ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 153

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
15 ta' Mejju 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/649 tas-7 ta’ Mejju 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea matul is-56 sessjoni tal-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija fir-rigward ta’ ċerti emendi tal-Appendiċi C tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija

1

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/650 tas-8 ta’ Mejju 2020 li taħtar membru, propost mir-Repubblika tal-Estonja, fil-Kumitat tar-Reġjuni

3

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/651 tal-14 ta’ Mejju 2020 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/797 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu lill-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha

4

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/652 tal-14 ta’ Mejju 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2014/219/PESK dwar il-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali)

5

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

15.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/649

tas-7 ta’ Mejju 2020

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea matul is-56 sessjoni tal-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija fir-rigward ta’ ċerti emendi tal-Appendiċi C tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Unjoni aderiet għall-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980 kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (“COTIF”) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE (1).

(2)

L-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni ta’ Ċipru u Malta, huma Partijiet għall-COTIF.

(3)

L-Artikolu 6 COTIF jiddikjara li t-traffiku ferrovjarju internazzjonali u l-ammissjoni ta’ materjal ferrovjarju fit-traffiku internazzjonali jridu jiġu rregolati mirregoli elenkati f’dak l-Artikolu, b’mod partikolari r-“Regolamenti dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bil-Ferrovija (RID)”, li jifformaw parti mill-Appendiċi C tal-COTIF.

(4)

Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tistabbilixxi rekwiżiti għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq, bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilmijiet interni fi ħdan l-Istati Membri jew bejniethom, abbażi tar-RID.

(5)

Skont l-ittra (d) tal-Artikolu 13 § 1 u l-Artikolu 33 § 5 COTIF, il-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (“il-Kumitat ta’ Esperti tar-RID”) tal-Organizzazzjoni Intergovernamentali għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (“OTIF”) jista’ jemenda l-Anness tar-RID.

(6)

Il-Kumitat ta’ Esperti tar-RID, fis-56 sessjoni tiegħu fis-27 ta’ Mejju 2020, ser jadotta emendi biex jadatta l-Anness tar-RID skont il-progress xjentifiku u tekniku.

(7)

L-emendi previsti jikkonċernaw standards tekniċi u għandhom l-għan li jiġi żgurat trasport sikur u effiċjenti ta’ oġġetti perikolużi filwaqt li jitqiesu l-progress xjentifiku u tekniku fis-settur u l-iżvilupp ta’ sustanzi u oġġetti ġodda li jistgħu joħolqu periklu matul it-trasport tagħhom.

(8)

L-emendi previsti jitqiesu xierqa għat-trasport sikur ta’ oġġetti perikolużi b’mod kosteffettiv u għalhekk jistgħu jiġu appoġġati,

(9)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Esperti tar-RID, peress li l-emendi tar-RID ser ikunu vinkolanti għall-Unjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni waqt is-56 sessjoni tal-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija fil-qafas tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999, għandha tiġi stabbilita fit-tabella tal-emendi fid-dokument ST 7049/20 (3).

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat ta’ Esperti tar-RID jistgħu jaqblu fuq bidliet minuri fid-dokumenti msemmija f’dik it-tabella tal-emendi mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Mal-adozzjoni, id-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Esperti tar-RID għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, b’indikazzjoni tad-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

G. GRLIĆ RADMAN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE tas-16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (ĠU L 51, 23.2.2013, p. 1).

(2)  Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13).

(3)  Id-dokument ST 7049/20 jinsab fi http://register.consilium.europa.eu


15.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/3


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/650

tas-8 ta’ Mejju 2020

li taħtar membru, propost mir-Repubblika tal-Estonja, fil-Kumitat tar-Reġjuni

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 305 tiegħu,

Filwaqt li kkunsidra l-proposta mill-Gvern Estonjan,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ Diċembru 2019, fl-20 ta’ Jannar 2020, fit-3 ta’ Frar 2020 u fis-26 ta’ Marzu 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjonijiet (UE) 2019/2157 (1), (UE) 2020/102 (2), (UE) 2020/144 (3) u (UE) 2020/511 (4) li jaħtru l-membri u l-membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu ta’ bejn is-26 ta’ Jannar 2020 sal-25 ta’ Jannar 2025.

(2)

Konsegwentement għal tmiem il-mandat sar vakanti s-siġġu ta’ membru fil-Kumitat tar-Reġjuni u abbażi ta’ dan is-Sur Siim SUURSILD (Representative of a local body with political accountability to an elected Assembly: Pärnu City Council) ġie propost,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Huwa b’dan maħtur membru fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-bqija tal-mandat attwali, jiġifieri sal-25 ta’ Jannar 2025:

Is-Sur Siim SUURSILD, Member of a Local Assembly: Pärnu City Council (bidla tal-mandat).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-8 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

G. GRLIĆ RADMAN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2157 tal-10 ta’ Diċembru 2019 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2020 sal-25 ta’ Jannar 2025 (ĠU L 327, 17.12.2019, p. 78).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/102 tal-20 ta’ Jannar 2020 li taħtar il-membri u membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2020 sal-25 ta’ Jannar 2025 (ĠU L 20, 24.1.2020, p. 2).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/144 tat-3 ta’ Frar 2020 li taħtar il-membri u l-membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2020 sal-25 ta’ Jannar 2025 (ĠU L 32, 4.2.2020, p. 16).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/511 tas-26 ta’ Marzu 2020 li taħtar il-membri u l-membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2020 sal-25 ta’ Jannar 2025 (ĠU L 113, 8.4.2020, p. 18).


15.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/4


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/651

tal-14 ta’ Mejju 2020

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/797 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu lill-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta’ Mejju 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/797 (1) dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu lill-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha.

(2)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2019/797 tapplika sat-18 ta’ Mejju 2020. Abbażi ta’ rieżami ta’ dik id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-miżuri restrittivi stabbiliti fiha jiġu estiżi sat-18 ta’ Mejju 2021.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2019/797 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni (PESK) 2019/797 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 10

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-18 ta’ Mejju 2021 u għandha tinżamm taħt rieżami kostanti. Għandha tiġi mġedda, jew emendata kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma jkunux intlaħqu.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

G. GRLIĆ RADMAN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/797 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu lill-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha (ĠU L 129I, 17.5.2019, p. 13).


15.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/5


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/652

tal-14 ta’ Mejju 2020

li temenda d-Deċiżjoni 2014/219/PESK dwar il-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ April 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/219/PESK (1) dwar il-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali).

(2)

Fil-25 ta’ Ġunju 2018, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar is-Saħel/Mali, il-Kunsill issottolinja “l-importanza tar-reġjonalizzazzjoni tal-PSDK fis-Saħel bil-għan li jissaħħaħ, kif xieraq, l-appoġġ ċivili u militari għal kooperazzjoni transfruntiera, l-istrutturi ta’ kooperazzjoni reġjonali — b’mod partikolari dawk tal-G5 tas-Saħel – u l-kapaċità u s-sjieda tal-pajjiżi tal-G5 biex jindirizzaw l-isfidi ta’ sigurtà fir-reġjun.”

(3)

Fit-18 ta’ Frar 2019, il-Kunsill approva Kunċett tal-Operazzjonijiet ċivili-militari konġunt dwar ir-Reġjonalizzazzjoni tal-azzjoni tal-PSDK fis-Saħel.

(4)

Fil-21 ta’ Frar 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/312 (2) li testendi EUCAP Sahel Mali u li tipprovdilha ammont ta’ referenza finanzjarja sal-14 ta’ Jannar 2021.

(5)

Fis-17 ta’ Marzu 2020, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà emenda l-pjan operazzjonali għal EUCAP Sahel Mali u qabel li jenħtieġ li jiżdiedu r-riżorsi pprovduti lilha għar-reġjonalizzazzjoni tal-azzjoni tal-PSDK fis-Saħel.

(6)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/219/PESK tiġi emendata skont dan.

(7)

Il-EUCAP Sahel Mali ser titmexxa fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ xxekkel it-twettiq tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif jinsabu fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni 2014/219/PESK, is-sitt u s-seba’ paragrafu huma sostitwiti b’dan li ġej:

“L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUCAP Sahel Mali bejn l-1 ta’ Marzu 2019 u l-14 ta’ Jannar 2021 għandu jkun ta’ EUR 69 650 000.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

G. GRLIĆ RADMAN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/219/PESK tal-15 ta’ April 2014 dwar il-Missjoni ta’ PSDK tal-Unjoni Ewropea f’Mali (EUCAP Sahel Mali) (ĠU L 113, 16.4.2014, p. 21).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/312 tal-21 ta’ Frar 2019 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2014/219/PESK dwar il-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali) (ĠU L 51, 22.2.2019, p. 29).