ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 278

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 62
30 ta' Ottubru 2019


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1811 tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

1

 

*

Regolament Ta’ Implimentazzjoni Tal-Kummissjoni (UE) 2019/1812 tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

4

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1813 tad-29 ta’ Ottubru 2019 li temenda d-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/96/UE dwar ir-rekwiżiti għat-tikkettar, is-siġillar u l-imballaġġar ta’ materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u ta’ pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott, li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE fir-rigward tal-kulur tat-tikketta għall-kategoriji ċertifikati tal-materjal tal-propagazzjoni u tal-pjanti tal-frott u fir-rigward tal-kontenut tad-dokument tal-fornitur

7

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1814 tal-24 ta’ Ottubru 2019 li taħtar membru u membru supplenti, proposti mir-Renju ta’ Spanja, fil-Kumitat tar-Reġjuni

10

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1815 tal-24 ta’ Ottubru 2019 li taħtar żewġ membri u tliet membri supplenti, proposti mir-Repubblika tas-Slovenja, fil-Kumitat tar-Reġjuni

12

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1816 tal-24 ta’ Ottubru 2019 li taħtar membru u membru supplenti, proposti mir-Repubblika Portugiża, fil-Kumitat tar-Reġjuni

13

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

30.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 278/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1811

tat-23 ta’ Ottubru 2019

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jenħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu għandu jkun ta’ tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni (Kodiċi - NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Magna mobbli, awtobilanċjata, li taħdem bl-elettriku, imsejħa “robot ta’ telepreżenza”. Din hija magħmula mill-komponenti ewlenin li ġejjin f’housing wieħed b’żewġ roti mmuntati fuq fus:

aċċelerometru u ġiroskopju,

mutur elettriku,

Bluetooth module,

batterija rikarikabbli.

L-oġġett għandu konnessjoni għall-iċċarġjar tal-batterija, dawl li jindika l-istatus u arblu teleskopiku vertikali b’kontroll tal-għoli motorizzat. L-arblu għandu ħowlder li jista’ jinqala’ u li jieħu kompjuter tablet (“tablet”) fuq in-naħa ta’ fuq. Il-ħowlder huwa mgħammar b’port USB għall-iċċarġjar tat-tablet.

L-oġġett jista’ jiġi kkontrollat mill-bogħod biss permezz ta’ apparat kompatibbli (tablet, eċċ.) b’funzjonijiet ta’ komunikazzjoni mingħajr fili bl-użu tal-Bluetooth.

L-oġġett jintuża biex iġorr u jgħolli jew ibaxxi t-tablet u biex iforni t-tablet bl-enerġija elettrika.

Ara l-istampa (*).

8428 90 90

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, min-Nota 3 tat-Taqsima XVI u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 8428, 8428 90 u 8428 90 90 .

L-oġġett, kulma jagħmel, huwa li jġorr it-tablet u jforniha bl-enerġija elettrika; ma jippermettix lit-tablet twettaq operazzjonijiet li mhumiex dawk li għalihom hija ddisinjata. Għalhekk la jadatta t-tablet għal xi operazzjoni partikolari, la jżid mal-għadd ta’ operazzjonijiet tagħha, u lanqas ma jwettaq xi servizz partikolari fir-rigward tal-funzjoni prinċipali tat-tablet (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Unomedical, C-152/10, EU:C:2011:402, il-paragrafu 29, u ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata għall-intestatura 8473, it-tieni paragrafu).

Konsegwentement, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8473 bħala aċċessorju għall-użu uniku jew prinċipali ma’ magni tal-intestaturi 8470 sa 8472 hija eskluża.

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8479 jew 8543 hija eskluża minħabba li l-oġġett iwettaq diversi funzjonijiet tal-magni msemmija fl-intestaturi tal-Kapitolu 84 jew 85 (Taqsima XVI), bħal funzjoni ta’ rfigħ u maniġġjar (iġorr u jgħolli jew ibaxxi t-tablet), u li jipprovdi kurrent lil apparat u funzjoni ta’ komunikazzjoni bl-użu tal-protokoll tal-Bluetooth.

Permezz tan-Nota 3 tat-Taqsima XVI, għandu jiġi kklassifikat bħala dak l-apparat li jwettaq il-funzjoni prinċipali.

L-oġġett huwa ddisinjat biex iġorr u jgħolli jew ibaxxi tablet u, konsegwentement, din hija l-funzjoni prinċipali tiegħu skont it-tifsira tan-nota 3 tat-Taqsima XVI. Il-funzjonijiet l-oħra huma anċillari.

Għaldaqstant, l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 8428 90 90 bħala makkinarju ieħor għall-irfigħ, immaniġġjar, tagħbija u ħatt.

Image 1


(*1)  (*) L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta’ informazzjoni.


30.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 278/4


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1812

tat-23 ta’ Ottubru 2019

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jenħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta’ tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni (Kodiċi - NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Flixkun tal-ilma li jista’ jerġa’ jintuża magħmul minn ħġieġ tal-borosilikat trasparenti, b’tapp bil-kamin magħmul mill-azzar inossidabbli. It-tapp għandu o-ring intern magħmul mis-silikon li jipprovdi ssiġillar impermeabbli. Il-flixkun għandu ħolqa biex jinġarr minnha mwaħħla mat-tapp u huwa mdawwar bi strixxa tas-silikonu li ma tiżloqx u tista’ titneħħa, għall-użu konvenjenti.

Il-flixkun għandu għoli ta’ madwar 220 mm u dijametru ta’ 60 mm. Id-dijametru tal-għonq huwa ta’ madwar 30 mm. Il-kapaċità massima tal-flixkun hija 0,6 l.

 (*1) Ara l-istampi.

7013 99 00

Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u l-kliem tal-kodiċijiet NM 7013 u 7013 99 00 .

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 7010 bħala fliexken, karaffi u għeluq ieħor, tal-ħġieġ, ta’ tip użati għall-ġarr jew ippakkjar ta’ merkanzija, huwa eskluż, peress li l-oġġett ma jintużax kummerċjalment b’mod komuni (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (HSEN) tal-intestatura 7010, l-ewwel paragrafu, HSEN tal-intestatura 7013, l-aħħar paragrafu, il-punt (b), kif ukoll l-opinjoni tal-klassifikazzjoni tas-Sistema Armonizzata 3924.90/2).

Għaldaqstant, l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 7013 99 00 bħala oġġetti oħra tal-ħġieġ tat-tip użat għall-mejda, kċina, twaletta, uffiċċju, tiżjin ta’ ġewwa jew għal għanijiet simili.

Image 2


(*1)  L-istampi għandhom jintużaw biss għal finijiet ta’ informazzjoni.


DIRETTIVI

30.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 278/7


DIRETTIVA TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1813

tad-29 ta’ Ottubru 2019

li temenda d-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/96/UE dwar ir-rekwiżiti għat-tikkettar, is-siġillar u l-imballaġġar ta’ materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u ta’ pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott, li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE fir-rigward tal-kulur tat-tikketta għall-kategoriji ċertifikati tal-materjal tal-propagazzjoni u tal-pjanti tal-frott u fir-rigward tal-kontenut tad-dokument tal-fornitur

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE tad-29 ta’ Settembru 2008 dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/96/UE (2) tistabbilixxi r-rekwiżiti għat-tikkettar tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott biex tiżgura l-identità u t-traċċabbiltà ta’ dak il-materjal tal-propagazzjoni u ta’ dawk il-pjanti tal-frott matul il-kummerċjalizzazzjoni.

(2)

F’konformità ma’ dik id-Direttiva, l-użu ta’ tikketti kkuluriti għall-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u għall-pjanti tal-frott tal-kategoriji prebażiċi, bażiċi u ċċertifikati kellu jiġi rieżaminat mill-Kummissjoni sal-1 ta’ Jannar 2019.

(3)

Stħarriġ imwettaq mill-Kummissjoni wera li l-maġġoranza tal-Istati Membri huma favur l-użu obbligatorju ta’ tikketta kkulurita għall-kategoriji prebażiċi, bażiċi u ċċertifikati tal-materjal tal-propagazzjoni u tal-pjanti tal-frott. L-istħarriġ indika wkoll li bosta Stati Membri jikkummerċjalizzaw il-materjal Conformitas Agraria Communitatis (“CAC”) b’dokument tal-fornitur isfar fil-forma ta’ tikketta mwaħħla mal-materjal CAC.

(4)

Sabiex titqies il-prattika eżistenti fl-Istati Membri, u sabiex jiġi żgurat li jkun hemm distinzjoni ċara bejn id-dokument tal-fornitur għall-materjal CAC u t-tikketti uffiċjali għall-materjal prebażiku, bażiku u ċċertifikat, jenħtieġ li l-kulur tat-tikketta CAC ikun isfar meta d-dokument tal-fornitur ikun imwaħħal mal-materjal CAC. Jenħtieġ li ma jiġi preskritt l-ebda kulur speċjali għad-dokument tal-fornitur meta ma jkunx imwaħħal mal-materjal CAC minħabba li f’każ bħal dan ma hemm ebda riskju ta’ konfużjoni ma’ xi tikketta jew dokument ieħor.

(5)

Id-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2014/96/UE ma tippreskrivix kulur speċifiku għad-dokument tal-fornitur meta jkun imwaħħal mal-materjal CAC fil-forma ta’ tikketta. Bħalissa, ċerti Stati Membri jużaw kulur li mhuwiex isfar għal dawk it-tikketti. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fil-kummerċ, jenħtieġ li għal perjodu tranżitorju l-Istati Membri jitħallew jawtorizzaw il-kummerċjalizzazzjoni fit-territorju tagħhom stess tal-materjal CAC li miegħu jitwaħħlu tikketti f’kulur li mhuwiex isfar, fejn dawk it-tikketti kkuluriti diġà kienu jintużaw sal-1 ta’ April 2020.

(6)

Barra minn hekk, l-esperjenza wriet li l-kontenut tad-dokument tal-fornitur jista’ jiġi ssimplifikat biex tiġi żgurata aktar flessibbiltà għall-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal CAC f’kull Stat Membru. Meta d-dokument tal-fornitur ikun fih inqas informazzjoni jkun aktar faċli għall-fornitur li jnaqqas id-daqs ta’ dak id-dokument sabiex ikun jista’ jitwaħħal fuq il-materjal CAC li jkun se jiġi kkummerċjalizzat. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li l-provvista ta’ informazzjoni dwar il-kwantità ta’ materjal CAC ikkummerċjalizzat u l-Istat Membru fejn ġie prodott il-materjal CAC, meta dan ikun differenti mill-Istat Membru li fih ikun tħejja d-dokument tal-fornitur, tkun fakultattiva.

(7)

Wara li kkunsidrat il-bidliet li jridu jsiru fir-rekwiżiti tat-tikkettar għall-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u għall-pjanti tal-frott tal-kategoriji ta’ kummerċjalizzazzjoni kollha, kif ukoll fir-rekwiżiti għad-dokument tal-fornitur, huwa xieraq li tiġi emendata d-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2014/96/UE.

(8)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti u l-fornituri jkollhom żmien biżżejjed biex jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda, jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika mill-1 ta’ April 2020.

(9)

Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, it-taqsima il-Materjal tal-Propagazzjoni u l-Pjanti tal-Ġeneri u l-Ispeċi tal-Frott,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2014/96/UE

Id-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2014/96/UE hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.

Il-kulur tat-tikketta għandu jkun:

(a)

abjad bi strixxa vjola dijagonali għall-materjal prebażiku;

(b)

abjad għall-materjal bażiku;

(c)

blu għall-materjal iċċertifikat.”;

(2)

L-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Id-dokument tal-fornitur għall-materjal CAC

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-materjal CAC li jiġi kkummerċjalizzat ikollu miegħu dokument imħejji mill-fornitur f’konformità mal-paragrafi 2, 3 u 4 (“id-dokument tal-fornitur”).

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokument tal-fornitur ma jkunx jixbah lid-dokument ta’ akkumpanjament imsemmi fl-Artikolu 3 sabiex jiġi evitat li tinħoloq konfużjoni bejn dawn iż-żewġ dokumenti.

2.   Id-dokument tal-fornitur għandu jinkludi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-indikazzjoni “Regoli u standards tal-UE”;

(b)

isem l-Istat Membru fejn ikun tħejja d-dokument, jew il-kodiċi rispettiv;

(c)

il-korp uffiċjali responsabbli jew il-kodiċi rispettiv;

(d)

isem il-fornitur, jew in-numru ta’ reġistrazzjoni/kodiċi tiegħu maħruġ mill-korp uffiċjali responsabbli;

(e)

in-numru tas-serje individwali, in-numru tal-ġimgħa jew in-numru tal-lott;

(f)

l-isem botaniku;

(g)

l-indikazzjoni “materjal CAC”;

(h)

id-denominazzjoni tal-varjetà u, fejn xieraq, il-klonu. Fil-każ tas-salvaġġ li ma jappartjenix għal varjetà: isem l-ispeċi jew l-ibridu interspeċifiku kkonċernat. Għall-pjanti tal-frott imlaqqma, din l-informazzjoni għandha tingħata għas-salvaġġ u għall-parti mlaqqma ta’ fuq. Fil-każ tal-varjetajiet li għalihom tkun għadha pendenti applikazzjoni għar-reġistrazzjoni uffiċjali jew għal dritt fuq varjetà ta’ pjanta, din l-informazzjoni għandha tindika: id-“denominazzjoni proposta” u “applikazzjoni pendenti”;

(i)

id-data tal-ħruġ tad-dokument.

3.   Meta d-dokument tal-fornitur ikun imwaħħal mal-materjal CAC, il-kulur tiegħu għandu jkun isfar.

4.   Id-dokument tal-fornitur għandu jiġi stampat b’linka permanenti f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, b’mod li l-kontenut tiegħu jkun jidher b’mod ċar u jinqara faċilment.”

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-31 ta’ Marzu 2020, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk d-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ April 2020.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Miżuri tranżitorji

1.   Sat-30 ta’ Ġunju 2021, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-kummerċjalizzazzjoni fit-territorju tagħhom stess tal-materjal Conformitas Agraria Communitatis (“CAC”) li miegħu jitwaħħlu tikketti f’kulur li mhuwiex isfar, fejn dawk it-tikketti kkuluriti diġà kienu jintużaw sal-1 ta’ April 2020.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jiġu kkummerċjalizzati, il-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u l-pjanti tal-frott li jikkwalifikaw bħala materjal CAC jiġu identifikati permezz ta’ referenza għal dan l-Artikolu fid-dokument tal-fornitur meta jintuża bħala tikketta.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 267, 8.10.2008, p. 8.

(2)  Id-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/96/UE tal-15 ta’ Ottubru 2014 dwar ir-rekwiżiti għat-tikkettar, is-siġillar u l-imballaġġar ta’ materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u ta’ pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott, li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE (ĠU L 298, 16.10.2014, p. 12).


DEĊIŻJONIJIET

30.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 278/10


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1814

tal-24 ta’ Ottubru 2019

li taħtar membru u membru supplenti, proposti mir-Renju ta’ Spanja, fil-Kumitat tar-Reġjuni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 305 tiegħu,

Filwaqt li kkunsidra l-proposta mill-Gvern Spanjol,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Jannar 2015, fil-5 ta’ Frar 2015 u fit-23 ta’ Ġunju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjonijiet (UE) 2015/116 (1), (UE) 2015/190 (2) u (UE) 2015/994 (3) li jaħtru l-membri u l-membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2015 sal-25 ta’ Jannar 2020. Fit-18 ta’ Settembru 2015, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1571 (4), is-Sur Pedro SANZ ALONSO ġie sostitwit mis-Sur José Ignacio CENICEROS GONZÁLEZ bħala membru. Fl-1 ta’ Ottubru 2015, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1774 (5), is-Sur Emilio DEL RÍO SANZ ġie sostitwit mis-Sa Begoña MARTÍNEZ ARREGUI bħala membru supplenti.

(2)

Konsegwentement għal tmiem il-mandat tas-Sur José Ignacio CENICEROS GONZÁLEZ, sar vakanti s-siġġu ta’ membru fil-Kumitat tar-Reġjuni.

(3)

Konsegwentement għal tmiem il-mandat tas-Sa Begoña MARTÍNEZ ARREGUI, sar vakanti s-siġġu ta’ membru supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Huma b’dan maħturin fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-bqija tal-mandat attwali, li jintemm fil-25 ta’ Jannar 2020:

(a)

bħala membru:

Is-Sa Concepción ANDEU RODRÍGUEZ, Presidenta de la Comunidad Autónoma de La Rioja ,

(b)

bħala membru supplenti:

Is-Sur Francisco Celso GONZÁLEZ GONZÁLEZ, Consejero de Hacienda de la Comunidad Autónoma de La Rioja.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

A.-K. PEKONEN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/116 tas-26 ta’ Jannar 2015 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2015 sal-25 ta’ Jannar 2020 (ĠU L 20, 27.1.2015, p. 42).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/190 tal-5 ta’ Frar 2015 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2015 sal-25 ta’ Jannar 2020 (ĠU L 31, 7.2.2015, p. 25).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/994 tat-23 ta’ Ġunju 2015 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2015 sal-25 ta’ Jannar 2020 (ĠU L 159, 25.6.2015, p. 70).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1571 tat-18 ta’ Settembru 2015 li taħtar żewġ membri Spanjoli fil-Kumitat tar-Reġjuni (ĠU L 245, 22.9.2015, p. 8).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1774 tal-1 ta’ Ottubru 2015 li taħtar membru supplenti Spanjol fil-Kumitat tar-Reġjuni (ĠU L 258, 3.10.2015, p. 10).


30.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 278/12


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1815

tal-24 ta’ Ottubru 2019

li taħtar żewġ membri u tliet membri supplenti, proposti mir-Repubblika tas-Slovenja, fil-Kumitat tar-Reġjuni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 305 tiegħu,

Filwaqt li kkunsidra l-proposta mill-Gvern Sloven,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Jannar 2015, fil-5 ta’ Frar 2015 u fit-23 ta’ Ġunju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjonijiet (UE) 2015/116 (1), (UE) 2015/190 (2) u (UE) 2015/994 (3) li jaħtru l-membri u l-membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2015 sal-25 ta’ Jannar 2020.

(2)

Konsegwentement għal tmiem il-mandati tas-Sur Peter BOSSMAN u tas-Sa Andreja POTOČNIK saru vakanti s-siġġijiet ta’ żewġ membri fil-Kumitat tar-Reġjuni.

(3)

Konsegwentement għal tmiem il-mandati tas-Sa Mojca ČEMAS STJEPANOVIČ, is-Sa Tanja VINDIŠ FURMAN u s-Sur Miran SENČAR saru vakanti s-siġġijiet ta’ tliet membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Huma b’dan maħturin fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-bqija tal-mandat attwali, li jintemm fil-25 ta’ Jannar 2020:

(a)

bħala membri:

Is-Sur Gregor MACEDONI, župan Mestne občine Novo mesto,

Is-Sa Nuška GAJŠEK,, županja Mestne občine Ptuj,

(b)

bħala membri supplenti:

Is-Sur Aleksander Saša ARESNOVIČ, župan Mestne občine Maribor,

Is-Sa Breda ARNŠEK, podžupanja Mestne občine Celje,

Is-Sa Vlasta KRMELJ, županja Občine Selnica ob Dravi.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

A.-K. PEKONEN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/116 tas-26 ta’ Jannar 2015 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2015 sal-25 ta’ Jannar 2020 (ĠU L 20, 27.1.2015, p. 42).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/190 tal-5 ta’ Frar 2015 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2015 sal-25 ta’ Jannar 2020 (ĠU L 31, 7.2.2015, p. 25).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/994 tat-23 ta’ Ġunju 2015 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2015 sal-25 ta’ Jannar 2020 (ĠU L 159, 25.6.2015, p. 70).


30.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 278/13


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1816

tal-24 ta’ Ottubru 2019

li taħtar membru u membru supplenti, proposti mir-Repubblika Portugiża, fil-Kumitat tar-Reġjuni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 305 tiegħu,

Filwaqt li kkunsidra l-proposta mill-Gvern Portugiż,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Jannar 2015, fil-5 ta’ Frar 2015 u fit-23 ta’ Ġunju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjonijiet (UE) 2015/116 (1), (UE) 2015/190 (2) u (UE) 2015/994 (3) li jaħtru l-membri u l-membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2015 sal-25 ta’ Jannar 2020. Nhar is-6 ta’ Novembru 2018, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1666 (4), is-Sur Francisco LOPES ġie sostitwit mis-Sur Hélder António GUERRA DE SOUSA SILVA bħala membru supplenti.

(2)

Konsegwentement għal tmiem il-mandat tas-Sur Álvaro DOS SANTOS AMARO, sar vakanti s-siġġu ta’ membru fil-Kumitat tar-Reġjuni.

(3)

Konsegwentement għall-ħatra tas-Sur Hélder António GUERRA DE SOUSA SILVA bħala membru tal-Kumitat tar-Reġjuni, sar vakanti s-siġġu ta’ membru supplenti.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Huma b’dan maħturin fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-bqija tal-mandat attwali, jiġifieri sal-25 ta’ Jannar 2020:

(a)

bħala membru:

Is-Sur Hélder António GUERRA DE SOUSA SILVA, Presidente da Câmara de Mafra,

(b)

bħala membru supplenti:

Is-Sur Carlos André Teles Paulo DE CARVALHO, Presidente da Câmara de Tabuaço.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

A.-K. PEKONEN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/116 tas-26 ta’ Jannar 2015 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2015 sal-25 ta’ Jannar 2020 (ĠU L 20, 27.1.2015, p. 42).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/190 tal-5 ta’ Frar 2015 li taħtar il-membri u membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2015 sal-25 ta’ Jannar 2020 (ĠU L 31, 7.2.2015, p. 25).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/994 tat-23 ta’ Ġunju 2015 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2015 sal-25 ta’ Jannar 2020 (ĠU L 159, 25.6.2015, p. 70).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1666 tat-12 ta’ Novembru 2018 li taħtar żewġ membri u ħames membri supplenti, proposti mir-Repubblika Portugiża, fil-Kumitat tar-Reġjuni (ĠU L 278, 8.11.2018, p. 24).