ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 294

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
8 ta' Settembru 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1253 tal-4 ta’ Settembru 2020 li testendi aktar id-deroga temporanja mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill introdotta bid-Deċiżjoni (UE) 2020/430, u estiża bid-Deċiżjonijiet (UE) 2020/556, (UE) 2020/702 u (UE) 2020/970, fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ vvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni

1

 

*

Deċiżjoni tal-kunsill (PESK) 2020/1254 tas-7 ta’ Settembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2012/392/PESK dwar il-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger)

3

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

8.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 294/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1253

tal-4 ta’ Settembru 2020

li testendi aktar id-deroga temporanja mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill introdotta bid-Deċiżjoni (UE) 2020/430, u estiża bid-Deċiżjonijiet (UE) 2020/556, (UE) 2020/702 u (UE) 2020/970, fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ vvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 240(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/430 (1) introduċiet deroga ta’ xahar mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (2) fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li tintuża l-proċedura ordinarja bil-miktub, fejn dawk id-deċiżjonijiet jittieħdu mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri (Coreper). Dik id-deroga kienet prevista sat-23 ta’ April 2020.

(2)

Id-Deċiżjoni (UE) 2020/430 tipprevedi li, jekk ikun ġustifikat minn kontinwazzjoni ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Kunsill jista’ jġedded dik id-Deċiżjoni. Fil-21 ta’ April 2020, il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2020/556 (3), estenda d-deroga prevista fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2020/430 b’perijodu ieħor ta’ xahar mit-23 ta’ April 2020. Dik l-estensjoni tad-deroga kienet prevista sat-23 ta’ Mejju 2020. Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2020/702 (4), estenda d-deroga prevista fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2020/430 b’perijodu ulterjuri sal-10 ta’ Lulju 2020. Fit-3 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2020/970 (5), estenda dik id-deroga b’perijodu ieħor sal-10 ta’ Settembru 2020.

(3)

Minħabba li għad jeżistu ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, b’għadd ta’ miżuri straordinarji preventivi u ta’ konteniment, meħuda mill-Istati Membri, li għadhom fis-seħħ, teżisti l-ħtieġa li tiġi estiża d-deroga prevista fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2020/430, kif estiża bid-Deċiżjonijiet (UE) 2020/556, (UE) 2020/702 u (UE) 2020/970, b’perijodu limitat ieħor sal-10 ta’ Novembru 2020,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-deroga prevista fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2020/430, kif estiża bid-Deċiżjonijiet (UE) 2020/556, (UE) 2020/702 u (UE) 2020/970, hija b’dan estiża aktar sal-10 ta’ Novembru 2020.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/430 tat-23 ta’ Marzu 2020 dwar deroga temporanja mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ vvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni (ĠU L 88 I, 24.3.2020, p. 1).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/556 tal-21 ta’ April 2020 li testendi d-deroga temporanja mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill introdotta bid-Deċiżjoni (UE) 2020/430 fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ vvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni (ĠU L 128 I, 23.4.2020, p. 1).

(4)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/702 tal-20 ta’ Mejju 2020 li testendi aktar id-deroga temporanja mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill introdotta bid-Deċiżjoni (UE) 2020/430 u estiża bid-Deċiżjoni (UE) 2020/556 fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ vvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni (ĠU L 165, 27.5.2020, p. 38).

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/970 tat-3 ta’ Lulju 2020 li testendi aktar id-deroga temporanja mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill introdotta bid-Deċiżjoni (UE) 2020/430, u estiża bid-Deċiżjonijiet (UE) 2020/556 u (UE) 2020/702, fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ vvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni (ĠU L 216, 7.7.2020, p. 1).


8.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 294/3


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/1254

tas-7 ta’ Settembru 2020

li temenda d-Deċiżjoni 2012/392/PESK dwar il-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-16 ta’ Lulju 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/392/PESK (1) li stabbilixxiet missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer sabiex tappoġġa l-iżvilupp tal-kapaċità tal-atturi tas-sigurtà tan-Niġer fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata (EUCAP Sahel Niger).

(2)

Fit-18 ta’ Settembru 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/1247 (2) li estendiet l-EUCAP Sahel Niger sat-30 ta’ Settembru 2020.

(3)

Fit-22 ta’ Mejju 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/832 (3) li tipprevedi li l-EUCAP Sahel Niger għandha tikkontribwixxi, mingħajr preġudizzju għall-mandat prinċipali tagħha fin-Niġer, għar-reġjonalizzazzjoni tal-azzjoni tal-PSDK fis-Saħel.

(4)

Fit-28 ta’ Mejju u t-30 ta’ Ġunju 2020, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà qabel, fil-kuntest tar-rieżami strateġiku tal-EUCAP Sahel Niger, li jestendi dik il-missjoni sat-30 ta’ Settembru 2022.

(5)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2012/392/PESK tiġi emendata skont dan.

(6)

L-EUCAP Sahel Niger ser titwettaq fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2012/392/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3(1), il-punti (c) u (d) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(c)

b’appoġġ għall-għanijiet tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni, issaħħaħ il-kapaċitajiet tal-forzi tas-sigurtà tan-Niġer fil-ġestjoni tal-fruntieri u fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari;

(d)

tiffaċilita l-koordinazzjoni nazzjonali, reġjonali u internazzjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u l-migrazzjoni irregolari, u fil-ġestjoni tal-fruntieri.”;

(2)

fl-Artikolu 13(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ammont ta’ referenza finanzjarja biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUCAP Sahel Niger għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2020 sat-30 ta’ Settembru 2022 għandu jkun ta’ EUR 73 758 441,09.”;

(3)

fl-Artikolu 16, it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Hija għandha tapplika sat-30 ta’ Settembru 2022.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/392/PESK tas-16 ta’ Lulju 2012 dwar il-missjoni ta’ PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger) (ĠU L 187, 17.7.2012, p. 48).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1247 tat-18 ta’ Settembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2012/392/PESK dwar il-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger) (ĠU L 235, 19.9.2018, p. 7).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/832 tat-22 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Deċiżjoni 2012/392/PESK dwar il-missjoni ta’ PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger) (ĠU L 137, 23.5.2019, p. 64).