ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 224

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
13 ta' Lulju 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1009 tal-10 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014 u (UE) Nru 809/2014 fir-rigward ta’ ċerti miżuri li jindirizzaw il-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19

1

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (PESK) 2020/1010 tat-2 ta’ Lulju 2020 dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2019/264 (BiH/29/2020)

7

 

*

Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (PESK) 2020/1011 tat-2 ta’ Lulju 2020 li testendi l-mandat tal-Kap tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah) (EU BAM Rafah/1/2020)

9

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1012 tal-24 ta’ Frar 2020 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.48394 2018/C (ex 2017/N) li r-Rumanija implimentat parzjalment favur il-Kumpanija Nazzjonali tal-Uranju (CNU) (notifikata bid-dokument C(2020) 1069)  ( 1 )

11

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

13.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 224/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1009

tal-10 ta’ Lulju 2020

li jemenda r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014 u (UE) Nru 809/2014 fir-rigward ta’ ċerti miżuri li jindirizzaw il-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(3), l-Artikolu 12, l-Artikolu 67 u l-Artikolu 75(5) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 62(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014 (3) jistabbilixxi l-għadd massimu ta’ emendi fil-programmi tal-iżvilupp rurali li l-Istati Membri jistgħu jissottomettu lill-Kummissjoni. Biex tiżdied il-flessibbiltà għall-Istati Membri ħalli jużaw il-programmi tal-iżvilupp rurali b’reazzjoni għall-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19 (“il-kriżi tal-COVID-19”), jenħtieġ li l-għadd massimu ta’ emendi msemmija f’dak l-Artikolu ma jkunx japplika għall-proposti li jemendaw il-programmi tal-iżvilupp rurali magħmula b’reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19, li jinkludu wkoll elementi mhux relatati mal-kriżi, diment li dawn il-proposti jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2021.

(2)

L-użu tal-appoġġ tal-FAEŻR għal operazzjonijiet li jtaffu l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 u l-azzjonijiet tal-irkupru jista’ jfisser li objettivi u miri oħra tal-programmi tal-iżvilupp rurali jaf ma jintlaħqux kif ippjanat. Għaldaqstant, jenħtieġ li dan l-appoġġ jiġi monitorjat fil-livell tal-Unjoni biex ikun jista’ jispjega u jiġġustifika l-użu tal-finanzjament tal-FAEŻR għal dawk il-finijiet.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014 jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013. Ir-Regolament (UE) 2020/872 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) emenda r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 billi introduċa miżura għal appoġġ temporanju eċċezzjonali lill-bdiewa u lill-SMEs b’mod partikolari dawk affettwati mill-kriżi tal-COVID-19 fl-Artikolu 39b ġdid. Għalhekk, jenħtieġ jiġu emendati r-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 biex jipprovdu għal kodiċi ta’ miżura u l-indikatur tal-output xieraq għall-miżura l-ġdida.

(4)

Jenħtieġ jiġi emendat ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 (5) li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità, biex jinkludi l-miżura l-ġdida għal appoġġ temporanju eċċezzjonali lill-bdiewa u lill-SMEs b’mod partikolari dawk affettwati mill-kriżi tal-COVID-19 skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Titolu IV li japplikaw għall-miżuri tal-iżvilupp rurali mhux relatati mal-erja u mhux relatati mal-annimali.

(5)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014 u (UE) Nru 809/2014 jiġu emendati skont dan.

(6)

Minħabba l-urġenza relatata mal-kriżi tal-COVID-19, dan ir-Regolament jenħtieġ jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-punt (a) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

f’każ li jridu jittieħdu miżuri ta’ emerġenza minħabba diżastri naturali, avvenimenti katastrofiċi jew avvenimenti klimatiċi avversi rikonoxxuti formalment mill-awtorità pubblika nazzjonali kompetenti, jew minħabba bidla sinifikanti u għal għarrieda fil-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi tal-Istat Membru jew reġjun, inkluż bidliet demografiċi sinifikanti u għal għarrieda li jirriżultaw minn migrazzjoni jew riċeviment ta’ refuġjati. Meta emenda tal-programm tal-iżvilupp rurali b’reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19 tingħaqad ma’ emendi mhux marbuta mal-kriżi, dan is-subparagrafu għandu japplika għall-emendi kkombinati kollha, diment li l-proposta għal emenda tal-programm tal-iżvilupp rurali tintbagħat lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2021;”;

(2)

fl-Artikolu 14, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Għal tipi ta’ operazzjonijiet meta tiġi identifikata kontribuzzjoni potenzjali għall-fokus tal-oqsma msemmija fl-Artikolu 5, l-ewwel paragrafu, il-punt (2)(a), fl-Artikolu 5, l-ewwel paragrafu, il-punti (5)(a) sa (d), u fl-Artikolu 5, l-ewwel paragrafu, il-punt (6)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, għat-tipi ta’ operazzjonijiet meta tiġi identifikata kontribuzzjoni potenzjali għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, jew għal tipi ta’ operazzjonijiet li jappoġġaw il-mitigazzjoni tal-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 u l-azzjonijiet ta’ rkupru, ir-reġistrazzjoni elettronika tal-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 għandha tinkludi marka/i biex jiġu identifikati dawk il-każijiet meta l-operazzjoni għandha komponent li jikkontribwixxi għal wieħed jew aktar minn dawk l-oqsma ta’ fokus jew l-għanijiet.”;

(3)

l-Anness I huwa emendat kif stabbilit fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(4)

l-Anness IV huwa emendat kif stabbilit fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

(5)

l-Anness VII huwa emendat kif stabbilit fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Emenda fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014

L-Artikolu 46 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 46

Kamp ta’ Applikazzjoni

Dan it-Titolu għandu japplika għan-nefqa pubblika mġarrba fil-kuntest tal-miżuri previsti fl-Artikoli 14 sa 20, fl-Artikolu 21(1) għajr għall-primjum annwali skont il-punti (a) u (b), fl-Artikolu 27, fl-Artikolu 28(9), fl-Artikoli 35 u 36, fl-Artikolu 39b u fl-Artikolu 51(2) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, u fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u fl-Artikolu 20, fl-Artikolu 36(a)(vi), (b)(ii), (vi) u (vii), fl-Artikolu 36(b)(i) u (iii) fejn tidħol l-ispiża tal-istabbiliment, u fl-Artikoli 52 u 63 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.”

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 18).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2020/872 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 fir-rigward ta’ miżura speċifika biex jingħata appoġġ temporanju eċċezzjonali fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għal Żvilupp Rurali (FAEŻR) b’rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 204, 26.6.2020, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 69).


ANNESS I

Fit-Tabella, fil-Parti 5 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 808/2014, tiżdied ir-ringiela li ġejja:

“L-Artikolu 39b tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013

appoġġ temporanju eċċezzjonali lill-bdiewa u lill-SMEs b’mod partikolari dawk affettwati mill-kriżi tal-COVID-19

21

appoġġ temporanju eċċezzjonali lill-bdiewa u lill-SMEs b’mod partikolari dawk affettwati mill-kriżi tal-COVID-19

21”


ANNESS II

Fit-Tabella, fil-punt 3 tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 808/2014, ir-ringiela dwar l-indikatur tal-output O.4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“O.4

Għadd ta’ azjendi/benefiċjarji appoġġati

3 (l-Artikolu 16), 4.1 (l-Artikolu 17), 5 (l-Artikolu 18), 6 (l-Artikolu 19), 8.1 sa 8.4 (l-Artikolu 21), 11 (l-Artikolu 29), 12 (l-Artikolu 30), 13 (l-Artikolu 31), 14 (l-Artikolu 33), 17.1 (l-Artikolu 36), 21 (l-Artikolu 39b) (ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013)”


ANNESS III

Fil-punt 1(b) tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 808/2014, l-entrata dwar “Tabella C” hija sostitwita b’dan li ġej:

“—

Tabella C: Tqassim għall-outputs u l-miżuri rilevanti skont it-tip ta’ żona, il-ġeneru u/jew l-età, skont l-operazzjoni għall-operazzjonijiet li jikkontribwixxu għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u skont l-operazzjoni u t-tip ta’ appoġġ għall-operazzjonijiet li jappoġġaw il-mitigazzjoni tal-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 u l-azzjonijiet ta’ rkupru”


DEĊIŻJONIJIET

13.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 224/7


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ (PESK) 2020/1010

tat-2 ta’ Lulju 2020

dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2019/264 (BiH/29/2020)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/570/PESK tat-12 ta’ Lulju 2004 dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 6(1) tal-Azzjoni Konġunta 2004/570/PESK, il-Kunsill awtorizza lill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) biex jieħu deċiżjonijiet rilevanti dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE.

(2)

Fit-8 ta’ Ottubru 2018, il-KPS iddeċieda fil-prinċipju li l-Viċi Kap tal-Persunal tal-Kwartieri Ġenerali Supremi tal-Potenzi Alleati fl-Ewropa (SHAPE) jenħtieġ li jinħatar bħala Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE mid-29 ta’ Marzu 2019, dment li n-NATO jikkonferma d-disponibbiltà tiegħu.

(3)

Fis-7 ta’ Diċembru 2018, il-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana kkonferma d-disponibbiltà tal-Viċi Kap tal-Persunal ta’ SHAPE biex jassumi r-rwol tiegħu ta’ Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE taħt l-Arranġamenti ‘Berlin plus’, mid-29 ta’ Marzu 2019.

(4)

Fis-7 ta’ Frar 2019, il-KPS adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/264 (2) dwar il-ħatra tal-Viċi Kap tal-Persunal ta’ SHAPE, il-Logutenent Ġeneral Olivier RITTIMANN, bħala Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina mid-29 ta’ Marzu 2019.

(5)

Fil-15 ta’ Mejju 2020, in-NATO ddeċidiet li taħtar il-Maġġur Ġeneral Brice HOUDET bħala Viċi Kap tal-Persunal ta’ SHAPE, biex jieħu post il-Logutenent Ġeneral Olivier RITTMANN mit-18 ta’ Lulju 2020. Minn dik id-data, il-Maġġur Ġeneral Brice HOUDET jenħtieġ ukoll jieħu post il-Logutenent Ġeneral Olivier RITTMANN fil-kapaċità tiegħu bħala Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina.

(6)

Fis-26 ta’ Mejju 2020, il-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea qabel li jirrakkomanda n-nomina tal-Maġġur Ġeneral Brice HOUDET bħala Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE tal-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina mit-18 ta’ Lulju 2020.

(7)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2019/264 titħassar.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet ta’ difiża.

(9)

Fit-12 u t-13 ta’ Diċembru 2002, il-Kunsill Ewropew ta’ Copenhagen adotta dikjarazzjoni li tgħid li l-arranġamenti ‘Berlin plus’ u l-implimentazzjoni tagħhom ser japplikaw biss għal dawk l-Istati Membri tal-Unjoni li huma wkoll membri tan-NATO jew inkella li huma partijiet fis-‘Sħubija għall-Paċi’, u li konsegwentement ikkonkludew arranġamenti bilaterali dwar is-sigurtà man-NATO,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Maġġur Ġeneral Brice HOUDET, il-Viċi Kap tal-Persunal tal-Kwartieri Ġenerali Supremi tal-Potenzi Alleati fl-Ewropa (SHAPE), huwa b’dan maħtur biex jieħu post il-Logutenent Ġeneral Olivier RITTMANN bħala Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina mit-18 ta’ Lulju 2020.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni (PESK) 2019/264 hija b’dan imħassra.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-18 ta’ Lulju 2020.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà

Il-President

S. FROM-EMMESBERGER


(1)  ĠU L 252, 28.7.2004, p. 10.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (PESK) 2019/264 tas-7 ta’ Frar 2019 dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2017/464 (BiH/27/2019) (ĠU L 44, 15.2.2019, p. 12).


13.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 224/9


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ (PESK) 2020/1011

tat-2 ta’ Lulju 2020

li testendi l-mandat tal-Kap tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah) (EU BAM Rafah/1/2020)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/889/PESK tal-25 ta’ Novembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Bis-saħħa tal-Artikolu 10(1) tal-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) hu awtorizzat, f’konformità mal-Artikolu 38 tat-Trattat, biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għall-fini tal-eżerċitar tal-kontroll politiku u tad-direzzjoni strateġika tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah), inkluż id-deċiżjoni li jinħatar Kap tal-Missjoni.

(2)

Fit-8 ta’ Diċembru 2017, il-KPS adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2430 (2), li ħatret lis-Sur Günther FREISLEBEN bħala Kap tal-Missjoni ta’ EU BAM Rafah mill-4 ta’ Diċembru 2017 sat-30 ta’ Ġunju 2018.

(3)

Fit-3 ta’ Lulju 2018, il-KPS adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/1004 (3), li estendiet il-mandat tas-Sur Günther FREISLEBEN bħala Kap tal-Missjoni ta’ EU BAM Rafah mill-1 ta’ Lulju 2018 sat-30 ta’ Ġunju 2019.

(4)

Fit-28 ta’ Ġunju 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/1115 (4), li estendiet il-mandat ta’ EUBAM Rafah mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020.

(5)

Fit-2 ta’ Lulju 2019, il-KPS adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/1164 (5) li estendiet il-mandat tas-Sur Günther FREISLEBEN bħala Kap tal-Missjoni ta’ EUBAM Rafah mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020.

(6)

Fit-30 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/955 (6), li testendi l-Mandat ta’ EU BAM Rafah mill-1 ta’ Lulju 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2021.

(7)

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà pproponiet l-estensjoni tal-mandat tas-Sur Günther FREISLEBEN bħala Kap tal-Missjoni ta’ EUBAM Rafah sat-30 ta’ Ottubru 2020,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-mandat tas-Sur Günther FREISLEBEN bħala Kap tal-Missjoni ta’ EU BAM Rafah huwa b’dan estiż mill-1 ta’ Lulju 2020 sat-30 ta’ Ottubru 2020.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2020.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà

Il-President

S. FROM-EMMESBERGER


(1)  ĠU L 327, 14.12.2005, p. 28.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (PESK) 2017/2430 tat-8 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntiera għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah) (EU BAM Rafah/2/2017) (ĠU L 344, 23.12.2017, p. 9).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (PESK) 2018/1004 tat-3 ta’ Lulju 2018 li testendi l-mandat tal-Kap tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah) (EU BAM Rafah/1/2018) (ĠU L 180, 17.7.2018, p. 22).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1115 tat-28 ta’ Ġunju 2019 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK dwar l-istabbiliment ta’ Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EUBAM Rafah) (ĠU L 176, 1.7.2019, p. 6).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (PESK) 2019/1164 tat-2 ta’ Lulju 2019 li testendi l-mandat tal-Kap tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah) (EU BAM Rafah/1/2019) (ĠU L 182, 8.7.2019, p. 41).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/955 tat-30 ta’ Ġunju 2020 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK dwar l-istabbiliment ta’ Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah) (ĠU L 212, 3.7.2020, p. 18).


13.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 224/11


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1012

tal-24 ta’ Frar 2020

dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.48394 2018/C (ex 2017/N) li r-Rumanija implimentat parzjalment favur il-Kumpanija Nazzjonali tal-Uranju (CNU)

(notifikata bid-dokument C(2020) 1069)

(Il-verżjoni Rumena biss hija awtentika)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet l-oħra interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni(jiet) imsemmija hawn fuq (1),

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fit-30 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet dwar l-Għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ self ta’ salvataġġ ta’ sitt xhur li tammonta għal RON 62 miljun (madwar EUR 13,1 miljun (2)) li r-Rumanija ppjanat li tagħti lill-Kumpanija Nazzjonali tal-Uranju (CNU) (3). F’din id-deċiżjoni (“id-deċiżjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ”), il-Kummissjoni qieset li l-Għajnuna mill-Istat kienet kompatibbli mas-suq intern skont il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (il-“Linji Gwida S&R”) (4). Kif irreġistrat fid-deċiżjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ, l-awtoritajiet Rumeni kienu impenjaw ruħhom li fi żmien sitt xhur mill-approvazzjoni tas-self jipprovdu lill-Kummissjoni pjan ta’ ristrutturar kif stabbilit fit-taqsima 3.1.2 tal-Linji Gwida S&R (ara l-premessa (42) tad-deċiżjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ).

(2)

Fit-12 ta’ Ġunju 2017, ir-Rumanija bagħtet pjan ta’ ristrutturar għas-CNU (il-“pjan ta’ ristrutturar inizjali”), fejn innotifikat ukoll l-intenzjoni tagħha li tagħti għajnuna għar-ristrutturar ta’ RON 441 miljun (EUR 93 miljun) lis-CNU. Bejn id-9 ta’ Awwissu 2017 u t-13 ta’ Diċembru 2017 saru diversi skambji u talbiet għall-informazzjoni mill-Kummissjoni u tweġibiet mill-awtoritajiet Rumeni.

(3)

Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni infurmat lir-Rumanija li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ dik l-għajnuna.

(4)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura (id-“Deċiżjoni tal-Ftuħ”) ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (5) fid-19 ta’ Ġunju 2018. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna iżda ma waslilha l-ebda kumment.

(5)

L-awtoritajiet Rumeni bagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ u pjan ta’ ristrutturar ġdid (minn hawn ’il quddiem, it-“tieni pjan ta’ ristrutturar”) permezz ta’ ittra datata s-7 ta’ Awwissu 2018.

(6)

F’vidjokonferenza li saret fit-3 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Rumeni jipprovdu aktar kjarifiki dwar il-pjan li ġie ppreżentat fis-7 ta’ Awwissu 2018.

(7)

L-awtoritajiet Rumeni pprovdew lill-Kummissjoni b’aktar kummenti u informazzjoni fl-20 ta’ Diċembru 2018, fl-14 ta’ Frar 2019, fl-20 ta’ Marzu 2019 kif ukoll pjan ta’ ristrutturar ġdid fid-19 ta’ April 2019 (minn hawn ’il quddiem it-“tielet pjan ta’ ristrutturar”).

(8)

Il-Kummissjoni ltaqgħet ukoll mal-awtoritajiet Rumeni fuq talba tagħhom fl-24 u fil-25 ta’ Ġunju 2019.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-GĦAJNUNA

2.1.   Il-benefiċjarju

2.1.1.   L-attivitajiet tas-CNU

(9)

Is-CNU hija kumpanija Rumena, bil-kwartieri ġenerali tagħha f’Bukarest, involuta fl-estrazzjoni tal-uranju mill-minjieri u fil-produzzjoni ta’ materja prima għall-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari fir-Rumanija. Wara l-estrazzjoni tal-mineral tal-uranju, is-CNU tipproċessah f’ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat (yellowcake), tirrafinah f’oktossidu tal-uranju pur (U3O8) u fl-aħħar tibdlu f’diossidu tal-uranju (UO2). Is-CNU ġiet stabbilita fl-1997 bħala kumpanija b’responsabbiltà limitata u hija proprjetà sħiħa tal-Istat. Fl-2017, is-CNU kellha 772 impjegat.

(10)

Is-CNU għandha żewġ siti operattivi. Fl-2017 is-sit tal-estrazzjoni tal-uranju, li jinsab fi Crucea-Botușana (fil-Kontea ta’ Suceava, fir-reġjun tal-Grigal), kien jimpjega 346 persuna filwaqt li l-impjant tal-ipproċessar u r-raffinar, li jinsab f’Feldioara (fil-Kontea ta’ Brașov, fir-reġjun taċ-Ċentru), kien jimpjega 350 persuna. It-tabella li ġejja turi s-sorsi ewlenin tad-dħul f’dawn l-aħħar snin:

Image 1

(11)

Tradizzjonalment is-CNU kellha żewġ klijenti, is-Soċjetà Nazzjonali tal-Istat Nuclearelectrica S.A. (minn hawn ’il quddiem l-“SNN”) li tixtri l-UO2 biex tipproduċi fjuwil għall-Impjant tal-Enerġija Nukleari tagħha f’Cernavodă u l-Amministrazzjoni Nazzjonali għar-Riżerva tal-Istat u l-Problemi Speċjali (minn hawn ’il quddiem l-“ANRSPS”) li tixtri l-U3O8. Flimkien, dawn iż-żewġ xerrejja kienu jirrappreżentaw 95 % tad-dħul tas-CNU.

(12)

L-SNN twaqqfet fl-1998 wara r-ristrutturar tas-sistema tal-enerġija Rumena u ilha kkwotata fuq il-Borża ta’ Bukarest mill-2013. L-SNN tiġġenera l-enerġija elettrika u termali billi tuża l-enerġija nukleari mill-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Cernavodă, u timmanifattura l-fjuwil nukleari permezz ta’ FCN – Impjant tal-Fjuwil nukleari f’Pitești. Skont l-aħħar rapporti, l-istruttura kapitali tal-SNN hija kif ġej: 82,49 % miżmuma mill-Istat Rumen, permezz tal-Ministeru tal-Enerġija, 7,05 % miżmuma minn Fondul Proprietatea SA, 5,6 % miżmuma minn entitajiet ġuridiċi oħra u 4,8 % miżmuma minn persuni fiżiċi.

(13)

Il-korp ewlieni ta’ governanza korporattiva tal-SNN huwa l-Laqgħa Ġenerali tal-Azzjonisti, li jiddeċiedi dwar kwistjonijiet strateġiċi, inkluż il-ħatra u t-tkeċċija tal-Bord tad-Diretturi b’maġġoranza sempliċi, l-adozzjoni tal-baġit annwali, l-approvazzjoni tal-istrateġija u tal-politika tal-iżvilupp, kif ukoll investimenti u tranżazzjonijiet oħra li jaqbżu EUR 50 miljun (6). Il-korp eżekuttiv inkarigat mill-ġestjoni tal-SNN huwa l-Bord tad-Diretturi, li għandu seba’ membri li tal-inqas erbgħa minnhom iridu jkunu amministraturi indipendenti. Deċiżjonijiet dwar kuntratti ma’ fornituri tal-uranju taħt il-limitu ta’ EUR 50 miljun jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Bord.

2.1.2.   Kawżi tad-diffikultajiet tas-CNU

(14)

Il-bażi tal-klijenti tas-CNU mhijiex diversifikata u s-CNU tistrieħ ħafna fuq żewġ xerrejja, primarjament fuq l-SNN li tirrappreżenta aktar minn 80 % tal-bejgħ. Mill-2016 is-CNU tilfet iż-żewġ klijenti ewlenin tagħha meta l-SNN iffirmat kuntratt mal-kompetitur tas-CNU u l-ANRSPS ma kkonkludietx kuntratt ta’ provvista. F’Diċembru 2015, l-SNN iddeċidiet li tagħti l-kuntratt għall-provvista tal-UO2 tagħha permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti bejn iż-żewġ fornituri reġistrati u approvati tagħha, is-CNU u l-fornitur Kanadiż Cameco, li fl-aħħar rebaħ il-kuntratt. Is-CNU ma sabitx xerrej alternattiv u għalhekk ma setgħetx tkompli tbiegħ il-produzzjoni tagħha.

(15)

It-Tabella 1 hawn taħt, ipprovduta mill-awtoritajiet Rumeni, tinkludi l-prezzijiet tal-offerti differenti li saru (bejn l-2016 u l-2018) mis-CNU u minn Cameco, permezz tad-diversi rawnds tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti organizzata mill-SNN. Meta l-SNN iddeċidiet li tiffirma l-ewwel kuntratt ma’ Cameco, l-offerta tas-CNU kienet 72 % ogħla. L-offerti sussegwenti kollha mis-CNU kienu wkoll bi prezzijiet sostanzjalment ogħla minn dawk ta’ Cameco, li kienu jvarjaw bejn + 39 % u +99 %, li wasslu biex l-SNN tiffirma kuntratt wieħed wara l-ieħor ta’ provvista ma’ Cameco.

Tabella 1

Tabella sommarja tal-proċeduri ta’ akkwist tal-SNN għal 120 tunnellata ta’ UO2 (meħtieġa għal 6 xhur) għall-perjodu 2016 - 2018

 

Data tal-iffirmar tal-kuntratt mill-SNN

Data tal-ewwel konsenja għal kull kuntratt

Offerta minn Cameco

Offerta minn CNU

Differenza fil-prezz bejn l-offerta ta’ CNU kontra l-offerta ta’ Cameco

1

29.1.2016

4.3.2016

USD […] (*)

RON […]

+ 72 %

(≈ RON […])

2

8.7.2016

15.9.2016

USD […]

RON […]

+ 39 %

(≈ RON […])

3

23.12.2016

15.2.2017

USD […]

RON […]

+ 52 %

(≈ RON […])

4

6.6.2017

21.8.2017

USD […]

RON […]

+ 85 %

(≈ RON […])

5

5.1.2018

26.2.2018

USD […]

RON […]

+ 77 %

(≈ RON […])

6

19.7.2018

17.9.2018

USD […]

RON […]

+ 99 %

(≈ RON […])

Sors: Tweġiba ppreżentata mir-Rumanija fl-20 ta’ Diċembru 2018

(16)

Għaldaqstant, id-dħul tas-CNU kien ġej biss minn attivitajiet sekondarji minuri, bħal kuntratt ta’ servizz mal-SNN għat-trattament tal-iskart tagħha u dan waqa’ drastikament. Kif jidher fit-Tabella 2, id-dħul totali tal-kumpanija naqas minn RON 110,8 miljun (EUR 23,4 miljun) fl-2015 għal RON 15,2 miljun (EUR 3,2 miljun), li ma kienx biżżejjed biex ikopri n-nefqa tas-CNU fl-2016.

(17)

Qabel it-tnaqqis f’daqqa fid-dħul fl-2016, fl-2014 u fl-2015 is-CNU kienet diġà rreġistrat telf operatorju relattivament importanti. L-eżawriment gradwali tar-riżorsi tal-uranju fil-minjiera ta’ Crucea-Botușana jispjega parzjalment l-introjtu operatorju fqir tas-CNU. L-operazzjonijiet minerarji tas-CNU jġorru magħhom kostijiet kbar marbuta mal-estrazzjoni minħabba li ma għandhiex il-fondi għall-manutenzjoni tar-rotot tat-trasport, iż-żieda fid-distanzi tat-trasport minħabba l-eżawriment tad-depożiti u n-nuqqas ta’ modifiki taħt l-art.

(18)

Barra minn hekk is-CNU ma għandhiex ir-riżorsi finanzjarji biex tibda l-estrazzjoni ta’ depożitu ġdid ta’ mineral tal-uranju identifikat fi Tulgheș-Grinties u lanqas biex ittejjeb l-impjant tagħha ta’ Feldioara.

(19)

Fl-aħħar nett, is-CNU tiffaċċja wkoll żieda dejjem akbar fil-kostijiet tal-utilitajiet, fit-tariffi tal-estrazzjoni u taxxi addizzjonali (taxxa ambjentali).

Tabella 2

Data finanzjarja magħżula skont l-ewwel pjan ta’ ristrutturar mill-2014 sal-2023

(f’miljuni ta’ RON)

 

2014 sal-2016

Perjodu ta’ ristrutturar

Wara r-ristrutturar

Indikatur

2014

2015

2016

2017

2018

2019

2020

2021

2022

2023

Dħul totali

142,9

110,8

15,2

210,0

193,9

193,9

193,9

193,9

196,8

196,8

Nefqa totali

246,3

254,2

109,1

188,0

191,0

184,6

186,9

189,4

189,4

189,4

Profitt/

Telf

-104,7

-143,4

-93,9

18,5

2,6

7,9

5,9

3,8

6,2

6,2

EBITDA

-60,5

-95,1

-54,3

64,5

44,7

43,2

41,8

39,7

42,1

42,1

2.2.   Estrazzjoni tal-uranju u konċentrati għall-fjuwil nukleari

(20)

Is-CNU tipproduċi primarjament żewġ tipi ta’ prodotti mill-proċess ta’ estrazzjoni: ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat (yellow cake) (li fih konċentrazzjoni għolja ta’ U3O8) u UO2 (mhux arrikkit).

(21)

L-ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat huwa komodità negozjabbli standard, li jiġi nnegozjat mad-dinja kollha bi prezzijiet u kundizzjonijiet relattivament trasparenti. L-ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat, li huwa l-prodott bażi għall-produzzjoni ta’ UO2 mhux arrikkiti, kif ukoll arrikkit, jiġi prodott u nnegozjat minn kumpaniji mhux Ewropej (bħal Cameco) iżda anke minn kumpaniji Ewropej (inkorporati) bħal Orano (li qabel kienet Areva), RioTinto jew BHP Billiton. Barra minn hekk, atturi ġodda f’dan is-suq attwalment jinsabu f’diversi stadji ta’ żvilupp bi proġetti ġodda ta’ estrazzjoni minerarja fi Spanja, fil-Finlandja u fl-Ungerija (7).

(22)

B’mod partikolari r-Rumanija indikat li f’Mejju 2017 f’daqqa waħda Orano pproponiet li tibda tforni lis-CNU b’ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat mill-minjiera tagħha fin-Niġer. Orano kienet iddikjarat li kienet kapaċi tforni l-kwantità sħiħa ta’ ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat meħtieġ mis-CNU biex tipproduċi l-UO2 għall-benefiċċju tal-SNN għaż-żewġ reatturi f’Cernavodă (8).

(23)

Fir-rigward tal-konverżjoni ta’ U3O8 f’UO2, hemm kompetizzjoni sostanzjali bejn Cameco u s-CNU għal impjanti tal-enerġija nukleari b’teknoloġija bbażata fuq il-CANDU. Barra minn hekk, kwalunkwe kumpanija li attwalment tipproduċi l-komposti tal-uranju għall-uranju arrikkit, biex jiġu manifatturati bħala fjuwil nukleari, bħal pereżempju Orano (li qabel kienet Areva), għandha l-kapaċità teknoloġika u tista’ titħajjar u tiddeċiedi li tidħol f’dan is-suq fil-futur u toffri prodott sostitut. Skont informazzjoni pubblikament disponibbli, attwalment Orano qed timmodifika l-proċess industrijali tagħha fl-impjant tagħha f’Malvési biex tkun tista’ tbiegħ UO2 mhux arrikkit, li huwa wieħed mill-prodotti intermedjarji tagħha, fis-suq internazzjonali (9). Barra minn hekk, hemm ukoll fornituri alternattivi attwalment attivi tal-UO2 (mhux arrikkit) għall-CANDUs bħal Dioxitek (fl-Arġentina), is-CNNC (fiċ-Ċina), il-PAEC (fil-Pakistan), l-NFC (fl-Indja).

2.3.   Pjan inizjali ta’ ristrutturar tas-CNU

(24)

Wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ li approvat self ta’ RON 62 miljun (EUR 13,1 miljun) (10), fit-12 ta’ Ġunju 2017, ir-Rumanija nnotifikat il-pjan inizjali ta’ ristrutturar li jispiċċa fl-2021.

(25)

Fil-pjan inizjali ta’ ristrutturar, il-kostijiet totali tar-ristrutturar kienu jammontaw għal RON 941 (EUR 198,5) miljun (tqassim dettaljat huwa disponibbli fil-premessa 22 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ). Skont ir-Rumanija, dawn il-kostijiet tar-ristrutturar kellhom jiġu ffinanzjati kif ġej: għajnuna mill-Istat ta’ RON 441 (EUR 93,0) miljun u kontribuzzjoni proprja tas-CNU ta’ RON 500 (EUR 105,5) miljun (11) (jiġifieri madwar 53 % tal-kostijiet tar-ristrutturar).

(26)

L-għajnuna għar-ristrutturar notifikata kienet tikkonsisti fil-ħames strumenti ta’ għajnuna li ġejjin:

(a)

il-konverżjoni ta’ għajnuna għas-salvataġġ ta’ RON 62 miljun (EUR 13,1 miljun) f’għajnuna għar-ristrutturar;

(b)

għotja ta’ RON 75,5 miljun (EUR 15,9 miljun);

(c)

tħassir ta’ RON 77 miljun (EUR 16,2 miljun) f’dejn;

(d)

sussidju operatorju ta’ RON 213-il miljun (EUR 44,9 miljun);

(e)

il-konverżjoni tad-dejn tas-CNU ta’ RON 13,3 miljun (EUR 2,8 miljun), mit-30 ta’ Marzu 2017, f’ishma miżmuma mill-Istat Rumen.

(27)

Fil-pjan ta’ ristrutturar inizjali l-kontribuzzjoni proprja għall-kostijiet kienet tinkludi erba’ sorsi ewlenin ta’ dħul mill-estrazzjoni minerarja għas-CNU (dettalji sħaħ huma disponibbli fil-premessa 20 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ):

(a)

diversi kuntratti ta’ provvista ta’ U3O8 mal-ANRSPS;

(b)

kuntratt pluriennali għall-forniment ta’ UO2 lill-SNN għall-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2017 u l-31 ta’ Diċembru 2021;

(c)

kuntratt pluriennali mal-SNN għall-ipproċessar ta’ materjali li fihom l-uranju naturali li mhumiex konformi;

(d)

diversi kuntratti ma’ Conversmin SA għall-preservazzjoni, l-għeluq, ir-restawr ambjentali u l-monitoraġġ ta’ minjieri tal-uranju magħluqa.

2.4.   Deskrizzjoni tar-raġunijiet li wasslu għall-ftuħ tal-proċedura

(28)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet il-fehma li l-pjanijiet tar-Rumanija li tagħti finanzjament pubbliku biex issostni l-pjan ta’ ristrutturar tas-CNU kienu jinvolvu Għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(29)

Peress li s-CNU kienet tissodisfa l-kriterji biex tikkwalifika bħala impriża f’diffikultà skont il-punt 20 tal-Linji Gwida S&R, il-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturar ġiet analizzata skont il-Linji Gwida S&R. Wara valutazzjoni preliminari, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar il-kompatibilità tal-miżuri deskritti hawn fuq mal-Linji Gwida S&R. Dawn id-dubji huma ppreżentati fil-qosor hawn taħt fil-premessi (30) sa (46) (dettalji sħaħ huma ppreżentati fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ fil-premessi (44) sa (70).

2.4.1.   Dubji dwar il-livell ta’ kontribuzzjoni proprja tas-CNU għall-pjan ta’ ristrutturar

(30)

Il-Kummissjoni esprimiet ir-riżervi tagħha dwar jekk is-sorsi ta’ finanzjament kif proposti mir-Rumanija kinux jikkostitwixxu kontribuzzjoni propja sinifikanti, reali u fattwali, ħielsa minn għajnuna ta’ mill-inqas 50 % u għalhekk fuq bażi preliminari qieset li l-pjan ta’ ristrutturar inizjali ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti bażiċi tal-Linji Gwida S&R fir-rigward tal-kontribuzzjoni proprja.

(31)

L-ewwel nett, fir-rigward tal-karattru reali u fattwali tal-kontribuzzjoni proprja, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod preliminari li l-ebda wieħed mill-erba’ sorsi ta’ kontribuzzjoni proprja elenkati fil-premessa (27) ma kien jissodisfa dan il-kriterju. Skont il-punt 63 tal-Linji Gwida S&R, il-kontribuzzjoni propja jenħtieġ li teskludi profitti mistennija fil-futur bħall-fluss tal-flus. Fost il-kuntratti ppreżentati mir-Rumanija, il-Kummissjoni nnotat li l-uniċi kuntratti li mmaterjalizzaw kienu dawk għal ammonti żgħar u parzjalment biss.

(32)

It-tieni nett, dwar il-kundizzjoni li l-kontribuzzjoni proprja tkun ħielsa minn għajnuna, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod preliminari li l-kuntratt ta’ provvista kruċjali ta’ xiri obbligatorju tal-UO2 mal-SNN li kien mistenni jirrappreżenta madwar 80 % tal-bejgħ tas-CNU kien improbabbli li jiġi konkluż skont termini tas-suq. Fuq il-bażi tal-indikazzjonijiet tas-suq disponibbli, il-kuntratt previst ta’ RON 623 (EUR 131) għal kull kgU (jiġifieri ta’ RON 423 għal kull kgU mingħajr sussidju) u li jikkorrispondi għal USD 110 (EUR 100) għal kull kgU (mingħajr sussidju) jaqbeż il-prezz tas-suq stmat (USD 67 -EUR 61- għal kull kgU) b’64 %.

(33)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha wkoll dubji jekk is-sorsi l-oħra kollha proposti ta’ kontribuzzjoni proprja kinux ħielsa minn għajnuna: tabilħaqq dawk il-kontribuzzjonijiet kienu ġejjin minn kuntratti ppjanati ma’ amministrazzjonijiet pubbliċi u ma’ intrapriżi tal-Istat. B’mod partikolari, ir-Rumanija naqset milli turi li l-ANRSPS, entità pubblika, kienet se tiffirma l-kuntratti ppjanati mas-CNU bi prezzijiet tas-suq u li l-kuntratt l-ieħor ippjanat mal-SNN għall-ipproċessar ta’ materjali mhux konformi kien se jiġi konkluż skont termini tas-suq, pereżempju, meta mqabbel ma’ kuntratti ta’ provvista tipiċi oħra fl-industrija.

(34)

It-tielet nett, abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mir-Rumanija, ma kien hemm l-ebda investitur privat jew mutwanti jappoġġja l-pjan, u lanqas ma kien previst li dan isir. Ir-Rumanija ma setgħet tipprovdi lill-Kummissjoni ebda indikazzjoni ta’ sostenn bħal pereżempju ittra ta’ intenzjoni li kienet turi u tistabbilixxi interess minn investitur privat prospettiv li kellu fiduċja, u li kien se jappoġġja u jiffinanzja l-pjan ta’ ristrutturar notifikat.

(35)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kellha wkoll dubji dwar l-argument imressaq mir-Rumanija fejn sostniet li l-bejgħ ta’ assi fissi kien se jipprovdi sors addizzjonali ta’ kontribuzzjoni proprja. Ma kienx ċar x’seta’ kien il-valur tas-suq ta’ dawn l-assi, l-iskeda ta’ żmien għall-bejgħ u l-aktar importanti, sa liema punt dan il-bejgħ seta’ jingħalaq b’suċċess fil-perjodu ta’ ristrutturar.

2.4.2.   Dubji dwar ir-ritorn lejn il-vijabilità fit-tul tas-CNU

(36)

Il-Kummissjoni kellha wkoll dubji dwar jekk il-pjan inizjali ta’ ristrutturar kienx se jwassal biex is-CNU terġa’ lura għall-vijabbiltà fl-aħħar tal-perjodu ta’ ristrutturar. Fil-fatt, ma ġiex stabbilit li s-CNU kienet se tagħmel redditu suffiċjenti u tkun kapaċi tibqa’ fis-suq mingħajr għajnuna addizzjonali.

(37)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni nnotat li r-Rumanija naqset milli tipprovdi, kif intalbet tipprovdi, is-sett ta’ indikaturi ekonomiċi ewlenin għall-perjodu ta’ ristrutturar u data dwar il-profitabilità u l-kostijiet tal-produzzjoni maqsuma għal kull negozju ewlieni attwali jew ippjanat tagħha (il-minjiera ta’ Crucea-Botușana, l-impjant ta’ Feldioara, il-minjiera ta’ Tulgheș-Grințieș). Fi kwalunkwe każ l-informazzjoni pprovduta fuq livell aggregat ma kinitx konklussiva fir-rigward tar-ritorn għall-vijabbiltà fit-tul tas-CNU fi tmiem il-perjodu ta’ ristrutturar.

(38)

It-tieni nett, il-profittabilità tas-CNU baqgħet baxxa anki jekk wieħed kellu jqis is-sussidju fuq il-prezz li kien maħsub biex ikopri d-differenza bejn il-kost tal-produzzjoni tagħha u l-prezz tas-suq tal-UO2, u li r-Rumanija kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat. Peress li tul il-perjodu ta’ ristrutturar ma kien hemm l-ebda previżjoni għal tnaqqis gradwali ta’ din l-għajnuna, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod preliminari li fin-nuqqas ta’ evidenza addizzjonali ta’ sostenn kien għad kellha dubji jekk is-CNU kinitx se tkun vijabbli wara t-tmiem tal-perjodu ta’ ristrutturar mingħajr ebda sussidju ieħor mill-Istat għall-operazzjonijiet.

(39)

It-tielet nett, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar il-kostijiet tal-produzzjoni ppreżentati mill-awtoritajiet Rumeni, wara li jintemm l-investiment fil-minjiera l-ġdida ta’ Tulgheș-Grințieș. B’mod partikolari, il-Kummissjoni enfasizzat li r-Rumanija ma pprovdiet ebda studju ta’ investiment b’sostenn għall-ammont allegat tal-kost tal-produzzjoni ta’ U3O8 ta’ RON 460 (EUR 97) għal kull kgU (12) u osservat li din l-istima tissupera ferm il-prezz attwali tas-suq ta’ USD 22 (EUR 20) għal kull libbra ta’ U3O8 fl-aħħar ta’ Frar 2018 (13).

(40)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat ukoll li l-previżjonijiet tal-prezz tal-uranju ppreżentati mir-Rumanija b’sostenn tal-prospetti għall-investimenti fil-minjiera l-ġdida kienu obsoleti u ma kinux affidabbli u għalhekk qajmu dubji dwar il-vijabbiltà tal-minjiera l-ġdida. Peress li l-punt 51 tal-Linji Gwida S&R isemmi li r-ritorn lejn il-vijabbiltà ma jridx ikun jiddependi fuq suppożizzjonijiet ottimistiċi dwar fatturi esterni bħall-varjazzjoni fil-prezzijiet, il-Kummissjoni esprimiet ukoll dubji jekk dan il-punt tal-Linji Gwida S&R kienx issodisfat.

2.4.3.   Dubji dwar il-miżuri ta’ kumpens

(41)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li r-Rumanija pprevediet biss żewġ miżuri komportamentali. Skont il-pjan inizjali ta’ ristrutturar, is-CNU kienet se toqgħod lura milli tixtri ishma f’intrapriżi oħra matul il-perjodu ta’ ristrutturar u milli tuża l-għajnuna bħala pubbliċità meta tbiegħ il-prodotti tagħha. Madankollu, fin-nuqqas ta’ miżuri strutturali sinifikanti u ċari, il-Kummissjoni kellha d-dubji dwar kemm il-miżuri ta’ kumpens proposti mmitigawx b’mod sodisfaċenti l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni maħluqa mill-għajnuna potenzjali.

(42)

B’mod partikolari, għall-kuntrarju tal-argument tar-Rumanija li ma hemmx suq Ewropew għall-prodott fornut mis-CNU u li għalhekk mhux se jkun hemm bżonn ta’ miżuri ta’ kumpens addizzjonali, il-Kummissjoni ppreżentat diversi kunsiderazzjonijiet.

(43)

L-ewwel nett il-Kummissjoni nnotat li fir-rigward tal-estrazzjoni, għalkemm attwalment ma hemm l-ebda kumpanija Ewropea oħra għajr is-CNU involuta fl-estrazzjoni tal-mineral tal-uranju fl-UE, fl-UE hemm kumpaniji attivi li jimportaw il-komposti tal-uranju, bil-ħsieb li jfornu impjanti tal-ipproċessar/tar-raffinar u eventwalment jimmanifatturaw fjuwil nukleari. Dan huwa pereżempju l-każ ta’ Orano (li qabel kienet Areva) li timporta l-komposti tal-uranju fl-UE mill-attivitajiet ta’ estrazzjoni minerarja tagħha f’pajjiżi terzi bħan-Niġer: għalhekk is-suq huwa miftuħ għall-kompetizzjoni. Barra minn hekk, ġew identifikati depożiti għall-estrazzjoni tal-uranju u fil-fatt tħabbru jew ġew ippjanati parteċipanti ġodda fi Spanja u fil-Finlandja għall-2018-2019.

(44)

It-tieni nett, il-Kummissjoni nnotat li fir-rigward tal-attivitajiet ta’ proċessar/raffinar, għalkemm attwalment ma hemm l-ebda kumpanija oħra għajr għal Cameco attiva fil-provvista ta’ UO2mhux arrikkit għal impjanti tal-enerġija nukleari b’teknoloġija bbażata fuq il-CANDU fl-UE, dawn is-swieq huma miftuħa għall-kompetizzjoni u kwalunkwe kumpanija tista’ titħajjar u tiddeċiedi li tidħol fil-futur jew li toffri prodotti sostituti minn bnadi oħra. Minbarra Cameco, UO2 għall-CANDU jista’ anke jiġi offrut minn fornituri barranin pereżempju miċ-Ċina jew mill-Indja.

(45)

It-tielet nett, il-Kummissjoni nnotat ukoll li fil-pjan ta’ ristrutturar inizjali tagħha r-Rumanija ppreżentat ċerti dikjarazzjonijiet kontradittorji, li jagħtu x’jifhem li s-CNU kienet biħsiebha tfittex li tespandi l-portafoll ta’ klijenti tagħha lil hinn mir-Rumanija, filwaqt li tiddikjara li ma hemmx suq Ewropew għall-prodott li s-CNU tforni u li għalhekk mhux se jkun hemm bżonn ta’ miżuri ta’ kumpens.

(46)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod preliminari li: (i) hemm kompetizzjoni attwali fl-attività tal-estrazzjoni tal-uranju u (ii) jista’ jkun hemm aktar kompetizzjoni fl-attività tal-ipproċessar u tar-raffinar tal-uranju. Għaldaqstant, il-miżuri komportamentali proposti mir-Rumanija dehru insuffiċjenti u kien hemm bżonn ta’ miżuri ta’ kumpens strutturali biex jimmitigaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

3.   KUMMENTI TAR-RUMANIJA

(47)

Fil-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ, ir-Rumanija ppreżentat informazzjoni ġdida u xi osservazzjonijiet kif ukoll it-tieni pjan ta’ ristrutturar, kif ġej.

3.1.   Kummenti tar-Rumanija dwar l-applikazzjoni tat-Trattat Euratom

(48)

L-awtoritajiet Rumeni semmew li r-ristrutturar kien qed jappoġġja l-impenji li għamlu skont it-Trattat Euratom fir-rigward tas-sikurezza nukleari, b’mod partikolari dawn li ġejjin:

(a)

il-prevenzjoni tal-għargħar tal-minjieri,

(b)

ir-rimi kkontrollat ta’ ilmijiet ta’ taħt l-art u tal-għadajjar,

(c)

id-dekontaminazzjoni u t-tindif tal-ilmijiet tal-minjieri u tal-għadajjar mit-tniġġis tal-uranju, tar-radju u diversi kontenuti salini li jaqbżu r-regoli ambjentali, li x’aktarx ikollhom konsegwenzi estremament serji għall-ambjent u għall-popolazzjoni, inkluż għall-faċilitajiet u għat-tagħmir tal-kumpanija,

(d)

is-sigurtà tal-provvista tal-materja prima għall-produzzjoni tal-fjuwil nukleari meħtieġ għat-tħaddim tal-unitajiet tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Cernavodă, inkluż il-manutenzjoni taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari lokali, li jikkontribwixxi għall-assigurazzjoni tas-sigurtà tal-enerġija tar-Rumanija,

(e)

l-immaniġġjar tal-istokkijiet tal-uranju, l-għeluq tas-siti fejn twettqu xogħlijiet ta’ estrazzjoni minerarja/estrazzjoni tal-uranju, il-konservazzjoni, id-dekummissjonar ta’ unitajiet nukleari, l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ekoloġiċi, il-monitoraġġ ta’ fatturi ambjentali u relatati mal-popolazzjoni wara l-għeluq, attivitajiet u proċessi kumplessi u fit-tul biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni radjuattiva, l-għeluq tal-minjieri, monitoraġġ ta’ wara l-għeluq.

(f)

Ir-Rumanija tqis ukoll li s-CNU hija kruċjali għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fir-Rumanija u għaż-żamma tal-għarfien espert siewi tagħha u l-investimenti sostanzjali fit-tagħmir, fit-teknoloġiji u fil-liċenzji tas-CNU u li kieku jintilfu (14). Ir-Rumanija tqis l-estrazzjoni minerarja lokali bħala l-aktar mod sikur biex tiġi żgurata l-katina tal-provvista għall-produzzjoni tal-enerġija nukleari u ssostni li s-CNU hija l-uniku fornitur tal-UO2 fl-UE li jista’ jiżgura b’mod effiċjenti u stabbli l-input għall-produzzjoni tal-fjuwil nukleari għar-reatturi nukleari f’Cernavodă (15).

3.2.   It-tieni pjan ta’ ristrutturar

(49)

Ir-Rumanija l-ewwel enfasizzat li fit-tieni pjan ta’ ristrutturar huma kienu rtiraw tlieta mill-ħames miżuri ta’ għajnuna notifikati fil-pjan inizjali ta’ ristrutturar, jiġifieri l-miżuri (c), (d) u (e) kif deskritti fil-premessa (26), li wassal għal tnaqqis sinifikanti minn RON 440,8 miljun (EUR 93,0 miljun) għal RON 125,1 miljun (EUR 26,4 miljun) tal-ammont ta’ għajnuna li trid tingħata. Il-miżuri ta’ għajnuna li kienu se jibqgħu kienu l-konverżjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ ta’ RON 60,4 miljun (EUR 12,7 miljun) u għotja li tammonta għal RON 64,8 miljun (EUR 13,7 miljun).

(50)

Anke l-kost tar-ristrutturar kien se jonqos minn RON 941 miljun (EUR 198,5 miljun) għal RON 250,3 miljun (EUR 52,8 miljun), li minnhom ir-Rumanija allegat li s-CNU kienet se tikkontribwixxi 50 %, jiġifieri RON 125,1 miljun (EUR 26,4 miljun).

(51)

Bħala parti minn dan it-tieni pjan ta’ ristrutturar, is-CNU kienet se tistabbilixxi kooperazzjoni ġdida mal-SNN. F’dan il-kuntest, ir-Rumanija qieset li t-tħassib tal-Kummissjoni espress fil-premessi (47) sa (50) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ dwar l-Għajnuna mill-Istat potenzjali inkluża fil-prezz tal-kuntratt previst mal-SNN sar immaterjali, peress li l-kuntratt inkwistjoni ma kienx għadu ppjanat. Ir-Rumanija spjegat li wara li waqfet il-kuntratt tagħha mas-CNU, li kien parzjalment il-kawża tad-diffikultajiet finanzjarji tas-CNU, l-SNN bdiet takkwista materja prima mill-kumpanija Kanadiża, Cameco. Madankollu, l-SNN qieset li d-dipendenza fuq sors uniku ta’ provvista kien riskjuż fuq terminu twil u, għalhekk, ippreżentat strateġija ta’ diversifikazzjoni tal-akkwisti.

(52)

F’Mejju 2018 l-Assemblea Ġenerali tal-SNN approvat din l-istrateġija u semmiet espliċitament lis-CNU bħala fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar. Ir-Rumanija spjegat li abbażi ta’ din l-istrateġija, id-dipendenza fuq fornitur uniku u r-riskji korrispondenti se jiġu evitati permezz tax-xiri tal-U3O8 mis-swieq internazzjonali minflok l-UO2, li jiġi pproċessat mis-CNU u l-UO2 riżultanti jintuża fil-produzzjoni tal-fjuwil nukleari. Ir-relazzjoni bejn l-SNN-CNU tkun tinkludi l-ipproċessar u l-ħżin ta’ U3O8 fil-bini tas-CNU u l-kwalifikazzjoni tal-fornituri tal-U3O8 mis-CNU: tabilħaqq kwalifikazzjoni min-naħa tas-CNU kienet tkun verament meħtieġa qabel l-organizzazzjoni tal-proċeduri kompetittivi fost il-fornituri kwalifikati tal-U3O8, għaliex l-SNN ma għandhiex l-għarfien meħtieġ biex tikkwalifika fornituri tal-U3O8.

(53)

Sussegwentement, ir-Rumanija adottat liġi li tirregola l-prinċipji li jipprevedu l-istrateġija nazzjonali tar-Rumanija fir-rigward tal-manutenzjoni taċ-ċiklu nukleari integrat, il-provvista ta’ materja prima għall-produzzjoni tal-fjuwil nukleari meħtieġ għat-tħaddim tal-unitajiet tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari f’Cernavodă (16) (minn hawn ’il quddiem il-“Liġi 193/2018”). Il-Liġi 193/2018 tiddetermina li s-CNU hija esklussivament intitolata tipproduċi trab tal-UO2 fit-territorju Rumen, u li l-SNN se tixtri dan il-prodott esklussivament mingħand is-CNU, ħlief jekk is-CNU ma tkunx tista’ tforni l-kwantitajiet meħtieġa. Il-kriterji u l-metodi għad-determinazzjoni u għall-aġġustament tal-prezzijiet regolati għas-servizzi ta’ kwalifikazzjoni, ħżin u pproċessar tal-U3O8, u l-prezz tal-UO2, kif fornut mis-CNU, se jiġu stabbiliti abbażi tal-kostijiet attwali tas-CNU, skont Deċiżjoni tal-Gvern li kienet għadha qed tiġi diskussa meta r-Rumanija ppreżentat it-tieni pjan ta’ ristrutturar (għal dettalji dwar din il-liġi ara l-premessa (63) hawn taħt) (17). Bħala parti mit-tieni pjan ta’ ristrutturar ir-Rumanija stenniet li l-kuntratt bejn is-CNU u l-SNN jidħol fis-seħħ mill-2018.

(54)

Fit-22 ta’ Ġunju 2018, is-CNU pproponiet il-konsenja ta’ […] tunnellataU ta’ UO2 bi prezz ta’ RON […] għal kull kgU (eskluża l-VAT), jiġifieri EUR […] għal kull kgU. Fis-17 ta’ Lulju 2018, l-SNN indikat lis-CNU li l-ewwel ordni għal kwantità ta’ […] tunnellataU ta’ UO2 ma kinitx se tingħata lis-CNU minħabba l-prezz għal kull unità offrut. Fid-19 ta’ Lulju 2018 is-CNU u l-SNN iffirmaw ftehim qafas li permezz tiegħu s-CNU kellha tipprovdi l-UO2 lill-SNN.

(55)

F’Novembru 2018, l-SNN u s-CNU kkonkludew kuntratt fiss għall-akkwist ta’ […] tunnellataU ta’ UO2 għall-prezz ta’ […] RON/kg (EUR […]/kg) (ammont totali ta’ RON […] miljun (EUR […] miljun) (eskluża l-VAT)) fi ħdan il-ftehim qafas imsemmi hawn fuq (18).

3.3.   It-tielet pjan ta’ ristrutturar

(56)

Wara vidjokonferenza mal-Kummissjoni li saret fit-3 ta’ Diċembru 2018 biex jiġi diskuss it-tieni pjan ta’ ristrutturar, ir-Rumanija ppreżentat it-tielet pjan ta’ ristrutturar, li ħa post kull pjan ta’ ristrutturar li ġie notifikat qabel.

(57)

It-tielet pjan ta’ ristrutturar iżomm biss tnejn mill-ħames miżuri ta’ għajnuna oriġinali b’ammont aktar baxx meta mqabbel mal-pjan ta’ ristrutturar inizjali. Il-miżuri li fadal jammontaw għal RON 178,3 miljun (EUR 37,6 miljun) u jinkludu (i) il-konverżjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ f’għajnuna għar-ristrutturar ta’ RON 60,4 miljun (EUR 12,7 miljun) u (ii) għotja b’sostenn tal-investimenti tas-CNU ta’ RON 64,8 miljun (EUR 13,7 miljun), inkluż il-bidu tal-estrazzjoni fil-minjiera ta’ Tulgheș-Grințieș. Ġie introdott sussidju ġdid, li jammonta għal RON 53,1 miljun (EUR 11,2 miljun) biex ikopri l-kostijiet tal-għeluq tal-minjiera ta’ Crucea-Botușana.

(58)

Ir-Rumanija nnotifikat li l-kostijiet totali tar-ristrutturar ta’ RON 356,4 miljun (EUR 75,2 miljun) spjegati fid-dettall fit-tabella 3 hawn taħt kienu se jiġu parzjalment finanzjati bl-għajnuna għar-ristrutturar u b’kontribuzzjoni ta’ RON 178,1 miljun (EUR 37,6 miljun) mis-CNU mid-dħul futur tagħha.

Tabella 3

Kostijiet u finanzjament tar-ristrutturar

Kostijiet ippjanati ta’ ristrutturar

Total tal-kostijiet

Għajnuna mill-Istat

Kontribuzzjoni mir-riżorsi proprji tas-CNU

Konverżjoni ta’ għajnuna għas-salvataġġ f’għajnuna għar-ristrutturar

60,4

60,4

 

Għeluq gradwali tal-minjiera ta’ Crucea-Botușana

106,0

53,1

52,9

Il-bidu tal-estrazzjoni fil-minjiera ta’ Tulgheș-Grințieș

(…)

(…)

(…)

Titjib fit-teknoloġija għall-ipproċessar tal-iskart iġġenerat mill-estrazzjoni minerarja fl-impjant ta’ Feldioara

(…)

(…)

(…)

Titjib fl-irkupru tal-uranju minn għadajjar għall-iskart iġġenerat mill-estrazzjoni minerarja

(…)

(…)

(…)

Titjib fl-irkupru tal-uranju minn miżbliet inattivi

(…)

(…)

(…)

Kostijiet totali tar-ristrutturar (skont is-sottomissjoni tar-RO)

356,4

178,3

178,1

Total bħala % (skont is-sottomissjoni tar-RO)

 

50,0 %

50,0 %

Sors: L-Anness 14 tat-tielet pjan ta ristrutturar (Copenhagen Economics ibbażat fuq is-CNU)

(59)

Ir-Rumanija mbagħad strutturat is-sottomissjoni tagħha biex tindirizza t-tliet dubji ewlenin imqajma mill-Kummissjoni. Skont ir-Rumanija, il-kontribuzzjoni proprja tas-CNU hija reali, fattwali u ma tinvolvix għajnuna mill-Istat, it-tielet pjan ta’ ristrutturar se jreġġa’ lura l-vijabbiltà fit-tul tas-CNU u l-għajnuna għar-ristrutturar lis-CNU mhijiex se tfixkel il-kompetizzjoni.

3.3.1.   Il-kontribuzzjoni tas-CNU hija reali, fattwali u ma tinvolvix għajnuna mill-Istat

(60)

Ir-Rumanija pprovdiet analiżi dettaljata tas-sorsi tad-dħul tas-CNU fit-tabella 4 hawn taħt:

Tabella 4

Sorsi ta’ dħul tas-CNU

Ammonti f’miljuni ta’ RON

2017

2018

2019

2020

2021

2022

2023

SNN - HG

 

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

% tad-dħul totali tas-CNU

 

[…]%

[…]%

[…]%

[…]%

[…]%

[…]%

SNN - ruttam

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Total ta’ ANRSPS

(…)

 

 

 

 

 

 

Total ta’ Conversmin

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Dħul ieħor minn kiri

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Total

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

 

 

 

 

 

 

 

 

Kostijiet operatorji

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Flussi tal-flus operatorji

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Sors: L-Anness 14 tat-tielet pjan ta’ ristrutturar (Copenhagen Economics)

(61)

Kif intwera mit-tabella hawn fuq, ir-Rumanija ssostni li s-CNU għandha tliet klijenti ewlenin: SNN, ANRSPS u Conversmin. Ir-Rumanija spjegat ukoll ir-relazzjoni bejn is-CNU u dawn it-tliet partijiet sabiex turi li l-kontribuzzjoni proprja tas-CNU li ġejja minn dan id-dħul trid tiġi kkunsidrata reali, fattwali u ma tinvolvix għajnuna mill-Istat.

(62)

L-ewwel nett, kif deskritt fil-premessa (53), is-CNU waqqfet kooperazzjoni ġdida mal-SNN, imsejsa fuq il-Liġi 193/2018. Skont l-Artikolu 2 ta’ din il-liġi, is-CNU se tipproduċi fir-Rumanija l-UO2 meħtieġ għar-reatturi CANDU Rumeni operati mill-SNN. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(4) tal-istess liġi, is-CNU għandha d-dritt esklussiv li tipprovdi servizzi ta’ pproċessar u ta’ ħżin għall-U3O8 fir-Rumanija.

(63)

Il-prezzijiet taż-żewġ attivitajiet imwettqa mis-CNU (jiġifieri l-bejgħ tal-UO2 kif ukoll l-ipproċessar tal-U3O8) huma regolati u stabbiliti permezz ta’ Deċiżjoni tal-Gvern. Id-Deċiżjoni tal-Gvern 126/2019 tiddikjara li l-prezz għal dawk is-servizzi għandu jiġi stabbilit abbażi tal-kostijiet effettivi tas-CNU.

(64)

L-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni tal-Gvern 126/2019 jistabbilixxi ċerti limiti fuq il-prezz regolat sabiex jiġi żgurat, skont ir-Rumanija, li huwa konformi mal-prinċipji tas-suq. B’mod partikolari, il-prezz tal-UO2 ma jistax ikun aktar mit-total tat-tliet elementi li ġejjin: il-medja ta’ sitt xhur tal-prezz internazzjonali fit-tul tal-U3O8, il-kostijiet tal-ipproċessar u marġini ta’ profitt ta’ 4 %. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(5) jistabbilixxi li t-tnaqqis fil-kostijiet minħabba żieda fl-effiċjenza fl-attività tas-CNU ċertifikata minn awditur indipendenti se jinqasam max-xerrej, peress li 50 % se għaddu għand l-SNN bħala tnaqqis fil-prezz (19). It-tnaqqis fil-kostijiet li mhumiex marbuta ma’ żieda fl-effiċjenza jiġi mgħoddi kompletament fil-prezzijiet. Skont ir-Rumanija, dan il-mekkaniżmu ta’ qsim tal-kostijiet jipprovdi biżżejjed inċentivi għas-CNU biex ittejjeb l-effiċjenza tagħha maż-żmien.

(65)

Ir-Rumanija tipprovdi wkoll analiżi tat-tliet komponenti tal-prezz tal-UO2. Fir-rigward tal-medja ta’ sitt xhur tal-prezz internazzjonali fit-tul tal-U3O8, għall-perjodu li jmiss, dan il-prezz ġie stmat bħala RON 351/kg (EUR 74/kg). Skont ir-Rumanija l-kostijiet tal-ipproċessar li jwasslu għall-produzzjoni tal-UO2 jammontaw għal bejn wieħed u ieħor RON […]/kg (EUR […]/kg. Dan il-komponent tal-prezz diġà jinkludi marġni ta’ profitt ta’ 5 % u huwa bbażat fuq volum ta’ […] tunnellataU għall-UO2 għal perjodu ta’ xogħol ta’ 10 xhur. L-aħħar element tal-formula huwa l-marġni ta’ profitt ta’ 4 % li r-Rumanija tqis bħala għażla konservattiva meta mqabbel mal-kost medju tal-kapital tal-industrija. Ir-Rumanija ssemmi li dan il-marġni ta’ profitt jista’ jiġi mqabbel mal-kost tal-kapital użat għall-bini tal-impjant tal-enerġija nukleari Paks II li kien ta’ [7,5 – 8,5 %] u ġie vvalutat mill-Kummissjoni (20). Skont ir-Rumanija, dan ġie kkonfermat ukoll mill-kost tal-kapital għall-attività ta’ estrazzjoni minerarja li tista’ tiġi stmata ’l fuq minn 9 %.

(66)

Il-kombinazzjoni tat-tliet komponenti msemmija fil-premessa (65) twassal għal prezz tal-konsenja ta’ UO2 mingħand s-CNU għal għand l-SNN għal valur ta’ madwar RON […]/kg (EUR […]/kg).

(67)

Ir-Rumanija ssemmi wkoll li għas-sena 2018, is-CNU kienet iffirmat kuntratt mal-SNN f’valur ta’ RON 24,3 miljun (EUR 5,1 miljun) u għall-2019 is-CNU kienet diġà assigurat ħlas bil-quddiem biex tiżgura l-kontinwità tal-produzzjoni. Is-CNU għandha wkoll kuntratti annwali mal-SNN għall-ipproċessar ta’ materjali li fihom l-uranju naturali, fejn il-valur tal-kuntratt għall-2018 kien ta’ RON 4,7 miljun (EUR 1,0 miljun), bil-possibbiltà li jiġġedded fuq bażi annwali.

(68)

It-tieni, fir-rigward tal-kuntratti bejn is-CNU u l-ANRSPS, ir-Rumanija tinnota li d-dettalji huma meqjusa informazzjoni klassifikata.

(69)

It-tielet, għall-Conversmin, is-CNU qed tipprovdi servizzi ta’ manutenzjoni skont kuntratti annwali li jiġġeddu awtomatikament.

(70)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-Rumanija tqis li l-kontribuzzjoni tas-CNU hija reali, fattwali u ħielsa mill-għajnuna.

3.3.2.   It-tielet pjan ta’ ristrutturar se jreġġa’ lura l-vijabbiltà fit-tul tas-CNU

(71)

It-tielet pjan ta’ ristrutturar huwa parzjalment iffinanzjat minn tliet miżuri ta’ għajnuna ewlenin: il-konverżjoni ta’ għajnuna għas-salvataġġ f’għajnuna għar-ristrutturar, l-għajnuna għall-għeluq tal-minjiera ta’ Crucea-Botușana u xi miżuri ta’ investiment bħall-ftuħ tal-minjiera l-ġdida ta’ Tulgheș-Grințieș jew ir-rinnovar tal-impjant ta’ Feldioara.

(72)

Fir-rigward tat-talba tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ għal studju ta’ investiment dwar il-minjiera ta’ Tulgheș-Grințieș b’sostenn tas-suppożizzjoni tar-Rumanija fil-pjan ta’ ristrutturar inizjali, l-awtoritajiet Rumeni ppreżentaw l-elementi li ġejjin: Ir-Rumanija ssostni li d-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-minjiera l-ġdida hija bbażata fuq studji preċedenti mill-1986, l-2004 u b’mod partikolari mill-2011; anki jekk l-awtoritajiet Rumeni jqisu li l-istudju tal-2011 kien informazzjoni klassifikata u għalhekk ma għaddewhx lill-Kummissjoni, ir-Rumanija tqis li s-suppożizzjonijiet li ttieħdu fil-pjan huma saħansitra konservattivi peress li l-pjan hu, tal-inqas għall-ewwel għaxar snin, li l-estrazzjoni ssir biss fuq riżervi tal-wiċċ u mhux taħt l-art, b’hekk l-estrazzjoni hija irħas. Studju tal-fattibbiltà li ġie kkummissjonat mill-awtoritajiet Rumeni lil Cepromin SA jenħtieġ li jkun disponibbli biss f’Novembru 2019.

(73)

Fir-rigward tal-adattamenti teknoloġiċi tal-impjant ta’ Feldioara fid-dawl tal-ipproċessar, ir-raffinar u l-estrazzjoni tal-iskart iġġenerat mill-estrazzjoni minerarja, l-awtoritajiet Rumeni jsemmu li l-għan huwa li jitnaqqas il-kost tal-ipproċessar tal-mineral tal-uranju billi jiġi mtejjeb il-fluss teknoloġiku, li jwassal għal produzzjoni ogħla wara l-ipproċessar.

(74)

Ir-Rumanija tispjega wkoll li mit-tabella 4 huwa ċar li l-pjan propost se jiżgura biżżejjed flussi tal-flus biex ikopru l-kontribuzzjoni proprja tas-CNU peress li l-kontribuzzjoni proprja meħtieġa hija ta’ madwar RON 178 miljun filwaqt li s-somma flussi tal-flus operatorji mistennija matul il-perjodu bejn l-2017-2023 hija ta’ aktar minn RON 250 miljun (EUR 52,7 miljun).

(75)

Ir-Rumanija pprovdiet ukoll tabella dettaljata tat-tnaqqis ippjanat fil-kostijiet skont is-sit ta’ attività kif ippreżentat fit-tabella 5 hawn taħt. Din it-tabella turi li, skont ir-Rumanija, it-tnaqqis ewlieni fil-kostijiet se jkun minn “Suceava”, fejn tinsab il-minjiera attwali ta’ Crucea-Botușana.

Tabella 5

Kostijiet għal kull sit

Kostijiet (f’miljuni ta’ RON)

2017

2018

2019

2020

2021

2022

2023

Kost għal kull sit

 

Ċentrali

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Feldioara

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Suceava

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Stei

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Oravita

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Kostijiet totali

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Ammortizzament totali

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Kostijiet operatorji totali

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Sors: L-Anness 14 tat-tielet pjan ta’ ristrutturar (Copenhagen Economics)

(76)

Ir-Rumanija tispjega wkoll li l-istimi fit-tielet pjan ta’ ristrutturar huma bbażati fuq il-prezzijiet attwali tal-uranju iżda li r-riċerka tagħhom turi prospetti pożittivi fis-suq tal-uranju fil-futur qrib. Skont ir-Rumanija, sorsi differenti (bħal S&P Global Market Intelligence) jirrapportaw previżjonijiet simili. Il-medja tal-previżjonijiet turi li l-prezz tal-uranju huwa mistenni jiżdied b’40 % bejn l-2018 u l-2020. Ir-Rumanija tirreferi wkoll għal deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li tinnota l-kunsens tas-suq dwar il-fatt li l-prezzijiet tal-materjali nukleari se jirkupraw fuq terminu medju (21).

(77)

Ir-Rumanija ssostni wkoll li r-riżultati ġenerali tal-profitabbiltà jifilħu għal tibdil sinifikanti fis-suppożizzjonijiet jew fil-kundizzjonijiet tas-suq. Skont ir-Rumanija, is-CNU se tkun tista’ tiġġenera kontribuzzjoni proprja suffiċjenti biex tkopri l-ħtiġijiet ta’ investimenti għar-ristrutturar anki jekk l-investimenti previsti kellhom jiżdiedu b’25 % jew jekk il-flussi tal-flus kellhom jonqsu b’perċentwal simili.

3.3.3.   L-għajnuna għar-ristrutturar fit-tielet pjan ta’ ristrutturar mhijiex se tfixkel il-kompetizzjoni

(78)

Ir-Rumanija l-ewwel tenfasizza li l-ammont tal-għajnuna għar-ristrutturar tnaqqas b’60 % meta mqabbel mal-pjan ta’ ristrutturar inizjali u li dan it-tnaqqis se jnaqqas b’mod konsiderevoli l-impatt fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ.

(79)

Ir-Rumanija għalhekk issostni li s-swieq tal-uranju jidhru globali (kemm is-setturi upstream – tal-estrazzjoni kif ukoll dawk downstream – raffinar/ipproċessar) u b’hekk l-impatt ta’ għajnuna ta’ inqas minn EUR 40 miljun jista’ jkun wieħed minimu biss. Biex isostnu dan, l-awtoritajiet Rumeni spjegaw li r-Rumanija tirrappreżenta inqas minn 0,1 % tal-produzzjoni dinjija tal-uranju.

(80)

Barra minn hekk, is-CNU hija l-uniku produttur ta’ UO2 li tuża t-teknoloġija tat-tip CANDU fl-Ewropa u waħda mill-uniċi żewġ kumpaniji fid-dinja li jipproduċu UO2 naturali mhux arrikkit. Ir-Rumanija tispjega wkoll li d-domanda żgħira għall-UO2 mhux arrikkit mhijiex biżżejjed biex tqanqal biżżejjed bejgħ li jrendi profitabbli tibdil fit-teknoloġija u li bħala tali tista’ tkun ta’ inċentiv biex produttur attwali tal-UO2 arrikkit jidħol f’dan is-suq il-ġdid.

(81)

Skont ir-Rumanija, il-ħruġ tas-CNU mis-suq tal-uranju jista’ jżid id-dipendenza tal-SNN fuq fornituri esterni tal-UO2/U3O8. Ir-Rumanija tistenna li, f’każ li kellu jintilef il-kontroll fuq iċ-ċiklu sħiħ tal-fjuwil nukleari, il-fornituri esterni tal-UO2/U3O8 u b’mod partikolari Cameco, li mbagħad issir l-uniku fornitur disponibbli tal-uranju pproċessat fil-forma ta’ UO2 biċ-ċertifikazzjoni ta’ CANDU fir-Rumanija, jispiċċaw jieħdu vantaġġ minn din is-sitwazzjoni. Dawn kieku jżidu b’mod sinifikanti l-prezz tal-prodotti għall-SNN u jimmassimizzaw il-profitt tagħhom. Din is-sitwazzjoni tispiċċa taffettwa l-vijabbiltà fit-tul tal-operatur nukleari nazzjonali, b’implikazzjonijiet negattivi għas-sigurtà tal-enerġija tar-Rumanija.

(82)

Fl-aħħar nett, ir-Rumanija tenfasizza li ma hemm l-ebda miżura ta’ kumpens strutturali fattibbli li tista’ tittieħed mingħajr ma tipperikola mhux biss il-vijabbiltà tal-kumpanija iżda anke l-attività ewlenija tagħha. Ir-Rumanija ssostni li f’deċiżjonijiet preċedenti l-Kummissjoni diġà aċċettat li kwalunkwe tnaqqis ulterjuri fl-attività jista’ jipperikola l-possibiltajiet li kumpanija tirkupra, mingħajr ma tiġi pprovduta l-ebda opportunità fis-suq ta’ siwi għall-kompetituri, bħal fid-Deċiżjoni C10/2006 Cyprus Airways Public Ltd – Pjan ta’ Ristrutturar.

4.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

4.1.   Eżistenza ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE

(83)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, “ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq inter n”.

(84)

Minn dan isegwi li, sabiex miżura tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, jenħtieġ li jkunu ssodisfati l-kriterji kumulattivi li ġejjin: (i) trid tingħata mill-Istat u permezz ta’ riżorsi tal-Istat; (ii) trid tagħti vantaġġ lil impriża; (iii) tird tkun selettiva, jiġifieri tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti; u (iv) trid thedded jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni u trid taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(85)

Fit-taqsima 4, il-Kummissjoni se tivvaluta l-miżuri ta’ għajnuna kif ippreżentati fit-tielet pjan ta’ ristrutturar mill-awtoritajiet Rumeni (għad-dettalji sħaħ ara t-tabella 3) li huma:

(a)

il-konverżjoni (permezz ta’ tħassir tad-dejn) tas-self għas-salvataġġ fit-tul f’għajnuna għar-ristrutturar b’valur ta’ RON 60,4 miljun (EUR 12,7 miljun) u;

(b)

tliet għotjiet mill-Istat li jammontaw għal RON 117,9 miljun (EUR 24,9 miljun) biex isostnu l-investimenti tas-CNU għall-modernizzazzjoni tal-impjant ta’ Feldioara, il-bidu tal-estrazzjoni fil-minjiera ta’ Tulgheș-Grințieș u l-għeluq tal-minjiera ta’ Crucea-Botușana.

(86)

Qabel ma teżamina jekk dawn il-miżuri jinvolvux għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, il-Kummissjoni tinnota li r-Rumanija tqis li l-konverżjoni tas-self għas-salvataġġ fit-tul f’għajnuna għar-ristrutturar (minn hawn ’il quddiem “it-tħassir tas-self għas-salvataġġ”), kif ukoll it-tliet għotjiet mill-Istat imsemmija hawn fuq (minn hawn ’il quddiem “l-għotjiet mill-Istat”) jinvolvu għajnuna mill-Istat.

4.1.1.   Riżorsi tal-Istat u imputabbiltà lill-Istat

(87)

Sabiex miżuri jikkwalifikaw bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, (a) iridu jkunu ġejjin mir-riżorsi tal-Istat, kemm jekk direttament jew indirettament minn xi korp intermedjarju li jaġixxi permezz tas-setgħat mogħtija lilu u (b) iridu jkunu imputabbli lill-Istat.

(88)

It-tħassir tas-self ta’ salvataġġ iċaħħad lill-Istat milli jitħallas lura s-self ta’ salvataġġ li jkun ta mill-baġit tiegħu u li s-CNU jenħtieġ li tħallas lura lill-Istat. Għalhekk din il-miżura tinvolvi riżorsi tal-Istat. Minħabba li din id-deċiżjoni trid tittieħed mill-Istat Rumen, il-miżura hija imputabbli lill-Istat. Anke l-għotjiet mill-Istat se jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-Istat u huma r-riżultat dirett ta’ deċiżjoni mill-Istat Rumen. Għalhekk huwa ċar li anke dawn il-miżuri huma imputabbli lill-Istat u ngħataw permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

4.1.2.   Selettività

(89)

Sabiex titqies bħala għajnuna mill-Istat, miżura trid tkun selettiva fis-sens li tiffavorixxi biss lil ċerti intrapriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti.

(90)

It-tħassir tas-self ta’ salvataġġ u l-għotjiet mill-Istat huma biss għad-dispożizzjoni tas-CNU u għalhekk mhumiex parti minn miżura ġenerali disponibbli għall-impriżi kollha attivi fl-estrazzjoni minerarja u fl-ipproċessar ta’ minerali jew f’setturi oħra fir-Rumanija. Barra minn hekk, id-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 65/2016 li jistabbilixxi l-qafas legali għall-għoti tal-għajnuna għas-salvataġġ kien jikkonċerna biss is-CNU u mhuwiex disponibbli għal kumpaniji oħra kompetituri, jew kompetituri potenzjali tas-CNU għall-provvista tal-ipproċessar tal-uranju. Skont il-Qorti, fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna individwali, l-identifikazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku hija, fil-prinċipju, biżżejjed biex tappoġġja s-suppożizzjoni li miżura hija selettiva (22). Għalhekk, it-tħassir tas-self ta’ salvataġġ u l-għotjiet mill-Istat huma ta’ natura selettiva.

4.1.3.   Vantaġġ ekonomiku

(91)

Vantaġġ skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat huwa kwalunkwe benefiċċju ekonomiku li impriża ma setgħetx tikseb taħt kundizzjonijiet tas-suq normali, jiġifieri fin-nuqqas ta’ intervent mill-Istat (23).

(92)

It-tħassir tas-self ta’ salvataġġ li jammonta għal RON 62 miljun (EUR 13,1 miljun) jiffavorixxi lis-CNU filwaqt li jippermettilha tuża r-riżorsi li kieku kien ikollha bżonn biex tħallas lura s-self, għal skopijiet oħra. L-ebda kreditur tas-suq ma kien jaqbel dwar tħassir tad-dejn fuq il-pretensjoni sħiħa tiegħu fil-konfront ta’ kumpanija partikolari mingħajr ebda prospett ta’ kumpens jew ta’ rkupru meta mqabbel mal-possibbiltà ta’ rkupru – tal-anqas parzjali - bħala parti mill-massa ta’ likwidazzjoni tal-kumpanija f’każ ta’ falliment. Bħala konklużjoni, is-CNU ma setgħetx tikseb finanzjament b’din il-kundizzjoni mis-suq u għalhekk it-tħassir tas-self ta’ salvataġġ jagħti vantaġġ lis-CNU.

(93)

L-għotjiet mill-Istat ippjanati favur is-CNU huma strumenti finanzjarji li ma jitħallsux lura, li mhumiex disponibbli fis-swieq finanzjarji, peress li ma joffru l-ebda remunerazzjoni, aspettattiva jew intitolament għal profitti finanzjarji futuri lill-investitur. Is-CNU ma setgħetx tikseb finanzjament mis-suq skont dawn il-kundizzjonijiet. Għalhekk l-għotjiet mill-Istat jagħtu vantaġġ lis-CNU.

4.1.4.   Distorsjoni tal-kompetizzjoni u impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

(94)

Jekk għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma’ impriżi oħrajn li jikkompetu fil-kummerċ intra-UE, dawn tal-aħħar iridu jitqiesu bħala affettwati minn dik l-għajnuna (24). Huwa biżżejjed li l-benefiċjarju tal-għajnuna jikkompeti ma’ impriżi oħrajn fi swieq miftuħa għall-kompetizzjoni (25).

(95)

Kif spjegat fil-premessa (9) u (10), is-CNU hija primarjament attiva f’żewġ stadji taċ-ċiklu tal-produzzjoni tal-uranju: mill-estrazzjoni sal-produzzjoni tal-ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat u mbagħad mill-ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat sal-produzzjoni tal-UO2.

(96)

Kif spjegat fil-premessa (20) u (22), l-ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat huwa prodott negozjabbli offrut minn għadd ta’ kumpaniji u s-suq li fih topera s-CNU huwa globali u miftuħ għall-kompetizzjoni. Is-CNU qiegħda b’mod partikolari tiffaċċja kompetizzjoni reali u diretta mill-kumpanija Ewropea Orano li pproponiet li taqdi l-ħtiġijiet tas-SNN għall-ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat u qed tiffaċċja kompetizzjoni potenzjali minn atturi mill-UE minħabba l-minjieri ppjanati tagħhom fil-Finlandja, fl-Ungerija u fi Spanja fl-UE.

(97)

Fir-rigward tal-UO2, fil-premessa (23) ġie spjegat li l-UO2 mhuwiex prodott speċifiku prodott biss mis-CNU, iżda li l-UO2 huwa wkoll prodott intermedjarju fil-katina tal-produzzjoni tal-UO2 arrikkit. Minbarra l-kompetizzjoni ta’ Cameco u l-kompetizzjoni potenzjali ta’ produtturi oħrajn tal-UO2 f’pajjiżi b’reatturi tat-tip CANDU (ara l-premessa (23)), wieħed jista’ jinnota wkoll li r-rapport ta’ informazzjoni tal-impjant ta’ Malvési ta’ Orano jsemmi li Orano għandha l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa biex tinstalla tagħmir li jippermetti l-produzzjoni ta’ 300 tunnellata ta’ UO2 fis-sena biex jinbiegħ lil klijenti Franċiżi jew fis-suq internazzjonali (26). Għalhekk, din il-kapaċità ġdida tista’ taqdi bis-sħiħ id-domanda annwali tal-SNN għall-UO2.

(98)

Il-liġi bl-ebda mod ma tipprekludi lis-CNU milli tforni oġġetti jew milli tipprovdi servizzi fi Stati Membri oħra.

(99)

Bl-istess mod, is-CNU timmonitorja u timmaniġġja minjieri magħluqa tal-uranju fir-Rumanija. L-attività tista’ ssir ukoll minn kumpaniji oħra tal-estrazzjoni minerarja attivi fl-għeluq u fl-immaniġġjar ta’ minjieri fi bnadi oħra fl-Unjoni.

(100)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li hemm kummerċ intra-UE għall-prodotti nnegozjati jew prodotti u għas-servizzi pprovduti mis-CNU. L-għajnuna ppjanata, li tippermetti lis-CNU tibqa’ fis-suq, għandha l-potenzjali li ttejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq intern, u b’hekk timpedixxi lill-kompetituri tagħha milli jakkwistaw parti mill-attività jew l-attività sħiħa tas-CNU. Għalhekk, toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

4.1.5.   Konklużjoni dwar il-preżenza tal-għajnuna

(101)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tħassir tas-self ta’ salvataġġ u l-għotjiet mill-Istat li permezz tagħhom ir-Rumanija qed tippjana li tiffinanzja RON 178,3 miljun (EUR 37,6 miljun) mill-kostijiet tat-tielet pjan ta’ ristrutturar tas-CNU jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE u għalhekk se tivvaluta l-legalità u l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

4.2.   Legalità tal-għajnuna

(102)

Il-Kummissjoni tinnota li r-Rumanija rtirat il-pjanijiet tagħha fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat notifikata fil-pjan ta’ ristrutturar inizjali fil-forma ta’ għotja ta’ RON 75,5 miljun, sussidju operatorju ta’ RON 213-il miljun u konverżjoni tad-dejn tas-CNU mill-30 ta’ Marzu 2017 ta’ RON 13,3 miljun f’ishma miżmuma mill-Istat Rumen. Ir-Rumanija kkonfermat li dawn il-miżuri ma ġewx implimentati. Għalhekk ma għadx kemm skop li l-Kummissjoni tivvaluta dawn it-tliet miżuri.

(103)

Fir-rigward tal-miżuri ta’ għajnuna notifikati li fadal kif deskritt fil-premessa (57) u fid-dawl tal-fatt li r-Rumanija impenjat ruħha li ma timplimentax it-tħassir tas-self ta’ salvataġġ u l-għotjiet mill-Istat sakemm il-Kummissjoni tkun adottat id-deċiżjoni finali tagħha, l-obbligu ta’ sospensjoni stabbilit fl-Artikolu 108(3) tat-TFUE ġie rispettat u dawn il-miżuri huma meqjusa legali, mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tagħhom.

(104)

Is-self bħala għajnuna għas-salvataġġ ma ġiex implimentat qabel ħarġet id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u għalhekk meta ġie approvat ma kienx għajnuna mill-Istat mogħtija illegalment. Madankollu, it-tul eċċessiv tiegħu u l-fatt li dan baqa’ ma tħallasx lura wara li kien skada sew il-perjodu ta’ sitt xhur li għalih ingħata, jagħmlu l-għajnuna illegali.

4.3.   Kompatibbiltà tal-għajnuna u l-bażi ġuridika tal-valutazzjoni

(105)

It-TFUE jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom l-għajnuna tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern. Skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza għajnuna mill-Istat jekk din tingħata biex tippromwovi l-iżvilupp ta’ ċerti setturi ekonomiċi u sakemm ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni. Minħabba n-natura tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni, il-Kummissjoni se teżamina jekk l-għajnuna mill-Istat hijiex kompatibbli mas-suq intern fid-dawl tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Linji Gwida S&R, b’kunsiderazzjoni xierqa għat-Trattat Euratom.

(106)

Il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturar b’sostenn għat-tielet pjan ta’ ristrutturar għandha tistabbilixxi jekk l-informazzjoni miġbura fil-proċedimenti tneħħix id-dubji espressi fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ. F’dan ir-rigward, il-valutazzjoni ssegwi t-tliet dubji ewlenin li ġew espressi fiha fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ ristrutturar deskritti fit-tielet pjan ta’ ristrutturar mas-suq intern, jiġifieri (i) il-preżenza ta’ kontribuzzjoni proprja reali u fattwali ħielsa minn għajnuna mill-benefiċjarju; (ii) ir-ritorn lejn il-vijabbiltà fit-tul u (iii) in-nuqqas ta’ miżuri ta’ kumpens sinifikanti.

4.3.1.   Eliġibbiltà tas-CNU għall-għajnuna għar-ristrutturar skont il-Linji Gwida S&R

(107)

Kif definit fil-punt 20 tal-Linji Gwida S&R impriżi f’diffikultà biss u li mhumiex attivi fis-settur tal-azzar jew tal-faħam kif definit fil-punt 15 u 16 tagħhom, jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna ta’ salvataġġ jew għar-ristrutturar li hija kompatibbli mas-suq intern.

(108)

Kif ġie nnotat fl-għajnuna għas-salvataġġ u fid-Deċiżjonijiet tal-Ftuħ, is-CNU tissodisfa l-kriterji biex tikkwalifika bħala impriża f’diffikultà skont il-punt 20 tal-Linji Gwida S&R (ara l-premessa (33) tad-deċiżjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ) (27) u mhijiex attiva fis-settur tal-faħam, tal-azzar jew bankarju, u għalhekk tista’ tibbenefika minn għajnuna għar-ristrutturar.

4.3.2.   Preżenza ta’ kontribuzzjoni proprja reali u fattwali ħielsa minn għajnuna mis-CNU

(109)

Skont il-punt 62 tal-Linji Gwida S&R, kontribuzzjoni sinifikanti għall-kostijiet tar-ristrutturar trid tiġi mir-riżorsi proprji tal-benefiċjarju tal-għajnuna, mill-azzjonisti jew mill-kredituri tiegħu, jew mill-grupp kummerċjali li minnu jagħmel parti, jew minn investituri ġodda. Il-punt 64 jitlob li l-kontribuzzjoni proprja li titqies adegwata għal kumpanija kbira - bħas-CNU - trid tammonta għal mill-inqas 50 % tal-kostijiet tar-ristrutturar.

(110)

Barra minn hekk, skont il-punt 63 tal-Linji Gwida S&R, huwa importanti wkoll li din il-kontribuzzjoni tkun reali, kemm jista’ jkun għolja, ħielsa mill-għajnuna u teskludi l-profitt mistenni fil-futur.

(111)

Il-kriterju ewlieni ta’ kompatibilità tal-Linji Gwida S&R huwa bbażat fuq il-fatt li l-għajnuna ta’ ristrutturar u għas-salvataġġ huma fost l-aktar tipi ta’ għajnuna fixkiela mill-Istat. L-għoti ta’ appoġġ lill-kumpaniji f’diffikultà jfixkel id-dinamika normali tas-suq li jwassal biex impriżi inqas effiċjenti jfallu. Bħala tali, kontribuzzjoni proprja sinifikanti titqies bħala sinjal li s-swieq jemmnu fil-fattibbiltà tar-ritorn għall-vijabbiltà u qed jappoġġjaw b’mod attiv il-pjan ta’ ristrutturar.

(112)

Fit-tielet pjan ta’ ristrutturar, ir-Rumanija ppreżentat kontribuzzjoni proprja li tammonta għal RON 178,1 (EUR 37,6 miljun) li allegatament tirrappreżenta 50 % tal-kostijiet totali tar-ristrutturar (ara t-taqsima 3.3.1). Is-sorsi tad-dħul huma kuntratti ma’: (i) l-SNN għall-forniment tal-UO2, (ii) l-SNN għat-trattament tar-ruttam, (iii) l-ANRSPS, (iv) CONVERSMIN, u (v) dħul minuri ieħor (ara t-Tabella 4).

(113)

Filwaqt li analizzat il-karattru tal-kontribuzzjoni proprja bħala ħieles minn għajnuna, il-Kummissjoni tinnota b’mod prominenti n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni minn investituri tas-suq jew banek kummerċjali biex jassumu r-riskju tal-prefinanzjament tal-bejgħ lill-SNN jew jipprovdu self ibbażat fuq is-suq jew kapital ġdid biex jiffinanzjaw parti mill-kostijiet tar-ristrutturar. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tinnota li s-sorsi kollha ta’ kontribuzzjonijiet proprji proposti jikkonsistu minn dħul minn kuntratti ma’ amministrazzjonijiet pubbliċi u intrapriżi tal-Istat.

(114)

Ir-Rumanija ma ppreżentat l-ebda dokument ta’ sostenn jew evidenza ta’ konformità mas-suq tal-prezzijiet u tal-kuntratti ppjanati tal-ANRSPS, amministrazzjoni pubblika, mas-CNU, li setgħu jneħħu d-dubju li tqajjem fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ (il-premessa 51). L-istess jgħodd fir-rigward tal-kuntratti ma’ CONVERSMIN: Ir-Rumanija ppreżentat data dwar kuntratti tal-passat u dawk preżenti iżda ma turix li dawn il-kuntratti u d-dħul minnhom huma ħielsa minn għajnuna, billi turi li l-prezz huwa prezz tas-suq.

(115)

B’mod aktar prominenti, is-sors ewlieni tad-dħul tas-CNU (madwar 80 %) għall-kostijiet tar-ristrutturar, skont ir-Rumanija, se jiġi minn kuntratti tal-UO2 li se jiġu konklużi bejn is-CNU u l-SNN fl-implimentazzjoni tal-liġi 193/2018 l-ġdida adottata u d-deċiżjoni tal-Gvern li takkumpanjaha (kif deskritt fil-premessa (53)). Għalhekk, il-Kummissjoni l-ewwel se tivvaluta jekk dan id-dħul – b’mod partikolari mill-bejgħ lill-SNN jistax jitqies bħala ħieles mill-għajnuna. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se ssegwi l-istess raġunament u kriterji bħal dak analizzat fit-taqsima 4.1.

4.3.2.1.   Valutazzjoni tad-dħul mill-SNN għall-provvista ta’ UO2 mis-CNU

(116)

L-analiżi tad-dħul tas-CNU ġġenerat mill-bejgħ tal-UO2 lill-SNN mogħtija taħt din it-taqsima hija maħsuba biss biex tivverifika l-konformità mal-punt 63 tal-Linji Gwida S&R, li jitlob li l-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju għall-kostijiet tar-ristrutturar tkun ħielsa minn għajnuna.

(117)

Kif spjegat fil-premessa (12), l-Istat Rumen permezz tal-Ministeru tal-Enerġija għandu 82,5 % tal-kapital azzjonarju fl-SNN. Minn dan isegwi li proporzjon enormi tar-riżorsi trasferiti mill-SNN lis-CNU bħala ħlas għall-kuntratti li se jiġu eżegwiti fil-qafas tal-liġi l-ġdida dwar il-monopolju fil-fatt ġejjin minn riżorsi tal-Istat u li r-riżorsi tal-SNN huma kkontrollati mill-Istat Rumen.

(118)

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kapaċità tal-Istat li jikkontrolla entità pubblika involuta fl-għoti ta’ miżura ma tiġġustifikax awtomatikament is-suppożizzjoni li l-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet kummerċjali tagħha huma imputabbli lill-Istat. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti”) spjegati li r-riżorsi ta’ intrapriża pubblika jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat u l-azzjonijiet li jikkonċernawhom jitqiesu bħala imputabbli lill-Istat jekk l-Istat, billi jeżerċita l-influwenza dominanti tiegħu fuq tali intrapriża, huwa kapaċi jidderieġi l-użu tar-riżorsi tagħha (28). Il-Qorti pprovdiet indikaturi biex tiġi stabbilita l-imputabbiltà li jinkludu, fost l-oħrajn, l-intensità tas-superviżjoni eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliċi fuq il-maniġment tal-impriża jew kwalunkwe indikatur ieħor li juri l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi fl-adozzjoni ta’ miżura.

(119)

L-ewwel u qabel kollox, il-Kummissjoni tinnota li l-Liġi 193/2018 li tobbliga lill-SNN tixtri mingħand is-CNU ġiet adottata fil-Parlament (ara l-premessa (53)). Bħala konsegwenza ta’ din il-liġi, l-SNN se jkollha l-obbligu li tixtri l-UO2 mingħand is-CNU abbażi tal-kostijiet attwali ta’ raffinar tas-CNU, irrispettivament mill-profitabbiltà tat-tranżazzjoni għall-SNN, b’mod partikolari meta mqabbla ma’ provvisti alternattivi tal-UO2, pereżempju mill-Cameco bbażata fil-Kanada. Dan jindika b’mod ċar li skont din il-liġi, il-kuntratti ta’ provvista bejn l-SNN u s-CNU mhumiex deċiżjonijiet kummerċjali indipendenti tal-SNN ibbażati fuq is-suq iżda se jkunu r-riżultat tal-eżerċizzju tas-setgħa leġiżlattiva tal-Istat Rumen. Dan ifisser li fl-aħħar mill-aħħar huwa l-Istat Rumen li jeżerċita l-influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-SNN li tikkuntratta x-xiri tal-UO2 mis-CNU u dwar il-kundizzjonijiet relatati ta’ dak il-kuntratt (b’mod partikolari, il-prezz tiegħu).

(120)

F’ċirkostanzi simili, il-Kummissjoni kkonkludiet li kuntratti fit-tul relatati max-xiri tal-elettriku minn Hidroelectrica, kumpanija pubblika kkontrollata mill-Istat Rumen (80 % tal-ishma) minn impriżi pubbliċi oħrajn S.C. Termoelectrica S.A u S.C Electrocentrale Deva S.A, li ġew spinti mill-awtoritajiet tal-Istat, kienu jinvolvu riżorsi tal-Istat u kienu imputabbli lill-Istat (29). F’dan il-każ, l-imputabbiltà lill-Istat hija saħansitra aktar ovvja u stabbilita direttament, meta wieħed iqis li kwalunkwe provvista alternattiva ta’ UO2 –ħlief fil-każ fejn is-CNU ma tkunx tista’ tforni- tikser il-liġi 193/2018 tan-natura imposta mill-Istat tar-relazzjoni kuntrattwali bejn l-SNN u s-CNU li ġejja direttament mil-liġi Rumena.

(121)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li din il-konklużjoni hija msaħħa mill-importanza tar-rwol tal-Istat fil-governanza tal-SNN (ara l-premessa (12)) li jiżgura li l-obbligu impost bil-liġi fuq SNN jiġi implimentat fil-prattika mill-korpi deċiżjonali tal-SNN: tabilħaqq, is-seba’ membri tal-bord eżekuttiv tal-SNN (30) jinħatru waqt il-laqgħa Ġenerali tal-azzjonisti, fejn l-Istat, minħabba s-sehem tiegħu fl-SNN, huwa azzjonist maġġoritarju. Il-Bord tad-Diretturi huwa b’mod partikolari responsabbli għall-ħatra u għar-revoka tal-maniġers tal-SNN u jissorvelja l-attività tagħhom.

(122)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li hemm evidenza diretta li turi li l-konklużjoni tal-kuntratti u l-implimentazzjoni tagħhom huma imputabbli lill-Istat Rumen. Barra minn hekk, minħabba li l-konklużjoni u l-implimentazzjoni tal-kuntratti jinvolvu trasferiment ta’ riżorsi tal-SNN (bħala ħlas lis-CNU), li hija xerrej ikkontrollat mill-Istat, il-Kummissjoni tikkonkludi li din il-miżura ġdida ppjanata tinvolvi riżorsi tal-Istat (ara l-premessa (116) u (118)).

(123)

Il-Liġi 193/2018 tikkonċerna biss lis-CNU u mhijiex disponibbli għal kumpaniji oħra li jikkompetu, jew li qed jaħsbu biex jikkompetu mas-CNU dwar il-provvista tal-ipproċessar tal-uranju. Skont il-Qorti, fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna individwali, l-identifikazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku hija, fil-prinċipju, biżżejjed biex tappoġġja s-suppożizzjoni li miżura hija selettiva (31). Il-Liġi 193/2018 u d-dħul tas-CNU fl-implimentazzjoni tagħha huma għalhekk kjarament selettivi.

(124)

Fir-rigward tal-vantaġġ, il-Kummissjoni tinnota li l-qafas regolatorju stabbilit mil-Liġi 193/2018 u d-deċiżjoni tal-gvern li takkumpanjah jipprovdu ċertezza għas-CNU li din tbiegħ il-produzzjoni tagħha tal-UO2 lill-SNN bi prezz li jkopri parti mill-kostijiet tagħha u li jiżguralha profitt. Din iċ-ċertezza mhijiex disponibbli fis-suq għal xi kumpanija oħra. Fin-nuqqas ta’ intervent mill-Istat, is-CNU ma kienx ikollha ċ-ċertezza li tbiegħ il-produzzjoni tagħha, bħal ma ġara fil-passat meta l-SNN ħarġet offerti għall-kuntratt ta’ provvista ta’ UO2 tagħha. Dan huwa kkonfermat mit-tabella 1, li turi li mill-introduzzjoni tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, il-prezzijiet offruti mis-CNU dejjem kienu sinfikantement ogħla minn dawk offruti minn Cameco. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-Liġi 193/2018 u d-dħul dovut għas-CNU fl-implimentazzjoni tagħha jipprovdu vantaġġ lis-CNU.

(125)

Fid-dawl ta’ dan li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-dħul mill-SNN għax-xiri ta’ UO2 mhuwiex ħieles minn għajnuna, u għalhekk ma jikkostitwixxix kontribuzzjoni proprja valida għall-kostijiet tar-ristrutturar skont il-punt 63 tal-Linji Gwida S&R.

(126)

Il-Kummissjoni mbagħad ivvalutat, ceteris paribus, x’kien ikun il-livell tal-kontribuzzjoni proprja tas-CNU f’każ li dak id-dħul mill-SNN għall-ipproċessar ma jibqax jitqies. Il-flussi tal-flus operatorji riżultanti huma ppreżentati fit-tabella 6 (32).

Tabella 6

Riżultati finanzjarji attwali u proġettati tas-CNU

F’miljuni ta’ RON

2017

2018

2019 (f)

2020 (f)

2021 (f)

2022 (f)

2023 (f)

Fatturat

84,1

37,8

12,9

15,4

16,5

16,9

17,4

(nefqa totali)

66,0

44,0

2,7

3,2

3,1

2,8

3,0

Flussi tal-flus operatorji totali

18,1

-6,2

10,1

12,2

13,4

14,1

14,4

(amortizzazzjoniijiet)

 

14,6

11,3

11,3

11,3

11,3

11,3

(taxxi – preżunta rata tat-taxxa ta’ 16 % abbażi ta’ sottomissjonijiet mir-Rumanija)

 

0,0

0,0

0,2

0,3

0,5

0,5

Profitt nett

 

n.a.

-1,2

0,8

1,7

2,4

2,6

Ekwità aġġustata

 

115,2 (33)

114,1

114,8

116,6

119,0

121,6

ROE (34)

 

n.a.

-1,0 %

0,7 %

1,5 %

2,0 %

2,2 %

ROCE

 

n.a.

-0,8 %

0,4 %

1,3 %

0,7 %

0,9 %

ROA

 

n.a.

-0,3 %

0,2 %

0,4 %

0,4 %

0,6 %

Sors: Kalkoli tal-Kummissjoni bbażati fuq data fit-Tielet pjan ta’ ristrutturar.

(127)

Fuq il-bażi ta’ dawn il-kalkoli u l-użu tas-somma tal-flussi tal-flus operatorji matul l-2017-2023 kif għamlet ir-Rumanija, l-ammont massimu mingħajr għajnuna li s-CNU tista’ tikkontribwixxi għall-pjan huwa ta’ RON 76,2 miljun (EUR 16,1 miljun). Dan l-ammont jirrappreżenta 21,4 % biss tal-kostijiet ta’ ristrutturar ippjanati ta’ RON 365 miljun (EUR 77,0 miljun). Dan huwa ferm inqas mil-livell meħtieġ ta’ kontribuzzjoni proprja minima ta’ 50 %. F’dak ir-rigward, anki kieku wieħed kellu jassumi, għall-fini tal-argument, li s-CNU xorta tkun għadha kapaċi tbigħ lill-SNN jekk tallinja l-prezzijiet tagħha mal-prezz tas-suq, id-dħul operatorju dovut għas-CNU se jkollu jkun ipotetiku u ma jkunx stabbli u prevedibbli biżżejjed biex jirrappreżenta sors reali u effettiv ta’ kontribuzzjoni propja għall-kostijiet tar-ristrutturar. Għalhekk, id-dubji li l-Kummissjoni qajmet f’dak ir-rigward fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ għadhom hemm.

(128)

Skont il-prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Linji Gwida S&R, il-benefiċjarji differenti kkonċernati kkontribwew b’finanzjament mingħajr għajnuna sa 73 % (35) ta’ dawn il-kostijiet u mhux inqas minn 44 % (36) tal-kostijiet tar-ristrutturar (skont l-Artikolu 107(3)a) u kif previst fil-punt 98 tal-Linji Gwida S&R f’żona megħjuna tista’ tiġi aċċettata kontribuzzjoni ta’ inqas minn 50 %). Il-Kummissjoni trid tenfasizza wkoll li n-natura strateġika tal-industrija nukleari ma kinitx raġuni biex jiġu llaxkati r-rekwiżiti dwar il-kontribuzzjoni proprja għal Areva, kompetitur potenzjali tas-CNU fejn il-kontribuzzjoni proprja kienet ta’ aktar minn 50 % (37). Għalhekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma ssib l-ebda raġuni valida biex titbiegħed mir-regoli u mill-prattika deċiżjonali tagħha fir-rigward tal-ammont minimu tal-kontribuzzjoni proprja għall-kostijiet tar-ristrutturar.

(129)

Barra minn hekk, ir-Rumanija ma pprovdiet l-ebda ġustifikazzjoni għall-punt imqajjem mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ tagħha (ara l-premessa 50) li r-Rumanija naqset milli tispjega l-għala l-profitti futuri huma sorsi attwali ta’ kontribuzzjoni proprja fid-dawl tal-punt 63 tal-Linji Gwida S&R, li jeskludi profitti futuri mistennija bħall-fluss tal-flus.

(130)

F’dak li jirrigwarda dħul ieħor minbarra dak mingħand l-SNN relatat mal-kuntratt ta’ provvista tal-UO2 tas-CNU, kieku dan id-dħul kien reali, fattwali u mingħajr għajnuna, li ma ntweriex mir-Rumanija, dan id-dħul kien fi kwalunkwe każ jirappreżenta biss massimu ta’ 21,4 % tal-kontribuzzjoni proprja (ara l-premessa (127)) u bil-bosta insuffiċjenti biex jissodisfa r-rekwiżit relatat mal-kontribuzzjoni proprja tal-Linji Gwida S&R. Il-Kummissjoni għalhekk ma għandhiex għalfejn tikkonkludi dwar jekk is-sorsi l-oħra ta’ kontribuzzjoni proprja kif ippreżentati mir-Rumanija humiex fattwali, reali u mingħajr għajnuna.

4.3.3.   Pjan ta’ ristrutturar u r-ritorn għall-vijabbiltà fit-tul

(131)

Skont il-punt 45 tal-Linji Gwida S&R, fil-każ ta’ għajnuna għar-ristrutturar, il-Kummissjoni teżiġi li l-Istat Membru kkonċernat jissottometti pjan ta’ ristrutturar fattibbli, koerenti u estensiv sabiex il-benefiċjarju jerġa’ jibda jgawdi minn vijabbiltà fit-tul. Il-pjan ta’ ristrutturar għandu jreġġa’ lura l-vijabbiltà fit-tul tal-benefiċjarju fi żmien raġonevoli u fuq il-bażi ta’ suppożizzjonijiet realistiċi fir-rigward tal-kundizzjonijiet operattivi futuri li jenħtieġ li jeskludu kwalunkwe għajnuna oħra mill-Istat mhux koperta mill-pjan ta’ ristrutturar. Skont il-punt 48 tal-Linji Gwida S&R, il-pjan ta’ ristrutturar irid jidentifika x’qed jikkawża d-diffikultajiet tal-benefiċjarju u n-nuqqasijiet tal-benefiċjarju nnifsu, u juri kif il-miżuri ta’ ristrutturar proposti se jirrimedjaw il-problemi sottostanti tal-benefiċjarju. Skont il-punt 50, ir-riżultati mistennija tar-ristrutturar ippjanat jenħtieġ li jintwerew f’xenarju bażi kif ukoll f’xenarju pessimist (jew tal-agħar xenarju possibbli). Skont il-punt 52 tal-Linji Gwida S&R, il-vijabbiltà fit-tul tintlaħaq meta impriża tkun tista’ tagħti r-redditu adegwat previst fuq il-kapital wara li tkun kopriet il-kostijiet kollha tagħha inklużi d-deprezzament u l-imposti finanzjarji.

(132)

Din il-kundizzjoni ewlenija tal-Linji Gwida S&R għandha l-għan primarju li tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fit-tul permezz ta’ injezzjonijiet ripetuti u mhux profitabbli ta’ flus pubbliċi f’kumpaniji f’diffikultà li ma jkunux jistgħu jerġgħu lura għal sitwazzjoni finanzjarja awtosostnuta u vijabbli fi żmien raġonevoli fil-futur. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li f’każijiet oħra li kienu jinvolvu l-industrija nukleari (38) n-natura strateġika tal-industrija ma kinitx raġuni biex jiġu llaxkati r-rekwiżiti f’termini ta’ akkuratezza u robustezza tal-pjan ta’ ristrutturar u f’termini ta’ probabbiltà ta’ ritorn għall-vijabbiltà fit-tul wara l-implimentazzjoni tal-pjan.

4.3.3.1.   Nuqqasijiet tal-pjan ta’ ristrutturar

(133)

Il-premessi 54 sa 61 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ qajmu dubji dwar jekk is-CNU tistax issir vijabbli mingħajr għajnuna kontinwa (is-sussidju operatorju) u jekk taħt suppożizzjonijiet realistiċi l-minjiera l-ġdida ppjanata kinitx se tkun profitabbli. B’reazzjoni għal dan, ir-Rumanija ssostni li s-CNU se ssir vijabbli fit-tul, u dan abbażi ta’ projezzjonijiet finanzjarji li juru fuq, għal medja bejn l-2018 u l-2023, redditu fuq l-ekwità (ROE) ta’ 14 % (11,4 % fl-2023) u redditu fuq il-kapital investit (ROCE) ta’ 12,9 % (13.6 % fl-2023). Madankollu, għar-raġunijiet mogħtija fil-premessi li ġejjin, il-Kummissjoni tqis li l-vijabbiltà fit-tul tas-CNU ma ġietx ippruvata.

(134)

Il-Kummissjoni tinnota li fis-sottomissjoni tagħha, ir-Rumanija ma spjegatx għaliex il-previżjonijiet tal-fluss tal-flus tagħha ma kienux jidhru jinkludu la kostijiet operatorji u lanqas kostijiet ta’ investiment relatati mal-minjiera l-ġdida ppjanata f’Tulgheș-Grințieș.

(135)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li abbażi tal-informazzjoni pprovduta mir-Rumanija (ara t-tabella 1), il-prezzijiet ippreżentati mis-CNU għall-forniment ta’ lottijiet ta’ 120 tunnellataU ta’ UO2 lill-SNN fuq perjodu ta’ sitt xhur bejn Diċembru 2015 u Awwissu 2018 kienu bejn 39 % u 99 % ogħla meta mqabbla mal-offerta ta’ Cameco. Fit-tielet pjan ta’ ristrutturar tagħha, ir-Rumanija ma ppreżentatx spjegazzjoni dettaljata u kwantifikata ta’ kif il-proċessi ta’ produzzjoni tas-CNU (kemm fis-segmenti tal-estrazzjoni minerarja kif ukoll tal-ipproċessar/raffinar) setgħu jsiru kompetittivi ma’ Cameco u b’hekk jerġgħu lura għall-vijabbiltà fit-tul fis-suq mingħajr aktar għajnuna mill-Istat fl-aħħar tal-perjodu ta’ ristrutturar.

(136)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-ammont ta’ kostijiet operatorji preżunti mis-CNU fit-tielet pjan ta’ ristrutturar huwa fil-medda ta’ RON [50-70] miljun (EUR [10,5 – 14,8 miljun) fis-sena mill-2020. Dan l-ammont huwa bejn wieħed u ieħor ekwivalenti għal terz tan-nefqa annwali prevista fl-2023 (RON 196,8 miljun) (EUR 41,5 miljun) fl-ewwel pjan ta’ ristrutturar ippreżentat mir-Rumanija (ara t-tabella 1). L-awtoritajiet Rumeni ma pprovdew l-ebda ġustifikazzjoni ċara jew konvinċenti għal dan it-tnaqqis sinifikanti fil-kostijiet operatorji bejn dawn iż-żewġ pjanijiet: b’mod partikolari, fiż-żewġ pjanijiet, Crucea kienet se tkun spiċċuta għal kollox sal-2023; b’konsegwenza ta’ dan, l-għeluq ta’ din il-minjiera ma jidhirx li huwa r-raġuni għal dik id-differenza fil-kostijiet operatorji bejn iż-żewġ pjanijiet ta’ ristrutturar imsemmija hawn fuq. Għalhekk, il-kredibilità tas-suppożizzjonijiet relatati mal-kost operatorju ma ġietx stabbilita.

(137)

Barra minn hekk, ir-Rumanija bl-ebda mod ma spjegat is-suppożizzjonijiet sottostanti d-dħul preżunt fil-pjan ta’ ristrutturar tagħha mill-2021, bħas-suppożizzjonijiet f’termini ta’ taħlita għall-input tal-impjant ta’ Feldioara bejn l-U3O8 prodott internament u importat. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Rumeni ma ppreżentawx l-agħar xenarju possibbli kif previst fil-punt 50 tal-Linji Gwida S&R b’valutazzjoni dettaljata tar-ritorn għall-vijabbiltà tal-kumpanija anki taħt suppożizzjonijiet pessimistiċi. Fil-fatt l-awtoritajiet Rumeni sempliċiment ikkalkulaw l-ammont tal-flussi tal-flus operatorji kumulattivi li tqiesu li jikkostitwixxu l-kontribuzzjoni proprja fil-każ li l-kostijiet operatorji (jew inkella l-kostijiet ta’ investiment) jkunu ogħla b’aktar minn 25 % mingħajr ma ssostanzjaw ir-raġunament għal tali suppożizzjoni jew ivvalutaw fid-dettall l-impatt li dan se jkollu fuq ir-rapporti finanzjarji tas-CNU.

(138)

Barra minn hekk, ir-Rumanija ma pprovdiet l-ebda evidenza li turi li l-minjiera l-ġdida se tkun profitabbli, kif espressament mitlub fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Studju tal-fattibbiltà kkummissjonat minn konsulenza Rumena (Cepromin Deva) huwa mistenni sa Novembru 2019. Għalhekk, il-Kummissjoni tinnota li l-istudju tal-2011 dwar il-minjiera tal-uranju, (ara l-premessa (72)), li l-Kummissjoni jiddispjaċiha li r-Rumanija ma setgħetx tipproduċi, anki kieku ċċensurat minħabba xi tħassib possibbli dwar is-sigurtà nazzjonali, huwa fi kwalunkwe każ obsolet u mhuwiex biżżejjed biex tiġi stabbilita l-profitabbiltà tal-minjiera l-ġdida. B’mod partikolari, ir-Rumanija ma ċaħditx l-osservazzjoni li għamlet il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ li l-kost tal-produzzjoni ppjanat tal-minjiera kien se jaqbeż bil-bosta l-prezz tas-suq internazzjonali tal-U3O8 (ara l-premessa (39)). Abbażi tal-istess sors speċjalizzat, il-Kummissjoni tosserva li l-prezzijiet tal-uranju għadhom f’livell baxx ta’ madwar UDS 25 (EUR 22,6) għal kull lb ta’ U3O8 (39), li huwa ferm inqas mill-kost tal-produzzjoni ta’ USD […] (EUR […]) għal kull lb ta’ U3O8 previst mir-Rumanija fil-pjan ta’ ristrutturar inizjali tagħha. Ir-Rumanija spjegat li l-kostijiet tal-produzzjoni tal-minjiera l-ġdida tagħha jistgħu jkunu aktar baxxi minn dawk inizjalment previsti fil-pjan tagħha tal-2011 peress li fl-ewwel stadju l-estrazzjoni se ssir biss mill-wiċċ iżda naqset milli tispjega kif dawn jipparagunaw mal-prezzijiet tas-suq attwali u dawk previsti. Barra minn hekk, is-sussidju l-ġdid introdott fit-tielet pjan ta’ ristrutturar (ara l-premessa (57)) sabiex ikopri l-kostijiet tal-għeluq tal-minjiera ta’ Crucea-Botușana juri li s-CNU ma warrbitx riżervi għar-restawr ambjentali ta’ dik il-minjiera. Fin-nuqqas ta’ studju għall-minjiera l-ġdida, ma hemm l-ebda possibbiltà li jiġi vverifikat jekk dawn il-kostijiet ġewx inklużi kif suppost għall-minjiera l-ġdida. L-istess jgħodd għall-kostijiet futuri l-oħra kollha tal-attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-minjiera l-ġdida. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-dubji dwar il-minjiera l-ġdida mqajma fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ ma tneħħewx.

4.3.3.2.   Dubji dwar ir-ritorn għall-vijabbiltà fit-tul

(139)

L-ewwel u qabel kollox, il-Kummissjoni tqis li l-kalkoli pprovduti mill-awtoritajiet Rumeni ma jurux ir-ritorn tas-CNU għall-vijabbiltà peress li huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li s-CNU tikkontribwixxi b’mod sodisfaċenti għar-ristrutturar tal-operazzjonijiet tagħha. Kif spjegat hawn fuq, tabilħaqq il-Kummissjoni tqis li d-dħul mill-provvista monopolistika għall-provvista ta’ UO2 għall-SNN mhijiex ħielsa mill-għajnuna (ara l-premessa (125)). Minn dan isegwi li mingħajr għajnuna addizzjonali mill-Istat ma jistax ikun hemm ritorn għall-vijabbiltà fit-tul peress li taħt il-monopolju l-provvisti lill-SNN mhumiex ta’ żmien limitat u huma mistennija jikkostitwixxu l-biċċa l-kbira tad-dħul tas-CNU matul il-perjodu ta’ ristrutturar. Fil-prattika, kif muri fit-Tabella 5, minkejja n-nuqqasijiet fit-tielet pjan ta’ ristrutturar tar-Rumanija, fin-nuqqas ta’ dan is-sors ta’ dħul, is-CNU l-aktar l-aktar tiġġenera ROE ta’ 2,2 % u ROCE ta’ 0,9 % fl-2023. Dan ir-redditu ta’ 2,2 % huwa ħafna inqas mir-rata tas-suq attwali ta’ 5,0 % għal bond sovran Rumen b’maturità ta’ 10 snin; dan ir-redditu ta’ 2,2 % huwa wkoll ferm inqas mir-ROCE ta’ 7,5-8,5 % li r-Rumanija tqis li huwa remunerazzjoni adegwata għall-kapital f’din l-industrija, b’referenza għad-deċiżjoni dwar Paks II (ara l-premessa (65)). Il-parametru referenzjarju tar-ROCE li r-Rumanija tippreżenta jirrigwarda l-bini u t-tħaddim ta’ impjant tal-enerġija nukleari, li jinvolvi riskji, kostijiet u remunerazzjonijiet li huma differenti minn dawk tal-provvista ta’ fjuwil nukleari. In-negozju tas-CNU jinvolvi komponent ta’ estrazzjoni minerarja espost għall-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat u attività ta’ konverżjoni f’diossidu tal-uranju. Għalhekk, ROCE minimu fil-mira ta’ bejn 7 % u 8,4 % għas-CNU, li koinċidentalment huwa fl-istess ordni ta’ kobor bħall-medda fis-sottomissjoni tar-Rumanija, jista’ jkun referenza xierqa (40). Fi kwalunkwe każ, il-projjezzjonijiet tar-ROE u tar-ROCE tas-CNU fi tmiem il-perjodu ta’ ristrutturar fl-2023 jibqgħu ferm taħt il-kostijiet tas-self ta’ 5 % tar-Rumanija jekk ma jitqiesx id-dħul mhux ħieles mill-għajnuna. Għalhekk is-CNU ma tistax titqies li se terġa’ lura għall-vijabbiltà fit-tul mingħajr għajnuna ulterjuri.

(140)

Fuq bażi sussidjarja, il-Kummissjoni vvalutat jekk il-konklużjoni tagħha fir-rigward tal-vijabbiltà fit-tul tinbidilx f’każ li d-dħul mistenni fin-nuqqas ta’ monopolju jkun ibbażat fuq bejgħ bil-prezz tas-suq. Madankollu, kieku s-CNU kellha effettivament tbigħ u tirreġistra d-dħul għall-produzzjoni tal-UO2 bil-prezzijiet tas-suq, id-dħul riżultanti ma jippermettilhiex tilħaq vijabbiltà fit-tul.

(141)

Skont is-sottomissjonijiet tar-Rumanija, il-prezz attwali tal-bejgħ tal-UO2 huwa tabilħaqq ta’ 380 RON/kg (EUR 80/kg) (l-offerta ta’ Cameco datata Lulju 2018), u l-prezz tas-suq għall-U3O8 huwa ta’ 31,7 USD/lb (RON 350,4 għal kull kgU ta’ U3O8) fuq il-bażi ta’ medja storika ta’ sitt xhur. Bħala konsegwenza ta’ dan, xerrej fis-suq jaċċetta li jħallas lis-CNU għall-provvista ta’ UO2 abbażi ta’ U3O8 importat prezz tas-suq għall-UO2 (380,4 RON għal kull kgU) inqas il-prezz tas-suq għall-U3O8 (350,4 RON għal kull kgU) li huwa ta’ madwar 30 RON għal kull kgU. Id-dħul bil-prezz tas-suq xorta ma jkunx biżżejjed biex ikopri l-kostijiet tas-CNU għall-ipproċessar tal-U3O8 f’UO2 ([…]) RON/kg, inkluż marġini ta’ profitt ta’ 5 %). Tabilħaqq, prezz ogħla għall-UO2 ibbażat fuq U3O8 importat ma jkunx kompetittiv.

(142)

Bl-istess mod, abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mir-Rumanija, is-CNU ma terġax lura għall-vijabbiltà fit-tul kieku kellha titħallas bil-prezz tas-suq għall-UO2 (380,4 RON għal kull kgU) mill-SNN għal offerta integrata ta’ UO2 ibbażata fuq ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat estratt internament: ir-Rumanija sostniet li l-kost tal-produzzjoni integrat tas-CNU huwa ta’ madwar […] RON/kgU abbażi tal-minjiera ta’ Crucea-Botușana (41) li huwa ferm ogħla mill-prezz għall-UO2 ippreżentat minn Cameco. Għalhekk, il-biċċa l-kbira tal-bejgħ mistenni (madwar 80 %) għall-provvista tal-UO2 abbażi ta’ U3O8 estratt internament mill-minjiera l-ġdida ppjanata tagħha jwassal għal telf. Fuq dik il-bażi, il-pjan ippreżentat mir-Rumanija ma jippermettix li jiġi konkluż li s-CNU tkun vijabbli fis-suq jekk tbigħ bi prezzijiet tas-suq.

(143)

Il-Kummissjoni vvalutat ukoll x’jiġri kieku s-CNU kellha tbigħ l-UO2 minn ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat mill-minjiera ppjanata l-ġdida tagħha lill-SNN bi prezz tas-suq (380,4 RON għal kull kgU). F’dan il-każ, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Rumeni (tabella 4), il-kost ta’ Feldioara jkun jirrappreżenta mill-inqas madwar RON […] miljun fis-sena, li jammonta għal RON […] għal kull kgU, jekk wieħed kellu jassumi b’mod ferm konservattiv, li l-produzzjoni b’kapaċità sħiħa tal-impjant ta’ […] tunnellataU ta’ UO2 fis-sena ma żżidx il-kostijiet. Wara li jiġu koperti l-kostijiet ta’ Feldioara u l-kost tal-funzjonijiet ċentrali (konservattivament preżunt l-istess ta’ RON […] miljun fis-sena), dan iħalli marġni massimu ta’ RON […] għal kull kgU ta’ UO2 għas-CNU biex tkopri l-kostijiet tal-minjiera (l-ġdida) u għall-ipproċessar tal-uranju f’ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat. Dan il-marġni huwa ħafna inqas mill-prezz attwali tas-suq ta’ RON 350 għal kull kgU ta’ U3O8. Dan huwa wkoll aktar baxx mill-kost tal-produzzjoni ta’ RON […] għal kull kgU li r-Rumanija ppreżentat għall-minjiera l-ġdida f’Tulgheș-Grințieș (42).

(144)

It-Tabella 7 turi li s-CNU ma jirnexxilhiex tikseb il-vijabbiltà fit-tul kieku kellha tbigħ l-UO2 bil-prezz tas-suq skont il-pjan ta’ ristrutturar notifikat, anki bis-suppożizzjoni (ottimista) li l-kost tal-produzzjoni tal-minjiera l-ġdida (inkluża kopertura xierqa għar-responsabbiltajiet ambjentali futuri) ikun daqs il-prezz attwali tas-suq għall-ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat (jiġifieri ta’ RON 350 għal kull kgU ta’ U3O8). Fil-fatt, id-dħul mill-bejgħ tal-UO2 bil-prezz tas-suq ikun inqas mill-kostijiet tal-produzzjoni tas-CNU. Għaldaqstant, ir-ROE, ir-ROA u r-ROCE tagħha jkunu kollha negattivi fit-tmiem tal-perjodu ta’ ristrutturar. Fuq dik il-bażi, anke bi provvisti mill-minjiera l-ġdida, it-tielet pjan ta’ ristrutturar ippreżentat mir-Rumanija ma jippermettix li jiġi konkluż li s-CNU tkun vijabbli fis-suq jekk tbigħ bi prezzijiet tas-suq.

Tabella 7

Riżultati finanzjarji attwali u proġettati tas-CNU (bejgħ tal-UO2 bil-prezz tas-suq)

F’miljuni ta’ RON

2017

2018

2019 (f)

2020 (f)

2021 (f)

2022 (f)

2023 (f)

dħul storiku

84,1

37,8

 

 

 

 

 

dħul mhux relatat mal-UO2

 

 

12,9

15,4

16,5

16,9

17,4

dħul relatat mal-UO2

 

 

93,12

93,12

93,12

93,12

93,12

Fatturat Totali

84,1

37,8

106,0

108,5

109,6

110,1

110,5

Kostijiet ta’ Feldioara

42,98

28,38

42,53

41,73

40,61

39,27

37,84

Kostijiet ċentrali

7,77

4,29

7,77

7,77

7,77

7,77

7,77

Suceava

 

 

 

 

 

 

 

kostijiet tal-estrazzjoni minerarja (jekk wieħed jassumi kost tal-produzzjoni ugwali għall-prezz tas-suq)

na

na

84

84

84

84

84

Profitt nett

na

na

-28,4

-25,1

-22,8

-21,1

-19,2

ekwità aġġustata

 

 

115,23

 

 

 

 

ROE (43)

 

 

 

-25 %

-22 %

-20 %

-18 %

ROCE

 

 

 

-20 %

-12 %

-17 %

-7 %

ROA

 

 

 

-7 %

-6 %

-5 %

-4 %

Sors: Kalkoli tal-Kummissjoni bbażati fuq data fit-Tielet pjan ta’ ristrutturar

4.3.4.   Evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ

(145)

Skont il-punt 76 u skont il-Linji Gwida S&R, meta tingħata għajnuna għar-ristrutturar, iridu jittieħdu miżuri biex jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, sabiex l-effetti negattivi fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ jiġu minimizzati kemm jista’ jkun u l-effetti pożittivi jegħlbu kwalunkwe effett negattiv. B’mod partikolari, il-miżuri biex tiġi limitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni ġeneralment jieħdu l-forma ta’ miżuri strutturali, jiġifieri żvestimenti ċari ta’ attivitajiet vijabbli, u mhux il-forma ta’ żvestimenti ta’ attivitajiet li jagħmlu t-telf li xorta waħda jkollhom jiġu abbandunati biex tiġi ppreservata l-vijabbiltà.

(146)

Il-loġika wara din il-kundizzjoni hija li f’ċirkostanzi normali tas-suq, jekk il-kumpanija ma tingħatax l-għajnuna, tispiċċa tfalli jew tiġi akkwiżita. Dan iwassal għal opportunitajiet ta’ tkabbir tas-suq u/jew estern għall-kompetituri tagħha. Għalhekk, il-benefiċjarju, għalkemm ikun kiseb l-għajnuna, għandu b’xi mod jikkumpensa parzjalment għall-impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni li joħloq. Minbarra r-rekwiżit li l-għajnuna tikkontribwixxi għal objettiv ta’ interess komuni, ir-rekwiżit għal miżuri ta’ kumpens iservi wkoll ta’ deterrent għall-impriżi u jgħin biex jiġi evitat periklu morali mal-azzjonisti tal-kumpaniji li jirrikorru għand l-Istat meta jkunu qed jesperjenzaw diffikultajiet filwaqt li jirreġistraw il-qligħ meta jkunu qed jagħmlu profitt.

(147)

F’dan ir-rigward, kif ippreżentat fil-qosor fil-premessa (78) sa (82), ir-Rumanija l-ewwel issostni li meta mqabbel mal-pjan ta’ ristrutturar inizjali, it-tielet pjan ta’ ristrutturar inaqqas l-għajnuna mill-Istat lis-CNU b’aktar minn 60 %. Il-Kummissjoni tinnota li kif ġie konkluż fil-premessa (125), fit-tielet pjan ta’ ristrutturar, id-dħul mill-kuntratt tal-UO2 bejn is-CNU u l-SNN (konkluż abbażi tal-Liġi 193/2018), u li jammonta għal aktar minn RON 250 miljun (EUR 52,7 miljun) (matul il-perjodu ta’ ristrutturar skont l-istimi tar-Rumanija), ma jistax jitqies bħala ħieles mill-għajnuna. Għalhekk, dan l-ammont irid jiżdied mal-għajnuna ta’ RON 178,3 miljun (EUR 37,6 miljun), biex b’hekk l-ammont totali ta’ għajnuna jlaħħaq RON 428,3 miljun (EUR 90,3 miljun). Dan l-ammont jirrappreżenta 97,2 % tal-ammont totali ta’ għajnuna ppreżentat mir-Rumanija fil-pjan ta’ ristrutturar inizjali tagħha (RON 440,8 miljun jew EUR 93,0 miljun). Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-intensità tal-għajnuna hija kważi l-istess u ma naqsitx b’60 % kif ippreżentat mir-Rumanija.

(148)

Barra minn hekk ir-Rumanija sempliċiment tirrepeti l-argumenti diġà ppreżentati u li dwarhom il-Kummissjoni esprimiet dubji fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ (ara l-premessi 62 sa 68). Ir-Rumanija ssostni li la hemm bżonn ta’ miżuri ta’ kumpens strutturali, u lanqas huma possibbli minħabba li d-daqs tas-CNU huwa negliġibbli u n-nuqqas ta’ fornitur alternattiv ibbażat fl-UE bbażat fuq it-teknoloġija CANDU jagħmel l-impatt tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni ineżistenti. Allegatament, kwalunkwe żvestiment jipperikola l-vijabbiltà tal-pjan ta’ ristrutturar.

(149)

Madankollu, abbażi tal-informazzjoni ppreżentata fil-premessa (21) sa (23) u vvalutata fit-taqsima 4.1.4, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm kompetizzjoni attwali u potenzjali minn kumpaniji Ewropej għall-provvista tal-ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat u li hemm ukoll kompetizzjoni potenzjali għall-attività ta’ konverżjoni.

(150)

Fir-rigward tal-argument imressaq mir-Rumanija li kwalunkwe żvestiment jipperikola l-vijabbiltà tal-pjan ta’ ristrutturar, il-Kummissjoni tinnota li fil-kawża Areva (44), Areva ċediet in-negozju tagħha fil-qasam tar-reatturi (New Areva NP) lill-fornitur Franċiż eżistenti tal-enerġija l-EDF. Din l-attività kienet tirrappreżenta terz tal-assi ta’ Areva u ġġenerat aktar minn 50 % tad-dħul tagħha qabel ir-ristrutturar (45). Il-Kummissjoni tinnota li r-Rumanija ma ppreżentat l-ebda pjan alternattiv inkluż żvestiment ta’ xi attività tas-CNU bħal pereżempju li s-CNU tiffoka fuq is-segment tal-estrazzjoni, filwaqt li ċċedi l-attività ta’ pproċessar/raffinar tagħha fuq bażi ta’ negozju avvjat bħala negozju awtonomu.

(151)

Fid-dawl tal-informazzjoni ppreżentata fil-premessa (147) sa (150) hawn fuq, jidher li: (i) hemm kompetizzjoni attwali fir-rigward tal-attività ta’ estrazzjoni tal-uranju, (ii) hemm il-potenzjal li tinħoloq aktar kompetizzjoni fir-rigward tal-attività tal-ipproċessar u r-raffinar tal-uranju u (iii) ir-Rumanija mhi tipproponi l-ebda miżura ta’ kumpens strutturali għas-CNU. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li n-nuqqas ta’ miżuri ta’ kumpens strutturali ma jissodisfax il-kriterji tal-miżuri sabiex tiġi limitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kif stabbilit fil-punt 76 u dawk segwenti tal-Linji Gwida S&R.

4.4.   Konklużjoni finali dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturar mas-suq intern

(152)

Fir-rigward tal-għajnuna għas-salvataġġ fil-forma ta’ self, skont il-punt 55(d) tal-Linji Gwida S&R, ir-Rumanija impenjat ruħha li tissottometti, mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data tad-deċiżjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ jew l-iżborż tal-ewwel pagament parzjali (il-premessa 42 tad-deċiżjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ), jew prova li s-self ikun ġie rimborżat, jew inkella pjan ta’ ristrutturar validu, jew pjan ta’ likwidazzjoni li jistabbilixxi b’mod sostanzjat il-passi li jwasslu għal-likwidazzjoni tas-CNU f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, mingħajr għajnuna ulterjuri. Ir-Rumanija ma rrispettatx dan l-impenn, billi (i) is-self ta’ salvataġġ ma ġiex rimborżat u (ii) ir-Rumanija ġiet infurmata li l-pjan ta’ ristrutturar (ippreżentat mir-Rumanija f’Ġunju 2017 u emendat bl-aħħar verżjoni f’April 2019) ma jiżgurax kontribuzzjoni proprja tas-CNU għall-pjan ta’ ristrutturar, u lanqas ritorn tas-CNU għall-vijabbiltà fit-tul mingħajr għajnuna ulterjuri fi tmiem il-perjodu ta’ ristrutturar, u lanqas miżuri ta’ kumpens adegwati.

(153)

Minn dan ta’ hawn fuq il-Kummissjoni tikkonkludi li (i) il-konverżjoni (permezz ta’ tħassir tad-dejn) tas-self ta’ salvataġġ fit-tul f’għajnuna għar-ristrutturar ta’ RON 60,4 miljun (EUR 12,7 miljun) u (ii) it-tliet għotjiet mill-Istat li jammontaw għal RON 117,9 miljun (EUR 24,9 miljun) lis-CNU mhumiex kompatibbli mas-suq intern.

5.   OQSMA TA’ APPLIKAZZJONI TAT-TRATTAT EURATOM

(154)

Il-Kummissjoni tieħu wkoll kont dovut tal-fatt li s-CNU hija attiva fl-oqsma koperti mit-Trattat Euratom. It-Trattat Euratom stabbilixxa l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u jispeċifika l-istrumenti neċessarji u jalloka r-responsabbiltajiet bil-għan li jintlaħqu l-objettivi li jinkludu s-sikurezza nukleari, l-indipendenza enerġetika kif ukoll id-diversità u s-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija (46).

(155)

L-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom (ESA) stabbilita bl-Artikolu 52 tat-Trattat Euratom twaqqfet biex tiġi żgurata provvista regolari u ekwa ta’ fjuwils nukleari għall-utenti Ewropej f’konformità mal-objettivi tal-Artikolu 2(d). Biex twettaq dan il-kompitu, l-ESA tapplika politika ta’ provvista bbażata fuq il-prinċipju ta’ aċċess ugwali għall-minerali u għall-karburanti nukleari għall-utenti kollha u l-ESA għandha dritt ta’ għażla fuq il-materjali prodotti fil-Komunità u dritt esklussiv li tikkonkludi kuntratti li għandhom x’jaqsmu mal-forniment ta’ minerali u ta’ fjuwils nukleari

(156)

Skont l-Artikolu 67 tat-Trattat Euratom, “Salvi l-eċċezzjonijiet previsti f’dan it-Trattat, il-prezzijiet għandhom ikunu riżultat tal-konfront bejn l-offerta u d-domanda, skont id-disposizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 60; Stati Membri ma jistgħux, permezz ta’ regolamenti nazzjonali, jiksru dawn id-disposizzjonijiet”. Skont il-proċedura simplifikata, stabbilita bl-Artikolu 5bis tar-Regolament dwar l-Aġenzija Fornitriċi tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (47), l-ESA qed teżerċita d-dritt ta’ għażla tagħha u d-dritt tagħha li tikkonkludi kuntratti permezz ta’ kuntratt trilaterali uniku bejn il-produttur, l-ESA u l-utent.

(157)

F’dan il-każ, l-ESA hija parti għal kull kuntratt bejn is-CNU u l-SNN u kif speċifikat fil-premessa (156), ma hija marbuta b’ebda att legali Rumen meta tivvaluta l-ordnijiet ta’ xiri.

(158)

Is-sistema għar-regolamentazzjoni tal-provvisti tistabbilixxi biss il-prinċipju ta’ preferenza għall-utenti Komunitarji, skont l-Artikolu 2(d) tat-Trattat Euratom, u ma tiggarantixxix id-disponiment tal-produzzjoni Komunitarja ta’ materjali nukleari. Barra minn hekk, it-Trattat Euratom jipprovdi għal sistema li teħtieġ li l-prezzijiet jiġu determinati permezz ta’ bilanċ bejn il-provvista u d-domanda sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi eċċezzjonali (48).

(159)

F’deċiżjonijiet preċedenti dwar l-għajnuna mill-Istat il-Kummissjoni rrikonoxxew li l-promozzjoni ta’ settur tal-enerġija nukleari ta’ suċċess hija objettiv fundamentali tat-Trattat Euratom, u għalhekk anke tal-Unjoni Ewropea (49). Mingħajr preġudizzju għall-konformità tal-provvisti mis-CNU għall-SNN regolati bil-Liġi 193/2018 u d-Deċiżjoni tal-Gvern 126/2019 mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li din id-deċiżjoni jista’ jkollha impatt fuq xi wħud mill-obbligi tar-Rumanija skont it-Trattat Euratom fir-rigward tas-sikurezza tal-estrazzjoni u tal-ipproċessar tal-uranju u s-sigurtà tal-provvista, speċjalment kieku s-CNU kellha tieqaf topera.

(160)

Fil-kuntest jew bħala segwitu għall-proċedimenti attwali skont it-TFUE, ir-Rumanija tista’ tippjana li tadotta miżuri li jiżguraw li tilħaq l-objettivi tat-Trattat Euratom fir-rigward tas-sikurezza tal-estrazzjoni u tal-ipproċessar tal-uranju u s-sigurtà tal-provvista, pereżempju, billi tippreserva l-kapaċità li jiġi garantit li l-impjant ta’ Feldioara, kemm jekk jibqa’ proprjetà tas-CNU u jibqa’ jiġi operat minnu kif ukoll jekk le, jibqa’ kapaċi jipproduċi l-UO2 għar-reatturi CANDU tal-SNN. Madankollu, tali miżuri f’dak il-kuntest ma jistgħux ipoġġu f’dubju, inaqqsu bla bżonn il-kamp ta’ applikazzjoni jew idewmu l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe obbligu ta’ rkupru li jirriżulta mill-proċedimenti preżenti u jenħtieġ li jkunu neċessarji, proporzjonati, raġonevoli u għal żmien u kamp ta’ applikazzjoni limitat għal dak li huwa indispensabbli biex tiġi ppreservata s-sikurezza u s-sigurtà tal-provvista. Fl-infurzar ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni trid tkun infurmata minn qabel u tkun f’pożizzjoni li tivverifika li dawn il-kundizzjonijiet ġew issodisfati. Għaldaqstant, din id-deċiżjoni hija ġeneralment mingħajr preġudizzju għal tali miżuri.

6.   IRKUPRU

(161)

Skont it-TFUE u l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Unjoni, il-Kummissjoni hija kompetenti biex tiddeċiedi jekk l-Istat Membru kkonċernat għandux jabolixxi jew jibdel l-għajnuna meta tkun sabet li din tkun inkompatibbli mas-suq intern (50). Il-Qorti sostniet ukoll b’mod konsistenti li l-obbligu ta’ Stat Membru li jabolixxi għajnuna li l-Kummissjoni tkun qieset bħala inkompatibbli mas-suq intern huwa mfassal biex terġa tiġi stabbilita s-sitwazzjoni kif kienet teżisti qabel (51).

(162)

F’dan il-kuntest, il-Qorti stabbiliet li dan l-objettiv jintlaħaq ladarba r-riċevitur ikun ħallas lura l-ammonti mogħtija bħala għajnuna illegali, b’hekk jitlef il-vantaġġ li jkun ibbenefika minnu fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq, u tkun ġiet restawrata s-sitwazzjoni ta’ qabel il-ħlas tal-għajnuna (52).

(163)

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (53) jgħid li “fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna kontra l-liġi, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju [… ]”.

(164)

Għalhekk, l-għajnuna għas-salvataġġ fil-forma ta’ self fit-tul - li saret illegali mill-mument li l-għajnuna għas-salvataġġ ma tħallsitx fi żmien sitt xhur wara l-għoti u/jew l-iżborż tagħha - ġiet implimentata bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE, u trid titqies bħala għajnuna illegali u inkompatibbli. Is-self irid jiġi rkuprat sabiex terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq qabel ingħatat. Skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament 2015/1589, l-irkupru jenħtieġ ikopri ż-żmien minn meta l-benefiċjarju ngħata l-vantaġġ, jiġifieri meta l-għajnuna fil-forma ta’ kapital ta’ self tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju b’mod illegali, sal-irkupru effettiv tagħha. Barra minn hekk, is-somma li trid tiġi rkuprata jenħtieġ li tinkludi l-imgħax sakemm tiġi effettivament irkuprata. L-imgħax ta’ rkupru huwa distint mill-imgħax kuntrattwali jew minn ammonti oħra relatati mas-self ta’ salvataġġ dovut minn CNU lill-Istat abbażi ta’ ftehimiet kuntrattwali, li għalhekk jenħtieġ jiżdied mal-ammont tal-kapital tal-għajnuna. Bil-ħlas tal-imgħax ta’ rkupru, il-benefiċjarju jitlef il-vantaġġ finanzjarju li jirriżulta mid-disponibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni, mingħajr ħlas, mid-data minn meta tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sakemm titħallas lura (54). L-imgħax ta’ rkupru jenħtieġ jiġi kkalkulat skont ir-Regolament (KE) Nru 794/2004 (55).

(165)

Il-Kummissjoni tieħu nota tad-diskussjonijiet reċenti mar-Rumanija fejn ma ġiex eskluż l-istralċ tas-CNU fuq ordni ta’ rkupru relatat mas-self ta’ salvataġġ u li l-assi tagħha jinbiegħu sabiex tonora l-obbligazzjonijiet tagħha, inklużi dawk li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-irkupru impost fuq ir-Rumanija bħala riżultat ta’ din id-Deċiżjoni.

(166)

Il-fatt li s-CNU tista’ titqiegħed taħt proċedura ta’ insolvenza u ma tkunx tista’ tħallas lura l-għajnuna ma jikkostitwixxix raġuni valida biex din tiġi eżentata mill-obbligu tagħha li tħallas lura l-għajnuna (56). F’dan il-każ, ir-restawr tas-sitwazzjoni kif kienet qabel l-għoti tal-għajnuna u t-tneħħija tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni jistgħu jinkisbu billi l-obbligazzjoni relatata mal-għajnuna għas-salvataġġ fil-forma ta’ self tiġi reġistrata fl-iskeda tal-obbligazzjonijiet bħala parti minn proċedura ta’ insolvenza sorveljata mill-qorti. F’każ li r-Rumanija ma tkunx tista’ tirkupra l-ammont sħiħ, il-proċedimenti jneħtieġ li jwasslu għall-waqfien definittiv tal-attivitajiet tas-CNU (57).

7.   KONKLUŻJONI

(167)

Il-Kummissjoni tikkonkludi l-għajnuna għas-salvataġġ li r-Rumanija tat lis-CNU fil-forma ta’ self fit-tul hija għajnuna illegali mill-Istat, li hija inkompatibbli mas-suq intern u li għandha tiġi rkuprata u mhux mħassra, kif ir-Rumanija qed tippjana li tagħmel. Il-Kummissjoni tikkonkludi wkoll li l-għajnuna għar-ristrutturar addizzjonali ppjanata fil-forma ta’ tliet għotjiet relatati mal-għeluq tal-minjiera ta’ Crucea-Botușana, il-ftuħ tal-minjiera l-ġdida ta’ Tulgheș-Grințieș u għall-modernizzazzjoni tal-impjant ta’ Feldioara, li tammonta għal RON 117,9 miljun hija wkoll inkompatibbli mas-suq intern u ma għandhiex titqiegħed għad-dispożizzjoni tas-CNU. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tieħu nota li r-Rumanija ma għadhiex qed tippjana li timplimenta xi miżuri ta’ għajnuna għar-ristrutturar inizjalment notifikati li dwarhom qajmet dubji.

(168)

Fi proċedimenti separati fil-futur il-Kummissjoni tista’ teżamina jekk id-dħul favur is-CNU fl-implimentazzjoni tal-Liġi 193/2018 kif speċifikat aktar fid-Deċiżjoni tal-Gvern 126/2019 jinvolvix għajnuna illegali mill-Istat,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat li r-Rumanija qed tippjana li timplimenta għal Compania Națională a Uraniului SA, fil-forma ta’ tħassir tas-self mogħti skont id-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 65/2016 u tliet għotjiet mill-Istat relatati mal-għeluq tal-minjiera ta’ Crucea-Botușana, il-ftuħ tal-minjiera l-ġdida ta’ Tulgheș-Grințieș u l-modernizzazzjoni tal-impjant ta’ Feldioara, li jammontaw għal RON 178,3 miljun, hija inkompatibbli mas-suq intern.

Għalhekk il-miżuri ta’ għajnuna ma għandhomx jiġu implimentati.

Artikolu 2

Wara li r-Rumanija rtirat il-pjanijiet tagħha, il-proċedimenti fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat notifikata mir-Rumanija fil-forma ta’ għotja ta’ RON 75,5 miljun, sussidju operatorju ta’ RON 213-il miljun u konverżjoni tad-dejn ta’ Compania Națională a Uraniului SA mit-30 ta’ Marzu 2017 ta’ RON 13,3 miljun, f’ishma miżmuma mill-Istat Rumen tilfu l-iskop tagħhom.

Artikolu 3

Is-self li jammonta għal RON 62 miljun, li ngħata favur il-Compania Națională a Uraniului, skont id-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 65/2016 u l-imgħax (is-self ta’ salvataġġ) li ma tħallasx lura wara sitt xhur, jikkostitwixxi għajnuna illegali mill-Istat mogħtija mir-Rumanija, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u huwa inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 4

1.   Ir-Rumanija għandha tirkupra l-għajnuna inkompatibbli, imsemmija fl-Artikolu 3 mingħand il-benefiċjarju.

2.   Is-somma effettiva li għandha tiġi rkuprata għandha tkun ugwali għall-ammont tas-self ta’ salvataġġ effettivament imħallas, jiġifieri ta’ RON 60 367 550,53, lill-benefiċjarju u li ma tħallasx lura minn dan tal-aħħar lill-Istat Rumen, kif ukoll l-imgħax kuntrattwali korrispondenti li kellu jiġi debitat mill-iżborż tas-self ta’ salvataġġ. Is-somma li għandha tiġi rkuprata għandha ġġorr imgħax ta’ rkupru mid-data li fiha l-għajnuna saret illegali sal-irkupru effettiv tagħha.

3.   L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (58).

4.   Ir-Rumanija għandha tikkanċella l-ħlasijiet kollha tal-ammont pendenti tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 3 b’effett mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 5

1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 3 għandu jkun immedjat u effettiv, mingħajr preġudizzju għal miżuri xierqa li r-Rumanija tista’ tadotta bil-għan li tissodisfa l-obbligi tagħha skont it-Trattat Euratom, sakemm dawn il-miżuri jkunu proporzjonati, raġonevoli, u ta’ żmien limitat.

2.   Ir-Rumanija għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

1.   Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, ir-Rumanija għandha tippreżenta l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)

l-ammont totali (il-kapital u l-imgħaxijiet ta’ rkupru) li għandu jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarju;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati sabiex tkun konformi ma’ din id-Deċiżjoni;

(c)

dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie ordnat iħallas lura l-għajnuna.

2.   Ir-Rumanija għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda biex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm tiġi rkuprata l-għajnuna kollha msemmija fl-Artikolu 3. Għandha tissottometti minnufih, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu diġà ttieħdu u dawk ippjanati sabiex tkun konformi ma’ din id-Deċiżjoni. Għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti tal-għajnuna u l-imgħax ta’ rkupru diġà rkuprati mingħand il-benefiċjarju.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Frar 2020.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Viċi President Eżekuttiv


(1)  ĠU C 236, 6.7.2018, p. 6.

(2)  F’din id-deċiżjoni qed tintuża r-rata tal-kambju tas-17.9.2019: 1 RON = 0,211 EUR u, fejn applikabbli, 1 RON = 0,233 USD u 1 USD = 0,906 EUR. Iċ-ċifri dwar muniti minbarra r-RON huma pprovduti għal skopijiet ta’ informazzjoni biss.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30.9.2016, SA. 46312 (2016/N) – Ir-Rumanija Għajnuna mill-Istat għall-Compania Naționaăl a Uraniului SA (ĠU C 236, 6.7.2018, p. 6).

(4)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1).

(5)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8.5.2018, SA.48394 (2017/N) - Ristrutturar tal-Kumpanija Nazzjonali tal-Uranju (Companiei Nationale a Uraniului CNU) (ĠU C 236, 6.7.2018, p. 6.)

(6)  Ara l-Artikoli ta’ Inkorporazzjoni tal-SNN disponibbli fuq http://www.nuclearelectrica.ro/wp-content/uploads/2014/08/engl-act-const1.pdf

(*)  Informazzjoni kunfidenzjali.

(7)  Informazzjoni miksuba minn https://www.wise-uranium.org/upeur.html fit-23 ta’ Settembru 2019.

(8)  Il-punt 12.2 tas-sottomissjoni tar-referenzi tal-awtoritajiet Rumeni bħala Anness għall-Ittra Nru 121321/DV/8.12.2018

(9)  https://www.orano.group/docs/default-source/orano-doc/groupe/publications-reference/rapport_tsn_malvesi_2018.pdf, il-paġna 13.

(10)  Is-self bħala għajnuna għas-salvataġġ ingħata fil-5 ta’ Ottubru 2016 mill-Istat Rumen permezz tar-rappreżentant tiegħu, il-Ministeru tal-Enerġija, skont id-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 65/2016 li jistabbilixxi l-qafas legali għall-għoti ta’ għajnuna legali individwali sabiex tiġi salvata l-Kumpanija Nazzjonali tal-Uranju (Il-Gazzetta Uffiċjali Nru. 801 tal-11 ta’ Ottubru 2016). Is-self ta’ salvataġġ kien b’imgħax kuntrattwali b’rata ta’ 6,92 % u ngħata f’żewġ partijiet: RON 47,2 miljun fil-5 ta’ Novembru 2016 u sussegwentement RON 13 167 550,53 fit-30 ta’ Marzu 2017. Ir-rata tal-imgħax ġiet aġġustata minn 6,92 % għal 11,08 % fid-19 ta’ Lulju 2017. Sors: www.cdep.ro/interpel/2018/r1405B.pdf

(11)  Formola tan-Notifika Parti III.B, il-punt 5.1.B

(12)  Madwar USD 120 għal kull kgU jew USD 46 għal kull lb ta’ U3O8, abbażi ta’ 1 kgU = 2,59979 lbs ta’ U3O8 skont is-sit web speċjalizzat: http://www.uranium.info/unit_conversion_table.php.

(13)  Informazzjoni miksuba minn https://www.uxc.com/p/prices/UxCPrices.aspx fit-22 ta’ Marzu 2018.

(14)  Is-sottomissjoni tar-Rumanija tad-19 ta’ April 2019, il-Kapitolu IV.3. Il-Pjan ta’ Ristrutturar, il-punt (iv)

(15)  Is-sottomissjoni tar-Rumanija tad-19 ta’ April 2019, il-Kapitolu IV.3. Il-Pjan ta’ Ristrutturar, il-punt (iv)

(16)  Il-Liġi Nru 193/2018 adottata fid-19 ta’ Lulju 2018 u ppubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali Nru 640 tat-23 ta’ Lulju 2018.

(17)  Id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 126/2019 għall-approvazzjoni tal-kriterji u tal-modalitajiet għall-istabbiliment u l-aġġustament tal-prezzijiet regolati relatati mas-servizzi ta’ kwalifikazzjoni, ħżin u pproċessar tal-ossidu tal-uranju, kif ukoll il-prezz tad-diossidu tal-uranju pprovdut mill-Kumpanija Nazzjonali tal-Uranju - S.A. fit-territorju tar-Rumanija, adottata fil-5 ta’ Marzu 2019 u ppubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali fis-6 ta’ Marzu 2019.

(18)  Ara l-ħolqa għall-artikolu fuq: https://www.focus-energetic.ro/nuclearelectrica-incheie-iar-contract-cu-cnu-pentru-uraniu-54071.html. Ara wkoll in-Nota fuq paġna 36 li ssemmi l-kwantitajiet għaż-żewġ kuntratti ta’ provvista konklużi kemm ma’ Cameco kif ukoll mas-CNU fir-rapport annwali tas-SNN għall-2018: http://www.nuclearelectrica.ro/wp-content/uploads/2019/02/SNN_RO_Raport-Anual-CA-2018.pdf. Dan il-kuntratt fiss segwa l-offerta magħmula mis-CNU għal kwantità ogħla u prezz tal-offerta inizjali 99 % ogħla minn ta’ Cameco kif imsemmi fir-ringiela 6 tat-Tabella 1.

(19)  L-Artikolu 2(5) tad-Deċiżjoni tal-Gvern jipprovdi li “ it-tnaqqis fil-kostijiet li rriżulta mż-żieda fl-effiċjenza tal-attività tas-CNU u ċċertifikat bħala tali mill-awditur indipendenti […] se jinqasam kif ġej: 50 % tal-ammont se jkun rikonoxxut fil-prezz bħala żieda fil-profitt, filwaqt li 50 % se jikkonsisti fi tnaqqis fil-prezz.”

(20)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6.3.2017, SA.38454 (2015/C) - Għajnuna possibbli għall-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks, ĠU L/317/1.12.2017,. p. 45

(21)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10.1.2017, SA 44727 (2016/C) Għajnuna għar-ristrutturar lil Areva, ĠU L/155/17.6.2017, p. 23, il-premessa 231.

(22)  Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015Il-Kummissjoni vs MOL, C-15/14 P EU:C:2015:362, il-paragrafu 60.

(23)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Ġunju 1996, SFEI et, C-39/94, ECLI:EU:C:1996:285, il-punt 60; is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 1999, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-342/96, ECLI:EU:C:1999:210, il-punt 41.

(24)  Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tat-17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris vs Il-Kummissjoni, il-Kawża 730/79, EU:C:1980:209, il-punt.11; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (is-Sitt Awla) tat-22 ta’ Novembru 2001, Ferring SA vs Agence centrale des organismes de sécurité sociale (ACOSS), il-Kawża C-53/00, EU:C:2001:627, il-punt.21; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (is-Sitt Awla) tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, il-Kawża C-372/97, EU:C:2004:234, il-punt.44.

(25)  Il-Kawża T-214/95 Vlaamse Gewest vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:1998:77.

(26)  Informazzjoni miksuba minn https://www.orano.group/docs/default-source/orano-doc/groupe/publications-reference/rapport_tsn_malvesi_2018.pdf, p. 13, ikkonsultata fit-23 ta’ Settembru 2019.

(27)  Is-CNU, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha tal-31 ta’ Diċembru 2015, kellha ekwità negattiva u kienet tissodisfa l-kriterji skont il-liġi Rumena biex titqiegħed fi proċedimenti kollettivi ta’ insolvenza fuq talba tal-kredituri tagħha.

(28)  Il-Kawża C-482/99 Ir-Repubblika Franċiża vs Il-Kummissjoni (Stardust Marine) [2002] Ġabra I-4397.

(29)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20.4.2015 dwar Għajnuna inkompatibbli permezz ta’ tariffi preferenzjali f’kuntratti bejn Hidroelectrica S.A. u l-bejjiegħa tat-termoelettriku (SA.33 475 (2012/C)), il-premessi 12 u 92 sa 100, ĠU, L 275, 20.10.2015, p. 4620.10.2015, p. 46. F’dak il-każ, il-prezzijiet tal-bejgħ kienu bbażati fuq kostijiet determinati mir-Regolatur tal-Enerġija u l-kuntratti kienu jippermettu lill-bejjiegħa, li ma setgħux isibu xerrejja bi prezzijiet tas-suq ibiegħu parti mill-produzzjoni tagħhom lil Hidroelectrica bi prezz ferm ogħla mill-prezzijiet tas-suq.

(30)  Ara: L-aħħar rapport tal-SNN fit-taqsima tar-“rapporti annwali” tas-sit web uffiċjali tagħha: 2016 Rapport annwali miksub fit-30.7.2019, il-paġni 88 sa 96 - http://www.nuclearelectrica.ro/wp-content/uploads/2018/01/Raport-Anual-CA-2016-Final-ENGLEZA1.pdf

(31)  Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015Il-Kummissjoni vs MOL, C-15/14 P EU:C:2015:362, il-punt 60.

(32)  Sabiex jerġgħu jiġu kkalkulati mill-ġdid il-flussi tal-flus operatorji, saru diversi suppożizzjonijiet dwar id-dħul u l-kostijiet kif ippreżentati mir-Rumanija (Tabella 4). L-ewwel nett, fir-rigward tad-dħul, ġie preżunt li mill-2019 is-CNU mhijiex se tkompli tirċievi d-dħul marbut mal-kuntratt tal-UO2 mal-SNN; id-dħul mill-2017 u mill-2018 kien qabel daħlet fis-seħħ il-liġi 193/2018. It-tieni, il-kalkoli jassumu b’mod konservattiv li s-CNU ser tassumi biss perċentwal tal-kostijiet relatati mal-impjant ta’ Feldioara li jikkorrispondi għall-perċentwal tad-dħul iġġenerat mill-kuntratt tar-ruttam meta mqabbel mad-dħul totali ġġenerat mill-kuntratt tar-ruttam u tal-UO2 għall-SNN mill-2019. Lanqas il-kostijiet operatorji tal-minjiera eżistenti ta’ Crucea-Botușana mill-2019 ma huma qed jiġu kkunsidrati, meta wieħed iqis li jekk is-CNU ma jkollhiex bżonn tipproduċi l-U3O8 biex tforni l-UO2 din tispiċċa teħles mill-biċċa l-kbira ta’ dawn il-kostijiet. Bħala riżultat ta’ dan, dawn il-flussi ta’ flus operatorji jikkostitwixxu massimu fin-nuqqas ta’ kuntratt tal-UO2 mal-SNN fid-dawl tas-suppożizzjonijiet konservattivi dwar il-livell tat-tnaqqis fid-dħul u tat-tnaqqis fil-kostijiet: it-tnaqqis fil-kostijiet jista’ jkun inqas, pereżempju kieku s-CNU kellha tibqa’ tipproduċi l-U3O8 pereżempju biex tistabbilixxi stokk intern, minkejja n-nuqqas ta’ kuntratt tal-UO2 mal-SNN.

(33)  Fuq il-bażi ta’ sottomissjoni mill-awtoritajiet tar-Rumanija (RON 41,3 miljun ta’ “kapital azzjonarju” u RON 73,9 miljun ta’ “riżervi oħra”)

(34)  Ir-ROE, ir-ROCE u r-ROA ġew ikkalkulati, skont il-metodoloġija segwita mill-awtoritajiet Rumeni għas-sena finanzjarja 2018 fis-sottomissjoni tagħhom datata d-19 ta’ April 2019 (anness 14), bid-diviżjoni tal-profitt nett bil-“kapital azzjonarju” miżjud b’“riżervi oħra”. Il-profitti kumulattivi ġew ikkunsidrati sabiex tiġi kkalkulata ekwità aġġustata għal kull sena tal-perjodu ta’ ristrutturar.

(35)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25.6.2018, SA.49214 (2017/N) - Għajnuna għar-ristrutturar lil Semenarna Ljubljana d.o.o., ĠU C 339/21.9.2018, p. 1.

(36)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12.5.2016, SA.40419 (2015/NN) - Għajnuna għar-ristrutturar lil Polzela d.d., ĠU C/258/15.7.2016, p. 1.

(37)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10.1.2017, SA 44727 (2016/C) Għajnuna għar-ristrutturar lil Areva, ĠU L/155/17.6.2017, p. 23.

(38)  Ara n-nota 42 f’qiegħ il-paġna

(39)  Data mill-20 ta’ Lulju 2019 miksuba minn https://www.uxc. com

(40)  Fl-2018, il-kost ponderat tal-kapital wara t-taxxa ta’ Orano fuq l-estrazzjoni tal-uranju kien bejn 7,65 % u 11,6 % u ta’ 6,7 % f’attivitajiet sussegwenti ta’ raffinar u ta’ pproċessar. Il-piżijiet relattivi tal-kostijiet tal-estrazzjoni minerarja u tar-raffinar u tal-ipproċessar għas-CNU fl-2019 huma ta’ 34 % u ta’ 66 % rispettivament (ara t-tabella 5), li jwasslu għal kost “komprensiv” ponderat tal-kapital wara t-taxxa ta’ bejn 7 % u 8,4 %, jekk il-kost kapitali ta’ Orano kellu jiġi stabbilit bħala r-ROCE fil-mira għas-CNU. Dan ikun konservattiv. Ir-ROCE minimu fil-mira jenħtieġ li jkun ogħla minn kost ponderat tal-kapital wara t-taxxa peress li remunerazzjoni aċċettabbli trid dejjem tkopri l-kostijiet tas-self u remunerazzjoni xierqa tal-azzjonisti. Kontijiet konsolidati ta’ Orano 31.12.2018, p. 46 disponibbli fuq: https://www.orano.group/docs/default-source/orano-doc/finance/publications-financieres-et-reglementees/2018/resultats-annuels-2018/orano_comptes..

(41)  L-Anness 11 tat-tieni pjan ta’ ristrutturar.

(42)  Ara d-Deċiżjoni tal-Ftuħ il-premessa 25. Ir-Rumanija ma ppreżentatx stimi ġodda motivati tal-kostijiet.

(43)  Ikkalkulat fuq il-bażi ta’ ekwità aġġustata ta’ RON 115-il miljun (suppożizzjoni pprovduta għall-2018 mill-awtoritajiet Rumeni fit-tielet pjan ta’ ristrutturar notifikat); ir-ROCE u r-ROA ġew ikkalkulati bid-diviżjoni tal-profitt nett bl-istess aggregat rilevanti li dak iż-żmien kien fit-Tabella 6.

(44)  Ara n-nota 42 f’qiegħ il-paġna

(45)  Ara l-premessa (333) tad-deċiżjoni finali kif imsemmija fin-nota 42 f’qiegħ il-paġna

(46)  Ara b’mod partikolari l-Artikolu 1, 2 u 52 tat-Trattat Euratom.

(47)  Ara r-Regolament tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika li jemenda r-regoli tal-Aġenzija Fornitriċi tal-5 ta’ Mejju 1960 li jiddeterminaw il-mod li bih it-talbiet għandhom jiġu bilanċjati kontra l-provvista ta’ minerali, materjali li huma għejun u materjali fissili speċjali, ĠU L 193 tal-25 ta’ Lulju 1975, p. 37.

(48)  Ara, ENU vs Il-Kummissjoni, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 1997, C-357/95 P EU:C:1997:144, fejn il-Qorti indikat li jista’ jkun hemm ċirkostanzi eċċezzjonali li jistgħu jiġġustifikaw derogi mill-mekkaniżmu ta’ pprezzar stabbilit fit-Trattat. L-eżempju pprovdut huwa “l-eżistenza ta’ theddida jew theddida possibbli għall-objettiv fundamentali ta’ provvista regolari u ekwa ta’ minerali u ta’ fjuwils nukleari” (il-punt 47).

(49)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/407/KE tat-22 ta’ Settembru 2004 dwar l-għajnuna mill-Istat li r-Renju Unit qed jippjana li jimplimenta għal British Energy plc (ĠU L 142, 6.6.2005, p. 26), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/658 tat-8 ta’ Ottubru 2014 dwar il-miżura ta’ għajnuna SA.34947 (2013/C) (ex 2013/N) li r-Renju Unit qed jippjana li jimplimenta bħala Appoġġ għall-Impjant tal-Enerġija Nukleari Hinkley Point C (ĠU L 109, 28.4.2015, p. 44).

(50)  Ara l-Kawża C-70/72 Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, ECLI:EU:C:1973:87, il-punt 13.

(51)  Ara l-Kawżi Magħquda C-278/92, C-279/92 u C-280/92, Spanja vs Il-Kummissjoni ECLI:EU:C:1994:325, il-punt 75.

(52)  Ara l-Kawża C-75/97 Il-Belġju vs Il-Kummissjoni ECLI:EU:C:1999:311, il-punt 64 u 65.

(53)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).

(54)  Ara l-Kawża T-459/93 Il-Belġju vs Il-Kummissjoni ECLI:EU:T:1995:100, il-punti 97-101

(55)  Ir-Regolament (KE) Nru 794/2004, ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1, kif emendat.

(56)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-277/00, ECLI:EU:C:2004:238, il-punt 85; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-52/84, ECLI:EU:C:1986:3, il-punt 14; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-142/87, ECLI:EU:C:1990:125, il-punt 60 sa 62.

(57)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-610/10, ECLI:EU:C:2012:781, il-punt 104.

(58)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).