ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 308

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
22 ta' Settembru 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1311 tal-21 ta’ Settembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

1

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1312 tal-21 ta’ Settembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2013/798/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana

3

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1313 tal-21 ta’ Settembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/489 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u kwistjonijiet reġjonali oħrajn tal-Balkani tal-Punent

4

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

22.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 308/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2020/1311

tal-21 ta’ Settembru 2020

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK tat-23 ta’ Diċembru 2013 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 224/2014 (2), sabiex ċerti miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2013/798/PESK isiru effettivi.

(2)

Fit-28 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) adotta r-Riżoluzzjoni 2536 (2020). Dik ir-Riżoluzzjoni testendi l-eżenzjonijiet għall-embargo fuq l-armi.

(3)

Fil-21 ta’ Settembru 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1312 (3), li temenda d-Deċiżjoni 2013/798/PESK f’konformità mar-Riżoluzzjoni 2536 (2020).

(4)

Xi wħud minn dawn l-emendi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni biex jiġu implimentati flimkien mal-aġġustamenti tekniċi fid-dawl tar-Riżoluzzjonijiet reċedenti tal-KSNU, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 224/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 224/2014, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(e)

relatati ma’ armi b’kalibru ta’ 14,5 mm jew anqas u munizzjon u komponenti mfassla speċjalment għal tali armi, u ma’ vetturi militari tal-art mhux armati u vetturi militari tal-art armati b’armi ta’ kalibru ta’ 14,5 mm jew anqas, u l-partijiet ta’ rikambju tagħhom, u ma’ granati bi propulsjoni ta’ rokit, u munizzjon imfassal apposta għal tali armi, lill-forzi tas-sigurtà tar-RĊA, inklużi istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi ċivili, fejn tali armi, munizzjoni, komponenti u vetturi jkunu maħsuba biss għall-appoġġ tal-proċess tar-RĊA tar-RSS jew għal użu fih, dment li l-provvediment ta’ tali assistenza jew servizzi jkun ġie nnotifikat mill-inqas 20 jum minn qabel lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet;

(f)

relatati ma’ armi u tagħmir letali relatat ieħor li mhumiex elenkati fil-punt (e) tal-Artikolu 3, lill-forzi tas-sigurtà tar-RĊA, inkluż l-istituzzjonijiet statali tal-infurzar tal-liġi ċivili, meta tali armi u tagħmir ikunu intenzjonati biss għall-appoġġ jew l-użu fil-proċess tar-RĊA tar-RSS, kif approvat minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)   ĠU L 352, 24.12.2013, p. 51.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 224/2014 tal- 10 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (ĠU L 70, 11.3.2014, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1312 tal-21 ta’ Settembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2013/798/PESK dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (ara paġna 3 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


DEĊIŻJONIJIET

22.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 308/3


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/1312

tal-21 ta’ Settembru 2020

li temenda d-Deċiżjoni 2013/798/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-23 ta’ Diċembru 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/798/PESK (1), dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana.

(2)

Fit-28 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2536 (2020), li testendi l-eżenzjonijiet għall-embargo fuq l-armi.

(3)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni biex ċerti miżuri jiġu implimentati.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2013/798/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2013/798/PESK, il-punti (g) u (h) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(g)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ armi b’kalibru ta’ 14,5 mm jew anqas u munizzjon u komponenti mfassla speċjalment għal tali armi, u ta’ vetturi militari tal-art mhux armati u vetturi militari tal-art mmuntati b’armi b’kalibru ta’ 14,5 mm jew inqas, u l-partijiet ta’ rikambju tagħhom, u tal-granati bi propulsjoni ta’ rokit, u munizzjon mfassal speċjalment għal tali armi, u l-forniment ta’ assistenza relatata, lill-forzi tas-sigurtà tar-RĊA, inkluż l-istituzzjonijiet statali tal-infurzar tal-liġi ċivili, meta tali armi, munizzjon, komponenti u vetturi jkunu intenzjonati biss għall-appoġġ tal-proċess tar-RĊA għar-RSS jew għal użu fih, kif innotifikat minn qabel lill-Kumitat;

(h)

il-bejgħ, il-forniment, jew l-esportazzjoni ta’ armi u tagħmir letali relatat ieħor li mhumiex elenkati fil-punt (g) tal-Artikolu 2(1), u l-forniment ta’ assistenza relatata, lill-forzi tas-sigurtà tar-RĊA, inkluż l-istituzzjonijiet statali tal-infurzar tal-liġi ċivili, meta tali armi u tagħmir ikunu intenzjonati biss għall-appoġġ jew l-użu fil-proċess tar-RĊA tar-RSS, kif approvat minn qabel mill-Kumitat; jew”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK tat-23 ta’ Diċembru 2013 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 51).


22.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 308/4


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/1313

tal-21 ta’ Settembru 2020

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/489 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u kwistjonijiet reġjonali oħrajn tal-Balkani tal-Punent

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-2 ta’ April 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/489 (1), li taħtar lis-Sur Miroslav LAJČÁK bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u kwistjonijiet reġjonali oħrajn tal-Balkani tal-Punent (ir- ‘RSUE’). Il-mandat tar-RSUE jiskadi fil-31 ta’ Marzu 2021.

(2)

Wara t-tnedija mill-ġdid tad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina f’Lulju 2020, jenħtieġ li jiġi reklutat persunal addizzjonali għat-tim tar-RSUE. Għalhekk, jenħtieġ li l-ammont ta’ referenza finanzjarja jiġi adattat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/489, paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu mit-2 ta’ April 2020 sal-31 ta’ Marzu 2021 għandu jkun ta’ EUR 1 350 000.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/489 tat-2 ta’ April 2020 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u kwistjonijiet reġjonali oħrajn tal-Balkani tal-Punent (ĠU L 105, 3.4.2020, p. 3).