ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 088I

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
24 ta' Marzu 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/430 tat-23 ta’ Marzu 2020 dwar deroga temporanja mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ vvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni

1

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

24.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 88/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/430

tat-23 ta’ Marzu 2020

dwar deroga temporanja mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ vvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 240(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Minn meta faqqgħet il-kriżi epidemjoloġika kkawżata mill-coronavirus SARS-CoV-2, il-marda assoċjata magħha, il-COVID-19, bdiet tinfirex b’mod rapidu madwar id-dinja, u laħqet ukoll it-territorju tal-Unjoni. Minħabba ż-żieda mgħaġġla fl-għadd ta’ każijiet, fil-11 ta’ Marzu 2020 id-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) ikkwalifika lill-COVID-19 bħala pandemija. Fit-12 ta’ Marzu 2020, fid-dawl tal-eskalazzjoni rapida fir-Reġjun Ewropew tad-WHO, b’aktar minn 20 000 każ ikkonfermat u kważi 1000 imwiet, id-Direttur Reġjonali tad-WHO għall-Ewropa indika li l-Ewropa kienet saret l-epiċentru ta’ din il-pandemija.

(2)

Bħala konsegwenza, l-Istati Membri ħadu għadd ta’ miżuri straordinarji ta’ prevenzjoni u trażżin bħall-kwarantina, l-għeluq ta’ ħwienet mhux essenzjali, tal-iskejjel u tal-universitajiet, l-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ ħidma minn distanza kif ukoll restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq il-moviment u l-ivvjaġġar. Dawk il-miżuri jagħmlu impossibbli jew diffiċli ħafna li ċerti membri tal-Kunsill jivvjaġġaw bil-ħsieb li jkunu fiżikament preżenti għal-laqgħat tal-Kunsill miżmuma fis-sede tal-Kunsill. Dan imbagħad jagħmel diffiċli li jintlaħaq il-kworum meħtieġ mill-Artikolu 11(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (1), u b’konsegwenza ta’ dan isir diffiċli li l-Kunsill ikollu laqgħat formali.

(3)

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, u bil-għan li tiġi żgurata l-kontinwità istituzzjonali fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill, huwa neċessarju li ssir deroga temporanja mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill fir-rigward tad-deċiżjonijiet biex tintuża l-proċedura ordinarja bil-miktub. Matul il-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u matul dan il-perijodu biss, deċiżjoni biex tintuża l-proċedura ordinarja bil-miktub li tittieħed mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri (Coreper) jenħtieġ li tittieħed f’konformità mar-regola ta’ votazzjoni applikabbli għall-adozzjoni tal-att ikkonċernat tal-Kunsill. Din id-deroga għandha tapplika għal perijodu ta’ xahar, li jista’ jiġġedded.

(4)

L-użu tal-proċedura ordinarja bil-miktub bħala alternattiva għall-adozzjoni ta’ atti tal-Kunsill fil-laqgħat tal-Kunsill jenħtieġ li jkun ippreċedut minn tħejjija bir-reqqa fil-Coreper, u l-att tal-Kunsill ikkonċernat, fejn ikun possibbli u rilevanti, jenħtieġ li jkun soġġett għal diskussjoni politika minn qabel mill-ministri, pereżempju permezz ta’ vidjokonferenza informali, sabiex ikunu żgurati, sa fejn hu l-aktar possibbli, fost oħrajn, il-koordinazzjoni nazzjonali, it-trasparenza pubblika, u l-involviment tal-parlamenti nazzjonali f’konformità mal-prattiki tal-Istati Membri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill, deċiżjoni biex tintuża l-proċedura ordinarja bil-miktub, fejn dik id-deċiżjoni tittieħed mill-Coreper, għandha tittieħed f’konformità mar-regoli ta’ votazzjoni applikabbli għall-adozzjoni tal-att ikkonċernat tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-perijodu ta’ xahar mid-data tal-adozzjoni tagħha.

Jekk iġġustifikat minħabba kontinwazzjoni taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Kunsill jista’ jġedded din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Marzu 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

A. METELKO-ZGOMBIĆ


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).