ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 218

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
8 ta' Lulju 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/979 tas-7 ta’ Lulju 2020 b’appoġġ għall-iżvilupp ta’ sistema rikonoxxuta internazzjonalment għall-validazzjoni tal-ġestjoni tal-armi u l-munizzjon skont standards internazzjonali miftuħa

1

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

8.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 218/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/979

tas-7 ta’ Lulju 2020

b’appoġġ għall-iżvilupp ta’ sistema rikonoxxuta internazzjonalment għall-validazzjoni tal-ġestjoni tal-armi u l-munizzjon skont standards internazzjonali miftuħa

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fid-19 ta’ Novembru 2018, il-Kunsill adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-armi tan-nar, armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (’SALW’) illeċiti u l-munizzjon tagħhom ’’Aktar Sigurtà fuq l-Armi biex Nipproteġu liċ-Ċittadini’’ (’l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW’). L-għan tal-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW huwa li tiggwida azzjoni Ewropea integrata, kollettiva u kkoordinata għall-prevenzjoni u t-trażżin tal-akkwist illeċitu ta’ SALW u l-munizzjon tagħhom minn terroristi, kriminali u atturi oħra li mhumiex awtorizzati, u li tippromwovi l-obbligu ta’ rendikont u r-responsabbiltà fir-rigward tal-kummerċ fl-armi legali.

(2)

L-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW tinnota li s-sigurtà dgħajfa tal-ħażniet hija fattur ewlieni li jippermetti d-devjazzjoni ta’ armi u munizzjon minn swieq leċiti għal swieq illeċiti. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma impenjati li jgħinu lil pajjiżi oħra biex itejbu l-ġestjoni u s-sigurtà tal-ħażniet miżmuma mill-Istat billi jsaħħu l-oqfsa leġiżlattivi u amministrattivi u l-istituzzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-provvista leġittima u l-ġestjoni tal-ħażniet tas-SALW u l-munizzjon għad-difiża u l-forzi tas-sigurtà.

(3)

L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta’ Diżarm (UNODA) żviluppa standards u prattiki tajbin għall-ġestjoni ta’ armi ħfief u munizzjon: il-Linji Gwida Tekniċi Internazzjonali dwar il-Munizzjon (IATG) u l-Kompendju ta’ Moduli dwar l-Implimentazzjoni tal-kontroll tal-Armi ta’ Kalibru Żgħir (MOSAIC), preċedentement magħrufa bħala l-Istandards Internazzjonali għall-Kontroll tal-Armi Żgħar (ISACS). L-istrateġija tal-UE dwar is-SALW timpenja lill-Unjoni biex tippromwovi u timplimenta standards u prattiki tajbin.

(4)

Fit-30 ta’ Ġunju 2018, it-tielet Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rieżami tal-Progress li Sar fl-Implimentazzjoni tal-Programm ta’ Azzjoni tan-NU kontra Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir illeċiti adottat dokument ta’ eżitu li fih l-Istati ġeddew l-impenn tagħhom għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra d-devjazzjoni ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir. L-Istati affermaw mill-ġdid li jirduppjaw l-isforzi nazzjonali biex jipprovdu ġestjoni sikura, sigura u effettiva tal-ħażniet ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir miżmuma minn forzi armati tal-gvern u minn forzi tas-sigurtà tal-gvern, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt u ta’ wara l-konflitt. L-Istati rrikonoxxew ukoll l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali rilevanti fit-tisħiħ tal-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Azzjoni tan-NU.

(5)

L-Aġenda tan-NU 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tafferma li l-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir hija neċessarja għall-kisba ta’ ħafna għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, fosthom dawk relatati mal-paċi, il-ġustizzja u l-istituzzjonijiet b’saħħithom, it-tnaqqis tal-faqar, it-tkabbir ekonomiku, is-saħħa, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-bliet sikuri. Għalhekk, fl-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 16.4, l-Istati kollha impenjaw ruħhom li jnaqqsu b’mod sinifikanti l-flussi illeċiti finanzjarji u tal-armi.

(6)

Fl-Aġenda għad-Diżarm "Securing our Common Future" ("Niżguraw il-Ġejjieni Komuni Tagħna") (1), li ġiet ippreżentata fl-24 ta’ Mejju 2018, is-Segretarju Ġenerali tan-NU appella biex tiġi indirizzata l-akkumulazzjoni eċċessiva ta’ armi konvenzjonali u l-kummerċ illeċitu f’armi konvenzjonali u appella għall-appoġġ ta’ approċċi fil-livell ta’ pajjiżi għall-armi ħfief. L-Unjoni ddeċidiet li tappoġġa l-Azzjoni 22 tal-Aġenda: "Secure excessive and poorly maintained stockpiles" (L-iżgurar ta’ ħażniet eċċessivi u ħażniet li mhumiex miżmuma sew).

(7)

Iċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Ġinevra għat-Tneħħija ta’ Mini għal Skopijiet Umanitarji (GICHD) jikkontribwixxi għall-iżvilupp, ir-rieżami u l-promozzjoni tal-Istandards Internazzjonali ta’ Azzjoni rigward il-Mini, u, permezz tat-Tim ta’ Konsulenza għall-Ġestjoni tal-Munizzjon (AMAT) tiegħu, għall-iżvilupp, ir-rieżami u d-disseminazzjoni tal-Linji Gwida Tekniċi Internazzjonali dwar il-Munizzjon (IATG). L-AMAT huwa parti mill-GICHD. L-AMAT inħoloq bħala riżultat ta’ inizjattiva konġunta bejn il-GICHD u l- UNODA b’reazzjoni għall-ħtieġa urġenti ta’ appoġġ għall-Istati fil-ġestjoni sikura, sigura u effettiva tal-munizzjon, f’konformità mal- IATG.

(8)

Fl-4 ta’ Diċembru 2017, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat ir-riżoluzzjoni 72/55 dwar problemi li jirriżultaw mill-akkumulazzjoni ta’ ħażniet żejda ta’ munizzjon konvenzjonali. Dik ir-riżoluzzjoni tappoġġa inizjattivi fil-livelli internazzjonali, reġjonali u dak nazzjonali li jixħtu dawl fuq it-titjib tal-ġestjoni sostenibbli tal-munizzjon, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-IATG.

(9)

L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma donaturi ewlenin fil-qasam tal-għajnuna u l-iżvilupp tal-kapaċità għall-kontroll tal-armi ħfief inġenerali, u għas-sigurtà fiżika u l-ġestjoni tal-ħażniet b’mod partikolari. Filwaqt li jeżistu diversi standards u linji gwida internazzjonali għall-ġestjoni u s-sigurtà tal-ħażniet, ma hemm l-ebda metodoloġija standardizzata u rikonoxxuta internazzjonalment għat-twettiq ta’ valutazzjonijiet indipendenti u validazzjoni tal-konformità ma’ dawn l-istandards. Konsegwentement, huwa diffiċli jitkejjel l-impatt tal-assistenza tal-Unjoni għas-sigurtà tal-ħażniet tal-armi.

(10)

Metodoloġija rikonoxxuta internazzjonalment għall-validazzjoni indipendenti tal-konformità mal-istandards internazzjonali tal-ġestjoni tal-armi ser tippermetti l-kejl tal-impatt tal-assistenza tal-Unjoni lil pajjii terzi b’rabta mal-ġestjoni tal-ħażniet tal-armi; din ser tappoġġa wkoll il-valutazzjoni tar-riskju fil-kuntest tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi u l-għoti ta’ assistenza militari.

(11)

L-Unjoni għalhekk jenħtieġ li tappoġġa proġett għall-istabbiliment tal-fattibbiltà tal-iżvilupp ta’ sistema volontarja rikonoxxuta internazzjonalment għall-validazzjoni tal-ġestjoni tal-armi u l-munizzjon abbażi ta’ standards internazzjonali miftuħa,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-armi tan-nar, armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (’SALW’) illeċiti u l-munizzjon tagħhom intitolata ’’Aktar Sigurtà fuq l-Armi biex Nipproteġu liċ-Ċittadini’’ (’l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW’) u l-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà, l-Unjoni għandha tappoġġa proġett li jistudja l-fattibbiltà li tiġi stabbilita sistema ta’ validazzjoni rikonoxxuta internazzjonalment għall-validazzjoni ta’ politiki u prattiki għall-ġestjoni sigura u sikura tas-SALW u l-minuizzjon.

Il-proġett għandu jikkonsisti f’żewġ fażijiet, "Fażi I" u "Fażi II".

Matul il-Fażi I, fl-ewwel sena tal-implimentazzjoni, għandu jsir studju tal-fattibbiltà għall-iżvilupp ta’ Sistema ta’ Validazzjoni tal-Ġestjoni tal-Armi u l-Munizzjon (’AAMVS’) rikonoxxuta internazzjonalment, li tinvestiga opzjonijiet għal metodoloġiji u għodod xierqa għall-valutazzjoni tar-riskju u tal-kwalità;

Soġġett għall-paragrafu 2, matul il-Fażi II, abbażi tal-eżitu tal-istudju tal-fattibbiltà tal-Fażi I, għandu jiġi żviluppat kunċett għall-ħolqien ta’ AAMVS.

Deskrizzjoni tal-proġett hua stabbilit fl-Anness.

2.   Il-Kunsill għandu jiddeċiedi abbażi tal-eżitu tal-istudju tal-fattibbiltà li jirriżulta mill-Fażi I tal-proġett dwar jekk il-Fażi II tal-proġett għandux jiġi implimentat.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (’ir- Rappreżentant Għoli’) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandha titwettaq miċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Ġinevra għat-Tneħħija ta’ Mini għal skopijiet umanitarji (’GICHD’) u l-aġenzija speċjalizzata tiegħu, it-Tim ta’ Konsulenza għall-Ġestjoni tal-Munizzjon (’AMAT’).

3.   Il-GICHD għandu jwettaq il-kompiti tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dan il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-GICHD.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni msemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun EUR 1 642 109.

2.   L-ammont maħsub biex ikopri l-Fażi I tal-proġett għandu jkun ta’ EUR 821 872. L-ammont ta’ EUR 820 237 li jifdal għandu jintuża jekk il-Kunsill jiddeċiedi li jimplimenta l-Fażi II tal-proġett.

3.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta’ referenza stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

4.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni adatta tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament neċessarju mal-GICHD. Il-ftehim ta’ finanzjament għandu jistipula li l-GICHD jeħtieġ li jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adatta għad-daqs tagħha.

5.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 4 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill dwar kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament.

Artikolu 4

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti narrattivi regolari ta’ kull sitt xhur mħejjija mill-GICHD. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni li għandha ssir mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 14-il xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(4), sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix li jestendi d-Deċiżjoni sabiex jippermetti l-implimentazzjoni tal-Fażi II tal-proġett, jew, jekk ma jkun intlaħaq ebda ftehim f’dak il-perijodu, sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  https://www.un.org/disarmament/publications/more/securing-our-common-future/


ANNESS

PROĠETT GĦALL-IŻVILUPP TA’ SISTEMA RIKONOXXUTA INTERNAZZJONALMENT GĦALL-VALIDAZZJONI TAL-ĠESTJONI TAL-ARMI U L-MUNIZZJON SKONT STANDARDS INTERNAZZJONALI MIFTUĦA

1.   Raġuni għal appoġġ mill-PESK

Dan il-proġett għandu l-għan li jsaħħaħ is-sigurtà u s-sikurezza tal-ħażniet tal-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW) u l-munizzjon permezz tal-iżvilupp ta’ sistema rikonoxxuta internazzjonalment li tippermetti validazzjoni/ċertifikazzjoni indipendenti tal-konformità mill-Istati ma’ standards internazzjonali miftuħa, fuq bażi volontarja, b’mod li juri l-kapaċità tagħhom li jindirizzaw u jipprevjenu d-devjazzjoni u l-isplużjonijiet aċċidentali.

Id-devjazzjoni u l-proliferazzjoni illeċita ta’ SALW u munizzjon jalimentaw il-kriminalità, it-terroriżmu, il-vjolenza bl-armi u l-instabbiltà, filwaqt li jimminaw l-iżvilupp sostenibbli, il-governanza tajba, l-ordni pubbliku, kif ukoll l-aċċess għall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-ġustizzja u drittijiet ċivili oħra. Barra minn hekk, SALW illeċiti jistgħu jintużaw biex jitwettqu jew jiġu ffaċilitati atti serji ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru. Id-devjazzjoni u l-proliferazzjoni illeċita ta’ SALW u munizzjon għandhom il-potenzjal li jimminaw il-paċi u s-sigurtà, filwaqt li jiddestablizzaw l-Istati u s-soċjetajiet u eventwalment ir-reġjuni kollha. B’hekk, dan idgħajjef il-progress lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), speċjalment l-SDG 16 (paċi, ġustizzja u istituzzjonijiet b’saħħithom), iżda wkoll l-SDG 5 (ugwaljanza bejn il-ġeneri) u 11 (bliet u komunitajiet sostenibbli).

Il-ġestjoni sikura u sostenibbli tal-ħażniet nazzjonali tas-SALW u l-munizzjon hija strumentali fit-trażżin tal-proliferazzjoni illeċita. Il-ġestjoni ineffettiva tal-ħażniet hija fattur ewlieni li jippermetti d-devjazzjoni ta’ armi u munizzjon minn swieq leċiti għal swieq illeċiti. Il-ġestjoni tal-ħażniet hija partikolarment prekarja fi stati milquta minn kunflitt vjolenti jew istituzzjonijiet u strutturi ta’ governanza dgħajfa. F’kuntesti bħal dawn, it-trawwim ta’ ġestjoni sikura, sigura u sostenibbli tal-ħażniet jippromwovi l-obbligu ta’ rendikont u r-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali li jipprevjenu d-devjazzjoni tas-SALW u l-munizzjon, li, min-naħa tagħhom, jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-istabbiltà, l-iżvilupp u l-governanza tajba.

L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kienu qed jassistu pajjiżi terzi biex itejbu l-ġestjoni u s-sigurtà tal-ħażniet nazzjonali billi saħħew l-oqfsa leġiżlattivi u amministrattivi u l-istituzzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-provvista leġittima tas-SALW u l-munizzjon għad-difiża u l-forzi tas-sigurtà u l-ġestjoni ta’ tali ħażniet. Iżda l-impatt ta’ din l-assistenza diffiċli jitkejjel. Bħalissa ma hemm l-ebda mekkaniżmu internazzjonali li jippermetti li pajjiżi terzi juru l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti regolatorji u mal-istandards tekniċi u ta’ ġestjoni. Dan jista’ jkun problematiku għal Stati li investew fit-titjib tal-politiki u l-prattiki tagħhom dwar il-ġestjoni tas-SALW u l-munizzjoni iżda li jonqsu milli jinkoraġġixxu l-kunfidenza u l-fiduċja minn sħab internazzjonali minħabba rekords passati dwar devjazzjoni u dwar ġestjoni u sigurtà ħżiena tal-ħażniet.

Filwaqt li jeżistu diversi standards internazzjonali, linji gwida u l-aħjar prattiki għall-ġestjoni u s-sigurtà tal-ħażniet, ma hemm l-ebda metodoloġija standardizzata u rikonoxxuta internazzjonalment għat-twettiq ta’ valutazzjonijiet indipendenti u validazzjoni tal-konformità ma’ dawn l-istandards. F’ħafna setturi – industrijali kif ukoll governattivi – sabiex jiġu esposti l-kwalità, is-sikurezza u s-sigurtà tal-prodotti u s-servizzi u l-konformità ma’ normi internazzjonali, hija meħtieġa xi forma ta’ garanzija li tinvolvi ċ-ċertifikazzjoni jew il-validazzjoni. Il-ħruġ ta’ ċertifikati rregolati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) huwa eżempju magħruf sew. L-istess metodu jista’ jiġi applikat għall-ġestjoni sikura u sigura tal-ħażniet tas-SALW u l-munizzjon.

Sistema ta’ ċertifikazzjoni jew validazzjoni tippermetti lil Stat li jkun investa fil-ġestjoni u s-sigurtà tal-ħażniet li juri volontarjament li s-sistema tiegħu ta’ ġestjoni tas-SALW u l-munizzjon (jiġifieri l-politiki u l-prattiki) hija konformi ma’ standards rikonoxxuti internazzjonalment. Iċ-ċertifikazzjoni volontarja ta’ politiki u prattiki nazzjonali tindika li r-riskju ta’ splużjoni aċċidentali u devjazzjoni ġie indirizzat u mitigat minħabba l-fatt li l-implimentazzjoni ta’ standards internazzjonali miftuħa tkun ġiet verifikata b’mod indipendenti. Barra minn hekk, il-garanzija trawwem fiduċja fil-komunitajiet lokali, kif ukoll fost is-sħab reġjonali u internazzjonali, fl-abbiltà tal-Istat li jirregola u jiġġestixxi b’mod effettiv il-ħażniet tiegħu, mingħajr il-ħtieġa li l-Istat jiżvela informazzjoni li tappartjeni għan-natura u d-daqs tal-ħażna tas-SALW u l-munizzjon tiegħu. Iċ-ċertifikazzjoni tista’ tintuża wkoll biex jiġu infurmati l-valutazzjonijiet tar-riskju tad-devjazzjoni imwettqa minn Stati fornituri tal-armi fil-kuntest tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi (bħal dawk deskritti taħt l-Artikolu 11 tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (TKA) u l-Kriterju 7 tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (1)).

Barra minn hekk, rigward il-kooperazzjoni u l-assistenza fil-qasam tal-kontroll tas-SALW u l-munizzjon, il-validazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni jistgħu jipprovdu gwida fid-deċiżjonijiet ta’ programmazzjoni u tinforma l-valutazzjoni tal-impatt ta’ attivitajiet ta’ assistenza fil-passat.

Dan il-proġett huwa rilevanti wkoll fil-kuntest tal-ħidma li għaddejja tal-Grupp ta’ Esperti Governattivi (GEG) li qed jeżamina l-problemi li jirriżultaw mill-akkumulazzjoni ta’ ħażniet żejda ta’ munizzjon konvenzjonali, bi tweġiba għall-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-AĠNU 72/55 ta’ Diċembru 2017.

2.   Introduzzjoni

Dan il-proġett ser jistudja l-fattibbiltà li tiġi stabbilita sistema ta’ validazzjoni/ċertifikazzjoni rikonoxxuta internazzjonalment għall-politiki u l-prattiki tal-ġestjoni tas-SALW u l-munizzjon. Ir-riskju tad-devjazzjoni tas-SALW u l-munizzjon lil atturi mhux awtorizzati huwa preżenti tul il-katina tal-provvista kollha: mill-manifattura għat-trasferiment (esportazzjoni, transitu u importazzjoni), permezz ta’ ħażniet (ħżin u użu), sar-rimi (trasferiment u qerda). Il-ħażniet tal-munizzjon ukoll huma ta’ riskju ta’ splużjoni inċidentali, b’mod partikolari fil-ħżin iżda potenzjalment ukoll f’punti oħra tal-katina tal-provvista tal-ħażniet. L-indirizzar ta’ dawn l-isfidi huwa responsabbiltà tal-Istat u jeħtieġ approċċ komprensiv taċ-ċiklu tal-ħajja f’konformità man-normi u l-miżuri nazzjonali u internazzjonali inkluż, iżda mhux limitat għalihom, il-Linji Gwida Tekniċi Internazzjonali dwar il-Munizzjon (IATG), il-Kompendju ta’ Moduli dwar l-Implimentazzjoni tal-Kontroll tal-Armi ta’ Kalibru Żgħir (MOSAIC), l-aħjar prattiki maħruġa mill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), u l-Pubblikazzjoni Alleata tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana dwar il-Ħżin u t-Trasport tal-Munizzjoni (NATO-AASTP).

L-għan primarju ta’ dan il-proġett huwa li jappoġġa l-istabbiliment ta’ politiki u prattiki li jirrigwardaw il-ġestjoni sikura, sigura u sostenibbli tas-SALW u l-munizzjon f’pajjiżi b’rekords ta’ devjazzjoni u ta’ splużjonijiet inċidentali. B’mod speċifiku, il-proġett ser jiġġenera u janalizza għażliet għall-validazzjoni/ċertifikazzjoni rikonoxxuti internazzjonalment ta’ politiki u prattiki għall-ġestjoni sikura u sigura tas-SALW u l-munizzjon fil-katina tal-provvista. Il-proġett ser jappoġġa l-iżvilupp ta’ sistema li tippermetti lill-Istati juru b’mod volontarju permezz ta’ valutazzjoni indipendenti li dawn il-kwistjonijiet ġew indirizzati u li l-prattiki u l-politiki tagħhom dwar il-ġestjoni tal-armi huma f’konformità mal-istandards internazzjonali miftuħa.

Dan il-proġett jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-armi tan-nar, armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti u l-munizzjon tagħhom (’l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW’). Huwa għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċità tal-Istati benefiċjarji fl-implimentazzjoni tal-PtA tan-NU, l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar (ITI), it-TKA, l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (b’mod partikolari l-Għanijiet 16 (il-mira 16.4), 5 u 11), u l-Aġenda tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għad-Diżarm (2018, Azzjoni 22: Disarmament that saves lives) (Diżarm li jsalva l-ħajjiet). L-implimentazzjoni tal-proġett ser iżżid it-trasparenza u r-responsabbiltà fil-governanza u l-ġestjoni ta’ armi konvenzjonali u munizzjon f’konformità ma’ prattika tajba internazzjonali, inkluż l-IATG, il-MOSAIC, il-linji gwida tal-OSKE u n-NATO-AASTP. Il-proġett ser jieħu kont ukoll tas-sejbiet u l-isforzi tal-Uffiċċju tan-NU għad-Diżarm fir-rigward ta’ ġestjoni ta’ armi u munizzjon sensittiva għall-kwistjonijiet relatati mal-ġeneru.

3.   L-Għan tal-Proġett u l-Objettivi Ewlenin

L-għan ġenerali ta’ dan il-proġett huwa s-sigurtà u s-sikurezza tal-ħażniet tas-SALW u l-munizzjon b’mod globali permezz tal-iżvilupp ta’ sistema rikonoxxuta internazzjonalment li tippermetti validazzjoni/ċertifikazzjoni indipendenti tal-konformità mal-istandards internazzjonali miftuħa dwar il-ġestjoni tal-ħażniet nazzjonali ta’ armi żgħar u l-munizzjon.

L-eżitu mixtieq tal-proġett huwa maħsub biex iservi pajjiżi terzi (Stati Membri mhux tal-UE) li qed jesperjenzaw sfidi fir-rigward tal-ġestjoni sikura u sigura tal-armi u l-munizzjon li wasslu għal devjazzjoni tal-armi u splużjonijiet mhux intenzjonati.

Għal raġunijiet ta’ leġġibbiltà, din il-proposta ser tirreferi għal sistemi rikonoxxuti internazzjonalment għall-validazzjoni tal-ġestjoni tal-armi u l-munizzjon skont standards internazzjonali miftuħa, bħal Sistemi ta’ Validazzjoni tal-Ġestjoni tal-Armi u l-Munizzjon jew AAMVS.

Sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-proġett għandu l-objettivi ewlenin li ġejjin:

(a)

it-twettiq ta’ studju tal-fattibbiltà dwar l-għażliet biex tiġi żviluppata Sistema ta’ Validazzjoni tal-Ġestjoni tal-Armi u l-Munizzjon, permezz tal-iżvilupp ta’ metodoloġija u għodod xierqa ta’ valutazzjoni tar-riskju u tal-kwalità;

(b)

abbażi tar-riżultati tal-objettiv a), jiġi żviluppat kunċett u triq ’il quddiem għall-kisba ta’ Sistema ta’ Validazzjoni tal-Ġestjoni tal-Armi u l-Munizzjon rikonoxxuta internazzjonalment, bil-ħsieb li jiġu evitati devjazzjoni u splużjonijiet inċidentali f’ħażniet tal-armi u l-munizzjon.

4.   Deskrizzjoni tal-Proġett

Minħabba l-inċertezzi fir-rigward tal-ivvjaġġar internazzjonali fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u x-xewqa li jitnaqqas l-ivvjaġġar bl-ajru fid-dawl tat-tibdil fil-klima, lfejn possibbli u fattibbli, limplimentatur ser iħares lejn l-għażliet ta’ laqgħat li ma jeħtiġux ivvjaġġar (bl-ajru).

Fażi I: Valutazzjoni tal-fattibbiltà ta’ Sistema ta’ Validazzjoni tal-Ġestjoni tal-Armi u l-Munizzjon (AAMVS) rikonoxxuta internazzjonalment.

4.1.   Konsolidazzjoni tal-proġett

Objettiv: l-iżvilupp tal-pjan ġenerali ta’ implimentazzjoni tal-proġett – f’kollaborazzjoni mas-SEAE u s-sħab, l-iżvilupp tal-ambitu tal-istudju tal-fattibbiltà, inkluż il-metodoloġija u l-identifikazzjoni ta’ intervisti mal-partijiet ikkonċernati ewlenin (KSI), l-istabbiliment tal-grupp ta’ ħidma ta’ esperti (EWG) biex ikun ta’ appoġġ u jwettaq rieżami tal-istudju tal-fattibbiltà u biex iqajjem kuxjenza dwar il-proġett.

Attivitajiet: attivitajiet speċifiċi mwettqa taħt dan l-eżitu u implimentati matul l-ewwel xahrejn tal-proġett jinkludu:

1.

L-Iżvilupp tal-Pjan tal-Proġett (Sena 1, Xahar 1): konsultazzjonijiet mat-tim tal-proġett ewlieni biex jiġu ffinalizzati l-ippjanar/skedi ta’ żmien, ir-responsabbiltajiet, u l-ambitu u l-metodoloġija tal-istudju tal-fattibbiltà.

2.

L-Istabbiliment tal-EWG (Sena 1, Xahar 1): l-identifikazzjoni ta’ esperti rilevanti (massimu ta’ 10 individwi) u l-istedina tagħhom biex jissieħbu mal-EWG. L-EWG ser ikun magħmul minn prattikanti (b’għarfien espert fil-ġestjon tal-armi, it-twettiq ta’ valutazzjonijiet nazzjonali dwar il-ġestjoni tal-armi u l-munizzjon, l-akkreditazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni, il-kontroll tal-armi, il-manifattura tas-SALW u l-munizzjon)., L-EWG ser jipprovdi appoġġ kontinwu u rieżami espert tal-istudju tal-fattibbiltà u l-iżvilupp sussegwenti tal-metodoloġija ta’ validazzjoni. It-tim tal-proġett ser jieħu l-passi neċessarji biex jiżgura li jitqiesu kunsiderazzjonijiet dwar il-ġeneru u d-diversità fit-tfassil tal-EWG.

3.

Workshop Inizjali (Sena 1, Xahar 2): l-organizzazzjoni ta’ workshop ta’ ġurnata f’Ġinevra li jlaqqa’ flimkien 20 parti kkonċernata ewlenija (inkluż it-tim tal-proġett ewlieni, persuni maħturin mill-UE/is-SEAE, l-EWG, u r-rappreżentanti tas-sħab) biex jippreżentaw l-ambitu u l-metodoloġija tal-istudju tal-fattibbiltà u jagħtu bidu għall-proġett. Il-workshop ser jitfassal u jiġi implimentat b’kont meħud għall-ġeneri u d-diversità.

Riżultati: il-produzzjoni ta’ pjan ta’ proġett, ftehim dwar l-ambitu tal-proġett, l-istabbiliment tal-EWG, żieda fl-għarfien tal-proġett, il-produzzjoni tar-rapport ta’ sinteżi tal-workshop inizjali.

4.2.   Analiżi Preliminari

Objettiv: issir analiżi preliminari biex jinkiseb fehim aktar żviluppat tal-ħtieġa għall-iżvilupp tal-AAMVS. Dan ser ikun l-ewwel stadju importanti tal-proġett. Jekk matul din il-valutazzjoni ma jkun hemm ebda oppożizzjoni li ma tistax tingħeleb, il-proġett jipproċedi bl-istudju sħiħ tal-fattibbiltà.

Attivitajiet: attivitajiet speċifiċi implimentati matul l-ewwel ħames xhur tal-proġett jinkludu:

1.

Studju Preliminari (Sena 1, Xahar 2 sa 5): il-ġbir u r-rieżami tal-letteratura, l-istrumenti, il-linji gwida, il-proċeduri u l-istandards miftuħa rilevanti li jikkonċernaw il-ġestjoni tal-ħażniet tal-armi u l-munizzjon u l-għoti ta’ ħarsa ġenerali lejn il-mekkaniżmi internazzjonali rilevanti ta’ validazzjoni u ċertifikazzjoni.

2.

Intervisti mal-Partijiet Ikkonċernati Ewlenin (Sena 1, Xahar 2 sa 5): l-iżvilupp ta’ metodoloġija għall-intervisti tal-partijiet ikkonċernati ewlenin (KSI) u l-użu ta’ din il-metodoloġija għall-intervisti ta’ prattikanti tal-politika rilevanti biex tinftiehem il-ħtieġa għall-iżvilupp ta’ AAMVS u r-rieda biex isir dan. Il-KSIs ser jitwettqu permezz tat-telekomunikazzjoni u personalment fi Vjenna, Brussell, u New York, kif ukoll fil-marġni ta’ laqgħat/konferenzi rilevanti (eż. Simposju MSAG, Laqgħat ta’ Stati dwar il-PtA tan-NU, Assemblea Ġenerali tan-NU, Konferenza dwar it-TKA tal-Istati Partijiet, u diversi laqgħat reġjonali). Il-KSIs ser jiġu identifikati b’kont meħud għall-ġeneru u d-diversità.

3.

Rapport Preliminari (Sena 1, Xahar 4 sa 5): fuq il-bażi ta’ studju preliminari u KSIs, abbozz ta’ rapport li jispjega l-ħtieġa għall-ħolqien ta’ AMIVS. Ir-rapport ser jipprovdi indikazzjoni ċara dwar jekk għandux jitkompla l-istudju tal-fattibbiltà, u jekk iva, ser jiddeskrivi l-ambitu tal-istudju.

Riżultati: studju preliminari, metodoloġija u analiżi tal-KSI, dokument ta’ informazzjoni dwar l-iżvilupp ta’ AAMVS.

4.3.   Studju tal-Fattibbiltà

Objettiv: il-valutazzjoni tal-fattibbiltà u l-alternattivi għall-iżvilupp ta’ AAMVS permezz tal-iżvilupp ta’ metodoloġiji u għodod xierqa għall-valutazzjoni tal-kwalità u tar-riskju. L-istudju tal-fattibbiltà ser ikun iggwidat mis-seba’ mistoqsijiet li ġejjin li jirrigwardaw l-istabbiliment ta’ AAMVS:

Is-sistema hija teknikament u operazzjonalment fattibbli?

Is-sistema hija legalment fattibbli?

Is-sistema hija ekonomikament/kummerċjalment fattibbli?

Is-sistema hija politikament fattibbli?

Is-sistema hija fattibbli f’termini ta’ sigurtà militari?

Is-sistema hija fattibbli f’termini ta’ sikurezza u sigurtà għall-komunità?

Is-sistema hija fattibbli f’perijodu ta’ żmien raġonevoli?

Attivitajiet: attivitajiet speċifiċi li jridu jitwettqu taħt dan l-eżitu u implimentati matul l-ewwel tnax-il xahar tal-proġett jinkludu:

1.

Workshops ta’ Esperti (Sena 1, Xahar 5 sa 11): ser isiru tliet workshops, li jlaqqgħu flimkien sa għaxar membri tal-Grupp ta’ Ħidma ta’ Esperti (EWG) biex jiddiskutu u jiżviluppaw l-istudju tal-fattibbiltà. L-ewwel żewġ workshops ser isiru virtwalment, filwaqt li t-tielet workshop ser ikun avveniment ta’ jumejn f’Ġinevra. L-ewwel workshop ser ikun ddedikat għar-rieżami tas-sejbiet tar-rapport preliminari u jiddefinixxi d-deskrizzjoni tal-istudju tal-fattibbiltà. It-tieni workshop ser ikun iddedikat għall-esplorazzjoni tal-aspetti tekniċi u operattivi tal-istabbiliment ta’ AAMVS. L-ewwel ġurnata tat-tielet workshop ser jiffoka fuq l-aspetti legali u ekonomiċi ta’ tali sistema, kif ukoll l-iskeda ta’ żmien għas-sistema, filwaqt li t-tieni ġurnata tat-tielet workshop ser jieħu kont tal-istudju tal-fattibbiltà b’mod ġenerali. Il-workshops ser jitfasslu u jiġu implimentati b’kont meħud għall-ġeneru u d-diversità.

2.

Rapporti tal-Workshops tal-Esperti (Sena 1, Xahar 5 sa 11): wara kull workshop, ser jitfassal rapport tal-workshop u jiġi kondiviż mal-parteċipanti tal-EWG u tas-SEAE. Ir-rapporti ser jiġbru fil-qosor id-diskussjoni prinċipali, u jenfasizzaw il-punti ta’ konverġenza u diverġenza.

3.

Rapport tal-Fattibbiltà (Sena 1, Xahar 11 sa 12): rapport li jiddeskrivi l-opzjonijiet biex tiġi żviluppata l-AAMVS, permezz tal-iżvilupp ta’ metodoloġiji u għodod għall-valutazzjoni tar-riskju u tal-kwalità.

Riżultati: workshops u rapporti ta’ esperti, u rapport tal-fattibbiltà li jiddeskrivi l-opzjonijiet għal sistema ta’ validazzjoni/ċertifikazzjoni internazzjonali għall-ġestjoni tal-ħażniet tal-armi u l-munizzjon.

4.4.   Laqgħat annwali dwar il-validazzjoni/ċertifikazzjoni tal-ħażniet tal-armi u l-munizzjon

Objettiv: titqajjem kuxjenza dwar il-proġett, il-preżentazzjoni tal-progress tal-proġett, u l-kondiviżjoni tal-esperjenzi fost l-Istati u s-sħab tal-Unjoni fir-rigward tal-metodoloġiji u s-sistemi ta’ validazzjoni/ċertifikazzjoni internazzjonali eżistenti.

Attivitajiet: sa żewġ laqgħat ta’ ġurnata (li jsiru fl-aħħar tal-ewwel u t-tieni sena tal-proġett, rispettivament). Il-laqgħat ser isiru fi Brussell u ser ikunu ddedikati biex ilaqqgħu flimkien il-partijiet ikkonċernati, inklużi l-Istati Membri tal-Unjoni, rappreżentanti tas-SEAE u l-Kummissjoni, u s-sħab rilevanti biex titqajjem kuxjenza dwar il-proġett u jiġi ppreżentat l-istudju tal-fattibbiltà (tmiem il-Fażi I), u l-metodoloġija u l-għodod tal-valutazzjoni tar-riskju u tal-kwalità (tmiem il-Fażi II).

L-ewwel laqgħa annwali ser tkun it-tieni stadju importanti tal-proġett.

Riżultati: skambji ta’ informazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati fir-rigward tal-miżuri għall-prevenzjoni u l-indirizzar tad-devjazzjoni; rapport tal-laqgħa.

Il-Kunsill ser jikkunsidra l-istudju tal-fattibbiltà li jirriżulta mill-Fażi I u ser jiddeċiedi jekk ikomplix il-proġett u l-implimentazzjoni tal-Fażi II. Il-proġett ser tiskadi wara 14-il xahar, sakemm il-Kunsill jieħu deċiżjoni li jestendiha biex jippermetti l-implimentazzjoni tal-Fażi II. L-istabbiliment tal-iskadenza għal 14-il xahar, minflok 12-il xahar, tagħti lill-Kunsill żmien biżżejjed biex jikkunsidra l-eżitu tal-istudju tal-fattibbiltà.

Fażi II: L-iżvilupp ta’ pjan għall-ħolqien ta’ Sistema ta’ Validazzjoni tal-Ġestjoni tal-Armi u l-Munizzjon (AAMVS).

4.5.   Żvilupp ta’ metodoloġija, għodod u riżorsi ta’ validazzjoni/ċertifikazzjoni

Objettiv: il-parti l-kbira tal-Fażi II ser tkun iddedikata għall-iżvilupp ta’ kunċett u pjan ta’ żvilupp għall-istbbiliment ta’ AAMVS.

Nota 1: L-implimentazzjoni tal-Fażi II ser tiddependi fuq il-fatt li l-Kunsill jieħu Deċiżjoni ġdida biex jiġi estiż il-proġett ibbażat fuq l-eżitu tal-istudju tal-fattibbiltà (Fażi I).

Attivitajiet: attivitajiet speċifiċi mwettqa taħt dan l-eżitu u implimentati matul it-tieni sena tal-proġett jinkludu:

Pjan tal-Proġett tal-Fażi II (Sena 2, Xahar 1): konsultazzjonijiet mat-tim tal-proġett ewlieni biex jiffinalizza l-ippjanar/l-iskedi ta’ żmien tal-Fażi II, ir-responsabbiltajiet, il-kooperazzjoni, l-ambitu tal-assistenza teknika (jiġifieri workshops reġjonali u żjarat pilota ta’ valutazzjoni/validazzjoni tal-metodoloġija tat-test).

Workshop dwar l-ippjanar tal-Fażi II (Sena 2, Xahar 2): l-organizzazzjoni ta’ workshop ta’ ġurnata f’Ġinevra li jlaqqa’ flimkien 20 parti kkonċernata ewlenija (inkluż it-tim tal-proġett ewlieni, rappreżentanti ta’ korpi standard internazzjonali, rappreżentanti ta’ korpi ta’ ċertifikazzjoni, persuni maħturin mill-UE/is-SEAE, l-EWG, u rappreżentanti tas-sħab) biex jaqblu dwar l-ambitu u l-kontenut tal-AAMVS.

Workshops ta’ Żvilupp ta’ Metodoloġija ta’ Esperti (Sena 2, Xhur 3 sa 8): tliet workshops li jiġbru flimkien il-Grupp ta’ Ħidma ta’ Esperti (EWG) u l-esperti f’ċertifikazzjoni u akkreditazzjoni ta’ standards internazzjonali biex jiddiskutu u jabbozzaw pjan ta’ żvilupp għall-ħolqien ta’ AMIVS. Żewġ workshops minnhom ser isiru virtwalment, filwaqt li t-tielet workshop ser ikun avveniment ta’ ġurnata f’Ġinevra.

Workshop ta’ validazzjoni (Sena 2, Xahar 9): workshop ta’ ġurnata dwar il-validazzjoni f’Ġinevra, li jlaqqa’ flimkien 20 parteċipant u li jipprovdi opportunità għat-tim tal-proġett, l-EWG, u esperti f’ċertifikazzjoni u akkreditazzjoni ta’ standards internazzjonali biex jiġi ppreżentat il-pjan ta’ żvilupp għal AAMVS. Dan il-workshop mhux biss iservi biex iqajjem kuxjenza dwar il-benefiċċji u l-modalitajiet ta’ AAMVS iżda jipprovdi wkoll opportunità għall-identifikazzjoni ta’ passi konkreti li għandhom jittieħdu biex jiġu żgurati l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-AAMVS. Il-workshop ser jitfassal u jiġi implimentat b’kunsiderazzjoni dovuta tal-ġeneri u d-diversità.

Il-finalizzazzjoni tal-pjan ta’ żvilupp għal AAMVS u l-identifikazzjoni tal-passi li jmiss (Sena 2, Xahar 10–12): l-emendar tal-pjan ibbażat fuq il-feedback mill-workshop ta’ validazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-pjan ta’ żvilupp.

Riżultati: pjan stabbilit għall-iżvilupp ta’ AAMVS.

5.   Monitoraġġ tal-Proġett u Evalwazzjoni

Objettiv: il-provvista ta’ valutazzjoni ta’ nofs it-terminu u finali tal-attivitajiet tal-proġett biex jiġi żgurat li l-proġett ikun laħaq l-objettivi tiegħu, u li l-infiq tal-proġett ikunu konformi mal-baġit maqbul.

Attivitajiet: il-proġett ser jinkludi kemm monitoraġġ intern kif ukoll evalwazzjoni esterna.

Il-Kunsill ser jiġi regolarment infurmat dwar il-progress tal-implimentazzjoni tal-proġett.

Monitoraġġ Intern: abbażi tas-sistema ta’ ġestjoni bbażata fuq ir-riżultati applikata fl-AMAT u appoġġata minn persunal ewlieni tal-proġett.

Evalwazzjoni Esterna: f’kollaborazzjoni mal-Kunsill, ir-reklutaġġ ta’ tim ta’ evalwazzjoni esterna (jiġifieri konsulenti indipendenti li ma jaħdmux għall-GICHD jew l-Unjoni fiż-żmien tal-implimentazzjoni tal-proġett) li jwettaq rieżami ta’ nofs it-terminu u valutazzjoni finali tal-proġett.

Ir-rieżami ta’ nofs it-terminu u l-valutazzjoni finali ser isiru fi Brussell, immedjatament wara l-laqgħat annwali jekk dan ikun possibbli (ara l-punt 4.4). Ir-rieżami ta’ nofs it-terminu ser ikun workshop ta’ jumejn, li jlaqqa’ lis-SEAE, rappreżentanti mill-Istati Membri u s-sħab tal-Unjoni. L-avveniment ta’ valutazzjoni finali ser ikun laqgħa ta’ jumejn, li għaliha jattendu is-SEAE, rappreżentanti mill-Istati Membri tal-Unjoni, kif ukoll rappreżentanti mis-sħab.

Il-proġett ser jinkludi awditu finanzjarju f’konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni.

Riżultati: rapport ta’ valutazzjoni tal-impatti tal-proġett; awditi finanzjarji.

6.   Aġenziji ta’ implimentazzjoni u sħubiji

Il-GICHD, permezz tal-AMAT, huwa l-aġenzija ta’ implimentazzjoni ewlenija għall-proġett. B’mod speċifiku, l-AMAT ser imexxi l-istudju tal-fattibbiltà (Fażi I) u ser jaħdem ma’ sħab rilevanti biex jiġi żviluppat il-kunċett għal metodoloġija u għodod ta’ valutazzjoni (Fażi II).

Il-proposti għal sħab addizzjonali, li l-involviment tagħhom ikun ta’ natura strutturali għall-implimentazzjoni tal-proġett, ser jiġu ppreżentati lill-CONOP biex jintlaħaq qbil. Minkejja dan, is-sħab potenzjali jinkludu s-Small Arms Survey (SAS), Conflict Armament Research (CAR) u Golden West Humanitarian Foundation (GWHF). Taħt it-tmexxija tal-AMAT, SAS u CAR ser iġibu magħhom fil-proġett l-għarfien konsiderevoli u l-għarfien espert tal-istituzzjonijiet tagħhom dwar l-aspetti kollha ta’ devjazzjoni, ġestjoni tal-katina tal-provvista, u kontrolli tal-esportazzjoni (it-TKA u l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK). Il-GWHF ser jimpenja ruħu li jappoġġa r-riżorsi interni tal-AMAT b’assistenza teknika fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-kriterji ta’ valutazzjoni/validazzjoni.

Sabiex jiġi żgurat li r-riżultati tal-proġetti jkunu tal-ogħla kwalità, is-sħubiji operattivi ser jiġu mfittxija flimkien ma’ organizzazzjonijiet li jispeċjalizzaw fil-valutazzjoni tar-riskji, il-kapaċitajiet u l-analiżi li huma relatati mal-ġestjoni tal-munizzjon u tal-armi, inkluż rappreżentanti minn organizzazzjonijiet militari, inkluż l-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) u l-Grupp Multinazzjonali dwar l-Armi Ħfief u l-Munizzjon (MSAG), u organizzazzjonijiet li jispeċjalizzaw fl-iżvilupp ta’ ċertifikazzjoni ta’ standards ta’ ġestjoni u l-akkreditazzjoni assoċjata. L-AMAT ser jagħmel ukoll konnessjonijiet ma’ proġetti li għaddejjin bħalissa ffinanzjati mill-Unjoni dwar il-kontroll tas-SALW u proġetti dwar is-Sigurtà Fiżika u l-Ġestjoni tal-Ħażniet (PSSM), bħall-SEESAC, l-iTrace u l-PSSM Saħel, bil-ħsieb li jiġu skambjati l-esperjenzi u t-tagħlimiet meħuda.

7.   It-tul ta’ żmien u l-passi possibbli li jmiss

It-tul ta’ żmien tal-proġett huwa maħsub li jkun ta’ 24 xahar. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill inizjali ser tiskadi wara 14-il xahar, u b’hekk il-proġett ser jiskadi wara 14-il xahar sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix li jestendi l-proġett. L-attivitajiet tal-Fażi I tal-proġett jenħtieġ li jitlestew fl-ewwel sena tal-implimentazzjoni. Il-Kunsill ser ikun mistieden jiddeċiedi dwar l-estensjoni tagħha qabel l-iskadenza tad-Deċiżjoni inizjali.

8.   Viżibbiltà tal-UE

Il-GICHD/l-AMAT ser ikunu meħtieġa jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jippubbliċizzaw li dan il-proġett ġie ffinanzjat mill-Unjoni, f’konformità mar-rekwiżiti ta’ komunikazzjoni u ta’ viżibbiltà għall-azzjoni esterna tal-UE - 2018 ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea. L-appoġġ tal-Unjoni ser jiġi rikonoxxut ukoll fl-istediniet u f’dokumenti oħrajn li jiġu kondiviżi mal-parteċipanti fid-diversi avvenimenti. Il-GICHD/l-AMAT ser jiżguraw li l-Unjoni tkun irrappreżentata f’avvenimenti, fejn ikun possibbli, li huma appoġġati taħt din id-Deċiżjoni.


(1)  Il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).