ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 2

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
6ta' Jannar 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/3 tat-28 ta’ Awwissu 2019 li jistabbilixxi pjan għall-iskartar tal-gandoffli Venus (Venus spp.) fl-ilmijiet territorjali tal-Italja

1

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/4 tad-29 ta’ Awwissu 2019 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/86 li jistabbilixxi pjan ta’ skartar għal ċertu sajd demersali fil-Baħar Mediterran

5

 

*

Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/5 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li japprova emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ isem imniżżel fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti [Olives noires de la Vallée des Baux-de-Provence (DOP)]

11

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

6.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 2/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/3

tat-28 ta’ Awwissu 2019

li jistabbilixxi pjan għall-iskartar tal-gandoffli Venus (Venus spp.) fl-ilmijiet territorjali tal-Italja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 15(6) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 15a tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu l-għan li jelimina progressivament il-qbid skartat fis-sajd tal-Unjoni permezz tal-introduzzjoni ta’ obbligu tal-ħatt l-art għall-qabdiet ta’ speċijiet soġġetti għal limiti ta’ qbid u, fil-Mediterran, anki għall-qabdiet ta’ speċijiet soġġetti għal daqsijiet minimi.

(2)

Skont l-Artikolu 15(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu tal-ħatt l-art japplika għas-sajd demersali fil-Baħar Mediterran sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2017 għal dawk l-ispeċijiet li jiddefinixxu s-sajd u sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2019 għall-ispeċijiet l-oħrajn kollha.

(3)

L-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta pjanijiet għall-iskartar tal-ħut permezz ta’ att delegat għal perjodu ta’ mhux iżjed minn tliet snin li jista’ jiġġedded għal perjodu addizzjonali totali ta’ tliet snin, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati mill-Istati Membri b’konsultazzjoni mal-Kunsilli Konsultattivi rilevanti. Il-pjanijiet għall-iskartar tal-ħut jistgħu jinkludu l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15(5) (a) sa (e) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, inkluż l-iffissar ta’ daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni.

(4)

Bil-għan li jiġu adottati l-pjanijiet għall-iskartar tal-ħut, l-Artikolu 15a tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 u l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2019/1241 jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni tal-ispeċijiet soġġetti għall-obbligu tal-ħatt l-art, biex jiġu mħarsa ż-żgħar tal-organiżmi marittimi. Skont dak l-Artikolu, id-daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni jistgħu jidderogaw, fejn xieraq, mid-daqsijiet stabbiliti fl-Anness III għal dak ir-Regolament u, wara d-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2019/1241 mid-daqsijiet stabbiliti fl-Anness IX għar-Regolament (UE) 2019/1241.

(5)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2376 (4) stabbilixxa pjan għall-iskartar tal-gandoffli Venus (Venus spp.) fl-ilmijiet territorjali Taljani mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Diċembru 2019, wara rakkomandazzjoni ppreżentata mill-Italja.

(6)

L-Italja, bħala l-uniku Stat Membru b’interess dirett ta’ ġestjoni tas-sajd għall-gandoffli Venus (Venus spp.) fl-ilmijiet territorjali Taljani tas-Subżoni Ġeografiċi 9, 10, 17 u 18 tal-GFCM, ippreżentat lill-Kummissjoni, f’konformità mal-proċedura tal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, rakkomandazzjoni konġunta ġdida għal pjan għall-iskartar għall-istokk tal-gandoffli Venus (Venus spp.), wara konsultazzjoni mal-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar Mediterran (MEDAC).

(7)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida ppreżentata mill-Italja ġiet riveduta mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (l-STECF) fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ bejn l-1 u l-5 ta’ Lulju 2019 (5).

(8)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi l-applikazzjoni ta’ eżenzjoni ta’ sopravvivenza għolja għall-gandoffli Venus (Venus spp.) fis-sajd li jsir bil-gangmi idrawliċi fl-ilmijiet territorjali Taljani tas-Subżoni Ġeografiċi 9, 10, 17 u 18 tal-GFCM. L-Istat Membru pprovda evidenza xjentifika sabiex juri rati għolja ta’ sopravvivenza fil-qbid skartat tal-gandoffli Venus (Venus spp.) f’dak is-sajd u bagħat programm ta’ monitoraġġ xjentifiku. L-evidenza ġiet ippreżentata lill-STECF, li kkonkluda li s-sopravvivenza tal-qbid skartat hija mistennija li tkun sostanzjali. L-STECF ikkonkluda wkoll li l-programm ta’ monitoraġġ xjentifiku propost għandu jipprovdi data u informazzjoni robusti biex jippermettu l-valutazzjoni tal-effetti tal-pjan għall-iskartar tal-ħut. Fid-dawl ta’ dik il-valutazzjoni, huwa xieraq li dik l-eżenzjoni tiġi inkluża f’dan ir-Regolament għal perjodu ta’ tliet snin.

(9)

Barra minn hekk, ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi li d-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni tal-gandoffli Venus (Venus spp.) stabbilit fir-Regolament Delegat (UE) 2016/2376 permezz ta’ deroga mill-Anness III għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 għandu jibqa’ japplika. L-STECF innota li d-daqs minimu ta’ referenza mnaqqas għall-konservazzjoni għadu akbar mid-daqs definit fl-ewwel maturità u li ma hemm l-ebda evidenza li tissuġġerixxi li t-tnaqqis fid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni kellu impatt detrimentali fuq l-istokk. L-STECF ikkonkluda li t-talba għall-kontinwazzjoni tad-daqs minimu mnaqqas ta’ referenza għall-konservazzjoni tidher raġonevoli. Madankollu, l-STECF ikkonkluda wkoll li l-impatti tal-passat u dawk previsti fil-ġejjieni tal-bidla proposta fid-daqs minimu fuq ir-rati ta’ sfruttament u fuq il-bijomassa tal-istokk ma jistgħux jiġu vvalutati bis-sħiħ. Għalhekk ikun hemm bżonn ta’ aktar studji u data dwar dawk l-impatti. Ir-Regolament (UE) 2019/1241, li jistabbilixxi miżuri reġjonali tekniċi għall-Baħar Mediterran fl-Anness IX, daħal fis-seħħ biss fl-14 ta’ Awwissu 2019, u ma jipprevedix miżuri tranżizzjonali fir-rigward tal-proċedura ta’ adozzjoni ta’ atti delegati li jemendaw dawn il-miżuri tekniċi reġjonali. Ir-rakkomandazzjoni konġunta tressqet mill-Italja u ġiet evalwata mill-STECF qabel daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) 2019/1241 u għalhekk ma rreferietx għar-Regolament (UE) 2019/1241. Madankollu, quddiem dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tqis li, skont l-informazzjoni disponibbli f’dan l-istadju fir-rakkomandazzjoni konġunta u fl-evalwazzjoni tal-STECF, ma jidher ebda element li jindika li d-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni propost ma jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti għall-miżuri tekniċi tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2019/1241. Fid-dawl ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa xieraq li d-deroga mitluba tingħata għal sena waħda biss.

(10)

Il-miżuri ssuġġeriti fir-rakkomandazzjoni konġunta huma konformi mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(11)

Biex ikun żgurat kontroll tajjeb fuq l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art, l-Istat Membru jenħtieġ li jistabbilixxi lista tal-bastimenti li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(12)

Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mas-sajd u fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

(13)

Jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2020 għal tliet snin. L-applikazzjoni ta’ daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni tal-gandoffli Venus (Venus spp.) ta’ 22 mm jenħtieġ li tkun limitata għal sena.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jispeċifika d-dettalji għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 fis-sajd tal-gandoffli Venus (Venus spp.) li jsir f’ċerti ilmijiet territorjali Taljani.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-ilmijiet territorjali Taljani tas-subżoni ġeografiċi 9, 10, 17 u 18 tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) kif iddefiniti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

Artikolu 2

Eżenzjoni ta’ sopravvivenza għall-gandoffli Venus (Venus spp.)

1.   L-eżenzjoni ta’ sopravvivenza msemmija fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika, fl-ilmijiet territorjali Taljani tas-Subżoni Ġeografiċi tal-GFCM 9, 10, 17 u 18, għall-qabdiet tal-gandoffli Venus (Venus spp.) iżgħar mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni li jsiru bil-gangmi idrawliċi.

2.   Meta jiġu skartati l-gandoffli Venus (Venus spp.)li jkunu nqabdu fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-gandoffli Venus (Venus spp.) għandhom jiġu rilaxxati minnufih.

Artikolu 3

Daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni

1.   B’deroga mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni stabbilit fl-Anness IX għar-Regolament (UE) 2019/1241, id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni tal-gandoffli Venus (Venus spp.) fl-ilmijiet territorjali Taljani tas-Subżoni Ġeografiċi 9, 10, 17 u 18 tal-GFCM għandu jkun ta’ tul totali ta’ 22 mm.

2.   Il-kejl tad-daqs tal-gandoffli Venus (Venus spp.) għandu jsir skont l-Anness IV għar-Regolament (UE) 2019/1241.

Artikolu 4

Il-lista tal-bastimenti

Sal-31 ta’ Diċembru 2019, permezz tas-sit web sikur tal-kontroll tal-Unjoni, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-lista tal-bastimenti kollha awtorizzati biex jistadu għall-gandoffli Venus (Venus spp.) bl-użu ta’ gangmi idrawliċi fl-ilmijiet territorjali Taljani tas-Subżoni Ġeografiċi 9, 10, 17 u 18 tal-GFCM. L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom iżommu din il-lista aġġornata l-ħin kollu.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2022.

Madankollu, l-Artikolu 3 għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Awwissu 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(2)  ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105.

(3)  ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11.

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2376 tat-13 ta’ Ottubru 2016 li jistabbilixxi pjan għall-iskart tal-mollusk bivalv Venus spp. fl-ilmijiet territorjali tal-Italja (ĠU L 352, 23.12.2016, p. 48).

(5)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/plen1902

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran) u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (ĠU L 347, 30.12.2011, p. 44)


6.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 2/5


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/4

tad-29 ta’ Awwissu 2019

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/86 li jistabbilixxi pjan ta’ skartar għal ċertu sajd demersali fil-Baħar Mediterran

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 15(6) u 18(1) u (3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu l-għan li jelimina progressivament il-qbid skartat fis-sajd tal-Unjoni permezz tal-introduzzjoni ta’ obbligu tal-ħatt l-art għall-qabdiet ta’ speċijiet soġġetti għal limiti ta’ qbid u, fil-Mediterran, anki għall-qabdiet ta’ speċijiet soġġetti għal daqsijiet minimi kif definiti fl-Anness IX tar-Regolament (UE) Nru 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (2).

(2)

Skont l-Artikolu 15(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu tal-ħatt l-art japplika għas-sajd demersali fil-Baħar Mediterran mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2017 għal dawk l-ispeċijiet li jiddefinixxu dik l-attività tas-sajd u mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2019 għall-ispeċijiet l-oħra kollha.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (3) jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd demersali fil-Punent tal-Baħar Mediterran. Franza, l-Italja u Spanja ppreżentaw rakkomandazzjoni konġunta li talbet eżenzjoni de minimis għall-qabdiet li jsiru bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ. Madankollu, din it-talba tapplika għal grupp ta’ tlettax-il speċi li jinġabru flimkien, li minnhom wieħed biss jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-pjan pluriennali. Ir-Rakkomandazzjoni Konġunta titlob ukoll eżenzjoni għal qabdiet aċċessorji ta’ speċijiet pelaġiċi li jsiru bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ. Madankollu, din it-talba tapplika għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet demersali li mhumiex limitati għal dawk inklużi fil-pjan pluriennwali.

(4)

Sa issa ma ġie adottat l-ebda pjan pluriennali fir-rigward tal-Baħar Adrijatiku u tax-Xlokk tal-Baħar Mediterran.

(5)

Sabiex jiġi implimentat l-obbligu tal-ħatt l-art, l-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-pjanijiet għall-iskartar permezz ta’ att delegat, għal perjodu ta’ mhux iżjed minn tliet snin li jista’ jiġġedded għal perjodu totali ieħor ta’ tliet snin, abbażi ta’ rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati mill-Istati Membri b’konsultazzjoni mal-Kunsilli Konsultattivi rilevanti.

(6)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/86 (4) stabbilixxa pjan ta’ skartar għal ċertu sajd demersali fil-Baħar Mediterran applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Diċembru 2019, wara li ġew ippreżentati tliet rakkomandazzjonijiet konġunti lill-Kummissjoni fl-2016 minn għadd ta’ Stati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett fil-Baħar Mediterran (il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, Malta u s-Slovenja). Dawk it-tliet rakkomandazzjonijiet konġunti, ikkonċernaw rispettivament il-Punent tal-Baħar Mediterran, il-Baħar Adrijatiku u x-Xlokk tal-Baħar Mediterran.

(7)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/86 ġie emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/153 (5) u bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/2036 (6) wara li l-Istati Membri rilevanti li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett ippreżentaw żewġ rakkomandazzjonijiet konġunti dwar il-Punent tal-Baħar Mediterran, il-Baħar Adrijatiku u x-Xlokk tal-Baħar Mediterran.

(8)

F’Mejju 2019, Franza, l-Italja u Spanja ppreżentaw lill-Kummissjoni rakkomandazzjoni konġunta għal “Pjan għall-Iskartar għas-Sajd Demersali fil-Punent tal-Mediterran” wara konsultazzjonijiet fi ħdan il-Grupp reġjonali ta’ Livell Għoli Pescamed.

(9)

F’Mejju 2019, Ċipru, il-Greċja, l-Italja u Malta ppreżentaw rakkomandazzjoni konġunta ġdida lill-Kummissjoni għal Pjan ta’ Skartar għas-Sajd Demersali fix-Xlokk tal-Baħar Mediterran wara l-konsultazzjonijiet li saru fil-Grupp reġjonali ta’ Livell Għoli Sudestmed.

(10)

F’Mejju 2019, il-Kroazja, l-Italja u s-Slovenja ppreżentaw rakkomandazzjoni konġunta ġdida lill-Kummissjoni għal Pjan ta’ Skartar għas-Sajd Demersali fil-Baħar Adrijatiku (“ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida għall-Baħar Adrijatiku”) wara l-konsultazzjonijiet li saru fil-Grupp reġjonali ta’ Livell Għoli Adriatica.

(11)

It-tliet rakkomandazzjonijiet konġunti ġew ivvalutati mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) waqt il-Plenarja tiegħu tas-sajf mill-1 sal-5 ta’ Lulju 2019 (7).

(12)

F’Lulju 2019, it-tliet Gruppi ta’ Livell Għoli ppreżentaw rakkomandazzjonijiet konġunti aġġornati li kienu allinjati mal-parir xjentifiku.

(13)

Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-Kummissjoni qieset kemm il-valutazzjoni tal-STECF kif ukoll il-ħtieġa li l-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-obbligu tal-ħatt l-art.

(14)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta aġġornata għall-Punent tal-Mediterran tissuġġerixxi li l-eżenzjoni ta’ sopravivenza tiġi applikata, kif previst fl-Artikolu 15(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għall-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo) maqbuda bis-snanar u bil-konzijiet (LHP, LHM, LLS, LLD, LL, LTL, LX) sal-31 ta’ Diċembru 2021. L-STECF qies li fl-2018 ġiet ipprovduta xi evidenza b’appoġġ għal din l-eżenzjoni. Aktar data pprovduta fl-2019 issaħħaħ din it-talba. Għalhekk jixraq li d-data ta’ applikazzjoni ta’ dik l-eżenzjoni tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2021.

(15)

It-tliet rakkomandazzjonijiet konġunti aġġornati jissuġġerixxu li l-eżenzjoni ta’ sopravivenza tiġi applikata għall-awwista Ewropea (Homarus gammarus) u għall-awwista (Palinuridae) maqbuda bix-xbieki (GNS, GN, GND, GNC, GTN, GTR, GEN) kif ukoll bin-nases u bix-xbieki tat-tidwir (FPO, FIX) fil-Punent tal-Baħar Mediterran, fil-Baħar Adrijatiku u fix-Xlokk tal-Baħar Mediterran sal-31 ta’ Diċembru 2021. L-STECF qies li l-metodu użat biex tiġi pprovduta evidenza addizzjonali kien sod u li r-rata ta’ sopravivenza kienet għolja (64 %). Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, jixraq li l-applikazzjoni ta’ dawk l-eżenzjonijiet tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2021.

(16)

Ir-rakkomandazzjonijiet konġunti aġġornati għall-Punent tal-Baħar Mediterran jissuġġerixxu li l-eżenzjoni de minimis kif prevista fl-Artikolu 15(5)(c) tar-Regolament (Ue) Nru 1380/2013 tiġi applikata għall-ispnotta (Dicentrarchus labrax), għall-isparlu (Diplodus annularis), għall-mogħża (Diplodus puntazzo), għas-sargu (Diplodus sargus), għax-xirgien (Diplodus vulgaris), għaċ-ċerna (Epinephelus spp.), għall-ajula (Lithognathus mormyrus), għall-bażuga (Pagellus acarne), għall-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo), għall-paġella (Pagellus erythrinus), għall-pagru (Pagrus pagrus), għall-ħanżir tal-fond (Polyprion americanus), għall-awrata (Sparus aurata) u għall-gamblu abjad (Parapenaeus longirostris), sa mhux iktar minn 5 % fl-2020 u fl-2021 tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet mill-bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, TB, OT, PT, TX); sa mhux iktar minn 3 % fl-2020 u fl-2021 tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet, għajr il-gamblu abjad, maqbuda mill-bastimenti li jużaw l-għeżula u l-pariti (GNS, GN, GND, GNC, GTN, GTR, GEN); u sa mhux iktar minn 1 % fl-2020 u fl-2021 tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet, għajr il-paġella ħamra u l-gamblu abjad, maqbuda mill-bastimenti li jużaw is-snanar u l-konzijiet (LHP, LHM, LLS, LLD, LL, LTL, LX). L-STECF qies li kien hemm evidenza ta’ żieda fl-ispejjeż li jirriżultaw minħabba mmaniġġar ulterjuri u minħabba ħinijiet għas-selezzjoni abbord. L-STECF innota wkoll l-evidenza rigward l-ispiża tal-immaniġġjar ta’ qabdiet mhux mixtieqa fuq l-art, li huwa diffiċli fil-Mediterran minħabba li l-flotta prinċipalment tinkludi bastimenti ta’ skala żgħira li jħottu l-qabda tagħhom f’ħafna portijiet mifruxa tul il-kosta. L-STECF ikkonkluda li, minħabba l-kwantitajiet żgħar u l-għadd kbir ta’ postijiet tal-ħatt l-art, anki fil-każ li setgħu jinbiegħu qabdiet mhux mixtieqa, l-evidenza indikat li l-ispejjeż tal-ġbir ikunu sproporzjonati.

(17)

Ir-rakkomandazzjonijiet konġunti aġġornati għall-Baħar Adrijatiku jissuġġerixxu li l-eżenzjoni de minimis tiġi applikata għall-ispnotta (Dicentrarchus labrax), għall-isparlu (Diplodus annularis), għall-mogħża (Diplodus puntazzo), għas-sargu (Diplodus sargus), għax-xirgien (Diplodus vulgaris), għaċ-ċerna (Epinephelus spp.), għall-ajula (Lithognathus mormyrus), għall-bażuga (Pagellus acarne), għall-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo), għall-paġella (Pagellus erythrinus), għall-pagru (Pagrus pagrus), għall-ħanżir tal-fond (Polyprion americanus), għall-awrata (Sparus aurata) u għall-gamblu abjad (Parapenaeus longirostris), sa mhux iktar minn 5 % fl-2020 u fl-2021 tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet mill-bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, TB, OT, PT, TX); sa mhux iktar minn 3 % fl-2020 u fl-2021 tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet, għajr il-gamblu abjad iżda inkluża l-lingwata komuni, maqbuda mill-bastimenti li jużaw l-għeżula u l-pariti (GNS, GN, GND, GNC, GTN, GTR, GEN); u sa mhux iktar minn 1 % fl-2020 u fl-2021 tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet, għajr il-paġella ħamra u l-gamblu abjad iżda inkluża l-lingwata komuni, maqbuda mill-bastimenti li jużaw is-snanar u l-konzijiet (LHP, LHM, LLS, LLD, LL, LTL, LX). L-STECF qies li kien hemm evidenza ta’ żieda fl-ispejjeż li jirriżultaw minħabba mmaniġġar ulterjuri u minħabba ħinijiet għas-selezzjoni abbord. L-STECF innota wkoll l-evidenza rigward l-ispiża tal-immaniġġjar ta’ qabdiet mhux mixtieqa fuq l-art, li huwa diffiċli fil-Mediterran minħabba li l-flotta prinċipalment tinkludi bastimenti ta’ skala żgħira li jħottu l-qabda tagħhom f’ħafna portijiet mifruxa tul il-kosta. L-STECF ikkonkluda li, minħabba l-kwantitajiet żgħar u l-għadd kbir ta’ postijiet tal-ħatt l-art, anki fil-każ li setgħu jinbiegħu qabdiet mhux mixtieqa, l-evidenza indikat li l-ispejjeż tal-ġbir ikunu sproporzjonati.

(18)

Ir-rakkomandazzjonijiet konġunti aġġornati għax-xlokk tal-Baħar Mediterran jissuġġerixxu li l-eżenzjoni de minimis tiġi applikata għall-ispnotta (Dicentrarchus labrax), għall-isparlu (Diplodus annularis), għall-mogħża (Diplodus puntazzo), għas-sargu (Diplodus sargus), għax-xirgien (Diplodus vulgaris), għaċ-ċerna (Epinephelus spp.), għall-ajula (Lithognathus mormyrus), għall-bażuga (Pagellus acarne), għall-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo), għall-paġella (Pagellus erythrinus), għall-pagru (Pagrus pagrus), għall-ħanżir tal-fond (Polyprion americanus), għall-awrata (Sparus aurata) u għall-gamblu abjad (Parapenaeus longirostris), sa mhux iktar minn 5 % fl-2020 u fl-2021 tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet mill-bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, TB, OT, PT, TX); sa 3 % fl-2020 u fl-2021 tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet li saru minn bastimenti li jużaw l-għeżula u l-pariti (GNS, GN, GND, GNC, GTN, GTR, GEN) u sa 1 % fl-2020 u fl-2021 tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet, għajr il-paġella l-ħamra iżda inkluż il-merluzz, magħmula minn bastimenti li jużaw is-snanar u l-konzijiet (LHP, LHM, LLS, LLD, LL, LTL, LX). L-STECF qies li kien hemm evidenza ta’ żieda fl-ispejjeż li jirriżultaw minħabba mmaniġġar ulterjuri u minħabba ħinijiet għas-selezzjoni abbord. L-STECF innota wkoll l-evidenza rigward l-ispiża tal-immaniġġjar ta’ qabdiet mhux mixtieqa fuq l-art, li huwa diffiċli fil-Mediterran minħabba li l-flotta prinċipalment tinkludi bastimenti ta’ skala żgħira li jħottu l-qabda tagħhom f’ħafna portijiet mifruxa tul il-kosta. L-STECF ikkonkluda li, minħabba l-kwantitajiet żgħar u l-għadd kbir ta’ postijiet tal-ħatt l-art, anki fil-każ li setgħu jinbiegħu qabdiet mhux mixtieqa, l-evidenza indikat li l-ispejjeż tal-ġbir ikunu sproporzjonati.

(19)

L-STECF innota wkoll li l-eżenzjonijiet imsemmija fil-premessi (16), (17) u (18) ikopru grupp wiesa’ ta’ speċijiet b’firxa wiesgħa ta’ rati ta’ skartar iżda kkunsidra tali kopertura wiesgħa bħala approċċ validu minħabba l-kumplessità tas-sajd ikkonċernat. Fl-aħħar nett, l-STECF qies li eżenzjonijiet de minimis individwali li jkopru speċi waħda x’aktarx li jirriżultaw f’ħafna eżenzjonijiet separati li jkunu ugwalment ta’ sfida għall-monitoraġġ. L-eżenzjonijiet proposti japplikaw għal gruppi ta’ speċijiet li jkopru l-kumplament tal-ispeċijiet soġġetti għal daqsijiet minimi kif definiti fl-Anness IX tar-Regolament (UE) Nru 2019/1241 u li, f’dan l-istadju, mhumiex soġġetti għal limiti ta’ qbid; għalhekk, l-Artikoli 15(8) u (9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 mhumiex applikabbli. Barra minn hekk, dawk l-ispeċijiet jinqabdu fl-istess ħin, fi kwantitajiet li jvarjaw ħafna, li jagħmilha iktar diffiċli li jintuża approċċ ta’ stokk uniku. Dawk l-ispeċijiet jinqabdu minn bastimenti tas-sajd ta’ skala żgħira u jinħattu l-art f’ħafna punti differenti ta’ ħatt l-art mifruxa ġeografikament tul il-kosta.

(20)

Fl-aħħar nett, it-tliet rakkomandazzjonijiet konġunti aġġornati jissuġġerixxu li l-eżenzjoni de minimis tiġi applikata għall-inċova (Engraulis encrasicolus), għas-sardin (Sardina pilchardus), għall-kavall (Scomber spp.) u għas-sawrell (Trachurus spp.), sa mhux iktar minn 5 % fl-2020 u fl-2021 tal-qabdiet aċċessorji annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet mill-bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, TB, OT, PT u TX), fil-Punent tal-Baħar Mediterran, fil-Baħar Adrijatiku u fix-Xlokk tal-Baħar Mediterran. L-STECF qies li kien hemm evidenza ta’ żieda fl-ispejjeż li jirriżultaw minħabba mmaniġġar ulterjuri u minħabba ħinijiet għas-selezzjoni abbord. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) innota wkoll l-evidenza rigward l-ispiża tal-immaniġġjar ta’ qabdiet mhux mixtieqa fuq l-art, li huwa diffiċli fil-Mediterran. L-STECF ikkonkluda li, minħabba l-kwantitajiet żgħar u l-għadd kbir ta’ postijiet tal-ħatt l-art, anki fil-każ li setgħu jinbiegħu qabdiet mhux mixtieqa, l-evidenza indikat li l-ispejjeż tal-ġbir ikunu sproporzjonati.

(21)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, jixraq li jiġu applikati l-eżenzjonijiet de minimis imsemmija fil-premessi (16), (17), (18) u (20) sal-31 ta’ Diċembru 2021 f’konformità mal-livelli perċentwali proposti fir-rakkomandazzjonijiet konġunti u f’livelli li ma jaqbżux dawk permessi skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(22)

Fl-aħħar nett, ir-rakkomandazzjoni konġunta aġġornata għax-Xlokk tal-Baħar Mediterran tissuġġerixxi l-estensjoni tal-ambitu ġeografiku tal-pjan għall-iskartar għas-Subżoni ġeografiċi (GSAs) 14, 21, 24, 26 u 27. L-STECF irrefera għal dak is-suġġeriment iżda ma pprovdiex aktar kummenti. L-estensjoni tal-ambitu biex ikopri l-baċir kollu tax-xlokk tal-Mediterran se żżid il-konsistenza u tippermetti implimentazzjoni aħjar tal-obbligu ta’ ħatt l-art. Tali estensjoni tal-ambitu ġeografiku tidher għalhekk adatta.

(23)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżidu s-selettività tal-irkaptu tas-sajd f’konformità mar-riżultati tal-programmi ta’ riċerka attwali sabiex inaqqsu u jillimitaw il-qabdiet mhux mixtieqa u partikolarment il-qabdiet b’daqsijiet iżgħar mid-daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni.

(24)

Barra minn hekk, l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li jidentifikaw aktar żoni tat-tkabbir sabiex titnaqqas il-mortalità tal-ħut li għadu qed jikber.

(25)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li f’konformità mar-rakkomandazzjoni konġunta għall-Punent tal-Baħar Mediterran, l-Istati Membri kkonċernati jħeġġu l-użu ta’ xbieki tat-tkarkir bil-manka u/jew ta’ estensjoni mgħammra b’malji T90 b’daqs ta’ 50 mm, kif ukoll il-kontinwazzjoni ta’ sajd bi prova b’għeluq f’ħin reali.

(26)

Il-miżuri ssuġġeriti fir-rakkomandazzjonijiet konġunti aġġornati jikkonformaw mal-Artikolu 15(4), mal-Artikolu 15(5)(c) u mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u għalhekk jistgħu jiġu inklużi fil-pjan għall-iskartar stabbilit bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/86.

(27)

L-eżenzjonijiet de minimis għall-ispeċijiet ta’ ħut pelaġiku żgħir fl-attivitajiet tas-sajd li jimmiraw għal dawk l-ispeċijiet huma stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/161 (8). Min-naħa l-oħra, l-eżenzjonijiet de minimis għall-qabdiet aċċessorji ta’ speċijiet ta’ ħut pelaġiku żgħir maqbuda fis-sajd demersali jenħtieġ li jiġu inklużi fir-Regolament Delegat (UE) 2017/86.

(28)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/86 jiġi emendat skont dan.

(29)

Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament iħallu impatt dirett fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-attivitajiet ekonomiċi relatati, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu. Jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2020.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/86 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2, il-punt (e) huwa sostitwit b’li gej:

“(e)

ix-xlokk tal-Mediterran tfisser is-subżoni ġeografiċi 14, 15, 16, 19, 20, 21, 22, 23, 24, 25, 26 u 27 tal-GFCM”;

(2)

Fl-Artikolu 3(1), il-punti (g) sa (i) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(g)

għall-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo) maqbuda bis-snanar u bil-konzijiet (LHP, LHM, LLS, LLD, LL, LTL, LX) fil-Punent tal-Baħar Mediterran;

(h)

għall-awwista Ewropea (Homarus gammarus) maqbuda bix-xbieki (GNS, GN, GND, GNC, GTN, GTR, GEN) kif ukoll bin-nases u bix-xbieki tat-tidwir (FPO, FIX) fil-Punent tal-Baħar Mediterran, fil-Baħar Adrijatiku u fix-Xlokk tal-Baħar Mediterran;

(i)

għall-awwista (Palinuridae) maqbuda bix-xbieki (GNS, GN, GND, GNC, GTN, GTR, GEN) kif ukoll bin-nases u bix-xbieki tat-tidwir (FPO, FIX) fil-Punent tal-Baħar Mediterran, fil-Baħar Adrijatiku u fix-Xlokk tal-Baħar Mediterran.”;

(3)

Fl-Artikolu 4(1)(a), il-punti (iii) sa (vi) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(iii)

għall-ispnotta (Dicentrarchus labrax), għall-isparlu (Diplodus annularis), għall-mogħża (Diplodus puntazzo), għas-sargu (Diplodus sargus), għax-xirgien (Diplodus vulgaris), għaċ-ċerna (Epinephelus spp.), għall-ajula (Lithognathus mormyrus), għall-bażuga (Pagellus acarne), għall-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo), għall-paġella (Pagellus erythrinus), għall-pagru (Pagrus pagrus), għall-ħanżir tal-fond (Polyprion americanus), għal-lingwata komuni (Solea solea) u għall-awrata (Sparus aurata) u għall-gamblu abjad (Parapenaeus longirostris), sa massimu ta’ 5 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet mill-bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ;

(iv)

għall-ispnotta (Dicentrarchus labrax), għall-isparlu (Diplodus annularis), għall-mogħża (Diplodus puntazzo), għas-sargu (Diplodus sargus), għax-xirgien (Diplodus vulgaris), għaċ-ċerna (Epinephelus spp.), għall-mingus (Lithognathus mormyrus), għall-bażuga (Pagellus acarne), għall-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo), għall-paġella (Pagellus erythrinus), għall-pagru (Pagrus pagrus), għall-ħanżir tal-fond (Polyprion americanus), għal-lingwata komuni (Solea solea) u għall-awrata (Sparus aurata), sa massimu ta’ 3 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet mill-bastimenti li jużaw l-għeżula u l-pariti;

(v)

għall-ispnotta (Dicentrarchus labrax), għall-isparlu (Diplodus annularis), għall-mogħża (Diplodus puntazzo), għas-sargu (Diplodus sargus), għax-xirgien (Diplodus vulgaris), għaċ-ċerna (Epinephelus spp.), għall-ajula (Lithognathus mormyrus), għall-bażuga (Pagellus acarne), għall-paġella (Pagellus erythrinus), għall-pagru (Pagrus pagrus), għall-ħanżir tal-fond (Polyprion americanus), għal-lingwata komuni (Solea solea) u għall-awrata (Sparus aurata), sa massimu ta’ 1 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet mill-bastimenti li jużaw is-snanar u l-konzijiet;

(vi)

għall-inċova (Engraulis encrasicolus), għas-sardin (Sardina pilchardus), għall-kavall (Scomber spp.) u għas-sawrell (Trachurus spp.), sa massimu ta’ 5 % tal-qabdiet aċċessorji annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet mill-bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ.”;

(4)

Fl-Artikolu 4(1)(b), il-punti (v) sa (viii) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(v)

għall-ispnotta (Dicentrarchus labrax), għall-isparlu (Diplodus annularis), għall-mogħża (Diplodus puntazzo), għas-sargu (Diplodus sargus), għax-xirgien (Diplodus vulgaris), għaċ-ċerna (Epinephelus spp.), għall-ajula (Lithognathus mormyrus), għall-bażuga (Pagellus acarne), għall-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo), għall-paġella (Pagellus erythrinus), għall-pagru komuni (Pagrus pagrus), għall-ħanżir tal-fond (Polyprion americanus), għall-awrata (Sparus aurata) u għall-gamblu abjad (Parapenaeus longirostris), sa massimu ta’ 5 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet mill-bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ;

(vi)

għall-ispnotta (Dicentrarchus labrax), għall-isparlu (Diplodus annularis), għall-mogħża (Diplodus puntazzo), għas-sargu (Diplodus sargus), għax-xirgien (Diplodus vulgaris), għaċ-ċerna (Epinephelus spp.), għall-mingus (Lithognathus mormyrus), għall-bażuga (Pagellus acarne), għall-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo), għall-paġella (Pagellus erythrinus), għall-pagru (Pagrus pagrus), għall-ħanżir tal-fond (Polyprion americanus), għal-lingwata komuni (Solea solea) u għall-awrata (Sparus aurata), sa massimu ta’ 3 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet mill-bastimenti li jużaw l-għeżula u l-pariti;

(vii)

għall-ispnotta (Dicentrarchus labrax), għall-isparlu (Diplodus annularis), għall-mogħża (Diplodus puntazzo), għas-sargu (Diplodus sargus), għax-xirgien (Diplodus vulgaris), għaċ-ċerna (Epinephelus spp.), għall-ajula (Lithognathus mormyrus), għall-bażuga (Pagellus acarne), għall-paġella (Pagellus erythrinus), għall-pagru komuni (Pagrus pagrus), għall-ħanżir tal-fond (Polyprion americanus), għal-lingwata komuni (Solea solea) u għall-awrata (Sparus aurata), sa massimu ta’ 1 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet mill-bastimenti li jużaw is-snanar u l-konzijiet;

(viii)

għall-inċova (Engraulis encrasicolus), għas-sardin (Sardina pilchardus), għall-kavall (Scomber spp.) u għas-sawrell (Trachurus spp.), sa massimu ta’ 5 % tal-qabdiet aċċessorji annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet mill-bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ;”;

(5)

Fl-Artikolu 4(1)(c), il-punti (iv) sa (vii) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(iv)

għall-ispnotta (Dicentrarchus labrax), għall-isparlu (Diplodus annularis), għall-mogħża (Diplodus puntazzo), għas-sargu (Diplodus sargus), għax-xirgien (Diplodus vulgaris), għaċ-ċerna (Epinephelus spp.), għall-mingus (Lithognathus mormyrus), għall-bażuga (Pagellus acarne), għall-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo), għall-paġella (Pagellus erythrinus), għall-pagru (Pagrus pagrus), għall-ħanżir tal-fond (Polyprion americanus), għal-lingwata komuni (Solea solea) u għall-awrata (Sparus aurata), sa massimu ta’ 5 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet mill-bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ;

(v)

għall-ispnotta (Dicentrarchus labrax), għall-isparlu (Diplodus annularis), għall-mogħża (Diplodus puntazzo), għas-sargu (Diplodus sargus), għax-xirgien (Diplodus vulgaris), għaċ-ċerna (Epinephelus spp.), għall-mingus (Lithognathus mormyrus), għall-bażuga (Pagellus acarne), għall-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo), għall-paġella (Pagellus erythrinus), għall-pagru (Pagrus pagrus), għall-ħanżir tal-fond (Polyprion americanus), għal-lingwata komuni (Solea solea) u għall-awrata (Sparus aurata), sa massimu ta’ 3 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet mill-bastimenti li jużaw l-għeżula u l-pariti;

(vi)

għall-ispnotta (Dicentrarchus labrax), għall-isparlu (Diplodus annularis), għall-mogħża (Diplodus puntazzo), għas-sargu (Diplodus sargus), għax-xirgien (Diplodus vulgaris), għaċ-ċerna (Epinephelus spp.), għall-ajula (Lithognathus mormyrus), għall-bażuga (Pagellus acarne), għall-paġella (Pagellus erythrinus), għall-pagru (Pagrus pagrus), għall-ħanżir tal-fond (Polyprion americanus), għal-lingwata komuni (Solea solea) għall-merluzz (Merluccius merluccius) u għall-awrata (Sparus aurata), sa massimu ta’ 1 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet mill-bastimenti li jużaw is-snanar u l-konzijiet;

(vii)

għall-inċova (Engraulis encrasicolus), għas-sardin (Sardina pilchardus), għall-kavall (Scomber spp.) u għas-sawrell (Trachurus spp.), sa massimu ta’ 5 % tal-qabdiet aċċessorji annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet mill-bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ.”;

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Awwissu 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’Ġunju 2019dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014 (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 1).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/86 tal-20 ta’ Ottubru 2016 li jistabbilixxi pjan ta’ skartar għal ċertu sajd demersali fil-Baħar Mediterran (ĠU L 14, 18.1.2017, p. 4).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/153 tat-23 ta’ Ottubru 2017 li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/86 li jistabbilixxi pjan ta’ skartar għal ċertu sajd demersali fil-Baħar Mediterran (ĠU L 29, 1.2.2018, p. 1).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/2036 tat-18 ta’ Ottubru 2018 li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/86 li jistabbilixxi pjan ta’ skartar għal ċertu sajd demersali fil-Baħar Mediterran (ĠU L 327, 21.12.2018, p. 27).

(7)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/plen1902

(8)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/161 tat-23 ta’ Ottubru 2017 li jistabbilixxi eżenzjoni de minimis għall-obbligu tal-ħatt l-art għal ċertu sajd ta’ ħut pelaġiku żgħir fil-Baħar Mediterran (ĠU L 30, 2.2.2018, p. 1).


6.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 2/11


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/5

tad-19 ta’ Diċembru 2019

li japprova emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ isem imniżżel fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti [“Olives noires de la Vallée des Baux-de-Provence” (DOP)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni ta’ Franza għall-approvazzjoni ta’ emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Olives noires de la Vallée des Baux-de-Provence” irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/1999 (2).

(2)

Billi l-emenda kkonċernata mhijiex minuri skont it-tifsira tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni ppubblikat l-applikazzjoni għal emenda, kif meħtieġ skont l-Artikolu 50(2)(a) tal-istess Regolament, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3).

(3)

Billi l-Kummissjoni ma rċeviet ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jenħtieġ li l-emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tiġi approvata,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea rigward l-isem “Olives noires de la Vallée des Baux-de-Provence” (DOP) hija approvata.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Kummissjoni

f’isem il-President,

Janusz WOJCIECHOWSKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/1999 tat-19 ta’ Frar 1999 li jissupplimenta l-Anness mar-Regolament (KE) Nru 2400/96 dwar id-dħul ta' ċerti ismijiet fir-Reġistru tad-Denominazzjonijiet Protetti ta' Oriġini u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti pprovvdut bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 dwar il-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u d-Denominazzjonijiet tal-Oriġini għall-prodotti u l-oġġetti tal-ikel agrikoli (ĠU L 46, 20.2.1999, p. 13).

(3)  ĠU C 281, 20.8.2019, p. 3.