ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 269

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 62
23 ta' Ottubru 2019


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1751 tal-21 ta’ Ottubru 2019 li jdaħħal l-isem Havarti (IĠP) fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti

1

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1752 tal-25 ta’ Frar 2019 li tistabbilixxi kwestjonarji, kif ukoll il-format u l-frekwenza tar-rapporti li għandhom jitħejjew mill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2019) 1423)  ( 1 )

5

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1790 tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-konklużjoni tar-Reviżjoni 3 tal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-adozzjoni ta' preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, it-tagħmir u l-partijiet li jistgħu jintramaw u/jew jintużaw fuq vetturi bir-roti u l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija abbażi ta' dawn il-preskrizzjonijiet (Ftehim Rivedut tal-1958) ( ĠU L 274, 11.10.2016 )

12

 

*

Rettifika tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 tas-17 ta’ Ottubru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni ( ĠU L 009, 11.1.2019 )

13

 


 

(1)   Test b’rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

23.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 269/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1751

tal-21 ta’ Ottubru 2019

li jdaħħal l-isem “Havarti” (IĠP) fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 52(3)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni mibgħuta mid-Danimarka lill-Kummissjoni fil-5 ta’ Ottubru 2010 biex tirreġistra l-isem “Havarti” bħala indikazzjoni ġeografika protetta, ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

(2)

Il-Ġermanja, Spanja, id-Dairy Export Council tal-Istati Uniti flimkien man-National Milk Producers Federation u mal-International Dairy Foods Association, l-Uffiċċju tar-Rappreżentant tal-Kummerċ tal-Istati Uniti, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u tal-Kummerċ ta’ New Zealand, id-Dairy Companies Association ta’ New Zealand (DCANZ) u d-Dairy Awstralja Limited, appoġġati mill-Gvern Awstraljan, opponew ir-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 51(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. L-oġġezzjonijiet tqiesu bħala ammissibbli.

(3)

Il-Kummissjoni rċeviet ukoll żewġ avviżi ta’ oppożizzjoni mill- “Camara Nacional de Productores de Leche” tal-Costa Rica u mill- “Asociación de Desarrollo Lácteo” (ASODEL) tal-Gwatemala. Madankollu, ma ġiet ippreżentata l-ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni motivata f’konformità mal-Artikolu 51(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(4)

Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet ikkonċernati fl-oppożizzjonijiet ammissibbli biex jidħlu f’konsultazzjonijiet xierqa. Fuq talba tad-Danimarka, skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 51(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, permezz tal-ittri tal-5 ta’ Awwissu 2014 u tat-22 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni estendiet bi tliet xhur addizzjonali l-iskadenza għal kull waħda mill-konsultazzjonijiet li għadhom għaddejjin.

(5)

Minħabba li ma ntlaħaq l-ebda qbil fiż-żmien stipulat, jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta att ta’ implimentazzjoni li jiddeċiedi dwar ir-reġistrazzjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 52(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(6)

L-opponenti sostnew li l-“Havarti” ma għandux kwalità, reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi li jistgħu jiġu attribwiti għall-oriġini ġeografika. Huma jqisu li r-reġistrazzjoni tal-isem x’aktarx li tqarraq bil-konsumaturi fir-rigward tal-identità vera tal-prodott fid-dawl tar-reputazzjoni u tal-fama tat-trademark eżistenti. Fl-opinjoni tagħhom, dik ir-reġistrazzjoni tipperikola wkoll l-eżistenza ta’ ismijiet, trademarks u prodotti identiċi li ilhom fis-suq b’mod legali għal mill-inqas ħames snin. Barra minn hekk, huma allegaw li l-isem inkwistjoni huwa preżunt li sar ġeneriku għar-raġunijiet li ġejjin: il-“Havarti” ilu mill-1966 soġġett għal Standard tal-Codex Alimentarius, huwa elenkat fl-Anness B tal-Konvenzjoni ta’ Stresa tal-1951, u għandu linja tariffarja tiegħu stess. Il-produzzjoni u l-konsum tal-“Havarti” jeżistu f’bosta pajjiżi tal-UE u pajjiżi terzi, u wħud minnhom għandhom standard legali speċifiku għal dan il-prodott.

(7)

Il-Kummissjoni vvalutat l-argumenti espressi fid-dikjarazzjonijiet rraġunati ta’ oppożizzjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, filwaqt li qieset ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet xierqa mwettqa bejn l-applikant u l-opponenti, u kkonkludiet li jenħtieġ li l-isem “Havarti” jiġi rreġistrat.

(8)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-allegat nuqqas ta’ konformità tal-isem “Havarti” mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jenħtieġ li jiġi nnutat li r-reġistrazzjoni tal-isem “Havarti” bħala indikazzjoni ġeografika protetta qed issir applikazzjoni għaliha abbażi tar-reputazzjoni tiegħu li hija attribwibbli għall-oriġini ġeografika tiegħu, skont it-tifsira tal-Artikolu 5(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(9)

Id-Danimarka kienet ippreżentat għadd kbir ta’ pubblikazzjonijiet u referenzi speċjalizzati li juru li teżisti rabta ta’ reputazzjoni bejn id-Danimarka u l-“Havarti”. Dan il-ġobon ġie rrikonoxxut u ngħata premjijiet bosta drabi f’diversi fora nazzjonali jew internazzjonali. Ir-reputazzjoni ta’ dan il-prodott hija mibnija wkoll fuq il-metodu speċifiku ta’ produzzjoni u s-“savoir-faire” storiku tiegħu.

(10)

Fil-proċedura ta’ oppożizzjoni, l-awtoritajiet Daniżi speċifikaw ukoll li r-reputazzjoni tal-“Havarti” nkisbet permezz ta’ inizjattivi leġiżlattivi u ta’ xogħol ta’ kwalità fuq aktar minn 100 sena.

(11)

Fir-rigward tat-territorju tal-UE, il-“Havarti” huwa prodott prinċipalment fid-Danimarka. Fid-data tat-tressiq tal-applikazzjoni, Spanja, il-Ġermanja, il-Polonja, il-Finlandja u l-Estonja kienu qed jipproduċuh fi kwantitajiet limitati. Mhuwiex probabbli li l-produzzjoni tal-“Havarti” f’dawn l-Istati Membri tista’, per se, tqiegħed f’dubju r-rabta tal-“Havarti” mad-Danimarka, u l-kwantitajiet huma limitati ħafna meta mqabbla mal-produzzjoni globali fid-Danimarka. B’mod partikolari, il-produzzjoni tal-ġobon bit-tikketta “Havarti” bdiet biss fl-2010 fi Spanja, u saret aktar sostanzjali biss wara li d-Danimarka kienet ressqet lill-Kummissjoni l-applikazzjoni tagħha għar-reġistrazzjoni tal-isem “Havarti” bħala IĠP.

(12)

Id-Danimarka pprovdiet evidenza li l-maġġoranza l-kbira tal-konsumaturi Daniżi jirrikonoxxu r-rabta persistenti tal-“Havarti” mad-Danimarka. Ir-riżultati ta’ stħarriġ jikkonkludu li l-maġġoranza l-kbira tal-konsumaturi Daniżi huma familjari mal-“Havarti” u jassoċjawh mad-Danimarka. Barra mid-Danimarka, l-għarfien dwar il-“Havarti” huwa estremament limitat.

(13)

Spanja ppreżentat studju hi wkoll li juri r-riżultati ta’ stħarriġ li sar fi Spanja fuq l-għarfien tal-konsumaturi dwar il-“Havarti” u l-oriġini tiegħu. Dan l-istudju mhuwiex konklużiv. Il-perċentwali ta’ nuqqas ta’ għarfien dwar il-prodott innifsu u dwar l-oriġini Daniża tiegħu huma għoljin, u l-konsumaturi indikaw bosta pajjiżi differenti bħala l-pajjiż tal-oriġini tal-“Havarti”. Dan in-nuqqas ta’ għarfien dwar il-prodott u dwar l-oriġini Daniża tiegħu ma jistax jitqies bħala għarfien pożittiv ta’ kwalunkwe karattru ġeneriku tal-isem.

(14)

L-opponenti sostnew ukoll li jenħtieġ li l-isem ma jiġix irreġistrat peress li jista’ jiżgwida lill-konsumatur dwar l-identità vera tal-prodott fid-dawl tar-reputazzjoni u tal-fama tat-trademark eżistenti. Madankollu, ma ntwerew la r-reputazzjoni jew lanqas il-fama ta’ ebda trademark rilevanti. Lanqas ma ġie spjegat il-mod li bih il-konsumatur jista’ jkun żgwidat.

(15)

Barra minn hekk, l-opponenti mill-pajjiżi terzi kkunsidraw li r-reġistrazzjoni tal-“Havarti” bħala indikazzjoni ġeografika protetta se tipperikola l-eżistenza tal-isem identiku “Havarti”, ta’ trademarks u ta’ prodotti li ilhom jiġu prodotti u kkummerċjalizzati legalment għal aktar minn ħames snin. Din hija waħda mir-raġunijiet għall-oppożizzjoni elenkati fl-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(16)

Jidher li l-opponenti mill-pajjiżi terzi f’din il-proċedura ta’ oppożizzjoni ma qegħdux ġobon bl-isem “Havarti” fis-suq tal-UE. Għalhekk, l-eżistenza ta’ prodott bl-isem “Havarti” u prodott f’dawn il-pajjiżi terzi mhix se tiġi affettwata mir-reġistrazzjoni ta’ “Havarti” bħala indikazzjoni ġeografika protetta fl-UE.

(17)

Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 ma japplikax għat-territorju ta’ pajjiżi terzi. Għalhekk, mhuwiex probabbli li r-reġistrazzjoni ta’ “Havarti” bħala indikazzjoni ġeografika protetta skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tipperikola l-użu tal-isem “Havarti” fis-suq ta’ pajjiżi terzi.

(18)

Fir-rigward tat-trademarks diġà rreġistrati, li għalihom saret applikazzjoni jew li ġew stabbiliti, b’bona fide, fit-territorju tal-UE, qabel id-data tal-applikazzjoni tad-Danimarka biex l-isem “Havarti” jiddaħħal fir-reġistru, f’konformità mal-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, mhumiex se jiġu affettwati bir-reġistrazzjoni ta’ IĠP.

(19)

Spanja u l-Ġermanja sostnew li kienu qed jipproduċu ġobon bl-isem ta’ “Havarti”. Ir-reġistrazzjoni ta’ “Havarti” bħala indikazzjoni ġeografika protetta skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tista’ għalhekk tqiegħed f’perikolu l-eżistenza tal-isem “Havarti” li jirreferi għall-prodott manifatturat fi Spanja u fil-Ġermanja, li huwa identiku għall-isem li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu fil-5 ta’ Ottubru 2010.

(20)

Fid-dawl tal-informazzjoni inkluża fl-oppożizzjoni Ġermaniża u Spanjola u ppreżentata lill-Kummissjoni, jidher li fl-2010 Spanja bdiet tipproduċi ġobon bl-isem “Havarti” u sal-2014 kienet laħqet il-5 100 tunnellata metrika. Fil-Ġermanja, l-unika data li hemm disponibbli tikkonċerna l-produzzjoni fl-2012 (2 571 tunnellata), iżda ġie ddikjarat li l-Ġermanja ilha tipproduċi ġobon bl-isem “Havarti” għal aktar minn 20 sena. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, f’konformità mal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 jenħtieġ li jingħataw perjodi ta’ tranżizzjoni lill-operaturi fi Spanja u fil-Ġermanja, li bdew jikkummerċjalizzaw prodott tal-ġobon bl-isem “Havarti” qabel id-data tat-tressiq tal-applikazzjoni Daniża lill-Kummissjoni, sabiex ikunu jistgħu jkomplu jużaw l-isem ipperikolat mir-reġistrazzjoni filwaqt li jikkonvertu l-produzzjoni tagħhom fis-suq. Jeħtieġ li perjodu ta’ ħames snin jitqies xieraq għall-produtturi Ġermaniżi u dawk Spanjoli.

(21)

Fl-aħħar nett, l-opponenti ppreżentaw diversi biċċiet ta’ evidenza li allegatament juru li l-isem inkwistjoni huwa ġeneriku. Madankollu, li jkollu Standard Codex Alimentarius speċifiku kif ukoll l-inklużjoni ta’ “Havarti” fl-Anness B tal-Konvenzjoni ta’ Stresa ma jfissirx li dan l-isem sar ipso facto ġeneriku. Il-kodiċijiet tariffarji huma relatati ma’ kwistjonijiet doganali u għalhekk mhumiex rilevanti għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. L-istatus ġeneriku fl-UE jista’ jiġi vvalutat biss b’rabta mal-perċezzjoni tal-konsumaturi fit-territorju tal-UE.

(22)

Fir-rigward tad-data dwar il-produzzjoni u l-perċezzjoni tal-“Havarti” fi ħdan l-UE, li ġiet ivvalutata b’referenza għad-dikjarazzjoni dwar l-allegat nuqqas ta’ rabta bejn il-prodott u ż-żona ġeografika, jenħtieġ li jiġi konkluż li “Havarti” ma sarx isem ġeneriku fl-UE.

(23)

Id-data ppreżentata dwar il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-“Havarti” barra l-UE mhijiex rilevanti, meta wieħed iqis il-prinċipju tat-territorjalità inerenti għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali b’mod ġenerali u għar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 b’mod partikolari, li skontu n-natura ġenerika possibbli ta’ isem għandha tiġi vvalutata b’rabta mat-territorju tal-Unjoni. Il-perċezzjoni ta’ dan it-terminu barra mill-UE u l-eżistenza possibbli ta’ standards regolatorji ta’ produzzjoni relatati f’pajjiżi terzi mhumiex meqjusa rilevanti għal din id-deċiżjoni, irrispettivament minn jekk dawk l-istandards jistabbilux drittijiet għall-użu ta’ termini ta’ tikkettar.

(24)

Il-proposta tal-opponenti biex minflok tiġi rreġistrata d-denominazzjoni “Danish Havarti”, ma tistax tiġi aċċettata peress li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fil-punt (a) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(25)

Sabiex ikunu jistgħu jintużaw l-istokkijiet li laħqu ġew prodotti jew li laħqu tqiegħdu fis-suq, l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament trid titmexxa għal iktar tard.

(26)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, jenħtieġ li l-isem “Havarti” jiddaħħal fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti.

(27)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Politika dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-isem “Havarti” (IĠP) huwa b’dan irreġistrat.

L-isem imsemmi fl-ewwel paragrafu jirreferi għal prodott tal-Klassi 1.3. Il-ġobon huwa stabbilit fl-Anness XI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3).

Artikolu 2

Għal perjodu tranżitorju ta’ ħames snin mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-isem “Havarti” jista’ jkompli jintuża minn operaturi stabbiliti fil-Ġermanja u fi Spanja li bdew jikkumerċjalizzaw prodott tal-ġobon bl-isem “Havarti” qabel il-5 ta’ Ottubru 2010.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-12 ta’ Mejju 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU C 20, 23.1.2014, p. 9.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).


DEĊIŻJONIJIET

23.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 269/5


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1752

tal-25 ta’ Frar 2019

li tistabbilixxi kwestjonarji, kif ukoll il-format u l-frekwenza tar-rapporti li għandhom jitħejjew mill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2019) 1423)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar il-merkurju, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008 (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2017/852 jirrikjedi li, sal-1 ta’ Jannar 2020 u f’intervalli xierqa minn dakinhar ’il quddiem, l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni u jippubblikaw fuq l-Internet, rapport b’informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dak ir-Regolament, kif ukoll ċerti tipi oħra ta’ informazzjoni elenkati f’dik id-dispożizzjoni.

(2)

Il-kwestjonarji li se jintużaw mill-Istati Membri għar-rappurtar skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2017/852, jenħtieġ li jitfasslu b’tali mod li jgħin lill-Kummissjoni biex tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u r-rieżami ta’ dak ir-Regolament skont l-Artikolu 19(2) tiegħu. Jenħtieġ li jippermettu lill-Unjoni tissodisfa l-obbligu tar-rappurtar tagħha skont l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju adottata f’Kumamoto, il-Ġappun, fl-10 ta’ Ottubru 2013 (“il-Konvenzjoni”).

(3)

Anki jekk il-kwestjonarji tar-rappurtar tar-Regolament (UE) 2017/852, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(2) ta’ dak ir-Regolament, ma għandhomx jidduplikaw l-obbligi tar-rappurtar tal-Partijiet tal-Konvenzjoni kif stabbiliti fid-Deċiżjoni MC-1/8 adottata mill-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni fl-ewwel laqgħa tagħha (2), jixraq li jindirizzaw ċerti elementi ta’ rappurtar koperti bid-Deċiżjoni MC-1/8 sabiex jispeċifikaw f’iktar dettall l-informazzjoni meħtieġa ħalli tkun tista’ ssir valutazzjoni effettiva tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/852.

(4)

L-informazzjoni dwar l-importazzjoni tal-merkurju u tat-taħlitiet tal-merkurju b’konċentrazzjoni ta’ merkurju ta’ mill-inqas 95 % tal-piż, jenħtieġ li tiġi rrappurtata kull sena minħabba l-impatt potenzjali kbir fuq l-ambjent u s-saħħa pubblika ta’ ġestjoni ħażina tal-merkurju. Madankollu, sabiex jitħaffef il-piż amministrattiv, l-obbligu li tiġi pprovduta din l-informazzjoni jenħtieġ li jitneħħa meta Stat Membru jipprovdi lill-Kummissjoni b’kopja tal-formola jew tal-formoli użati biex jagħtu jew jiċħdu l-kunsens bil-miktub għall-importazzjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2017/852.

(5)

Meta l-informazzjoni li trid tiġi rrappurtata tkun marbuta ma’ entitajiet lokalizzati ġeografikament, bħal installazzjonijiet u siti industrijali, jenħtieġ li l-informazzjoni tiġi rrappurtata skont id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(6)

Jenħtieġ li l-kwestjonarji jindirizzaw id-dispożizzjonijiet ewlenin tar-Regolament (UE) 2017/852, inkluż dwar it-tneħħija gradwali ta’ proċessi tal-manifattura li jinvolvu l-użu tal-merkurju jew tal-komposti tal-merkurju, dwar it-tħaffir għad-deheb artiġjanali u fuq skala żgħira u l-attivitajiet tal-ipproċessar tiegħu u dwar l-amalgama dentali u jenħtieġ li jirrikjedu wkoll informazzjoni dwar id-diffikultajiet sinifikanti fl-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ dak ir-Regolament. Barra minn hekk, jenħtieġ li jirrikjedu l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-indikaturi ewlenin tar-rendiment, inkluż data dwar il-kummerċ tal-merkurju u dwar l-ammonti ta’ merkurju maħżuna jew mormija.

(7)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) 2017/852,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Għall-finijiet tar-rappurtar lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2017/852 skont l-Artikolu 18(1) ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jużaw il-kwestjonarju stabbilit fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-punt 1.1 tal-Anness I għandha ssir disponibbli lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena (N) u tkopri s-sena ta’ rappurtar N-1.

L-informazzjoni msemmija fil-punt 1.2 tal-Anness I għandha ssir disponibbli lill-Kummissjoni sal-30 ta’ Settermbru ta’ kull sena (N) u tkopri s-sena ta’ rappurtar N-1.

3.   L-informazzjoni msemmija fil-punt 1.1 tal-Anness I ma għandhiex tkun meħtieġa meta Stat Membru jipprovdi lill-Kummissjoni b’kopja tal-formola jew tal-formoli użati biex jagħtu jew jiċħdu l-kunsens bil-miktub għall-importazzjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2017/852 matul is-sena ta’ rappurtar N-1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu tali kopji disponibbli sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Jannar ta’ kull sena (N) u jkopru s-sena ta’ rappurtar N-1, jew jistgħu jagħżlu li jagħmluhom disponibbli fi kwalunkwe żmien waqt il-perjodu ta’ rappurtar N-1.

Artikolu 2

1.   Għall-finijiet tar-rappurtar lill-Kummissjoni kif rikjest mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2017/852, bl-eċċezzjoni tar-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jużaw il-kwestjonarju stabbilit fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-informazzjoni stabbilita fl-Anness II għandha ssir disponibbli lill-Kummissjoni f’konformità mal-iskeda li ġejja:

(a)

l-ewwel rapport li jkopri s-snin ta’ rappurtar 2017 u 2018 għandu jsir disponibbli sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2020;

(b)

it-tieni rapport li jkopri l-perjodu tar-rappurtar mill-2019 sal-2020 għandu jkun disponibbli sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2021;

(c)

it-tielet rapport li jkopri l-perjodu tar-rappurtar mill-2021 sal-2022 għandu jkun disponibbli sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2023;

(d)

ir-raba’ rapport li jkopri l-perjodu tar-rappurtar mill-2023 sal-2024 għandu jkun disponibbli sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2025;

(e)

il-ħames rapport li jkopri l-perjodu tar-rappurtar mill-2025 sal-2028 għandu jkun disponibbli sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2029;

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Frar 2019.

Għall-Kummissjoni

Membru tal-Kummissjoni

Karmenu VELLA


(1)  ĠU L 137, 24.5.2017, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni MC-1/8 Timing and format of reporting by the parties, (Skeda u format tar-rappurtar mill-Partijiet), Rapport tal-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju dwar il-ħidma tal-ewwel laqgħa tagħha (http://www.mercuryconvention.org).

(3)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).


ANNESS I

Kwestjonarju

Informazzjoni dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni li trid tingħata lill-Kummissjoni mill-Istati Membri għall-finijiet tar-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/852

L-Artikolu 4:

Restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni

1.   L-Istat Membru ta l-kunsens tiegħu bil-miktub għall-importazzjoni tal-merkurju jew tat-taħlitiet tal-merkurju għal użu awtorizzat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2017/852?

Jekk iva, ipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

1.1.

Merkurju u taħlitiet tal-merkurju mhux bħala skart (1)

(i)

L-ammont ta’ merkurju jew ta’ taħlitiet tal-merkurju importat,

(ii)

L-użu jew l-użi previsti tal-merkurju jew tat-taħlitiet tal-merkurju importati (t/sena għal kull użu previst)

1.2.

Merkurju bħala skart

(i)

L-ammont ta’ skart tal-merkurju importat;

(ii)

L-operazzjoni/jiet ta’ rimi jew irkupru previsti (t/sena għal kull operazzjoni prevista) (2).

Fil-każ ta’ importazzjoni maħsuba għal operazzjoni ta’ rimi jew ta’ rkupru temporanju, ipprovdi l-informazzjoni dwar l-operazzjoni(jiet) sussegwenti ta’ rimi jew ta’ rkupru mhux temporanji previsti (3)

Fil-każ ta’ importazzjoni maħsuba għal operazzjoni(jiet) minbarra l-operazzjonijiet ta’ rkupru interim, ipprovdi l-informazzjoni dwar l-użu previst għall-materjal li jirriżulta mill-operazzjoni(jiet) ta’ rkupru mhux temporanju.


(1)  L-informazzjoni dwar il-mistoqsija 1.1 ma għandhiex tkun meħtieġa meta l-Istat Membru jipprovdi lill-Kummissjoni b’kopja tal-formola jew tal-formoli użati biex jagħtu jew jiċħdu l-kunsens bil-miktub dwar l-importazzjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2017/852 matul is-sena ta’ rappurtar N-1.

(2)  L-informazzjoni dwar it-tip (i) ta’ operazzjoni(jiet) ta’ rimi jew ta’ rkupru għandha tiġi rrappurtata permezz tal-kodiċijiet stabbiliti fit-Taqsimiet A u B rispettivament, tal-Anness IV tal-Konvenzjoni ta’ Basel tat-22 ta’ Marzu 1989 dwar il-Kontroll tal-movimenti li jaqsmu l-fruntieri tal-iskart ta’ riskju u d-disponiment minnhom (ĠU L 39, 16.2.1993, p. 3).

(3)  L-operazzjonijiet ta’ “rimi temporanju” u “rkupru temporanju” huma kif definiti fil-paragrafi 5 u 7 rispettivament tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1).


ANNESS II

Kwestjonarju

Informazzjoni oħra għajr dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni li għandha ssir disponibbli lill-Kummissjoni mill-Istati Membri għall-finijiet tar-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/852

Nota 1: Meta t-tweġiba tal-mistoqsijiet 1.2 u/jew 2.1 tkun “iva”, ma għandhiex tkun meħtieġa informazzjoni dwar is-submistoqsijiet relatati 1.2(i) sa (v) u/jew 2.1(i) meta l-informazzjoni kollha tkun inkluża f’rapport ipprovdut mill-Istat Membru f’konformità mal-obbligu ta’ rappurtar stabbilit skont l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Minamata u meta r-rapport rilevanti jkun sar disponibbli lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) 2017/852.

Nota 2: It-tweġibiet għall-mistoqsijiet immarkati b’asterisk ( * ) mhumiex obbligatorji.

1.   L-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2017/852: Attivitajiet industrijali

1.1.

Il-proċessi tal-manifattura li ġejjin li jinvolvu l-użu tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju ġew eliminati gradwalment sad-dati msemmija fil-Parti I tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2017/852 (1)?

1.1.1.

Il-produzzjoni monomer tal-klorur tal-vinil (li għandha tiġi eliminata gradwalment sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2022)

Jekk le, ipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

(i)

Ir-raġuni(jiet) għall-kontinwazzjoni ta’ dan il-proċess ta’ manifattura wara d-data tal-eliminazzjoni gradwali;

(ii)

Il-miżura (miżuri) meħuda jew ippjanati għall-eliminazzjoni gradwali ta’ dan il-proċess tal-manifattura u l-iskeda assoċjata.

1.1.2.

Il-produzzjoni tal-kloralkali (li għandha tiġi eliminata gradwalment sa mhux aktar tard mill-11 ta’ Diċembru 2017)

Jekk le, ipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

(i)

Ir-raġuni(jiet) għall-kontinwazzjoni ta’ dan il-proċess ta’ manifattura wara d-data tal-eliminazzjoni gradwali;

(ii)

Il-miżura (miżuri) meħuda jew ippjanati għall-eliminazzjoni gradwali ta’ dan il-proċess tal-manifattura u l-iskeda assoċjata.

1.1.3.

Il-produzzjoni tal-metilat jew tal-etilat tas-sodju jew tal-potassju (li għandha tiġi eliminata gradwalment sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2028)

Jekk le, ipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

(i)

Ir-raġuni(jiet) għall-kontinwazzjoni ta’ dan il-proċess ta’ manifattura wara d-data tal-eliminazzjoni gradwali;

(ii)

Il-miżura (miżuri) meħuda jew ippjanati għall-eliminazzjoni gradwali ta’ dan il-proċess tal-manifattura u l-iskeda assoċjata.

1.1.4.

Il-produzzjoni tal-poliuretan (li għandha tiġi eliminata gradwalment sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2018)

Jekk le, ipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

(i)

Ir-raġuni(jiet) għall-kontinwazzjoni ta’ dan il-proċess ta’ manifattura wara d-data tal-eliminazzjoni gradwali;

(ii)

Il-miżura (miżuri) meħuda jew ippjanati għall-eliminazzjoni gradwali ta’ dan il-proċess tal-manifattura u l-iskeda assoċjata.

1.2.

Hemm xi installazzjonijiet fit-territorju tal-Istat Membru li jipproduċu l-metilat jew l-etilat tas-sodju jew tal-potassju bl-użu ta’ proċess tal-manifattura li jinvolvi l-użu tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju kif imsemmi fil-Parti II tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2017/852?

Jekk iva, għal kull installazzjoni kkonċernata ipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

(i)

L-identifikatur uniku li jsegwi r-rekwiżiti tad-Direttiva 2007/2/KE;

(ii)

Il-kapaċità operazzjonali annwali ta’ kull installazzjoni (t/sena) għas-sena 2017 u għas-snin ta’ wara;

(iii)

Jekk kienx jintuża jew għadux jintuża merkurju mill-estrazzjoni primarja tal-merkurju f’kull waħda mill-installazzjonijiet;

(iv)

Għas-sena 2010, il-livell ta’ rilaxx dirett u indirett minn kull installazzjoni tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju fl-arja, fl-ilma u fl-art f’termini ta’ produzzjoni għal kull unità (espress bħala kg ta’ merkurju u ta’ komposti tal-merkurju għal kull kt ta’ metilat jew tal-etilat tas-sodju jew tal-potassju prodott);

(v)

Għas-sena 2020 u s-snin wara, il-livell ta’ rilaxx dirett u indirett minn kull installazzjoni tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju fl-arja, fl-ilma u fl-art f’termini ta’ produzzjoni għal kull unità (espress bħala kg ta’ merkurju u ta’ komposti tal-merkurju għal kull kt ta’ metilat jew tal-etilat tas-sodju jew tal-potassju prodott);

2.   L-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2017/852: Estrazzjoni u pproċessar artiġjanali u fuq skala żgħira tad-deheb

2.1.

L-Istat Membru sab evidenza tal-użu tal-amalgamazzjoni tal-merkurju biex jiġi estratt id-deheb fit-territorju tiegħu ħlief għal xi każijiet iżolati?

Jekk iva, ipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

(i)

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru żviluppat u implimentat pjan nazzjonali dwar l-estrazzjoni u l-ipproċessar artiġjanali u fuq skala żgħira tad-deheb skont l-Artikolu 9(2) u l-Anness IV tar-Regolament (UE) 2017/852?

Jekk iva, ipprovdi link tal-Internet tal-pjan nazzjonali dwar l-estrazzjoni u l-ipproċessar artiġjanali u fuq skala żgħira tad-deheb.

Jekk le, ipprovdi informazzjoni dwar ir-raġunijiet għaliex ma ġiex żviluppat u implimentat pjan nazzjonali dwar l-estrazzjoni u l-ipproċessar artiġjanali u fuq skala żgħira tad-deheb u dwar il-miżuri meħuda u/jew ippjanati biex jiġi stabbilit dan il-pjan u l-iskeda assoċjata

3.   L-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2017/852: Amalgama dentali

3.1.

L-Istat Membru ffaċċa diffikultajiet kbar fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2017/852 dwar l-amalgama dentali?

Jekk iva, ipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

(i)

It-tip u l-firxa ta’ dawn id-diffikultajiet;

(ii)

Il-miżuri meħuda u/jew ippjanati biex jindirizzaw dawn id-diffikultajiet u l-iskeda assoċjata.

4.   L-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2017/852: Rapportar dwar sorsi kbar

4.1.

Skont l-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament (UE) 2017/852, agħti s-sommarju li ġej tal-informazzjoni li l-operaturi ekonomiċi bagħtu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru skont l-Artikolu 12(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament:

4.1.1.

Il-lista tal-installazzjonijiet ikkonċernati għal kull tip ta’ sors kbir imsemmi fl-Artikolu 11(a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) 2017/852, u l-identifikatur assoċjat:

(i)

Il-produzzjoni tal-kloralkali:

il-lista tal-installazzjonijiet;

L-identifikaturi uniċi li jsegwu r-rekwiżiti tad-Direttiva 2007/2/KE.

(ii)

It-tindif tal-gass naturali:

il-lista tal-installazzjonijiet;

L-identifikaturi uniċi li jsegwu r-rekwiżiti tad-Direttiva 2007/2/KE.

(iii)

L-operazzjonijiet ta’ estrazzjoni u ta’ tidwib ta’ minerali mhux ferrużi:

il-lista tal-installazzjonijiet;

L-identifikaturi uniċi li jsegwu r-rekwiżiti tad-Direttiva 2007/2/KE.

4.1.2.

L-ammont totali ta’ skart tal-merkurju maħżun f’kull installazzjoni elenkata fil-mistoqsija 4.1.1(i), (ii) u (iii) fil-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena ta’ rappurtar f’kull perjodu ta’ rappurtar, espress f’tunnellati.

4.1.3.

L-ammont totali ta’ skart tal-merkurju espress f’tunnellati mibgħut kull sena lill-faċilitajiet tal-iskart li ġejjin minn kull installazzjoni elenkati fil-mistoqsija 4.1.1 matul kull sena koperta mill-perjodu ta’ rappurtar

(i)

L-iskart totali tal-merkurju mibgħut lil faċilitajiet li jwettqu l-ħżin temporanju tal-iskart tal-merkurju;

(ii)

L-iskart totali tal-merkurju mibgħut lil faċilitajiet li jwettqu l-konverżjoni u, jekk applikabbli, is-solidifikazzjoni tal-iskart tal-merkurju;

(iii)

L-iskart totali tal-merkurju mibgħut lil faċilitajiet li jwettqu l-ħżin permanenti tal-iskart tal-merkurju.

4.2.

* Kull informazzjoni rilevanti oħra li l-Istat Membru jixtieq jagħmel disponibbli.

5.   L-Artikolu 18(1)(d) u (e) tar-Regolament (UE) Nru 2017/852: Rappurtar ieħor meħtieġ skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2017/852

5.1.

Ipprovdi l-informazzjoni li ġejja rigward il-merkurju li jinsab fit-territorju tal-Istat Membru:

(i)

Lista tas-siti fejn hemm ħażniet ta’ aktar minn 50 tunnellata metrika ta’ merkurju għajr skart tal-merkurju fil-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena ta’ rappurtar, inklużi l-identifikaturi uniċi li jsegwu r-rekwiżiti tad-Direttiva 2007/2/KE.

(ii)

L-ammont totali ta’ merkurju għajr skart tal-merkurju maħżun fil-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena ta’ rappurtar f’kull sit identifikat f’(i), espress f’tunnellati.

5.2.

Ipprovdi l-informazzjoni li ġejja rigward l-iskart tal-merkurju li jinsab fit-territorju tal-Istat Membru:

(i)

Lista tas-siti fejn hemm akkumulati aktar minn 50 tunnellata metrika ta’ skart tal-merkurju fil-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena ta’ rappurtar, inklużi l-identifikaturi uniċi li jsegwu r-rekwiżiti tad-Direttiva 2007/2/KE.

(ii)

L-ammont totali ta’ skart tal-merkurju akkumulat fil-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena ta’ rappurtar f’kull sit identifikat f’(i), espress f’tunnellati.

5.3.

Ipprovdi l-informazzjoni li ġejja jekk tkun disponibbli għall-Istat Membru:

(i)

Lista tas-sorsi li jfornu aktar minn 10 tunnellati metriċi ta’ merkurju fis-sena, inklużi l-identifikaturi uniċi li jsegwu r-rekwiżiti tad-Direttiva 2007/2/KE;

(ii)

L-ammont totali ta’ merkurju fornut fil-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena ta’ rappurtar minn kull sors identifikat f’(i), espress f’tunellati.

6.   Mistoqsijiet tal-aħħar

6.1.

*L-Istat Membru ffaċċa diffikultajiet kbar oħra fl-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/852?

Jekk iva, ipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

(i)

Spjegazzjoni tad-diffikultajiet iffaċċjati;

(ii)

Informazzjoni dwar miżuri meħuda jew ippjanati biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet iffaċċjati u l-iskeda assoċjata.

6.2.

* L-Istat Membru jista’ jaqsam l-informazzjoni dwar inizjattivi ta’ promozzjoni oħra tal-implimentazzjoni li ħa jew li qed jippjana.

(1)  It-tweġibiet u l-informazzjoni tal-mistoqsijiet 1.1.1, 1.1.2, 1.1.3 u 1.1.4 huma dovuti biss fl-ewwel rapport dovut wara d-dati tal-eliminazzjoni gradwali rilevanti.


Rettifika

23.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 269/12


Rettifika tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1790 tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-konklużjoni tar-Reviżjoni 3 tal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-adozzjoni ta' preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, it-tagħmir u l-partijiet li jistgħu jintramaw u/jew jintużaw fuq vetturi bir-roti u l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija abbażi ta' dawn il-preskrizzjonijiet (“Ftehim Rivedut tal-1958”)

(Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 274 tal-11 ta’ Ottubru 2016)

1.Fit-titolu tad-Deċiżjoni, kemm fil-paġna tal-qoxra kif ukoll f’paġna 2,

minflok:

“tat-12 ta’ Frar 2016”,

aqra:

“tas-17 ta’ Ġunju 2016”;

2.F’paġna 3, fil-formula tal-għeluq,

minflok:

“Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Frar 2016.”,

aqra:

“Magħmul fil-Lussemburgu, is-17 ta’ Ġunju 2016.”.


23.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 269/13


Rettifika tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 tas-17 ta’ Ottubru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni

(Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 9 tal-11 ta’ Jannar 2019)

F’paġna 20, fl-Artikolu 40(2),

minflok:

“B’deroga mill-paragrafu 1, id-dettalji obbligatorji msemmija fl-Artikolu 41(1), kif ukoll in-numru tal-lott, jistgħu jidhru barra mill-kamp viżiv imsemmi f’dak il-paragrafu.”,

aqra:

“B’deroga mill-paragrafu 1, id-dettalji obbligatorji msemmija fl-Artikolu 41(1), l-indikazzjoni tal-importatur u n-numru tal-lott, jistgħu jidhru barra mill-kamp viżiv imsemmi f’dak il-paragrafu.”;

F’paġna 22, fl-Artikolu 45(1),

minflok:

“L-ewwel u t-tieni subparagrafi huma mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 47 u 56.”,

aqra:

“L-ewwel u t-tieni subparagrafi huma mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 46 u 55.”;

F’paġna 29, fl-Artikolu 58(1),

minflok:

“L-Istati Membri jistgħu jagħmlu obbligatorju, jipprojbixxu jew jillimitaw l-użu tal-indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 49, 50, 52, 53 u 55 ta’ dan ir-Regolament u fl-Artikolu 13 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/34 għal prodott tad-dwieli li jkollu denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta li jiġi mmanifatturat fit-territorju tagħhom, billi jintroduċu kundizzjonijiet li jkunu aktar stretti minn dawk stabbiliti f’dan il-Kapitolu permezz tal-ispeċifikazzjonijiet korrispondenti tal-prodott ta’ dawk il-prodotti tad-dwieli.”,

aqra:

“L-Istati Membri jistgħu jagħmlu obbligatorju, jipprojbixxu jew jillimitaw l-użu tal-indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 49, 50, 52, 53 u 55 ta’ dan ir-Regolament u fl-Artikolu 14 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/34 għal prodott tad-dwieli li jkollu denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta li jiġi mmanifatturat fit-territorju tagħhom, billi jintroduċu kundizzjonijiet li jkunu aktar stretti minn dawk stabbiliti f’dan il-Kapitolu permezz tal-ispeċifikazzjonijiet korrispondenti tal-prodott ta’ dawk il-prodotti tad-dwieli.”.