ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 101

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
1 ta' April 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/470 tal-25 ta’ Marzu 2020 dwar l-estensjoni tal-perjodu tad-dritt għal koproduzzjonijiet awdjoviżivi kif previst fl-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għall-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra

1

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/471 tal-31 ta’ Marzu 2020 li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA)

3

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/472 tal-31 ta’ Marzu 2020 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI)

4

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

1.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 101/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/470

tal-25 ta’ Marzu 2020

dwar l-estensjoni tal-perjodu tad-dritt għal koproduzzjonijiet awdjoviżivi kif previst fl-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għall-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2169 tal-1 ta’ Ottubru 2015 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (1),

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fl-1 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2015/2169 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra.

(2)

Il-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali (2) anness mal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (3) ("il-Protokoll") jistabbilixxi fl-Artikolu 1 il-qafas li fi ħdanu l-Partijiet għandhom jikkooperaw għall-iffaċilitar ta’ skambji li jirrigwardaw attivitajiet, oġġetti u servizzi kulturali, inkluż fis-settur awdjoviżiv.

(3)

Il-Protokoll b’mod eċċezzjonali jinkludi dispożizzjonijiet dwar id-dritt għal koproduzzjonijiet awdjoviżivi biex jibbenefikaw mill-iskemi rispettivi li fil-prinċipju huwa riżervat għal pajjiżi li qed jiżviluppaw b’industriji awdjoviżivi li qed jiżviluppaw.

(4)

Taħt il-punt (b) tal-Artikolu 5(8) tal-Protokoll, wara l-perjodu inizjali ta’ tliet snin, id-dritt jiġġedded għal perjodu ta’ tliet snin u wara dan għandu jiġġedded awtomatikament għal perjodi oħra suċċessivi tal-istess tul, sakemm Parti ma ttemmx id-dritt billi tagħti avviż bil-miktub mill-anqas tliet xhur qabel l-iskadenza tal-perjodu inizjali jew ta’ kwalunkwe perjodu suċċessiv. L-effetti fattwali tal-Protokoll fir-rigward ta’ koproduzzjonijiet awdjoviżivi jenħtieġ li jiġu vvalutati fi żmien debitu mill-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali u jenħtieġ li jservu bħala l-bażi għad-deċiżjoni tal-Unjoni dwar jekk għandux jew le jiġi estiż id-dritt, fl-2023, għal perjodu ulterjuri ta’ tliet snin.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/2169, il-Kummissjoni għandha tavża lir-Repubblika tal-Korea bl-intenzjoni tal-Unjoni li ma testendix il-perjodu tad-dritt għall-koproduzzjoni skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 5(8) tal-Protokoll sakemm, fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill ma jaqbilx erba’ xhur qabel tmiem tali perjodu tad-dritt li jkompli d-dritt. Jekk il-Kunsill jaqbel li jkompli d-dritt, dik il-proċedura għandha terġa’ ssir applikabbli fi tmiem il-perjodu mġedded tad-dritt. Għall-finijiet speċifiċi li tittieħed deċiżjoni dwar it-tkomplija tal-perjodu tad-dritt, il-Kunsill għandu jaġixxi b’unanimità.

(6)

Fis-17 ta’ Ottubru 2019, il-Grupp Konsultattiv Domestiku tal-Unjoni li huwa previst fl-Artikolu 3(5) tal-Protokoll ġie kkonsultat dwar l-estensjoni tal-perjodu tad-dritt, kif previst fl-Artikolu 5(8) tal-Protokoll.

(7)

Fid-dawl tar-relazzjoni mill-qrib, storika u unika bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Korea, il-Kunsill jaqbel mal-estensjoni tal-perjodu tad-dritt għall-koproduzzjonijiet awdjoviżivi biex jibbenefikaw mill-iskemi rispettivi tal-Partijiet għall-promozzjoni ta’ kontenut kulturali lokali/reġjonali kif previst fil-paragrafi 4 sa 7 tal-Artikolu 5 tal-Protokoll.

(8)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma taffettwax il-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri. B’mod partikolari, jenħtieġ li hija ma taffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri li jikkonkludu ftehimiet ta’ koproduzzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-perjodu tad-dritt għal koproduzzjonijiet awdjoviżivi biex jibbenefikaw mill-iskemi rispettivi tal-Partijiet għall-promozzjoni ta’ kontenut kulturali lokali/reġjonali, kif previst fil-paragrafi 4 sa 7 tal-Artikolu 5 tal-Protokoll, għandu jiġu estiż b’perjodu ta’ tliet snin, mill-1 ta’ Lulju 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2023.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Marzu 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

A. METELKO-ZGOMBIĆ


(1)  ĠU L 307, 25.11.2015, p. 2.

(2)  ĠU L 127, 14.5.2011, p. 1418.

(3)  ĠU L 127, 14.5.2011, p. 6.


1.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 101/3


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/471

tal-31 ta’ Marzu 2020

li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-18 ta’ Mejju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 (1).

(2)

Fis-26 ta’ Settembru 2019, il-Kunsill estenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 sal-31 ta’ Marzu 2020 permezz tad-Deċiżjoni (PESK) 2019/1595 (2).

(3)

Fis-17 ta’ Frar 2020, il-Kunsill qabel li jenħtieġ li l-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA tingħalaq. Jenħtieġ għalhekk li d-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 titħassar u konsegwentement l-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA se tintemm ma’ tali tħassir.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 (3) li stabbilixxiet mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża (Athena) tiddetermina l-proċeduri tal-awditu u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-operazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Id-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 hija b’dan imħassra.

2.   It-tħassir tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-proċeduri stabbiliti fid-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 dwar l-awditu u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Marzu 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

A. METELKO-ZGOMBIĆ


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/778 tat-18 ta’ Mejju 2015 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA (ĠU L 122, 19.5.2015, p. 31).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1595 tas-26 ta’ Settembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA) (ĠU L 248, 27.9.2019, p. 73).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 tas-27 ta’ Marzu 2015 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża (Athena) u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/871/PESK (ĠU L 84, 28.3.2015, p. 39).


1.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 101/4


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/472

tal-31 ta’ Marzu 2020

dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fid-19 ta’ Jannar 2020, saret Konferenza f’Berlin dwar il-Libja. Il-parteċipanti impenjaw ruħhom, b’mod partikolari, li jirrispettaw u jimplimentaw b’mod inekwivoku u sħiħ l-embargo fuq l-armi stabbilit mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR, United Nations Security Council Resolution) 1970 (2011) u Riżoluzzjonijiet sussegwenti, b’mod partikolari l-UNSCRs 2292 (2016) u 2473 (2019).

(2)

Fit-12 ta’ Frar 2020, fl-UNSCR 2510 (2020), il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) laqa’ l-Konferenza ta’ Berlin dwar il-Libja u approva l-konklużjonijiet tagħha, filwaqt li nnota li dawk il-konklużjonijiet jirrappreżentaw element importanti ta’ soluzzjoni komprensiva għas-sitwazzjoni fil-Libja. Huwa talab ukoll konformità sħiħa mill-Istati Membri kollha tan-NU mal-embargo fuq l-armi, u barra minn hekk talab lill-Istati kollha biex la jintervjenu fil-kunflitt u lanqas jieħdu xi miżuri li jaggravaw il-kunflitt.

(3)

Fil-11 ta’ Frar 2020, fl-UNSCR 2509 (2020), il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU estenda l-miżuri imposti bl-UNSCR 2146 (2014) għall-prevenzjoni tal-esportazzjoni illeċita mil-Libja ta’ petroleum, inklużi żejt mhux maħdum u prodotti tal-petroleum raffinati, u estenda l-mandat tal-Grupp ta’ Esperti stabbilit bl-UNSCR 1973 (2011).

(4)

Fis-17 ta’ Frar 2020, il-Kunsill laħaq qbil politiku biex ivara operazzjoni ġdida fil-Mediterran, bl-għan li timplimenta l-embargo fuq l-armi impost min-NU fuq il-Libja bl-użu ta’ assi ajrunawtiċi, satellitari u marittimi. Jenħtieġ li l-operazzjoni, bħala kompiti sekondarji, tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ miżuri tan-NU biex jipprevjenu l-esportazzjoni illeċita ta’ petroleum mil-Libja, għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u t-taħriġ tal-Gwardja Kostali u l-Flotta Navali Libjani, u għat-tfixkil tal-mudell kummerċjali tan-netwerks ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin u traffikar ta’ bnedmin. Jenħtieġ li ż-Żona tal-Operazzjoni u ż-Żona ta’ Interess tal-operazzjoni jiġu definiti skont il-mandat miftiehem fid-dokumenti rilevanti ta’ ppjanar.

(5)

Barra minn hekk, fil-futur il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jestendi l-ambitu tal-operazzjoni sabiex ikun jista’ jsir użu minn sorveljanza mill-ajru fl-ispazju tal-ajru Libjan, f’konformità ma’ kwalunkwe UNSCR jew bil-kunsens tal-awtoritajiet Libjani, jekk huwa jqis li jkunu ssodisfati r-rekwiżiti legali u l-kondizzjonijiet politiċi meħtieġa.

(6)

Fit-18 ta’ Mejju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 (1). L-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA ilha għaddejja minn dik id-data, u ġiet estiża bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1595 (2).

(7)

Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) jenħtieġ li jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ), kontroll politiku fuq l-operazzjoni, jagħtiha direzzjoni strateġika u jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti f’konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

(8)

L-awtorizzazzjoni tal-operazzjoni jenħtieġ li tiġi kkonfermata mill-ġdid kull erba’ xhur u l-KPS, fl-eżerċizzju minnu tal-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-operazzjoni, jenħtieġ li jkun awtorizzat li jieħu tali deċiżjoni li ttawwal l-operazzjoni sakemm l-iskjerament tal-assi marittimi tal-operazzjoni ma jipproduċix effett ta’ attrazzjoni fuq il-migrazzjoni abbażi ta’ evidenza sostanzjata miġbura skont il-kriterji stipulati fil-Pjan tal-Operazzjoni.

(9)

Skont l-Artikolu 41(2) TUE u f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 (3), in-nefqa operazzjonali li tirriżulta minn din id-Deċiżjoni, li għandha implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża, trid titħallas mill-Istati Membri.

(10)

F’konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet ta’ difiża. Konsegwentement, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u lanqas ma hi marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha, u ma tiħux sehem fil-finanzjament ta’ din l-operazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Missjoni

1.   L-Unjoni b’dan tistabbilixxi u tvara operazzjoni ta’ maniġġar militari ta’ kriżi biex tikkontribwixxi għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-armi fiż-Żona tal-Operazzjoni u ż-Żona ta’ Interess miftiehma tagħha f’konformità mal-UNSCR 1970 (2011) u Riżoluzzjonijiet sussegwenti dwar l-embargo tal-armi fuq il-Libja, inklużi l-UNSCR 2292 (2016) u l-UNSCR 2473 (2019). Barra minn hekk, l-operazzjoni għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ miżuri tan-NU għall-prevenzjoni tal-esportazzjoni illeċita ta’ petroleum mil-Libja f’konformità mal-UNSCR 2146 (2014) u Riżoluzzjonijiet sussegwenti, b’mod partikolari l-UNSCR 2509 (2020) u l-UNSCR 2510 (2020). Barra minn hekk, l-operazzjoni għandha tassisti fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet u fit-taħriġ tal-Gwardja Kostali u l-Flotta Navali Libjani f’kompiti ta’ infurzar tal-liġi fuq il-baħar. L-operazzjoni għandha tikkontribwixxi wkoll għat-tfixkil tal-mudell kummerċjali ta’ netwerks ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin u traffikar ta’ bnedmin, f’konformità mad-dritt internazzjonali applikabbli, inklużi l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, kwalunkwe UNSCR rilevanti, u l-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem skont kif ikunu applikabbli.

2.   L-operazzjoni għandha tissemma EUNAVFOR MED IRINI.

3.   Iż-Żona tal-Operazzjoni, iż-Żona ta’ Interess u l-arranġamenti dettaljati għall-ġbir ta’ informazzjoni f’dawk iż-żoni għat-twettiq tal-kompiti kollha tal-operazzjoni għandhom jiġu definiti fid-dokumenti rilevanti tal-ippjanar approvati mill-Kunsill.

Artikolu 2

Kontribut għall-implimentazzjoni tal-embargo tan-NU fuq l-armi impost fuq il-Libja

1.   Bħala l-kompitu ewlieni tagħha, l-EUNAVFOR MED IRINI għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-embargo tan-NU fuq l-armi impost fuq il-Libja b’assi ajrunawtiċi, satellitari u marittimi.

2.   Għal dak il-għan, l-EUNAVFOR MED IRINI għandha tiġbor informazzjoni estensiva u komprensiva dwar l-ittraffikar tal-armi u materjal relatat mid-direzzjonijiet kollha u tikkondividiha ma’ sħab u aġenziji rilevanti fuq bażi ta’ każ b’każ u skont il-prinċipju tal-ħtieġa ta’ tagħrif permezz tal-mekkaniżmi fid-dokumenti rilevanti ta’ ppjanar sabiex tikkontribwixxi għal għarfien sħiħ tas-sitwazzjoni fiż-Żona tal-Operazzjoni u fiż-Żona ta’ Interess. Fejn tali informazzjoni tkun ikklassifikata sal-livell “SECRET UE/EU SECRET”, din tista’ tiġi skambjata ma’ sħab u aġenziji rilevanti f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (4) u abbażi ta’ arranġamenti konklużi fil-livell operazzjonali f’konformità mal-Artikolu 14(9) ta’ din id-Deċiżjoni, u b’rispett sħiħ tal-prinċipji ta’ reċiproċità u inklużività. L-informazzjoni klassifikata riċevuta għandha tiġi trattata mill-EUNAVFOR MED IRINI mingħajr ebda distinzjoni bejn il-persunal tagħha u unikament fuq il-bażi ta’ rekwiżiti operazzjonali.

3.   F’konformità mal-UNSCRs rilevanti, partikolarment l-UNSCR 2292 (2016), u skont kif ikun meħtieġ, l-EUNAVFOR MED IRINI għandha twettaq, f’konformità mal-arranġamenti stabbiliti fid-dokumenti ta’ ppjanar, u fi ħdan iż-Żona tal-Operazzjoni maqbula fl-ibħra internazzjonali ’l barra mill-kosta tal-Libja, spezzjonijiet ta’ bastimenti fi triqthom lejn jew mil-Libja fejn ikun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li tali bastimenti jkunu qed iġorru armi jew materjal relatat lejn jew mil-Libja, direttament jew indirettament, bi ksur tal-embargo fuq l-armi impost fuq il-Libja. L-EUNAVFOR MED IRINI għandha tieħu azzjoni rilevanti biex tissekwestra u tiddisponi minn tali oġġetti, inkluż bil-ħsieb li tali bastimenti u l-ekwipaġġ tagħhom jiġu ddevjati lejn port adatt biex jiġi ffaċilitat tali disponiment, bil-kunsens tal-Istat tal-port, f’konformità ma’ UNSCRs rilevanti, inkluża l-UNSCR 2292 (2016).

4.   EUNAVFOR MED IRINI għandha tirrapporta lill-KPS dwar il-kwistjonijiet u l-avvenimenti kollha marbutin ma’ tali spezzjonijiet. Il-KPS jista’ jikkunsidra kwalunkwe miżura sussegwenti, kif xieraq.

5.   Fid-dawl tar-rekwiżiti operazzjonali eċċezzjonali, u fuq stedina minn Stat Membru, l-EUNAVFOR MED IRINI tista’ tiddevja bastimenti lejn portijiet ta’ dak l-Istat Membru u tiddisponi, f’dak l-Istat Membru, minn armi u materjal relatat issekwestrati skont il-paragrafu 3, inkluż permezz tal-ħżin u l-qerda. Il-portijiet li lejhom jistgħu jiġu ddevjati bastimenti għandhom jiġu ddeżinjati fil-Pjan tal-Operazzjoni.

6.   F’konformità ma’ UNSCRs rilevanti, inkluża l-UNSCR 2292 (2016), l-EUNAVFOR MED IRINI tista’, partikolarment matul spezzjonijiet imwettqa f’konformità mal-paragrafu 3, tiġbor u taħżen evidenza relatata mal-ġarr ta’ oġġetti pprojbiti taħt l-embargo fuq l-armi impost fuq il-Libja. L-EUNAVFOR MED IRINI tista’ tiġbor u taħżen, f’konformità mal-liġi applikabbli, data personali li tikkonċerna persuni involuti fil-ġarr ta’ tali oġġetti pprojbiti u li tkun relatata ma’ karatteristiċi li x’aktarx jgħinu biex jiġu identifikati tali persuni, inklużi marki tas-swaba’, kif ukoll id-dettalji li ġejjin, bl-esklużjoni ta’ data personali oħra: kunjom, kunjom tax-xbubija, ismijiet u kwalunkwe isem li jkunu magħrufin bih jew isem assunt; data u post tat-twelid, nazzjonalità, sess, post ta’ residenza, professjoni u l-post fejn jinsabu; liċenzji tas-sewqan, dokumenti ta’ identifikazzjoni u data tal-passaport. L-EUNAVFOR MED IRINI tista’ tibgħat tali data kif ukoll data dwar il-bastimenti u t-tagħmir użati minn tali persuni, u l-informazzjoni rilevanti miksuba waqt it-twettiq ta’ dan il-kompitu ewlieni, lill-awtoritajiet rilevanti tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u lill-korpi kompetenti tal-Unjoni, f’konformità mal-liġi applikabbli.

Artikolu 3

Kontribut għall-implimentazzjoni tal-miżuri tan-NU kontra esportazzjonijiet illeċiti ta’ petroleum mil-Libja

1.   Bħala kompitu sekondarju, u fil-limitu tal-mezzi u l-kapaċitajiet tagħha, l-EUNAVFOR MED IRINI għandha twettaq attivitajiet ta’ monitoraġġ u ta’ sorveljanza u tiġbor informazzjoni dwar esportazzjonijiet illeċiti ta’ petroleum mil-Libja, inklużi żejt mhux maħdum u prodotti tal-petroleum raffinati, li jiksru l-UNSCR 2146 (2014) u UNSCRs sussegwenti, b’mod partikolari l-UNSCR 2509 (2020), biex b’hekk tikkontribwixxi għal għarfien tas-sitwazzjoni fiż-Żona tal-Operazzjoni u fiż-Żona ta’ Interess.

2.   L-informazzjoni miġbura f’dan il-kuntest tista’ tinħażen u tiġi rilaxxata lill-awtoritajiet leġittimi Libjani u lill-awtoritajiet rilevanti tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u lil korpi kompetenti tal-Unjoni.

Artikolu 4

Tisħiħ tal-kapaċitajiet u taħriġ tal-Gwardja Kostali u l-Flotta Navali Libjani

1.   Bħala kompitu sekondarju ieħor, l-EUNAVFOR MED IRINI għandha tassisti fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet u fit-taħriġ tal-Gwardja Kostali u l-Flotta Navali Libjani fil-kompiti ta’ infurzar tal-liġi fuq il-baħar, b’mod partikolari għall-prevenzjoni tal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin u traffikar tal-bnedmin.

2.   Il-kompitu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jitwettaq fl-ibħra internazzjonali fiż-Żona tal-Operazzjoni maqbula tal-EUNAVFOR MED IRINI. Dan jista’ jitwettaq ukoll fit-territorju, inkluż l-ibħra territorjali, tal-Libja jew ta’ Stat terz ospitanti viċin il-Libja fejn il-KPS jiddeċiedi hekk wara valutazzjoni mill-Kunsill fuq il-bażi ta’ stedina mil-Libja jew mill-Istat ospitanti kkonċernat, u f’konformità mad-dritt internazzjonali.

3.   Fid-dawl tar-rekwiżiti operazzjonali eċċezzjonali, parti mill-kompitu msemmi fil-paragrafu 1 tista’ titwettaq fi Stat Membru, fuq stedina minn dak l-Istat Membru, inkluż f’ċentri ta’ taħriġ rilevanti.

4.   Għall-fini tal-kompitu msemmi fil-paragrafu 1, l-EUNAVFOR MED IRINI għandha tistabbilixxi u tħaddem mekkaniżmu ta’ monitoraġġ f’koordinazzjoni mill-qrib ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, inkluż fejn meħtieġ fil-Libja.

5.   Sa fejn ikun meħtieġ għall-kompitu msemmi fil-paragrafu 1, l-EUNAVFOR MED IRINI tista’ tiġbor, taħżen u tiskambja mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri, il-korpi kompetenti tal-Unjoni, il-Missjoni ta’ Appoġġ tan-NU fil-Libja, l-INTERPOL, il-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Istati Uniti tal-Amerka l-informazzjoni, inkluża data personali, miġbura għall-fini tal-proċeduri ta’ eżami ta’ trainees possibbli, dment li dawn ikunu taw il-kunsens tagħhom bil-miktub. Barra minn hekk, l-EUNAVFOR MED IRINI tista’ tiġbor u taħżen l-informazzjoni medika u d-data bijometrika meħtieġa dwar trainees dment li dawn ikunu taw il-kunsens tagħhom bil-miktub.

Artikolu 5

Kontribut għat-tfixkil tal-mudell kummerċjali ta’ netwerks ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin u traffikar ta’ bnedmin

1.   Bħala kompitu sekondarju ieħor, u f’konformità mal-UNSCR 2240 (2015), l-EUNAVFOR MED IRINI għandha tappoġġa d-detezzjoni u l-monitoraġġ ta’ netwerks ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin u traffikar ta’ bnedmin permezz tal-ġbir ta’ informazzjoni u tal-pattuljar imwettqa b’assi ajrunawtiċi fuq l-ibħra internazzjonali, fiż-Żona tal-Operazzjoni maqbula.

2.   Fit-twettiq ta’ dan il-kompitu, l-EUNAVFOR MED IRINI tista’ tiġbor u taħżen, skont il-liġi applikabbli, data dwar il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin u t-traffikar ta’ bnedmin, inklużi reati rilevanti għas-sigurtà tal-operazzjoni, li hija tkun tista’ tibgħat lill-awtoritajiet rilevanti tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u lill-korpi kompetenti tal-Unjoni.

Artikolu 6

Ħatra tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE

Il-Viċi Ammirall Fabio Agostini huwa b’dan maħtur Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE għall-EUNAVFOR MED IRINI.

Artikolu 7

Għażla tal-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjoni tal-UE

Il-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjoni tal-EUNAVFOR MED IRINI għandhom ikunu f’Ruma, l-Italja.

Artikolu 8

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUNAVFOR MED IRINI.

2.   Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti f’konformità mal-Artikolu 38 TUE. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat li jemenda d-dokumenti tal-ippjanar, inkluż il-Pjan tal-Operazzjoni, il-Linja tal-Kmand u r-Regoli tal-Ingaġġ. Din għandha tinkludi wkoll is-setgħat li jieħu deċiżjonijiet dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u tal-Kmandant tal-Forza tal-UE. Is-setgħat ta’ deċiżjoni rigward l-objettivi u t-terminazzjoni tal-operazzjoni militari tal-UE għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill.

3.   Minkejja l-perijodu stipulat fl-Artikolu 15(2), l-awtorizzazzjoni tal-operazzjoni għandha tiġi kkonfermata mill-ġdid kull erba’ xhur. Il-KPS għandu jtawwal l-operazzjoni sakemm l-iskjerament tal-assi marittimi tal-operazzjoni ma jipproduċix effett ta’ attrazzjoni fuq il-migrazzjoni abbażi ta’ evidenza sostanzjata miġbura skont il-kriterji stipulati fil-Pjan tal-Operazzjoni.

4.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni għandu jirrapporta regolarment dwar it-tmexxija tal-operazzjoni, inkluż l-impatt tagħha fiż-Żona tal-Operazzjoni. F’konformità mal-Artikolu 38 TUE, il-KPS jista’ f’kull ħin, fuq talba mir-RGħ jew minn Stat Membru, jagħti direzzjoni lill-Kmandant tal-Operazzjoni dwar l-iskjerament tal-assi.

5.   Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

6.   Il-President tal-Kumitat Militari tal-UE (EUMC, EU Military Committee) għandu, f’intervalli regolari, jirrapporta lill-KPS dwar it-tmexxija tal-EUNAVFOR MED IRINI. Il-KPS jista’ jistieden lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jew lill-Kmandant tal-Forza tal-UE għal-laqgħat tiegħu, kif adatt.

Artikolu 9

Direzzjoni militari

1.   L-EUMC għandu jissorvelja l-eżekuzzjoni korretta tal-EUNAVFOR MED IRINI li titmexxa taħt ir-responsabbiltà tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE.

2.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE għandu, f’intervalli regolari, jirrapporta lill-EUMC. L-EUMC jista’ jistieden lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jew lill-Kmandant tal-Forza tal-UE għal-laqgħat tiegħu, skont kif ikun adatt.

3.   Il-President tal-EUMC għandu jaġixxi bħala l-punt ewlieni ta’ kuntatt mal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE.

Artikolu 10

Konsistenza tar-rispons u l-koordinazzjoni tal-Unjoni

1.   Ir-RGħ għandu jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha mal-azzjoni esterna kollha tal-Unjoni, inklużi l-programmi ta’ żvilupp tal-Unjoni u l-għajnuna umanitarja tagħha.

2.   Ir-RGħ, assistit mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), għandu jaġixxi bħala l-punt ewlieni ta’ kuntatt man-NU, l-awtoritajiet tal-pajjiżi fir-reġjun, u atturi internazzjonali u bilaterali oħra, inklużi n-NATO, l-Unjoni Afrikana u l-Lega tal-Istati Għarab.

3.   L-EUNAVFOR MED IRINI għandha tikkoopera mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri u għandha tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni, u skont kif ikun meħtieġ, tikkonkludi arranġamenti ma’ aġenziji u korpi oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Frontex, l-EUROPOL, l-EUROJUST, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil, iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SATCEN, European Union Satellite Centre) u missjonijiet rilevanti tal-PSDK.

4.   L-EUNAVFOR MED IRINI għandha tospita Ċellula ta’ Informazzjoni dwar il-Kriminalità (CIC, Crime Information Cell) magħmula minn persunal tal-awtoritajiet rilevanti tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u ta’ aġenziji tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 3, sabiex tiffaċilita r-riċezzjoni, il-ġbir u t-trasmissjoni ta’ informazzjoni, inkluża data personali, dwar l-embargo fuq l-armi impost fuq il-Libja kif imsemmi fl-Artikolu 2, dwar esportazzjonijiet illegali ta’ petroleum mil-Libja kif imsemmi fl-Artikolu 3, u dwar il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin u t-traffikar ta’ bnedmin kif imsemmi fl-Artikolu 5, kif ukoll dwar reati rilevanti għas-sigurtà tal-operazzjoni.

5.   L-ipproċessar ta’ data personali f’dan il-kuntest għandu jitwettaq f’konformità mal-liġi tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment li fuqu jinsab is-CIC u, fir-rigward tal-persunal tal-aġenziji tal-Unjoni, f’konformità mal-qafas legali applikabbli għall-aġenziji rispettivi.

6.   L-EUNAVFOR MED IRINI għandha tiġi appoġġata mis-SATCEN u miċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (INTCEN, European Union Intelligence and Situation Centre) fil-ġbir ta’ informazzjoni kif meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha.

Artikolu 11

Parteċipazzjoni ta’ Stati terzi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija deċiżjonali tal-Unjoni jew għall-qafas istituzzjonali uniku, u skont il-linji gwida rilevanti tal-Kunsill Ewropew, Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna jieħdu sehem fil-missjoni.

2.   Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS biex jistieden lil Stati terzi joffru kontribuzzjonijiet u jieħdu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribuzzjonijiet proposti, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u l-EUMC.

3.   L-arranġamenti dettaljati għall-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi għandhom ikunu s-suġġett ta’ ftehimiet konklużi f’konformità mal-Artikolu 37 TUE u f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 TFUE. Fejn l-Unjoni u Stat terz ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dan tal-aħħar f’missjonijiet tal-Unjoni ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-EUNAVFOR MED IRINI.

4.   L-Istati terzi li jagħmlu kontribuzzjonijiet militari sinifikanti għall-EUNAVFOR MED IRINI għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi fir-rigward tal-ġestjoni ta’ kuljum tal-operazzjoni bħall-Istati Membri li jieħdu sehem fl-operazzjoni.

5.   Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti rigward l-istabbiliment ta’ Kumitat ta’ Kontributuri, fil-każ li xi Stati terzi jipprovdu kontribuzzjonijiet militari sinifikanti.

Artikolu 12

Status tal-persunal immexxi mill-Unjoni

L-istatus tal-unitajiet u tal-persunal immexxija mill-Unjoni għandu jiġi definit fejn ikun meħtieġ f’konformità mad-dritt internazzjonali.

Artikolu 13

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ispejjeż komuni tal-operazzjoni militari tal-UE għandhom jiġu amministrati f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2015/528.

2.   Għall-perijodu sal-31 ta’ Marzu 2021, l-ammont ta’ referenza għall-ispejjeż komuni tal-EUNAVFOR MED IRINI għandu jkun ta’ EUR 9 837 800. Il-persentaġġ tal-ammont ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 għandu jkun ta’ 30 % f’impenji u 30 % għal pagamenti.

Artikolu 14

Rilaxx ta’ informazzjoni

1.   Ir-RGħ huwa awtorizzat jirrilaxxa lil Stati terzi nominati u lill-Qorti Kriminali Internazzjonali, kif ikun adatt u f’konformità mal-ħtiġijiet operazzjonali tal-EUNAVFOR MED IRINI u b’rispett sħiħ tal-prinċipji ta’ reċiproċità u inklużività, kwalunkwe dokument mhux klassifikat tal-UE marbut mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-operazzjoni u li jkun kopert mill-obbligu ta’ segretezza professjonali taħt l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (5). Il-KPS, sakemm jiġu sodisfatti dawn il-kondizzjonijiet, għandu jinnomina fuq il-bażi ta’ każ b’każ lill-Istati terzi kkonċernati.

2.   Ir-RGħ huwa awtorizzat jirrilaxxa lil Stati terzi nominati u lill-Qorti Kriminali Internazzjonali, kif ikun adatt u f’konformità mal-ħtiġijiet operazzjonali tal-EUNAVFOR MED IRINI, u b’rispett sħiħ tal-prinċipji ta’ reċiproċità u inklużività, informazzjoni klassifikata tal-UE ġġenerata għall-finijiet tal-operazzjoni, f’konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE, kif ġej:

(a)

sal-livell previst mill-Ftehimiet applikabbli dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni konklużi bejn l-Unjoni u l-Istat terz konċernat; jew

(b)

sal-livell “CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL” f’każijiet oħrajn.

Il-KPS, sakemm jiġu sodisfatti dawn il-kondizzjonijiet, għandu jinnomina fuq il-bażi ta’ każ b’każ lill-Istati terzi kkonċernati.

3.   L-informazzjoni klassifikata riċevuta għandha tiġi trattata mill-EUNAVFOR MED IRINI mingħajr ebda distinzjoni bejn il-persunal tagħha u unikament fuq il-bażi ta’ rekwiżiti operazzjonali.

4.   Ir-RGħ huwa awtorizzat ukoll li jirrilaxxa lin-NU, f’konformità mal-ħtiġijiet operazzjonali tal-EUNAVFOR MED IRINI, informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” li tiġi ġġenerata għall-finijiet tal-EUNAVFOR MED IRINI, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE.

5.   Ir-RGħ huwa awtorizzat jirrilaxxa lill-INTERPOL informazzjoni rilevanti, inkluża data personali, f’konformità mal-ħtiġijiet operazzjonali tal-EUNAVFOR MED IRINI.

6.   Sa ma jiġi konkluż ftehim bejn l-Unjoni u l-INTERPOL, l-EUNAVFOR MED IRINI tista’ tiskambja tali informazzjoni mal-Uffiċċji Ċentrali Nazzjonali tal-INTERPOL tal-Istati Membri, f’konformità ma’ arranġamenti li għandhom jiġu konklużi bejn il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u l-Kap tal-Uffiċċju Ċentrali Nazzjonali rilevanti.

7.   F’każ ta’ ħtieġa operazzjonali speċifika, ir-RGħ huwa awtorizzat, wara l-approvazzjoni mill-KPS, jirrilaxxa lill-awtoritajiet Libjani leġittimi kwalunkwe informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” iġġenerata għall-finijiet tal-EUNAVFOR MED IRINI, f’konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE.

8.   Ir-RGħ huwa awtorizzat jikkonkludi l-arranġamenti meħtieġa għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-iskambju ta’ informazzjoni f’din id-Deċiżjoni.

9.   Ir-RGħ jista’ jiddelega l-awtorizzazzjonijiet biex tiġi rilaxxata informazzjoni kif ukoll il-kapaċità li jiġu konklużi l-arranġamenti msemmijin f’din id-Deċiżjoni lil uffiċjali tas-SEAE, lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jew lill-Kmandant tal-Forza tal-UE f’konformità mat-taqsima VII tal-Anness VI tad-Deċiżjoni 2013/488/UE.

10.   L-EUNAVFOR MED IRINI għandha tittrasmetti mingħajr dewmien lin-NU, f’konformità mal-UNSCR 2509 (2020), l-informazzjoni miġbura dwar inċidenti suspettati ta’ nuqqas ta’ konformità mal-embargo fuq l-armi impost min-NU fuq il-Libja kif previst fl-UNSCR 1970 (2011) u Riżoluzzjonijiet sussegwenti, b’mod partikolari l-UNSCRs 2292 (2016) u 2473 (2019), kif ukoll l-informazzjoni miġbura dwar inċidenti suspettati ta’ nuqqas ta’ konformità mal-miżuri tan-NU għall-prevenzjoni tal-esportazzjonijiet illeċiti ta’ petroleum mil-Libja kif previst fl-UNSCR 2146 (2014) u Riżoluzzjonijiet sussegwenti.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ u terminazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   L-EUNAVFOR MED IRINI għandha tintemm fil-31 ta’ Marzu 2021.

3.   Din id-Deċiżjoni għandha titħassar mid-data tal-għeluq tal-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjoni tal-UE f’konformità mal-pjanijiet approvati għat-terminazzjoni tal-EUNAVFOR MED IRINI u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri rigward l-awditu u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-EUNAVFOR MED IRINI stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2015/528.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Marzu 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

A. METELKO-ZGOMBIĆ


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/778 tat-18 ta’ Mejju 2015 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA) (ĠU L 122 19.5.2015, p. 31).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1595 tas-26 ta’ Settembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA) (ĠU L 248, 27.9.2019, p. 73).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 tas-27 ta’ Marzu 2015 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża (Athena) u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/871/PESK (ĠU L 84, 28.3.2015, p. 39).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).