ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 274

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 62
28 ta' Ottubru 2019


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni2019/1798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ottubru 2019 li taħtar il-Kap Prosekutur Ewropew tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

1

 

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1799 tat-22 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi għas-sistemi ta’ ġbir onlajn individwali skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej

3

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1800 tal-24 ta’ Ottubru 2019 dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji li għandhom jitħallsu mill-Istati Membri għall-finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, inklużi l-limitu massimu għall-2021, l-ammont annwali għall-2020, l-ewwel ħlas parzjali għall-2020 u tbassir indikattiv u mhux vinkolanti għall-ammonti annwali mistennija ta' kontribuzzjonijiet għas-snin 2022 u 2023

9

 

*

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1801 dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji li għandhom jitħallsu mill-Istati Membri għall-finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, inkluż it-tielet ħlas parzjali għall-2019 Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

12

 

 

ATTI ADOTTATI MINN KORPI STABBILITI PERMEZZ TA' FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni Nru 1/2018 tal-Kumitat Konġunt tal-ECAA tat-3 ta’ Mejju 2018 rigward l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu 2019/1802

15

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

28.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 274/1


DEĊIŻJONI2019/1798TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Ottubru 2019

li taħtar il-Kap Prosekutur Ewropew tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (l-“UPPE”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Wara li kkunsidraw id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1696 tat-13 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (l-“UPPE”) (2),

Wara li kkunsidraw id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1275 tat-18 ta’ Settembru 2018 li taħtar il-membri tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 (3),

Wara li kkunsidraw il-proposta ta’ lista ristretta ta’ kandidati mħejjija mill-bord tal-għażla fl-4 ta’ Frar 2019, b’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1696, bil-ħsieb tal-ħatra tal-Kap Prosekutur Ewropew tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew,

Billi:

(1)

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) kien stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/1939. Il-Kummissjoni hija responsabbli għall-istabbiliment u l-operat amministrattiv inizjali tal-UPPE sakemm dan tal-aħħar ikollu l-kapaċità li jimplimenta l-baġit tiegħu stess.

(2)

Il-Kap Prosekutur Ewropew huwa l-Kap tal-UPPE u jorganizza l-ħidma tal-UPPE, jidderieġi l-attivitajiet tiegħu, u jieħu deċiżjonijiet f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/1939 u r-regoli interni ta’ proċedura tal-UPPE. Il-Kulleġġ tal-UPPE jikkonsisti mill-Kap Prosekutur Ewropew u Prosekutur Ewropew wieħed għal kull Stat Membru.

(3)

F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 120(2) tar-Regolament (UE) 2017/1939, l-UPPE ser jassumi l-kompiti investigattivi u ta’ prosekuzzjoni mogħtija lilu minn dak ir-Regolament f’data li għandha tiġi determinata minn deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq proposta tal-Kap Prosekutur Ewropew ladarba jiġi stabbilit l-UPPE.

(4)

Huwa għaldaqstant meħtieġ li jinħatar, bi qbil komuni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-ewwel Kap Prosekutur Ewropew tal-UPPE.

(5)

Avviż ta’ post battal għall-kariga ta’ Kap Prosekutur Ewropew bħala aġent temporanju fil-grad ta’ AD 15 ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fid-19 ta’ Novembru 2018 (4).

(6)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1696 tistipula r-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 (“ir-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla”).

(7)

F’konformità mal-ewwel paragrafu tar-Regola VII.1 tar-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla, tħejjiet lista ristretta ta’ tliet kandidati mill-bord tal-għażla, li ta r-raġunijiet għall-għażla tal-kandidati fil-lista ristretta f’ittri mibgħuta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-4 ta’ Frar 2019 u l-14 ta’ Frar 2019 rispettivament. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jenħtieġ li jaħtru, bi qbil komuni, wieħed mill-kandidati fil-lista ristretta bħala Kap Prosekutur Ewropew. F’konformità mat-tieni paragrafu tar-Regola VII.1 tar-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla, il-bord tal-għażla kklassifika l-kandidati skont il-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom. Tali klassifikazzjoni tindika l-ordni ta’ preferenza tal-bord tal-għażla iżda mhijiex vinkolanti fuq il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

(8)

Fis-26 ta’ Frar 2019, it-tliet kandidati fil-lista ristretta dehru quddiem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament Ewropew u quddiem il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew. Fis-7 ta’ Marzu 2019, il-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament Ewropew iddeċidiet li l-kandidat tal-Parlament Ewropew kellha tkun is-Sa Laura Codruța KÖVESI u fit-18 ta’ Lulju 2019 hija affermat mill-ġdid dik il-pożizzjoni.

(9)

Fl-20 ta’ Frar 2019, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri (Coreper), f’konformità mal-proċess intern li kien approva fil-15 ta’ Frar 2019, ipproċeda b’vot indikattiv biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Kunsill fid-dawl tad-diskussjonijiet mar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew. Wara dawk id-diskussjonijiet, fid-19 ta’ Settembru 2019, il-Coreper appoġġa l-ħatra tas-Sa Laura Codruța KÖVESI bħala Kap Prosekutur Ewropew.

(10)

Il-Kap Prosekutur Ewropew tal-UPPE għandu jinħatar bi qbil komuni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għal mandat mhux rinnovabbli ta’ seba’ snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

(11)

Qbil komuni rigward il-ħatra tal-Kap Prosekutur Ewropew intlaħaq mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill wara laqgħat konġunti tat-timijiet ta’ negozjar maħturin minn kull waħda miż-żewġ istituzzjonijiet.

(12)

Fil-ħatra tas-Sa Laura Codruța KÖVESI, iż-żewġ istituzzjonijiet qiesu l-merti rispettivi tal-kandidati, b’kont meħud tad-dikjarazzjoni tar-raġunijiet mogħtija mill-bord tal-għażla,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-Sa Laura Codruța KÖVESI hija b’dan maħtura Kap Prosekutur Ewropew tal-UPPE bħala aġent temporanju fil-grad ta’ AD 15 għal perijodu mhux rinnovabbli ta’ seba’ snin mill-31 ta’ Ottubru 2019.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

T. TUPPURAINEN


(1)  ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1.

(2)  ĠU L 282, 12.11.2018, p. 8.

(3)  ĠU L 238, 21.9.2018, p. 92.

(4)  ĠU C 418 A, 19.11.2018, p. 1.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

28.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 274/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1799

tat-22 ta’ Ottubru 2019

li jistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi għas-sistemi ta’ ġbir onlajn individwali skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/788 jistabbilixxi regoli riveduti dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej u jħassar ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(2)

Ir-Regolament (UE) 2019/788 jipprevedi li għall-ġbir onlajn ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għall-inizjattivi taċ-ċittadini rreġistrati, l-organizzaturi jridu jagħmlu użu mis-sistema ċentrali ta’ ġbir onlajn li tiġi stabbilita u operata mill-Kummissjoni. Madankollu, biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni, għal inizjattivi rreġistrati skont ir-Regolament (UE) 2019/788 qabel tmiem l-2022, l-organizzaturi jistgħu jagħżlu li jużaw is-sistema ta’ ġbir onlajn individwali tagħhom stess.

(3)

Skont ir-Regolament (UE) 2019/788 jenħtieġ li sistema individwali li tintuża għall-ġbir online ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ jkollha karatteristiċi tekniċi u ta’ sigurtà adegwati fis-seħħ biex ikun żgurat li d-data tinġabar, tinħażen u tiġi ttrasferita b’mod sigur matul il-proċedura ta’ ġbir. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiddefinixxi, flimkien mal-Istati Membri, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi biex jiġu implimentati r-rekwiżiti għal sistemi individwali ta’ ġbir onlajn.

(4)

Ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament jissostitwixxu dawk stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1179/2011 (3), li għaldaqstant se jsir obsolet.

(5)

Jenħtieġ li l-miżuri tekniċi u organizzattivi li għandhom jiġu implimentati jimmiraw li jipprevjenu, kemm fil-ħin tat-tfassil tas-sistema u matul il-perjodu ta’ ġbir, kwalunkwe pproċessar mhux awtorizzat ta’ data u jipproteġuhom kontra qerda aċċidentali jew illegali jew telfien aċċidentali, alterazzjoni, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat.

(6)

Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-organizzaturi japplikaw proċessi ta’ ġestjoni tar-riskju adegwati biex jidentifikaw ir-riskji għas-sistemi tagħhom u biex jiddeterminaw kontromiżuri xierqa u proporzjonali biex inaqqsu dawk ir-riskji għal livelli aċċettabbli. Jenħtieġ li l-organizzaturi jiddokumentaw b’mod xieraq ir-riskji għas-sigurtà u l-protezzjoni tad-data identifikati u l-miżuri meħuda biex jiġu miġġielda dawk ir-riskji, filwaqt li jitqiesu r-regoli tas-sigurtà u r-rekwiżiti applikati mill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni. Jenħtieġ li r-regoli u r-rekwiżiti tas-sigurtà jkunu konformi mar-Regolament (UE) 2019/788 u jkunu disponibbli mill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni fuq talba.

(7)

Jenħtieġ li l-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti f’dan ir-Regolament tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu li l-organizzaturi jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data li jirriżultaw mir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), inkluż il-ħtieġa possibbli għal valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data.

(8)

Ir-rappreżentant ta’ grupp ta’ organizzaturi jew, skont il-każ, entità ġuridika msemmija fl-Artikolu 5(7) ta’ dak ir-Regolament jitqies bħala kontrollur tad-data skont ir-Regolament (UE) 2016/679 fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali f’sistema individwali ta’ ġbir onlajn.

(9)

Jenħtieġ li l-organizzaturi li jintroduċu bidliet fis-sistema ta’ ġbir onlajn individwali tagħhom wara li s-sistema tkun ġiet iċċertifikata jinnotifikaw mingħajr dewmien lill-awtorità rilevanti ta’ ċertifikazzjoni tagħhom jekk il-bidla tista’ taffettwa l-valutazzjoni sottostanti. Qabel ma jagħmlu dan, l-organizzaturi jistgħu jitolbu l-parir tal-awtorità ta’ ċertifikazzjoni biex jivverifikaw jekk il-bidla jistax ikollha impatt u jenħtieġ li għalhekk jiġu nnotifikati.

(10)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u pprovda kummenti formali fis-16 ta’ Settembru 2019. L-Aġenzija tas-Sigurtà tal-Informazzjoni tan-Netwerk ġiet ikkonsultata u pprovdiet kummenti fit-18 ta’ Lulju 2019.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilita taħt l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2019/788,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 11(5) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma stipulati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

1.   L-organizzaturi għandhom jiżguraw li s-sistema ta’ ġbir onlajn individwali tagħhom tikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati fl-Anness matul il-perjodu ta’ ġbir.

2.   L-organizzaturi għandhom jinnotifikaw mingħajr dewmien bla bżonn lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru msemmi fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2019/788, il-bidliet li jiddaħħlu fis-sistema jew fil-miżuri ta’ appoġġ organizzazzjonali wara li s-sistema tkun ġiet iċċertifikata minn dik l-awtorità, meta dawk il-bidliet ikunu jistgħu jaffettwaw il-valutazzjoni sottostanti għaċ-ċertifikazzjoni. Qabel ma jagħmlu dan, l-organizzaturi jistgħu jitolbu l-parir tal-awtorità kompetenti biex jivverifikaw jekk il-bidla jistax ikollha impatt.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1179/2011 tas-17 ta’ Novembru 2011 li jistipula l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għas-sistemi tal-ġbir online skont ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU L 301, 18.11.2011, p. 3).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

1.   SPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI BIL-GĦAN LI JIMPLIMENTAW L-ARTIKOLU 11(4)(A) TAR-REGOLAMENT (UE) 2019/788

Is-sistema għandha timplimenta miżuri tekniċi biex tiżgura li persuni fiżiċi biss ikunu jistgħu jissottomettu dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ. Il-miżuri tekniċi ma għandhomx jeħtieġu li tinġabar u tinħażen aktar data personali minn dik li hija elenkata fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2019/788.

2.   SPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI BIL-GĦAN LI JIMPLIMENTAW L-ARTIKOLU 11(4)(B) TAR-REGOLAMENT (UE) 2019/788

L-organizzaturi għandhom jistabbilixxu miżuri tekniċi u organizzattivi adegwati u effettivi biex jimmaniġġaw ir-riskji għas-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni li jużaw fl-operazzjonijiet tagħhom, biex jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta fuq l-inizjattiva fis-sistema ta’ ġbir onlajn u kif ippreżentata onlajn lill-pubbliku tikkorrispondi mal-informazzjoni ppubblikata fuq l-inizjattiva fir-reġistru li hemm referenza għalih fl-Artikolu 6(5) tar-Regolament (UE) 2019/788.

L-organizzaturi għandhom jiżguraw li:

(a)

l-informazzjoni pprovduta dwar l-inizjattiva fis-sistema ta’ ġbir onlajn tikkorrispondi mal-informazzjoni ppubblikata fir-reġistru;

(b)

is-sistema tippreżenta l-informazzjoni dwar l-inizjattiva ppubblikata fir-reġistru qabel ma ċ-ċittadin iressaq id-dikjarazzjoni ta’ appoġġ;

(c)

hemm fis-seħħ miżuri ta’ sigurtà biex jiġi żgurat li l-oqsma ta’ entrati tad-data fid-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ jiġu ppreżentati flimkien mal-informazzjoni dwar l-inizjattiva, sabiex jiġi evitat ir-riskju li d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ jiġu ppreżentati fuq inizjattiva differenti permezz ta’ rappreżentazzjoni ħażina tal-inizjattiva;

(d)

is-sistema tiżgura li wara l-preżentazzjoni d-data fid-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ jiġu ssejvjati flimkien mal-informazzjoni dwar l-inizjattiva;

(e)

miżuri ta’ sigurtà huma fis-seħħ biex jiġi evitat li jsiru bidliet mhux awtorizzati fl-informazzjoni pprovduta dwar l-inizjattiva fis-sistema ta’ ġbir onlajn.

3.   SPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI BIL-GĦAN LI JIMPLIMENTAW L-ARTIKOLU 11(4)(C) TAR-REGOLAMENT (UE) 2019/788

Is-sistema għandha tiżgura li d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ jiġu ppreżentati skont l-oqsma tad-data fl-Anness III għar-Regolament (UE) 2019/788.

Is-sistema għandha tiżgura li persuna tista’ tippreżenta dikjarazzjoni ta’ appoġġ biss wara li tkun ikkonfermat li tkun qrat id-dikjarazzjoni ta’ privatezza tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2019/788.

4.   SPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI BIL-GĦAN LI JIMPLIMENTAW L-ARTIKOLU 11(4)(D) TAR-REGOLAMENT (UE) 2019/788

4.1.   Governanza

4.1.1.

Il-grupp ta’ organizzaturi għandu jinnomina uffiċjal tas-sigurtà li għandu jkun responsabbli għas-sigurtà tas-sistema u t-trażmissjoni sigura tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ miġbura lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru responsabbli. L-uffiċjal tas-sigurtà għandu jissorvelja l-proċessi tal-assigurazzjoni tal-informazzjoni u l-miżuri tekniċi u organizzattivi ta’ sigurtà biex jiżgura l-ġbir, il-ħżin u t-trażmissjoni siguri tad-data pprovduta mill-firmatarji.

4.1.2.

L-organizzaturi jistgħu jitolbu lill-awtorità nazzjonali kompetenti msemmija fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 biex jipprovdu r-regoli tas-sigurtà applikabbli u r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni ta’ sistemi individwali ta’ ġbir onlajn. L-awtorità kompetenti għandha tipprovdi r-regoli u r-rekwiżiti tas-sigurtà, bħala regola fi żmien xahar wara li tkun irċeviet it-talba. Ir-regoli u r-rekwiżiti tas-sigurtà applikabbli għandhom ikunu konformi ma’ standards ta’ sigurtà nazzjonali jew internazzjonali xierqa eżistenti.

4.1.3.

Ir-regoli tas-sigurtà u r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni tas-sistema għandhom jindirizzaw ir-riskji definiti fit-Taqsima 4.2 u għandhom iqisu l-ispeċifikazzjonijiet fit-Taqsima 4.3.

4.2.   Assigurazzjoni ta’ Informazzjoni

4.2.1.

L-organizzaturi għandhom jużaw il-proċessi ta’ ġestjoni biex jidentifikaw ir-riskji marbuta mal-użu tas-sistemi tagħhom, inkluż għad-drittijiet u l-libertajiet tal-firmatarji, u biex jiddeterminaw il-miżuri xierqa u proporzjonali għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tal-impatt ta’ inċidenti li jaffettwaw is-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni li jużaw fl-operazzjonijiet tagħhom.

Il-proċess tal-ġestjoni tar-riskju għandu jiffoka b’mod partikolari fuq ir-riskji relatati mal-kunfidenzjalità u l-integrità tal-informazzjoni fis-sistema. Dawn ir-riskji jistgħu jkunu r-riżultat ta’ theddid, inkluż:

(a)

żbalji tal-utent;

(b)

żbalji tal-amministratur tas-sistema/tas-sigurtà;

(c)

żbalji ta’ konfigurazzjoni;

(d)

infezzjoni ta’ softwer malizzjuż;

(e)

alterazzjoni aċċidentali ta’ informazzjoni;

(f)

żvelar ta’ informazzjoni;

(g)

vulnerabbiltajiet tas-softwer;

(h)

aċċess mhux awtorizzat;

(i)

interċettar tat-traffiku ta’ informazzjoni;

(j)

riskji għall-protezzjoni tad-data.

4.2.2.

L-organizzaturi għandhom jipprovdu dokumentazzjoni li turi li huma:

(a)

ivvalutaw ir-riskji tas-sistema;

(b)

iddeterminaw miżuri xierqa biex jipprevjenu u jimmitigaw l-impatt ta’ inċidenti li jaffettwaw is-sigurtà tas-sistema;

(c)

identifikaw ir-riskji residwi;

(d)

implimentaw il-miżuri u vverifikaw l-implimentazzjoni tagħhom;

(e)

ipprovdew il-mezzi organizzattivi sabiex jirċievu informazzjoni dwar theddid ġdid u titjib tas-sigurtà;

(f)

jikkonformaw tul il-proċess kollu ta’ ġbir mar-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) 2019/788, inkluż li jkollhom fis-seħħ il-proċessi meħtieġa biex jiżguraw dan.

4.2.3.

Il-miżuri għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tal-impatt ta’ inċidenti li jaffettwaw is-sigurtà tas-sistemi għandhom ikopru l-oqsma li ġejjin:

(a)

sigurtà tar-riżorsi umani;

(b)

kontroll tal-aċċess;

(c)

kontrolli kriptografiċi;

(d)

sigurtà fiżika u ambjentali;

(e)

sigurtà tal-operazzjonijiet;

(f)

sigurtà tal-komunikazzjoni;

(g)

akkwiżizzjoni, żvilupp u manutenzjoni tas-sistema;

(h)

il-ġestjoni ta’ inċidenti tas-sigurtà tal-informazzjoni;

(i)

konformità.

L-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri ta’ sigurtà jaf tkun limitata għall-partijiet tal-organizzazzjoni li huma rilevanti għas-sistema ta’ ġbir onlajn. Pereżempju, is-sigurtà tar-riżorsi umani jaf tkun limitata għal kwalunkwe persunal li jkollu aċċess fiżiku jew loġiku għas-sistema ta’ ġbir onlajn, u s-sigurtà fiżika/ambjentali jaf tkun limitata għall-bini fejn isir il-hosting tas-sistema.

4.2.4.

Meta l-organizzaturi jagħmlu użu minn proċessur għall-iżvilupp jew l-iskjerament tas-sistemi ta’ ġbir onlajn jew ta’ partijiet minnhom, l-organizzaturi għandhom jipprovdu dokumentazzjoni li tippermetti lill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni taċċerta li l-kontrolli tas-sigurtà meħtieġa jkunu fis-seħħ.

4.3.   Kriptaġġ tad-data

Is-sistema għandha tipprovdi għall-kriptaġġ segwenti tad-data

(a)

id-data personali f’format elettroniku għandha tiġi kriptata meta maħżuna jew trasferita lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/788, u l-keys jiġu ġestiti u miżmuma separatament;

(b)

algoritmi standard u keys xierqa adegwati għandhom jintużaw skont l-istandards internazzjonali (bħall-istandard ETSI). Il-ġestjoni tal-keys għandha tkun fis-seħħ;

(c)

il-keys u l-passwords kollha jkunu protetti minn aċċess mhux awtorizzat.


DEĊIŻJONIJIET

28.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 274/9


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1800

tal-24 ta’ Ottubru 2019

dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji li għandhom jitħallsu mill-Istati Membri għall-finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, inklużi l-limitu massimu għall-2021, l-ammont annwali għall-2020, l-ewwel ħlas parzjali għall-2020 u tbassir indikattiv u mhux vinkolanti għall-ammonti annwali mistennija ta' kontribuzzjonijiet għas-snin 2022 u 2023

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu mill-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta’ assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba’ Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1877 tas-26 ta' Novembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-11ax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (2) ("ir-Regolament Finanzjarju tal-11-il FEŻ"), u b'mod partikolari l-Artikolu 19(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

F’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 19 sa 22 tar-Regolament Finanzjarju tal-11-il FEŻ, u b’kont meħud ta’ proposta għall-baġitizzazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), skont il-proposta tal-Kummissjoni għall-istrument ta’ finanzjament estern ta’ wara l-2020, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta sal-15 ta’ Ottubru 2019 li tispeċifika (a) l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni għall-2021; (b) l-ammont annwali tal-kontribuzzjoni għall-2020; (c) l-ammont tal-ewwel ħlas parzjali tal-kontribuzzjoni għall-2020; u (d) tbassir indikattiv u mhux vinkolanti għall-ammonti annwali mistennija tal-kontribuzzjonijiet għas-snin 2022-2023.

(2)

Skont l-Artikolu 46 tar-Regolament Finanzjarju tal-11-il FEŻ, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) bagħat lill-Kummissjoni l-estimi aġġornati tiegħu tal-impenji u l-pagamenti taħt l-istrumenti ġestiti minnu.

(3)

L-Artikolu 20(1) tar-Regolament Finanzjarju tal-11-il FEŻ jipprevedi li s-sejħiet għal kontribuzzjonijiet l-ewwel jeżawrixxu l-ammonti stipulati fil-FEŻ preċedenti. Għaldaqstant, jenħtieġ li ssir sejħa għall-fondi taħt l-10 FEŻ għall-BEI u taħt il-11-il FEŻ għall-Kummissjoni.

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1093 (3), fis-26 ta' Ġunju 2019, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, adotta d-Deċiżjoni biex l-ammont annwali tal-kontribuzzjonijiet tal-FEŻ tal-Istati Membri għall-2020 jiġi stabbilit għal EUR 4 400 000 000 għall-Kummissjoni, u EUR 300 000 000 għall-BEI,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-limitu massimu għall-ammont annwali tal-kontribuzzjonijiet għall-FEŻ tal-Istati Membri għall-2021 huwa b’dan stabbilit għal EUR 4 000 000 000. Għandu jinqasam f’EUR 3 700 000 000 għall-Kummissjoni, u EUR 300 000 000 għall-BEI.

Artikolu 2

L-ammont annwali tal-kontribuzzjonijiet għall-FEŻ tal-Istati Membri għall-2020 huwa b’dan stabbilit għal EUR 4 700 000 000. Għandu jinqasam f’EUR 4 400 000 000 għall-Kummissjoni, u EUR 300 000 000 għall-BEI.

Artikolu 3

Il-kontribuzzjonijiet individwali tal-FEŻ li jridu jitħallsu mill-Istati Membri lill-Kummissjoni u lill-BEI bħala l-ewwel ħlas parzjali għall-2020 huma stabbiliti fit-tabella fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

It-tbassir mhux vinkolanti indikattiv għall-ammont annwali mistenni ta’ kontribuzzjonijiet għall-2022 huwa b’dan stabbilit għal EUR 2 700 000 000 għall-Kummissjoni u għal EUR 300 000 000 għall-BEI, u għall-2023 għal EUR 2 000 000 000 għall-Kummissjoni u EUR 100 000 000 għall-BEI.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

A.-K. PEKONEN


(1)  ĠU L 210, 6.8.2013, p. 1.

(2)  ĠU L 307, 3.12.2018, p. 1.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1093 tas-26 ta' Ġunju 2019 dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji li għandhom jitħallsu mill-Istati Membri għall-finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, inkluż it-tieni pagament parzjali għall-2019 u limitu massimu rivedut għall-ammont annwali għall-2020 (ĠU L 173, 27.6.2019, p. 49).


ANNESS

STATI MEMBRI

Skema tal-10 FEŻ %

Skema tal-11-il FEŻ %

L-ewwel ħlas parzjali tal-2020 (EUR)

Total

Kummissjoni

BEI

Il-11-il FEŻ

L-10 FEŻ

IL-BELĠJU

3.53

3.24927

58 486 860,00

3 530 000,00

62 016 860,00

IL-BULGARIJA

0.14

0.21853

3 933 540,00

140 000,00

4 073 540,00

IĊ-ĊEKJA

0.51

0.79745

14 354 100,00

510 000,00

14 864 100,00

ID-DANIMARKA

2.00

1.98045

35 648 100,00

2 000 000,00

37 648 100,00

IL-ĠERMANJA

20.50

20.57980

370 436 400,00

20 500 000,00

390 936 400,00

L-ESTONJA

0.05

0.08635

1 554 300,00

50 000,00

1 604 300,00

L-IRLANDA

0.91

0.94006

16 921 080,00

910 000,00

17 831 080,00

IL-GREĊJA

1.47

1.50735

27 132 300,00

1 470 000,00

28 602 300,00

SPANJA

7.85

7.93248

142 784 640,00

7 850 000,00

150 634 640,00

FRANZA

19.55

17.81269

320 628 420,00

19 550 000,00

340 178 420,00

IL-KROAZJA

0.00

0.22518

4 053 240,00

0.00

4 053 240,00

L-ITALJA

12.86

12.53009

225 541 620,00

12 860 000,00

238 401 620,00

ĊIPRU

0.09

0.11162

2 009 160,00

90 000.00

2 099 160,00

IL-LATVJA

0.07

0.11612

2 090 160,00

70 000.00

2 160 160,00

IL-LITWANJA

0.12

0.18077

3 253 860,00

120 000,00

3 373 860,00

IL-LUSSEMBURGU

0.27

0.25509

4 591 620,00

270 000,00

4 861 620,00

L-UNGERIJA

0.55

0.61456

11 062 080,00

550 000,00

11 612 080,00

MALTA

0.03

0.03801

684 180,00

30 000,00

714 180,00

IN-NETHERLANDS

4.85

4.77678

85 982 040,00

4 850 000,00

90 832 040,00

L-AWSTRIJA

2.41

2.39757

43 156 260,00

2 410 000,00

45 566 260,00

IL-POLONJA

1.30

2.00734

36 132 120,00

1 300 000,00

37 432 120,00

IL-PORTUGALL

1.15

1.19679

21 542 220,00

1 150 000,00

22 692 220,00

IR-RUMANIJA

0.37

0.71815

12 926 700,00

370 000,00

13 296 700,00

IS-SLOVENJA

0.18

0.22452

4 041 360,00

180 000,00

4 221 360,00

IS-SLOVAKKJA

0.21

0.37616

6 770 880,00

210 000,00

6 980 880,00

IL-FINLANDJA

1.47

1.50909

27 163 620,00

1 470 000,00

28 633 620,00

L-IŻVEZJA

2.74

2.93911

52 903 980,00

2 740 000,00

55 643 980,00

IR-RENJU UNIT

14.82

14.67862

264 215 160,00

14 820 000,00

279 035 160,00

TOTAL EU-28

100.00

100.00

1 800 000 000,00

100 000 000,00

1 900 000 000,00


28.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 274/12


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1801

dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji li għandhom jitħallsu mill-Istati Membri għall-finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, inkluż it-tielet ħlas parzjali għall-2019

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea

, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu mill-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta’ assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba’ Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (1) (u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1877 tas-26 ta’ Novembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (2) (“ir-Regolament Finanzjarju tal-11-il FEŻ”), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19 tar-Regolament Finanzjarju tal-11-il FEŻ, sal-10 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta li tispeċifika (a) l-ammont tat-tielet ħlas parzjali tal-kontribuzzjoni għall-2019, u (b) ammont annwali rivedut tal-kontribuzzjoni għall-2019, f’każijiet fejn l-ammont ivarja mill-bżonnijiet reali.

(2)

Skont l-Artikolu 46 tar-Regolament Finanzjarju tal-11-il FEŻ, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) bagħat lill-Kummissjoni l-estimi aġġornati tiegħu tal-impenji u tal-pagamenti fil-qafas tal-istrumenti taħt il-ġestjoni tiegħu.

(3)

L-Artikolu 20(1) tar-Regolament Finanzjarju tal-11-il FEŻ jipprevedi li s-sejħiet għal kontribuzzjonijiet l-ewwel jeżawrixxu l-ammonti stipulati fil- Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ) preċedenti. Għaldaqstant, jenħtieġ li ssir sejħa għall-fondi taħt l-10 FEŻ għall-BEI u taħt il-11-il FEŻ għall-Kummissjoni.

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2018/1715 (3), fit-12 ta’ Novembru 2018, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, adotta d-Deċiżjoni biex l-ammont annwali tal-kontribuzzjonijiet tal-FEŻ tal-Istati Membri għall-2019 jiġi stabbilit għal EUR 4 400 000 000 għall-Kummissjoni, u EUR 300 000 000 għall-BEI,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-kontribuzzjonijiet individwali tal- FEŻ li għandhom jitħallsu mill-Istati Membri lill-Kummissjoni u lill-BEI bħala t-tielet ħlas parzjali għall-2019 huma stabbiliti fit-tabella fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-24 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

A.-K. PEKONEN


(1)  ĠU L 210, 6.8.2013, p. 1.

(2)  ĠU L 307, 3.12.2018, p. 1.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1715 tat-12 ta' Novembru 2018 dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji li jridu jitħallsu mill-Istati Membri għall-finanzjament talFond Ewropew għall-Iżvilupp, inklużi l-limitu massimu għall-2020, l-ammont annwali għall-2019, lewwel ħlas parzjali għall-2019 u tbassir indikattiv u mhux vinkolanti għall-ammonti annwali mistennija ta' kontribuzzjonijiet għas-snin 2021 u 2022 (ĠU L 286, 14.11.2018, p. 30).


ANNESS

STATI MEMBRI

Skema tal-10 FEŻ %

Skema tal-11-il FEŻ %

It-3et ħlas parzjali 2019 (f’EUR)

Total

Kummissjoni

BEI

Il-11-il FEŻ

L-10 FEŻ

IL-BELĠJU

3,53

3,24927

29 243 430,00

3 530 000,00

32 773 430,00

Il-BULGARIJA

0,14

0,21853

1 966 770,00

140 000,00

2 106 770,00

IĊ-ĊEKJA

0,51

0,79745

7 177 050,00

510 000,00

7 687 050,00

ID-DANIMARKA

2;00

1,98045

17 824 050,00

2 000 000,00

19 824 050,00

IL-ĠERMANJA

20,50

20,57980

185 218 200,00

20 500 000,00

205 718 200,00

L-ESTONJA

0,05

0,08635

777 150,00

50 000,00

827 150,00

L-IRLANDA

0,91

0,94006

8 460 540,00

910 000,00

9 370 540,00

IL-GREĊJA

1,47

1,50735

13 566 150,00

1 470 000,00

15 036 150,00

SPANJA

7,85

7,93248

71 392 320,00

7 850 000,00

79 242 320,00

FRANZA

19,55

17,81269

160 314 210,00

19 550 000,00

179 864 210,00

IL-KROAZJA

0,00

0,22518

2 026 620,00

0,00

2 026 620,00

L-ITALJA

12,86

12,53009

112 770 810,00

12 860 000,00

125 630 810,00

ĊIPRU

0,09

0,11162

1 004 580,00

90 000,00

1 094 580,00

IL-LATVJA

0,07

0,11612

1 045 080,00

70 000,00

1 115 080,00

IL-LITWANJA

0,12

0,18077

1 626 930,00

120 000,00

1 746 930,00

IL-LUSSEMBURGU

0,27

0,25509

2 295 810,00

270 000,00

2 565 810,00

L-UNGERIJA

0,55

0,61456

5 531 040,00

550 000,00

6 081 040,00

MALTA

0,03

0,03801

342 090,00

30 000,00

372 090,00

IN-NETHERLANDS

4,85

4,77678

42 991 020,00

4 850 000,00

47 841 020,00

L-AWSTRIJA

2,41

2,39757

21 578 130,00

2 410 000,00

23 988 130,00

IL-POLONJA

1,30

2,00734

18 066 060,00

1 300 000,00

19 366 060,00

IL-PORTUGALL

1,15

1,19679

10 771 110,00

1 150 000,00

11 921 110,00

IR-RUMANIJA

0,37

0,71815

6 463 350,00

370 000,00

6 833 350,00

IS-SLOVENJA

0,18

0,22452

2 020 680,00

180 000,00

2 200 680,00

IS-SLOVAKKJA

0,21

0,37616

3 385 440,00

210 000,00

3 595 440,00

IL-FINLANDJA

1,47

1,50909

13 581 810,00

1 470 000,00

15 051 810,00

L-IŻVEZJA

2,74

2,93911

26 451 990,00

2 740 000,00

29 191 990,00

IR-RENJU UNIT

14,82

14,67862

132 107 580,00

14 820 000,00

146 927 580,00

TOTAL EU-28

100,00

100,00

900 000 000,00

100 000 000,00

1 000 000 000,00


ATTI ADOTTATI MINN KORPI STABBILITI PERMEZZ TA' FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

28.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 274/15


DEĊIŻJONI NRU 1/2018 TAL-KUMITAT KONĠUNT TAL-ECAA

tat-3 ta’ Mejju 2018

rigward l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu 2019/1802

IL-KUMITAT KONĠUNT TAL-ECAA,

Wara li kkunsidra l-ftehim multilaterali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, ir-Repubblika tal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tal-Iżlanda, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika tal-Montenegro, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Repubblika tas-Serbja, ir-Rumanija u l-Missjoni ta’ Amministrazzjoni Temporanja tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (*1) dwar l-istabbiliment ta’ Żona ta’ Avjazzjoni Komuni Ewropea (1) (“il-Ftehim tal-ECAA”), u b’mod partikolari l-Artikolu 18 tiegħu,

Billi l-Ftehim tal-ECAA daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2017,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu Uniku

B’dan, ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt tal-ECAA fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni huma adottati.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Mejju 2018.

Għall-Kumitat Konġunt,

Il-President

Carlos BERMEJO ACOSTA


(*1)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(1)  ĠU L 285, 16.10.2006, p. 3.


ANNESS

IR-REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUMITAT KONĠUNT TAL-ECAA

Artikolu 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Il-Kumitat Konġunt tal-ECAA (“il-Kumitat Konġunt”) huwa stabbilit skont l-Artikolu 18 tal-Ftehim Multilaterali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, ir-Repubblika tal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tal-Iżlanda, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika tal-Montenegro, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Repubblika tas-Serbja, ir-Rumanija u l-Missjoni ta’ Amministrazzjoni Temporanja tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo dwar l-istabbiliment ta’ Żona ta’ Avjazzjoni Komuni Ewropea (“il-Ftehim tal-ECAA”).

2.   Dan għandu jkun responsabbli mill-amministrazzjoni ta’ dan il-Ftehim tal-ECAA u għandu jiżgura l-implimentazzjoni tiegħu kif suppost.

3.   B’konformità mal-Artikolu 18(2) tal-Ftehim tal-ECAA, il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet Kontraenti.

4.   B’konformità mal-Artikolu 18(3) tal-Ftehim tal-ECAA, il-Kumitat Konġunt għandu jaġixxi b’unanimità. Madankollu, għal ċerti kwistjonijiet speċifiċi, il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi proċedura ta’ votazzjoni b’maġġoranza.

Artikolu 2

Presidenza

Il-Kumitat Konġunt għandu jkun ippresedut b’mod alternat minn Imsieħeb tal-ECAA u mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha. Meta jkunu qed jippresiedu laqgħa tal-Kumitat Konġunt, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom ikunu rrappreżentati mill-Kummissjoni Ewropea.

Artikolu 3

Laqgħat

1.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ minn tal-inqas darba fis-sena, u meta ċ-ċirkostanzi jkunu jeħtieġu dan, sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor mill-Partijiet Kontraenti.

2.   Kull laqgħa tal-Kunsill Konġunt għandha ssir f’data li jkun hemm qbil dwarha bejn il-Partijiet Kontraenti.

3.   Jekk il-Partijiet Kontraenti jaqblu, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt jistgħu jsiru permezz ta’ kwalunkwe mezz teknoloġiku li jintlaħaq qbil dwaru, pereżempju vidjokonferenza.

Artikolu 4

Delegazzjonijiet

1.   Qabel kull laqgħa, il-Partijiet Kontraenti għandhom jiġu infurmati mis-Segretarju tal-Kumitat Konġunt (“is-Segretarju”) bil-kompożizzjoni prevista tad-delegazzjonijiet li jkunu se jattendu l-laqgħa.

2.   Il-Kumitat Konġunt jista’ jistieden entitajiet li mhumiex membri jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti partikolari.

Artikolu 5

Segretarjat

Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea għandu jaġixxi bħala s-Segretarju.

Artikolu 6

Korrispondenza

Kull korrispondenza lill-President tal-Kumitat Konġunt (“il-President”) u mingħandu għandha tintbagħat ukoll lis-Segretarju. Is-Segretarju għandu jiżgura li l-korrispondenza tintbagħat lill-Partijiet Kontraenti kollha.

Artikolu 7

Kunfidenzjalità

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom ikunu kunfidenzjali. Meta Parti Kontraenti tippreżenta informazzjoni mmarkata bħala kunfidenzjali lill-Kumitat Konġunt, il-Partijiet Kontraenti l-oħra għandhom jittrattaw dik l-informazzjoni bħala kunfidenzjali.

Artikolu 8

L-aġenda tal-laqgħat

1.   Is-Segretarju għandu jfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa tal-Kumitat Konġunt abbażi tal-proposti magħmula mill-Partijiet Kontraenti. Il-punti fuq l-aġenda għandhom jiġu appoġġati b’dokumenti rilevanti u għandhom jiġu ppreżentati mhux iktar tard minn 21 jum kalendarju qabel il-laqgħa.

2.   L-aġenda proviżorja għandha tiġi ċċirkolata lill-Partijiet Kontraenti kollha mhux iktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel il-laqgħa.

3.   Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta l-aġenda fil-bidu ta’ kull laqgħa. Kwalunkwe punt għajr dawk li jidhru fuq l-aġenda proviżorja jista’ jiddaħħal fl-aġenda jekk il-Partijiet Kontraenti jaqblu li jsir hekk.

4.   Il-President jista’ jqassar il-limitu ta’ żmien speċifikat fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu l-bżonnijiet jew l-urġenza ta’ kwistjoni partikolari.

Artikolu 9

Minuti u konklużjonijiet operazzjonali

1.   L-abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa tal-Kumitat Konġunt għandhom jitfasslu mis-Segretarju. Dawn għandhom jindikaw id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet meħuda u l-konklużjonijiet adottati.

2.   Fi żmien xahar wara l-laqgħa, l-abbozz tal-minuti għandu jiġi ppreżentat lill-Kumitat Konġunt għall-approvazzjoni permezz ta’ proċedura bil-miktub. Il-minuti jistgħu jiġu adottati wkoll mill-Kumitat Konġunt fil-laqgħa tiegħu li jkun imiss.

3.   Meta jiġu approvati, il-minuti għandhom jiġu ffirmati mill-President u mis-Segretarju u għandha tintbagħat kopja waħda lil kull waħda mill-Partijiet Kontraenti.

Artikolu 10

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.   Il-Kumitat Konġunt għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu b’unanimità. Madankollu, id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet skont it-tifsira tal-Artikoli 16, 20 u 28(3) tal-Ftehim tal-ECAA għandhom jeħtieġu maġġoranza sempliċi.

2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jitqies li jkun laħaq il-kworum meħtieġ biss jekk ikunu rrappreżentati erba’ Partijiet Kontraenti u l-Unjoni Ewropea.

3.   Fil-perjodu ta’ bejn is-sessjonijiet, il-Kumitat Konġunt jista’ jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub. Madankollu, kwalunkwe Parti Kontraenti tista’ titlob li l-Kumitat Konġunt jitlaqqa’ biex tiġi diskussa dik il-kwistjoni. Il-Parti Kontraenti li tipproponi l-użu tal-proċedura bil-miktub għandha tippreżenta l-abbozz ta’ strument lis-Segretarju, li għandu jibagħtu lill-Partijiet Kontraenti kollha. Kull Parti Kontraenti għandha tinforma lill-President u lis-Segretarju fi żmien 15-il jum ta’ xogħol minn meta tirċievi l-abbozz ta’ strument u għandha tindika jekk taċċettax l-abbozz jew le, jekk tipproponix xi bidliet fl-abbozz, jew jekk tikkunsidrax li jenħtieġ li l-Kumitat Konġunt jitlaqqa’ biex tiġi diskussa l-kwistjoni. Jekk l-abbozz jiġi adottat, il-President għandu jiffinalizza d-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni skont il-paragrafi 5 u 6.

4.   L-astensjoni minn Parti Kontraenti ma għandhiex iżżomm lill-Kumitat Konġunt milli jadotta deċiżjoni jew rakkomandazzjoni diment li jkun hemm kworum kif meħtieġ mill-paragrafu 2.

5.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandu jkollhom it-titolu “Deċiżjoni” u “Rakkomandazzjoni” rispettivament u għandu jkollhom numru tas-serje warajhom, bid-data tal-adozzjoni tagħhom u b’deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom.

6.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jiġu ffirmati mill-President u għandhom jiġu awtentikati mis-Segretarju.

7.   Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnali Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tal-Imsieħba tal-ECAA. Kull deċiżjoni għandha tiddikjara d-data tal-implimentazzjoni tagħha mill-Partijiet Kontraenti u kwalunkwe informazzjoni oħra li x’aktarx li tikkonċerna l-operaturi ekonomiċi.

Artikolu 11

Lingwi

1.   Il-lingwi uffiċjali tal-Kumitat Konġunt għandhom ikunu l-lingwi uffiċjali tal-Partijiet Kontraenti. Madankollu, għall-fini tal-effiċjenza, il-Partijiet Kontraenti għandhom jimpenjaw ruħhom li fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt jużaw l-Ingliż għall-korrispondenza u għat-tħejjija tad-dokumentazzjoni.

2.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jinkitbu bl-Ingliż.

Artikolu 12

Spejjeż

1.   Kull Parti Kontraenti għandha tħallas kwalunkwe spiża li ġġarrab għall-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt u tal-gruppi ta’ ħidma jew tal-gruppi ta’ esperti.

2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jaqbel dwar il-qsim tal-ispejjeż għal kwalunkwe missjoni assenjata lill-esperti.

Artikolu 13

Emendar tar-Regoli ta’ Proċedura

Dawn ir-Regoli ta’ Proċedura jistgħu jiġu emendati skont l-Artikolu 10.

Artikolu 14

Gruppi ta’ Ħidma

1.   Il-kompożizzjoni u l-funzjonament tal-gruppi ta’ ħidma jew tal-gruppi ta’ esperti stabbiliti skont l-Artikolu 18(8) tal-Ftehim tal-ECAA għandhom jiġu miftiehma, mutatis mutandis, b’konformità mar-regoli applikabbli għall-Kumitat Konġunt.

2.   Il-gruppi ta’ ħidma jew il-gruppi ta’ esperti għandhom jaħdmu taħt l-awtorità tal-Kumitat Konġunt u għandhom jibagħtulu rapport wara kull laqgħa li jkollhom. Dawn mhumiex awtorizzati jieħdu deċiżjonijiet, iżda jistgħu jressqu rakkomandazzjonijiet għall-attenzjoni tal-Kumitat.

3.   Il-Kumitat Konġunt jista’ jtemm jew jemenda l-mandat tal-gruppi ta’ ħidma jew tal-gruppi ta’ esperti.