ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 222

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
10 ta' Lulju 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/983 tas-7 ta’ Lulju 2020 dwar il-konklużjoni tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ Cape Verde (2019-2024)

1

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/984 tas-7 ta’ Lulju 2020 dwar il-konklużjoni tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (2019–2024)

4

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/985 tas-7 ta’ Lulju 2020 dwar il-konklużjoni tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe u l-Komunità Ewropea

7

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni (UE) 2020/986 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2020/000 TA 2020 — Assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)

10

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

10.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 222/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/983

tas-7 ta’ Lulju 2020

dwar il-konklużjoni tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ Cape Verde (2019-2024)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) u mal-Artikolu 218(7),

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Fid-19 ta’ Diċembru 2006, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2027/2006 (2) biex ikkonkluda l-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ Cape Verde (3) (‘il-Ftehim’). Il-Ftehim daħal fis-seħħ fit-30 ta’ Marzu 2007, ġie mġedded b’mod taċitu u għadu fis-seħħ.

(2)

Konsegwentement għar-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill iddeċieda fl-4 ta’ Ġunju 2018 li jawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mar-Repubblika ta’ Cape Verde għall-konklużjoni ta’ Protokoll ġdid dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim.

(3)

Il-Protokoll preċedenti għall-Ftehim skada fit-22 ta’ Diċembru 2018.

(4)

Il-Kummissjoni Ewropea nnegozjat Protokoll ġdid f’isem l-Unjoni. Bħala riżultat ta’ dawk in-negozjati, il-Protokoll il-ġdid ġie inizjalat fit-12 ta’ Ottubru 2018.

(5)

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/951 (4), il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ Cape Verde (2019-2024) (5) (“il-Protokoll”) ġie ffirmat fl-20 ta’ Mejju 2019.

(6)

Il-Protokoll ġie applikat fuq bażi provviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu.

(7)

L-għan tal-Protokoll huwa li jippermetti lill-Unjoni u lir-Repubblika ta’ Cape Verde jaħdmu aktar mill-qrib bejniethom biex jippromwovu politika tas-sajd sostenibbli, l-użu responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet ta’ Cape Verde, u l-isforzi ta’ Cape Verde biex jiżviluppa ekonomija blu.

(8)

Jenħtieġ li l-Protokoll jiġi approvat.

(9)

L-Artikolu 9 tal-Ftehim jistabbilixxi l-Kummissjoni Konġunta inkarigata mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, skont dak l-Artikolu, u l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 7(1) u (2) tal-Protokoll, il-Kummissjoni Konġunta tista’ tadotta ċerti modifiki għall-Protokoll. Sabiex tiġi ffaċilitata l-approvazzjoni ta’ tali emendi, jenħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea tkun awtorizzata, suġġett għal kondizzjonijiet sostantivi u proċedurali speċifiċi, tapprovahom f’isem l-Unjoni taħt proċedura simplifikata.

(10)

Jeħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar il-modifiki għall-Protokoll tiġi stabbilita mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri. L-emendi proposti jkunu aċċettati dment li ma jkunx hemm minoranza li timblokka, skont l-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ta’ Stati Membri li joġġezzjonaw fil-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri.

(11)

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni fil-Kummissjoni Konġunta dwar kwistjonijiet oħra jenħtieġ li tiġi ddeterminata skont it-Trattati u forom stabbiliti ta’ prattika,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ Cape Verde (2019-2024) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 16 tal-Protokoll.

Artikolu 3

Skont il-proċedura stabbilita fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni Ewropea għandha tkun awtorizzata tapprova, f’isem l-Unjoni, il-modifiki għall-Protokoll li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni Konġunta stabbilita taħt l-Artikolu 9 tal-Ftehim.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  L-approvazzjoni tas-17 ta’ Ġunju 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ Kap Verde (ĠU L 414, 30.12.2006, p. 1).

(3)   ĠU L 414, 30.12.2006, p. 3.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/951 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ Cape Verde (2019-2024) (ĠU L 154, 12.6.2019, p. 1).

(5)   ĠU L 154, 12.6.2019, p. 3.


ANNESS

PROĊEDURA GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ MODIFIKI GĦALL-PROTOKOLL, LI GĦANDHOM JIĠU ADOTTATI MILL-KUMMISSJONI KONĠUNTA

Fejn ikun meħtieġ li l-Kummissjoni Konġunta tadotta modifiki għall-Protokoll skont l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(3), u l-Artikolu 7(1) u (2) tal-Protokoll, il-Kummissjoni Ewropea għandha tkun awtorizzata tapprova l-modifiki proposti f’isem l-Unjoni, taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(1)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiżgura li l-approvazzjoni f’isem l-Unjoni:

(a)

tkun konformi mal-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd;

(b)

tkun konsistenti mar-regoli rilevanti adottati minn organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd u tqis il-ġestjoni konġunta minn Stati kostali;

(c)

tqis l-aħħar informazzjoni statistika, bijoloġika u rilevanti oħra mibgħuta lill-Kummissjoni Ewropea.

(2)

Qabel ma l-Kummissjoni Ewropea tapprova l-modifiki proposti f’isem l-Unjoni, il-Kummissjoni Ewropea għandha tressaqhom quddiem il-Kunsill kmieni biżżejjed qabel il-laqgħa rilevanti tal-Kummissjoni Konġunta.

(3)

Il-konformità tal-modifiki proposti mal-kriterji stabbiliti fil-punt 1 ta’ dan l-Anness tiġi vvalutata mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri.

(4)

Dment li għadd ta’ Stati Membri ekwivalenti għal minoranza li timblokka fil-Kunsill skont l-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma joġġezzjonawx għall-modifiki proposti, il-Kummissjoni Ewropea għandha tapprovahom f’isem l-Unjoni. Jekk ikun hemm tali minoranza li timblokka, il-Kummissjoni Ewropea għandha tiċħad il-modifiki proposti f’isem l-Unjoni.

(5)

Jekk, matul laqgħat ulterjuri, inklużi dawk fuq il-post, ikun impossibbli li jintlaħaq qbil, il-kwistjoni għandha tgħaddi għal darba oħra quddiem il-Kunsill, skont il-proċedura prevista fil-punti 2 sa 4, sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tieħu kont ta’ elementi ġodda.

(6)

Il-Kummissjoni Ewropea hija mistiedna biex, fi żmien debitu, tieħu kwalunkwe pass meħtieġ bħala segwitu għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Konġunta, inklużi, fejn xieraq, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni rilevanti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe proposta meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni.

(7)

Fi kwistjonijiet oħra, li ma jikkonċernawx modifiki għall-Protokoll skont l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(3), u l-Artikolu 7(1) u (2) tiegħu, il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni fil-Kummissjoni Konġunta għandha tiġi ddeterminata skont it-Trattati u forom stabbiliti ta’ prattiki ta’ ħidma.


10.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 222/4


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/984

tas-7 ta’ Lulju 2020

dwar il-konklużjoni tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (2019–2024)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu, flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) u l-Artikolu 218(7),

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Fis-17 ta’ Marzu 2008, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 241/2008 (2) dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (“il-Ftehim”) (3). Il-Ftehim daħal fis-seħħ fil-15 ta’ April 2008, ġie mġedded b’mod taċitu u għadu fis-seħħ.

(2)

Wara r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill iddeċieda fit-28 ta’ Frar 2017 li jawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mar-Repubblika tal-Guinea-Bissau għall-konklużjoni ta’ protokoll ġdid li jimplimenta l-Ftehim.

(3)

Il-protokoll preċedenti tal-Ftehim skada fit-23 ta’ Novembru 2017.

(4)

Il-Kummissjoni nnegozjat protokoll ġdid f’isem l-Unjoni. Bħala riżultat ta’ dawk in-negozjati, il-protokoll il-ġdid ġie inizjalat fil-15 ta’ Novembru 2018.

(5)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1088 (4), il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (2019-2024) (“il-Protokoll”) ġie ffirmat fil-15 ta’ Ġunju 2019.

(6)

Il-Protokoll japplika fuq bażi provviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu.

(7)

L-għan tal-Protokoll huwa li jippermetti lill-Unjoni u lir-Repubblika tal-Guinea-Bissau jaħdmu aktar mill-qrib bejniethom biex jippromwovu politika tas-sajd sostenibbli, l-użu responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet tal-Guinea-Bissau u l-isforzi tal-Guinea-Bissau biex tiżviluppa ekonomija blu.

(8)

Jenħtieġ li l-Protokoll jiġi approvat.

(9)

L-Artikolu 10 tal-Ftehim jistabbilixxi l-Kumitat Konġunt responsabbli għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, skont dak l-Artikolu, u l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(4), l-Artikolu 7(4) u l-Artikolu 8(2) u (4) tal-Protokoll, il-Kumitat Konġunt jista’ jadotta ċerti modifiki għall-Protokoll. Sabiex tiġi ffaċilitata l-approvazzjoni ta’ dawn l-emendi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun awtorizzata, soġġetta għal kondizzjonijiet sostantivi u proċedurali, li tapprovahom f’isem l-Unjoni skont proċedura ssimplifikata.

(10)

Jeħtieġ li l-pożizzjoni tal-UE dwar il-modifiki għall-Protokoll tiġi stabbilita mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri. L-emendi proposti ser ikunu aċċettati dment li ma jkunx hemm minoranza li timblokka, skont l-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), ta’ Stati Membri li joġġezzjonaw fil-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri.

(11)

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt dwar kwistjonijiet oħra jenħtieġ li tiġi ddeterminata skont it-Trattati u l-forom ta’ prattika stabbiliti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (2019-2024) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni (5).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifiki previsti fl-Artikolu 17 tal-Protokoll.

Artikolu 3

Skont il-proċedura stipulata fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata li tapprova, f’isem l-Unjoni, il-modifiki għall-Protokoll li għandu jiġi adottat mill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 10 tal-Ftehim.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  L-approvazzjoni tas-17 ta’ Ġunju 2020 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 241/2008 tas-17 ta’ Marzu 2008 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim tas-Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (ĠU L 75, 18.3.2008, p. 49).

(3)   ĠU L 342, 27.12.2007, p. 5.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1088 tas-6 ta’ Ġunju 2019 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (2019–2024) (ĠU L 173, 27.6.2019, p. 1).

(5)  It-test tal-Protokoll ġie ppubblikat fil-ĠU L 173 tas-27.6.2019 flimkien mad-deċiżjoni dwar l-iffirmar tiegħu.


ANNESS

Proċedura għall-approvazzjoni tal-modifiki għall-Protokoll li għandhom jiġu adottati mill-Kumitat Konġunt

Fejn il-Kumitat Konġunt jintalab jadotta l-modifiki għall-Protokoll skont l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(4), l-Artikolu 7(4) u l-Artikolu 8(2) u (4) tal-Protokoll, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tapprova l-modifiki proposti f’isem l-Unjoni, skont il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(1)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-approvazzjoni f’isem l-Unjoni:

(a)

tkun konformi mal-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd;

(b)

tkun konsistenti mar-regoli rilevanti adottati mill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd u tqis il-ġestjoni konġunta mill-Istati kostali;

(c)

tqis l-aħħar informazzjoni statistika, bijoloġika u dwar aspetti oħra rilevanti mibgħuta lill-Kummissjoni.

(2)

Qabel ma l-Kummissjoni tapprova l-modifiki proposti f’isem l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tressaqhom quddiem il-Kunsill kmieni biżżejjed qabel il-laqgħa rilevanti tal-Kumitat Konġunt.

(3)

Il-konformità tal-modifiki proposti mal-kriterji stipulati fil-punt 1 ta’ dan l-Anness ser tiġi vvalutata mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri.

(4)

Dment li għadd ta’ Stati Membri ekwivalenti għal minoranza li timblokka fil-Kunsill skont l-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma joġġezzjonawx għall-modifiki proposti, il-Kummissjoni għandha tapprovahom f’isem l-Unjoni. Jekk ikun hemm din il-minoranza li timblokka, il-Kummissjoni għandha tiċħad il-modifiki proposti f’isem l-Unjoni.

(5)

Jekk, matul laqgħat sussegwenti mal-Guinea-Bissau, inkluż dawk fuq il-post, ikun impossibbli li jintlaħaq qbil, il-kwistjoni għandha tgħaddi għal darba oħra quddiem il-Kunsill, skont il-proċedura prevista fil-punti 2 sa 4, sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tkun tqis l-elementi l-ġodda.

(6)

Il-Kummissjoni mistiedna biex, fi żmien debitu, tieħu kull pass meħtieġ bħala segwitu għad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, inkluż, fejn xieraq, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni rilevanti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe proposta xierqa għall-implimentazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni.

(7)

Fi kwistjonijiet oħra, li ma jikkonċernawx modifiki għall-Protokoll skont l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(4), l-Artikolu 7(4) u l-Artikolu 8(2) u (4) tiegħu, il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt għandha tiġi ddeterminata skont it-Trattati u l-forom stabbiliti tal-prattiki tal-ħidma.


10.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 222/7


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/985

tas-7 ta’ Lulju 2020

dwar il-konklużjoni tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe u l-Komunità Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) u mal-Artikolu 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Fit-23 ta’ Lulju 2007, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 894/2007 (2) li kkonkluda l-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé uPríncipe u l-Komunità Ewropea (3) (“il-Ftehim”). Il-Ftehim daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Awwissu 2011 u jibqa’ fis-seħħ.

(2)

Fit-18 ta’ Diċembru 2017, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mar-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe (“São Tomé u Príncipe”) bil-ħsieb tal-konklużjoni ta’ protokoll ġdid biex jimplimenta l-Ftehim.

(3)

Il-Protokoll preċedenti ta’ dan il-Ftehim skada fit-22 ta’ Mejju 2018.

(4)

Il-Kummissjoni nnegozjat protokoll ġdid f’isem l-Unjoni. Wara l-konklużjoni ta’ dawn in-negozjati, il-protokoll il-ġdid ġie inizjalat fis-17 ta’ April 2019.

(5)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2218 (4), il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe u l-Komunità Ewropea (“il-Protokoll”) ġie ffirmat fid-19 ta’ Diċembru 2019.

(6)

Il-Protokoll ilu jiġi applikat fuq bażi provviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu.

(7)

L-għan tal-Protokoll huwa li jippermetti lill-Unjoni u lil São Tomé u Príncipe jaħdmu aktar mill-qrib flimkien sabiex jippromwovu politika tas-sajd sostenibbli u l-użu responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet ta’ São Tomé u Príncipe u li jippermettilhom jappoġġaw l-isforzi ta’ São Tomé u Príncipe biex jiżviluppaw is-settur tas-sajd tagħhom.

(8)

Jenħtieġ li l-Protokoll jiġi approvat.

(9)

L-Artikolu 9 tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt inkarigat mill-kontroll tal-applikazzjoni tal-Ftehim. Barra minn hekk, skont dak l-Artikolu u skont l-Artikoli 6 u 7(2) tal-Protokoll, il-Kumitat Konġunt jista’ jadotta ċerti emendi għall-Protokoll. Sabiex tiġi ffaċilitata l-approvazzjoni ta’ dawn l-emendi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa tapprovahom f’isem l-Unjoni bi proċedura ssimplifikata, b’ċerti kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali.

(10)

Jenħtieġ li l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar l-emendi. L-emendi proposti ser jiġu approvati sakemm minoranza ta’ Stati Membri li timblokka ma toġġezzjonax għalihom skont l-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(11)

Jenħtieġ li l-pożizzjoni li l-Unjoni għandha tadotta fil-Kumitat Konġunt b’rabta ma’ kwistjonijiet oħrajn tiġi ddefinita skont it-Trattati u l-prattiki stabbiliti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe u l-Komunità Ewropea huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni (5).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 16 tal-Protokoll.

Artikolu 3

Skont il-proċedura stabbilita fl-Anness għal dan id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni hija awtorizzata li tapprova, f’isem l-Unjoni, l-emendi għall-Protokoll li għandu jiġi adottat mill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 9 tal-Ftehim.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  L-approvazzjoni tas-17 ta’ Ġunju 2020 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 894/2007 tat-23 ta’ Lulju 2007 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe u l-Komunità Ewropea (ĠU L 205, 7.8.2007, p. 35).

(3)   ĠU L 205, 7.8.2007, p. 36.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2218 tal-24 ta’ Ottubru 2019 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe u l-Komunità Ewropea (ĠU L 333, 27.12.2019, p. 1).

(5)  It-test tal-protokoll ġie ppublikat fil-ĠU L 333 tas-27.12.2019 flimkien mad-deċiżjoni dwar l-iffirmar.


ANNESS

Proċedura għall-approvazzjoni ta’ amendi għall-Protokoll li għandhom jiġu adottati mill-Kumitat Konġunt

Meta l-Kumitat Konġunt jintalab jadotta emendi għall-Protokoll skont l-Artikoli 6 u 7(2) tiegħu, il-Kummissjoni hija awtorizzata tapprova l-emendi proposti f’isem l-Unjoni taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin.

(1)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-approvazzjoni f’isem l-Unjoni:

(a)

tkun konformi mal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd;

(b)

tkun kompatibbli mar-regoli rilevanti adottati mill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd u tkun tqis il-ġestjoni konġunta min-naħa tal-Istati kostali;

(c)

tkun tqis l-aħħar informazzjoni statistika, bijoloġika u ta’ tip ieħor rilevanti mibgħuta lill-Kummissjoni.

(2)

Qabel ma tapprova l-emendi proposti f’isem l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħathom lill-Kunsill biżżejjed żmien qabel il-laqgħa rilevanti tal-Kumitat Konġunt.

(3)

Il-Kunsill għandu jevalwa l-konformità tal-emendi proposti mal-kriterji stabbiliti fil-punt (1).

(4)

Il-Kummissjoni għandha tapprova l-emendi proposti f’isem l-Unjoni, sakemm għadd ta’ Stati Membri li jkun daqs minoranza li timblokka lill-Kunsill, skont l-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ma joġġezzjonax għalihom. F’każ li jkun hemm it-tali minoranza li timblokka, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta l-emendi proposti f’isem l-Unjoni.

(5)

Jekk, matul laqgħat ulterjuri tal-Kumitat Konġunt, inklużi laqgħat fuq il-post, ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil, il-kwistjoni għandha terġa’ tintbagħat lill-Kunsill skont il-proċedura prevista fil-punti (2) sa (4), sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tkun tista’ tqis elementi ġodda.

(6)

Il-Kummissjoni hija mistiedna tieħu l-miżuri kollha meħtieġa fiż-żmien dovut biex tiżgura s-segwitu tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, inkluż, meta dan ikun xieraq, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni rilevanti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe proposta meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni.

(7)

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet oħrajn li ma jirrigwardawx emendi tal-Protokoll skont l-Artikoli 6 u 7(2) tiegħu, il-pożizzjoni li l-Unjoni trid tieħu fil-Kumitat Konġunt għandha tiġi stabbilita skont it-Trattati u skont il-prattiki ta’ ħidma stabbiliti.


DEĊIŻJONIJIET

10.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 222/10


DEĊIŻJONI (UE) 2020/986 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Ġunju 2020

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2020/000 TA 2020 — Assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (2), u b’mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-għan tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG) hu li jipprovdi sostenn lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li jaħdmu għal rashom li l-attivitajiet tagħhom ikunu waqfu minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji kkawżati mill-globalizzazzjoni, minħabba kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew minħabba kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u jgħinhom jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol.

(2)

Il-FEG ma jridx jaqbeż l-ammont annwali massimu ta’ EUR 150 miljun (il-prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (3).

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 jipprevedi li kull sena jista’ jintuża massimu ta’ 0,5 % tal-ammont massimu annwali tal-FEG għall-assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li l-FEG jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta’ EUR 345 000 għall-assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2020, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta’ EUR 345 000 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

N. BRNJAC


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)   ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).