ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 79

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
16 ta' Marzu 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni (UE) 2020/400 tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-11 ta’ Marzu 2020 li taħtar Avukat Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja

1

 

*

Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (PESK) 2020/401 tat-12 ta’ Marzu 2020 dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Forza tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja (Atalanta) u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2019/1988 (ATALANTA/1/2020)

2

 

 

REGOLI TA' PROĊEDURA

 

*

Deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija tal-Fondazzjoni Ewropea għat-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-20 ta’ Diċembru 2019 li tadotta regoli interni dwar restrizzjonijiet ta’ ċerti drittijiet ta’ suġġetti tad-data f’relazzjoni mal-ipproċessar ta’ data personali fil-qafas tal-funzjoni ta’ Eurofound

4

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1685 tal-4 ta’ Ottubru 2019 li jaħtar Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għat-Trattament Xieraq tal-Annimali għat-tjur u għal annimali żgħar oħra tar-razzett ( ĠU L 258, 9.10.2019 )

12

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

16.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 79/1


DEĊIŻJONI (UE) 2020/400 TAR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI

tal-11 ta’ Marzu 2020

li taħtar Avukat Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja

IR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 253 u 255 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikoli 7 u 8 tal-Protokoll (Nru 3) dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u wara l-mewt tas-Sur Yves BOT, jenħtieġ li jinħatar Avukat Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja għall-bqija tal-mandat tas-Sur Yves BOT, jiġifieri sas-6 ta' Ottubru 2024.

(2)

Is-Sur Jean RICHARD DE LA TOUR ġie nnominat għall-kariga li saret vakanti.

(3)

Il-kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 255 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ta opinjoni dwar l-idoneità tas-Sur Jean RICHARD DE LA TOUR sabiex jaqdi d-dmirijiet ta' Avukat Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-Sur Jean RICHARD DE LA TOUR huwa b'dan maħtur Avukat Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja għall-perijodu mit-23 ta' Marzu 2020 sas-6 ta' Ottubru 2024.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, fil-11 ta’ Marzu 2020.

Il-President

M. CLAUSS


16.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 79/2


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ (PESK) 2020/401

tat-12 ta’ Marzu 2020

dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Forza tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja (Atalanta) u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2019/1988 (ATALANTA/1/2020)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 38 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/851/PESK tal-10 ta’ Novembru 2008 dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ’l barra mix-xtut tas-Somalja (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 6(1) tal-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK, il-Kunsill awtorizza lill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Forza tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja (“Kmandant tal-Forza tal-UE”).

(2)

Fis-26 ta’ Novembru 2019, il-KPS adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/1988 (2) li taħtar lill-Komodor José VIZINHA MIRONES bħala l-Kmandant tal-Forza tal-UE.

(3)

Il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE rrakkomanda l-ħatra tal-Viċi Ammirall Ignacio VILLANUEVA SERRANO bħala l-Kmandant tal-Forza tal-UE l-ġdid mis-17 ta’ Marzu 2020.

(4)

Fil-21 ta’ Frar 2020, il-Kumitat Militari tal-UE appoġġa dik ir-rakkomandazzjoni.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2019/1988 titħassar.

(6)

F’konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet ta’ difiża,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Viċi Ammirall Ignacio VILLANUEVA SERRANO huwa b’dan maħtur Kmandant tal-Forza tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja (Atalanta) mis-17 ta’ Marzu 2020.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni (PESK) 2019/1988 hija mħassra.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fis-17 ta’ Marzu 2020.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Marzu 2020.

Għall-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà

Il-President

S. FROM-EMMESBERGER


(1)   ĠU L 301, 12.11.2008, p. 33.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (PESK) 2019/1988 tas-26 ta’ Novembru 2019 dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Forza tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi l barra mix-xtut tas-Somalja (Atalanta) u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2019/1245 (ATALANTA/4/2019) (ĠU L 308, 29.11.2019, p. 98).


REGOLI TA' PROĊEDURA

16.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 79/4


DEĊIŻJONI TAL-BORD TAT-TMEXXIJA TAL-FONDAZZJONI EWROPEA GĦAT-TITJIB TAL-KONDIZZJONIJIET TAL-ĦAJJA U TAX-XOGĦOL

tal-20 ta’ Diċembru 2019

li tadotta regoli interni dwar restrizzjonijiet ta’ ċerti drittijiet ta’ suġġetti tad-data f’relazzjoni mal-ipproċessar ta’ data personali fil-qafas tal-funzjoni ta’ Eurofound

IL-BORD TAT-TMEXXIJA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/127 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi l-Fondazzjoni Ewropea għat-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol (“Eurofound”), u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 24(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) tat-12 ta’ Diċembru 2019 u tal-Gwida tal-EDPS dwar Artikolu 25 tar-Regolament il-ġdid u regoli interni (3),

Billi:

(1)

L-Eurofound twettaq l-attivitajiet tagħha f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/127.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, ir-restrizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 22, 35 u 36, kif ukoll tal-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 22, għandhom ikunu bbażati fuq regoli interni li jridu jiġu adottati mill-Eurofound, fejn dawn ma jkunux ibbażati fuq atti legali adottati abbażi tat-Trattati.

(3)

Dawn ir-regoli interni, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar il-valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità ta’ restrizzjoni, ma għandhomx japplikaw fejn att legali adottat abbażi tat-Trattati jipprevedi restrizzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data.

(4)

Fejn l-Eurofound twettaq id-dmirijiet tagħha fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tqis jekk xi waħda mill-eżenzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament tapplikax.

(5)

Fil-qafas tal-funzjonament amministrattiv tagħha, l-Eurofound tista’ twettaq inkjesti amministrattivi, proċedimenti dixxiplinarji, twettaq attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrappurtati lill-OLAF, tipproċessa każijiet ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta, timplimenta proċeduri (formali u informali) ta’ fastidju, tipproċessa lmenti interni u esterni, twettaq awditi interni, twettaq investigazzjonijiet mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u investigazzjonijiet interni ta’ sigurtà (tal-IT) u tindirizza talbiet minn membri tal-persunal għal aċċess għall-fajl mediku tagħhom.

L-Eurofound tipproċessa diversi kategoriji ta’ data personali, inkluża hard data (data ‘oġġettiva’ bħal data ta’ identifikazzjoni, data ta’ kuntatt, data professjonali, dettalji amministrattivi, data riċevuta minn sorsi speċifiċi, komunikazzjoni elettronika u data dwar it-traffiku) u/jew soft data (data ‘suġġettiva’ relatata mal-każ bħal data dwar ir-raġunament, data komportamentali, valutazzjonijiet, data dwar il-prestazzjoni u l-imġiba u data relatata ma’ jew imressqa b’konnessjoni mas-suġġett tal-proċedura jew l-attività).

(6)

L-Eurofound, irrappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha, taġixxi bħala l-kontrollur (tad-data) irrispettivament minn delegazzjonijiet ulterjuri tar-rwol tal-kontrollur fl-Eurofound biex jiġu riflessi r-responsabbiltajiet operazzjonali għal operazzjonijiet tal-ipproċessar speċifiċi tad-data personali.

(7)

Id-data personali tinħażen b’mod sigur f’ambjent elettroniku jew fuq il-karta filwaqt li jiġu evitati l-abbuż jew l-aċċess illegali minn jew it-trasferiment ta’ data lil persuni li ma jkollhomx ħtieġa ta’ tagħrif. Il-fajls mediċi jinħażzu minn fornitur estern tas-servizzi użat mill-Eurofound. Id-data personali pproċessata ma tinżammx għal aktar żmien milli jkun meħtieġ u xieraq għall-finijiet li għalihom tiġi pproċessata d-data għall-perjodu speċifikat fl-avviżi dwar il-protezzjoni tad-data jew ir-rekords tal-Eurofound.

(8)

Dawn ir-regoli interni għandhom japplikaw għall-operazzjonijiet tal-ipproċessar kollha mwettqa mill-Eurofound fit-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi, proċedimenti dixxiplinarji, attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrappurtati lill-OLAF, proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta, proċeduri (formali u informali) għal każijiet ta’ fastidju, l-ipproċessar ta’ lmenti interni u esterni, awditi interni, investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725, investigazzjonijiet ta’ sigurtà (tal-IT) ġestiti internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE) u l-ġestjoni ta’ talbiet minn membri tal-persunal għal aċċess għall-fajls mediċi tagħhom.

(9)

Dawn ir-regoli interni għandhom japplikaw għal operazzjonijiet tal-ipproċessar imwettqa qabel il-ftuħ tal-proċeduri msemmija hawn fuq, matul dawn il-proċeduri u matul il-monitoraġġ tas-segwitu għall-eżitu ta’ dawn il-proċeduri. Għandhom jinkludu wkoll l-assistenza u l-kooperazzjoni pprovduti mill-Eurofound lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali barra mill-investigazzjonijiet amministrattivi tagħha.

(10)

Fil-każijiet fejn japplikaw dawn ir-regoli interni, l-Eurofound għandha tipprovdi ġustifikazzjonijiet fejn tispjega għalfejn ir-restrizzjonijiet huma strettament neċessarji u proporzjonali f’soċjetà demokratika u jirrispettaw l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

(11)

F’dan il-qafas, l-Eurofound għandha obbligu li tirrispetta, kemm jista’ jkun possibbli, id-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data matul il-proċeduri ta’ hawn fuq, b’mod partikolari, dawk relatati mad-dritt ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lid-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data mis-suġġett tad-data, drittijiet tas-suġġett tad-data għar-rettifika, it-tħassir u r-restrizzjoni tal-ipproċessar u d-drittijiet ta’ komunikazzjoni ta’ ksur tad-data personali lis-suġġett tad-data u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kif stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1725.

(12)

Madankollu, l-Eurofound tista’ tkun obbligata tirrestrinġi d-dritt ta’ informazzjoni għas-suġġett tad-data u d-drittijiet l-oħra tas-suġġett tad-data, biex, b’mod partikolari, tipproteġi l-investigazzjonijiet tagħha stess, l-investigazzjonijiet u l-proċedimenti ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra, kif ukoll id-drittijiet ta’ persuni oħra involuti fl-investigazzjonijiet jew fil-proċeduri l-oħra tagħha.

(13)

Perjodikament, l-Eurofound għandha timmonitorja jekk il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni jkomplux japplikaw u għandha tneħħi r-restrizzjoni malli dawn ma jkunux għandhom japplikaw.

(14)

Il-kontrullur għandu jinforma lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data fil-mument meta r-restrizzjoni tiġi applikata u waqt rieżamijiet sussegwenti u tinvolvih/a matul il-proċedura kollha sakemm ir-restrizzjoni titneħħa.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli relatati mal-kundizzjonijiet li taħthom l-Eurofound tista’ tirrestrinġi l-applikazzjoni tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 14 sa 21, 35 u 36, kif ukoll l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/1725 fil-kuntest tal-proċeduri stipulati fil-paragrafu 2 f’konformità mal-Artikolu 25 ta’ dak ir-Regolament.

2.   Fi ħdan il-qafas tal-funzjoni amministrattiva tal-Eurofound, din id-Deċiżjoni tapplika għall-operazzjonijiet tal-ipproċessar mwettqa mill-Eurofound għall-iskop tat-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi, proċedimenti dixxiplinarji, attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrappurtati lill-OLAF, l-ipproċessar ta’ każijiet ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta, l-implimentazzjoni ta’ proċeduri (formali u informali) għal każijiet ta’ fastidju, l-ipproċessar ta’ lmenti interni u estern, it-twettiq ta’ awditi interni, investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u investigazzjonijiet ta’ sigurtà (tal-IT) ġestiti internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE) u l-ġestjoni ta’ talbiet minn membri tal-persunal għal aċċess għall-fajls mediċi tagħhom.

3.   Il-kategoriji ta’ data kkonċernati huma hard data (data‘oġġettiva’ bħal data ta’ identifikazzjoni, data ta’ kuntatt, data professjonali, dettalji amministrattivi, data riċevuta minn sorsi speċifiċi, komunikazzjonijiet elettroniċi u data dwar it-traffiku) u/jew soft data (data‘suġġettiva’ relatata mal-każ bħal data dwar ir-raġunament, data komportamentali, valutazzjonijiet, data relatata mal-prestazzjoni u l-imġiba u data relatata ma’ jew imressqa b’konnessjoni mas-suġġett tal-proċedura jew l-attività).

4.   Fejn l-Eurofound twettaq id-dmirijiet tagħha fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tqis jekk xi waħda mill-eżenzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament tapplikax.

5.   Soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’din id-Deċiżjoni, ir-restrizzjonijiet jistgħu japplikaw għad-drittijiet li ġejjin: id-dritt ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lis-suġġett tad-data, id-dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data, id-drittijiet tas-suġġett tad-data għar-rettifika, t-tħassir u r-restrizzjoni tal-ipproċessar u d-drittijiet għall-komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

Artikolu 2

Speċifikazzjoni tal-kontrollur u tas-salvagwardji

1.   L-Eurofound ser tistabbilixxi is-salvagwardji li ġejjin sabiex tipprevjeni abbuż jew aċċess jew trasferiment illegali:

(a)

Id-dokumenti tal-karti għandhom jinżammu f’armarji siguri u għandhom ikunu aċċessibbli għall-persunal awtorizzat biss;

(b)

Id-data elettronika kollha għandha tinħażen f’applikazzjoni tal-IT sigura skont l-istandards ta’ sigurtà tal-Eurofound, kif ukoll f’folders elettroniċi speċifiċi li jkunu aċċessibbli għall-persunal awtorizzat biss. Livelli ta’ aċċess xierqa għandhom jingħataw b’mod individwali;

(c)

L-ambjent tal-IT tal-Eurofound għandu jkun aċċessibbli permezz ta’ sistema ta’ aċċess uniku u għandu jkun konness awtomatikament mal-ID u l-password tal-utent. Ir-rekords elettroniċi għandhom jinżammu b’mod sigur biex jiġu salvagwardjati l-kunfidenzjalità u l-privatezza tad-data li jinkludu;

(d)

Il-persuni kollha li jkollhom aċċess għad-data ser jiġu marbuta bl-obbligu ta’ kunfidenzjalità;

(e)

Il-fornitur estern tas-servizzi li jaħżen il-fajls mediċi ser jiġi marbut minn klawżoli kuntrattwali dwar il-kunfidenzjalità u l-ipproċessar tad-data personali.

2.   Il-kontrollur tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar huwa l-Eurofound, irrappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha, li jista’ jiddelega l-funzjoni tal-kontrollur. Is-suġġetti tad-data għandhom jiġu infurmati dwar il-kontrollur iddelegat permezz ta’ avviżi dwar il-protezzjoni tad-data jew ta’ rekords ippubblikati fuq is-sit web u l-intranet tal-Eurofound.

3.   Il-perjodu ta’ żamma tad-data personali msemmi fl-Artikolu 1(3) ta’ din id-Deċiżjoni ma għandux ikun itwal milli meħtieġ u xieraq għall-finijiet li għalihom tiġi pproċessata d-data. Fi kwalunkwe każ, dan ma għandux ikun itwal mill-perjodu ta’ żamma speċifikat fl-avviżi dwar il-protezzjoni tad-data jew fir-rekords imsemmija fl-Artikolu 3(3) ta’ din id-Deċiżjoni.

4.   Fejn l-Eurofound tqis li tapplika restrizzjoni, ir-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data għandhom jitqabblu, b’mod partikolari, mar-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ suġġetti tad-data oħra u mar-riskju li tiddgħajjef l-effettività tal-investigazzjonijiet jew il-proċeduri tal-Eurofound, b’mod partikolari billi tinqered xi evidenza. Ir-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jikkonċernaw primarjament ir-riskji għar-reputazzjoni u r-riskji għad-dritt tad-difiża u d-dritt li jiġi mismugħ, iżda mhumiex limitati għalihom.

Artikolu 3

Restrizzjonijiet

1.   Kwalunkwe restrizzjoni ser tiġi applikata biss mill-Eurofound abbażi ta’ raġuni waħda jew aktar elenkati fil-punti (a) sa (i) tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725. B’mod partikolari, fil-kuntest tal-finijiet tal-ipproċessar tad-data personali indikata fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-Deċiżjoni, ir-restrizzjonijiet jistgħu jkunu bbażati fuq ir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

għat-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi u proċedimenti dixxiplinarji, ir-restrizzjonijiet jistgħu jkunu bbażati fuq l-punti (b), (c), (g) u (h) tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(b)

għal attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrappurtati lill-OLAF, ir-restrizzjonijiet jistgħu jkunu bbażati fuq l-punti (b), (c), (f), (g) u (h) tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(c)

għal proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta, ir-restrizzjonijiet jistgħu jkunu bbażati fuq l-punti (b), (c), (f), (g) u (h) tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(d)

għal proċeduri (formali u informali) għal każijiet ta’ fastidju, ir-restrizzjonijiet jistgħu jkunu bbażati fuq l-punti (b), (f), (h) u (i) tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(e)

għal ipproċessar ta’ lmenti interni u esterni, ir-restrizzjonijiet jistgħu jkunu bbażati fuq l-punti (c), (e), (g) u (h) tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(f)

għal awditi interni, ir-restrizzjonijiet jistgħu jkunu bbażati fuq l-punti (c), (g) u (h) tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(g)

għal investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725, ir-restrizzjonijiet jistgħu jkunu bbażati fuq l-punti (c), (g) u (h) tal-Artikolu 25(1) ta’ dak ir-Regolament;

(h)

għal investigazzjonijiet ta’ sigurtà (tal-IT) ġestiti internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE), ir-restrizzjonijiet jistgħu jkunu bbażati fuq l-punti (c), (d), (g) u (h) tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(i)

għall-ġestjoni ta’ talbiet minn membri tal-persunal għal aċċess għall-fajls mediċi tagħhom, ir-restrizzjonijiet jistgħu jkunu bbażati fuq l-punt (h) tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

2.   Bħala applikazzjoni speċifika tal-iskopijiet deskritti fil-paragrafu 1 hawn fuq, l-Eurofound tista’ tapplika restrizzjonijiet fuq id-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 1(5) ta’ din id-Deċiżjoni fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

(a)

fejn istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni oħrajn huma intitolati li jirrestrinġu l-eżerċitar ta’ dawn id-drittijiet fuq il-bażi ta’ atti oħrajn previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jew f’konformità ma’ Kapitolu IX ta’ dak ir-Regolament jew mal-atti fundaturi tagħhom u l-iskop ta’ tali restrizzjoni minn dik l-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni tkun ipperikolata jekk l-Eurofound ma tapplikax restrizzjoni ekwivalenti fir-rigward tal-istess data personali;

(b)

fejn l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru hija intitolata li tirrestrinġi l-eżerċitar ta’ dawn id-drittijiet abbażi ta’ atti previsti fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jew taħt miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 13(3), 15(3) jew 16(3) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u l-iskop ta’ tali restrizzjoni minn dik l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tkun ipperikolata jekk l-Eurofound ma tapplikax restrizzjoni ekwivalenti fir-rigward tal-istess data personali;

(c)

fejn l-eżerċitar ta’ dawn id-drittijiet u l-obbligi jista’ jipperikola l-kooperazzjoni tal-Eurofound ma’ pajjiżi terzi jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali fil-prestazzjoni tal-kompiti tagħha.

Qabel tapplika restrizzjonijiet fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, l-Eurofound għandha tikkonsulta l-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċju jew l-aġenzija jew l-awtorità kompetenti rilevanti tal-Unjoni, ta’ Stat Membru sakemm ma jkunx ċar għall-Eurofound li l-applikazzjoni ta’ restrizzjoni tkun prevista minn wieħed mill-atti msemmija f’dawk il-punti.

3.   L-Eurofound għandha tinkludi fl-avviżi jew rekords dwar il-protezzjoni tad-data skont it-tifsira tal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2018/1725, ippubblikati fuq is-sit web u fuq l-intranet tagħha, fejn tinforma lis-suġġetti tad-data dwar id-drittijiet tagħhom fil-qafas ta’ proċedura partikolari, informazzjoni relatata mar-restrizzjoni potenzjali ta’ dawn id-drittijiet. L-informazzjoni għandha tindika liema drittijiet jistgħu jiġu ristretti, ir-raġunijiet u d-durata potenzjali.

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2), l-Eurofound, fejn proporzjonali, għandha tinforma individwalment ukoll lis-suġġetti tad-data kollha, li jitqiesu bħala persuni kkonċernati fl-operazzjoni tal-ipproċessar speċifika, dwar id-drittijiet tagħhom rigward restrizzjonijiet preżenti jew fil-futur, u dan mingħajr dewmien żejjed u bil-miktub.

4.   Kwalunkwe restrizzjoni għandha tkun neċessarja u proporzjonali, filwaqt li jitqiesu r-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data u tiġi rrispettata l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali f’soċjetà demokratika.

5.   Jekk titqies l-applikazzjoni ta’ restrizzjoni, għandu jitwettaq test tan-neċessità u tal-proporzjonalità fuq il-bażi tar-regoli preżenti. Dan għandu jiġi ddokumentat każ b’każ permezz ta’ nota ta’ valutazzjoni interna għall-finijiet ta’ responsabbiltà.

6.   Ir-restrizzjonijiet għandhom jitneħħew hekk kif iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikawhom ma jibqgħux japplikaw, b’mod partikolari, fejn ikun meqjus li l-eżerċitar tad-dritt ristrett ma jibqax iħassar l-effett tar-restrizzjoni imposta jew jaffettwa b’mod negattiv id-drittijiet jew il-libertajiet ta’ suġġetti tad-data oħra.

Artikolu 4

Rieżami mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data

1.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Eurofound (‘l-UPD’) ser jiġi infurmat mingħajr dewmien żejjed kull meta l-kontrullur jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data, jew jestendi r-restrizzjoni, f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Il-kontrollur għandu jipprovdi lill-UPD bl-aċċess għar-rekord li jinkludi l-valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni, u jiddokumenta fir-rekord id-data li fiha jinforma lill-UPD. L-UPD ser jiġi involut matul il-proċedura kollha sakemm ir-restrizzjoni titneħħa.

2.   L-UPD jista’ jitlob bil-miktub li l-kontrollur jirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet. Il-kontrollur għandu jinforma lill-UPD bil-miktub dwar l-eżitu tar-rieżami mitlub.

3.   Il-kontrollur għandu jinforma lill-UPD meta tkun tneħħiet ir-restrizzjoni.

Artikolu 5

Restrizzjoni tad-dritt għall-informazzjoni li għandu jiġi pprovdut lis-suġġett tad-data

1.   F’każijiet iġġustifikati kif xieraq u skont il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-Deċiżjoni, id-dritt għall-informazzjoni li għandu jiġi pprovdut lis-suġġett tad-data jista’ jiġi ristrett mill-kontrollur fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar li ġejjin:

(a)

it-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi u proċedimenti dixxiplinarji;

(b)

attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrappurtati lill-OLAF;

(c)

proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta;

(d)

proċeduri (formali u informali) għal każijiet ta’ fastidju;

(e)

l-ipproċessar ta’ lmenti interni u esterni;

(f)

awditi interni;

(g)

l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(h)

investigazzjonijiet ta’ sigurtà (tal-IT) ġestiti internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE).

2.   Fejn l-Eurofound tirrestrinġi, kompletament jew parzjalment, id-dritt għall-informazzjoni li għandu jiġi pprovdut lis-suġġetti tad-data msemmi fl-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni, il-bażi/bażijiet ġuridika/ġuridiċi f’konformità mal-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni, inkluża valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni.

Ir-rekord u, fejn applikabbli, id-dokumenti li jinkludu l-elementi fattwali u legali

sottostanti għandhom jiġu rreġistrati. Dawn għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq talba.

3.   Ir-restrizzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkompli tapplika dment li jibqgħu applikabbli r-raġunijiet li jiġġustifikawha.

Fejn ir-raġunijiet għar-restrizzjoni ma jibqgħux japplikaw, l-Eurofound għandha tipprovdi informazzjoni lis-suġġett tad-data dwar ir-raġunijiet prinċipali li fuqhom tkun ibbażata l-applikazzjoni ta’ restrizzjoni. Fl-istess ħin, l-Eurofound għandha tinforma lis-suġġett tad-data dwar id-dritt li jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data f’kull ħin, jew li jfittex rimedju ġudizzjarju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-“Qorti tal-Ġustizzja”).

L-Eurofound għandha tirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjoni kull sitt xhur mill-adozzjoni tagħha u mal-għeluq tal-inkjesta, il-proċedura jew l-investigazzjoni rilevanti. Imbagħad, kull sitt xhur, il-kontrollur għandu jimmonitorja l-ħtieġa li tinżamm kwalunkwe restrizzjoni. It-test tan-neċessità u tal-proporzjonalità msemmi fl-Artikolu 3(5) ser jitwettaq ukoll fil-kuntest ta’ kull rieżami perjodiku, wara valutazzjoni ta’ jekk ir-raġunijiet fattwali u legali għal restrizzjoni għadhomx japplikaw.

Artikolu 6

Restrizzjoni tad-dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data

1.   F’każijiet iġġustifikati kif xieraq u skont il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-Deċiżjoni, id-dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data jista’ jiġi ristrett mill-kontrollur fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar li ġejjin, fejn ikun neċessarju u proporzjonali:

(a)

it-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi u proċedimenti dixxiplinarji;

(b)

attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrappurtati lill-OLAF;

(c)

proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta;

(d)

proċeduri (formali u informali) għal każijiet ta’ fastidju;

(e)

l-ipproċessar ta’ lmenti interni u esterni;

(f)

awditi interni;

(g)

l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(h)

investigazzjonijiet ta’ sigurtà (tal-IT) ġestiti internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE).

(i)

ġestjoni ta’ talbiet minn membri tal-persunal għal aċċess għall-fajls mediċi tagħhom.

Fejn is-suġġetti tad-data jitolbu aċċess għad-data personali tagħhom ipproċessata fil-kuntest ta’ każ speċifiku wieħed jew aktar, jew għal operazzjoni tal-ipproċessar partikolari, f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-Eurofound għandha tillimita l-valutazzjoni tagħha tat-talba għal tali data personali biss.

2.   Fejn l-Eurofound tirrestrinġi, kompletament jew parzjalment, id-dritt ta’ aċċess imsemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tieħu l-passi li ġejjin:

(a)

fit-tweġiba tagħha għat-talba, hija għandha tinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat dwar ir-restrizzjoni applikata u dwar ir-raġunijiet prinċipali għaliha, u dwar il-possibbiltà li jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew li jfittex rimedju ġudizzjarju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja;

(b)

f’nota ta’ valutazzjoni interna, hija għandha tiddokumenta r-raġunijiet għar-restrizzjoni, inkluża valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni, u d-durata tagħha.

Ir-restrizzjonijiet imposti fuq id-dritt ta’ aċċess ta’ membri tal-persunal għall-fajls mediċi tagħhom ser tikkonċerna biss talbiet għal aċċess dirett minn membri tal-persunal għal data medika ta’ natura psikoloġika jew psikjatrika fejn valutazzjoni magħmula fuq bażi ta’ każ b’każ tiżvela li aċċess indirett huwa neċessarju għall-protezzjoni tas-suġġett tad-data. Aċċess għal tali data ser jingħata permezz ta’ tabib maħtur mis-suġġett tad-data kkonċernat. It-tabib tal-għażla tas-suġġett tad-data ser jingħata aċċess għall-informazzjoni u s-setgħa diskrezzjonali kollha biex jiddeċiedi kif u liema aċċess jiġi pprovdut lis-suġġett tad-data.

Il-forniment ta’ informazzjoni msemmi fil-punt (a) jista’ jiġi differit, jitħalla barra jew jiġi miċħud, jekk dan iħassar l-effett tar-restrizzjoni f’konformità mal-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

L-Eurofound għandha tirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjoni kull sitt xhur mill-adozzjoni tagħha u mal-għeluq tal-inkjesta, il-proċedura jew l-investigazzjoni rilevanti. Imbagħad, kull sitt xhur, il-kontrollur għandu jimmonitorja l-ħtieġa li tinżamm kwalunkwe restrizzjoni. It-test tan-neċessità u tal-proporzjonalità msemmi fl-Artikolu 3(5) ser jitwettaq ukoll fil-kuntest ta’ kull rieżami perjodiku, wara valutazzjoni ta’ jekk ir-raġunijiet fattwali u legali għal restrizzjoni għadhomx japplikaw.

3.   Għandhom jiġu rreġistrati r-rekord u, fejn applikabbli, id-dokumenti li jinkludu l-elementi fattwali u legali sottostanti. Dawn għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq talba.

Artikolu 7

Restrizzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data għal rettifika, tħassir u restrizzjoni ta’ pproċessar

1.   F’każijiet iġġustifikati kif xieraq u skont il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-Deċiżjoni, id-drittijiet tas-suġġett tad-data għal rettifika, tħassir u restrizzjoni ta’ pproċessar jista’ jiġi ristrett mill-kontrollur fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar li ġejjin, fejn ikun neċessarju u xieraq:

(a)

it-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi u proċedimenti dixxiplinarji;

(b)

attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrappurtati lill-OLAF;

(c)

proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta;

(d)

proċeduri (formali u informali) għal każijiet ta’ fastidju;

(e)

l-ipproċessar ta’ lmenti interni u esterni;

(f)

awditi interni;

(g)

l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(h)

investigazzjonijiet ta’ sigurtà (tal-IT) ġestiti internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE).

2.   Fejn l-Eurofound tirrestrinġi, kompletament jew parzjalment, l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data għal rettifika, tħassir u restrizzjoni tal-ipproċessar imsemmi fl-Artikoli 18, 19(1) u 20(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 rispettivament, hija għandha tieħu l-passi stipulati fl-Artikolu 6(2) ta’ din id-Deċiżjoni u tirreġistra r-rekord f’konformità mal-Artikolu 6(3) tagħha.

Artikolu 8

Restrizzjoni tad-drittijiet għall-komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi

1.   F’każijiet iġġustifikati kif xieraq u taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-Deċiżjoni, id-dritt għal komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data jista’ jiġi ristrett mill-kontrollur fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar li ġejjin, fejn ikun neċessarju u xieraq:

(a)

it-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi u proċedimenti dixxiplinarji;

(b)

attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrappurtati lill-OLAF;

(c)

proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta;

(d)

l-ipproċessar ta’ lmenti interni u esterni;

(e)

awditi interni;

(f)

l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(g)

investigazzjonijiet ta’ sigurtà (tal-IT) ġestiti internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE).

2.   F’każijiet iġġustifikati kif xieraq u taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-Deċiżjoni, id-dritt ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jista’ jiġi ristrett mill-kontrollur fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar li ġejjin, fejn ikun neċessarju u xieraq:

(a)

it-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi u proċedimenti dixxiplinarji;

(b)

attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrappurtati lill-OLAF;

(c)

proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta;

(d)

proċeduri formali għal każijiet ta’ fastidju;

(e)

l-ipproċessar ta’ lmenti interni u esterni;

(f)

investigazzjonijiet ta’ sigurtà (tal-IT) ġestiti internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE).

3.   Fejn l-Eurofound tirrestrinġi d-dritt għal komunikazzjoni ta’ ksur tad-data personali lis-suġġett tad-data jew kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi msemmija fl-Artikoli 35 u 36 tar-Regolament (UE) 2018/1725 rispettivament, hija għandha tirrekordja u tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni f’konformità mal-Artikolu 5(2) ta’ din id-Deċiżjoni. Għandu japplika wkoll l-Artikolu 5(3) ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak li fih tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul f’Dublin, l-20 ta’ Diċembru 2019.

Għal Eurofound

Aviana BULGARELLI

President tal-Bord tat-Tmexxija


(1)  . ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.

(2)  . ĠU L 30, 31.1.2019, p. 74.

(3)  . https://edps.europa.eu/sites/edp/files/publication/18-12-20_guidance_on_article_25_en.pdf

(4)  . Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(5)  . Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali minn awtoritajiet kompetenti għall-iskopijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).


Rettifika

16.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 79/12


Rettifika għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1685 tal-4 ta’ Ottubru 2019 li jaħtar Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għat-Trattament Xieraq tal-Annimali għat-tjur u għal annimali żgħar oħra tar-razzett

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 258 tad-9 ta’ Ottubru 2019 )

Fil-paġna 11, fil-Premessa (3), u fil-paġna 12, fl-Artikolu 1(1),

minflok:

“Agence Nationale de Sécurité Sanitaire de l’Alimentation (France)”,

aqra:

“Agence Nationale de Sécurité Sanitaire de l’Alimentation, de l’Environnement et du Travail (France)”.