ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 277

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
26 ta' Awwissu 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar Żona ta’ Avjazzjoni Komuni Ewropea bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Moldova

1

 

*

Informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Gvern tal-Istat tal-Iżrael, min-naħa l-oħra

2

 

*

Informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra

3

 

*

Informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra

4

 

*

Informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru

5

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1217 tal-25 ta’ Awwissu 2020 dwar deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 li tikkonċerna l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ pjanti mċekkna b’mod naturali jew artifiċjali għat-tħawwil ta’ Chamaecyparis Spach, Juniperus L. u ċerti speċijiet ta’ Pinus L., li joriġinaw fil-Ġappun, u li jirrevoka d-Deċiżjoni 2002/887/KE

6

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1218 tal-25 ta’ Awwissu 2020 li jistabbilixxi d-dazji tal-importazzjoni fis-settur taċ-ċereali, applikabbli mis-26 ta’ Awwissu 2020

12

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1219 tal-20 ta’ Awwissu 2020 li tawtorizza lill-Italja tapplika estensjoni għal ċerti perjodi speċifikati fl-Artikoli 2 tar-Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

16

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1220 tal-21 ta’ Awwissu 2020 dwar it-talba għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej proposta intitolata Dritt għal Kura (notifikata bid-dokument C(2020) 5705) (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

18

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

26.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 277/1


Informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar Żona ta’ Avjazzjoni Komuni Ewropea bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Moldova

Il-Ftehim dwar Żona ta’ Avjazzjoni Komuni Ewropea bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Moldova ffirmat fi Brussell fis-26 ta’ Ġunju 2012, daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Awwissu 2020, f’konformità mal-Artikolu 29(1) tal-Ftehim, billi l-aħħar notifika ġiet iddepożitata fit-2 ta’ Lulju 2020.


26.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 277/2


Informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Gvern tal-Istat tal-Iżrael, min-naħa l-oħra

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Gvern tal-Istat tal-Iżrael, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fl-10 ta’ Ġunju 2013, daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Awwissu 2020, f’konformità mal-Artikolu 30(2) tal-Ftehim, billi l-aħħar notifika ġiet iddepożitata fit-2 ta’ Lulju 2020.


26.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 277/3


Informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra

Il-Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fit-2 ta’ Diċembru 2010, daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Awwissu 2020, skont l-Artikolu 29(1) tal-Ftehim, peress li l-aħħar notifika ġiet iddepożitata fit-2 ta’ Lulju 2020.


26.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 277/4


Informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 2010, daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Awwissu 2020, f’konformità mal-Artikolu 29(1) tal-Ftehim, peress li l-aħħar notifika ġiet iddepożitata fit-2 ta’ Lulju 2020.


26.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 277/5


Informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru, iffirmat fi Brussell fl-20 ta’ Mejju 2019, daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Marzu 2020, f’konformità mal-Artikolu 6(1) tal-Ftehim, peress li l-aħħar notifika ġiet iddepożitata fis-27 ta’ Marzu 2020.


REGOLAMENTI

26.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 277/6


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1217

tal-25 ta’ Awwissu 2020

dwar deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 li tikkonċerna l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ pjanti mċekkna b’mod naturali jew artifiċjali għat-tħawwil ta’ Chamaecyparis Spach, Juniperus L. u ċerti speċijiet ta’ Pinus L., li joriġinaw fil-Ġappun, u li jirrevoka d-Deċiżjoni 2002/887/KE

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 30(1), 40(1) u 41(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/2031 ħassar u ssostitwixxa d-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE (2), filwaqt li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (3) issostitwixxa l-Annessi I sa V ta’ dik id-Direttiva.

(2)

L-Artikolu 7 flimkien mal-punt 1 tal-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 jipprojbixxi l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ pjanti għat-tħawwil ta’ Chamaecyparis Spach, Juniperus L. u Pinus L., għajr frott u żrieragħ. Preċedentement, il-projbizzjoni rispettiva kienet stabbilita fl-Artikolu 4(1) flimkien mal-punt 1 tal-Parti A tal-Anness III tad-Direttiva 2000/29/KE.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/887/KE (4) awtorizzat lill-Istati Membri jipprevedu derogi mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, fir-rigward tal-projbizzjonijiet imsemmija fil-punt 1 tal-Parti A tal-Anness III ta’ dik id-Direttiva, għall-pjanti mċekkna b’mod naturali jew artifiċjali ta’ Chamaecyparis Spach, Juniperus L. u ta’ ċerti speċijiet ta’ Pinus L., li joriġinaw mill-Ġappun, għajr frott u żrieragħ.

(4)

Fit-3 ta’ Awwissu 2017, il-Ġappun ressaq talba għall-estensjoni ta’ dik l-awtorizzazzjoni anki għall-pjanti mċekkna b’mod naturali jew artifiċjali tal-bonsaj tal-arżnu iswed (Pinus thunbergii Parl.) u pprovda informazzjoni teknika li tappoġġa dik it-talba.

(5)

F’Mejju 2019, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tat opinjoni xjentifika li tevalwa r-riskji għas-saħħa tal-pjanti mill-bonsaj tal-arżnu iswed importat mill-Ġappun (5). Dik l-opinjoni xjentifika kienet ibbażata fuq l-informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli pprovduta mill-Ġappun, u kkonkludiet dwar il-probabbiltà tal-ħelsien mill-pesti fir-rigward tal-pesti li jistgħu jiġu assoċjati ma’ dik il-komodità, jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet.

(6)

Uħud mill-pesti kkonċernati għadhom mhumiex elenkati bħala pesti ta’ kwarantina tal-Unjoni iżda jaf jissodisfaw il-kriterji biex jiġu elenkati bħala tali, għalhekk jenħtieġ ikunu soġġetti għall-miżuri provviżorji stabbiliti fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031. Abbażi tal-opinjoni xjentifika tal-EFSA, il-kundizzjonijiet għall-importazzjoni tal-pjanti tal-bonsaj Pinus thunbergii Parl. mill-Ġappun li jiżguraw ċertu livell ta’ ħelsien mill-pesti, jitqiesu aċċettabbli u jenħtieġ tingħata deroga għall-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni, għal perjodu inizjali sal-31 ta’ Diċembru 2023, biex tkun tista’ ssir rieżami ta’ dawk il-miżuri.

(7)

F’Ottubru 2019, il-Ġappun ressaq talba wkoll għall-estensjoni tad-deroga mogħtija bid-Deċiżjoni 2002/887/KE għal Chamaecyparis Spach, Juniperus L. u ċerti speċijiet ta’ Pinus L. Iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw l-għoti ta’ din id-deroga skont id-Deċiżjoni 2002/887/KE għadhom japplikaw u r-riskji fitosanitarji mill-introduzzjoni ta’ dawn il-prodotti jibqgħu baxxi. Ma hemm l-ebda informazzjoni ġdida li tagħti lok għal reviżjoni tal-kundizzjonijiet speċifiċi fiha, u għalhekk jenħtieġ tingħata din l-estensjoni tad-deroga. Iżda jenħtieġ tiġi aġġornata l-lista tal-pesti ta’ tħassib għal Pinus sp. biex tkun tkopri l-bidliet riċenti fit-tassonomija u l-informazzjoni xjentifika ġdida fl-opinjoni xjentifika tal-EFSA.

(8)

Dik id-deroga jenħtieġ tkun soġġetta għall-istess rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni 2002/887/KE. Dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ japplikaw mingħajr preġudizzju għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, u speċjalment għar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 30 tal-Anness VII ta’ dak ir-Regolament dwar l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ pjanti mċekkna b’mod naturali jew artifiċjali għat-tħawwil, għajr żrieragħ.

(9)

Id-Direttiva 2000/29/KE tħassret u ġiet sostitwita bir-Regolament (UE) 2016/2031, u għalhekk jenħtieġ titħassar id-Deċiżjoni 2002/887/KE u tiġi sostitwita b’dan ir-Regolament għal raġunijiet ta’ ċarezza u konsistenza legali.

(10)

Id-deroga prevista f’dan ir-Regolament jenħtieġ tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2023 biex ikun jista’ jsir ir-rieżami tagħha.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “pjanti speċifikati” għandha tfisser pjanti mċekkna b’mod naturali jew artifiċjali għat-tħawwil tal-ispeċijiet li ġejjin:

Chamaecyparis sp. Spach,

Juniperus sp. L.,

Pinus parviflora Sieb. & Zucc. (Pinus pentaphylla Mayr),

Pinus thunbergii Parl.,

Pinus parviflora Sieb. & Zucc., imlaqqma fuq ir-riżoma ta’ speċijiet oħra ta’ Pinus, li joriġinaw mill-Ġappun, u

Pinus thunbergii Parl. imlaqqma fuq ir-riżoma ta’ speċijiet oħra ta’ Pinus, li joriġinaw mill-Ġappun.

Artikolu 2

Deroga mill-projbizzjoni tal-introduzzjoni tal-pjanti speċifikati fl-Unjoni

B’deroga mill-Artikolu 7 u l-punt 1 tal-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, il-pjanti speċifikati jistgħu jiġu introdotti fl-Unjoni, jekk ikunu konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Perjodi ta’ applikazzjoni tad-deroga

Id-deroga prevista fl-Artikolu 2 tapplika għall-pjanti speċifikati importati fl-Unjoni fil-perjodi li ġejjin:

(a)

Chamaecyparis: mill-1 ta’ Ottubru 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2023;

(b)

Juniperus: mill-1 ta’ Novembru sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena sal-31 ta’ Diċembru 2023;

(c)

Pinus L.: mill-1 ta’ Ottubru 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2023.

Artikolu 4

Tħassir tad-Deċiżjoni 2002/887/KE

Id-Deċiżjoni 2002/887/KE titħassar.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Awwissu 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/887/KE tat-8 ta’ Novembru 2002 li tawtorizza derogi minn xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE rigward pjanti li huma mċekkna naturalment jew artifiċjalment ta’ Chamaecyparis Spach, Juniperus L. u Pinus L., li joriġinaw fil-Ġappun (ĠU L 309, 12.11.2002, p. 8).

(5)  Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti, 2019. Opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-komodità tal-bonsaj tal-arżnu iswed (Pinus thunbergii Parl.) mill-Ġappun. EFSA Journal 2019;17(5):5667, 184 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2019.5667.


ANNESS

Kundizzjonijiet għall-introduzzjoni fl-Unjoni tal-pjanti speċifikati f’konformità mal-Artikolu 2

1.   

Jekk il-pjanti speċifikati jkunu Pinus parviflora Sieb. & Zucc. jew Pinus thunbergii Parl. imlaqqma fuq ir-riżoma ta’ speċi oħra ta’ Pinus, ir-riżoma ma jkollhiex rimjiet.

2.   

It-total tal-pjanti speċifikati importati ma għandux jaqbeż il-kwantitajiet determinati għal kull sena u notifikati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra mill-Istat Membru importatur, filwaqt li jitqiesu l-faċilitajiet ta’ konfinament jew l-istazzjonijiet ta’ kwarantina disponibbli.

3.   

Qabel l-esportazzjoni lejn l-Unjoni, il-pjanti speċifikati għandhom ikunu tkabbru, nżammu jew ġew ikkultivati għal mill-inqas sentejn konsekuttivi fi mxietel reġistrati uffiċjalment, li huma soġġetti għal reġim tal-kontroll mill-Organizzazzjoni Nazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti (“NPPO”) tal-Ġappun. Il-listi annwali tal-imxietel reġistrati uffiċjalment għandhom ikunu disponibbli għall-Kummissjoni sal-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena. Dawk il-listi għandhom jinkludu l-għadd ta’ pjanti mkabbra f’kull mixtla, li jkunu tqiesu adattati għall-introduzzjoni fl-Unjoni skont dan ir-Regolament.

4.   

Dwar il-pjanti ta’Juniperus, il-pjanti tal-ġeneri Chaenomeles Lindl., Crataegus L., Cydonia Mill., Juniperus L., Malus Mill., Photinia Ldl. u Pyrus L., li jkunu tkabbru fl-aħħar sentejn qabel l-importazzjoni fl-imxietel tal-pjanti mċekkna b’mod naturali jew artifiċjali msemmija fil-punt 3 jew fil-qrib tagħhom, għandhom ikunu ġew spezzjonati uffiċjalment mill-inqas sitt darbiet fis-sena b’intervalli xierqa għall-preżenza tal-pesti ta’ tħassib. Fil-każ tal-pjanti Chamaecyparis u Pinus, il-pjanti tal-ġenuru Chamaecyparis Spach u tal-ġeneru Pinus L. li jkunu tkabbru f’dawn l-imxietel tal-pjanti mċekkna b’mod naturali jew artifiċjali jew fil-qrib tagħhom għandhom ikunu ġew spezzjonati uffiċjalment għall-inqas sitt darbiet fis-sena b’intervalli xierqa għall-preżenza tal-pesti ta’ tħassib.

Il-pesti ta’ tħassib huma:

(a)

għall-pjanti ta’ Juniperus:

(i)

Aschistonyx eppoi Inouye,

(ii)

Gymnosporangium asiaticum Miyabe ex Yamada u G. yamadae Miyabe ex Yamada,

(iii)

Oligonychus perditus Pritchard et Baker,

(iv)

Popillia japonica Newman,

(v)

kull pest ta’ kwarantina ieħor jew pest soġġett għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/2031 li mhux magħruf li jeżisti fl-Unjoni;

(b)

għall-pjanti ta’ Chamaecyparis:

(i)

Popillia japonica Newman,

(ii)

kull pest ta’ kwarantina ieħor jew pest soġġett għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/2031 li mhux magħruf li jeżisti fl-Unjoni;

(c)

għall-pjanti ta’ Pinus parviflora Sieb. & Zucc. (Pinus pentaphylla Mayr):

(i)

Bursaphelenchus xylophilus (Steiner u Bührer) Nickle et al.,

(ii)

Coleosporium paederiae Dietel ex Hirats. f.,

(iii)

Crisicoccus pini (Kuwana),

(iv)

Cronartium kurilense (Dietel) Y. Ono

(v)

Cronartium quercuum (Berk.) Miyabe ex Shirai,

(vi)

Dendrolimus sibiricus Chetverikov,

(vii)

Dendrolimus spectabilis (Butler),

(viii)

Dendrolimus superans Butler

(ix)

Monochamus spp. (popolazzjonijiet mhux Ewropej),

(x)

Pissodes nitidus Roelofs,

(xi)

Popillia japonica Newman,

(xii)

Pseudocercospora pini‐densiflorae (Hori & Nambu) Deighton,

(xiii)

Thecodiplosis japonensis Uchida & Inouye,

(xiv)

kull pest ta’ kwarantina ieħor jew pest soġġett għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/2031 li mhux magħruf li jeżisti fl-Unjoni;

(d)

għall-pjanti ta’ Pinus thunbergii Parl.:

(i)

Bursaphelenchus xylophilus (Steiner u Bührer) Nickle et al.,

(ii)

Coleosporium asterum (Dietel) Sydow & P.Sydow,

(iii)

Coleosporium phellodendri Komarov,

(iv)

Crisicoccus pini (Kuwana),

(v)

Cronartium orientale Kaneko,

(vi)

Dendrolimus sibiricus Chetverikov,

(vii)

Dendrolimus spectabilis (Butler),

(viii)

Dendrolimus superans Butler

(ix)

Dothistroma septosporum (Dorogin) Morelet,

(x)

Fusarium circinatum Nirenberg & O’Donnell,

(xi)

Monochamus spp. (popolazzjonijiet mhux Ewropej),

(xii)

Pissodes nitidus Roelofs,

(xiii)

Popillia japonica Newman,

(xiv)

Pseudocercospora pini‐densiflorae (Hori & Nambu) Deighton,

(xv)

Sirex nitobei Mats.,

(xvi)

Thecodiplosis japonensis Uchida & Inouye,

(xvii)

Urocerus japonicus (F. Sm.),

(xviii)

kull pest ta’ kwarantina ieħor jew pest soġġett għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/2031 li mhux magħruf li jeżisti fl-Unjoni.

5.   

F’dawk l-ispezzjonijiet, il-pjanti speċifikati għandhom ikunu nstabu ħielsa mill-pesti ta’ tħassib elenkati fil-punti (a) sa (d). Il-pjanti infestati għandhom jitneħħew mill-NPPO, jew mill-korpi nazzjonali kompetenti jew mill-operaturi professjonisti bis-superviżjoni uffiċjali tal-NPPO tal-Ġappun. Il-pjanti speċifikati li jibqa’ għandhom jiġu ttrattati b’mod effettiv u jinżammu għal perjodu xieraq u jiġu spezzjonati biex ikun żgurat jkunu li ħielsa minn dawn il-pesti.

Kull sejba tal-pesti ta’ tħassib imsemmija fil-punt 4, waqt l-ispezzjonijiet magħmula skont il-punt 4, għandha tiġi rreġistrata uffiċjalment, u r-reġistru għandu jkun disponibbli għall-Kummissjoni, fuq talba tagħha. Kull sejba ta’ xi wieħed mill-pesti ta’ tħassib għandha tiskwalifika lill-mixtla mill-istatus ta’ mixtla rreġistrata uffiċjalment. Il-Kummissjoni għandha tiġi informata b’dan minnufih. F’dan il-każ, ir-reġistrazzjoni ma tistax tiġġedded qabel is-sena ta’ wara.

6.   

Il-pjanti speċifikati maħsuba għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, għandhom, tul il-perjodu ta’ sentejn konsekuttivi msemmi fil-punt 3:

(a)

jitħawlu fi qsari li jitqiegħdu fuq xkafef għoljin mill-inqas 50 cm mill-art jew fuq paviment tal-konkrit impenettrabbli għan-nematodi, li jinżamm tajjeb u ħieles mit-trab; kif ukoll

(b)

jinstabu ħielsa mill-pesti ta’ tħassib, fl-ispezzjonijiet imsemmija fil-punt 4; kif ukoll

(c)

jekk jappartienu għall-ġeneru Pinus L. u fil-każ ta’ tlaqqim fuq ir-riżoma ta’ speċi oħra ta’ Pinus, għajr ta’ Pinus parviflora Sieb. & Zucc. jew Pinus thunbergii Parl., għandu jkollhom ir-riżoma dderivata minn sorsi approvati uffiċjalment bħala materjal f’saħħtu; kif ukoll

(d)

jingħarfu b’marka jew kodiċi ta’ traċċabbiltà, esklussiva għal kull pjanta individwali u notifikata lill-NPPO tal-Ġappun, li tippermetti l-identifikazzjoni tal-mixtla reġistrata uffiċjalment u tas-sena tat-tħawwil fil-qsari.

7.   

Il-pjanti speċifikati ilhom traċċabbli mill-ħin tat-tneħħija tagħhom mill-mixtla sal-ħin tat-tagħbija għall-esportazzjoni, permezz tas-siġillar tal-vetturi tat-trasport jew b’alteranttivi xierqa.

8.   

Il-pjanti speċifikati u l-materjal għat-tkabbir aderenti jew assoċjat (“il-materjal”) għandhom ikunu akkumpanjati b’ċertifikat fitosanitarju, maħruġ mill-NPPO tal-Ġappun, li jiċċertifika l-konformità mar-rekwiżiti speċifikati fil-punti 1 sa 7 ta’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, u fil-punt 30 tal-Anness VII tar-Regolament (UE) 2019/2072.

Iċ-ċertifikat għandu jindika:

(a)

l-isem jew l-ismijiet tal-mixtla jew l-imxietel reġistrati uffiċjalment;

(b)

il-marki jew il-kodiċijiet tat-traċċabbiltà msemmija fil-punt 6(d), safejn dawn jgħinu fl-identifikazzjoni tal-mixtla rreġistrata u s-sena tat-tħawwil fil-qsari;

(c)

l-ispeċifikazzjoni tal-aħħar trattament applikat, qabel it-tluq;

(d)

taħt “Dikjarazzjoni Addizzjonali”, id-dikjarazzjoni “Din il-konsenja tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1217”.

9.   

L-operatur responsabbli mill-konsenja għandu jimla u jressaq il-parti rilevanti tad-Dokument Sanitarju Komuni tad-Dħul (CHED) fl-IMSOC, li tindika mill-inqas l-informazzjoni li ġejja dwar kull konsenja ta’ pjanti speċifikati:

(a)

it-tip ta’ materjal,

(b)

il-kwantità ta’ materjal,

(c)

id-data dikjarata tal-importazzjoni,

(d)

is-sit approvat uffiċjalment fejn se jinżammu l-pjanti speċifikati, taħt id-detenzjoni wara d-dħul imsemmija fil-punt 10.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw uffiċjalment lill-importaturi, qabel l-introduzzjoni, bil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti minn 1 sa 12.

10.   

Qabel ir-rilaxx tal-materjal, għandu jkun soġġett għal detenzjoni uffiċjali wara d-dħul f’faċilità ta’ konfinament jew fi stazzjon ta’ kwarantina.

(a)

fil-każ tal-pjanti Pinus u Chamaecyparis, għal perjodu ta’ mhux anqas minn tliet xhur ta’ tkabbir attiv; kif ukoll

(b)

fil-każ tal-pjanti Juniperus, għal perjodu mill-1 ta’ April sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena.

Tul dan il-perjodu ta’ detenzjoni wara d-dħul, il-materjal għandu jinstab ukoll ħieles minn kull pest ta’ tħassib elenkat fil-punt 4. Għandha tingħata attenzjoni partikolari mill-awtorità kompetenti jew mill-operaturi professjonali li għal kull pjanta tiġi ppreservata l-marka jew il-kodiċi tat-traċċabbiltà imsemmija fil-punt 6(d).

11.   

Kull lott li jkun fih materjal li ma jinsabx ħieles mill-pesti ta’ tħassib, tul il-perjodu ta’ detenzjoni wara d-dħul, imsemmi fil-punt 10, għandu jinqered minnufih mill-awtorità kompetenti jew mill-operatur professjonali bis-superviżjoni uffiċjali tal-awtorità kompetenti.

12.   

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’kull kontaminazzjoni ta’ pesti ta’ tħassib li tkun ġiet ikkonfermata tul il-perjodu ta’ detenzjoni wara d-dħul imsemmi fil-punt 10. F’dan il-każ, il-mixtla rilevanti fil-Ġappun għandha tiġi skwalifikata mill-istatus uffiċjali ta’ mixtla reġistrata. Il-Kummissjoni għandha tinforma b’dan lill-Ġappun minnufih.


26.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 277/12


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1218

tal-25 ta’ Awwissu 2020

li jistabbilixxi d-dazji tal-importazzjoni fis-settur taċ-ċereali, applikabbli mis-26 ta’ Awwissu 2020

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 183 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 642/2010 (2) jipprevedi li, għall-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet tan-NM 1001 11 00, 1001 19 00, ex 1001 91 20 [il-qamħ komuni għaż-żrigħ], ex 1001 99 00 [il-qamħ komuni ta’ kwalità għolja minbarra dak għaż-żrigħ], 1002 10 00, 1002 90 00, 1005 10 90, 1005 90 00, 1007 10 90 u 1007 90 00, id-dazju tal-importazzjoni huwa daqs il-prezz tal-intervent li jgħodd għal dawn il-prodotti fil-waqt tal-importazzjoni tagħhom, biż-żieda ta’ 55 % u bit-tnaqqis tal-prezz tal-importazzjoni tas-CIF applikabbli għall-kunsinna kkonċernata. Madankollu, dan id-dazju ma jistax jaqbeż ir-rata tad-dazju tat-Tariffa Doganali Komuni.

(2)

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 642/2010 jipprevedi li, għall-finijiet tal-kalkolu tad-dazju tal-importazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu, kull tant żmien għandhom jiġu stabbiliti prezzijiet rappreżentattivi tal-importazzjoni tas-CIF għall-prodotti kkonċernati.

(3)

Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 642/2010, il-prezz tal-importazzjoni li għandu jintuża għall-kalkolu tad-dazju tal-importazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ dak ir-Regolament huwa l-prezz rappreżentattiv tal-importazzjoni tas-CIF tal-ġurnata stabbilit skont il-metodu previst fl-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament.

(4)

Sa mill-21 ta’ Settembru 2017 id-dazju tal-importazzjoni tal-prodotti li joriġinaw fil-Kanada li jaqgħu taħt il-kodiċijiet tan-NM 1001 11 00, 1001 19 00, ex 1001 99 00 [il-qamħ komuni ta’ kwalità għolja minbarra dak għaż-żrigħ] 1002 10 00 u 1002 90 00 għandu jiġi kkalkulat skont l-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) Nru 642/2010.

(5)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti d-dazji tal-importazzjoni għall-perjodu li jibda fis-26 ta’ Awwissu 2020, li jkunu applikabbli sa ma jidħlu fis-seħħ dazji ġodda tal-importazzjoni.

(6)

F’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 642/2010, jeħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Mis-26 ta’ Awwissu 2020, id-dazji tal-importazzjoni fis-settur taċ-ċereali msemmija fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 642/2010 għandhom ikunu stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament abbażi tal-fatturi msemmija fl-Anness II tiegħu.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Awwissu 2020.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Wolfgang BURTSCHER

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 642/2010 tal-20 ta’ Lulju 2010 dwar regoli ta’ applikazzjoni għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 dwar id-dazju ta’ importazzjoni fis-settur taċ-ċereali (ĠU L 187, 21.7.2010, p. 5).


ANNESS I

Id-dazji tal-importazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 642/2010 li japplikaw mis-26 ta’ Awwissu 2020

Kodiċi NM

Deskrizzjoni tal-merkanzija

Dazju tal-importazzjoni (1)  (2)

(f’EUR għal kull tunnellata)

1001 11 00

QAMĦ durum għaż-żrigħ

0,00

1001 19 00

QAMĦ durum ta’ kwalità għolja, minbarra dak għaż-żrigħ

0,00

ta’ kwalità medja minbarra dak għaż-żrigħ

0,00

ta’ kwalità baxxa minbarra dak għaż-żrigħ

0,00

ex 1001 91 20

QAMĦ komuni għaż-żrigħ

0,00

ex 1001 99 00

QAMĦ komuni ta’ kwalità għolja minbarra dak għaż-żrigħ

0,00

1002 10 00

SEGALA għaż-żrigħ

0,26

1002 90 00

SEGALA minbarra dik għaż-żrigħ

0,26

1005 10 90

QAMĦIRRUM għaż-żrigħ minbarra l-qamħirrum ibridu

0,26

1005 90 00

QAMĦIRRUM minbarra dak għaż-żrigħ (3)

0,26

1007 10 90

SORGU tal-qamħ minbarra dak ibridu għaż-żrigħ

0,26

1007 90 00

SORGU tal-qamħ minbarra dak għaż-żrigħ

0,26


(1)  Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) Nru 642/2010, l-importatur jista’ jibbenefika minn tnaqqis fid-dazji ta’:

EUR 3 għal kull tunnellata, jekk il-port tal-ħatt ikun jinsab fil-Baħar Mediterran (lil hinn mill-Istrett ta’ Ġibiltà) jew fil-Baħar l-Iswed u jekk il-merkanzija tasal fl-Unjoni mill-Oċean Atlantiku jew permezz tal-Kanal ta’ Suez,

EUR 2 għal kull tunnellata, jekk il-port tal-ħatt ikun jinsab fid-Danimarka, fl-Estonja, fl-Irlanda, fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Polonja, fil-Finlandja, fl-Iżvezja, fir-Renju Unit jew mal-kosta tal-Atlantiku tal-Peniżola Iberika u jekk il-merkanzija tasal fl-Unjoni mill-Oċean Atlantiku.

(2)  Għall-prodotti li joriġinaw fil-Kanada u li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 1001 11 00, 1001 19 00, ex 1001 99 00 (qamħ komuni ta’ kwalità għolja għajr dak għaż-żrigħ), 1002 10 00, u 1002 90 00, id-dazju għandu jiġi kkalkulat skont l-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) Nru 642/2010.

(3)  L-importatur jista’ jibbenefika minn tnaqqis fiss ta’ EUR 24 għal kull tunnellata jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 642/2010.


ANNESS II

Fatturi għall-kalkolu tad-dazji stabbiliti fl-Anness I

1.   

Il-prezzijiet medji għall-perjodu ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 642/2010:

(f’EUR għal kull tunnellata)

 

Qamħ komuni  (1)

Qamħirrum

Il-Borża

ta’ Minneapolis

ta’ Chicago

Kwotazzjoni

170,313

107,831

Premium fuq il-Golf

28,305

Premium fuq l-Għadajjar il-Kbar

27,766

2.   

Il-prezzijiet medji għall-perjodu ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 642/2010:

Spejjeż għat-trasport: Il-Golf tal-Messiku — Rotterdam:

20,636

Spejjeż għat-trasport: L-Għadajjar il-Kbar — Rotterdam:

40,744


(1)  Premium pożittiv ta’ EUR 14 għal kull tunnellata inkorporata (l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 642/2010).


DEĊIŻJONIJIET

26.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 277/16


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1219

tal-20 ta’ Awwissu 2020

li tawtorizza lill-Italja tapplika estensjoni għal ċerti perjodi speċifikati fl-Artikoli 2 tar-Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(It-test bil-lingwa Taljana biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 u rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2020/698 jestendi l-limiti taż-żmien għat-tlestija, mid-detentur ta’ ċertifikat ta’ kompetenza professjonali (CPC), ta’ taħriġ perjodiku li kieku skadew jew jiskadu bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020. L-Artikolu 2(2) tar-Regolament jestendi l-validità tal-immarkar korrispondenti tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni, “95”.

(2)

L-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) 2020/698 jestendi l-validità tal-kards ta’ kwalifika tas-sewwieqa msemmija fl-Anness II tad-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) li kieku skadew jew jiskadu bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020.

(3)

B’ittra bid-data tat-13 ta’ Lulju 2020, li tirreferi għall-Artikolu 2(1), (2) u (3) tar-Regolament (UE) 2020/698, l-Italja ssottomettiet talba motivata għal awtorizzazzjoni biex tiġi applikata estensjoni b’erba’ xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020 kif speċifikat fl-Artikolu 2(1) u (3) ta’ dak ir-Regolament. L-Italja pprovdiet informazzjoni addizzjonali bħala appoġġ għat-talba tagħha fil-15, 16, 17 u 21 ta’ Lulju 2020.

(4)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Italja, it-tlestija tat-taħriġ perjodiku u ċ-ċertifikazzjoni tagħha, l-immarkar tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni “95” u t-tiġdid tal-kards ta’ kwalifika tas-sewwieqa x’aktarx jibqgħu imprattikabbli fl-Italja wara l-31 ta’ Diċembru 2020 minħabba miżuri li ħadet biex jiġi evitat jew jitrażżan it-tixrid tal-COVID-19.

(5)

B’mod partikolari, l-Italja ssospendiet il-korsijiet ta’ taħriġ kollha bejn id-9 ta’ Marzu u t-28 ta’ Mejju 2020, inklużi dawk relatati mat-taħriġ perjodiku tax-xufiera previst fid-Direttiva 2003/59/KE. Dawk il-korsijiet ta’ taħriġ reġgħu bdew biss fl-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju 2020. Barra minn hekk, fil-korsijiet ta’ taħriġ jistgħu jipparteċipaw biss numru żgħir ta’ kandidati fl-istess ħin, biex jiġu rrispettati r-regoli ta’ tbegħid soċjali u biex jiġi evitat it-tixrid tal-virus. Għalhekk, hemm akkumulazzjoni konsiderevoli ta’ sewwieqa li jeħtieġu jlestu l-korsijiet ta’ taħriġ.

(6)

Is-sitwazzjoni hija partikolarment problematika fil-każ tat-taħriġ perjodiku għas-sewwieqa tal-karozzi tal-linja. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Italja, ħafna sewwieqa li kienu qed iwettqu l-attività ta’ xufiera tal-vetturi li jintużaw għat-trasport tal-passiġġiera fl-10 ta’ Settembru 2008, kisbu CPC bħala dritt akkwiżit skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/59/KE. Fil-prattika, u skont l-Artikolu 4, l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2003/59/KE, ħafna mis-CPCs li ngħataw b’dan il-mod skadew fl-ewwel nofs ta’ Settembru 2015, peress li l-Italja għamlet użu mill-possibbiltà li testendi l-perjodu msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2003/59/KE b’mhux aktar minn seba’ snin. Min-naħa tagħhom, is-sewwieqa li ġeddew is-CPC tagħhom ftit qabel l-iskadenza fl-2015 iridu jerġgħu jġedduh sad-9 ta’ Settembru 2020. L-Italja tikkalkula li hemm aktar minn 62 000 CPC li waslu biex jiskadu fid-9 ta’ Settembru 2020 u li għadhom ma ġewx imġedda.

(7)

Barra minn hekk, is-CPCs maħruġa bejn il-11 ta’ Settembru 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2007 fuq il-bażi ta’ eżamijiet se jiskadu wkoll bejn il-11 ta’ Settembru u l-31 ta’ Diċembru 2020.

(8)

Minbarra dan, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Italja, it-tlestija tal-kors ta’ taħriġ perjodiku ta’ 35 siegħa tieħu mill-inqas ħamest ijiem, u l-maġġoranza tal-parteċipanti se jkunu jeħtieġu ġimagħtejn biex ilestuh. Wara t-tlestija b’suċċess tal-kors, il-parteċipanti jridu jitolbu lill-Ministeru tal-Infrastruttura u tat-Trasport biex joħroġ liċenzja tas-sewqan ġdida bil-kodiċi armonizzat tal-Unjoni “95”, li jiċċertifika li t-taħriġ perjodiku twettaq skont id-Direttiva 2003/59/KE. Għalhekk, l-Italja tantiċipa li bosta sewwieqa mhux se jkunu jistgħu jlestu l-kors perjodiku ta’ taħriġ u jikkonkludu l-proċedura amministrattiva biex ikunu jistgħu jkomplu jwettqu l-attività tagħhom.

(9)

Għalhekk, fir-rigward tal-Artikolu 2(1), (2) u (3) tar-Regolament (UE) 2020/698, jenħtieġ li l-Italja tkun awtorizzata tapplika estensjoni b’erba’ xhur tal-perjodi rispettivi, bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020, kif speċifikat fl-Artikolu 2(1) u (3) ta’ dak ir-Regolament,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Italja hija awtorizzata tapplika estensjoni ta’ erba’ xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020 kif speċifikat fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2020/698, għall-finijiet tal-Artikolu 2(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament.

L-Italja hija awtorizzata tapplika estensjoni ta’ erba’ xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020 kif speċifikat fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) 2020/698.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Awwissu 2020.

Għall-Kummissjoni

Adina-Ioana VĂLEAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 165, 27.5.2020, p. 10.

(2)  Id-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għall-ġarr ta’ merkanzija jew passiġġieri, li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 u d-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 76/914/KEE (ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4).


26.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 277/18


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1220

tal-21 ta’ Awwissu 2020

dwar it-talba għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej proposta intitolata “Dritt għal Kura”

(notifikata bid-dokument C(2020) 5705)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-4 ta’ Lulju 2020, tressqet quddiem il-Kummissjoni talba għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej proposta intitolata “Dritt għal Kura”.

(2)

L-objettivi tal-inizjattiva proposta huma li: “[1] tiżgura li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inklużi l-privattivi, ma jxekklux l-aċċessibbiltà jew id-disponibbiltà ta’ kwalunkwe vaċċin jew trattament futur tal-COVID-19; [2] tiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-data u l-esklussività tas-suq ma tillimitax l-effettività immedjata tal-liċenzji obbligatorji maħruġa mill-Istati Membri; [3] tintroduċi obbligu legali għall-benefiċjarji mill-fondi tal-UE biex jaqsmu l-għarfien marbut mat-teknoloġija tas-saħħa tal-COVID-19, mal-proprjetà intellettwali u/jew mad-data f’aggregazzjoni ta’ teknoloġiji jew ta’ privattivi; [4] tintroduċi obbligu legali għall-benefiċjarji mill-fondi tal-UE fir-rigward tat-trasparenza fil-kontribuzzjonijiet pubbliċi, l-ispejjeż tal-produzzjoni, kif ukoll il-klawżoli ta’ aċċessibilità u affordabbiltà flimkien ma’ liċenzji mhux esklussivi.”

(3)

L-anness jipprovdi aktar dettalji dwar is-suġġett, l-objettivi u l-isfond tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej proposta. B’mod partikolari, il-grupp ta’ organizzaturi jitlob lill-Unjoni “tqiegħed is-saħħa pubblika qabel il-qligħ privat [u] tagħmel il-vaċċini u t-trattamenti kontra l-pandemija beni pubbliċi globali, li jkunu aċċessibbli b’xejn għal kulħadd”.

(4)

Fir-rigward tal-ewwel żewġ objettivi tal-inizjattiva proposta, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tipproponi att legali tal-Unjoni għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, abbażi tal-Artikolu 114 tat-Trattat.

(5)

Fir-rigward tal-aħħar żewġ objettivi tal-inizjattiva proposta, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tipproponi att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati mfassla biex jipproteġu u jtejbu s-saħħa pubblika, abbażi tal-Artikolu 168(5) tat-Trattat, u l-azzjonijiet ta’ riċerka fil-kuntest tal-programm qafas pluriennali tal-Unjoni, abbażi tal-Artikolu 182 tat-Trattat, moqri flimkien mal-Artikolu 183 tat-Trattat.

(6)

Għal dawn ir-raġunijiet, l-ebda parti mill-inizjattiva proposta ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati.

(7)

Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(3) ta’ dak ir-Regolament.

(8)

L-inizjattiva proposta la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li l-inizjattiva proposta intitolata “Dritt għal Kura” tiġi reġistrata,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej proposta intitolata “Dritt għal Kura” għandha tiġi reġistrata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Dritt għal Kura”, rappreżentat mis-Sinjura Anne DELESPAUL u s-Sinjura Sara Anna MURAWSKI li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Awwissu 2020.

Għall-Kummissjoni

Věra JOUROVÁ

Viċi President


(1)   ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55.