ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 359

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
29 ta' Ottubru 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1569 tat-23 ta’ Lulju 2020 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 692/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar il-klassifikazzjoni tal-pajjiżi tar-residenza tal-ospiti li jkunu qed joqogħdu fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni ( 1 )

1

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1570 tat-22 ta’ Ottubru 2020 li japprova emenda mhux minuri fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ isem irreġistrat fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti (Czwórniak staropolski tradycyjny (STG))

3

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1571 tat-22 ta’ Ottubru 2020 li japprova emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ isem irreġistrat fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti (Półtorak staropolski tradycyjny (STG))

4

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1572 tat-28 ta’ Ottubru 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/626 fir-rigward tal-listi ta’ pajjiżi terzi u reġjuni tagħhom li minnhom hu awtorizzat id-dħul fl-Unjoni Ewropea ta’ prodotti tal-ħalib u ta’ insetti ( 1 )

5

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1573 tat-28 ta’ Ottubru 2020 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2020/491 dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjonijiet tal-merkanzija meħtieġa biex jiġu miġġielda l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 matul l-2020 (notifikata bid-dokument C(2020) 7511)

8

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1574 tat-28 ta’ Ottubru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/450 fir-rigward tal-pubblikazzjoni tar-referenzi tad-Dokumenti Ewropej ta’ Valutazzjoni għal kits għall-waterproofing, ETICs, ġonot għall-pontijiet tat-toroq, kits għall-bini tal-injam, prodotti ritardanti tan-nar u prodotti għall-bini oħra ( 1 )

10

 

*

Deċiżjoni (UE) 2020/1575 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-27 ta’ Ottubru 2020 dwar l-evalwazzjoni u s-segwitu ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ ksur irrapportat permezz tal-għodda għall-iżvelar ta’ informazzjoni fejn persuna kkonċernata tkun uffiċjal ta’ livell għoli tal-BĊE (BĊE/2020/54)

14

 

 

III   Atti oħrajn

 

 

ŻONA EKONOMIKA EWROPEA

 

*

Deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza Tal-EFTA Nru 90/20/COL tal-15 ta’ Lulju 2020 li temenda, għall-mija u s-seba’ darba, ir-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-istat, billi temenda u ttawwal ċerti linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat [2020/1576]

16

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1051 tas-16 ta’ Lulju 2020 li tittermina r-riinvestigazzjoni ta’ assorbiment li tikkonċerna importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ( ĠU L 230, 17.7.2020 )

20

 

*

Rettifika għad-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2019/1833 tal-24 ta’ Ottubru 2019 li temenda l-Annessi I, III, V u VI tad-Direttiva 2000/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ aġġustamenti purament tekniċi ( ĠU L 279, 31.10.2019 )

21

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

29.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 359/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1569

tat-23 ta’ Lulju 2020

li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 692/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar il-klassifikazzjoni tal-pajjiżi tar-residenza tal-ospiti li jkunu qed joqogħdu fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 692/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2011 dwar l-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-1 ta’ Frar 2020, ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea.

(2)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 692/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-Istati Membri jeħtieġ jissottomettu lill-Kummissjoni, data dwar il-kapaċità u l-okkupanza tal-istabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika f’konformità mal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 692/2011. Dak l-Anness jiddefinixxi, fost l-oħrajn, il-kategoriji meħtieġa tal-pajjiżi u taż-żoni ġeografiċi tar-residenza tal-ospiti li jkunu qed joqogħdu fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 692/2011 fih referenza impliċita għar-Renju Unit fil-kategorija “l-Unjoni Ewropea (l-Unjoni); għandha tiġi rrappurtata separatament: kull Stat Membru” taħt il-klassifikazzjoni li jeħtieġ tiġi applikata għat-Taqsima 2 tal-Anness I, kif elenkat fit-Taqsima 3 tal-Anness I.

(4)

Wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, ir-Renju Unit ma għadux parti minn dik il-kategorija. Għaldaqstant, l-Istati Membri ma għadhomx obbligati li jissottomettu separtament id-data fir-rigward tar-Renju Unit taħt ir-Regolament (UE) Nru 692/2011.

(5)

L-industrija tat-turiżmu tal-Unjoni tokkupa post importanti fl-ekonomija tal-Istati Membri, b’attivitajiet turistiċi li jirrappreżentaw sors kbir tal-impjiegi. L-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu hija essenzjali biex issir valutazzjoni tal-kompetittività tal-industrija u l-volum u l-flussi tat-turiżmu.

(6)

Filwaqt li titqies l-importanza tar-Renju Unit bħala suq li jiġġenera t-turiżmu fl-Unjoni, huwa essenzjali li tiġi żgurata l-kontinwità fis-sottomissjoni tad-data mill-Istati Membri, bir-Renju Unit bħala kontroparti wara l-ħruġ tiegħu mill-Unjoni.

(7)

Minħabba li r-Renju Unit sar pajjiż terz, il-pożizzjonament tiegħu fil-klassifika tal-pajjiżi u taż-żoni ġeografiċi tal-ospiti li jkunu qed joqogħdu fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika, jeħtieġ li jiġi modifikat skont dan.

(8)

Għaldaqstant, it-Taqsima 3 “E. Pajjiżi u żoni ġeografiċi” tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 692/2011, jenħtieġ li tiġi emendata biex tinkludi lir-Renju Unit bħala pajjiż tar-residenza separat tal-ospiti li jkunu qed joqogħdu fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika. Dan l-aġġornament iċaqlaq biss lir-Renju Unit minn kategorija għal oħra u għaldaqstant la jaffettwa l-piż tar-rapportar u lanqas ma jimmodifika l-qafas kunċettwali sottostanti applikabbli.

(9)

Ma jingħatax il-parir li pajjiż jew żona ġeografika jiġu mċaqalqa minn subkategorija għal oħra f’sena bażi speċifika. Huwa preferibbli li l-klassifikazzjoni emendata tiġi applikata għas-sena bażi kollha tal-2020 u ’l quddiem,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 692/2011 huwa emendat kif ġej:

Fit-Taqsima 3, il-punt “E. Pajjiżi u żoni ġeografiċi”, huwa emendat kif ġej:

(1)

it-tielet inċiż huwa sostitwit kif ġej:

“—

pajjiżi Ewropej oħrajn (minbarra l-UE jew l-EFTA; mhux inklużi r-Renju Unit, ir-Russja, it-Turkija, l-Ukrajna),”;

(2)

l-inċiż li ġej jiddaħħal qabel “— ir-Russja,”:

“—

ir-Renju Unit,”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu japplika mis-sena bażi tal-2020 u ’l quddiem.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 192, 22.7.2011, p. 17.


29.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 359/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1570

tat-22 ta’ Ottubru 2020

li japprova emenda mhux minuri fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ isem irreġistrat fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti (“Czwórniak staropolski tradycyjny” (STG))

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni tal-Polonja għall-approvazzjoni ta’ emenda fl-Ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Czwórniak staropolski tradycyjny”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 729/2008 (2), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1898 tal-Kummissjoni (3).

(2)

Billi l-emenda kkonċernata mhix minuri fis-sens tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni ppubblikat it-talba biex issir l-emenda f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4), kif stipulat fl-Artikolu 50(2)(b) ta’ dak ir-Regolament.

(3)

Billi l-Kummissjoni ma rċeviet ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jenħtieġ li l-emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tiġi approvata,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li tikkonċerna l-isem “Czwórniak staropolski tradycyjny” (STG) hija approvata.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Janusz WOJCIECHOWSKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 729/2008 tat-28 ta’ Lulju 2008 li jdaħħal ċerti denominazzjonijiet fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti [Czwórniak (STG), Dwójniak (STG), Półtorak (STG), Trójniak (STG)] (ĠU L 200, 29.7.2008, p. 6).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1898 tat-18 ta’ Ottubru 2017 li jdaħħal ċerti ismijiet fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti [Półtorak staropolski tradycyjny (STG), Dwójniak staropolski tradycyjny (STG), Trójniak staropolski tradycyjny (STG), Czwórniak staropolski tradycyjny (STG), Kiełbasa jałowcowa staropolska (STG), Kiełbasa myśliwska staropolska (STG) u Olej rydzowy tradycyjny (STG)] (ĠU L 269, 19.10.2017, p. 3).

(4)  ĠU C 214, 29.6.2020, p. 8.


29.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 359/4


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1571

tat-22 ta’ Ottubru 2020

li japprova emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ isem irreġistrat fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti (“Półtorak staropolski tradycyjny” (STG))

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni tal-Polonja għall-approvazzjoni ta’ emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-ispeċjalità tradizzjonali garantita “Półtorak staropolski tradycyjny”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 729/2008 (2), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1898 (3).

(2)

Billi l-emenda kkonċernata mhix minuri fis-sens tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni ppubblikat it-talba biex issir l-emenda f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kif stipulat fl-Artikolu 50(2)(b) ta’ dak ir-Regolament (4).

(3)

Billi l-Kummissjoni ma rċeviet ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jenħtieġ li l-emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tiġi approvata,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li tikkonċerna l-isem “Półtorak staropolski tradycyjny” (STG) hija b’dan approvata.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Janusz WOJCIECHOWSKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 729/2008 tat-28 ta’ Lulju 2008 li jdaħħal ċerti denominazzjonijiet fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti [Czwórniak (STG), Dwójniak (STG), Półtorak (STG), Trójniak (STG)] (ĠU L 200, 29.7.2008, p. 6).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1898 tat-18 ta’ Ottubru 2017 li jdaħħal ċerti ismijiet fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti [Półtorak staropolski tradycyjny (STG), Dwójniak staropolski tradycyjny (STG), Trójniak staropolski tradycyjny (STG), Czwórniak staropolski tradycyjny (STG), Kiełbasa jałowcowa staropolska (STG), Kiełbasa myśliwska staropolska (STG) u Olej rydzowy tradycyjny (STG)] (ĠU L 269, 19.10.2017, p. 3).

(4)  ĠU C 214, 29.6.2020, p. 16.


29.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 359/5


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1572

tat-28 ta’ Ottubru 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/626 fir-rigward tal-listi ta’ pajjiżi terzi u reġjuni tagħhom li minnhom hu awtorizzat id-dħul fl-Unjoni Ewropea ta’ prodotti tal-ħalib u ta’ insetti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 127(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi regoli għall-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex jivverifikaw il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, fost l-oħrajn, tas-sikurezza tal-ikel fl-istadji kollha tal-proċess tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni. B’mod partikolari, jipprevedi li ċerti annimali u oġġetti jridu jidħlu fl-Unjoni biss minn pajjiż terz jew minn reġjun tiegħu li jidher f’lista mfassla mill-Kummissjoni għal dak il-għan.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/625 (2) jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625. B’mod partikolari, l-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament Delegat jistabbilixxi regoli dwar ċerti annimali u oġġetti li huma awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss minn pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom inklużi fil-lista għal tali annimali u oġġetti stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/626 (3).

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/626 jistabbilixxi jew jirreferi għal tali listi ta’ pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom li minnhom hu awtorizzat id-dħul fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ ċerti annimali u oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem.

(4)

L-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/626 jipprevedi li l-kunsinni ta’ ħalib mhux ipproċessat, ta’ kolostru, ta’ prodotti tal-ħalib u ta’ prodotti li fihom il-kolostru maħsuba għall-konsum mill-bniedem għandhom jiġu awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni biss jekk jiġu minn pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom li minnhom hija awtorizzata l-importazzjoni fl-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 605/2010 (4). Qabel id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/626, pajjiżi terzi oħra wkoll ġew awtorizzati abbażi tar-rekwiżiti tas-saħħa pubblika għall-importazzjoni ta’ kunsinni ta’ ċerti prodotti tal-ħalib b’referenzi għall-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (UE) Nru 605/2010. Dawn ir-referenzi għall-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (UE) Nru 605/2010 bi żball ma ġewx inklużi fl-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/626 u jenħtieġ li jiżdiedu. Għalhekk jenħtieġ li l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/626 jiġi emendat skont dan.

(5)

L-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/626 jipprevedi li l-kunsinni ta’ insetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem għandhom jiġu awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni biss jekk tali prodotti tal-ikel ikunu oriġinaw u jkunu ġew ikkunsinnati minn pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom, elenkati fl-Anness IIIa ta’ dak ir-Regolament. Jenħtieġ li l-pajjiżi terzi u r-reġjuni tagħhom jingħataw awtorizzazzjoni għad-dħul ta’ insetti fl-Unjoni u jiġu elenkati fil-lista biss jekk jipprovdu evidenza u garanziji xierqa li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 127(3) tar-Regolament (UE) 2017/625 u fl-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/625.

(6)

Fl-4 ta’ Diċembru 2019, it-Tajlandja ppreżentat lill-Kummissjoni l-kwestjonarju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-esportazzjoni ta’ insetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem lejn l-UE.

(7)

Fis-6 ta’ April 2020, it-Tajlandja pprovdiet biżżejjed evidenza u garanziji lill-Kummissjoni biex tiġi inkluża fil-lista ta’ pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ insetti. Għalhekk jenħtieġ li t-Tajlandja tiġi inkluża fil-lista stabbilita fl-Anness IIIa tar-Regolament (UE) 2019/626, u dak l-Anness jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/626 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 10

Lista ta’ pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom li minnhom hu awtorizzat id-dħul fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ ħalib mhux ipproċessat, ta’ kolostru, ta’ prodotti tal-ħalib u ta’ prodotti li fihom il-kolostru

Il-kunsinni ta’ ħalib mhux ipproċessat, ta’ kolostru, ta’ prodotti tal-ħalib u ta’ prodotti li fihom il-kolostru maħsuba għall-konsum mill-bniedem għandhom jiġu awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni biss jekk jiġu minn pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom li minnhom hija awtorizzata l-importazzjoni fl-Unjoni skont l-Artikoli 2, 3 u 4 tar-Regolament (UE) Nru 605/2010.”

(2)

L-Anness IIIa huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/625 tal-4 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ ċerti annimali u oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 131, 17.5.2019, p. 18).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/626 tal-5 ta’ Marzu 2019 li jikkonċerna listi ta’ pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom li minnhom hu awtorizzat id-dħul fl-Unjoni Ewropea ta’ ċerti annimali u oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/759 fir-rigward ta’ dawn il-listi (ĠU L 131, 17.5.2019, p. 31).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 605/2010 tat-2 ta’ Lulju 2010 li jistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ ħalib mhux ipproċessat, prodotti tal-ħalib, kolostru u prodotti li fihom il-kolostru maħsuba għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 175, 10.7.2010, p. 1).


ANNESS

Fl-Anness IIIa tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/626, l-entrata li ġejja tiżdied wara l-entrata għall-Korea t’Isfel:

“TH

It-Tajlandja”

 


DEĊIŻJONIJIET

29.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 359/8


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1573

tat-28 ta’ Ottubru 2020

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2020/491 dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjonijiet tal-merkanzija meħtieġa biex jiġu miġġielda l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 matul l-2020

(notifikata bid-dokument C(2020) 7511)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE tad-19 ta’ Ottubru 2009 li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 143(b) u (c) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti (1), u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tagħha, flimkien mal-Artikolu 131 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 tas-16 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali (2), u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 76 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 131 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/491 (3) kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1101 (4) teżenta mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (‘VAT’) fuq l-importazzjonijiet tal-merkanzija meħtieġa biex jiġu miġġielda l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 sal-31 ta’ Ottubru 2020.

(2)

Fid-29 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri u lir-Renju Unit f’konformità mal-premessa 5 tad-Deċiżjoni (UE) 2020/491 dwar jekk kinitx meħtieġa estensjoni u wara dan l-Istati Membri talbu l-estensjoni tal-eżenzjoni.

(3)

Ir-Renju Unit talab l-estensjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2020/491 sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni ta’ oġġetti, f’konformità mal-Artikolu 5(3) u (4) u l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq għall-Gvern dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (‘il-Ftehim dwar il-Ħruġ’) iridu japplikaw għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Madankollu, ir-Renju Unit ma talabx eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u eżenzjoni mill-VAT fuq oġġetti importati lejn l-Irlanda ta’ Fuq. Għalhekk, jenħtieġ li l-estensjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2020/491 tapplika biss għar-Renju Unit sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni f’konformità mal-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(4)

L-importazzjonijiet li jsiru mill-Istati Membri skont id-Deċiżjoni (UE) 2020/491 kienu ta’ benefiċċju biex l-organizzazzjonijiet tal-Istat jew l-organizzazzjonijiet approvati mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jingħataw aċċess għall-mediċini meħtieġa, apparat mediku u għat-tagħmir protettiv personali li hemm nuqqas tiegħu. L-istatistika dwar il-kummerċ għal din il-merkanzija indikat li l-importazzjonijiet għadhom ħafna. Minħabba li l-għadd ta’ infezzjonijiet tal-COVID-19 fl-Istati Membri għadu jippreżenta riskji għas-saħħa pubblika u minħabba li fl-Istati Membri għadu jiġi rrapportat nuqqas ta’ merkanzija meħtieġa biex tiġi miġġielda l-pandemija tal-COVID-19, huwa neċessarju li l-perjodu ta’ applikazzjoni previst fid-Deċiżjoni (UE) 2020/491.

(5)

Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrappurtaw b’mod xieraq l-obbligi li joħorġu mid-Deċiżjoni (UE) 2020/491, jixraq li tiġi estiża l-iskadenza prevista fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni (UE) 2020/491. L-iskadenza għar-rappurtar għar-Renju Unit jenħtieġ li tiġi aġġustata biex tqis applikazzjoni iqsar tal-eżenzjoni.

(6)

Fl-14 ta’ Ottubru 2020, l-Istati Membri ġew ikkonsultati dwar l-estensjoni mitluba f’konformità mal-Artikolu 76 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u l-Artikolu 53 tad-Direttiva 2009/132/KE.

(7)

Id-Deċiżjoni (UE) 2020/491 jenħtieġ li għalhekk tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (UE) 2020/491 hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2021:”;

(b)

Jiżdied it-tieni paragrafu li ġej:

“Ir-Renju Unit għandu jikkomunika l-informazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2021.”;

(2)

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 3

L-Artikolu 1 għandu japplika għall-importazzjonijiet li jsiru mit-30 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ April 2021.

Madankollu, fir-rigward tal-importazzjonijiet magħmula lejn ir-Renju Unit, l-Artikolu 1 għandu japplika mit-30 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Paolo GENTILONI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 292, 10.11.2009, p. 5.

(2)  ĠU L 324, 10.12.2009, p. 23.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/491 tat-3 ta’ April 2020 dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjonijiet tal-merkanzija meħtieġa biex jiġu miġġielda l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 matul l-2020 (ĠU L 103, 3.4.2020, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1101 tat-23 ta’ Lulju 2020 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2020/491 dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjonijiet tal-merkanzija meħtieġa biex jiġu miġġielda l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 matul l-2020 (ĠU L 241, 27.7.2020, p. 36).


29.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 359/10


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/...

tat-28 ta’ Ottubru 2020

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/450 fir-rigward tal-pubblikazzjoni tar-referenzi tad-Dokumenti Ewropej ta’ Valutazzjoni għal kits għall-waterproofing, ETICs, ġonot għall-pontijiet tat-toroq, kits għall-bini tal-injam, prodotti ritardanti tan-nar u prodotti għall-bini oħra

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi kundizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 22 tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mar-Regolament (UE) Nru 305/2011, il-Korpi tal-Valutazzjoni Teknika jridu jużaw il-metodi u l-kriterji pprovduti fid-Dokumenti Ewropej ta’ Valutazzjoni, li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-prodotti għall-bini koperti minn dawk id-dokumenti b’rabta mal-karatteristiki essenzjali tagħhom.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, wara diversi talbiet mill-manifatturi għal Valutazzjonijiet Tekniċi Ewropej, l-organizzazzjoni tal-Korpi tal-Valutazzjoni Teknika (korpi VT) fasslet u adottat 25 Dokument Ewropew ta’ Valutazzjoni.

(3)

Id-Dokumenti Ewropej ta’ Valutazzjoni li ġew imfassla u adottati mill-Korpi tal-Valutazzjoni Teknika huma relatati mal-prodotti għall-bini li ġejjin:

kisi bl-isprej akustiku bbażat fuq legant organiku bbażat fuq l-ilma;

kits għall-waterproofing tas-soqfa applikati bħala likwidu;

kits ta’ kopertura impermeabbli applikati bħala likwidu għall-art u/jew il-ħitan ta’ wetrooms;

folji flessibbli applikati minn qabel għall-waterproofing, kompletament inkollati;

kits ta’ kopertura impermeabbli, abbażi ta’ folji flessibbli, għall-art u/jew il-ħitan ta’ wetrooms;

kits ta’ kopertura impermeabbli, abbażi ta’ bords impermeabbli, għall-art u/jew il-ħitan ta’ wetrooms;

sistemi tal-iżolament termali esterni b’materjali kompożiti (ETICS), b’kisi;

bord tal-iżolament termali magħmula minn fowm tal-poliuretan riġidu ppressat;

kits ta’ rivestiment — unitajiet prefabbrikati għall-iżolament estern tal-ħitan u l-apparat għat-twaħħil tagħhom;

kavilji għal ġonot strutturali taħt tagħbija statika u kważi statika;

ġonot tal-espanjoni “plug” flessibbli tal-asfalt għall-pontijiet tat-toroq;

ġonot tal-espansjoni “nosing” għall-pontijiet tat-toroq;

ġonot tal-espansjoni “mat” għall-pontijiet tat-toroq;

ġonot tal-espansjoni “cantilever” għall-pontijiet tat-toroq;

ġonot tal-espansjoni appoġġati għall-pontijiet tat-toroq;

ġonot tal-espansjoni modulari għall-pontijiet tat-toroq;

pannelli li jieħdu t-tagħbija bbażati fuq injam prefabbrikat b’rinvestiment rinforzat;

elementi tal-bini tal-ġebel magħmulin mit-tafal irriċiklat;

karbonat tal-kalċju fin bħala addittiv attiv b’funzjoni ta’ legant katalitiku għall-konkos;

elementi ta’ fissaġġ marbutin għall-użu fil-konkos;

ankraġġ injettat għall-bords tal-iżolament termali;

elementi ta’ fissaġġ għal “push-pull props” għal elementi prefabbrikati ta’ ħitan/kolonni;

kits għall-bini tal-injam;

Sistemi CRM (Compost Reinforced Mortar) għar-rinforz ta’ strutturi tal-konkos u tal-ġebel;

prodotti ritardanti tan-nar.

(4)

Id-Dokumenti Ewropej ta’ Valutazzjoni mfassla u adottati mill-organizzazzjoni tal-Korpi tal-Valutazzjoni Teknika jissodisfaw it-talbiet li jridu jiġu ssodisfati fir-rigward tar-rekwiżiti bażiċi għax-xogħlijiet tal-bini stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 305/2011. Għalhekk, huwa xieraq li r-referenzi ta’ dawk id-Dokumenti Ewropej ta’ Valutazzjoni jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(5)

Il-lista tar-referenzi tad-Dokumenti Ewropej ta’ Valutazzjoni ġiet ippubblikata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/450 (2). Għal raġunijiet ta’ ċarezza, jenħtieġ li r-referenzi ta’ Dokumenti Ewropej ta’ Valutazzjoni ġodda jiżdiedu ma’ dik il-lista.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/450 tiġi emendata skont dan.

(7)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-użu tad-Dokumenti Ewropej ta’ Valutazzjoni minn kmieni kemm jista’ jkun, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/450 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 88, 4.4.2011, p. 5.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/450 tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar il-pubblikazzjoni tad-Dokumenti Ewropej ta’ Valutazzjoni (EADs) għall-prodotti tal-bini abbozzati b’appoġġ tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 77, 20.3.2019, p. 78).


ANNESS

Fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/450, ir-ringieli li ġejjin jiddaħħlu f’ordni sekwenzjali skont l-ordni tan-numri ta’ referenza:

“030219-00-0501

Kisi bl-isprej akustiku bbażat fuq legant organiku bbażat fuq l-ilma

030350-00-0402

Kits għall-waterproofing tas-soqfa applikati bħala likwidu

(tissostitwixxi l-ispeċifikazzjoni teknika ‘ETAG 005’)

030352-00-0503

Kits ta’ kopertura impermeabbli applikati bħala likwidu għall-art u/jew il-ħitan ta’ wetrooms

(tissostitwixxi l-ispeċifikazzjoni teknika ‘ETAG 022-1’)

030378-00-0605

Folji flessibbli applikati minn qabel għall-waterproofing, kompletament inkollati

030436-00-0503

Folji flessibbli applikati minn qabel għall-waterproofing, kompletament inkollati

(tissostitwixxi l-ispeċifikazzjoni teknika ‘ETAG 022-2’)

030437-00-0503

Kits ta’ kopertura impermeabbli, abbażi ta’ bords impermeabbli, għall-art u/jew il-ħitan ta’ wetrooms

(tissostitwixxi l-ispeċifikazzjoni teknika ‘ETAG 022-3’)

040083-00-0404

Sistemi tal-Iżolament Termali Esterni b’Materjali Kompożiti (ETICS), b’kisi

(tissostitwixxi l-ispeċifikazzjoni teknika ‘ETAG 004’)

040419-00-1201

Bord tal-iżolament termali magħmula minn fowm tal-poliuretan riġidu ppressat

040914-00-0404

Kits ta’ rivestiment — unitajiet prefabbrikati għall-iżolament estern tal-ħitan u l-apparat għat-twaħħil tagħhom

(tissostitwixxi l-ispeċifikazzjoni teknika ‘ETAG 017’)

050019-00-0601

Kavilji għal ġonot strutturali taħt tagħbija statika u kważi statika

(tissostitwixxi l-ispeċifikazzjoni teknika ‘ETAG 030’)

120093-00-0107

Ġonot tal-espanjoni ‘plug’ flessibbli tal-asfalt għall-pontijiet tat-toroq

(tissostitwixxi l-ispeċifikazzjoni teknika ‘ETAG 032-3’)

120109-00-0107

Ġonot tal-espansjoni ‘nosing’ għall-pontijiet tat-toroq

(tissostitwixxi l-ispeċifikazzjoni teknika ‘ETAG 032-4’)

120110-00-0107

Ġonot tal-espansjoni ‘mat’ għall-pontijiet tat-toroq

(tissostitwixxi l-ispeċifikazzjoni teknika ‘ETAG 032-5’)

120111-00-0107

Ġonot tal-espansjoni ‘cantilever’ għall-pontijiet tat-toroq

(tissostitwixxi l-ispeċifikazzjoni teknika ‘ETAG 032-6’)

120112-00-0107

Ġonot tal-espansjoni appoġġati għall-pontijiet tat-toroq

(tissostitwixxi l-ispeċifikazzjoni teknika ‘ETAG 032-7’)

120113-00-0107

Ġonot tal-espansjoni modulari għall-pontijiet tat-toroq

(tissostitwixxi l-ispeċifikazzjoni teknika ‘ETAG 032-8’)

140022-00-0304

Pannelli li jieħdu t-tagħbija bbażati fuq injam prefabbrikat b’rinvestiment rinforzat

(tissostitwixxi l-ispeċifikazzjoni teknika ‘ETAG 019’)

170005-00-0305

Elementi tal-bini tal-ġebel magħmulin mit-tafal irriċiklat

260020-00-0301

Karbonat tal-kalċju fin bħala addittiv attiv b’funzjoni ta’ legant katalitiku għall-konkos

330499-01-0601

Elementi ta’ fissaġġ marbutin għall-użu fil-konkos

(tissostitwixxi l-ispeċifikazzjoni teknika ‘ETAG 001-5’ u EAD 330499-00-0601)

331433-00-0601

Ankraġġ injettat għall-bords tal-iżolament termali

332277-00-0601

Elementi ta’ fissaġġ għal ‘push-pull props’ għal elementi prefabbrikati ta’ ħitan/kolonni

340308-00-0203

Kits għall-bini tal-injam

(tissostitwixxi l-ispeċifikazzjoni teknika ‘ETAG 007’)

340392-00-0104

Sistemi CRM (Compost Reinforced Mortar) għar-rinforz ta’ strutturi tal-konkos u tal-ġebel

350865-00-1106

Prodotti ritardanti tan-nar.

(tissostitwixxi l-ispeċifikazzjoni teknika ‘ETAG 028’)”


29.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 359/14


DEĊIŻJONI (UE) 2020/1575 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-27 ta’ Ottubru 2020

dwar l-evalwazzjoni u s-segwitu ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ ksur irrapportat permezz tal-għodda għall-iżvelar ta’ informazzjoni fejn persuna kkonċernata tkun uffiċjal ta’ livell għoli tal-BĊE (BĊE/2020/54)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 12.3 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-politika dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) dan l-aħħar ġiet imtejba fil-qafas tal-etika tal-BĊE (1). Informazzjoni dwar ksur irrapportat permezz tal-pjattaforma ta’ rapportar interna stabbilita għal dan l-iskop mill-BĊE (“l-għodda għall-iżvelar ta’ informazzjoni”) tista’ tikkonċerna lil uffiċjali ta’ livell għoli tal-BĊE, jiġifieri, l-uffiċjali msemmija fl-Artikoli 1.1, 1.2 u 1.4 tal-Kodiċi tal-kondotta għal Uffiċjali ta’ livell għoli tal-Bank Ċentrali Ewropew (2).

(2)

Sabiex tkun effettiva, il-politika dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni tal-BĊE għandha tipprovdi għal evalwazzjoni u segwitu rigorużi fuq ir-rapporti kollha sottomessi permezz tal-għodda ta’ rapportar ġdida. Dik l-evalwazzjoni u dak is-segwitu għandhom jitwettqu skont proċedura armonizzata taħt ir-responsabbiltà ta’ awtorità kompetenti nnominata.

(3)

Huwa xieraq li tiġi speċifikata l-proċedura li għandha tapplika għall-evalwazzjoni u s-segwitu tal-informazzjoni dwar ksur irrapportat permezz tal-għodda għall-iżvelar ta’ informazzjoni, meta rapport ikun jirreferi għal uffiċjal tal-BĊE ta’ livell għoli bħala persuna li lilha jkun attribwit ksur jew li magħha tkun assoċjata dik il-persuna.

(4)

Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni bla xkiel tal-qafas imtejjeb u sabiex tiġi evitata inċertezza legali dwar l-evalwazzjoni u s-segwitu ta’ informazzjoni dwar ksur irrapportat permezz tal-għodda għall-iżvelar ta’ informazzjoni, meta rapport jirreferi għal uffiċjal tal-BĊE ta’ livell għoli bħala persuna li lilha jkun attribwit ksur jew li magħha tkun assoċjata dik il-persuna, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Ħlief jekk ikun stipulat mod ieħor, it-termini użati f’din id-Deċiżjoni għandhom l-istess tifsira bħal dawk iddefiniti fil-qafas tal-etika tal-BĊE.

Artikolu 2

Awtorità kompetenti

Meta rapporti ta’ informazzjoni dwar ksur irċevuti permezz tal-għodda għall-iżvelar ta’ informazzjoni jkunu jirreferu għal uffiċjal ta’ livell għoli tal-BĊE bħala persuna li lilha jkun attribwit ksur jew li magħha tkun assoċjata dik il-persuna, l-awtorità kompetenti biex tevalwa dawk ir-rapporti u biex tagħti feedback lill-informatur, u/jew biex issegwi fuq dawk ir-rapporti, għandha tkun:

(a)

il-President; jew

(b)

meta l-uffiċjal ta’ livell għoli tal-BĊE msemmi fir-rapport ikun il-President, il-Viċi President.

Artikolu 3

Proċedura għall-evalwazzjoni u s-segwitu

1.   Rapporti ta’ informazzjoni dwar ksur irċevuti permezz tal-għodda għall-iżvelar ta’ informazzjoni li jkunu jirreferu għal uffiċjal ta’ livell għoli tal-BĊE bħala persuna li lilha jkun attribwit ksur jew li magħha tkun assoċjata dik il-persuna għandhom jiġu segwiti skont id-Deċiżjoni (UE) 2016/456 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/3) (3) meta dawk ir-rapporti jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni.

2.   Meta r-rapporti ta’ informazzjoni dwar ksur imsemmija fil-paragrafu 1 ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2016/456 (BĊE/2016/3), għandhom jiġu segwiti skont iċ-Ċirkolari Amministrattiva 01/2006 dwar inkjesti amministrattivi interni (4).

3.   Minkejja l-paragrafu 2, l-awtorità kompetenti nnominata taħt l-Artikolu 2 tista’:

(a)

qabel ma tikkonkludi jekk l-informazzjoni irċevuta tiġġustifikax jew le inkjesta interna, tibgħat l-informazzjoni riċevuta lill-Kumitat tal-Etika tal-BĊE għall-parir tiegħu dwar il-kwistjoni;

(b)

jekk huma jikkonkludu li l-informazzjoni irċevuta tiġġustifika inkjesta amministrattiva interna, tiddeċiedi, b’deroga mill-Artikolu 4(1) sa (4) taċ-Ċirkolari Amministrattiva 01/2006, li tiftaħ direttament inkjesta amministrattiva, u li tieħu d-deċiżjoni relevanti skont l-Artikolu 4(5) u (6) taċ-Ċirkolari Amministrattiva 01/2006, inkluża l-possibbiltà li l-awtorità kompetenti nnominata taħt l-Artikolu 2 tiddeċiedi eċċezzjonalment li twettaq l-inkjesta amministrattiva hija stess, filwaqt li tinnomina f’dan il-każ jew individwu jew inkella bord, b’senjorità adegwata, biex imexxi l-inkjesta.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-27 ta’ Ottubru 2020.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Emenda għall-Qafas tal-Etika tal-BĊE (għadha mhux ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali)

(2)  Kodiċi ta’ Kondotta għall-Uffiċjali ta’ livell għoli tal-Bank Ċentrali Ewropew (2019/C 89/03) (ĠU C 89, 8.3.2019, p. 2).

(3)  Id-Deċiżjoni (UE) 2016/456 tal-4 ta’ Marzu 2016 dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għal investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi tal-Bank Ċentrali Ewropew, fir-rigward tal-prevenzjoni tal-frodi, tal-korruzzjoni u ta’ kull attività illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (BĊE/2016/3) (ĠU L 79, 30.3.2016, p. 34).

(4)  Iċ-Ċirkolari Amministrattiva 01/2006 ġiet adottata fil-21 ta’ Marzu 2006 u hija disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE.


III Atti oħrajn

ŻONA EKONOMIKA EWROPEA

29.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 359/16


DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA

Nru 90/20/COL

tal-15 ta’ Lulju 2020

li temenda, għall-mija u s-seba’ darba, ir-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-istat, billi temenda u ttawwal ċerti linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat [2020/1576]

L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA (“ASE”),

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikoli 61 sa 63 u l-Protokoll 26,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar l-istabbiliment ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja (“il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti”), u b’mod partikolari l-Artikolu 24 u l-Artikolu 5(2)(b), u

Wara li kkunsidrat il-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti (“il-Protokoll 3”), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(1) tal-Parti I.

BILLI:

Skont l-Artikolu 24 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-ASE għandha ddaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE li jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat.

Skont l-Artikolu 5(2)(b) tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-ASE għandha toħroġ avviżi jew linji gwida dwar kwistjonijiet indirizzati fil-Ftehim ŻEE, jekk dan il-Ftehim jew il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti jipprevedi dan b’mod speċifiku jew jekk l-ASE tqis li jkun meħtieġ.

Il-linji gwida li ġejjin dwar l-għajnuna mill-Istat adottati mill-ASE bħala parti mill-inizjattiva dwar il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat, se jiskadu fl-aħħar tal-2020:

(a)

Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020 (1),

(b)

Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta’ finanzjament ta’ riskju (2),

(c)

Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020 (3),

(d)

Linji Gwida għall-analiżi tal-kompatibilità mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE tal-Għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess komuni Ewropew (4),

(e)

Linji gwida dwar l-assigurazzjoni fuq żmien qasir ta’ esportazzjonijiet bi kreditu (5) u

(f)

Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (6).

Fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku u tal-Aġenda Diġitali, il-Kummissjoni Ewropea, (“il-Kummissjoni”) diġà ħabbret l-intenzjoni tagħha li tirrevedi serje ta’ linji gwida sa tmiem l-2021.

Fit-2 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-estensjoni u l-emendi tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014–2020, il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta’ finanzjament ta’ riskju, il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija, il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà, il-Komunikazzjoni dwar Kriterji għall-analiżi tal-kompatibilità mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir (7).

Biex tipprovdi prevedibbiltà u ċertezza legali, waqt li kienet qed tħejji għal aġġornament futur tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni kkunsidrat xieraq li testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tal-linji gwida tagħha, li jikkorrispondu mal-linji gwida tal-ASE elenkati fil-punti (a) - (e) hawn fuq, sal-aħħar tal-2021. Il-Kummissjoni estendiet il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-linji gwida li jikkorrispondu għal dawk elenkati fil-punt (f), il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà, sa tmiem l-2023.

L-estensjoni ta’ dawk ir-regoli se tippermetti lill-Kummissjoni tiffinalizza l-evalwazzjoni ta’ dawk ir-regoli flimkien ma’ regoli oħra dwar l-għajnuna mill-Istat adottati bħala parti mill-inizjattiva tal-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat. Fis-7 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni nediet l-evalwazzjoni ta’ dawn ir-regoli, fil-forma ta’ “kontroll tal-idoneità”. Abbażi tar-riżultat ta’ dik l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni mbagħad se tkun f’pożizzjoni tiddeċiedi jekk ittawwalx jew taġġornahomx aktar.

Wara li jiġu kkunsidrati l-konsegwenzi ekonomiċi u finanzjarji li l-pandemija tal-COVID-19 jista’ jkollha fuq l-impriżi, il-Kummissjoni kkunsidrat li huma meħtieġa wkoll adattamenti temporanji ta’ xi Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat. B’mod partikolari, fil-qafas tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat reġjonali għall-2014–2020, il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014–2020, il-Komunikazzjoni - Kriterji għall-analiżi tal-kompatibilità mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (IPCEI) u l-Qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni (8), impriżi li ma kinux f’diffikultà fil-31 ta’ Diċembru 2019, iżda li saru impriżi f’diffikultà wara l-31 ta’ Diċembru 2019 għandhom ikunu eliġibbli skont dawk il-linji gwida sat-30 ta’ Ġunju 2021.

Fir-rigward tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014–2020, it-tnaqqis drastiku fil-prezzijiet tal-elettriku minħabba l-pandemija tal-COVID-19 jista’ jwassal għal sitwazzjonijiet fejn l-intensità tal-użu tal-elettriku tal-impriżi tista’ tonqos. F’dak il-każ, l-impriża tista’ titlef l-eliġibbiltà taħt it-Taqsima 3.7.2 (tnaqqis immirat fil-finanzjament ta’ appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli għal raġunijiet ta’ kompetittività) meta jiġi applikat l-Anness 4 għall-kalkolu tal-GVA (il-Valur Miżjud Gross) u l-intensità tal-użu tal-elettriku fil-livell tal-impriża. Għalhekk il-Kummissjoni kkunsidrat li l-metodi ta’ kalkolu li se jintużaw jenħtieġ li jiġu adattati biex dan jiġi indirizzat b’mod xieraq.

Dawn l-emendi u estensjonijiet għall-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni huma wkoll ta’ rilevanza għaż-Żona Ekonomika Ewropea.

Għandha tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-regoli taż-ŻEE dwar l-għajnuna mill-Istat fiż-Żona Ekonomika Ewropea skont l-objettiv tal-omoġeneità stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Ftehim ŻEE.

Skont il-punt II taħt l-intestatura “ĠENERALI” fil-paġna 11 tal-Anness XV tal-Ftehim ŻEE, l-ASE, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, għandha tadotta atti li jikkorrispondu ma’ dawk adottati mill-Kummissjoni.

Wara li kkonsultat mal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkonsultat mal-Istati tal-EFTA taż-ŻEE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-regoli sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat jiġu emendati kif ġej:

(1)

Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014–2020 huma emendati kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 18, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Dawn il-Linji Gwida, madankollu, japplikaw għal impriżi li ma kinux f’diffikultà fil-31 ta’ Diċembru 2019 iżda li saru impriżi f’diffikultà fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2021.”

(b)

Il-punti li ġejjin jiddaħħlu wara l-paragrafu 156:

“(a)

Fid-dawl tal-iskadenza tal-validità tal-mapep nazzjonali tal-għajnuna reġjonali fil-31 ta’ Diċembru 2020, l-Awtorità tistieden lill-Istati tal-EFTA taż-ŻEE jinnotifikaw lill-Awtorità sal-15 ta’ Settembru 2020 bl-intenzjoni tagħhom li jestendu l-validità tal-mapep nazzjonali tal-għajnuna reġjonali tagħhom.

(b)

Wara l-approvazzjoni tal-esternsjoni tal-mapep nazzjonali tal-għajnuna reġjonali sal-31 ta’ Diċembru 2021, l-Istati tal-EFTA taż-ŻEE jistgħu jiddeċiedu li jestendu l-iskemi eżistenti approvati fuq il-bażi tal-Linji Gwida preżenti. Kwalunkwe estensjoni ta’ skemi bħal dawn trid jiġi nnotifikat lill-Awtorità fi żmien xieraq qabel id-data tal-iskadenza tagħhom.”

(2)

Fil-linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta’ finanzjament ta’ riskju, il-paragrafu 174 jinbidel b’dan li ġej:

“174.

L-Awtorità tapplika l-prinċipji stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kollha għall-finanzjament ta’ riskju li se tingħata mill-1 ta’ Lulju 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2021.”

(3)

Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014–2020 huma emendati kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 11, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Dawn il-Linji Gwida, madankollu, għandhom japplikaw għal impriżi li ma kinux f’diffikultà fil-31 ta’ Diċembru 2019 iżda li saru impriżi f’diffikultà fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2021.”

(b)

Il-paragrafu 103 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“103.

Dawn il-Linji Gwida japplikaw għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2021. Madankollu, huma jenħtieġ li jippreparaw il-bażi biex jintlaħqu l-objettivi stipulati fil-Qafas tal-2030. B’mod partikolari, huwa mistenni li matul il-perjodu bejn l-2020 u l-2030 sorsi ta’ enerġija rinnovabbli stabbiliti se jalimentaw il-grilja bi prezzijiet kompetittivi, bl-implikazzjoni li sussidji u eżenzjonijiet mill-ibbilanċjar tar-responsabbiltajiet jenħtieġ li jitneħħew gradwalment b’mod digressiv. Dawn il-Linji Gwida huma konsistenti ma’ dak l-objettiv u se jiżguraw it-tranżizzjoni lejn twassil kosteffikaċi permezz ta’ mekkaniżmi bbażati fuq is-suq.”

(c)

Il-paragrafu 237 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(237)

Dawn il-Linji Gwida se jiġu applikati mill-1 ta’ Lulju 2014 u jissostitwixxu l-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali ppubblikati fl-10 ta’ Ġunju 2010 (*1). Huma se jkunu applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2021.”

(*1)  ĠU L 144, 10.6.2010, p. 1 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 29, 10.6.2010, p. 1."

(d)

L-Anness 4 huwa emendat kif ġej:

(i)

Il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(2)

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Taqsima 3.7.2, l-Istati tal-EFTA taż-ŻEE jistgħu jużaw:

(a)

il-medja aritmetika tal-aktar tliet snin riċenti li għalihom hija disponibbli data tal-GVA;

(b)

il-medja aritmetika ta’ sentejn magħżula mill-aktar tliet snin riċenti li għalihom hija disponibbli data tal-GVA, dment li dan il-metodu jiġi applikat bl-istess mod għall-benefiċjarji kollha.

L-Awtorità tikkunsidra li l-bidla minn kalkolu skont il-metodu (a) għall-metodu (b) ma tikkostitwix bidla notifikabbli.”

(ii)

Il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(5)

Għall-kalkolu tal-konsum tal-elettriku tal-impriża, għandhom jintużaw il-valuri referenzjarji għall-effiċjenza tal-konsum tal-elettriku għall-industrija fejn disponibbli. Jekk mhux disponibbli, l-Istati tal-EFTA taż-ŻEE jistgħu jużaw:

(a)

il-medja aritmetika tal-aktar tliet snin riċenti li għalihom hija disponibbli data.

(b)

il-medja aritmetika ta’ sentejn magħżula mill-aktar tliet snin riċenti li għalihom hija disponibbli data, dment li dan il-metodu jiġi applikat bl-istess mod għall-benefiċjarji kollha.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-bidla minn kalkolu skont il-metodu (a) għall-metodu (b) ma tikkostitwix bidla notifikabbli.”

(4)

Fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà, il-paragrafu 135 jinbidel b’dan li ġej:

“135.

L-Awtorità se tapplika dawn il-linji gwida b’effett mill-10 ta’ Settembru 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2023”.

(5)

Il-Linji Gwida għall-analiżi tal-kompatibilità mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE tal-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess komuni Ewropew huma emendati kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 10(a), tinżied is-sentenza li ġejja:

“Dawn il-Linji Gwida, madankollu, għandhom japplikaw għal impriżi li ma kinux f’diffikultà fil-31 ta’ Diċembru 2019 iżda li saru impriżi f’diffikultà fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2021.”

(b)

Il-paragrafu 50 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“50.

Dawn il-Linji Gwida se jiġu applikati mis-27 ta’ April 2016 sal-31 ta’ Diċembru 2021.”

(6)

Fil-linji Gwida dwar l-assigurazzjoni fuq żmien qasir ta’ kreditu għall-esportazzjoni, il-paragrafu 40 jinbidel b’dan li ġej:

“(40)

F’kunsiderazzjoni tal-ħtieġa li jiġu żgurati l-kontinwità u ċ-ċertezza legali fit-trattament tal-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir, huwa meqjus xieraq li l-Linji Gwida attwali jiġu applikati sal-31 ta’ Diċembru 2021. Dan se jallinja d-data tal-iskadenza tagħha ma’ dik tal-maġġoranza tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat adottati skont il-programm għall-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat.”

(7)

Fil-Qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, fil-paragrafu 10 tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Dawn il-linji gwida, madankollu, għandhom japplikaw għal impriżi li ma kinux f’diffikultà fil-31 ta’ Diċembru 2019 iżda li saru impriżi f’diffikultà fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2021.”

Artikolu 2

L-unika verżjoni awtentika ta’ din id-Deċiżjoni hija dik bil-lingwa Ingliża.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2020.

Għall-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA,

Bente ANGELL-HANSEN

Il-President

Membru tal-Kulleġġ Responsabbli

Frank J. BÜCHEL

Membru tal-Kulleġġ

Högni KRISTJÁNSSON

Membru tal-Kulleġġ

Carsten ZATSCHLER

Kontrofirmatarju bħala Direttur, Affarijiet Legali u Eżekuttivi


(1)  ĠU L 166, 5.6.2014, p. 44, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 33, 5.6.2014, p. 1, emendat bid-Deċiżjoni ASE Nru 302/14/COL, ĠU L 15, 22.1.2015, p. 103, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 4, 22.1.2015, p. 1.

(2)  ĠU L 354, 11.12.2014, p. 62, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 74, 11.12.2014, p. 1, emendat mid-Deċiżjoni tal-ASE Nru 302/14/COL, ĠU L 15, 22.1.2015, p. 103, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 4, 22.1.2015, p. 1.

(3)  ĠU L 131, 28.5.2015, p. 1 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 30, 28.5.2015, p. 1.

(4)  ĠU L 39, 16.2.2017, p. 49, u s-suppliment taż-ŻEE Nru 11, 16.2.2017, p. 1.

(5)  ĠU L 343, 19.12.2013, p. 54, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 71, 19.12.2013, p. 1, adottat mill-ġdid bid-Deċiżjoni ASE Nru 4/19/COL, ĠU L 163, 20.6.2019, p. 110, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 48, 20.6.2019, p. 1, emendat bid-Deċiżjoni ASE Nru 030/20/COL, ĠU L 220, 9.7.2020, p. 8, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 46, 9.7.2020, p. 1.

(6)  ĠU L 271, 16.10.2015, p. 35, u s-suppliment taż-ŻEE Nru 62, 15.10.2015, p. 1.

(7)  ĠU C 224, 8.7.2020, p. 2.

(8)  Li jikkorrispondu mal-Linji Gwida tal-ASE għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, ĠU L 209, 6.8.2015, p. 17, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 44, 6.8.2015, p. 1.


Rettifika

29.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 359/20


Rettifika għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1051 tas-16 ta’ Lulju 2020 li tittermina r-riinvestigazzjoni ta’ assorbiment li tikkonċerna importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 230 tas-17 Lulju 2020 )

F’paġna 25, fl-Artikolu 1,

minflok:

“Ir-riinvestigazzjoni ta’ assorbiment rigward l-importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7325 10 00 (il-kodiċi TARIC 7325100031), u ex 7325 99 90 (il-kodiċi TARIC 7325999080), li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, hija b’dan itterminata.”,

aqra:

“Ir-riinvestigazzjoni ta’ assorbiment rigward l-importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7325 10 00 (il-kodiċi TARIC 7325100031), u ex 7325 99 10 (il-kodiċi TARIC 7325991060), li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, hija b’dan itterminata.”


29.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 359/21


Rettifika għad-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2019/1833 tal-24 ta’ Ottubru 2019 li temenda l-Annessi I, III, V u VI tad-Direttiva 2000/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ aġġustamenti purament tekniċi

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 279 tal-31 ta’ Ottubru 2019 )

F’paġna 57, fil-punt (1) tal-Anness,

minflok:

“Annex I to Directive 2000/54/KE is replaced by the following:”,

aqra:

“L-Anness I tad-Direttiva 2000/54/KE huwa sostitwit b’dan li ġej:”;

F’paġna 57, fil-punt (2) tal-Anness,

minflok:

“Annex III to Directive 2000/54/KE is replaced by the following:”,

aqra:

“L-Anness III tad-Direttiva 2000/54/KE huwa sostitwit b’dan li ġej:”;

F’paġna 76, fil-punt (3) tal-Anness,

minflok:

“Annex V to Directive 2000/54/KE is replaced by the following:”,

aqra:

“L-Anness V tad-Direttiva 2000/54/KE huwa sostitwit b’dan li ġej:”;

F’paġna 76, fil-punt (3) tal-Anness, fl-emendi tar-ringiela 3 tal-ewwel kolonna tat-tabella tal-Anness V tad-Direttiva 2000/54/KE,

minflok:

“Materjal infettat inkluż kwalunkwe annimal għandu jiġi ttrattat f’kabini tas- sikurezza jew f’kundizzjonijiet iżolati jew f’kontenituri għat-trażżin xierqa oħrajn”,

aqra:

“Materjal infettat inkluż kwalunkwe annimal għandu jiġi mmaniġġat f’kabini tas-sikurezza jew f’kundizzjonijiet iżolati jew f’kontenituri għat-trażżin xierqa oħrajn”;

F’paġna 77, fil-punt (4) tal-Anness,

minflok:

“Annex VI to Directive 2000/54/KE is replaced by the following:”,

aqra:

“L-Anness VI tad-Direttiva 2000/54/KE huwa sostitwit b’dan li ġej:”;

F’paġna 78, fil-punt (4) tal-Anness, fl-emendi tar-ringiela 1 tal-ewwel kolonna tat-tabella tal-Anness VI tad-Direttiva 2000/54/KE,

minflok:

“Organiżmi vijabbli jenħtieġ li jiġu ttrattati f’sistema li tissepara fiżikament il-proċess mill-ambjent”,

aqra:

“Organiżmi vijabbli jenħtieġ li jiġu mmaniġġati f’sistema li tissepara fiżikament il-proċess mill-ambjent”.