ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 138

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
30 ta' April 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/587 tad-29 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1206/2011 li jistabbilixxi rekwiżiti dwar l-identifikazzjoni ta’ inġenji tal-ajru għas-sorveljanza fl-Ajru Uniku Ewropew u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1207/2011 li jistabbilixxi rekwiżiti għall-prestazzjoni u l-interoperabilità tas-sorveljanza għall-ajru uniku Ewropew ( 1 )

1

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/588 tat-22 ta’ April 2020 dwar eżenzjonijiet mid-dazju anti-dumping estiż fuq ċerti partijiet tar-roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina skont ir-Regolament (KE) Nru 88/97 (notifikata bid-dokument C(2020) 2382)

8

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/589 tat-23 ta’ April 2020 dwar l-adegwatezza tal-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-Afrika t’Isfel skont id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2020) 2026)  ( 1 )

15

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/590 tal-24 ta’ April 2020 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/784 fir-rigward ta’ aġġornament tal-kundizzjonijiet tekniċi rilevanti applikabbli għall-banda ta’ frekwenzi ta’ bejn l-24,25 u s-27,5 GHz (notifikata bid-dokument C(2020) 2542)  ( 1 )

19

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

30.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/587

tad-29 ta’ April 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1206/2011 li jistabbilixxi rekwiżiti dwar l-identifikazzjoni ta’ inġenji tal-ajru għas-sorveljanza fl-Ajru Uniku Ewropew u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1207/2011 li jistabbilixxi rekwiżiti għall-prestazzjoni u l-interoperabilità tas-sorveljanza għall-ajru uniku Ewropew

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 44(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex jiġu żgurati operazzjonijiet sikuri u effiċjenti tal-inġenji tal-ajru, tal-ajrudromi, tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, tan-navigazzjoni bl-ajru u tan-netwerk Ewropew tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, jeħtieġ li jiġi previst ċertu titjib fir-regoli operattivi relatati mal-użu tal-ispazju tal-ajru, tat-tagħmir tal-inġenji tal-ajru u tas-sistemi tas-servizzi tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u tan-navigazzjoni bl-ajru kif ukoll tal-kostitwenti tagħhom meħtieġa għall-użu tal-ispazju tal-ajru. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti ġodda u aġġornati dwar l-interoperabilità b’rabta mas-sikurezza fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1206/2011 (2) u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1207/2011 (3).

(2)

Filwaqt li jitqiesu l-esperjenzi mill-implimentazzjoni li għadha għaddejja tal-kapaċità tas-sorveljanza fl-ajru u tal-kapaċità tal-ipproċessar tad-data tas-sistemi ta’ fuq l-art, l-installazzjoni effettiva u f’waqtha tat-tagħmir tal-inġenji tal-ajru hija meħtieġa biex tippermetti lill-katina sħiħa tas-sorveljanza tikseb il-benefiċċji mistennija fl-iskadenzi stabbiliti. Il-kriterji għal eżenzjonijiet mir-rekwiżiti biex l-inġenji tal-ajru jiġu mgħammra jenħtieġ li jiġu emendati biex jipprovdu ċarezza dwar liema inġenji tal-ajru jridu jiġu mgħammra u liema se jibbenefikaw minn eżenzjoni minn dawk ir-rekwiżiti. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-għadd kumplessiv ta’ inġenji tal-ajru li jiġu mgħammra jibqa’ effettiv u jenħtieġ li ma jimponix piż ekonomiku bla bżonn.

(3)

Għadd sinifikanti ta’ inġenji tal-ajru mgħammra diġà huma ċċertifikati skont l-istandard internazzjonali għall-partijiet u għat-tagħmir li jintużaw fl-ajru għas-sistemi tas-sorveljanza, u dan jikkorrispondi għall-Anness 10 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Volum IV, it-Tielet Edizzjoni, inkluż l-emendi kollha sa Nru 77. Dak l-istandard huwa kompatibbli għalkollox mas-sistemi tas-sorveljanza antiċipati. L-obbligu tal-użu tal-istandard li jikkorrispondi għall-Anness 10 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Volum IV, ir-Raba’ Edizzjoni, inklużi l-emendi kollha sa Nru 85, kif previst attwalment fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1207/2011, jimponi piż ekonomiku bla bżonn. Għaldaqstant, l-istandard li jikkorrispondi għall-Anness 10 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Volum IV, it-Tielet Edizzjoni, inklużi l-emendi kollha sa Nru 77, jenħtieġ li jitqies bħala r-rekwiżit minimu. Għalhekk, l-istandards tekniċi minimi li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jridu jikkonformaw magħhom u li huma stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1207/2011 jenħtieġ li jiġu emendati.

(4)

L-inġenji tal-ajru tal-istat li joperaw bħala traffiku tal-ajru ġenerali jenħtieġ li jiġu mgħammra bi transponders tar-radars sekondarji tas-sorveljanza operabbli konformi mar-rekwiżiti applikabbli għall-inġenji tal-ajru ċivili stabbiliti fil-punti (a) u (c) tal-Artikolu 5(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1207/2011. Il-proċeduri u l-kundizzjonijiet relatati mal-inġenji tal-ajru tal-istat li ma jistgħux jiġu mgħammra bi transponders tar-radars sekondarji tas-sorveljanza operabbli jenħtieġ li jibqgħu dawk stabbiliti fl-Artikolu 8 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1207/2011.

(5)

Ir-rekwiżiti għall-arranġamenti formali dwar it-trasferiment tad-data tas-sorveljanza bejn il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru jenħtieġ li jiġu emendati ħalli jirriflettu x-xenarji tad-distribuzzjoni tad-data eżistenti biex jiġi ffaċilitat l-iskambju tad-data tas-sorveljanza u biex jiġu evitati limitazzjonijiet ta’ piż eċċessiv fuq il-fornitur li jwassal id-data.

(6)

Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru tal-istat, jenħtieġ li tiġi stabbilita l-abbiltà tas-sistema Ewropea tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru li tiżgura li dawk l-inġenji tal-ajru tal-istat involuti f’operazzjonijiet u f’taħriġ sensittivi jkunu kapaċi joperaw bl-għoti ta’ kodiċijiet SSR diskreti, u għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1206/2011 jiġi emendat skont dan.

(7)

It-tifqigħa tal-pandemija tal-virus tal-Covid-19 u l-impatt li rriżulta fuq is-settur tal-avjazzjoni wasslu għal ostakli mhux prevedibbli għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom sabiex l-inġenji tal-ajru jkunu konformi ma’ ċerti rekwiżiti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1207/2011. B’riżultat ta’ dan, l-iskadenza għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru stabbilita fl-Artikolu 5(5), fl-Artikolu 8(1) u fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1207/2011 jenħtieġ li tiġi posposta għas-7 ta’ Diċembru 2020, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1207/2011 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1206/2011 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1207/2011 jiġu emendati skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 127(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1206/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1207/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għat-titjiriet kollha li joperaw bħala traffiku tal-ajru ġenerali f’konformità mar-regoli tat-titjir bl-istrumenti fl-ispazju tal-ajru tal-Ajru Uniku Ewropew bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 7(3) u 7(4) li għandhom japplikaw għat-titjiriet kollha li joperaw bħala traffiku tal-ajru ġenerali”;

(2)

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 4 jitħassar;

(3)

fl-Artikolu 5, il-paragrafi 5 u 6 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“5.   Sas-7 ta’ Diċembru 2020, l-operaturi għandhom jiżguraw li:

(a)

l-inġenji tal-ajru li joperaw it-titjiriet imsemmija fl-Artikolu 2(2) ikunu mgħammra bi transponders tar-radars sekondarji tas-sorveljanza operabbli li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

ikollhom il-kapaċitajiet stabbiliti fil-Parti A tal-Anness II;

(ii)

ikollhom biżżejjed kontinwità biex jevitaw li jippreżentaw riskju operattiv;

(b)

l-inġenji tal-ajru b’massa ta’ tluq massima ċċertifikata li taqbeż il-5  700 kg jew b’kapaċità massima ta’ tajran b’veloċità moderata reali fl-ajru ta’ iktar minn 250 knot, li joperaw it-titjiriet imsemmija fl-Artikolu 2(2), b’ċertifikat individwali tal-ajrunavigabbilità maħruġ għall-ewwel darba fis-7 ta’ Ġunju 1995 jew wara, ikunu mgħammra bi transponders tar-radars sekondarji tas-sorveljanza operabbli li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

ikollhom il-kapaċitajiet stabbiliti fil-Partijiet A u B tal-Anness II;

(ii)

ikollhom biżżejjed kontinwità biex jevitaw li jippreżentaw riskju operattiv;

(c)

l-inġenji tal-ajru bil-ġwienaħ fissi b’massa ta’ tluq massima ċċertifikata li taqbeż il-5  700 kg jew b’kapaċità massima ta’ tajran b’veloċità moderata reali fl-ajru ta’ iktar minn 250 knot, li joperaw it-titjiriet imsemmija fl-Artikolu 2(2), b’ċertifikat individwali tal-ajrunavigabbilità maħruġ għall-ewwel darba fis-7 ta’ Ġunju 1995 jew wara, ikunu mgħammra bi transponders tar-radars sekondarji tas-sorveljanza operabbli li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

ikollhom il-kapaċitajiet stabbiliti fil-Partijiet A, B u C tal-Anness II;

(ii)

ikollhom biżżejjed kontinwità biex jevitaw li jippreżentaw riskju operattiv.

Il-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu ma għandhomx japplikaw għall-inġenji tal-ajru li joperaw fl-ispazju tal-ajru tal-Ajru Uniku Ewropew u li jappartjenu għal waħda mill-kategoriji li ġejjin:

(i)

qed jittajru biex issirilhom manutenzjoni;

(ii)

qed jittajru għall-esportazzjoni;

(iii)

l-operazzjonijiet tagħhom se jieqfu sal-31 ta’ Ottubru 2025.

L-operaturi tal-inġenji tal-ajru bl-ewwel ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà maħruġ qabel is-7 ta’ Diċembru 2020 għandhom jikkonformaw sas-7 ta’ Ġunju 2023 mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu, soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

ikunu stabbilew, qabel is-7 ta’ Diċembru 2020, programm retroattiv li juri l-konformità mal-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu;

(ii)

dawk l-inġenji tal-ajru ma jkunux ibbenefikaw minn xi finanzjament mill-Unjoni mogħti biex tali inġenji tal-ajru jiġu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu.

Għall-inġenji tal-ajru li l-kapaċità tat-transponders tagħhom li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tkun temporanjament mhux operattiva, l-operaturi għandhom ikunu intitolati joperaw dawk l-inġenji tal-ajru fl-ispazju tal-ajru tal-Ajru Uniku Ewropew għal massimu ta’ tlett ijiem konsekuttivi.

6.   L-operaturi għandhom jiżguraw li l-inġenji tal-ajru mgħammra f’konformità mal-paragrafu 5 u li jkollhom massa ta’ tluq massima ċċertifikata li taqbeż il-5  700 kg jew kapaċità massima ta’ tajran b’veloċità moderata reali fl-arja ta’ iktar minn 250 knot, joperaw b’diversi antenni, bi prestazzjoni minima kif preskritt fil-paragrafu 3.1.2.10.4 tal-Anness 10 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Volum IV, it-Tielet Edizzjoni, inkluż l-emendi kollha sa Nru 77.”;

(4)

fl-Artikolu 5, il-paragrafu 7 jitħassar;

(5)

fl-Artikolu 6, il-paragrafu 2 jitħassar;

(6)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 2 jitħassar;

(7)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għoti tal-indirizzi ICAO ta’ 24 bit tal-inġenji tal-ajru lill-inġenji tal-ajru mgħammra bi transponder tal-Mod S ikun konformi mal-Kapitolu 9 u mal-appendiċi tiegħu tal-Anness 10 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Volum III, it-Tieni Edizzjoni, inkluż l-emendi kollha sa Nru 90.”;

(8)

fl-Artikolu 8, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sa mhux iktar tard mis-7 ta’ Diċembru 2020, l-inġenji tal-ajru tal-istat jikkonformaw mal-punt (a) tal-Artikolu 5(5).

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sa mhux iktar tard mis-7 ta’ Diċembru 2020, l-inġenji tal-ajru tal-istat tat-tip tat-trasport jikkonformaw mal-punt (c) tal-Artikolu 5(5).”;

(9)

fl-Artikolu 8, jiddaħħal il-paragrafu 8 li ġej:

“8.   Għall-inġenji tal-ajru tal-istat li l-kapaċità tat-transponders tagħhom li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-paragrafi 1 u 2 tkun temporanjament mhux operattiva, l-Istati Membri għandhom ikunu intitolati jippermettu lil dawk l-inġenji tal-ajru joperaw fl-ispazju tal-ajru tal-Ajru Uniku Ewropew għal massimu ta’ tlett ijiem konsekuttivi.”;

(10)

l-Artikolu 14 jitħassar;

(11)

jiddaħħal l-Artikolu 14a li ġej:

“Artikolu 14a

Pjanijiet tat-Titjiriet

L-operaturi ta’ inġenji tal-ajru tal-istat mhux mgħammra kkomunikati skont l-Artikolu 8(3) u l-operaturi ta’ inġenji tal-ajru mhux mgħammra skont l-Artikolu 5(5) li joperaw fl-ispazju tal-ajru tal-Ajru Uniku Ewropew, għandhom jinkludu l-indikaturi SUR/EUADSBX jew SUR/EUEHSX jew SUR/EUELSX jew kombinazzjoni tagħhom, fil-Punt 18 tal-pjan tat-titjira.”;

(12)

L-Anness II huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

(13)

L-Anness IV huwa emendat f’konformità mal-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1206/2011 tat-22 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti dwar l-identifikazzjoni ta’ inġenji tal-ajru għas-sorveljanza fl-Ajru Uniku Ewropew (ĠU L 305, 23.11.2011, p. 23).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1207/2011 tat-22 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti għall-prestazzjoni u l-interoperabilità tas-sorveljanza għall-ajru uniku Ewropew (ĠU L 305, 23.11.2011, p. 35).


ANNESS I

Il-punt 3 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1206/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

inġenju tal-ajru li huwa eliġibbli għall-assenjazzjoni tal-kodiċi ta’ konspikwità stabbilit f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 4(6) joħroġ jew inkella jiġi żvijat ’il barra mill-volum tal-ispazju tal-ajru msemmi fil-punt (1);”;

(2)

jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d)

inġenji tal-ajru tal-istat involuti f’operazzjonijiet jew f’taħriġ sensittivi nazzjonalment, li jeħtieġu s-sigurtà u l-kunfidenzjalità.”.


ANNESS II

L-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1207/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-Parti A hija emendata kif ġej:

(a)

il-punt 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.

Il-kapaċità minima għat-transponders tar-radars sekondarji tas-sorveljanza għandha tkun il-Livell 2 tal-Mod S li jissodisfa l-kriterji tal-prestazzjoni u tal-funzjonalità tal-Anness 10 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Volum IV, it-Tielet Edizzjoni, inkluż l-emendi kollha sa Nru 77.”;

(b)

il-punt 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.

L-elementi tad-data msemmija fil-punt 4 għandhom jiġu trażmessi biss mit-transponder permezz tal-protokoll tal-Mod S. Il-proċess taċ-ċertifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru u tat-tagħmir għandu jkopri t-trażmissjoni ta’ dawk l-elementi tad-data.”;

(c)

il-punt 6 jitħassar;

(2)

Il-Parti B hija emendata kif ġej:

(a)

il-punt 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.

Il-kapaċità minima għat-transponders tar-radars sekondarji tas-sorveljanza għandha tkun il-Livell 2 tal-Mod S li jissodisfa l-kriterji tal-prestazzjoni u tal-funzjonalità tal-Anness 10 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Volum IV, it-Tielet Edizzjoni, inkluż l-emendi kollha sa Nru 77.”;

(b)

il-punt 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“15.

Għajr għall-formati rriżervati għall-militar, l-elementi tad-data msemmija fil-punt 14 għandhom jiġu trażmessi biss mit-transponder permezz tal-protokoll tal-ADS-B tat-tip “extended squitter”. Il-proċess taċ-ċertifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru u tat-tagħmir għandu jkopri t-trażmissjoni ta’ dawn l-elementi tad-data. ”;

(c)

il-punt 16 jitħassar;

(3)

Il-Parti C hija emendata kif ġej:

(a)

fil-punt 2, il-frażi introduttiva hija sostitwita b’dan li ġej:

“2.

L-elementi tad-data li ġejjin, meta dawn ikunu disponibbli fuq bus diġitali, għandhom jiġu trażmessi mit-transponder kif mitlub mill-katina ta’ sorveljanza bbażata fuq l-art, permezz tal-protokoll tal-Mod S u f’konformità mal-formati speċifikati fid-dokument 9871 tal-ICAO (it-tieni edizzjoni):”;

(b)

il-punt 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.

L-elementi tad-data msemmija fil-punt 3 għandhom jiġu trażmessi biss mit-transponder permezz tal-protokoll tal-Mod S. Il-proċess taċ-ċertifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru u tat-tagħmir għandu jkopri t-trażmissjoni ta’ dawn l-elementi tad-data.”;


ANNESS III

L-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1207/2011 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS IV

Rekwiżiti għall-istabbiliment ta’ arranġamenti formali msemmija fl-Artikolu 5(2)

L-arranġamenti formali bejn il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru għall-iskambju jew għall-forniment tad-data tas-sorveljanza għandhom jinkludu l-kontenut minimu li ġej:

(a)

il-partijiet għall-arranġamenti;

(b)

il-perjodu ta’ validità tal-arranġamenti;

(c)

l-ambitu tad-data tas-sorveljanza;

(d)

is-sorsi tad-data tas-sorveljanza;

(e)

il-format tal-iskambju tad-data tas-sorveljanza;

(f)

il-punt tal-konsenja tas-servizz tad-data tas-sorveljanza;

(g)

il-livelli tas-servizz li sar qbil fuqhom fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

il-prestazzjoni tad-data tas-sorveljanza kif stabbilita skont l-Artikolu 4(3)

il-proċeduri f’każ ta’ nuqqas ta’ servizzjabbiltà;

(h)

il-proċeduri tal-ġestjoni tal-bidliet;

(i)

l-arranġamenti għar-rappurtar fir-rigward tal-prestazzjoni u d-disponibilità inkluż f’każ ta’ interruzzjoni mhux prevista tas-servizz;

(j)

l-arranġamenti għall-ġestjoni u għall-koordinazzjoni;

(k)

l-arranġamenti għas-salvagwardja u għan-notifika tal-katina ta’ sorveljanza bbażata fuq l-art.


DEĊIŻJONIJIET

30.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/8


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/588

tat-22 ta’ April 2020

dwar eżenzjonijiet mid-dazju anti-dumping estiż fuq ċerti partijiet tar-roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina skont ir-Regolament (KE) Nru 88/97

(notifikata bid-dokument C(2020) 2382)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/97 tal-10 ta’ Jannar 1997 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost bir-Regolament (KEE) Nru 2474/93 fuq roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjoni ta’ ċerti partijiet tar-roti mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u l-impożizzjoni ta’ dazju estiż fuq dawn l-importazzjonijiet rreġistrati skont ir-Regolament (KE) Nru 703/96 (2) u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/45 tal-20 ta’ Jannar 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1379 dwar l-estensjoni tad-dazju tal-anti-dumping impost fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti komponenti tar-roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/97 (3),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 88/97 tal-20 ta’ Jannar 1997 dwar l-awtorizzazzjoni għall-eżenzjoni tal-importazzjoni ta’ wħud mill-partijiet tar-roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina mill-estensjoni permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/97, tad-dazju anti-dumping impost mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2474/93 (4) u b’mod partikolari l-Artikoli 4 sa 7 tiegħu,

Wara li infurmat lill-Istati Membri,

Billi:

(1)

L-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ partijiet essenzjali tar-roti li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“iċ-Ċina”) huma soġġetti għal dazju anti-dumping (“id-dazju estiż”), bħala riżultat tal-estensjoni tad-dazju anti-dumping impost fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw miċ-Ċina permezz tar-Regolament (KE) Nru 71/97.

(2)

Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 71/97, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta l-miżuri meħtieġa biex tawtorizza l-eżenzjoni tal-importazzjonijiet ta’ partijiet essenzjali tar-roti li ma jevitawx id-dazju anti-dumping.

(3)

Dawn il-miżuri ta’ implimentazzjoni huma stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 88/97 li jistabbilixxi s-sistema ta’ eżenzjoni speċifika.

(4)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni eżentat għadd ta’ persuni li jimmuntaw ir-roti mid-dazju estiż (“il-partijiet eżentati”).

(5)

Kif previst fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 88/97, il-Kummissjoni ppubblikat il-listi sussegwenti tal-Partijiet eżentati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (5).

(6)

L-aktar Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1087 (6) riċenti dwar l-eżenzjonijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 88/97 kienet adottata fid-19 ta’ Ġunju 2019.

(7)

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 88/97.

1.   Talbiet għal eżenzjoni

(8)

Bejn id-19 ta’ Diċembru 2016 u s-17 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni rċeviet mill-Partijiet elenkati fit-Tabelli 1 u 3, it-talbiet għal eżenzjoni bl-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tiddetermina jekk dawn it-talbiet kinux ammissibbli skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 88/97.

(9)

Il-Partijiet li talbu eżenzjoni ngħataw il-possibbiltà li jikkummentaw dwar il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà tat-talbiet tagħhom.

(10)

Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 88/97, sakemm tittieħed deċiżjoni dwar il-mertu tat-talbiet mill-Partijiet li qed jitolbu eżenzjoni, il-pagament tad-dazju estiż fir-rigward ta’ kull importazzjoni ta’ partijiet essenzjali tar-roti ddikjarati għaċ-ċirkolazzjoni libera minn dawn il-Partijiet elenkati fit-Tabelli 1 u 3 ta’ hawn taħt ġie sospiż mid-data li fiha l-Kummissjoni rċeviet it-talbiet rispettivi tagħhom ’il quddiem.

2.   L-awtorizzazzjoni ta’ eżenzjoni

(11)

Ġie konkluż l-eżami tal-mertu tat-talbiet tal-Partijiet elenkati fit-Tabella 1.

Tabella 1

Kodiċi addizzjonali TARIC

Isem

Indirizz

C307

Merida Polska Sp. Z o.o.

ul. Marii Skłodowskiej-Curie 35,

PL-41-800 Zabrze, il-Polonja

C311

Juan Luna Cabrera

Calle Alhama 64,

ES-14900 Lucena (Cordoba), Spanja

(12)

Matul l-eżami tagħha, il-Kummissjoni stabbiliet li l-valur tal-partijiet li joriġinaw fiċ-Ċina jikkostitwixxi anqas minn 60 % tal-valur totali tal-partijiet tar-roti kollha mmuntati miż-żewġ Partijiet. Dan kien japplika wkoll għall-maġġoranza tar-roti mmuntati miż-żewġ Partijiet.

(13)

Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-operazzjonijiet ta’ montatura rispettivi ta’ Merida Polska Sp. Z o.o. u ta’ Juan Luna Cabrera ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

(14)

Għal din ir-raġuni, u skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 88/97, il-Partijiet elenkati fit-Tabella 1 jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mid-dazju estiż.

(15)

F’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 88/97, jenħtieġ li l-eżenzjonijiet jidħlu fis-seħħ mid-dati tal-wasla tat-talbiet ’il quddiem. Id-dejn doganali fir-rigward tad-dazju estiż mill-Partijiet li qed jitolbu eżenzjoni jenħtieġ li, għalhekk, jitqies null mill-istess data.

(16)

Il-Partijiet ġew infurmati bil-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-merti tat-talbiet tagħhom u ngħataw opportunità biex jikkummentaw dwarhom.

(17)

Peress li l-eżenzjonijiet japplikaw biss għall-Partijiet speċifikament imsemmija fit-Tabella 1, jenħtieġ li l-Partijiet eżentati jinnotifikaw lill-Kummissjoni (7) mingħajr dewmien dwar kull tibdil f’din id-data(pereżempju, wara li jinbidel l-isem, il-forma ġuridika jew l-indirizz jew wara lil jitwaqqfu entitajiet ġodda tal-montatura).

(18)

F’każ ta’ bidla fir-referenza, jenħtieġ li l-Partijiet eżentati jipprovdu l-informazzjoni rilevanti kollha, b’mod partikolari dwar kull modifika fl-attivitajiet tagħhom marbuta ma’ operazzjonijiet ta’ montatura. Fejn xieraq, il-Kummissjoni se taġġorna r-referenzi għal tali Parti.

3.   Aġġornament ta’ referenzi għall-Partijiet eżentati jew sospiżi

(19)

Il-partijiet eżentati jew sospiżi elenkati fit-Tabella 2, bejn it-2 ta’ Mejju 2019 u l-20 ta’ Frar 2020, innotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-bidliet fir-referenzi tagħhom (l-ismijiet, il-forom ġuridiċi jew l-indirizzi). Il-Kummissjoni, wara li eżaminat l-informazzjoni mressqa, ikkonkludiet li dawn il-bidliet bl-ebda mod ma jaffettwaw l-operazzjonijiet ta’ montatura fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni jew sospensjoni stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 88/97.

(20)

Filwaqt li l-eżenzjoni jew is-sospensjoni ta’ dawn il-Partijiet mid-dazju estiż awtorizzata skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 88/97 tibqa’ mhux affettwata, ir-referenzi għal dawn il-Partijiet jenħtieġ li jiġu aġġornati.

Tabella 2

Kodiċi addizzjonali TARIC

Ir-referenza ta’ qabel

Ir-referenza l-ġdida

A163

Speedcross di Torretta Luigi & C. s.n.c.

Corso Italia 20,

IT-20020 Vanzaghello (MI), l-Italja

L-isem u l-forma ġuridika tal-kumpanija nbidlu għal:

Speedcross s.r.l.

A557

Jozef Kender-Kenzel

Piesková 437/9 A,

946 52 Imel, is-Slovakkja

L-isem, il-forma ġuridika u l-indirizz tal-kumpanija nbidlu għal:

KENZEL s.r.o.

Novozámocká 182, 94701 Hurbanovo, is-Slovakkja

8612

Tecno Bike S.r.l.

Via del Lavoro 22,

IT-61030 Canavaccio, Urbino (PS), l-Italja

L-indirizz tal-kumpanija nbidel għal:

Via del Lavoro 22,

IT-61029 Canavaccio di Urbino (PU), l-Italja

8979

W.S.B. Hi-Tech Bicycle Europe B.V.

De Hemmen 91, NL-9206AG Drachten, in-Netherlands

L-indirizz tal-kumpanija nbidel għal:

De Roef 15, NL-9206AK Drachten, in-Netherlands

4.   Sospensjoni tal-pagamenti tad-dazji għall-Partijiet li qed jiġu eżaminati

(21)

L-eżami tal-mertu tat-talbiet mill-Partijiet elenkati fit-Tabella 3 għadu għaddej. Sakemm tittieħed deċiżjoni dwar il-mertu tat-talbiet tagħhom, il-pagament tad-dazju estiż għal dawn il-Partijiet huwa sospiż.

(22)

Billi s-sospensjonijiet se japplikaw biss għall-Partijiet speċifikament imsemmija fit-Tabella 3, jenħtieġ li dawn il-partijiet jinnotifikaw lill-Kummissjoni (8) minnufih dwar kwalunkwe bidla f’din id-data (pereżempju wara bidla fl-isem, fil-forma ġuridika jew fl-indirizz jew wara t-twaqqif ta’ entitajiet ġodda ta’ montatura).

(23)

F’każ ta’ bidla fir-referenza, jenħtieġ li l-Parti tipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha, b’mod partikolari dwar kull modifika fl-attivitajiet tagħha marbuta ma’ operazzjonijiet ta’ montatura. Fejn xieraq, il-Kummissjoni se taġġorna r-referenzi ta’ tali Parti.

Tabella 3

Kodiċi addizzjonali TARIC

Isem

Indirizz

C202

Vanmoof B.V.

Mauritskade 55,

NL-1092 AD Amsterdam, in-Netherlands

C207

Kenstone Metal Company GmbH

Am Maikamp 8-12,

DE-32107 Bad Salzuflen, il-Ġermanja

C481

FJ Bikes Europe Unipessoal, Lda

Praça do Município 8, Sala 1D,

PT-3750 111 Águeda, il-Portugall

C492

MOTOKIT Veiculos e Accesórios S.A.

Rua Padre Vicente Maria da Rocha 448, 1° Esq., PT-3840-453 Vagos, il-Portugall

C499

Frog Bikes Manufacturing Ltd

Unit A, Mamhilad Park Estate,

GB-Pontypool, Torfaen, NP4 0HZ, ir-Renju Unit

C527

FIRMA ADAM Adam Ziętek

Muchy 56

PL-63-524 Czajków, il-Polonja

C529

Rowerland Piotr Tokarz

ul. Klubowa 23,

PL-32-600 Broszkowice, il-Polonja

5.   Tneħħija tas-sospensjoni tal-pagament tad-dazji għall-Partijiet li qed jiġu eżaminati

(24)

Jenħtieġ li s-sospensjoni tal-pagament tad-dazji għall-Partijiet li qed jiġu eżaminati titneħħa għall-Parti elenkata fit-Tabella 4.

Tabella 4

Kodiċi addizzjonali TARIC

Isem

Indirizz

C489

P.P.H. ARTPOL Artur Kopeć

ul. Aniołowska 14,

PL-42-202 Częstochowa, il-Polonja

(25)

Fit-3 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni rċeviet talba minn dik il-Parti biex tiġi rtirata l-applikazzjoni għal eżenzjoni, waqt li kien għaddej l-eżami tal-merti tagħha u l-pagament tad-dazju estiż kien sospiż.

(26)

Il-Kummissjoni aċċettat l-irtirar u konsegwentement is-sospensjoni tal-pagament tad-dazju estiż jenħtieġ li titneħħa. Id-dazju estiż għandu jinġabar mid-data tal-wasla tat-talba għal eżenzjoni mressqa minn dik il-Parti, li hija d-data li fiha daħlet fis-seħħ is-sospensjoni, jiġifieri l-25 ta’ Ottubru 2018.

(27)

Il-Parti ġiet informata bil-konklużjonijiet tal-Kummissjoni u ngħatat l-opportunità tikkummenta dwarhom. Ma ġie ppreżentat l-ebda kumment.

6.   Awtorizzazzjoni tal-eżenzjoni revokata

(28)

Il-Partijiet eżentati elenkati fit-Tabella 5 nnotifikaw lill-Kummissjoni, bejn it-30 ta’ Ġunju 2019 u t-3 ta’ Frar 2020, b’dan li ġej: l-għeluq tal-attivitajiet tagħha (Bicicletas Monty S.A.), u r-rinunzja tal-eżenzjoni mill-pagament ta’ dazju estiż (Gor Kolesa, proizvodnja, d.o.o)

(29)

Konsegwentement, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, l-awtorizzazzjoni ta’ eżenzjoni mill-pagament tad-dazju estiż għaż-żewġ Partijiet eżentati elenkati fit-Tabella 5 jenħtieġ li tiġi revokata.

Tabella 5

Kodiċi addizzjonali TARIC

Isem

Indirizz

A165

Bicicletas Monty S.A.

Calle El Plà 106,

ES-08980 Sant Feliu de Llobregat, Spanja

C209

Gor Kolesa, proizvodnja koles, d.o.o.

Primorska cesta 6b,

SI-3325 Šoštanj, Slovenja

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Partijiet elenkati fit-Tabella f’dan l-Artikolu huma b’dan eżentati mill-estensjoni bir-Regolament (KE) Nru 71/97 tad-dazju anti-dumping definittiv fuq roti li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina impost mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2474/93 (9) fuq importazzjonijiet ta’ ċerti partijiet tar-roti mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

F’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 88/97, l-eżenzjonijiet għandhom jidħlu fis-seħħ mid-dati tal-wasla tat-talbiet tal-Partijiet ’il quddiem. Dawn id-dati huma previsti fil-kolonna tat-Tabella intitolata “Data tad-dħul fis-seħħ”.

L-eżenzjonijiet għandhom japplikaw biss għall-Partijiet speċifikament imsemmija fit-Tabella f’dan l-Artikolu.

Il-Partijiet eżentati għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni minnufih, b’kull bidla fl-ismijiet u fl-indirizzi, waqt li jipprovdu l-informazzjoni rilevanti kollha, partikolarment dwar kull modifika fl-attivitajiet tal-Parti marbuta mal-operazzjonijiet ta’ montatura fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni.

Il-Partijiet eżentati

Kodiċi addizzjonali TARIC

Isem

Indirizz

Id-data tad-dħul fis-seħħ

C307

Merida Polska Sp. Z o.o.

ul. Marii Skłodowskiej-Curie 35,

PL-41-800 Zabrze, il-Polonja

14.6.2017

C311

Juan Luna Cabrera

C/Alhama 64,

ES-14900 Lucena (Cordoba), Spanja

4.10.2017

Artikolu 2

Ir-referenzi aġġornati għall-Partijiet eżentati jew sospiżi elenkati fit-Tabella f’dan l-Artikolu huma previsti fil-kolonna intitolata “Referenza ġdida”. Dawn l-aġġornamenti għandhom jidħlu fis-seħħ fid-dati previsti fil-kolonna tat-Tabella intitolata “Data tad-dħul fis-seħħ” tat-Tabella.

Il-kodiċijiet addizzjonali TARIC korrispondenti li qabel kienu attribwiti lil dawk il-Partijiet eżentati jew sospiżi kif previst fil-kolonna tat-Tabella intitolata “Kodiċi addizzjonali TARIC” jibqgħu l-istess.

Il-Partijiet eżentati jew sospiżi li għalihom għandha tiġi aġġornata r-referenza

Kodiċi addizzjonali TARIC

Ir-referenza ta’ qabel

Referenza ġdida

Id-data tad-dħul fis-seħħ

A163

Speedcross di Torretta Luigi & C. s.n.c.

Corso Italia 20,

IT -20020 Vanzaghello (MI), l-Italja

Speedcross s.r.l.

Corso Italia 20,

IT -20020 Vanzaghello (MI), l-Italja

2.5.2019

A557

Jozef Kender-Kenzel

Piesková 437/9 A,

946 52 Imel, is-Slovakkja

KENZEL s.r.o.

Novozámocká 182,

947 01 Hurbanovo, is-Slovakkja

1.6.2019

8612

Tecno Bike S.r.l.

Via del Lavoro 22,

IT-61030 Canavaccio, Urbino (PS), l-Italja

Tecno Bike S.r.l.

Via del Lavoro 22,

IT-61029 Canavaccio di Urbino (PU), l-Italja

20.2.2020

8979

W.S.B. Hi-Tech Bicycle Europe B.V.

De Hemmen 91, NL-9206AG Drachten, in-Netherlands

W.S.B. Hi-Tech Bicycle Europe B.V.

De Roef 15, NL-9206AK Drachten, in-Netherlands

12.3.2020

Artikolu 3

Il-Partijiet elenkati fit-Tabella f’dan l-Artikolu qed jiġu eżaminati skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 88/97.

Is-sospensjonijiet tal-pagament tad-dazju anti-dumping estiż skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 88/97 għandhom ikunu fis-seħħ mid-dati tal-wasla tat-talbiet għas-sospensjoni mid-dati tal-wasla tat-talbiet għas-sospensjoni tal-Partijiet rispettivi ’l quddiem. Dawn id-dati huma previsti fil-kolonna tat-Tabella intitolata “Data tad-dħul fis-seħħ”.

Dawn is-sospensjonijiet tal-pagamenti għandhom japplikaw biss għall-Partijiet skont l-eżami speċifikament imsemmi fit-Tabella f’dan l-Artikolu.

Il-Partijiet li qed jiġu eżaminati għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe bidla fl-operazzjonijiet ta’ montatura tagħhom marbuta mal-kundizzjonijiet ta’ sospensjoni u għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni rilevanti kollha bħala evidenza. Dawn il-bidliet jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, xi bidliet fl-ismijiet, fl-attivitajiet, fil-forom ġuridiċi, fl-indirizzi tal-Partijiet.

Il-Partijiet li qed jiġu eżaminati

Kodiċi addizzjonali TARIC

Isem

Indirizz

Id-data tad-dħul fis-seħħ

C202

Vanmoof B.V.

Mauritskade 55,

NL-1092 AD Amsterdam, in-Netherlands

19.12.2016

C207

Kenstone Metal Company GmbH

Am Maikamp 8-12,

DE-32107 Bad Salzuflen, il-Ġermanja

20.3.2017

C481

FJ Bikes Europe Unipessoal, Lda

Praça do Município 8, Sala 1D,

PT-3750 111 Águeda, il-Portugall

8.5.2018

C492

MOTOKIT Veiculos e Accesórios S.A.

Rua Padre Vicente Maria da Rocha 448, 1° Esq., PT-3840-453 Vagos, il-Portugall

29.11.2018

C499

Frog Bikes Manufacturing Ltd

Unit A, Mamhilad Park Estate,

GB-Pontypool, Torfaen, NP4 0HZ, ir-Renju Unit

7.1.2019

C527

FIRMA ADAM Adam Ziętek

Muchy 56,

PL-63-524 Czajków, il-Polonja

29.8.2019

C529

Rowerland Piotr Tokarz

ul. Klubowa 23,

PL-32-600 Broszkowice, il-Polonja

17.10.2019

Artikolu 4

Is-sospensjoni tal-pagament tad-dazju anti-dumping estiż skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 88/97 hija b’dan imneħħija għall-Partijiet elenkati fit-Tabella f’dan l-Artikolu.

Id-dazju estiż għandu jinġabar mid-data li fiha daħlet fis-seħħ is-sospensjoni. Dik id-data hija mogħtija fil-kolonna intitolata “Data tad-dħul fis-seħħ”.

Parti li s-sospensjoni tagħha tneħħiet

Kodiċi addizzjonali TARIC

Isem

Indirizz

Id-data tad-dħul fis-seħħ

C489

P.P.H. ARTPOL Artur Kopeć

ul. Aniołowska 14,

PL-42-202 Częstochowa, il-Polonja

25.10.2018

Artikolu 5

L-awtorizzazzjoni tal-eżenzjoni mill-pagament tad-dazju anti-dumping estiż hija b’dan revokata għall-Partijiet elenkati fit-Tabella f’dan l-Artikolu.

Jenħtieġ li d-dazju estiż jinġabar mid-data li fiha daħlet fis-seħħ ir-revoka tal-awtorizzazzjoni ’il quddiem. Din id-data hija mogħtija fil-kolonna intitolata “Data tad-dħul fis-seħħ”.

Partijiet li għalihom l-eżenzjoni hija revokata

Kodiċi addizzjonali TARIC

Isem

Indirizz

Id-data tad-dħul fis-seħħ

A165

Bicicletas Monty S.A.

Calle El Plà 106,

ES-08980 Sant Feliu de Llobregat, Spanja

30.6.2019

C209

Gor Kolesa, proizvodnja koles, d.o.o.

Primorska cesta 6b,

SI-3325 Šoštanj, Slovenja

3.2.2020

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri u lill-Partijiet elenkati fl-Artikoli minn 1 sa 5 u ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  ĠU L 16, 18.1.1997, p. 55.

(3)  ĠU L 16, 21.1.2020, p. 7.

(4)  ĠU L 17, 21.1.1997, p. 17.

(5)  ĠU C 45, 13.2.1997, p. 3, ĠU C 112, 10.4.1997, p. 9, ĠU C 220, 19.7.1997, p. 6, ĠU L 193, 22.7.1997, p. 32, ĠU L 334, 5.12.1997, p. 37, ĠU C 378, 13.12.1997, p. 2, ĠU C 217, 11.7.1998, p. 9, ĠU C 37, 11.2.1999, p. 3, ĠU C 186, 2.7.1999, p. 6, ĠU C 216, 28.7.2000, p. 8, ĠU C 170, 14.6.2001, p. 5, ĠU C 103, 30.4.2002, p. 2, ĠU C 35, 14.2.2003, p. 3, ĠU C 43, 22.2.2003, p. 5, ĠU C 54, 2.3.2004, p. 2, ĠU L 343, 19.11.2004, p. 23, ĠU C 299, 4.12.2004, p. 4, ĠU L 17, 21.1.2006, p. 16, ĠU L 313, 14.11.2006, p. 5, ĠU L 81, 20.3.2008, p. 73, ĠU C 310, 5.12.2008, p. 19, ĠU L 19, 23.1.2009, p. 62, ĠU L 314, 1.12.2009, p. 106, ĠU L 136, 24.5.2011, p. 99, ĠU L 343, 23.12.2011, p. 86, ĠU L 119, 23.4.2014, p. 67, ĠU L 132, 29.5.2015, p. 32, ĠU L 331, 17.12.2015, p. 30, ĠU L 47, 24.2.2017, p. 13, ĠU L 79, 22.3.2018, p. 31, ĠU L 171, 26.6.2019, p. 117.

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1087 tad-19 ta’ Ġunju 2019 dwar eżenzjonijiet mid-dazju anti-dumping estiż fuq ċerti partijiet tar-roti li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina skont ir-Regolament (KE) Nru 88/97 (ĠU L 171, 26.6.2019, p. 117).

(7)  Il-Partijiet huma mogħtija l-parir jużaw l-indirizz tal-posta elettronika li ġej: TRADE-BICYCLE-PARTS@ec.europa.eu.

(8)  Il-Partijiet huma mogħtija l-parir jużaw l-indirizz tal-posta elettronika li ġej: TRADE-BICYCLE-PARTS@ec.europa.eu.

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2474/93 tat-8 ta’ Settembru 1993 li jimponi dazju definittiv anti-dumping lejn il-Komunità ta’ biċikletti li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u jiġbor definittivament id-dazju proviżorju anti-dumping (ĠU L 228, 9.9.1993, p. 1).


30.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/15


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/589

tat-23 ta’ April 2020

dwar l-adegwatezza tal-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-Afrika t’Isfel skont id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2020) 2026)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 47(3) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2006/43/KE, l-Istati Membri jistgħu jippermettu t-trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew ta’ dokumenti oħrajn li jinżammu mill-awdituri statutorji jew mid-ditti tal-awditjar approvati minnhom, kif ukoll it-trasferiment ta’ rapporti dwar spezzjonijiet jew investigazzjonijiet li jirrigwardaw l-awditi inkwistjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz, dment li dawn l-awtoritajiet ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti li jkunu ġew ddikjarati bħala adegwati mill-Kummissjoni u jkun hemm arranġamenti ta’ ħidma reċiproċi bejniethom u bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati.

(2)

Id-Deċiżjoni dwar l-adegwatezza skont l-Artikolu 47(3) tad-Direttiva 2006/43/KE ma tindirizzax ir-rekwiżiti speċifiċi l-oħrajn għat-trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew ta’ dokumenti oħra miżmuma minn awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar kif ukoll tar-rapporti dwar spezzjonijiet jew investigazzjonijiet, bħalma huma l-ftehimiet dwar arranġamenti reċiproki għal ħidma bejn l-awtoritajiet kompetenti stabbiliti fl-Artikolu 47(1)(d) tad-Direttiva 2006/43/KE, jew ir-rekwiżiti għat-trasferiment ta’ data personali stabbiliti fl-Artikolu 47(1)(e) ta’ dik id-Direttiva.

(3)

Il-kooperazzjoni dwar it-trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra miżmuma minn awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar kif ukoll tar-rapporti dwar spezzjonijiet jew investigazzjonijiet lill-awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz huwa rifless tal-interess pubbliku sostanzjali relatat mat-twettiq ta’ sorveljanza pubblika indipendenti. Għaldaqstant, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom, fil-qafas tal-arranġamenti ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 47(2) tad-Direttiva 2006/43/KE, jiżguraw li l-awtorità kompetenti tal-Afrika t’Isfel tuża kull dokument ittrasferit lilha skont l-Artikolu 47(1) ta’ din id-Direttiva biex teżerċita l-funzjonijiet tagħha għas-sorveljanza pubblika, għall-garanzija tal-kwalità u għall-investigazzjonijiet fuq l-awdituri u d-ditti tal-awditjar biss.

(4)

Meta jitwettqu kontrolli jew investigazzjonijiet, l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar m’għandhomx jitħallew jagħtu aċċess, jew jittrażmettu dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra lill-awtorità kompetenti tal-Afrika t’Isfel taħt xi kundizzjoni oħra li mhix stipulata fl-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/43/KE u f’din id-Deċiżjoni.

(5)

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 47(4) tad-Direttiva 2006/43/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-iskop ta’ sorveljanza pubblika, għall-garanzija tal-kwalità u għall-investigazzjonijiet fuq l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar, il-kuntatti bejn l-awdituri statutorji jew id-ditti tal-awditjar approvati minnhom u mill-awtorità kompetenti tal-Afrika t’Isfel jseħħu permezz tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

(6)

B’konformità mal-Artikolu 47(1)(d) tad-Direttiva 2006/43/KE, il-possibbiltà li l-Istati Membri jippermettu t-trasferiment lill-awtorità kompetenti tal-Afrika t’Isfel ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra miżmuma minn awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar approvati minnhom u t-trasferiment tar-rapporti ta’ spezzjoni jew ta’ investigazzjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-arranġamenti ta’ ħidma jiġu miftiehma bejn l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati.

(7)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali arranġamenti ta’ ħidma bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-awtorità kompetenti tal-Afrika t’Isfel jiġu miftiehma abbażi ta’ reċiproċità u jkunu soġġetti għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 47(1) u (2) tad-Direttiva 2006/43/KE, fosthom il-protezzjoni ta’ kwalunkwe sigriet professjonali u interess kummerċjali, inkluż il-proprjetà industrijali u intellettwali misjuba f’dokumenti dwar l-entitajiet awditjati u d-ditti tal-awditjar li jkunu awditjaw lil dawk l-entitajiet.

(8)

Meta t-trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew ta’ dokumenti oħra miżmumin minn awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar, u ta’ rapporti dwar spezzjonijiet jew investigazzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti tal-Afrika t’Isfel jkun jinvolvi d-divulgazzjoni ta’ data personali, din id-divulgazzjoni tkun skont il-liġi biss jekk tikkonforma wkoll mar-rekwiżiti tat-trasferimenti internazzjonali tad-data stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Għaldaqstant, l-Artikolu 47(1)(e) tad-Direttiva 2006/43/KE jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li t-trasferiment ta’ data personali bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti tal-Afrika t’Isfel se jkun konformi ma’ kwalunkwe prinċipju u regola applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2016/679. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu previsti salvagwardji xierqa għat-trasferiment ta’ data personali, f’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2016/679. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Afrika t’Isfel ma jkomplux jiddivulgaw data personali li tkun tinsab fid-dokumenti trasferiti mingħajr il-qbil minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati.

(9)

Il-Bord Regolatorju Indipendenti tal-Awdituri (IRBA) huwa l-awtorità kompetenti tal-Afrika t’Isfel responsabbli għas-sorveljanza pubblika, l-iżgurar tal-kwalità esterna u l-investigazzjonijiet ta’ awdituri u ditti tal-awdituri. Huwa jimplimenta salvagwardji adegwati li jipprojbixxu u jissanzjonaw id-divulgazzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali mill-impjegati attwali jew ta’ qabel lil kull persuna terza jew awtorità. Skont l-Att tal-2005 dwar il-Professjoni tal-Awditjar tal-Afrika t’Isfel u l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-IRBA, l-IRBA jista’ jittrasferixxi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dokumenti ekwivalenti għal dawk imsemmija fl-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2006/43/KE.

(10)

Id-dokumenti miksuba mill-IRBA fit-twettiq ta’ spezzjonijiet u rapporti ta’ spezzjoni jistgħu jiġu kondiviżi biss bil-kunsens tal-awditur jew tad-ditta tal-awditjar irreġistrati mal-IRBA. Dan ir-rekwiżit jista’ jippreżenta diffikultajiet fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti għall-kooperazzjoni regolatorja stipulata fl-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/43/KE. Għalhekk, il-kooperazzjoni regolatorja bejn l-IRBA u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandha tkun soġġetta għal monitoraġġ mill-qrib u għal rieżami mill-Kummissjoni biex jiġi vvalutat jekk ir-rekwiżit ta’ kunsens jippreżentax ostaklu għall-iskambju ta’ informazzjoni fil-prattika.

(11)

L-IRBA hija l-awtorità kompetenti responsabbli biex tikkoopera u tidħol fi ftehimiet bilaterali mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għat-trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar. Il-kunfidenzjalità tad-dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar hija żgurata mil-“liġi komuni” tal-Afrika t’Isfel dwar is-segretezza professjonali, li tistabbilixxi dover professjonali ġenerali u obbligu li l-kunfidenzjalità tal-materjal tal-klijent tiġi osservata mill-awditur.

(12)

Skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Afrika t’Isfel, l-IRBA jista’ jkun soġġett għar-rekwiżit li tiġi kondiviża l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2006/43/KE b’ “regolatur xieraq” iżda għandu setgħat diskrezzjonali biex jiddeċiedi jekk tali kondiviżjoni ulterjuri tkunx ta’ protezzjoni tal-pubbliku u tal-interess pubbliku. Meta jiffirmaw ftehimiet ta’ ħidma bilaterali mal-IRBA, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jitolbu li l-IRBA jintalab jagħti l-kunsens tiegħu minn qabel jekk l-IRBA jkun imġiegħel jittrasferixxi lil “regolatur xieraq” xi informazzjoni mhux pubblika li tkun waslet matul il-kooperazzjoni. Barra minn hekk, huma għandhom jikkunsidraw rekwiżit li l-IRBA jista’ jaqsam tali informazzjoni biss ma’ dawk l-entitajiet identifikati fil-ftehimiet, u jiddikjara li dawn l-entitajiet għandhom iżommu tali informazzjoni bħala kunfidenzjali u privileġġata. Barra minn hekk, l-ipproċessar ta’ data personali jista’ jsir biss għall-iskop speċifikat imsemmi f’din id-Deċiżjoni, kif iddikjarat fil-premessa 3 u fl-Artikolu 1, u skont il-kundizzjonijiet imsemmija b’mod partikolari taħt il-premessa 8 ta’ din id-Deċiżjoni.

(13)

Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1010 (3), diversi awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi jew territorji terzi, inklużi l-IRBA, ġew iddikjarati adegwati skont it-tifsira tal-Artikolu 47(1)(c) tad-Direttiva 2006/43/KE għall-finijiet ta’ trasferimenti ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew ta’ dokumenti oħra u ta’ rapporti ta’ spezzjoni u ta’ investigazzjoni. Skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1010, dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni ma baqgħetx tapplika fir-rigward tal-IRBA fl-1 ta’ Awwissu 2019.

(14)

Għalkemm l-IRBA ma daħal f’ebda arranġament ta’ ħidma bilaterali ma’ xi waħda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri qabel il-31 ta’ Lulju 2019, xi Stati Membri wrew interess li jiżviluppaw il-kooperazzjoni mal-IRBA.

(15)

Il-Kumitat tal-Korpi Ewropej għas-Sorveljanza tal-Awditjar (CEAOB) ivvaluta mill-ġdid il-qafas legali fl-Afrika t’Isfel, ibbażat fuq l-Att dwar il-Professjoni tal-Awditjar tal-2005, li ma nbidlitx mindu saret id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1010. Filwaqt li titqies il-valutazzjoni teknika tas-CEAOB imsemmija fl-Artikolu 30(7)(c) tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-IRBA jissodisfa r-rekwiżiti li jenħtieġ li jiġu ddikjarati adegwati għall-finijiet tal-Artikolu 47(1)(c) tad-Direttiva 2006/43/KE.

(16)

Din id-Deċiżjoni ma taffettwax l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni msemmijin fl-Artikolu 25(4) tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(17)

Kwalunkwe konklużjoni dwar l-adegwatezza tar-rekwiżiti milħuqa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 47(3) tad-Direttiva 2006/43/KE ma tippreġudika l-ebda deċiżjoni li l-Kummissjoni tadotta dwar l-ekwivalenza tas-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità, l-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar ta’ dak il-pajjiż terz skont l-Artikolu 46(2) ta’ dik id-Direttiva.

(18)

Din id-Deċiżjoni għandha l-għan li tiffaċilita l-kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-IRBA. L-għan tagħha huwa li tippermetti lil dawn l-awtoritajiet li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom għas-sorveljanza pubblika, għall-garanzija tal-kwalità u għall-investigazzjonijiet, u fl-istess waqt, sabiex tħares id-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati. Fil-każ li awtorità kompetenti tiddeċiedi li tidħol f’arranġamenti ta’ ħidma abbażi ta’ reċiproċità mal-IRBA sabiex tippermetti t-trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar u dokumenti oħrajn li jkunu miżmuma mill-awdituri jew mid-ditti tal-awditjar statutorji u ta’ rapporti dwar l-ispezzjoni u l-investigazzjoni, l-Istat Membru kkonċernat ikollu l-obbligu jikkomunika lill-Kummissjoni l-arranġamenti ta’ ħidma reċiproċi li jiġu konklużi mal-IRBA sabiex il-Kummissjoni titpoġġa f’pożizzjoni li tivvaluta jekk il-kooperazzjoni tkunx konformi mal-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/43/KE.

(19)

L-għan aħħari tal-kooperazzjoni dwar is-sorveljanza tal-awditjar bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-IRBA huwa li tinkiseb fiduċja reċiproka fis-sistemi ta’ sorveljanza ta’ xulxin u biex tissaħħaħ il-konverġenza tal-kwalità tal-awditjar. Tali dipendenza reċiproka u konverġenza msaħħa jkunu bbażati fuq l-ekwivalenza tas-sistemi ta’ sorveljanza tal-awditjar tal-Unjoni u l-Afrika t’Isfel. Konsegwentement, fl-aħħar mill-aħħar it-trasferimenti tad-dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew ta’ dokumenti oħra miżmuma minn awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar kif ukoll ta’ rapporti dwar spezzjonijiet jew investigazzjonijiet għandhom ikunu eċċezzjoni.

(20)

Minħabba li hemm nuqqas ta’ esperjenza prattika f’kooperazzjoni superviżorja mal-IRBA, u għaldaqstant minħabba nuqqas ta’ kapaċità li attwalment jiġi vvalutat jekk ir-rekwiżit biex l-IRBA jikseb il-kunsens minn qabel tal-awditur jew tad-ditta tal-awditjar sabiex jiġu kondiviżi d-dokumenti miksuba fit-twettiq ta’ spezzjonijiet u rapporti ta’ spezzjoni jippreżenta ostakolu għall-iskambju ta’ informazzjoni fil-prattika, din id-Deċiżjoni għandha tkun applikabbli għal perjodu ta’ żmien limitat.

(21)

Minkejja l-limiti ta’ żmien, il-Kummissjoni se timmonitorja fuq bażi regolari l-iżviluppi tas-suq, l-evoluzzjoni tal-oqfsa superviżorji u regolatorji u l-effettività tal-kooperazzjoni superviżorja, filwaqt li tqis l-esperjenza miksuba matul il-kooperazzjoni superviżorja bbażata wkoll fuq il-kontribut tal-Istati Membri. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tista’ twettaq reviżjoni speċifika ta’ din id-Deċiżjoni fi kwalunkwe ħin qabel it-tmiem tal-iskadenza tagħha fil-każ li żviluppi rilevanti li jseħħu jagħmluha neċessarja li d-dikjarazzjoni ta’ adegwatezza mogħtija b’din id-Deċiżjoni tiġi vvalutata mill-ġdid. Tali rivalutazzjoni tista’ twassal għar-revoka ta’ din id-Deċiżjoni.

(22)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta l-opinjoni tiegħu fit-3 ta’ Diċembru 2019.

(23)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2006/43/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Bord Regolatorju Indipendenti għall-Awdituri tal-Afrika t’Isfel jissodisfa r-rekwiżiti li għandhom jiġu kkunsidrati bħala adegwati skont l-Artikolu 47(1)(c) tad-Direttiva 2006/43/KE għall-finijiet ta’ trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew ta’ dokumenti oħrajn kif ukoll tar-rapporti dwar spezzjonijiet jew investigazzjonijiet skont l-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2006/43/KE.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta d-dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra li jkunu għand awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar jinżammu esklussivament minn awditur statutorju jew ditta tal-awdituri rreġistrata fi Stat Membru ieħor barra l-Istat Membru fejn huwa rreġistrat l-awditur tal-grupp u li l-awtorità kompetenti tiegħu tkun irċeviet talba mingħand il-Bord Regolatorju Indipendenti għall-Awdituri tal-Afrika t’Isfel, dawn il-karti jew id-dokumenti għandhom jiġu ttrasferiti lill-awtorità kompetenti tat-talba f’każ biss li l-awtorità kompetenti tal-ewwel Stat Membru tkun qablet espliċitament mat-trasferiment.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Mejju 2020 sat-30 ta’ April 2026.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Valdis DOMBROVSKIS

Viċi President Eżekuttiv


(1)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1010 tal-21 ta’ Ġunju 2016 dwar l-adegwatezza tal-awtoritajiet kompetenti ta’ ċerti pajjiżi terzi skont id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 165, 23.6.2016, p. 17).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/909/KE (ĠU L 158, 27.5.2014, p. 77).

(5)  Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).


30.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/19


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/590

tal-24 ta’ April 2020

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/784 fir-rigward ta’ aġġornament tal-kundizzjonijiet tekniċi rilevanti applikabbli għall-banda ta’ frekwenzi ta’ bejn l-24,25 u s-27,5 GHz

(notifikata bid-dokument C(2020) 2542)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/784 (2) tarmonizza l-kundizzjonijiet tekniċi essenzjali għad-disponibbiltà u għall-użu effiċjenti tal-banda ta’ frekwenzi bejn l-24,25 u s-27,5 GHz fl-Unjoni għal sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika tal-broadband mingħajr fili.

(2)

Il-banda ta’ frekwenzi ta’ bejn l-24,25 u s-27,5 GHz (“26 GHz”) ġiet armonizzata globalment għat-Telekomunikazzjoni Mobbli Internazzjonali (3) (IMT) fil-Konferenza Dinjija tal-2019 dwar ir-Radjukomunikazzjoni (WRC-19) permezz ta’ emendi għar-Regolamenti tar-Radju tas-Settur tar-Radjukomunikazzjoni tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU-R).

(3)

Ir-Regolamenti tar-Radju tal-ITU-R, kif emendati (4), introduċew limiti tal-emissjonijiet ’l barra mill-banda (“limiti ta’ protezzjoni”) applikabbli f’żewġ stadji għas-sistemi terrestri mingħajr fili tal-ġenerazzjoni li jmiss (5G) li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika tal-broadband mingħajr fili fil-banda ta’ frekwenzi ta’ 26 GHz għall-protezzjoni tas-servizz (passiv) ta’ esplorazzjoni tad-dinja bis-satellita (EESS) fil-banda ta’ frekwenzi ta’ bejn it-23,6 u l-24 GHz (5). Dawk il-limiti ta’ protezzjoni huma inqas stretti mil-limiti armonizzati tal-UE (6). L-applikazzjoni tal-limiti tal-ewwel stadju fl-Unjoni jenħtieġ li tiżgura d-disponibbiltà fil-pront ta’ tagħmir tal-5G u tiffaċilita investimenti iktar rapidi fl-infrastruttura tal-5G fis-suq uniku. Il-limiti tat-tieni stadju, flimkien mar-rekwiżit li l-ebda sistema terrestri b’densità għolja għall-provvista ta’ servizzi tal-aċċess mingħajr fili, għandhom jiġu implimentati f’medda ta’ frekwenzi taħt it-23,6 GHz, u għandhom jiżguraw il-protezzjoni adegwata tal-EESS (passiv) kif ukoll is-servizzi satellitari meteoroloġiċi fil-banda ta’ frekwenzi ta’ bejn it-23,6 u l-24 GHz.

(4)

Il-limiti ta’ protezzjoni tal-ewwel stadju applikabbli sal-1 ta’ Settembru 2027 skont ir-Regolamenti tar-Radju tal-ITU-R jistgħu jżidu r-riskju ta’ interferenza li tagħmel ħsara lill-EESS (passiv) li jkun qed jopera globalment (eż. is-sistema Copernicus u ċerti satelliti meteoroloġiċi) skont ir-ritmu tal-iskjerament tas-sistemi terrestri mingħajr fili tal-ġenerazzjoni li jmiss (5G) fil-banda ta’ 26 GHz. Għalhekk, huwa essenzjali li l-limiti ta’ protezzjoni tat-tieni stadju jibdew japplikaw qabel il-bidu tal-iskjerament tal-massa tas-sistemi tal-5G fl-Unjoni, li huwa mistenni mill-2025 ’il quddiem (7).

(5)

L-applikazzjoni kontinwa tal-limiti attwali iktar stretti ta’ protezzjoni fis-suq uniku, armonizzati fil-livell tal-UE, tipprovdi protezzjoni akbar tal-EESS (passiv) fit-territorju kollu tal-Unjoni. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ limiti ta’ protezzjoni fl-Unjoni li kienu jvarjaw minn dawk applikati fil-bqija tad-dinja, b’mod partikolari billi kienu iktar stretti, tista’ taffettwa l-livell ta’ disponibbiltà u ta’ għażla tat-tagħmir, li mbagħad jista’ jkollha impatt negattiv fuq l-ispejjeż tat-tagħmir u l-iskala ta’ investimenti f’netwerks b’kapaċità għolja (5G).

(6)

Ir-Riżoluzzjoni 242 tad-WRC-19, li hija parti integrali mir-Regolamenti tar-Radju tal-ITU-R, tirrikonoxxi li l-baned ta’ frekwenzi immedjatament taħt il-banda ta’ frekwenzi ta’ bejn it-23,6 u l-24 GHz mhumiex maħsuba għall-użu ma’ applikazzjonijiet mobbli b’densità għolja. Dan ir-rikonoxximent fil-livell internazzjonali jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-EESS (passiv) f’dik il-banda flimkien mal-limiti ta’ protezzjoni tat-tieni stadju applikabbli għall-banda ta’ frekwenzi ta’ 26 GHz skont ir-Regolamenti tar-Radju tal-ITU-R. Tali miżuri jtejbu l-protezzjoni tal-EESS (passiv) u l-kwalità tad-data satellitari neċessarja għat-tbassir tat-temp. Għal dan l-għan, jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda skjerament ġdid ta’ sistemi terrestri li jkunu kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-medda ta’ frekwenzi ta’ bejn 22 u 23,6 GHz fl-Unjoni. Barra minn hekk, jistgħu jiġu kkunsidrati azzjonijiet rilevanti biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-EESS (passiv), jekk tali sistemi jkunu jistgħu jiġu skjerati b’densità għolja f’dik il-medda ta’ frekwenzi ’l barra mill-Unjoni.

(7)

Skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE u fid-dawl tal-ħtieġa urġenti li tiġi ppreservata ċ-ċertezza regolatorja fis-suq uniku bl-għan li jiġi implimentat l-Artikolu 54 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), il-Kummissjoni talbet lill-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjoni (CEPT) (9), biex fil-qafas tal-Mandat tal-Kummissjoni lis-CEPT tiżviluppa kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għall-użu tal-ispettru b’appoġġ għall-introduzzjoni tas-sistemi terrestri mingħajr fili tal-ġenerazzjoni li jmiss (5G) fl-Unjoni (10), u tivvaluta u tirrapporta kwalunkwe adattament tal-limiti ta’ protezzjoni skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/784.

(8)

Bħala rispons, is-CEPT ippreżentat input tekniku f’ittra tas-6 ta’ Marzu 2020 (11) li tipprovdi kjarifika għal porzjon mir-rikjesta tal-Kummissjoni u tirrakkomanda wkoll approċċ ippreferut għall-protezzjoni tal-EESS (passiv) fil-banda ta’ frekwenzi ta’ bejn 23,6 u 24 GHz filwaqt li jitqiesu l-eżitu tad-WRC-19 u l-ħtieġa għall-protezzjoni fit-tul tal-EESS (passiv). B’mod partikolari, dan l-approċċ jinkludi data iktar kmieni għat-tranżizzjoni lejn il-limiti tat-tieni stadju, sabiex jiġi evitat ir-riskju tal-iżvilupp tat-tagħmir tal-5G għas-suq tal-massa bl-użu tal-limiti tal-ewwel stadju, kif ukoll ir-rekwiżit ta’ prevenzjoni tal-iskjerament b’densità għolja ta’ sistemi terrestri li jkunu kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika tal-broadband mingħajr fili fil-banda ta’ frekwenzi ta’ bejn it-22 u t-23,6 GHz.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/784 tiġi emendata sabiex jiġi ppreservat il-bilanċ tal-politiki tal-Unjoni dwar l-iskjerament tas-sistemi tal-5G u l-monitoraġġ tal-atmosfera u tas-superfiċe tad-dinja, u sabiex jissaħħaħ ir-rwol tal-Unjoni bħala mexxejja fl-ekosistema globali tal-5G tat-tagħmir u tas-servizzi.

(10)

Barra minn hekk, is-CEPT ilha tiżviluppa sensiela ta’ għodod tekniċi (12) biex tindirizza l-iskjerament tal-5G fil-banda ta’ frekwenzi ta’ 26 GHz, abbażi tal-użu tal-ispettru skont ir-reġimi ta’ awtorizzazzjoni għajr id-drittijiet individwali tal-użu bħall-awtorizzazzjoni ġenerali jew awtorizzazzjoni individwali/ġenerali kkombinata. Tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar xi soluzzjonijiet possibbli li jistgħu jiġu implimentati fil-livell nazzjonali f’konformità mal-obbligi tagħhom rigward dik il-banda u filwaqt li jitqies l-iskjerament kontinwu tal-istazzjonijiet satellitari terrestri fl-EESS, is-Servizz tar-Riċerka Spazjali (SRS) u s-Servizz Satellitari Fiss (FSS).

(11)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ispettru tar-Radju stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/784 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Sat-30 ta’ Ġunju 2020, l-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw u jagħmlu disponibbli fuq bażi mhux esklużiva l-banda ta’ frekwenzi ta’ bejn l-24,25 u s-27,5 GHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika tal-broadband mingħajr fili, f’konformità mal-kundizzjonijiet tekniċi essenzjali stabbiliti fl-Anness.”;

(2)

fl-Artikolu 7, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sat-30 ta’ Settembru 2020”;

(3)

l-Anness huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Thierry BRETON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/784 tal-14 ta’ Mejju 2019 dwar l-armonizzazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi ta’ bejn l-24,25 u s-27,5 GHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika tal-broadband mingħajr fili fl-Unjoni (ĠU L 127, 16.5.2019, p. 13).

(3)  Skont ir-Riżoluzzjoni 750 tal-ITU-R (reveduta mid-WRC-19) dwar il-Kompatibbiltà bejn is-servizz (passiv) tal-esplorazzjoni tad-dinja bis-satellita u s-servizzi attivi rilevanti.

(4)  http://www.itu.int/pub/R-REG-RR (l-edizzjoni tal-2020).

(5)  Għall-istazzjonijiet bażi/għall-istazzjonijiet terminali tal-5G, dawn huma: – 33/– 29 dBW/200 MHz sal-1 ta’ Settembru 2027 (l-ewwel stadju), u – 39/– 35 dBW/200 MHz minn dik id-data ’l quddiem (it-tieni stadju).

(6)  Jiġifieri l-limiti tal-linja bażi addizzjonali fit-Tabelli 4 u 6 fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/784.

(7)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 5G għall-Ewropa: pjan ta’ azzjoni, (COM(2016) 588 final).

(8)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

(9)  L-ittra lis-CEPT bid-data tal-20 ta’ Diċembru 2019 (il-Kumitat tal-Komunikazzjoni Elettronika, it-Tim tal-Proġett 1, id-dok. ECC PT1 (20)011).

(10)  Id-dokument RSCOM16-40rev3.

(11)  L-ittra tas-CEPT datata s-6 ta’ Marzu 2020“CEPT response on additional input regarding the impact of the WRC-19 outcome on the harmonised technical conditions for the 26 GHz band” (il-Kumitat tal-Komunikazzjoni Elettronika, dok. ECC(20)055).

(12)  Pereżempju (l-abbozz ta’) ir-Rapport 317 tal-ECC “Additional work on 26 GHz to address spectrum use under authorisation regimes other than individual rights of use: Technical toolkit to assist administrations” (approvat mill-Kumitat tal-Komunikazzjoni Elettronika (ECC) għall-konsultazzjoni pubblika fis-6 ta’ Marzu 2020).


ANNESS

L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/784 huwa emendat kif ġej:

(1)

it-Tabella 4 hija sostitwita b’li ġej:

“Tabella 4

Limitu tal-potenza tal-linja bażi addizzjonali tal-istazzjon bażi

Medda ta’ frekwenzi

TRP massima

Wisa’ tal-banda tal-kejl

Dħul fis-seħħ

23,6-24,0 GHz

– 33 dBW

200 MHz

Dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni (1)

– 39 dBW

200 MHz

L-1 ta’ Jannar 2024 (2)

(2)

it-Tabella 6 hija sostitwita b’li ġej:

“Tabella 6

Limitu tal-potenza tal-linja bażi addizzjonali tal-istazzjon terminali

Medda ta’ frekwenzi

TRP massima

Wisa’ tal-banda tal-kejl

Dħul fis-seħħ

23,6-24,0 GHz

– 29 dBW

200 MHz

Dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni

– 35 dBW

200 MHz

L-1 ta’ Jannar 2024 (3)


(1)  L-Istati Membri ma għandhomx jippermettu li jsiru skjeramenti ġodda ta’ sistemi terrestri li jkunu kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili fil-medda ta’ frekwenzi 22-23,6 GHz, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni xierqa tas-Servizz (passiv) ta’ Esplorazzjoni tad-Dinja bis-Satellita u tas-Servizz tar-Radjuastronomija fil-banda ta’ frekwenzi ta’ bejn it-23,6 u l-24 GHz flimkien mal-limitu applikabbli wara l-1 ta’ Jannar 2024.

(2)  Dan il-limitu japplika għall-istazzjonijiet bażi li jibdew jintużaw wara l-1 ta’ Jannar 2024. Dan il-limitu ma japplikax għall-istazzjonijiet bażi li jibdew jintużaw qabel dik id-data. Għal dawk l-istazzjonijiet bażi, il-limitu ta’ – 33 dBW/200 MHz jibqa’ japplika wara l-1 ta’ Jannar 2024. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw miżuri addizzjonali biex jivvalutaw u jtaffu l-impatt aggregat ta’ dawk l-istazzjonijiet bażi b’rabta mal-obbligu tagħhom skont l-Artikolu 3(a) rigward is-Servizz (passiv) ta’ Esplorazzjoni tad-Dinja bis-Satellita. Dawn il-miżuri jinkludu l-adattament tad-daqs tal-blokok allokati, il-konfigurazzjoni tal-antenni, il-potenza minn ġewwa l-blokka jew il-penetrazzjoni tat-tagħmir.”

(3)  Dan il-limitu japplika għall-istazzjonijiet terminali li jibdew jintużaw wara l-1 ta’ Jannar 2024. Dan il-limitu ma japplikax għall-istazzjonijiet terminali li jibdew jintużaw qabel dik id-data. Għal dawk l-istazzjonijiet terminali, il-limitu ta’ – 29 dBW/200 MHz jibqa’ japplika wara l-1 ta’ Jannar 2024.”