ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 328

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
9 ta' Ottubru 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1423 tal-14 ta’ Marzu 2019 dwar is-supplimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar il-kriterji għall-ħatra ta’ punti ta’ kuntatt ċentrali fil-qasam tas-servizzi ta’ pagament u dwar il-funzjonijiet ta’ dawk il-punti ta’ kuntatt ċentrali ( 1 )

1

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1424 tat-8 ta’ Ottubru 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1017 fir-rigward tal-limiti massimi baġitarji għall-2020 applikabbli għal ċerti skemi ta’ appoġġ dirett fil-Belġju, fil-Bulgarija, fid-Danimarka, fil-Kroazja, fil-Lussemburgu u fil-Portugall

4

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1425 tat-8 ta’ Ottubru 2020 li jagħti awtorizzazzjoni tal-Unjoni għall-familja ta’ prodotti bijoċidali PeridoxRTU Product Family ( 1 )

8

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1426 tas-7 ta’ Ottubru 2020 dwar l-użu armonizzat tal-ispettru tar-radju fil-faxxa tal-frekwenzi 5875–5935 MHz għal applikazzjonijiet relatati mas-sigurtà ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (ITS) u li tħassar id-Deċiżjoni 2008/671/KE (notifikata bid-dokument C(2020) 6773)  ( 1 )

19

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

9.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 328/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1423

tal-14 ta’ Marzu 2019

dwar is-supplimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar il-kriterji għall-ħatra ta’ punti ta’ kuntatt ċentrali fil-qasam tas-servizzi ta’ pagament u dwar il-funzjonijiet ta’ dawk il-punti ta’ kuntatt ċentrali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 29(7) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-rekwiżit li jinħatar punt ta’ kuntatt ċentrali skont l-Artikolu 29(4) tad-Direttiva (UE) 2015/2366 jenħtieġ li jkun proporzjonat biex jintlaħqu l-għanijiet segwiti minn dik id-Direttiva, mingħajr ma jinħolqu piżijiet bla bżonn fuq l-istituzzjonijiet ta’ pagament li joperaw b’mod transfruntier. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu speċifikati kriterji proporzjonati fil-forma ta’ limiti relatati mal-volum u l-valur tat-tranżazzjonijiet imwettqa fl-Istat Membru ospitanti permezz ta’ aġenti u għan-numru ta’ aġenti stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti. Billi l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tista’ teħtieġ li l-istituzzjonijiet ta’ pagament jirrapportaw dwar l-attivitajiet imwettqa fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru skont l-Artikolu 29(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2366, dik l-awtorità għandha l-mezzi biex tikseb l-informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ tali kriterji. Għalhekk, dawk il-limiti għandhom jiġu stabbiliti biex jissupplimentaw l-Artikolu 29(4) tad-Direttiva (UE) 2015/2366.

(2)

Fejn il-ħatra ta’ punt ta’ kuntatt ċentrali hija meħtieġa minn Stat Membru skont l-Artikolu 29(4) tad-Direttiva (UE) 2015/2366, dak il-punt ta’ kuntatt ċentrali għandu primarjament jiżgura komunikazzjoni adegwata u rappurtar ta’ informazzjoni dwar il-konformità mar-rekwiżiti stipulati fit-Titoli III u IV ta’ dik id-Direttiva fl-Istat Membru ospitanti, inklużi l-obbligi ta’ rappurtar tal-istituzzjoni ta’ pagament li taħtar lejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti. Għandu jkollu wkoll rwol ċentrali ta’ koordinazzjoni bejn l-istituzzjoni ta’ pagament li taħtar u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti sabiex tiġi ffaċilitata s-superviżjoni tan-negozju ta’ servizzi ta’ pagament imwettqa fl-Istat Membru ospitanti permezz ta’ aġenti taħt id-dritt ta’ stabbiliment. Għal dak il-għan, l-istituzzjoni ta’ pagament għandha tiżgura li l-punt ta’ kuntatt ċentrali jingħata r-riżorsi meħtieġa u jkollha aċċess għad-dejta rilevanti ta’ rappurtar biex tikkonforma mal-obbligi tagħha skont id-Direttiva (UE) 2015/2366.

(3)

Dan ir-Regolament huwa msejjes fuq l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) lill-Kummissjoni.

(4)

L-EBA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kriterji biex jiġi ddeterminat meta l-ħatra ta’ punt ta’ kuntatt ċentrali hija xierqa

Għall-finijiet tal-Artikolu 29(4) tad-Direttiva (UE) 2015/2366, ir-rikjediment li l-istituzzjonijiet ta’ pagament jaħtru punt ta’ kuntatt ċentrali għandu jitqies xieraq biss meta jiġi ssodisfat wieħed jew aktar mill-kriterji li ġejjin:

(a)

l-għadd totali ta’ aġenti li permezz tagħhom istituzzjoni ta’ pagament tipprovdi kwalunkwe wieħed mis-servizzi ta’ pagament imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva (UE) 2015/2366 fi Stat Membru ospitanti taħt id-dritt ta’ stabbiliment huwa ugwali għal jew jaqbeż l-10;

(b)

il-valur totali ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament, inklużi tranżazzjonijiet ta’ pagament mibdija meta jiġu pprovduti servizzi ta’ bidu ta’ pagament, imwettqa minn istituzzjoni ta’ pagament fl-Istat Membru ospitanti fl-aħħar sena finanzjarja permezz ta’ aġenti li jinsabu fl-Istat Membru ospitanti u li jopera jew taħt id-dritt ta’ stabbiliment jew taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jaqbeż it-EUR 3 miljun u l-istituzzjoni ta’ pagament tkun wettqet mill-inqas tnejn minn dawk l-aġenti taħt id-dritt ta’ stabbiliment;

(c)

in-numru totali ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament imwettqa minn istituzzjoni ta’ pagament fl-Istat Membru ospitanti fl-aħħar sena finanzjarja permezz ta’ aġenti li jinsabu fl-Istat Membru ospitanti u li joperaw jew taħt id-dritt ta’ stabbiliment jew taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, inkluż in-numru ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament mibdija meta jiġu pprovduti servizzi ta’ bidu ta’ pagament, jaqbeż il-100 000 u l-istituzzjoni ta’ pagament involviet mill-inqas tnejn minn dawk l-aġenti taħt id-dritt ta’ stabbiliment.

Artikolu 2

Funzjonijiet tal-punt ta’ kuntatt ċentrali

1.   Punt ta’ kuntatt ċentrali li jinħatar skont l-Artikolu 29(4) tad-Direttiva (UE) 2015/2366 għandu jwettaq kull waħda mill-funzjonijiet li ġejjin:

(a)

għandu jservi bħala fornitur wieħed u punt uniku ta’ ġbir għall-finijiet tal-obbligi ta’ rapportar tal-istituzzjoni ta’ pagament li taħtar lejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti skont l-Artikolu 29(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2366 fir-rigward tas-servizzi pprovduti fl-Istat Membru ospitanti permezz ta’ aġenti taħt id-dritt ta’ stabbiliment;

(b)

għandu jservi bħala punt ta’ kuntatt uniku tal-istituzzjoni ta’ pagament li taħtar f’komunikazzjonijiet mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti, fir-rigward tas-servizzi ta’ pagament ipprovduti fl-Istat Membru ospitanti permezz ta’ aġenti taħt id-dritt ta’ stabbiliment, inkluż billi jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti b’dokumenti u informazzjoni fuq talba;

(c)

għandu jiffaċilita l-ispezzjonijiet fuq il-post mill-awtoritajiet kompetenti tal-aġenti tal-istituzzjoni ta’ pagament li taħtar li joperaw fl-Istat Membru ospitanti skont id-dritt ta’ stabbiliment u l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe miżura superviżorja adottata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju jew ospitanti skont id-Direttiva (UE) 2015/2366.

2.   L-istituzzjonijiet tal-ħlas għandhom jiżguraw li punt ta’ kuntatt ċentrali jkollu r-riżorsi meħtieġa u jkollu aċċess għad-dejta kollha meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 29(4) tad-Direttiva (UE) 2015/2366 u speċifikati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Marzu 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


9.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 328/4


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1424

tat-8 ta’ Ottubru 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1017 fir-rigward tal-limiti massimi baġitarji għall-2020 applikabbli għal ċerti skemi ta’ appoġġ dirett fil-Belġju, fil-Bulgarija, fid-Danimarka, fil-Kroazja, fil-Lussemburgu u fil-Portugall

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 22(1), 36(4), 42(2), 47(3), 51(4) u 53(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1017 (2) stabbilixxa l-limiti massimi baġitarji annwali għal ċerti skemi ta’ pagament dirett għall-2020.

(2)

Il-limiti massimi baġitarji annwali stabbiliti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1017 huma bbażati fuq il-limiti massimi nazzjonali stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 kif emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/756 (3). Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/756 integra d-deċiżjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tat-trasferimenti bejn il-pagamenti diretti u l-iżvilupp rurali skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għas-sena kalendarja 2020.

(3)

Madankollu, sabiex jittaffew il-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 u tad-diffikultajiet li jirriżultaw għas-settur tal-biedja, il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Kroazja, il-Lussemburgu u l-Portugall innotifikaw reviżjoni tad-deċiżjonijiet tagħhom fir-rigward tat-trasferimenti bejn il-pilastri. Il-limiti massimi rispettivi fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 ġew emendati sussegwentement bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1314 (4), li jinkorpora l-impatt tad-deċiżjonijiet u l-ammonti riveduti notifikati.

(4)

Minħabba li l-limiti massimi baġitarji annwali għall-2020 huma bbażati fuq il-limiti massimi nazzjonali stipulati fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, il-bidliet tal-limiti massimi nazzjonali jinvolvu bidliet tal-limiti massimi baġitarji annwali għall-Istati Membri kkonċernati. Barra minn hekk, ċerti Stati Membri rrevedew ukoll ċerti allokazzjonijiet għall-iskemi differenti sa fejn meħtieġ fid-dawl tar-reviżjoni tal-flessibbiltà.

(5)

Sabiex jitqiesu dawk il-bidliet, jenħtieġ li l-limiti massimi baġitarji għall-iskema ta’ pagament bażiku, l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja, il-pagament ridistributtiv, il-pagament għall-prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent, l-iskema għall-bdiewa żgħażagħ u l-appoġġ akkoppjat volontarju għas-sena kalendarja 2020 jiġu kkalkulati mill-ġdid għall-Istati Membri kkonċernati.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1017 jiġi emendat skont dan.

(7)

Billi l-emenda li qed issir permezz ta’ dan ir-Regolament taffettwa l-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1017, li japplika mill-1 ta’ Jannar 2020, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-istess data.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Pagamenti Diretti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1017 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1017 tat-13 ta’ Lulju 2020 li jistabbilixxi l-limiti massimi baġitarji għall-2020 applikabbli għal ċerti skemi ta’ appoġġ dirett previsti fir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 225, 14.7.2020, p. 1).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/756 tal-1 ta’ April 2020 li jemenda l-Annessi II u III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 179, 9.6.2020, p. 1).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1314 tal-10 ta’ Lulju 2020 li jemenda l-Annessi II u III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-limiti massimi nazzjonali u tal-limiti massimi netti għall-pagamenti diretti għal ċerti Stati Membri għas-sena kalendarja 2020 (ĠU L 307, 22.9.2020, p. 1).


ANNESS

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1017 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-punt I, l-entrati għall-Belġju, għad-Danimarka, għall-Kroazja, għal-Lussemburgu u għall-Portugall huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Il-Belġju

225 124

Id-Danimarka

522 054

Il-Kroazja

157 075

Il-Lussemburgu

24 004

Il-Portugall

290 208 ”

(2)

fil-punt II, l-entrata għall-Bulgarija hija sostitwita b’dan li ġej:

“Il-Bulgarija

412 836 ”

(3)

fil-punt III, l-entrati għall-Bulgarija, għall-Kroazja u għall-Portugall huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Il-Bulgarija

60 844

Il-Kroazja

34 828

Il-Portugall

55 320 ”

(4)

fil-punt IV, l-entrati għall-Belġju, għall-Bulgarija, għall-Kroazja, għal-Lussemburgu u għall-Portugall huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Il-Belġju

151 580

Il-Bulgarija

260 016

Il-Kroazja

104 484

Il-Lussemburgu

10 583

Il-Portugall

205 307 ”

(5)

fil-punt VI, l-entrati għall-Belġju, għall-Bulgarija, għall-Kroazja, għal-Lussemburgu u għall-Portugall huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Il-Belġju

9 563

Il-Bulgarija

3 016

Il-Kroazja

6 966

Il-Lussemburgu

529

Il-Portugall

13 687 ”

(6)

fil-punt VII, l-entrati għall-Belġju, għall-Bulgarija, għall-Kroazja, għal-Lussemburgu u għall-Portugall huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Il-Belġju

10 105

Il-Bulgarija

17 334

Il-Kroazja

6 966

Il-Lussemburgu

706

Il-Portugall

13 687 ”

(7)

fil-punt VIII, l-entrati għall-Belġju, għall-Bulgarija, għad-Danimarka, għall-Kroazja u għall-Portugall huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Il-Belġju

83 510

Il-Bulgarija

130 008

Id-Danimarka

32 863

Il-Kroazja

52 242

Il-Portugall

134 204 ”


9.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 328/8


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1425

tat-8 ta’ Ottubru 2020

li jagħti awtorizzazzjoni tal-Unjoni għall-familja ta’ prodotti bijoċidali “PeridoxRTU Product Family”

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 44(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Settembru 2017, Contec Europe ippreżentat applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 43(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għall-awtorizzazzjoni ta’ familja ta’ prodotti bijoċidali bl-isem “PeridoxRTU Product Family” tat-tip ta’ prodotti 2, kif deskritt fl-Anness V ta’ dak ir-Regolament, u pprovdiet konferma bil-miktub li l-awtorità kompetenti tal-Belġju aċċettat li tevalwa l-applikazzjoni. L-applikazzjoni ġiet irreġistrata bin-numru tal-każ BC-HT057172-25 fir-Reġistru għall-Prodotti Bijoċidali.

(2)

Is-sustanza attiva fil-“PeridoxRTU Product Family” hija l-aċidu peraċetiku, li huwa inkluż fil-lista tal-Unjoni tas-sustanzi attivi approvati msemmija fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(3)

Fis-27 ta’ Awwissu 2019, f’konformità mal-Artikolu 44(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni ppreżentat rapport ta’ valutazzjoni u l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tagħha lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”).

(4)

Fis-7 ta’ April 2020, l-Aġenzija ressqet opinjoni lill-Kummissjoni (2), inkluż l-abbozz tas-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott bijoċidali (“SPC”) tal-“PeridoxRTU Product Family” u r-rapport finali tal-valutazzjoni dwar il-familja ta’ prodotti bijoċidali f’konformità mal-Artikolu 44(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(5)

L-opinjoni kkonkludiet li l-“PeridoxRTU Product Family” hija “familja ta’ prodotti bijoċidali” skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(s) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li hija eliġibbli għall-awtorizzazzjoni tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 42(1) ta’ dak ir-Regolament u li, soġġett għall-konformità mal-abbozz tal-SPC, tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19(1) u (6) ta’ dak ir-Regolament.

(6)

Fis-27 ta’ April 2020, l-Aġenzija bagħtet l-abbozz tal-SPC lill-Kummissjoni fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 44(4) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(7)

Il-Kummissjoni taqbel mal-opinjoni tal-Aġenzija u għalhekk tqis li jixraq li tagħti awtorizzazzjoni tal-Unjoni għal “PeridoxRTU Product Family”.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Qed tingħata awtorizzazzjoni tal-Unjoni bin-numru EU-0023658-0000 lil Contec Europe biex tqiegħed fis-suq u tuża l-familja ta’ prodotti bijoċidali “PeridoxRTU Product Family”, f’konformità mas-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodotti bijoċidali stabbilit fl-Anness.

L-awtorizzazzjoni tal-Unjoni hija valida mid-29 ta’ Ottubru 2020 sat-30 ta’ Settembru 2030.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  L-opinjoni tal-ECHA tal-5 ta’ Marzu 2020 dwar l-awtorizzazzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-“PeridoxRTU Product Family” (ECHA/BPC/247/2020), https://echa.europa.eu/bpc-opinions-on-union-authorisation.


ANNESS

Sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott għal familja ta ‘prodotti bijoċidali

PeridoxRTU Product Family

Prodott tip 2 — Diżinfettanti u alkaċidi li mhumiex maħsuba għall-applikazzjoni diretta fuq il-bnedmin jew fuq l-annimali (Diżinfettanti)

Numru tal-awtorizzazzjoni: EU-0023658-0000

Numru tal-ass R4BP: EU-0023658-0000

PARTI I

L-EWWEL LIVELL TA’ INFORMAZZJONI

1.   INFORMAZZJONI AMMINISTRATTIVA

1.1.   Kunjom

Isem

PeridoxRTU Product Family

1.2.   Tip(i) ta’ prodott

Tip(i) ta’ prodott

TP 02 — Diżinfettanti u alkaċidi li mhumiex maħsuba għall-użu dirett fuq il-bnedmin jew l-annimali

1.3.   Detentur tal-awtorizzazzjoni

Isem u indirizz tad-detentur ta’ awtorizzazzjoni

Isem

Contec Europe

Indirizz

Zl Du Prat, Avenue Paul Duplaix, 56 000 Vannes, France

Numru tal-awtorizzazzjoni

EU-0023658-0000

Numru tal-ass R4BP

EU-0023658-0000

Data tal-awtorizzazzjoni

id-29 ta’ Ottubru 2020

Data ta’ skadenza tal-awtorizzazzjoni

it-30 ta’ Settembru 2030

1.4.   Manifattur(i) tal-prodotti bijoċidali

L-isem tal-manifattur

Enviro Tech Chemical Services, Inc.

L-indirizz tal-manifattur

500 Winmoore Way, CA 95358 Modesto Istati Uniti

Post ta ‘siti ta’ manifattura

500 Winmoore Way, CA 95358 Modesto Istati Uniti

724 Phillips Rd 411, AR 72342 Helena Istati Uniti

1.5.   Manifattur(i) tas-sustanza(i) attiva(i)

Sustanza attiva

Aċidu peraċetiku

L-isem tal-manifattur

Evonik Peroxid GmbH

L-indirizz tal-manifattur

Industriestraße 1, 9721 Weißenstein Awstrija

Post ta ‘siti ta’ manifattura

Industriestraße 1, 9721 Weißenstein Awstrija

2.   IL-KOMPOŻIZZJONI TAL-FAMILJA TAL-PRODOTT U L-FORMULAZZJONI

2.1.   Informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva dwar il-kompożizzjoni tal-familja

Isem komuni

Isem IUPAC

Funzjoni

Numru CAS

Numru KE

Kontenut (%)

Min

Mass

Aċidu peraċetiku

 

Sustanza attiva

79-21-0

201-186-8

0,23

0,23

Hydrogen Peroxide

Hydrogen Peroxide

Mħux sustanza attiva

7722-84-1

231-765-0

4,4

4,4

Acetic Acid

Acetic Acid

Mħux sustanza attiva

64-19-7

200-580-7

5,0

5,0

2.2.   Tip(i) ta’ formulazzjoni

Formulazzjoni/Formulazzjonijiet

AL — Kwalunkwe likwidu ieħor

PARTI II

IT-TIENI LIVELL TA’ INFORMAZZJONI — META SPC(S)

META SPC 1

1.   INFORMAZZJONI AMMINISTRATTIVA TAL-META SPC 1

1.1.   Identifikatur tal-Meta SPC 1

Identifikatur

Contec PeridoxRTU

1.2.   Suffiss għan-numru tal-awtorizzazzjoni

Numru

1-1

1.3.   Tip(i) ta’ prodott

Tip(i) ta’ prodott

TP 02 — Diżinfettanti u alkaċidi li mhumiex maħsuba għall-użu dirett fuq il-bnedmin jew l-annimali

2.   KOMPOŻIZZJONI TAL-META SPC 1

2.1.   Informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva dwar il-kompożizzjoni tal-meta SPC 1

Isem komuni

Isem IUPAC

Funzjoni

Numru CAS

Numru KE

Kontenut (%)

Min

Mass

Aċidu peraċetiku

 

Sustanza attiva

79-21-0

201-186-8

0,23

0,23

Hydrogen Peroxide

Hydrogen Peroxide

Mħux sustanza attiva

7722-84-1

231-765-0

4,4

4,4

Acetic Acid

Acetic Acid

Mħux sustanza attiva

64-19-7

200-580-7

5,0

5,0

2.2.   Tip(i) ta’ formulazzjoni tal-meta SPC 1

Formulazzjoni/Formulazzjonijiet

AL — Kwalunkwe likwidu ieħor

3.   DIKJARAZZJONIJIET TA’ PERIKLU U TA’ PREKAWZJONI TAL-META SPC 1

Dikjarazzjonijiet dwar Periklu

Jagħmel ħruq serju lill-ġilda u ħsara lill-għajnejn.

Jista’ jkun korrużiv għall-metalli.

Jagħmel ħsara lill-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti dejjiema.

Dikjarazzjonijiet dwar Prekawzjoni

Tiblax man-nifs fwar.

Tiblax man-nifs sprej.

Żomm biss fl-imballaġġ oriġinali.

Aħsel idejk sew wara li timmaniġġjah.

Evita r-rilaxx fl-ambjent.

Ilbes ingwanti protettivi.

Ilbes ilbies protettiv.

Ilbes protezzjoni għall-għajnejn.

Ilbes protezzjoni għall-wiċċ.

JEKK JINBELA’:Laħlaħ ħalqek.TIPPROVOKAX ir-remettar.

F’KAŻ TA’ KUNTATT MAL-ĠILDA (jew ix-xagħar):Neħħi minnufih il-ħwejjeg kontaminati kollha.Laħlaħ il-ġilda bl-ilma.

JEKK JINĠIBED MAN-NIFS:Qiegħed lill-persuna għall-arja friska f’pożizzjoni komda biex tieħu n-nifs.

JEKK JIDĦOL FL-GĦAJNEJN: Laħlaħ b’attenzjoni bl-ilma għal diversi minuti.Neħħi l-lentijiet tal-kuntatt, jekk ikun hemm u jkunu faċli biex tneħħihom. Kompli laħlaħ.

Sejjaħ minnufih ĊENTRU TAL-AVVELENAMENT jew tabib.

Trattament speċifiku (ara t-tagħrif fuq din it-tikketta).

Aħsel il-ħwejjeġ kontaminati qabel terġa’ tużahom.

Assorbi t-tixrid biex tipprevjeni ħsara fil-materjal.

Aħżen f’post imsakkar.

Armi l-kontenut fi skont ir-regolamenti lokali/nazzjonali/internazzjonali (jridu jiġu speċifikati)..

Armi il-kontenitur fi skont ir-regolamenti lokali/nazzjonali/internazzjonali (jridu jiġu speċifikati)..

4.   UŻU AWTORIZZAT TAL-META SPC 1

4.1.   deskrizzjoni użu

Tabella 1. Uża # 1 — Applikazzjoni bi sprejjer bil-grillu fuq imselħa tal-kmamar iġjeniċi adatta u użu tal-imselħa biex tifrex il-likwidu fuq il-wiċċ

Tip ta’ Prodott

TP 02 — Diżinfettanti u alkaċidi li mhumiex maħsuba għall-użu dirett fuq il-bnedmin jew l-annimali

Meta rilevanti, deskrizzjoni eżatta tal-użu awtorizzat

Diżinfezzjoni tal-wiċċ ta’ uċuħ nodfa, iebsa u mhux porużi fi kmamar iġjeniċi mhux assoċjati ma’ żoni tal-ikel jew tal-għalf, billi tisprejja fuq imselħa tal-kmamar iġjeniċi adatta u tuża l-imselħa biex tifrex il-likwidu fuq il-wiċċ.

Organiżmu/Organiżmi fil-mira (inkluż l-istadju ta’ żvilupp)

isem xjentifiku: Batterji

isem komuni: Batterji

istadju iżvilupp: Kollha

isem xjentifiku: Fungi

isem komuni: Fungi

istadju iżvilupp: Kollha

isem xjentifiku: Ħmira

isem komuni: Ħmira

istadju iżvilupp: Kollha

isem xjentifiku: Spori tal-batterji

isem komuni: Spori tal-batterji

istadju iżvilupp: Spori tal-batterji

Qasam tal-użu

Indoor

Diżinfezzjoni tal-wiċċ ta’ uċuħ nodfa, iebsa u mhux porużi fi kmamar iġjeniċi mhux assoċjati ma’ żoni tal-ikel jew tal-għalf, billi tisprejja fuq imselħa tal-kmamar iġjeniċi adatta u tuża l-imselħa biex tifrex il-likwidu fuq il-wiċċ.

Metodu(i) ta’ applikazzjoni

sprejjar

Sprejja fuq biċċa tat-tindif tal-kmamar iġjeniċi adatta u uża l-biċċa biex tiddistribwixxi l-likwidu fuq il-wiċċ.

Għandek tiżgura distribuzzjoni uniformi tal-prodott bijoċidali

Rata (rati) ta’ applikazzjoni u frekwenza

50,0 mL/m2 — Prodott lest għall-użu

Ara li l-wiċċ ikun mgħotti b’mod uniformi bil-prodott u ħallih għall-ħin tal-kuntatt meħtieġ

Ħin tal-kuntatt għall-batterji — 2 minuti.

Ħin tal-kuntatt għal fungi, ħmira u spori tal-batterji — 3 minuti.

Kategorija(i) tal-utenti

professjonali

Daqsijiet tal-pakkett u materjal tal-imballaġġ

Flixkun ta’ 900 mL tal-polietilen ta’ densità għolja (HDPE), li jinkludi tapp bil-kamin tal-polipropilen li jiġi sostitwit bi grillu tal-polipropilen.

4.1.1.   Uża speċifiċi istruzzjonijiet għall-użu

Għall-użu biss fuq uċuħ li huma viżibbilment nodfa. Huwa meħtieġ tindif qabel id-diżinfezzjoni. Neħħi l-kontaminanti fiżikament mill-wiċċ qabel id-diżinfezzjoni bl-użu ta’ biċċa tat-tindif tal-kmamar iġjenika adatta u teknika tal-imsiħ rakkomandata għall-aħjar kontroll tal-kontaminazzjoni.

Sprejja direttament fuq biċċa tat-tindif tal-kmamar iġjenika adatta. Uża l-biċċa biex tiddistribwixxi l-likwidu fuq il-wiċċ.

Aċċerta ruħek li l-wiċċ ikun mgħotti b’mod uniformi bil-prodott u ħallih għall-ħin tal-kuntatt meħtieġ indikat biex toqtol il-batterji, fungi, ħmira u spori tal-batterji

Tapplikax iktar minn 50 ml/m2.

Ħallih għall-ħin tal-kuntatt meħtieġ u wara imsaħ biex tixxotta.

Għall-użu f’temperatura tal-kamra (20 ± 2 °C).

Għandhom jintużaw materjali tal-biċċiet tal-kmamar iġjeniċi adatti sabiex tnaqqas l-interazzjoni mal-prodott.

Biċċiet użati għandhom jintremew f’kontenitur magħluq.

4.1.2.   Miżuri ta ‘mitigazzjoni tar-riskji speċifiċi għall-użu

Ilbes ingwanti protettivi u protezzjoni tal-għajnejn reżistenti għall-kimiċi waqt li qed timmaniġġja l-prodott (il-materjal tal-ingwanti jrid jiġi speċifikat mid-detentur tal-awtorizzazzjoni fl-informazzjoni tal-prodott)

Għandha tintlibes tuta protettiva li hija impermeabbli għall-prodott bijoċidali (il-materjal tat-tuta jrid jiġi speċifikat mid-detentur tal-awtorizzazzjoni fl-informazzjoni tal-prodott).

Hija obbligatorja rata ta’ ventilazzjoni ta’ mill-inqas 20/siegħa waqt l-immaniġġjar tal-prodott.

Il-prodott għandu jiġi applikat biss għad-diżinfezzjoni ta’ uċuħ żgħar.

4.1.3.   Fejn speċifika għall-użu, il-partikolaritajiet tal-effetti diretti jew indiretti, l-istruzzjonijiet l-ewwel għajnuna u miżuri ta ‘emerġenza biex jipproteġu l-ambjent

Jekk jittieħed fin-nifs: Esponi lill-vittma għall-arja friska u żommha mistrieħa f’pożizzjoni komda biex tkun tista’ tieħu n-nifs. Żomm il-passaġġ tan-nifs miftuħ. Ħoll ħwejjeġ issikkati bħall-għonq, ingravata jew ċinturin. Meta n-nifs ikun diffiċli, persunal imħarreġ sew jista’ jassisti lill-vittma bl-għoti tal-ossiġenu. Fittex għajnuna medika. Poġġi l-persuna li tkun intilfet minn sensiha laġenba fil-pożizzjoni ta’ rkupru biex tkun tista’ tieħu nifs.

F’każ ta’ kuntatt mal-ġilda: Huwa importanti li tneħħi s-sustanza minn fuq il-ġilda minnufih. Laħlaħ minnufih b’ħafna ilma. Kompli laħlaħ għal mill-inqas 15-il minuta u fittex għajnuna medika. Ħruq kimiku għandu jiġi ttrattat minn tabib.

Jekk jagħmel kuntatt mal-għajnejn: Laħlaħ minnufih b’ħafna ilma. Togħrokx l-għajnejn. Neħħi l-lentijiet ta’ kuntatt u iftaħ l-għajnejn sew. Kompli laħlaħ għal mill-inqas 15-il minuta u fittex għajnuna medika.

Jekk jinbela’: Laħlaħ il-ħalq sew bl-ilma. Agħti ftit tazzi tal-ilma jew ħalib biex jinxtorob. Ieqaf jekk il-vittma tirremetti għaliex dan jista’ jkun perikoluż. Qatt tagħti xi ħaġa fil-ħalq lil persuna li tkun intilfet minn sensiha. Poġġi l-persuna li tkun intilfet minn sensiha laġenba fil-pożizzjoni ta’ rkupru biex tkun tista’ tieħu nifs. Żomm il-vittma taħt osservazzjoni. Fittex għajnuna medika jekk is-sintomi jkunu severi jew jippersistu.

Indikazzjoni ta’ kwalunkwe għajnuna medika immedjata u trattament speċjali meħtieġa: Ittratta s-sintomi.

Prekawzjonijiet ambjentali: Evita li dan jidħol fil-ħamrija, gandotti, sistemi tad-drenaġġ, mogħdijiet tal-ilma u/jew l-ilma ta’ taħt l-art. Tixrid jew skariku f’mogħdijiet tal-ilma naturali jista’ joqtol l-organiżmi akkwatiċi.

Prekawzjonijiet personali, tagħmir protettiv u proċeduri ta’ emerġenza fil-każ ta’ miżuri għal rilaxx aċċidentali: Evakwa ż-żona.

Żomm favur ir-riħ tat-tixrid. Ivventila ż-żona tat-tnixxija jew tixrid. Persunal imħarreġ sew u protett kif xieraq biss jista’ jkun involut fl-operazzjonijiet tat-tindif. Uża tagħmir tas-sikurezza xieraq.

Metodi u materjali għall-konteniment u t-tindif: Evita li tagħmel kuntatt mal-materjal li nxtered. Meta tnaddaf il-materjal li nxtered dejjem ilbes it-tagħmir protettiv xieraq, inkluż protezzjoni respiratorja, ingwanti u lbies protettiv. Jistgħu jkunu meħtieġa apparat tan-nifs jew respiratur komplut u assorbenti, skont id-daqs tat-tixrid u l-adegwatezza tal-ventilazzjoni.

Tixrid żgħir: Ilbes it-tagħmir protettiv korrett u għatti l-likwidu b’materjal assorbenti. Iġbor u ssiġilla l-materjal u t-trab li assorba l-materjal imxerred f’basktijiet tal-polietilen u poġġihom f’tanbur għat-trasport lejn sit tar-rimi approvat. Laħlaħ il-bqija tal-materjal imxerred bl-ilma biex tneħħi r-riħa u armi l-likwidu tat-tlaħliħ f’sistema tad-drenaġġ muniċipali jew industrijali, iżda mhux f’mogħdija tal-ilma naturali.

Tixrid sostanzjali: Fil-każ ta’ irritazzjoni nażali u respiratorja, oħroġ mill-kamra minnufih. Persunal li jwettaq it-tindif għandu jkun imħarreġ u mgħammar b’apparat tan-nifs komplut, jew respiratur li jgħatti l-wiċċ sħiħ approvat jew iċċertifikat uffiċjalment u mgħammar bi skartoċċ tal-fwar organiku, ingwanti, u lbies impermeabbli, inklużi stivali tal-lastiku jew protezzjoni għaż-żraben.

4.1.4.   Fejn speċifika għall-użu, l-istruzzjonijiet għar-rimi sikur tal-prodott u l-ippakkjar tiegħu

Dan il-prodott bijoċidali, meta jintrema fl-istat mhux użat u mhux kontaminat tiegħu, għandu jiġi ttrattat bħala skart perikoluż skont id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3). Kull prattika ta’ rimi għandha tikkonforma mal-liġijiet kollha nazzjonali u provinċjali u kull digriet muniċipali jew lokali li jikkontrolla l-iskart perikoluż.

Tarmix f’sistemi tad-drenaġġ, fuq l-art, jew fi kwalunkwe mogħdija tal-ilma. Evita r-rilaxx fl-ambjent.

L-inċinerazzjoni f’temperaturi għoljin hija prattika aċċettabbli.

Il-kontenituri m’għandhomx jerġgħu jimtlew. Terġax tuża jew timla l-kontenituri. Il-kontenituri għandhom jiġu mlaħalħa bl-ilma tliet darbiet jew bil-pressa minnufih wara li jiġu żvojtati. Dawn jistgħu jintbagħtu għar-riċiklaġġ jew ir-rikondizzjonar għal prodotti bijoċidali, jew jistgħu jiġu mtaqqba u mormija f’landfill sanitarja jew permezz ta’ proċeduri oħra approvati mill-awtoritajiet nazzjonali jew lokali. Ibgħat l-iskart likwidu mit-tlaħliħ ta’ kontenituri użati lejn faċilità tat-trattament tal-iskart approvata.

4.1.5.   Fejn speċifika għall-użu, il-kundizzjonijiet tal-ħażna u l-ħajja fuq l-ixkaffa tal-prodott taħt kundizzjonijiet normali tal-ħżin

Żomm f’kamra friska u ventilata sew.

Żomm il-prodott fil-kontenitur oriġinali magħluq sew.

Il-kontenitur għandu jinħażen u jiġi trasportat wieqaf sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-kontenut.

Żomm ’il bogħod minn dawl tax-xemx dirett.

Tpoġġihx fil-friżer.

Aħżen f’temperatura taħt 30 °C.

Il-perjodu ta’ stabilità huwa ta’ 12-il xahar (magħluq).

4.2.   deskrizzjoni użu

Tabella 2. Uża # 2 — Applika billi tferra’ f’kontenitur u mbagħad uża mopp/biċċa tat-tindif tal-kmamar iġjenika adatta biex tapplika l-likwidu fuq il-wiċċ

Tip ta’ Prodott

TP 02 — Diżinfettanti u alkaċidi li mhumiex maħsuba għall-użu dirett fuq il-bnedmin jew l-annimali

Meta rilevanti, deskrizzjoni eżatta tal-użu awtorizzat

Diżinfezzjoni tal-wiċċ ta’ uċuħ nodfa, iebsa u mhux porużi fi kmamar iġjeniċi mhux assoċjati ma’ żoni tal-ikel jew tal-għalf, billi tferra f’kontenitur u mbagħad tapplika l-likwidu fuq il-wiċċ b’mopp/imselħa tal-kmamar iġjeniċi adatta.

Organiżmu/Organiżmi fil-mira (inkluż l-istadju ta’ żvilupp)

isem xjentifiku: Batterji

isem komuni: Batterji

istadju iżvilupp: Kollha

isem xjentifiku: Fungi

isem komuni: Fungi

istadju iżvilupp: Kollha

isem xjentifiku: Ħmira

isem komuni: Ħmira

istadju iżvilupp: Kollha

isem xjentifiku: Spori tal-batterji

isem komuni: Spori tal-batterji

istadju iżvilupp: Spori tal-batterji

Qasam tal-użu

Indoor

Diżinfezzjoni tal-wiċċ ta’ uċuħ nodfa, iebsa u mhux porużi fi kmamar iġjeniċi mhux assoċjati ma’ żoni tal-ikel jew tal-għalf, billi tferra f’kontenitur u mbagħad tapplika l-likwidu fuq il-wiċċ b’mopp/imselħa tal-kmamar iġjeniċi adatta.

Metodu(i) ta’ applikazzjoni

tferriegħ

Ferra’ f’kontenitur u mbagħad applika b’mopp/biċċa tat-tindif tal-kmamar iġjenika adatta.

Rata (rati) ta’ applikazzjoni u frekwenza

50,0 mL/m2 — Prodott lest għall-użu

Għandek tiżgura li l-wiċċ ikun mgħotti b’mod uniformi bil-prodott u ħallih għall-ħin tal-kuntatt meħtieġ.

Ħin tal-kuntatt għall-batterji — 2 minuti.

Ħin tal-kuntatt għal fungi, ħmira u spori tal-batterji — 3 minuti.

Kategorija(i) tal-utenti

professjonali

Daqsijiet tal-pakkett u materjal tal-imballaġġ

Flixkun tal-HDPE ta’ 3750 ml b’tapp bil-kamin tal-polipropilen

Flixkun tal-HDPE ta’ 900 ml, li jiġi tapp bil-kamin tal-polipropilen li jiġi mibdul b’tapp tat-tip push/pull tal-polipropilen

4.2.1.   Uża speċifiċi istruzzjonijiet għall-użu

Għall-użu biss fuq uċuħ li huma viżibbilment nodfa. Huwa meħtieġ tindif qabel id-diżinfezzjoni. Neħħi fiżikament il-kontaminanti mill-wiċċ qabel id-diżinfezzjoni bl-użu ta’ mopp/biċċa tat-tindif tal-kmamar iġjenika adatta u teknika tal-imsiħ rakkomandata għall-aħjar kontroll tal-kontaminazzjoni.

Ferra’ l-prodott f’kontenitur u uża l-mopp biex ixxerrdu fuq il-wiċċ.

Aċċerta ruħek li l-wiċċ ikun mgħotti b’mod uniformi bil-prodott u ħallih għall-ħin tal-kuntatt meħtieġ indikat biex toqtol il-batterji, fungi, ħmira u spori tal-batterji Tapplikax iktar minn 50 ml/m2.

Ħallih għall-ħin tal-kuntatt meħtieġ u wara imsaħ biex tixxotta. Għall-użu f’temperatura tal-kamra (20 ± 2 °C).

Għandhom jintużaw materjali tal-biċċiet tat-tindif u tal-mopp tal-kmamar iġjeniċi adatti sabiex titnaqqas l-interazzjoni mal-prodott.

Biċċiet użati għandhom jintremew f’kontenitur magħluq.

4.2.2.   Miżuri ta ‘mitigazzjoni tar-riskji speċifiċi għall-użu

Ilbes ingwanti protettivi u protezzjoni tal-għajnejn reżistenti għall-kimiki waqt li qed timmaniġġja l-prodott (il-materjal tal-ingwanti jrid jiġi speċifikat mid-detentur tal-awtorizzazzjoni fl-informazzjoni tal-prodott).

Għandha tintlibes tuta protettiva li hija impermeabbli għall-prodott bijoċidali (il-materjali tat-tuta jrid jiġi speċifikat mid-detentur tal-awtorizzazzjoni fl-informazzjoni tal-prodott).

L-applikazzjoni ta’ kontrolli tekniċi jew tal-inġinerija għat-tneħħija ta’ residwi fl-arja hija obbligatorja (eż ventilazzjoni tal-kamra jew ventilazzjoni b’sistema tal-egżost lokali (LEV, local exhaust ventilation)) waqt l-applikazzjoni tal-prodott. Rata ta’ ventilazzjoni ta’ mill-inqas 100 tibdil tal-arja kull siegħa hija obbligatorja.

Il-kontrolli tekniċi jew tal-inġinerija għat-tneħħija ta’ residwi fl-arja hija obbligatorja (eż ventilazzjoni tal-kamra jew LEV) qabel ma t-tekniki jitħallew jidħlu fiż-żoni trattati wara d-diżinfezzjoni tal-wiċċ. Fejn meħtieġ, għandha tiġi stabbilita restrizzjoni ta’ stennija ta’ durata biżżejjed li tippermetti t-tneħħija tar-residwi fl-arja.

4.2.3.   Fejn speċifika għall-użu, il-partikolaritajiet tal-effetti diretti jew indiretti, l-istruzzjonijiet l-ewwel għajnuna u miżuri ta ‘emerġenza biex jipproteġu l-ambjent

Jekk jittieħed fin-nifs: Esponi lill-vittma għall-arja friska u żommha mistrieħa f’pożizzjoni komda biex tkun tista’ tieħu n-nifs. Żomm il-passaġġ tan-nifs miftuħ. Ħoll ħwejjeġ issikkati bħall-għonq, ingravata jew ċinturin. Meta n-nifs ikun diffiċli, persunal imħarreġ sew jista’ jassisti lill-vittma bl-għoti tal-ossiġenu. Fittex għajnuna medika. Poġġi l-persuna li tkun intilfet minn sensiha laġenba fil-pożizzjoni ta’ rkupru biex tkun tista’ tieħu nifs.

F’każ ta’ kuntatt mal-ġilda: Huwa importanti li tneħħi s-sustanza minn fuq il-ġilda minnufih. Laħlaħ minnufih b’ħafna ilma. Kompli laħlaħ għal mill-inqas 15-il minuta u fittex għajnuna medika. Ħruq kimiku għandu jiġi ttrattat minn tabib.

Jakk jagħmel kuntatt mal-għajnejn: Laħlaħ minnufih b’ħafna ilma. Togħrokx l-għajnejn. Neħħi l-lentijiet ta’ kuntatt u iftaħ l-għajnejn sew. Kompli laħlaħ għal mill-inqas 15-il minuta u fittex għajnuna medika.

Jekk jinbela’: Laħlaħ il-ħalq sew bl-ilma. Agħti ftit tazzi tal-ilma jew ħalib biex tixrob. Ieqaf jekk il-vittma tirremetti għaliex dan jista’ jkun perikoluż. Qatt tagħti xi ħaġa fil-ħalq lil persuna li tkun intilfet minn sensiha. Poġġi l-persuna li tkun intilfet minn sensiha laġenba fil-pożizzjoni ta’ rkupru biex tkun tista’ tieħu nifs. Żomm il-vittma taħt osservazzjoni. Fittex għajnuna medika jekk is-sintomi jkunu severi jew jippersistu.

Indikazzjoni ta’ kwalunkwe għajnuna medika immedjata u trattament speċjali meħtieġ: Ittratta s-sintomi.

Prekawzjonijiet ambjentali: Evita li dan jidħol fil-ħamrija, gandotti, sistemi tad-drenaġġ, mogħdijiet tal-ilma u/jew l-ilma ta’ taħt l-art. Tixrid jew skariku f’mogħdijiet tal-ilma naturali jista’ joqtol l-organiżmi akkwatiċi.

Prekawzjonijiet personali, tagħmir protettiv u proċeduri ta’ emerġenza fil-każ ta’ miżuri għal rilaxx aċċidenti: Evakwa ż-żona.

Żomm favur ir-riħ tat-tixrid. Ivventila ż-żona tat-tnixxija jew tixrid. Persunal imħarreġ sew u protett kif xieraq biss jista’ jkun involut fl-operazzjonijiet tat-tindif. Uża tagħmir tas-sikurezza xieraq.

Metodi u materjali għall-konteniment u t-tindif: Evita li tagħmel kuntatt mal-materjal li nxtered. Meta tnaddaf il-materjal li nxtered dejjem ilbes it-tagħmir protettiv xieraq, inkluż protezzjoni respiratorja, ingwanti u lbies protettiv. Jistgħu jkunu meħtieġa apparat tan-nifs jew respiratur komplut u assorbenti, skont id-daqs tat-tixrid u l-adegwatezza tal-ventilazzjoni.

Tixrid żgħir: Ilbes it-tagħmir protettiv korrett u għatti l-likwidu b’materjal assorbenti. Iġbor u ssiġilla l-materjal u t-trab li assorba l-materjal imxerred f’basktijiet tal-polietilen u poġġi f’tanbur għat-trasport lejn sit tar-rimi approvat. Laħlaħ il-bqija tal-materjal imxerred bl-ilma biex tneħħi r-riħa u armi l-likwidu tat-tlaħliħ f’sistema tad-drenaġġ muniċipali jew industrijali, iżda mhux f’mogħdija tal-ilma naturali.

Tixrid sostanzjali: Fil-każ ta’ irritazzjoni nażali u respiratorja, oħroġ mill-kamra minnufih. Persunal li jwettaq it-tindif għandu jkun imħarreġ u mgħammar b’apparat tan-nifs komplut, jew respiratur li jgħatti l-wiċċ sħiħ approvat jew iċċertifikat uffiċjalment u mgħammar bi skartoċċ tal-fwar organiku, ingwanti, u lbies impermeabbli, inklużi stivali tal-lastiku jew protezzjoni għaż-żraben.

4.2.4.   Fejn speċifika għall-użu, l-istruzzjonijiet għar-rimi sikur tal-prodott u l-ippakkjar tiegħu

Dan il-prodott bijoċidali, meta jintrema fl-istat mhux użat u mhux kontaminat tiegħu, għandu jiġi ttrattat bħala skart perikoluż skont id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3). Kull prattika ta’ rimi għandha tikkonforma mal-liġijiet kollha nazzjonali u provinċjali u kull digriet muniċipali jew lokali li jikkontrolla l-isktart perikoluż.

Tarmix f’sistemi tad-drenaġġ, fuq l-art, jew fi kwalunkwe mogħdija tal-ilma. Evita r-rilaxx fl-ambjent.

L-inċinerazzjoni f’temperaturi għoljin hija prattika aċċettabbli.

Il-kontenituri m’għandhomx jerġgħu jimtlew. Terġax tuża jew timla l-kontenituri. Il-kontenituri għandhom jiġu mlaħalħa bl-ilma tliet darbiet jew bil-pressa minnufih wara li jiġu żvojtati. Dawn jistgħu jintbagħtu għar-riċiklaġġ jew ir-rikondizzjonar għal prodott bijoċidali, jew jistgħu jiġu mtaqqba u mormija f’landfill sanitarja jew permezz ta’ proċeduri oħra approvati mill-awtoritajiet nazzjonali jew lokali. Ibgħat l-iskart likwidu mit-tlaħliħ ta’ kontenituri użati lejn faċilità tat-trattament tal-iskart approvata.

4.2.5.   Fejn speċifika għall-użu, il-kundizzjonijiet tal-ħażna u l-ħajja fuq l-ixkaffa tal-prodott taħt kundizzjonijiet normali tal-ħżin

Żomm f’kamra friska u ventilata sew.

Żomm il-prodott fil-kontenitur oriġinali magħluq sew.

Il-kontenitur għandu jinħażen u jiġi trasportat wieqaf sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-kontenut.

Żomm ’il bogħod minn dawl tax-xemx dirett.

Tpoġġihx fil-friżer.

Aħżen f’temperatura taħt 30 °C.

Il-perjodu ta’ stabilità huwa ta’ 12-il xahar (magħluq).

5.   STRUZZJONIJIET ĠENERALI GĦALL-UŻU (1) TAL-META SPC 1

5.1.   Istruzzjonijiet għall-użu

Ara: Istruzzjonijiet għall-użu speċifiku għall-użu

5.2.   Miżuri ta ‘mitigazzjoni ta’ riskju

Ara: Miżuri ta’ mitigazzjoni ta’ riskju speċifiku għall-użu

5.3.   Partikolaritajiet tal-effetti diretti jew indiretti, l-istruzzjonijiet tal-ewwel għajnuna u l-miżuri ta ‘emerġenza biex jipproteġu l-ambjent

Ara: Fejn speċifiku għall-użu, id-dettalji tal-effetti potenzjali diretti jew indiretti, l-istruzzjonijiet tal-ewwel għajnuna u l-miżuri ta’ emerġenza għall-protezzjoni tal-ambjent

5.4.   Istruzzjonijiet għar-rimi sikur tal-prodott u l-ippakkjar tiegħu

Ara: Fejn speċifiku għall-użu, l-istruzzjonijiet għar-rimi sikur tal-prodott u l-imballaġġ tiegħu

5.5.   Kundizzjonijiet tal-ħażna u l-ħajja fuq l-ixkaffa tal-prodott taħt kundizzjonijiet normali tal-ħżin

AraFejn speċifiċi għall-użu, il-kundizzjonijiet tal-ħżin u l-perjodu ta’ stabilità tal-prodott taħt kundizzjonijiet normali tal-ħżin

6.   INFORMAZZJONI OĦRA

7.   IT-TIELET LIVELL TA’ INFORMAZZJONI: PRODOTTI INDIVIDWALI FIL-META SPC 1

7.1.   Isem/Ismijiet kummerċjali, numru tal-awtorizzazzjoni u kompożizzjoni speċifika ta’ kull prodott individwali

Isem kummerċjali

Contec Sterile PeridoxRTU

qasam tas-suq: EU

Numru tal-awtorizzazzjoni

EU-0023658-0001 1-1

Isem komuni

Isem IUPAC

Funzjoni

Numru CAS

Numru KE

Kontenut (%)

Aċidu peraċetiku

 

Sustanza attiva

79-21-0

201-186-8

0,23

Hydrogen Peroxide

Hydrogen Peroxide

Mħux sustanza attiva

7722-84-1

231-765-0

4,4

Acetic Acid

Acetic Acid

Mħux sustanza attiva

64-19-7

200-580-7

5,0

7.2.   Isem/Ismijiet kummerċjali, numru tal-awtorizzazzjoni u kompożizzjoni speċifika ta’ kull prodott individwali

Isem kummerċjali

Contec PeridoxRTU

qasam tas-suq: EU

Numru tal-awtorizzazzjoni

EU-0023658-0002 1-1

Isem komuni

Isem IUPAC

Funzjoni

Numru CAS

Numru KE

Kontenut (%)

Aċidu peraċetiku

 

Sustanza attiva

79-21-0

201-186-8

0,23

Hydrogen Peroxide

Hydrogen Peroxide

Mħux sustanza attiva

7722-84-1

231-765-0

4,4

Acetic Acid

Acetic Acid

Mħux sustanza attiva

64-19-7

200-580-7

5,0


(1)  L-istruzzjonijiet għall-użu, il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji u struzzjonijiet oħra għall-użu taħt din it-taqsima huma validi għal kull użu awtorizzat fi ħdan il-meta SPC 1.


DEĊIŻJONIJIET

9.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 328/19


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1426

tas-7 ta’ Ottubru 2020

dwar l-użu armonizzat tal-ispettru tar-radju fil-faxxa tal-frekwenzi 5 875–5 935 MHz għal applikazzjonijiet relatati mas-sigurtà ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (ITS) u li tħassar id-Deċiżjoni 2008/671/KE

(notifikata bid-dokument C(2020) 6773)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tagħha,

Billi:

(1)

Is-Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (ITS) jinkludu l-ITS stradali u l-ITS ferrovjarji urbani. L-ITS stradali jinkludu sistemi kooperattivi bbażati fuq komunikazzjonijiet f’ħin reali bejn il-vettura (inkluż il-karozzi, it-trakkijiet, ir-roti, ir-roti bil-mutur, il-linji tat-tramm, it-tagħmir tal-kostruzzjoni, it-tagħmir agrikolu, kif ukoll it-tagħmir pedonali u taċ-ċikliżmu) u l-ambjent tagħha (vetturi oħra, infrastruttura, eċċ.). F’ċerti każijiet, dan it-tagħmir tal-ITS stradali jista’ jintuża wkoll għall-off-road (fuq siti industrijali, agrikoli jew tal-kostruzzjoni). L-ITS ferrovjarji urbani jikkonsistu f’sistemi tat-trasport pubbliku ggwidati b’mod permanenti b’mill-inqas sistema waħda ta’ kontroll u ta’ ġestjoni, maħsuba biex joperaw servizzi tal-passiġġieri lokali, urbani u suburbani separati mit-traffiku ġenerali stradali u pedonali. L-ITS għandhom il-potenzjal li joffru avvanzi kbar fl-effiċjenza tas-sistema tat-trasport, fejn jidħlu s-sikurezza tat-traffiku u l-kumdità waqt l-ivvjaġġar.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/671/KE (2) dwar l-użu armonizzat tal-ispettru tar-radju fil-faxxa tal-frekwenzi 5 875–5 905 MHz (jew 5,9 GHz) għal applikazzjonijiet relatati mas-sigurtà tal-ITS. Din tirrikonoxxi r-rwol tal-ITS bħala ċentrali għal approċċ integrat għas-sikurezza fit-toroq billi żżid it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni mal-infrastruttura tat-trasport u l-vetturi biex ikunu evitati sitwazzjonijiet tat-traffiku potenzjalment perikolużi u jonqos l-għadd tal-inċidenti.

(3)

Id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tistabbilixxi qafas għall-varar ta’ ITS fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interfaċċi ma’ modi oħra tat-trasport.

(4)

Fl-14 ta’ Settembru 2016, wara l-adozzjoni ta’ sett ta’ miżuri għal soċjetà Ewropea tal-gigabits (4) (inkluż il-pjan ta’ azzjoni tal-5G (5)), il-Kummissjoni enfasizzat ir-rabta bejn l-iżvilupp u l-varar tal-5G fl-Ewropa u oqsma ta’ applikazzjoni ewlenin, b’mod partikolari l-mobbiltà intelliġenti (il-mobbiltà konnessa u awtomatizzata).

(5)

Fit-30 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni ppubblikat il-Komunikazzjoni — “Strateġija Ewropea dwar ITS kooperattivi” (6). Dwar l-ispettru, l-istrateġija tipproponi li tinżamm id-deżinjazzjoni tal-ispettru użat mill-komunikazzjonijiet ta’ medda qasira mingħajr fili (ITS-G5) tal-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI) għas-servizzi tal-ITS relatati mas-sigurtà u biex jiġu appoġġati miżuri li jipproteġu l-faxxa tal-frekwenzi ta’ 5,9 GHz minn interferenza dannuża. L-istrateġija tipproponi wkoll li l-inizjattivi ta’ varar ta’ sistemi tat-trasport intelliġenti jenħtieġ jimplimentaw tekniki ta’ mitigazzjoni rilevanti għall-koeżistenza skont l-istandards u l-proċeduri tal-ETSI.

(6)

Fis-17 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni adottat it-tielet Pakkett dwar il-Mobbiltà (7), li jintegra l-istrateġija dwar is-sikurezza fit-toroq f’ekosistema ta’ mobbiltà sostenibbli Ewropea usa’ li tiffoka fuq mobbiltà sikura, konnessa u nadifa. F’dak il-pakkett, il-vetturi mingħajr sewwieq u s-sistemi ta’ konnettività avvanzati huma mistennija jagħmlu l-vetturi aktar sikuri u aktar faċli biex jaqsmu, u jiftħu l-aċċess għas-servizzi ta’ mobbiltà għal aktar utenti.

(7)

Skont dak il-qafas politiku u regolatorju li qed jevolvi dwar is-sikurezza fit-toroq, l-Istati Membri u l-industrija wettqu diversi inizjattivi relatati mal-użu tal-faxxa ta’ 5,9 GHz, biex jiżviluppaw u jużaw applikazzjonijiet għas-sikurezza fit-toroq. Inizjattivi bħal dawn jinkludu l-Car-2-Car Communications Consortium (8), is-C-Roads platform (9), it-twaqqif tal-5G Automotive Association (5GAA) (10) u aktar attivitajiet fi ħdan it-Tielet Proġett ta’ Sħubija tal-Ġenerazzjoni (3GPP) (11) u korpi ta’ standardizzazzjoni bħal ETSI. L-isforzi tal-industrija wasslu biex inħolqu żewġ teknoloġiji f’kompetizzjoni għal komunikazzjoni ta’ medda qasira ta’ vetturi mal-ambjent tagħhom, jiġifieri l-ITS-G5 u t-teknoloġija tal-evoluzzjoni fit-tul – minn vettura lejn kollox (LTE-V2X).

(8)

Il-komunità ferrovjarja urbana jidhrilha li hemm bżonn mill-inqas 20 MHz ta’ spettru armonizzat (12) biex ikunu jistgħu jitħaddmu sistemi ferrovjarji urbani ta’ kontroll tal-ferroviji bbażat fuq il-komunikazzjoni (CBTC). Dawn is-sistemi jippermettu ġestjoni sikura u effiċjenti tal-operazzjonijiet ferrovjarji urbani, b’mod partikolari bi tqassir tal-intervalli bejn il-ferroviji suċċessivi, u dan iżid il-volum fl-infrastrutturi tat-trasport pubbliku. Abbażi tal-awtorizzazzjonijiet lokali, għadd ta’ linji tal-metrò fl-Unjoni diġà jużaw partijiet mill-faxxa tal-frekwenzi ta’ 5 905–5 935 MHz jew lil hinn. Għalhekk hu importanti li jiġi armonizzat l-ispettru għal dan l-użu madwar l-Unjoni kollha ħalli jkun żgurat suq uniku wkoll fis-settur ferrovjarju urban u bħala kontribut għall-objettivi ambjentali tal-Ewropa.

(9)

B’konformità mal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE, fit-18 ta’ Ottubru 2017 il-Kummissjoni ħarġet mandat lill-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (CEPT) biex tistħarreġ il-possibbiltà li jiġi estiż l-aktar tarf ta’ fuq tal-faxxa tal-ITS relatata mas-sigurtà fil-livell tal-Unjoni (5 875–5 905 MHz) b’20 MHz għal 5 925 MHz u tilqa’ mezzi oħra tat-trasport, minbarra t-trasport bit-triq, bħat-trasport ferrovjarju urban li juża s-CBTC f’dik il-faxxa.

(10)

Bi tweġiba għall-mandat, fil-11 ta’ Marzu 2019 is-CEPT ippubblikat rapport (Rapport 71 tas-CEPT — ITS ta’ 5,9 GHz) li jeżamina mill-ġdid il-kundizzjonijiet tekniċi u l-estensjoni tal-faxxa ta’ 5,9 GHz. Il-proposti fir-rapport jinkludu t-twessigħ tad-definizzjoni ta’ ITS, l-armonizzazzjoni tal-faxxa tal-frekwenzi 5 875–5 925 MHz għall-applikazzjonijiet tal-ITS relatati mas-sigurtà u l-armonizzazzjoni tal-faxxa tal-frekwenzi 5 925–5 935 MHz għall-applikazzjonijiet tal-ITS ferrovjarji urbani relatati mas-sigurtà, soġġetti għal koordinazzjoni nazzjonali ma’ servizz fiss u/jew studji biex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet tal-kondiviżjoni. Ir-rapport jipproponi wkoll li tingħata prijorità lill-applikazzjonijiet tal-ITS ta’ taħt il-5 915 MHz u lill-applikazzjonijiet tal-ITS ferrovjarji urbani ta’ ’l fuq minn 5 915 MHz. Fil-firxa tal-frekwenzi 5 915–5 925 MHz, l-użu mill-applikazzjonijiet tal-ITS stradali hu propost li jkun limitat għall-infrastruttura għal vettura (I2 V) sakemm l-applikazzjonijiet tal-ITS stradali jkunu jistgħu jipproteġu l-applikazzjonijiet tal-ITS ferrovjarji urbani. Fil-firxa tal-frekwenzi 5 915–5 935 MHz, l-użu mill-ITS ferrovjarji urbani hu propost li jkun fuq bażi kondiviża u soġġett għaċ-ċirkostanzi nazzjonali u d-domanda tal-partijiet konċernati għal ITS ferrovjarji urbani. Jenħtieġ li l-awtorizzazzjonijiet individwali għal ITS ferrovjarji urbani (5 915–5 935 MHz), infrastruttura tal-ITS stradali (5 915–5 925 MHz) u servizzi fissi (aktar minn 5 925 MHz) ikunu jippermettu l-koordinazzjoni nazzjonali, meta xieraq.

(11)

Meta jagħmlu l-faxxa tal-frekwenzi 5 915–5 935 MHz disponibbli għall-ITS ferrovjarju urban malli jkun prattikabbli b’mod raġonevoli wara d-deżinjazzjoni tagħha skont din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri jenħtieġ iqisu kif xieraq is-sistemi ferrovjarji urbani eżistenti li joperaw fil-faxxa (jew f’parti minnha) b’kundizzjonijiet tekniċi differenti, biex jingħataw żmien biżżejjed ħalli jadattaw it-tagħmir eżistenti tal-ferroviji u tan-network għall-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati.

(12)

Ir-riżultati tal-ħidma li għamlet is-CEPT b’kooperazzjoni mal-ETSI jikkostitwixxu l-bażi teknika għal din id-Deċiżjoni.

(13)

L-ITS u n-netwerk taż-żona lokali bir-radju (RLAN) huma lkoll appoġġati minn politiki tal-Unjoni. Is-CEPT qed tiddefinixxi l-kundizzjonijiet tekniċi għal RLAN li joperaw ’il fuq minn 5 935 MHz biex tindirizza l-protezzjoni tal-applikazzjonijiet tal-ITS ferrovjarji urbani relatati mas-sigurtà ta’ taħt il-5 935 MHz, u tal-ITS stradali relatati mas-sigurtà ta’ taħt il-5 925 MHz (bħal pereżempju r-rekwiżiti ta’ limitu tal-emissjonijiet barra mill-frekwenza u x-xenarju ta’ imblukkar).

(14)

L-ETSI qed jiddefinixxi soluzzjonijiet standardizzati li jiżguraw mekkaniżmi ta’ kondiviżjoni ta’ kokanali u l-implimentazzjoni ta’ regoli ta’ prijorità bejn l-applikazzjonijiet tal-ITS stradali u l-applikazzjonijiet tal-ITS ferrovjarji urbani.

(15)

L-ETSI bħalissa qed jaħdem fuq żewġ rapporti tekniċi li jittrattaw id-definizzjoni u l-evalwazzjoni ta’ metodi ta’ koeżistenza ta’ kokanali u kanali li jmissu ma’ xulxin bejn l-ITS G5 u l-LTE-V2X. L-istandards rilevanti jistgħu jkunu disponibbli l-aktar kmieni sa nofs l-2021 u jistgħu jieħdu sa nofs l-2022.

(16)

Filwaqt li tqis l-iżviluppi fl-ETSI, din id-Deċiżjoni jaf tkun teħtieġ rieżami fil-futur.

(17)

Din id-Deċiżjoni jenħtieġ tissejjes fuq ir-regoli stabbiliti fid-Deċiżjoni 2008/671/KE u tiżviluppahom. Għal raġunijiet ta’ ċarezza legali, id-Deċiżjoni 2008/671/KE jenħtieġ titħassar.

(18)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ispettru tar-Radju stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni għandha l-għan li tarmonizza l-kundizzjonijiet għad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tal-faxxa tal-frekwenzi ta’ 5 875–5 935 MHz għal applikazzjonijiet relatati mas-sigurtà tas-Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (ITS).

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti” jew “ITS” tfisser firxa ta’ sistemi u servizzi, ibbażati fuq teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, inkluż l-ipproċessar, il-kontroll, il-pożizzjonament, il-komunikazzjoni u l-elettronika, li huma applikati għal sistema tat-trasport stradali jew għal sistema tat-trasport ferrovjarju urban, jew għat-tnejn li huma;

(2)

“sistemi ta’ trasport intelliġenti stradali” jew “ITS stradali” tfisser sistemi ta’ trasport intelliġenti applikati għal kull tip ta’ trasport bit-triq (inkluż f’każijiet ta’ użu off-road) li jippermettu komunikazzjoni tas-sikurezza bejn il-vetturi (V2 V) u bejn infrastruttura u vetturi (I2 V). Anki l-ITS applikati għal-linji ferrovjarji li ma jkunux separati mit-traffiku stradali jew pedonali (bħal trammijiet u ferroviji ħfief) jitqiesu parti mill-ITS stradali;

(3)

“sistemi ta’ trasport intelliġenti ferrovjarji urbani” tfisser sistemi ta’ trasport intelliġenti applikati għal-linji ferrovjarji urbani jew suburbani ggwidati b’mod permanenti b’mill-inqas sistema waħda ta’ kontroll u ta’ ġestjoni, separati mit-traffiku stradali u pedonali;

(4)

“potenza rradjata isotropika ekwivalenti medja” jew “e.i.r.p medja” tfisser e.i.r.p. waqt it-trażmissjoni li tikkorrispondi għall-akbar potenza.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2021, jiddeżinjaw l-faxxa tal-frekwenzi 5 875–5 935 MHz għas-sistemi ta’ trasport intelliġenti u jillimitawha għall-ITS ferrovjarji urbani fil-5 925–5 935 MHz. Wara dik d-deżinjazzjoni l-Istati Membri għandhom, malli jkun prattiku b’mod raġonevoli, jagħmlu dik il-faxxa tal-frekwenzi disponibbli b’mod mhux esklużiv.

Din l-għażla għandha tkun konformi mal-parametri stabbiliti fl-Anness.

2.   L-applikazzjonijiet tal-ITS stradali għandhom jingħataw prijorità taħt il-5 915 MHz u l-applikazzjonijiet tal-ITS ferrovjarji urbani għandhom jingħataw prijorità ’l fuq minn 5 915 MHz, ħalli l-protezzjoni tingħata lill-applikazzjoni ta’ prijorità.

3.   L-aċċess mill-ITS stradali għall-medda tal-frekwenzi ta’ 5 915–5 925 MHz għandu jkun limitat għall-applikazzjonijiet li jinvolvu biss il-konnettività ta’ infrastruttura għal vettura (I2 V), b’koordinazzjoni meta xierqa mal-ITS ferrovjarju urban.

4.   L-aċċess mill-ITS ferrovjarji urbani għall-medda tal-frekwenzi ta’ 5 925–5 935 MHz għandu jkun fuq bażi kondiviża u soġġett għaċ-ċirkostanzi nazzjonali u d-domanda għal ITS ferrovjarji urbani, inkluż il-koordinazzjoni ma’ servizz fiss.

Artikolu 4

Il-kamp ta’ applikazzjoni u l-mezzi ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid hekk kif l-iżviluppi tas-suq u l-evoluzzjoni tal-istandards u t-teknoloġija jiġġustifikaw din ir-rieżami jew sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2023.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni sat-30 ta’ Settembru 2022.

Artikolu 6

Id-Deċiżjoni 2008/671/KE hija mħassra.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Thierry BRETON

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/671/KE tal-5 ta’ Awwissu 2008 dwar l-użu armonizzat tal-ispettru tar-radju fil-faxxa tal-frekwenzi 5 875-5 905 MHz għal applikazzjonijiet relatati mas-sigurtà ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (ITS) (ĠU L 220, 15.8.2008, p. 24).

(3)  Id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport (ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1).

(4)  Il-konnettività għal soċjetà Ewropea tal-gigabits,

https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/policies/improving-connectivity-and-access

(5)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-14 ta’ Settembru 2016 “5G għall-Ewropa — Pjan ta’ Azzjoni” (COM(2016) 588 final).

(6)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-30 ta’ Novembru 2016 “Strateġija Ewropea dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi: l-ewwel pass importanti lejn mobbiltà kooperattiva, konnessa u awtomatizzata” (COM(2016) 766 final).

(7)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-17 ta’ Mejju 2018 “Ewropa Attiva — Mobbiltà Sostenibbli għall-Ewropa: sikura, konnessa u nadifa” (COM(2018) 293 final).

(8)  https://www.car-2-car.org/

(9)  https://www.c-roads.eu/platform.html

(10)  http://5gaa.org/

(11)  https://www.3gpp.org

(12)  Ir-Rapport Tekniku tal-ETSI Nru 103 111 V1.1.1 (2014-10) — parti mir-rekwiżiti tal-ispettru għal sistemi ferrovjarji urbani fil-medda ta’ 5,9 GHz.


ANNESS

Parametri tekniċi għal applikazzjonijiet relatati mas-sigurtà ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (ITS) fil-faxxa ta’ 5 875-5 935 MHz

Parametru

Valur

Densità tal-potenza spettrali massima (e.i.r.p. medja)

23 dBm/MHz

Potenza tat-trażmissjoni totali massima (e.i.r.p. medja)

33 dBm b’medda ta’ kontroll tal-potenza tat-trażmissjoni (TPC) ta’ mill-inqas 30 dB

F’konformità mad-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) għandhom jintużaw tekniki għall-aċċess tal-ispettru u għall-mitigazzjoni tal-interferenzi li jipprovdu livell xieraq ta’ prestazzjoni. Jekk it-tekniki rilevanti jkunu deskritti fi standards armonizzati jew f’partijiet minnhom, li r-referenzi għalihom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont id-Direttiva 2014/53/UE, mill-anqas għandha tkun żgurata prestazzjoni ekwivalenti għal-livell tal-prestazzjoni assoċjat ma’ dawk it-tekniki.

Arranġament ta’ frekwenza

L-arranġament tal-frekwenza hu bbażat fuq daqsijiet ta’ blokok ta’ 10 MHz li jibdew mit-tarf t’isfel tal-faxxa, fil-5 875 MHz.

Għall-ITS stradali:

Image 1

Fil-faxxa ta’ 5 875-5 925 MHz, l-applikazzjonijiet tal-ITS stradali għandhom jużaw kanali fi ħdan il-konfini ta’ kull blokka ta’ 10 MHz. Il-wisa’ tal-faxxa tal-kanal tista’ tkun inqas minn 10 MHz.

Għall-ITS ferrovjarji urbani:

Image 2

Fil-faxxa ta’ 5 875-5 915 MHz, l-applikazzjonijiet tal-ITS ferrovjarji urbani għandhom jużaw kanali fi ħdan il-konfini ta’ kull blokka ta’ 10 MHz. Il-wisa’ tal-faxxa tal-kanal tista’ tkun inqas minn 10 MHz.

Fil-faxxa 5 915-5 935 MHz, il-wisa’ tal-faxxa massima tal-kanal għandha tkun 10 MHz għall-applikazzjonijiet tal-ITS ferrovjarji urbani. Il-linja bit-tikek turi l-arranġament ta’ frekwenza armonizzata ppreferuta iżda, fil-livell nazzjonali, il-varar jista’ juża kanal iċċentrat fuq 5 925 MHz.


(1)  Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).