ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 73

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
10 ta' Marzu 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/386 tad-9 ta’ Marzu 2020 li jemenda l-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE fir-rigward tal-lista ta’ pajjiżi terzi jew ta’ partijiet minnhom minn fejn hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni tal-prodotti tal-laħam u dawk tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati, u li jemenda l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 fir-rigward tal-lista ta’ pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom minn fejn hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ laħam frisk ( 1 )

1

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/387 tad-9 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 321/2013, (UE) Nru 1302/2014 u (UE) 2016/919 fir-rigward tal-estensjoni taż-żona tal-użu u l-fażijiet tat-tranżizzjoni ( 1 )

6

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/388 tas-6 ta’ Marzu 2020 li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 90/428/KEE fir-rigward tad-derogi mir-regoli tal-kompetizzjonijiet ekwestri u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/712/KE fir-rigward tar-referenzi għal-leġislazzjoni żooteknika (notifikata bid-dokument C(2020) 1269)  ( 1 )

19

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

10.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 73/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/386

tad-9 ta’ Marzu 2020

li jemenda l-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE fir-rigward tal-lista ta’ pajjiżi terzi jew ta’ partijiet minnhom minn fejn hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni tal-prodotti tal-laħam u dawk tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati, u li jemenda l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 fir-rigward tal-lista ta’ pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom minn fejn hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ laħam frisk

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b’mod partikolari l-frażi introduttorja tal-Artikolu 8, l-ewwel subparagrafu tal-punt (1) tal-Artikolu 8, il-punt (4) tal-Artikolu 8, u l-Artikolu 9(4)(c) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE (3) tistabbilixxi, inter alia, il-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika għall-importazzjoni fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ ċerti prodotti tal-laħam u tal-istonku, ta’ bżieżaq tal-awrina u ta’ msaren ittrattati li għaddew minn wieħed mit-trattamenti stipulati fil-Parti 4 tal-Anness II tagħha (“il-prodotti bażiċi”). Barra minn hekk, il-Parti 3 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi jew ta’ partijiet minnhom minn fejn hija awtorizzata l-importazzjoni fl-Unjoni tal-biltong/jerky u tal-prodotti tal-laħam pasturizzat, diment li jkun sarilhom wieħed mit-trattamenti msemmija fil-Parti 4 ta’ dak l-Anness.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 (4) jistabbilixxi, inter alia, ir-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ laħam frisk tal-annimali ungulati. Il-Parti 1 tal-Anness II ta’ dak ir-Regolament tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom minn fejn dawn il-kunsinni jistgħu jiġu importati fl-Unjoni, kif ukoll il-kundizzjonijiet speċifiċi għall-introduzzjoni ta’ dawk il-kunsinni minn ċerti pajjiżi terzi.

(3)

Ċerti partijiet tal-Afrika t’Isfel huma elenkati fil-Partijiet 1 u 3 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE bħala awtorizzati għall-importazzjoni fl-Unjoni tal-prodotti bażiċi u tal-biltong rispettivament.

(4)

Ċerti partijiet tal-Afrika t’Isfel huma wkoll elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 bħala awtorizzati għall-importazzjoni fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ laħam frisk ta’ ċerti annimali ungulati domestiċi u selvaġġi, minbarra l-annimali ekwini. Madankollu, l-importazzjonijiet ta’ laħam frisk minn dawk l-ispeċijiet ilhom sospiżi mill-2011 minħabba s-sitwazzjoni tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fiż-żona

(5)

Id-Deċiżjoni 2007/777/KE u r-Regolament (UE) Nru 206/2010 jirrikonoxxu r-reġjonalizzazzjoni ta’ pajjiżi terzi. Id-deskrizzjoni ta’ parti mit-territorju tal-Afrika ta’ Isfel, bil-kodiċi “ZA-1”, kif emendata mill-awtoritajiet tal-Afrika t’Isfel wara tifqigħa tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-2011, li ssir referenza għaliha f’dawk iż-żewġ atti, ma għadhiex preċiża.

(6)

L-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/163/UE (5) jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li l-pjanijiet tagħhom għall-monitoraġġ ta’ gruppi ta’ residwi u sustanzi fl-annimali u fil-prodotti tal-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem ġew approvati mill-Kummissjoni. L-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-Afrika t’Isfel ta’ prodotti tal-laħam mill-ispeċijiet kollha tal-annimali, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tal-laħam tal-kaċċa slavaġ, mhumiex permessi skont dik id-Deċiżjoni, billi l-Afrika t’Isfel ma għandhiex pjan approvat.

(7)

Fi Frar 2017, twettaq awditu mill-Kummissjoni fl-Afrika t’Isfel sabiex tiġi evalwata s-sistema ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali fis-seħħ f’dak il-pajjiż terz, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontrolli li jikkonċernaw il-marda tal-ilsien u d-dwiefer (“l-awditu tal-Kummissjoni tal-2017”). Il-Kummissjoni sabet li, għalkemm is-sistema ta’ kontroll li tirregola l-produzzjoni tal-prodotti bażiċi koperti mill-awditu tista’, fil-prinċipju, tipprovdi garanziji adegwati li dawn huma prodotti f’konformità mar-rekwiżiti rilevanti tal-Unjoni, l-effettività tagħha hija mdgħajfa mill-problemi osservati fl-implimentazzjoni tagħha, b’mod partikolari rigward it-twettiq tal-kontrolli uffiċjali u d-diffikultajiet tal-persunal. Barra minn hekk, ir-regoli u l-prinċipji ta’ ċertifikazzjoni joffru, b’mod ġenerali, garanziji ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni, iżda n-nuqqasijiet osservati fl-implimentazzjoni tagħhom jikkompromettu l-affidabbiltà tagħhom u l-garanziji dwar xi wħud mid-dikjarazzjonijiet iffirmati fiċ-ċertifikati għall-importazzjoni fl-Unjoni.

(8)

Billi l-importazzjonijiet ta’ laħam frisk u prodotti tal-laħam ta’ annimali ungulati mill-Afrika t’Isfel mhumiex permessi skont id-Deċiżjoni 2011/163/UE, u filwaqt li jitqiesu s-sejbiet tal-awditu tal-Kummissjoni tal-2017, u b’mod partikolari n-nuqqas ta’ garanziji dwar il-kontrolli uffiċjali għall-marda tal-ilsien u d-dwiefer, u biex jinżammu ċ-ċarezza u l-konsistenza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-entrata “ZA-1” li tkopri parti mit-territorju tal-Afrika t’Isfel jenħtieġ li titħassar mill-entrata tal-Afrika t’Isfel fil-Partijiet 1 u 3 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE u mil-lista ta’ pajjiżi terzi awtorizzati għall-importazzjoni ta’ laħam frisk tal-annimali ungulati fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010.

(9)

Wara l-faċilitazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), Ateni u Skopje laħqu ftehim bilaterali (“Il-Ftehim ta’ Prespa”) f’Ġunju 2018, biex jibdlu r-referenza proviżorja tan-NU għall-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Dan il-ftehim issa ġie ratifikat miż-żewġ pajjiżi u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq innotifikat formalment lill-UE dwar id-dħul fis-seħħ tiegħu.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE u l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 jiġu emendati skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Marzu 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(2)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE tad-29 ta’ Novembru 2007 tistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika kif ukoll il-mudelli taċ-ċertifikati għall-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-laħam u tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi terzi u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2005/432/KE (ĠU L 312, 30.11.2007, p. 49)

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 tat-12 ta’ Marzu 2010 li jistabbilixxi listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ annimali partikulari u laħam frisk u r-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/163/UE tas-16 ta’ Marzu 2011 dwar l-approvazzjoni tal-pjanijiet sottomessi mill-pajjiżi terzi skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE (ĠU L 70, 17.3.2011, p. 40).


ANNESS I

L-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE huwa emendat kif ġej:

(1)

Fil-Parti 1, fl-entrata għall-Afrika t’Isfel, titħassar ir-ringiela għat-territorju ZA-1;

(2)

Il-Parti 2 hija emendata kif ġej:

(a)

l-entrata għall-Eks-Repubblika Jugoslava tal- Maċedonja hija sostitwita bl-entrata li ġejja għall-Maċedonja ta’ Fuq:

“MK

Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq

A

A

B

A

A

XXX

A

B

B

XXX

A

XXX

XXX”

(b)

titħassar in-nota f’qiegħ il-paġna (**) li tikkorrispondi għall-entrata għall-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja;

(3)

Fil-Parti 3, fl-entrata għall-Afrika t’Isfel, titħassar ir-ringiela għat-territorju ZA-1.


ANNESS II

Il-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 hija emendata kif ġej:

fl-entrata għal ZA, titħassar ir-ringiela għat-territorju ZA-1.


10.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 73/6


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/387

tad-9 ta’ Marzu 2020

li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 321/2013, (UE) Nru 1302/2014 u (UE) 2016/919 fir-rigward tal-estensjoni taż-żona tal-użu u l-fażijiet tat-tranżizzjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(11) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 54(2) u (3) tad-Direttiva (UE) 2016/797, il-vetturi awtorizzati għat-tqegħid fis-servizz qabel il-15 ta’ Ġunju 2016 għandhom jirċievu awtorizzazzjoni ġdida għat-tqegħid fis-suq f’konformità mal-Artikolu 21 ta’ dik id-Direttiva qabel ma jkunu jistgħu jitħaddmu fuq xi netwerk wieħed jew aktar li ma jkunx/jkunux kopert(i) mill-awtorizzazzjoni inizjali tagħhom. Għalhekk, dawn il-vetturi jeħtieġ jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà (it-TSIs) fis-seħħ jew inkella jkunu intitolati biex ma japplikawx dawk it-TSIs skont l-Artikolu 7(1) ta’ dik id-Direttiva. Fl-istess ħin, wieħed mill-objettivi tad-Direttiva (UE) 2016/797 hu s-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-vetturi. Għal dan il-għan, il-klawżola 7.6.1 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 321/2013 (2) u l-klawżola 7.5.2.3 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1302/2014 (3) jitolbu l-iżvilupp ta’ dispożizzjonijiet ta’ flessibbiltà fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti tat-TSIs. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jistabbilixxu liema livell ta’ flessibbiltà jista’ jingħata f’każ ta’ estensjoni taż-żona tal-użu tal-vetturi mqiegħda fis-servizz qabel il-15 ta’ Ġunju 2016, filwaqt li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti essenzjali, jinżamm il-livell xieraq tas-sikurezza, u li dan jittejjeb meta jkun raġonevolment prattikabbli. Għalhekk dawk ir-Regolamenti jenħtieġ jiġu emendati skont dan. Id-dispożizzjoni relatata mal-“estensjoni taż-żona tal-użu” tkopri wkoll il-każ ta’ vetturi li jeħtieġu modifiki biex tiġi żgurata l-kompatibbiltà teknika man-netwerk(s) il-ġdid/ġodda; f’dak il-każ, il-partijiet tal-vettura li ma jinbidlux jibqgħu validati skont l-awtorizzazzjoni preċedenti. Ir-restrizzjonijiet u l-limitazzjonijiet tal-awtorizzazzjoni preċedenti jibqgħu japplikaw. Għall-istess raġunijiet, jenħtieġ li din il-kjarifika tingħata wkoll għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 (4).

(2)

Fost il-korpi notifikati u l-entitajiet awtorizzanti fis-settur ferrovjarju hemm approċċi diverġenti fejn tidħol l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali differenti stabbiliti fil-klawżoli 7.1.1.2 sa 7.1.1.8 u fil-klawżola 7.1.3.1 tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1302/2014. Bl-istess mod, anki fis-settur ferrovjarju hemm approċċi diverġenti fejn jidħol il-perjodu tal-validità taċ-ċertifikati tal-eżami tat-tip tal-KE jew tad-disinn f’każ ta’ bidliet f’tip ta’ vettura ferrovjarja eżistenti, kif stabbilit fil-klawżola 7.2.2.2 tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 321/2013 u fil-klawżola 7.1.2.2 tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1302/2014. Barra minn hekk, jeħtieġ ikun hemm aktar armonizzazzjoni li tnaqqas id-diverġenzi mis-sistema fil-mira biex tonqos l-ispiża ferrovjarja u jkunu żgurati l-interoperabbiltà u l-kompetittività tagħhom. Għalhekk jenħtieġ jiġu emendati d-dispożizzjonijiet elenkati hawn fuq biex tiġi evitata applikazzjoni diverġenti ta’ dawk id-dispożizzjonijiet ta’ tranżizzjoni u l-perjodi tal-validità taċ-ċertifikati, filwaqt li perjodi ta’ tranżizzjoni futuri jenħtieġ jiffukaw fuq rekwiżiti speċifiċi li jħallu impatt kbir fuq il-proġetti li jkun għadhom għaddejjin minflok ma jipprovdu eżenzjonijiet ġeneriċi, b’mod li jwasslu għal tnaqqis puntwali fid-diverġenzi mis-sistema fil-mira u jipprovdu l-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali meħtieġa għas-settur. Dan jenħtieġ jinkiseb fil-qafas tal-pakkett ta’ reviżjoni tat-TSI tal-Merkanzija Ferrovjarja u Ekoloġika Diġitali (reviżjoni tal-2022) li għalih il-Kummissjoni bagħtet talba lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji fl-24 ta’ Jannar 2020.

(3)

Barra minn hekk, l-Istati Membri u s-settur identifikaw xi erruri tekniċi u editorjali fi wħud minn dawn ir-Regolamenti, u r-Repubblika Slovakka identifikat li l-każ speċifiku ġenerali stabbilit fit-Taqsima 7.3.2.1 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 321/2013 (il-WAG TSI) jenħtieġ ikun japplika wkoll għan-netwerk tal-gejġ tal-linji ferrovjarji tagħha ta’ 1 520 mm. Dawn l-erruri jenħtieġ jiġu kkoreġuti.

(4)

Skont id-Deċiżjoni (UE) 2017/1474, it-TSIs jenħtieġ jindikaw jekk hemmx bżonn li l-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità li kienu ġew notifikati abbażi ta’ verżjoni preċedenti tat-TSI, jiġu notifikati mill-ġdid, u jekk jenħtieġx jiġi applikat proċess ta’ notifika simplifikat. Dan ir-Regolament jagħmel bidliet limitati u jenħtieġ ma jintalabx li l-korpi notifikati abbażi ta’ verżjoni preċedenti tat-TSIs jerġgħu jiġu notifikati.

(5)

Dan ir-Regolament jemenda t-TSIs biex tinkiseb aktar interoperabbiltà fis-sistema ferrovjarja tal-Unjoni, itejjeb u javvanza t-trasport ferrovjarju internazzjonali, jikkontribwixxi għall-ħolqien progressiv tas-suq intern u jissupplimenta lit-TSIs biex ikunu jkopru r-rekwiżiti essenzjali. Permezz tiegħu jistgħu jintlaħqu l-objettivi u li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u d-Direttiva (UE) 2016/797. Għalhekk dan ir-Regolament jenħtieġ japplika direttament fl-Istati Membri kollha, inkluż fl-Istati Membri li nnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 57(2) tad-Direttiva (UE) 2016/797 li estendew il-perjodu ta’ traspożizzjoni u b’hekk se jibqgħu japplikaw id-Direttiva 2008/57/KE sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Ġunju 2020. Jenħtieġ li l-Korpi Notifikati li jwettqu dmirhom skont id-Direttiva 2008/57/KE fl-Istati Membri li estendew il-perjodu ta’ traspożizzjoni, ikunu jistgħu joħorġu ċertifikat “KE” f’konformità ma’ dan ir-Regolament diment li fl-Istat Membru fejn huma stabbiliti tkun tapplika d-Direttiva 2008/57/KE.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 51(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għall-WAG TSI

Ir-Regolament (UE) Nru 321/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3, jiżdied il-punt (d) kif ġej:

“(d)

meta ż-żona tal-użu tiġi estiża f’konformità mal-Artikolu 54(3) tad-Direttiva (UE) 2016/797, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fit-Taqsima 7.2.2.4 tal-Anness ta’ dan ir-Regolament;”

(2)

l-Anness huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Emendi għal-LOC&PAS TSI

Ir-Regolament (UE) Nru 1302/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 2 jinbidel kif ġej:

“2.   It-TSI ma tapplikax għall-vetturi ferrovjarji eżistenti tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni li fl-1 ta’ Jannar 2015 kienu diġà mqiegħda fis-servizz fin-netwerk kollu ta’ xi Stat Membru jew f’parti minn dan in-netwerk, għajr meta

(a)

dawn ikunu soġġetti għal xi tiġdid jew titjib skont it-Taqsima 7.1.2 tal-Anness ta’ dan ir-Regolament, jew

(b)

iż-żona tal-użu tiġi estiża f’konformità mal-Artikolu 54(3) tad-Direttiva (UE) 2016/797, u f’dan il-każ għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 7.1.4 tal-Anness ta’ dan ir-Regolament.”;

(2)

fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1), it-test introduttorju jinbidel b’dan li ġej:

“Madankollu dawn għandhom jibqgħu japplikaw, mingħajr preġudizzju għall-klawżoli 7.1.1.4 sa 7.1.1.8 tal-Anness, għal:”;

(3)

l-Anness huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Emendi għas-CCS TSI

Ir-Regolament (UE) 2016/919 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 2 jinbidel kif ġej:

“2.   It-TSI ma għandhiex tapplika għas-subsistemi eżistenti tal-“kontroll-kmand u s-sinjalazzjoni ta’ maġenb il-binarji” u tal-“kontroll-kmand u s-sinjalazzjoni abbord” tas-sistema ferrovjarja li diġà huma mqiegħda fis-servizz fin-netwerk ferrovjarju kollu ta’ xi Stat Membru jew f’xi parti minnu dakinhar meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, għajr meta

(a)

s-subsistema tkun soġġetta għal xi tiġdid jew titjib skont it-Taqsima 7 tal-Anness ta’ dan ir-Regolament; jew

(b)

iż-żona tal-użu tiġi estiża f’konformità mal-Artikolu 54(3) tad-Direttiva (UE) 2016/797, u f’dan il-każ għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 7.4.2.4 tal-Anness ta’ dan ir-Regolament.”;

(2)

l-Anness huwa emendat f’konformità mal-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità

1.   In-notifiki tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għall-finijiet tar-Regolamenti (UE) Nru 321/2013, (UE) Nru 1302/2014 u (UE) 2016/919 għandhom jibqgħu validi abbażi ta’ dawk ir-Regolamenti, kif emendati b’dan ir-Regolament.

2.   Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità notifikati skont id-Direttiva 2008/57/KE jistgħu joħorġu ċertifikat “KE” ta’ verifika u ċertifikat “KE” ta’ konformità jew ta’ idoneità għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabbiltà f’konformità ma’ dan ir-Regolament diment li fl-Istat Membru fejn huma stabbiliti tkun tapplika d-Direttiva 2008/57/KE, skont l-Artikolu 57(2) tad-Direttiva (UE) 2016/797 u sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Ġunju 2020.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Marzu 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 321/2013 tat-13 ta’ Marzu 2013 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema ta’ “vetturi ferrovjarji — vaguni tal-merkanzija” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea u li jirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/861/KE (ĠU L 104, 12.4.2013, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1302/2014 tat-18 ta’ Novembru 2014 dwar speċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà fir-rigward tas-subsistema tal-“vetturi ferrovjarji — lokomottivi u vetturi ferrovjarji għat-trasport tal-passiġġieri” tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 356, 12.12.2014, p. 228).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 tas-27 ta’ Mejju 2016 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema tal-“kontroll-kmand u sinjalazzjoni” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 158, 15.6.2016, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1).


ANNESS I

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 321/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-klawżola 4.2.2.2, jiżdied it-titolu “Saħħa ta’ unità”;

(2)

fil-klawżola 6.1.2.2, jiżdied il-paragrafu li ġej bejn l-ewwel u t-tieni paragrafi:

“Dimostrazzjoni alternattiva ta’ konformità hi permessa f’konformità mal-punt 6.1.2.4a.”;

(3)

fil-klawżola 6.1.2.3, jiżdied il-paragrafu li ġej qabel il-punt (b):

“Prova alternattiva ta’ konformità hi permessa skont il-punt 6.1.2.4a.”;

(4)

fil-klawżola 6.1.2.4, jiżdied il-paragrafu li ġej fi tmiem il-klawżola:

“Prova alternattiva ta’ konformità hi permessa skont il-punt 6.1.2.4a.”;

(5)

bejn il-klawżola 6.1.2.4 u l-klawżola 6.1.2.5, tiżdied il-klawżola 6.1.2.4a li ġejja:

“Meta l-istandards EN imsemmija fil-punti 6.1.2.2, 6.1.2.3 u 6.1.2.4 ma jkunux ikopru s-soluzzjoni teknika proposta, hu permess li jintużaw standards oħra biex tintwera l-konformità tal-imġiba mekkanika tal-assemblaġġ tas-sett tar-roti, il-karatteristiċi mekkaniċi tar-roti u l-karatteristiċi tar-reżistenza mekkanika u tar-reħja tal-fus rispettivament; f’dak il-każ, il-korp notifikat għandu jivverifika li l-istandards alternattivi jiffurmaw parti minn sett ta’ standards teknikament konsistenti applikabbli għad-disinn, għall-kostruzzjoni u għall-ittestjar tas-settijiet tar-roti, li jkun fihom rekwiżiti speċifiċi għas-sett tar-roti, għar-roti u għall-fusien li jkopru:

l-assemblaġġ tas-sett tar-roti,

ir-reżistenza mekkanika,

il-karatteristiċi tar-reħja,

il-limiti tal-istress permissibbli,

il-karatteristiċi termomekkaniċi.

Standards li huma disponibbli pubblikament biss jistgħu jissemmew fid-dimostrazzjoni msemmija hawn fuq. Il-verifika mwettqa mill-korp notifikat għandha tiżgura l-konsistenza bejn il-metodoloġija tal-istandards alternattivi, is-suppożizzjonijiet magħmula mill-applikant, is-soluzzjoni teknika maħsuba u ż-żona tal-użu maħsuba.”;

(6)

fil-klawżola 7.2.2.2, it-tliet paragrafi eżatt wara t-Tabella 11a huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Sabiex jistabbilixxi ċ-ċertifikat KE tal-eżami tat-tip jew tad-disinn, il-korp notifikat magħżul mill-entità li timmaniġġa l-bidla jista’ jirreferi għal:

iċ-ċertifikat KE oriġinali tal-eżami tat-tip jew tad-disinn għall-partijiet tad-disinn li ma jinbidlux jew li jinbidlu iżda ma jkunux jaffettwaw il-konformità tas-subsistema, diment li jkun għadu validu (waqt il-perjodu ta’ 10 snin tal-fażi B),

ċertifikat KE addizzjonali tal-eżami tat-tip jew tad-disinn (li jemenda ċ-ċertifikat oriġinali) għall-partijiet modifikati tad-disinn li jkunu jaffettwaw il-konformità tas-subsistema mal-aħħar reviżjoni ta’ din it-TSI fis-seħħ dak iż-żmien.

Il-perjodu tal-validità taċ-ċertifikat KE tal-eżami tat-tip jew tad-disinn għat-tip modifikat, varjant tat-tip jew verżjoni tat-tip għandu jkun limitat għal 10 snin mid-data tal-ħruġ, mingħajr ma jinqabżu l-14-il sena mid-data tal-ħatra ta’ korp notifikat mill-applikant għat-tip inizjali ta’ vetturi ferrovjarji (il-bidu tal-fażi A taċ-ċertifikat KE oriġinali tal-eżami tat-tip jew tad-disinn).”;

(7)

fil-klawżola 7.2.2.2, ir-ringiela “4.2.4.3.2.1 Brejk tas-servizz” tat-Tabella 11a hija sostitwita b’dan li ġej:

“4.2.4.3.2.1 Brejk tas-servizz

Distanza tal-waqfien

Bidla tad-distanza tal-waqfien ta’ aktar minn ± 10 %

Nota: Jistgħu jintużaw ukoll il-perċentwal tal-piż ibbrejkjat (imsejjaħ ukoll “lambda” jew “perċentwal tal-massa bbrejkjata”) jew il-massa bbrejkjata, u jistgħu jiġu kkalkolati (direttament jew permezz tad-distanza tal-waqfien) mill-profili tad-deċellerazzjoni.

Il-bidla permessa hi l-istess (± 10 %)

Ma japplikax

Deċellerazzjoni massima għall-kundizzjoni tat-tagħbija “massa tad-disinn waqt tagħbija utli normali” bil-veloċità massima tad-disinn

Bidla ta’ aktar minn ± 10 % fuq id-deċellerazzjoni medja massima tal-brejk

Ma japplikax”

(8)

fil-klawżola 7.2.2.3, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Ir-regoli li ġejjin japplikaw, flimkien mal-klawżola 7.2.2.2, għall-unitajiet eżistenti bl-ewwel awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz qabel l-1 ta’ Jannar 2015, meta l-kamp ta’ applikazzjoni tal-bidla jħalli impatt fuq parametri bażiċi li mhumiex koperti mid-dikjarazzjoni KE”;

(9)

fil-klawżola 7.2.2.3, it-tielet paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Ir-regola partikolari stabbilita fil-paragrafu ta’ hawn fuq mhix applikabbli meta l-bidliet ikunu jħallu impatt fuq il-parametri bażiċi u jkunu kklassifikati skont 21(12)a stabbilit fit-Tabella 11b. Għal dawk il-bidliet, il-konformità mar-rekwiżiti tat-TSI hija obbligatorja”;

(10)

tiżdied il-klawżola 7.2.2.4 li ġejja:

“7.2.2.4.

Regoli għall-estensjoni taż-żona tal-użu għall-unitajiet eżistenti li għandhom awtorizzazzjoni f’konformità mad-Direttiva 2008/57/KE jew li bdew joperaw qabel id-19 ta’ Lulju 2010

(1)

Fin-nuqqas ta’ konformità sħiħa ma’ din it-TSI, il-punt 2 japplika għall-unitajiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin meta tintalab estensjoni taż-żona tal-użu tagħhom f’konformità mal-Artikolu 21(13) tad-Direttiva (UE) 2016/797:

1.

dawn ikunu ġew awtorizzati f’konformità mad-Direttiva 2008/57/KE jew bdew joperaw qabel id-19 ta’ Lulju 2010;

2.

dawn ikunu rreġistrati bil-kodiċi “Validu” tar-reġistrazzjoni “00”, fir-Reġistru Nazzjonali tal-Vetturi f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE (*1) jew fir-Reġistru Ewropew tal-Vetturi f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 (*2) u miżmuma fi stat operattiv sikur f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/779 (*3).

Id-dispożizzjonijiet li ġejjin għall-estensjoni taż-żona tal-użu japplikaw ukoll flimkien ma’ awtorizzazzjoni ġdida kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2018/545.

(2)

L-awtorizzazzjoni għal żona tal-użu estiża tal-unitajiet imsemmija fil-punt 1 għandha tkun ibbażata fuq l-awtorizzazzjoni eżistenti, jekk ikun hemm, il-kompatibbiltà teknika bejn l-unità u n-netwerk f’konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva (UE) 2016/797 u l-konformità mal-Karatteristiċi Bażiċi tad-Disinn tat-Tabella 11a ta’ din it-TSI, filwaqt li jitqiesu r-restrizzjonijiet jew il-limitazzjonijiet.

L-applikant għandu jipprovdi “dikjarazzjoni ta’ verifika KE” flimkien ma’ fajls tekniċi li jagħtu prova tal-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’din it-TSI, jew ma’ dispożizzjonijiet li għandhom effett ekwivalenti, għal kull parametru bażiku msemmi fil-kolonna 1 tat-Tabella 11a ta’ din it-TSI, permezz ta’ waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

konformità mar-rekwiżiti ta’ din it-TSI kif imsemmi hawn fuq;

(b)

konformità mar-rekwiżiti korrispondenti stabbiliti f’TSI preċedenti kif imsemmi hawn fuq;

(c)

konformità ma’ speċifikazzjonijiet alternattivi meqjusa li għandhom effett ekwivalenti għar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti f’din it-TSI kif imsemmi hawn fuq;

(d)

prova li r-rekwiżiti tal-kompatibbiltà teknika man-netwerk taż-żona tal-użu estiża huma ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-kompatibbiltà teknika man-netwerk li għalih l-unità hi diġà awtorizzata jew operattiva. Din il-prova għandu jagħtiha l-applikant u tista’ tkun ibbażata fuq l-informazzjoni fir-Reġistru tal-Infrastruttura Ferrovjarja (ir-RINF).

(3)

L-effett ekwivalenti tal-ispeċifikazzjonijiet alternattivi għar-rekwiżiti ta’ din it-TSI (il-punt 2(c)) u l-ekwivalenza tar-rekwiżiti tal-kompatibbiltà teknika man-netwerk (il-punt 2(d)) għandhom jiġu ġustifikati u dokumentati mill-applikant billi japplika l-proċess tal-ġestjoni tar-riskji stabbilit fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 402/2013. L-applikant għandu jipprovdi valutazzjoni pożittiva minn korp tal-valutazzjoni (CSM RA).

(4)

Minbarra r-rekwiżiti msemmija fil-punt 2 u meta applikabbli, l-applikant għandu jipprovdi “dikjarazzjoni ta’ verifika KE” flimkien ma’ fajls tekniċi li jagħtu prova tal-konformità ma’ dawn li ġejjin:

(a)

każijiet speċifiċi relatati ma’ xi parti taż-żona tal-użu estiża, elenkata f’din it-TSI, it-TSI tal-Istorbju (ir-Regolament (UE) Nru 1304/2014) u s-CCS TSI (ir-Regolament (UE) 2016/919);

(b)

ir-regoli nazzjonali msemmija fil-punti (a), (c) u (d) tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva (UE) 2016/797 kif notifikati f’konformità mal-Artikolu 14 ta’ dik id-Direttiva.

(5)

L-entità awtorizzanti għandha tagħmel disponibbli pubblikament fuq is-sit web tal-Aġenzija, id-dettalji tal-ispeċifikazzjonijiet alternattivi msemmija fil-punt 2(c) u tar-rekwiżiti tal-kompatibbiltà teknika man-netwerk imsemmi fil-punt 2(d) li abbażi tagħhom tat awtorizzazzjonijiet għaż-żona tal-użu estiża.

(6)

Meta vettura awtorizzata tkun ibbenefikat minn nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ TSIs jew parti minnhom skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/57/KE, l-applikant għandu jikseb deroga/i fl-Istati Membri taż-żona tal-użu estiża f’konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2016/797.”

(7)

F’konformità mal-Artikolu 54(2) tad-Direttiva (UE) 2016/797, il-vaguni użati skont ir-Regolamento Internazionale Veicoli (ir-RIV) għandhom jibqgħu jitqiesu awtorizzati f’konformità mal-kundizzjonijiet li skonthom ikunu intużaw, inkluż iż-żona tal-użu fejn tħaddmu. Wara bidla li tkun teħtieġ awtorizzazzjoni ġdida għat-tqegħid fis-suq f’konformità mal-Artikolu 21(12) tad-Direttiva (UE) 2016/797, il-vaguni aċċettati skont l-aħħar ftehim tar-RIV jistgħu jikkonservaw iż-żona tal-użu fejn kienu qed jitħaddmu mingħajr aktar verifiki tal-partijiet mhux mibdula.

(*1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE tad-9 ta’ Novembru 2007 li tadotta speċifikazzjoni komuni tar-reġistru nazzjonali tal-vetturi previst fl-Artikoli 14(4) u (5) tad-Direttivi 96/48/KE u 2001/16/KE (ĠU L 305, 23.11.2007, p. 30)."

(*2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 tal-25 ta’ Ottubru 2018 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għar-reġistri tal-vetturi msemmija fl-Artikolu 47 tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li temenda u tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE (ĠU L 268, 26.10.2018, p. 53)."

(*3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/779 tas-16 ta’ Mejju 2019 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati dwar sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-entitajiet inkarigati mill-manutenzjoni tal-vetturi skont id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 445/2011 (ĠU L 139 I, 27.5.2019, p. 360).”"

(11)

fil-klawżola 7.3.2.1, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Unitajiet li joperaw bejn Stat Membru u pajjiż terz permezz ta’ netwerk b’gejġ tal-linji ferrovjarji ta’ 1 520 mm: Każ speċifiku, il-Finlandja, il-Polonja, ir-Repubblika Slovakka u l-Iżvezja.”;

(12)

fil-klawżola 7.3.2.2(a), l-aħħar paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Unitajiet rikonoxxuti reċiprokament f’konformità mal-punt 7.1.2 u unitajiet mgħammra b’tagħmir tal-monitoraġġ għall-kundizzjoni tal-bering tal-fusien abbord huma eżentati minn dan il-każ speċifiku. L-eżenzjoni tal-unitajiet f’konformità mal-punt 7.1.2 mhix applikabbli meta jintużaw metodi oħra għall-valutazzjoni tal-konformità f’konformità mal-punt 6.1.2.4a.”;

(13)

fil-klawżola 7.3.2.5, it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.3.2.5.

Karatteristiċi ta’ settijiet tar-roti, roti u fusien (il-punti 4.2.3.6.2 u 4.3.2.6.3)

Każ speċifiku, ir-Renju Unit għall-Gran Brittanja”;

(14)

Il-klawżola 7.6.1, “Ir-regoli għall-estensjoni taż-żona tal-użu għall-vetturi ferrovjarji eżistenti li mhumiex koperti minn dikjarazzjoni ta’ verifika ‘KE’” tiġi sostitwita bi:

“7.6.1.

Regoli għall-implimentazzjoni

Fl-24 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni bagħtet talba lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji għat-tħejjija tal-pakkett ta’ reviżjoni tat-TSI tal-Merkanzija Ferrovjarja u Ekoloġika Diġitali (reviżjoni tal-2022).

Skont id-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/1474, il-pakkett ta’ reviżjoni tat-TSI tal-Merkanzija Ferrovjarja u Ekoloġika Diġitali għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jirrevedu u jekk possibbli jissimplifikaw l-istrateġija għall-applikazzjoni tat-TSIs b’mod li jiżguraw tnaqqis gradwali, iżda fil-ħin, fid-diverġenzi mis-sistema fil-mira u jipprovdu l-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali meħtieġa għas-settur. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikopru perjodi ta’ tranżizzjoni futuri kif ukoll il-ħruġ tal-perjodu ta’ validità taċ-ċertifikati għall-kostitwenti u s-subsistemi tal-interoperabbiltà.

Barra minn hekk, bl-istess objettiv li jkun żgurat tnaqqis gradwali, iżda fil-ħin, fid-diverġenzi mis-sistema fil-mira u jingħataw il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali meħtieġa għas-settur, għandhom jiġu kkunsidrati dispożizzjonijiet li jipprovdu l-flessibbiltà fl-applikazzjoni tal-verżjonijiet aġġornati tal-istandards, inkluż għal dawk introdotti fl-Anness I (WAG 2019 TSI) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/776 (*4).

(*4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/776 tas-16 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 321/2013, (UE) Nru 1299/2014, (UE) Nru 1301/2014, (UE) Nru 1302/2014, (UE) Nru 1303/2014 u (UE) 2016/919 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/665/UE fir-rigward tal-allinjament mad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-implimentazzjoni tal-objettivi speċifiċi stipulati fid-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/1474 (ĠU L 139 I, 27.5.2019, p. 108).”;"

(15)

fl-Appendiċi C, “Kundizzjonijiet fakultattivi addizzjonali”, fi tmiem l-Appendiċi jiżdied il-punt li ġej:

“20.

Imġiba dinamika operattiva

Il-kombinazzjoni tal-veloċità operattiva massima u l-insuffiċjenza massima tas-sopraelevazzjoni ammissibbli għandha tkun kif jidher fit-Tabella H.1. tal-EN 14363:2016.

L-unitajiet mgħammra b’tagħmir operattiv stabbilit kif deskritt fil-Kapitolu 6 tal-EN 16235:2013 huma preżunti konformi ma’ dan ir-rekwiżit.”


(*1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE tad-9 ta’ Novembru 2007 li tadotta speċifikazzjoni komuni tar-reġistru nazzjonali tal-vetturi previst fl-Artikoli 14(4) u (5) tad-Direttivi 96/48/KE u 2001/16/KE (ĠU L 305, 23.11.2007, p. 30).

(*2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 tal-25 ta’ Ottubru 2018 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għar-reġistri tal-vetturi msemmija fl-Artikolu 47 tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li temenda u tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE (ĠU L 268, 26.10.2018, p. 53).

(*3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/779 tas-16 ta’ Mejju 2019 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati dwar sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-entitajiet inkarigati mill-manutenzjoni tal-vetturi skont id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 445/2011 (ĠU L 139 I, 27.5.2019, p. 360).”

(*4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/776 tas-16 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 321/2013, (UE) Nru 1299/2014, (UE) Nru 1301/2014, (UE) Nru 1302/2014, (UE) Nru 1303/2014 u (UE) 2016/919 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/665/UE fir-rigward tal-allinjament mad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-implimentazzjoni tal-objettivi speċifiċi stipulati fid-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/1474 (ĠU L 139 I, 27.5.2019, p. 108).”;”


ANNESS II

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1302/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-klawżola 4.2.2.5, il-punt (5), it-test “l-indiċi 8, it-Tabella 1, it-taqsima 5” huwa sostitwit bi “l-indiċi 8, it-Tabella 1, it-taqsima 4”;

(2)

fil-klawżola 4.2.2.5, il-punt (6), it-test “l-indiċi 8, it-Tabella 3 tat-taqsima 5” huwa sostitwit bi “l-indiċi 8, it-Tabella 2 tat-taqsima 5”;

(3)

fil-klawżola 4.2.2.5, il-punt (7) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(7)

Fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-TSI attwali, il-‘veloċità tal-ħbit’ u s-‘sieħeb tal-ħbit’ meta jiġu applikati x-xenarji 1 u 2 għal-lokomottivi mgħammra b’mezz ta’ akkoppjament awtomatiku tal-buffer taċ-ċentru u li kapaċi jagħmlu sforz ta’ trazzjoni tal-akkoppjament li jkun akbar minn 300 kN, kif deskritt fit-Tabella 2 tal-ispeċifikazzjoni msemmija fl-Appendiċi J-1, l-indiċi 8, għandhom ikunu:

20 km/h flok 36 km/h għax-xenarji 1 u 2; u

l-vagun ta’ referenza deskritt fl-Appendiċi D flok il-vagun ta’ referenza deskritt fl-Anness C.1 tal-ispeċifikazzjoni msemmija fl-Appendiċi J-1, l-indiċi 8 għax-xenarju 2.

Nota: dan l-isforz kbir ta’ trazzjoni hu meħtieġ għal-lokomottivi tqal tal-merkanzija bl-irmonk.”;

(4)

fil-klawżola 6.2.3.7, tiżdied din is-sentenza li ġejja fi tmiem il-punt (7):

“Il-verifika mwettqa mill-korp notifikat għandha tiżgura l-konsistenza bejn il-metodoloġija tal-istandards alternattivi, is-suppożizzjonijiet magħmula mill-applikant, is-soluzzjoni teknika maħsuba u ż-żona tal-użu maħsuba.”;

(5)

fil-klawżola 7.1.2.2, il-punt (11) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(11)

Sabiex jistabbilixxi ċ-ċertifikat KE tal-eżami tat-tip jew tad-disinn, il-korp notifikat magħżul mill-entità li timmaniġġa l-bidla jista’ jirreferi għal:

iċ-ċertifikat KE oriġinali tal-eżami tat-tip jew tad-disinn għall-partijiet tad-disinn li ma jinbidlux jew li jinbidlu iżda ma jkunux jaffettwaw il-konformità tas-subsistema, diment li jkun għadu validu (waqt il-perjodu ta’ seba’ (7) snin tal-fażi B);

ċertifikat KE addizzjonali tal-eżami tat-tip jew tad-disinn (li jemenda ċ-ċertifikat oriġinali) għall-partijiet modifikati tad-disinn li jkunu jaffettwaw il-konformità tas-subsistema mal-aħħar reviżjoni ta’ din it-TSI fis-seħħ dak iż-żmien.

Il-perjodu tal-validità taċ-ċertifikat KE tal-eżami tat-tip jew tad-disinn għat-tip modifikat, varjant tat-tip jew verżjoni tat-tip għandu jkun limitat għal 7 snin mid-data tal-ħruġ, mingħajr ma jinqabżu l-14-il sena mid-data tal-ħatra ta’ korp notifikat mill-applikant għat-tip inizjali ta’ vetturi ferrovjarji (il-bidu tal-fażi A taċ-ċertifikat KE oriġinali tal-eżami tat-tip jew tad-disinn).”;

(6)

fil-klawżola 7.1.3.1, il-punt (4) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(4)

Il-bażi tal-valutazzjoni tat-TSI għal tip hi definita għal perjodu tal-fażi A, b’durata massima ta’ seba’ snin. Mingħajr preġudizzju għall-klawżoli 7.1.1.4 sa 7.1.1.8, waqt il-perjodu tal-fażi A, il-bażi tal-valutazzjoni għall-verifika KE li jrid juża l-korp notifikat ma għandhiex tinbidel.”;

(7)

tiżdied il-klawżola 7.1.4 li ġejja:

“7.1.4.

Regoli għall-estensjoni taż-żona tal-użu għall-vetturi ferrovjarji eżistenti li għandhom awtorizzazzjoni f’konformità tad-Direttiva 2008/57/KE jew li bdew joperaw qabel id-19 ta’ Lulju 2010

(1)

Fin-nuqqas ta’ konformità sħiħa ma’ din it-TSI, il-punt 2 japplika għall-vetturi ferrovjarji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin meta tintalab estensjoni taż-żona tal-użu tagħhom f’konformità mal-Artikolu 21(13) tad-Direttiva (UE) 2016/797:

(a)

dawn ikunu ġew awtorizzati f’konformità mad-Direttiva 2008/57/KE jew bdew joperaw qabel id-19 ta’ Lulju 2010;

(b)

dawn ikunu rreġistrati bil-kodiċi “Validu” tar-reġistrazzjoni “00”, fir-Reġistru Nazzjonali tal-Vetturi f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE (*1) jew fir-Reġistru Ewropew tal-Vetturi f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 (*2) u miżmuma fi stat operattiv sikur f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/779 (*3).

Id-dispożizzjonijiet li ġejjin għall-estensjoni taż-żona tal-użu japplikaw ukoll flimkien ma’ awtorizzazzjoni ġdida kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2018/545.

(2)

L-awtorizzazzjoni għal żona tal-użu estiża tal-vetturi ferrovjarji msemmija fil-punt 1 għandha tkun ibbażata fuq l-awtorizzazzjoni eżistenti, jekk ikun hemm, il-kompatibbiltà teknika bejn il-vetturi ferrovjarji u n-netwerk skont il-punt (d) tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva (UE) 2016/797 u l-konformità mal-Karatteristiċi Bażiċi tad-Disinn tat-Tabelli 17a u 17b ta’ din it-TSI, filwaqt li jitqiesu r-restrizzjonijiet jew il-limitazzjonijiet.

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ verifika “KE” flimkien ma’ fajls tekniċi li jagħtu prova tal-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’din it-TSI, jew ma’ dispożizzjonijiet li għandhom effett ekwivalenti, għal kull parametru bażiku msemmi fil-kolonna 1 tat-Tabelli 17a u 17b u mal-klawżoli li ġejjin ta’ din it-TSI:

4.2.4.2.2, 4.2.5.5.8, 4.2.5.5.9, 4.2.6.2.3, 4.2.6.2.4, 4.2.6.2.5, 4.2.8.2.7, 4.2.8.2.9.8 (meta jgħaddu minn fażi jew sezzjonijiet ta’ separazzjoni tas-sistema huma ġestiti b’mod awtomatiku), 4.2.9.3.1, 4.2.9.6, 4.2.12 u 4.2.12.6

4.2.5.3 fl-Italja

4.2.5.3.5 u 4.2.9.2.1 fil-Ġermanja

b’waħda jew b’kombinazzjoni ta’ dawn li ġejjin:

(a)

konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’din it-TSI kif imsemmi hawn fuq;

(b)

konformità mar-rekwiżiti korrispondenti stabbiliti f’TSI preċedenti kif imsemmi hawn fuq;

(c)

konformità ma’ speċifikazzjonijiet alternattivi meqjusa li għandhom effett ekwivalenti għar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti f’din it-TSI kif imsemmi hawn fuq;

(d)

prova li r-rekwiżiti tal-kompatibbiltà teknika man-netwerk taż-żona tal-użu estiża huma ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-kompatibbiltà teknika man-netwerk li għalih il-vettura ferrovjarja hi diġà awtorizzata jew operattiva. Din il-prova għandu jagħtiha l-applikant u tista’ tkun ibbażata fuq l-informazzjoni fir-Reġistru tal-Infrastruttura Ferrovjarja (ir-RINF).

(3)

L-effett ekwivalenti tal-ispeċifikazzjonijiet alternattivi għar-rekwiżiti ta’ din it-TSI (il-punt 2(c)) u l-ekwivalenza tar-rekwiżiti tal-kompatibbiltà teknika man-netwerk (il-punt 2(d)) għandhom jiġu ġustifikati u dokumentati mill-applikant billi japplika l-proċess tal-ġestjoni tar-riskji stabbilit fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 402/2013. Il-ġustifikazzjoni trid tiġi vvalutata u kkonfermata minn korp tal-valutazzjoni (CSM RA).

(4)

Minbarra r-rekwiżiti msemmija fil-punt 2 u meta applikabbli, l-applikant għandu jipprovdi “dikjarazzjoni ta’ verifika KE” flimkien ma’ fajls tekniċi li jagħtu prova tal-konformità ma’ dawn li ġejjin:

(a)

każijiet speċifiċi relatati ma’ xi parti taż-żona tal-użu estiża, elenkata f’din it-TSI, it-TSI tal-Istorbju (ir-Regolament (UE) Nru 1304/2014), it-TSI PRM (ir-Regolament (UE) Nru 1300/2014 u t-TSI CCS (ir-Regolament (UE) 2016/919);

(b)

ir-regoli nazzjonali msemmija fil-punti (a), (c) u (d) tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva (UE) 2016/797 kif notifikati f’konformità mal-Artikolu 14 ta’ dik id-Direttiva.

(5)

L-entità awtorizzanti għandha tagħmel disponibbli pubblikament fuq is-sit web tal-Aġenzija, id-dettalji tal-ispeċifikazzjonijiet alternattivi msemmija fil-punt 2(c) u tar-rekwiżiti tal-kompatibbiltà teknika man-netwerk imsemmi fil-punt 2(d) li abbażi tagħhom tat awtorizzazzjonijiet għaż-żona tal-użu estiża.

(6)

Meta vettura awtorizzata tkun ibbenefikat minn nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ TSIs jew parti minnhom skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/57/KE, l-applikant għandu jikseb deroga/i fl-Istati Membri taż-żona tal-użu estiża f’konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2016/797.

(7)

F’konformità mal-Artikolu 54(2) tad-Direttiva (UE) 2016/797, il-kowċijiet użati skont ir-Regolamento Internazionale Carrozze (ir-RIC) għandhom jibqgħu jitqiesu awtorizzati f’konformità mal-kundizzjonijiet li skonthom ikunu intużaw, inkluż iż-żona tal-użu fejn tħaddmu. Wara bidla li tkun teħtieġ awtorizzazzjoni ġdida għat-tqegħid fis-suq f’konformità mal-Artikolu 21(12) tad-Direttiva (UE) 2016/797, il-kowċijiet aċċettati skont l-aħħar ftehim tar-RIC jistgħu jikkonservaw iż-żona tal-użu fejn kienu qed jitħaddmu mingħajr aktar verifiki tal-partijiet mhux mibdula.

(*1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE tad-9 ta’ Novembru 2007 li tadotta speċifikazzjoni komuni tar-reġistru nazzjonali tal-vetturi previst fl-Artikoli 14(4) u (5) tad-Direttivi 96/48/KE u 2001/16/KE (ĠU L 305, 23.11.2007, p. 30)."

(*2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 tal-25 ta’ Ottubru 2018 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għar-reġistri tal-vetturi msemmija fl-Artikolu 47 tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li temenda u tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE (ĠU L 268, 26.10.2018, p. 53)."

(*3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/779 tas-16 ta’ Mejju 2019 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati dwar sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-entitajiet inkarigati mill-manutenzjoni tal-vetturi skont id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 445/2011 (ĠU L 139 I, 27.5.2019, p. 360).”"

(8)

Il-klawżola 7.5.2.3, “Ir-regoli għall-estensjoni taż-żona tal-użu għall-vetturi ferrovjarji eżistenti li mhumiex koperti minn dikjarazzjoni ta’ verifika ‘KE’” tiġi sostitwita bi:

“7.5.2.3.

Regoli għall-implimentazzjoni

Fl-24 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni bagħtet talba lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji għat-tħejjija tal-pakkett ta’ reviżjoni tat-TSI tal-Merkanzija Ferrovjarja u Ekoloġika Diġitali (reviżjoni tal-2022).

Skont id-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/1474, il-pakkett ta’ reviżjoni tat-TSI tal-Merkanzija Ferrovjarja u Ekoloġika Diġitali għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jirrevedu u jekk possibbli jissimplifikaw l-istrateġija għall-applikazzjoni tat-TSIs b’mod li jiżguraw tnaqqis gradwali, iżda fil-ħin, fid-diverġenzi mis-sistema fil-mira u jipprovdu l-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali meħtieġa għas-settur. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikopru perjodi ta’ tranżizzjoni futuri kif ukoll il-ħruġ tal-perjodu ta’ validità taċ-ċertifikati għall-kostitwenti u s-subsistemi tal-interoperabbiltà.

Barra minn hekk, bl-istess objettiv li jkun żgurat tnaqqis gradwali, iżda fil-ħin, fid-diverġenzi mis-sistema fil-mira u jingħataw il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali meħtieġa għas-settur, għandhom jiġu kkunsidrati dispożizzjonijiet li jipprovdu l-flessibbiltà fl-applikazzjoni tal-verżjonijiet aġġornati tal-istandards, inkluż għal dawk introdotti fl-Anness IV (LOC&PAS 2019 TSI) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/776 (*4).

(*4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/776 tas-16 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 321/2013, (UE) Nru 1299/2014, (UE) Nru 1301/2014, (UE) Nru 1302/2014, (UE) Nru 1303/2014 u (UE) 2016/919 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/665/UE fir-rigward tal-allinjament mad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-implimentazzjoni tal-objettivi speċifiċi stipulati fid-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/1474 (ĠU L 139 I, 27.5.2019, p. 108).”;"

(9)

l-Appendiċi D huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Appendiċi D

Vagun ta’ referenza għal-lokomottivi mgħammra b’mezz ta’ akkoppjament awtomatiku tal-buffer taċ-ċentru u li kapaċi jagħmlu sforz ta’ trazzjoni tal-akkoppjament li jkun akbar minn 300 kN

Għall-ħabtiet bejn unità ferrovjarja u vagun, li t-tnejn ikunu mgħammra b’mezz ta’ akkoppjament tqil, il-vagun għandu jkun rappreżentat b’massa ta’ 80 t li jkollha biss grad wieħed ta’ libertà fid-direzzjoni translazzjonali x. Il-ġeometrija tal-interfaċċja tal-vagun tidher fil-Grafika D.1. Għandu jkun preżunt li l-ġeometrija tal-ħajt tat-tarf u tar-ras tal-mezz ta’ akkoppjament hija riġida. Din għandha tkun mgħammra b’mezz ta’ akkoppjament taċ-ċentru b’tefgħa ta’ 110 mm u bil-karatteristika ta’ spjazzament sfurzat indikata fil-Grafika D.2. Il-kapaċità ta’ assorbiment totali tal-enerġija tal-mezz ta’ akkoppjament tal-vagun hija 77 kJ.

Il-ġeometrija tar-ras tal-mezz ta’ akkoppjament u l-għoli fuq il-wiċċ tal-linja ferrovjarja għandhom ikunu daqs dik tal-unità ferrovjarja tal-impatt. Id-distanza lonġitudinali tal-pjan tal-mezz ta’ akkoppjament mal-ħajt tat-tarf tal-vagun għandha tkun 645 mm. Għal simplifikazzjoni, hu permess li l-irjus tal-mezzi ta’ akkoppjament jiġu mudellati skont il-ġeometrija u l-għoli mogħtija fil-Grafika D.1.

Image 1

Dimensjonijiet f’millimetri

Image 2
;

(10)

Fl-Appendiċi J-1, l-indiċi 8 tat-Tabella huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8

Sikurezza passiva – ġenerali

4.2.2.5

EN 15227:2008+A1:2010

klawżola rilevanti Nru (1)

Għajr l-Anness A

Sikurezza passiva – kategorizzazzjoni

4-Tabella 1

Sikurezza passiva – xenarji

5-Tabella 2, 6.

Sikurezza passiva – diflettur tal-ostakli

6.5”

(11)

Fl-Appendiċi J-1, l-indiċi 10 tat-Tabella huwa sostitwit b’dan li ġej:

“10

Irfigħ u ġġakkjar – immarkar

4.2.2.6

EN 15877-2:2013

4.5.19”

(12)

Fl-Appendiċi J-1, l-indiċi 36 tat-Tabella huwa sostitwit b’dan li ġej:

“36

Kundizzjonijiet ambjentali – diflettur tal-ostakli

4.2.6.1.2

EN 15227:2008

+A1:2010

klawżola rilevanti Nru (1)”

(13)

Fl-Appendiċi J-2, jitħassar l-indiċi 2 tat-Tabella.


(*1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE tad-9 ta’ Novembru 2007 li tadotta speċifikazzjoni komuni tar-reġistru nazzjonali tal-vetturi previst fl-Artikoli 14(4) u (5) tad-Direttivi 96/48/KE u 2001/16/KE (ĠU L 305, 23.11.2007, p. 30).

(*2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 tal-25 ta’ Ottubru 2018 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għar-reġistri tal-vetturi msemmija fl-Artikolu 47 tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li temenda u tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE (ĠU L 268, 26.10.2018, p. 53).

(*3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/779 tas-16 ta’ Mejju 2019 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati dwar sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-entitajiet inkarigati mill-manutenzjoni tal-vetturi skont id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 445/2011 (ĠU L 139 I, 27.5.2019, p. 360).”

(*4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/776 tas-16 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 321/2013, (UE) Nru 1299/2014, (UE) Nru 1301/2014, (UE) Nru 1302/2014, (UE) Nru 1303/2014 u (UE) 2016/919 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/665/UE fir-rigward tal-allinjament mad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-implimentazzjoni tal-objettivi speċifiċi stipulati fid-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/1474 (ĠU L 139 I, 27.5.2019, p. 108).”;”


ANNESS III

Fl-Anness tar-Regolament (UE) 2016/919, tiżdied il-klawżola 7.4.2.4 li ġejja:

“7.4.2.4.

Regoli għall-estensjoni taż-żona tal-użu għal vettura eżistenti

Ir-regoli li ġejjin japplikaw għall-vetturi operattivi eżistenti u rreġistrati fir-Reġistru Nazzjonali tal-Vetturi f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE (*1), jew fir-Reġistru Ewropew tal-Vetturi f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 (*2), meta tintalab estensjoni taż-żona tal-użu:

(1)

Il-vetturi għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet speċjali rilevanti applikabbli fil-każijiet speċifiċi msemmija fil-klawżola 7.6 ta’ dan l-Anness u mar-regoli nazzjonali rilevanti msemmija fil-punti (a), (c) u (d) tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva (UE) 2016/797, notifikati f’konformità mal-Artikolu 14 ta’ dik id-Direttiva. Barra minn hekk, meta f’din it-TSI, ir-rekwiżiti jitwettqu b’mod parzjali, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fil-punt 6.1.1.3(3).

(2)

Il-vetturi li huma diġà mgħammra bl-ETCS jew bil-GSM-R ma għandhomx għalfejn jiġu aġġornati, għajr meta jkun meħtieġ għall-kompatibbiltà teknika.

(3)

Il-vetturi li mhumiex diġà mgħammra bl-ETCS għandhom jinstallaw ETCS u jikkonformaw mas-settijiet tal-ispeċifikazzjonijiet #2 jew #3 imsemmija fit-Tabelli A 2.2 u A 2.3 tal-Anness A. Għajr meta meħtieġ għall-kompatibbiltà teknika, ir-rekwiżit li jkunu mgħammra bl-ETCS ma għandux japplika għal:

(a)

il-vetturi mhux iddisinjati b’mod speċjali biex joperaw fuq linji ta’ veloċità qawwija (*3), diment li kienu awtorizzati qabel l-1 ta’ Jannar 2015;

(b)

il-vetturi mhux iddisinjati b’mod speċjali biex joperaw fuq linji ta’ veloċità qawwija, awtorizzati mill-1 ta’ Jannar 2015, f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(i)

jekk ikunu maħsuba esklussivament biex joperaw fi Stat Membru wieħed, barra mill-kurituri speċifikati fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/6, u barra mil-linji li jiżguraw il-konnessjonijiet mal-portijiet, maċ-ċentri fejn jinġemgħu l-ferroviji tal-merkanzija, mat-terminals tal-merkanzija u maż-żoni tat-trasport tal-merkanzija Ewropej ewlenin kif imsemmi fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013;

(ii)

jekk ikunu maħsuba għal servizz transfruntier ’il barra mit-TEN-T, jiġifieri servizz sal-ewwel stazzjon fil-pajjiż ġar jew sal-ewwel stazzjon fejn hemm konnessjonijiet oħra fil-pajjiż ġar, li jużaw biss linji ’l barra mit-TEN;

(c)

il-vetturi fl-Istati Membri li japplikaw l-Artikolu 7.4.3(2), meta ż-żona tal-użu wara l-Estensjoni taż-Żona tal-Użu tkun esklużivament fl-istess Stat Membru, għajr meta ż-żona tal-użu wara l-Estensjoni taż-Żona tal-Użu tkun tinkludi aktar minn 150 km ta’ taqsima mgħammra bl-ETCS fil-ħin tal-Estensjoni taż-Żona tal-Użu jew li tkun mgħammra bl-ETCS fi żmien ħames (5) snin wara l-Estensjoni taż-Żona tal-Użu ta’ dawk il-vetturi;

(d)

it-tagħmir mobbli tal-kostruzzjoni u tal-manutenzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja;

(e)

ix-shunters.

(4)

Il-vetturi li għadhom mhumiex mgħammra b’radju tal-vuċi GSM-R għandhom jinstallaw radju tal-kabina tal-vuċi GSM-R u jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fit-Tabelli A 2.1, A 2.2 u A 2.3 tal-Anness A meta l-vettura tkun maħsuba biex tintuża fuq netwerk li jinkludi mill-inqas punt wieħed mgħammar b’GSM-R, għajr jekk superimpost fuq sistema tal-komunikazzjoni bir-radju ta’ legat li tkun kompatibbli mal-klassi B diġà installata fil-vettura.

(5)

Il-vetturi li għadhom mhumiex mgħammra b’GSM-R għad-data tal-ETCS għandhom jinstallaw Radju GSM-R għad-Data tal-ETCS biss u jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fit-Tabelli A 2.1, A 2.2 u A 2.3 tal-Anness A meta jkun jeħtieġ li l-vettura tinstalla ETCS f’konformità mal-punt 3 u tkun maħsuba biex topera f’netwerk fiż-żona tal-użu estiża mgħammra biss b’ETCS tal-Livell 2 jew 3.

(6)

Meta vettura awtorizzata tkun ibbenefikat minn nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ TSIs jew parti minnhom skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/57/KE, l-applikant għandu jikseb deroga/i fl-Istati Membri taż-żona tal-użu estiża f’konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2016/797.


(*1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE tad-9 ta’ Novembru 2007 li tadotta speċifikazzjoni komuni tar-reġistru nazzjonali tal-vetturi previst fl-Artikoli 14(4) u (5) tad-Direttivi 96/48/KE u 2001/16/KE (ĠU L 305, 23.11.2007, p. 30).

(*2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 tal-25 ta’ Ottubru 2018 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għar-reġistri tal-vetturi msemmija fl-Artikolu 47 tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li temenda u tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE (ĠU L 268, 26.10.2018, p. 53).

(*3)  Kif stabbilit fl-Anness I tad-Direttiva (UE) 2016/797.”.”


DEĊIŻJONIJIET

10.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 73/19


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/388

tas-6 ta’ Marzu 2020

li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 90/428/KEE fir-rigward tad-derogi mir-regoli tal-kompetizzjonijiet ekwestri u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/712/KE fir-rigward tar-referenzi għal-leġislazzjoni żooteknika

(notifikata bid-dokument C(2020) 1269)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/428/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar il-kummerċ fl-ekwidi maħsuba għall-kompetizzjonijiet u li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fiha (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 90/428/KEE jipprevedi li r-regoli tal-kompetizzjoni ma jistgħux jiddiskriminaw bejn l-ekwidi rreġistrati jew li joriġinaw fl-Istat Membru fejn issir il-kompetizzjoni, u l-ekwidi rreġistrati jew li joriġinaw fi Stat Membru ieħor.

(2)

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 90/428/KEE jipprevedi żewġ derogi mill-obbligi ta’ nondiskriminazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dik id-Direttiva. L-ewwel waħda teżenta ċerti tipi ta’ kompetizzjonijiet u avvenimenti, it-tieni tippermetti lill-Istati Membri jirriżervaw ċertu perċentwal tal-premju fi flus jew il-profitti tal-kompetizzjoni għas-salvagwardja, l-iżvilupp u t-titjib tat-tnissil. Meta Stat Membru jkun beħsiebu juża l-ewwel deroga, dan irid jippubblika din l-intenzjoni u l-ġustifikazzjoni tagħha biex jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-pubbliku minn qabel. Meta Stat Membru jkun beħsiebu juża t-tieni deroga, dan irid jippubblika l-kriterji għat-tqassim ta’ dawn il-fondi biex jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-pubbliku.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/712/KE (2) fiha l-mudelli tal-formoli li jridu jintużaw biex tingħata l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta għall-użu tad-derogi previsti fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 90/428/KEE. Din id-Deċiżjoni titħassar mill-21 ta’ April 2021 bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 (3). L-esperjenza wriet li l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri ħafna drabi ma tkunx ġiet aġġornata u li f’ħafna każijiet, restrizzjonijiet lingwistiċi ma jħallux lill-awtoritajiet u lill-pubbliku fi Stati Membri oħra jaċċessaw il-kontenut tagħhom. In-nuqqas ta’ trasparenza fl-applikazzjoni tad-derogi qanqlet ilmenti mingħand individwi affettwati u minn segmenti sħaħ tal-komunità ekwestri. Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri u l-pubbliku jingħataw l-informazzjoni korretta u fil-ħin dwar l-użu tad-derogi previsti fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 90/428/KEE, hemm bżonn li jiġu pprovduti mudelli riveduti tal-paġni ta’ tagħrif ibbażati fuq l-Internet u li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jaġġornaw l-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 90/428/KEE ta’ spiss kemm jista’ jkun.

(4)

Għall-finijiet taċ-ċarezza, taċ-ċertezza legali u tas-simplifikazzjoni, hemm bżonn li jitħassru l-mudelli tal-paġni ta’ tagħrif ibbażati fuq l-Internet stabbiliti fit-Taqsimiet II u III tal-Kapitolu 2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2009/712/KE.

(5)

Il-Kapitolu 2 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2009/712/KE jelenka d-Direttivi tal-Kunsill 77/504/KEE (4) (sostitwita bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/157/KE (5)), 88/661/KEE (6), 89/361/KEE (7) u 90/427/KEE (8), kif ukoll id-Direttiva 90/428/KEE. Id-Direttivi 2009/157/KE, 88/661/KEE, 89/361/KEE u 90/427/KEE tħassru permezz tar-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) fl-1 ta’ Novembru 2018. Għall-finijiet taċ-ċarezza, taċ-ċertezza legali u tas-simplifikazzjoni, jenħtieġ li r-referenzi għal dawk id-Direttivi jitħassru. Peress li din id-Deċiżjoni tistabbilixxi mudelli ġodda għall-paġni ta’ tagħrif ibbażati fuq l-Internet li jikkonċernaw l-użu tad-derogi previsti fl-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2009/712/KE, jenħtieġ li r-referenza għad-Direttiva 90/428/KEE titħassar ukoll. Għaldaqstant jenħtieġ li l-Kapitolu 2 tal-Anness I jitħassar.

(6)

Ir-Regolament (UE) 2016/1012 jipprevedi li l-Istati Membri jridu jfasslu u jżommu aġġornata lista tas-soċjetajiet tat-tnissil u tal-operazzjonijiet tat-tnissil li l-awtorità kompetenti tagħhom tkun irrikonoxxiet f’konformità mal-Artikolu 4(3) ta’ dak ir-Regolament u li jimplimentaw minn tal-anqas programm wieħed ta’ tnissil li ġie approvat f’konformità mal-Artikolu 8(3) ta’ dak ir-Regolament. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2016/1012 jipprevedi li l-Istati Membri jridu jippubblikaw dik il-lista.

(7)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/716 (10) jistabbilixxi l-mudelli tal-formoli għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni li trid tiddaħħal fil-listi tas-soċjetajiet tat-tnissil u tal-operazzjonijiet tat-tnissil rikonoxxuti previsti fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2016/1012. Billi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/716 japplika mill-1 ta’ Novembru 2018, il-mudelli tal-formoli stabbiliti fir-Regolament iridu jintużaw minflok dawk stabbiliti fit-Taqsima I tal-Kapitolu 2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2009/712/KE.

(8)

Jenħtieġ li l-Kapitolu 2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2009/712/KE jitħassar billi l-mudelli stabbiliti fit-Taqsima I, II u III tagħha huma ssostitwiti bil-mudelli tal-formoli stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/716 u f’din id-Deċiżjoni rispettivament.

(9)

Id-Deċiżjoni 2009/712/KE tirreferi għal-leġiżlazzjoni żooteknika fit-titolu tagħha u għall-istabbilimenti fil-qasam żootekniku fl-Artikolu 1(1)(b). Billi dawn ir-referenzi ma għadhomx validi wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti (UE) 2016/1012 u (UE) 2017/716, jenħtieġ li l-kliem “u żooteknika” fit-titolu tad-Deċiżjoni 2009/712/KE kif ukoll il-punt (b) tal-Artikolu 1(1) ta’ dik id-Deċiżjoni jitħassru.

(10)

Għaldaqstant jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2009/712/KE tiġi emendata skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Żootekniku Permanenti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ April 2020, l-Istati Membri għandhom joħolqu l-paġni ta’ tagħrif ibbażati fuq l-Internet sabiex ikunu disponibbli b’mod elettroniku għall-Istati Membri l-oħra u għall-pubbliku:

(a)

l-intenzjoni tagħhom li jagħmlu użu mid-deroga prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 90/428/KEE, u l-ġustifikazzjoni għal din l-intenzjoni;

(b)

il-kriterji għat-tqassim tal-fondi msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 90/428/KEE.

2.   Il-paġni ta’ tagħrif ibbażati fuq l-Internet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitfasslu f’konformità mal-mudelli stabbiliti fl-Annessi I u II rispettivament u bl-istruzzjonijiet stabbiliti fl-Anness III.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-indirizz tal-Internet tal-paġni ta’ tagħrif tagħhom ibbażati fuq l-Internet.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 tiġi aġġornata:

(a)

minn tal-anqas darba fis-sena, qabel il-31 ta’ Diċembru, għall-kompetizzjonijiet u l-avvenimenti ekwestri li jaqgħu taħt id-deroga prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 90/428/KEE li jkunu se jiġu organizzati fis-sena ta’ wara;

(b)

kull darba li jinbidlu l-kriterji għat-tqassim tal-fondi msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 90/428/KEE.

Artikolu 2

B’effett mill-1 ta’ April 2020, id-Deċiżjoni 2009/712/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fit-titolu ta’ dak l-att, jitħassar il-kliem “u żootekniċi”;

(2)

fl-Artikolu 1(1), jitħassar il-punt (b);

(3)

fl-Anness I, jitħassar il-Kapitolu 2;

(4)

fl-Anness II, jitħassar il-Kapitolu 2.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Marzu 2020.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 60.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/712/KE tat-18 ta’ Settembru 2009 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2008/73/KE fir-rigward ta’ paġni ta’ tagħrif ibbażati fuq l-Internet li fihom listi ta’ stabbilimenti u laboratorji approvati mill-Istati Membri bi qbil mal-leġiżlazzjoni veterinarja u żooteknika tal-Komunità (ĠU L 247, 19.9.2009, p. 13).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 tat-28 ta’ Ġunju 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-istabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri u l-imfaqas, u t-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 115).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 77/504/KEE tal-25 ta’ Lulju 1977 fuq l-annimali tal-fart ta’ razza pura għat-tnissil (ĠU L 206, 12.8.1977, p. 8).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/157/KE tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar l-annimali tal-ispeċi tal-bovini ta’ razza pura għat-tnissil (ĠU L 323, 10.12.2009, p. 1).

(6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 88/661/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1988 dwar l-istandards żootekniċi applikabbli għal tnissil ta’ annimali tal-ispeċi tal-majjal (ĠU L 382, 31.12.1988, p. 36).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/361/KEE tat-30 ta’ Mejju 1989 li tikkonċerna n-nagħaġ u l-mogħoż tar-razza għat-tagħmir (ĠU L 153, 6.6.1989, p. 30).

(8)  Id-Direttiva tal-Kunsill 90/427/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi li jirregolaw kummerċ intra-Komunitarju f’equidae (ĠU L 224, 18.8.1990, p. 55).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi għat-tnissil, kummerċ u dħul fl-Unjoni ta’ annimali ta’ razza pura għat-tnissil, ħnieżer tat-tnissil ibridi u tal-prodotti ġerminali tagħhom u li jemenda r- Regolament (UE) Nru 652/2014, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE u 90/425/KEE u jħassar ċerti atti fil-qasam tat-tnissil tal-annimali (“ir-Regolament dwar it-Tnissil tal-Annimali”) (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 66).

(10)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/716 tal-10 ta’ April 2017 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-mudelli tal-formoli li għandhom jintużaw għall-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fil-listi tas-soċjetajiet tat-tnissil u tal-operazzjonijiet tat-tnissil rikonoxxuti (ĠU L 109, 26.4.2017, p. 1).


ANNESS I

Kompetizzjonijiet u avvenimenti ekwestri li jaqgħu taħt id-deroga mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 90/428/KEE

Stat Membru/

Lingwa uffiċjali

(Daħħal isem l-Istat Membru)

Sena/

Lingwa uffiċjali

(daħħal ssss ta’ meta se jseħħu l-kompetizzjoni/avveniment ekwestri)

Kompetizzjoni jew avveniment ekwestri/Lingwa uffiċjali

Għadd ta’ kompetizzjonijiet/avvenimenti li jaqgħu taħt id-deroga skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 90/428/KEE/Lingwa uffiċjali

Ġustifikazzjoni/Lingwa uffiċjali

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


ANNESS II

Il-kriterji għat-tqassim tal-fondi għas-salvagwardja, l-iżvilupp u t-titjib tat-tnissil

Stat Membru/

Lingwa uffiċjali

(Daħħal isem l-Istat Membru)

Il-verżjoni/

Lingwa uffiċjali

(daħħal jj.xx.ssss)

Tip ta’ kompetizzjoni jew avveniment ekwestri/Lingwa uffiċjali

Il-kriterji stabbiliti għat-tqassim tal-fondi għas-salvagwardja, l-iżvilupp u t-titjib tat-tnissil (it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 90/428/KEE)/Lingwa uffiċjali

 

 

 

 

 

 

 

 


ANNESS III

1.   

L-intestatura ta’ kull paġna ta’ tagħrif ibbażata fuq l-Internet għandha tindika l-isem tal-Istat Membru u jew is-sena tal-avvenimenti ekwestri elenkati fl-Anness I, inkella l-verżjoni kkonċernata, bil-format li ġej jj.xx.ssss għal-lista ta’ kriterji stabbiliti fl-Anness II.

2.   

L-intestatura ta’ kull paġna ta’ tagħrif ibbażata fuq l-Internet għandha ssir bil-lingwa Ingliża u bil-lingwa(i) uffiċjali tal-Istat Membru.

3.   

L-informazzjoni għandha tingħata kemm jista’ jkun f’ordni loġika.