|
ISSN 1977-074X |
||
|
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 172I |
|
|
||
|
Edizzjoni bil-Malti |
Leġiżlazzjoni |
Volum 63 |
|
Werrej |
|
II Atti mhux leġiżlattivi |
Paġna |
|
|
|
REGOLAMENTI |
|
|
|
* |
||
|
|
|
DEĊIŻJONIJIET |
|
|
|
* |
||
|
|
* |
||
|
|
* |
|
MT |
L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat. It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom. |
II Atti mhux leġiżlattivi
REGOLAMENTI
|
3.6.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 172/1 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILLZA (UE) 2020/730
tat-3 ta’ Ġunju 2020
li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/1509 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1509 tat-30 ta’ Awwissu 2017 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 329/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 47(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fit-30 ta’ Awwissu 2017, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2017/1509. |
|
(2) |
Fil-11 ta’ Mejju 2020, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU), stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 1718 (2006) tal-KSNU, aġġorna l-informazzjoni relatata ma’ entità waħda soġġetta għal miżuri restrittivi. |
|
(3) |
L-Anness XIII għar-Regolament (UE) 2017/1509 jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat kif meħtieġ, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness XIII għar-Regolament (UE) 2017/1509 huwa b’dan emendat kif stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Ġunju 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
G. GRLIĆ RADMAN
ANNESS
Fir-Regolament (UE) 2017/1509, l-Anness XIII, Parti B(b) (“Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi”), l-entrata 75 hija sostitwita b'dan li ġej:
|
“75. |
YUK TUNG ENERGY PTE LTD |
|
80 Raffles Place, #17-22 UOB Plaza, Singapore, 048624, Singapore |
30.3.2018 |
Maniġer kummerċjali u tal-vapur ta' YUK TUNG, li għamel trasferiment bejn il-vapuri ta' prodotti ta' żejt raffinat.” |
DEĊIŻJONIJIET
|
3.6.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 172/3 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/731
tat-28 ta’ Mejju 2020
li taħtar membru u membru supplenti, proposti mir-Renju ta’ Spanja, fil-Kumitat tar-Reġjuni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 305 tiegħu,
Filwaqt li kkunsidra l-proposta mill-Gvern Spanjol,
Billi:
|
(1) |
Fl-10 ta’ Diċembru 2019, fl-20 ta’ Jannar 2020, fit-3 ta’ Frar 2020 u fis-26 ta’ Marzu 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjonijiet (UE) 2019/2157 (1), (UE) 2020/102 (2), (UE) 2020/144 (3) u (UE) 2020/511 (4) li jaħtru l-membri u l-membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2020 sal-25 ta’ Jannar 2025. |
|
(2) |
Konsegwentement għal tmiem il-mandat tas-Sur Alfred BOSCH i PASCUAL, sar vakanti s-siġġu ta’ membru fil-Kumitat tar-Reġjuni. |
|
(3) |
Konsegwentement għal tmiem il-mandat tas-Sa Mireia BORRELL PORTA, sar vakanti s-siġġu ta’ membru supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Huma b’dan maħturin fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-bqija tal-mandat attwali, jiġifieri sal-25 ta’ Jannar 2025:
|
(a) |
bħala membru:
|
|
(b) |
bħala membru supplenti:
|
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Mejju 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
G. GRLIĆ RADMAN
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2157 tal-10 ta’ Diċembru 2019 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2020 sal-25 ta’ Jannar 2025 (ĠU L 327, 17.12.2019, p. 78).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/102 tal-20 ta’ Jannar 2020 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2020 sal-25 ta’ Jannar 2025 (ĠU L 20, 24.1.2020, p. 2).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/144 tat-3 ta’ Frar 2020 li taħtar il-membri u l-membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2020 sal-25 ta’ Jannar 2025 (ĠU L 32, 4.2.2020, p. 16).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/511 tas-26 ta’ Marzu 2020 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2020 sal-25 ta’ Jannar 2025 (ĠU L 113, 8.4.2020, p. 18).
|
3.6.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 172/5 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/732
tat-2 ta’ Ġunju 2020
b’appoġġ għall-Mekkaniżmu tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-investigazzjoni tal-użu allegat ta’ armi kimiċi u bijoloġiċi jew ta’ tossina
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (l-“Istrateġija tal-UE”), li l-Kapitolu III tagħha fih lista ta’ miżuri għall-ġlieda kontra tali proliferazzjoni. |
|
(2) |
L-Unjoni qed timplimenta b’mod attiv l-Istrateġija tal-UE u qed tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, b’mod partikolari dawk il-miżuri relatati mat-tisħiħ, l-implimentazzjoni u l-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u ta’ Tossina (BTWC, Biological and Toxin Weapons Convention). |
|
(3) |
Il-Mekkaniżmu tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) għall-investigazzjoni tal-użu allegat ta’ armi kimiċi u bijoloġiċi jew ta’ tossina (l-“MSĠ”) jirreferi għall-awtorità mogħtija lis-Segretarju Ġenerali tan-NU mir-Riżoluzzjoni A/RES/42/37C tal-Assemblea Ġenerali tan-NU. Din l-awtorità li jwettaq investigazzjoni bħala reazzjoni għal rapporti li jistgħu jinġiebu għall-attenzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU minn kwalunkwe Stat Membru tan-NU, biex jiġu stabbiliti l-fatti relatati ma’ allegazzjoni tal-użu ta’ tali armi, ġiet affermata mill-ġdid mir-Riżoluzzjoni 620 (1988) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. |
|
(4) |
Fis-27 ta’ Frar 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/184/PESK (1) b’appoġġ għall-BTWC, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE. |
|
(5) |
Fl-20 ta’ Marzu 2006, il-Kunsill adotta l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar armi bijoloġiċi u ta’ tossina (2), li jikkomplementa l-Azzjoni Konġunta 2006/184/PESK b’appoġġ għall-BTWC. Dak il-Pjan ta’ Azzjoni jipprevedi l-użu effiċjenti ta’ Miżuri għat-Tisħiħ tal-Fiduċja (CBMs, Confidence Building Measures) u l-MSĠ. |
|
(6) |
Fl-10 ta’ Novembru 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/858/PESK (3) b’appoġġ għall-BTWC, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE. |
|
(7) |
Fit-18 ta’ Lulju 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/429/PESK (4) relattivament għall-pożizzjoni tal-Unjoni għas-Seba’ Konferenza ta’ Reviżjoni tal-Istati Partijiet għall-BTWC, inkluż l-appoġġ għall-MSĠ. |
|
(8) |
Fit-23 ta’ Lulju 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/421/PESK (5) b’appoġġ għall-BTWC, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE. |
|
(9) |
Fit-18 ta’ Jannar 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/51 (6) b’appoġġ għall-BTWC, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE, li inkludiet appoġġ għall-MSĠ. |
|
(10) |
Fl-Aġenda tiegħu għad-Diżarm “Niżguraw il-Futur Komuni Tagħna”, li ġiet ippreżentata fl-24 ta’ Mejju 2018, is-Segretarju Ġenerali tan-NU osserva li l-BTWC ma għandhiex korp permanenti waħdani bir-responsabbiltà li jwettaq investigazzjonijiet bil-għan li jiddetermina jekk ikunux intużaw armi bijoloġiċi bi ksur tal-Konvenzjoni. Għalhekk, l-Aġenda għad-Diżarm tistabbilixxi azzjonijiet li għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ qafas li jiżgura rispons internazzjonali kkoordinat għall-użu ta’ armi bijoloġiċi u li jistabbilixxu kapaċità ewlenija permanenti ta’ koordinazzjoni biex jitwettqu investigazzjonijiet indipendenti tal-użu allegat ta’ armi bijoloġiċi. |
|
(11) |
Fil-21 ta’ Jannar 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/97 (7) b’appoġġ għall-BTWC fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE. |
|
(12) |
Permezz tal-Azzjonijiet Konġunti u d-Deċiżjonijiet b’appoġġ għall-BTWC, l-Unjoni kkontribwixxiet għall-bini ta’ kapaċità multilaterali għall-investigazzjoni tal-użu allegat ta’ armi bijoloġiċi. Din id-Deċiżjoni tipprovdi appoġġ għall-MSĠ, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Bil-għan li tiġi attwata l-applikazzjoni immedjata u prattika lil xi elementi tal-Istrateġija tal-UE, u li tibni fuq l-implimentazzjoni b’suċċess tal-Azzjonijiet Konġunti 2006/184/PESK u 2008/858/PESK u d-Deċiżjoni 2012/421/PESK, din id-Deċiżjoni sservi bħala għodda ta’ politika operazzjonali biex tipprovdi segwitu u momentum essenzjali għall-attivitajiet imwettqa matul il-perijodu mill-2016 sa 2019 fil-qafas tad-Deċiżjonijiet (PESK) 2016/51 u (PESK) 2019/97 b’appoġġ għall-BTWC.
2. Din id-Deċiżjoni hija ggwidata mill-prinċipji li ġejjin:
|
(a) |
li jsir l-aħjar użu mill-esperjenza li nkisbet permezz tad-Deċiżjonijiet 2012/421/PESK u (PESK) 2016/51; |
|
(b) |
li jitqiesu t-tagħlimiet meħuda mill-investigazzjoni l-aktar reċenti taħt l-MSĠ, li saret fl-2013 fis-Sirja, bil-għan li titkompla l-implimentazzjoni ta’ dawk it-tagħlimiet; |
|
(c) |
li jitħeġġu b’mod attiv in-nomini, fil-lista tal-MSĠ, ta’ esperti u laboratorji min-Nofsinhar tad-Dinja; |
|
(d) |
li jitħeġġu b’mod attiv in-nomini ta’ esperti nisa fil-lista tal-MSĠ; |
|
(e) |
li jinbnew sħubijiet strateġiċi ma’ istituzzjonijiet rilevanti; |
|
(f) |
li jiġu appoġġati l-isforzi ta’ Stati Membri interessati tan-NU biex jiżguraw livell sħiħ ta’ tħejjija operazzjonali tal-MSĠ; |
|
(g) |
li jingħata kontribut għall-implimentazzjoni tal-Aġenda għad-Diżarm “Niżguraw il-Futur Komuni Tagħna” tas-Segretarju Ġenerali tan-NU. |
3. L-Unjoni għandha tappoġġa l-proġetti li ġejjin li jikkorrispondu għal miżuri tal-Istrateġija tal-UE:
|
(a) |
appoġġ għat-taħriġ ta’ esperti li jinsabu fil-lista tal-MSĠ; |
|
(b) |
bini ta’ kapaċità ta’ laboratorji minn pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp; |
|
(c) |
attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni biex tkun żgurata n-nomina, fil-lista tal-MSĠ, ta’ esperti u laboratorji min-Nofsinhar tad-Dinja; |
|
(d) |
appoġġ għal eżerċizzju sħiħ fuq il-post (Eżerċizzju Capstone); |
|
(e) |
appoġġ għal attivitajiet regolari ta’ koordinazzjoni jew workshops regolari, jew it-tnejn, ma’ sħab organizzattivi rilevanti. |
4. Fl-Anness tinsab deskrizzjoni dettaljata ta’ dawk il-proġetti.
Artikolu 2
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
2. L-implimentazzjoni teknika tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun fdata lill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta’ Diżarm (UNODA, United Nations Office for Disarmament Affairs). Huwa għandu jwettaq dan il-kompitu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dak il-għan, ir-RGħ għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-UNODA.
Artikolu 3
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(3) għandu jkun ta’ EUR 1 418 042.
2. In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 2. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta’ finanzjament mal-UNODA. Il-ftehim ta’ finanzjament għandu jistipula li l-UNODA għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni adatta għad-daqs tagħha.
4. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament.
Artikolu 4
Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapport finanzjarju u narrattiv finali li jkun fih, inter alia, it-tagħlimiet meħuda, kif ukoll rapporti qosra mfassla mill-UNODA dwar kull wieħed mill-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(3). Dawk ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kunsill għandu wkoll jinżamm aġġornat kull sitt xhur dwar l-informazzjoni pprovduta mill-UNODA fir-rigward tal-progress fl-implimentazzjoni ta’ dawk il-proġetti. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji ta’ dawk il-proġetti.
Artikolu 5
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
2. Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3) jew sitt xhur wara d-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jekk ebda ftehim ta’ finanzjament ma jkun ġie konkluż f’dak il-perijodu.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ġunju 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
G. GRLIĆ RADMAN
(1) Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/184/PESK tas-27 ta’ Frar 2006 b’appoġġ għall-Konvenzjoni tal-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda tal-Massa (ĠU L 65, 7.3.2006, p. 51).
(2) Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar armi bijoloġiċi u ta’ tossina, li jikkomplementa l-Azzjoni Konġunta tal-UE b’appoġġ għall-BTWC (ĠU C 57, 9.3.2006, p. 1).
(3) Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/858/PESK tal-10 ta’ Novembru 2008 b’appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi (BTWC), fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Distruzzjoni Massiva (ĠU L 302, 13.11.2008, p. 29).
(4) Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/429/PESK tat-18 ta’ Lulju 2011 dwar il-Pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea għas-Seba’ Konferenza ta’ Reviżjoni tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni u l-Ħażna ta’ Armi Batterjoloġiċi (Bijoloġiċi) u ta’ Tossina u dwar il-Qerda Tagħhom (BTWC) (ĠU L 188, 19.7.2011, p. 42).
(5) Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/421/PESK tat-23 ta’ Lulju 2012 b’appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi (BTWC), fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 196, 24.7.2012, p. 61).
(6) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/51 tat-18 ta’ Jannar 2016 b’appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi (BTWC) fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 12, 19.1.2016, p. 50).
(7) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/97 tal-21 ta’ Jannar 2019 b’appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l- Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 19, 22.1.2019, p. 11).
ANNESS
1. SFOND
Il-Mekkaniżmu tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) għall-investigazzjoni tal-użu allegat ta’ armi kimiċi u bijoloġiċi jew ta’ tossina (l-“MSĠ”) ġie stabbilit fl-1987 mill-Assemblea Ġenerali tan-NU permezz tar-Riżoluzzjoni A/RES/42/37C tagħha. Din l-awtorità ġiet riaffermata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU permezz tar-Riżoluzzjoni 620 (1988) tiegħu. Il-linji gwida u proċeduri tekniċi għall-investigazzjoni fil-pront u effiċjenti tar-rapporti dwar l-użu allegat ta’ tali armi ġew żviluppati minn esperti pprovduti minn Stati Membri interessati, u stabbiliti fid-Dokument A/44/561 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-1989. Dawk il-linji gwida u proċeduri ġew approvati mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-1990 permezz tar-Riżoluzzjoni A/RES/45/57C tagħha.
Fin-nuqqas ta’ mekkaniżmu ta’ verifika għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u ta’ Tossina, bħal dak li jeżisti għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi, l-MSĠ jirrappreżenta l-unika għodda internazzjonali indipendenti għall-investigazzjoni ta’ allegazzjoni tal-użu ta’ armi bijoloġiċi, bl-approvazzjoni kemm tal-Assemblea Ġenerali tan-NU kif ukoll tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.
2. OBJETTIVI
L-MSĠ, permezz ta’ investigazzjoni fil-pront tal-użu allegat ta’ armi kimiċi u bijoloġiċi jew ta’ tossina, u l-istabbiliment tal-fatti relatati mal-allegazzjonijiet, jista’ jservi biex jitħarsu n-normi globali kontra l-użu ta’ tali armi, jgħin bħala deterrent kontra l-użu ta’ tali armi minn Stati Membri tan-NU, individwi jew organizzazzjonijiet, u fl-aħħar mill-aħħar biex jippreserva l-paċi u s-sigurtà internazzjonali.
L-attivitajiet b’appoġġ għat-tisħiħ tal-livell ta’ tħejjija tal-MSĠ għall-investigazzjoni tal-użu allegat ta’ armi kimiċi u bijoloġiċi jew ta’ tossina huma konsistenti mal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva. Id-Deċiżjoni (PESK) 2016/51 u b’mod partikolari l-Proġett 5 tagħha, “Appoġġ għall-Mekkaniżmu tas-Segretarju Ġenerali tan-NU”, kellhom l-għan li jappoġġaw it-tisħiħ tal-MSĠ billi jiżdied in-numru ta’ esperti adegwatament imħarrġa li jkunu jinsabu fil-lista tal-MSĠ ta’ esperti u laboratorji (il-‘lista tal-MSĠ’), billi tissejjaħ laqgħa tal-partijiet ikkonċernati tal-MSĠ u bl-organizzazzjoni ta’ għadd ta’ attivitajiet ta’ taħriġ transorganizzattiv. Il-Proġett 5 tad-Deċiżjoni (PESK) 2016/51 ipprovda taħriġ ta’ ħiliet bażiċi u speċjalizzati għal esperti inklużi fil-lista permezz ta’ kunċett ġdid ta’ taħriġ sistematiku, network ta’ laboratorji analitiċi nominati u attivitajiet ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet għal tali laboratorji, kif ukoll attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni biex jippromwovu d-diversità ġeografika tal-esperti u l-laboratorji.
Hemm bżonn li dawn l-attivitajiet jitkomplew sabiex tissaħħaħ aktar il-kapaċità internazzjonali u l-abbiltà li ssir investigazzjoni fil-pront ta’ kwalunkwe ksur tal-projbizzjoni globali tal-użu ta’ armi kimiċi u bijoloġiċi jew ta’ tossina, b’enfasi partikolari fuq l-armi bijoloġiċi. Il-promozzjoni tad-diversità ġeografika u tal-bilanċ bejn is-sessi tal-esperti tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kredibilità u l-leġittimità tal-MSĠ. Aktar żvilupp tal-kapaċità u l-abbiltà tal-esperti u l-laboratorji nominati jista’ jkollu wkoll effetti sekondarji pożittivi fuq ir-riċerka bijoloġika u fuq ir-riċerka u l-iżvilupp tas-saħħa pubblika, speċjalment f’pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni ta’ tali attivitajiet ser isservi bħala eżempju ta’ appoġġ konkret għall-Aġenda għad-Diżarm, “Niżguraw il-Futur Komuni Tagħna”, tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, u b’mod partikolari l-Azzjoni 10 ta’ dik l-Aġenda, intitolata “Tħejjija biex jiġi investigat l-użu allegat ta’ armi bijoloġiċi”.
Prinċipji
|
(a) |
Isir l-aħjar użu mill-esperjenza miksuba permezz tad-Deċiżjonijiet 2012/421/PESK u (PESK) 2016/51. |
|
(b) |
Jitqiesu t-tagħlimiet meħuda mill-investigazzjoni li saret fis-Sirja fl-2013 mill-MSĠ. |
|
(c) |
Jitħeġġu b’mod attiv in-nomini, fil-lista tal-MSĠ, ta’ esperti u laboratorji min-Nofsinhar tad-Dinja, derivati minn networks u partijiet ikkonċernati strateġiċi fin-Nofsinhar tad-Dinja. |
|
(d) |
Jinbnew sħubijiet strateġiċi ma’ istituzzjonijiet rilevanti. |
|
(e) |
Titfittex firxa usa’ ta’ għarfien espert fil-lista tal-MSĠ u jitħeġġu attivament in-nomini ta’ esperti nisa f’dik il-lista. |
|
(f) |
Jingħata appoġġ lill-isforzi ta’ Stati Membri interessati tan-NU biex jiżguraw livell sħiħ ta’ tħejjija operazzjonali tal-MSĠ. |
|
(g) |
Jingħata kontribut għall-implimentazzjoni tal-Aġenda għad-Diżarm tas-Segretarju Ġenerali tan-NU. |
Riżultati mistennija
L-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett mistennija tipproduċi r-riżultati ġenerali li ġejjin:
|
(a) |
tisħiħ tal-livell ta’ tħejjija operazzjonali tal-MSĠ; |
|
(b) |
żvilupp ulterjuri tan-network ta’ laboratorji nominati; |
|
(c) |
tisħiħ fil-ħiliet tal-esperti meħtieġa fil-kuntest tal-missjonijiet tal-MSĠ; u |
|
(d) |
diversifikazzjoni tal-għarfien espert fil-lista tal-MSĠ. |
Barra minn hekk, l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett ikollha r-riżultati sekondarji li ġejjin:
|
(a) |
l-armonizzazzjoni tal-arkitettura investigattiva nazzjonali, reġjonali u internazzjonali fir-rigward tal-armi bijoloġiċi; |
|
(b) |
tisħiħ fl-għarfien u fil-kapaċità ta’ investigazzjoni tal-użu allegat ta’ armi bijoloġiċi u kimiċi f’livell nazzjonali; u |
|
(c) |
sensibilizzazzjoni ta’ Stati Membri tan-NU u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti. |
3. PROĠETTI
3.1. Proġett 1: Appoġġ għat-taħriġ ta’ esperti li jinsabu fil-lista tal-MSĠ
3.1.1. Għan tal-proġett
Biex jissaħħu u jiġu aġġornati u armonizzati l-ħiliet ta’ esperti kwalifikati, u jingħata aktar taħriġ lil konsulenti esperti sabiex jiġi żgurat li l-abbiltà u l-kapaċità għall-eżerċizzji u l-investigazzjonijiet fuq il-post ikunu disponibbli minnufih.
3.1.2. Riżultati mistennija tal-proġett
|
(a) |
Jitħarreġ grupp addizzjonali ta’ esperti ġodda, bil-għan li tinkiseb kapaċità suffiċjenti ta’ appoġġ jew ta’ riżerva (“reach-back”). |
|
(b) |
L-esperti diġà involuti fl-attivitajiet tal-MSĠ ikomplu jirċievu taħriġ avvanzat. |
|
(c) |
Isiru korsijiet ta’ taħriġ regolarment fil-perijodu kopert minn din id-Deċiżjoni. |
3.1.3. Deskrizzjoni tal-proġett
Dan il-proġett ser isegwi, u jibni fuq, l-attivitajiet u l-kisbiet li saru taħt il-Proġett 5 tad-Deċiżjoni (PESK) 2016/51 biex jiżdied l-għadd ta’ esperti kwalifikati u konsulenti esperti fil-lista tal-MSĠ li jkunu tħarrġu fil-ħiliet ewlenin meħtieġa biex investigazzjoni tal-MSĠ titwettaq b’suċċess, bħala parti minn tim tan-NU, u taħt kundizzjonijiet possibbilment ħżiena fuq il-post.
Il-proġett ikun jippermetti lill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta’ Diżarm (UNODA) biex iżid l-għadd ta’ esperti kwalifikati u konsulenti esperti mħarrġa, sabiex tiġi żgurata kapaċità suffiċjenti ta’ appoġġ jew ta’ riżerva matul eżerċizzju fuq il-post jew investigazzjoni reali. Il-kompetenzi ewlenin għat-taħriġ jinkludu l-ġbir u t-trattament tal-evidenza, il-kitba ta’ rapporti, is-sigurtà operazzjonali, il-komunikazzjoni fuq il-post, in-negozjati u t-trattament tal-media.
Iż-żmien u l-post ta’ dawn il-korsijiet ta’ taħriġ ser jiddependu ħafna mill-Istati Membri tan-NU li joffru tali korsijiet ta’ taħriġ. Il-linji gwida u l-proċeduri għall-investigazzjonijiet tal-MSĠ, li ġew ippreżentati lill-Assemblea Ġenerali u approvati minnha fl-1989, jiddikjaraw li “kwalunkwe Stat Membru interessat jista’ jinnomina għar-rigward tas-Segretarju Ġenerali taħriġ jew korsijiet speċjalizzati rilevanti disponibbli għal esperti kwalifikati b’appoġġ għar-rwol possibbli tagħhom biex f’ismu jwettqu investigazzjonijiet tal-użu possibbli ta’ aġenti kimiċi, bijoloġiċi u tossiniċi”.
3.1.4. Responsabbiltajiet tal-aġenzija ta’ implementazzjoni
Tħejjija sostantiva:
F’konsultazzjoni mal-Istati Membri tan-NU li jospitaw l-attività ta’ taħriġ u s-sħab rilevanti, l-UNODA ser jiżviluppa l-programm ta’ taħriġ u jagħżel l-esperti parteċipanti.
Servizzi loġistiċi u amministrattivi:
L-UNODA ser jissieħeb mal-Uffiċċju tas-Servizzi tal-Proġetti tan-NU (UNOPS) għall-arranġamenti loġistiċi (bħall-arranġamenti tal-ivvjaġġar għal parteċipanti u esperti) għall-attivitajiet ta’ taħriġ.
3.2. Proġett 2: Tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ laboratorji minn pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp
3.2.1. Għan tal-proġett
Biex jingħata appoġġ għall-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti minn laboratorji nominati f’attivitajiet ta’ taħriġ maħsuba biex jiżviluppaw network li jkun kapaċi jappoġġa investigazzjoni mill-MSĠ tal-użu allegat ta’ armi bijoloġiċi.
3.2.2. Riżultati mistennija tal-proġett
|
(a) |
Parteċipazzjoni msaħħa ta’ rappreżentanti ta’ laboratorji minn pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp f’attivitajiet maħsuba biex jiżviluppaw network ta’ laboratorji nominati għall-MSĠ. |
|
(b) |
Involviment akbar ta’ laboratorji minn pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp fit-taħriġ għall-MSĠ. |
3.2.3. Deskrizzjoni tal-proġett
Sabiex jiġi żgurat li l-MSĠ jiġi rikonoxxut bħala li għandu kemm integrità kif ukoll imparzjalità sħiħa, il-parteċipazzjoni sħiħa tal-laboratorji nominati min-Nofsinhar tad-Dinja u l-involviment tagħhom f’dawn l-attivitajiet b’appoġġ għall-MSĠ huma kruċjali. Għalhekk, huwa essenzjali li jiġu ffaċilitati involviment u parteċipazzjoni akbar ta’ laboratorji inklużi fil-lista minn dawn il-pajjiżi f’dan il-proċess, inklużi l-parteċipazzjoni tagħhom f’workshops iddedikati għal-laboratorji organizzati mill-Istati Membri tan-NU kif ukoll il-parteċipazzjoni tagħhom bħala osservaturi f’attivitajiet ta’ taħriġ għal esperti kwalifikati li jinsabu fil-lista tal-MSĠ, biex jiġi żgurat li l-laboratorji u l-esperti jkunu konxji mill-ħtieġa li jiġu armonizzati attivitajiet li b’mod trasparenti jkunu ta’ appoġġ għal investigazzjoni mwettqa kif xieraq.
3.2.4. Responsabbiltajiet tal-aġenzija ta’ implementazzjoni
Tħejjija sostantiva:
F’konsultazzjoni ma’ laboratorji rilevanti u ma’ Stati Membri tan-NU li jospitaw l-attività biex jiġi żviluppat in-network ta’ laboratorji, l-UNODA ser jidentifika laboratorji f’pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp li l-parteċipazzjoni tagħhom f’dik l-attività għandha tiġi appoġġata.
Servizzi loġistiċi u amministrattivi:
L-UNODA ser jissieħeb mal-UNOPS għall-arranġamenti loġistiċi (bħall-arranġamenti tal-ivvjaġġar għall-parteċipanti).
3.3. Proġett 3: Attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni
3.3.1. Għan tal-proġett
Biex jiżdiedu n-nomini ta’ esperti u laboratorji min-Nofsinhar tad-Dinja fil-lista tal-MSĠ.
3.3.2. Riżultati mistennija tal-proġett
|
(a) |
Isiru workshops ta’ sensibilizzazzjoni reġjonali fl-Afrika u fl-Amerika Ċentrali u t’Isfel. |
|
(b) |
Jiżdiedu n-nomini ta’ esperti u laboratorji minn dawk ir-reġjuni fil-lista tal-MSĠ. |
|
(c) |
Numru akbar ta’ esperti minn dawk ir-reġjuni li jipparteċipaw f’korsijiet ta’ taħriġ tal-ħiliet għall-MSĠ. |
3.3.3. Deskrizzjoni tal-proġett
Filwaqt li l-lista ta’ esperti u laboratorji nominati mill-Istati Membri tan-NU hi diversifikata, għad hemm nuqqas ta’ rappreżentanza ta’ Stati Membri tan-NU mill-Afrika u mill-Amerika Ċentrali u t’Isfel (1).
L-integrità u l-imparzjalità perċepita tal-MSĠ ser jissaħħu billi jiġi żgurat grupp diversifikat ta’ esperti u laboratorji li minnu l-UNODA jkun jista’ jagħżel għal attivitajiet ta’ taħriġ u li minnu s-Segretarju Ġenerali tan-NU jkun jista’ jagħżel matul investigazzjoni reali.
Bħala appoġġ għal dan, ser isiru workshops reġjonali f’kull wieħed minn dawn iż-żewġ reġjuni, bil-għan li jkun hemm involviment dirett mal-esperti rilevanti fl-ibliet kapitali nazzjonali sabiex jiġu spjegati l-MSĠ, l-importanza tiegħu f’rispons internazzjonali kkoordinat għal allegazzjoni tal-użu ta’ armi bijoloġiċi, u r-rwol u l-importanza ta’ grupp diversifikat ta’ esperti f’każ li jingħata bidu għal investigazzjoni tal-MSĠ. Id-data dwar in-nomini minn pajjiżi f’dawn ir-reġjuni se tiġi kkumpilata konsegwentement għan-‘note verbale’ annwali mill-UNODA lill-Istati Membri kollha tan-NU, biex jiġi verifikat jekk kienx hemmx xi impatt miżurabbli fuq in-nomini. Id-deċiżjonijiet dwar l-ambitu eżatt u l-għadd ta’ Stati Membri tan-NU li jipparteċaw u ta’ parteċipanti fil-workshops ser jittieħdu prinċipalment permezz ta’ konsultazzjonijiet bejn l-UNODA u l-pajjiżi li joffru li jospitaw il-workshops, b’kont meħud ta’ fatturi bħall-post tal-workshop, il-baġit u l-kapaċità rilevanti fil-pajjiżi. Il-Kunsill għandu jiġi infurmat mill-UNODA dwar il-proċess tal-għażla ta’ pajjiżi ospitanti, u l-UNODA ser ifittex gwida u approvazzjoni mill-Kunsill f’dan ir-rigward.
3.3.4. Responsabbiltajiet tal-aġenzija ta’ implementazzjoni
Tħejjija sostantiva:
F’konsultazzjoni ma’ Stati Membri tan-NU li jospitaw il-workshops, l-UNODA ser jiżviluppa l-aġenda u l-programm, u jagħżel il-parteċipanti.
Servizzi loġistiċi u amministrattivi:
L-UNODA ser jissieħeb mal-UNOPS għall-arranġamenti loġistiċi għall-workshops, bħall-arranġamenti tal-ivvjaġġar għall-parteċipanti.
3.4. Proġett 4:Appoġġ għall-Eżerċizzju Capstone
3.4.1. Għan tal-proġett
Biex jiżgura tħejjija adegwata għal, u t-twettiq b’suċċess ta’, eżerċizzju sħiħ fuq il-post (magħruf bħala l-‘Eżerċizzju Capstone’) ippjanat li jsir fil-Ġermanja f’Settembru 2020.
3.4.2. Riżultati mistennija tal-proġett
|
(a) |
It-tħejjija għall-Eżerċizzju Capstone ssir f’waqtha u b’mod komprensiv. |
|
(b) |
Il-missjonijiet ta’ ppjanar għall-Eżerċizzju Capstone jitwettqu, u t-tħejjijiet kollha meħtieġa għall-eżerċizzju jitlestew jew ikunu ġew diskussi, mal-pajjiż ospitanti u l-organizzaturi. |
|
(c) |
Jingħata appoġġ għall-parteċipazzjoni ta’ esperti fl-Eżerċizzju Capstone. |
|
(d) |
Faċilitazzjoni u konsultazzjoni mill-UNODA biex jiġi żgurat li, qabel l-Eżerċizzju Capstone, l-Istati Membri u oħrajn jagħmlu disponibbli tagħmir ġenerali u speċjalizzat meħtieġ għat-twettiq tal-Eżerċizzju Capstone. |
3.4.3. Deskrizzjoni tal-proġett
Jitfassal Eżerċizzju Capstone, jew attività ta’ taħriġ kulminanti, biex tingħata l-opportunità lill-esperti mħarrġa biex jipprattikaw l-ambitu sħiħ tal-għarfien espert xjentifiku tagħhom u l-ħiliet ewlenin miksubin f’attività realistika fuq il-post bi tħejjija għal stazzjonament reali. Bħalissa tali eżerċizzju huwa ppjanat għat-tieni nofs tal-2020 mill-gvernijiet tal-Ġermanja u l-Iżvezja.
Sabiex jiġu żgurati s-suċċess u l-valur ta’ tali attività, jeħtieġ li jitlestew għadd ta’ korsijiet ta’ taħriġ qabel l-Eżerċizzju Capstone, biex jiġi żgurat li l-esperti li jipparteċipaw fl-Eżerċizzju Capstone jkunu mħarrġa u mħejjija b’mod sħiħ. Dawn il-korsijiet ta’ taħriġ huma previsti fil-Proġett 1 hawn fuq. Il-parteċipazzjoni ta’ esperti u uffiċjali minn organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, bħall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO, World Health Organization), l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE, Office International des Epizooties) u l-INTERPOL, ser tiġi appoġġata fl-ambitu ta’ dan il-proġett.
Barra minn hekk, ser ikun meħtieġ li tagħmir adegwat, bħal pereżempju lbies protettiv personali, diżinfettant, tagħmir investigattiv, apparat ta’ komunikazzjoni, tagħmir neċessarju ieħor ta’ sejbien u identifikazzjoni, apparat u materjali ta’ kalibrazzjoni, u apparat fotografiku u ta’ reġistrazzjoni, jiġi akkwistat u pprovdut mill-Istati Membri tan-NU u oħrajn lill-esperti parteċipanti qabel il-bidu tal-Eżerċizzju Capstone.
It-tagħlimiet meħuda mill-Eżerċizzju Capstone ser ikunu importanti biex jinfurmaw u jtejbu l-attivitajiet futuri ta’ taħriġ għall-MSĠ, u ser jidentifikaw lakuni u sfidi fl-istruttura operazzjonali attwali tal-MSĠ. Minbarra analiżi immedjata (‘hot-wash’) u laqgħa ta’ evalwazzjoni għall-esperti parteċipanti fi tmiem l-Eżerċizzju Capstone, tista’ ssir ukoll attività ddedikata dwar it-tagħlimiet miksuba, iffinanzjata minn sorsi oħra.
L-attivitajiet kollha rilevanti ser jitwettqu f’koordinazzjoni u kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UNODA u l-gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Iżvezja.
3.4.4. Responsabbiltajiet tal-aġenzija ta’ implementazzjoni
Tħejjija sostantiva:
L-UNODA ser jikkonsulta mal-gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Iżvezja u ma’ Stati Membri rilevanti oħrajn tan-NU u sħab rilevanti oħra għat-tħejjija sostantiva għall-Eżerċizzju Capstone, inkluż l-iżvilupp tal-objettiv, ix-xenarju, il-programm u l-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni tiegħu.
Servizzi loġistiċi u amministrattivi:
L-UNODA ser jissieħeb mal-UNOPS għall-arranġamenti loġistiċi għall-Eżerċizzju Capstone, inklużi l-arranġamenti tal-ivvjaġġar għal parteċipanti u esperti kif ukoll l-akkwist u t-trasport ta’ tagħmir.
3.5. Proġett 5:Appoġġ għal attivitajiet jew workshops regolari ta’ koordinazzjoni ma’ sħab organizzattivi rilevanti
3.5.1. Għan tal-proġett
Biex jiġu identifikati u involuti sħab organizzattivi għal kooperazzjoni fir-rigward tal-MSĠ.
3.5.2. Riżultati mistennija tal-proġett
|
(a) |
Jiġu organizzati sensiela ta’ workshops ma’ sħab internazzjonali rilevanti. |
|
(b) |
Jiġu żviluppati u adottati arranġamenti dettaljati ġodda għall-kooperazzjoni ma’ tali sħab internazzjonali, bħal linji gwida, proċeduri operattivi rakkommandati, ftehimiet u memoranda ta’ qbil. |
3.5.3. Deskrizzjoni tal-proġett
Sabiex jinkiseb l-akbar appoġġ possibbli mis-sistema tan-NU għall-MSĠ, u fid-dawl tar-riżorsi limitati tal-UNODA, huwa essenzjali li jinbnew sħubiji b’saħħithom ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti. Eżempji ta’ arranġamenti li rnexxew għall-għoti ta’ konsulenza esperta u appoġġ kemm għat-taħriġ kif ukoll għal investigazzjonijiet potenzjali jinkludu s-sħubiji tal-UNODA mal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW), l-OIE u l-WHO, l-INTERPOL, u ċ-Ċentri ta’ Eċċellenza CBRN.
Ikun hemm il-potenzjal li dan in-network ta’ sħubiji jiġi estiż biex jinkludi aktar organizzazzjonijiet internazzjonali li jista’ jkollhom ħtiġijiet simili f’termini ta’ taħriġ, żvilupp espert u tagħmir.
Għalhekk, l-UNODA jfittex jidentifika sħab organizzattivi rilevanti, jidħol f’kollegament magħhom bis-sensittività mistħoqqa f’mandati individwali, u jorganizza sensiela ta’ workshops biex jidentifika dawn l-aspetti komuni u l-oqsma għal kooperazzjoni bil-ħsieb li jiżgura impenji relatati mal-kondiviżjoni ta’ attivitajiet ta’ taħriġ, tagħmir u għarfien espert.
3.5.4. Responsabbiltajiet tal-aġenzija ta’ implementazzjoni
Tħejjija sostantiva:
L-UNODA ser iwettaq it-tħejjija sostantiva għall-workshop, inkluż l-iżvilupp tal-aġenda u l-programm, u jagħżel il-parteċipanti.
Servizzi loġistiċi u amministrattivi:
L-UNODA ser jissieħeb mal-UNOPS għall-arranġamenti loġistiċi, inklużi l-arranġamenti tal-ivvjaġġar għal parteċipanti u esperti.
4. RAPPURTAR U VALUTAZZJONI
L-UNODA ser iżomm lill-Kunsill aġġornat kull sitt xhur dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-proġett.
Meta jiġi konkluż il-proġett, l-UNODA ser jippreżenta lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u lill-Kummissjoni Ewropea (‘Kummissjoni’) rapport finanzjarju u narrattiv finali li jkun fih rapporti qosra dwar kull proġett.
5. TUL TA’ ŻMIEN
L-implimentazzjoni tal-proġett hija stmata li ddum b’kollox 32 xahar, minn Mejju 2020 sa Diċembru 2022.
6. BENEFIĊJARJI
Il-benefiċjarji tal-Proġett 1 ser ikunu l-esperti li jinsabu fil-lista tal-MSĠ, kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa u l-istituzzjonijiet li magħhom ikunu affiljati l-esperti rilevanti.
Il-benefiċjarji tal-Proġett 2 ser ikunu laboratorji nominati li jipparteċipaw fl-attivitajiet, b’mod partikolari dawk f’pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp.
Il-benefiċjarji tal-Proġett 3 ser ikunu pajjiżi fir-reġjuni ġeografiċi li bħalissa mhumiex rappreżentati biżżejjed fil-lista tal-MSĠ. L-MSĠ innifsu ser ikun jista’ wkoll itejjeb il-leġittimità perċepita tiegħu billi jwessa’ l-bażi ġeografika tiegħu minn fejn jistgħu jintgħażlu esperti u laboratorji għal attivitajiet ta’ taħriġ u missjonijiet.
Il-benefiċjarji tal-Proġett 4 ser ikunu l-Istati Membri tan-NU u s-sħab li jorganizzaw l-Eżerċizzju Capstone, kif ukoll l-esperti li jipparteċipaw fl-eżerċizzju.
Il-benefiċjarji tal-Proġett 5 ser ikunu l-UNODA, id-dipartimenti u l-aġenziji rilevanti fis-sistema tan-NU, u sħab internazzjonali u reġjonali.
7. AĠENZIJA TA’ IMPLIMENTAZZJONI — KWISTJONIJIET TA’ PERSUNAL
L-UNODA ser jiġi fdat bl-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett. L-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett ser issir f’konformità mal-ftehim ta’ finanzjament li għandu jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni u l-UNODA. L-UNODA ser jissieħeb mal-UNOPS, li ser jipprovdi appoġġ loġistiku u amministrattiv għal dan il-proġett. Ir-rwol tal-UNOPS ikun limitat għal appoġġ loġistiku u amministrattiv biss.
Minħabba n-natura ekstrabaġitarja tal-attivitajiet previsti għall-UNODA fl-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett, ser ikun meħtieġ aktar persunal. Il-persunal ser ikun responsabbli għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-proġett, u ser jorganizza u jwettaq attivitajiet identifikati fil-proġetti tiegħu. B’mod partikolari, il-persunal huwa mistenni li jikkontribwixxi b’esperjenza sostantiva u b’għarfien espert għat-tfassil u t-twettiq tal-attivitajiet ta’ taħriġ u li jikkomunika ma’ sħab rilevanti bħal organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali u laboratorji. Il-persunal ser ikollu jkun ta’ grad superjuri (fil-livell P-5 fis-sistema tan-NU) fid-dawl tal-kumplessità tal-proġett u, relattivament għall-attivitajiet ta’ taħriġ, tal-livell għoli ta’ esperjenza u għarfien meħtieġa f’oqsma differenti, inklużi dawk tal-istazzjonament fil-post, tal-investigazzjonijiet, tat-tfassil u t-twettiq tal-attivitajiet ta’ taħriġ, u tal-bijoloġija u l-armi bijoloġiċi.
Barra minn hekk, il-UNOPS ser ikun impenjat għall-appoġġ amministrattiv u loġistiku fl-implimentazzjoni tal-proġetti u b’mod partikolari fl-organizzazzjoni ta’ korsijiet ta’ taħriġ u workshops, prinċipalment permezz tal-ibbukkjar u l-ħruġ ta’ biljetti u l-ħlasijiet ta’ ammonti per diem lill-parteċipanti. L-użu tal-għarfien espert tal-UNOPS bħala riżorsa ta’ esperjenza għall-implimentazzjoni tal-proġett u s-servizzi ta’ appoġġ amministrattiv ikun għażla aħjar mir-reklutaġġ ta’ persunal ta’ appoġġ amministrattiv, billi dan spiss joħloq l-aspettattiva tal-kontinwazzjoni tal-impjieg mal-UNODA wara t-tmiem tal-proġett u r-riskju li tali persunal ta’ appoġġ amministrattiv jintuża għal kompiti mhux relatati mal-proġett minħabba li jkun jinsab fl-istess uffiċċju. L-użu tal-UNOPS bħala aġenzija ta’ implimentazzjoni f’dan il-proġett jippermetti wkoll lill-UNODA jinvolvi aktar lill-UNOPS fl-attivitajiet tal-MSĠ, inkluż fil-każ ta’ mobilizzazzjoni reali tal-missjoni tal-MSĠ bi tweġiba għal talba mill-Istati Membri tan-NU. In-network estensiv għall-akkwist, provvisti u trasport li għandu l-UNOPS jista’ jkun vantaġġuż ħafna f’każijiet fejn il-ħtieġa għall-akkwist u t-trasport, rapidament, ta’ tagħmir tkun kruċjali għas-suċċess ta’ missjoni.
8. VIŻIBBILTÀ TAL-UE
L-UNODA għandu jieħu l-miżuri kollha adatti biex jippubbliċizza l-fatt li dan il-proġett ġie ffinanzjat mill-Unjoni. L-appoġġ tal-Unjoni ser jiġi rikonoxxut ukoll fl-istediniet u f’dokumenti oħrajn li jiġu kondiviżi mal-parteċipanti fl-attivitajiet varji. L-UNODA ser jiżgura li, fejn ikun possibbli, l-Unjoni tkun irrappreżentata f’attivitajiet li jirċievu l-appoġġ taħt din id-Deċiżjoni.
(1) Sitt Stati Membri Afrikani biss innominaw esperti u żewġ Stati nnominaw laboratorji. Ħames Stati tal-Amerka Ċentrali/t’Isfel biss innominaw esperti u wieħed biss innomina laboratorju.
|
3.6.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 172/15 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/733
tat-2 ta’ Ġunju 2020
li timplimenta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/849 tas-27 ta’ Mejju 2016 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/183/PESK (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 33(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fis-27 ta’ Mejju 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849. |
|
(2) |
Fil-11 ta’ Mejju 2020, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU), stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 1718 (2006) tal-KSNU, aġġorna l-informazzjoni relatata ma’ entità waħda soġġetta għal miżuri restrittivi. |
|
(3) |
L-Anness I għad-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat kif meħtieġ, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness I għad-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 huwa b’dan emendat kif stabbilit fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ġunju 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
G. GRLIĆ RADMAN
ANNESS
Fid-Deċiżjoni (PESK) 2016/849, l-Anness I, Parti B (“Entitajiet”), l-entrata 75 hija sostitwita b'dan li ġej:
|
“75. |
YUK TUNG ENERGY PTE LTD |
|
80 Raffles Place, #17-22 UOB Plaza, Singapore, 048624, Singapore |
30.3.2018 |
Maniġer kummerċjali u tal-vapur ta' YUK TUNG, li għamel trasferiment bejn il-vapuri ta' prodotti ta' żejt raffinat.” |