ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 239

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
24 ta' Lulju 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1083 tal-14 ta’ Mejju 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/517 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla u l-proċedura għall-ħatra tar-Reġistru tal-isem tad-dominju tal-ogħla livell.eu ( 1 )

1

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1084 tas-17 ta’ Lulju 2020 li jdaħħal isem fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet tal-Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti Südtiroler Schüttelbrot/Schüttelbrot Alto Adige (IĠP)

6

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/1085 tat-23 ta’ Lulju 2020 li jemenda l-Annessi II u V tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livelli massimi ta’ residwu għall-klorpirifos u l-klorpirifos-metil f’ċerti prodotti jew fuqhom ( 1 )

7

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1086 tat-23 ta’ Lulju 2020 li japprova l-icaridin bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 19 ( 1 )

9

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1087 tat-23 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/466 fir-rigward tat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali u ta’ attivitajiet uffiċjali oħra minn persuni fiżiċi awtorizzati speċifikament, it-twettiq tal-analiżi, tal-ittestjar jew tad-dijanjożi, u l-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri temporanji ( 1 )

12

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1088 tat-22 ta’ Lulju 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/485 li tawtorizza lid-Danimarka tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 75 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

14

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/900 tal-25 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1838 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ċerti opportunitajiet tas-sajd għall-2020 fil-Baħar Baltiku u li jemenda r-Regolament (UE) 2020/123 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ċerti opportunitajiet tas-sajd għall-2020 fl-ilmijiet tal-Unjoni u f’dawk li mhumiex tal-Unjoni ( ĠU L 207, 30.6.2020 )

16

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

24.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 239/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1083

tal-14 ta’ Mejju 2020

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/517 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla u l-proċedura għall-ħatra tar-Reġistru tal-isem tad-dominju tal-ogħla livell.eu

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/517 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-isem ta’ dominju tal-ogħla livell.eu u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 733/2002 u jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Dan ir-Regolament għandu l-għan li jistabbilixxi l-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla u l-proċedura għall-ħatra tar-Reġistru fdat bl-organizzazzjoni, bl-amministrazzjoni u bil-ġestjoni tad-dominju tal-ogħla livell.eu.

(2)

Ir-reġistru jenħtieġ jintgħażel skont proċedura tal-għażla miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja li tippermetti proċess tal-għażla ġust u kompetittiv. Għal dan il-għan, u biex jinkiseb l-akbar għadd possibbli ta’ kandidati xierqa, is-sejħa għall-applikazzjonijiet jenħtieġ tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(3)

Il-proċedura tal-għażla jenħtieġ torganizzaha l-Kummissjoni f’żewġ fażijiet, biex tkun żgurata t-trasparenza tal-proċess u użu effiċjenti tar-riżorsi.

(4)

Tul l-ewwel fażi tal-proċedura, il-Kummissjoni jenħtieġ tivverifika l-eliġibbiltà tal-applikanti, biex ikun żgurat li dawn jikkonformaw mal-karatteristiċi minimi tar-Reġistru kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/517.

(5)

Tul it-tieni fażi tal-proċedura, il-Kummissjoni jenħtieġ tistabbilixxi l-klassifika tal-applikanti eliġibbli skont kriterji li jiżguraw li l-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-ġestjoni tad-dominju tal-ogħla livell.eu hu konformi mal-objettivi li jkun jappoġġa s-suq uniku diġitali, li jkun imsejjes fuq l-identità Ewropea online u li jkun iħeġġeġ attivitajiet online transfruntieri. Biex ikun żgurat li jintlaħqu dawn l-objettivi, fil-proċedura tal-għażla l-Kummissjoni jenħtieġ tagħti piż xieraq lill-kwalità tas-servizz, lir-riżorsi umani u tekniċi allokati u lill-qagħda finanzjarja tal-applikanti.

(6)

Biex tkun żgurata superviżjoni xierqa u fil-ħin tal-funzjonijiet ewlenin tar-Reġistru, l-infrastruttura meħtieġa biex jitwettqu dawn il-funzjonijiet jenħtieġ tkun tinsab fl-Unjoni. Din l-infrastruttura jenħtieġ tkun tinkludi, fost l-oħrajn, is-software, il-hardware u faċilitajiet oħra meħtieġa għall-amministrazzjoni, għall-funzjonament u għall-ġestjoni tad-dominju tal-ogħla livell. eu, bħall-bażi tad-data għal data tar-reġistrazzjoni tat-TLD.eu, il-bażi tad-data għar-reġistraturi akkreditati tat-TLD.eu, is-server awtoritattiv għat-TLD.eu, il-kustodja tad-data tal-parti terza għall-fajl taż-żona tat-TLD.eu u għall-informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-ismijiet tad-dominju, is-sistema tas-servizzi tal-mistoqsijiet tal-pubbliku, u s-sit web b’politika aġġornata u informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni għat-TLD.eu.

(7)

Biex ikun żgurat livell xieraq ta’ ġestjoni tad-dominju tal-ogħla livell.eu, is-sejħa għall-applikazzjonijiet li tippubblika l-Kummissjoni jenħtieġ tistabbilixxi punteġġ minimu li jridu jilħqu l-applikanti skont il-kriterji tal-għażla, biex ikunu jistgħu jinħatru bħala Reġistru.

(8)

Biex tkun żgurata t-trasparenza tal-proċedura, il-Kummissjoni jenħtieġ tipprovdi raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha li jenħtieġ jiġu kkomunikati lill-applikanti.

(9)

Jenħtieġ li l-applikant li abbażi tal-punteġġ tal-evalwazzjoni jkun fuq nett fil-klassifika, jinħatar bħala r-Reġistru. Jekk il-kuntratt mar-Reġistru maħtur ma jiġix konkluż, il-Kummissjoni jenħtieġ tkun tista’ taħtar lill-applikant li jmiss fil-klassifika bħala r-Reġistru.

(10)

Biex tkun tista’ ssir proċedura tal-għażla ġusta u kompetittiva għar-Reġistru, li trid tiġi konkluża sa mhux aktar tard mit-12 ta’ Ottubru 2021 bl-iffirmar tal-kuntratt, dan ir-Regolament jenħtieġ jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla u l-proċedura għall-ħatra tar-Reġistru tad-dominju tal-ogħla livell.eu, skont il-prinċipji tal-ftuħ, tat-trasparenza u tan-nondiskriminazzjoni.

Artikolu 2

Il-kriterji tal-eliġibbiltà

1.   Ir-Reġistru għandu jkun organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, iffurmata skont il-liġi ta’ Stat Membru. Għandu jkollu l-uffiċċju rreġistrat, l-amministrazzjoni ċentrali u l-post prinċipali tan-negozju tiegħu fit-territorju tal-Unjoni.

2.   L-infrastruttura meħtieġa biex jitwettqu l-funzjonijiet ewlenin tar-Reġistru ewlieni kif previst fl-Artikolu 5(2) għandha tkun fit-territorju tal-Unjoni.

3.   Meta konsorzju ta’ entitajiet jew grupp ta’ kuntratturi jkun jistabbilixxi l-organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, kull entità li tifforma parti mill-konsorzju jew mill-grupp għandu jkollha l-uffiċċju rreġistrat, l-amministrazzjoni ċentrali u l-post prinċipali tan-negozju tagħha fl-Unjoni.

4.   Ir-Reġistru għandu jintrabat li jwettaq il-kompiti tiegħu bħala kuntrattur ewlieni. Is-subkuntrattar hu permess esklużivament meta jkun meħtieġ għat-twettiq tal-ħidma u bi ftehim bil-miktub minn qabel mill-Kummissjoni.

Artikolu 3

Applikazzjonijiet

1.   L-applikazzjoni għandha tidentifika b’mod ċar l-Istati Membri fejn tkun irreġistrata l-organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ u għandha tipprovdi informazzjoni sħiħa dwar il-post tal-uffiċċju rreġistrat, l-amministrazzjoni ċentrali u l-post prinċipali tan-negozju tagħha.

2.   Jekk l-organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ tiġi stabbilita minn konsorzju ta’ entitajiet jew minn grupp ta’ kuntratturi, l-applikazzjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar ir-rwoli differenti u l-istatus ta’ kull membru tal-konsorzju jew tal-grupp, inkluż l-informazzjoni kollha li jeżiġi l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Jekk entità waħda jew aktar li jiffurmaw parti mill-konsorzju jew mill-grupp tkun entità bi skop ta’ qligħ, l-applikazzjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar il-miżuri li se jieħu l-konsorzju jew il-grupp biex jiżgura s-separazzjoni legali u finanzjarja ta’ kull attività bi skop ta’ profitt mill-attivitajiet fil-funzjoni tar-Reġistru.

4.   L-applikazzjoni għandha tipprovdi deskrizzjoni tal-organizzazzjoni interna tal-organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ u magħha għandhom jinhemżu d-dokumenti ġustifikattivi kollha kif titlob is-sejħa għall-applikazzjonijiet biex jintgħażel ir-Reġistru.

Artikolu 4

Il-kwalità tas-servizz

1.   Ir-Reġistru għandu jħabrek għall-eċċellenza operazzjonali u jiżgura kwalità għolja tas-servizz bi prezzijiet kompetittivi. Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-kapaċità li l-applikanti eliġibbli jipprovdu l-kwalità meħtieġa tas-servizz. Dan il-kriterju għandu jkollu piż ta’ 40 % tal-punteġġ totali tal-valutazzjoni.

2.   L-applikanti għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-esperjenza tagħhom fl-oqsma relatati mal-organizzazzjoni, mal-amministrazzjoni u mal-ġestjoni tal-ismijiet tad-dominju.

3.   L-applikanti għandhom jiddeskrivu kif beħsiebhom jimmaniġġjaw id-dominju tal-ogħla livell.eu b’mod li jiżgura livell għoli ta’ kwalità tas-servizzi mogħtija, filwaqt li jqisu l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tal-prestazzjoni minimi għas-servizzi tar-reġistru tad-dominji tal-ogħla livell tal-kodiċi tal-pajjiżi stabbiliti mill-Korporazzjoni tal-Internet għall-Ismijiet u n-Numri Assenjati.

4.   L-applikanti għandhom jiddeskrivu liema miżuri beħsiebhom jimplimentaw biex jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà u fiduċja fid-dominju tal-ogħla livell.eu.

Artikolu 5

Ir-riżorsi umani u tekniċi

1.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa r-riżorsi umani u tekniċi tal-applikant. Dan il-kriterju għandu jkollu piż ta’ 30 % tal-punteġġ totali tal-evalwazzjoni.

2.   L-applikanti għandhom jipprovdu informazzjoni dwar ir-riżorsi umani u tekniċi tagħhom u jiddeskrivu kif dawn ir-riżorsi huma biżżejjed biex iwettqu l-funzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-ġestjoni tad-dominju tal-ogħla livell.eu, inkluż il-manutenzjoni tal-bażijiet tad-data korrispondenti u s-servizzi assoċjati tal-mistoqsijiet tal-pubbliku, ir-reġistrazzjoni tal-ismijiet tad-dominju, it-tmexxija tar-Reġistru tal-ismijiet tad-dominju, it-tmexxija tas-servers tar-Reġistru tal-ismijiet tad-dominju tal-ogħla livell u l-ħolqien u l-ġestjoni ta’ fajls taż-żona tad-dominju tal-ogħla livell;

(b)

għoti tas-servizzi li jiżguraw il-kwalità għolja, it-trasparenza, is-sigurtà, l-istabbiltà, il-prevedibbiltà, l-affidabbiltà, l-aċċessibbiltà, l-effiċjenza, in-nondiskriminazzjoni, il-kundizzjonijiet ġusti tal-kompetizzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur.

3.   Fl-applikazzjoni tagħhom, l-applikanti għandhom jiddeskrivu t-tip ta’ organizzazzjoni, amministrazzjoni u ġestjoni li beħsiebhom idaħħlu fis-seħħ biex jissodisfaw il-funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, inkluż dawn li ġejjin:

(a)

ir-riżorsi umani u s-sistemi meħtieġa;

(b)

is-software u l-hardware;

(c)

il-faċilitajiet meħtieġa għall-operazzjoni u l-ġestjoni tad-dominju tal-ogħla livell.eu.

4.   L-applikanti għandhom jiddeskrivu kif ir-riżorsi tagħhom, inkluż il-kapaċità umana u teknika, huma biżżejjed biex iwettqu l-funzjoni tar-reġistratur jekk il-Kummissjoni titlob li tattiva din il-funzjoni biex jintlaħqu objettivi speċifiċi ta’ politika. L-applikant għandu jipprovdi wkoll informazzjoni dwar kif l-allokazzjoni ta’ dawn ir-riżorsi biex titwettaq il-funzjoni tar-reġistratur hi konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2019/517.

5.   L-applikanti għandhom jipprovdu informazzjoni dwar kif beħsiebhom idaħħlu fis-seħħ l-istruttura organizzattiva u operazzjonali sħiħa biex ikunu jistgħu jibdew jiffunzjonaw bħala r-Reġistru mit-13 ta’ Ottubru 2022.

Artikolu 6

Il-qagħda finanzjarja u l-konformità

1.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-qagħda finanzjarja tal-applikanti eliġibbli. Dan il-kriterju għandu jkollu piż ta’ 30 % tal-punteġġ totali tal-evalwazzjoni.

2.   L-applikanti għandhom:

(a)

juru livell ta’ sigurtà u stabbiltà finanzjarja li jkun adegwat biex jitwettqu l-kompiti tar-Reġistru;

(b)

jipprovdu informazzjoni sħiħa dwar ir-rekwiżiti tal-kostijiet u tal-kapital antiċipati għall-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-ġestjoni tad-dominju tal-ogħla livell.eu, id-disponibbiltà tal-kapital u l-assigurazzjoni; jipprovdu mudell tal-introjtu, inkluż mudell tal-ipprezzar, analiżi tas-suq rilevanti, pjan tal-kummerċjalizzazzjoni, u dispożizzjonijiet dwar il-falliment tar-Reġistru;

(c)

jiddeskrivu kif se japplikaw il-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba;

(d)

jipprovdu informazzjoni dwar it-tariffi li bi ħsiebhom japplikaw, u jiddeskrivu kif jiddeterminaw il-livelli tat-tariffi abbażi tal-kostijiet imġarrba.

3.   L-applikanti għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-awditjar estern li se jsirilhom biex juru l-konformità mar-Regolament (UE) 2019/517.

Artikolu 7

Il-proċedura tal-għażla

1.   Il-Kummissjoni għandha torganizza proċedura tal-għażla miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja biex jintgħażel ir-Reġistru. Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-applikanti għandu jkollhom mill-inqas 30 jum tax-xogħol biex iressqu l-applikazzjonijiet tagħhom.

2.   Il-Kummissjoni tista’ titlob konsulenza u għajnuna ta’ esperti esterni biex tanalizza u/jew tevalwa l-applikazzjonijiet. Dawn l-esperti esterni għandhom jintgħażlu skont il-kompetenzi u l-livell għoli ta’ indipendenza u imparzjalità tagħhom.

Artikolu 8

L-ewwel fażi tal-għażla — verifika tal-eliġibbiltà

1.   L-applikanti għandhom iressqu l-applikazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni skont l-istruzzjonijiet stabbiliti fis-sejħa għall-applikazzjonijiet.

2.   Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-applikanti jipprovdu informazzjoni addizzjonali rigward l-issodisfar tal-kriterji tal-eliġibbiltà tul perjodu taż-żmien stipulat. Bħala parti mill-verifika tal-eliġibbiltà, il-Kummissjoni għandha tivvaluta:

(a)

jekk l-applikazzjoni tressqitx sad-data tal-iskadenza stabbilita fis-sejħa għall-applikazzjonijiet;

(b)

il-konformità mar-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 2 u 3;

(c)

jekk l-applikazzjoni hix kompluta u, meta applikabbli, jekk l-applikant tax l-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 2.

3.   Fi żmien 40 jum tax-xogħol mill-iskadenza tal-applikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-eliġibbiltà tal-applikanti. Il-Kummissjoni għandha tagħti raġunijiet meta tkun iddeċidiet li applikant ma jissodisfax il-kriterji tal-eliġibbiltà. Għandha tikkomunika minnufih din id-deċiżjoni lil dak l-applikant.

4.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista tal-applikanti eliġibbli.

Artikolu 9

It-tieni fażi tal-għażla — l-ikklassifikar tal-applikanti eliġibbli u l-ħatra tar-Reġistru

1.   Fi żmien 80 jum tax-xogħol wara l-pubblikazzjoni tal-lista tal-applikanti eliġibbli, il-Kummissjoni għandha tikklassifika l-applikanti eliġibbli li jkunu kisbu l-punteġġ minimu tal-evalwazzjoni identifikat fis-sejħa għall-applikazzjonijiet, abbażi tal-kriterji tal-għażla.

2.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-applikanti eliġibbli bil-klassifika finali.

3.   Il-Kummissjoni għandha taħtar lill-applikant li jkun fuq nett fil-klassifika bħala r-Reġistru. Għandha tippubblika d-deċiżjoni li taħtar ir-Reġistru f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 10

Il-ħatra tar-Reġistru jekk il-kuntratt ma jiġix konkluż

Meta n-negozjati tal-kuntratt bejn ir-Reġistru maħtur u l-Kummissjoni jintemmu mingħajr ma jiġi konkluż il-kuntratt, il-Kummissjoni għandha taħtar lill-applikant li jmiss fil-klassifika bħala r-Reġistru. Jekk dan ma jkunx possibbli, il-Kummissjoni għandha torganizza proċedura tal-għażla ġdida biex jintgħażel ir-Reġistru.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 91, 29.3.2019, p. 25.


24.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 239/6


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1084

tas-17 ta’ Lulju 2020

li jdaħħal isem fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet tal-Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti “Südtiroler Schüttelbrot”/“Schüttelbrot Alto Adige” (IĠP)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 50(2)(a), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni tal-Italja biex l-isem “Südtiroler Schüttelbrot”/“Schüttelbrot Alto Adige” jiddaħħal fir-reġistru ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

(2)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u għalhekk jenħtieġ li l-isem “Südtiroler Schüttelbrot”/“Schüttelbrot Alto Adige” jiġi rreġistrat,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-isem “Südtiroler Schüttelbrot”/“Schüttelbrot Alto Adige” (IĠP) huwa rreġistrat.

L-isem imsemmi fl-ewwel paragrafu tidentifika prodott tal-klassi 2.3 “Ħobż, għaġina, kejkijiet, ħelu, gallettini u prodotti oħra tal-furnara” tal-Anness XI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3).

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Janusz WOJCIECHOWSKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU C 81, 11.3.2020, p. 6.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).


24.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 239/7


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1085

tat-23 ta’ Lulju 2020

li jemenda l-Annessi II u V tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livelli massimi ta’ residwu għall-klorpirifos u l-klorpirifos-metil f’ċerti prodotti jew fuqhom

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1)(a) u l-Artikolu 18(1)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Għall-klorpirifos u l-klorpirifos-metil il-livelli massimi ta’ residwu (MRLs) ġew stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 396/2005.

(2)

L-approvazzjonijiet tas-sustanzi attivi klorpirifos u klorpirifos-metil ma ġġeddewx bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/18 (2) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/17 (3), rispettivament.

(3)

L-awtorizzazzjonijiet kollha eżistenti għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza attiva tal-klorpirifos u tal-klorpirifos-metil ġew irrevokati. Għalhekk huwa xieraq li jitħassru l-MRLs stabbiliti għal dawn is-sustanzi fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 flimkien mal-Artikolu 14(1)(a) tiegħu.

(4)

Il-Kummissjoni kkonsultat mal-laboratorji ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea dwar il-bżonn li jiġu adattati ċerti limiti ta’ kwantifikazzjoni (LOQs) għaż-żewġ sustanzi. Dawk il-laboratorji kkonkludew li l-iżvilupp tekniku jippermetti li l-LODs jiġu stabbiliti għal 0,01 mg/kg għall-klorpirifos u l-klorpirifos-metil fil-prodotti kollha. Dawk il-valuri awtomatiċi jenħtieġ li jiġu elenkati fl-Anness V skont l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 396/2005.

(5)

Fil-kuntest tan-nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tal-klorpirifos u l-klorpirifos-metil, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ippubblikat dikjarazzjonijiet dwar il-valutazzjoni tas-saħħa tal-bniedem għal dawk is-sustanzi attivi (4) (5). F’dawk id-dikjarazzjonijiet l-Awtorità kkonfermat in-newrotossiċità tal-iżvilupp taż-żewġ sustanzi attivi fit-tfal u ma setgħetx teskludi potenzjal ġenotossiku minħabba l-esponiment għar-residwi taż-żewġ sustanzi fl-ikel.

(6)

Is-sħab kummerċjali tal-Unjoni ġew ikkonsultati dwar l-MRLs il-ġodda permezz tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u tqiesu l-kummenti tagħhom.

(7)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 396/2005 jiġi emendat skont dan.

(8)

Jenħtieġ li jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli ta’ żmien qabel ma jibdew japplikaw l-MRLs immodifikati, sabiex l-Istati Membri, il-pajjiżi terzi u l-operaturi tan-negozji tal-ikel jingħataw biżżejjed żmien biex iħejju ruħhom ħalli jkunu konformi mar-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-modifika tal-MRLs.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi II u V tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 jiġu emendati skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-6 ta’ Awwissu 2020.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/18 tal-10 ta’ Jannar 2020 li jikkonċerna n-nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva klorpirifos, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU L 7, 13.1.2020, p. 14).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/17 tal-10 ta’ Jannar 2020 li jikkonċerna n-nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva klorpirifos-metil, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU L 7, 13.1.2020, p. 11).

(4)  Statement on the available outcomes of the human health assessment in the context of the pesticides peer review of the active substance chlorpyrifos. [Dikjarazzjoni dwar l-eżiti disponibbli tal-valutazzjoni tas-saħħa tal-bniedem fil-kuntest tal-evalwazzjoni bejn il-pari tas-sustanza attiva klorpirifos.] EFSA Journal 2019; 17(5):5809.

(5)  Updated statement on the available outcomes of the human health assessment in the context of the pesticides peer review of the active substance chlorpyrifos-methyl. [Dikjarazzjoni aġġornata dwar l-eżiti disponibbli tal-valutazzjoni tas-saħħa tal-bniedem fil-kuntest tal-evalwazzjoni bejn il-pari tas-sustanza attiva klorpirifos-metil.] EFSA Journal 2019; 17(11):5908.


24.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 239/9


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1086

tat-23 ta’ Lulju 2020

li japprova l-icaridin bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 19

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 89(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 (2) jistabbilixxi lista ta’ sustanzi attivi eżistenti li jridu jiġu evalwati biex possibbilment jiġu approvati għall-użu fil-prodotti bijoċidali. Din il-lista tinkludi l-icaridin.

(2)

L-icaridin ġiet evalwata għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 19, ir-ripellanti u l-attrattanti, kif deskritt fl-Anness V tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li jikkorrispondu mat-tip ta’ prodott 19 kif deskritt fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(3)

Id-Danimarka nħatret bħala Stat Membru relatur u l-awtorità kompetenti tagħha għall-evalwazzjoni ppreżentat ir-rapport tal-valutazzjoni flimkien mar-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni fl-14 ta’ Jannar 2011.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1062/2014, il-Kumitat tal-Prodotti Bijoċidali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (4) adotta l-opinjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi fl-10 ta’ Diċembru 2019, filwaqt li qies il-konklużjonijiet tal-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni.

(5)

Jista’ jinkiseb mill-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 li s-sustanzi li l-evalwazzjoni tagħhom mill-Istati Membri tkun tlestiet sal-1 ta’ Settembru 2013 għandhom jiġu evalwati skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/8/KE. B’segwitu tal-opinjoni tal-Aġenzija, il-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 19, u li fihom l-icaridin jistgħu jkunu mistennija li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE, dment li jkunu konformi ma’ ċerti speċifikazzjonijiet u kundizzjonijiet dwar l-użu tagħhom.

(6)

Għalhekk, jixraq li l-icaridin tiġi approvata għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 19, diment li jkun hemm konformità ma’ ċerti speċifikazzjonijiet u kundizzjonijiet.

(7)

Billi skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, is-sustanzi li l-evalwazzjoni tagħhom mill-Istati Membri tlestiet qabel l-1 ta’ Settembru 2013 jenħtieġ li jiġu approvati skont it-termini tad-Direttiva 98/8/KE, il-perjodu tal-approvazzjoni jenħtieġ li jkun ta’ 10 snin, f’konformità mal-prassi stabbilita f’dik id-Direttiva.

(8)

Jenħtieġ li jitħalla jgħaddi perjodu ta’ żmien raġonevoli qabel ma tiġi approvata sustanza attiva sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri preparatorji meħtieġa biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-icaridin hija approvata bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 19, dment li jkun hemm konformità mal-ispeċifikazzjonijiet u mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1

(2)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta’ Awwissu 2014 dwar il-programm ta’ ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 582/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294, 10.10.2014, p. 1).

(3)  Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegћid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1).

(4)  L-Opinjoni tal-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali dwar l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva Icaridin, tat-Tip ta’ Prodott: 19, ECHA/BPC/229/2019, adottat fl-10 ta’ Diċembru 2019.


ANNESS

Isem Komuni

Isem IUPAC

Numri ta’ Identifikazzjoni

Grad minimu ta’ purità tas-sustanza attiva  (1)

Data tal-approvazzjoni

Data tal-iskadenza tal-approvazzjoni

Tip ta’ prodott

Kundizzjonijiet speċifiċi

Icaridin

Isem IUPAC:

(RS)-sek-butil (RS)-2-(2-idrossietil)piperidin-1-karbossilat

Nru tal-KE: 423-210-8

Nru tal-CAS: 119515-38-7

97 % w/w

fl-1 ta’ Frar 2022.

fil-31 ta’ Jannar 2032.

19

L-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti bijoċidali huma soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

fil-valutazzjoni tal-prodott għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-esponimenti, lir-riskji u lill-effikaċja marbuta ma’ kull użu kopert b’applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, iżda li ma jkunx indirizzat fil-valutazzjoni tar-riskju tas-sustanza attiva fil-livell tal-Unjoni;

(b)

għall-prodotti li jistgħu jwasslu għal residwi fl-ikel jew fl-għalf, għandha tiġi vverifikata l-ħtieġa li jiġu stabbiliti livelli massimi ta’ residwi (MRLs) ġodda jew li jiġu emendati l-livelli massimi ta’ residwi eżistenti skont ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (2) jew skont ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,  (3) u għandha tittieħed kull miżura xierqa ta’ mitigazzjoni tar-riskji biex ikun żgurat li l-MRLs applikabbli ma jinqabżux;

(c)

fid-dawl tar-riskji identifikati għall-użi vvalutati, il-valutazzjoni tal-prodott għandha tagħti attenzjoni partikolari lil tfal iżgħar minn sentejn wara l-esponiment tal-ġilda u dik sekondarja.


(1)  Il-purità indikata f’din il-kolonna kienet il-grad minimu ta’ purità tas-sustanza attiva evalwata. Is-sustanza attiva fil-prodott imqiegħed fis-suq jista’ jkollha l-istess purità jew purità differenti jekk ikun intwera li teknikament din tkun ekwivalenti għas-sustanza attiva evalwata.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi l-proċeduri Komunitarji għall-istabbiliment ta’ limiti ta’ residwi ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 u li jemenda d-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 152, 16.6.2009, p. 11).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).


24.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 239/12


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1087

tat-23 ta’ Lulju 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/466 fir-rigward tat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali u ta’ attivitajiet uffiċjali oħra minn persuni fiżiċi awtorizzati speċifikament, it-twettiq tal-analiżi, tal-ittestjar jew tad-dijanjożi, u l-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri temporanji

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 141(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi regoli, fost l-oħrajn, għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali u ta’ attivitajiet uffiċjali oħra mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, il-miżuri temporanji xierqa meħtieġa biex jiġu limitati r-riskji għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti u għat-trattament xieraq tal-annimali, jekk ikollha evidenza ta’ tfixkil serju fis-sistema ta’ kontroll ta’ Stat Membru.

(2)

Sabiex jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi speċifiċi marbutin mal-kriżi li għaddejja relatata mal-marda tal-coronavirus (COVID-19), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/466 (2) jippermetti lill-Istati Membri japplikaw miżuri temporanji fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali u ta’ attivitajiet uffiċjali oħra.

(3)

L-Istati Membri nformaw lill-Kummissjoni li fid-dawl tal-kriżi marbuta mal-COVID-19, ċertu tfixkil serju fil-funzjonament tas-sistemi ta’ kontroll tagħhom, diffikultajiet biex jitwettqu l-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra fuq iċ-ċertifikati uffiċjali u l-attestazzjonijiet uffiċjali fir-rigward tal-movimenti tal-annimali u l-oġġetti lejn l-Unjoni u fi ħdan l-Unjoni u diffikultajiet biex jiġu organizzati laqgħat fiżiċi mal-operaturi u l-persunal tagħhom fil-kuntest tal-kontrolli uffiċjali, se jippersistu wara l-1 ta’ Awwissu 2020. Sabiex jiġi indirizzat dan it-tfixkil serju u jiġu ffaċilitati l-ippjanar u t-twettiq tal-kontrolli uffiċjali u ta’ attivitajiet uffiċjali oħra matul il-kriżi marbuta mal-COVID-19, il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/466 jenħtieġ li jiġi estiż sal-1 ta’ Ottubru 2020.

(4)

L-Istati Membri nformaw ukoll lill-Kummissjoni li tfixkil ieħor relatat mad-disponibbiltà tal-persunal u l-kapaċità tal-laboratorji uffiċjali fil-kuntest tal-kontrolli uffiċjali ma jippersistix lil hinn mill-1 ta’ Awwissu 2020. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/466 li jippermettu miżuri eċċezzjonali f’dawk l-oqsma jenħtieġ li jitħassru.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/466 jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/466 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 3 huwa mħassar.

(2)

Fl-Artikolu 5, il-punt (a) huwa mħassar.

(3)

fl-Artikolu 6, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għandu japplika sal-1 ta’ Ottubru 2020.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-2 ta’ Awwissu 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/466 tat-30 ta’ Marzu 2020 dwar miżuri temporanji biex jiġu limitati r-riskji għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti u għat-trattament xieraq tal-annimali matul ċertu tfixkil serju tas-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri minħabba l-marda tal-coronavirus (il-COVID-19) (ĠU L 98, 31.3.2020, p. 30).


DEĊIŻJONIJIET

24.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 239/14


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1088

tat-22 ta’ Lulju 2020

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/485 li tawtorizza lid-Danimarka tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 75 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-21 ta' Frar 2020, id-Danimarka talbet, taħt l-Artikolu 395 tad-Direttiva 2006/112/KE, awtorizzazzjoni biex tapplika miżura speċjali li tirregola d-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-input, li tidderoga mill-Artikolu 75 ta' dik id-Direttiva.

(2)

Permezz ta' ittra datata t-2 ta' April 2020, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba ppreżentata mid-Danimarka u, permezz ta' ittra datata t-3 ta' April 2020, hija nnotifikat lid-Danimarka li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(3)

Mingħajr miżura ta' deroga, il-leġiżlazzjoni fid-Danimarka tipprevedi li jekk vettura kummerċjali ħafifa b'piż totali awtorizzat ta' mhux aktar minn tliet tunnellati tkun reġistrata mal-awtoritajiet Daniżi biex tintuża għal finijiet ta' negozju biss, il-persuna taxxabbli tkun tista' tnaqqas il-VAT tal-input kollu fuq il-prezz tax-xiri u l-ispejjeż operazzjonali tal-vettura. Jekk tali vettura sussegwentement tintuża għal finijiet privati, il-persuna taxxabbli titlef id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT imħallsa fuq il-prezz tax-xiri tal-vettura.

(4)

Sabiex ittaffi l-konsegwenzi ta' dak ir-reġim, id-Danimarka talbet awtorizzazzjoni biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 75 tad-Direttiva 2006/112/KE. Id-deroga ġiet konċessa permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/447/UE (2) u sussegwentement permezz tad-Deċiżjonijiet ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/992 (3) u (UE) 2018/485 (4). Id-Deċiżjoni (UE) 2018/485 għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2020.

(5)

Permezz tal-miżura, persuni taxxabbli li jkunu rreġistraw vettura għal finijiet tan-negozju biss ikunu jistgħu jużaw il-vettura għal finijiet privati, u jkunu jistgħu jikkalkulaw l-ammont taxxabbli tal-provvista preżunta ta' servizzi skont l-Artikolu 75 tad-Direttiva 2006/112/KE abbażi ta' rata fissa ta' kuljum, mingħajr ma jitilfu d-dritt tagħhom li jnaqqsu l-VAT imġarrba fuq il-prezz tax-xiri tal-vettura.

(6)

Jenħtieġ madankollu li dak il-metodu ta' kalkolu ssimplifikat ikun limitat għal għoxrin jum ta' użu għal finijiet privati għal kull sena kalendarja, u l-ammont b'rata fissa tal-VAT li għandu jitħallas jenħtieġ li jkun iffissat għal DKK 40 għal kull jum ta' tali użu. Dak l-ammont ġie ffissat mill-Gvern Daniż abbażi ta' analiżi ta' statistika nazzjonali.

(7)

Din il-miżura, li jenħtieġ li tapplika għal vetturi kummerċjali ħfief b'piż totali awtorizzat ta' mhux aktar minn tliet tunnellati, għandha l-għan li tissimplifika l-obbligi tal-VAT tal-persuni taxxabbli li okkażjonalment jużaw, għal finijiet privati, vettura li kienet irreġistrata biss għal finijiet ta' negozju, u b'hekk tiġi ssimplifikata l-proċedura għall-ġbir tal-VAT. Madankollu, jibqa' possibbli għal persuna taxxabbli li tagħżel li tirreġistra vettura kummerċjali ħafifa għall-użu kemm għal finijiet ta' negozju kif ukoll għal dawk privati. Meta tagħmel hekk, il-persuna taxxabbli titlef id-dritt li tnaqqas il-VAT imġarrba fuq il-kost tax-xiri tal-vettura iżda ma jkollhiex l-obbligu li tħallas imposta ta' kuljum għal kwalunkwe użu għal finijiet privati.

(8)

L-awtorizzazzjoni ta' miżura li tiżgura li persuna taxxabbli li okkażjonalment tuża, għal finijiet privati, vettura rreġistrata biss għal finijiet ta' negozju ma tkunx imċaħħda mid-dritt sħiħ tat-tnaqqis tal-VAT tal-input fuq dik il-vettura hija konsistenti mar-regoli ġenerali dwar it-tnaqqis kif stabbiliti bid-Direttiva 2006/112/KE.

(9)

L-awtorizzazzjoni jenħtieġ li tkun valida għal perjodu limitat u għalhekk jenħtieġ li tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2023.

(10)

Fil-każ li d-Danimarka titlob estensjoni oħra tal-miżura speċjali lil hinn mill-31 ta' Diċembru 2023, jenħtieġ li hija tippreżenta rapport lill-Kummissjoni flimkien mat-talba għal estensjoni sal-31 ta' Marzu 2023.

(11)

Jitqies li d-deroga jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mill-VAT miġbur fl-istadju tal-konsum finali u ma jkollha l-ebda effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni rikavati mill-VAT.

(12)

Għalhekk, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/485 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/485, it-tieni u t-tielet paragrafi huma sostitwiti b'dan li ġej:

'Hija għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2018 sal-31 ta' Diċembru 2023.

Kwalunkwe talba għall-estensjoni tal-miżura prevista f'din id-Deċiżjoni għandha titressaq lill-Kummissjoni sal-31 ta' Marzu 2023 u għandha tiġi akkumpanjata b'rapport li jinkludi reviżjoni tal-miżura.'.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/447/UE tal-24 ta' Lulju 2012 li tawtorizza lid-Danimarka sabiex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 75 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 202, 28.7.2012, p. 24).

(3)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/992 tad-19 ta' Ġunju 2015 li tawtorizza lid-Danimarka sabiex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 75 tad- Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 159, 25.6.2015, p. 66).

(4)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/485 tad-19 ta' Marzu 2018 li tawtorizza lid-Danimarka biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 75 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 81, 23.3.2018, p. 13).


Rettifika

24.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 239/16


Rettifika tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/900 tal-25 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1838 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ċerti opportunitajiet tas-sajd għall-2020 fil-Baħar Baltiku u li jemenda r-Regolament (UE) 2020/123 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ċerti opportunitajiet tas-sajd għall-2020 fl-ilmijiet tal-Unjoni u f’dawk li mhumiex tal-Unjoni

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 207 tat-30 ta’ Ġunju 2020 )

Fil-paġna 7, l-Artikolu 2(2),

minflok:

“Is-sajd kummerċjali għaċ-ċiċċirelli bi xbieki tat-tkarkir demersali, tartaruni jew irkaptu simili rmunkat bid-daqs tal-malji inqas minn 16 mm għandu jkun projbit fid-diviżjonijiet 2a, 3a tal-ICES u fis-subżona 4 tal-ICES mill-1 ta Awwissu sal31 ta’ Diċembru 2020 u mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu 2021.100 mm b’pannell b’malja kwadra ta’ 160 mm;”,

aqra:

“Is-sajd kummerċjali għaċ-ċiċċirelli bi xbieki tat-tkarkir demersali, tartaruni jew irkaptu simili rmunkat bid-daqs tal-malji inqas minn 16 mm għandu jkun projbit fid-diviżjonijiet 2a, 3a tal-ICES u fis-subżona 4 tal-ICES mill-1 ta Awwissu sal31 ta’ Diċembru 2020 u mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu 2021.”.