ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 352

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
22 ta' Ottubru 2020


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2020/1530 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2020 li jemenda d-Direttiva (UE) 2016/798, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli dwar is-sikurezza ferrovjarja u l-interoperabbiltà ferrovjarja fiċ-Channel Fixed Link

1

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni (Ue) 2020/1531 Tal-Parlament Ewropew U Tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2020 li tagħti s-setgħa lil Franza biex tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali li jissupplimenta t-Trattat bejn Franza u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-Bini u t-Tħaddim minn Konċessjonarji Privati ta’ Channel Fixed Link

4

 

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1532 tat-12 ta’ Ottubru 2020 dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fis-66 sessjoni tal-Kumitat tas-Sistema Armonizzata tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali fir-rigward tal-adozzjoni maħsuba ta’ Opinjonijiet ta’ Klassifikazzjoni, deċiżjonijiet ta’ klassifikazzjoni, emendi għan-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata jew pariri oħra dwar l-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata, u ta’ rakkomandazzjonijiet biex tiġi żgurata l-uniformità fl-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata taħt il-Konvenzjoni dwar is-Sistema Armonizzata

7

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

22.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 352/1


REGOLAMENT (UE) 2020/1530 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Ottubru 2020

li jemenda d-Direttiva (UE) 2016/798, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli dwar is-sikurezza ferrovjarja u l-interoperabbiltà ferrovjarja fiċ-Channel Fixed Link

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tirrikjedi li kull Stat Membru jistabbilixxi awtorità nazzjonali tas-sikurezza li tkun fdata bil-kompiti speċifikati fir-rigward tas-sikurezza ferrovjarja. F’konformità ma’ dik id-Direttiva, awtorità nazzjonali tas-sikurezza tista’ tkun korp stabbilit b’mod unilaterali mill-Istat Membru kkonċernat jew, alternattivament, korp fdat minn diversi Stati Membri b’dawk il-kompiti sabiex jiġi żgurat reġim unifikat tas-sikurezza.

(2)

It-Trattat bejn Franza u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-Bini u t-Tħaddim minn Konċessjonarji Privati ta’ Channel Fixed Link, iffirmat f’Canterbury fit-12 ta’ Frar 1986 (“it-Trattat ta’ Canterbury”), stabbilixxa Kummissjoni Intergovernattiva biex tissorvelja l-kwistjonijiet kollha dwar il-bini u t-tħaddim taċ-Channel Fixed Link (“il-Kummissjoni Intergovernattiva”).

(3)

Sat-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (4) (“il-perjodu ta’ tranżizzjoni”), il-Kummissjoni Intergovernattiva hija l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza fis-sens tad-Direttiva (UE) 2016/798 responsabbli għaċ-Channel Fixed Link.

(4)

Fit-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-Kummissjoni Intergovernattiva se ssir korp stabbilit permezz ta’ ftehim internazzjonali bejn Stat Membru, jiġifieri Franza, u pajjiż terz, jiġifieri r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”). Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fi ftehim internazzjonali li jorbot lir-Renju Unit, hija mhijiex se tibqa’ awtorità nazzjonali tas-sikurezza taħt id-dritt tal-Unjoni u d-dritt tal-Unjoni mhuwiex se jibqa’ japplika għall-parti taċ-Channel Fixed Link taħt il-ġuriżdizzjoni tar-Renju Unit.

(5)

Sabiex jiġi żgurat it-tħaddim sikur u effiċjenti taċ-Channel Fixed Link, huwa adatt li l-Kummissjoni Intergovernattiva tinżamm bħala l-awtorità unika tas-sikurezza responsabbli għal dik l-infrastruttura kollha kemm hi.

(6)

Għal dak l-għan, id-Deċiżjoni (UE) 2020/1531 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tagħti s-setgħa lil Franza, taħt ċerti kundizzjonijiet, biex tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali, li jissupplimenta t-Trattat ta’ Canterbury, li taħtu l-Kummissjoni Intergovernattiva tinżamm bħala l-unika awtorità tas-sikurezza kompetenti għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fiċ-Channel Fixed Link.

(7)

Għal dan l-għan, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi fir-rigward tal-awtoritajiet speċifiċi tas-sikurezza, kif ukoll fir-rigward tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura li d-dritt tal-Unjoni jiġi applikat f’kull ħin mill-awtorità speċifika tas-sikurezza jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza tiegħu.

(8)

Ir-riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-pajjiż terz fl-oqsma tas-sikurezza ferrovjarja tista’ tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, jenħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tingħata l-kompetenza biex tieħu deċiżjonijiet preliminari dwar tali kwistjonijiet.

(9)

Jenħtieġ għalhekk li d-Direttiva (UE) 2016/798 tiġi emendata skont dan.

(10)

Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġi żgurat it-tħaddim sikur u effiċjenti taċ-Channel Fixed Link wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(11)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva (UE) 2016/798

Id-Direttiva (UE) 2016/798 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3, il-punt (7) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.

‘awtorità nazzjonali tas-sikurezza’ tfisser:

(a)

il-korp nazzjonali fdat bil-kompiti rigward is-sikurezza ferrovjarja f’konformità ma’ din id-Direttiva;

(b)

kwalunkwe korp fdat minn diversi Stati Membri bil-kompiti msemmija fil-punt (a) sabiex jiġi żgurat reġim unifikat ta’ sikurezza;

(c)

kwalunkwe korp fdat minn Stat Membru u pajjiż terz bil-kompiti msemmija fil-punt (a) sabiex jiġi żgurat reġim unifikat ta’ sikurezza, diment li l-Unjoni tkun ikkonkludiet ftehim għal dan l-għan mal-pajjiż terz ikkonċernat jew li dak l-Istat Membru jkun kkonkluda tali ftehim f’konformità ma’ setgħa mogħtija mill-Unjoni għal dak l-għan;”;

(2)

fl-Artikolu 16, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.

Fejn biċċa unika ta’ struttura tal-inġinerija tkun tinsab parzjalment f’pajjiż terz u parzjalment fi Stat Membru, dak l-Istat Membru jista’ jaħtar, minbarra l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza kompetenti mod ieħor għat-territorju tiegħu, u f’konformità mal-Artikolu 3, punt (7), punt (c), u ma’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni jew li l-konklużjoni tiegħu tkun awtorizzata mill-Unjoni, awtorità tas-sikurezza kompetenti speċifikament għal dik l-istruttura tal-inġinerija u l-elementi l-oħra kollha tal-infrastruttura ferrovjarja marbuta magħha (‘l-awtorità speċifika tas-sikurezza’). F’konformità ma’ dak il-ftehim internazzjonali, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza tista’ tassumi temporanjament il-kompetenza għall-parti tal-istruttura tal-inġinerija li tinsab f’dak l-Istat Membru.

Fil-kuntest ta’ kwalunkwe ftehim internazzjonali imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha għad-dispożizzjoni tiegħu taħt dak il-ftehim internazzjonali biex jiżgura li l-awtorità speċifika tas-sikurezza tikkonforma mad-dritt tal-Unjoni. Għal dan l-għan u fejn ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ sikurezza ferrovjarja, l-Istat Membru kkonċernat għandu, mingħajr dewmien, juża d-dritt mogħti minn dak il-ftehim internazzjonali, li permezz tiegħu l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza tkun intitolata tassumi kompetenza esklużiva għall-parti tal-istruttura tal-inġinerija li tinsab f’dak l-Istat Membru.

5.

Fejn tilwima mressqa għall-arbitraġġ f’konformità ma’ ftehim internazzjonali tqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (‘il-Qorti tal-Ġustizzja’) għandu jkollha l-ġuriżdizzjoni li tagħti deċiżjoni preliminari dwar il-kwistjoni fuq talba tat-tribunal arbitrali stabbilit biex jirrisolvi tilwim taħt dak il-ftehim internazzjonali.

Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’konformità mal-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandhom japplikaw mutatis mutandis għal talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja li jsiru taħt l-ewwel subparagrafu.

Fejn it-tribunal arbitrali jonqos milli jikkonforma ma’ kwalunkwe deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija f’konformità mal-ewwel subparagrafu, l-Istat Membru kkonċernat għandu, mingħajr dewmien, juża d-dritt mogħti mill-ftehim internazzjonali, li permezz tiegħu l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza tkun intitolata tassumi kompetenza esklużiva għall-parti tal-istruttura tal-inġinerija li tinsab f’dak l-Istat Membru.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Opinjoni tas-16 ta’ Settembru 2020 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ottubru 2020 (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ottubru 2020.

(3)  Id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 102).

(4)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

(5)  Deċiżjoni (UE) 2020/1531 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2020 li tagħti s-setgħa lil Franza biex tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali li jissupplimenta t-Trattat bejn Franza u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-Bini u t-Tħaddim minn Konċessjonarji Privati ta’ Channel Fixed Link (ara paġna 4 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


DEĊIŻJONIJIET

22.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 352/4


DEĊIŻJONI (Ue) 2020/1531 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Ottubru 2020

li tagħti s-setgħa lil Franza biex tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali li jissupplimenta t-Trattat bejn Franza u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-Bini u t-Tħaddim minn Konċessjonarji Privati ta’ Channel Fixed Link

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

It-Trattat bejn Franza u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-Bini u t-Tħaddim minn Konċessjonarji Privati ta’ Channel Fixed Link, iffirmat f’Canterbury fit-12 ta’ Frar 1986 (“it-Trattat ta’ Canterbury”), stabbilixxa Kummissjoni Intergovernattiva biex tissorvelja l-kwistjonijiet kollha dwar il-bini u t-tħaddim taċ-Channel Fixed Link (“il-Kummissjoni Intergovernattiva”).

(2)

Sat-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (3) (“il-perjodu ta’ tranżizzjoni”), il-Kummissjoni Intergovernattiva hija korp fdat minn diversi Stati Membri bil-kompiti li jirrigwardaw is-sikurezza ferrovjarja b’rabta maċ-Channel Fixed Link. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni Intergovernattiva għalhekk tikkostitwixxi l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza fis-sens tad-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). F’dik il-kapaċità, hija tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni rilevanti għas-sikurezza ferrovjarja u, taħt id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), għall-interoperabbiltà ferrovjarja.

(3)

Fit-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-Kummissjoni Intergovernattiva se ssir korp stabbilit permezz ta’ ftehim internazzjonali bejn Stat Membru, jiġifieri Franza, u pajjiż terz, jiġifieri r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”). Barra minn hekk, u sakemm ma jiġix previst mod ieħor fi ftehim internazzjonali li jorbot lir-Renju Unit, id-dritt tal-Unjoni mhuwiex se jibqa’ japplika għall-parti taċ-Channel Fixed Link taħt il-ġuriżdizzjoni tar-Renju Unit.

(4)

Ftehim internazzjonali ma’ pajjiż terz rigward l-applikazzjoni tar-regoli dwar is-sikurezza ferrovjarja u l-interoperabilità ferrovjarja f’sitwazzjonijiet transfruntieri x’aktarx li jaffettwa qasam li fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa kopert mid-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mir-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u d-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798. Għalhekk, kwalunkwe tali ftehim jaqa’ taħt il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu jinnegozjaw, jew jikkonkludu, tali ftehim biss jekk jingħataw is-setgħa mill-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 2(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) biex jagħmlu dan. Minħabba l-interazzjoni ma’ leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni, huwa wkoll meħtieġ għal tali għoti ta’ setgħa li hija tingħata mill-leġiżlatur tal-Unjoni f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva msemmija fl-Artikolu 91 TFUE.

(5)

Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Lulju 2020, Franza talbet mill-Unjoni s-setgħa li tinnegozja u tikkonkludi mar-Renju Unit ftehim internazzjonali li jissupplimenta t-Trattat ta’ Canterbury.

(6)

Sabiex jiġi żgurat it-tħaddim sikur u effiċjenti taċ-Channel Fixed Link, huwa adatt li l-Kummissjoni Intergovernattiva tinżamm bħala l-unika awtorità tas-sikurezza responsabbli għal dik l-infrastruttura kollha kemm hi. Meta titqies il-pożizzjoni speċjali taċ-Channel Fixed Link bħala konnessjoni ferrovjarja li tinvolvi struttura unika u kumplessa tal-inġinerija li tinsab parzjalment fit-territorju ta’ Franza u parzjalment fit-territorju ta’ pajjiż terz, jixraq li Franza tingħata s-setgħa biex tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali mar-Renju Unit fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar is-sikurezza ferrovjarja għaċ-Channel Fixed Link sabiex jinżamm reġim unifikat tas-sikurezza, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet.

(7)

Il-Kummissjoni Intergovernattiva hija kapaċi tissodisfa r-rwol ta’ awtorità nazzjonali tas-sikurezza responsabbli għall-parti taċ-Channel Fixed Link taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Franza, diment li tiġi emendata d-Direttiva (UE) 2016/798 u li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet.

(8)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni Intergovernattiva tapplika l-istess regoli għaċ-Channel Fixed Link kollu. Dawk ir-regoli jenħtieġ li jkunu d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/796 u d-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798, kif emendati jew sostitwiti, kif ukoll l-atti adottati abbażi ta’ dawk l-atti legali.

(9)

F’konformità mat-Trattat ta’ Canterbury, tilwim li jinqala’ bejn Franza u r-Renju Unit relatat mal-interpretazzjoni jew mal-applikazzjoni ta’ dak it-Trattat għandu jiġi riżolt minn tribunal arbitrali. Fejn tali tilwim iqajjem kwistjonijiet relatati mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, jenħtieġ li t-tribunal arbitrali jitlob deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti tal-Ġustizzja”) dwar tali kwistjonijiet u jenħtieġ li jkun marbut bid-deċiżjoni tagħha.

(10)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi rigward l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-parti taċ-Channel Fixed Link taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Franza, sabiex jiġi żgurat li d-dritt tal-Unjoni jiġi implimentat b’mod korrett f’kull ħin u li l-Kummissjoni tkun tista’ tissorvelja l-applikazzjoni tiegħu taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluż f’ċirkustanzi ta’ urġenza jew f’każ li l-Kummissjoni Intergovernattiva ma tikkonformax ma’ deċiżjoni tat-tribunal arbitrali. Għal dak l-għan, jenħtieġ li Franza żżomm id-dritt li taġixxi b’mod unilaterali, fejn ikun meħtieġ, sabiex tiżgura l-applikazzjoni sħiħa, korretta u rapida tad-dritt tal-Unjoni fuq il-parti taċ-Channel Fixed Link taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha.

(11)

Sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġuridika effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, il-qrati jew it-tribunali li għalihom japplika l-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jenħtieġ li jkunu esklużivament kompetenti għar-rikorsi li jsiru mill-konċessjonarji u mill-utenti taċ-Channel Fixed Link kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Intergovernattiva.

(12)

L-elementi deskritti fil-Premessi (8) sa (11) jenħtieġ li jiġu riflessi fil-ftehimiet internazzjonali bejn Franza u r-Renju Unit rigward iċ-Channel Fixed Link. Dawk il-ftehimiet internazzjonali jenħtieġ li jkunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni f’kull aspett,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni hawnhekk tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom Franza tingħata s-setgħa biex tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali (“il-Ftehim li Jissupplimenta”) mar-Renju Unit li jissupplimenta t-Trattat bejn Franza u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-Bini u t-Tħaddim minn Konċessjonarji Privati ta’ Channel Fixed Link (“it-Trattat ta’ Canterbury”) fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli dwar is-sikurezza ferrovjarja fiċ-Channel Fixed Link.

Tali ftehim internazzjonali għandu jidħol fis-seħħ wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u għandu jikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

sabiex jinżamm reġim unifikat tas-sikurezza fuq iċ-Channel Fixed Link kollu, il-Kummissjoni Intergovernattiva għandha tiżgura l-applikazzjoni, fir-rigward taċ-Channel Fixed Link, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti tal-Ġustizzja”), li huma rilevanti għall-kompiti tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza fis-sens tal-Artikolu 3, punt (7), tad-Direttiva (UE) 2016/798, u b’mod partikolari tar-Regolament (UE) 2016/796 u d-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798, kif emendati jew sostitwiti, kif ukoll ta’ atti adottati abbażi ta’ dawk l-atti legali;

(b)

fejn tilwima mressqa għall-arbitraġġ f’konformità mal-Artikolu 19 tat-Trattat ta’ Canterbury tqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, it-tribunal arbitrali ma għandux ikollu s-setgħa li jiddeċiedi dwar kwalunkwe tali kwistjoni. F’tali każ, it-tribunal arbitrali għandu jitlob deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni. Id-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun vinkolanti fuq it-tribunal arbitrali;

(c)

fejn ikun meħtieġ, b’mod partikolari f’ċirkustanzi ta’ urġenza jew f’każ li l-Kummissjoni Intergovernattiva ma tikkonformax ma’ deċiżjoni tat-tribunal arbitrali, Franza għandu jkollha d-dritt li taġixxi b’mod unilaterali bil-ħsieb li tiżgura l-applikazzjoni sħiħa, korretta u rapida tad-dritt tal-Unjoni fil-parti taċ-Channel Fixed Link taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha;

(d)

il-qrati jew it-tribunali li għalihom japplika l-Artikolu 19(1) TUE għandhom ikunu esklużivament kompetenti biex jiddeċiedu dwar ir-rimedji mitluba mill-konċessjonarji u mill-utenti taċ-Channel Fixed Link kontra deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni Intergovernattiva fil-kapaċità tagħha bħala awtorità nazzjonali tas-sikurezza fis-sens tal-Artikolu 3, punt (7) tad-Direttiva (UE) 2016/798;

(e)

il-ftehim irid ikun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni f’kull aspett.

Artikolu 2

Franza għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata b’mod regolari dwar in-negozjati li jsiru mar-Renju Unit dwar il-Ftehim li Jissupplimenta u, fejn ikun xieraq, tistieden lill-Kummissjoni tipparteċipa fin-negozjati bħala osservatur.

Meta jitlestew in-negozjati, Franza għandha tissottometti l-abbozz li jirriżulta minnhom tal-Ftehim li Jissupplimenta lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’dan.

Fi żmien xahar mir-riċezzjoni tal-abbozz tal-Ftehim li Jissupplimenta, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk humiex issodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni. Fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li huma jkunu ssodisfati, Franza tista’ tiffirma u tikkonkludi l-Ftehim li Jissupplimenta.

Franza għandha tipprovdi lill-Kummissjoni kopja tal-Ftehim li Jissupplimenta fi żmien xahar mid-dħul fis-seħħ tiegħu jew, fejn il-Ftehim li Jissupplimenta jkun irid jiġi applikat proviżorjament, fi żmien xahar mill-bidu tal-applikazzjoni proviżorja tiegħu.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Opinjoni tas-16 ta’ Settembru 2020 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ottubru 2020 (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ottubru 2020

(3)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

(4)  Id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 102).

(5)  Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 1).


II Atti mhux leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

22.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 352/7


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1532

tat-12 ta’ Ottubru 2020

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fis-66 sessjoni tal-Kumitat tas-Sistema Armonizzata tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali fir-rigward tal-adozzjoni maħsuba ta’ Opinjonijiet ta’ Klassifikazzjoni, deċiżjonijiet ta’ klassifikazzjoni, emendi għan-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata jew pariri oħra dwar l-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata, u ta’ rakkomandazzjonijiet biex tiġi żgurata l-uniformità fl-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata taħt il-Konvenzjoni dwar is-Sistema Armonizzata

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31, l-Artikolu 43(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE (1), l-Unjoni approvat il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u l-kodifika ta’ oġġetti (2) u tal-Protokoll ta’ Emendament tagħha (3) (il-Konvenzjoni SA), li stabbilixxiet il-Kumitat tas-Sistema Armonizzata (HSC, Harmonized System Committee).

(2)

Skont il-punti (b) u (c) tal-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni SA, l-HSC huwa, fost l-oħrajn, responsabbli għat-tħejjija ta’ Noti ta’ Spjegazzjoni, ta’ Opinjonijiet ta’ Klassifikazzjoni, ta’ pariri oħra dwar l-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata u għat-tħejjija ta’ rakkomandazzjonijiet biex tiġi żgurata l-uniformità fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tas-Sistema Armonizzata.

(3)

Fis-sessjoni tiegħu ta’ Settembru 2020, l-HSC huwa mistenni jiddeċiedi dwar Opinjonijiet ta’ Klassifikazzjoni, deċiżjonijiet ta’ klassifikazzjoni, emendi għan-Noti ta’ Spjegazzjoni jew pariri oħra dwar l-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata u jiddeċiedi dwar rakkomandazzjonijiet sabiex tiġi żgurata l-uniformità fl-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata taħt il-Konvenzjoni SA.

(4)

Importanti li jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fl-interessi taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-verifika, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tal-oġġetti għal skopijiet doganali għandu, b’mod ġenerali, jitfittex fil-karatteristiċi oġġettivi u l-proprjetajiet tagħhom kif definiti fit-test tal-intestatura rilevanti tan-nomenklatura doganali u fin-noti rilevanti tat-taqsimiet u l-kapitoli.

(5)

Fid-dawl tal-Opinjonijiet ta’ Klassifikazzjoni, tad-deċiżjonijiet ta’ klassifikazzjoni, tal-emendi għan-Noti ta’ Spjegazzjoni u ta’ pariri oħra dwar l-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata, u ta’ rakkomandazzjonijiet sabiex tiġi żgurata l-uniformità fl-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni SA, jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni, għaliex, ladarba jiġu aċċettati, dawk l-Opinjonijiet ta’ Klassifikazzjoni, u uħud minn dawk id-deċiżjonijiet ta’ klassifikazzjoni u emendi jiġu ppubblikati f’Komunikazzjoni tal-Kummissjoni taħt il-punt (a)(iii) tal-Artikolu 34(7) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u jsiru applikabbli għall-Istati Membri. Il-pożizzjoni se tiġi espressa fl-HSC.

(6)

Din id-Deċiżjoni tissupplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1410 (5),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed, f’isem l-Unjoni, fis-66 sessjoni tal-Kumitat tas-Sistema Armonizzata tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali dwar l-approvazzjoni ta’ Noti ta’ Spjegazzjoni, Opinjonijiet ta’ Klassifikazzjoni u pariri oħra dwar l-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata u ta’ rakkomandazzjonijiet biex tiġi żgurata l-uniformità fl-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata taħt il-Konvenzjoni dwar is-Sistema Armonizzata, hija stabbilita fl-Anness.

Artikolu 2

Jista’ jintlaħaq qbil mir-rappreżentanti tal-Unjoni dwar tibdiliet tekniċi minuri għall-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 mingħajr il-ħtieġa ta’ deċiżjoni ulterjuri mill-Kunsill.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-12 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti u tal-Protokoll li Jemendaha (ĠU L 198, 20.7.1987, p. 1).

(2)  ĠU L 198, 20.7.1987, p. 3.

(3)  Il-Protokoll ta’ Emendament tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti (ĠU L 198, 20.7.1987, p. 11).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1410 tal-25 ta’ Settembru 2020 dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fis-66 sessjoni tal-Kumitat tas-Sistema Armonizzata tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali fir-rigward tal-adozzjoni maħsuba ta’ Opinjonijiet ta’ Klassifikazzjoni, deċiżjonijiet ta’ klassifikazzjoni, emendi għan-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata jew pariri oħra dwar l-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata, u ta’ rakkomandazzjonijiet biex tiġi żgurata l-uniformità fl-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata taħt il-Konvenzjoni dwar is-Sistema Armonizzata (ĠU L 327, 8.10.2020, p. 1).


ANNESS

Dan l-Anness jissupplimenta l-Anness tad-Deċiżjoni (UE) 2020/1410,

II.2.   

Żvilupp ta’ tabelli ta’ korrelazzjoni bejn il-verżjonijiet tal-2017 u tal-2022 tas-Sistema Armonizzata (Dok. NC2704, NC2749 u NC2753)

Fir-rigward tat-tabella ta’ korrelazzjoni għas-subintestaturi 4 407,13 u 4 407,14 (taħlitiet ta’ A-A-Ż (abit, arżnu u żnuber) u ta’ żnuber taċ-ċikuta (ċikuta tal-Punent u żnuber)), l-Unjoni għandha tappoġġa l-korrelazzjonijiet proposti mis-Segretarjat tad-WCO fil-paragrafu 20 tad-dokument NC2753.

Fir-rigward tat-tabella ta’ korrelazzjoni għas-subintestatura 4 418,83 (raġġi I), l-Unjoni għandha tappoġġa l-korrelazzjonijiet proposti mill-Ġappun fil-paragrafu 14 tad-dokument NC2753.

Fir-rigward tat-tabella ta’ korrelazzjoni għas-subintestatura 7 019,71 (veli/folji rqaq tal-fibri tal-ħġieġ), l-Unjoni tinnota li l-uniku trasferiment mis-SA 2017 ikun mis-subintestatura 7 019,32.

Fir-rigward tat-tabella ta’ korrelazzjoni għas-subintestaturi 8 462,62 u 8 462,63 (magni għall-kiwi bil-forġa), l-Unjoni għandha tappoġġa ż-żamma tas-subintestaturi kollha proposti għal trasferiment imsemmija fis-SA 2017, inkluż dawk fil-parentesi kwadri.

Fir-rigward tat-tabella ta’ korrelazzjoni għas-subintestatura 8 519,81 (magni li jwieġbu t-telefon), l-Unjoni għandha tappoġġa l-proposta tas-Segretarjat tad-WCO fil-paragrafu 26 tad-dokument NC2704.

Fir-rigward tat-tabella ta’ korrelazzjoni għas-subintestatura 8 539,51 (LED), l-Unjoni għandha tappoġġa l-konklużjoni tas-Segretarjat tad-WCO fil-paragrafu 24 tad-dokument NC2704.

Fir-rigward tat-tabella ta’ korrelazzjoni għas-subintestatura 8 541,51 il-ġdida (transdjusers ibbażati fuq semikondutturi), l-Unjoni tinnota li ma hemm l-ebda evidenza ta’ parts ikklassifikati separatament fil-verżjoni tas-SA 2017. Għaldaqstant mhu meħtieġ l-ebda trasferiment addizzjonali.

Fir-rigward tat-tabella ta’ korrelazzjoni għas-subintestatura 88.06 (inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord), l-Unjoni għandha tappoġġa l-opzjoni (i) imsemmija fil-paragrafu 25 tad-dokument NC2704.

Fl-aħħar nett, l-Unjoni għandha tappoġġa l-korrezzjoni ta’ xi żbalji editorjali fl-abbozzi tat-Tabelli ta’ Korrelazzjoni I u II, kif stabbilit fl-Anness tad-dokument NC2753.

III.4.   

Klassifikazzjoni fis-SA 2022 ta’ ċerti kollezzjonijiet u biċċiet tal-kollezzjoni ta’ interess numismatiku (Talba mis-Segretarjat) (Dok. NC2711, NC2754)

L-Unjoni tikklassifika t-tliet prodotti fis-subintestatura 9 705,31 il-ġdida fis-SA2022. L-Unjoni tinnota li kemm il-Kanada kif ukoll is-Segretarjat tad-WCO jappoġġaw il-proposta tal-Unjoni li titħassar ir-referenza għall-“coins generally known in the trade as ‘ancients’ or ‘ancient coins’” (muniti ġeneralment magħrufa fil-kummerċ bħala “antiki” jew “muniti antiki”) mit-tieni paragrafu tal-Punt (4) tal-Parti (A) il-ġdida tan-NSSA tal-intestatura 97.05.

III.5.   

Klassifikazzjoni fis-SA 2022 tal-cartridges għall-istampaturi 3D (Talba mis-Segretarjat) (Dok. NC2712, NC2755)

L-Unjoni għandha tappoġġa l-proposta biex jiġu emendati l-NSSA li tispeċifika li jenħtieġ li l-cartridges tal-istampaturi 3D b’komponenti elettroniċi jew b’mekkaniżmi mekkaniċi jiġu kklassifikati bħala parts tal-istampaturi 3D.

L-Unjoni tikklassifika l-prodotti ppreżentati fiż-żewġ dokumenti NC2712 u NC2755 fl-intestatura 84.85 fis-SA 2022 bħala parts tal-istampaturi 3D filwaqt li titqies il-preżenza ta’ komponenti elettroniċi għall-konnessjoni ma’ stampatur 3D.

III.7   

Rapport tas-57 Sessjoni tas-Sottokumitat ta’ Rieżami tas-SA (Dok. NR1434)

III.8.   

Kwistjonijiet li jirrikjedu deċiżjoni. (Dok. NC2709)

(a)

Annessi C/4 u D/8 — Emendi għan-Noti ta’ Spjegazzjoni (SA-2022) (Taqsima VI)

(b)

Annessi C/5, D/9 u D/22 — Emendi għan-Noti ta’ Spjegazzjoni (SA-2022) (Taqsima VII)

(c)

Annessi C/8 u D/12 — Emendi għan-Noti ta’ Spjegazzjoni b’konsegwenza tar-Rakkomandazzjoni tal-Artikolu 16 tat-28 ta’ Ġunju 2019 (Taqsima XIII)

(d)

Annessi C/13 u D/17 — Emendi għan-Noti ta’ Spjegazzjoni b’konsegwenza tar-rakkomandazzjoni tal-Artikolu 16 tat-28 ta’ Ġunju 2019. (Taqsima XX)

(e)

Annessi C/14 u D/18 — Emendi possibbli għan-Noti ta’ Spjegazzjoni fir-rigward ta’ ċertu tagħmir tal-parks tad-divertiment (Proposta mill-Istati Uniti)

L-Unjoni għandha taqbel mal-emendi kollha proposti f'dawk id-dokumenti.

(f)

Annessi C/1 u D/5 — Emendi possibbli għan-Noti ta’ Spjegazzjoni tal-intestatura 15.09 fir-rigward ta’ żjut taż-żebbuġa verġni oħra, u tal-intestatura 15.15 fir-rigward ta’ eżempji ta’ xaħmijiet u żjut mikrobiċi

Fir-rigward tan-NSSA tal-intestatura 15.09, l-Unjoni għandha tappoġġa l-proposta tal-Unjoni (opzjoni 2) u l-proposta Kanadiża l-ġdida (opzjoni 3). Fil-punt (D)(2), l-Unjoni għandha tappoġġa l-użu ta’ “or” (jew) (opzjoni 2) minflok ta’ “and/or” (u/jew).

Fir-rigward tan-NSSA tal-intestatura 15.15, l-Unjoni għandha tappoġġa l-użu tal-espressjoni “single cell organism” (organiżmu b’ċellola singola) (opzjoni 1), u l-użu ta’ “or” (jew) (opzjoni 2) minflok ta’ “and/or” (u/jew). Fl-eżempji (a) u (b), l-Unjoni għandha tappoġġa l-użu tal-espressjoni “obtained from” (miksub minn) (opzjoni 2).

(g)

Annessi C/3 u D/7 — Emendi possibbli għan-Noti ta’ Spjegazzjoni fir-rigward tal-“placebos” (plaċebos) u d-“double-blinded clinical trial kits” (kittijiet tal-provi kliniċi double-blinded) fl-intestatura 30.06 (Talba mill-Awstralja)

Fir-rigward tas-sentenza “The placebos of this heading also include [control vaccines] [controlled vaccines] [vaccines which are used as control substances and] that have been licensed for use in recognized clinical trials.” (Il-plaċebos ta’ din l-intestatura jinkludu wkoll [vaċċini ta’ kontroll] [vaċċini kkontrollati] [vaċċini li jintużaw bħala sustanzi ta’ kontroll u] li ngħataw il-liċenzja għall-użu fi provi kliniċi rrikonoxxuti.), l-Unjoni ma għandhiex tappoġġa ż-żieda ta’ din is-sentenza fit-test tal-punt (12) tan-NSSA tal-intestatura 30.06, peress li mhuwiex ċar x’tip ta’ sustanzi huma deskritti minnha. Jekk il-Partijiet Kontraenti l-oħra jiddeċiedu li jżiduha, l-Unjoni għandha tappoġġa l-“vaccines which are used as control substances” (vaċċini li jintużaw bħala sustanzi ta’ kontroll) (opzjoni 3), jew jekk tkun meħtieġa il-flessibbiltà, il-“control vaccines” (vaċċini ta’ kontroll) (opzjoni 1).

Fir-rigward tas-sentenza “[Active ingredients to be trialled can include herbal medicinal products [for therapeutic or prophylactic uses].]” ([L-ingredjenti attivi li jridu jsiru provi fuqhom jistgħu jinkludu l-prodotti mediċinali erbali [għal użi terapewtiċi jew profilattiċi].]), l-Unjoni għandha tibqa’ flessibbli rigward jekk tiżdiedx fit-test, iżda ma għandhiex tappoġġa lista miftuħa ta’ eżempji kif issuġġerit mid-delegazzjoni tal-Istati Uniti.

(h)

Annessi C/6 u D/10 — Emendi għan-Noti ta’ Spjegazzjoni b’konsegwenza tar-rakkomandazzjoni tal-Artikolu 16 tat-28 ta’ Ġunju 2019 (Taqsima IX)

L-Unjoni għandha tappoġġa l-proposta biex in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Subintestaturi mas-subintestaturi 4 412,41, 4 412,42 u 4 412,49. L-Unjoni għandha titlob li t-test propost jeħtieġ li jiġi analizzat u jittejjeb iktar sabiex jikkonforma mal-prattiki ta’ klassifikazzjoni attwali fl-Unjoni (pereżempju, l-orjentazzjoni tal-fuljetti).

(i)

Annessi C/7 u D/11 — Emendi għan-Noti ta’ Spjegazzjoni b’konsegwenza tar-rakkomandazzjoni tal-Artikolu 16 tat-28 ta’ Ġunju 2019 (Taqsimiet XI u XII)

L-Unjoni għandha tappoġġa ż-żieda ta’ “paraseismic wall covering” (kisi parasismiku tal-ħajt) u “geotextiles” (ġeotessuti) mal-lista ta’ eżempji ta’ tessuti elettroniċi. Fit-test dwar il-“geotextiles” (ġeotessuti), l-Unjoni għandha tappoġġa t-test “a sensor made of fibres or at least being fully integrated in the fibres” (sensur magħmul minn fibri jew mill-inqas integrat kompletament fil-fibri) (opzjoni 2) kif issuġġerit preċedentement mill-Unjoni.

L-Unjoni għandha tappoġġa provviżorjament l-adozzjoni tat-testi approvati mis-Sottokumitat ta’ Rieżami tas-SA.

(j)

Annessi C/12 u D/16 — Emendi għan-Noti ta’ Spjegazzjoni b’konsegwenza tar-rakkomandazzjoni tal-Artikolu 16 tat-28 ta’ Ġunju 2019 (Taqsima XVII)

L-Unjoni għandha tappoġġa ż-żieda tar-referenza għall-kameras integrati b’mod permanenti fil-paragrafu 3 tan-NSSA tal-intestatura 88.06, diment li l-Opinjoni ta’ Klassifikazzjoni li tikklassifika dron b’kamera integrata fl-intestatura 85.25 tiġi rieżaminata u allinjata mas-SA2022 u man-NSSA.

Fir-rigward tal-paragrafu 4 tan-NSSA tal-intestatura 88.06, l-Unjoni għandha tappoġġa l-proposta miċ-Ċina bi kriterji tekniċi addizzjonali introdotti mill-Unjoni (it-tieni opzjoni).

(k)

Annessi C/15 u D/19 — Emenda possibbli għan-Noti ta’ Spjegazzjoni tal-Kapitolu 97 fir-rigward ta’ ċertu oġġetti kulturali (Proposta mill-Istati Uniti)

L-Unjoni ma għandhiex tappoġġa l-lista ta’ oġġetti msemmija bħala eżempji, peress li dawn huma speċifiċi ħafna u limitati biex jispjegaw l-ambitu tal-oġġetti li jridu jiġu kklassifikati fis-subintestatura 9 705,10.

L-Unjoni tinnota wkoll li d-definizzjonijiet u l-eżempji pprovduti ma jagħtux ċarezza dwar kif għandhom jiġu kklassifikati pereżempju t-“traditional national costumes” (kostumi nazzjonali tradizzjonali) jew l-“old cars” (karozzi qodma).

(l)

Annessi C/16 u D/20 — Emenda għan-Noti ta’ Spjegazzjoni tal-GIR (SA 2022)

L-Unjoni għandha tappoġġa l-proposta oriġinali mis-Segretarjat tad-WCO (opzjoni 1, bl-użu tat-terminu “merely” (sempliċement), iżda tibqa’ flessibbli għall-espressjoni “not further worked than” (mhux maħdum iktar minn) u għandha titlob li t-testi jiġu allinjati bl-Ingliż u bil-Franċiż.

III.9.   

Emenda possibbli għan-Nota ta’ Spjegazzjoni tal-intestatura 71.04 fir-rigward tad-djamanti sintetiċi (Proposta mill-Proċess ta’ Kimberley) (Dok. NC2757)

L-Unjoni għandha taqbel mal-modifiki proposti għat-tielet paragrafu l-ġdid tal-intestatura 71.04 u mal-ħolqien tal-punt (3) il-ġdid tas-subintestatura Noti ta’ Spjegazzjoni tas-subintestatura 7 104,91.

III.10.   

Klassifikazzjoni ta’ element ta’ sistemi mikroelettromekkaniċi (MEMS) fis-SA 2022 (Proposta mis-Segretarjat)

L-Unjoni tikklassifika l-prodott fl-intestatura 85.41.