ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 226

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
15 ta' Lulju 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1024 tal-14 ta’ Lulju 2020 li jiftaħ u jipprevedi l-kwoti tariffarji tal-Unjoni għal ċerti prodotti li joriġinaw fir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam

1

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1025 tat-13 ta’ Lulju 2020 dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija fis-Slovenja (notifikata bid-dokument C(2020) 4540)  ( 1 )

5

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

15.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 226/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1024

tal-14 ta’ Lulju 2020

li jiftaħ u jipprevedi l-kwoti tariffarji tal-Unjoni għal ċerti prodotti li joriġinaw fir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 58(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fit-30 ta’ Ġunju 2019 f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1121 (2). Il-Ftehim ġie konkluż, f’isem l-Unjoni, fit-12 ta’ Ġunju 2020 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/753 (3).

(2)

Il-Ftehim jistipula li d-dazji doganali fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ oġġetti li joriġinaw fil-Vjetnam jeħtieġ jitnaqqsu jew jiġu eliminati f’konformità mal-iskeda tat-tariffi fl-Appendiċi 2-A-1 tal-Anness 2-A tal-Ftehim. L-Anness 2-A jipprevedi wkoll li għal ċerti oġġetti, l-eliminazzjoni tad-dazji doganali tingħata fi ħdan il-kwoti tariffarji.

(3)

L-Anness 2-A tal-Ftehim jispeċifika li l-kwota tariffarja jeħtieġ tapplika kull sena u għalhekk jeħtieġ li l-importazzjonijiet ikunu ġestiti fuq bażi ta’ sena kalendarja. Madankollu, peress li l-Ftehim hu applikabbli mill-1 ta’ Awwissu 2020, il-kwantitajiet prorata għall-2020 u l-kwantitajiet annwali għas-snin li ġejjin jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’konformità mat-Taqsima B tal-Anness 2-A tal-Ftehim.

(4)

Il-Protokoll 1 tal-Ftehim għandu x’jaqsam mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti li joriġinaw” u mal-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva. Mal-importazzjoni fl-Unjoni, il-prodotti li joriġinaw fil-Vjetnam jeħtieġ jibbenefikaw minn skema preferenzjali stabbilita f’dan ir-Regolament wara t-tressiq ta’ kwalunkwe prova ta’ oriġini deskritta fl-Artikolu 15(2) ta’ dak il-Protokoll.

(5)

Jenħtieġ li l-kwota tariffarja tkun ġestita mill-Kummissjoni abbażi tal-ordni kronoloġika tad-dati ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera f’konformità mar-regoli għall-ġestjoni tal-kwoti tariffarji stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (4).

(6)

Il-ftehim se jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2020 (5). Biex tkun żgurata l-ġestjoni effettiva u l-applikazzjoni f’waqtha tal-kwoti stabbiliti fil-Ftehim, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika minn dik id-data.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kwoti tariffarji tal-Unjoni huma miftuħa għal oġġetti li joriġinaw fil-Vjetnam kif stabbilit fl-Anness.

Artikolu 2

Il-kwoti tariffarji stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu ġestiti f’konformità mal-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

Artikolu 3

L-oġġetti elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konformi mar-regoli tal-oriġini stipulati fil-Protokoll 1 tal-Ftehim sabiex ikunu eliġibbli biex jibbenefikaw mill-kwoti tariffarji stabbiliti f’dan ir-Regolament. Mal-importazzjoni fl-Unjoni, il-prodotti li joriġinaw fil-Vjetnam għandhom jibbenefikaw mill-kwoti wara t-tressiq ta’ ċertifikat tal-oriġini jew dikjarazzjoni tal-oriġini kif stabbilit fl-Artikolu 15(2) tal-Protokoll 1 tal-Ftehim.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Awwissu 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1121 tal-25 ta’ Ġunju 2019 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam (ĠU L 177, 2.7.2019, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/753 tal-30 ta’ Marzu 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam (ĠU L 186, 12.6.2020, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).

(5)  Avviż dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam (ĠU L 207, 30.6.2020, p. 3).


ANNESS

Minkejja r-regoli għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema preferenzjali għandu jkun determinat, fil-kuntest ta’ dan l-Anness, mill-kodiċijiet tan-NM kif stabbilit fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (1), fil-verżjoni kif emendata bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1776 (2), u mid-deskrizzjoni tal-prodott mogħtija fir-raba’ kolonna tat-tabella ta’ dan l-Anness, meħudin flimkien.

Nru tal-ordni

Kodiċi NM

Suddiviżjoni TARIC

Deskrizzjoni tal-prodotti

Perjodu tal-kwota

Volum tal-kwota (f’tunnellati ta’ piż nett sakemm mhux speċifikat mod ieħor)

Rata tad-dazju

09.8200

 

0408 11 80

0408 19 81

0408 19 89

0408 91 80

0408 99 80

 

Bajd tat-tjur, mhux fil-qoxra, u isfra tal-bajd

Mill-1 ta’ Awwissu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020

Mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021 u għal kull sena kalendarja minn hemm ’il quddiem

208,334 tunnellata

500 tunnellata

0 %

09.8201

 

0703 20 00

 

Tewm

Mill-1 ta’ Awwissu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020

Mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021 u għal kull sena kalendarja minn hemm ’il quddiem

167,668 tunnellata

400 tunnellata

0 %

09.8202

ex

ex

0710 40 00

2001 90 30

99

10

99

Qamħirrun ħelu (Zea mays var. saccharata) għajr dak fiċ-ċifċiegħa b’dijametru ta’ 8 mm jew aktar, iżda mhux aktar minn 12-il mm

Mill-1 ta’ Awwissu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020

Mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021 u għal kull sena kalendarja minn hemm ’il quddiem

2 083,334 tunnellata

5 000 tunnellata

0 %

ex

2005 80 00

10

99

09.8203

 

1108 14 00

 

Lamtu tal-kassava (manioc)

Mill-1 ta’ Awwissu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020

Mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021 u għal kull sena kalendarja minn hemm ’il quddiem

12 500 tunnellata

30 000 tunnellata

0 %

09.8204

 

1604 14 21

1604 14 31

1604 14 41

1604 14 28

1604 14 38

1604 14 48

1604 14 90

1604 19 39

1604 20 70

 

Tonn, palamit, plamtu u ħut ieħor tal-ġeneru Euthynnus

Mill-1 ta’ Awwissu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020

Mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021 u għal kull sena kalendarja minn hemm ’il quddiem

4 791,668 tunnellata

11 500 tunnellata

0 %

09.8205

 

1604 20 05

 

Preparazzjonijiet ta’ surimi

Mill-1 ta’ Awwissu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020

Mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021 u għal kull sena kalendarja minn hemm ’il quddiem

208,334 tunnellata

500 tunnellata

0 %

09.8206

 

1701 13 10

1701 13 90

1701 14 10

1701 91 00

1701 99 10

1701 99 90

1702 30 50

1702 90 50

1702 90 71

1702 90 75

1702 90 79

1702 90 95

1806 10 30

1806 10 90

 

Zokkor u prodotti oħra li fihom livelli għolja ta’ zokkor

Mill-1 ta’ Awwissu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020

Mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021 u għal kull sena kalendarja minn hemm ’il quddiem

8 333,334 tunnellata (espressa f’ekwivalenti ta’ zokkor mhux raffinat)

20 000 tunnellata (espressa f’ekwivalenti ta’ zokkor mhux raffinat)

0 %

09.8207

 

1701 14 90

 

Zokkor speċjali

Mill-1 ta’ Awwissu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020

Mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021 u għal kull sena kalendarja minn hemm ’il quddiem

166,668 tunnellata

400 tunnellata

0 %

09.8208

 

0711 51 00

2001 90 50

2003 10 20

2003 10 30

 

Faqqiegħ

Mill-1 ta’ Awwissu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020

Mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021 u għal kull sena kalendarja minn hemm ’il quddiem

145,834 tunnellata

350 tunnellata

0 %

09.8209

 

2207 10 00

2207 20 00

 

Etanol

Mill-1 ta’ Awwissu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020

Mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021 u għal kull sena kalendarja minn hemm ’il quddiem

416,668 tunnellata

1 000 tunnellata

0 %

09.8210

 

2905 43 00

2905 44 11

2905 44 19

2905 44 91

3505 10 10

3505 10 90

3824 60 19

 

Mannitol, Sorbitol, Destrini u lamti modifikati oħra

Mill-1 ta’ Awwissu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020

Mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021 u għal kull sena kalendarja minn hemm ’il quddiem

833,334 tunnellata

2 000 tunnellata

0 %


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana. (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1776 tad-9 ta’ Ottubru 2019 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 280, 31.10.2019, p. 1).


DEĊIŻJONIJIET

15.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 226/5


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1025

tat-13 ta’ Lulju 2020

dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija fis-Slovenja

(notifikata bid-dokument C(2020) 4540)

(It-test bis-Sloven biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 35(3) tagħha,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi,

Billi:

1.   FATTI

(1)

Fid-19 ta’ Settembru 2019, Slovenske železnice — Freight Transport d.o.o. (‘l-Applikant’), ressaq talba permezz ta’ ittra lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2014/25/UE (‘it-Talba’). It-talba tikkonforma mal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1804 (2).

(2)

It-Talba tikkonċerna ċerti servizzi tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija, kif imsemmi fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/25/UE, ipprovduti mill-Applikant fit-territorju tas-Slovenja. Is-servizzi kkonċernati huma deskritti fit-Talba kif ġej: L-Applikant prinċipalment jopera servizzi tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija fi ħdan l-Istati Membri (fit-territorju Sloven) u operazzjonijiet internazzjonali tal-merkanzija bil-ferrovija.

(3)

It-Talba kienet akkumpanjata minn pożizzjoni motivata u sostanzjata adottata fit-12 ta’ Ġunju 2019 mill-Aġenzija Slovena għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni (“AVK”) li hija kompetenti fir-rigward tal-attivitajiet ikkonċernati. L-AVK hija awtorità nazzjonali indipendenti. L-AVK analizzat bir-reqqa l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tal-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE għall-attivitajiet ikkonċernati, skont il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 34 ta’ dik id-Direttiva.

(4)

Il-pożizzjoni tal-AVK kienet ibbażata fuq ġbir ta’ informazzjoni permezz ta’ talbiet għal informazzjoni u kwestjonarji mibgħuta lil operaturi liċenzjati tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija u lill-klijenti (impriżi li jixtru servizzi bħal dawn, manifatturi kbar u kumpaniji tal-loġistika). L-AVK talbet ukoll informazzjoni mingħand il-korp regolatorju Sloven — l-Aġenzija għan-Netwerks tal-Komunikazzjonijiet u s-Servizzi tas-Slovenja (“AKOS”) u l-Aġenzija Pubblika għat-Trasport bil-Ferrovija.

(5)

Skont il-punt 1(a) tal-Anness IV tad-Direttiva 2014/25/UE, l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 35 ta’ dik id-Direttiva jridu jiġu adottati fi żmien 90 jum ta’ xogħol fejn l-aċċess liberu għal suq partikolari huwa preżunt abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(3) tad-Direttiva 2014/25/UE. Skont it-tielet paragrafu tal-punt 1 tal-Anness IV tad-Direttiva 2014/25/UE, l-iskadenza għall-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni trid tinbeda fl-ewwel jum tax-xogħol wara d-data li fiha l-Kummissjoni tirċievi t-talba msemmija fl-Artikolu 35(1) ta’ dik id-Direttiva inkella, jekk l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta ma tkunx kompluta, fil-jum ta’ xogħol wara li tasal l-informazzjoni kollha. Fis-6 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni mingħand l-applikant. L-Applikant wieġeb fis-17 ta’ Diċembru 2019. Fis-16 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet Sloveni. L-awtoritajiet Sloveni wieġbu fil-25 ta’ Mejju 2020. L-Applikant għamel sottomissjonijiet addizzjonali fil-31 ta’ Jannar 2020 u fit-18 ta’ Marzu 2020.

2.   QAFAS ĠURIDIKU

(6)

Id-Direttiva 2014/25/UE tapplika għall-għoti ta’ kuntratti għat-twettiq ta’ attivitajiet relatati mas-servizzi tat-trasport fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva 2014/25/UE, sakemm l-attività ma tkunx eżentata skont l-Artikolu 34 ta’ dik id-Direttiva.

(7)

Skont id-Direttiva 2014/25/UE, il-kuntratti maħsuba biex jippermettu t-twettiq ta’ waħda mill-attivitajiet li għalihom tapplika d-Direttiva 2014/25/UE mhumiex soġġetti għad-Direttiva jekk, fl-Istat Membru fejn titwettaq, din l-attività tkun esposta direttament għall-kompetizzjoni fi swieq li għalihom l-aċċess mhuwiex ristrett. L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni huwa vvalutat abbażi ta’ kriterji oġġettivi, li jistgħu jinkludu l-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati, l-eżistenza ta’ prodotti jew ta’ servizzi alternattivi meqjusa bħala sostitwibbli fuq in-naħa tal-provvista jew fuq in-naħa tad-domanda, il-prezzijiet u l-preżenza reali jew potenzjali ta’ aktar minn fornitur jew provditur wieħed tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni.

3.   VALUTAZZJONI

3.1.   Aċċess mhux ristrett għas-suq

(8)

L-aċċess għal suq jitqies mhux ristrett jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun implimenta u applika l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti li tiftaħ settur partikolari jew parti minnu għall-kompetizzjoni. Din il-leġiżlazzjoni hija elenkata fl-Anness III tad-Direttiva 2014/25/UE, li fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija, tinkludi d-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(9)

Kif ikkonfermat mill-AVK fil-pożizzjoni tagħha, u abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, is-Slovenja ttrasponiet id-Direttiva 2012/34/UE fil-liġi nazzjonali permezz ta’ Att li jemenda l-Att dwar it-Trasport bil-Ferrovija (4) u Digriet dwar l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija, l-imposti tal-infrastruttura u s-sistema ta’ prestazzjoni fl-infrastruttura pubblika tal-ferrovija (5). Għaldaqstant, l-aċċess għas-suq rilevanti jitqies li mhuwiex ristrett f’konformità mal-Artikolu 34(3) tad-Direttiva 2014/25/UE.

3.2.   Esponiment dirett għall-kompetizzjoni

(10)

Jenħtieġ li l-esponiment dirett għall-kompetizzjoni jiġi evalwat abbażi tad-diversi indikaturi, li l-ebda wieħed minnhom mhuwa deċiżiv per se. Fir-rigward tas-swieq milquta minn din id-Deċiżjoni, is-sehem mis-suq tal-atturi ewlenin f’suq partikolari huwa kriterju wieħed li jenħtieġ li jiġi kkunsidrat. Billi l-kundizzjonijiet ivarjaw għall-attivitajiet differenti kkonċernati mit-Talba, meta tiġi eżaminata s-sitwazzjoni mil-lat kompetittiv jenħtieġ li jitqiesu s-sitwazzjonijiet differenti fis-swieq rilevanti.

(11)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-kriterji u l-metodoloġija li ntużaw biex jiġi vvalutat l-esponiment dirett għall-kompetizzjoni skont l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE, mhumiex neċessarjament identiċi għal dawk li ntużaw biex titwettaq valutazzjoni skont l-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (6) kif ikkonfermat mill-Qorti Ġenerali (7).

(12)

L-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tistabbilixxi jekk l-attivitajiet ikkonċernati mit-Talba humiex esposti għal livell ta’ kompetizzjoni, fi swieq li għalihom l-aċċess mhuwiex ristrett fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE, li jiżgura li, anke fl-assenza tad-dixxiplina li ġabu magħhom ir-regoli tal-akkwist dettaljati stipulati fid-Direttiva 2014/25/UE, l-akkwist għall-insegwiment tal-attivitajiet ikkonċernati se jitwettaq b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju abbażi tal-kriterji li jippermettu lix-xerrejja jidentifikaw is-soluzzjoni li b’mod ġenerali tkun l-aktar waħda ekonomikament vantaġġuża.

(13)

F’dan il-kuntest, huwa importanti li wieħed isemmi li, fis-swieq ikkonċernati, mhux l-atturi kollha tas-suq huma soġġetti għar-regoli tal-akkwist pubbliku. Għalhekk, il-kumpaniji li mhumiex soġġetti għal dawk ir-regoli, meta jaġixxu f’dawk is-swieq, normalment ikollhom il-possibbiltà li jeżerċitaw pressjoni kompetittiva fuq l-atturi tas-suq li jkunu soġġetti għar-regoli tal-akkwist pubbliku. Fis-swieq soġġetti għat-Talba, l-Applikant biss huwa entità kontraenti fit-tifsira tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/25/UE u, għalhekk, huwa soġġett għar-regoli tal-akkwist pubbliku.

3.3.   Definizzjoni tas-suq/swieq rilevanti

(14)

F’deċiżjonijiet preċedenti l-Kummissjoni ddeċidiet (8) li s-suq tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija kien is-suq rilevanti, iżda ma eskludietx li dan jista’ jiġi ssegmentat fi trasport domestiku tal-merkanzija bil-ferrovija, trasport internazzjonali tal-merkanzija bil-ferrovija, trasport bil-ferrovija b’vaguni singoli u trasport bil-ferrovija fi tren komplut (magħruf ukoll bħala tren blokka). Fit-Talba, l-Applikant huwa tal-fehma li s-swieq tal-prodotti rilevanti huma dawk l-erba’ segmenti. Madankollu, fis-sottomissjoni tiegħu tal-31 ta’ Jannar 2020, l-Applikant jargumenta li l-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta jekk il-kompetizzjoni minn modi oħrajn ta’ trasport, b’mod partikolari t-trasport bit-triq, għandhiex impatt fuq id-definizzjoni tas-suq rilevanti.

(15)

Fil-pożizzjoni tagħha, l-AVK issostni li s-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija bil-ferrovija mhumiex interkambjabbli ma’ forom oħra ta’ servizzi tat-trasport tal-merkanzija u jikkostitwixxu suq rilevanti separat. Ir-raġuni ewlenija hija li t-trasport tal-merkanzija bit-triq u t-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija huma servizzi komplementari. It-trasport tal-merkanzija bit-triq huwa flessibbli, aktar rapidu u l-aktar adatt għal distanzi żgħar, filwaqt li t-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija huwa l-aktar adatt għal vjeġġi kbar bl-ingrossa, b’mod partikolari fejn kwantitajiet kbar ta’ oġġetti jkunu qed jiġu ttrasportati fl-istess ħin.

(16)

L-AVK tinnota li l-proporzjon tat-trasport domestiku huwa negliġibbli meta mqabbel mat-trasport internazzjonali (li jirrappreżenta bejn 2,67 % u 3,99 % ta’ oġġetti trasportati u bejn 1,66 % u 2,62 % tax-xogħol li sar bejn l-2014 u l-2018). Peress li l-klijenti ma jagħmlux distinzjoni bejn it-trasport domestiku u internazzjonali tal-merkanzija bil-ferrovija, l-AVK ma tarax il-ħtieġa li tissepara ż-żewġt iswieq.

(17)

Fir-rigward tat-trasport ferrovjarju f’vaguni singoli, l-AVK fil-punt 36 tal-pożizzjoni tagħha tinnota li l-Applikant huwa l-unika kumpanija li toffri s-servizz, li huwa ferm aktar kumpless u jiswa ħafna aktar flus mit-treni kompluti. Il-kompetituri tagħha jiffokaw fuq it-treni blokka, li jidher li huwa n-negozju li jħalli l-aktar qligħ. L-utenti tas-servizz, bħall-manifatturi jew il-kumpaniji tal-loġistika, indikaw li l-għażla tagħhom bejn vaguni singoli u treni kompluti kienet tiddependi minn fatturi bħat-tip ta’ oġetti, il-kwantità, il-ħin tal-konsenja u l-prezz meħtieġa. L-AVK tikkonkludi li s-servizzi tal-vaguni singoli u tat-treni blokka huma interkambjabbli għall-utenti u jappartjenu għall-istess suq.

(18)

Konsegwentement, l-AVK hija tal-fehma li s-suq rilevanti huwa s-suq tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija, kemm jekk huwa domestiku kif ukoll jekk internazzjonali, u b’mod indifferenti jinkludi vaguni singoli jew treni blokka.

(19)

Fis-sottomissjoni tiegħu tal-31 ta’ Jannar 2020, l-Applikant jargumenta li huwa espost għal kompetizzjoni internazzjonali fis-servizzi tal-merkanzija bil-ferrovija. Fiha jissemmew serje ta’ offerti fejn trasportaturi tal-merkanzija bit-triq kienu qed jikkompetu mal-Applikant, iżda mhumiex indikati l-ammonti in kwistjoni jew jekk it-trasportaturi bit-triq ikunux tabilħaqq rebħu dawn l-offerti.

(20)

Il-Kummissjoni diġà sabet li hemm indikazzjonijiet qawwija għal suq għat-trasport ta’ oġġetti bil-ferrovija distinti minn mezzi oħra ta’ trasport (9). Fid-dawl ta’ dan, minkejja l-evidenza mressqa mill-Applikant rigward l-impatt ta’ mezzi alternattivi ta’ trasport, bħat-trasport bit-triq, il-Kummissjoni ma tara l-ebda raġuni biex titbiegħed mill-prattika preċedenti tagħha. Il-Kummissjoni qabel kienet tal-fehma li mhux il-modi kollha ta’ trasport huma sostitwibbli b’mod reċiproku u ġeneralment dan jiddependi fuq il-post ġeografiku tal-klijent u l-karatteristiċi speċifiċi tal-merkanzija li trid tiġi trasportata (10). Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-ambitu tas-suq rilevanti ma jmurx lil hinn minn dak tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija.

3.4.   Definizzjoni tas-suq ġeografiku rilevanti

(21)

Fil-prassi preċedenti tagħha, il-Kummissjoni qieset li, fid-dawl tar-rekwiżiti tekniċi u regolatorji differenti, l-ambitu tas-swieq tas-servizzi tat-trasport tal-merkanzija kien pjuttost nazzjonali, iżda dan jista’ jsir internazzjonali fuq ċerti rotot, li jiffurmaw parti minn kuritur (11). F’ċerti sitwazzjonijiet partikolari, il-Kummissjoni sabet ukoll li approċċ ibbażat fuq il-kurituri jista’ jirrifletti bl-aħjar mod is-sitwazzjoni kompetittiva (12).

(22)

Fir-rigward tas-suq ġeografiku, l-Applikant huwa tal-fehma li, minħabba l-livell għoli ta’ liberalizzazzjoni tal-merkanzija bil-ferrovija, is-suq ġeografiku rilevanti jinkludi t-territorju kollu tal-Unjoni. Jargumenta li huwa wkoll kien involut b’mod attiv fis-swieq ta’ pajjiżi ġirien u pajjiżi oħrajn. Jinnota wkoll li s-Slovenja tinsab fl-intersezzjoni ta’ żewġ kurituri tal-merkanzija (il-kuritur tal-Baltiku-Adrijatiku u l-kuritur tal-Mediterran, filwaqt li t-tielet kuritur għadu qed jinbena). Dan jippermetti li l-kumpanija jkollha rwol attiv fil-parti l-kbira taż-żona koperta minn dawn il-kurituri.

(23)

Fis-sottomissjoni tagħha tal-31 ta’ Jannar 2020, l-Applikant jirreferi għall-kundizzjoni ħażina tan-netwerk ferrovjarju Sloven. Jissottolinja wkoll il-fatt li r-rotta tat-trasport minn ġos-Slovenja tgħaddi minn pajjiżi tal-eks Jugoslavja, li mhux kollha huma Stati Membri, filwaqt li d-devjazzjoni minn din ir-rotta fit-Tramuntana tas-Slovenja tinvolvi pajjiżi li huma kollha Stati Membri, li jfisser proċeduri simplifikati u b’hekk iktar vantaġġużi mil-lat kompetittiv.

(24)

Fil-punt 45 tal-pożizzjoni tagħha, l-AVK tinnota li, filwaqt li l-Applikant żied il-preżenza tiegħu fl-Awstrija u fil-Kroazja, l-attività tal-kumpanija għadha sseħħ kważi totalment fis-Slovenja (97,5 % tax-xogħol imwettaq f’tunnellati kull kilometru netti jew 98 % tad-dħul gross tagħha mis-servizzi tat-trasport). Barra minn hekk, l-AVK targumenta li l-impriżi ferrovjarji jipprovdu s-servizzi tagħhom prinċipalment fis-Slovenja permezz ta’ kumpaniji rreġistrati fis-Slovenja, b’sewwieqa u magni tal-ferrovija Sloveni (li tipikament jinbidlu fil-fruntiera ma’ pajjiż ieħor). Abbażi ta’ dawn l-elementi, l-AVK hija tal-fehma li s-suq ġeografiku għandu ambitu nazzjonali.

(25)

Il-Kummissjoni ssib li ma hemm l-ebda element sinifikanti biex tissostanzja d-dikjarazzjoni tal-Applikant li s-suq rilevanti jkopri l-Unjoni kollha jew, b’mod alternattiv, li ż-żoni konnessi mal-kurituri tal-merkanzija ferrovjarji Baltiku-Adrijatiku u dawk Mediterranji jenħtieġ li jitqiesu bħala suq ġeografiku rilevanti. Il-Kummissjoni tosserva li r-rekwiżiti tekniċi u regolatorji huma fil-biċċa l-kbira differenti bejn l-Istati Membri. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, fir-Rapport Speċjali tagħha Nru 8/2016 li jġib l-isem ta’ “It-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fl-UE: għadu mhux fit-triq it-tajba”, żvelat li l-liberalizzazzjoni tas-suq għamlet progress irregolari fl-Istati Membri u li l-kisba ta’ żona ferrovjarja unika Ewropea għadha ’l bogħod. Fir-rapport Speċjali tagħha, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tikkonkludi li n-netwerk ferrovjarju tal-UE jibqa’ sistema ta’ netwerks ferrovjarji separati, li mhumiex kompletament interoperabbli.

(26)

Għal skopijiet ta’ valutazzjoni skont din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra s-suq ġeografiku rilevanti bħala wieħed nazzjonali u li jkopri t-territorju Sloven.

3.5.   Analiżi tas-suq

(27)

Fir-rigward tal-valutazzjoni dwar jekk l-attività hijiex direttament esposta għall-kompetizzjoni, skont l-AVK, bħalissa hemm 6 liċenzji maħruġa għat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija fis-Slovenja. Lil hinn mill-Applikant, kompetituri oħra jinkludu b’mod partikolari r-Rail Cargo Carrier (sussidjarja tal-Austrian Railway Group ÖBB) u l-Adria Transport (sussidjarja tal-Luka Koper u l-Austrian railway company GKB). Skont l-informazzjoni disponibbli mill-korp regolatorju Sloven AKOS, is-sehem mis-suq tal-Applikant u l-kompetituri ewlenin tiegħu fis-suq kien kif ġej:

Impriża ferrovjarja

Fl-2014 %

Fl-2015 %

Fl-2016 %

Fl-2017 %

Fl-2018 %

SŽ Freight Transport

90,06

87,90

86,96

86,72

85,21

Rail Cargo Carrier

6,16

7,32

8,72

8,31

8,27

Adria Transport

3,78

4,78

4,32

4,97

6,52

(28)

Fil-pożizzjoni tagħha, l-AVK tqis li l-impriżi kollha tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija jingħataw aċċess għall-infrastrutturi tal-ferrovija pubbliċi fis-Slovenja b’kundizzjonijiet ekwi, mhux diskriminatorji u trasparenti sabiex jipprovdu kull tip ta’ servizz ta’ trasport tal-merkanzija. Bħalissa tliet impriżi qed jipprovdu servizzi fis-suq tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija, u erba’ impriżi ġodda qegħdin fil-proċess li jippenetraw is-suq. L-impriżi jgawdu minn aċċess ġust għall-mogħdijiet tal-ferrovija. Jidher li ma kienx hemm problemi mhux ġustifikati fil-kisba ta’ liċenzji jew ċertifikati ta’ sikurezza, fl-użu tal-infrastruttura pubblika ferrovjarja jew fl-istabbiliment tat-tariffa tal-utent.

(29)

L-AVK targumenta li, filwaqt li s-sehem mis-suq tal-Applikant jibqa’ għoli, sehem iż-żewġ kompetituri żdied gradwalment (ir-Rail Cargo Carrier minn 0 % fl-2008 għal 4,68 % fl-2009 u 8,27 % fl-2018, u l-Adria Transport minn 0 % fl-2008 għal 2,27 % fl-2009 u 6,52 % fl-2018). L-AVK żiedet tgħid li Rail Cargo Carrier u Adria Transport jiffukaw fuq it-trasportazzjoni tal-oġġetti lejn il-port ta’ Koper u lura minnu, filwaqt li l-Applikant ikopri s-suq kollu. It-tkabbir limitat tal-kompetituri tal-Applikant jista’ jkun dovut ukoll għal riżorsi limitati u għal problemi fir-reklutaġġ tal-persunal. L-infrastruttura ferrovjarja tas-Slovenja xxekkel ukoll l-iżvilupp tal-kompetizzjoni.

(30)

L-AVK fil-pożizzjoni tagħha tikkonkludi li l-kundizzjoni ta’ aċċess mingħajr restrizzjonijiet għas-suq de jure u de facto ġiet issodisfata u li l-attività tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fis-Slovenja hija esposta direttament għall-kompetizzjoni.

(31)

L-Applikant jenfasizza li l-ishma tas-suq huma biss indikatur wieħed meta tiġi analizzata l-pressjoni kompetittiva fuq is-suq rilevanti. Jenħtieġ li jitqiesu wkoll kriterji oħra bħall-istruttura tas-suq ikkonċernat, il-kompetizzjoni attwali jew potenzjali minn impriżi li jinsabu fl-Unjoni jew barra minnha, il-pożizzjoni fis-suq tal-impriżi kkonċernati kif ukoll is-setgħa ekonomika u finanzjarja tagħhom.

(32)

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-fatt li l-aċċess għas-suq Sloven tal-merkanzija bil-ferrovija mhuwiex ikkunsidrat bħala wieħed ristrett minħabba li s-Slovenja implimentat u applikat id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2012/34/UE, kif previst fl-Artikolu 34(3) tad-Direttiva 2014/25/UE.

(33)

Fir-rigward tal-analiżi tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni, is-sehem mis-suq huwa element importanti. Il-fatt li, wara 12-il sena mil-liberalizzazzjoni tas-suq, l-Applikant għadu jgawdi minn sehem tas-suq ta’ 85,21 % fl-2018, u li t-tnaqqis tiegħu kien kajman mill-2014 ’l hawn, juri li l-pożizzjoni tal-Applikant fis-suq hija estremament b’saħħitha. Skont il-pożizzjoni tal-AVK, huwa mistenni li s-sehem mis-suq tal-Applikant se jkompli jonqos, minħabba li l-klijenti għandhom it-tendenza li jagħżlu impriżi li joperaw f’diversi pajjiżi operattivi.

(34)

Skont is-Sitt rapport dwar il-monitoraġġ tal-iżvilupp tas-suq tal-ferrovija (13) mill-Kummissjoni, is-sehem mis-suq tal-Applikant kien it-tieni l-ogħla fost l-operaturi stabbiliti fl-Istati Membri kollha fejn il-kompetizzjoni kienet attiva fl-2016. Bejn l-2016 u l-2018, is-sehem mis-suq tal-kompetituri żdied biss minn 13,04 % għal 14,79 %, għalhekk is-sitwazzjoni kompetittiva tas-suq Sloven tal-merkanzija bil-ferrovija fil-biċċa l-kbira ma nbidlitx.

(35)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li għalkemm is-sehem mis-suq tal-Applikant naqas f’dawn l-aħħar snin, l-Applikant ittrasporta aktar merkanzija, minħabba ż-żieda fil-volum totali tas-suq.

(36)

Anki jekk intgħażlet id-definizzjoni alternattiva tas-suq ġeografiku skont ir-rotta fi ħdan it-territorju Sloven (14), l-Applikant xorta għad għandu ishma tas-suq estremament għoljin. Skont l-informazzjoni pprovduta fl-ittra tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2019 meta ġie mitlub jipprovdi l-ishma tas-suq tiegħu skont ir-rotta, l-Applikant indika s-sehem tiegħu mis-suq fil-qsim bejn il-fruntieri ferrovjarji Sloveni differenti. Dawn l-ishma, għall-ewwel 10 xhur tal-2019, ivarjaw bejn […] % (il-qsim tal-fruntiera bejn Sežana meja) u […]% (Nova Gorica meja).

(37)

L-Applikant u l-NCA AVK Sloven iqisu li, peress li s-sehem mis-suq tal-Applikant ser jonqos fil-futur, dan għandu jitqies bħala element ieħor biex tiġi vvalutata l-kompetittività tas-suq. Madankollu, il-Kummissjoni hemm bżonn li tibbaża l-valutazzjoni tagħha fuq is-sitwazzjoni eżistenti tas-suq u mhux fuq previżjonijiet tal-evoluzzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq għas-snin li ġejjin. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjoni tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni tas-suq Sloven tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija mhijiex issodisfata.

(38)

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-kompetizzjoni, jenħtieġ li jiġi stabbilit li d-Direttiva 2014/25/UE hemm bżonn li tkompli tapplika għal kuntratti maħsuba biex jippermettu l-insegwiment tal-attività fis-Slovenja.

4.   KONKLUŻJONI

(39)

Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq is-sitwazzjoni ġuridika u fattwali minn Jannar 2019 sa Frar 2020 kif jidher mill-informazzjoni mogħtija mill-Applikant, l-AVK u l-informazzjoni pubblikament disponibbli.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2014/25/UE għandha tkompli tapplika għal kuntratti mogħtija minn entitajiet kontraenti u li huma intenzjonati biex isir ix-xogħol fuq is-servizzi tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija fit-territorju Sloven.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tas-Slovenja..

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Thierry BRETON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1804 tal-10 ta’ Ottubru 2016 dwar ir-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 34 u 35 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (ĠU L 275, 12.10.2016, p. 39).

(3)  Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32).

(4)  L-att ta’ traspożizzjoni nazzjonali: Ul RS Nru 84/2015, is-6 ta’ Novembru 2015. L-Att dwar it-Trasport bil-Ferrovija reġa’ ġie emendat fl-2018 (UL RS Nru 99/15 – it-test konsolidat uffiċjali, Nru 30/18).

(5)  Ul RS Nru 44/2016, l-24 ta’ Ġunju 2016. Id-Digriet li jemenda d-Digriet dwar l-allokazzjoni ta’ rotot ferrovjarji, l-imposti tal-infrastruttura u s-sistema tal-prestazzjoni fl-infrastruttura pubblika tal-ferrovija ġie adottat fl-2019 (UL RS Nru 16/2019, il-15 ta’ Marzu 2019).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

(7)  Is-sentenza tas-27 ta’ April 2016, Österreichische Post AG v. il-Kummissjoni„ T-463/14, EU:T:2016:243, il-paragrafu 28.

(8)  Il-każ COMP/M.4746 — Deutsche Bahn/English Welsh & Scottish Railway Holdings (EWS); Il-każ COMP/M.5096 – RCA/MAV Cargo; Il-Każ COMP/M.5855 DB/Arriva.

(9)  Il-każijiet COMP/M.5855 DB/Arriva, il-paragrafu 145; COMP/M.5480 — DB/PCC, il-paragrafu 22; COMP/M.4746 Deutsche Bahn/EWS, il-paragrafu 17; AT.39678 DB I, il-paragrafu 32; AT.39813 Baltic Rail, il-paragrafu 150.

(10)  Il-każ COMP/M.5855 DB Arriva, il-paragrafu 144.

(11)  Il-kurituri Ferrovjarji tal-Merkanzija ġew stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta’ merkanzija kompetittiv (ĠU L 276, 20.10.2010, p. 22). Ir-Regolament jiddefinihom bħala “il-linji ferrovjarji denominati kollha, inklużi l-linji ta’ laneċ ferrovjarji, fuq it-territorju tal-Istati Membri, jew bejn l-Istati Membri, u, fejn xieraq, pajjiżi terzi Ewropej, li jgħaqqdu żewġ terminali jew aktar, tul rotta prinċipali u, fejn ikun il-każ, rotot u taqsimiet ta’ diversjoni li jikkollegawhom, inkluża l-infrastruttura ferrovjarja u t-tagħmir tagħha, u s-servizzi ferrovjarji rilevanti skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/14/KE.”

(12)  Il-każijiet COMP/M.5877 — Geodis/Giraud, il-paragrafi 14, 15 u 16; COMP/M.5480 — Deutsche Bahn/PCC Logistics, il-paragrafu 29; COMP/M.5096 — RCA/MAV Cargo, il-paragrafu 21; M.3150 SNCF/Trenitalia, il-paragrafu 29; M.4746 DB/EWS, il-paragrafu 32; M.4786 DB/Transfesa, il-paragrafu 58; M.5855 DB/Arriva, paragraph 162; AT.39678 DB I, il-paragrafu 35; AT.39813 Baltic Rail, il-paragrafu 158.

(13)  COM(2019) 51 final, is-6 ta’ Frar 2019.

(14)  Għall-fini ta’ din id-deċiżjoni, ir-rotot huma kkunsidrati ekwivalenti għal qsim bejn il-fruntieri.