsma tas-sigurtà u l-verifika nukleari u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi tal-Qerda tal-Massa (ĠU L 165, 17.6.2006, p. 20).

(5)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/314/PESK tal-14 ta’ April 2008 dwar l-appoġġ għall-attivitajiet tal-IAEA fl-oqsma tas-sigurtà u l-verifika nukleari u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda tal-Massa (ĠU L 107, 17.4.2008, p. 62).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/585/PESK tas-27 ta’ Settembru 2010 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-IAEA fl-oqsma tas-sigurtà u l-verifika nukleari u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva(ĠU L 259, 1.10.2010, p. 10).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/517/PESK tal-21 ta’ Ottubru 2013 dwar appoġġ mill-Unjoni għall-attivitajiet tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika fl-oqsma tas-sigurtà u l-verifika nukleari u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 281, 23.10.2013, p. 6)

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2383 tal-21 ta’ Diċembru 2016 dwar l-appoġġ mill-Unjoni għall-attivitajiet tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika fl-oqsma tas-sigurtà nukleari u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 352, 23.12.2016, p. 74).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-kunsill (PESK) 2020/755 tat-8 ta’ Ġunju 2020 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/2383 dwar l-appoġġ mill-Unjoni għall-attivitajiet tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika fl-oqsma tas-sigurtà nukleari u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 179I, 9.6.2020, p. 2).


ANNESS

1.   

Intestatura 1: Proġetti ta’ Prijorità u Trasversali fis-Sigurtà Nukleari

Proġett 1: Universalizzazzjoni tal-Emenda tal-2005 għall-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari (ACPPNM)

Sfond

Bil-għan li tiġi ffaċilitata l-aderenza mal-Emenda u l-implimentazzjoni tagħha, l-IAEA tipprovdi assistenza leġiżlattiva u teknika fuq talba. Din tinkludi:

1.

Assistenza fl-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni nazzjonali, inkluż il-provvediment ta’ korsijiet ta’ taħriġ u seminars nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, assistenza bilaterali fl-abbozzar ta’ liġijiet nazzjonali u t-taħriġ ta’ individwi.

2.

Assistenza fl-istabbiliment, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ reġim ta’ protezzjoni fiżika ta’ Stat, inkluż il-forniment ta’ servizzi ta’ sigurtà nukleari, bħal reviżjonijiet bejn il-pari u servizzi konsultattivi, korsijiet ta’ taħriġ nazzjonali u reġjonali u workshops immirati lejn it-tisħiħ tal-kapaċità u l-iżvilupp tar-riżorsi umani meħtieġa u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ Pjanijiet ta’ Appoġġ Integrati għas-Sigurtà Nukleari (INSSPs).

Għanijiet

L-għanijiet ser ikunu li tingħata assistenza fl-iżvilupp u l-promozzjoni tas-sigurtà nukleari globalment, inkluż il-produzzjoni u l-użu rilevanti ta’ gwida fis-Sensiela tal-IAEA dwar is-Sigurtà Nukleari, biex tiġi promossa l-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari (CPPNM) u l-Emenda tagħha, flimkien imsejħa A/CPPNM, u biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni dwar is-sigurtà nukleari u jissaħħaħ il-qafas legali internazzjonali.

Riżultati

1.

Rieżami tal-ACPPNM fil-Konferenza tal-Istati Parti tal-2021.

2.

Workshops Internazzjonali, Reġjonali u Nazzjonali – fuq talba mill-Istati Membri – għall-promozzjoni tal-universalizzazzjoni tas-CPPNM u l-għarfien.

3.

Żvilupp ta’ materjal ta’ sensibilizzazzjoni biex titħeġġeġ aktar aderenza mal-ACPPNM.

Eżitu

Kontributi tal-IAEA għall-aderenza mal-A/CPPNM

Proġett 2: Servizzi ta’ Sigurtà tal-Kompjuter u tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni

Sfond

Is-sigurtà tal-informazzjoni u tal-kompjuter tibqa’ element kritiku għall-Istati fit-titjib tal-kapaċitajiet ta’ sigurtà nukleari tagħhom.

Is-sigurtà nukleari tiffoka fuq il-prevenzjoni ta’, is-sejbien ta’, u r-rispons għal, atti kriminali jew intenzjonali mhux awtorizzati li jinvolvu jew diretti lejn materjal nukleari, materjal radjuattiv ieħor, faċilitajiet assoċjati, jew attivitajiet assoċjati. Ir-responsabbiltà għas-sigurtà nukleari fi Stat taqa’ kompletament f’idejn l-Istat, li għandu jiżgura s-sigurtà ta’ materjal nukleari, materjal radjuattiv ieħor, faċilitajiet assoċjati, u attivitajiet assoċjati taħt il-ġuriżdizzjoni tiegħu. Kull Stat għandu l-għan li jikseb is-sigurtà nukleari billi joħloq ir-reġim tas-sigurtà nukleari tiegħu stess li jkun xieraq għal dak l-Istat. Il-kompjuters għandhom rwol essenzjali fl-aspetti kollha tal-ġestjoni tat-tħaddim sikur u sigur tal-faċilitajiet nukleari, inkluża s-sigurtà tal-kompjuter u ż-żamma tal-protezzjoni fiżika. Huwa ta’ importanza vitali li dawn is-sistemi kollha jkunu protetti kif xieraq kontra intrużjonijiet malizzjużi. Bil-kapaċitajiet u l-attributi tat-theddid li dejjem qed jinbidlu, is-sigurtà tal-informazzjoni u tal-kompjuter qed tevolvi kontinwament u qed jitfaċċaw kontinwament tekniki, tattiċi u proċessi ġodda ta’ theddid. L-IAEA twettaq ħidma mmirata lejn id-difiża kontra din it-theddida li qed tevolvi.

Għanijiet

It-titjib tas-sigurtà tal-kompjuter u l-kapaċitajiet tas-sigurtà tal-informazzjoni fl-Istati.

Riżultati

1.

Jiġu kompletati u jinżammu aġġornati l-informazzjoni u l-pubblikazzjonijiet ta’ gwida dwar is-sigurtà tal-kompjuter fis-Sensiela tal-IAEA dwar is-Sigurtà Nukleari (Dokumenti ta’ gwida ġodda u aġġornati) u dokumenti u pubblikazzjonijiet tekniċi relatati.

2.

L-Ospitar ta’ laqgħat ta’ esperti speċifiċi għas-sigurtà tal-kompjuter ta’ faċilitajiet nukleari biex jibqgħu aġġornati mal-iżviluppi f’dan il-qasam.

3.

Korsijiet ta’ taħriġ, eżerċizzji u workshops.

4.

Assistenza teknika pprovduta lill-Istati fis-sigurtà tal-kompjuter.

Eżitu

1.

Kontribuzzjonijiet tal-IAEA għal kapaċitajiet imtejba ta’ sigurtà tal-informazzjoni u tal-kompjuter fil-livelli tal-Istat, tal-awtorità kompetenti, u tal-faċilitajiet biex jiġu appoġġati l-prevenzjoni u d-detezzjoni ta’ inċidenti relatati mas-sigurtà tal-kompjuter u r-rispons għalihom li għandhom il-potenzjal li jkollhom impatt negattiv dirett jew indirett fuq is-sikurezza u s-sigurtà nukleari.

2.

It-titjib tal-kooperazzjoni internazzjonali billi jitlaqqgħu flimkien esperti u dawk li jfasslu l-politika biex jippromwovu l-iskambju ta’ informazzjoni u esperjenzi fis-sigurtà tal-kompjuter.

3.

Jinżammu pubblikazzjonijiet ta’ gwida u dokumenti tekniċi fil-qasam tas-sigurtà tal-informazzjoni u tal-kompjuter għas-sigurtà nukleari.

Proġett 3: Tisħiħ tal-Kultura tas-Sigurtà Nukleari

Sfond

Il-kultura tas-sigurtà nukleari hija approċċ multidixxiplinari biex il-forza tax-xogħol titħejja kontra theddid kemm minn barra kif ukoll minn ġewwa, bir-rieda u l-motivazzjoni tagħhom li jsegwu proċeduri stabbiliti, jikkonformaw mar-regolamenti u juru viġilanza. Peress li l-biċċa l-kbira tas-sistemi ta’ sigurtà nukleari huma mfassla, ġestiti u mħaddma mill-bniedem, fl-aħħar mill-aħħar is-suċċess tar-reġim tas-sigurtà nukleari jiddependi fuq in-nies involuti. Il-kultura tas-sigurtà nukleari hija identifikata bħala wieħed minn 12-il prinċipju fundamentali għall-protezzjoni fiżika ta’ materjal u faċilitajiet nukleari fl-ACPPNM kif ukoll wieħed mill-prinċipji bażiċi fil-Kodiċi ta’ Kondotta dwar is-Sikurezza u s-Sigurtà ta’ Materjali Radjuattivi. Il-Gwida ta’ Implimentazzjoni dwar il-Kultura tas-Sigurtà Nukleari, NSS Nru 7 tiddefinixxi l-kultura tas-sigurtà nukleari bħala l-assemblaġġ tal-karatteristiċi, l-attitudnijiet u l-imġiba tal-individwi, l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet, li sservi bħala mezz biex tappoġġa u ssaħħaħ is-sigurtà nukleari. L-NSS Nru 7 tiddefinixxi l-kunċett, tiddeskrivi r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-istituzzjonijiet u l-individwi, u tipprovdi karatteristiċi tal-kultura tas-sigurtà nukleari li jservu biex tinkiseb sigurtà nukleari effettiva.

Il-proġett jiffoka fuq l-appoġġ għall-iżvilupp tar-riżorsi umani tal-Istati Membri permezz ta’ workshops, korsijiet ta’ taħriġ u seminars ta’ għarfien, appoġġ għat-twettiq tal-awtovalutazzjoni tal-kultura tas-sigurtà nukleari u l-promozzjoni tal-esperjenza u l-kondiviżjoni tal-għarfien dwar għodod u metodoloġiji ta’ awtovalutazzjoni u prattiki tajba tal-kultura tas-sigurtà nukleari.

Għan

L-assistenza lill-Istati fit-tisħiħ tal-kultura tas-sigurtà tagħhom.

Riżultati

1.

L-organizzazzjoni ta’ workshops internazzjonali dwar il-kultura tas-sigurtà nukleari biex jiġi appoġġat l-iżvilupp tar-riżorsi umani tal-Istati Membri.

2.

L-iżvilupp u l-konsolidazzjoni ta’ materjal u għodod ta’ gwida u ta’ taħriġ tal-kultura tas-sigurtà nukleari, inklużi għodod ta’ awtovalutazzjoni.

Eżitu

Il-promozzjoni ta’ skambji internazzjonali ta’ esperjenza, għarfien u prattiki tajba fir-rigward ta’ modi kif tiġi żviluppata, imrawma u miżmuma kultura robusta tas-sigurtà nukleari kompatibbli mar-reġimi tas-sigurtà nukleari tal-Istati.

2.   

Intestatura 2: Ġestjoni tal-Informazzjoni

Proġett 1: Valutazzjoni tal-Ħtiġijiet, il-Prijoritajiet u t-Theddid għas-Sigurtà Nukleari (missjonijiet INSSP)

Sfond

L-IAEA tassisti lill-Istati individwali li jitolbu dan biex jidentifikaw u jindirizzaw il-ħtiġijiet tas-sigurtà nukleari permezz tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ INSSPs u l-iżvilupp ta’ għodod ta’ awtovalutazzjoni. Ir-responsabbiltà għas-sigurtà nukleari fi Stat taqa’ kompletament f’idejn l-Istat, li għandu jiżgura s-sigurtà ta’ materjal nukleari, materjal radjuattiv ieħor, faċilitajiet assoċjati, u attivitajiet assoċjati taħt il-ġuriżdizzjoni tiegħu. L-IAEA tappoġġa l-isforzi tal-Istati biex jistabbilixxu reġimi tas-sigurtà nukleari effettivi u sostenibbli, u l-INSSP huwa mekkaniżmu effettiv f’dan ir-rigward. L-INSSP huwa dokument li mhuwiex legalment vinkolanti, madankollu l-approvazzjoni jew l-iffirmar tiegħu mill-Istat jitqiesu bħala indikattivi ta’ impenn biex titkompla l-implimentazzjoni tat-titjib tas-sigurtà nukleari maqbul li jinsab fih. L-INSSP huwa mfassal biex jgħin fl-ippjanar strateġiku tal-attivitajiet ta’ sigurtà nukleari fi Stat u biex jiżgura s-sjieda tal-Istat tat-titjib meħtieġ biex isaħħaħ ir-reġim tas-sigurtà nukleari tiegħu. Huwa jipprovdi valutazzjoni tal-ħtiġijiet tas-sigurtà nukleari tal-Istat u jaqbad attivitajiet li qed jitwettqu, jew li huma ppjanati li jitwettqu, minn Stat u f’kooperazzjoni, fejn xieraq, mal-IAEA jew sħab internazzjonali oħra.

L-INSSP huwa organizzat f’qafas ġenerali ta’ oqsma u objettivi tas-sigurtà nukleari li jipprovdu approċċ sistematiku għall-Istat biex jidentifika l-ħtiġijiet tas-sigurtà nukleari tiegħu. L-intenzjoni hija li Stat jiġi pprovdut b’elementi ġenerali ta’ sigurtà nukleari ta’ natura strateġika biex jgħinu jiggwidaw lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-objettivi ta’ ppjanar strateġiku bi ħsieb fit-tul li jiġu stabbiliti reġimi ta’ sigurtà nukleari awtosuffiċjenti. L-INSSP huwa strutturat madwar sitt oqsma funzjonali: (1) Qafas Leġiżlattiv u Regolatorju; (2) Valutazzjoni tat-Theddid u tar-Riskju; (3) Reġim ta’ Protezzjoni Fiżika; (4) Detezzjoni ta’ atti kriminali u atti oħra mhux awtorizzati li jinvolvu materjal li ma jaqax taħt kontroll regolatorju; (5) Rispons għal avvenimenti ta’ sigurtà nukleari; u (6) Sostenn tar-reġim tas-sigurtà nukleari ta’ Stat. Minbarra l-missjonijiet tal-INSSP, l-IAEA torganizza wkoll Laqgħat Tekniċi tal-Punti ta’ Kuntatt tal-INSSP.

Il-proċess tal-INSSP huwa appoġġat mis-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Informazzjoni dwar is-Sigurtà Nukleari (NUSIMS), sistema volontarja mfassla biex tassisti lill-Istati Membri fir-rieżami tal-istatus tal-infrastruttura tas-sigurtà nukleari tagħhom permezz ta’ Awtovalutazzjoni, kif ukoll fit-traċċar tal-progress tagħhom lejn l-istabbiliment, iż-żamma u s-sostenn ta’ reġim effettiv tas-sigurtà nukleari. L-istruttura ta’ informazzjoni tan-NUSIMS tirrifletti Żoni ta’ Sigurtà Nukleari operazzjonali (NSAs) ewlenin u hija bbażata fuq il-pubblikazzjonijiet dwar il-Prinċipji Fundamentali u r-Rakkomandazzjonijiet tas-Sigurtà Nukleari maħruġa fis-Sensiela tal-IAEA dwar is-Sigurtà Nukleari.

Għanijiet

Jiġu identifikati u kkonsolidati l-ħtiġijiet tas-sigurtà nukleari ta’ Stati individwali f’dokument integrat li jinkludi t-titjib meħtieġ fis-sigurtà nukleari, kif ukoll biex jiġi pprovdut qafas imfassal apposta għall-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ attivitajiet ta’ sigurtà nukleari mwettqa mill-Istat, l-IAEA u donaturi potenzjali.

Tinżamm pjattaforma ta’ informazzjoni komprensiva li tipprovdi fehim tajjeb tal-ħtiġijiet tas-sigurtà nukleari tal-Istati globalment u tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pjan għas-Sigurtà Nukleari.

Riżultati

1.

Żvilupp u implimentazzjoni tal-INSSPs.

2.

Rieżami u allinjament mill-ġdid mal-istruttura tal-INSSP ta’ mekkaniżmu volontarju ta’ awtovalutazzjoni jew għodda għall-użu tal-Istati (NUSIMS).

3.

Laqgħat Tekniċi tal-Punti ta’ Kuntatt tal-INSSP.

4.

Finalizzazzjoni tal-Manwal għall-Utenti tal-INSSP.

Eżitu

Valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ sigurtà nukleari tal-Istati li jagħmlu t-talba, u l-għoti ta’ appoġġ billi jiġi stabbilit ippjanar strateġiku ta’ attivitajiet rakkomandati ta’ sigurtà nukleari biex jiġu żgurati l-istabbiliment, il-manutenzjoni u s-sostenibbiltà ta’ reġim effettiv tas-sigurtà nukleari biex jgħin lill-Istati b’aderenza mal-obbligi tal-A/CPPNM.

3.   

Intestatura 3: Sigurtà Nukleari ta’ Materjali u Faċilitajiet Assoċjati

Proġett 1: Titjib tal-Protezzjoni Fiżika u l-Kontabbiltà u l-Kontroll tal-Materjal Nukleari għaċ-Ċiklu Kollu tal-Fjuwil

Sfond

Attivitajiet relatati mas-sigurtà nukleari ta’ materjal nukleari fl-użu u l-ħżin, is-sigurtà nukleari taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari u l-faċilitajiet assoċjati matul il-ħajja tagħhom, inkluż il-kontabbiltà u l-kontroll ta’ materjal nukleari għal finijiet ta’ sigurtà nukleari, u l-implimentazzjoni teknika tal-A/CPPNM. L-Aġenzija tiżviluppa gwida u tipprovdi taħriġ u assistenza lill-Istati, fuq talba, għat-titjib tas-sigurtà tal-materjali nukleari bl-użu tal-kontabbiltà u l-kontroll. Il-proġett ser jiffoka fuq l-indirizzar ta’ “theddida minn ġewwa”. Il-programm “Theddida Minn Ġewwa” tal-IAEA jipprovdi gwida dwar miżuri preventivi u protettivi ta’ sigurtà nukleari biex tiġi mitigata t-theddida minn ġewwa. Il-proġett ser jindirizza wkoll il-kontabbiltà u l-kontroll tal-materjal nukleari (NMAC). Sistema NMAC tgħin biex tiskoraġġixxi u tidentifika t-tneħħija mhux awtorizzata ta’ materjal nukleari billi żżomm inventarju tal-materjal nukleari kollu, inkluż informazzjoni relatata mal-post fejn jinsab. L-objettiv primarju ta’ sistema tal-NMAC huwa li żżomm u tirrapporta informazzjoni preċiża, f’waqtha, kompleta u affidabbli dwar l-attivitajiet u l-operazzjonijiet kollha (inklużi l-movimenti) li jinvolvu materjal nukleari. Is-sistema tal-NMAC fil-livell tal-faċilità hija stabbilita fil-kuntest ta’ qafas regolatorju nazzjonali u hija kkontrollata mill-awtorità kompetenti tal-Istat. Ma għandhiex tiġi konfuża mas-Sistema tal-Istat għall-kontabbiltà u l-kontroll tal-materjal nukleari (SSAC) stabbilita biex tissodisfa l-obbligi ta’ salvagwardja internazzjonali.

L-IAEA investiet riżorsi sinifikanti biex tiżviluppa l-Istitut ipotetiku ta’ Riċerka Nukleari Shapash (SNRI). L-għan ewlieni għall-iżvilupp tal-SNRI kien li l-Istati Membri jkunu jistgħu jitħarrġu dwar kwistjonijiet relatati mas-Sigurtà Nukleari mingħajr ma tiġi żvelata informazzjoni sensittiva dwar il-faċilitajiet attwali u r-riskju li tiġi kompromessa s-sigurtà tagħhom. Il-mudell 3D tal-SNRI huwa għodda utli għal skopijiet ta’ taħriġ dwar is-Sigurtà Nukleari. L-iżvilupp ulterjuri tal-SNRI huwa mistenni li jingrana l-qawwa tal-mudell 3D u jtejjeb l-eżiti tat-taħriġ dwar is-Sigurtà Nukleari. Madankollu, l-użu ta’ 3D u VR għal skopijiet ta’ taħriġ jeħtieġ għarfien u riżorsi speċjalizzati. L-objettivi tat-taħriġ jeħtieġ li jitqabblu mill-qrib mas-soluzzjonijiet teknoloġiċi użati biex jinkisbu. L-IAEA beħsiebha tesplora aktar il-punti b’saħħithom potenzjali tal-mudell 3D tal-SNRI u ssostni l-iżvilupp ta’ materjal edukattiv relatat mal-SNRI fil-futur.

Għanijiet:

Tingħata gwida u għodod għall-prevenzjoni u l-protezzjoni kontra t-tneħħija mhux awtorizzata ta’ materjal nukleari u s-sabotaġġ ta’ materjal u faċilitajiet nukleari minn persuni minn ġewwa.

Li jiġi vvalutat liema Stati Membri tal-IAEA li jipproċessaw, jimmaniġġaw jew jaħżnu materjal nukleari qed jużaw sistema NMAC u tiġi pprovduta assistenza lill-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi tagħhom biex jiġi żgurat Programm NMAC ta’ suċċess. Li jiġi vvalutat liema Stati Membri tal-IAEA li bħalissa ma għandhomx sistema NMAC ikunu jixtiequ jitolbu assistenza fl-istabbiliment ta’ Programm NMAC.

Riżultati

1.

Il-Produzzjoni ta’ pubblikazzjonijiet ta’ gwida rigward is-Sensiela dwar is-Sikurezza Nukleari u ta’ għodod ta’ tagħlim elettroniku għall-ġlieda kontra theddida minn ġewwa u t-tisħiħ tar-rendikont materjali u l-kontroll għal finijiet tas-sigurtà nukleari fil-faċilitajiet.

2.

L-organizzazzjoni ta’ korsijiet tal-għarfien u tat-taħriġ prattiku.

3.

L-organizzazzjoni ta’ korsijiet tal-għarfien u tat-taħriġ prattiku dwar NMAC.

4.

L-Iżvilupp ulterjuri tal-għodda ta’ taħriġ Shapash virtual reality (VR).

Eżitu

L-għoti kontinwu ta’ appoġġ biex jiġu assistiti l-isforzi tal-Istati biex jistabbilixxu reġimi nazzjonali tas-sigurtà nukleari effettivi u sostenibbli li jappoġġaw il-ġlieda kontra theddida minn ġewwa u jsaħħu r-rendikont u l-kontroll għal finijiet tas-sigurtà nukleari fil-faċilitajiet

Proġett 2: Dokument Kunċettwali tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (RPK) dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri tal-protezzjoni fiżika fl-era tal-COVID-19

Sfond

Dan il-proġett ser jindirizza l-applikazzjoni ta’ kontroll tal-aċċess u teknoloġiji tas-sigurtà nukleari oħra fl-ambjent pandemiku fil-faċilitajiet li jaħżnu u jużaw materjal nukleari u materjal radjuattiv ieħor, inkluż faċilitajiet taċ-ċiklu ta’ kombustibbli nukleari, reatturi ta’ riċerka u enerġija, u faċilitajiet tal-materjal radjuattiv. Matul pandemija simili għall-COVID-19, miżuri mediċi maħsuba biex jimminimizzaw it-trażmissjoni tal-virus jistgħu jaffettwaw l-effettività u saħansitra l-applikazzjoni tat-teknoloġiji u l-proċeduri eżistenti tas-sigurtà nukleari bħal miżuri ta’ kontroll tal-aċċess għall-persunal. Il-bidliet fil-protokolli ta’ implimentazzjoni, il-modifika tat-teknoloġiji eżistenti u l-adattament ta’ teknoloġiji ġodda jistgħu jkunu adatti f’xi ambjenti biex jingħelbu l-isfidi minħabba l-COVID-19. Il-proġett ser jirrieżamina l-esperjenza operattiva tal-Istati Membri tal-IAEA fl-użu tal-kontroll tal-aċċess u miżuri oħra tas-sigurtà nukleari matul il-COVID-19 u jidentifika l-isfidi assoċjati u l-prattiki tajbin. Imbagħad ser jipprova jidentifika t-teknoloġiji u l-proċeduri tas-sigurtà nukleari (inkluż fil-qasam tal-kontroll tal-aċċess) li jeħtieġu titjib u jwettaq evalwazzjonijiet fil-laboratorju ta’ modifiki u titjib potenzjali mill-perspettiva tal-implimentazzjoni tagħhom taħt kundizzjonijiet simili għall-COVID-19. L-IAEA ser tiffaċilita l-iskambju ta’ esperjenza operattiva u informazzjoni teknika bejn l-Istati Membri, tippubblika r-rapporti relatati mal-proġett u tappoġġa t-twettiq ta’ ħidma ta’ riċerka fil-laboratorji magħżula tal-Istati Membri.

Għanijiet

Il-proġett ser jipprova jiżgura miżuri effettivi tas-sigurtà nukleari fil-faċilitajiet tal-materjal nukleari u ta’ materjal radjuattiv ieħor matul sitwazzjoni simili għall-COVID-19. Speċifikament, l-għanijiet tal-proġett jinkludu dawn li ġejjin:

1.

Ir-rieżami tal-esperjenza operattiva tal-Istati Membri tal-implimentazzjoni tal-kontroll tal-aċċess u ta’ miżuri oħra tas-sigurtà nukleari matul il-COVID-19.

2.

L-identifikazzjoni tal-isfidi assoċjati u l-prattiki tajbin.

3.

Il-kunsiderazzjoni tal-ħtieġa tal-modifika tat-teknoloġiji eżistenti jew tal-proċeduri assoċjati mal-użu tagħhom, jew l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda biex jittieħed kont tar-rekwiżiti mediċi assoċjati mal-COVID-19.

4.

It-twettiq ta’ valutazzjoni teknika tal-modifiki proposti u tat-teknoloġiji tal-kontroll tal-aċċess li għadhom kif ġew żviluppati u ta’ teknoloġiji oħra tas-sigurtà nukleari biex jittieħed kont tal-kundizzjonijiet tal-pandemija.

Riżultati

1.

Il-gwida ta’ rakkomandazzjonijiet tal-prattiki tajbin u tat-teknoloġija biex tiġi kondiviża l-esperjenza operattiva tal-Istati Membri fis-sigurtà nukleari matul il-COVID-19.

2.

L-identifikazzjoni tal-oqsma tat-teknoloġija li jeħtieġu żvilupp ulterjuri biex jippermettu il-kontroll effettiv tal-aċċess u miżuri oħra tas-sigurtà nukleari taħt kundizzjonijiet simili għall-COVID-19.

Eżiti

Il-miżuri msaħħa tas-sigurtà nukleari għall-prevenzjoni ta’ serq jew sabutaġġ tal-materjal u l-faċilitajiet nukleari u materjal u faċilitajiet radjuattivi oħra matul sitwazzjonijiet simili għal pandemija.

It-teħid ta’ deċiżjonijiet imtejjeb mill-korpi regolatorji u l-industrija dwar l-implimentazzjoni tal-kontroll tal-aċċess u teknoloġiji oħra tas-sigurtà nukleari matul kriżi.

4.   

Intestatura 4: Sigurtà Nukleari ta’ Materjali li Ma Jaqax Taħt il-Kontroll Regolatorju

Proġett 1: Infrastruttura tar-Rispons Istituzzjonali għal Materjal li Ma Jaqax Taħt il-Kontroll Regolatorju

Sfond

Il-proġett jipprovdi assistenza lill-Istati Membri, fuq talba, fl-isforzi tagħhom biex jistabbilixxu l-infrastruttura meħtieġa għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta’ materjal nukleari u materjal radjuattiv ieħor. L-appoġġ għall-infrastruttura taħt il-proġett huwa maqsum f’servizz biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet tal-infrastruttura u l-appoġġ lill-Istati biex jistabbilixxu, jimplimentaw, jissorveljaw, jivvalutaw u jsostnu r-reġim tagħhom tas-sigurtà nukleari għar-rispons għal avvenimenti tas-sigurtà nukleari li jinvolvu materjal li ma jaqax taħt kontroll regolatorju. Il-ħtiġijiet tal-infrastruttura ta’ Stat jiġu vvalutati jew permezz tal-proċess tas-Servizz Konsultattiv Internazzjonali għas-Sigurtà Nukleari (INSServ) tal-IAEA, inkella permezz tal-iżvilupp ta’ Pjan Direzzjonali għar-Rispons dwar is-Sigurtà Nukleari. Qasam addizzjonali ta’ responsabbiltà huwa fl-għoti ta’ appoġġ lill-Istati li jixtiequ jimplimentaw sistemi tas-sigurtà nukleari u miżuri għal Avvenimenti Pubbliċi Ewlenin (MPEs).

Għan

Li jiġu assistiti l-Istati fl-istabbiliment u s-sostenn ta’ infrastruttura istituzzjonali effettiva biex jissaħħu l-isforzi nazzjonali għall-protezzjoni tal-persuni, il-proprjetà, l-ambjent u s-soċjetà mill-użu mhux awtorizzat ta’ materjal nukleari u materjal radjuattiv ieħor.

Riżultati

1.

L-iżvilupp ta’ pubblikazzjonijiet ta’ gwida għal infrastruttura tas-sigurtà nukleari u l-materjal u l-għodod ta’ taħriġ relatati.

2.

L-għoti ta’ appoġġ lill-Istati, fuq talba, fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet umani u teknoloġiċi biex tinżamm infrastruttura effettiva biex iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom relatati ma’ materjal nukleari u materjal radjuattiv ieħor li ma jaqax taħt kontroll regolatorju.

3.

Il-koordinazzjoni ta’ appoġġ għall-grupp ta’ ħidma dwar ir-rispons.

4.

L-għoti ta’ appoġġ tal-IAEA għall-implimentazzjoni ta’ miżuri tas-sigurtà nukleari għall-MPEs.

Eżiti

L-IAEA tikkontribwixxi għal aktar għarfien tal-ħtieġa għal infrastruttura istituzzjonali effettiva fi Stat biex jiġi żgurat li jitwettqu l-obbligi nazzjonali u internazzjonali.

L-Istati għandhom fehim fil-fond tal-punti ta’ saħħa u l-oqsma għall-iżvilupp tal-MORC (Material Out of Regulatory Control - materjal barra mill-kontroll regolarju) tagħhom relatat mar-reġim tas-sigurtà nukleari.

L-Istati għandhom pjan ċar ibbażat fuq iż-żmien għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ rispons MORC tagħhom.

5.   

Intestatura 5: Żvilupp tal-programm u kooperazzjoni internazzjonali

Proġett 1: Żvilupp tal-Programm tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ

Sfond

L-Aġenzija taqdi rwol importanti fl-għoti ta’ programmi koordinati ta’ edukazzjoni u taħriġ li jsaħħu l-kapaċitajiet fl-Istati biex jistabbilixxu u jsostnu r-reġimi tas-sigurtà nukleari. Għadd suffiċjenti ta’ persunal kompetenti u motivat huwa wieħed mill-prerekwiżiti importanti għall-istabbiliment u s-sostenn tar-reġimi tas-sigurtà nukleari tal-Istati. It-taħriġ huwa mezz importanti biex jinkisbu l-kompetenza u l-prestazzjoni adegwata tal-persunal. L-IAEA tassisti lill-Istati billi tipprovdi taħriġ ibbażat fuq it-talbiet u l-ħtiġijiet tal-Istati kif ukoll tappoġġa l-istabbiliment ta’ programmi tat-taħriġ għas-sigurtà nukleari u organizzazzjonijiet tat-taħriġ inkluż Ċentri ta’ Appoġġ għas-Sigurtà Nukleari (NSSCs).

L-Approċċ Sistematiku għat-Taħriġ (SAT) huwa approċċ tat-taħriġ li jipprovdi progressjoni loġika mill-identifikazzjoni tal-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet meħtieġa biex jitwettaq impjieg jew rwol fis-sigurtà nukleari għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tat-taħriġ biex jinkisbu dawn il-kompetenzi, u l-evalwazzjoni sussegwenti ta’ dan it-taħriġ. L-użu tat-tagħlim elettroniku u għodod oħra tat-taħriġ tal-kompjuter, ser jingħata attenzjoni partikolari taħt dan il-proġett. Dan il-proġett mhuwiex limitat għall-iżvilupp tal-edukazzjoni u t-taħriġ, iżda wkoll jinvolvi l-koordinazzjoni ta’ networks bħan-Network Internazzjonali tal-Edukazzjoni dwar is-Sigurtà Nukleari (INSEN) u n-Network Internazzjonali taċ-Ċentri ta’ Taħriġ u Appoġġ għas-Sigurtà Nukleari (Network NSSC).

Għanijiet

L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jippromwovi approċċ integrat għall-iżvilupp tar-riżorsi umani fil-qasam tas-sigurtà nukleari u jassisti lill-Istati fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħhom li jiżviluppaw u jimplimentaw programmi effettivi u sostenibbli edukattivi u tat-taħriġ għall-iżvilupp tar-riżorsi umani fis-sigurtà nukleari, ibbażati fuq il-ħtiġijiet identifikati.

Li tinbena kooperazzjoni aktar b’saħħitha u jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ programmi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ għas-sigurtà nukleari permezz tal-INSEN u n-Network Internazzjonali NSSC u l-Portal tal-Informazzjoni dwar is-Sigurtà Nukleari (NUSEC).

Riżultati

1.

Il-metodoloġija għall-iżvilupp tar-riżorsi umani għas-sigurtà nukleari kondiviża mal-Istati u użata minnhom.

2.

L-istabbiliment tal-Akkademja ta’ Tmexxija għas-Sigurtà Nukleari.

3.

Il-kondiviżjoni tal-esperjenza u l-prattiki tajbin fit-taħriġ dwar is-sigurtà nukleari.

4.

L-għoti ta’ appoġġ lill-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-metodoloġija SAT ipprovduta.

5.

L-għoti ta’ appoġġ fit-twettiq ta’ analiżi kontinwa u regolari tal-ħtiġijiet tat-taħriġ (TNA), evalwazzjoni tat-taħriġ, u l-istabbiliment ta’ kumitati tat-taħriġ.

6.

L-appoġġ għall-attivitajiet tan-Network NSSC u l-koordinazzjoni tagħhom, biex tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u r-riżorsi u tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn l-Istati ma’ NSSC jew dawk li għandhom interess fl-iżvilupp ta’ ċentru.

7.

L-għoti ta’ assistenza lill-Istati fl-istabbiliment u l-operat ta’ NSSCs biex jiġu sostnuti r-reġimi nazzjonali tas-sigurtà nukleari permezz ta’ programmi fl-iżvilupp tar-riżorsi umani, l-appoġġ tekniku u l-appoġġ xjentifiku.

8.

L-appoġġ għall-kooperazzjoni reġjonali u subreġjonali bejn l-Istati li jkollhom NSSCs pjanati jew operazzjonali.

9.

L-INSEN.

10.

Programm ta’ Master fis-Sigurtà Nukleari.

11.

Skejjel dwar is-Sigurtà Nukleari

12.

Korsijiet għall-Iżvilupp fil-fakultajiet universitarji dwar l-Edukazzjoni dwar is-Sigurtà Nukleari.

13.

Materjali ta’ Tagħlim għall-Programmi ta’ Edukazzjoni dwar is-Sigurtà Nukleari.

14.

Il-produzzjoni ta’ korsijiet ta’ tagħlim elettroniku fil-lingwi uffiċjali kollha tal-IAEA, inkluż it-traduzzjoni.

15.

Ir-reviżjoni ta’ korsijiet ta’ legat tat-tagħlim elettroniku inkluż ir-reviżjoni tat-traduzzjoni.

Eżitu

L-Istati huma kapaċi jibdew u jimplimentaw b’mod effettiv miżuri biex isostnu r-reġimi nazzjonali tagħhom tas-sigurtà nukleari, b’mod partikolari, permezz ta’ programmi fl-iżvilupp tar-riżorsi umani, l-edukazzjoni, it-taħriġ, l-appoġġ tekniku u l-appoġġ xjentifiku.

6.   

Intestatura 6: It-Tisħiħ tal-Kapaċitajiet u l-Edukazzjoni ffokati fuq l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fil-qasam tas-Sigurtà Nukleari

Sfond

Imsemmi b’rikonoxximent tal-fiżiku pijunier u darbtejn Rebbieħ tal-Premju Nobel Marie Skłodowska-Curie, il-programm ta’ boroż ta’ studju tnieda mid-Direttur Ġenerali Rafael Mariano Grossi waqt avveniment tal-IAEA b’tifkira tal-Jum Internazzjonali tan-Nisa f’Marzu 2020. Billi tappoġġa l-edukazzjoni u l-esperjenza ta’ xogħol tagħhom, l-inizjattiva għandha l-għan li tħeġġeġ lin-nisa żgħażagħ jistudjaw u jaħdmu fix-xjenza u t-teknoloġija nukleari jew fin-nonproliferazzjoni. Il-programm ta’ fellowship ser jipprovdi boroż ta’ studju sa sentejn għan-nisa li jsegwu lawrija fix-xjenza u t-teknoloġija nukleari jew fl-istudji tan-nonproliferazzjoni. L-istudenti ser jiġu offruti wkoll l-opportunità ta’ internship fl-IAEA, sabiex jissupplementaw l-għarfien espert miksub matul l-istudji tagħhom.

Għanijiet

Il-Programm Marie Skłodowska-Curie għandu l-għan li jispira u jinkoraġġixxi lin-nisa żgħażagħ biex isegwu karriera fix-xjenzi nukleari u l-istudji dwar it-teknoloġija u n-nonproliferazzjoni billi jipprovdi boroż ta’ studju għal programmi ta’ lawrija lil studenti nisa motivati ħafna u ta’ talent flimkien ma’ opportunitajiet ta’ internship fl-IAEA. Fuq medda twila ta’ żmien, il-Programm ser jikkontribwixxi għal ġenerazzjoni ġdida ta’ mexxejja nisa fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika, li ser jixprunaw l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi fil-pajjiżi tagħhom.

Riżultat

Il-programm ser jiffinanzja mill-inqas 100 student għall-boroż ta’ studju, bi spiża totali stmata fil-medda ta’ EUR 4 sa 6 miljuni għal perijodu ta’ sentejn.

Eżitu

Li n-nisa jiġu mgħammra b’edukazzjoni xjentifika u esperjenza ta’ xogħol sabiex tiġi promossa rappreżentanza ugwali fl-applikazzjoni ta’ teknoloġiji nukleari biex jintlaqgħu l-isfidi globali kondiviżi, inkluż is-sigurtà nukleari.


9.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 372/16


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/1657

tas-6 ta’ Novembru 2020

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/1894 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet ta’ tħaffir mhux awtorizzat tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l‐Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-11 ta’ Novembru 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/1894 (1) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet ta’ tħaffir mhux awtorizzat tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran.

(2)

Abbażi ta’ rieżami tal-miżuri restrittivi stabbiliti fid-Deċiżjoni (PESK) 2019/1894, il-Kunsill ikkonkluda li dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu estiżi sat-12 ta’ Novembru 2021.

(3)

L-entrati fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2019/1894 jenħtieġ li tiġi aġġornata u emendata.

(4)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2019/1894 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2019/1894 hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 8

“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-12 ta’ Novembru 2021 u għandha tinżamm taħt rieżami kostanti. Hija għandha tiġġedded jew tiġi emendata, kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l‐objettivi tagħha ma jkunux intlaħqu.”;

(2)

L-Anness huwa emendat f’konformità mal-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1894 tal-11 ta’ Novembru 2019 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet ta’ tħaffir mhux awtorizzat tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran (ĠU L 291, 12.11.2019, p. 47).


ANNESS

Fl-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2019/1894, l-entrati 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“1.

Mehmet Ferruh AKALIN

Data tat-twelid: 9.12.1960

Numru tal-passaport jew tal-karta tal-identità: 13571379758

Nazzjonalità: Turkija

Ġeneru: maskil

Mehmet Ferruh Akalın huwa Viċi President (Assistant General Manager) u membru tal-Bord tad-Diretturi tat-Turkish Petroleum Corporation (TPAO). Huwa l-kap tad-Dipartimenti tat-TPAO għall-Esplorazzjoni, iċ-Ċentru għar-Riċerka u l-Iżvilupp u t-Teknoloġiji tal-Informazzjoni.

Fil-kapaċità tiegħu bħala Viċi President tat-TPAO u kap tad-Dipartiment għall-Esplorazzjoni tagħha, Mehmet Ferruh Akalın huwa responsabbli għall-ippjanar, id-direzzjoni u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tat-TPAO għall-esplorazzjoni għall-idrokarburi fil-baħar. Dawn jinkludu l-attivitajiet ta’ tħaffir tat-TPAO li ma ġewx awtorizzati mir-Repubblika ta’ Ċipru, kif jidher hawn taħt.

Dawk l-attivitajiet ta’ tħaffir mhux awtorizzat twettqu minn:

(a)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz fil-baħar territorjali tar-Repubblika ta’ Ċipru bejn Lulju u Settembru 2019;

(b)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti u delimitata fi ftehim mal-Eġittu, bejn Ottubru 2019 u Jannar 2020;

(c)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti u delimitata fi ftehim mal-Eġittu, kif ukoll fi ftehim mal-Iżrael, bejn Jannar u April 2020;

(d)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti u delimitata fi ftehim mal-Eġittu, bejn April u Settembru 2020;

(e)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Fatih fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti, qrib ħafna għall-baħar territorjali tagħha, bejn Novembru 2019 u Jannar 2020;

(f)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Fatih fil-parti tal-punent taż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti, bejn Mejju u Novembru 2019.

27.2.2020

2.

Ali Coscun NAMOGLU

Data tat-twelid: 27.11.1956

Numru tal-passaport jew tal-karta tal-identità: 11096919534

Nazzjonalità: Turkija

Ġeneru: maskil

Ali Coscun Namoglu huwa l-Viċi Direttur tad-Dipartiment għall-Esplorazzjoni tat-Turkish Petroleum Corporation (TPAO).

F’din il-kapaċità, Ali Coscun Namoglu huwa involut fl-ippjanar, id-direzzjoni u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tat-TPAO għall-esplorazzjoni għall-idrokarburi fil-baħar. Dawn jinkludu l-attivitajiet ta’ tħaffir tat-TPAO li ma ġewx awtorizzati mir-Repubblika ta’ Ċipru, kif jidher hawn taħt.

Dawk l-attivitajiet ta’ tħaffir mhux awtorizzat twettqu minn:

(a)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz fil-baħar territorjali tar-Repubblika ta’ Ċipru bejn Lulju u Settembru 2019;

(b)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti u delimitata fi ftehim mal-Eġittu, bejn Ottubru 2019 u Jannar 2020;

(c)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti u delimitata fi ftehim mal-Eġittu, kif ukoll fi ftehim mal-Iżrael, bejn Jannar 2020 u April 2020;

(d)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti u delimitata fi ftehim mal-Eġittu, bejn April u Settembru 2020;

(e)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Fatih fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti, qrib ħafna għall-baħar territorjali tagħha, bejn Novembru 2019 u Jannar 2020;

(f)

il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Fatih fil-parti tal-punent taż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta’ Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti, bejn Mejju u Novembru 2019.”

27.2.2020”