ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 215

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
7 ta' Lulju 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (Euratom) 2020/971 tal-20 ta’ Novembru 2017 li tapprova l-konklużjoni mill-Kummissjoni Ewropea, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra

1

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/972 tat-2 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1407/2013 fir-rigward tal-estensjoni tiegħu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 651/2014 fir-rigward tal-estensjoni tiegħu u l-aġġustamenti rilevanti ( 1 )

3

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/973 tas-6 ta’ Lulju 2020 li jawtorizza bidla fil-kundizzjonijiet tal-użu tal-ikel ġdid estratt ta’ proteina mill-kliewi tal-qżieqeż u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 ( 1 )

7

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/974 tas-6 ta’ Lulju 2020 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Pecorino del Monte Poro (DOP))

11

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/975 tas-6 ta’ Lulju 2020 li jawtorizza ftehimiet u deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ stabbilizzazzjoni tas-suq fis-settur tal-inbid

13

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/976 tas-6 ta’ Lulju 2020 dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji li jridu jitħallsu mill-Istati Membri għall-finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, inkluż it-tieni ħlas parzjali għall-2020

17

 

 

REGOLI TA' PROĊEDURA

 

*

Deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2 tat-28 ta’ April 2020 li tistabbilixxi regoli interni rigward ir-restrizzjonijiet ta’ ċerti drittijiet ta’ suġġetti tad-data b’rabta mal-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-funzjonament tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2

21

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

7.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 215/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (Euratom) 2020/971

tal-20 ta’ Novembru 2017

li tapprova l-konklużjoni mill-Kummissjoni Ewropea, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u b’mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fid-29 ta’ Settembru 2015, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà biex jiftħu n-negozjati mar-Repubblika tal-Armenja dwar ftehim qafas.

(2)

Dawk in-negozjati ġew kompluti b’suċċess, u l-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), ġie inizjalat fil-21 ta’ Marzu 2017.

(3)

Il-Ftehim ser jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni u applikat fuq bażi proviżorja f’konformità mal-Artikolu 385 tal-Ftehim, sakemm jidħol fis-seħħ f’data aktar tard.

(4)

Il-Ftehim ikopri wkoll kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(5)

L-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim huma soġġetti għal proċedura separata fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(6)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi konkluż ukoll f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat Euratom.

(7)

L-Artikolu 102 tat-Trattat Euratom jiddikjara li l-Ftehim ma jistax jidħol fis-seħħ għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika sakemm il-Kummissjoni Ewropea ma tkunx ġiet notifikata mill-Istati Membri li l-Ftehim sar applikabbli f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom.

(8)

Jenħtieġ li l-konklużjoni tal-Ftehim mill-Kummissjoni Ewropea, li taġixxi f’isem il- Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tiġi approvata fir-rigward tal-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-konklużjoni mill-Kummissjoni Ewropea, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra, inkluża l-applikazzjoni proviżorja tiegħu (1), hija b’dan approvata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data wara dak tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Novembru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

M. REPS


(1)  It-test tal-Ftehim ser jiġi mehmuż mad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tiegħu.


REGOLAMENTI

7.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 215/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/972

tat-2 ta’ Lulju 2020

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1407/2013 fir-rigward tal-estensjoni tiegħu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 651/2014 fir-rigward tal-estensjoni tiegħu u l-aġġustamenti rilevanti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 108(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 tat-13 ta’ Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali (1), u b’mod partikolari l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2 tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv dwar l-Għajnuna mill-Istat,

Billi:

(1)

Għadd ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat adottati bħala parti mill-inizjattiva tal-2012 dwar il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat għandhom jiskadu sa tmiem l-2020. B’mod partikolari, ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 (2) u (UE) Nru 651/2014 (3) se jiskadu fil-31 ta’ Diċembru 2020.

(2)

Sabiex tipprovdi prevedibbiltà u ċertezza legali, filwaqt li tħejji għal aġġornament possibbli fil-futur tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat adottati bħala parti mill-inizjattiva Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni se tieħu azzjoni f’żewġ fażijiet.

(3)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni għandha testendi b’sentejn il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, li kieku kienu jiskadu sa tmiem l-2020. It-tieni, f’konformità mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar (4), il-Kummissjoni se tevalwa dawk ir-regoli flimkien mar-regoli l-oħra dwar l-għajnuna mill-Istat, li ġew adottati bħala parti mill-inizjattiva tal-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni nediet l-evalwazzjoni ta’ dawn ir-regoli fis-7 ta’ Jannar 2019 fil-forma ta’ “kontroll tal-idoneità”. Fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (5) u l-Aġenda Diġitali Ewropea, il-Kummissjoni diġà ħabbret l-intenzjoni tagħha li tirrevedi serje ta’ linji gwida sa tmiem l-2021. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni se tiddeċiedi jekk testendix aktar jew taġġorna r-regoli.

(4)

Meta jitqies l-ambitu wiesa’ tal-kontroll tal-idoneità u l-fatt li r-riżultati tal-evalwazzjonijiet mhux se jkunu disponibbli qabel tard fl-2020, ma tistax tittieħed deċiżjoni ta’ politika fil-ħin dwar it-tfassil tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ta’ wara l-2020 biex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-istabbiltà għall-partijiet ikkonċernati fir-rigward tar-regoli applikabbli wara l-2020. Għalhekk hija meħtieġa estensjoni biex tippermetti valutazzjoni xierqa tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u tiżgura l-prevedibbiltà u l-istabbiltà ta’ dawn ir-regoli għall-Istati Membri.

(5)

Għalhekk, il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1407/2013 u (UE) Nru 651/2014 għandu jiġi estiż bi tliet snin sal-31 ta’ Diċembru 2023.

(6)

Ir-Regolamenti (UE) Nru 1407/2013 u (UE) Nru 651/2014 għandhom għalhekk jiġu emendati kif meħtieġ.

(7)

Bħala konsegwenza tal-estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 651/2014, xi Stati Membri jistgħu jixtiequ jestendu l-validità tal-miżuri ta’ għajnuna eżentati skont dak ir-Regolament u dwar liema informazzjoni sommarja ġiet ipprovduta skont il-punt (a) tal-Artikolu 11 ta’ dak ir-Regolament. Sabiex tiġi pprovduta trasparenza, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni mqassra aġġornata rigward l-estensjoni ta’ dawk il-miżuri.

(8)

L-iskemi stabbiliti fit-Taqsimiet 1 (bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 15), 2, 3, 4, 7 (bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 44) u 10 tal-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 651/2014, li għandhom baġit annwali medju tal-għajnuna mill-Istat li jaqbeż il-EUR 150 miljun, li ġew eżentati għal aktar minn sitt xhur skont deċiżjoni tal-Kummissjoni u li l-Istat Membru rispettiv jixtieq jestendi għall-perjodu wara l-31 ta’ Diċembru 2020, għandhom ikomplu jiġu eżentati sal-31 ta’ Diċembru 2023, sakemm l-Istati Membri jkunu pprovdew lill-Kummissjoni bl-informazzjoni sommarja aġġornata u jkunu ssottomettew rapport ta’ evalwazzjoni finali f’konformità mal-pjan ta’ evalwazzjoni approvat mill-Kummissjoni.

(9)

Fid-dawl tal-konsegwenzi ekonomiċi u finanzjarji li għandha l-pandemija tal-COVID-19 fuq l-impriżi u biex tiġi żgurata l-konsistenza mar-rispons ta’ politika ġenerali adottat mill-Kummissjoni, l-aktar fil-perjodu 2020-2021, ir-Regolament (UE) Nru 651/2014 għandu jiġi emendati skont dan. B’mod partikolari, l-impriżi li saru impriżi f’diffikultà bħala konsegwenza tal-pandemija tal-COVID-19, għandhom jibqgħu eliġibbli taħt ir-Regolament (UE) Nru 651/2014 għal perjodu limitat ta’ żmien. Bl-istess mod, l-impriżi, li temporanjament jew b’mod permanenti jagħtu s-sensja lill-persunal minħabba t-tifqigħa COVID-19, ma għandhomx jitqiesu li kisru l-impenji ta’ rilokazzjoni mogħtija qabel il-31 ta’ Diċembru 2019 meta jirċievu l-għajnuna reġjonali. Dawk id-dispożizzjonijiet eċċezzjonali għandhom japplikaw għal perjodu limitat mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2021.

(10)

Ir-Regolamenti (UE) Nru 1407/2013 u (UE) Nru 651/2014 għandhom għalhekk jiġu emendati kif meħtieġ,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1407/2013, it-tieni paragrafu jiġi mibdul b’dan li ġej:

“Għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2023”.

Artikolu 2

Ir-Regolament (UE) Nru 651/2014 jiġi emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 1 jiġi emendat kif ġej:

(1)

fil-paragrafu 2, il-punt (a) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

skemi taħt it-Taqsimiet 1 (bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 15), 2, 3, 4, 7 (bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 44) u 10 tal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament, jekk il-baġit annwali medju tal-għajnuna mill-Istat għal kull Stat Membru jaqbeż il-EUR 150 miljun, minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tagħhom. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li dan ir-Regolament għandu jkompli japplika għal perjodu itwal għal kwalunkwe waħda minn dawk l-iskemi ta’ għajnuna wara li tkun ivvalutat il-pjan ta’ evalwazzjoni rilevanti nnotifikat mill-Istat Membru lill-Kummissjoni, fi żmien 20 jum tax-xogħol mid-dħul fis-seħħ tal-iskema. Fejn il-Kummissjoni tkun diġà estendiet l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament lil hinn mis-sitt xhur inizjali fir-rigward ta’ skemi bħal dawn, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jestendu dawk l-iskemi sa tmiem il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, dment li l-Istat Membru kkonċernat ikun ippreżenta rapport ta’ evalwazzjoni f’konformità mal-pjan ta’ evalwazzjoni approvat mill-Kummissjoni. Madankollu, l-għajnuna reġjonali mogħtija taħt dan ir-Regolament tista’ tiġi estiża, b’deroga, sa tmiem il-perjodu ta’ validità tal-mapep tal-għajnuna reġjonali rilevanti;”;

(2)

fil-paragrafu 4, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

għajnuna lil impriżi f’diffikultà, bl-eċċezzjoni ta’ skemi ta’ għajnuna li jagħmlu tajjeb għall-ħsara kkawżata minn ċerti diżastri naturali, skemi ta’ għajnuna tal-bidu u skemi ta’ għajnuna operatorja reġjonali, sakemm dawk l-iskemi ma jittrattawx impriżi f’diffikultà b’mod aktar favorevoli minn impriżi oħra. Madankollu, dan ir-Regolament għandu japplika b’deroga għal impriżi li ma kinux f’diffikultà fl-31 ta’ Diċembru 2019 iżda saru impriżi f’diffikultà fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2021.”

2.

fl-Artikolu 2, il-punt (27) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(27)

“żoni megħjuna” tfisser żoni indikati f’mappa tal-għajnuna reġjonali approvata skont l-Artikoli 107(3)(a) u (c) tat-Trattat għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2021 għal għajnuna reġjonali mogħtija sal-31 ta’ Diċembru 2021 u żoni indikati f’mappa ta’ għajnuna reġjonali approvata skont l-Artikoli 107(3) (a) u (c) tat-Trattat għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2027 għal għajnuna reġjonali mogħtija wara l-31 ta’ Diċembru 2021;”;

3.

L-Artikolu 11 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 11

Rapportar

1.   L-Istati Membri jew alternattivament, fil-każ tal-għajnuna mogħtija għal proġetti ta’ Kooperazzjoni Territorjali Ewropea skont l-Artikolu 20, l-Istat Membru fejn tkun tinsab l-Awtorità Maniġerjali, kif imsemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013, għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni:

(a)

permezz tas-sistema ta’ notifika elettronika tal-Kummissjoni, l-informazzjoni fil-qosor dwar kull miżura ta’ għajnuna eżentata skont dan ir-Regolament fil-format standardizzat stipulat fl-Anness II, flimkien ma’ link li tipprovdi aċċess għat-test sħiħ tal-miżura ta’ għajnuna, inklużi l-emendi tiegħu, fi żmien 20 jum tax-xogħol wara d-dħul fis-seħħ tal-miżura ta’ għajnuna;

(b)

rapport annwali, skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (*1), f’forma elettronika, dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, li jkun fih l-informazzjoni indikata fir-Regolament (KE) Nru 794/2004, għal kull sena sħiħa jew għal kull parti tas-sena li matulha japplika dan ir-Regolament.

2.   Fejn, bħala konsegwenza tal-estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sal-31 ta’ Diċembru 2023 bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/972 (*2) Stat Membru jippjana li jestendi l-miżuri li fir-rigward tagħhom tkun ġiet ippreżentata l-informazzjoni fil-qosor lill-Kummissjoni skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, dak l-Istat Membru għandu jaġġorna dik l-informazzjoni fil-qosor rigward l-estensjoni ta’ dawk il-miżuri u jikkomunika dak l-aġġornament lill-Kummissjoni fi żmien 20 jum tax-xogħol wara d-dħul fis-seħħ tal-att li jestendi l-miżura rispettiva mill-Istat Membru.

(*1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1)."

(*2)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/972 tat-2 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1407/2013 fir-rigward tal-estensjoni tiegħu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 651/2014 fir-rigward tal-estensjoni tiegħu u l-aġġustamenti rilevanti (ĠU L 215, 7.7.2020, p. 3).”;"

4.

fl-Artikolu 14(16), tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Fir-rigward tal-impenji mogħtija qabel il-31 ta’ Diċembru 2019, kwalunkwe telf ta’ impjiegi, fl-istess attività jew simili f’wieħed mill-istabbilimenti inizjali tal-benefiċjarju fiż-ŻEE bejn l-1 ta’ Jannar 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021, ma għandux jitqies bħala trasferiment skont it-tifsira tal-Artikolu 2(61a) ta’ dan ir-Regolament.”

5.

fl-Artikolu 59, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2023.”

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 248, 24.9.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).

(4)  Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Better Regulation Guidelines” (Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar) tas-7 ta’ Lulju 2017, SWD (2017) 350.

(5)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew”, COM(2019) 640 final.


7.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 215/7


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/973

tas-6 ta’ Lulju 2020

li jawtorizza bidla fil-kundizzjonijiet tal-użu tal-ikel ġdid “estratt ta’ proteina mill-kliewi tal-qżieqeż” u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li l-ikel ġdid awtorizzat u inkluż fil-lista tal-Unjoni biss jista’ jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni.

(2)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ġie adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) li jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat.

(3)

Fid-29 ta’ Frar 2012, il-kumpanija Scioec Diagnostic Technologies, GmbH infurmat lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), dwar l-intenzjoni tagħha li tqiegħed fis-suq l-“estratt ta’ proteina mill-kliewi tal-qżieqeż” bħala ingredjent ġdid tal-ikel biex jintuża f’oġġetti tal-ikel għall-skopijiet mediċi speċjali kif definit fir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u fis-supplimenti tal-ikel kif definit fid-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Għalhekk, l-estratt ta’ proteina mill-kliewi tal-qżieqeż kien inkluż fil-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid.

(4)

Fl-14 ta’ Mejju 2019, il-kumpanija Dr Health Care España, S.L. talbet lill-Kummissjoni biex jiġu estiżi l-kundizzjonijiet tal-użu tal-estratt ta’ proteina mill-kliewi tal-qżieqeż fis-sens tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283. L-applikazzjoni talbet biex jiġu inklużi pilloli b’kisja enterika bħala forma permessa ta’ estratt ta’ proteina mill-kliewi tal-qżieqeż biex tintuża f’oġġetti tal-ikel għal skopijiet mediċi speċjali u fis-supplimenti tal-ikel, minbarra l-pellets inkapsulati b’kisja enterika li bħalissa huma awtorizzati

(5)

Il-Kummissjoni ma talbitx opinjoni mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, peress li l-emenda tal-kundizzjonijiet tal-użu tal-ikel ġdid l-estratt ta’ proteina mill-kliewi tal-qżieqeż permezz tal-inklużjoni ta’ pilloli b’kisja enterika bħala forma permessa ta’ estratt ta’ proteina mill-kliewi tal-qżieqeż li tintuża f’ikel għal skopijiet mediċi speċjali u fis-supplimenti tal-ikel mhijiex tali li tista’ tbiddel l-effetti ta’ dan l-ikel ġdid awtorizzat fuq is-saħħa tal-bniedem.

(6)

Il-livell massimu tal-estratt ta’ proteina mill-kliewi tal-qżieqeż bħala ikel ġdid li attwalment huwa awtorizzat biex jintuża f’pellets inkapsulati b’kisja enterika f’oġġetti ta’ ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u fis-supplimenti tal-ikel, huwa ta’ tliet kapsuli kuljum, li jikkorrispondu għal 12,6 mg ta’ estratt mill-kliewi tal-qżieqeż kuljum. L-użu propost tal-forma ta’ pilloli b’kisja enterika mhux se jbiddel il-livell massimu attwalment awtorizzat tal-ikel ġdid. Għalhekk, huwa xieraq li tiġi emendata t-taqsima tal-lista tal-Unjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-użu tal-estratt ta’ proteina mill-kliewi tal-qżieqeż sabiex jiġi awtorizzat l-użu tagħha wkoll f’forma ta’ pilloli b’kisja enterika fl-istess livell massimu awtorizzat bħall-forom diġà awtorizzati ta’ użu ta’ dan l-ikel ġdid.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-entrata fil-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat kif previst fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, li tirreferi għall-“estratt ta’ proteina mill-kliewi tal-qżieqeż”, għandha tiġi emendata kif speċifikat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-entrata fil-lista tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-kundizzjonijiet tal-użu u r-rekwiżiti tat-tikkettar stipulati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ġodda tal-ikel (ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35).

(5)  Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51).


ANNESS

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat kif ġej:

(1)

fit-Tabella 1 (L-ikel il-ġdid awtorizzat), l-entrata għal “Estratt ta’ proteina mill-kliewi tal-qżieqeż tiġi sostitwita b’dan li ġej:

Ikel ġdid awtorizzat

Kundizzjonijiet li fihom jista’ jintuża l-ikel ġdid

Rekwiżiti tat-tikkettar speċifiċi oħrajn

Rekwiżiti oħrajn

Estratt ta’ proteina mill-kliewi tal-qżieqeż

Kategorija tal-ikel speċifikat

Livelli massimi

 

 

Supplimenti tal-Ikel kif iddefiniti fid-Direttiva 2002/46/KE

tliet kapsuli jew tliet pilloli/kuljum; li huma ugwali għal 12,6 mg ta’ estratt mill-kliewi tal-qżieqeż kuljum kontenut ta’ Diamine oxidase (DAO): 0,9 mg kuljum (tliet kapsuli jew tliet pilloli b’kontenut ta’ DAO ta’ 0,3 mg/kapsula jew 0,3 mg/pillola)”

Ikel għal skopijiet mediċi speċjali kif iddefinit fir-Regolament (UE) Nru 609/2013

(2)

Fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet), l-entrata għal “Estratt ta’ proteini mill-kliewi tal-qżieqeż “ tiġi sostitwita b’dan li ġej:

Ikel Ġdid Awtorizzat

Speċifikazzjoni

Estratt ta’ proteina mill-kliewi tal-qżieqeż

Deskrizzjoni/Definizzjoni:

L-estratt tal-proteina jinkiseb mill-kliewi tal-qżieqeż omoġenizzati permezz ta’ taħlita ta’ preċipitazzjoni bil-melħ u ċentrifugazzjoni b’veloċità qawwija. Il-preċipitat li jinkiseb essenzjalment fih proteini b’7 % enżima dijamminossidażi (nomenklatura tal-enzimi E.C. 1.4.3.22) u jerġa jiġi sospiż f’sistema ta’ bafer fiżjoloġika. L-estratt tal-kliewi tal-qżieqeż miksub jiġi fformulat bħala pelits inkapsulati b’kisja enterika jew pilloli inkapsulati b’kisja enterika biex jintlaħqu s-siti attivi ta’ diġestjoni.

Prodott Bażiku:

Speċifikazzjoni: selezzjoni misluta mill-proteina tal-kliewi tal-qżieqeż b’kontenut naturali ta’ dijamminossidażi (DAO):

Kundizzjoni fiżika: likwidu

Kulur: fil-kannella

Dehra: soluzzjoni daqsxejn imdardra

Valur tal-pH: 6,4-6,8

Attività enżimatika: > 2 677 kHDU DAO/ml (DAO REA (DAO Assaġġ bir-radjoestrazzjoni))

Kriterji mikrobijoloġiċi:

Brachyspira spp.: negattiv (reazzjoni katina bil-polimerażi f’ħin reali)

Listeria monocytogenes: negattiv (reazzjoni katina bil-polimerażi f’ħin reali)

Staphylococcus aureus: < 100 CFU/g

Influwenza A: negattiv (traskriptażi inversa u reazzjoni katina bil-polimerażi f’ħin reali)

Escherichia coli: < 10 CFU/g

L-għadd totali tal-kolonji aerobiċi: < 105 CFU/g

L-għadd tal-ħmira u l-moffa: < 105 CFU/g

Salmonella: Assenti f’10 g

Enterobacteriaceae reżistenti għall-imluħa biljużi: < 104 CFU/g

Prodott finali:

Speċifikazzjoni: selezzjoni misluta mill-proteina tal-kliewi tal-qżieqeż b’kontenut naturali ta’ DAO (E.C. 1.4.3.22) f’formulazzjoni b’kisja enterika:

Kundizzjoni fiżika: solida

Kulur: griż fl-isfar

Dehra: pelits mikro jew pilloli

Attività enżimatika: 110-220 kHDU DAO/g pelit jew g pillola (DAO REA (DAO Assaġġ bir-radjoestrazzjoni))

Stabbiltà fl-aċidu: 15-il minuta 0,1M HCl segwit minn 60 minuta Borat pH = 9,0: > 68 kHDU DAO/g pelit jew g pillola (DAO REA (DAO Assaġġ bir-radjoestrazzjoni))

Umdità: < 10 %

Staphylococcus aureus: < 100 CFU/g

Escherichia coli: < 10 CFU/g

L-għadd tal-kolonji aerobiċi totali: < 104 CFU/g

L-għadd totali tal-ħmira u l-moffa kkombinati: < 103 CFU/g

Salmonella: Assenti f’10 g

Enterobacteriaceae reżistenti għall-imluħa biljużi: < 102 CFU/g”


7.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 215/11


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/974

tas-6 ta’ Lulju 2020

li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (“Pecorino del Monte Poro” (DOP))

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni tal-Italja biex id-denominazzjoni “Pecorino del Monte Poro” tiddaħħal fir-reġistru, ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

(2)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u għalhekk jenħtieġ li d-denominazzjoni “Pecorino del Monte Poro” tiġi rreġistrata,

(3)

Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Jannar 2020, l-awtoritajiet Taljani infurmaw lill-Kummissjoni li l-impriża Cooperativa Fattoria della Piana Società Agricola stabbilita fit-territorju tagħhom kienet legalment ikkummerċjalizzat il-prodott li jibbenefika mid-denominazzjoni tal-bejgħ “Pecorino Monteporo” bl-użu kontinwu ta’ din id-denominazzjoni għal aktar minn ħames snin, u li dan il-punt kien invokat fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni.

(4)

Peress li l-impriża Cooperativa Fattoria della Piana Società Agricola tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 għall-għoti ta’ perjodu tranżitorju li fih tkun tista’ tuża d-denominazzjoni tal-bejgħ b’mod legali wara r-reġistrazzjoni tagħha, jenħtieġ tingħata perjodu tranżitorju ta’ tliet snin li matulu tkun tista’ tuża d-denominazzjoni “Pecorino Monteporo”.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni “Pecorino del Monte Poro” (DOP) hija rreġistrata.

Id-denominazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tidentifika prodott tal-klassi 1.3. Ġobon, kif speċifikat fl-Anness XI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3).

Artikolu 2

L-impriża Cooperativa Fattoria della Piana Società Agricola hija awtorizzata tkompli tuża d-denominazzjoni “Pecorino Monteporo” matul perjodu tranżitorju ta’ tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU C 333, 4.10.2019, p. 19.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).


7.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 215/13


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/975

tas-6 ta’ Lulju 2020

li jawtorizza ftehimiet u deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ stabbilizzazzjoni tas-suq fis-settur tal-inbid

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 222 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Unjoni hija l-akbar produttur tal-inbid fid-dinja. Fis-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2014/2015 sa 2018/2019, il-produzzjoni annwali medja tal-inbid fl-Unjoni kienet ta’ 167,6 miljun ettolitru. Is-sena tas-suq tal-inbid tibda mill-1 ta’ Awwissu u tintemm fil-31 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara. L-Unjoni hija responsabbli għal 45 % taż-żoni tal-vitikultura globali, 65 % tal-produzzjoni globali, 60 % tal-konsum globali u 70 % tal-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi. L-akbar ħames pajjiżi produtturi tal-inbid fl-Unjoni huma, f’ordni dixxendenti ta’ volumi ta’ produzzjoni, l-Italja, Franza, Spanja, il-Ġermanja u l-Portugall.

(2)

Minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u minħabba r-restrizzjonijiet estensivi fuq il-moviment ta’ persuni li ddaħħlu fis-seħħ fl-Istati Membri, il-vitikulturi u l-produtturi tal-inbid esperjenzaw tfixkil ekonomiku li wassal għal diffikultajiet finanzjarji u għal problemi ta’ fluss ta’ flus.

(3)

It-tixrid tal-marda u l-miżuri fis-seħħ illimitaw id-disponibbiltà tal-ħaddiema, u b’hekk ġew imxekkla speċifikament l-istadji tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tat-trasport ta’ għeneb għall-inbid u ta’ nbid.

(4)

L-għeluq obbligatorju ta’ ristoranti, lukandi, bars, kif ukoll il-kanċellazzjoni ta’ festi u ċelebrazzjonijiet bħal tiġijiet, ċelebrazzjonijiet għall-għeluq is-snin u avvenimenti tan-negozju fl-Unjoni u f’pajjiżi terzi, issospenda l-operat tas-settur tal-ospitalità u tal-catering għal diversi xhur. Barra minn hekk, minn Marzu 2020, l-attivitajiet tat-turiżmu u tat-turiżmu relatat mal-inbid, bħalma huma l-avvenimenti tat-tidwiq tal-inbid, il-fieri, u x-xiri u l-konsum tal-inbid fil-post tas-sors, ġew interrotti bil-kbir fil-maġġoranza tal-Istati Membri.

(5)

Minħabba f’hekk, kien hemm bidliet sinifikanti fix-xejriet tad-domanda għall-inbid. Id-domanda tal-konsumaturi daret lejn il-konsum tal-inbid fid-dar. Filwaqt li l-konsumaturi żiedu l-konsum ta’ ċerti prodotti tal-inbid fid-dar, dan il-konsum akbar fid-dar ma kkumpensax għat-tnaqqis fid-domanda fl-industrija tal-ospitalità u tal-catering.

(6)

L-għeluq ta’ ristoranti u stabbilimenti oħra tal-ospitalità wassal għal tnaqqis fil-fatturat tal-produtturi tal-inbid. Fil-Ġermanja, il-produtturi tal-inbid tilfu 50 % tal-fatturat tagħhom fl-ewwel kwart tal-2020, minħabba li ma kellhomx bejgħ lir-ristoranti. Kien hemm ukoll tnaqqis ta’ 23 % fil-bejgħ lill-ħwienet speċjalizzati tal-inbid, li ħafna minnhom jikkummerċjalizzaw inbejjed ta’ livell ogħla. Skont l-estimi tal-industrija tal-Unjoni kollha, l-għeluq ta’ ristoranti, bars u lukandi, mill-bidu tal-għeluq tar-ristoranti f’nofs Marzu sal-aħħar ta’ Mejju 2020, wassal għal tnaqqis ta’ 30 % fil-volum tal-inbid mibjugħ u għal tnaqqis fil-valur ta’ 50 % meta mqabbel mal-bejgħ qabel l-għeluq.

(7)

Minkejja t-taffija reċenti ta’ ċerti miżuri u t-tħaffif ta’ ċerti restrizzjonijiet fuq il-moviment ta’ persuni, inkluż il-ftuħ mill-ġdid ta’ ristoranti u stabbilimenti tal-ospitalità, is-sitwazzjoni mhix mistennija li tiġi għan-normal fis-sitt xhur jmiss. Ir-ristoranti u stabbilimenti oħra tal-ospitalità se jkollhom jirrispettaw il-kundizzjonijiet ta’ tbegħid soċjali li jillimitaw in-numru ta’ klijenti. Barra minn hekk, f’ħafna Stati Membri, ċerti restrizzjonijiet għadhom fis-seħħ fir-rigward tad-daqs tal-laqgħat soċjali, inklużi avvenimenti privati bħal tiġijiet, fejn tradizzjonalment jiġi kkunsmat l-inbid.

(8)

It-turiżmu dinji, li huwa mistenni jesperjenza tnaqqis ta’ 70 % fil-fatturat fit-tieni kwart tal-2020, ukoll mhux mistenni li jirkupra biżżejjed fis-sitt xhur li jmiss biex jikkumpensa għan-nuqqas ta’ konsum fir-ristoranti waqt il-perjodu fejn ir-restrizzjonijiet estensivi tal-moviment ta’ persuni kienu fis-seħħ.

(9)

B’mod ġenerali, huwa stmat li l-konsum tal-inbid fl-Unjoni fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2019/2020 se jonqos għal 108 miljun ettolitru. Dan huwa tnaqqis ġenerali fil-konsum ta’ aktar minn 8 % fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2019/2020 meta mqabbel mal-medja tal-ħames snin ta’ kummerċjalizzazzjoni li għaddew.

(10)

L-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi huma partikolarment importanti għas-settur tal-inbid tal-Unjoni. Fl-2019, l-esportazzjonijiet ammontaw għal EUR 12,1 biljun. Matul il-pandemija tal-COVID-19, l-esportazzjonijiet ġew affettwati minn sfidi loġistiċi kif ukoll minn tnaqqis fil-konsum minħabba r-restrizzjonijiet fuq il-moviment ta’ persuni imposti anke f’pajjiżi terzi. It-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 fiċ-Ċina wasslet għal konġestjoni sinifikanti tal-portijiet hemmhekk u fi bnadi oħra, kif ukoll għal żieda fit-tħassir totali jew parzjali tat-tbaħħir, li wasslu biex il-kontenituri saru aktar skarsi, ir-rati tal-merkanzija żdiedu b’mod sinifikanti u l-esportaturi raw il-vjaġġi tagħhom jiġi posposti. Barra minn hekk, l-esportazzjonijiet tal-inbid tal-Unjoni kienu diġà ġew affettwati b’mod negattiv mit-tariffi ogħla fuq l-importazzjoni li l-Istati Uniti imponew fuq ċerti importazzjonijiet tal-inbid mill-Unjoni. Minn Ottubru 2019, l-Istati Uniti, li hija s-suq ewlieni tal-esportazzjoni tal-inbid tal-Unjoni, imponiet tariffi fuq l-importazzjoni ad valorem ta’ 25 % fuq l-inbejjed bla gass tal-Unjoni.

(11)

B’mod ġenerali, l-esportazzjonijiet tal-inbid tal-Unjoni lejn pajjiżi terzi mistennija jonqsu b’14 % fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2019/2020, kemm meta mqabbla mas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ qabel, kif ukoll meta mqabbla mal-medja tal-ħames snin ta’ kummerċjalizzazzjoni li għaddew. Meta mqabbla ma’ Mejju 2019, l-esportazzjonijiet ta’ nbejjed Franċiżi, Taljani u Spanjoli lejn pajjiżi terzi naqsu b’mod sinifikanti f’Mejju 2020: L-esportazzjonijiet tal-inbid Franċiż lejn pajjiżi terzi naqsu bi 33 % fil-volum u b’55 % fil-valur; L-esportazzjonijiet tal-inbid Taljan lejn pajjiżi terzi naqsu bi 22 % fil-volum u b’26 % fil-valur; u l-esportazzjonijiet tal-inbid Spanjol lejn pajjiżi terzi naqsu bi 63 % fil-volum u bi 43 % fil-valur. L-esportazzjonijiet tal-inbejjed frizzanti ġew affettwati b’mod partikolari fuq l-istess perjodi ta’ referenza. Skont l-estimi tal-industrija tal-inbid, f’Mejju 2020, l-esportazzjonijiet tax-Champagne lejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina naqsu b’64 % fil-volum u b’55 % fil-valur, l-esportazzjonijiet tal-Prosecco lejn pajjiżi terzi naqsu b’27 % fil-volum u bi 32 % fil-valur, u l-esportazzjonijiet tal-Cava lejn pajjiżi terzi naqsu b’40 % fil-volum u fil-valur.

(12)

Barra minn hekk, bħalissa hemm volumi kbar ta’ nbid maħżun minħabba l-ħsad eċċezzjonali ta’ 174,4 miljun ettolitru fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2018/2019, li żied l-istokkijiet inizjali fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2019/2020 b’14 % meta mqabbel mas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2018/2019. L-inbid mhux mibjugħ irid jinħażen.

(13)

Minħabba ċ-ċirkostanzi msemmija hawn fuq, dawn l-avvenimenti jiġu kkwalifikati bħala perjodu ta’ żbilanċ serju ħafna fis-suq.

(14)

Biex il-vitikulturi u l-produtturi tal-inbid jiġu megħjuna jsibu bilanċ f’dan il-perjodu ta’ żbilanċ serju ħafna fis-suq, jixraq li tiġi awtorizzata l-adozzjoni ta’ ftehimiet u deċiżjonijiet tal-bdiewa, tal-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa jew tal-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, jew tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, tal-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, u tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti li jikkonċernaw il-produzzjoni ta’ għeneb għall-inbid u ta’ nbid, fuq bażi temporanja għal perjodu ta’ sitt xhur. Dawk il-miżuri jinkludu: (i) it-trasformazzjoni u l-ipproċessar; (ii) il-ħżin; (iii) il-promozzjoni konġunta; (iv) rekwiżiti ta’ kwalità; u (v) l-ippjanar temporanju tal-produzzjoni.

(15)

Tali ftehimiet u deċiżjonijiet jistgħu jinkludu, pereżempju: (i) l-ipproċessar tal-inbid għal skopijiet oħra, bħad-distillazzjoni tal-inbid f’alkoħol; (ii) il-ħolqien u l-individwazzjoni ta’ kapaċitajiet tal-ħżin għall-volum akbar ta’ nbid li jrid jinħażen; (iii) il-promozzjoni tal-konsum tal-inbid; (iv) il-qbil dwar rekwiżiti ta’ kwalità li jirrestrinġu l-kummerċjalizzazzjoni tal-inbejjed għal dawk li jirrispettaw dawn ir-rekwiżiti; u (v) miżuri ta’ ppjanar biex jitnaqqsu l-volumi għall-ħsad futur.

(16)

Jenħtieġ li kwalunkwe ftehim jew deċiżjoni tiġi awtorizzata temporanjament għal perjodu ta’ sitt xhur. Il-ħsad li jmiss għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2020/2021 li tibda f’Awwissu 2020, u l-perjodu saċ-ċelebrazzjonijiet tal-aħħar tas-sena, fejn b’mod partikolari jiġu kkunsmati u esportati nbejjed ta’ kwalità għolja u nbejjed frizzanti, huma l-perjodi li fihom huwa mistenni li dawn il-miżuri jkollhom l-aktar impatt.

(17)

F’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 222(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, għandha tingħata awtorizzazzjoni jekk din ma tfixkilx il-funzjonament tas-suq intern, u jekk il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ikunu strettament immirati biex jistabbilizzaw is-settur. Dawn il-kundizzjonijiet speċifiċi jeskludu ftehimiet u deċiżjonijiet li direttament jew indirettament iwasslu għat-tqassim tas-swieq, għad-diskriminazzjoni msejsa fuq in-nazzjonalità jew għall-iffissar tal-prezzijiet. Jekk il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet, jew ma jibqgħux jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet, l-Artikolu 101(1) tat-Trattat japplika għal dawn il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet.

(18)

Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni prevista f’dan ir-Regolament tkopri t-territorju tal-Unjoni, peress li l-iżbilanċ serju ħafna fis-suq huwa komuni għall-Unjoni kollha.

(19)

Biex l-Istati Membri jkunu f’qagħda li jivvalutaw jekk il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-produzzjoni tal-għeneb għall-inbid ifixklux jew le l-funzjonament tas-suq intern, u jekk humiex strettament immirati biex jistabbilizzaw is-settur tal-inbid, jenħtieġ li tingħata informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru, inkluż l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ dak l-istat, li għandu l-ogħla sehem tal-volum stmat tal-produzzjoni tal-għeneb għall-inbid u tal-inbid kopert minn dawk il-ftehimiet jew deċiżjonijiet, dwar il-ftehimiet konklużi u d-deċiżjonijiet meħuda u dwar il-volum tal-produzzjoni ta’ għeneb għall-inbid u ta’ nbid kif ukoll dwar il-perjodu taż-żmien li jkopru.

(20)

Minħabba l-iżbilanċ serju ħafna fis-suq, il-ħtieġa li jitqiesu l-istokk eżistenti tal-inbid, it-tnaqqis fil-konsum u t-telf ta’ swieq tal-esportazzjoni u biex jgħin lis-settur tal-inbid jirkupra fil-perjodu li fih ir-restrizzjonijiet tal-COVID-19 jiġu mħaffa, inkluż sa u wara ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ tmiem is-sena, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu.

(21)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 152(1a), 209(1) u 210(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti huma b’dan awtorizzati li jikkonkludu ftehimiet li jikkonċernaw il-produzzjoni ta’ għeneb għall-inbid u ta’ nbid u jieħdu deċiżjonijiet komuni li jikkonċernaw il-produzzjoni ta’ għeneb għall-inbid u ta’ nbid dwar it-trasformazzjoni u l-ipproċessar, il-ħżin, il-promozzjoni konġunta, ir-rekwiżiti tal-kwalità u l-ippjanar temporanju tal-produzzjoni matul perjodu ta’ sitt xhur li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ftehimiet u d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ma jfixklux il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u jkunu strettament immirati lejn l-istabbilizzazzjoni tas-settur tal-inbid.

Artikolu 3

Il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku ta’ din l-awtorizzazzjoni huwa t-territorju tal-Unjoni.

Artikolu 4

1.   Mal-adozzjoni tal-ftehimiet jew tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1, il-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti kkonċernati, għandhom jikkomunikaw dawk il-ftehimiet jew id-deċiżjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li għandu l-ogħla sehem tal-volum stmat tal-produzzjoni ta’ għeneb għall-inbid u ta’ nbid kopert minn dawk il-ftehimiet jew id-deċiżjonijiet, billi jindikaw dan li ġej:

(a)

il-volum stmat tal-produzzjoni ta’ għeneb għall-inbid u ta’ nbid kopert;

(b)

il-perjodu ta’ żmien mistenni għall-implimentazzjoni.

2.   Sa mhux aktar tard minn 25 jum wara tmiem il-perjodu ta’ sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 1, il-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti kkonċernati għandhom jikkomunikaw il-volum tal-produzzjoni ta’ għeneb għall-inbid u ta’ nbid tabilħaqq kopert mill-ftehimiet jew mid-deċiżjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   F’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 (2), l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan li ġej:

(a)

sa mhux aktar tard minn ħamest ijiem wara t-tmiem ta’ kull perjodu ta’ xahar, il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ikkomunikati lilhom f’konformità mal-paragrafu 1 matul dak il-perjodu;

(b)

sa mhux aktar tard minn 30 jum wara t-tmiem tal-perjodu ta’ sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 1, ħarsa ġenerali lejn il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet implimentati matul dak il-perjodu.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 tal-20 ta’ April 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti u li jemendaw u jħassru diversi Regolamenti tal-Kummissjoni (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 113).


DEĊIŻJONIJIET

7.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 215/17


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/976

tas-6 ta’ Lulju 2020

dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji li jridu jitħallsu mill-Istati Membri għall-finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, inkluż it-tieni ħlas parzjali għall-2020

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perijodu mill-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta’ assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba’ Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1877 tas-26 ta’ Novembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, u li jħassar ir- Regolament (UE) 2015/323 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

F’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 19 sa 22 tar-Regolament (UE) 2018/1877, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta sal-15 ta’ Ġunju 2020 li tispeċifika (a) l-ammont tat-tieni ħlas parzjali tal-kontribuzzjoni għall-2020, (b) ammont annwali rivedut tal-kontribuzzjoni għall-2020, f’każijiet fejn l-ammont ivarja mill-bżonnijiet reali.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2018/1877, fit-8 ta’ April 2020, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) bagħat lill-Kummissjoni l-estimi aġġornati tiegħu tal-impenji u tal-pagamenti taħt l-istrumenti li jiġġestixxi,

(3)

L-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2018/1877 jipprevedi li s-sejħiet għal kontribuzzjonijiet l-ewwel jeżawrixxu l-ammonti previsti fil-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp preċedenti. Għaldaqstant, jenħtieġ li ssir sejħa għal fondi taħt l-Għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp (l-“10 FEŻ”) għall-BEI u taħt il-Ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (il-“11-il FEŻ”) għall-Kummissjoni,

(4)

L-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) 2018/1877 jipprevedi li l-ammonti minn proġetti taħt l-10 FEŻ jew minn Fondi Ewropej għall-Iżvilupp preċedenti oħrajn mhux impenjati skont l-Artikolu 1(3) tal-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perijodu mill-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta’ assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba’ Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (il-“Ftehim Intern”), jew diżimpenjati skont l-Artikolu 1(4) tal-Ftehim Intern, dment li ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Kunsill b’mod unanimu, għandhom inaqqsu dik il-parti mill-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri stabbilita fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2) tal-Ftehim Intern.

(5)

Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1800 (3), il-Kunsill adotta, fl-24 ta’ Ottubru 2019, fuq proposta mill-Kummissjoni, id-deċiżjoni li tistabbilixxi l-ammont annwali tal-kontribuzzjonijiet għall-FEŻ mill-Istati Membri għall-2020 li jikkonsisti minn EUR 4 400 000 000 għall-Kummissjoni, u minn EUR 300 000 000 għall-BEI,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-kontribuzzjonijiet individwali għall-FEŻ li jridu jitħallsu mill-Istati Membri lill-Kummissjoni u lill-BEI bħala t-tieni ħlas parzjali għall-2020 huma stabbiliti fit-tabella fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  ĠU L 210, 6.8.2013, p. 1

(2)  ĠU L 307, 3.12.2018, p. 1.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1800 tal-24 ta’ Ottubru 2019 dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji li għandhom jitħallsu mill-Istati Membri għall-finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, inklużi l-limitu massimu għall-2021, l-ammont annwali għall-2020, l-ewwel ħlas parzjali għall-2020 u tbassir indikattiv u mhux vinkolanti għall-ammonti annwali mistennija ta’ kontribuzzjonijiet għas-snin 2022 u 2023 (ĠU L 274, 28.10.2019, p. 9).


ANNESS

L-ISTATI MEMBRI U R-RENJU UNIT

Skema tal-10 FEŻ f’ %

Skema tal-11-il FEŻ f’ %

It-tieni ħlas parzjali tal-2020 (EUR)

Totali

Kummissjoni

BEI

Il-11-il FEŻ

L-10 FEŻ

IL-BELĠJU

3,53

3,24927

51 988 320,00

3 530 000,00

55 518 320,00

Il-BULGARIJA

0,14

0,21853

3 496 480,00

140 000,00

3 636 480,00

IĊ-ĊEKJA

0,51

0,79745

12 759 200,00

510 000,00

13 269 200,00

ID-DANIMARKA

2,00

1,98045

31 687 200,00

2 000 000,00

33 687 200,00

IL-ĠERMANJA

20,50

20,57980

329 276 800,00

20 500 000,00

349 776 800,00

L-ESTONJA

0,05

0,08635

1 381 600,00

50 000,00

1 431 600,00

L-IRLANDA

0,91

0,94006

15 040 960,00

910 000,00

15 950 960,00

IL-GREĊJA

1,47

1,50735

24 117 600,00

1 470 000,00

25 587 600,00

SPANJA

7,85

7,93248

126 919 680,00

7 850 000,00

134 769 680,00

FRANZA

19,55

17,81269

285 003 040,00

19 550 000,00

304 553 040,00

IL-KROAZJA

0,00

0,22518

3 602 880,00

0,00

3 602 880,00

L-ITALJA

12,86

12,53009

200 481 440,00

12 860 000,00

213 341 440,00

ĊIPRU

0,09

0,11162

1 785 920,00

90 000,00

1 875 920,00

IL-LATVJA

0,07

0,11612

1 857 920,00

70 000,00

1 927 920,00

IL-LITWANJA

0,12

0,18077

2 892 320,00

120 000,00

3 012 320,00

IL-LUSSEMBURGU

0,27

0,25509

4 081 440,00

270 000,00

4 351 440,00

L-UNGERIJA

0,55

0,61456

9 832 960,00

550 000,00

10 382 960,00

MALTA

0,03

0,03801

608 160,00

30 000,00

638 160,00

IN-NETHERLANDS

4,85

4,77678

76 428 480,00

4 850 000,00

81 278 480,00

L-AWSTRIJA

2,41

2,39757

38 361 120,00

2 410 000,00

40 771 120,00

IL-POLONJA

1,30

2,00734

32 117 440,00

1 300 000,00

33 417 440,00

IL-PORTUGALL

1,15

1,19679

19 148 640,00

1 150 000,00

20 298 640,00

IR-RUMANIJA

0,37

0,71815

11 490 400,00

370 000,00

11 860 400,00

IS-SLOVENJA

0,18

0,22452

3 592 320,00

180 000,00

3 772 320,00

IS-SLOVAKKJA

0,21

0,37616

6 018 560,00

210 000,00

6 228 560,00

IL-FINLANDJA

1,47

1,50909

24 145 440,00

1 470 000,00

25 615 440,00

L-IŻVEZJA

2,74

2,93911

47 025 760,00

2 740 000,00

49 765 760,00

IR-RENJU UNIT

14,82

14,67862

234 857 920,00

14 820 000,00

249 677 920,00

TOTAL EU-27 U R-RENJU UNIT

100,00

100,00

1 600 000 000,00

100 000 000,00

1 700 000 000,00


REGOLI TA' PROĊEDURA

7.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 215/21


DEĊIŻJONI TAL-BORD TA’ TMEXXIJA TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA CLEAN SKY 2

tat-28 ta’ April 2020

li tistabbilixxi regoli interni rigward ir-restrizzjonijiet ta’ ċerti drittijiet ta’ suġġetti tad-data b’rabta mal-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-funzjonament tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2

IL-BORD TA’ TMEXXIJA TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA CLEAN SKY 2,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 558/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Clean Sky 2 (2) (minn hawn ’il quddiem “is-CS2JU”),

Wara li kkunsidra l-Gwida tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) dwar l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u r-regoli interni li jirrestrinġu d-drittijiet ta’ suġġetti tad-data (3),

Wara li kkonsulta lill-EDPS, skont l-Artikolu 41(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725,

Billi:

(1)

Is-CS2JU twettaq l-attivitajiet tagħha skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 558/2014.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, ir-restrizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 22, 35 u 36, kif ukoll tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u mal-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 22, jenħtieġ li jkunu bbażati fuq regoli interni li jridu jiġu adottati mis-CS2JU, fejn dawn mhumiex ibbażati fuq atti legali adottati fuq il-bażi tat-Trattati.

(3)

Dawn ir-regoli interni, inkluż id-dispożizzjonijiet tagħhom dwar il-valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità ta’ restrizzjoni, jenħtieġ li ma japplikawx fejn att legali adottat abbażi tat-Trattati jipprevedi restrizzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data.

(4)

Fil-qafas tal-funzjonament amministrattiv tagħha, is-CS2JU tista’ twettaq inkjesti amministrattivi, proċedimenti dixxiplinari, twettaq attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrapportati lill-OLAF, tipproċessa każijiet ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta, tipproċessa proċeduri (formali u informali) ta’ fastidju, tipproċessa lmenti interni u esterni, twettaq awditi interni, twettaq investigazzjonijiet mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u investigazzjonijiet interni ta’ sigurtà (tal-IT).

(5)

Is-CS2JU tipproċessa diversi kategoriji ta’ data personali, inkluż hard data (data“oġġettiva” bħal data ta’ identifikazzjoni, data ta’ kuntatt, data professjonali, dettalji amministrattivi, data riċevuta minn sorsi speċifiċi, komunikazzjonijiet elettroniċi u data tat-traffiku) u soft data (data“suġġettiva” relatata mal-każ bħal data dwar ir-raġunament, data dwar l-imġiba, evalwazzjonijiet, data dwar il-prestazzjoni u l-kondotta u data relatata ma’ jew imressqa b’konnessjoni mas-suġġett tal-proċedura jew tal-attività) (4).

(6)

Is-CS2JU, rappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha, taġixxi bħala l-kontrollur tad-data irrispettivament minn aktar delegazzjonijiet tar-rwol tal-kontrollur fis-CS2JU biex tirrifletti r-responsabbiltajiet operattivi għal operazzjonijiet speċifiċi ta’ pproċessar ta’ data personali.

(7)

Id-data personali tinħażen b’mod sigur f’ambjent elettroniku jew f’format stampat li jiżgura s-salvagwardji meħtieġa għall-prevenzjoni tal-aċċess għal, jew it-trasferiment illegali ta’ data lil persuni li m’għandhomx dritt bil-liġi għall-aċċess għal data personali ta’ dan it-tip. Id-data personali pproċessata tinżamm għal mhux aktar milli meħtieġ u xieraq għall-finijiet li għalihom id-data tiġi pproċessata għall-perjodu speċifikat fl-avviżi dwar il-protezzjoni tad-data, id-dikjarazzjonijiet ta’ privatezza jew ir-rekords tas-CS2JU.

(8)

Ir-regoli interni jenħtieġ li japplikaw għall-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar imwettqa mis-CS2JU fit-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi, proċedimenti dixxiplinari, attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrapportati lill-OLAF, proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta, proċeduri (formali u informali) għal każijiet ta’ fastidju, l-ipproċessar ta’ lmenti interni u esterni, awditi interni, l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà (tal-IT) ttrattati internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE).

(9)

Ir-regoli interni jenħtieġ li japplikaw għal operazzjonijiet ta’ pproċessar imwettqa qabel il-ftuħ tal-proċeduri msemmija hawn fuq, matul dawn il-proċeduri u matul il-monitoraġġ tas-segwitu għall-eżitu ta’ dawn il-proċeduri. Jenħtieġ li jkunu applikabbli wkoll għal kull assistenza u kooperazzjoni pprovduti mis-CS2JU lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali barra mill-investigazzjonijiet amministrattivi tagħha.

(10)

F’każijiet fejn japplikaw dawn ir-regoli interni, is-CS2JU għandha tipprovdi ġustifikazzjonijiet fejn tispjega għalfejn ir-restrizzjonijiet huma strettament neċessarji u proporzjonati f’soċjetà demokratika u jirrispettaw il-qofol tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

(11)

F’dan il-qafas is-CS2JU hija marbuta li tirrispetta, sa fejn hu l-aktar possibbli u f’konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni u mal-gwida rilevanti, id-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data matul il-proċeduri ta’ hawn fuq, b’mod partikolari, dawk relatati mad-dritt għall-għoti ta’ informazzjoni, aċċess u rettifika, id-dritt għat-tħassir, ir-restrizzjoni tal-ipproċessar, id-dritt għall-komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data jew għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2018/1725.

(12)

Madankollu, is-CS2JU tista’ tkun obbligata tirrestrinġi l-informazzjoni lis-suġġetti tad-data u drittijiet oħra tas-suġġetti tad-data biex tipproteġi, b’mod partikolari, l-investigazzjonijiet tagħha stess, l-investigazzjonijiet u l-proċedimenti ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra, kif ukoll id-drittijiet ta’ persuni oħra konnessi mal-investigazzjonijiet tagħha jew ma’ proċeduri oħra.

(13)

Is-CS2JU tista’ għalhekk tirrestrinġi l-informazzjoni bl-għan li tipproteġi l-investigazzjoni u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ suġġetti oħra tad-data.

(14)

Is-CS2JU jenħtieġ li timmonitorja perjodikament li l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni jkunu għadhom japplikaw u li tneħħi r-restrizzjoni jekk dawn ma jibqgħux japplikaw.

(15)

Il-Kontrollur jenħtieġ li jinforma lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data fil-mument tad-differiment u matul ir-reviżjonijiet,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli relatati mal-kundizzjonijiet li taħthom is-CS2JU, fil-qafas tal-proċeduri tagħha stabbiliti fil-paragrafu 2, tista’ tirrestrinġi l-applikazzjoni tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 14 sa 21, 35 u 36, kif ukoll l-Artikolu 4 tagħha, b’segwitu tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

2.   Fil-qafas tal-funzjonament amministrattiv tas-CS2JU, din id-Deċiżjoni tapplika għall-operazzjonijiet ta’ pproċessar fuq data personali mill-Uffiċċju tal-Programm għall-finijiet tat-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi, proċedimenti dixxiplinari, attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrapportati lill-OLAF, l-ipproċessar ta’ każijiet ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta, proċeduri (formali u informali) għall-prevenzjoni ta’ fastidju, l-ipproċessar ta’ lmenti interni u esterni, it-twettiq ta’ awditi interni, investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà (tal-IT) ttrattati internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE).

3.   Il-kategoriji ta’ data kkonċernati huma hard data (data“oġġettiva” bħal data ta’ identifikazzjoni, data ta’ kuntatt, data professjonali, dettalji amministrattivi, data riċevuta minn sorsi speċifiċi, komunikazzjonijiet elettroniċi u data tat-traffiku) u soft data (data“suġġettiva” relatata mal-każ bħal data dwar ir-raġunament, data dwar l-imġiba, evalwazzjonijiet, data dwar il-prestazzjoni u l-kondotta u data relatata ma’ jew imressqa b’konnessjoni mas-suġġett tal-proċedura jew tal-attività).

4.   Meta s-CS2JU twettaq id-dmirijiet tagħha fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, għandha tikkunsidra jekk tapplikax xi waħda mid-derogi stabbiliti fl-Artikolu 25(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament.

5.   Soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, ir-restrizzjonijiet jistgħu japplikaw għad-drittijiet li ġejjin: il-forniment ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data, id-dritt ta’ aċċess, rettifika, tħassir, restrizzjoni tal-ipproċessar, il-komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data, jew il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni.

Artikolu 2

Speċifikazzjoni tal-kontrollur

Il-kontrollur tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar huwa s-CS2JU, rappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha, li jista’ jiddelega l-funzjoni tal-kontrollur. Is-suġġetti tad-data għandhom jiġu infurmati dwar il-kontrollur delegat permezz tal-avviżi jew ir-rekords tal-protezzjoni tad-data ppubblikati fuq is-sit web u/jew l-intranet tas-CS2JU.

Artikolu 3

Speċifikazzjoni tas-salvagwardji

1.   Is-CS2U għandha tqiegħed fis-seħħ is-salvagwardji li ġejjin bl-għan li jiġi evitat li jseħħ abbuż, jew aċċess jew trasferiment illegali ta’ data personali (5):

(a)

Dokumenti stampati għandhom jinżammu f’armarji siguri u għandhom ikunu aċċessibbli għall-persunal awtorizzat biss;

(b)

Id-data elettronika kollha għandha tinħażen f’applikazzjoni sigura tal-IT skont l-istandards tas-sigurtà tas-CS2JU, kif ukoll f’folders elettroniċi speċifiċi aċċessibbli biss għall-persunal awtorizzat. Livelli ta’ aċċess xierqa għandhom jingħataw b’mod individwali;

(c)

Il-bażi ta’ data għandha tkun protetta b’password fi ħdan sistema ta’ sign-on uniku u għandha tkun konnessa awtomatikament mal-ID u l-password tal-utent. Is-sostituzzjoni tal-utenti hija strettament ipprojbita. Ir-rekords elettroniċi għandhom jinżammu b’mod sigur biex jiġu salvagwardjati l-kunfidenzjalità u l-privatezza tad-data li tinsab fihom;

(d)

Il-persuni kollha li jkollhom aċċess għad-data huma marbuta bl-obbligu tal-kunfidenzjalità.

2.   Il-perjodu ta’ żamma tad-data personali msemmija fl-Artikolu 1(3) ma għandux ikun itwal milli jkun meħtieġ u xieraq għall-finijiet li għalihom tiġi pproċessata d-data. Fi kwalunkwe każ, ma għandux ikun itwal mill-perjodu ta’ żamma speċifikat fl-avviżi dwar il-protezzjoni tad-data, fl-istqarrijiet ta’ privatezza jew fir-reġistri msemmija fl-Artikolu 6.

3.   Meta s-CS2JU tikkunsidra li tapplika restrizzjoni, ir-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data għandu jintiżen, b’mod partikolari, kontra r-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ suġġetti oħra tad-data u r-riskju ta’ kanċellazzjoni tal-effett tal-investigazzjonijiet jew il-proċeduri tas-CS2JU pereżempju billi tinqered l-evidenza. Ir-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jikkonċernaw primarjament, iżda mhumiex limitati għal, riskji ta’ reputazzjoni u riskji għad-dritt ta’ difiża u d-dritt li jinstema’.

Artikolu 4

Restrizzjonijiet

1.   Kull restrizzjoni għandha tiġi applikata biss mis-CS2JU biex tissalvagwardja:

(a)

is-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà pubblika jew id-difiża tal-Istati Membri;

(b)

il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika;

(c)

objettivi importanti oħrajn ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, b’mod partikolari l-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni, jew interess ekonomiku jew finanzjarju importanti tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, inkluż kwistjonijiet monetarji, baġitarji u fiskali, is-saħħa pubblika u is-sigurtà soċjali;

(d)

is-sigurtà interna tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni, inklużi n-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tagħhom;

(e)

il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ksur tal-etika għal professjonijiet regolati;

(f)

funzjoni ta’ monitoraġġ, ta’ spezzjoni jew funzjoni regolatorja marbuta, anke jekk okkażjonalment, mal-eżerċitar ta’ awtorità uffiċjali fil-każijiet imsemmija fil-punti (a) sa (c);

(g)

il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn;

(h)

l-infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili.

2.   Bħala applikazzjoni speċifika tal-finijiet deskritti fil-paragrafu 1 ta’ hawn fuq, is-CS2JU tista’ tapplika restrizzjonijiet fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

b’rabta ma’ data personali skambjata mas-servizzi tal-Kummissjoni jew ma’ istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-Unjoni;

meta tali servizz tal-Kummissjoni, istituzzjoni, korp jew aġenzija tal-Unjoni, ikun intitolat li jirrestrinġi l-eżerċizzju tad-drittijiet elenkati abbażi ta’ atti oħra previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jew f’konformità mal-Kapitolu IX ta’ dan ir-Regolament jew mal-atti kostituttivi ta’ istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-Unjoni;

meta l-fini ta’ tali restrizzjoni minn dak is-servizz tal-Kummissjoni, istituzzjoni, korp jew aġenzija tal-Unjoni jkun ipperikolat jekk is-CS2JU ma tapplikax restrizzjoni ekwivalenti fir-rigward tal-istess data personali.

(b)

b’rabta ma’ data personali skambjata mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri;

meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jkunu intitolati li jirrestrinġu l-eżerċizzju tad-drittijiet elenkati abbażi tal-atti msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jew taħt miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 13(3), 15(3) jew 16(3) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6);

meta l-fini ta’ tali restrizzjoni minn dik l-awtorità kompetenti jkun ipperikolat jekk is-CS2JU ma tapplikax restrizzjoni ekwivalenti fir-rigward tal-istess data personali.

(c)

b’rabta ma’ data personali skambjata ma’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, fejn ikun hemm evidenza ċara li l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet u l-obbligi x’aktarx jipperikola l-kooperazzjoni tas-CS2JU ma’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali fit-twettiq tal-kompiti tagħha.

Qabel ma tapplika r-restrizzjonijiet fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, is-CS2JU għandha tikkonsulta s-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-aġenziji, tal-uffiċċji tal-Unjoni jew l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sakemm ma jkunx ċar għas-CS2JU li l-applikazzjoni ta’ restrizzjoni tkun prevista minn wieħed mill-atti msemmija f’dawk il-punti.

Artikolu 5

Restrizzjonijiet tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data

1.   F’każijiet debitament ġustifikati u taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-Deċiżjoni, id-drittijiet li ġejjin jistgħu jiġu ristretti mill-kontrollur fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar elenkati fil-paragrafu 2 hawn taħt meta dan ikun meħtieġ u proporzjonat:

(a)

Id-dritt għall-informazzjoni;

(b)

Id-dritt ta’ aċċess;

(c)

Id-dritt ta’ rettifika, tħassir u restrizzjoni ta’ pproċessar;

(d)

Id-dritt għal komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data;

(e)

Id-dritt għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi;

2.   F’konformità mal-Artikolu 25(2)(a) tar-Regolament (UE) 2018/1725, f’każijiet ġustifikati u taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-deċiżjoni, jistgħu jiġu applikati restrizzjonijiet mill-kontrollur fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar li ġejjin:

(a)

it-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi u proċedimenti dixxiplinari;

(b)

attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrapportati lill-OLAF;

(c)

proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta;

(d)

proċeduri (formali u informali) għal każijiet ta’ fastidju;

(e)

ipproċessar ta’ lmenti interni u esterni;

(f)

awditi interni;

(g)

l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(h)

investigazzjonijiet ta’ sigurtà (tal-IT) ġestiti internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE);

(i)

fil-qafas tal-ġestjoni tal-għotjiet jew il-proċedura tal-akkwist, wara d-data tal-għeluq tal-preżentazzjoni tas-sejħiet għal proposti jew l-applikazzjoni tal-offerti (7);

Ir-restrizzjoni għandha tkompli tapplika dment li jibqgħu applikabbli r-raġunijiet li jiġġustifikawha.

3.   Fil-kuntest tal-proċedura għal każijiet ta’ fastidju, id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu limitati taħt l-istess kundizzjonijiet, bl-eċċezzjoni tad-dritt għall-komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 1.

4.   Meta s-CS2JU tirrestrinġi, b’mod sħiħ jew parzjali, l-applikazzjoni tad-drittijiet fil-paragrafu 1 ta’ hawn fuq, hija għandha tieħu l-passi stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-Deċiżjoni.

5.   Meta s-suġġetti tad-data jitolbu aċċess għad-data personali tagħhom ipproċessata fil-kuntest ta’ każ speċifiku wieħed jew aktar, jew għal operazzjoni ta’ pproċessar partikolari, f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2018/1725, is-CS2JU għandha tillimita l-valutazzjoni tagħha tat-talba għal din id-data personali biss.

Artikolu 6

Ħtieġa u proporzjonalità tar-restrizzjonijiet

1.   Kull restrizzjoni deskritta fl-Artikolu 5 għandha tkun meħtieġa u proporzjonata, filwaqt li jitqiesu r-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data u li jiġi rrispettat il-qofol tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali f’soċjetà demokratika.

2.   Jekk titqies l-applikazzjoni ta’ restrizzjoni, għandu jitwettaq test tan-neċessità u tal-proporzjonalità abbażi tar-regoli preżenti. It-test għandu jitwettaq ukoll fil-qafas tar-rieżami perjodiku, wara li ssir valutazzjoni dwar jekk ir-raġunijiet fattwali u legali għal restrizzjoni għadhomx japplikaw. Għandha tkun iddokumentata permezz ta’ nota ta’ valutazzjoni interna għal skopijiet ta’ responsabbiltà abbażi ta’ każ b’każ.

3.   Ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu temporanji u jridu jitneħħew malli ma jkunux għadhom japplikaw iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikawhom. B’mod partikolari, meta jitqies li l-eżerċitar tad-dritt ristrett ma jibqax iħassar l-effett tar-restrizzjoni imposta jew jaffettwa b’mod negattiv id-drittijiet jew il-libertajiet ta’ suġġetti tad-data oħra.

Is-CS2JU għandha tirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjoni kull sitt xhur mill-adozzjoni tagħha u fl-għeluq tal-inkjesta, proċedura jew investigazzjoni rilevanti. Imbagħad, kull sitt xhur, il-kontrollur għandu jimmonitorja l-ħtieġa li tinżamm kwalunkwe restrizzjoni.

4.   Meta s-CS2JU tapplika, b’mod sħiħ jew parzjali, ir-restrizzjonijiet deskritti fl-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni, hija għandha tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni, ir-raġuni legali skont il-paragrafu 1 ta’ hawn fuq, inkluż valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni.

Għandhom jiġu rreġistrati r-rekord u, fejn applikabbli, id-dokumenti li jinkludu l-elementi fattwali u legali sottostanti. Dawn għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq talba.

Artikolu 7

Obbligu li tingħata informazzjoni

1.   Is-CS2JU għandha tinkludi fl-avviżi tal-protezzjoni tad-data, dikjarazzjonijiet ta’ privatezza jew rekords skont it-tifsira tal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2018/1725, ippubblikati fuq is-sit web tagħha u/jew fuq l-intranet biex tinforma lis-suġġetti tad-data bid-drittijiet tagħhom fil-qafas ta’ proċedura partikolari, informazzjoni relatata mar-restrizzjoni potenzjali ta’ dawn id-drittijiet. L-informazzjoni għandha tkopri liema drittijiet jistgħu jiġu ristretti, ir-raġunijiet u t-tul ta’ żmien potenzjali.

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(4), is-CS2JU, fejn proporzjonat, għandha tinforma wkoll individwalment lis-suġġetti kollha tad-data, li huma kkunsidrati bħala persuni kkonċernati fl-operazzjoni speċifika ta’ pproċessar, bid-drittijiet tagħhom b’rabta mar-restrizzjonijiet preżenti jew futuri mingħajr dewmien bla bżonn u bil-miktub.

2.   Meta s-CS2JU tirrestrinġi, b’mod sħiħ jew parzjali, id-drittijiet stipulati fl-Artikolu 5, hija għandha tinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat, fit-tweġiba tiegħu għat-talba, bir-restrizzjoni applikata u bir-raġunijiet prinċipali għaliha, u bil-possibbiltà li jista’ jressaq ilment lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew li jfittex rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

Il-forniment ta’ informazzjoni msemmi fil-paragrafu 2 ta’ hawn fuq jista’ jiġi differit, jitħalla barra jew jiġi miċħud, jekk dan ikun jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni f’konformità mal-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 8

Rieżami mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data

1.   Is-CS2JU għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinforma lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tas-CS2JU (“UPD”) kull meta l-kontrollur jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data, jew jestendi r-restrizzjoni, skont din id-Deċiżjoni. Il-kontrollur għandu jipprovdi aċċess lill-UPD għar-rekord li jinkludi l-valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni, u jiddokumenta fir-rekord id-data li fiha jinforma lill-UPD.

2.   L-UPD jista’ jitlob lill-kontrollur bil-miktub biex jirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet. Il-kontrollur għandu jinforma lill-UPD bil-miktub dwar l-eżitu tar-rieżami mitlub.

3.   L-UPD għandu jkun involut matul il-proċedura kollha. Il-kontrollur għandu jinforma lill-UPD meta tkun tneħħiet ir-restrizzjoni.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ April 2020.

F’isem il-Bord ta’ Tmexxija, permezz tal-proċedura bil-miktub Nru 2020-02

Axel KREIN

Direttur Eżekuttiv


(1)  ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.

(2)  ĠU L 169, 7.6.2014, p. 77.

(3)  Disponibbli fuq: https://edps.europa.eu/sites/edp/files/publication/20-03-09_guidance_on_article_25_of_the_new_regulation_and_internal_rules_en.pdf

(4)  F’każijiet ta’ kontrollur konġunt, id-data jenħtieġ li tiġi pproċessata b’mod konformi mal-mezzi u l-finijiet stabbiliti fil-ftehim rilevanti fost il-kontrolluri konġunti kif definit fl-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(5)  Din il-lista mhix eżawrjenti.

(6)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data , u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(7)  Din l-operazzjoni ta’ pproċessar għandha tapplika biss għall-Artikolu 5(1)(c).