ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 103I

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
3 ta' April 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/491 tat-3 ta’ April 2020 dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjonijiet tal-merkanzija meħtieġa biex jiġu miġġielda l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 matul l-2020 (notifikata bid-dokument C(2020) 2146)

1

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

3.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 103/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/491

tat-3 ta’ April 2020

dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjonijiet tal-merkanzija meħtieġa biex jiġu miġġielda l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 matul l-2020

(notifikata bid-dokument C(2020) 2146)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE tad-19 ta’ Ottubru 2009 li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 143(b) u (c) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti (1), u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tagħha, flimkien mal-Artikolu 131 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 tas-16 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali (2), u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 76 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 131 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

Billi:

(1)

Fit-30 ta’ Jannar 2020 l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (id-WHO) iddikjarat it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala emerġenza tas-saħħa pubblika ta’ tħassib internazzjonali. Fil-11 ta’ Marzu 2020, id-WHO ddikjarat it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala pandemija. Il-COVID-19 issa pprovokat infezzjonijiet fl-Istati Membri kollha. Minħabba l-għadd ta’ każijiet li qed jiżdied b’mod allarmanti u n-nuqqas ta’ mezzi biex tiġi ttrattata t-tifqigħa tal-COVID-19, għadd ta’ Stati Membri ddikkjaraw stat ta’ emerġenza nazzjonali.

(2)

Sabiex jiġu miġġielda l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19, saru talbiet mill-Italja fid-19 ta’ Marzu 2020, minn Franza fil-21 ta’ Marzu 2020, mill-Ġermanja u Spanja fit-23 ta’ Marzu 2020, mill-Awstrija, Ċipru, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Greċja, il-Kroazja, il-Litwanja, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall u s-Slovenja fl-24 ta’ Marzu 2020, mill-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Finlandja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Latvja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u r-Renju Unit fil-25 ta’ Marzu 2020, mill-Iżvezja u Malta fis-26 ta’ Marzu 2020, għall-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u għall-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) fuq il-merkanzija importata.

(3)

Il-pandemija tal-COVID-19 u l-isfidi estremi li ġġib magħha jikkostitwixxu diżastru skont it-tifsira tat-Taqsima C tal-Kapitolu XVII tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u tal-Kapitolu 4 tat-Titolu VIII tad-Direttiva 2009/132/KE. Għalhekk jixraq li tingħata eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni imponibbli fuq il-merkanzija importata għall-finijiet deskritti fl-Artikolu 74 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imponibbli fuq il-merkanzija importata għall-finijiet deskritti fl-Artikolu 51 tad-Direttiva 2009/132/KE.

(4)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar in-natura u l-kwantitajiet tal-oġġetti diversi ta’ merkanzija permessi mingħajr dazju fuq l-importazzjoni u mingħajr VAT bil-għan li jiġu miġġielda l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19, dwar l-organizzazzjonijiet li l-Istati Membri awtorizzaw għad-distribuzzjoni jew għall-forniment ta’ dik il-merkanzija, u dwar il-miżuri li ħadu biex il-merkanzija ma tkunx tista’ tintuża għal skopijiet oħra għajr biex jiġu miġġielda l-effetti ta’ din it-tifqigħa.

(5)

Filwaqt li jitqiesu l-isfidi estremi li jiffaċċjaw l-Istati Membri, jenħtieġ li l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT jingħataw għall-importazzjonijiet li jsiru mit-30 ta’ Jannar 2020. Jenħtieġ li l-eżenzjoni tibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Lulju 2020. Qabel it-tmiem ta’ dan il-perjodu, is-sitwazzjoni se tiġi rieżaminata u fejn meħtieġ, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, dan il-perjodu jista’ jiġi estiż.

(6)

Fis-26 ta’ Marzu 2020, l-Istati Membri ġew ikkonsultati f’konformità mal-Artikolu 76 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u l-Artikolu 53 tad-Direttiva 2009/132/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-merkanzija għandha tiddaħħal mingħajr dazji fuq l-importazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u tkun eżentata mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq l-importazzjonijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-merkanzija tkun maħsuba għal xi wieħed minn dawn l-iskopijiet li ġejjin:

(i)

id-distribuzzjoni b’xejn lill-persuni affettwati mill-COVID-19 jew li jinsabu f’riskju li jiġu affettwati minnha jew li huma involuti fil-ġlieda kontra t-tifqigħa tal-COVID-19, mill-korpi u l-organizzazzjonijiet imsemmija fil-punt (c);

(ii)

il-forniment b’xejn lill-persuni affettwati mill-COVID-19 jew li jinsabu f’riskju li jiġu affettwati minnha jew li huma involuti fil-ġlieda kontra t-tifqigħa tal-COVID-19, filwaqt li l-merkanzija tibqa’ l-proprjetà tal-korpi u tal-organizzazzjonijiet imsemmija fil-punt (c);

(b)

il-merkanzija tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 75, 78, 79 u 80 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u fl-Artikoli 52, 55, 56 u 57 tad-Direttiva 2009/132/KE;

(c)

il-merkanzija hija importata għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera mill-organizzazzjonijiet tal-Istat, fosthom korpi tal-Istat, korpi pubbliċi u korpi oħra rregolati mil-liġi pubblika jew f’isimhom, jew minn organizzazzjonijiet approvati mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jew f’isimhom.

2   Il-merkanzija għandha tiddaħħal ukoll mingħajr dazji fuq l-importazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u tkun eżentata mill-VAT fuq l-importazzjonijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2009/132/KE, meta din tkun importata għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera minn aġenziji li jagħtu l-għajnuna f’każ ta’ diżastru jew f’isimhom, sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet tagħhom f’każ ta’ diżastru matul il-perjodu li fih jagħtu l-għajnuna lill-persuni affettwati mill-COVID-19 jew lil dawk li jinsabu f’riskju li jiġu affettwati minnha jew li huma involuti fil-ġlieda kontra t-tifqigħa tal-COVID-19.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru 2020:

(a)

lista tal-organizzazzjonijiet approvati mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 1(1);

(b)

informazzjoni dwar in-natura u l-kwantitajiet tal-oġġetti diversi ta’ merkanzija li jkunu ddaħħlu mingħajr dazji fuq l-importazzjoni u mingħajr VAT skont l-Artikolu 1;

(c)

il-miżuri li ħadu biex jiżguraw il-konformità mal-Artikoli 78, 79, u 80 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u mal-Artikoli 55, 56 u 57 tad-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward tal-merkanzija li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

L-Artikolu 1 għandu japplika għall-importazzjonijiet li jsiru mit-30 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Lulju 2020.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Paolo GENTILONI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 292, 10.11.2009, p. 5.

(2)   ĠU L 324, 10.12.2009, p. 23.